Language of document : ECLI:EU:C:2014:39

Kawża C‑285/12

Aboubacar Diakité

vs

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju)]

“Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 15(ċ) – Theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ pajżan minħabba vjolenza mingħajr distinzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat – Kunċett ta’ ‘kunflitt armat intern’ – Interpretazzjoni awtonoma meta pparagunata mad-dritt internazzjonali umanitarju – Kriterji ta’ evalwazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-30 ta’ Jannar 2014

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2004/83 – Kundizzjonijiet biex jittieħed il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja – Artikoli 2(e) u 15(ċ) – Theddid serju u individwali – Kunċett ta’ kunflitt armat intern – Interpretazzjoni awtonoma fir-rigward tad-dritt internazzjonali umanitarju – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikoli 2(e) u 15(ċ))

L-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ kunflitt armat intern għandha tiġi aċċettata, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-forzi regolari ta’ Stat jikkonfrontaw grupp armat wieħed jew iktar jew meta tnejn jew diversi gruppi armati jikkonfrontaw lil xulxin, mingħajr ma jkun neċessarju li dan il-kunflitt jista’ jiġi kkwalifikat bħala kunflitt armat li ma jippreżentax natura internazzjonali fis-sens tad-dritt internazzjonali umanitarju u mingħajr ma l-intensità tal-konfrontazzjonijiet armati, il-livell ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati preżenti jew it-tul tal-kunflitt jiġi suġġett għal evalwazzjoni differenti minn dik tal-livell ta’ vjolenza preżenti fit-territorju kkonċernat.

Fil-fatt, id-dritt internazzjonali umanitarju u s-sistema tal-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva 2004/83 jsegwu għanijiet differenti u jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ protezzjoni separati b’mod ċar. Għalhekk, ħlief sabiex ma jiġux osservati l-oqsma proprji għal kull waħda mis-sistemi ddefiniti, rispettivament, mid-dritt umanitarju internazzjonali u fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 15(ċ) tagħha, il-possibbiltà li jittieħed benefiċċju minn din l-aħħar sistema ma tistax tkun suġġetta għall-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-ewwel sistema huma ssodisfatti.

Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kunflitt armat fis-sens tad-Direttiva ma għandhiex tkun suġġetta għal livell partikolari ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati fil-preżenza ta’ jew quddiem tul partikolari ta’ kunflitt, peress li dawn ikunu biżżejjed sabiex il-konfrontazzjonijiet li għalihom jidħlu dawn il-forzi armati joħolqu livell ta’ vjolenza mingħajr distinzjoni tali li jkunu jeżistu raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li pajżan li jintbagħat lura fil-pajjiż ikkonċernat jew fir-reġjun ikkonċernat, mill-fatt biss tal-preżenza tiegħu fit-territorju tiegħu, jgħaddi mir-riskju reali li jissubixxi theddid serju u individwali kontra l-ħajja u l-persuna tiegħu, li jinħoloq għalhekk bżonn reali ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant.

(ara l-punti 24, 26, 30, 34, 35 u d-dispożittiv)