Language of document : ECLI:EU:T:2011:44

Kawża T-68/08

Fédération internationale de football association (FIFA)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Xandir televiżiv — Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552/KEE — Miżuri adottati mir-Renju Unit li jirrigwardaw l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru — Tazza tad-dinja tal-futbol — Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri kompatibbli mad-dritt Komunitarju — Motivazzjoni — Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE — Dritt ta’ proprjetà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess dirett — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis kompatibbli mad-dritt Komunitarju miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 — Nuqqas ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri — Rikors tal-proprjetarju oriġinali tad-drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ avveniment imsemmija fid-deċiżjoni — Interess dirett

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Possibbiltà li persuna tkun ikkonċernata individwalment minn deċiżjoni ta’ natura ġenerali — Kundizzjonijiet — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis kompatibbli mad-dritt Komunitarju miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 — Rikors tal-proprjetarju oriġinali tad-drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ avveniment imsemmija fid-deċiżjoni — Rikorrent identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni — Rikorrent ikkonċernat individwalment

(ir-raba’ paragrafu 4 tal-Artikolu 263 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730)

3.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Possibbiltà miftuħa għall-Istati Membri li jimponu restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni — Ġustifikazzjoni — Garanzija tad-dritt għall-informazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, premessi 18 u 21; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a(1))

4.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Avvenimenti ta’ importanza primarja

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, premessa 18; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a)

5.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Proċeduri nazzjonali għad-determinazzjoni ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà

(Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a(1))

6.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet — Ġustifikazzjoni minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Evalwazzjoni fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt — Inammissibbiltà ta’ miżuri mhux konformi mad-drittijiet fundamentali

(Artikoli 46 KE u 55 KE)

7.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Restrizzjonijiet imposti minn Stat Membru ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità — Effetti indiretti fuq il-kompetizzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 89/552)

1.      L-effett tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku previst fl-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, stabbilit permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra miżuri adottati minn Stat Membru, skont l-Artikolu 3a(1), bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju, joħloq għall-Istati Membri obbligu li dawn il-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw minn dawn il-miżuri jitħarsu. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom mill-osservanza, permezz tal-awtoritajiet ta’ xandir televiżiv li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni televiżiva fl-Istat Membru inkwistjoni tal-avvenimenti inklużi fil-lista ta’ dan l-Istat Membru, kif iddefiniti minn dan tal-aħħar fil-miżuri approvati u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Issa, l-obbligu li dan ir-riżultat jintlaħaq jippreġudika direttament is-sitwazzjoni legali tal-awtoritajiet ta’ xandir televiżiv li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stati Membri minbarra l-Istat Membru li huwa l-awtur ta’ dawn il-miżuri u li jixtiequ jixtru drittijiet ta’ trażmissjoni fl-imsemmi Stat Membru miżmuma oriġinarjament mill-organizzatur ta’ avveniment. Għaldaqstant tali deċiżjoni tipproduċi b’mod dirett effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-organizzaturi ta’ tali avvenimenti, fir-rigward tad-drittijiet miżmuma oriġinarjament minnha u ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat imfittex li huwa impost b’mod awtomatiku u li jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, irrispettivament mill-kontenut tal-mekkaniżmi partikolari li l-awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu sabiex jilħqu dan ir-riżultat Għalhekk dawn l-organizzaturi huma kkonċernati direttament b’tali deċiżjoni.

(ara l-punti 35-38)

2.      Il‑persuni li ma humiex id‑destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment biss jekk din id‑deċiżjoni tippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal kif jiġi individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni.

Issa, irrispettivament min-natura legali u mis-sors tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja, din tikkostitwixxi avveniment skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, li temenda d-Direttiva 89/552 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv, fis-sens li hija organizzata bil-quddiem minn organizzatur legalment awtorizzat li jbigħ dawn id-drittijiet u din is-sitwazzjoni tgħodd ukoll fil-mument li ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552. L-imsemmi organizzatur kien perfettament identifikabbli fil-mument li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, li, barra minn hekk, tirreferi għalih b’mod partikolari, u għaldaqstant tikkonċernah individwalment.

(ara l-punti 39-42)

3.      L-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, ikkonkretizza l-possibbiltà li l-Istati Membri għandhom li jirrestrinġu, abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, l-eżerċizzju, fil-qasam tal-awdjoviżiv, tal-libertajiet fundamentali stabbiliti fid-dritt Komunitarju primarju.

Il-libertà ta’ espressjoni, kif protett bl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, jinsab fost id-drittijiet fundamentali ggarantiti mis-sistema legali Komunitarja u jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika tali restrizzjonijiet. Skont is-subartikolu 1 ta’ dan l-artikolu, il-libertà ta’ espressjoni tinkludi wkoll il-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni.

Issa, kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, li temenda d-Direttiva 89/552, il-miżuri koperti mill-Artikolu 3a ta’ din l-aħħar direttiva huma intiżi li jipproteġu d-dritt għal informazzjoni u li jiżguraw aċċess wiesa’ għall-pubbliku tat-trażmissjonijiet televiżivi ta’ avvenimenti nazzjonali jew le li jkunu ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, avveniment huwa ta’ importanza primarja meta jkun straordinarju, il-pubbliku ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru partikolari jew parti sinjifikattiva ta’ Stat Membru partikolari jkun interessat fih, u huwa organizzat bil-quddiem minn organizzatur ta’ avvenimenti li huwa awtorizzat li jbigħ id-drittijiet marbuta ma’ dan l-avveniment.

Għalhekk, peress li huma jirrigwardaw avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, il-miżuri koperti mill-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Dawn il-miżuri għandhom ulterjorment ikunu adattati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan li jsegwu u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

(ara l-punti 48, 51-54)

4.      L-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, li għalih tirreferi l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 li temenda d-Direttiva 89/552, ma jipproċedix għal armonizzazzjoni tal-avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu mill-Istati Membri bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Minn dan jirriżulta li l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma tistax tinftiehem li tfisser li l-inklużjoni tat-Tazza tad-Dinja f’lista nazzjonali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà hija awtomatikament kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Iktar u iktar, din il-premessa ma għandhiex tinftiehem bħala li tindika li t-Tazza tad-Dinja tista’ validament dejjem tiġi inkluża kollha kemm hi f’din il-lista, irrispettivament mill-interess li l-logħbiet ta’ din il-kompetizzjoni jnissel fl-Istat Membru kkonċernat.

Minkejja dan in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu minn Stat Membru bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà, ir-riferiment għat-Tazza tad-Dinja fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 jimplika li l-Kummissjoni ma tistax tqis li l-inklużjoni ta’ logħbiet ta’ din il-kompetizzjoni f’lista ta’ avvenimenti jikser id-dritt Komunitarju minħabba li l-Istat Membru kkonċernat ma kkomunikalhiex ir-raġunijiet speċifiċi li jiġġustifikaw in-natura tagħhom bħala avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Madankollu, l-eventwali konklużjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li l-inklużjoni tat-Tazza tad-Dinja kollha kemm hi f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju, għaliex din il-kompetizzjoni hija, minħabba l-karatteristiċi tagħha, validament meqjusa bħala avveniment wieħed, tista’ titqiegħed inkwistjoni abbażi ta’ elementi speċifiċi li juru li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” ma humiex daqshekk importanti għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

(ara l-punti 55, 56, 113)

5.      Il-proċeduri implementati mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, sabiex jadottaw il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà għandhom ikunu ċari u trasparenti, fis-sens li dawn għandhom jiġu bbażati fuq kriterji oġġettivi magħrufa bil-quddiem mill-persuni kkonċernati, b’mod li jiġi evitat li s-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom sabiex jiddeċiedu dwar l-avvenimenti speċifiċi li għandhom jiġu inklużi fil-listi tagħhom tiġi eżerċitata b’mod arbitrarju. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-inklużjoni ta’ avveniment fil-lista teħtieġ, skont l-imsemmi Artikolu 3a, ikun ta’ importanza primarja għas-soċjetà, xorta jibqa’ l-fatt li l-iffissar bil-quddiem tal-kriterji speċifiċi li fid-dawl tagħhom din l-importanza għandha tiġi evalwata jikkostitwixxi element essenzjali sabiex id-deċiżjonijiet nazzjonali jkunu adottati b’mod trasparenti u fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom f’dan ir-rigward. Ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ trasparenza tal-proċeduri jimplika wkoll li d-dispożizzjoni relatati magħha jindikaw l-awtorità kompetenti sabiex tiġi stabbilita l-lista ta’ avvenimenti kif ukoll il-kundizzjonijet li taħthom il-persuni kkonċernati jistgħu jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

(ara l-punti 87, 88)

6.      Meta Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet bħall-Artikoli 46 KE u 55 KE sabiex jiġġustifika leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li tipprekludi l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew tal-libertà ta’ stabbiliment, din il-ġustifikazzjoni, ipprovduta mid-dritt Komunitarju, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet ipprovduti b’dawn id-dispożizzjonijiet biss jekk hija konformi mad-drittijiet fundamentali li l-qrati Komunitarji jiżguraw l-osservanza tagħhom. Bl-istess mod, ma jistax jiġi aċċettat li miżura nazzjonali li ma hijiex konformi mad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt ta’ proprjetà, tkun tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet rikonoxxuti għaliex din tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-aċċess televiżiv għall-pubbliku ġenerali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

(ara l-punt 142)

7.      Il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li, fid-dawl tal-importanza li għandha n-natura esklużiva tat-trażmissjoni televiżiva tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja għax-xandara li jaqgħu taħt it-tieni kategorija stabbilita bil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, dawn tal-aħħar ma jinteressawx ruħhom mid-drittijiet ta’ trażmissjoni mhux esklużivi jirriżultaw indirettament mir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jagħtu lok għall-miżuri tal-Istat Membru inkwistjoni. Issa, il-Kummissjoni ma twettaqx żball meta tikkunsidra li r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi derivanti mill-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tal-imsemmi Stat Membru huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u ma huma la inapproprjati u lanqas sproporzjonati. L-effetti mill-aspett tan-numru ta’ kompetituri potenzjali, li jirriżultaw bħala konsegwenza inevitabbli ta’ dawn l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma jistgħux għaldaqstant jiġu kkunsidrati li jmorru kontra l-artikoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma għandhiex twettaq analiżi iktar fid-dettall minn dik li hija għamlet fir-rigward ta’ dawn il-konsegwenzi.

(ara l-punti 172, 173)