Language of document : ECLI:EU:T:2010:418

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla)

30 ta’ Settembru 2010 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in‑netwerk ta’ Al‑Qaida u t‑Taliban – Regolament (KE) Nru 881/2002 – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuna wara li din titniżżel f’lista stabbilita minn korp tan‑Nazzjonijiet Uniti – Kumitat tas‑sanzjonijiet – Inklużjoni sussegwenti fl‑Anness I tar‑Regolament (KE) Nru 881/2002 – Rikors għal annullament – Drittijiet fundamentali – Dritt għal smigħ, dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u dritt għar‑rispett tal‑proprjetà”

Fil‑Kawża T‑85/09,

Yassin Abdullah Kadi, residenti f’Jeddah (l‑Arabja Sawdija), irrappreżentat minn D. Anderson, QC, M. Lester, barrister, u G. Martin, solicitor,

rikorrent,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P. Hetsch, P. Aalto u F. Hoffmeister, sussegwentement minn P. Hetsch, F. Hoffmeister u E. Paasivirta, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop, E. Finnegan u R. Szostak, bħala aġenti,

minn

Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u L. Butel, bħala aġenti,

u minn

Ir‑Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Behzadi‑Spencer u E. Jenkinson, bħala aġenti, assistiti minn D. Beard, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1190/2008, tat‑28 ta’ Novembru 2008, li jemenda għall‑101 darba r‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in‑netwerk ta’ Al‑Qaida u t‑Taliban (ĠU L 322, p. 25), sa fejn dan l‑att jikkonċerna lir‑rikorrent,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, E. Moavero Milanesi u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

 Il‑kuntest ġuridiku u l‑fatti li wasslu għall‑kawża

1        Għal espożizzjoni dettaljata tal‑fatti li wasslu għal kawża kif ukoll tal‑kuntest ġuridiku applikabbli għalihom, qiegħed isir riferiment għall‑punti 3 sa 45 tas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351), iktar ’il quddiem is‑“sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja”), mogħtija f’appell mis‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Settembru 2005, Kadi vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑315/01, Ġabra p. II‑3649, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Kadi tal‑Qorti Ġenerali”), li ddeċidiet fuq ir‑rikors għal annullament ippreżentat mir‑rikorrenti, Yassin Abdullah Kadi, kontra r‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas‑27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in‑network ta’ Al‑Qaida u t‑Taliban, u li jħassar ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l‑esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l‑Afganistan, waqt li jsaħħaħ il‑projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l‑friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it‑Taliban tal‑Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294), sa fejn dan l‑att kien jikkonċernah.

2        Għall‑finijiet ta’ din is‑sentenza, il‑kuntest ġuridiku u l‑fatti li wasslu għall‑kawża jistgħu jitqassru kif ġej.

 Il‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti u t‑Trattat KE

3        Il‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti ġiet iffirmata f’San Francisco (l‑Istati Uniti) fis‑26 ta’ Ġunju 1945, lejn l‑aħħar tat‑tieni gwerra dinjija. Il‑preambolu tagħha jafferma r‑riżoluzzjoni tal‑popli tan‑Nazzjonijiet Uniti li jipproteġu lil ġenerazzjonijiet futuri mill‑pjaga tal‑gwerra, li jiddikjaraw it‑twemmin tagħhom fid‑drittijiet fundamentali tal‑bniedem u li joħolqu l‑kundizzjonijiet meħtieġa għaż‑żamma tal‑ġustizzja u għall‑osservanza tal‑obbligi li jirriżultaw mit‑Trattati u minn sorsi oħra tad‑dritt internazzjonali. Skont l‑Artikolu 1 tagħha, in‑Nazzjonijiet Uniti għandhom l‑għan b’mod partikolari li jżommu l‑paċi u s‑sigurtà internazzjonali u għal dan l‑iskop li jieħdu miżuri kollettivi effikaċi bil‑ħsieb li jipprevjenu u li jevitaw it‑theddid għall‑paċi, iżda wkoll li jiżviluppaw u jinkoraġġixxu r‑rispett għad‑drittijiet tal‑bniedem u l‑libertajiet fundamentali.

4        Skont l‑Artikolu 24(1) tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, il‑Kunsill tas‑Sigurtà tan‑Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il‑“Kunsill tas‑Sigurtà”) jingħata r‑responsabbiltà primarja għaż‑żamma tal‑paċi u s‑sigurtà internazzjonali. Skont l‑Artikolu 25 tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, il‑Membri tal‑organizzazzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti (ONU) jintrabtu li jaċċettaw u jwettqu d‑deċiżjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà skont din il‑Karta.

5        Il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti jiddefinixxi l‑azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil‑każ ta’ theddid għall‑paċi, ksur tal‑paċi u atti ta’ aggressjoni. L‑Artikolu 39, li jintroduċi dan il‑kapitolu, jiddikjara li l‑Kunsill tas‑Sigurtà għandu jiddeċiedi jekk teżistix xi theddida bħal din u għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet jew jiddeċiedi liema miżuri għandhom jittieħdu skont l‑Artikoli 41 u 42, biex iħares jew jerġa’ jġib il‑paċi u s‑sigurtà internazzjonali. Skont l‑Artikolu 41 tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, il‑Kunsill tas‑Sigurtà jista’ jiddeċiedi liema miżuri li ma jinvolvux l‑użu tal‑forza għandhom jiġu użati biex jitwettqu d‑deċiżjonijiet tiegħu u jista’ jitlob lill‑membri tan‑Nazzjonijiet Uniti biex japplikaw dawn il‑miżuri.

6        Skont l‑Artikolu 48(2) tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, id‑deċiżjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà għaż‑żamma tal‑paċi u tas‑sigurtà internazzjonali għandhom jiġu eżegwiti mill‑Membri tan‑Nazzjonijiet Uniti direttament u permezz tal‑azzjoni tagħhom fl‑aġenziji internazzjonali adatti li tagħhom ikunu membri.

7        Skont l‑Artikolu 103 tal‑istess Karta, fil‑każ ta’ kunflitt bejn l‑obbligi tal‑Membri tan‑Nazzjonijiet Uniti skont il‑Karta u l‑obbligi tagħhom skont xi ftehim internazzjonali ieħor, għandhom jipprevalu l‑obbligi tagħhom skont din il‑Karta.

8        Skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 307 KE (li sar, wara emendi, l‑Artikolu 351 TFUE), “id‑drittijiet u l‑obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id‑data tal‑adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid‑dispożizzjonijiet ta’ dan it‑Trattat”.

9        Skont l‑Artikolu 297 KE (li sar, wara emendi, l‑Artikolu 347 TFUE), “l‑Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil‑għan li jieħdu flimkien il‑miżuri meħtieġa biex jipprevjenu li l‑funzjonament tas‑suq komuni jiġi milqut minn miżuri li Stat Membru jista’ jkollu jieħu [...] sabiex jesegwixxi obbligi li jkun assuma bil‑għan li jżomm il‑paċi u s‑sigurtà internazzjonali”.

 Azzjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà kontra t‑terroriżmu internazzjonali

10      Sa mill‑aħħar tas‑snin disgħin, u iktar wara l‑attentati tal‑11 ta’ Settembru 2001 fi New York, f’Washington u f’Pennsylvania (l‑Istati Uniti), il‑Kunsill tas‑Sigurtà għamel użu mis‑setgħat tiegħu skont il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, bil‑għan li jiġġieled b’kull mod possibbli, fil‑limiti tal‑osservanza tal‑imsemmija Karta u tad‑dritt internazzjonali, it‑theddid tal‑atti terroristiċi kontra l‑paċi u s‑sigurtà internazzjonali.

11      Għalhekk, fil‑15 ta’ Ottubru 1999, il‑Kunsill tas‑Sigurtà adotta, b’risposta għall‑attentati kontra l‑ambaxxati Amerikani ta’ Nairobi (il‑Kenja) u ta’ Dar Es Salaam (it‑Tanzanija), ir‑riżoluzzjoni 1267 (1999), li fil‑paragrafu 4(b) tagħha tippreskrivi lill‑Istati kollha, b’mod partikolari, li jiffriżaw fondi u riżorsi finanzjarji oħra tat‑Taliban tal‑Afganistan, minħabba l‑appoġġ tagħhom lejn Usama bin Laden.

12      Fil‑paragrafu 6 tal‑istess riżoluzzjoni, il‑Kunsill tas‑Sigurtà ddeċieda li jistabbilixxi Kumitat tal‑Kunsill tas‑Sigurtà (iktar ’il quddiem il‑“Kumitat tas‑Sanzjonijiet”, hekk ukoll imsejjaħ il‑“Kumitat 1267”), kompost mill‑membri tiegħu kollha, inkarigat, b’mod partikolari, li jiżgura l‑implementazzjoni, mill‑Istati, tal‑miżuri imposti mill‑paragrafu 4 ta’ din ir‑riżoluzzjoni.

13      Ir‑riżoluzzjoni 1333 (2000) tal‑Kunsill tas‑Sigurtà, tad‑19 ta’ Diċembru 2000, estendiet u saħħet din is-sistema ta’ miżuri restrittivi inizjalment intiżi biss kontra t‑Taliban. Għaldaqstant, il‑paragrafu 8(c) tagħha jiddisponi li l‑Istati kollha għandhom, b’mod partikolari, jiffriżaw mingħajr dewmien il‑fondi u assi finanzjarji oħra ta’ Usama bin Laden u ta’ individwi u entitajiet li huma assoċjati miegħu kif identifikati mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, u li jiżguraw li l‑ebda fondi jew riżorsi finanzjarji ma jitqiegħdu għad‑dispożizzjoni ta’ jew jiġu użati favur Usama bin Laden jew dawk assoċjati miegħu, inkluża l‑organizzazzjoni Al‑Qaida.

14      Ir‑riżoluzzjoni 1333 (2000) ġiet segwita minn serje ta’ riżoluzzjonijiet oħra tal‑Kunsill tas‑Sigurtà li mmodifikaw, saħħew u aġġornaw is-sistema ta’ miżuri restrittivi fil‑konfront ta’ Usama bin Laden, l‑organizzazzjoni Al‑Qaida, it‑Taliban u l‑persuni, il‑gruppi, l‑impriżi u l‑entitajiet assoċjati magħhom. Dawn huma, b’mod partikolari, ir‑riżoluzzjonijiet 1390 (2002) tas‑16 ta’ Jannar 2002, 1455 (2003) tas‑17 ta’ Jannar 2003, 1526 (2004) tat‑30 ta’ Jannar 2004, 1617 (2005) tad‑29 ta’ Lulju 2005, 1735 (2006) tat‑22 ta’ Diċembru 2006, 1822 (2008) tat‑30 ta’ Ġunju 2008 u 1904 (2009) tas‑17 ta’ Diċembru 2009. Dawn ir‑riżoluzzjonijiet kollha, li ġew adottati bis‑saħħa tal‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, jimponu b’mod partikolari l‑obbligu fuq l‑Istati Membri tal‑ONU li jiffriżaw fondi u riżorsi ekonomiċi oħra ta’ kull persuna jew entità assoċjata ma’ Usama bin Laden, ma’ Al‑Qaida jew mat‑Taliban, kif identifikati mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet.

15      Minbarra s‑sorveljanza tal‑eżekuzzjoni ta’ dawn il‑miżuri restrittivi mill‑Istati, il‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet iżomm lista rikapitulattiva aġġornata (iktar ’il quddiem il‑“lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet”) ta’ persuni u ta’ entitajiet li l‑fondi u r‑riżorsi ekonomiċi l‑oħra tagħhom għandhom jiġu ffriżati skont ir‑riżoluzzjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà ċċitati iktar ’il fuq. L‑Istati jistgħu jitolbu lill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet sabiex iżid ismijiet f’din il‑lista. Il‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet jeżamina bl‑istess mod it‑talbiet għat‑tneħħija ta’ ismijiet mill‑imsemmija lista kif ukoll it‑talbiet għal deroga mill‑iffriżar ta’ assi mressqa skont ir‑riżoluzzjoni 1452 (2002) tal‑Kunsill tas‑Sigurtà. Il‑proċeduri għall‑implementazzjoni tal‑imsemmija għanijiet huma attwalment definiti, minn naħa, fir‑riżoluzzjonijiet 1735 (2006), 1822 (2008) u 1904 (2009) u, min‑naħa l‑oħra, fid‑direttivi li jirregolaw l‑iżvolġiment tax‑xogħlijiet tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, elaborati minnu stess.

16      Skont il‑paragrafu 5 tar‑riżoluzzjoni 1735 (2006), l‑Istati għandhom, meta jipproponu lill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet li jniżżel ismijiet fil‑lista tiegħu, jagħti spjegazzjoni tar‑raġunijiet, filwaqt li r‑rapport relattiv għandu jinkludi spjegazzjoni kemm jista’ jkun dettaljata tar‑raġunijiet tat‑talba għall‑inklużjoni, li tinkludi: i) l‑elementi kollha li jistabbilixxu b’mod ċar li l‑individwu jew l‑entità tissodisfa l‑kriterji previsti; ii) in‑natura tal‑elementi ta’ informazzjoni; u iii) l‑elementi kollha ta’ informazzjoni jew dokumenti li jiġġustifikaw li jistgħu jingħataw. Skont il‑paragrafu 6 ta’ din l‑istess riżoluzzjoni, l‑Istati, meta jressqu talba għall‑inklużjoni, huma mitluba jippreċiżaw l‑elementi tar‑rapport li jistgħu jiġu żvelati għall‑finijiet ta’ notifika lill‑individwu jew entità li isimhom ikun tpoġġa fuq il‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, u dawk li jistgħu jiġu żvelati lill‑Istati li jitolbu aċċess għalihom.

17      Fil‑kuntest tal‑impenn sabiex jiżgura li jkunu fis‑seħħ proċeduri ekwi u ċari għall‑inklużjoni ta’ individwi u ta’ entitajiet fil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet u għat‑tneħħija tagħhom minn din il‑lista, kif ukoll għall‑għoti ta’ eżenzjonijiet minħabba raġunijiet umanitarji, il‑Kunsill tas‑Sigurtà adotta wkoll, fid‑19 ta’ Diċembru 2006, ir‑riżoluzzjoni 1730 (2006), li permezz tagħha talab lis‑segretarjat ġenerali tal‑ONU jistabbilixxi, fid‑dipartiment tas‑segretarjat tal‑korpi sussidjarji tal‑Kunsill tas‑Sigurtà, punt ċentrali għat‑talbiet ta’ tneħħija u sabiex jaqdi d‑dmirijiet deskritti fl‑anness tal‑imsemmija riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem “il‑punt ċentrali”). Dawk li jkunu jixtiequ jressqu talba għat‑tneħħija jistgħu issa jagħmluha permezz tal‑punt ċentrali, skont il‑proċedura deskritta fir‑riżoluzzjoni 1730 (2006) u l‑anness tagħha, jew permezz tal‑Istat ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tagħhom. Permezz ta’ ittra (S/2007/178) tat‑30 ta’ Marzu 2007, is‑segretarjat ġenerali tal‑ONU informa lill‑President tal‑Kunsill tas‑Sigurtà li l‑punt ċentrali għat‑talbiet ta’ tneħħija ġie stabbilit.

18      Fil‑preambolu tar‑riżoluzzjoni 1822 (2008), li kienet ir‑riżoluzzjoni rilevanti fid‑data tal‑adozzjoni tal‑att ikkontestat permezz ta’ dan ir‑rikors, il‑Kunsill tas‑Sigurtà jafferma mill‑ġdid li t‑terroriżmu, fi kwalunkwe forma u manifestazzjoni, jikkostitwixxi waħda mit‑theddidiet l‑iktar serji kontra l‑paċi u s‑sigurtà, jiddikjara mill‑ġdid li huwa jikkundanna lin‑netwerk Al‑Qaida, Usama bin Laden, it‑Taliban u l‑persuni l‑oħra, il‑gruppi, l‑impriżi u l‑entitajiet assoċjati magħhom, jinsisti dwar il‑fatt li t‑terroriżmu ma jistax jingħeleb ħlief permezz tal‑adozzjoni ta’ approċċ kontrollat u globali, imsejjes fuq il‑parteċipazzjoni u l‑kollaborazzjoni attiva tal‑kollettività tal‑Istati u ta’ korpi internazzjonali u reġjonali, jenfasizza l‑ħtieġa ta’ implementazzjoni rigoruża tal‑miżuri restrittivi previsti fil‑paragrafu 1 ta’ din ir‑riżoluzzjoni, iżda jieħu inkunsiderazzjoni wkoll id‑diffikultajiet li tiffaċċja l‑implementazzjoni ta’ dawn il‑miżuri billi jirrikonoxxi l‑isforzi magħmula mill‑Istati u mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet bil‑għan li jiżguraw li l‑proċeduri ekwi u ċari jkunu fis‑seħħ għall‑inklużjoni ta’ dawk ikkonċernati fil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet u għat‑tneħħija tagħhom minn din il‑lista u jilqa’ l‑istabbiliment tal‑punt ċentrali. Dak l‑istess preambolu jafferma mill‑ġdid li l‑miżuri inkwistjoni huma ta’ natura preventiva u huma indipendenti minn liġijiet kriminali tad‑dritt intern.

19      Il‑paragrafu 1 tar‑riżoluzzjoni 1822 (2008) jipprevedi ż‑żamma ta’ miżuri restrittivi li jirriżultaw diġà mir‑riżoluzzjonijiet preċedenti 1267 (1999), 1333 (2000) u 1390 (2002). Fil‑paragrafu 8 ta’ din ir‑riżoluzzjoni huwa affermat mill‑ġdid l‑obbligu impost fuq l‑Istati kollha sabiex jimplementaw u josservaw il‑miżuri previsti fil‑paragrafu 1, u l‑Istati kollha huma mitluba jirduppjaw l‑isforzi tagħhom f’dan is‑sens. Il‑paragrafi 9 sa 18, 19 sa 23 u 24 sa 26 ta’ din l‑istess riżoluzzjoni jikkonċernaw, rispettivament, il‑proċeduri ta’ inklużjoni fil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, ta’ tneħħija minn din il‑lista u ta’ reviżjoni u ta’ aġġornament tal‑lista.

20      Fir‑rigward tal‑proċedura ta’ inklużjoni, il‑Kunsill ta’ Sigurtà, fil‑paragrafu 12 tar‑Riżoluzzjoni 1822 (2008), jafferma mill‑ġdid li l‑Istati, meta jipproponu lill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet li jiġu inklużi ismijiet fil‑lista, jikkonformaw mal‑paragrafu 5 tar‑riżoluzzjoni 1735 (2006) u jagħtu spjegazzjoni dettaljata tar‑raġunijiet, u jiddeċiedi barra minn dan li l‑Istati għandhom, għal kull talba ta’ inklużjoni, jippreċiżaw l‑elementi tar‑rapport rilevanti li jistgħu jiġu żvelati, b’mod partikolari sabiex il‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet ikun jista’ jelabora s‑sunt li tiegħu hemm deskrizzjoni fil‑paragrafu 13 jew sabiex tiġi avżata jew informata l‑persuna jew l‑entità li isimha jkun tniżżel fil‑lista. Il‑paragrafu 13 ta’ din l‑istess riżoluzzjoni jipprevedi, b’mod partikolari, minn naħa waħda, li l‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, meta jżid isem fuq il‑lista, jippubblika fis-sit elettroniku tiegħu, b’koordinazzjoni mal‑Istati li jkunu għamlu t‑talba ta’ inklużjoni rilevanti, “sunt tar‑raġunijiet għall‑inklużjoni”, u, min‑naħa l‑oħra, li dan il‑Kumitat ifittex li jippubblika fuq is‑sit elettroniku tiegħu, b’koordinazzjoni mal‑Istati li jkunu għamlu t‑talbiet ta’ inklużjoni rilevanti, “taqsiriet tar‑raġunijiet li wasslu għall‑inklużjoni” ta’ ismijiet fl‑imsemmija lista, qabel l‑adozzjoni ta’ din l‑istess riżoluzzjoni. Fil‑paragrafu 17 tal‑istess riżoluzzjoni, huwa mitlub li l‑Istati kkonċernati jieħdu l‑miżuri kollha possibbli, skont il‑liġijiet u l‑prassi interna tagħhom, sabiex javżaw jew jinformaw fi żmien propizju l‑persuna jew entità kkonċernata dwar l‑inklużjoni ta’ isimha fil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, u sabiex jehmżu ma’ dan l‑avviż kopja tal‑parti tar‑rapport li tista’ tiġi żvelata, tal‑informazzjoni dwar ir‑raġunijiet għall‑inklużjoni li jidhru fuq is‑sit elettroniku tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, deskrizzjoni tal‑effetti tal‑inklużjoni kif jirriżultaw mir‑riżoluzzjonijiet rilevanti, il‑modalitajiet ta’ eżami mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet ta’ talbiet għat‑tneħħija mil‑lista tiegħu u l‑possibbiltajiet ta’ derogi.

21      Fir‑rigward tal‑proċedura ta’ tneħħija, huwa mfakkar, fil‑paragrafu 19 tar‑riżoluzzjoni 1822 (2008), li l‑persuni, il‑gruppi, l‑impriżi u l‑entitajiet imniżżla fil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet jistgħu jressqu talba ta’ tneħħija direttament lill‑punt ċentrali. Skont il‑paragrafu 21 ta’ din ir‑riżoluzzjoni, il‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet għandu l‑obbligu li jeżamina, skont id‑direttivi tiegħu, it‑talbiet għat‑tneħħija mil‑lista tiegħu l‑isem ta’ membri ta’ Al‑Qaida jew tat‑Taliban jew ta’ dawk assoċjati ma’ Al‑Qaida, ma’ Usama bin Laden jew mat‑Taliban li ma jkunux għadhom jissodisfaw il‑kriterji stabbiliti fir‑riżoluzzjonijiet rilevanti.

22      Il‑preambolu tar‑riżoluzzjoni 1904 (2009) jenfasizza li s‑sanzjonijiet huma strument importanti previsti mill‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti għaż‑żamma u l‑istabbiliment mill‑ġdid tal‑paċi u s‑sigurtà internazzjonali, kif ukoll il‑ħtieġa ta’ implementazzjoni rigoruża tal‑miżuri previsti fil‑paragrafu 1 ta’ din ir‑riżoluzzjoni. Huwa ppreċiżat li l‑Kunsill tas‑Sanzjonijiet jieħu inkunsiderazzjoni d‑diffikultajiet ta’ natura legali u oħrajn li taffaċċja l‑implementazzjoni ta’ miżuri meħuda mill‑Istati skont l‑imsemmi paragrafu 1, jilqa’ b’sodisfazzjon it‑titjib li sar fir‑rigward tal‑proċeduri tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet u jesprimi l‑intenzjoni li jkompli jaħdem sabiex dawn il‑proċeduri jsiru ekwi u trasparenti.

23      Il‑paragrafu 1 tar‑riżoluzzjoni 1904 (2009) jipprevedi ż‑żamma ta’ miżuri restrittivi li jirriżultaw diġà mir‑riżoluzzjonijiet preċedenti 1267 (1999), 1333 (2000) u 1390 (2002). Il‑paragrafi 8 sa 19, 20 sa 27 u 28 sa 32 ta’ din ir‑riżoluzzjoni jikkonċernaw, rispettivament, il‑proċeduri ta’ inklużjoni fil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, ta’ tneħħija minn din il‑lista u ta’ reviżjoni u ta’ aġġornament tagħha.

24      Fir‑rigward tal‑proċedura ta’ inklużjoni, il‑Kunsill tas‑Sigurtà, fil‑paragrafu 11 tar‑riżoluzzjoni 1904 (2009), jafferma mill‑ġdid li l‑Istati għandhom, meta jipproponu lill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet li jiġu inklużi ismijiet fil‑lista, jikkonformaw mal‑paragrafu 5 tar‑riżoluzzjoni 1735 (2006) u mal‑paragrafu 12 tar‑riżoluzzjoni 1822 (2008) u jagħtu spjegazzjoni dettaljata tar‑raġunijiet, u jiddeċiedi li l‑ispjegazzjoni tar‑raġunijiet tista’ tiġi żvelata, fuq talba, ħlief dawk l‑elementi li l‑Istat membru jkun indika bħala kunfidenzjali, u tista’ tintuża fit‑twaqqif tas‑sunt tar‑raġunijiet għall‑inklużjoni fil‑lista li tagħha hemm deskrizzjoni fil‑paragrafu 14.

25      Fir‑rigward tal‑proċedura ta’ tneħħija, hekk kif inhu ppreċiżat fil‑paragrafu 20 tar‑riżoluzzjoni 1904 (2009), il‑Kunsill tas‑Sigurtà jiddeċiedi li, meta jeżamina t‑talbiet ta’ tneħħija mil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, huwa jkun assistit minn “uffiċċju tal‑ombudsman”, li jiġi stabbilit għal perijodu inizjali ta’ 18‑il xahar li jibda jiddekorri mid‑data tal‑adozzjoni ta’ din ir‑riżoluzzjoni, jitlob lis‑segretarju ġenerali tal‑ONU, b’konsultazzjoni mill‑qrib mal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, sabiex jaħtar persuna eminenti ta’ stima morali għolja, magħrufa għall‑imparzjalità tagħha u l‑integrità tagħha u li għandha l‑kwalifiki għolja u l‑esperjenza neċessarja fl‑oqsma rilevanti (dritt, drittijiet tal‑bniedem, ġlied kontra t‑terroriżmu, sanzjonijiet, eċċ.) sabiex jaqdi l‑funzjonijiet ta’ ombudsman, li l‑mandat tiegħu huwa definit fl‑Anness II tar‑riżoluzzjoni msemmija, u jiddeċiedi wkoll li l‑ombudsman jaqdi l‑funzjonijiet tiegħu b’indipendenza u b’imparzjalità sħiħa u ma jitlob u lanqas jirċievi istruzzjonijiet minn ebda Gvern. Kif inhu indikat fil‑paragrafu 21 tar‑riżoluzzjoni msemmija, il‑Kunsill tas‑Sigurtà jiddeċiedi li, wara l‑ħatra tal‑ombudsman, l‑uffiċċju tal‑ombudsman jibda jirċievi t‑talbiet ta’ persuni u entitajiet li jkunu jixtiequ li jitneħħew mil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, skont il‑modalitajiet definiti fl‑Anness II ta’ din ir‑riżoluzzjoni, u li wara l‑ħatra tal‑ombudsman, il‑mekkaniżmu tal‑punt ċentrali ma jirċevix iktar dawn it‑talbiet. Il‑paragrafu 22 ta’ din l‑istess riżoluzzjoni jipprevedi li l‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet huwa obbligat ikompli jeżamina, skont id‑direttivi tiegħu, it‑talbiet ta’ tneħħija. Fil‑paragrafu 25 tar‑riżoluzzjoni msemmija, il‑Kunsill tas‑Sigurtà jinkoraġġixxi lill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet sabiex meta jeżamina t‑talbiet ta’ tneħħija, jieħu inkunsiderazzjoni l‑parir tal‑Istat tal‑oriġini tal‑inklużjonijiet u tal‑Istati ta’ residenza, ta’ nazzjonalità jew ta’ kostituzzjoni u jitlob lill‑membri tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet jagħmlu dak kollu possibbli sabiex jimmotivaw kull oġġezzjoni għall‑imsemmija talbiet ta’ tneħħija.

26      L‑Anness II tar‑riżoluzzjoni 1904 (2009) jiddefinixxi l‑kompiti li l‑ombudsman huwa awtorizzat li jaqdi, skont il‑paragrafu 20 ta’ din ir‑riżoluzzjoni, meta jirċievi talba ta’ tneħħija. Dawn jinqasmu fil‑fażi tal‑ġbir ta’ informazzjoni mill‑Istati kkonċernati u l‑fażi ta’ konsultazzjoni, li matulha jista’ jsir djalogu mar‑rikorrenti. Wara dawn iż‑żewġ fażijiet, l‑ombudsman jistabbilixxi u jikkomunika “rapport komprensiv” lill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet. Dan tal‑aħħar jeżamina t‑talba ta’ tneħħija, bl‑għajnuna tal‑ombudsman, u jiddeċiedi, wara dan l‑eżami, jekk japprovax it‑talba ta’ tneħħija.

27      Fis‑7 ta’ Ġunju 2010, il‑kelliem tas‑segretarju ġenerali tal‑ONU ħabbar il‑ħatra ta’ Kimberly Prost, imħallef Kanadiż ad litem fit‑Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il‑Jugoslavja, bħala ombudsman.

28      Peress li l‑Istati Membri tal‑Unjoni Ewropea mlaqqgħin fil‑Kunsill ikkunsidraw, f’diversi pożizzjonijiet komuni adottati taħt il‑politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK), li hija meħtieġa azzjoni tal‑Komunità Ewropea bil‑għan li jiġu implementati r‑riżoluzzjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà ċċitati iktar ’il fuq, il‑Kunsill suċċessivament adotta, b’mod partikolari, ir‑Regolament (KE) Nru 337/2000, tal‑14 ta’ Frar 2000, dwar il‑projbizzjoni ta’ titjiriet u l‑iffriżar ta’ fondi u riżorsi finanzjarji oħra fil‑konfront tat‑Taliban tal‑Afganistan (ĠU L 43, p. 1), ir‑Regolament (KE) Nru 467/2001, tas‑6 ta’ Marzu 2001, li jipprojbixxi l‑esportazzjoni ta’ ċerti merkanziji u ċerti titjiriet lejn l‑Afganistan, li jsaħħaħ il‑projbizzjoni ta’ titjiriet u li jestendi l‑iffriżar ta’ fondi u riżorsi finanzjarji fil‑konfornt tat‑Taliban tal‑Afganistan, u li jħassar ir‑Regolament Nru 337/2000 (ĠU L 67, p. 1), u r‑Regolament Nru 881/2002.

29      Dawn l‑aħħar żewġ regolamenti jimponu, b’mod partikolari, l‑iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra ta’ persuni, gruppi u entitajiet indikati mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet u identifikati fl‑Anness I tagħhom. Il‑Kummissjoni Ewropea għandha s‑setgħa temenda jew tkompli l‑imsemmi Anness I fuq il‑bażi ta’ deċiżjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà jew tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijet. Il‑proċedura għal dan l‑iskop ġiet riveduta, wara s‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, permezz tar‑Regolament tal‑Kunsill (UE) Nru 1286/2009 tat‑22 ta’ Diċembru 2009, li emenda r‑Regolament Nru 881/2002 (JO L 346, p. 42).

30      Fis‑17 ta’ Ottubru 2001, il‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet ippubblika addendum għal‑lista tiegħu, li jinkludi b’mod partikolari l‑isem tar‑rikorrent, identifikat bħala persuna assoċjata ma’ Usama bin Laden.

31      Permezz tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 2062/2001 tad‑19 ta’ Ottubru 2001, li jemenda, għat‑tielet darba, ir‑Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 277, p. 25), l‑isem tar‑rikorrenti ġie miżjud, flimkien ma’ dawk ta’ oħrajn, fl‑Anness I tar‑regolament imsemmi. L‑isem tar‑rikorrenti sussegwentement ġie inkluż fl‑Anness I tar‑Regolament Nru 881/2002, meta dan ġie adottat.

32      B’mod parallel mas-sistema ta’ sanzjonijiet deskritta iktar ’il fuq, li tittratta biss il‑persuni u entitajiet indikati mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet li huma marbuta ma’ Usama bin Laden, l‑organizzazzjoni Al‑Qaida u t‑Taliban, teżisti sistema ta’ sanzjonijiet iktar wiesgħa prevista mir‑riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà 1373 (2001) tat‑28 ta’ Settembru 2001, li tistabbilixxi strateġiji għall‑ġlieda b’kull mezz kontra t‑terroriżmu u, b’mod partikolari, kontra l‑finanzjament tiegħu, li wkoll ġiet adottata b’risposta għall‑attentati terroristiċi tal‑11 ta’ Settembru 2001.

33      Il‑paragrafu 1(c) ta’ din ir‑riżoluzzjoni jiddikjara, b’mod partikolari, li l‑Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien fondi u assi finanzjarji oħra ta’ persuni li jwettqu, jew jippruvaw iwettqu atti ta’ terroriżmu, jiffaċilitawhom jew jipparteċipaw fihom, ta’ entitajiet li jappartjenu lil dawn il‑persuni jew li huma kkontrollati minnhom, u ta’ persuni u ta’ entitajiet li jaġixxu għan‑nom jew fuq l‑istruzzjonijiet ta’ dawn il‑persuni. L‑identifikazzjoni ta’ dawn il‑persuni jew entitajiet titħalla fid‑diskrezzjoni sħiħa tal‑Istati.

34      Billi qies li hija meħtieġa azzjoni tal‑Komunità bil‑għan li tiġi implementata din ir‑riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà, il‑Kunsill, b’mod partikolari, adotta, minn naħa waħda, il‑Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, tas‑27 ta’ Diċembru 2001 dwar l‑applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil‑ġlieda kontra t‑terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), u, min‑naħa l‑oħra, ir‑Regolament (KE) Nru 2580/2001, tas‑27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil‑għan li jiġi miġġieled it‑terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207).

35      Dawn l‑atti jippreskrivu, b’mod partikolari, l‑iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra ta’ persuni, gruppi u ta’ entitajiet implikati f’atti ta’ terroriżmu, kif identifikati mill‑Kunsill innifsu u inkorporati f’lista annessa, riveduta regolarment, abbażi ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi fil‑proċess li juru li ttieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti, bħala prinċipju waħda li hija ġudizzjarja, fil‑konfront ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet ikkonċernati, kemm fil‑kuntest tal‑bidu ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni għal att terroristiku, jew l‑attentat li jitwettaq, jew il‑parteċipazzjoni fi, jew il‑faċilitazzjoni ta’ att bħal dan, ibbażata fuq provi jew indizji serji u kredibbli, kif ukoll fil‑kuntest ta’ kundanna għal tali fatti.

36      Skont is‑sentenza tal‑United Kingdom Supreme Court (Qorti Suprema tar‑Renju Unit) tas‑27 ta’ Jannar 2010, Her Majesty’s Treasury (Respondent) v Mohammed Jabar Ahmed and Others (Appellants), Her Majesty’s Treasury (Respondent) v Mohammed al‑Ghabra (Appellant) and R (on the application of Hani El Sayed Sabaei Youssef) (Respondent) v Her Majesty’s Treasury (Appellant) [2010] UKSC 2 (iktar ’il quddiem is‑“sentenza Ahmed et  tal‑UK Supreme Court”, punt 22), jirriżulta minn rapporti ta’ Stati Membri tal‑Unjoni fil‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet li 11 minn 27 Stat Membru jiddependu esklużivament fuq ir‑Regolament Nru 881/2002 sabiex jissodisfaw l‑obbligi tagħhom skont ir‑riżoluzzjoni 1333 (2000). Is‑16‑il Stat Membru l‑ieħor madankollu adottaw miżuri leġiżlattivi li jipprevedu direttament l‑implementazzjoni tal‑imsemmija riżoluzzjoni fid‑dritt nazzjonali, li għaldaqstant jeżistu flimkien mar‑Regolament Nru 881/2002.

 Is‑sentenzi Kadi tal‑Qorti Ġenerali u tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

37      Fit‑18 ta’ Diċembru 2001, ir‑rikorrent ippreżenta quddiem il‑Qorti Ġenerali rikors għal annullament tar‑Regolamenti Nru 467/2001 u Nru 2062/2001, sa fejn dawn l‑atti jikkonċernawh, għal motivi, b’mod partikolari, li dawn jiksru d‑dritt tiegħu għal smigħ kif ukoll id‑dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li dawn jikkostitwixxu preġudizzju sproporzjonat għad‑dritt tiegħu għall-proprjetà. Is‑suġġett ta’ dan ir‑rikors ġie mmodifikat ulterjorment b’tali mod li ġie jipprevedi l‑annullament tar‑Regolament Nru 881/2002, sa fejn dan jikkonċerna lir‑rikorrent.

38      Permezz tas‑sentenza tagħha Kadi, mogħtija fil‑21 ta’ Settembru 2005, il‑Qorti Ġenerali ċaħdet ir‑rikors. Il‑Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li mill‑prinċipji li jirregolaw il‑konnessjoni ta’ rabtiet bejn is‑sistema legali internazzjonali stabbilita min‑Nazzjonijiet Uniti u s‑sistema legali Komunitarja jirriżulta li r‑Regolament Nru 881/2002, peress li għandu l‑għan li jimplementa riżoluzzjoni adottata mill‑Kunsill tas‑Sigurtà taħt il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, li ma tippermetti ebda flessibbiltà f’dan ir‑rigward, ma jistax ikun is‑suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir‑rigward tal‑legalità interna tiegħu ħlief għal dak li jirrigwarda l‑kompatibbiltà tiegħu mar‑regoli rilevanti tal‑jus cogens, u għaldaqstant jibbenefika, bla ħsara għal din ir‑riżerva, minn immunità ġudizzjarja (ara wkoll is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑3 ta’ Diċembru 2009 Hassan u Ayadi vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑399/06 P u C‑403/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Hassan tal‑Qorti tal‑Ġustizzja”, punt 69).

39      B’hekk, il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet li huwa fir‑rigward tal‑jus cogens biss, intiż bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku internazzjonali li torbot lis‑suġġetti kollha tad‑dritt internazzjonali, inklużi l‑istanzi tal‑ONU, u li ma tistax issir deroga minnha, li l‑legalità tar‑Regolament Nru 881/2002 tista’ tiġi eżaminata, inklużi fosthom il‑motivi tar‑rikorrent bbażati fuq il‑ksur tad‑drittijiet fundamentali tiegħu (ara wkoll is‑sentenza Hassan tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 70).

40      Permezz tas‑sentenza tagħha Kadi, mogħtija fit‑3 ta’ Settembru 2008, il‑Qorti tal‑Ġustizzja annullat is‑sentenza Kadi tal‑Qorti Ġenerali u annullat ir‑Regolament Nru 881/2002, sa fejn dan kien jirrigwarda lill‑appellant.

41      Minkejja l‑Artikoli 25 u 103 tal‑Karta tan‑Nazzjonijet Uniti u l‑Artikoli 297 KE u 307 KE, u għalkemm ikkunsidrat, fil‑punt 293 tas‑sentenza tagħha Kadi, li l‑osservanza tal‑impenji meħuda fil‑kuntest tan‑Nazzjonijiet Uniti hija imposta fl‑implementazzjoni mill‑Komunità ta’ riżoluzzjonijiet adottati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà taħt il‑Kapitolu VII tal‑Karta msemmija, il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonfermat, fil‑punt 316 tal‑istess sentenza, li l‑istħarriġ, mill‑Qorti tal‑Ġustizzja, tal‑validità ta’ kull att Komunitarju fid‑dawl tad‑drittijiet fundamentali għandu jiġi kkunsidrat bħala l‑espressjoni, f’Komunità tad‑dritt, ta’ garanzija kostituzzjonali li tirriżulta mit‑Trattat KE bħala sistema legali awtonoma li ma tistax tiġi ppreġudikata minn ftehim internazzjonali – f’dan il‑każ mill‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti nnifisha.

42      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil‑punti 326 u 327 tas‑sentenza tagħha Kadi, li t‑teżi tal‑Qorti Ġenerali miġbura fil‑qosor fil‑punti 38 u 39 iktar ’il fuq tikkostitwixxi żball ta’ liġi. Skont il‑Qorti tal‑Ġustizzja, fil‑fatt, il‑qrati Komunitarji għandhom, skont il‑ġurisdizzjoni li huma għandhom bis‑saħħa tat‑Trattat KE, jiggarantixxu stħarriġ, bħala regola ġenerali sħiħ, tal‑legalità tal‑atti Komunitarji kollha fid‑dawl tad‑drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill‑prinċipji ġenerali tad‑dritt Komunitarju, inklużi l‑atti Komunitarji li, bħar‑Regolament Nru 881/2002, huma intiżi li jimplementaw riżoluzzjonijiet adottati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà taħt il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti (ara wkoll is‑sentenza Hassan tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 71).

43      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonkludiet, fil‑punt 328 tas‑sentenza tagħha Kadi, li l‑aggravji tal‑appellant fuq dan il‑punt huma fondati, b’mod illi hemm lok li tiġi annullata s‑sentenza Kadi tal‑Qorti Ġenerali f’dan ir‑rigward.

44      Fil‑punt 348 tas‑sentenza tagħha Kadi, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, peress li l‑Kunsill la kkomunika lill‑appellant l‑elementi meqjusa kontrih sabiex jiġġustifika l‑miżuri restrittivi li kienu ġew imposti fuqu, u lanqas tatu d‑dritt li jsir jaf bl‑imsemmija elementi f’terminu raġonevoli wara l‑pubblikazzjoni ta’ dawn il‑miżuri, l‑appellant ma kellux l‑opportunità li jagħti effettivament l‑opinjoni tiegħu f’dan ir‑rigward. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonkludiet f’dan il‑punt li d‑drittijiet tad‑difiża tal‑appellant, b’mod partikolari dak li jinstema’, ma ġewx irrispettati.

45      Barra minn dan, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet, fil‑punt 349 tas‑sentenza tagħha Kadi, li minħabba li ma ġiex informat bl‑elementi meqjusa kontrih u fid‑dawl tar‑relazzjonijiet, diġà msemmija fil‑punti 336 u 337 tal‑imsemmija sentenza, eżistenti bejn id‑drittijiet tad‑difiża u d‑dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, l‑appellant lanqas ma seta’ jiddefendi d‑drittijiet tiegħu fir‑rigward tal‑imsemmija elementi f’kundizzjonijiet sodisfaċenti quddiem il‑qorti Komunitarja, b’tali mod li għandu wkoll jiġi kkonstatat ksur tal‑imsemmi dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

46      Fir‑rigward, fl‑aħħar, tal‑ilmenti tal‑appellant dwar il‑ksur tad‑dritt għall‑proprjetà li jirriżulta mill‑miżuri ta’ ffiriżar imposti skont ir‑Regolament Nru 881/2002, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet, fil‑punt 366 tas‑sentenza tagħha Kadi, li l‑miżuri restrittivi li jimponi dan ir‑Regolament jikkostitwixxu restrizzjonijiet għad‑dritt għall-proprjetà li, bħala regola ġenerali, jistgħu jkunu ġġustifikati (ara wkoll is‑sentenza Hassan tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 91).

47      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja madankollu kkonkludiet, fil‑punti 369 u 370 ta’ din l‑istess sentenza, li fiċ‑ċirkustanzi tal‑każ, fejn ir‑Regolament Nru 881/2002, inkwantu jikkonċerna lill‑appellant, ġie adottat mingħajr ma pprovda lil dan tal‑aħħar ebda garanzija li tippermettilu jressaq il‑każ tiegħu quddiem l‑awtoritajiet kompetenti, u dan f’sitwazzjoni li fiha r‑restrizzjoni tad‑drittijiet għall-proprjetà tiegħu għandha tiġi kkwalifikata bħala kunsiderevoli, fid‑dawl tal‑applikazzjoni ġenerali u tat‑tul effettiv tal‑miżuri restrittivi li huwa suġġett għalihom, l‑impożizzjoni ta’ dawk il‑miżuri fil‑konfront tiegħu tikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata tad‑dritt għall-proprjetà tiegħu.

48      Skont l‑Artikolu 231 KE, il‑Qorti żammet l‑effetti tar‑Regolament Nru 881/2002 għal perijodu li ma jistax jeċċedi tliet xhur b’mod li jippermetti lill‑Kunsill jirrimedja għall‑ksur ikkonstatat, iżda li jieħu wkoll debitament inkunsiderazzjoni l‑effett sinjifikattiv li l‑miżuri restrittivi għandhom fuq id‑drittijiet u l‑libertajiet tal‑appellanti. F’dan ir‑rigward, il‑Qorti tal‑Ġustizzja rrilevat, minn naħa waħda, li l‑annullament b’effett immedjat ta’ dan ir‑regolament, sa fejn kien jikkonċerna lill‑appellant, seta’ jippreġudika b’mod serju u irriversibbli l‑effikaċja tal‑miżuri restrittivi li dan ir‑regolament jimponi u li l‑Komunità għandha timplementa, u min‑naħa l‑oħra, ma jistax jiġi eskluż li, fuq il‑mertu, l‑impożizzjoni ta’ tali miżuri fuq l‑appellanti tista’ xorta waħda tirriżulta ġġustifikata (punti 373 sa 376 tas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja).

 Wara s‑sentenzi Kadi tal‑Qorti Ġenerali u tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

49      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Settembru 2008, ir‑rappreżentant permanenti ta’ Franza fl‑ONU, huwa u jaġixxi għan‑nom tal‑Unjoni, talab lill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet sabiex b’urġenza jirrendi aċċessibbli fuq is‑sit elettroniku tiegħu, skont il‑paragrafu 13 tar‑riżoluzzjoni 1822 (2008), is‑sunt tar‑raġunijiet li wasslu għall‑inklużjoni tar‑rikorrent fil‑lista tal‑Kumitat.

50      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Ottubru 2008, il‑president tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet ikkomunika l‑imsemmija sunt tar‑raġunijiet lir‑rappreżentant permanenti ta’ Franza fl‑ONU, fejn awtorizza komunikazzjoni tagħha lir‑rikorrent u/jew lill‑avukati tiegħu. Dan is‑sunt tar‑raġunijiet huwa fformulat kif ġej:

“L‑individwu Yasin Abdullah Ezzedine Qadi [...] jissodisfa l‑kundizzjonijiet ta’ inklużjoni tal‑[Kumitat tas‑Sanzjonijiet] minħabba l‑atti tiegħu li jikkonsistu fi a) parteċipazzjoni fil‑finanzjament, fl‑ippjanar, fil‑faċilitazzjoni, fit‑tħejjija jew fit‑twettiq ta’ atti jew attivitajiet ta’ Al‑Qaida, Usama bin Laden jew mit‑Talibani, jew li jsiru flimkien magħhom, f’isimhom jew bħala għajnuna għalihom, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp żgħir li jinqata’ minnhom jew derivattiv tagħhom; b) il‑fornitura, il‑bejgħ jew it‑trasferiment ta’ armi u materjal relatat ma’ xi wieħed minnhom; c) reklutaġġ għal xi wieħed minnhom; d) xi forma oħra ta’ appoġġ għall‑atti jew l‑attivitajiet ta’ xi wieħed minnhom [ara r‑riżoluzzjoni 1822 (2008) tal‑Kunsill tas‑Sigurtà, paragrafu 2].

M. Qadi rrikonoxxa li huwa kien membru fundatur tal‑Fondazzjoni Muwafaq u li kien imexxi l‑attivitajiet tagħha. Il‑Fondazzjoni Muwafaq dejjem ħadmet taħt l‑awspiċi tal‑Uffiċċju Afgan [Makhtab al‑Khidamat] (QE.M.12.01.), organizzazzjoni mwaqqfa minn Abdullah Azzam u Usama bin Laden [Usama Muhammed Awad Bin Laden] (QI.B.8.01.) u prekursur ta’ Al‑Qaida (QE.A.4.01.). Wara x‑xoljiment tal‑Uffiċċju Afgan, fil‑bidu ta’ Ġunju 2001 u l‑assorbiment tiegħu minn Al‑Qaida, diversi oragnizzazzjonijiet mhux governattivi li kienu qabel assoċjati miegħu, b’mod partikolari l‑Fondazzjoni Muwafaq, ukoll ingħaqdu ma’ Al‑Qaida.

Fl‑1992, Qadi ċeda t‑tmexxija tal‑uffiċċji Ewropej tal‑Fondazzjoni Muwafaq lil Shafiq Ben Mohamed Ben Mohamed Al‑Ayadi (QI.A.25.01.). Lejn in‑nofs tas‑snin 90, Al‑Ayadi mexxa wkoll l‑uffiċċju tal‑Fondazzjoni Muwafaq fil‑Bosnja‑Ħerzegovina. Qadi rrekluta lil Al‑Ayadi fuq rakkomandazzjoni ta’ finanzjatur magħruf ta’ Al‑Qaida, Wa’el Hamza Abd al‑Fatah Julaidan (QI.J.79.02.), li ġġieled flimkien ma’ Usama bin Laden fl‑Afganistan fis‑snin 80. Fil‑mument tan‑nomina tiegħu minn Al‑Qadi fil‑kariga ta’ direttur għall‑Ewropa tal‑Fondazzjoni Muwafaq, Al‑Ayadi kien jaġixxi taħt kuntratti ma’ Usama bin Laden. Al‑Ayadi żar l‑Afganistan fil‑bidu tas‑snin 90 sabiex isegwi taħriġ paramilitari, imbagħad is‑Sudan, flimkien ma’ persuni oħra, sabiex jiltaqa’ ma’ Usama bin Laden, li miegħu kkonkludew ftehim uffiċjali dwar l‑akkoljiment u l‑formazzjoni ta’ Tuneżini. Dawn iltaqgħu ma’ Usama bin Laden għat‑tieni darba u kisbu ftehim li jipprevedi li l‑kollaboraturi ta’ bin Laden fil‑Bosnja‑Ħerzegovina jilqgħu ġellieda Tuneżini li ġejjin mill‑Italja.

Fl‑1995, il‑mexxej ta’ Al‑Gama’at al Islamiyya, Talad Fuad Kassem, iddikjara li l‑Fondazzjoni Muwafaq pprovda appoġġ loġistiku u finanzjarju għal battaljun ta’ ġellieda fil‑Bosnja‑Ħerzegovina. Fin‑nofs tas‑snin 90, il‑Fondazzjoni Muwafaq ikkontribwixxiet għall‑appoġġ finanzjarju mogħti għall‑għanijiet ta’ attivitajiet terroristiċi ta’ dawn il‑ġellieda, kif ukoll għat‑traffikar ta’ armi li joriġinaw mill‑Albanija u li huma ddestinati għall‑Bosnja‑Ħerzegovina. Parti mill‑finanzjament ta’ dawn l‑attivitajiet sar minn Usama bin Laden.

Qadi kien ukoll wieħed mill‑azzjonarji prinċipali ta’ Depositna Banka, stabbilit f’Sarajevo u llum magħluq, fejn Al‑Ayadi kien jeżerċita wkoll funzjonijiet u kien jirrappreżenta l‑interessi ta’ Qadi. Xi laqgħat dwar il‑preparazzjoni ta’ attentat kontra stabbiliment Amerikan fl‑Arabja Sawdija setgħu saru f’dan il‑bank.

Barra minn dan, Qadi kien proprjetarju fl‑Albanija ta’ diversi kumpanniji li jittrasferixxu fondi lil estremisti jew dawk fdati minnhom li jokkupaw postijiet li jippermettulhom li jikkontrollaw il‑fondi tal‑kumpanniji inkwistjoni. Sa ħames kumpanniji proprjetà ta’ Qadi fl‑Albanija rċevew kapital li jiċċirkula mingħand bin Laden.”

51      Sussegwentement, dan is‑sunt tar‑raġunijet ġie wkoll ippubblikat fis‑sit elettroniku tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, skont il‑paragrafu 13 tar‑riżoluzzjoni 1822 (2008).

52      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Ottubru 2008, ir‑rappreżentant permanenti ta’ Franza fl‑Unjoni bagħat dan l‑istess sunt tar‑raġunijiet lill‑Kummissjoni, bil‑għan li din tingħata l‑opportunità tikkonforma ruħha mas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

53      Fit‑22 ta’ Ottubru 2008, il‑Kummissjoni bagħtet ittra lir‑rikorrent li biha informatu li fid‑dawl tar‑raġunijiet ippreċiżati fis‑sunt tar‑raġunijiet ipprovdut mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet u mehmuż mal‑imsemmija ittra, hija tipprevedi li tadotta att leġiżlattiv bil‑ħsieb li żżomm l‑inklużjoni tiegħu fl‑Anness I tar‑Regolament Nru 881/2002, bis‑saħħa tal‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 7(1) tiegħu. Il‑Kummissjoni żiedet li din l‑ittra kellha l‑għan li tagħti lir‑rikorrent l‑opportunità li jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu dwar ir‑raġunijiet stabbiliti fis‑sunt tar‑raġunijiet u li tagħtih l‑informazzjoni kollha li hija tqis li hija rilevanti, qabel ma hija tieħu d‑deċiżjoni finali tagħha. Għal dan il‑għan, huwa ngħata terminu sal‑10 ta’ Novembru 2008.

54      Is‑sunt tar‑raġunijiet mehmuż ma’ din l‑ittra (iktar ’il quddiem is‑“sunt tar‑raġunijiet”) huwa mfassal fi kliem identiku għal dak tas‑sunt tar‑raġunijiet ikkomunikat mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet (ara l‑punt 50 iktar ’il fuq).

55      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Novembru 2008, ir‑rikorrent ippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu b’risposta għall‑Kummissjoni. B’mod partikolari, huwa:

–        talab lill‑Kummissjoni tipproduċi l‑provi li jikkorroboraw l‑affermazzjonijiet u l‑istqarrijiet magħmula fis‑sunt tar‑raġunijiet kif ukoll id‑dokumenti rilevanti tal‑proċess tal‑Kummissjoni;

–        talab li jingħata opportunità oħra sabiex jifformula osservazzjonijiet dwar dawk il‑provi wara li jkun irċevihom;

–        ipprova jiċħad, bi provi insostenn, l‑allegazzjonijiet stabbiliti fis‑sunt tar‑raġunijiet, sa fejn huwa jqis ruħu kapaċi jirrispondi għal akkużi ġenerali.

56      Fit‑28 ta’ Novembru 2008, il‑Kummissjoni adottat ir‑Regolament (KE) Nru 1190/2008, li jemenda għall‑101 darba r‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 881/2002 (ĠU L 322, p. 25, iktar ’il quddiem ir‑“regolament ikkontestat”).

57      Il‑kunsiderazzjonijiet 3 sa 6, 8 u 9 tal‑preambolu tar‑regolament ikkontestat huma fformulati kif ġej:

“(3)      Sabiex tikkonforma mas‑sentenza [Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja], il‑Kummissjoni kkomunikat is‑sommarji narrattivi tar‑raġunijiet, lis‑Sur Kadi u [tatu] l‑opportunità li jikkummenta dwar dawn ir‑raġunijiet sabiex [ikun jista’ jistqarr] l‑fehma [tiegħu].

(4)      Il‑Kummissjoni rċeviet kummenti mis‑Sur Kadi […] u eżaminat dawn il‑kummenti.

(5)      Il‑lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom għandu japplika l‑iffriżar tal‑fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, imfassla mill‑[Kumitat tas‑Sanzjonijiet], tinkludi lis‑Sur Kadi […].

(6)      Wara li eżaminat bir‑reqqa l‑kummenti li rċeviet mingħand is‑Sur Kadi f’ittra tal‑10 ta’ Novembru 2008, u meta wieħed iqis in‑natura preventiva tal‑iffriżar tal‑fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, il‑Kummissjoni tqis li l‑elenkar tas‑Sur Kadi huwa ġġustifikat minħabba l‑assoċjazzjoni tiegħu man‑netwerk ta’ Al Qaida.

[...]

(8)      Fid‑dawl ta’ dan, is‑Sur Kadi [...] [għandu jiżdied] fl‑Anness I.

(9)      Dan ir‑Regolament għandu japplika mit‑30 ta’ Mejju 2002, meta wieħed iqis in‑natura preventiva u l‑għanijiet tal‑iffirżar tal‑fondi u tar‑riżorsi ekonomiċi skond ir‑Regolament [...] Nru 881/2002 u l‑ħtieġa li jiġu protetti l‑interessi leġittimi tal‑operaturi ekonomiċi, li kienu qed jistrieħu fuq il‑legalità tar‑Regolament annullat mis‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.”

58      Skont l‑Artikolu 1 u l‑anness tar‑regolament ikkontestat, l‑Anness I tar‑Regolament Nru 881/2002 huwa emendat f’dan is‑sens, b’mod partikolari, li annotazzjoni li ġejja għandha tiżdied taħt l‑intestatura “Persuni fiżiċi”:

“Yasin Abdullah Ezzedine Qadi [magħruf ukoll bħala a) Kadi, Shaykh Yassin Abdullah, b) Kahdi, Yasin ; c) Yasin Al‑Qadi]. Imwieled fit‑23 ta’ Frar 1955 fil‑Kajr, Eġittu. Nazzjonalità: Sudaniża. Numru tal‑passaport: a) B 751550, b) E 976177 (maħruġ fis‑6 ta’ Marzu 2004, jiskadi fil‑11 ta’ Jannar 2009). Informazzjoni oħra: Jeddah, Għarabja Sawdita [Arabja Sawdija].”

59      Skont l‑Artikolu 2 tar‑regolament ikkontestat, dan daħlet fis‑seħħ fit‑3 ta’ Diċembru 2008 u japplika mit‑30 ta’ Mejju 2002.

60      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Diċembru 2008, il‑Kummissjoni rrispondiet għall‑osservazzjonijiet tar‑rikorrent tal‑10 ta’ Novembru 2008, fejn indikat li hija kienet eżaminat l‑imsemmija osservazzjonijiet u li kienet qabblet is‑sunt tar‑raġunijiet mal‑argumenti li huwa kien ressaq f’dan ir‑rigward. Hija sostniet b’mod partikolari:

–        li, billi bagħtitlu s‑sunt tar‑raġunijiet u stednitu jressaq l‑osservazzjonijiet tiegħu, hija kienet osservat is‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja;

–        li s‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja ma imponietx il‑“komunikazzjoni ta’ provi addizzjonali” mitluba mir‑rikorrent;

–        li r‑riżoluzzjonijiet rilevanti tal‑Kunsill tas‑Sigurtà li jeżiġu l‑iffriżar ta’ assi “preventiv”, kif ikkonfermat mir‑“rakkomandazzjoni speċjali III dwar il‑finanzjament tat‑terroriżmu” tal‑Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja dwar il‑Money Laundering (GAFI), l‑imsemmi ffriżar għandu jiġi stabbilit, inkwantu l‑livell ta’ prova neċessarja, fuq “raġunijiet jew bażi raġjonevoli li tqajjem suspett li l‑persuna jew l‑entità indikata hija terrorista, tiffinanzja t‑terroriżmu jew organizzazzjoni terrorista”;

–        li hija kellha d‑dritt tinjora l‑provi mressqa mir‑rikorrent bil‑għan li jiċħad l‑akkużi miġjuba kontra tiegħu, u b’mod iktar partikolari dawk li jirrigwardaw l‑abbandun ta’ prosekuzzjonijiet kriminali kontrih fl‑Isvizzera, fit‑Turkija u fl‑Albanija, minħabba li dawn il‑provi jaqgħu taħt il‑“qafas ta’ proċeduri kriminali”, li għalihom japplikaw “eżiġenzi differenti fil‑qasam tal‑prova minn dawk applikabbli għall‑[Kumitat tas‑Sanzjonijiet], li huma min‑natura tagħhom preventivi”.

61      Il‑Kummissjoni kkonkludiet l‑analiżi tagħha kif ġej: “konsegwentement, wara eżami bir‑reqqa tal‑osservazzjonijiet li inti fformulajt f’ittra tal‑10 ta’ Novembru 2008, il‑Kummissjoni tiddeċiedi [li] l‑inklużjoni tiegħek fil‑lista hija ġustifikata minħabba r‑rapporti tiegħek man‑netwerk Al‑Qaida [ ; l‑]ispjegazzjoni tar‑raġunijiet huwa mehmuż mal‑preżenti”. Il‑Kummissjoni hemżet ukoll it‑test tar‑regolament ikkontestat, fakkret il‑possibbiltà li dan ir‑regolament jiġi kkontestat quddiem il‑Qorti Ġenerali u fl‑aħħar ġibdet l‑attenzjoni tar‑rikorrent dwar il‑fatt li l‑persuni, il‑gruppi u l‑entitajiet ikkonċernati jistgħu f’kull mument jippreżentaw talba ta’ tneħħija lill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, waqt li pprovdiet dettalji ta’ kuntatti utli u l‑indirizz ta’ sit elettroniku fejn ir‑rikorrent jista’ jikseb iktar informazzjoni.

62      L‑ispjegazzjoni tar‑raġunijiet mehmuża mal‑ittra tal‑Kummissjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2008 hija indikata fis‑sunt tar‑raġunijiet.

 Proċedura

63      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Frar 2009, ir‑rikorrent ressaq din il‑kawża.

64      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl‑istess ġurnata, ir‑rikorrent ressaq talba sabiex il‑kawża tiġi deċiża permezz tal‑proċedura mħaffa, skont l‑Artikolu 76a tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali. Wara li semgħet lill‑Kummissjoni, il‑Qorti Ġenerali (Is‑Seba’ Awla) laqgħet din it‑talba permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2009.

65      Il‑Kummissjoni hemżet mar‑risposta tagħha l‑ittra tar‑rappreżentant permanenti ta’ Franza fl‑Unjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2008, flimkien mas‑sunt tar‑raġunijiet ikkomunikat mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet (ara l‑punt 52 iktar ’il fuq), li hija tippreżenta bħala t‑totalità tad‑dokumenti li hija rċeviet min‑Nazzjonijiet Uniti u li fuqhom huwa msejjes ir‑regolament ikkontestat.

66      Permezz tad‑digrieti tal‑5 ta’ Mejju 2009 u tat‑3 ta’ Lulju 2009, wara li sema’ lill‑partijiet, il‑President tas‑Seba’ Awla tal‑Qorti Ġenerali ammetta l‑interventi, minn naħa waħda, tal‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea u, min‑naħa l‑oħra, tar‑Repubblika Franċiża u tar‑Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, insostenn tat‑talbiet tal‑Kummissjoni.

67      Permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru fit‑18 ta’ Novembru 2009, il‑Kummissjoni ddepożitat dokument dwar proċedura pendenti bejn ir‑rikorrent u l‑awtoritajiet Amerikani quddiem il‑United States District Court for the District of Columbia (Qorti distrettwali tal‑Istati Uniti għad‑distrett tal‑Kolombja). Ir‑rikorrent u l‑Kunsill ippreżentaw l‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom dwar dan id‑dokument fl‑10 ta’ Diċembru 2009.

68      Fid‑dawl tar‑rapport tal‑Imħallef Relatur, il‑Qorti Ġenerali (is‑Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il‑proċedura orali.

69      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Ġunju 2010, ir‑rikorrent ipproduċa kopja tas‑sentenza Ahmed et tal‑UK Supreme Court.

70      It‑trattazzjoni tal‑partijiet u t‑tweġibiet tagħhom għall‑mistoqsijiet tal‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis‑seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2010. Dakinhar ir‑rikorrent ipproduċa d‑“disa’ rapport tat‑tim ta’ appoġġ analitiku u monitoraġġ tas‑sanzjonijiet tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, stabbilit b’applikazzjoni tar‑riżoluzzjoni 1526 (2004)”, bil‑għan li jgħin lill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet sabiex iwettaq il‑mandat tiegħu, li ġie mgħoddi lill‑president tal‑Kunsill tas‑Sigurtà mill‑president tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Mejju 2009 (dokument S/2009/245, iktar ’il quddiem id‑“disa’ rapport tat‑tim ta’ monitoraġġ”).

 It‑talbiet tal‑partijiet

71      Ir‑rikorrent jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura skont l‑Artikolu 64 tar‑Regoli ta’ Proċedura tagħha, bil‑għan li l‑Kummissjoni tiżvela “id‑dokumenti kollha dwar l‑adozzjoni” tar‑regolament ikkontestat;

–        tannulla r‑regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernah;

–        tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.

72      Il‑Kummissjoni titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors;

–        tikkundanna lir‑rikorrent għall‑ispejjeż.

73      Il‑Kummissjoni tikkunsidra, barra minn dan, li peress li l‑inklużjoni tar‑rikorrent fl‑Anness I tar‑Regolament Nru 881/2002 hija bbażata esklużivament fuq id‑dokumenti mehmuża mar‑risposta, ma hemmx lok għall‑Qorti Ġenerali li tordna l‑produzzjoni tagħhom permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura.

74      Il‑Kunsill, ir‑Repubblika Franċiża u r‑Renju Unit jsostnu l‑ewwel kap tat‑talbiet tal‑Kummissjoni.

 Il‑fatti

75      Ir‑rikorrent huwa ċittadin Sudaniż, negozjant u finanzier, imwieled fl‑1955. Huwa jirrikonoxxi li kien, sa meta waqaf mill‑attivitajiet tiegħu, jiġifieri fl‑1998, amministratur tal‑Fondazzjoni Muwafaq, li huwa jiddeskrivi bħala fondazzjoni tal‑karità stabbilita f’Jersey.

76      Il‑fondi tar‑rikorrent ilhom iffriżati fl‑Unjoni kollha mill‑20 ta’ Ottubru 2001, inizjalment bis‑saħħa tar‑Regolament Nru 2062/2001, adottat wara l‑inklużjoni tiegħu fil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet li saret fis‑17 ta’ Ottubru 2001 (ara l‑punti 30 u 31 iktar ’il fuq), imbagħad bis‑saħħa tar‑Regolament Nru 881/2002 u fl‑aħħar bis‑saħħa tar‑regolament ikkontestat li ġie adottat wara l‑annullament parzjali tal‑imsemmi Regolament Nru 881/2002 permezz tas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

77      Ir‑rikorrent isostni li huwa qatt ma kien involut fit‑terroriżmu u li huwa qatt ma offra appoġġ, finanzjarju jew ta’ xi xorti oħra, favur it‑terroriżmu, kemm jekk f’relazzjoni ma’ Usama bin Laden jew ma’ ħaddieħor. Huwa qatt ma ġie pproċessat jew misjub ħati ta’ xi ksur ta’ liġi kriminali relatata mat‑terroriżmu, imkien fid‑dinja.

78      Ir‑rikorrent iżid li huwa ġie inkluż fil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, fuq talba tal‑Istati Uniti, fin‑nuqqas ta’ eżami jew ta’ evalwazzjoni, imwettqa b’mod indipendenti min‑Nazzjonijiet Uniti, tal‑allegazzjonijiet ifformulati kontra tiegħu mill‑Istati Uniti. Madankollu, ħafna minn dawn l‑allegazzjonijiet huma manifestament foloz, bħal dawk li jiddikjaraw li r‑rikorrent għandu ħuh u li huwa membru tal‑klann tad‑Dossari. L‑awtoritajiet tan‑Nazzjonijiet Uniti bbażaw ruħhom ukoll fuq allegazzjonijet ifformulati f’ċerti artikli tal‑istampa, b’mod partikolari artiklu miktub mill‑ġurnalist Jack Kelley fil‑ħarġa tal‑gazzetta USA Today tad‑29 ta’ Ottubru 1999, li jindika, fost affarijiet oħra, li l‑Fondazzjoni Muwafaq isservi ta’ “faċċata” għal Usama bin Laden. Madankollu, Kelley ġie mġiegħel jirtira wara li saret investigazzjoni u ġie ppubblikat artiklu korrettiv fis-sit elettroniku ta’ USA Today fit‑13 ta’ April 2004, li jikkonferma li Kelley kien “iffabrika ċerti scoops” u li l‑artiklu li fuqu bbażaw ruħhom l‑awtoritajiet Amerikani kien fih diversi żbalji.

 Id‑dritt

 Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

79      Wara li jagħmel ċertu numru ta’ kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il‑livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju adegwat f’dan il‑każ, ir‑rikorrent jinvoka ħames motivi insostenn tar‑rikors preżenti. L‑ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali suffiċjenti. It‑tieni, li jinqasam f’żewġ partijiet, huwa bbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża u tad‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. It‑tielet huwa bbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni previst fl‑Artikolu 253 KE. Ir‑raba’ huwa bbażat fuq żball manifest fl‑evalwazzjoni tal‑fatti. Il‑ħames, fl‑aħħar, huwa bbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

80      Jeħtieġ l‑ewwel li tiġi eżaminata l‑kwistjoni dwar il‑livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju adegwat f’dan il‑każ, ġustament imqajma fil‑bidu mill‑partijiet kollha, u mbagħad, sussegwentement, jiġu eżaminati t‑tieni u l‑ħames motivi tar‑rikors li jirrepetu fis‑sustanza l‑ilmenti diġà eżaminati mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tagħha Kadi.

81      Għall‑finijiet ta’ dan l‑eżami, ma hemmx lok li tintlaqa’ t‑talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura mibdija mir‑rikorrent. Fil‑fatt ma huwiex ikkontestat li l‑Kummissjoni pproduċiet, fl‑anness tar‑risposta tagħha, id‑dokumenti kollha li fuqhom ġie adottat ir‑regolament ikkontestat, li jistgħu jkunu s‑suġġett ta’ din il‑miżura.

 Dwar il‑livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju adegwat f’dan il‑każ

 Argumenti tal‑partijiet

82      Fl‑ewwel lok, ir‑rikorrent iqis “opportun u neċessarju” li l‑Qorti Ġenerali tapplika, f’dan il‑każ, livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju “profond u rigoruż”. Huwa jirreferi, f’dan ir‑rigward, għall‑prinċipji stabbiliti fil‑punti 281 u 326 tas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u għall‑punt 45 tal‑konklużjonijiet tal‑avukat ġenerali M. Poiares Maduro relattivi għal din is‑sentenza (Ġabra p. I‑6363). Huwa jirreferi wkoll għal‑livell ta’ stħarriġ “komplet” definit mill‑Qorti Ġenerali, sabiex tevalwa l‑legalità ta’ miżuri Komunitarji dwar l‑iffriżar ta’ fondi adottati taħt ir‑Regolament Nru 2580/2001, fis‑sentenzi tagħha tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill (T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, iktar ’il quddiem is‑“sentenza OMPI”, punti 154, 155 U 159), tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill (T‑256/07, Ġabra p. II‑3019, iktar ’il quddiem is‑“sentenza PMOI I ”, punti 141 sa 143), u tal‑4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill (T‑284/08, Ġabra p. II‑3487, iktar ’il quddiem is‑“sentenza PMOI II ”, punti 74 u 75).

83      Fit‑tieni lok, ir‑rikorrent iqis li huma meħtieġa provi partikolarment konvinċenti sabiex tkun ġustifikata l‑miżura ta’ ffrizar tal‑fondi inkwistjoni fil‑każ, minħabba r‑raġunijiet li ġejjin:

–        din il‑miżura, drakonjana u mingħajr limiti ta’ żmien u ta’ ammont, tikkostitwixxi ksur kunsiderevoli tad‑drittijiet fundamentali tiegħu, li l‑konsegwenzi tiegħu jistgħu jkunu devastanti (konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro relattivi għas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47);

–        din il‑miżura tikkostitwixxi sanzjoni, kif jirriżulta oġġettivament ukoll min‑noti interpretattivi tal‑GAFI invokati mill‑Kummissjoni, fis‑sens li din tittikettjah pubblikament bħala terrorist jew segwaċi tat‑terroriżmu;

–        l‑assi tiegħu ilhom iffriżati mill‑2001, filwaqt li, fir‑rigward taż‑żamma ta’ dan l‑iffriżar, il‑Kummissjoni għandha timxi mal‑kriterji tal‑eżistenza ta’ “theddida attwali jew futura” iktar milli ma’ sempliċi “mġiba fil‑passat” (sentenza PMOI I, punt 110).

84      Fit‑tielet lok, ir‑rikorrent jikkunsidra li l‑Qorti Ġenerali għandha teżamina r‑regolament ikkontestat b’attenzjoni partikolari, peress li dan allegatament ġie adottat bil‑ħsieb li jirrimedja ksur serju ta’ drittijiet fundamentali identifikati mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tagħha Kadi (b’mod partikolari l‑punti 334, 358, 369 u 370; ara wkoll is‑sentenza PMOI I, punti 60 sa 62).

85      Skont il‑Kummissjoni u l‑Gvernijiet intervenjenti, għandu jintlaħaq bilanċ fid‑dritt fundamentali għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv dovut lill‑individwu li l‑fondi tieħu jiġu ffriżati bis‑saħħa ta’ miżura Komunitarja u n‑neċessità li jiġi miġġieled it‑terroriżmu internazzjonali b’mod konformi mad‑deċiżjonijiet restrittivi meħuda mill‑Kunsill tas‑Sigurtà bis‑saħħa tal‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti.

86      F’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni tipproponi li ssir distinzjoni bejn żewġ livelli ta’ stħarriġ ġudizzjarju, skont jekk il‑miżura inkwistjoni taqax jew le taħt l‑eżerċizzju ta’ setgħa tagħha li timplika evalwazzjoni diskrezzjonali tal‑Komunità (sentenza OMPI, punt 107).

87      L‑ewwel livell ta’ stħarriġ, imsejjaħ “ristrett”, ġie ddefinit mill‑Qorti Ġenerali fis‑sentenzi OMPI u PMOI, fil‑kuntest tal‑implementazzjoni tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar‑Regolament Nru 2580/2001. Dan jestendi l‑evalwazzjoni tal‑fatti u taċ‑ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikaw il‑miżura ta’ ffriżar tal‑fondi inkwistjoni, l‑istess bħall‑verifika tal‑provi u ta’ informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l‑evalwazzjoni (sentenza OMPI, punt 154), mingħajr madankollu ma l‑Qorti Komunitarja tkun tista’ tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tagħha dwar il‑provi, fatti u ċirkustanzi li jiġġustifikaw l‑adozzjoni ta’ tali miżuri b’dik tal‑istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza OMPI, punt 159). Hija għalhekk tillimita l‑istħarriġ tagħha għall‑osservanza tar‑regoli ta’ proċedura u tal‑motivazzjoni, tal‑eżattezza materjali tal‑fatti kif ukoll tan‑nuqqas ta’ żball manifest fl‑evalwazzjoni tal‑fatti u ta’ abbuż ta’ poter. Dan l‑istħarriġ ristrett japplika, b’mod partikolari, għall‑evalwazzjoni tal‑kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom hija bbażata l‑miżura ta ffriżar ta’ fondi.

88      Kuntrarjament għal dak li jsostni r‑rikorrent, dan l‑ewwel livell ristrett ta’ stħarriġ ġudizzjarju ma jistax jintuża f’kawża bħal din, li għandha, bħala s‑suġġett tagħha, att Komunitarju adottat skont ix‑xewqa unanima espressa mill‑Istati Membri fil‑Pożizzjoni Komuni tal‑Kunsill 2002/402/PESK, tas‑27 ta’ Mejju 2002, dwar miżuri restrittivi kontra Usama bin Laden, membri tal‑organizzazzjoni Al‑Qaida u t‑Talibani u individwi oħrajn, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom u jħassar il‑Pożizzjonijiet Komuni 96/746/PESK, 1999/727/PESK, 2001/154/PESK u 2001/771/PESK (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 292), bil‑għan li jiġu implementati b’mod kollettiv sanzjonijiet individwali deċiżi direttament fil‑konfront ta’ individwi u ta’ entitajiet indikati b’isimhom mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet.

89      Il‑Kummissjoni tfakkar, f’dan ir‑rigward, li l‑osservanza tal‑impenji meħuda fil‑kuntest tan‑Nazzjonijiet Uniti hija imposta fl‑implementazzjoni, mill‑Komunità, ta’ riżoluzzjonijiet adottati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà taħt il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti (sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 293). Isegwi għalhekk li l‑istituzzjonijiet Komunitarji huma obbligati, bis‑saħħa tat‑Trattat KE, jikkonformaw mad‑deċiżjonijiet tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet (sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 296).

90      Il‑qrati Komunitarji għandhom madankollu jivverifikaw jekk l‑adozzjoni ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni Komunitarja hijiex kompatibbli mal‑prinċipji kostituzzjonali tat‑Trattat KE, li fosthom jirriżultaw id‑drittijiet fundamentali (sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punti 298 sa 314). Dan il‑kuntest tan‑Nazzjonijiet Uniti ma jiġġustifikax għaldaqstant “immunità ġudizzjarja ġeneralizzata” fil‑kuntest tas‑sistema legali interna tal‑Komunità, sakemm id‑dritt tan‑Nazzjonijiet Uniti ma joffrix garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja (sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punti 322 in fine, 326 u 327).

91      Skont il‑Kummissjoni u l‑Gvernijiet intervenjenti, l‑istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill‑Qorti tal‑Ġustizzja, f’kawżi li jinvolvu atti Komunitarji ta’ implementazzjoni ta’ sanzjonijiet deċiżi mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, s’issa rrigwarda l‑istħarriġ tal‑osservanza tal‑garanziji proċedurali mill‑awtorità komunitarja kkonċernata (sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punti 336 u 345 sa 353). Min‑naħa l‑oħra, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għadha ma esprimietx ruħha dwar il‑livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal‑motivi li fuqhom tibbaża ruħha l‑miżura Komunitarja ta’ eżekuzzjoni. Hija wkoll il‑Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina għall‑ewwel darba l‑livell ta’ stħarriġ adegwat, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l‑kuntest internazzjonali li fih ġie adottat ir‑regolament ikkontestat.

92      F’dan ir‑rigward, il‑Kummissjoni tenfasizza l‑obbligu ta’ kull Stat Membru tal‑ONU, skont l‑Artikolu 2(5) tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, li jagħti lil din l‑organizzazzjoni “assistenza sħiħa f’kull azzjoni meħuda minnha b’mod konformi mad‑dispożizzjonijiet” tal‑imsemmija Karta. Fil‑paragrafu 8 tar‑riżoluzzjoni 1822 (2008) tiegħu, il‑Kunsill tas‑Sigurtà barra minn dan reċentement afferma mill‑ġdid l‑obbligu ta’ kull Stat Membru li jimplementa u jissorvelja l‑osservanza tas‑sanzjonijiet meħuda fir‑rigward ta’ persuni mniżżla fil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet.

93      L‑istess jgħodd għal meta, fi ħdan l‑Unjoni, id‑deċiżjonijiet tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet jiġu implementati mhux minn kull Stat Membru individwalment, iżda permezz tal‑adozzjoni ta’ miżuri komunitarji skont l‑Artikoli 60 KE u 301 KE. Il‑Kummissjoni tirrileva li, fis‑sentenza tagħha Kadi (punt 294), il‑Qorti indikat li, fl‑eżerċizzju tal‑kompetenza tagħha, il‑Komunità għandha tagħti importantza partikolari lill‑fatt li, skont l‑Artikolu 24 tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, l‑adozzjoni, mill‑Kunsill tas‑Sigurtà, ta’ riżoluzzjonijiet taħt il‑Kapitolu VII ta’ din il‑Karta tikkostitwixxi l‑eżerċizzju tar‑responsabbiltà prinċipali li biha dan il‑korp internazzjonali huwa inkarigat li jżomm, fuq livell dinji, il‑paċi u s‑sigurtà, responsabbiltà li, fil‑kuntest tal‑imsemmi Kapitolu VII, “tinkludi s‑setgħa li jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi theddida kontra l‑paċi u s‑sigurtà internazzjonali kif ukoll li jittieħdu l‑miżuri neċessarji sabiex dawn jinżammu jew jerġgħu jiġu stabbiliti”.

94      Il‑Kummissjoni u l‑Gvernijiet intervenjenti jsostnu li, billi kkomunikat lir‑rikorrent ir‑raġunijiet għall‑inklużjoni tiegħu fl‑Anness I tar‑Regolament Nru 881/2002, il‑Komunità tatu l‑possibbiltà li jesprimi l‑osservazzjonijiet tiegħu u li jiċħad l‑allegazzjonijiet li jgħidu li huwa marbut mat‑terroriżmu internazzjonali. L‑osservazzjonijiet ippreżentati mill‑parti kkonċernata għandhom jiġu eżaminati bir‑reqqa mill‑Kummissjoni. Jekk, madankollu, dan ikollu l‑intenzjoni jikkontesta l‑provi li jsejsu s‑sunt tar‑raġunijiet tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, ma huwiex il‑kompitu tal‑Komunità li wara dan tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tal‑provi tal‑imsemmi Kumitat bl‑evalwazzjoni tagħha. Barra minn dan, il‑Komunità ma tkunx f’pożizzjoni li tagħmel tali evalwazzjoni a posteriori, peress li dawn il‑provi huma kkomunikati biss minn Stat Membru tan‑Nazzjonijiet Uniti lill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet.

95      Waqt is‑seduta l‑Kummissjoni kkonfermat, minn naħa, li hija ma għandha l‑ebda waħda minn dawn il‑provi inkwistjoni. Il‑produzzjoni tagħhom għandha, skont il‑Kummissjoni, tintalab mingħand l‑Istati Membri tal‑ONU li jkollhom dawn il‑provi.

96      Bi tweġiba għall‑mistoqsija tal‑Qorti Ġenerali, il‑Kummissjoni, sostnuta mill‑Gvernijiet intervenjenti, ippreċiżat, min‑naħa l‑oħra, li l‑marġni ta’ diskrezzjoni li hija tqis li għandha sabiex tistħarreġ l‑evalwazzjonijiet tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet huwa partikolarment dejjaq u jillimita ruħu, fir‑realtà, għal stħarriġ ta’ żball fattwali jew ta’ evalwazzjoni li jkun assolutament manifest, bħal żball dwar l‑identità tal‑persuna indikata. Fil‑każ li jkun jidher li sar tali żball, il‑Kummissjoni għandha tidħol f’kuntatt mal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet bil‑ħsieb li dan jiġi rrimedjat.

97      Skont il‑Kummissjoni u l‑Gvernijiet intervenjenti, il‑fatt li tintlaqa’ t‑talba tar‑rikorrent sabiex issir proċedura Komunitarja speċifika għall‑komunikazzjoni u l‑evalwazzjoni tal‑provi “jimmina” s‑sistema ta’ sanzjonijiet tan‑Nazzjonijiet Uniti. Il‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, li jkun speċjalizzat fil‑materja u suġġett għal regoli speċifiċi dwar il‑kunfidenzjalità u t‑tagħrif espert, ikun speċifikament responsabbli sabiex jittratta provi estremament sensittivi. Il‑Kummissjoni u l‑Gvernijiet intervenjenti jżidu li, jekk kull wieħed mill‑192 Stat Membru tan‑Nazzjonijiet Uniti jkollu jesprimi ruħu individwalment dwar il‑provi disponibbli qabel ma tittieħed miżura ta’ eżekuzzjoni, is‑sistema ċentralizzata ta’ sanzjonijiet tan‑Nazzjonijiet Uniti fil‑kuntest tal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu internazzjonali “tikkrolla” immedjatament u jkun impossibbli li jintlaħaq bilanċ bejn ir‑rispett tad‑drittijiet fundamentali u n‑neċessità li jiġi miġġieled it‑terroriżmu internazzjonali.

98      Dwar l‑implementazzjoni mill‑qrati Komunitarji tal‑prinċipju kostituzzjonali tal‑protezzjoni ġudizzjarja effettiva, wara s‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑Kummissjoni u l‑Gvernijiet intervenjenti josservaw li, jekk dawn il‑qrati għandhom il‑ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu r‑regolament ikkontestat, dan l‑istħarriġ jiddependi fih innifsu fuq ir‑rwol limitat mogħti lill‑Komunità, li ma hijiex responsabbli għall‑istħarriġ tad‑deċiżjoni tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet jew tal‑provi li jiġu kkonservati esklużivament fi New York. Il‑Kummissjoni u l‑Gvernijiet intervenjenti jenfasizzaw għal darb’oħra li s‑setgħa sabiex tittieħed id‑deċiżjoni li persuna hija assoċjata ma’ Al‑Qaida, u li huwa neċessarju li jiġu ffriżati l‑assi tiegħu sabiex jitwaqqaf milli jiffinanzja jew milli jipprepara atti ta’ terroriżmu ngħatat lill‑Kunsill tas‑Sigurtà u li huwa diffiċli li wieħed jimmaġina dominju politiku iktar importanti u iktar kumpless, li jimplika evalwazzjonijiet dwar is‑salvagwardja tas‑sigurtà internazzjonali u interna.

99      Skont il‑Kummissjoni u l‑Gvernijiet intervenjenti, jirriżulta minn dak li ntqal li l‑Komunità, fl‑intier tagħha, ma tistax tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet b’evalwazzjoni tagħha. Il‑marġni ta’ diskrezzjoni li għandu dan tal‑aħħar għandu jiġi osservat mhux biss mill‑istanzi politiċi tal‑Komunità, iżda wkoll mill‑qrati tagħha. F’dan il‑każ, il‑Qorti Ġenerali għandha għalhekk tosserva d‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni li l‑evalwazzjoni tagħha ma tistax tissostitwixxi dik tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, ħlief jekk din id‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni tkun tidher manifestament żbaljata.

100    Għall‑kuntrarju, il‑Qorti Ġenerali tista’, skont il‑Kummissjoni u l‑Gvernijiet intervenjenti, timponi fuq l‑Istati Membri tal‑Unjoni obbligi direttament kontradittorji bis‑saħħa tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet u tad‑dritt Komunitarju. Kieku l‑Qorti Ġenerali kellha tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet bl‑evalwazzjoni tagħha u tasal għall‑konklużjoni li persuna ma tissodisfax il‑kundizzjonijiet sabiex titniżżel fl‑Anness I tar‑Regolament Nru 881/2002, l‑Istati Membri tal‑Unjoni jkunu marbuta, bħala membri tal‑ONU, li jimplementaw id‑deċiżjoni tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijet, filwaqt li jkunu obbligati, bħala membri tal‑Unjoni, li ma jiħdux sanzjonijiet. Issa, il‑Kummissjoni żżid li jirriżulta mill‑Artikolu 103 tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti li Stat Membru tal‑Unjoni ma jistax jinvoka d‑dritt Komunitarju sabiex jiġġustifika n‑nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal‑obbligi li huwa assuma taħt il‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti.

101    Għal dawn ir‑raġunijiet kollha, il‑Kummissjoni tistieden lill‑Qorti Ġenerali sabiex teżamina, minn naħa waħda, jekk ir‑rikorrent ingħatalux id‑dritt li jinstema’, u min‑naħa l‑oħra, jekk l‑evalwazzjoni tal‑Kummissjoni tal‑osservazzjonijiet tar‑rikorrent tidhirx mhux raġjonevoli jew ivvizzjata bi żball manifest.

102    Il‑Kunsill jikkontesta huwa wkoll l‑interpretazzjoni li r‑rikorrent jagħti lis‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja. Din toħroġ ċerti partijiet mill‑kuntest tagħhom u tagħtihom sens li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma kellhiex l‑intenzjoni li tagħtihom. Fir‑realtà, billi kkonstatat, fil‑punt 351 ta’ din is‑sentenza, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tistħarreġ il‑legalità tal‑att ikkontestat, il‑Qorti ma eżaminatx il‑kwistjoni dwar it‑tip jew l‑intensità tal‑istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u lanqas ma tat xi gwida f’dan il‑qasam.

103    B’mod iktar speċifiku, il‑Kunsill jargumenta li kwistjoni dwar jekk ir‑rikorrent kienx marbut man‑netwerk Al‑Qaida jew mat‑Taliban timplika evalwazzjoni mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà, rigward il‑miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġi miġġieled it‑terroriżmu abbażi tal‑informazzjoni u l‑partikolaritajiet miġbura.

104    Il‑Qorti tal‑Ġustizzja rrikonoxxiet il‑prevalenza tar‑rwol tal‑Kunsill tas‑Sigurtà f’dan il‑qasam, fil‑punt 294 tas‑sentenza tagħha Kadi. Fil‑prattika, dan ifisser li l‑istituzzjonijiet Komunitarji ma għandhomx jissostitwixxu l‑evalwazzjoni li tkun tinsab fir‑riżoluzzjoni restrittiva tal‑Kunsill tas‑Sigurtà bl‑evalwazzjoni tagħhom dwar l‑eżistenza jew le ta’ ness bejn l‑individwu u n‑netwerk tal‑Al‑Qaida jew tat‑Taliban.

105    Il‑Kunsill iqis ukoll li l‑Qorti Ġenerali għandha, f’dan il‑każ, tadotta l‑istess approċċ segwit meta l‑istituzzjonijiet Komunitarji jwettqu evalwazzjonijiet dwar għanijiet kumplessi u definiti b’mod wiegħsa. Skont il‑ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti, huma għaldaqstant igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l‑għażliet tagħhom ma għandhomx jiġu annullati sakemm ma jkunux wettqu żball ta’ evalwazzjoni manifest jew ma jkunux responsabbli għal użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑17 ta’ Lulju 1997, SAM Schiffahrt u Stapf, C‑248/95 u C‑249/95, Ġabra p. I‑4475, punti 24 u 25, u tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 80).

106    Fil‑fatt, l‑evalwazzjonijiet inkwistjoni f’dan il‑każ huma kumplessi u jissopponu evalwazzjoni ta’ miżuri li huma neċessarji sabiex tiġi żgurata s‑sigurtà internazzjonali u interna. Din tkun titlob it‑tagħrif espert tas‑servizzi tal‑informazzjoni u d‑dixxerniment politiku li skont il‑Kunsill jinsab biss għand il‑Gvernijiet.

107    Il‑fatt li f’dan il‑każ l‑evalwazzjoni hija dik tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, u mhux dik tal‑istituzzjonijiet Komunitarji, ma jaffettwax in‑natura tagħha u ma jbiddel xejn fir‑rigward tal‑prinċipju li jgħid li l‑qorti Komunitarja għandha tastjeni milli tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tal‑awtoritajiet politiċi kompetenti bl‑evalwazzjoni tagħha. Il‑Kunsill iqis, f’dan ir‑rigward, li l‑Qorti Ġenerali ma tistax u ma għandhiex teżamina s‑sustanza tal‑evalwazzjoni, li, skont il‑Kunsill, taqa’ taħt ir‑responsabbiltà esklużiva tal‑Gvernijiet fil‑kuntest tal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu.

108    Waqt is‑seduta, il‑Kunsill sostna, barra minn dan, li ma jirriżultax mis‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li l‑istħarriġ ġudizzjarju – marġinali – ta’ miżuri Komunitarji ta’ ffriżar ta’ fondi għandu jiġi estiż għal evalwazzjoni tal‑provi bħala tali (b’kuntrast mal‑istħarriġ – marġinali – tar‑raġunijiet invokati li jiġġustifikaw l‑iffriżar ta’ fondi). Dan jirriżulta partikolarment ċar minn ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal‑imsemmija sentenza, b’mod partikolari l‑verżjonijiet Ingliżi u Svediżi.

109    Il‑Kunsill jiġbed ukoll l‑attenzjoni għall‑konsegwenzi iktar ġenerali ta’ stħarriġ approfondit tal‑Qorti Ġenerali, li qiegħed jitlob ir‑rikorrent. Bl‑istess mod bħal Kummissjoni u l‑Gvernijiet intervenjenti, il‑Kunsill jikkunsidra li tali stħarriġ jista’ jwassal għal sitwazzjoni li fiha l‑Istati Membri jkunu suġġetti għal obbligi konkorrenti kontradittorji, bħala membri tan‑Nazzjonijiet Uniti u tal‑Unjoni.

110    Skont il‑Kunsill, jekk l‑Istati Membri tan‑Nazzjonijiet Uniti jadottaw tali approċċ, is‑sistema bbażata fuq in‑Nazzjonijiet Unit ma tiffunzjonax iktar. Il‑Kunsill jirrileva li, fis‑sentenza tagħha Kadi, il‑Qorti tal‑Ġustizzja enfasizzat ir‑rwol primarju tal‑Kunsill tas‑Sigurtà fiż‑żamma tal‑paċi u tas‑sigurtà internazzjonali. Skont il‑Kunsill, l‑approċċ propost mir‑rikorrent jikkomprometti l‑kapaċità tal‑Kunsill tas‑Sigurtà fil‑qadi ta’ din il‑funzjoni.

111    Bħala konklużjoni, il‑Kunsill iqis li l‑Qorti Ġenerali għandha tafferma mill‑ġdid ir‑rwol primarju tal‑Kunsill tas‑Sigurtà f’dan il‑qasam u tiddeċiedi li l‑istituzzjonijiet Komunitarji ma għandhomx jissostitwixxu l‑evalwazzjoni li tkun tinsab fir‑riżoluzzjoni restrittiva tal‑Kunsill tas‑Sigurtà bl‑evalwazzjoni tagħhom dwar l‑eżistenza jew le ta’ rabta bejn l‑individwu u n‑netwerk ta’ Al Qaida jew tat‑Taliban.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

112    Jeħtieġ jiġi enfasizzat mill‑bidu li l‑Qorti Ġenerali ma hijex marbuta taħt l‑Artikolu 61 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, fil‑kuntest ta’ din l‑istanza, bil‑punti ta’ liġi deċiżi mis‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

113    Madankollu, l‑istituzzjonijiet u l‑Gvernijiet intervenjenti tennew b’forza, fil‑kuntest ta’ din l‑istanza, il‑preokkupazzjonijiet diġà erpressi minnhom, fil‑kuntest tal‑kawża li wasslet għas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, dwar ir‑riskju ta’ interruzzjoni tas-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilit min‑Nazzjonijiet Uniti, fil‑kuntest tal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu internazzjonali, li tirriżulta mill‑istabbiliment f’livell nazzjonali jew reġjonali ta’ stħarriġ ġudizzjarju tat‑tip li rrakkomanda r‑rikorrent fid‑dawl tas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

114    Huwa veru li, peress li huwa ammess li hija l‑kompetenza, fil‑prinċipju, tal‑Kunsill tas‑Sigurtà li jadotta sanzjonijiet fir‑rigward ta’ persuni, iktar milli tal‑Istati jew tas-sistema tagħhom (smart sanctions), tali stħarriġ ġudizzjarju jista’ jinterferixxi mal‑prerogattivi tal‑Kunsill tas‑Sigurtà, b’mod partikolari fir‑rigward tad‑definizzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi theddida għall‑paċi jew għas‑sigurtà internazzjonali, tal‑konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ tali theddida u tad‑determinazzjoni tal‑mezzi sabiex din tinġieb fi tmiemha.

115    B’mod iktar fundamentali, ġew espressi xi dubji, fl‑isfera ġuridika, dwar il‑konformità sħiħa tas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, minn naħa waħda mad‑dritt internazzjonali, u b’mod iktar partikolari mal‑Artikoli 25 u 103 tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, u, min‑naħa l‑oħra, mat‑Trattati KE u UE, u b’mod iktar partikolari mal‑Artikolu 177(3) KE, l‑Artikoli 297 KE u 307 KE, l‑Artikolu 11(1) UE u l‑Artikolu 19(2) UE (ara wkoll l‑Artikolu 3(5) TUE u l‑Artikolu 21(1) u (2) TUE kif ukoll id‑dikjarazzjoni Nru 13 tal‑konferenza tal‑Gvernijiet tal‑Istati Membri dwar il‑politika barranija u ta’ sigurtà komuni, annessa mat‑Trattat ta’ Lisbona, li tenfasizza li “l‑UE u l‑Istati Membri tagħha jibqgħu marbuta bil‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, u b’mod partikolari bir‑responsabbiltà prinċipali imposta fuq il‑Kunsill tas‑Sigurtà u l‑Istati Membri tiegħu għaż‑żamma tal‑paċi u tas‑sigurtà internazzjonali”).

116    F’dan ir‑rigward, ġie b’mod partikolari sostnut li għalkemm il‑Qorti tal‑Ġustizzja affermat, fil‑punt 287 tas‑sentenza tagħha Kadi, li ma huwiex il‑kompitu tal‑Qorti Komunitarja, fil‑kuntest tal‑kompetenza esklużiva li jipprevedi l‑Artikolu 220 KE, li tistħarreġ il‑legalità ta’ riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà adottata taħt il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, xorta jibqa’ l‑fatt li l‑istħarriġ tal‑legalità ta’ att Komunitarju li jimplementa, f’livell Komunitarju, riżoluzzjoni tali li ma tħalli l‑ebda diskrezzjoni għal dan il‑għan, ifisser neċessarjament li tiġi mistħarrġa l‑legalità tar‑riżoluzzjoni kif implementata fid‑dawl tar‑regoli u tal‑prinċipji tal‑ordni ġuridiku Komunitarju.

117    Barra minn dan, ġie osservat li, fil‑punti 320 sa 325 tas‑sentenza tagħha Kadi, il‑Qorti tal‑Ġustizzja pproċediet fi kwalunkwe każ għal tali stħarriġ ġudizzjarju tal‑konformità tas-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita minn Nazzjonijiet Uniti mas-sistema tal‑protezzjoni ġudizzjarja tad‑drittijiet fundamentali prevista mit‑Trattat KE, b’risposta għall‑argument tal‑Kummissjoni li kien jgħid li l‑imsemmija drittijiet fundamentali kienu suffiċjentement protetti fil‑kuntest ta’ din is-sistema, fid‑dawl, b’mod partikolari, tat‑titjib tal‑proċedura ta’ eżami mill‑ġdid li jagħti lill‑persuni u lill‑entitajiet ikkonċernati l‑possibbiltà aċċettabbli li jinstemgħu mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, fil‑punti 322 u 323 tal‑imsemmija sentenza, li l‑proċedura ta’ eżami mill‑ġdid ma toffrix “manifestament il‑garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja” u li l‑persuni u l‑entitajiet ikkonċernati ma għandhomx “possibbiltà vera li jiddefendu d‑drittijiet tagħhom”.

118    Bl‑istess mod, jekk il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat, fil‑punt 288 tas‑sentenza tagħha Kadi, li sentenza eventwali ta’ qorti Komunitarja li biha jiġi deċiż li att Komunitarju intiż li jimplementa tali riżoluzzjoni jmur kontra regola superjuri li tirriżulta mis‑sistema ġudirika Komunitarja ma timplikax li titqiegħed inkwistjoni s‑supremazija ta’ din ir‑riżoluzzjoni fuq il‑livell tad‑dritt internazzjonali, ġie rrilevat li tali sentenza, li permezz tagħha l‑att Komunitarju inkwistjoni jiġi annullat, ikollha neċessarjament bħala konsegwenza li tirrendi inoperattiva din is‑supremazija fl‑ordni ġuridiku Komunitarju.

119    Għalkemm il‑Qorti tal‑Ġustizzja normalment tifhem ir‑relazzjoni bejn id‑dritt Komunitarju u d‑dritt internazzjonali fid‑dawl tal‑Artikolu 307 KE [ara f’dan is‑sens is‑sentenza tal‑14 ta’ Jannar 1997, Centro‑Com, C‑124/95, Ġabra p. I‑81, punti 56 sa 61, fejn ġie deċiż li l‑Artikolu 234 KE (li sar, wara emenda, l‑Artikolu 307 KE) jista’ jippermetti derogi anki għad‑dritt primarju, f’dan il‑każ l‑Artikolu 133 KE], bis‑sentenza tagħha Kadi hija eskludiet l‑applikazzjoni ta’ dan l‑artikolu meta jkunu involuti l‑“prinċipji ta’ libertà, ta’ demokrazija kif ukoll ir‑rispett lejn id‑drittijiet tal‑bniedem u l‑libertajiet fundamentali stabiliti fl‑Artikolu 6(1) UE, bħala bażi tal‑Unjoni” (punt 303) jew, skont formulazzjoni oħra, il‑“prinċipji li jirriżultaw mill‑istess bażi tas‑sistema legali Komunitarja, fosthom dak tal‑protezzjoni tad‑drittijiet fondamentali” (punt 304). Fir‑rigward ta’ dawn il‑prinċipji jidher li l‑Qorti tal‑Ġustizzja interpretat il‑qafas kostituzzjonali tat‑Trattat KE bħala ordinament ġuridiku purament awtonomu, mhux subordinat għal regoli superjuri tad‑dritt internazzjonali, f’dan il‑każ id‑dritt li jirriżulta mill‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti.

120    Fl‑aħħar nett, peress li l‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti hija ftehim bejn Stati u li l‑adozzjoni tagħha, barra minn dan, ippreċediet l‑adozzjoni tat‑Trattat li jistabbilixxi l‑Komunità Ekonomika Ewropea, iffirmata f’Ruma fil‑25 ta’ Marzu 1957, l‑assimilazzjoni ta’ din il‑Karta ma’ ftehim internazzjonali konkluż bejn il‑Komunità u Stat wieħed jew iktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali, fis‑sens tal‑Artikolu 300 KE, użata fil‑punti 306 sa 309 tas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, sabiex tiġi ġġustifikata l‑konklużjoni li “din is‑supremazija fuq livell tad‑dritt Komunitarju ma testendix ruħha għad‑dritt primarju” (punt 308), tista’ tqajjem xi mistoqsijiet.

121    Il‑Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li din il‑kritika ma hijiex nieqsa mis‑serjetà. Madankollu, fir‑rigward tar‑rilevanza tagħha, il‑Qorti Ġenerali tqis li, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il‑każ, fejn is‑suġġett huwa att adottat mill‑Kummissjoni sabiex jissostitwixxi att preċedenti li ġie annullat mill‑Qorti tal‑Ġustizzja, fil‑kuntest ta’ appell mis‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali li ċaħdet ir‑rikors għal annullament fir‑rigward tal‑imsemmi att, l‑istess prinċipju ta’ appell u l‑istruttura ġudizzjarja ġerarkika li hija korollarju tiegħu jirrakkomandawlha, fil‑prinċipju, li ma tpoġġix f’dubju hija stess il‑punti ta’ liġi stabbiliti permezz tas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja. Dan huwa minnu b’mod partikolari meta, bħal f’dan il‑każ, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet bħala Awla Manja u li manifestament kellha fi ħsiebha li tagħti sentenza awtorevoli. Għaldaqstant, li kieku kellha tingħata tweġiba għall‑mistoqsijiet magħmula mill‑istituzzjonijiet, l‑Istati Membri u l‑isferi ġuridiċi kkonċernati, wara s‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, din jaqbel li tingħata mill‑Qorti tal‑Ġustizzja stess fil‑kuntest ta’ kawżi futuri li jistgħu jitressqu quddiemha.

122    Jeħtieġ li jiġi osservat, inċidentalment, li, jekk ċerti qrati nazzjonali adottaw approċċ li jixbah lil dak segwit mill‑Qorti Ġenerali fis‑sentenza tagħha Kadi [ara f’dan is‑sens id‑deċiżjoni tat‑Tribunal Federali ta’ Lausanne (l‑Isvizzera) tal‑14 ta’ Novembru 2007 fil‑kawża 1A.45/2007, Youssef Mustapha Nada c vs Secrétariat d’État pour l’Économie, u s‑sentenza tal‑House of Lords (House of Lords, ir‑Renju Unit) tat‑12 ta’ Diċembru 2007 fil‑kawża Al‑Jedda vs Secretary of State for Defence [2007] UKHL 58, li kienet attwalment is‑suġġett tal‑kawża Nru 27021/08, Al‑Jedda c. Royaume‑Uni, quddiem il‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem], oħrajn pjuttost segwew l‑approċċ tal‑Qorti tal‑Ġustizzja billi kkunsidraw li s‑sistema ta’ inklużjoni tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet hija inkompatibbli mad‑dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti u imparzjali (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Federali tal‑Kanada tal‑4 ta’ Ġunju 2009 fil‑kawża Abousfian Abdelrazik vs The Minister of Foreign Affairs and the Attorney General of Canada [2009] FC 580, iċċitata fil‑punt 69 tas‑sentenza Ahmed et tal‑UK Supreme Court).

123    Issa, li f’dan il‑każ jiġu limitati t‑tip u l‑intensità tal‑istħarriġ ġudizzjarju bil‑mod kif ġie ssuġġerit mill‑Kummissjoni u mill‑Gvernijiet intervenjenti (ara l‑punti 86 sa 101 iktar ’il fuq) u mill‑Kunsill (ara l‑punti 102 sa 111 iktar ’il fuq) jkun ifisser li ma jiġix eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju effettiv tat‑tip indikat mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tagħha Kadi, iżda simulazzjoni ta’ tali stħarriġ. Dan ikun ifisser, de facto, li jinżamm l‑approċċ segwit mill‑Qorti Ġenerali fis‑sentenza tagħha Kadi, li ġiet deċiża mill‑Qorti tal‑Ġustizzja bħala vvizzjata bi żball ta’ liġi fis‑sentenza tagħha tal‑appell. Il‑Qorti Ġenerali tqis li huwa kompitu tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, u mhux tiegħu, li tmur lura, jekk ikun il‑każ, li taqleb il‑ġurisprudenza stabbilita, jekk dan ikun jidhrilha ġustifikat fir‑rigward, b’mod partikolari, tal‑inkonvenjenti gravi invokati mill‑istituzzjonijiet u mill‑Gvernijiet intervenjenti.

124    Ċertament, kif jirrilevaw il‑Kummissjoni u l‑Kunsill, il‑Qorti tal‑Ġustizzja b’mod partikolari fakkret, fis‑sentenza tagħha Kadi, li l‑kompetenzi tal‑Komunità għandhom jiġu eżerċitati fl‑osservanza tad‑dritt internazzjonali (punt 291), li l‑osservanza tal‑impenji meħuda fil‑kuntest tan‑Nazzjonijiet Uniti hija imposta bl‑istess mod fil‑qasam taż‑żamma tal‑paċi u tas‑sigurtà internazzjonali, fl‑implementazzjoni mill‑Komunità, permezz tal‑adozzjoni ta’ atti Komunitarji meħuda, fuq il‑bażi tal‑Artikoli 60 KE u 301 KE, ta’ riżoluzzjonijiet adottati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà taħt il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti (punt 293), li fl‑eżerċizzju ta’ din l‑aħħar kompetenza, il‑Komunità fil‑fatt għandha tagħti importanza partikolari għall‑fatt li, skont l‑Artikolu 24 tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, l‑adozzjoni, mill‑Kunsill tas‑Sigurtà, ta’ riżoluzzjonijiet taħt il‑Kapitolu VII ta’ din il‑Karta tikkostitwixxi l‑eżerċizzju tar‑responsabbiltà prinċipali li biha dan il‑korp internazzjonali huwa inkarigat li jżomm, fuq livell dinji, il‑paċi u s‑sigurtà, responsabbiltà li, fil‑kuntest tal‑imsemmi Kapitolu VII, tinkludi s‑setgħa li jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi theddida kontra l‑paċi u s‑sigurtà internazzjonali kif ukoll li jittieħdu l‑miżuri neċessarji sabiex dawn jinżammu jew jerġgħu jiġu stabbiliti (punt 294), u li fl‑elaborazzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ta’ riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà adottata taħt il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, il‑Komunità għandha debitament tieħu inkunsiderazzjoni l‑kliem u l‑għanijiet tar‑riżoluzzjoni kkonċernata kif ukoll l‑obbligi rilevanti li jirriżultaw mill‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar tali implementazzjoni (punt 296).

125    Xorta jibqa’ l‑fatt li l‑Qorti tal‑Ġustizzja b’mod partikolari rrilevat, barra minn dan, fis‑sentenza tagħha Kadi, li l‑implementazzjoni tar‑riżoluzzjonijiet adottati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà taħt il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti għandha ssir skont il‑modalitajiet applikabbli f’dan ir‑rigward fis‑sistema legali interna ta’ kull Stat Membru tal‑ONU (punt 298), li l‑prinċipji li jirregolaw is‑sistema legali internazzjonali li rriżultat min‑Nazzjonijiet Uniti ma jimplikawx li stħarriġ ġudizzjarju tal‑legalità interna ta’ att Komunitarju bħar‑regolament ikkontestat fid‑dawl tad‑drittijiet fundamentali jkun eskluż minħabba l‑fatt li dan l‑att huwa intiż li jimplementa tali riżoluzzjoni (punt 299), li tali immunità ġudizzjarja ta’ att bħal dan ma ssib ebda bażi fit‑Trattat KE (punt 300), li l‑istħarriġ, minnha, tal‑validità ta’ kull att Komunitarju fid‑dawl tad‑drittijiet fundamentali għandu jiġi kkunsidrat bħala l‑espressjoni, f’Komunità tad‑dritt, ta’ garanzija kostituzzjonali li tirriżulta mit‑Trattat KE bħala sistema legali awtonoma li ma tistax tiġi ppreġudikata minn “ftehim internazzjonali” (punt 316), u konsegwentement, “l‑qrati Komunitarji għandhom, skont il‑ġurisdizzjoni li huma għandhom bis‑saħħa tat‑Trattat KE, jiggarantixxu stħarriġ, bħala regola ġenerali komplet, tal‑legalità tal‑atti Komunitarji kollha fid‑dawl tad‑drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill‑prinċipji ġenerali tad‑dritt Komunitarju, inkluż tal‑atti Komunitarji li […] huma intiżi li jimplementaw riżoluzzjonijiet adottati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà taħt il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti” (punt 326).

126    Huwa għalhekk li l‑Qorti Ġenerali tikkunsidra, b’mod definittiv, li hija obbligata tiżgura f’dan il‑każ, kif iddeċidiet il‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑punti 326 u 327 tas‑sentenza tagħha Kadi, stħarriġ, “fil‑prinċipju komplet”, tal‑legalità tar‑regolament ikkontestat fid‑dawl tad‑drittijiet fundamentali, mingħajr ma tagħti lill‑imsemmi regolament ebda immunità ġudizzjarja abbażi tal‑fatt li dan jipprevedi li jimplementa riżoluzzjonijiet adottati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà taħt il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti.

127    Dan għandu għalhekk isir, tal‑inqas sakemm il‑proċeduri ta’ eżami mill‑ġdid implementati mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijet ma jkunux joffru b’mod manifest il‑garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif timplika l‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑punt 322 tas‑sentenza tagħha Kadi (ara wkoll, f’dan is‑sens, il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro dwar l‑imsemmija sentenza, iċċitati iktar ’il fuq, punt 54).

128    Issa, il‑kunsiderazzjonijiet espressi f’dan ir‑rigward mill‑Qorti tal‑Ġustizzja, fil‑punti 323 sa 325 tas‑sentenza tagħha Kadi, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l‑punt ċentrali, jibqa’ fundamentalment validu fil‑preżent, anki fid‑dawl tal‑“uffiċċju tal‑ombudsman”, li l‑istabbiliment fil‑prinċipju tiegħu ġie deċiż permezz tar‑riżoluzzjoni 1904 (2009) u li twaqqaf reċentement ħafna. Fis‑sustanza, il‑Kunsill tas‑Sigurtà mhux minn dejjem ikkunsidra opportun li jistabbilixxi korp indipendenti u imparzjali li jkollu s‑setgħa jiddeċiedi, fil‑fatt u fid‑dritt, fuq rikorsi intiżi kontra d‑deċiżjonijiet individwali meħuda mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet. Barra minn dan, la l‑mekkaniżmu tal‑punt ċentrali u lanqas l‑uffiċċju tal‑ombudsman ma jpoġġu indiskussjoni l‑prinċipju li t‑tneħħija ta’ persuna mil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet teħtieġ il‑kunsens fi ħdan il‑Kumitat. Barra minn dan, l‑għażla tal‑provi li jistgħu jiġu żvelati lill‑parti kkonċernata tibqa’ taqa’ taħt id‑diskrezzjoni sħiħa tal‑Istat li jipproponi l‑inklużjoni tiegħu fil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, u l‑ebda mekkaniżmu ma jiżgura li l‑parti kkonċernata jkollha biżżejjed elementi ta’ informazzjoni li jippermettulha tiddefendi ruħha b’mod effettiv (lanqas li hija tkun taf l‑identità tal‑Istat li talab l‑inklużjoni tagħha fil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet). Mill‑inqas għal dawn ir‑raġunijiet, l‑istabbiliment ta’ punt ċentrali u ta’ ombudsman ma tistax tiġi assimilata mal‑istabbiliment ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d‑deċiżjonijiet tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet (ara wkoll, f’dan ir‑rigward, il‑kunsiderazzjonijiet iddikjarati fil‑punti 77, 78, 149, 181, 182 u 239 tas‑sentenza Ahmed et tal‑UK Supreme Court u l‑kunsiderazzjonijiet espressi fil‑punt III tad‑disa’ rapport tat‑tim ta’ monitoraġġ).

129    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑istħarriġ eżerċitat mill‑qorti Komunitarja fuq il‑miżuri Komunitarji ta’ ffriżar ta’ fondi ma jistax jiġi kkassifikat bħala effettiv jekk huwa jirrigwarda, indirettament, l‑evalwazzjonijet dwar il‑mertu magħmula mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet innifsu, kif ukoll l‑elementi li jsejsuhom (ara wkoll, f’dan is‑sens, is‑sentenza Ahmed et tal‑UK Supreme Court, punt 81).

130    Fir‑rigward, b’mod iktar speċifiku, tat‑tip u tal‑intensità ta’ dan l‑istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita, il‑Kummissjoni ssostni li fis‑sentenza tagħha Kadi, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma ddeċidietx fuq din il‑kwistjoni (ara l‑punt 91 iktar ’il fuq). Bl‑istess mod, il‑Kunsill isostni li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma eżaminatx dik il‑kwistjoni, u lanqas ma tat xi gwida f’dan il‑qasam (ara l‑punti 102 u 108 iktar ’il fuq).

131    Din l‑argumentazzjoni hija manifestament żbaljata.

132    Fl‑ewwel lok, billi ddikjarat, wara raġunament fit‑tul, li l‑istħarriġ tal‑legalità inkwistjoni għandu jkun “fil‑prinċipju komplet”, u jiġi eżerċitat “skont il‑ġurisdizzjoni li [l‑qrati Komunitarji] għandhom bis‑saħħa tat‑Trattat KE” (sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 326), u billi, barra minn dan, ċaħdet espliċitament it‑teżi tal‑Qorti Ġenerali li l‑att inkwistjoni jibbenefika minn “immunità ġudizzjarja” minħabba li huwa limitat għall‑implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet adottati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà taħt il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti (sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 327), il‑Qorti tal‑Ġustizzja bil‑kuntrarju tat indikazzjoni ċara ħafna dwar dak li normalment għandhom ikunu t‑tip u l‑intensità ta’ dan l‑istħarriġ.

133    Fit‑tieni lok, il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonkludiet, fil‑punt 336 tas‑sentenza tagħha Kadi, li dan l‑istħarriġ għandu b’mod partikolari jkun jirrigwarda l‑legalità tal‑motivi li fuqhom huwa bbażat l‑att Komunitarju kkontestat. Issa, jirriżulta mill‑ġurisprudenza invokata fil‑punt 336 li tiġġustifika dik il‑konklużjoni (ara, b’mod partikolari s‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 462), li dan l‑istħarriġ tal‑legalità tal‑motivi jestendi, b’mod partikolari, għal verifika tal‑fondatezza tal‑att ikkontestat kif ukoll għal difetti li bihom dan jista’ jkun ivvizzjat.

134    Fit‑tielet lok, il‑Qorti tal‑Ġustizzja enfasizzat, fil‑punti 342 sa 344 tas‑sentenza tagħha Kadi li jekk xi kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is‑sigurtà jew it‑tmexxija tar‑relazzjonijiet internazzjonali tal‑Komunità u tal‑Istati Membri tagħha jistgħu jopponu l‑komunikazzjoni ta’ ċerti elementi lill‑partijiet ikkonċernati, dan madankollu ma jfissirx, fid‑dawl tar‑rispett tal‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li miżuri restrittivi bħal dawk imposti mir‑regolament ikkontestat jaħarbu minn kull stħarriġ tal‑qorti Komunitarja meta huwa affermat li l‑att li jistabbilixxihom jittratta s‑sigurtà nazzjonali u t‑terroriżmu. Fl‑istess każ, hija l‑qorti Komunitarja li għandha timplementa, fil‑kuntest tal‑istħarriġ ġudizzjarju li hija teżerċita, tekniki li jippermettu li jiġu kkonċiljati, minn naħa, ix‑xewqat leġittimi ta’ sigurtà fir‑rigward tan‑natura u tas‑sorsi ta’ tagħrif li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall‑adozzjoni tal‑att ikkonċernat u, min‑naħa l‑oħra, in‑neċessità li l‑parti fil‑kawża tingħata suffiċjentement il‑benefiċċju tar‑Regoli tal‑Proċedura.

135    Jirriżulta b’mod ċar minn dawn il‑punti tas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, kif ukoll mir‑riferiment li sar għas‑sentenza tal‑Qorti Ewropea D.B. Chahal vs Ir‑Renju Unit tal‑15 ta’ Novembru 1996 (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 1996‑V, § 131), li l‑Qorti tal‑Ġustizzja kellha l‑intenzjoni teżerċita l‑istħarriġ ġudizzjarju, “fil‑prinċipju komplet”, mhux biss fuq il‑fondatezza apparenti tal‑att ikkontestat, iżda wkoll fuq il‑provi u l-informazzjoni li fuqhom huma bbażati l‑evalwazzjonijiet magħmula f’dak l‑att.

136    It‑tim ta’ monitoraġġ kien tal‑istess fehma, inkwantu, fil‑paragrafu 19 tad‑disa’ rapport tiegħu, huwa indikat li, fis‑sentenza tagħha Kadi, il‑Qorti tal‑Ġustizzja qieset li l‑proċeduri segwiti mill‑Unjoni sabiex tapplika s‑sanzjonijiet ippreġudikaw id‑drittijiet fundamentali tal‑partijiet ikkonċernati “inkwantu li l‑provi li jiġġustifikaw il‑miżuri restrittivi li ġew imposti fuqhom ma ġewx ikkomunikati lilhom u li, minħabba dan, ma setgħux jeżerċitaw id‑drittijiet tagħhom li jiddefendu lilhom infushom”.

137    Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra minn dan, reċentement ikkonfermat, fil‑kuntest ta’ kawża dwar l‑implementazzjoni ta’ sanzjonijiet previsti mir‑Regolament Nru 2580/2001, li l‑possibbiltà ta’ “stħarriġ ġudizzjarju adegwat” tal‑legalità sostantiva ta’ miżura Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi, li jirrigwarda b’mod partikolari l‑“verifika ta’ fatti kif ukoll ta’ elementi ta’ prova u ta’ informazzjoni invokata insostenn tiegħu”, hija indispensabbli sabiex jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn ir‑rekwiżiti tal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu internazzjonali u l‑protezzjoni tal‑libertajiet u tad‑drittijiet fundamentali (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tad‑29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 57).

138    Fir‑raba’ lok, jeħtieġ jiġi rrilevat li parti sostanzjali mir‑raġunijiet żviluppati mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tagħha Kadi, fil‑kuntest tal‑eżami tagħha tal‑motivi tar‑rikorrent ibbażati fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tiegħu u tad‑dritt għal stħarriġ ġudizzjarju, huma meħuda mir‑raġunijiet żviluppati mill‑Qorti Ġenerali, fil‑kuntest tal‑eżami tagħha tal‑motivi ekwivalenti invokati mir‑rikorrent fil‑kawża li tat lok għas‑sentenza OMPI. Huwa għalhekk, b’mod partikolari, li l‑punti 336, 340, 342, 343, 344, 345, 346, 348, 349, 351 u 352 tas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jieħdu, tal‑inqas, is‑sustanza tal‑punti korrespondenti 129, 128, 133, 156, 158, 160, 161, 162, 165, 166 u 173 tas‑sentenza OMPI. Hemm lok li jiġi dedott li, billi ħaddnet l‑essenzjal tal‑motivazzjoni żviluppata mill‑Qorti Ġenerali fis‑sentenza OMPI, fir‑rigward tal‑ksur allegat tad‑drittijiet tad‑difiża u tad‑dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, il‑Qorti tal‑Ġustizzja approvat u aċċettat il‑livell u l‑intensità tal‑istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill‑Qorti Ġenerali fil‑kawża li tat lok għas‑sentenza OMPI.

139    Fi‑rigward tat‑tip u l‑intensità tal‑istħarriġ ġudizzjarju adegwat f’dan il‑każ, hemm lok għalhekk li jiġu applikati, fil‑kawża preżenti, il‑prinċipji stabbiliti mill‑Qorti Ġenerali fis‑sentenza tagħha OMPI kif ukoll fil‑ġurisprudenza sussegwenti tagħha fil‑qasam tal‑argument previst fil‑punt 82 iktar ’il fuq, dwar l‑implementazzjoni tal‑miżuri previsti fil‑punti 32 sa 35 iktar ’il fuq.

140    F’dan ir‑rigward, jeħtieġ jitfakkar li, fil‑punt 153 tas‑sentenza OMPI, il‑Qorti Ġenerali ddikjarat li l‑istħarriġ ġudizzjarju tal‑legalità ta’ deċiżjoni Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi huwa dak previst fit‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 230 KE, li jipprovdi li l‑qorti Komunitarja għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi fuq ir‑rikorsi bbażati fuq inkompetenza, ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali, ksur tat‑Trattat KE jew kull liġi li għandha x’taqsam mal‑applikazzjoni tiegħu, jew l‑abbuż ta’ poter.

141    Il‑Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil‑punt 159 tas‑sentenza OMPI, fil‑punt 137 tas‑sentenza PMOI I, fil‑punt 55 tas‑sentenza PMOI II u fil‑punt 97 tas‑sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il‑Kunsill (T‑341/07, Ġabra II‑3625), li l‑istituzzjoni Komunitarja kompetenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir‑rigward tal‑elementi li għandha tqis għall‑adozzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji abbażi tal‑Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, skont pożizzjoni komuni adottata skont il‑Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni. Din is‑setgħa diskrezzjonali tikkonċerna, b’mod partikolari, il‑kunsiderazzjonijiet ta’ kemm dawn il‑miżuri, li fuqhom dawn id‑deċiżjonijiet ikunu bbażati, ikunu xierqa.

142    Madankollu (ara s‑sentenzi PMOI I, punt 138, u PMOI II, punt 55), għalkemm il‑Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li l‑istituzzjoni Komunitarja kompetenti għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il‑qasam, dan ma jfissirx li hija għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l‑interpretazzjoni, minn din l‑istituzzjoni, tal‑informazzjoni rilevanti. Fil‑fatt, il‑qorti Komunitarja għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l‑eżattezza materjali tal‑provi invokati, l‑affidabbiltà u l‑koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il‑provi jikkostitwixxux l‑informazzjoni rilevanti kollha li għandha titqies għall‑evalwazzjoni tas‑sitwazzjoni u jekk dawn humiex ta’ natura li jissostanzjaw il‑konklużjonijiet ibbażati fuqhom. Madankollu, fil‑kuntest ta’ dan l‑istħarriġ, ma huwiex il‑kompitu tagħha li tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tal‑adegwatezza tal‑miżuri magħmula mill‑istituzzjoni Komunitarja kompetenti bl‑evalwazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C-525/04 P, Ġabra p. I-9947, punt 57, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

143    Fil‑punt 154 tas‑sentenza OMPI (ara wkoll is‑sentenza PMOI II, punt 74), il‑Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l‑istħarriġ ġudizzjarju tal‑legalità ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal‑fondi jestendi ruħu għall‑evalwazzjoni tal‑fatti u ċirkustanzi invokati bħala ġustifikazzjoni tagħha, kif ukoll għall‑verifika tal‑provi u tal‑informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l‑evalwazzjoni, kif il‑Kunsill kien irrikonoxxa b’mod espliċitu fin‑noti tiegħu fil‑kawża li tat lok għas‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Settembru 2005, Yusuf u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T-306/01, Ġabra p. II-3533) (ara l‑punt 225 ta’ din is‑sentenza). Il‑Qorti Ġenerali għandha wkoll tiżgura r‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża u tar‑rekwiżit ta’ motivazzjoni f’dan ir‑rigward kif ukoll, fejn xieraq, tal‑fondatezza tal‑kunsiderazzjonijiet prevalenti eċċezzjonalment invokati mill‑istituzzjoni Komunitarja kompetenti sabiex tiġi eżentata mill‑imsemmi rispett.

144    Fil‑punt 155 tas‑sentenza OMPI (ara wkoll is‑sentenza PMOI II, punt 75), il‑Qorti Ġenerali tirrileva li, f’dan il‑każ, dan l‑istħarriġ jirriżulta iktar indispensabbli għaliex huwa jikkostitwixxi l‑unika garanzija proċedurali li tippermetti li jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn ir‑rekwiżiti tal‑ġlieda kontra t‑terroriżmu internazzjonali u l‑protezzjoni tad‑drittijiet fundamentali. Peress li l‑limitazzjonijiet imposti mill‑istituzzjonijiet Komunitarji kompetenti fuq id‑drittijiet tad‑difiża tal‑partijiet interessati għandhom ikunu kkumpensati permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju strett li huwa indipendenti u imparzjali (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C 341/04, Ġabra p. I 3813, punt 66), il‑qorti Komunitarja għandha tkun fil‑pożizzjoni li tistħarreġ il‑legalità u l‑fondatezza tal‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu invokati kontriha s‑segretezza jew il‑kunfidenzjalità tal‑provi u ta’ informazzjoni użati mill‑istituzzjoni Komunitarja kompetenti (sentenza OMPI, punt 155).

145    F’dan ir‑rigward, il‑Qorti Ġenerali żiedet, fil‑punt 73 tas‑sentenza PMOI II, li l‑Kunsill ma jistax jibbaża d‑deċiżjoni tiegħu ta’ ffriżar ta’ fondi fuq informazzjoni jew fuq elementi fil‑proċess ikkomunikati minn Stat Membru, jekk dan l‑Istat Membru mhux lest li jawtorizza l‑komunikazzjoni tagħhom lill‑qorti Komunitarja li għandha s‑setgħa ta’ stħarriġ tal‑legalità ta’ din id‑deċiżjoni. Fil‑punt 76 tas‑sentenza PMOI II, il‑Qorti Ġenerali rrilevat li r‑rifjut tal‑Kunsill u tal‑awtoritajiet Franċiżi li jikkomunikaw, anki lilha biss, l‑informazzjoni li fuqha huwa bbażat l‑att ikkontestat f’dan il‑każ, għandu għaldaqstant il‑konsegwenza li ma jippermettix lil din il‑qorti l‑eżerċizzju tal‑istħarriġ tagħha fir‑rigward tal‑legalità tad‑deċiżjoni kkontestata. Fil‑punt 76 tas‑sentenza PMOI II, il‑Qorti Ġenerali kkonkludiet li f’dawn iċ‑ċirkustanzi kien ġie ppreġudikat id‑dritt fundamentali tar‑rikorrenti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

146    Fil‑punt 156 tas‑sentenza OMPI, il‑Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll, f’dan ir‑rigward li, minkejja li l‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem tirrikonoxxi li l‑użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali jista’ jirriżulta indispensabbli meta s‑sigurtà nazzjonali hija fil‑periklu, dan ma jfissirx, fl‑opinjoni tagħha, li l‑awtoritajiet nazzjonali jevitaw kull stħarriġ tal‑qrati nazzjonali billi jaffermaw li l‑każ jikkonċerna s‑sigurtà nazzjonali u t‑terroriżmu (ara Qorti Ewropea D.B., is‑sentenzi Chahal vs Ir‑Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, § 131, u l‑ġurisprudenza ċċitata, u Öcalan vs It‑Turkija tat‑12 ta’ Marzu 2003, Nru 46221/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra tas‑sentenzi u deċiżjonijiet, § 106, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

147    Fil‑punt 158 tas‑sentenza OMPI, il‑Qorti Ġenerali żiedet li ma huwiex neċessarju tieħu pożizzjoni, fil‑kuntest ta’ dan ir‑rikors, dwar il‑kwistjoni ta’ jekk ir‑rikorrent u/jew l‑avukati tiegħu jistgħux jirċievu komunikazzjoni tal‑provi u ta’ informazzjoni li huma allegatament kunfidenzjali, jew jekk il‑komunikazzjoni tagħhom għandhiex tiġi riżervata biss għall‑Qorti Ġenerali, skond proċedura partikolari li għadha trid tiġi ddefinita b’mod li tħares l‑interessi pubbliċi inkwistjoni filwaqt li tagħti lill‑parti kkonċernata livell suffiċjenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja.

148    Ma’ dawn il‑kusiderazzjonijiet stabbiliti fil‑ġurisprudenza, li joħorġu mis‑sentenza OMPI, jeħtieġ jiżdiedu ċerti kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq in‑natura u l‑effetti ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi bħal dawk f’dan il‑każ, mifhuma fid‑dimensjoni temporali tagħhom.

149    Dawn il‑miżuri huma fil‑fatt partikolarment oppressivi għal dawk li huma suġġetti għalihom. Ir‑rikorrent ilu ssuġġettat, għal kważi għaxar snin, għal sistema li tiffriża indefinittivament it‑totalità tal‑fondi tiegħu u assi oħrajn, li ma jistax jieħu lura qabel ma jkun kiseb deroga mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet. Fil‑punt 358 tas‑sentenza tagħha Kadi, il‑Qorti kienet diġà rrilevat li r‑restrizzjoni għall‑użu tad‑dritt għall‑proprjetà tar‑rikorrent li ssarraf fih il‑miżura ta’ ffriżar tal‑fondi tiegħu għandha titqies li hija kunsiderevoli fid‑dawl tal‑portata ġenerali tagħha u fid‑dawl tal‑fatt li din ilha applikabbli għalih mill‑20 ta’ Ottubru 2001. Fis‑sentenza tagħha Ahmed et (punti 60 u 192), il‑UK Supreme Court qieset li ma tkunx eżaġerata d‑dikjarazzjoni li l‑persuni hekk indikati huma fil‑fatt “ħabsin” tal‑awtoritajiet statali: il‑libertà tal‑moviment tagħhom hija severament ristretta peress li ma għandhomx aċċess għall‑fondi tagħhom, u l‑effetti tal‑iffriżar tal‑fondi, fuqhom u fuq il‑familji tagħhom jistgħu jkunu devastanti.

150    Hija wkoll permessa l‑mistoqsija dwar jekk għandhiex, issa li għaddew għaxar snin minn meta ġew iffriżati l‑fondi tar‑rikorrent, tiġi kkontestata l‑evalwazzjoni tal‑Qorti Ġenerali fil‑punt 248 tas‑sentenza tagħha Kadi, u meħuda fis‑sustanza mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑punt 358 tas‑sentenza tagħha Kadi, li tgħid li l‑iffriżar ta’ fondi hija miżura kawtelatorja li, b’differenza minn konfiska, ma tippreġudikax is‑sustanza tad‑dritt għall-proprjetà ta’ dawk ikkonċernati mill‑assi finanzjarji tagħhom, iżda biss l‑użu tagħhom. Din tapplika wkoll għall‑affermazzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà, imfakkra bosta drabi, b’mod partikolari fir‑riżoluzzjoni tiegħu 1822 (2008), li tgħid li l‑miżuri inkwistjoni “huma ta’ natura preventiva u huma indipendenti mil‑liġijiet kriminali tad‑dritt intern”. Fil‑livell tal‑ħajja umana, għaxar snin jirrappreżentaw fil‑fatt tul ta’ żmien kunsiderevoli, u l‑klassifikazzjoni tal‑miżuri inkwistjoni bħala ta’ natura preventiva jew repressiva, kawtelatorja jew konfiskatorja, ċivili jew kriminali, tidher li għadha miftuħa (ara wkoll, f’dan is‑sens, id‑disa’ rapport tat‑tim ta’ monitoraġġ, paragrafu 34). Dan huwa wkoll il‑parir tal‑Kummissarju għoli tan‑Nazzjonijiet Uniti għad‑drittijiet tal‑bniedem li, f’rapport lill‑Assemblea Ġenerali tan‑Nazzjonijiet Uniti tat‑2 ta’ Settembru 2009, bit‑titolu “Report [...] on the protection of human rights and fundamental freedoms while countering terrorism” (dokument A/HRC/12/22, punt 42), jindika kif ġej:

“Id‑deċiżjonijiet individwali ta’ inklużjoni fil‑lista li huma attwalment bla limitu ta’ żmien, jistgħu jwasslu għal stat fejn l‑iffriżar ta’ fondi temporanju jsir permanenti, li jista’ mbagħad isir ekwivalenti għal piena kriminali minħabba s‑severità tas‑sanzjoni. Dan jista’ jmur lil hinn mill‑għan tan‑Nazzjonijiet Uniti li tiġi miġġielda t‑theddida terrorista magħmula minn każ individwali. Barra minn dan, ma teżisti l‑ebda uniformità dwar l‑istandards tal‑provi u l‑proċeduri. Dan jirriżulta fi problemi serji fil‑qasam tad‑drittijiet tal‑bniedem, peress li d‑deċiżjonijiet kriminali kollha għandhom ikunu ġudizzjarji u suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.”

151    Minkejja li d‑diskussjoni ta’ din il‑kwisjoni tmur lil hinn mill‑kuntest ta’ din il‑kawża, kif definita mill‑motivi espressi fir‑rikors, il‑Qorti Ġenerali tikkunsidra li l‑prinċipju ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet u rigoruż ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi bħal dawk f’dan il‑każ huwa iktar ġġustifikat mill‑miżuri li jaffettwaw b’mod sensittiv u għal tul ta’ żmien id‑drittijiet fundamentali ta’ dawk ikkonċernati, peress li hija ammessa l‑premessa, stabbilita mis‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, li ma għandha tingħata l‑ebda immunità ġudizzjarja lil tali atti abbażi tal‑fatt li dawn jipprevedu li jimplementaw riżoluzzjonijiet adottati mill‑Kunsill tas‑Sigurtà taħt il‑Kapitolu VII tal‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti.

152    Huwa fid‑dawl u bil‑benefiċċju tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti li jeħtieġ li għandu jsir l‑eżami tat‑tieni u l‑ħames motivi.

 Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża u tad‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

 L‑argumenti tal‑partijiet

153    Ir‑rikorrent, li jirreferi, b’mod partikolari, għas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (punti 336, 337, 346 u 352), għall‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro rilevanti għall‑imsemmija sentenza, iċċitati itkar ’il fuq (punt 52), u għas‑sentenzi OMPI (punti 138 u 144), PMOI I (punti 131 u 176 ), u PMOI II (punti 56 u 73), jinsisti fuq in‑natura fundamentali tad‑dritt fundamentali għal smigħ mill‑awtoritajiet amministrattivi u tad‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fil‑kuntest tal‑adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi. Huwa jirrileva li d‑drittijiet tiegħu ma ġewx irrispettati mill‑istituzzjonijiet Komunitarji fil‑kawżi li taw lok għal dawn is‑sentenzi (sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punti 334, 345, 346 u 348 sa 352; konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro fis‑sentenza, iċċitati iktar ’il fuq, punt 55 ; sentenzi OMPI, punti 165 u 173, PMOI I, punti 177 sa 186, u PMOI II, punti 41 u 44).

154    Ir‑rikorrent iżid li l‑importanza tal‑obbligu tal‑istituzzjonijiet Komunitarji li jikkomunikaw il‑fatti, il‑provi u l‑elementi tal‑proċess li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi hija enfasizzata min‑natura tal‑istħarriġ ġudizzjarju f’dan il‑kuntest. Fl‑opinjoni tiegħu, il‑Qorti Ġenerali għandha tkun f’pożizzjoni li teżegwixxi stħarriġ komplet u effettiv tal‑korrettezza tal‑fatti, tal‑provi u tal‑informazzjoni li jservu bħala bażi għad‑deċiżjoni ta’ inklużjoni fl‑Anness I tar‑Regolament Nru 881/2002, bil‑għan li jiġi deċiż jekk jeżistux raġunijiet raġonevoli u provi suffiċjenti għal din id‑deċiżjoni u jekk jeżistix jew le żball ta’ evalwazzjoni.

155    Ir‑rikorrent jikkunsidra li, permezz tal‑adozzjoni tar‑regolament ikkontestat, il‑Kummissjoni mill‑ġdid kisret b’mod gravi l‑obbligi esposti b’mod ċar fis‑sentenzi Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, OMPI, PMOI I u PMOI II.

156    Fl‑ewwel lok, minkejja s‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (punt 352), la r‑Regolament Nru 881/2002 u lanqas ir‑regolament ikkontestat ma jipprevedu proċedura sabiex jiġu kkomunikati lilu l‑provi li fuqhom hija bbażata d‑deċiżjoni li jiġu ffriżati l‑assi tiegħu jew li tippermettilu jifformula osservazzjonijiet fuq dawn il‑provi.

157    Fit‑tieni lok, is‑sempliċi komunika tas‑sunt tar‑raġuniijiet lir‑rikorrent ma tistax raġonevolment titqies li tissodisfa l‑eżiġenzi ta’ proċedura ekwa u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Is‑sunt tar‑raġunijiet fih numru ta’ allegazzjonijiet ġenerali, infondati, vagi u mhux preċiżi fil‑konfront tal‑rikorrent. Ma tressqet l‑ebda prova insostenn ta’ dawn l‑allegazzjonijiet gravi. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, huwa impossibbli għar‑rikorrent li jiċħad dawn l‑akkużi magħmula kontrih u li b’risposta jressaq b’mod effettiv l‑opinjoni tiegħu. B’mod partikolari:

–        is‑sunt tar‑raġunijiet jindika li r‑rikorrent “jissodisfa” l‑“kriterji ta’ inklużjoni” sabiex jittniżżel fil‑lista tan‑Nazzjonijiet Uniti, iżda ma jindikax liema aspetti ta’ dawn il‑kriterji [ara, f’dan ir‑rigward, il‑paragrafu 2 tar‑riżoluzzjoni 1822 (2008)] ir‑rikorrent huwa meqjus li jissodisfa; konsegwentement, ir‑rikorrent ma jafx jekk huwiex meqjus li pparteċipa f’attivitajiet ta’ Al‑Qaida, tat‑Taliban jew ta’ grupp ieħor, jew jekk organizzahomx jew appoġġahomx;

–        skont is‑sunt tar‑raġunijiet, ir‑rikorrenti kien azzjonarju importanti ta’ bank li fih “setgħu saru xi laqgħat dwar il‑preparazzjoni ta’ attentat kontra stabbilimenti Amerikani fl‑Għarabja Sawdita [Arabja Sawdija]”; ma teżisti l‑ebda indikazzjoni dwar l‑attakk inkwistjoni, l‑istabbiliment, id‑data, it‑twettiq effettiv ta’ dawn il‑laqgħat, l‑allegata rabta ma’ Al‑Qaida jew dwar l‑allegata parteċipazzjoni tar‑rikorrent;

–        skont is‑sunt tar‑raġunijiet, ir‑rikorrent ħatar lill‑M. Ayadi f’kariga fi ħdan il‑Fondazzjoni Muwafaq u M. Ayadi “kien jaġixxi taħt kuntratti” ma’ Usama bin Laden; in‑natura ta’ dawn l‑allegati kuntratti ma hijiex speċifikata, u lanqas ir‑raġunijiet għal xiex allegata rabta ma’ M. Ayadi tiġġustifika ż‑żamma tal‑iffriżar tal‑assi tar‑rikorrent; jidher li M. Ayadi u r‑rikorrent huma t‑tnejn inklużi fl‑Anness I tar‑Regolament Nru 881/2002 minħabba r‑rabtiet reċiproċi tagħhom; skont ir‑rikorrent, il‑fatt li persuna tiġi inkluża fl‑imsemmi anness sempliċement abbażi ta’ rabta allegata ma’ persuna oħra jikkostitwixxi raġunament purament ċirkulari;

–        skont is‑sunt tar‑raġunijiet, ir‑rikorrent “huwa proprjetarju ta’ numru ta’ kumpanniji fl‑Albanija li pprovdew fondi lil estremisti jew li impjegaw estremisti f’karigi li fihom kienu jikkontrollaw il‑fondi tal‑kumpanniji”; ma ġiet prodotta l‑ebda informazzjoni dwar il‑kumpanniji, il‑fondi, id‑data, l‑estremisti jew l‑allegata parteċipazzjoni tar‑rikorrent; huwa jenfasizza li, wara inkjesta dettaljata fuq l‑attivitajiet fl‑Albanija, l‑inkjesta kriminali fil‑konfront tiegħu f’dan il‑pajjiż ġiet abbandunata minħabba nuqqas ta’ provi;

–        is‑sunt tar‑raġunijiet sempliċement jerġa’ jirrepeti u jafferma, fi kliem kważi identiku, uħud mir‑raġunijiet mogħtija mill‑Uffiċċju għall‑Kontroll ta’ Assi Barranin (Office of Foreign Assets Control, jew OFAC) tal‑ministeru tal‑Finanzi Amerikan sabiex jiġu ffriżati l‑assi tar‑rikorrent fl‑Istati Uniti.

158    Huwa essenzjali li r‑rikorrent jiġi ppreżentat bl‑elementi miżmuma fil‑konfront tiegħu mill‑Kummissjoni, b’tali mod li jingħata l‑opportunità vera li jirrispondi u li jispjega l‑pożizzjoni tiegħu. Ir‑rikorrent jirrileva li, kull darba li huwa ngħata l‑opportunità sinjifikattiva li jagħti l‑opinjoni tiegħu u jikkontesta l‑provi, huwa rnexxielu jagħmel dan b’suċċess. Barra minn dan, l‑inkjesta kriminali mmexxija kontra tiegħu fl‑Isvizzera ġiet abbandunata f’Diċembru 2007 wara investigazzjoni ddettaljata ta’ iktar minn sitt snin. Inkjesti simili fit‑Turkija u fl‑Albanija ngħalqu wara li l‑investigazzjonijet wrew li ma kienet teżisti l‑ebda raġuni sabiex jinfetħu proċeduri kontra tiegħu.

159    Ir‑rikorrent iqis ukoll li l‑elementi invokati li jiskaġunawh huma ta’ importanza fundamentali u li l‑Kummissjoni mhux talli ma tistax tinjorhom, iżda hija obbligata teżaminahom fuq bażi individwali u li tieħu deċiżjoni motivata dwar jekk, fid‑dawl tal‑elementi, jeżistux provi konvinċenti li jiġġustifikaw iż‑żamma tal‑iffriżar tal‑fondi tiegħu. Barra minn dan, ir‑rikorrent isostni li l‑Kummissjoni ma tistax tinjora l‑provi abbażi tal‑fatt li l‑elementi użati fil‑kuntest ta’ inkjesta kriminali jistgħu jkunu suġġetti għal “rekwiżiti differenti f’materja ta’ prova”. Fl‑opinjoni tiegħu, r‑rekwiżiti tal‑prova f’materja kriminali huma pjuttost adattati għal miżuri ta’ ffriżar tal‑fondi bħal dawk f’dan il‑każ.

160    Barra minn dan, is‑sunt tar‑raġunijiet ma jippermettix li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li ma fihx biżżejjed informazzjoni li tippermetti lil Qorti tiddetermina jekk id‑deċiżjoni li jinżamm l‑iffriżar tal‑fondi tiegħu hijiex leġittima u fondata fuq provi inkonfutabbli tal‑allegata theddida attwali jew futura li hija tirrapreżenta, jekk hijiex fondata fuq żball ta’ evalwazzjoni manifest jew jekk il‑fatti humiex materjalment korretti.

161    Fit‑tielet lok, ir‑rikorrent issostni li l‑Kummissjoni interpretat u applikat b’mod żbaljat is‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja billi kkunsidrat, fl‑ittra tat‑8 ta’ Diċembru 2008, li l‑kriterji li għandhom jiġu applikati għal deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi huma dawk esposti fin‑nota interpretattiva tar‑“rakkomandazzjoni speċjali III dwar il‑finanzjament tat‑terroriżmu” tal‑GAFI, dwar jekk jeżistux “motivi raġonevoli jew bażi raġonevoli li tippermetti li jiġi ssuspettat jew maħsub li persuna jew entità hija terrorista, persuna li tiffinanzja t‑terroriżmu jew organizzazzjoni terrorista”.

162    Skont ir‑rikorrenti, il‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑fatt iddeċidiet li l‑istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jimponu ffriżar ta’ fondi għas‑sempliċi raġuni li huma jikkunsidraw (u ħafna inqas minħabba li n‑Nazzjonijiet Uniti jikkunsidraw) li jeżistu “motivi raġonevoli” jew “bażi raġonevoli” li tippermetti li jiġi ssuspettat jew maħsub xi ħaġa, mingħajr ma jagħtu lill‑parti kkonċernata l‑provi insostenn ta’ dan is‑suspett jew ta’ dik il‑konvinzjoni. L‑istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux sempliċement jużaw sunt ta’ akkużi fformulat min-Nazzjonijiet Uniti, f’verżjoni riċiklata ta’ akkużi Amerikani, iżda għandhom huma stess jippreżentaw “provi serji u kredibbli”, “informazzjoni korretta jew [...] elementi tal‑proċess” u “raġunijiet speċifiċi u konkreti” li abbażi tagħhom iż‑żamma tal‑iffriżar tal‑fondi tibqa ġustifikata. Huma għandhom ukoll jippermettu lill‑parti kkonċernata jkollha “konoxxenza sħiħa” tal‑fatti u taċ‑ċirkustanzi li jiġġustifikaw l‑iffriżar tal‑assi tagħha, tal‑provi u tal‑informazzjoni li fuqhom hija bbażata, u tal‑informazzjoni suffiċjenti bil‑għan li jiddetermina jekk jkunx sar żball materjali. Xejn minn dan ma ġara f’dan il‑każ, anki wara li r‑rikorrent talab espressament li jingħata aċċess għall‑fatti u għall‑provi li fuqhom huma bbażati l‑allegazzjonijiet ifformulati fis‑sunt tar‑raġunijiet.

163    Fir‑raba’ lok, huwa b’mod żbaljat li l‑Kummissjoni tippretendi li tiġġustifika l‑approċċ tagħha billi tinvoka “n‑natura preventiva” tal‑miżuri ta’ ffriżar tal‑fondi li, fl‑opinjoni tagħha, tiġġustifika r‑rifjut tagħha li tiżvela lir‑rikorrent il‑provi li jsejsu d‑deċiżjoni tagħha li żżomm l‑iffriżar tal‑assi tiegħu. Skont is‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑kuntest rilevanti ma huwiex in‑natura “preventiva” ta’ tali miżura, iżda pjuttost in‑natura insidjuża u l‑gravità tagħha kif ukoll il‑preġudizzju serju għad‑drittijiet fundamentali tal‑parti kkonċernata, li tkun teħtieġ iktar flok inqas protezzjoni ġudizzjarja. Il‑punt 2 tan‑noti interpretattivi tar‑“rakkomandazzjoni speċjali III dawr il‑finanzjament tat‑terroriżmu”, iċċitata iktar ’il fuq, barra minn dan jirrikonoxxi li l‑għanijiet tal‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi rrakkomandati ma humiex biss preventivi, iżda wkoll punittivi.

164    Fil‑ħames lok, l‑uniċi ċirkustanzi li fihom il‑Qorti tal‑Ġustizzja tipprevedi li l‑istituzzjonijiet jista’ jkollhom id‑dritt li ma jiżvelawx il‑provi relattivi għal miżuri bħal dawn huma “kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is‑sigurtà jew it‑tmexxija tar‑relazzjonijiet internazzjonali tal‑Komunità u tal‑Istati Membri tagħha”, li “jistgħu jopponu l‑komunikazzjoni ta’ ċerti elementi lill‑partijiet ikkonċernati u, għaldaqstant, għas‑smigħ tagħhom fuq dawn l‑elementi.” (sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punti 342 sa 344).

165    Dawn iċ‑ċirkustanzi ma jeżistux f’dan il‑każ. B’mod partikolari, il‑Kummissjoni ma ppreżentat l‑ebda raġuni kredibbli li abbażi tagħha l‑iżvelar tal‑ittra tar‑rappreżentant permanenti ta’ Franza fl‑Unjoni jew ta’ kwalukwe prova kontra r‑rikorrent jista’ jippreġudika r‑relazzjonijiet internazzjonali tal‑Unjoni.

166    Il‑Kummissjoni twieġeb li, skont id‑dritt tiegħu għal smigħ, ir‑rikorrent ingħata l‑possibbiltà li jippreżenta l‑argumenti tiegħu waqt il‑proċedura ta’ adozzjoni tar‑regolament ikkontestat. Is‑sunt tar‑raġunijiet ikkomunikat mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet lir‑rappreżentant permanenti ta’ Franza fl‑Unjoni u trażmess minnu lill‑Kummissjoni ntbagħat l‑għada lir‑rikorrent u lill‑avukati tiegħu, b’hekk ingħata wkoll il‑possibbiltà li jesprimi l‑opinjoni tiegħu u li jikkomunika l‑osservazzjonijiet tiegħu fuq il‑mertu. Ir‑rikorrent irrisponda permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Novembru 2008. Wara li eżaminat bir‑reqqa l‑osservazzjonijiet tiegħu, il‑Kummissjoni ħadet id‑deċiżjoni li tinkludih fl‑Anness I tar‑Regolament Nru 881/2002. Dan ir‑Regolament, flimkien ma’ ittra, ġie mibgħut bil‑posta lir‑rikorrent u lill‑avukati tiegħu.

167    Billi effettivament instema’ waqt il‑proċedura amministrattiva, ir‑rikorrent kien barra minn dan f’pożizzjoni sħiħa li jikkonstata l‑motivazzjoni tar‑regolament ikkontestat fil‑kuntest ta’ dan ir‑rikors, b’mod konformi mad‑dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

168    Fir‑rigward tar‑rispett lejn id‑drittijiet tad‑difiża, il‑Kunsill iqis ukoll li l‑Kummissjoni kkorreġiet, waqt il‑proċedura ta’ adozzjoni tar‑regolament ikkontestat, id‑difett proċedurali identifikat mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza tagħha Kadi, billi kkomunikat lir‑rikorrent l‑elementi kollha miżmuma kontrih, jiġifieri l‑unika sunt tar‑raġunijiet, billi poġġietu f’pożizzjoni li jesprimi effettivament l‑opinjoni tiegħu f’dan ir‑rigward u billi debitament ħadet inkunsiderazzjoni dan kollu.

169    Il‑Kunsill iqis għalhekk li l‑proċeduri riveduti jippermettu wkoll li l‑Qorti Ġenerali teżegwixxi l‑funzjoni ta’ stħarriġ, u b’hekk ġie rrispettat id‑dritt tar‑rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

170    Il‑Kunsill iżid li l‑garanziji proċedurali supplementari implementati f’dan il‑każ mill‑Kummissjoni, wara s‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, jikkorrispondu ma’ dawk implementati minnu stess wara s‑sentenza OMPI. Issa, dawk il‑garanziji ġew approvati mill‑Qorti Ġenerali fis‑sentenza PMOI I. Il‑Kunsill ma jikkonstata l‑ebda differenza fil‑fatt jew fid‑dritt li tista’ twassal lill‑Qorti Ġenerali għal konklużjoni differenti f’dan il‑każ.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

171    Fil‑kuntest ta’ stħarriġ ġudizzjarju “fil‑prinċipju komplet” tal‑legalità tar‑regolament ikkontestat fir‑rigward tad‑drittijiet fundamentali (sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 326), u minħabba li r‑regolament ma jibbenefikax minn xi “immunità ġudizzjarja” (sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 327), jirriżulta evidentement mill‑argumenti u l‑ispjegazzjonijiet imressqa mill‑Kummissjoni u mill‑Kunsill, b’mod partikoari fil‑kuntest tal‑osservazzjonijiet preliminari tagħhom dwar il‑livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju adegwat f’dan il‑każ, li d‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrent ma ġewx “irrispettati” ħlief b’mod purament formali u apparenti, peress li l‑Kummissjoni qieset ruħha marbuta b’mod rigoruż mill‑evalwazzjonijiet tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijet u għalhekk fl‑ebda ħin ma pprevediet li tikkontesthom fid‑dawl tal‑osservazzjonijiet tar‑rikorrent.

172    Il‑Kummissjoni b’hekk ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l‑opinjoni espressa mill‑parti kkonċernata, minkejja dak li ddikjarat fil‑kunsiderazzjonijiet 4 sa 6 tar‑regolament ikkontestat, u b’hekk ir‑rikorrent ma tpoġġiex f’pożizzjoni li jesprimi b’mod effettiv l‑opinjoni tiegħu.

173    Barra minn dan, il‑proċedura segwita mill‑Kummissjoni, wara t‑talba tar‑rikorrent, ma tatu l‑ebda aċċess, lanqas wieħed minimu, għall‑provi miżmuma kontra tiegħu. Fir‑realtà, dan l‑aċċess ġie rrifjutat lill‑parti kkonċernata minkejja t‑talba espressa tiegħu, mingħajr ebda bbilanċjar tal‑interessi tiegħu fir‑rigward tan‑neċessità li tiġi protetta l‑kunfidenzjalità tal‑informazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan ir‑rigward, is‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punti 342 sa 344).

174    F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑ftit elementi ta’ informazzjoni u l‑allegazzjonijiet vagi inklużi fis‑sunt tar‑raġunijiet jidhru li kienu manifestament insuffiċjenti biex jippermettu lir‑rikorrent jiċħad b’mod effikaċi l‑akkużi mressqa kontrih, fir‑rigward tal‑allegata parteċipazzjoni tiegħu f’attivitajiet terroristiċi.

175    Dan jgħodd ukoll, bħala eżempju partikolarment sinjfikattiv, iżda mhux eżawrjenti, għall‑allegazzjoni, imkien iktar sostanzjata u li ma tistax, għalhekk, tiġi b’xi mod ikkontestata, li tgħid li r‑rikorrent kien azzjonarju ta’ bank Bosnijakk li fih “setgħu saru” xi laqgħat dwar il‑preparazzjoni ta’ attentat kontra stabbiliment Amerikan fl‑Arabja Sawdija.

176    Din il‑konklużjoni hija konformi ma’ dik milħuqa mill‑Qorti Ewropea D.B. fis‑sentenza tagħha A. et vs Ir‑Renju Unit tad‑19 ta’ Frar 2009 (li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet). F’din is‑sentenza, il‑Qorti Ewropea D.B. fakkret li, meta persuna tiġi mċaħħda mil‑libertà abbażi tal‑eżistenza ta’ motivi raġonevoli għal suspett li hija wettqet ksur, il‑proċeduri ġusti ggarantiti mill‑Artikolu 5(4) tal‑Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad‑Drittijiet tal‑Bniedem u tal‑Libertajiet Fundamentali (KEDB) jeżiġu li din għandha tingħata l‑opportunità li tikkontesta b’mod effettiv l‑allegazzjonijiet magħmula kontra tagħha, fatt li jippreżumi, b’mod ġenerali, il‑komunikazzjoni tal‑provi kollha kontra tagħha. Il‑Qorti Ewropea D.B. fakkret ukoll ir‑restrizzjonijiet li jistgħu jsiru fir‑rigward tad‑dritt għall‑komunikazzjoni tal‑provi kollha rilevanti, fil‑preżenza ta’ interess pubbliku importanti li jipproteġi l‑kunfidenzjalità, pereżempju sabiex jiġu protetti xhieda vulnerabbli jew sorsi ta’ informazzjoni, bil‑kundizzjoni li l‑persuna detenuta tikonserva l‑possibbiltà li tikkontesta l‑allegazzjonijiet b’mod effettiv. Il‑Qorti Ewropea D.B. għaldaqstant ipproċediet għal evalwazzjoni ta’ każ b’każ tan‑natura suffiċjenti jew le, għall‑eżerċizzju tad‑drittijiet tad‑difiża, ta’ informazzjoni u ta’ provi kkomunikati lir‑rikorrenti u kkonkludiet li hemm ksur tal‑Artikolu 5(4) tal‑KEDB fil‑każ fejn l‑elementi mhux kunfidenzjali kienu jikkonsistu esklużivament f’dikjarazzjonijiet ġenerali u fejn il‑Qorti nazzjonali bbażat ruħha unikament jew b’mod determinanti fuq dokumenti sigrieti. Barra minn dan, fil‑każ fejn l‑akkużi mhux kunfidenzjali magħmula kontra ċerti rikorrenti jinkludu allegazzjonijiet preċiżi dwar, pereżempju, ix‑xiri ta’ tagħmir tat‑telekomunikazzjoni identifikati b’mod ċar, il‑pussess ta’ dokumenti relatati ma’ terroristi preżunti indikati b’isimhom u l‑laqgħat ma’ dawn it‑terroristi preżunti f’postijiet u dati determinati, il‑Qorti D.B. qieset li l‑allegazzjonijiet inkwistjoni kienu suffiċjentement dettaljati sabiex il‑partijiet kkonċernati jkunu jistgħu jikkontestawhom b’mod effettiv. Min‑naħa l‑oħra, fil‑każ fejn ċerti rikorrenti ġew essenzjalment akkużati li ġabru fondi ddestinati għal organizzazzjoni terroristiċi marbuta ma’ Al‑Qaida, u fejn irriżulta minn informazzjoni mhux kunfidenzjali li tikkonċernhom, li ġew trasferiti somom rilevanti f’kontijiet bankarji u li permezz ta’ frodi ġabru fondi, iżda fejn il‑provi li mistennija juru r‑rabta bejn il‑flus miksuba u t‑terroriżmu ġew moħbija mir‑rikorrenti, il‑Qorti Ewropea D.B. qieset li dawn ma kinux f’pożizzjoni li verament jikkontestaw l‑ilmenti fil‑konfront tagħhom. Bl‑istess mod, fil‑każ fejn l‑akkużi mhux kunfidenzjali kontra ċerti rikorrenti, principalment ibbażati fuq l‑appartenenza preżunta tal‑partijiet ikkonċernati ma’ organizzazzjonijiet Iżlamiċi radikali marbuta ma’ Al‑Qaida, kienu ta’ natura ġenerali ħafna u fejn il‑provi kontra tagħhom kienu jinsabu essenzjalment f’dokumenti sigrieti, il‑Qorti Ewropea D.B. qieset li l‑partijiet ikkonċernati ma kinux f’pożizzjoni li jikkontestaw b’mod effettiv l‑allegazzjonijiet ifformulati kontra tagħhom.

177    Meta jiġu applikati kriterji identiċi għal dawk implementati mill‑Qorti D.B. għal fatti ta’ dan il‑każ, jidher b’mod ċar li r‑rikorrent ma tpoġġiex f’pożizzjoni li jikkontesta b’mod effettiv ebda waħda mill‑allegazzjonijiet formulati kontra tiegħu, billi sempliċement ġie kkomunikat bis‑sunt tar‑raġunijiet. Il‑Qorti Ġenerali tirrikonoxxi espressament, f’dan ir‑rigward, il‑fondatezza tal‑osservazzjonijiet u tal‑argumenti kollha tar‑rikorrent miġbura fil‑punt 157 iktar ’il fuq.

178    Huwa sinjifikattiv ukoll li l‑Kummissjoni ma għamlet l‑ebda sforz serju sabiex tiċħad il‑provi li jiskaġunaw imressqa mir‑rikorrent, fil‑każijiet rari fejn l‑allegazzjonijiet ifformulati kontra tiegħu kienu suffiċjentement preċiżi b’tali mod li jippermettulu jifhem dak li bih huwa ġie akkużat.

179    Isegwi li r‑regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tad‑drittijiet tad‑difiża tar‑rikorrent.

180    Barra minn dan, il‑possibbiltà li r‑rikorrent jinstema’ mill‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet, fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ eżami mill‑ġdid, bil‑ħsieb li jitneħħa mil‑lista ta’ dan il‑Kumitat, tidher manifestament li ma tistax tirrimedja dan il‑ksur tad‑drittijiet tiegħu tad‑difiża (ara f’dan is‑sens is‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punti 319 sa 325, u l‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro fis‑sentenza, iċċitati iktar ’il fuq, punt 51).

181    Barra minnn dan, peress li ma kellu l‑ebda aċċess utli għall‑informazzjoni u għall‑provi kontra tiegħu u fid‑dawl tar‑relazzjonijiet, diġà rilevati mill‑qrati Komunitarji, li jeżistu bejn id‑drittijiet tad‑difiża u d‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ir‑rikorrent ma setax jiddefendi d‑drittijiet tiegħu fir‑rigward tal‑imsemmija provi f’kundizzjonijiet sodisfaċenti quddiem il‑qorti Komunitarja, b’tali mod li għandu wkoll jiġi kkonstatat ksur tad‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara f’dan is‑sens is‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 349).

182    Hemm lok jiġi kkonstatat li dan il‑ksur ma ġiex irrimedjat fil‑kuntest ta’ dan ir‑rikors. Fil‑fatt peress li ebda element ta’ din in‑natura ma jista’ jkun is‑suġġett ta’ stħarriġ mill‑qorti Komunitarja, skont il‑pożizzjoni prinċipali adottata mill‑Kummissjoni u sostnuta mill‑Kunsill u mill‑Gvernijiet intervenjenti, dawn l‑istituzzjonijiet ma ressqu l‑ebda element għal dan il‑għan (ara f’dan is‑sens is‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 350). Barra minn dan, għalkemm il‑Kummissjoni ħadet nota, fil‑kuntest ta’ dan ir‑rikors, tat‑tagħlim tas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, jeħtieġ jiġi kkonstatat li din l‑istituzzjoni ma tat l‑ebda indikazzjoni dwar il‑provi miżmuma kontra r‑rikorrent.

183    Il‑Qorti Ġenerali għaldaqstant tista’ biss tikkonstata li hija ma hijiex f’pożizzjoni li tipproċedi għall‑istħarriġ tal‑legalità tar‑regolament ikkontestat, b’tali mod li għandu jiġi konkluż li, għal dan il‑motiv ukoll, id‑dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv li minnu jibbenefika r‑rikorrent, f’dan il‑każ, ma ġiex irrispettat (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 351).

184    Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li r‑regolament ikkontestat ġie adottat mingħajr ma jipprovdi garanzija reali fir‑rigward tal‑komunikazzjoni tal‑informazzjoni u tal‑provi meqjusa kontra r‑rikorrent jew fir‑rigward tal‑possibbiltà tiegħu li jinstema’ b’mod utli u effettiv f’dan ir‑rigward, b’mod li għandu jiġi konkluż li dan ir‑regolament ġie adottat skont proċedura li matulha d‑drittijiet tad‑difiża ma ġewx irrispettati, li wkoll kellu bħala konsegwenza li l‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġie miksur (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 352).

185    Fl‑aħħar, fir‑rigward tal‑argument tal‑Kunsill li l‑garanziji proċedurali supplementari implementati f’dan il‑każ mill‑Kummissjoni, wara s‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, jikkorrispondu għal dawk implementati minnu stess wara s‑sentenza OMPI, u li ġew approvati mill‑Qorti Ġenerali fis‑sentenza PMOI I, dan jinterpreta b’mod żbaljat id‑differenzi preċedurali profondi li jeżistu bejn iż‑żewġ sistemi Komunitarji ta’ ffriżar ta’ fondi invokati.

186    Is-sistema Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi inkwistjoni fil‑kawżi li taw lok għas‑sentenzi OMPI u PMOI I hija kkaratterizzata fil‑fatt minn proċedura fuq żewġ livelli, waħda nazzjonali, u l‑oħra Komunitarja (sentenza OMPI, punt 117). F’din is-sistema, id‑drittijiet tad‑difiża huma fl‑ewwel lok effettivament iggarantiti fil‑kuntest tal‑proċedura nazzjonali, fejn il‑parti kkonċernata għandha titpoġġa f’pożizzjoni fejn tkun tista’ tressaq b’mod effettiv l‑opinjoni tagħha dwar l‑elementi meqjusa kontra tagħha (sentenza OMPI, punt 119), taħt l‑istħarriġ tal‑qrati nazzjonali jew, fejn ikun xieraq, tal‑Qorti Ewropea D.B. (sentenza OMPI, punt 121). Huma preċiżament dawn il‑garanziji tad‑drittijiet tad‑difiża li jeżistu fil‑livell nazzjonali, taħt stħarriġ ġudizzjarju effettiv, li jeżentaw lill‑istituzzjonijiet Komunitarji minn kull obbligu li jipprovdu mill‑ġdid garanziji fuq l‑istess suġġett fil‑livell Komunitarju (ara f’dan is‑sens is‑sentenza OMPI, punti 121 sa 125).

187    B’kuntrast ma’ din l‑ewwel sistema, is-sistema Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi inkwistjoni hija wkoll suġġetta għal proċedura fuq żewġ livelli, waħda tal‑ONU, l‑oħra Komunitarja, karatterizzata minn nuqqas ta’ garanziji tad‑drittijiet tad‑difiża, taħt stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fil‑kuntest tal‑proċedura quddiem il‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet (ara l‑punti 127 u 128 iktar ’il fuq). Isegwi kontrarjament, minn dak li ġie deċiż fil‑kawża OMPI, li l‑istituzzjonijiet Komunitarji huma obbligati jiżguraw li tali garanziji jkunu stabbiliti u implementati f’livell Komunitarju (ara wkoll, f’dan is‑sens, il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro fis‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, iċċitati iktar ’il fuq, punt 54).

188    Jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li t‑tieni motiv huwa fondat fiż‑zewġ partijiet tiegħu, rispettivament ibbażati fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża u fuq ksur tal‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara f’dan is‑sens is‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 353).

 Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

 Argumenti tal‑partijiet

189    Ir‑rikorrent, li jirreferi għas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (punti 283, 284, 355, 358, 360, 362, 369 u 370), isostni li l‑preġudizzju għad‑dritt ta’ proprjetà tiegħu li jirriżulta mir‑regolament ikkontestat huwa iktar gravi minn dak li jirriżulta mir‑Regolament Nru 881/2002 inkwistjoni fil‑kawża li tat lok għal din is‑sentenza, minħabba t‑tul ta’ żmien tiegħu.

190    Huwa argumenta li, f’dawn iċ‑ċirkustanzi, ir‑restrizzjoni imposta mir‑regolament ikkontestat ma hijex ġustifikata, għaliex din tal‑aħħar ġiet adottata mingħajr l‑ebda waħda minn dawk il‑garanziji li skont il‑Qorti tal‑Ġustizzja jikkostitwixxu rekwiżiti fundamentali tad‑dritt Komunitarju u ma hijiex fondata fuq provi konvinċenti, iżda biss fuq sempliċi affermazzjonijiet.

191    Filwaqt li tirreferi, b’mod partikolari, għal punti 355, 366, 369 u 370 tas‑sentenza Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑Kummissjoni targumenta li ċ‑ċirkustanzi tal‑kawża perżenti huma differenti minn dawk fil‑kawża li tat lok għall‑imsemmija sentenza. Minn naħa waħda, fil‑korrispondenza li skambjat mar‑rikorrent, il‑Kummissjoni fakkret li l‑persuni inklużi fil‑lista tal‑Kumitat tas‑Sanzjonijiet għandhom il‑possibbiltà li jindirizzaw ruħhom direttament lill‑punt ċentrali tal‑ONU fi New York, billi indikat l‑indirizz tad‑dipartiment li għandu jiġi avviċinat u s‑sit elettroniku li jipprovdi iktar informazzjoni. Min‑naħa l‑oħra, il‑Kummissjoni tat lir‑rikorrent il‑possibbiltà li jiddefendi l‑każ tiegħu quddiem l‑awtoritajiet tal‑Unjoni. Il‑Kummissjoni tqis ukoll li hija applikat b’mod korrett il‑proċeduri imposti mill‑Qorti tal‑Ġustizzja.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

192    Jirriżulta mill‑eżami tat‑tieni motiv li r‑regolament ikkontestat ġie adottat mingħajr ma ngħataw garanziji reali li jippermettu lir‑rikorrent jesponi l‑każ tiegħu lill‑awtoritajiet kompetenti, u dan f’sitwazzjoni li fiha r‑restrizzjoni tad‑dritt għall‑proprjetà tiegħu għandha tiġi kklassifikata bħala kunsiderevoli, fid‑dawl tal‑portata ġenerali u l‑persistenza tal‑miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi li għalihom huwa suġġett (ara f’dan is‑sens is‑sentenzi Hassan tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 92, u Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 369).

193    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, fiċ‑ċirkustanzi tal‑kawża preżenti, l‑impożizzjoni fuq ir‑rikorrent ta’ miżuri restrittivi li jinkludi r‑Regolament Nru 881/2002, minħabba l‑inklużjoni tiegħu fil‑lista li tinsab fl‑Anness I tiegħu, kif użata mir‑regolament ikkontestat, tikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata tad‑dritt tal‑proprjetà tiegħu (ara f’dan is‑sens is‑sentenzi Hassan tak‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 93, u Kadi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 370).

194    Għaldaqstant, l‑ilmenti tar‑rikorrent dwar ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità, fil‑preġudizzju tad‑dritt tiegħu tar‑rispett lejn il‑proprjetà miġjub mir‑regolament ikkontestat, huma fondati (ara f’dan is‑sens is‑sentenza Hassan tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 94).

195    Jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li r‑regolament ikkontestat għandu jiġi annullat, sa fejn jikkonċerna lir‑rikorrent, mingħajr il‑bżonn li jiġu eżaminati l‑motivi l‑oħra tar‑rikors.

 Fuq l‑ispejjeż

196    Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l‑Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall‑ispejjeż skond it‑talbiet tar‑rikorrenti.

197    Skont l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 87(4) tar‑Regoli tal‑Proċedura, l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet li jintervjenu fil‑kawża għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant hemm lok li l‑Kunsill, ir‑Repubblika Franċiża u r‑Renju Unit jiġu ordnati jħallsu l‑ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il‑motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1190/2008 tat‑28 ta’ Novembru 2008 li jemenda għall‑101 darba r‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in‑netwerk ta’ Al‑Qaida u t‑Taliban, huwa annullat, sa fejn dan jikkonċerna lil M. Yassin Abdullah Kadi.

2)      Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas, minbarra l‑ispejjeż tagħha, l‑ispejjeż ta’ M. Kadi.

3)      Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, ir‑Repubblika Franċiża u r‑Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq għandhom iħallsu l‑ispejjeż tagħhom.

Forwood

Moavero Milanesi

Schwarcz

Firem

Werrej

Il‑kuntest ġuridiku u l‑fatti li wasslu għall‑kawża

Il‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti u t‑Trattat KE

Azzjonijiet tal‑Kunsill tas‑Sigurtà kontra t‑terroriżmu internazzjonali

Is‑sentenzi Kadi tal‑Qorti Ġenerali u tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Wara s‑sentenzi Kadi tal‑Qorti Ġenerali u tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Proċedura

It‑talbiet tal‑partijiet

Il‑fatti

Id‑dritt

Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

Dwar il‑livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju adegwat f’dan il‑każ

Argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad‑drittijiet tad‑difiża u tad‑dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

L‑argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Argumenti tal‑partijiet

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

Fuq l‑ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.