Language of document : ECLI:EU:C:2014:18

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Jannar 2014 (*)

“Regolament (UE) Nru 236/2012 — Bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ skambju ta’ inadempjenza tal-kreditu — Artikolu 28 — Validità — Bażi legali — Setgħat ta’ intervent mogħtija lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq f’ċirkustanzi eċċezzjonali”

Fil-Kawża C‑270/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2012,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn A. Robinson, bħala aġent, assistit minn J. Stratford, QC, u minn A. Henshaw, barrister,

            rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Neergaard u R. Van de Westelaken kif ukoll minn D. Gauci u A. Gros-Tchorbadjiyska, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn H. Legal u A. De Elera kif ukoll minn E. Dumitriu-Segnana, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas u E. Ranaivoson, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Urbani Neri, avvocato dello Stato,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. van Rijn, B. Smulders u C. Zadra kif ukoll minn R. Vasileva, bħala aġenti,

partijiet intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta (Relatur), M. Ilešič, E. Juhász, A. Borg Barthet, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, J. Malenovský, E. Levits, M. Berger, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob l-annullament tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Marzu 2012, dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps [kuntratti ta’ skambju] ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, p. 1).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) inħolqot permezz tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, p. 84, iktar ’il quddiem ir-“Regolament AETS”).

3        L-AETS, skont l-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, p. 1), tagħmel parti mis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF), li l-għan tagħha huwa li tiżgura s-superviżjoni tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni Ewropea.

4        Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, p. 12), u r-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, p. 48), għammru rispettivament lis-SESF b’Awtorità Bankarja Ewropea u b’Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol. Is-SESF hija wkoll komposta minn bord imħallat ta’ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej kif ukoll ta’ awtoritajiet kompetenti jew ta’ superviżjoni tal-Istati Membri.

5        L-Artikolu 1(2) tar-Regolament AETS jipprovdi li l-AETS “għandha taġixxi fil-qafas tas-setgħat mogħtija b’dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni [ta’ kwalunkwe] att vinkolanti [...] tal-Unjoni Ewropea li jikkonferixxi kompiti fuq l-[AETS]”.

6        L-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-regolament jippreċiżaw il-kompiti u l-kompetenzi tal-AETS. Jidher fost dawn tal-aħħar it-teħid ta’ ċerti deċiżjonijiet indirizzati lil awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lil parteċipanti fis-swieq finanzjarji.

7        L-Artikolu 9(5) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“5.      L-[AETS] tista’, b’mod temporanju, tipprojbixxi jew tirrestrinġi tipi ta’ attivitajiet finanzjarji li jkunu ta’ theddida għall-operat adatt u għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabilità tas-sistema finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha fl-Unjoni f’każijiet speċifikati u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jew, jekk ikun meħtieġ, f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza konformement ma’ u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18.

L-[AETS] għandha tirrevedi d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’intervalli adatti u mill-inqas kull tliet xhur. Jekk id-deċiżjoni ma tiġġeddidx wara perijodu ta’ tliet xhur, hija għandha tiskadi awtomatikament.

Stat Membru jista’ jitlob lill-[AETS] biex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha. F’dak il-każ l-[AETS] għandha tiddeċiedi, f’konformità mal-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1), jekk iżżommx id-deċiżjoni tagħha.

L-[AETS] tista’ wkoll tivvaluta l-ħtieġa li tipprojbixxi jew tirrestrinġi ċerti tipi ta’ attività finanzjarja, u fejn hemm bżonn bħal dan, tinforma lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-adozzjoni ta’ kwalunkwe tali projbizzjoni jew restrizzjoni.”

8        Ir-Regolament Nru 236/2012 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 114 TFUE, li jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea s-setgħa li jadottaw miżuri relatati mal-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

9        Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, l-imsemmi regolament japplika għal:

“a)      strument[i] finanzjarji fit-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) li jkunu ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar fl-Unjoni, inklużi tali strumenti meta jiġu nnegozjati barra minn ċentru tan-negozjar;

b)      derivati msemmija fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263),] relatati ma’ strumenti finanzjarji msemmija fil-punt (a) jew ma’ emittent ta’ tali strument finanzjarju, inkluż tali derivati meta nnegozjati barra ċentru tan-negozjar;

c)      strumenti ta’ dejn maħruġa minn Stat Membru jew l-Unjoni u derivati li hemm riferiment għalihom fl-Anness I it-Taqsima C il-punti (4) sa (10) tad-Direttiva 2004/39/KE relatati jew li hemm riferiment għalihom ma’ strumenti ta’ dejn maħruġa minn Stat Membru jew l-Unjoni.”

10      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 236/2012 jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘strument finanzjarju’ tfisser strument elenkat fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE;

b)      ‘bejgħ bin-nieqes’ b’rabta ma’ sehem jew strument ta’ dejn tfisser kwalunkwe bejgħ tas-sehem jew l-istrument ta’ dejn li bejjiegħ ma jkollux is-sjieda tiegħu fil-waqt tad-dħul fil-ftehim ta’ bejgħ, inkluż bejgħa fejn fil-waqt tad-dħul fil-ftehim ta’ bejgħ il-bejjiegħ ikun issellef jew ftiehem li jissellef is-sehem jew l-istrument ta’ dejn għall-konsenja fis-salduli [fis-saldu]; [...]

[...]”

11      L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, pożizzjoni li tirriżulta minn waħda minn dawn li ġejjin għandha titqies li hija pożizzjoni bin-nieqes relatata mal-kapital azzjonarju maħruġ jew dejn sovran maħruġ:

a)      bejgħ bin-nieqes ta’ sehem maħruġ minn kumpanija jew ta’ strument ta’ dejn maħruġ minn emittent sovran;

b)      id-dħul fi tranżazzjoni li toħloq jew li għandha x’taqsam ma’ strument finanzjarju għajr l-istrument imsemmi fil-punt (a) meta l-effett jew wieħed mill-effetti tat-tranżazzjoni jkun li jagħti vantaġġ finanzjarju lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun dieħla f’dik it-tranżazzjoni, fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz jew valur tas-sehem jew tal-istrument ta’ dejn.”

12      L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, intitolat “Setgħat ta’ intervent tal-AETS f’ċirkustanzi eċċezzjonali”, jipprovdi kif ġej:

“1.      Skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS għandha, suġġetta għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jew:

a)      tirrikjedi li persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom pożizzjonijiet bin-nieqes netti fir-rigward ta’ strument finanzjarju speċifiku jew klassi ta’ strumenti finanzjarji jinnotifikaw awtorità kompetenti jew jiddivulgaw lill-pubbliku d-dettalji ta’ kwalunkwe tali pożizzjoni;

b)      tipprojbixxi jew timponi kundizzjonijiet fuq id-dħul minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi f’bejgħa bin-nieqes jew tranżazzjoni li toħloq, jew tirrelata ma’, strument finanzjarju għajr l-istrumenti finanzjarji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(1) fejn l-effet jew wieħed mill-effetti tat-tranżazzjoni jkun li jagħti vantaġġ finanzjarju lill-persuna fiżika jew ġuridika fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz jew il-valur ta’ strument finanzjarju ieħor.

Miżura tista’ tapplika f’ċirkostanzi partikolari, jew tkun suġġetta għal eċċezzjonijiet, speċifikati mill-AETS. Eċċezzjonijiet jistgħu partikolarment ikunu speċifikati biex japplikaw għall-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq u l-attivitajiet tas-suq primarju.

2.      L-AETS għandha tieħu biss deċiżjoni skont il-paragrafu 1 biss jekk:

a)      il-miżuri elenkati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jindirizzaw theddida għall-funzjonament ordinat [xieraq] u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni u jkun hemm implikazzjonijiet transfruntieri; u

b)      l-ebda awtorità kompetenti ma tkun ħadet miżuri biex jindirizzaw it-theddida jew awtorità kompetenti waħda jew aktar tkun ħadet miżuri li ma jkunux jindirizzawx it-theddida adegwatament.

3.      Meta jittieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tqis sa fejn il-miżuri:

a)      jindirizzaw it-theddida b’mod sinifikattiv għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni jew li ser itejbu b’mod sinifikattiv il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti biex jimmonitorjaw it-theddida;

b)      ma’ joħolqux riskju ta’ arbitraġġ regolatorju;

c)      ma’ jkollhomx effett detrimentali fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-likwidità f’dawk is-swieq jew il-ħolqien ta’ inċertezza għall-parteċipanti fis-suq, li jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-benefiċċji tal-miżura.

Fejn awtorità kompetenti waħda jew aktar jieħdu miżuri skont l-Artikolu 18, 19, 20 jew 21, l-AETS tista’ tieħu kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mingħajr ma toħroġ l-opinjoni prevista fl-Artikolu 27.

4.      Qabel ma tiddeċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tikkonsulta l-[Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS)] u, fejn xieraq, awtoritajiet rilevanti oħra.

5.       Qabel ma tiddeċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bil-miżura li tipproponi li tieħu. In-notifika għandha tinkludi dettalji tal-miżuri proposti, il-klassi ta’ strumenti finanzjarji u t-tranżazzjonijiet li għalihom ser japplikaw, l-evidenza li tappoġġja r-raġunijiet għal dawk il-miżuri u meta jkun intenzjonat li l-miżuri jidħlu fis-seħħ.

6.       In-notifika għandha ssir mhux inqas minn 24 siegħa qabel ma jkun intenzjonat li miżura tidħol fis-seħħ jew tiġġedded. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-AETS tista’ tagħmel in-notifika inqas minn 24 siegħa qabel ma jkun intenzjonat li l-miżura tidħol fis-seħħ fejn ma jkunx possibbli li jingħata avviż ta’ 24 siegħa.

7. L-AETS għandha tippubblika fuq is-sit tal-Internet tagħha avviż ta’ kwalunkwe deċiżjoni li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1. L-avviż għandu jispeċifika tal-anqas:

a)      il-miżuri imposti inkluż l-istrumenti u l-klassijiet ta’ tranżazzjonijiet li għalihom japplikaw u d-durata tagħhom;

b)      ir-raġunijiet għaliex l-AETS taħseb li jkun meħtieġ li jiġu imposti l-miżuri, inkluża l-evidenza li tappoġġja dawn ir-raġunijiet.

8.       Wara li tiddeċiedi li timponi jew iġġedded kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bil-miżura meħuda.

9.       Miżura għandha tidħol fis-seħħ meta l-avviż jiġi ppubblikat fuq is-sit tal-Internet tal-AETS jew f’ħin speċifikat fl-avviż jiġifieri wara l-pubblikazzjoni tiegħu u għandha tapplika biss fir-rigward ta’ tranżazzjoni li titwettaq wara li l-miżura tkun daħlet fis-seħħ.

10.      L-AETS għandha teżamina l-miżura msemmija fil-paragrafu 1 wara intervalli xierqa u tal-anqas kull tliet xhur. Jekk il-miżura ma tiġġeddidx sal-aħħar ta’ tali perijodu ta’ tliet xhur, din għandha awtomatikament tiskadi. Il-paragrafi 2 sa 9 għandhom ikunu applikabbli għat-tiġdid tal-miżuri.

11.       Miżura adottata mill-AETS skont dan l-Artikolu għandha tieħu preċedenza fuq kwalunkwe miżura oħra preċedenti meħuda minn awtorità kompetenti skont it-Taqsima 1.”

13      L-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 236/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 42 ta’ dan tal-aħħar, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-kriterji u l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-AETS sabiex din tiddetermina, fost l-oħrajn, f’liema każijiet iseħħu t-theddidiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 28(2).

14      Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 918/2012, tal-5 ta’ Lulju 2012, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 236/2012, fir-rigward tad-definizzjonijiet, il-kalkolu ta’ pożizzjonijiet bin-nieqes netti, swaps [kuntratti ta’ skambju] ta’ inadempjenza tal-kreditu sovrani koperti, livelli limitu ta’ notifika, livelli limitu ta’ likwidità għas-sospensjoni tar-restrizzjonijiet, waqgħat sinifikanti fil-valur tal-istrumenti finanzjarji u avvenimenti avversi (ĠU L 274, p. 1), jipprovdi fl-Artikolu 24(3) tiegħu:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 28(2)(a) [tar-Regolament Nru 236/2012], theddida għall-funzjonament xieraq u l-integrità ta’ swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi jew parti minnha fl-Unjoni għandha tfisser:

a)      kwalunkwe theddida ta’ instabbiltà finanzjarja serja, monetarja jew baġitarja li tikkonċerna Stat Membru jew lis-sistema finanzjarja fi Stat Membru meta din tista’ thedded serjament il-funzjonament xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha fl-Unjoni jew ta’ parti minnha;

b)      il-possibbiltà ta’ inadempjenza minn kwalunkwe Stat Membru jew emittent supranazzjonali;

c)      kwalunkwe ħsara serja lill-istrutturi fiżiċi ta’ emittenti finanzjarji importanti, infrastrutturi tas-suq, sistemi ta’ kklerjar u ta’ saldu, u superviżuri li jistgħu jaffettwaw b’mod serju swieq transkonfinali b’mod partikolari fejn tali ħsara tirriżulta minn diżastru naturali jew attakk terroristiku meta dan jista’ jhedded b’mod serju l-funzjonament xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha fl-Unjoni jew ta’ parti minnha;

d)      kwalunkwe disturb serju fi kwalunkwe sistema ta’ pagamenti jew proċess ta’ saldu, b’mod partikolari meta jkun relatat ma’ operazzjonijiet interbankarji, li jikkawża jew li jista’ jikkawża pagamenti sinifikanti jew nuqqasijiet ta’ saldu jew dewmien fis-sistemi ta’ pagamenti transkonfinali tal-Unjoni, speċjalment meta dawn jistgħu jwasslu għall-propagazzjoni ta’ stress finanzjarju jew ekonomiku fis-sistema finanzjarja kollha fl-Unjoni jew f’parti minnha.”

15      Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 827/2012 tad-29 ta’ Ġunju 2012 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-mezzi għad-divulgazzjoni pubblika ta’ pożizzjoni netta f’ishma, il-format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fir-rigward tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti, it-tipi ta’ ftehimiet, arranġamenti u miżuri li jiżguraw b’mod xieraq li ishma jew strumenti ta’ dejn sovran huma disponibbli għas-saldu u d-dati u l-perjodu għad-determinazzjoni taċ-ċentru ewlieni għal sehem skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 251, p. 11).

16      L-Anness 1, Taqsima Ċ, tad-Direttiva 2004/39 jiddefinixxi l-kunċett ta’ strumenti finanzjarji kif ġej:

“1.       It-titoli trasferibbli ta’ sigurta.

2.       L-istrumenti tas-suq tal-flus.

3.       L-unitajiet fl-investiment kollettiv ta’ l-impriżi.

4.      Il-għażliet, ix-xiri bil-prezz miftiehem imma mħallas wara, it-tpartit, il-ftehimijiet b’rata bil-quddiem u kull kuntratt ieħor tad-derivattivi li għandu x’jaqsam mat-titoli, ir-rati jew ir-riżultat tal-produzzjoni ta’ l-imgħax, jew strumenti oħra tad-derivattivi, indiċijiet finanzjarji jew miżuri finanzjarji li jistgħu jiġu solvuti b’mod fiżiku jew fi flus fil-pront.

5.      Il-għażliet, ix-xiri bi prezz miftiehem imma mħallas bil-quddiem, il-ftehimijiet tar-rata bil-quddiem u kull kuntratt ta’ derivattivi li jkollu x’jaqsam mal-merkanzija li jrid jiġi solvut fi flus fil-pront_jew fi flus fil-pront fuq il-għażla ta’ waħda mill-partijiet (inkella milli minħabba kontumaċja jew ġrajja ta’ terminazzjoni).

6.       Il-għażliet, ix-xiri bil-prezz miftiehem imma mħallas wara, it-tpartit u kull kuntratt ieħor ta’ derivattivi li jkollu x’jaqsam mal-merkanzija li jkunu jistgħu jiġu solvuti b’mod fiżiku, sakemm ikunu ikkummerċjati f’suq irregolat u/jew [sistema multilaterali ta’ kummerċ (multilateral trading facility)(MTF)].

7.      Il-għażliet, ix-xiri bil-prezz miftiehem imma mħallas wara, it-tpartit, il-għoti bil-quddiem (‘forwards’) u kull kuntratt ieħor ta’ derivattivi li jkollu x’jaqsam mal-merkanzija, li jkunu jistgħu jiġu solvuti b’mod fiżiku mhux imsemmi xorta oħra fiċ-Ċ.6 u li ma jkunux għal għanijiet kummerċjali, li jkollhom il-karatteristiċi ta’ strumenti finanzjarji oħra ta’ derivattivi, filwaqt li jitqies, fost ħwejjeġ oħra, li jiġu kklerjati u solvuti permezz ta’ l-uffiċċji kkonoxxuti tal-clearance jew ikunu bla ħsara għas-sejħiet regolari tal-marġini.

8.      L-istrumenti tad-derivattivi għat-trasferiment tar-riskju tal-kreditu.

9.      Il-kuntratti finanzjarji għad-differenzi.

10.      Il-għażliet, ix-xiri bil-prezz miftiehem imma mħallas wara, it-tpartit, il-ftehimijiet tar-rati bil-quddiem u kull kuntratt ieħor ta’ derivattivi li jkollhom x’jaqsmu mal-varjanti klimatiċi, ir-rati tal-ġarr tal-merkanzija, il-konċessjonijiet dwar l-emissjonijiet jew ir-rati ta’ l-inflazzjoni jew statistiċi ekonomiċi oħra uffiċjali li jridu jiġu solvuti fi flus fil-pront jew jistgħu jiġu solvuti fi flus fil-pront fuq il-għażla ta’ waħda mill-partijiet (inkella minħabba kontumaċja jew grajja oħra ta’ terminazzjoni), kif ukoll kull kuntratt ta’ derivattivi li jkolli x’jaqsam ma’ l-attivi, id-drittijiet, l-obbligi, l-indiċijiet jew il-miżuri mhux imsemmija xorta oħra f’din it-Taqsima, li jkollhom il-karatteristiċi ta’ strumenti finanzjarji oħra ta’ derivattivi, filwaqt li jitqies jekk, fost ħwejjeġ oħra jiġux ikkummerċjati f’suq irregolat jew MTF, jiġux ikklerjati u solvuti permezz ta’ uffiċċji kkonoxxuti tal-clearance jew ikunu bla ħsara għal sejħiet regolari tal-marġini.”

17      Sabiex tiżgura l-funzjonament xieraq tas-SESF, id-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010 emendat id-Direttivi 98/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331, p. 120).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

18      Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, u

–        tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

19      Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors, u

–        tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

20      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fit-totalità tiegħu bħala infondat, u

–        tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

21      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2013, intlaqgħu t-talbiet tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana u tal-Kummissjoni sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

 Fuq l-eventwali ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

22      Permezz ta’ ittri bid-data tal-24 ta’ Settembru 2013, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni semmew il-possibbiltà ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      F’dan ir-rigward, dawn it-tliet istituzzjonijiet indikaw li l-argument prinċipali mressaq fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, jiġifieri l-kwistjoni tal-għoti ta’ ċerti setgħat deċiżjonali lill-AETS abbażi tal-Artikolu 114 TFUE, “ma tqajmet mill-ebda waħda mill-partijiet” u tikkostitwixxi, għaldaqstant, “argument ġdid” li dwaru l-partijiet ma kellhomx il-possibbiltà li jippronunzjaw ruħhom.

24      Għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-Artikolu 114 TFUE u li l-argument imsemmi iktar ’il fuq ġie trattat matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-elementi ddikjarati fl-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, ma hemmx lok li jintlaqa’ s-suġġeriment magħmul.

 Fuq ir-rikors

 Osservazzjoni preliminari

26      Fir-rigward tas-suġġett tar-rikors, għandu jiġi osservat li r-rikorrent qed ifittex biss l-annullament tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 u ma jikkontestax l-istabbiliment tal-AETS.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji li jikkonċernaw id-delega tas-setgħat iddikjarati fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja

 L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-Renju Unit jispeċifika, insostenn tal-ewwel motiv tiegħu, ħames argumenti.

28      Fl-ewwel lok, ir-Renju Unit isostni li deċiżjoni tal-AETS dwar il-kwistjoni jekk il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 236/2012 humiex sodisfatti timplika “setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna”. B’mod partikolari, il-fatt li jiġi ddeterminat jekk teżistix jew le “theddida” għall-funzjonament xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha jikkostitwixxi fih innifsu “evalwazzjoni ferm suġġettiva”. Il-fatt li l-Istati Membri adottaw approċċi diverġenti fir-rigward tal-bejgħ bin-nieqes juri n-natura diskrezzjonali tal-għażliet li jsiru.

29      Ir-Renju Unit iqis li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-awtoritajiet kompetenti adottawx jew le miżuri biex jilqgħu għal tali theddida jew jekk adottawx miżuri li ma humiex adegwati biex jindirizzaw tali theddida, l-AETS għandha tadotta deċiżjonijiet li jistgħu jkunu kontroversjali. L-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet tassoċja dan l-organu mal-implementazzjoni ta’ politika ekonomika reali u tobbliga lill-AETS tarbitra kunflitti bejn diversi interessi pubbliċi, tagħmel ġudizzji ta’ valur jew tipproċedi għal evalwazzjonijiet finanzjarji kumplessi.

30      Fit-tieni lok, ir-Renju Unit iqis li l-AETS, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 236/2012, għandha firxa wiesgħa ta’ għażliet fir-rigward tal-miżura jew tal-miżuri li għandhom jiġu imposti kif ukoll l-eventwali eċċezzjonijiet li għandhom jiġu previsti. Dawn l-għażliet għandhom implikazzjonijiet sinjifikattivi ferm fil-qasam tal-politika ekonomika u finanzjarja.

31      Ir-Renju Unit jippreċiża li l-AETS għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa ferm meta hija tiddetermina l-mod li bih għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi elenkati fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament Nru 236/2012. Dan it-tip ta’ deċiżjonijiet jeżiġi analiżi ta’ implikazzjonijiet sinjifikattivi f’termini tal-politika ekonomika, bħall-effetti fuq il-likwidità u l-livell ta’ inċertezza maħluqa fis-swieq finanzjarji, elementi li, min-naħa tagħhom, jinvolvu konsegwenzi fit-tul fuq il-kunfidenza ġenerali fis-swieq. Hemm jinvolvu “ġudizzji fuq il-mertu indeterminabbli” li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala deċiżjonijiet adottati abbażi ta’ kriterji stabbiliti u li jistgħu jiġu eżaminati oġġettivament.

32      Fit-tielet lok, ir-Renju Unit jindika li, fl-għażla tagħha ta’ miżuri li għandhom jittieħdu, l-AETS għandha tiġi ggwidata mill-fatturi msemmija fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament Nru 236/2012. Issa, l-imsemmija fatturi jinkludu “kriterji ferm suġġettivi”. Barra minn hekk, l-AETS għandha setgħa diskrezzjonali importanti fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji ddikjarati fl-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, din tal-aħħar ma tippreċiżax l-azzjoni li għandha tittieħed mill-AETS jekk hija tqis, pereżempju, li miżura li hija tipproponi li għandha tiġi adottata jista’ jkollha effett dannuż fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji li jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-benefiċċji mistennija.

33      Fir-raba’ lok, ir-Renju Unit isostni li, anki jekk il-miżuri meħudin mill-AETS huma fit-teorija temporanji, dan bl-ebda mod ma jbiddel in-natura bażika tagħhom. Anki projbizzjonijiet temporanji li jipprevedu tranżazzjonijiet fis-swieq finanzjarji jistgħu jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi fit-tul, b’mod partikolari impatt fuq il-likwidità tas-swieq, u jikkawżaw effetti li potenzjalment idumu fiż-żmien fuq il-kunfidenza ġenerali f’dawn tal-aħħar. Il-prinċipji stabbiliti permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, Ġabra p. 9), japplikaw fil-fatt kemm għal miżuri permanenti kif ukoll għal miżuri temporanji.

34      Fil-ħames lok, ir-Renju Unit jargumenta li, anki jekk l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jwassalx lill-AETS tagħmel għażliet politiċi fil-forma ta’ deċiżjonijiet tal-politika makroekonomika, jibqa’ jmur kontra l-prinċipju stabbilit fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, bħall-organi li kienu s-suġġett ta’ din is-sentenza, l-AETS għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna fir-rigward tal-applikazzjoni tal-politika inkwistjoni.

35      Il-Parlament iqis li dawn ma humiex kunsiderazzjonijiet politiċi, iżda analiżi professjonali kumplessi li jordnaw id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu. Mill-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 236/2012 jirriżulta li miżura ta’ azzjoni hija awtorizzata biss jekk hija intiża sabiex tindirizza theddid speċifikat ferm. Dawn il-miżuri li għandhom jittieħdu jeħtieġu livell għoli ta’ informazzjoni u ta’ kompetenza kemm teknika kif ukoll ekonomika. Barra minn hekk, is-setgħat mogħtija lill-AETS huma maħsuba biex jippermettu intervent ta’ malajr u bħala reazzjoni għal theddida imminenti.

36      Il-Parlament iżid li s-setgħat mogħtija taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 huma s-suġġett ta’ kriterji u ta’ limitazzjonijiet speċifiċi sew. Huma implementati fil-kuntest ta’ metodu u ta’ prattika ta’ superviżjoni professjonali li huma parti minn kuntest leġiżlattiv u regolamentari li ma jistax jitqabbel ma’ dak li kien is-suġġett tas-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq.

37      Il-Kunsill jenfasizza li l-AETS ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali li tikkonċerna l-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, iżda li hija obbligata tadottahom jekk ċerti ċirkustanzi jkunu preżenti, jiġifieri l-eżistenza ta’ theddida għall-funzjonament xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

38      Il-Kunsill isostni li l-AETS għandha teżerċita, fost l-attivitajiet kollha tagħha, inklużi dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, ċerta setgħa diskrezzjonali biex tikklassifika fatti fid-dawl tar-regoli tad-dritt. Tali setgħa hija madankollu konformi mas-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, teżisti differenza bejn is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa msemmija f’din is-sentenza u l-kapaċità li jiġu adottati deċiżjonijiet ta’ natura eżekuttiva f’kuntest fattwali partikolari.

39      Il-Kummissjoni ssostni li s-setgħat mogħtija lill-AETS taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 huma konformi mal-ekwilibriju ta’ setgħat miktub fit-trattati, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Mis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod partikolari li anki fl-assenza ta’ kull riferiment għal delega ta’ setgħat fit-Trattat KEFA, istituzzjoni, fiċ-ċirkustanzi ddikjarati fl-imsemmija sentenza, tista’ tiddelega setgħat deċiżjonali ta’ eżekuzzjoni delimitati lil organu distint, ġaladarba tali delega ma tikkostitwixxix spostament reali ta’ responsabbiltà li fih l-għażliet tal-awtorità li tirċievi d-delega jissostitwixxu dawk tal-awtorità li tiddelega.

40      Il-Kummissjoni tqis li ma huwiex ipprojbit għall-organi tal-Unjoni, bħall-AETS, li jistgħu jingħataw setgħat deċiżjonali ta’ natura eżekuttiva, li jevalwaw fatti msemmija mil-leġiżlazzjoni rilevanti li jimplikaw mhux għażliet li jirriflettu politika ekonomika, iżda biss evalwazzjoni teknika fil-qasam ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom. Miżura magħżula mill-AETS għandha tippermetti li jiġi ggarantit il-funzjonament xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kollha jew ta’ parti minnha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-paġni 43, 44 u 47 ta’ din tal-aħħar, enfasizzat, essenzjalment, li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn delega ta’ setgħat huma differenti ħafna skont jekk din tal-aħħar tirrigwardax, min-naħa, setgħat ta’ eżekuzzjoni delimitati b’mod ċar u li l-użu tagħhom, għalhekk, jista’ jkun suġġett għal kontroll rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtorità li tiddelega, jew, min-naħa l-oħra, “setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ diskrezzjoni wiesgħa, li tista’ tirriżulta skont l-użu li jsir minnha, f’politika ekonomika reali”.

42      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li delega tal-ewwel tip ma tistax tbiddel b’mod sinjifikattiv il-konsegwenzi li jwassal għalihom l-eżerċizzju tas-setgħat li hija taffettwa, filwaqt li delega tat-tieni tip, billi tissostitwixxi l-għażliet tal-awtorità ddelegata flok dawk tal-awtorità li tiddelega, topera “spostament reali ta’ responsabbiltà”. Fir-rigward tal-kawża li tat lok għas-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li d-delega tas-setgħat mogħtija mill-Awtorità Għolja lill-organi inkwistjoni permezz tad-Deċiżjoni tagħha Nru 14-55, tas-26 ta’ Marzu 1955, li tistabbilixxi mekkaniżmu finanzjarju li jippermetti li tiġi żgurata provvista regolari ta’ ruttam tas-suq komuni, (ĠU 1955, 8, p. 685), kienet tagħtihom “libertà diskrezzjonali li timplika setgħa diskrezzjonali wiesgħa” u ma tistax titqies kompatibbli mar-“rekwiżiti tat-trattat”.

43      Għandu jiġi osservat li l-organi inkwistjoni, imsemmija fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, kienu entitajiet irregolati taħt id-dritt privat, filwaqt li l-AETS hija entità tal-Unjoni maħluqa mil-leġiżlatur ta’ din tal-aħħar.

44      Fir-rigward tas-setgħat mogħtija lill-AETS abbażi tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li din id-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda kompetenza indipendenti lill-imsemmija entità li tmur lil hinn mill-qafas regolatorju stabbilit permezz tar-Regolament AETS.

45      Għandu jiġi kkonstatat, imbagħad, li, b’mod differenti mis-setgħat iddelegati lill-organi inkwistjoni, li kienu s-suġġett tas-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 huwa rregolat b’diversi kriterji u kundizzjonijiet li jiddelimitaw il-kamp ta’ azzjoni tal-AETS.

46      Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-AETS hija awtorizzata tieħu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 236/2012 biss jekk, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-imsemmija miżuri jindirizzaw theddid għall-funzjonament xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha fl-Unjoni u jekk ikun hemm implikazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, il-miżuri kollha tal-AETS huma suġġetti għall-kundizzjoni jew li l-ebda awtorità nazzjonali kompetenti ma tkun ħadet miżuri biex tilqa’ għal dan it-theddid, jew li waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet ħadet miżuri li ma jirriżultax li huma xierqa biex jindirizzaw tali theddid.

47      Fit-tieni lok, meta tieħu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 236/2012, l-AETS għandha tivverifika, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, f’liema miżura huma jippermettu li tiġi indirizzata b’mod sinjifikattiv it-theddida għall-funzjonament xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha fl-Unjoni, jew li tittejjeb b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jimmonitorjaw it-theddida, huma ma joħolqux riskju ta’ arbitraġġ regolatorju u ma jkollhomx effett dannuż fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-likwidità f’dawk is-swieq jew il-ħolqien ta’ inċertezza għall-parteċipanti fis-suq, li jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-benefiċċji mistennija.

48      Minn dan jirriżulta li, qabel kull teħid ta’ deċiżjoni, l-AETS għandha għalhekk teżamina numru importanti ta’ fatturi indikati fl-Artikolu 28(2) u (3) tar-Regolament Nru 236/2012, billi dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ natura kumulattiva.

49      Barra minn hekk, iż-żewġ tipi ta’ miżuri li l-AETS tista’ tieħu abbażi tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 236/2012 huma strettament limitati għal dawk imsemmija fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament AETS.

50      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 28(4) u (5) tar-Regolament Nru 236/2012, l-AETS għandha tikkonsulta l-BERS u, fejn xieraq, awtoritajiet rilevanti oħra kif ukoll bl-obbligu li tinnotifika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bil-miżura li tipproponi li tieħu b’mod partikolari d-dettalji tal-miżura proposta u l-evidenza li tiġġustifika r-raġunijiet li għalihom hija għandha tiġi adottata. L-AETS għandha wkoll teżamina mill-ġdid il-miżuri b’intervalli xierqa u mill-inqas kull tliet xhur. Għaldaqstant, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-AETS hija limitata kemm permezz tal-obbligu ta’ konsultazzjoni msemmi iktar ’il fuq u bin-natura temporanja tal-miżuri awtorizzati li, iddefiniti abbażi tal-aħjar prattiki eżistenti fil-qasam tas-superviżjoni u fid-dawl ta’ informazzjoni suffiċjenti, jittieħdu b’risposta għal theddida li teżiġi intervent fuq il-livell tal-Unjoni.

51      Il-gwida dettaljata tas-setgħat ta’ intervent mogħtija lill-AETS hija wkoll enfasizzata fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 236/2012 fejn jingħad li l-Kummissjoni għandha tiġi awtorizzata tadotta atti delegati skont l-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament li jispeċifikaw il-kriterji u l-fatturi li għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet kompetenti u mill-AETS sabiex jiġi ddeterminat f’liema każijiet iseħħu ċerti avvenimenti jew żviluppi żvantaġġużi kif ukoll it-theddidiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 28(2) tal-imsemmi regolament.

52      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 918/2012 jerġa’ jenfasizza iktar l-evalwazzjoni fattwali ta’ natura teknika li għandha titwettaq mill-AETS. Fil-fatt, il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jillimita s-setgħat ta’ intervent tal-AETS f’ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari billi jispeċifika t-tip ta’ theddida li tista’ twassal lill-AETS tintervjeni fis-swieq finanzjarji.

53      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li s-setgħat li għandha l-AETS, abbażi tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, huma rregolati b’mod preċiż u huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti mill-awtorità li tiddelega. Dawn is-setgħat huma, għaldaqstant, konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq.

54      L-imsemmija setgħat ma jimplikawx, għalhekk, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent, li l-AETS għandha “setgħa diskrezzjonali wiesgħa” inkompatibbli mat-Trattat FUE fis-sens tal-imsemmija sentenza.

55      Għaldaqstant, l-ewwel motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ prinċipju stabbilit fis-sentenza Romano

 L-argumenti tal-partijiet

56      Ir-Renju Unit iqis li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jawtorizza lill-AETS tadotta “atti kważi leġiżlattivi” ta’ portata ġenerali u li tali fakultà tikser il-prinċipju stabbilit fis-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1981, Romano (98/80, Ġabra p. 1241).

57      Ir-Renju Unit josserva li projbizzjoni ta’ bejgħ bin-nieqes taffettwa l-persuni kollha li jwettqu tranżazzjonijiet permezz ta’ dan l-istrument jew ta’ din il-kategorija ta’ strumenti. Għaldaqstant ma hijiex deċiżjoni individwali jew saħansitra sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali, minkejja li tali miżura hija limitata għal firxa ristretta ħafna ta’ valuri, iżda “miżura normattiva ta’ portata ġenerali”.

58      Il-Parlament isostni li s-setgħa li jiġu ppromulgati projbizzjonijiet abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni sempliċement tawtorizza intervent fil-kuntest ta’ strumenti finanzjarji partikolari. F’dan is-sens, l-atti li jistgħu jiġu adottati huma dejjem ta’ natura eżekuttiva. Fid-dawl tan-natura teknika tagħhom, dawn l-atti, peress li jipprovdu rispons temporanju, huma deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni, minkejja li jistgħu jinkludu ċerti elementi ta’ natura ġenerali.

59      Il-Parlament isostni li l-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-AETS abbażi tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ma jistgħux jiġu assimilati għal dispożizzjonijiet “kważi leġiżlattivi” jew għal aspett “normattiv” fis-sens tas-sentenza Romano, iċċitata iktar ’il fuq. Fost il-miżuri kollha li jistgħu jittieħdu taħt dan l-artikolu, tliet elementi oħra jenfasizzaw in-natura eżekuttiva tad-deċiżjonijiet tal-AETS, jiġifieri d-dimensjoni teknika, ir-rieda mill-miżura inkwistjoni li tipprovdi risposta għal sitwazzjoni partikolari u n-natura temporanja tal-intervent.

60      Il-Kunsill jindika li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx riferiment għall-kunċett “ta’ atti kważi leġiżlattivi” u lanqas għal dak ta’ “atti ta’ portata ġenerali” fis-sentenza Romano, iċċitata iktar ’il fuq, u lanqas f’ebda sentenza sussegwenti. Għaldaqstant, l-imsemmija sentenza għandha tinftiehem fis-sens li tipprojbixxi l-għoti ta’ setgħat leġiżlattivi lil korpi oħra ħlief lil-leġiżlatur tal-Unjoni.

61      Il-Kunsill ifakkar li, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, l-AETS hija obbligata tadotta deċiżjoni meta ċerti ċirkustanzi jkunu preżenti, u dawn tal-aħħar huma ddefiniti hemm, kif huma l-kriterji jiddefinixxu l-kontenut ta’ dawn il-miżuri. Għaldaqstant, l-AETS tillimita ruħha li tipprattika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’mod li d-deċiżjonijiet imsemmija fl-imsemmija dispożizzjoni għandhom mhux natura leġiżlattiva, iżda natura eżekuttiva.

62      Il-Kummissjoni tispjega li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Romano, iċċitata iktar ’il fuq, ma kienx possibbli li l-atti adottati mill-entità inkwistjoni, anki jekk huma ta’ portata ġenerali, jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset għalhekk, ġustament, li dan l-għoti ta’ setgħat ta’ adozzjoni tal-atti li huma ta’ natura normattiva ma kienx konformi mat-Trattat FUE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63      Sabiex tingħata risposta għat-tieni motiv, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 20 tas-sentenza Romano, iċċitata iktar ’il fuq, osservat li kien jirriżulta, kemm mid-dritt primarju fil-qasam tal-kompetenzi mogħtija mill-Kunsill lill-Kummissjoni għall-eżekuzzjoni tar-regoli li dan tal-ewwel jistabbilixxi kif ukoll mis-sistema ġudizzjarja implementata mit-Trattat [KEE] li korp, bħal dak inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, f’dan il-każ kummissjoni amministrattiva, ma tistax tiġi awtorizzata mill-Kunsill sabiex tadotta “atti li huma ta’ natura normattiva”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni ta’ tali korp, minkejja li tista’ tipprovdi għajnuna lill-istituzzjonijiet bir-responsabbiltà li japplikaw id-dritt tal-Unjoni, ma hijiex ta’ natura li tobbliga lil dawn tal-aħħar isegwu ċerti metodi jew li jadottaw ċerti interpretazzjonijiet meta huma japplikaw ir-regoli tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-deċiżjoni inkwistjoni adottata minn din il-kummissjoni amministrattiva “ma kinitx torbot” lill-qorti tar-rinviju.

64      Ċertament, mill-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jirriżulta li l-AETS hija mitluba tadotta, abbażi ta’ dan l-artikolu, f’ċirkustanzi strettament limitati, atti ta’ portata ġenerali. Dawn l-atti jistgħu jinkludu wkoll regoli indirizzati lil kull persuna fiżika jew ġuridika li għandha strument finanzjarju speċifiku jew kategorija partikolari ta’ strumenti finanzjarji jew li twettaq ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji.

65      Din il-konstatazzjoni, madankollu, ma timplikax li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jikser il-prinċipju ddikjarat fis-sentenza Romano, iċċitata iktar ’il fuq. Hemm lok, fil-fatt, li jitfakkar li l-kuntest istituzzjonali stabbilit permezz tat-Trattat FUE, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 277 TFUE, jippermetti b’mod espliċitu lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni jadottaw atti ta’ portata ġenerali.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi dedott mis-sentenza Romano, iċċitata iktar ’il fuq, li d-delega tas-setgħat għal istanza bħalma hija l-AETS hija rregolata permezz ta’ kundizzjonijiet differenti minn dawk stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, u mfakkra fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza.

67      Issa, kif jirriżulta mill-evalwazzjoni tal-ewwel motiv invokat mir-Renju Unit, dan tal-aħħar ma stabbilixxiex li d-delega ta’ setgħat lill-AETS, li tirriżulta mill-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, tmur kontra l-imsemmija kundizzjonijiet u, b’mod partikolari, kontra dik li tipprovdi li din id-delega tista’ tirrigwarda biss setgħat ta’ eżekuzzjoni, iddefiniti b’mod eżatt.

68      Konsegwentement, it-tieni motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq delega ta’ setgħat inkompatibbli mal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

69      Ir-Renju Unit isostni li, peress li l-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE jiddelimitaw iċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni tista’ tingħata ċerti setgħat, it-trattati ma jagħtu l-ebda kompetenza lill-Kunsill biex jiddelega setgħat bħal dawk previsti fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 lil organu tal-Unjoni.

70      Ir-Renju Unit jispjega li kull projbizzjoni ta’ bejgħ bin-nieqes taħt l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 236/2012 tirrigwarda l-persuni kollha li jwettqu tranżazzjonijiet permezz ta’ dan l-istrument jew ta’ din il-kategorija ta’ strumenti. Għaldaqstant hija miżura ta’ portata ġenerali li ma tistax tingħata lil tali korp.

71      Il-Parlament josserva li, ċertament, l-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE ma jipprevedux l-għoti tas-setgħat lil organu tal-Unjoni. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jindikawx madankollu li s-setgħat li jistgħu jingħataw lil tali entità għandhom ikunu iktar restrittivi milli kienu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni tista’ teżerċita setgħat taħt l-imsemmija artikoli ma jeskludix il-possibbiltà li tagħti setgħat oħra lil tali organu.

72      Il-Parlament iqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jagħti setgħat lil organu tal-Unjoni bil-għan li jiġu adottati miżuri li huma ta’ natura eżekuttiva f’oqsma li għandhom bżonn għarfien tekniku speċifiku. Dawn is-setgħat ma għandhomx, madankollu, jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ leġiżlazzjoni ta’ natura ġenerali li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “normattivi” jew li jeħtieġu setgħat diskrezzjonali reali. Sa fejn is-setgħat huma ddefiniti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, huma ta’ natura ta’ eżekuzzjoni u huma rregolati permezz ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura professjonali, teknika jew xjentifika ma jikkawżawx danni lill-bilanċ istituzzjonali.

73      Il-Kunsill jammetti li l-ebda dispożizzjoni tat-trattati ma tagħmel riferiment speċifiku għad-delega ta’ setgħat lil organi tal-Unjoni. Madankollu, dan ma jimplikax li kull għoti ta’ dan it-tip mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa inkompatibbli mal-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE. Fil-fatt, in-natura tal-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-AETS abbażi tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 hija totalment differenti minn dik tal-atti adottati skont l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

74      Il-Kunsill josserva li l-Artikolu 290 TFUE jipprovdi biss rekwiżiti proċedurali fil-qasam tal-kontroll tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni f’dak li jirigwarda l-adozzjoni ta’ atti ddelegati, li l-għan tagħhom huwa li “jikkompletaw jew [li] jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ l-att leġislattiv”.

75      Fir-rigward tal-atti ta’ eżekuzzjoni li jistgħu jiġu adottati taħt l-Artikolu 291 TFUE, il-Kunsill josserva li dan l-artikolu ma jsemmi l-ebda restrizzjoni proċedurali, bl-eċċezzjoni ta’ obbligu, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jadotta dispożizzjonijiet dwar l-implementazzjoni tal-kompetenzi li huma msemmija fih.

76      Il-Kummissjoni tindika li, bil-kontra tad-delega ta’ setgħat kważi leġiżlattivi, irregolata fl-Artikolu 290 TFUE, it-trattati ma jispeċifikawx jekk setgħat ta’ eżekuzzjoni jistgħux jiġu ddelegati, u lanqas f’liema miżura jistgħu jiġu ddelegati Fir-rigward tal-kompetenzi tal-eżekuzzjoni, l-Artikoli 17 TUE u 291 TFUE ma jeskludux li l-leġiżlatur tal-Unjoni jew il-Kummissjoni jista’, fil-prinċipju, jiddelega tali kompetenzi lil entità mhux istituzzjonali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jinvolvi delega ta’ setgħat mhux lill-Kummissjoni, iżda lil korp jew organu tal-Unjoni.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi u sabiex tingħata risposta għal dan it-tielet motiv, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti deċiżjoni fuq il-kwistjoni jekk l-awturi tat-Trattat FUE kellhomx l-intenzjoni jistabbilixxu, fl-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE kuntest ġuridiku wieħed biss li jippermetti li jiġu assenjati esklużivament lill-Kummissjoni ċerti setgħat iddelegati u ta’ eżekuzzjoni jew jekk sistemi oħra ta’ delega ta’ tali setgħat lil korpi jew lil organi tal-Unjoni jistgħux jiġu previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

79      Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, minkejja li huwa minnu li t-trattati ma jinkludu l-ebda dispożizzjoni li tipprevedi l-għoti ta’ kompetenzi lil korp jew lil organu tal-Unjoni, madankollu, diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE jassumu li tali possibbiltà teżisti.

80      Fil-fatt, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-entitajiet tal-Unjoni li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa tal-istħarriġ ġudizzjarju jinkludu l-“korpi”, u l-“organi” tal-Unjoni. Ir-regoli tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni japplikaw għalihom skont l-Artikolu 265 TFUE. Skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ atti ta’ dawn l-entitajiet jistgħu jiġu rrinvijati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-qrati tal-Istati Membri. Dawn l-atti jistgħu jiġu wkoll mistħarrġa abbażi tal-eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE.

81      Dawn il-mekkaniżmi ta’ stħarriġ ġudizzjarju japplikaw għall-korpi u għall-organi stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni li ngħataw setgħat biex jadottaw atti legalment vinkolanti fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi f’oqsma speċifiċi, bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni), l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti kif ukoll l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni.

82      Fir-rigward ta’ din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jagħti lill-AETS ċerti setgħat deċiżjonali f’qasam li jirrikjedi l-użu ta’ perizja professjonali u teknika speċifika.

83      Dan l-għoti ta’ setgħat ma jikkorrispondi, madankollu, mal-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet iddefiniti bl-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE.

84      Kif huwa indikat fil-punti 2 sa 4 ta’ din is-sentenza, il-kuntest ġuridiku li jagħmel parti minnu l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 huwa ddeterminat b’mod partikolari mir-Regolamenti Nru 1092/2010, AETS u Nru 236/2012. Dawn ir-regolamenti jagħmlu parti mill-grupp ta’ strumenti regolatorji adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex dan tal-aħħar, fid-dawl tal-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji internazzjonali u tar-riskju ta’ tixrid ta’ kriżijiet finanzjarji, ikun jista’ jaħdem favur stabbiltà finanzjarja internazzjonali, kif tindika l-premessa 7 tar-Regolament Nru 1092/2010.

85      Konsegwentement, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ma jistax jiġi kkunsidrat waħdu. Bil-kontra, dan l-artikolu għandu jinftiehem fis-sens li jagħmel parti mis-sett ta’ regoli li huma intiżi sabiex jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-AETS setgħat ta’ intervent biex jindirizzaw żviluppi żvantaġġużi li jheddu l-istabbiltà finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u l-kunfidenza fis-swieq. Għal dan il-għan, dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu f’pożizzjoni li jimponu restrizzjonijiet temporanji għall-bejgħ bin-nieqes ta’ ċerti assi finanzjarji jew għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ skambju ta’ inadempjenza tal-kreditu jew ta’ tranżazzjonijiet oħra bl-għan li jipprekludu waqgħat mhux ikkontrollati fil-prezzijiet ta’ dawn l-istrumenti. Dawn l-istanzi għandhom grad għoli ta’ perizja professjonali u jikkollaboraw mill-qrib sabiex jintlaħaq l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja fi ħdan l-Unjoni.

86      Għaldaqstant, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, moqri flimkien mal-istrumenti l-oħra regolatorji adottati fil-qasam, imsemmija hawn fuq, ma jistax jiġi kkunsidrat li jikkomprometti l-iskema tad-delegi prevista fl-imsemmija Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE.

87      Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 114 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

88      Ir-Renju Unit iqis li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ma huwiex intiż sabiex jawtorizza lill-AETS tagħti deċiżjonijiet dwar miżuri individwali indirizzati lil persuni fiżiċi u ġuridiċi. Min-naħa l-oħra, il-miżuri li jistgħu jittieħdu taħt l-imsemmija dispożizzjoni għandhom portata ġenerali.

89      Ir-Renju Unit jikkunsidra li, għalkemm, madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament jawtorizza lill-AETS tindirizza deċiżjonijiet lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, dan l-artikolu jeċċedi s-setgħat iddefiniti fl-Artikolu 114 TFUE. Din id-dispożizzjoni ma tawtorizzax lil-leġiżlatur tal-Unjoni jieħu deċiżjonijiet individwali li ma għandhomx portata ġenerali u lanqas ma jawtorizzah jiddelega lill-Kummissjoni jew lil organu tal-Unjoni s-setgħa li jadotta tali deċiżjonijiet.

90      Ir-Renju Unit isostni li deċiżjonijiet indirizzati lil istituzzjonijiet finanzjarji li jinvalidaw dawk meħuda minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħal miżuri ta’ aprossimazzjoni skont l-Artikolu 114 TFUE. Bil-kontra, tali deċiżjonijiet individwali jikkostitwixxu miżuri regolatorji diretti maħruġa minn organu tal-Unjoni u intiżi għal individwi fi Stati Membri.

91      Il-Parlament isostni li l-kunċett ta’ “armonizzazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 114 TFUE jinkludi s-setgħa ta’ adozzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ miżuri individwali. Barra minn hekk, l-Unjoni hija awtorizzata tistabbilixxi organi u tagħtihom rwol fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sakemm tali aġenziji jagħmlu parti minn kuntest normattiv li japprossima d-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern.

92      Il-Parlament josserva li l-possibbiltà mogħtija lill-AETS li tintervjeni possibbilment fis-suq finanzjarju tal-Unjoni tirrigwarda l-ipoteżi fejn l-azzjoni nazzjonali tkun insuffiċjenti jew mhux xierqa. Għaldaqstant, il-miżuri adottati taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 huma intiżi sabiex jipprevjenu b’mod armonizzat ir-riskji marbuta mal-bejgħ bin-nieqes u jaraw li jiġi ggarantit il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

93      Il-Kunsill josserva li l-Artikolu 114 TFUE jista’ jservi ta’ bażi legali biex jawtorizza lill-AETS tadotta miżuri individwali. Fil-fatt, dan l-artikolu jagħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari f’oqsma b’aspetti tekniċi kumplessi.

94      Il-Kunsill jenfasizza li l-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-AETS fil-kuntest tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 intiżi sabiex jindirizzaw theddid għall-funzjonament xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha fl-Unjoni. L-imsemmi Artikolu 28 jistabbilixxi li l-AETS tista’ tadotta miżuri ta’ intervent biss jekk ikun hemm implikazzjonijiet transkonfinali u meta l-ebda miżura nazzjonali ma tkun ġiet adottata jew ma kienet suffiċjenti.

95      Il-Kummissjoni tindika li l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 236/2012 jagħmel riferiment għall-Artikolu 9(5) tar-Regolament AETS, li jippermetti lil din tal-aħħar tipprojbixxi jew tirrestrinġi, f’ċirkustanzi speċifiċi, ċerti attivitajiet finanzjarji, dan ir-regolament tal-aħħar kien ġie adottat ukoll abbażi tal-Artikolu 114 TFUE. Huwa, għaldaqstant, diffiċli li jitqies li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jista’ jitqies li jmur lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 114 TFUE.

96      Il-Kummissjoni tispjega li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 28(1) tal-imsemmi regolament għandhom mhux jiġu eżaminati waħedhom, iżda għandhom jiġu kkunsidrati flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra li jirregolaw l-istħarriġ tal-attivitajiet ta’ bejgħ bin-nieqes. Għaldaqstant, il-missjonijiet tal-AETS huma marbutin mill-qrib mar-regoli intiżi li japprossimaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali diverġenti f’dan il-qasam.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

97      Għandu jiġi osservat, b’mod preliminari, li r-raba’ motiv imqajjem mir-rikorrent huwa preżenti biss fil-każ fejn l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 ikollu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-AETS tadotta deċiżjonijiet ta’ natura individwali indirizzati għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

98      Minkejja li, kif jirriżulta mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jawtorizza lill-AETS tadotta, f’ċirkustanzi ddefiniti b’mod strett, atti ta’ portata ġenerali, ma jistax, madankollu, jiġi eskluż li hija titwassal, abbażi tas-setgħat mogħtija lilha permezz ta’ dan l-artikolu, tieħu wkoll deċiżjonijiet indirizzati għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi speċifiċi.

99      Sabiex tingħata risposta għal dan ir-raba’ motiv, il-Qorti għandha tiddikjara ruħha fuq il-kwistjoni dwar jekk l-iskema ta’ intervent stabbilita permezz tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE.

100    Fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 114 TFUE, għandu jitfakkar li att leġiżlattiv adottat fuq din il-bażi legali għandu, minn naħa, jinkludi miżuri dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, għandu jkollu bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

101    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 jissodisfax dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

102    Fl-ewwel lok, permezz tal-espressjoni “miżuri għal approssimazzjoni”, l-awturi tat-Trattat FUE xtaqu jagħtu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari f’oqsma li huma kkaratterizzati minn aspetti tekniċi kumplessi (ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑66/04, Ġabra p. I‑10553, punt 45).

103    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li dan il-marġni ta’ evalwazzjoni tista’ tintuża partikolarment sabiex tintgħażel it-teknika ta’ armonizzazzjoni l-iktar xierqa meta l-approssimazzjoni prevista tirrikjedi analiżi teknika u speċjalizzata ħafna kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ żviluppi f’qasam partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

104    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Mejju 2006, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑217/04, Ġabra p. I‑3771, punt 44), indikat, fost l-oħrajn, li, skont l-evalwazzjoni magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jista’ jkun neċessarju li jiġi previst it-twaqqif ta’ organu tal-Unjoni li huwa responsabbli li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ proċess ta’ armonizzazzjoni.

105    Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-għażla tiegħu tat-teknika ta’ approssimazzjoni u fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu fir-rigward tal-miżuri previsti fl-Artikolu 114 TFUE, jista’ jiddelega lil korp jew lil organu tal-Unjoni kompetenzi intiżi sabiex jimplementaw l-armonizzazzjoni mixtieqa. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-miżuri li għandhom jittieħdu jiddependu fuq perizja professjonali u teknika partikolari kif ukoll fuq kapaċità reattiva ta’ tali entità.

106    Peress li r-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li l-Artikolu 114 TFUE ma jistax iservi ta’ bażi legali għall-adozzjoni ta’ atti legalment vinkolanti fil-konfront tal-individwi, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Awwissu 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, (C‑359/92, Ġabra p. I‑3681, punt 37), iddeċidiet li huwa possibbli li, f’ċerti oqsma, l-approssimazzjoni ta’ regoli ġenerali biss ma tkunx biżżejjed biex tiżgura l-unità tas-suq. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “miżuri dwar l-approssimazzjoni” għandu jiġi interpretat bħala wieħed li jinkludi s-setgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi l-miżuri dwar prodott jew kategorija ta’ prodotti speċifiċi u, jekk ikun il-każ, miżuri individwali li jikkonċernaw dawn il-prodotti.

107    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punt 44 tas-sentenza tagħha tat-2 ta’ Mejju 2006, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li xejn fil-kliem tal-Artikolu 114 TFUE ma jippermetti li jiġi konkluż li l-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu limitati, fir-rigward tad-destinatarji tagħhom, għall-Istati Membri biss.

108    Issa, għandu jiġi osservat li, permezz tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprova jipprevedi, quddiem theddid serju għall-funzjonament xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni, mekkaniżmu xieraq li jippermetti, bħala mezz aħħari u f’ċirkustanzi speċifiċi sew, l-adozzjoni ta’ miżuri applikabbli fl-Unjoni kollha, li jistgħu jieħdu, jekk ikun il-każ, il-forma ta’ deċiżjonijiet indirizzati għal ċerti atturi tal-imsemmija swieq.

109    F’dan ir-rigward, mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 236/2012 jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti f’diversi Stati Membri adottaw miżuri ta’ emerġenza sabiex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-bejgħ bin-nieqes fit-titoli kollha jew uħud minnhom minħabba theddid għall-vijabbiltà ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u minħabba riskji sistemiċi li jirriżultaw minn tali theddid. Huwa jispeċifika, barra minn hekk, li l-miżuri adottati mill-Istati Membri huma diverġenti minħabba li l-Unjoni ma għandhiex qafas regolatorju komuni speċifiku dwar il-kontroll ta’ bejgħ bin-nieqes.

110    Il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża wkoll, fil-premessa 3 tar-Regolament Nru 236/2012, li huwa xieraq u meħtieġ li r-regoli msemmija minn dan ir-regolament jieħdu l-forma leġiżlattiva ta’ regolament sabiex jiġi żgurat li dawk fosthom li jimponu direttament obbligi fuq partijiet privati sabiex jinnotifikaw jew jiżvelaw lill-pubbliku pożizzjonijiet bin-nieqes netti li għandhom x’jaqsmu ma’ ċerti strumenti jew dwar bejgħ bin-nieqes skopert jiġu applikati b’mod uniformi fl-Unjoni kollha. In-natura regolatorja tqieset ukoll meħtieġa sabiex l-AETS tingħata s-setgħa tikkoordina l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti jew biex tieħu hija stess il-miżuri meħtieġa fil-qasam ikkunsidrat.

111    Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza, fil-premessa 5 tar-Regolament Nru 236/2012, li, biex tintemm is-sitwazzjoni frammentata attwali, fejn ċerti Stati Membri ħadu miżuri diverġenti u biex tiġi ristretta l-possibbiltà li jittieħdu miżuri diverġenti mill-awtoritajiet kompetenti huwa importanti li jiġu armonizzati l-mezzi li bihom jiġu miġġielda r-riskji potenzjali li joriġinaw mill-bejgħ bin-nieqes u swaps [kuntratti ta’ skambju] ta’ inadempjenza tal-kreditu.

112    L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 huwa intiż, fil-fatt, sabiex japprossima liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar is-superviżjoni ta’ ċertu numru ta’ titoli u dwar l-istħarriġ, f’sitwazzjonijiet speċifiċi, ta’ ċerti tranżazzjonijiet kummerċjali li għandhom bħala suġġett l-imsemmija titoli, jiġifieri pożizzjonijiet bin-nieqes netti fi strument finanzjarju jew f’kategorija partikolari ta’ strumenti finanzjarji.

113    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 114 TFUE li l-miżuri ta’ approssimazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jkollhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punt 42 tas-sentenza tagħha tat-2 ta’ Mejju 2006, ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li dan l-artikolu jista’ jintuża bħala bażi legali biss meta jirriżulta oġġettivament u effettivament mill-att ġuridiku li dan tal-aħħar għandu bħala għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

114    F’dan ir-rigward, il-premessa 2 tar-Regolament Nru 236/2012 tiddikjara li l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-funzjonament tiegħu, partikolarment rigward is-swieq finanzjarji. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk qies li huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas regolatorju komuni fir-rigward tar-rekwiżiti u s-setgħat fil-qasam tal-bejgħ bin-nieqes u kuntratti ta’ skambju ta’ inadempjenza tal-kreditu u li jiġu żgurati iktar koordinazzjoni u konsistenza bejn l-Istati Membri fejn ikun meħtieġ li jittieħdu miżuri f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Għaldaqstant, l-armonizzazzjoni tar-regoli li jirregolaw dawn it-tranżazzjonijiet huwa intiż biex jiġi pprevenut il-ħolqien ta’ ostakli għall-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-persistenza tal-miżuri diverġenti applikati mill-Istati Membri.

115    Għandu jingħad ukoll li, skont il-premessa 33 tal-imsemmi regolament, jekk huwa minnu li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali spiss ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jimmonitorjaw u jirreaġixxu rapidament għal avveniment jew żvilupp żvantaġġuż, l-AETS għandu jkollha wkoll is-setgħa li tieħu miżuri fejn il-bejgħ bin-nieqes u attivitajiet oħra relatati jheddu l-funzjonament xieraq u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja sħiħa jew ta’ parti minnha fl-Unjoni, fejn ikun hemm implikazzjonijiet transkonfinali u fejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma jkunux ħadu miżuri suffiċjenti biex jindirizzaw tali theddida.

116    B’hekk jirriżulta li s-setgħat previsti fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 236/2012 għandhom fil-fatt bħala għan it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern fil-qasam finanzjarju.

117    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 114 TFUE. Dan tal-aħħar jikkostitwixxi għalhekk bażi legali xierqa għall-adozzjoni tal-Artikolu 28.

118    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

119    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

120    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-konvenuti. Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni intervenjenti insostenn tat-talbiet imressqa mill-konvenuti, għandhom ibatu, skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmi regolament, l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-proċedura: l-Ingliż.