Language of document : ECLI:EU:C:2013:139

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Marzu 2013 (*)

“Appell – Relazzjonijiet esterni – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru – Regolament (KEE) Nru 2408/92 – Aċċess tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji għar-rotot tal-ajru intra-Komunitarji – Artikoli 8 u 9 – Kamp ta’ applikazzjoni – Eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku – Deċiżjoni 2004/12/KE – Miżuri Ġermaniżi dwar l-approċċi lejn l-ajruport ta’ Zurich – Obbligu ta’ motivazzjoni – Nondiskriminazzjoni – Proporzjonalità – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C‑547/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2010,

Il-Konfederazzjoni Svizzera, irrappreżentata minn S. Hirsbrunner, avukat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. van Rijn, K. Simonsson u K.-P. Wojcik, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil‑Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, bħala aġent, assistit minn T. Masing, avukat,

Landkreis Waldshut, irrappreżentat minn M. Núñez Müller, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), li qed jaġixxi bħala President ta’ Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera titlob l-annullament tas‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tad-9 ta’ Settembru 2010, L‑Isvizzera vs Il-Kummissjoni (T‑319/05, Ġabra p. II‑4265, iktar ’il quddiem “is‑sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/12/KE, tal-5 ta’ Diċembru 2003, dwar l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(2) tal‑Ftehim bejn il‑Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it‑trasport bl‑ajru u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 (Każ TREN/AMA/11/03 — Miżuri Ġermaniżi dwar l-approċċi lejn l-ajruport ta’ Zurich) (ĠU 2004, L 4, p. 13, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru

2        L-Artikolu 1 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 fil-Lussemburgu, approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89), jipprovdi:

“1.      Dan il-Ftehim jiddikjara regoli għall-Partijiet Kontraenti fil-qasam ta’ l‑avjazzjoni ċivili. Dawn id-disposizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għal dawk preżenti fit-Trattat KE u b’mod partikolari għall-kompetenzi Komunitarji eżistenti taħt ir-regoli dawr [dwar] il‑kompetizzjoni u r-regolamenti li japplikaw tali regoli, kif ukoll taħt il‑leġislazzjoni Komunitarja rilevanti kollha elenkata fl-Anness ta’ dan il-Ftehim.

2.      Għal dan il-għan, id-disposizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim kif ukoll fir-regolamenti u d-direttivi speċifikati fl-Anness għandhom japplikaw taħt il-kondizzjoni iddikjarati hawnhekk. Sa fejn huma identiċi fis-sustanza għar-regoli korrispondenti tat-Trattat KE u għall-atti adottati fl-applikazzjoni ta’ dak it-Trattat, dawk id-disposizzjonijiet għandhom, fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni tagħhom, jiġu interpretati konformament mad-deċiżjonijiet u s-sentenzi relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mogħtija qabel id-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim. Id-deċiżjonijiet u s-sentenzi mogħtija wara d-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu kkomunikati lill-Isvizzera. Fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet Kontraenti, l-implikazzjonijiet ta’ tali deċiżjonijiet u sentenzi ta’ l-aħħar għandhom ikunu determinati mill-Kumitat Konġunt sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq ta’ dan il-Ftehim.”

3        L-Artikolu 2 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru huwa fformulat kif ġej:

“Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u l-Anness tiegħu għandhom japplikaw sakemm jolqtu t-trasport bl-ajru jew materji li huma direttament relatati mat-trasport bl-ajru hekk kif imsemmija fl-Anness ta’ dan il-Ftehim.”

4        L-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim jipprovdi:

“Fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, u mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjoni speċjali li jkun hemm f’dak ir-rigward, kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità għandha tkun ipprojbita.”

5        L-Artikolu 15(1) tal-imsemmi ftehim jipprovdi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 [, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar aċċess għat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għal rotot ta’ l-ajru intra-Komunitarji (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 420)], kif imsemmi fl-anness ta’ dan il-ftehim:

–        trasportaturi Komunitarji u Svizzeri bejn kwalunkwe punt fl‑Isvizzera u kwalunkwe punt fil-Kommunità,

[...]”

6        Skont l-Artikolu 18 tal-istess ftehim:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 u għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu 2, kull Parti Kontraenti għandha tkun responsabbli għall-infurzar proprju ta’ dan l-Ftehim fit-territorju proprju tagħha u, b’mod partikolari, tar-regolamenti u tad-direttivi elenkati fl-Anness.

2.      Fil-każijiet li jistgħu jolqtu servizzi bl-ajru li jridu jiġu awtorizzati taħt il-Kapitolu 3, l-istituzjonijiet Komunitarji għandom igawdu l-poteri mogħtija lilhom taħt id-disposizzjonijiet tar-regolamenti u tad-direttivi li l-applikazzjoni tagħhom hija espressament ikkonfermata fl-Anness. Madankollu, fil-każijiet fejn l-Isvizzera ħadet jew tikkunsidra li tieħu miżuri ta’ natura ambjentali taħt jew l-Artikolu 8(2) jew 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, il-Kumitat Konġunt, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti, għandu jiddeċiedi jekk dawk il-miżuri humiex konformi ma’ dan il-Ftehim.

[...]”

7        Skont l-Artikolu 20 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-validità ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Komunità abbażi tal-kompetenzi tagħhom skont dan il-ftehim jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

8        Skont l-anness tal-imsemmi ftehim, kull fejn l-atti speċifikati fih ikun fihom referenza għall-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, jew ir-rekwiżit ta’ konnessjoni magħhom, dawn ir-referenzi għandhom, għall-finijiet tal-Ftehim, jinftiehmu bħala li japplikaw ugwalment għall-Konfederazzjoni Svizzera jew għar-rekwiżit identiku ta’ konnessjoni magħha.

9        Dan l-anness jirrigwarda b’mod partikolari r-Regolament Nru 2408/92.

 Ir-Regolament Nru 2408/92

10      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2408/92 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

f)      ‘dritt tat-traffiku’ tfisser id-dritt ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jġorr passiġġieri, merkanzija u/jew posta fuq servizz bl-ajru bejn żewġ ajruporti tal-Komunità;

[...]”

11      L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Suġġett għal dan ir-Regolament, it-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għandhom jitħallew mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernati li jeżerċitaw jeddijiet ta’ traffiku fuq rotot ġewwa l-Komunità.”

12      L-Artikolu 8(1) sa (3) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-jedd ta’ Stat Membru li jirregola mingħajr dikriminazzjoni għal raġunijet ta’ nazzjonalità jew ta’ l-identità tat-trasportaturi ta’ l-ajru, id-distribuzzjoni tat-traffiku bejn l-ajruporti ġewwa s-sistema ta’ ajruport.

2.      L-eżerċitar ta’ drittijiet tat-traffiku għandu jkun suġġett għal regoli ippubblikati ta’ l-operazzjoni tal-Komunità, nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirreferu għas-sigurtà, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l‑allokazzjoni ta’ slotts.

3.      Fuq talba minn Stat Membru jew fuq l-inizzjattiva tagħha stess il‑Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 u, fi żmien xahar minn meta tirċievi talba u wara li tikkonsulta l-Kumitat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 11, tiddeċiedi jekk l-Istat Membru jistax ikompli japplika l-miżura. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lejn il-Kunsill u lejn l-Istati Membri.”

13      L-Artikolu 9 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      Meta jeżistu problemi serji ta’ konġestjoni u/jew ambjentali l-Istat Membru responsabbli jista’, suġġett għal dan l-Artikolu, jimponi kondizzjonijiet fuq, jillimita jew jirrifijuta l-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku, b’mod partikolari meta modi oħra tat-trasport jistgħu jipprovdu livelli sodisfaċenti ta’ servizz.

2.      Azzjoni meħuda minn Stat Membru skond il-paragrafu 1 għandha:

–        ma tkunx diskriminatroju għal raġunijiet ta’ nazzjonalità jew l-identità tat-trasportaturi ta’ l-ajru,

–        jkollha perjodu ta’ validità limitat, li ma jeċċedix tliet snin, li wara dan, din għandha tiġi riveduta,

–        ma taffettwax b’mod mhux xieraq l-oġġettivi ta’ dan ir-Regolament,

–        ma tagħmilx distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta’ l-ajru,

–        ma tkunx aktar restrittiva milli meħtieġ sabiex ittaffi l-problemi.

3.      Meta Stat Membru jikkunsidra li l-azzjoni permezz tal-paragrafu 1 tkun meħtieġa, dan għandu, għall-inqas tliet xhur qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-azzjoni, jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, fejn jagħti ġustifikazzjoni adegwata għall-azzjoni. L-azzjoni tista’ tiġi implimentata sakemm fi żmien xahar jew minn meta tkun waslet l‑informazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat jikkontesta l-azzjoni, jew il‑Kummissjoni, bi qbil mal-paragrafu 4, tikkonsidraha għal aktar eżaminazzjoni.

4.      Fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq inizzjattiva tagħha stess il‑Kummissjoni għandha teżamina l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Meta l-Kummissjoni, fi żmien xahar minn meta tiġi infurmata permezz tal-paragrafu 3, tieħu l-azzjoni għall-eżaminazzjoni, din għandha fl‑istess ħin tindika jekk l-azzjoni tistax tkun implimentata, kollha kemm hi jew parzjalment, matul l-eżami meta wieħed jikkonsidra b’mod partikolari l-possibiltà ta’ l-effetti irriversibbli. Wara li tikkonsulta l-Kumitat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 11 il‑Kummissjoni għandha, xahar wara li tkun irċeviet l-informazzjoni kollha meħtieġa, tiddeċiedi jekk l-azzjoni tkunx xierqa u b’konformità ma’ dan ir-Regolament u ma tkun bl‑ebda mod kuntrarja għal-liġi tal‑Komunità. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lejn il-Kunsill u lejn l-Istati Membri. Sakemm tittieħed dik id-deċiżjoni l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi dwar miżuri interim inkluża s‑sospensjoni, sħiħa jew parzjali, ta’ l-azzjoni, meta wieħed jikkonsidra b’mod partikolari l-possibiltà ta’ l-effetti irriversibbli.

[...]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14       L-ajruport ta’ Zurich jinsab fi Kloten (l-Isvizzera), fil-majjistral mill-belt ta’ Zurich (l-Isvizzera) u madwar 15-il kilometru Xlokk mill-fruntiera bejn l‑Isvizzera u l-Ġermanja. Huwa għandu tliet runways, waħda Punent-Lvant (10/28), waħda Tramuntana-Nofsinhar (16/34), li taqsam ir-runway Punent-Lvant, u waħda Majjistral-Xlokk (14/32), li hija indipendenti mit-tnejn l-oħra. Ħafna mit-tluq matul il-ġurnata jsiru mir-runway Punent-Lvant lejn il-Punent, filwaqt li kmieni filgħodu u tard filgħaxija ħafna mit-tluq isiru mir-runway Tramuntana-Nofsinhar fid-direzzjoni tat-Tramuntana. L-ajruplani li jkunu ser jinżlu jużaw l‑iktar ir‑runway Majjistral-Xlokk meta jkunu ġejjin mill-Grigal. Minħabba l‑viċinanza mal-fruntiera Ġermaniża, it-titjiriet kollha li jinżlu f’Zurich mit-Tramuntana jew mill-Majjistral iridu jużaw l-ispazju tal-ajru Ġermaniż fl-inżul tagħhom.

15      L-użu tal-ispazju tal-ajru Ġermaniż sabiex l-ajruplani javviċinaw jew jitilqu mill‑ajruport ta’ Zurich kien irregolat minn ftehim bilaterali bejn il‑Konfederazzjoni Svizzera u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tas-17 ta’ Settembru 1984, li r-Repubblika Federali tal‑Ġermanja tterminat fit-22 ta’ Marzu 2000 b’effett mill-31 ta’ Mejju 2001, wara problemi ta’ implementazzjoni.

16      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera ffirmaw ftehim ġdid fit-18 ta’ Ottubru 2001, li ma ġiex irratifikat.

17      Fil-15 ta’ Jannar 2003, l-awtoritajiet federali Ġermaniżi tal-avjazzjoni ppubblikaw il-213-il Regolament ta’ implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tat-traffiku tal-ajru li jistabbilixxi proċeduri għall-inżul u għat-tluq permezz ta’ strumenti fl-ajruport ta’ Zurich. Dan jipprovdi ċertu numru ta’ miżuri li jillimitaw l-approċċ lejn l-ajruport ta’ Zurich b-effett mit-18 ta’ Jannar 2003.

18      Fl-4 ta’ April 2003, l-awtoritajiet federali Ġermaniżi tal-avjazzjoni ppubblikaw l‑Ewwel Regolament li jemenda l-213-il Regolament ta’ implementazzjoni (iktar ’il quddiem il-“213-il Regolament, kif emendat”). Din l-emenda daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ April 2003.

19      Il-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, huma intiżi, essenzjalment, sabiex, f’kundizzjonijiet meteoroloġiċi normali, jipprekludu l-ajruplani milli jtiru f’altitudni baxxa fuq it-territorju Ġermaniż ħdejn il-fruntiera Svizzera bejn 21:00 u 07:00 mit-Tnejn sal-Ġimgħa u bejn 20:00 u 09:00 fil-weekends u fil-festi pubbliċi, sabiex jitnaqqas il-ħoss li kienet esposta għalih il-popolazzjoni lokali. Konsegwentement, iż-żewġ approċċi għall-inżul mit-Tramuntana li qabel kienu jikkostitwixxu l-approċċi prinċipali użati mill-ajruplani li jkunu ser jinżlu fl‑ajruport ta’ Zurich, ma kinux iktar possibbli matul dawn il-ħinijiet.

20      Barra minn hekk, il-213-il Regolament, kif emendat, kien jinkludi żewġ miżuri oħrajn intiżi sabiex titnaqqas il-ħsara kkawżata mill-ħoss madwar il-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Isvizzera.

21      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-approċċ lejn l-ajruport mil-Lvant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(6) tal-213-il Regolament, kif emendat, kien jistabbilixxi ċerti altitudnijiet minimi ta’ titjir li għandhom jiġu osservati matul l‑imsemmija ħinijiet.

22      It-tieni nett, l-Artikolu 3 tal-213-il Regolament, kif emendat, kien jipprovdi li t‑tluq fid-direzzjoni tat-Tramuntana kellu jsir b’mod li josserva, fil-mument tad‑dħul fit-territorju Ġermaniż, altitudnijiet minimi differenti skont il-ħin tat-tluq. Għalhekk, jekk l-ajruplan telaq fil-ħinijiet imsemmija iktar ’il fuq, huwa kellu l‑ewwel idur qabel il-fruntiera Ġermaniża sabiex ma jidħolx fit-territorju Ġermaniż qabel ma jilħaq l-altitudni minima preskritta.

23      Fl-10 ta’ Ġunju 2003, il-Konfederazzjoni Svizzera ressqet ilment quddiem il‑Kummissjoni u stiednet lil din tal-aħħar tieħu deċiżjoni initiża li:

–        tipprojbixxi lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkompli tapplika l-213-il Regolament, kif emendat,

–        iġġiegħel lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tissospendi l-applikazzjoni tal-213-il Regolament, kif emendat, sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni.

24      Fl-20 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ dan l-ilment.

25      Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Svizzeri jipprovdu informazzjoni supplimentari.

26      Fis-26 ta’ Ġunju 2003, l-awtoritajiet Ġermaniżi u Svizzeri kkonkludew ftehim fuq kwistjonijiet differenti dwar l-applikazzjoni tal-213-il Regolament, kif emendat.

27      Fis-27 ta’ Ġunju 2003, l-awtoritajiet Svizzeri nnotifikaw dan il-ftehim lill‑Kummissjoni, billi ppreċiżaw li dan ma kellu ebda effett fuq l-imsemmi lment.

28      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2003, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat ukoll lill-Kummissjoni l-imsemmi ftehim billi indikat li hija ddeduċiet minnu li l-ilment kien invalidu u li hija kienet tistenna li l-Kummissjoni twaqqaf il-proċedura mibdija.

29      Wara diversi skambji ta’ korrispondenza mal-awtoritajiet Svizzeri u Ġermaniżi, fl-14 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni indirizzat lil dawn l-awtoritajiet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, filwaqt li stiednithom jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom.

30      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fl-20 ta’ Ottubru 2003 u l-Konfederazzjoni Svizzera ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fil-21 ta’ Ottubru 2003.

31      Fis-27 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni kkomunikat abbozz ta’ deċiżjoni li dwaru l-Konfederazzjoni Svizzera setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv “Aċċess għas-suq (trasport bl-ajru)” tal-4 ta’ Novembru 2003.

32      Fil-5 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni.

33      Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tkompli tapplika l-213-il Regolament, kif emendat.

34      Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija d-destinatarja tagħha.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

35      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2004, il-Konfederazzjoni Svizzera ppreżentat rikors sabiex tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni.

36      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2004, ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat‑talbiet tal-Kummissjoni.

37      Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, L-Isvizzera vs Il‑Kummissjoni (C‑70/04), il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvjat din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

38      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Lulju 2006, L-Isvizzera vs Il-Kummissjoni (T-319/05, Ġabra p. II‑2073), il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba għal intervent tal-Landkreis Waldshut insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

39      Fid-9 ta’ Settembru 2009 inżammet seduta.

40      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill‑Konfederazzjoni Svizzera mingħajr ma ddeċidiet dwar l‑ammissibbiltà tiegħu. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma kellhiex tiġi kkritikata, l-ewwel nett, talli kkunsidrat li l-miżuri previsti fil-213-il Regolament, kif emendat, ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 9(1) tar‑Regolament Nru 2408/92, it-tieni nett, talli matul l-eżami ta’ dawn il-miżuri ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-operant tal-ajruport ta’ Zurich u tar-residenti li jgħixu fil-viċinanzi ta’ dan l-ajruport matul l-eżami ta’ dawn il-miżuri fid-dawl tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru u skont l‑Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, u t-tielet nett, talli ddeċidiet li l-imsemmija miżuri kienu josservaw il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

 It-talbiet tal-partijiet

41      Permezz tal-appell tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni u, skont l-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 122 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż inklużi dawk tal-proċedura tal‑ewwel istanza; u

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tħalli lil din tal-aħħar tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

42      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell; u

–        tikkundanna lill-Konfederazzjoni Svizzera għall-ispejjeż tal-kawża.

43      Il-Gvern Ġermaniż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell; u

–        tikkundanna lill-Konfederazzjoni Svizzera għall-ispejjeż.

44      Il-Landkreis Waldshut jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell;

–        tilqa’ t-talba tagħha, ippreżentata fl-ewwel istanza, intiża għaċ-ċaħda tar‑rikors;

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad bħala inammissibbli r-rikors tal-Konfederazzjoni Svizzera; u

–        tikkundanna lill-Konfederazzjoni Svizzera għall-ispejjeż, inklużi dawk tal‑proċedura tal-ewwel istanza u l-ispejjeż extra-ġudizzjarji tal-Landkreis Waldshut.

 Fuq l-appell inċidentali

45      Permezz tal-appell inċidentali tagħha, il-Landkreis Waldshut issostni li r‑rikors għall-annullament ippreżentat mill-Konfederazzjoni Svizzera kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli mill-Qorti Ġenerali.

46      Skont il-Landkreis Waldshut, il-Konfederazzjoni Svizzera ma tistax tiġi assimilata ma’ Stat Membru u ma hijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni, skont ir-raba’ subparagrafu tal‑Artikolu 263 TFUE.

47      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa meħtieġ qabelxejn li tagħmel il‑kunsiderazzjonijiet tagħha fuq il-mertu tal-kawża (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Polonja vs Il-Kunsill, C‑273/04 P, Ġabra p. I-8925, punt 33).

 Fuq l-appell

48      Insostenn tal-appell tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera tqajjem sitt aggravji bbażati fuq ksur tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament 2408/92, tal‑obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tat‑trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, kif ukoll tar-regoli marbuta mal-oneru tal-prova.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

49      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni li, billi ddeċidiet, fil-punti 74 sa 91 tas-sentenza appellata, li l‑Artikolu 9(1) tar‑Regolament Nru 2408/92 ma huwiex applikabbli għall-miżuri previsti fil‑213‑il Regolament, kif emendat, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat fil-liġi, din id-dispożizzjoni.

50      Fil-fatt, fil-fehma tagħha, l-imsemmi artikolu ma jirrigwardax biss il-projbizzjonijiet formali tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku, iżda wkoll, sussidjarjament, limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet materjali, anki jekk parzjali, jiġifieri miżuri li għandhom bħala effett li jillimitaw dan l-eżerċizzju.

51      F’dan ir-rigward, il-Konfederazzjoni Svizzera tikkunsidra li l-Artikolu 9(1) tar‑Regolament Nru 2408/92 japplika għall-miżuri previsti fil-213-il Regolament, kif emendat, peress li huma jillimitaw b’mod ċar id-drittijiet tat-traffiku għall‑approċċ u t-tluq mill-ajruport ta’ Zurich u jissuġġettaw dan l-eżerċizzju għal kundizzjonijiet, jiġifieri, l-osservanza ta’ dawn il-limitazzjonijiet, li għandha bħala effett li trendi l-approċċ lejn dan l-ajruport mit-Tramuntana, impossibbli matul il‑ħinijiet ta’ projbizzjoni ta’ titjir f’altitudni baxxa.

52      Għalhekk, skont il-Federazzjoni Svizzera, l-imsemmija miżuri jikkostitwixxu, għall-inqas minn perspettiva materjali, projbizzjoni kundizzjonali jew parzjali tal‑eżerċizzju ta’ drittijiet tat-traffiku li għaliha huwa applikabbli l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92.

53      Il-Kummissjoni, il-Gvern Ġermaniż u l-Landkreis Waldshut jikkontestaw dan l‑argument tal-Federazzjoni Svizzera.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2408/92, l‑eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku għandu jkun suġġett għal regoli operazzjonali nazzjonali, reġjonali jew lokali li ġew ippubblikati, li jirrigwardaw is-sigurtà, il‑protezzjoni tal-ambjent u l-allokazzjoni ta’ slotts.

55      Kif irrilevat ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punti 75, 76 u 80 tas-sentenza appellata, l‑Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament jikkonċerna kategorija iktar speċifika ta’ regoli operazzjonali applikabbli fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku skont il-paragrafu 1 ta’ dan l‑artikolu, li jimponu kundizzjonijiet, li jillimitaw jew li jirrifjutaw dan l-eżerċizzju.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tas-sentenza appellata, il‑Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma llimitat l-applikabbiltà tal-imsemmi Artikolu 9 għal miżuri ta’ projbizzjoni formali tal-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku, iżda fil-punti 75 u 88 ta’ din is-sentenza, hija ddeċidiet li l-miżuri msemmija f’dan l-istess Artikolu 9 jipprovdu, essenzjalment, projbizzjoni, tal-inqas kundizzjonali jew parzjali, tal-imsemmi eżerċizzju.

57      F’dan il-kuntest, huwa b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, ippreċiżat li ċ-ċirkustanza fejn l-Istat membru jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ drittijiet tat-traffiku bl-ajru għall-osservanza tar-regoli operazzjonali nazzjonali, regjonali jew lokali li ġew ippubblikati, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il‑ħarsien tal-ambjent, ma hijiex ekwivalenti għall-impożizzjoni ta’ kundizzjoni, fis-sens tal‑Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92, għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

58      Fil-fatt, jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament ma jkollu ebda sinjifikat.

59      Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 75 u 88 tas‑sentenza appellata, dwar il-portata tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 9 tal‑imsemmi regolament, ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

60      Madankollu, kif ġie rrilevat ukoll mill-Qorti Ġenerali fil-punti 86 u 87 tas‑sentenza appellata, mill-premessi 1 sa 6 flimkien mal‑premessa 44 tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li, il-miżuri previsti mill‑213‑il Regolament, kif emendat, ma jimplikawx, matul il-perijodu ta’ implementazzjoni tagħhom, projbizzjoni, kemm kundizzjonali kif ukoll parzjali, ta’ passaġġ mill-ispazju tal‑ajru Ġermaniż ta’ titjiriet lejn jew mill-ajruport Zurich, iżda sempliċi tibdil tat‑trajettorja tagħhom, wara t-tluq tagħhom jew qabel l-inżul tagħom f’dan l-ajruport.

61      Fil-fatt, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fl-imsemmi punt 87, dawn il-miżuri jillimitaw ruħhom, essenzjalment, li jwaqqfu, matul l‑imsemmi perijodu, titjir f’altitudni baxxa fuq parti mit-territorju Ġermaniż ħdejn il-fruntiera Svizzera, filwaqt li titjir fl-istess territorju f’altitudni ogħla jibqa’ dejjem possibbli.

62      Għalhekk, billi ddeċidiet li l-imsemmija miżuri ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

64      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni li, billi ddeċidiet li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet suffiċjentement immotivata fir-rigward tal-applikabbiltà tal‑Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92, għall-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, kif ukoll billi ħadet inkunsiderazzjoni s-sostituzzjoni tal-motivi ppreżentati mill-Kummissjoni fil-mori tal-kawża fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod żbaljat fil-liġi l-obbligu ta’ motivazzjoni previst mill‑Artikolu 296 TFUE.

65      Skont il-Konfederazzjoni Svizzera, fl-assenza ta’ motivazzjoni dwar l‑esklużjoni tal-imsemmija miżuri mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92, id-deċiżjoni inkwistjoni kellha tiġi annullata minħabba ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali.

66      Il-Kummissjoni, il-Gvern Ġermaniż u l-Landkreis Waldshut jikkontestaw dan l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill‑Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal‑att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal‑miżura meħuda u lill‑qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, Ġabra p. I‑2125, punt 55, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, p. I-8947, punt 147).

68      F’dan il-każ, huwa ċar li l-Konfederazzjoni Svizzera ma spjegat bl‑ebda mod sa fejn il-motivazzjoni allegatament insuffiċjenti tad-deċiżjoni inkwistjoni kienet tipprekludiha milli tifhem il-ġustifikazzjoni ta’ din tal‑aħħar u tiddefendi b’mod utli d-drittijiet tagħha.

69      Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali setgħet, abbażi tar-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid‑deċiżjoni inkwistjoni, teżerċita l-istħarriġ tagħha.

70      Fil-fatt, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, il-premessi 1 sa 6, 32 u 44 tad-deċiżjoni inkwistjoni jindikaw b’mod ċar u inekwivoku li jekk il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92, huwa minħabba li, minn naħa, dawn il-miżuri ma ġewx innotifikati b’applikazzjoni tal‑paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 9, u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija miżuri jimplikaw, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom, mhux projbizzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku, iżda sempliċi bidla fit-trajettorja tat-titjiriet li jkunu ġejjin minn jew sejrin lejn l‑ajruport ta’ Zurich.

71      Fir-rigward tal-allegata sostituzzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, li saret mill-Kummissjoni fil-mori tal-kawża, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, anki jekk din id-deċiżjoni turi diġà b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 9 tar‑Regolament Nru 2408/92 huwa inapplikabbli għall-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, il-Konfederazzjoni Svizzera ma tindikax is-sostanza tal-motivazzjoni ġdida pprovduta mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u lanqas sa fejn issostitwixxiet ruħha għal motivi tal-imsemmija deċiżjoni.

72      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet suffiċjentement immotivata.

73      Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

74      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera tinvoka interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati fid-dritt tal-Artikolu 8(3) tar‑Regolament Nru 2408/92, minħabba li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-punti 118 sa 132 tas-sentenza appellata, id‑drittijiet tal-operatur tal-ajruport ta’ Zurich, kif ukoll tar-residenti tiegħu u ma vverifikatx b’mod xieraq, fil-punti 193 sa 199 ta’ din is‑sentenza, il-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, inerenti fiha.

75      Il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni li kieku ttieħdu inkunsiderazzjoni d‑drittijiet tal-operatur u tal-imsemmija residenti, dan kien inevitabbilment iwassal lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, huma sproporzjonati, peress li dawn jobbligaw lill-imsemmi operatur iwettaq riorganizzazzjoni għalja tas-sistema operazzjonali tiegħu u jżidu sostanzjalment l-istorbju tal-ajruplani li jkunu esposti għalih fit‑territorju Svizzeru, ir-residenti li joqogħdu fil-viċinanzi tal-ajruport ta’ Zurich.

76      Konsegwentement, l-imsemmija miżuri ma jippermettux it-twettiq tal‑għan mixtieq minnhom, jiġifieri t-tnaqqis tal-istorbju kkawżat mill‑ajruplani, u jikkostitwixxu diskriminazzjoni bbażata fuq in‑nazzjonalità li tmur kontra l-Artikolu 3 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru.

77      Il-Kummissjoni, il-Gvern Ġermaniż u l-Landkreis Waldshut jikkontestaw dan l-argument tal-Federazzjoni Svizzera.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Ftehim KE-Svizzera dwar it‑trasport bl-ajru huwa parti mill-qafas ta’ serje ta’ seba’ ftehimiet settorjali bejn l-istess partijiet kontraenti, iffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999, wara li, fis-6 ta’ Diċembru 1992, il-Konfederazzjoni Svizzera ċaħdet il‑Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3) u li permezz tar‑rifjut tagħha, din tal-aħħar ma qablitx mal-proġett ta’ entità ekonomika integrata ma’ suq uniku, ibbażat fuq regoli komuni bejn il‑membri tagħha, iżda ppreferiet il-mezz ta’ arranġamenti bilaterali mal-Unjoni Ewropea u mal-Istati Membri tagħha, f’oqsma speċifiċi (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi Grimme, C‑351/08, Ġabra p. I-10777, punti 26 u 27, kif ukoll tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest, C‑541/08, Ġabra p. I‑1025, punt 27).

79      Għaldaqstant, il-Konfederazzjoni Svizzera ma aderixxietx mas-suq intern tal-Unjoni li huwa intiż li jneħħi l-ostakoli kollha għall‑ħolqien ta’ żona ta’ moviment liberu simili għal dak offrut minn suq nazzjonali, li jinkludi, b’mod partikolari, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, is-sentenzi Grimme, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2010, Hengartner u Gasser, C‑70/09, Ġabra p. I‑7233, punt 41).

80      Konsegwentement, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni rigward dan is-suq intern ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it‑trasport bl-ajru, għajr għal dispożizzjonijiet espliċiti f’dan is-sens previsti mill-ftehim innifsu (ara f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Grimme, punt 29, Fokus Invest, punt 28, kif ukoll Hengartner u Gasser, punt 42).

81      Madankollu, huwa ċar li l-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru ma fih l-ebda dispożizzjoni speċifika intiża li tibbenefika lit‑trasportaturi tal-ajru kkonċernati mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni mogħtija lil dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax tiġi trasposta għall-imsemmi ftehim.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma hijiex applikabbli fil-kuntest tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl‑ajru, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 193 sa 198 tas-sentenza appellata, ġustament iddeċidiet li, permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni, il‑Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

83      L-istess jista’ jingħad fir-rigward tal-allegat ksur mill-Konfederazzjoni Svizzera, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tar-rispett tad-drittijiet fundamentali inerenti għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

84      Għaldaqstant, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-eżami tagħha, skont l-Artikolu 8(3) tar‑Regolament Nru 2408/92, il-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, id-drittijiet eventwali tal-operatur tal-ajruport ta’ Zurich u r-residenti li jgħixu fil-viċinanzi tiegħu, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat din id-dispożizzjoni korrettament.

85      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(1) tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, huwa bla ħsara għar-Regolament 2408/92 li t-trasportaturi tal-Unjoni u tal-Konfederazzjoni Svizzera jirċievu drittijiet ta’ traffiku bejn kwalunkwe punt fl-Isvizzera u kwalunkwe punt fl-Unjoni.

86      Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 2(f) u 3(1) tar‑Regolament Nru 2408/92, dan tal-aħħar jirregola l-għoti u l‑eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku tat-trasportaturi tal-ajru.

87      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 8(2) ta’ dan l-istess regolament jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ drittijiet tat-traffiku bl-ajru għal regoli operazzjonali, b’mod partikolari, nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jikkonċernaw is-sigurtà, il-protezzjoni tal-ambjent u l-allokazzjoni ta’ slots. Għaldaqstant, l-eżami previst mill-Artikolu 8(3), li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) u (2) tal-imsemmi artikolu, jista’ biss ikun ibbażat fuq il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ dawn l‑istess drittijiet fuq il-konnessjonijiet tal-ajru kkonċernati, b’kunsiderazzjoni għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jew għall-miżuri li hemm riferiment għalihom fl-imsemmi Artikolu 8(1).

88      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li d-drittijiet eventwali tal-operaturi tal-ajruporti jew tar-residenti li jgħixu fil-viċinanzi tagħhom ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni matul l-eżami previst mill‑Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92.

89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

90      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi peress li ma kkonstatatx, fil-punti 133 sa 192 tas-sentenza appellata, ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

91      L-ewwel nett, il-Konfederazzjoni Svizzera tikkunsidra li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-konformità tal-miżuri previsti mill-213-il Artikolu, kif emendat, mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, id-drittijiet tal-operatur tal-ajruport ta’ Zurich u tar-residenti li jgħixu fil-viċinanzi ta’ dan l-ajruport, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

92      It-tieni nett, il-Konfederazzjoni Svizzera tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 146 sa 153 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-eżami tan-natura ġġustifikata u proporzjonata tal-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, irrikonoxxiet li n-natura turistika taż-żona kkonċernata minn dawn tal-aħħar u l-assenza ta’ awtorità tar‑Repubblika Federali tal-Ġermanja fuq l-ajruport ta’ Zurich kienu jikkostitwixxu ċirkustanzi oġġettivi li jiġġustifikaw dawn il-miżuri.

93      Fil-fatt, minn naħa, billi ddeċidiet li l-viċinanza tal-ajruport ta’ Zurich ma’ żona ta’ natura turistika ma ġietx ikkontestata mill-Konfederazzjoni Svizzera, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument ta’ din tal-aħħar li fil‑fehma tagħha din iż-żona ma kinitx “importanti” u ma kinitx “ikkaratterizzata minn attività turistika eċċezzjonali”. Fi kwalunkwe każ, raġunijiet ekonomiċi ma jippermettux li d-dikriminazzjoni li tirriżulta mill-imsemmija miżuri tiġi ġġustifikata.

94      Min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent tal-assenza ta’ kompetenza legali tal-awtoritajiet Ġermaniżi fuq l-ajruport ta’ Zurich bħala ċirkustanza oġġettiva li tiġġustifika l-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, ikollha l-effett li tipprevjeni l-intervent tal-Kummissjoni.

95      F’dan il-kuntest, il-Konfederazzjoni Svizzera tqis li, kif jirriżulta wkoll mill-punt 149 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet li teżamina l-imsemmija miżuri mill-aspett tan-neċessità tagħhom.

96      Fl-aħħar nett, il-Konfederazzjoni Svizzera ssostni li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 156 tas-sentenza appellata huma żbaljati fid-dritt peress li huma jirriżultaw minn żnaturament tal-provi, minn nuqqas ta’ spjegazzjoni suffiċjenti tal-fatti kif ukoll minn ksur tal-portata tas-setgħa ta’ stħarriġ tagħha, mid-dritt ta’ smigħ u mill-obbligu ta’ motivazzjoni.

97      Il-Kummissjoni, il-Gvern Ġermaniż u l-Landkreis Waldshut jikkontestaw dan l-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

98      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-iżball ta’ liġi li, skont il-Konfederazzjoni Svizzera, wettqet il-Qorti Ġenerali billi ddeċidiet li ma għandhomx jtittieħdu inkunsiderazzjoni, matul l-eżami tal-konformità tal-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, mal-prinċipju tan‑nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, id-drittijiet tal-operatur tal-ajruport ta’ Zurich u tar-residenti li jgħixu fil-viċinanzi ta’ dan l-ajruport, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif jirriżulta wkoll mill-punti 84 sa 88 ta’ din is-sentenza, dan il-ftehim u r-Regolament Nru 2408/92 ma jipprevedux it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn id-drittijiet, iżda jirrigwardaw biss l‑eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ traffiku għat-trasportaturi tal-ajru.

99      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l‑appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi għaldaqstant, ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs L-UASI, C‑214/05 P, Ġabra p. I‑7057, punt 26; tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs L-UASI, C‑16/06 P, Ġabra p. I‑10053, punt 68; u tat-2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs L-UASI, C‑254/09 P, Ġabra p. I‑7989, punt 49).

100    Tali żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Les Éditions Albert René vs L-UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69; tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs L-UASI, C‑535/06 P, Ġabra p. I‑7051, punt 33; u Calvin Klein Trademark Trust vs L-UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

101    Madankollu, fir-rigward tan-natura turistika taż-żona kkonċernata mill‑miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, huwa ċar li, anki jekk hija tallega żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, il‑Konfederazzjoni Svizzera tillimita ruħha li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti minn din tal-aħħar mingħajr ma tipprovdi indikazzjonijiet preċiżi li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ żnaturament ta’ dawn l-elementi.

102    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, billi kkonstatat li l-ajruport ta’ Zurich qiegħed qrib żona ta’ natura turistika, il-Qorti Ġenerali ma kkwalifikatx din iż‑żona bħala “importanti” u lanqas iddikjarat li hija kienet “ikkaratterizzata minn attività turistika eċċezzjonali”.

103    Barra minn hekk, il-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, ma jissodisfawx biss raġunijiet ekonomiċi, iżda wkoll kunsiderazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni ta’ persuni u tal-ambjent peress li l-għan tagħhom huwa t-tnaqqis tal-istorbju li ġej mill-ajruplani fil-parti mit-territorju Ġermaniż li fih huma applikabbli dawn il-miżuri.

104    Fir-rigward tal-assenza ta’ awtorità tar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja fuq l-ajruport ta’ Zurich, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din hija ċirkustanza oġġettiva inkontestabbli, li r-rikonoxximent tagħha ma waqqafx lill-Kummissjoni milli tipproċedi, skont l‑Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92, għall-eżami tal-imsemmija miżuri.

105    Fir-rigward tal-argument tal-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-allegat rifjut tal-Qorti Ġenerali li teżamina n-neċessità tal-miżuri previsti mill‑213-il Regolament kif emendat, għandu jiġi rrilevat li dan huwa bbażat fuq interpretazzjoni manifestament żbaljata tal-punt 149 tas‑sentenza appellata, li għandu jinftiehem fid-dawl tal-kuntest tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, C-294/95 P, Ġabra p. I‑5863, punti 48 u 49). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fl-imsemmi punt 149, sempliċiment tikkonstata li l‑awtoritajiet Ġermaniżi kellhom dritt jieħdu dawk il-miżuri. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 154 et seq tas-sentenza appellata, b’din id-dikjarazzjoni, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma intendiet tillimita l-poter tagħha ta’ stħarriġ fuq in-natura proporzjonata ta’ dawn il-miżuri. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali, fil‑punti 163 et seq ta’ din is-sentenza, teżamina b’mod preċiż u fid-dettall il‑kwistjoni ta’ jekk jeżistux miżuri inqas onerużi, li jippermettu lir-Repubblika Federali Ġermaniża twettaq l-għan mixtieq mid-dispożizzjonijiet tal-213-il Regolament, kif emendat.

106    Fl-aħħar nett, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil‑punt 156 tas‑sentenza appellata huma bbażati fuq l-evalwazzjoni tal‑fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali u, kif fakkret fil‑punt 99 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux għaldaqstant, għajr fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, ikun suġġetti għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

107    Madankollu, il-Konfederazzjoni Svizzera ma tipprovdix indikazzjonijiet preċiżi li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ żnaturament tal-fatti u tal-provi, u, barra minn hekk, dan l-iżnaturament possibbli ma jirriżultax mid-dokumenti tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja. Bl-istess mod, ma jidhirx li l-imsemmija konstatazzjonijiet huma bbażati fuq nuqqas ta’ spjegazzjoni suffiċjenti tal-fatti jew fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-portata tagħha tas-setgħa ta’ stħarriġ, tad-dritt ta’ smigħ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

108    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, indikat b’mod ċar ir-raġuni għalfejn il-livell ta’ storbju inkwistjoni huwa suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawk previsti mill-213-il Regolament, kif emendat.

109    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv

 L-argumenti tal-partijiet

110    Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera tinvoka interpretazzjoni arbitrarja tar-regoli dwar l-oneru tal-prova kif ukoll tad-dmir ta’ kooperazzjoni u tal-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ provi peress li, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkritikatha li ma speċifikatx l-altitudnijiet minimi ta’ titjir li setgħu jiġu stabbiliti mingħajr ma jiżdied l-istorbju fiż-żona tat-territorju Ġermaniż ikkonċernat mill-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat.

111    Fil-fatt, fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali teżiġi, għalhekk, prova li mhux possibbli għaliha li tipprovdi, għalkemm huwa l-awtur tal‑imsemmija miżuri li għandu jagħti prova tan-neċessità tagħhom.

112    Il-Kummissjoni, il-Gvern Ġermaniż u l-Landkreis Waldshut jikkontestaw dan l‑argument tal-Federazzjoni Svizzera.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

113    Is-sempliċi invokazzjoni, mill-Konfederazzjoni Svizzera, ta’ interpretazzjoni arbitrarja tar-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova ma humiex biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tissemma’ fil-punt 158 tas‑sentenza appellata.

114    Fil-fatt, sa fejn id-deċiżjoni inkwistjoni u s-sentenza appellata jinkludu analiżi dettaljata tal-ġustifikazzjoni u tal-proporzjonalità tal-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, hija l-Konfederazzjoni Svizzera li għandha tindika b’mod preċiż l-argumenti li jippermettu, fil‑fehma tagħha, li tiġi kkontestata din l‑analiżi.

115    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l‑allegazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera li ċerti altitudnijiet minimi ta’ titjir stabbiliti mill-213-il Regolament, kif emendat, huma għoljin wisq u l-iffissar ta’ altitudnijiet minimi ma għandux effett fuq l-istorbju fiż-żona kkonċernata minn dawn il-miżuri hija insuffiċjenti jekk, biex isostni din l-allegazzjoni, dan l-Istat ma jippreċiżax l‑altitudnijiet minimi li jistgħu għalhekk jiġu stabbiliti.

116    Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv

 L-argumenti tal-partijiet

117    Permezz tas-sitt aggravju tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi billi eskludiet l-eżistenza ta’ miżuri inqas restrittivi minn dawk previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, peress li l‑Konfederazzjoni Svizzera ma invokat ebda preċedent ta’ valur limitu ta’ ħoss stabbilit unikament għal ċerti ħinijiet tal-ġurnata jew għal ċerti ġranet tal-ġimgħa.

118    Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tissemma’ fil-punt 171 tas-sentenza appellata, hija manifestament kontradittorja mal-punt 105 tal-istess sentenza, li jipprovdi, kuntrarjament, li l-Konfederazzjoni Svizzera rreferiet għall-eżistenza ta’ valur limitu ta’ ħoss obbligatorju matul il-ħinijiet ta’ bil-lejl, fis-seħħ mis-sajf tas-sena 2002, għall-ajruport ta’ Frankfurt am Main.

119    Il-Kummissjoni, il-Gvern Ġermaniż u l-Landkreis Waldshut jikkontestaw dan l-argument tal-Federazzjoni Svizzera.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

120    Għandu jiġi rrilevat li, peremezz tas-sitt aggravju tagħha, il‑Konfederazzjoni Svizzera tillimita ruħha li tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tissemma’ fil-punt 171 tas-sentenza appellata, li dan l-Istat ma invoka ebda preċedent ta’ valur limitu ta’ ħoss stabbilit unikament għal ċerti ħinijiet tal-ġurnata jew għal ċerti ġranet tal-ġimgħa, u li jiffunzjona b’mod sodisfaċenti fil-prattika.

121    Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Konfederazzjoni Svizzera, din id-dikjarazzjoni ma hijiex manifestament kontradittorja mal-punt 105 tal-imsemmija sentenza, peress li, f’dan l-aħħar punt, il‑Qorti Ġenerali tirrileva biss li dan l-Istat semma’ l-eżistenza ta’ valur limitu ta’ ħoss obbligatorju matul il-ħinijiet ta’ bil‑lejl fis-seħħ mis-sajf tas-sena 2002, għall-ajruport ta’ Frankfurt am Main, mingħajr ma ppreċiżat jekk dan il-valur limitu jiffunzjonax b’mod sodisfaċenti fil‑prattika.

122    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 171 et seq tas‑sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq diversi raġunijiet sabiex tasal għall-konklużjoni li l-miżuri previsti mill-213-il Regolament, kif emendat, huma proporzjonati u li kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tippermetti, b’mod independenti, il-ġustifikazzjoni ta’ din il-konklużjoni.

123    Konsegwentement, anki jekk wieħed jassumi li s-sitt aggravju huwa fondat, huwa ma jistax jannulla s-sentenza appellata u għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li l-imsemmija konklużjoni hija bbażata fuq motivi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 41, u tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C‑221/10 P, punt 110).

124    Għaldaqstant, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

125    Għaldaqstant, l-appell ma huwa fondat fuq ebda wieħed mill-aggravji tiegħu, u għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal‑Ġustizzja taqta’ l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l‑ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, li sar applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li tilfet l-aggravji tagħha, hemm lok li l‑Konfederazzjoni Svizzera tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha kif miltub mill-Kummissjoni, l-ispejjeż kollha sostnuti mill‑Kummissjoni kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l‑appell.

127    It-tieni sentenza tal-Artikolu 184(4), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi li meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l‑intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Skont din id-dispożizzjoni, hemm lok li jiġi deċiż li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l‑Landkreis Waldshut għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Konfedereazzjoni Svizzera hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għall-ispejjeż kollha sostnuti mill-Kummissjoni kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Landkreis Waldshut għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.