Language of document : ECLI:EU:T:2014:920





DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Intervent — Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima — Assoċjazzjoni rappreżentattiva li għandha bħala għan id-difiża tal-interessi tal-membri tagħha — Kunfidenzjalità”

Fil-Kawża T‑429/13,

Bayer CropScience AG, stabbilita f’Monheim am Rhein (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Nordlander, avukat, u P. Harrison, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Ondrůšek u G. von Rintelen, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013, tal-24 ta’ Mejju 2013, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi klotijanidin, tijametossam u imidakloprid u li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ taż-żerriegħa trattata bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi attivi (ĠU L 139, p. 12),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President tal-Awla, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet (1)

 Fatti u proċedura

1        Fid-19 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti, Bayer CropScience AG, ippreżentat rikors għall-annullament skont l-Artikolu 263 TFUE kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013, tal-24 ta’ Mejju 2013, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi klotijanidin, tijametossam u imidakloprid u li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ taż-żerriegħa trattata bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi attivi (ĠU L 139, p. 12).

[omissis]

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq it-talbiet għal intervent tal-UNAF, tal-AGPM, tan-NFU, tad-DBEB, ta’ Mellifera, tal-ÖEB, tal-ESA u tal-AIC

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, huwa ammess l-intervent ta’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li għandhom l-għan tal-protezzjoni tal-membri tagħhom f’kawżi li jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju ta’ natura li taffettwa lil dawn tal-aħħar [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1997, National Power u PowerGen, C‑151/97 P(I) u C‑157/97 P(I), Ġabra p. I‑3491, punt 66, u tat-28 ta’ Settembru 1998, Pharos vs Il-Kummissjoni, C‑151/98 P, Ġabra p. I‑5441, punt 6; digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Lulju 2004, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04 R, Ġabra p. II‑2977, punt 37]. B’mod iktar partikolari, assoċjazzjoni tista’ tkun ammessa tintervjeni f’kawża jekk hija rappreżentattiva ta’ numru importanti ta’ impriżi attivi fis-settur ikkonċernat, jekk l-għan tagħha jinkludi l-protezzjoni tal-interessi tal-membri tagħha, jekk il-kawża tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju li jaffettwaw il-funzjonament tas-settur ikkonċernat u, b’hekk, jekk l-interessi tal-membri tagħha jistgħux ikunu affettwati minn miżura importanti mis-sentenza li tkun ser tiġi deċiża (digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 1993, Kruidvat vs Il‑Kummissjoni, T‑87/92, Ġabra p. II‑1375, punt 14; tat-28 ta’ Mejju 2004, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑253/03, Ġabra p. II‑1603, punt 21, u tat-18 ta’ Ottubru 2012, ClientEarth u International Chemical Secretariat vs ECHA, T‑245/11, punt 12).

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ intervent fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet hija intiża li tippermetti li jiġi evalwat aħjar il-kuntest tal-kawżi filwaqt li jiġu evitati numru ta’ interventi individwali li jistgħu jaffettwaw l-effettività u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (digrieti National Power u PowerGen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u ClientEarth u International Chemical Secretariat vs ECHA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

[omissis]

55      Minn dak kollu li ssemma iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li jiġu ammessi t-talbiet għal intervent tal-AGPM, tan-NFU, tal-ESA u tal-AIC insostenn tat-talbiet tar-rikorrent, kif ukoll it-talba għal intervent tal-UNAF u t-talba għal intervent konġunta tad-DBEB u tal-ÖEB insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Għandha tiġi miċħuda t-talba għal intervent ta’ Mellifera.

[omissis]

 Fuq it-talbiet għal intervent ta’ Makhteshim-Agan Italia u ta’ KWS Saat

65      Mill-fajl jirriżulta li l-kumpannija Makhteshim-Agan Italia tifforma parti mill-membri tal-Association européenne pour la protection des cultures (ECPA) u li l-kumpannija KWS Saat hija membru tal-ESA.

66      Issa, f’din il-kawża, l-ESA hija ammessa tintervjeni fil-kwalità tagħha ta’ assoċjazzjoni rappreżentattiva tal-interessi tal-membri tagħha (ara l-punt 55 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-ECPA hija ammessa tintervjeni permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali ta’ din il-ġurnata. F’każ bħal dan, l-ammissjoni tat-talbiet għal intervent supplimentari u fl-istess sens min-naħa tal-membri tagħhom tippreżupponi li dawn tal-aħħar juru li għandhom interessi għas-soluzzjoni tat-tilwima distinti minn dawk tal-assoċjazzjonijiet, ammessi sabiex jintervjenu, li huma membri tagħhom (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 2009, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑550/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 12 sa 14).

67      Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta’ Awwissu 2014 bħala tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, Makhteshim-Agan Italia sostniet, essenzjalment, li l-interess tagħha li tintervjeni kien jirriżulta mis-sitwazzjoni partikolari tagħha. Fil-fatt, hija kellha awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodott likwidu magħmul minn sustanzi previsti bir-regolament ikkontestat, maħruġa mill-awtoritajiet Taljani u revokata sussegwentement għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. Skont din, dan ma kienx il-każ għall-membri kollha tal-ECPA, b’mod partikolari fir-rigward tal-forma likwida u mhux solida tal-prodott tagħha. Għalhekk, l-interessi tagħha ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod adegwat fl-intervent tal-ECPA.

68      Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta’ Awwissu 2014 bħala risposta għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, KWS Saat sostniet essenzjalment, li l-interess tagħha li tintervjeni jirriżulta mis-sitwazzjoni partikolari tagħha. Fil-fatt, hija tuża s-sustanzi speċifiċi previsti bir-regolament ikkontestat meta tirċievi forniment mir-rikorrenti. Skont din, sakemm ir-regolament ikkontestat jibqa’ fis-seħħ, hija ma tkunx tista’ tbigħ l-istokks tagħha ta’ żerriegħa diġà ttrattati bis-sustanzi previsti, hija ma tkunx tista’ tmantni l-ftehim tagħha ta’ provvista mar-rikorrenti, hija ser issostni telf fl-attivitajiet tagħha ta’ produzzjoni taż-żerriegħa u l-investimenti tagħha għall-produzzjoni taż-żerriegħa ttrattati bis-sustanzi previsti jkunu żvalutati. Dawn iċ-ċirkustanzi jiddistingwu s-sitwazzjoni tagħha minn dik ta’ membri tal-ESA. Għalhekk, l-interessi tagħha ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod adegwat fl-intervent tal-ESA.

69      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, l-għan imħaddan permezz tal-adozzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal intervent tal-assoċjazzjonijiet huwa li jevita multipliċità ta’ interventi individwali li jikkompromettu l-effettività u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri.

70      Issa, jekk jista’ jkun li s-sitwazzjonijiet partikolari mqajma minn Makhteshim-Agan Italia u KWS Saat ma humiex kondiviżi mill-membri kollha, rispettivament, tal-ECPA u tal-ESA, l-interessi li huma jqajmu ma jmorrux daqshekk lil hinn minn dawk difiżi, b’mod ġenerali, mill-ECPA u mill-ESA bħala assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-interessi tal-produtturi tal-prodotti fitosanitarji u tal-produtturi taż-żerriegħa.

71      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-interessi ta’ Makhteshim-Agan Italia u ta’ KWS Saat għas-soluzzjoni tat-tilwima preżenti huma diġà rrappreżentati mill-assoċjazzjonijiet li huma ammessi jintervjenu u li tagħhom huma membri.

72      Fid-dawl ta’ dak li ssemma iktar ’il fuq, u fir-rigward tal-għan imħaddan mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, b’hekk hemm lok li jiġu miċħuda t-talbiet għal intervent tal-Makhteshim-Agan Italia u tal-KWS Saat.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tordna:

1)      L-Association générale des producteurs de maïs et autres céréales cultivées de la sous-famille des panicoïdées (AGPM), in-National Farmers’ Union (NFU), Rapool-Ring GmbH, il-European Seed Association (ESA) u l-Agricultural Industries Confederation (AIC) huma ammessi jintervjenu fil-Kawża T‑429/13 insostenn tat-talbiet ta’ Bayer CropScience AG.

2)      L-Union nationale de l’apiculture française (UNAF), id-Deutscher Berufs- und Erwerbsimkerbund eV (DBEB), l-Österreichischer Erwerbsimkerbund (ÖEB), Stichting Greenpeace Council, Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), BeeLife European Beekeeping Coordination (BeeLife) u Buglife – The Invertebrate Conservation Trust (Buglife) huma ammessi jintervjenu fil-Kawża T‑429/13 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      It-talbiet għal intervent ta’ Makhteshim-Agan Italia Srl, ta’ KWS Saat AG, ta’ Mellifera eV – Vereinigung für wesensgerechte Bienenhaltung, ta’ ClientEarth, ta’ SumOfUs, tal-OÖ Landesverband für Bienenzucht (OÖL) u tal-Österreichischer Imkerbund (ÖIB) huma miċħuda.

4)      Ir-Reġistratur jikkomunika lill-intervenjenti verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ kull att ta’ proċedura kkomunikata lill-partijiet.

5)      Ikun stabbilit terminu lill-intervenjenti għall-preżentata tal-osservazzjonijiet eventwali tagħhom fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali. Id-deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ din it-talba hija rriżervata.

6)      Ikun stabbilit terminu lill-intervenjenti għall-preżentata ta’ nota ta’ intervent, bla ħsara għall-possibbiltà li tiġi kkompletata jekk ikun il-każ ulterjorment, sussegwentement għal deċiżjoni fuq il-fondatezza tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

7)      Makhteshim-Agan Italia, KWS Saat, Mellifera, ClientEarth, SumOfUs, l-OÖL, l-ÖIB, Bayer CropScience u l-Kummissjoni għandhom ibatu kull wieħed, l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent miċħuda.

8)      F’dak li jirrigwarda l-interventi ammessi, l-ispejjeż huma rriżervati.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ottubru 2014.

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       H. Kanninen


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Huma riprodotti biss il-punti tad-digriet preżenti li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra utli l-pubblikazzjoni tagħhom.