Language of document :

Appell ippreżentat fil-1 ta' Ġunju 2012 minn Telefónica S.A. mid-digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħti fil-21 ta' Marzu 2012 fil-Kawża T-228/10, Telefónica vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-274/12 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Telefónica S.A. (rappreżentanti: J. Ruiz Calzado, avukat, M. Núñez-Müller, Rechtsanwalt, J. Domínguez Pérez, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla d-digriet ikkontestat;

tiddikjara r-rikors għal annullament fil-Kawża T-228/10 ammissibbli u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-mertu tat-tilwima;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri kollha dwar l-ammissibbiltà fiż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi billi adottat deċiżjoni li tikser id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Billi qieset b'mod ġenerali li l-alternattiva għar-rimedju preliminari hija dejjem adegwata u possibbli, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tar-rikorrenti fl-ewwel istanza għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u li huwa espressament irrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi billi interpretat b'mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat li jiddikjaraw skema ta' għajnuna illegali u inkompatibbli.

3.    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi fl-interpretazzjoni tagħha tar-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, in fine. Il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta affermat li d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, bħad-deċiżjoni kkontestata, jeżiġu miżuri ta' implementazzjoni fis-sens tad-dispożizzjoni ġdida tat-Trattat. Il-Qorti Ġenerali injorat fid-digriet tagħha li deċiżjoni negattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha effett dirett, twassal minnufih għall-illegalità tal-għajnuna mogħtija, u timplika normalment obbligu ta' rkupru tal-għajnuna għall-Istati Membri.

____________