Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2015 – GGP Italy vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-474/15)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Global Garden Products Italy SpA (GGP Italy) (Castelfranco Veneto, l-Italja) (rappreżentanti: A. Villani, L. D’Amario u M. Caccialanza, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/902, tal-10 ta’ Ġunju 2015 u ppubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Ġunju 2015;

tadotta kull miżura ulterjuri meqjusa xierqa;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż sabiex jinkiseb l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/902, tal-10 ta’ Ġunju 2015, dwar miżura meħuda mil-Latvja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ ħassad tal-ħaxix immanifatturat minn GGP Italy spa (ĠU L 147, p. 22).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/42/KE, li jipprovdi li kull miżura restrittiva adottata skont l-istess direttiva għandha tagħti “r-raġunijiet eżatti” u għandha tiġi “notifikata mill-aktar fis possibbli lill-parti konċernata, li għandha fl-istess ħin tkun informata bir-rimedji legali disponibbli għaliha taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat u bil-limiti ta’ żmien li għalihom huma suġġetti dawn ir-rimedji”.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tilmenta li, peress li l-miżura restrittiva adottata fil-konfront tagħha mill-awtoritajiet Latvjani qatt ma ġiet innotifikata lilha, id-deċiżjoni kkontestata qieset li kienet ġustifikata miżura li tippreġudika b’mod gravi d-drittijiet tad-difiża tagħha, adottata fi tmiem proċedura mhux konformi u li kienet ivvizzjata b’irregolaritajiet gravi anki ta’ natura sostantiva.It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/42/KE li jirregolaw l-obbligi ta’ osservanza tar-rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà [Artikolu 5(1)], il-moviment liberu tal-makkinarju [Artikolu 6(1)], il-preżunzjoni ta’ konformità tar-regoli armonizzati (Artikolu 7) kif ukoll il-proċedura ta’ salvagwardja li tista’ tiġi adottata minn kull Stat Membru (Artikolu 11).F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-miżura restrittiva adottata mil-L

atvja kienet ġustifikata. Fil-fatt l-awtoritajiet Latvjani kkontestaw l-allegat nuqqas ta’ konformità tal-makkinarju li jaqta’ l-ħaxix Stiga Collector 35 EL C350 297352654/S13 mar-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ ħarsien tas-saħħa li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE inkwantu tali makkinarju ma rriżultax konformi mal-istandard armonizzat EN 60335-2-77:2010. Madankollu, fiż-żmien meta

l-makkinarju inkwistjoni ġie prodott u mqiegħed fis-suq mir-rikorrenti, l-ogħla standard EN 60335-2-77:2010 kien għadu ma kisibx natura mandatorja bħala l-unika dispożizzjoni idonea sabiex tagħti preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ ħarsien tas-saħħa, fejn matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit mill-istandard innifsu kien għadu japplika l-istandard preċedenti EN 60335-2-77:2006 (li miegħu il-makkinarju inkwistjoni kien konformi).

____________