Language of document : ECLI:EU:C:2012:218

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-19 ta’ April 2012 (1)

Kawża C-416/10

Jozef Križan et

vs

Slovenská inšpekcia životného prostredia

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (is-Slovakkja)]

“Ambjent — Installazzjoni ta’ landfill — Talba għal deċiżjoni preliminari — Dritt li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wara deċiżjoni ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali — Direttiva 2008/1/KE — Prevenzjoni u kontroll integrati tat-tniġġis — Direttiva 1999/31/KE — Landfills — Parteċipazzjoni pubblika — Aċċess għal deċiżjoni dwar is-sit tal-installazzjoni — Prinċipju ta’ effettività — Regolarizzazzjoni tad-difetti proċedurali — Direttiva 85/337/KEE — Proċess ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Natura attwali tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni ambjentali — Kompetenza tal-qrati nazzjonali biex jeżaminaw ex officio jekk il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni ambjentali jibqgħux attwali — Miżuri provviżorji fil-kawżi dwar l-ambjent — Dritt għall-proprjetà”





Werrej

I –   Introduction

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

B –   Id-dritt tal-Unjoni

1.     Id-Direttiva IPPC

2.     Id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill]

3.     Id-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali

4.     Id-Direttiva EIA

C –   Id-dritt Slovakk

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-deċiżjoni tar-rinviju

A –   Fuq is-sit ta’ installazzjoni

B –   Fuq l-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent

C –   Fuq il-permess integrat tal-installazzjoni

D –   Fuq il-proċedura ġudizzjarja

E –   Id-domandi magħmula mill-Qorti Suprema

IV – Evalwazzjoni ġuridika

A –   Fuq l-ewwel domanda li tirrigwarda d-dritt tal-Qorti Suprema Slovakka li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari

B –   Fuq it-tieni domanda li tirrigwarda l-aċċess għad-deċiżjoni li tistabbilixxi s-sit ta’ installazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ permess integrat

1.     Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni domanda

2.     Fuq in-neċessità li jingħata aċċess għad-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni

a)     Fuq il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni fil-proċedura ta’ permess integrat

b)     Fuq il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni

3.     Fuq il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali

4.     Fuq id-data tal-iżvelar

5.     Risposta għat-tieni domanda

C –   Fuq it-tielet domanda li tirrigwarda l-applikazzjoni tad-Direttiva EIA

1.     Fuq id-Direttiva EIA

a)     Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva EIA

b)     Fuq il-kriterji għall-proroga tal-validità tad-deċiżjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent

c)     Fuq il-parteċipazzjoni pubblika fid-deċiżjoni dwar jekk evalwazzjoni ambjentali preċedenti għadhiex suffiċjenti

d)     Konklużjoni intermedjarja

2.     Fuq l-ammissibbiltà ta’ separazzjoni tar-rikorsi b’rabta mal-kundizzjonijiet differenti tal-għoti ta’ permess

3.     Fuq l-eżami ex officio ta’ ċerti kwistjonijiet ġuridiċi

4.     Risposta għat-tielet domanda

D –   Fuq ir-raba’ domanda li tirrigwarda l-miżuri provviżorji

E –   Fuq il-ħames domanda li tirrigwarda l-portata tal-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà

V –   Konklużjoni


I –    Introduzzjoni

1.        In-Najvyšší súd Slovenskej republiky, li hija l-Qorti Suprema Slovakka, għamlet diversi domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, imqajma f’kawża ferm ikkomplikata, li tirrigwarda l-permess li tiġi installata landfill.

2.        B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni pubblika fi proċedura ta’ permess abbażi tad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva IPPC”), għandhiex tiġi prodotta deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni ta’ landfill, li tkun ittieħdet fil-kuntest ta’ proċedura distinta mill-proċedura ta’ permess.

3.        Domandi oħrajn huma marbuta mal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-istima [l-evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EIA”), b’mod partikolari fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha, tan-natura suffiċjentement attwali tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u tal-parteċipazzjoni pubblika fil-kwistjoni jekk dawn il-konklużjonijiet għandhomx grad suffiċjenti ta’ attwalità.

4.        Dawn il-kwistjonijiet tad-dritt ambjentali għandhom bħala sfond problemi ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività fil-ġestjoni tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali.

5.        B’hekk, fir-rigward tal-aċċess għad-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni, tinqala’ l-kwistjoni jekk ir-rifjut illegali inizjali biex ikun hemm aċċess jistax jiġi rregolarizzat fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

6.        Dwar id-difetti li jistgħu jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem l-“evalwazzjoni ambjentali”), għandu jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix li jkun previst rimedju distint minn dak kontra l-permess integrat tal-landfill u jekk quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti mill-kawża dwar il-permess integrat jistgħux — jew aħjar, għandhomx — jekk ikun il-każ, jitqajmu ex officio d-difetti li jivvizzjaw l-evalwazzjoni ambjentali.

7.        Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi wkoll jekk hija għandhiex id-dritt li tagħti miżuri provviżorji u jekk l-implementazzjoni taż-żewġ direttivi ċċitati iktar ’il fuq u tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus hijiex konċiljabbli mad-dritt fundamentali għall-proprjetà.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

8.        L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (4), iffirmata mill-Komunità fil-25 ta’ Ġunju 1998 f’Aarhus (id-Danimarka) (5), jipprevedi parteċipazzjoni pubblika fil-proċedura ta’ permess ta’ ċerti attivitajiet.

9.        L-Artikolu 6(4) ta’ din il-konvenzjoni jirregola l-kwalità tal-parteċipazzjoni pubblika:

“Kull parti għandha tipprovdi għal parteċipazzjoni pubblika fil-bidu tal-proċedura, jiġifieri meta l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli u l-pubbliku jkun jista’ jeżerċita influwenza effettiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      L-aċċess għall-informazzjoni fil-kuntest tal-parteċipazzjoni pubblika huwa rregolat mill-Artikolu 6(6) tal-Konvenzjoni:

“Kull parti għandha titlob lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti biex jagħmlu mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jikkonsulta meta jagħmel talba għal dan, meta d-dritt nazzjonali jeżiġi dan, u mingħajr ħlas, minn meta tkun disponibbli, l-informazzjoni kollha li jkollha xi rilevanza għall-proċess deċiżjonali msemmi f’dan l-artikolu u li tista’ tinkiseb fil-mument tal-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jirrifjutaw li jiżvelaw ċerta informazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 4(3) u (4).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.      L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni jirrigwarda r-rimedji. F’dan il-każ, l-Artikolu 9(4) huwa partikolarment rilevanti:

“Barra dan u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inkluż inġunzjonijiet fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi, rapidi u l-prezz tagħhom ma għandux ikun tali li jipprekludihom. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva IPPC

12.      Il-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2008. Mit-18 ta’ Frar 2008, id-Direttiva 96/61/KE (6), fil-verżjoni tagħha li ġiet emendata kemm-il darba, kienet ġiet ikkodifikata, mingħajr perijodu tranżitorju ġdid u mingħajr emendi sostantivi, bid-Direttiva IPPC, skont l-Artikolu 22 ta’ din tal-aħħar. Din hija r-raġuni għaliex sussegwentement ser nirreferi għall-verżjoni tad-Direttiva IPPC li tirriżulta mid-Direttiva 2008/1.

13.      Il-premessa 11 tirrigwarda r-relazzjoni mad-Direttiva EIA:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar il-valutazzjoni ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent. Meta informazzjoni u konklużjonijiet miksuba bħala riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva għandhom jiġu meqjusa fl-għoti ta’ awtorizzazzjoni, din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva 85/337/KEE.”

14.      Il-premessa 24 tirrigwarda l-parteċipazzjoni pubblika:

“Il-parteċipazzjoni pubblika effettiva fit-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tgħin lill-pubbliku li jesprimi, u lil min jagħmel id-deċiżjoni li jqis, l-opinjonijiet u t-tħassib li jistgħu jkunu rilevanti għal dawn id-deċiżjonijiet, sabiex b’hekk jiżdiedu l-kontabbiltà u t-trasparenza tal-proċess tal-għemil tad-deċiżjonijiet u jikkontribwixxu għall-konoxxenza tal-kwistjonijiet ambjentali u l-appoġġ għad-deċiżjonijiet meħuda. Partikolarment, il-pubbliku għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni dwar l-operazzjoni ta’ l-installazzjonijiet u l-effett potenzjali tagħhom fuq l-ambjent, u, qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni, għall-informazzjoni relatata ma’ applikazzjonijiet għall-permessi għal installazzjonijiet ġodda jew għal tibdil sostanzjali u relatata ma’ l-istess permessi, ma’ l-aġġornament tagħhom u mad-data rilevanti għas-sorveljanza.”

15.      L-għan tad-Direttiva IPPC huwa ddefinit mill-Artikolu 1 tagħha kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tinkiseb prevenzjoni u kontroll sħiħ ta’ tniġġiż li jinħoloq mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I. Tistabbilixxi miżuri maħsuba għall-prevenzjoni jew, meta dan ma jkunx prattiku, għal tnaqqis ta’ emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fl-art mill-attivitajiet imsemmija hawn fuq, inklużi miżuri dwar skart, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent kollu kemm hu, bla ħsara għad-Direttiva 85/337/KEE u għad-dispożizzjonijiet oħra rilevanti tal-Komunità”.

16.      Ir-rekwiżiti li japplikaw għal applikazzjoni għal permess jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva IPPC:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li applikazzjoni lill-awtorità kompetenti għal permess tkun tinkludi deskrizzjoni ta’:

(a)      l-installazzjoni u l-attivitajiet tagħha;

[…]

(d)      il-kundizzjonijiet tas-sit ta’ l-installazzjoni;

[…]

(j)      l-alternattivi prinċipali, jekk ikun hemm minnhom, studjati f’deskrizzjoni fil-qosor mill-applikant.

Applikazzjoni għal permess għandha tinkludi wkoll sommarju mhux tekniku tad-dettalji msemmijin [fil-punti iktar ’il fuq].

2.      Meta tagħrif mogħti skond ir-rekwiżiti previsti fid-Direttiva 85/337/KEE […] jew tagħrif ieħor mogħti b’konformità ma’ leġislazzjoni oħra jkun jissodisfa kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu, dak it-tagħrif jista’ jiġi inkluż fi, jew mehmuż ma’, l-applikazzjoni.”

17.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva IPPC jirreferi għall-kontenut ta’ permess:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-permess ikun jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għall-konformita mar-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 3 u 10 għall-għoti ta’ permessi sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu permess tal-protezzjoni ta’ l-arja, l-ilma u l-art.

2.      Fil-każ ta’ installazzjoni ġdida jew bidla sostanzjali fejn japplika l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337/KEE kull informazzjoni rilevanti miksuba jew konklużjonijiet milħuqa skond l-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dik id-Direttiva għandhom jiġu meqjusa għall-għanijiet ta’ l-għoti tal-permess.

[…]

4.      Bla ħsara għall-Artikolu 10, il-valuri tal-limiti ta’ emissjoni u l-parametri ekwivalenti u l-miżuri tekniċi msemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jiġu bażati fuq l-aħjar teknika disponibbli, mingħajr ma jiġi preskritt l-użu ta’ xi teknika jew teknoloġija speċifika, iżda billi jkunu meqjusa l-karatteristiċi tekniċi ta’ l-installazzjoni konċernata, il-lokazzjoni ġeografika tagħha, u l-kundizzzjonijiet lokali ambjentali. Fiċ-ċirkostanzi kollha, il-kundizzjonijiet tal-permess għandu jkun fihom dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis ta’ tniġġiż f’distanzi fit-tul jew bejn il-fruntieri u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu.”

18.      L-Artikolu 15 tad-Direttiva IPPC jirrigwarda l-parteċipazzjoni pubblika:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku interessat jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċedura għal:

(a)      il-ħruġ ta’ permess għal installazzjonijiet ġodda;

(b)      […]

Il-proċedura ddikjarata fl-Anness V għandha tapplika għall-għanijiet ta’ din il-parteċipazzjoni.

2.      […]

3.      Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw bla ħsara għar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali.”

19.      L-Artikolu 16 tad-Direttiva IPPC jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rimedji; huwa jittrasponi l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

20.      L-Anness V jippreċiża l-informazzjoni li għandha ssir aċċessibbli għall-pubbliku:

“1.      Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf (b’avviżi pubbliċi jew b’mezzi oħra approprjati bħalma hija l-medja elettronika meta disponibbli) dwar il-materji li ġejjin kmieni fil-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet jew, l-iktar tard hekk kif dan it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovvdut b’mod raġjonevoli:

(a)      l-applikazzjoni għal permess jew, skond kif ikun il-każ, il-proposta għall-aġġornament ta’ permess jew tal-kundizzjonijiet ta’ permess skond l-Artikolu 1[5](1), inkluża d-deskrizzjoni ta’ l-elementi elenkati fl-Artikolu 6(1);

[...]

(ċ)      id-dettalji ta’ l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet, dawk li minnhom jista’ jinkiseb tagħrif rilevanti, dawk li lilhom jistgħu jiġu ssottomessi kummenti jew mistoqsijiet, u d-dettalji dwar l-iskeda taż-żmien għat-trasmissjoni tal-kummenti jew il-mistoqsijiet;

[...]

(f)      indikazzjoni dwar iż-żminijiet jew il-postijiet meta, u li permezz tagħhom. it-tagħrif irid jiġi magħmul disponibbli;

[...]

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, fi kwadri approprjati taż-żmien, dan li jintgħamel disponibbli lill-pubbliku interesat:

(a)      skond il-leġislazzjoni nazzjonali, ir-rapporti prinċipali u l-pariri maħruġa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien meta l-pubbliku interessat jiġi mgħarraf skond il-punt 1;

(b)      skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4/KE, it-tagħrif għajr dak riferit fil-punt 1 li jkun rilevanti għad-deċiżjoni skond l-Artikolu 8 u li jsir disponibbli biss wara ż-żmien li l-pubbliku interessat ikun ġie mgħarraf skond il-punt 1.”

21.      Il-konsultazzjoni tal-pubbliku hija rregolata mill-punti 3 u 4 tal-Anness V:

“3.      Il-pubbliku interessat għandu jkun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet lill-awtorità kompetenti qabel ma tittieħed deċiżjoni.

4.      Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet miżmuma skond dan l-Anness iridu jitqiesu kif mistħoqq fit-teħid ta’ deċiżjoni.”

2.      Id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill]

22.      Id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] (7) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-landfills”) tirregola l-installazzjoni u l-operat tal-landfills tal-iskart.

23.      Skont l-Artikolu 1(2) tagħha, id-Direttiva dwar il-landfills tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għal-landfills li jirriżultaw mid-Direttiva IPPC:

“Għal dak li huma l-karatteristiċi tekniċi ta’ terraferma [landfill], din id-Direttiva fiha, għal dawk it-terraferma [landfills] li għalihom tapplika d-Direttiva 96/61/KE, il-ħtiġijiet tekniċi rilevanti sabiex telabora f’termini konkreti l-ħtiġijiet ġenerali ta’ dik id-Direttiva. Il-ħtiġijiet rilevanti tad-Direttiva 96/61/KE jridu jiġu meqjusa biex jiġu milħuqa jekk il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva huma mħarsa.”

24.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-landfills jiddeskrivi l-kontenut li għandu jkollha applikazzjoni għal permess. Tali applikazzjoni għandha tinkludi, b’mod partikolari:

“d)      id-deskrizzjoni tas-sit, inklużi l-karatteristiċi idroġeoloġiċi u ġeoloġiċi tiegħu”.

25.      Il-kundizzjonijiet tal-permess jirriżultaw mill-Artikolu 8:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex:

(a)      l-awtoritá kompetenti ma toħroġġ permess għall-terraferma [għal-landfill] sakemm tkun sodisfatta li:

(i)      mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(4) u (5), il-proġett tat-terraferma [tal-landfill] jaqbel mal-ħtiġijiet kollha rilevanti ta’ din id-Direttiva, inklużi l-Annessi;

(ii)       […]”

26.      L-Anness I għad-Direttiva dwar il-landfills jippreċiża r-rekwiżiti applikabbli għal landfill u b’mod partikolari għas-sit ta’ installazzjoni tagħha:

“1.      Post

1.1.      Il-post ta’ terraferma [landfill] jrid jikkonsidra l-ħtiġijiet relatati ma:

(a)      d-distanzi mill-fruntiera tas-sit għal żoni residenzjali u rikreazzjonali, passaġġi ta’ l-ilma, korpi ta’ l-ilma u siti oħra urbani u agrikoli;

(b)      l-eżistenza ta’ l-ilma tal-qiegħ [ta’ taħt l-art], ilma tal-kosta jew żoni ta’ protezzjoni tan-natura fiż-żona;

(ċ)      il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi jew idroġeoloġiċi fiż-żona;

(d)      ir-riskju ta’ diluvju, saħħa [ċediment tal-art], irdum [uqigħ tal-art] jew valangi fuq is-sit;

(e)      il-protezzjoni tal-patrimonju kulturali jew naturali fiż-żona.

1.2.      Il-terraferma [landfill] tista’ tiġi awtorizzata biss jew il-karatteristiċi tas-sit b’rispett għal ħtiġijiet imsemmja fuq, jew miżuri korrettivi li jridu jittieħdu, jindikaw li t-terraferma [landfill] mhux qegħda f’pożizzjoni ta’ riskju serju għall-ambjent.”

3.      Id-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali

27.      L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva IPPC jirreferi għad-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali”). L-Artikolu 4 jirregola d-derogi:

“1.      […]

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

[…]

(d)      il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta fil-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji sabiex tipproteġi intress ekonomiku leġittimu, inkluż l-interes pubbliku fiż-żamma tal-kunfidenzjalità u s-segretezza dwar it-taxxi;

[…]

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

[…]

3.      […]

4.      It-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għand l-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom li jkun ġie mitlub minn applikant għandu jintgħamel disponibbli b’mod parzjali meta jkun possibbli li jiġi mifrud tagħrif li jidħol fl-iskop tal-paragrafi 1(d) u (e) jew 2 mill-bqija tat-tagħrif mitlub.”

4.      Id-Direttiva EIA

28.      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva EIA jiddefinixxi l-kunċett ta’ kunsens għall-iżvilupp kif ġej:

“id-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.”

29.      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EIA jistabbilixxi l-prinċipju fundamentali tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali ġdida:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

30.      L-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rimedji, fejn jittrasponi l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

C –    Id-dritt Slovakk

31.      Fis-Slovakkja, id-Direttiva IPPC ġiet implementata bil-Liġi Nru 245/2003. Din il-proċedura tirrigwarda b’mod iktar partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) u (4) tagħha dwar ir-rabta ma’ proċeduri amministrattivi oħrajn:

“3.      Fil-każ li permess integrat għall-operat jeżiġi fl-istess ħin permess għall-kostruzzjoni ta’ bini ġdid jew għall-modifikazzjoni ta’ bini eżistenti, il-proċedura tinvolvi wkoll proċedura ta’ permess għall-kostruzzjoni. Is-servizz ta’ żvilupp urban għandu l-kwalità ta’ korp ikkonċernat fil-proċedura ta’ permess integrat [Artikolu 10(2)].

4.       Il-proċedura ta’ żvilupp urban, l-evalwazzjoni tal-effetti tal-installazzjoni fuq l-ambjent u d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-prevenzjoni ta’ inċidenti industrijali gravi ma jagħmlux parti mill-permess integrat.”

32.      Għandu jsir riferiment ukoll għall-Artikolu 11(2)(g) ta’ din il-liġi li jipprevedi li l-applikazzjoni għal permess għandha tkun akkumpanjata, jekk ikun il-każ, minn deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni:

“Għandhom ikunu mehmuża mal-applikazzjoni:

[…]

id-deċiżjoni tal-iżvilupp urban jekk tkun installazzjoni ġdida jew estensjoni ta’ installazzjoni eżistenti […]”.

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-deċiżjoni tar-rinviju

33.      Il-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-installazzjoni ta’ landfill għar-rimi tal-iskart fil-belt Slovakka ta’ Pezinok. L-art, li qabel kienet okkupata minn impjant tal-brikks, ilha għexieren ta’ snin isservi bħala landfill. Il-kwistjoni hija li tiġi installata landfill ġdida, f’fossa fejn qabel kien jiġi estratt it-tafal.

34.      Skont il-proċess, dan il-proġett kien is-suġġett ta’ tliet deċiżjonijiet, kull waħda bbażata fuq id-deċiżjonijiet preċedenti u kull waħda adottata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva speċifika. Il-belt u l-Awtorità Reġjonali tal-Ippjanar Urban stabbilixxew is-sit ta’ installazzjoni, il-Ministeru tal-Ambjent ħa deċiżjoni dwar l-impatt fuq l-ambjent u l-Ispettorat tal-Ambjent fl-aħħar nett ħareġ permess integrat għal installazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura li żvolġiet fuq żewġ istanzi. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest tal-kawża dwar din id-deċiżjoni tal-aħħar.

A –    Fuq is-sit ta’ installazzjoni

35.      Fis-26 ta’ Ġunju 1997, bir-Regolament Ġenerali Nru 2/1997, il-belt ta’ Pezinok adottat pjan ta’ żvilupp urban li kien jipprevedi b’mod partikolari l-installazzjoni ta’ landfill għar-rimi tal-iskart fil-fossa fejn qabel kien jiġi estratt it-tafal qrib ħafna (madwar 300 m) tal-belt. Madankollu, fl-2002 hija emendat dan il-pjan u wara li dan ġie ddikjarat antikostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali, fl-2006 hija adottat pjan ġdid; f’kull waħda minn dawn il-fażijiet, hija pprevediet li l-ebda landfill ma setgħet tiġi installata fuq is-sit inkwistjoni.

36.      Madankollu, mis-7 ta’ Awwissu 2002, il-kumpannija Ekologická skládka as (iktar ’il quddiem “Ekologická skládka”) talbet biex jiġi stabbilit is-sit tal-landfill il-ġdida. Il-belt ċaħdet din it-talba fit-30 ta’ Novembru 2006, iżda s-Servizz Reġjonali tal-Iżvilupp Urban ta’ Bratislava emenda dik id-deċiżjoni ta’ ċaħda fis-7 ta’ Mejju 2007 u ħareġ permess biex l-art fejn kellu jkun stabbilit is-sit ta’ installazzjoni tal-landfill tiġi okkupata.

37.      Fil-kuntest ta’ dik il-proċedura amministrattiva, tqajmu xi oġġezzjonijiet minn diversi abitanti tal-viċinanzi (iktar ’il quddiem “Križan et”), li invokaw b’mod partikolari ksur tal-pjan tal-iżvilupp urban emendat tal-2006 u n-nuqqas ta’ imparzjalità tal-uffiċjali tas-Servizz Reġjonali tal-Iżvilupp Urban. Madankollu, huma twarrbu mill-proċedura minħabba li f’dak l-istadju d-drittijiet tagħhom ma kinux direttament affettwati. Id-deċiżjoni ta’ modifika b’hekk ma eżaminatx l-oġġezzjonijiet tagħhom.

38.      Rikors mid-deċiżjoni ta’ modifika, ippreżentat mill-belt ta’ Pezinok, inċaħad minħabba li hija ma setgħetx tkun fl-istess ħin il-korp amministrattiv inkarigat milli tieħu deċiżjoni fl-ewwel istanza u parti għall-proċedura ġudizzjarja (9). Križan et isostnu li huma appellaw b’suċċess kontra l-esklużjoni tagħhom mill-proċedura (10), iżda fil-frattemp id-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni kienet saret definittiva.

B –    Fuq l-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent

39.      Fuq talba mressqa mill-kumpannija Pezinské tehelne as fis-16 ta’ Diċembru 1998, il-Ministeru tal-Ambjent evalwa l-effetti tal-proġett tal-landfill fuq l-ambjent u fis-26 ta’ Lulju 1999 ta opinjoni definittiva dwar dan is-suġġett.

40.      Parallelament għall-proċedura sabiex ikun stabbilit is-sit ta’ installazzjoni, il-Ministeru tal-Ambjent, fuq talba ta’ Pezinské tehelne as, adotta fis-27 ta’ Marzu 2006 deċiżjoni li kienet tipproroga sal-1 ta’ Frar 2008 il-validità tal-opinjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent.

C –    Fuq il-permess integrat tal-installazzjoni

41.      Wara ż-żewġ proċeduri ċċitati iktar ’il fuq, l-Ispettorat Slovakk tal-Ambjent, fuq talba ta’ Ekologická skládka tal-25 ta’ Settembru 2007, fetaħ il-proċedura integrata abbażi tal-Liġi Nru 245/2003, li tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva IPPC. Fis-17 ta’ Ottubru 2007, l-Ispettorat ippubblika t-talba u fetaħ il-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika.

42.      Matul l-ewwel istanza tal-proċedura amministrattiva, Križan et u l-belt ta’ Pezinok sostnew li t-talba ma kinitx kompleta, minħabba li ma ġietx inkluża d-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni, li l-liġi teżiġi li tkun mehmuża mat-talba. Fuq talba tal-Ispettorat tal-Ambjent, Ekologická skládka tabilħaqq ipproduċiet id-deċiżjoni li saret definittiva meħuda mis-Servizz Reġjonali tal-Iżvilupp Urban dwar is-sit ta’ installazzjoni, iżda sostniet li din kienet koperta bis-sigriet kummerċjali, tant li ma ngħatax aċċess għaliha.

43.      Fit-22 ta’ Jannar 2008, l-Ispettorat tal-Ambjent ħareġ il-permess integrat għall-installazzjoni u għall-operat tal-landfill.

44.      Križan et u l-belt ta’ Pezinok ippreżentaw ilment kontra din id-deċiżjoni li dwaru l-Ispettorat tal-Ambjent ukoll ħa deċiżjoni. Huma sostnew b’mod partikolari ksur tal-pjan tal-iżvilupp urban u l-fatt li ma ġietx ikkomunikata lilhom id-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-landfill ippjanata ma kinitx suffiċjentement imbiegħda mid-djar u ma kinitx konċiljabbli ma’ protezzjoni globali tal-ambjent.

45.      Fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, l-Ispettorat tal-Ambjent ippubblika d-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni billi waħħalha fil-bini tiegħu mill-14 ta’ Marzu sal-14 ta’ April 2008. Huwa ċaħad l-ilment b’deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2008. Dwar l-argument tal-ksur tal-pjan tal-iżvilupp urban, huwa kkonstata li dan missu ġie invokat fil-proċedura marbuta mad-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni.

D –    Fuq il-proċedura ġudizzjarja

46.      Kontra d-deċiżjoni meħuda fit-tieni istanza mill-Ispettorat tal-Ambjent fit-18 ta’ Awwissu 2008, Križan et u l-belt ta’ Pezinok ippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava, li nċaħad b’sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008.

47.      F’sede ta’ appell, il-Qorti Suprema tas-Slovakkja, b’digriet tas-6 ta’ April 2009, għall-ewwel issospendiet il-permess integrat u wara annullatu b’sentenza tat-28 ta’ Mejju 2009. Hija bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq in-natura tardiva tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni u fuq il-proroga tad-deċiżjoni dwar l-effetti tal-proġetti fuq l-ambjent.

48.      Il-kumpannija Ekologická skládka appellat minn dawn id-deċiżjonijiet b’rikorsi kostituzzjonali quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tas-Slovakkja. B’sentenza tas-27 ta’ Mejju 2010, din tal-aħħar annullat id-digriet tas-6 ta’ April 2009 u s-sentenza tat-28 ta’ Mejju 2009 u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Suprema biex tiġi eżaminata mill-ġdid.

49.      Insostenn tad-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali osservat b’mod partikolari li s-sentenza tal-Qorti Suprema ma kkunsidratx suffiċjentement jekk il-proċedura ta’ lment kinitx iggarantiet parteċipazzjoni pubblika suffiċjenti fis-sens tal-proċedura ta’ permess integrat. Ir-regoli proċedurali ma jipprekludux dan.

50.      Il-Qorti Kostituzzjonali kkritikat ukoll il-konstatazzjonijiet li saru dwar il-proroga tal-validità tad-deċiżjoni dwar l-impatt fuq l-ambjent. Din id-deċiżjoni ma kinitx is-suġġett tal-proċedura peress li l-appellanti ma kinux invokaw l-illegalità tagħha fl-appell tagħhom u peress li teżisti proċedura speċifika sabiex jiġu eżaminati l-opinjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (EIA).

E –    Id-domandi magħmula mill-Qorti Suprema

51.      Wara r-rinviju tal-Qorti Kostituzzjonali, il-kawża reġgħet qiegħda quddiem il-Qorti Suprema, li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“(1)      Id-dritt [tal-Unjoni] (speċifikament l-Artikolu 267 TFUE) jippermetti lil, jew jimponi fuq, il-qorti suprema ta’ Stat Membru li tressaq ‘ex officio’ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talba għal deċiżjoni preliminari anki fi stadju tal-proċeduri ġudizzarji meta l-Qorti Kostituzzjonali tkun annullat is-sentenza tal-qorti suprema, li kienet ibbażata primarjament fuq l-applikazzjoni tal-qafas Komunitarju dwar il-protezzjoni ambjentali u imponiet l-obbligu li jiġu osservati l-opinjonijiet legali tal-Qorti Kostituzzjonali bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet Kostituzzjonali proċedurali u sostantivi tal-persuna involuta fil-proċeduri, irrispettivament mill-portata Komunitarja tal-kawża ineżami, jiġifieri meta l-Qorti Kostituzzjonali, bħala l-qorti tal-aħħar istanza, ma kkonkludietx f’din il-proċedura li hemm in-neċessità li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talba għal deċiżjoni preliminari u eskludiet proviżżorjament l-applikazzjoni tad-dritt għal ambjent adegwat u għall-protezzjoni tiegħu fil-kawża ineżami?

(2)      Huwa possibbli li jintlaħaq l-għan fundamentali ta’ prevenzjoni integrata ddefinit b’mod partikolari fil-premessi 8, 9 u 23 kif ukoll fl-Artikolu 1 u 15 tad-Direttiva tal-Kunsill [96/61] u, b’mod ġenerali, fil-qafas Komunitarju dwar l-ambjent, jiġifieri prevenzjoni u kontroll tat-tniġġis tal-ambjent billi jiġi involut ukoll il-pubbliku sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali b’mod integrat, permezz ta’ proċedura fejn, fil-bidu tal-proċedura dwar il-prevenzjoni integrata, ma jiġix iggarantit lill-pubbliku kkonċernat aċċess għad-dokumenti kollha rilevanti (dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 6 u 15 tad-Direttiva [96/61]), u partikolarment għad-deċiżjoni dwar l-istallazzjoni ta’ impjant — rimi ta’ skart, u fejn, sussegwentement, fl-ewwel istanza, id-dokument in-nieqes jiġi ppreżentat mill applikant bil-kundizzjoni li dan ma jiġix ikkomunikat lill-partijiet l-oħrajn fil-proċeduri peress li dan jirrigwarda sigriet kummerċjali: jista’ raġonevolment jiġi preżunt li d-deċiżjoni fuq l-istallazzjoni ta’ impjant (b’mod partikolari l-ġustifikazzjoni tagħha) tinfluwenza b’mod sinjifikattiv is-suġġerimenti, l-osservazzjonijiet u l-kummenti l-oħrajn imressqa?

(3)      L-għanijiet tad-Direttiva [85/337] intlaħqu, partikolarment mill-perspettiva tal-qafas Komunitarju dwar l-ambjent, speċifikament mill-perspettiva tal-kundizzjoni ffissata fl-Artikolu 2, li tipprovdi li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li x’aktarx ikollhom effett sinjifikattiv ikunu suġġetti għal stima [evalwazzjoni] fir-rigward tal-effetti tagħhom, jekk l-opinjoni inizjali tal-Ministeru tal-Ambjent, adottata fl-1999 u li waqqfet proċedura preċedenti ta’ [EIA], hija estiża diversi snin wara b’sempliċi deċiżjoni mingħajr ma titwettaq mill-ġdid il-proċedura SEA [EIA]; fi kliem ieħor, jista’ jingħad li, ladarba adottata, deċiżjoni adottata skont id-Direttiva [85/337] għandha validità illimitata?

(4)      Il-kundizzjoni li tirriżulta b’mod ġenerali mid-Direttiva [96/61] (partikolarment mill-preambolu tagħha u mill-Artikoli 1 u 15a tagħha), jiġifieri li l-Istati Membri jiggarantixxu l-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis ambjentali filwaqt li jiżguraw li l-pubbliku jkollu proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji ġusti, xierqa u rapidi, flimkien mal-Artikolu 10a tad-Direttiva [85/337] u l-Artikoli 6 u 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tapplika għall-possibbiltà għall-pubbliku li jitlob l-adozzjoni ta’ miżura amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ natura provviżorja skont id-dritt nazzjonali (pereżempju, li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni integrata), li tippermetti s-sospensjoni temporanja, jiġifieri sad-deċiżjoni fuq il-mertu, tal-kostruzzjoni tal-impjant li għalih intalab il-permess?

(5)      Huwa leġittimament possibbli, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tosserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva [96/61], tad-Direttiva [85/337] jew tal-Artikolu 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-pubbliku, stabbilit fl-imsemmija dispożizzjonijiet, għal protezzjoni ġudizzjarja xierqa fis-sens tal-Artikolu 191(1) u (2) [TFUE] li jikkonċerna l-Politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-ambjent, li jiġi ppreġudikat id-dritt ta’ proprjetà tal-operatur fuq l-stallazzjoni tiegħu ggarantit, pereżempju, bl-Artikolu 1 tal-[Protokoll Addizzjonali], pereżempju billi jiġi annullat, fil-proċeduri ġudizzjarji, il-permess integrat validament mogħti lill-applikant għal istallazzjoni ġdida?”

52.      Križan et, il-belt ta’ Pezinok, l-Ispettorat tal-Ambjent ta’ Bratislava, il-kumpannija Ekologická skládka, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-proċedura orali tas-17 ta’ Jannar 2012 saret fil-preżenza tal-istess partijiet, flimkien mar-Repubblika Franċiża iżda fl-assenza tal-kumpannija Ekologická skládka.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Fuq l-ewwel domanda li tirrigwarda d-dritt tal-Qorti Suprema Slovakka li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari

53.      Essenzjalment, bl-ewwel domanda l-Qorti Suprema Slovakka tixtieq tkun taf jekk is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tipprekludix li hija tressaq talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, id-dritt nazzjonali jimponi lill-Qorti Suprema li tagħti deċiżjoni dwar il-proċedura fil-kawża prinċipali li tkun konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali. Bl-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari tistax titressaq ex officio, jiġifieri mingħajr ma tkun mitluba minn ebda waħda mill-partijiet.

54.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjoni, imsemmija wkoll fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix, jew aħjar jeżiġix, li l-Qorti Suprema tqajjem ċerti kwistjonijiet ġuridiċi ex officio, biħsiebni neżaminaha flimkien mat-tielet domanda (11). Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-leġiżlazzjoni kkonċernata stess jista’ jkollha importanza determinati sabiex tingħata risposta lid-domanda jekk hija għandhiex tkun involuta ex officio (12). Issa, huwa biss fil-kuntest tal-punti ta’ liġi indirizzati fit-tielet domanda preliminari li l-Qorti Suprema ssemmi l-possibbiltà li tqajjimhom ex offico.

55.      Skont il-ġurisprudenza, la r-rekwiżiti tal-Qorti Kostituzzjonali u lanqas in-nuqqas ta’ talba min-naħa tal-partijiet ma jistgħu jipprekludu li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

56.      L-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali l-iktar fakultà estiża — jiġifieri li tista’ tiġi eżerċitata ex officio jew fuq it-talba tal-partijiet (13) — li jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dawn jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom toħloq kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedu deċiżjoni min-naħa tagħhom (14).

57.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkun hemm ebda azzjoni ġudizzjarja taħt il-liġi nazzjonali, għandhom jirreferu kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Rikors fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jkun jista’ jirrigwarda l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni (15), peress li l-obbligu li jsiru domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja impost fuq il-qrati tal-aħħar istanza għandu l-għan li jevita li fi Stat Membru ma tiġix stabbilita ġurisprudenza nazzjonali li ma taqbilx mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (16).

58.      Il-punt ta’ tluq huwa l-presuppost li l-Qorti Suprema tas-Slovakkja hija — għall-inqas fil-proċedura fil-kawża prinċipali — qorti fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Ċertament, id-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jiġu rriveduti mill-Qorti Kostituzzjonali, iżda din tal-aħħar tista’ biss tiggarantixxi l-osservanza tal-Kostituzzjoni u ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tistħarreġ jekk id-dritt tal-Unjoni jkunx qed jiġi osservat mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali (17).

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li regola ta’ dritt nazzjonali, li biha l-qrati li ma jiddeċidux fl-aħħar istanza huma marbuta mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-qorti superjuri, ma tistax iċċaħħad lil dawn il-qrati mid-dritt li jagħmlu domandi preliminari dwar interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat minn tali evalwazzjonijiet legali. Il-qorti li ma tiddeċidix bħala qorti tal-aħħar istanza għandha tkun ħielsa, jekk tikkunsidra li l-evalwazzjoni legali magħmula fi grad superjuri tista’ twassalha sabiex tagħti deċiżjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li jħassbuha (18).

60.      Min-naħa l-oħra, sabiex tiġi żgurata s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-funzjonament tal-imsemmija sistema ta’ kooperazzjoni teħtieġ li l-qorti nazzjonali tkun libera li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja kwalunkwe domanda preliminari illi hija tqis meħtieġa, fi kwalunkwe mument tal-proċedura illi hija tqis idoneu, anki fl-aħħar ta’ proċedura inċidentali għal stħarriġ tal-kostituzzjonalità (19).

61.      Barra minn hekk, sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja hija vinkolanti fuq il-qorti nazzjonali għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, qorti nazzjonali, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni mogħtija lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE hija marbuta, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u għandha, jekk ikun il-każ, twarrab l-evalwazzjonijiet tal-qorti superjuri jekk tikkunsidra, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, li dawn ma jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni (20).

62.      Għalkemm il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ġew żviluppati fir-rigward ta’ qrati li ma jagħtux deċiżjonijiet fl-aħħar istanza, huma għandhom japplikaw iktar u iktar fir-rigward ta’ qrati li jagħtu deċiżjonijiet fl-aħħar istanza dwar kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li jibqgħu suġġetti għall-istħarriġ ta’ Qorti Kostituzzjonali fir-rigward tal-osservanza tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali. Fil-fatt, għalkemm id-dritt kostituzzjonali nazzjonali jista’ jkollu supremazija fuq id-dritt ordinarju, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi prekluża (21).

63.      Għaldaqstant, l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fis-sens li fil-każ ta’ dubji dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’kawża pendenti, l-Artikolu 267 TFUE jimponi fuq kull qorti nazzjonali li d-deċiżjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tagħha ma tkunx tista’ tiġi appellata, li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talba għal deċiżjoni preliminari, inkluż ex officio, mingħajr ma ebda waħda mill-partijiet tkun talbet dan, anki jekk il-Qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni tkun diġà tat deċiżjoni dwar din il-kawża u tkun eżiġiet li l-qorti nazzjonali tiddeċiedi l-kawża billi tosserva l-analiżi tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali li tkun għamlet il-Qorti Kostituzzjonali.

B –    Fuq it-tieni domanda li tirrigwarda l-aċċess għad-deċiżjoni li tistabbilixxi s-sit ta’ installazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ permess integrat

64.      It-tieni domanda tikkonċerna l-aċċess għad-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni tal-landfill għar-rimi tal-iskart fil-kuntest tal-proċedura ta’ permess integrat.

65.      Matul l-ewwel istanza quddiem l-awtorità amministrattiva, din id-deċiżjoni għall-ewwel ġiet ikkunsidrata bħala sigriet kummerċjali u b’hekk ma ġietx ikkomunikata. Matul it-tieni istanza, madankollu, hija saret aċċessibbli għall-pubbliku. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dan il-modus operandi huwiex kompatibbli mad-Direttiva IPPC.

66.      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni tagħmilx parti mill-informazzjoni li, bħala prinċipju, għandha tiġi kkomunikata lill-pubbliku fil-kuntest tal-proċedura ta’ permess integrat (ara l-punt 2 iktar ’il quddiem); sussegwentement, għandu jiġi ddeterminat sa fejn il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tiġġustifika deroga mill-prinċipju tal-pubbliċità (ara l-punt 3 iktar ’il quddiem); u finalment, għandu jiġi kkunsidrat jekk il-komunikazzjoni fil-kuntest tat-tieni istanza quddiem l-awtorità amministrattiva kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni jew jekk waslitx tard wisq (ara l-punt 4 iktar ’il quddiem). Però, qabel xejn, għandhom jiġu analizzati d-dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda (ara l-punt 1).

1.      Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni domanda

67.      Ekologická Skládka ssostni li fid-dritt Slovakk id-deċiżjoni dwar sit ta’ installazzjoni hija indipendenti mill-permess integrat ta’ installazzjoni [Artikolu 8(4) tal-Liġi Nru 245/2003]. Id-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni ma tistax tiġi kkontestata iktar fil-kuntest tal-proċedura ta’ permess integrat. B’hekk, ma hija meħtieġ l-ebda miżura ta’ pubbliċità. Minn dan kollu, Ekologická Skládka saħansitra tiddeduċi li t-tieni domanda hija inammissibbli għaliex ma għandhiex rilevanza għall-eżitu tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

68.      Madankollu, teżisti preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali ma hijiex possibbli ħlief meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (22).

69.      Il-kwistjoni dwar jekk u f’liema kundizzjonijiet id-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni għandha tiġi kkomunikata fil-kuntest tal-proċedura ta’ permess integrat ta’ intallazzjoni hija manifestament marbuta ma’ nuqqas ta’ qbil dwar il-validità tal-permess. Fil-fatt, żball fil-qasam tal-pubbliċità jista’ jikkostitwixxi difett proċedurali. Għaldaqstant, it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju hija ammissbbli.

2.      Fuq in-neċessità li jingħata aċċess għad-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni

70.      In-natura tal-informazzjoni li l-pubbliku għandu jingħata aċċess għaliha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ permess integrat għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-Artikoli 15(1) u 6, kif ukoll tal-Anness V għad-Direttiva IPPC.

a)      Fuq il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni fil-proċedura ta’ permess integrat

71.      Skont l-Artikolu 15(1)(a) tad-Direttiva IPPC, il-pubbliku kkonċernat għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċedura għal ħruġ ta’ permess għal installazzjonijiet ġodda. Il-proċedura deskritta fl-Anness V tiġi applikata għall-finijiet ta’ din il-parteċipazzjoni.

72.      Il-punt 1 tal-Anness V għad-Direttiva IPPC jipprevedi li l-pubbliku għandu jiġi informat b’ċerti fatti kmieni fil-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet jew mhux iktar tard minn meta din l-informazzjoni tkun tista’ b’mod raġonevoli tiġi pprovduta. Din l-informazzjoni tinkludi b’mod partikolari l-applikazzjoni għall-permess, inklużi l-elementi msemmija fl-Artikolu 6(1).

73.      Il-punt 2 tal-Anness V jipprevedi li ċerta informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kkonċernat f’terminu xieraq. Din l-informazzjoni tinvolvi, l-ewwel nett, ir-rapporti prinċipali u l-pariri li jkollhom l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti fil-mument meta l-pubbliku kkonċernat jiġi informat skont il-punt 1 [ara l-punt (a)] u, it-tieni nett, informazzjoni għajr dik imsemmija fil-punt 1 li tkun rilevanti għad-deċiżjoni dwar il-permess u li ssir disponibbli biss wara li l-pubbliku kkonċernat ikun ġie informat skont il-punt 1 [ara l-punt (b)].

74.      Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati b’mod restrittiv fis-sens li l-obbligu li jingħata aċċess japplika biss għall-informazzjoni msemmija fil-punt 2 tal-Anness V għad-Direttiva IPPC filwaqt li l-informazzjoni li tirriżulta mill-punt 1 tiġi ppubblikata fil-mument li tinfetaħ il-proċedura ta’ permess permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż. F’din l-interpretazzjoni, għaldaqstant, tibqa’ l-possibbiltà li l-oriġinali tad-dokumenti korrispondenti, b’mod partikolari dak tal-applikazzjoni għal permess, ma jkunux żvelati.

75.      Madankollu, l-argument ta’ aċċess iktar estiż għad-dokumenti oriġinali diġà donnu jista’ jkun ibbażat fuq il-lista ta’ informazzjoni li għandha ssir aċċessibbli għall-pubbliku abbażi tal-punt 1(c) u (f) tal-Anness V. Dawn id-dispożizzjonijiet fil-fatt jipprevedu li jiġi kkomunikat mingħand liema awtoritajiet, meta jew b’liema mod jista’ jkun hemm aċċess għall-informazzjoni rilevanti. Fi kliem ieħor, id-dritt li l-pubbliku jiġi informat ma jiqafx għal dak li huwa previst fil-punt 1, iżda għandu l-għan li jippermetti l-aċċess għal informazzjoni supplimentari li jkollha rilevanza għall-finijiet tal-proċedura ta’ permess.

76.      Ikun ukoll kontradittorju jekk ikun hemm il-possibbiltà ta’ aċċess għal informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-permess li tkun ġiet prodotta biss sussegwentement abbażi tal-punt 2(b) tal-Anness V filwaqt li l-informazzjoni disponibbli mill-bidu nett ma tkunx aċċessibbli.

77.      Barra minn hekk, il-fatt li ma tiġix żvelata l-applikazzjoni għall-permess u d-dokumenti mehmuża magħha jirrestrinġi d-dritt li l-pubbliku jiġi informat meta pparagunat mal-verżjoni inizjali tad-Direttiva IPPC, li l-Artikolu 15(1) tagħha kien jipprevedi espressament il-possibbiltà li l-pubbliku jkollu aċċess għall-applikazzjoni għall-permess. Issa, l-emenda fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva IPPC bid-Direttiva 2003/35 (23) ma għandhiex l-għan li tnaqqas it-trasparenza, iżda sempliċement, f’konformità mal-premessi 10 u 11 ta’ dik id-direttiva, li t-test jiġi adattat għar-rekwiżiti iktar estiżi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

78.      Dik il-konvenzjoni ma tipprovax tirrestrinġi d-dritt li l-pubbliku jiġi informat, iżda tipprevedi espressament fl-Artikolu 6(6) tagħha, li huwa jkun jista’ jikkonsulta kull informazzjoni li jkollha xi rilevanza għall-proċeduri deċiżjonali msemmija f’dak l-artikolu u li tkun disponibbli fil-mument tal-proċedura ta’ parteċipazzjoni. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva IPPC dwar id-dritt li l-pubbliku jiġi informat għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu interpretati f’konformità mal-obbligi tad-dritt internazzjonali pubbliku assunti mill-Unjoni fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li ġew trasposti b’mod partikolari b’dik id-direttiva (24). Din hija r-raġuni għaliex huma għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bħala prinċipju, għandu jingħata aċċess għall-informazzjoni kollha li tkun rilevanti għall-proċedura ta’ permess integrat.

b)      Fuq il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni

79.      Skont il-kunsiderazzjonijiet żviluppati iktar ’il fuq, id-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni missha kienet aċċessibbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ permess integrat ladarba hija kellha xi rilevanza għall-finijiet tal-permess.

80.      Normalment, wieħed jistenna li proċedura ta’ permess integrat tinkludi l-isem tas-sit ta’ installazzjoni. Fil-fatt, il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent meħtieġ b’mod partikolari mill-Artikoli 1 u 9(1) tad-Direttiva IPPC ċertament ikun żgurat aħjar b’mod globali li kieku s-sit ta’ installazzjoni jingħażel b’mod li jnaqqas kemm jista’ jkun l-effetti sfavorevoli għall-ambjent.

81.      Madankollu, id-Direttiva IPPC ma tirrigwardax il-permess kollu ta’ installazzjoni iżda (biss) il-miżuri neċessarji biex jiġu protetti l-ambjenti naturali differenti, b’mod partikolari l-arja, l-ilma u l-ħamrija. Qabel xejn, hija tirregola kull operat tal-installazzjoni u l-aħjar tekniki disponibbli li għandhom jiġu applikati f’dan il-kuntest. Id-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni tabilħaqq jista’ jkollha impatt fuq il-permess integrat; b’hekk, l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva IPPC jimponi li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tal-permess, il-lokazzjoni ġeografika tal-installazzjoni u l-kundizzjonijiet lokali tal-ambjent. Madankollu, ma huwiex previst li l-proċedura ta’ permess integrat tinvolvi wkoll l-istabbiliment tas-sit ta’ installazzjoni jew ir-reviżjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi dan is-sit. Għaldaqstant, id-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni ma tistax tiġi kkontestata ħlief b’mod eċċezzjonali u indirett peress li fid-dawl tad-Direttiva IPPC, l-installazzjoni ma tistax tinħarġilha permess minħabba s-sitwazzjoni fis-sit ta’ installazzjoni miżmum.

82.      Għalhekk, il-landfills għar-rimi tal-iskart huma suġġetti għal dispożizzjonijiet speċifiċi, inklużi fid-Direttiva dwar il-landfills. Għal-landfills li jaqgħu taħt id-Direttiva IPPC, id-Direttiva dwar il-landfills, fl-Artikolu 1(2) tagħha, tinkludi “il-ħtiġijiet tekniċi rilevanti” sabiex ir-rekwiżiti ġenerali tad-Direttiva IPPC jiġu elaborati f’termini konkreti. Dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala sodisfatti jekk ikunu sodisfatti r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-landfills.

83.      Il-punt 1 tal-Anness I għad-Direttiva dwar il-landfills jirregola l-għażla tas-sit ta’ installazzjoni ta’ landfill. B’mod partikolari, mill-punt 1.1(a) tiegħu jirriżulta li, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-distanza mill-fruntiera tas-sit u ż-żoni residenzjali u rikreazzjonali. Skont il-punt 1.2, il-landfill tinħarġilha permess biss jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-sit, ma jkunx mistenni li l-landfill se tkun ta’ riskju serju għall-ambjent.

84.      Ċertament, wieħed jista’ jkollu dubji dwar il-fatt li r-regoli stabbiliti mid-Direttiva dwar il-landfills fil-qasam tal-għażla tas-sit ta’ installazzjoni jelaboraw f’termini konkreti “il-ħtiġijiet tekniċi rilevanti” tad-Direttiva IPPC fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar l-iskart; madankollu, jibqa’ l-fatt li l-permess għal landfill għandu madankollu, skont l-Artikolu 8(a)(i) tad-Direttiva dwar il-landfills, josserva r-rekwiżiti kollha tad-direttiva. Għaldaqstant, ma jista’ jinħareġ l-ebda permess integrat għal landfill jekk ir-rekwiżiti fil-qasam tal-għażla tas-sit ta’ installazzjoni ma jkunux ġew osservati.

85.      Anki jekk, fil-proċedura ta’ permess integrat, jitneħħew ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-landfills fil-qasam tas-sit ta’ installazzjoni, id-deċiżjoni li tistabbilixxi s-sit ta’ installazzjoni tibqa’ rilevanti minn lati oħrajn. Fil-fatt, dik il-proċedura teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi li jiddependu fuq is-sit. B’hekk, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni għal permess, l-Artikolu 7(d) tad-Direttiva dwar il-landfills jipprevedi li hija għandha tiddeskrivi s-sit, inklużi l-karatteristiċi idroġeoloġiċi u ġeoloġiċi tiegħu (25). Ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ħamrija u tal-ilma msemmija fil-punt 3 tal-Anness I jirreferu għal dawn il-karatteristiċi tas-sit. Deċiżjoni amministrattiva dwar is-sit ta’ landfill għandha tieħu wkoll inkunsiderazzjoni dawn il-punti u tinkludi l-informazzjoni korrispondenti.

86.      Fl-aħħar nett, deċiżjoni dwar is-sit ta’ landfill meħuda preċedentement hija wkoll rilevanti fil-kuntest tal-proċedura ta’ permess integrat billi hija tistabbilixxi, mil-lat tad-dritt nazzjonali, kuntest għall-permess integrat.

87.      Ikun xi jkun il-każ, għaldaqstant, deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni tagħmel parti mill-informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-proċedura ta’ permess integrat. B’hekk jiġi spjegat kif l-Artikolu 11(2)(g) tal-Liġi Slovakka Nru 245/2003 jeżiġi espressament li hija tkun mehmuża mal-applikazzjoni għall-permess. Din hija r-raġuni għaliex, fil-proċedura ta’ permess integrat, għandu dejjem jingħata aċċess għal deċiżjoni amministrattiva dwar is-sit ta’ installazzjoni meħuda preċedentement.

3.      Fuq il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali

88.      L-aċċess għall-informazzjoni jista’ madankollu jiġi rrifjutat meta l-interessi li għandhom jiġu protetti jipprekludu l-iżvelar. Skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva IPPC, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 15(1) fil-qasam tal-parteċipazzjoni pubblika japplikaw bla ħsara għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1), (2) u (4) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

89.      Skont l-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jirrifjutaw l-aċċess għal informazzjoni li jekk tiġi żvelata tista’ taffettwa b’mod negattiv il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovduta fid-dritt nazzjonali jew fid-dritt tal-Unjoni sabiex tipproteġi interess ekonomiku leġittimu, inkluż l-interess pubbliku marbut maż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-istatistika u mas-segretezza dwar it-taxxi.

90.      Il-motivi sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess b’hekk għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni għal każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar (26). Għaldaqstant, anki jekk id-dokumenti jkunu jinkludu sigrieti kummerċjali, l-Artikolu 4(4) jipprevedi li madankollu jista’ jingħata aċċess għas-siltiet li ma jkunux protetti mis-sigriet kummerċjali.

91.      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-deċiżjoni li tistabbilixxi s-sit ta’ installazzjoni għandhiex tkun suġġetta għal trattament kunfidenzjali minħabba sigrieti kummerċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti deċiżjoni definittiva dwar dan is-suġġett, għaliex il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx preċiżazzjonijiet dwar l-eventwali sigriet kummerċjali. B’hekk, dik il-kwistjoni tibqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali.

92.      Il-fatt li d-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni ġiet ikkomunikata mill-awtorità amministrattiva tat-tieni istanza għaldaqstant jagħti lok għall-preżunzjoni li hija ma kinitx tinkludi sigrieti kummerċjali. Barra minn hekk, f’dan l-istadju ma ġie ppreżentat l-ebda element, lanqas minn Ekologická Skládka, biex jiġi kkorroborat l-argument li d-deċiżjoni kienet tinkludi informazzjoni li kellha tiġi protetta. Min-naħa l-oħra, hemm interess pubbliku notevoli f’informazzjoni dwar is-sit ta’ landfill. Dan l-interess normalment għandu jkollu preċedenza fuq l-interess għall-protezzjoni tal-informazzjoni li tikkonċerna impriża.

93.      Konsegwentement, il-punt tat-tluq tal-analiżi segwenti huwa l-presuppost li d-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni ma tistax tkun koperta bis-sigriet kummerċjali, jew fi kwalunkwe każ, mhux kompletament.

4.      Fuq id-data tal-iżvelar

94.      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-iżvelar tad-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva tat-tieni istanza kienx jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva IPPC jew wasalx tard wisq.

95.      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva IPPC jeżiġi li l-pubbliku kkonċernat jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċedura ta’ permess ta’ installazzjonijiet ġodda. L-Artikolu 6(4) tal-Kovenzjoni ta’ Aarhus, li d-direttiva għandha l-għan li timplementa, huwa saħansitra iktar ċar, sa fejn jipprevedi li l-pubbliku għandu jkun involut fil-proċedura minn kmieni, meta l-possibbiltajiet kollha jkunu għadhom miftuħa u meta jkun possibbli li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tiegħu.

96.      Madankollu, l-iżvelar tal-informazzjoni ma huwiex suffiċjenti. Il-punt 3 tal-Anness V għad-Direttiva IPPC jippermetti li l-pubbliku kkonċernat jesprimi kummenti u opinjonijiet lill-amministrazzjoni kompetenti qabel ma tittieħed deċiżjoni. Skont il-punt 4, ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet iridu jitqiesu kif mistħoqq fit-teħid ta’ deċiżjoni. Dan jikkorrispondi għall-Artikolu 6(7) u (8) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

97.      Peress li dan jista’ jiġi preżunt, billi d-deċiżjoni li tistabbilixxi s-sit ta’ installazzjoni ma taqax kompletament taħt il-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali u għalhekk għandha ssir aċċessibbli, għandu jiġi konkluż li l-proċedura dwar id-deċiżjoni ta’ permess integrat meħuda fl-ewwel istanza ma żvolġietx f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva IPPC. Il-pubbliku ma kellux aċċess għad-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni u b’hekk ma setax jgħid la jekk hija kinitx ser tiġi osservata u lanqas jekk hija kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 1 tal-Anness I għad-Direttiva dwar il-landfills.

98.      Għal din ir-raġuni, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-iżvelar sar tard wisq. Ma kinitx iggarantita parteċipazzjoni suffiċjentement pubblika.

99.      Id-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni madankollu ġiet żvelata matul il-proċedura amministrattiva tat-tieni istanza u, wara li d-deċiżjoni ta’ permess integrat ġiet emendata fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, il-pubbliku kellu 30-il jum sabiex jieħu pożizzjoni. Il-Qorti Kostituzzjonali Slovakka tikkunsidra li dan l-iżvelar irregolarizza d-difett proċedurali. Hija enfasizzat li, skont il-prinċipji ġenerali tal-proċedura amministrattiva Slovakka, l-awtorità adita fit-tieni istanza tista’ temenda d-deċiżjoni amministrattiva kollha u hija wkoll obbligata tisma’ lill-pubbliku b’mod xieraq.

100. Ċertament, la d-Direttiva IPPC u lanqas id-Direttiva dwar il-landfills ma jinkludu dispożizzjonijiet dwar ir-regolarizzazzjoni tad-difetti proċedurali. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni jammetti l-prinċipju tar-regolarizzazzjoni tad-difetti proċedurali (27) u d-Direttiva IPPC kif ukoll dik dwar il-landfills ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jeskluduh. Is-sentenza Wells tikkorrobora dan fil-każ ta’ ommissjoni ta’ evalwazzjoni ambjentali, sa fejn il-fatt li jiġi sospiż permess diġà mogħti sabiex l-evalwazzjoni ambjentali (li ma saritx) tal-proġett issir a posteriori, f’konformità ma’ dik id-direttiva, jiġi kkunsidrat bħala miżura xierqa biex tirregolarizza ksur tad-Direttiva EIA (28).

101. Fin-nuqqas ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tar-regolarizzazzjoni tad-difetti li jivvizzjaw il-proċedura ta’ permess integrat tal-landfill għar-rimi tal-iskart għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali. Il-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (29).

102. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali użwali fil-qasam tar-regolarizzazzjoni tad-difetti proċedurali fil-prinċipju għandha tissodisfa l-prinċipju ta’ ekwivalenza. Biex tkun konformi mal-prinċipju ta’ effettività, il-miżura ta’ regolarizzazzjoni għandha tqiegħed lill-partijiet ikkonċernati fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku ma kienx hemm difetti proċedurali (30). Barra minn hekk, hija ma għandhiex toffri lill-individwi kkonċernati l-opportunità li jevitaw ir-regoli tal-Unjoni jew li jaħarbu milli japplikawhom u li din tibqa’ eċċezzjonali (31). Inkella, l-eżerċizzju mill-partijiet ikkonċernati tad-drittijiet tagħhom isir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

103. Il-fatt li l-korp amministrattiv li ħa deċiżjoni fit-tieni istanza ta aċċess għal informazzjoni li għall-bidu kienet nieqsa, liema fatt ippermetta li l-partijiet ikkonċernati jippreżentaw il-kummenti tagħhom, u li huwa seta’ jirreaġixxi għal dawn billi jemenda d-deċiżjoni meħuda fl-ewwel istanza b’hekk jikkorrispondi għal ċerti kundizzjonijiet neċessarji, iżda li ma humiex suffiċjenti sabiex jirregolarizzaw id-difett proċedurali.

104. Fil-fatt, regolarizzazzjoni tippresupponi li, fid-data tal-parteċipazzjoni pubblika supplimentari, il-possibbiltajiet kollha jkunu għadhom disponibbli. Fin-nuqqas ta’ dan, it-twettiq a posteriori ta’ fażi proċedurali li għall-bidu ma kinitx saret ikun biss att purament formali li ma jkunx jista’ jissodisfa l-funzjoni ta’ parteċipazzjoni pubblika.

105. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jgħidu jekk, fil-mument tal-parteċipazzjoni pubblika supplimentari, il-possibbiltajiet kinux għadhom kollha miftuħa. Biex jagħmlu dan, huma jistgħu, pereżempju, jiddeterminaw il-konsegwenzi tal-eliminazzjoni ta’ istanza ta’ proċedura amministrattiva. Huma jistgħu wkoll jieħdu bħala kriterju l-kwistjoni jekk, fil-mument tar-regolarizzazzjoni, id-deċiżjoni tal-ewwel istanza amministrattiva kintix diġà qed tiġi eżegwita, biex b’hekk ħolqot faits accomplis jew jekk il-korp amministrattiv tat-tieni istanza eżaminax l-eventwali oġġezzjonijiet b’mod miftuħ u oġġettiv. Peress li dan huwa sit ta’ installazzjoni ta’ landfill, għandhom jiġu eżaminati b’mod partikolari r-rekwiżiti li l-punt 1 tal-Anness I għad-Direttiva dwar il-landfills jimponi fil-qasam tal-għażla ta’ dawn is-siti.

5.      Risposta għat-tieni domanda

106. Fi ftit kliem, it-tieni domanda għandha tingħata risposta fis-sens li fi proċedura ta’ permess integrat ta’ landfill, l-Artikolu 15(1) u l-Anness V għad-Direttiva IPPC jeżiġu li l-pubbliku jkollu aċċess għal deċiżjoni meħuda qabel dik il-proċedura u li tirrigwarda s-sit ta’ installazzjoni, jekk l-ebda raġuni imperattiva, ibbażata pereżempju fuq sigrieti kummerċjali, ma tipprekludi dan. Jekk għall-ewwel l-aċċess għal dan id-dokument ġie rrifjutat mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti, din l-irregolarità tista’ tiġi korretta sussegwentement, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u abbażi tad-dritt nazzjonali, sakemm l-aċċess mogħti f’dan l-istadju sussegwenti jqiegħed lill-pubbliku fis-sitwazzjoni li kien ikun fiha li kieku l-aċċess ingħata mill-bidu nett.

C –    Fuq it-tielet domanda li tirrigwarda l-applikazzjoni tad-Direttiva EIA

107. Bit-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk huwiex leċitu li fl-2006 ġiet ipprorogata, mingħajr eżami ġdid, il-validità ta’ opinjoni dwar l-effetti tal-proġett tal-landfill fuq l-ambjent li ngħatat l-ewwel darba fl-1999.

108. Ekologická Skládka tiddubita kemm din id-domanda hija rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Il-Qorti Kostituzzjonali Slovakka fil-fatt diġà kkonstatat li l-eventwali nuqqasijiet fl-evalwazzjoni ambjentali ma jaqgħux taħt is-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Huma jistgħu jiġu eżaminati biss fil-kuntest ta’ proċedura ad hoc u, inċidentalment, lanqas ma ġew invokati fil-proċedura fil-kawża prinċipali.

109. Dan l-ilment huwa marbut mal-punt li pposponejt l-eżami tiegħu fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, jiġifieri jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix, jew aħjar jeżiġix, li qorti nazzjonali tqajjem ċerti kwistjonijiet ambjentali ex officio, filwaqt li d-dritt nazzjonali dan ma jipprevedihx (32). It-tielet domanda għalhekk għandha tinqara flimkien mal-ewwel domanda fis-sens li għandu jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva EIA tippermettix li jiġi pprorogat l-effett ta’ opinjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent mingħajr eżami ġdid ta’ dawn l-effetti (punt 1 iktar ’l isfel), jekk din il-kwistjoni għandhiex tiġi eżaminata flimkien mal-permess integrat, minkejja li d-dritt nazzjonali jipprevedi proċedura speċifika biex ikunu kkontestati n-nuqqasijiet tal-evalwazzjoni ambjentali (punt 2 iktar ’l isfel), u jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix jew jeżiġix li din il-kwistjoni titqajjem ex officio (punt 3 iktar ’l isfel).

1.      Fuq id-Direttiva EIA

a)      Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva EIA

110. Biex jiġi ddeterminat jekk l-evalwazzjoni ambjentali li saret fl-1999 setgħetx tiġi pprorogata fl-2006 mingħajr eżami ġdid ta’ dawn l-effetti, qabel xejn għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva EIA kinitx applikabbli.

111. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każijiet fejn permess ikun ingħata wara d-data ta’ skadenza prevista għat-traspożizzjoni tad-Direttiva EIA, minkejja li l-proċedura ta’ permess tkun inbdiet formalment qabel dik id-data (proġetti msejħa “pipeline”), id-Direttiva EIA ma tirrikjedix verifika tal-effetti fuq l-ambjent (33).

112. Skont l-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni (34), id-Direttiva EIA kellha tiġi implementata fis-Slovakkja fid-data tal-adeżjoni, jiġifieri fl-1 ta’ Mejju 2004.

113. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, l-applikazzjoni biex jingħata l-permess integrat tista’ tiġi kkunsidrata bħala tnedija formali tal-proċedura ta’ permess. Billi dik l-applikazzjoni saret fil-25 ta’ Settembru 2007, id-Direttiva EIA hija applikabbli.

114. Madankollu, l-informazzjoni li tirriżulta mill-proċess timponi wkoll il-verifika dwar jekk it-tliet proċeduri suċċessivi, jiġifieri l-evalwazzjoni ambjentali, l-istabbiliment tas-sit ta’ installazzjoni u l-permess integrat, jifformawx proċedura ta’ permess unika fis-sens tad-Direttiva EIA (35). Jekk dan huwa l-każ, l-applikazzjoni ppreżentata mis-16 ta’ Diċembru 1998 fid-dawl tat-tnedija tal-evalwazzjoni ambjentali għandha tiġi kkunsidrata bħala bidu formali tal-proċedura ta’ permess fis-sens tad-Direttiva EIA. F’dak il-każ, id-Direttiva EIA ma tkunx applikabbli.

115. Dan l-argument jista’ jkun ibbażat, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-effetti fuq l-ambjent ġew evalwati tabilħaqq sabiex tiġi installata l-landfill. Il-fatt li fid-dritt Slovakk l-effetti fuq l-ambjent jiġu evalwati separatament mill-proċedura ta’ permess proprja ma għandux jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva EIA.

116. Billi din hija proċedura amministrattiva formali, issir distinzjoni bejn il-proċedura ta’ evalwazzjoni ambjentali u kuntatti informali sabiex tiġi ppreparata applikazzjoni għal permess, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma rrikonoxxietx bħala li huma atti ta’ bidu ta’ proċedura ta’ permess (36).

117. L-ipoteżi li l-proċedura ta’ permess tinbeda bl-evalwazzjoni ambjentali għalhekk għandha tiġi mwarrba biss jekk din l-evalwazzjoni kienet marbuta ma’ proġett ieħor, li prattikament ikun għadu lanqas beda jitwettaq (37). Il-kriterju determinanti għal dan huwa jekk il-proġett tal-landfill tkompliex mingħajr interruzzjonijiet jew jekk sadanittant ġiex abbandunat (38).

118. Fil-frattemp, il-belt ta’ Pezinok emendat diversi drabi l-proġetti tagħha fis-sens ta’ ċaħda tal-installazzjoni ta’ landfill, iżda dawn id-deċiżjonijiet meħuda abbażi tad-dritt Slovakk ma jidhirx li waslu biex il-proġett jitwaqqaf. Minkejja xebh superfiċjali, il-kawża preżenti hija wkoll differenti mis-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza Gedeputeerde Staten van Noord‑Holland, fejn komun kien ukoll emenda proġetti b’mod radikali u għal iktar minn darba. Il-Qorti tal-Ġustizzja finalment ikkunsidrat l-aħħar miżura bħala proġett ġdid (39). Madankollu, il-komun stess kien applikant f’dawn il-proċeduri u konsegwentement kull darba introduċa proċeduri ta’ permess ġodda (40).

119. F’dan il-każ, it-talba tressqet minn Ekologická Skládka, li l-osservazzjonijiet tagħha jindikaw kontinwazzjoni mingħajr interruzzjonijiet, peress li d-dewmien ulterjuri li kien hemm skont l-iskeda inizjali jista’ jiġi spjegat bl-oppożizzjoni tal-belt ta’ Pezinok.

120. Huwa minnu li t-talba biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ evalwazzjoni ambjentali tressqet minn kumpannija oħra, jiġifieri minn Pezinské tehelne as. Madankollu, iż-żewġ kumpanniji donnhom għandhom xi rabta bejniethom u Pezinské tehelne as hija manifestament favur l-implementazzjoni tal-proġett, peress li hija talbet il-proroga tal-validità tal-evalwazzjoni ambjentali, filwaqt li Ekologická Skládka kienet diġà involuta fil-proċedura biex jiġi stabbilit is-sit ta’ installazzjoni. Barra minn hekk, iż-żewġ impriżi ippreżentaw flimkien l-ilment amministrattiv li wassal għad-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni.

121. Barra minn hekk, anki jekk l-impriża li tixtieq twettaq proġett tinbidel kompletament, dan mhux bilfors iwassal għall-konklużjoni li l-proġett ġie provviżorjament abbandunat. Fil-fatt, huwa għalkollox konċepibbli li l-interess ekonomiku fi proġett ikun ittrasferit minn impriża għall-oħra mingħajr ma l-proġett stess ikun suġġett għal emendi sostanzjali.

122. Fl-aħħar mill-aħħar, huma l-qrati nazzjonali li jkollhom jevalwaw jekk il-proġett tkompliex mingħajr interruzzjonijiet jew jekk ġiex abbandunat qabel ma reġa’ tkompla. Dan il-fatt biss jiġġustifika li jitkompla l-eżami ta’ din il-kwistjoni, minkejja dubji dwar l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva EIA.

123. L-interess tal-qorti tar-rinviju li tingħata risposta lil din id-domanda jista’ jirriżulta wkoll, barra minn hekk, mill-argument invokat minn diversi partijiet, jiġifieri li, minn qabel l-adeżjoni tagħha, ir-Repubblika Slovakka kienet aġġustat u applikat id-dritt nazzjonali tagħha f’konformità mad-Direttiva EIA. Għaldaqstant, ikun loġiku li evalwazzjoni ambjentali mwettqa, minħabba d-data tagħha, abbażi tad-dritt nazzjonali biss tkun ittrattata eżattament bħala evalwazzjoni li fir-rigward tagħha hija diġà applikabbli d-Direttiva EIA (41). Is-sentenza Ynos (42) ma tipprekludix li l-qrati nazzjonali jipproċedu b’dan il-mod peress li, jekk il-proċedura ta’ permess inbdiet qabel l-adeżjoni, hija ma ngħalqitx ħlief bosta żmien wara.

b)      Fuq il-kriterji għall-proroga tal-validità tad-deċiżjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent

124. Jekk jirriżulta li d-Direttiva EIA hija applikabbli għall-permess tal-proġett tal-landfill jew jekk id-dritt nazzjonali jeżiġi applikazzjoni par analogiam tar-rekwiżiti tad-Direttiva, se tinqala’ l-kwistjoni jekk kienx kompatibbli mad-direttiva li fl-2006 tiġi pprorogata l-applikabbiltà tad-deċiżjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent meħuda fl-1999.

125. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali qabel xejn ikollha teżamina jekk l-evalwazzjoni mwettqa fl-1999 kinitx tissodisfa diġà r-rekwiżiti kollha tad-Direttiva EIA. Fil-fatt, anki fil-każ ta’ proroga, evalwazzjoni difettuża ma tkunx tista’ tieħu post evalwazzjoni fis-sens tad-Direttiva.

126. Id-Direttiva EIA ma tgħidx espressament jekk tistax tiġi pprorogata l-validità ta’ evalwazzjoni adegwata mil-lat tal-kontenut tagħha. Il-kriterju determinanti però għandu jkun l-għan tal-evalwazzjoni ambjentali, kif ġie stabbilit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva EIA. Skont din id-dispożizzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba, inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali, li ma għandhiex tkun limitata għall-effetti li jkunu seħħew, f’każ li jitwettaq il-proġett, għal mument kwalunkwe fl-imgħoddi. Dik l-evalwazzjoni anzi għandha tkopri l-effetti kollha tassew prevedibbli fid-data tal-permess.

127. Barra minn hekk, dan jirriżulta wkoll mill-punt 13 tal-Anness II għad-Direttiva EIA dwar l-emendi fil-proġetti (43), billi dak il-kunċett ta’ emenda jista’ jiġi interpretat b’mod wiesa’ (44).

128. Jekk il-kundizzjonijiet ambjentali jew il-proġett ikunu nbidlu sa tali punt li dan jista’ jwassal sabiex jitfaċċaw konsegwenzi ambjentali oħrajn ta’ ċertu sinjifikat, il-proċedura tal-evalwazzjoni ambjentali għandha tiġi kkompletata, jew aħjar ripetuta. B’hekk, jista’ jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fid-data tal-permess, l-evalwazzjoni ambjentali għadhiex tindika eżattament liema effetti sinjifikattivi l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent (45); b’hekk, b’ċertu mod għandu jsir stħarriġ ta’ aġġornament sabiex ikun iddeterminat jekk għandhiex issir evalwazzjoni supplimentari tal-effetti fuq l-ambjent.

129. Hemm diversi ċirkustanzi fil-proċedura fil-kawża prinċipali li jista’ jkollhom xi rilevanza għal stħarriġ ta’ aġġornament.

130. L-ewwel element jirriżulta mill-ordni kronoloġiku tal-avvenimenti. Bħala prinċipju, l-evalwazzjoni ambjentali diġà għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ippjanar reali tal-proġett, kif jirriżulta mill-permess integrat (46). Ma jkunx sorprendenti li l-effetti tal-proġett fuq l-ambjent inbidlu meta pparagunati ma’ kif kienu l-effetti fid-data tal-evalwazzjoni. B’hekk, id-Direttiva dwar il-landfills ġiet adottata biss fis-sena tad-deċiżjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent iżda r-rekwiżiti tagħha kellhom jiġu osservati fil-kuntest tal-permess integrat. Anki jekk jiġi preżunt li r-Repubblika Slovakka ilha tapplika d-dritt tal-Unjoni sa mill-1999, jiġifieri qabel l-adeżjoni, ma huwiex evidenti a priori li l-evalwazzjoni ambjentali diġà kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tad-Direttiva dwar il-landfills fuq l-impatt ambjentali tal-landfill.

131. Barra minn hekk, minn mindu saret l-evalwazzjoni ambjentali, il-belt ta’ Pezinok emendat il-pjanijiet tagħha. B’mod partikolari, ma jistax jiġi eskluż li l-effetti fuq l-ambjent tal-proġett tal-landfill għandhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-ġdid sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni użi ġodda, li għadhom ma ttiħdux inkunsiderazzjoni, tal-artijiet ġirien. Dawn l-użi jistgħu jkunu iktar sensittivi għall-impatt ta’ landfill jew jistgħu jsaħħu l-effetti kumulattivi meta pparagunati mal-evalwazzjoni inizjali (47).

132. Tisħiħ tal-effetti kumulattivi però għandu jirriżulta wkoll mill-fatt, li bil-kontra ta’ dak li tippresupponi l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, il-landfill eżistenti ta’ Pezinok ma ngħalqitx fl-2001 iżda baqgħet tintuża mill-inqas sal-31 ta’ Ottubru 2007, jekk mhux iktar minn hekk. Il-livell inizjali tat-tniġġis taż-żona seta’ żdied minħabba dan.

c)      Fuq il-parteċipazzjoni pubblika fid-deċiżjoni dwar jekk evalwazzjoni ambjentali preċedenti għadhiex suffiċjenti

133. Skont il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti a quo tixtieq ukoll issir taf jekk l-istħarriġ ta’ aġġornament jistax ukoll jitwettaq abbażi biss ta’ talba mressqa mill-entità responsabbli mill-proġett, bla ebda parteċipazzjoni pubblika ulterjuri.

134. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istħarriġ ta’ aġġornament għandu l-għan li jiddetermina jekk parteċipazzjoni pubblika oħra hijiex neċessarja. F’dan il-kuntest għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interess li jkun hemm proċeduri amministrattivi effikaċi u rapidi kif ukoll id-drittijiet tal-pubbliku. Parteċipazzjoni pubblika tikkomplika l-proċedura, iktar u iktar għaliex matul il-proċedura ta’ permess jista’ jkun neċessarju li jiġi vverifikat iktar minn darba jekk, skont il-bidliet fiċ-ċirkustanzi, il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni ambjentali jkunux suffiċjentement attwali.

135. Anki jekk id-deċiżjoni ta’ aġġornament ma tinvolvi l-ebda parteċipazzjoni pubblika, il-pubbliku ma huwiex nieqes minn kull protezzjoni. Din id-deċiżjoni tista’ tiġi pparagunata ma’ eżami preliminari tal-kwistjoni jekk evalwazzjoni hijiex neċessarja għall-proġetti inqas importanti, elenkati fl-Anness II tad-Direttiva EIA. Fl-eżami preliminari, l-awtoritajiet għandhom jiżguraw irwieħhom li l-ebda proġett li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens tad-direttiva, ma jeludi l-evalwazzjoni, ħlief jekk il-proġett speċifiku li ma jiġix suġġett għal evalwazzjoni jista’ jiġi kkunsidrat abbażi ta’ evalwazzjoni globali bħala li ma jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (48). Il-pubbliku, bħal wara kollox l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kkonċernati, għandu jkun jista’ jiżgura l-osservanza ta’ dan l-obbligu, jekk ikun il-każ b’mod ġudizzjarju (49). L-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju timplika li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tinforma lill-pubbliku u lill-awtoritajiet amministrattivi xi jkunu l-motivi li fuqhom huwa bbażat ir-rifjut tagħha jew fid-deċiżjoni nnifisha jew f’komunikazzjoni sussegwenti magħmula fuq talba tagħhom (50).

136. Dawn il-prinċipji għandhom ukoll japplikaw għal stħarriġ ta’ aġġornament, peress li dan tal-aħħar għandu wkoll l-għan li jidentifika l-effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent li jkunu għadhom ma ġewx suġġetti għal evalwazzjoni xierqa. Għaldaqstant, għandhom ikunu l-Istati Membri li jgħidu jekk, u jekk ikun il-każ, kif biħsiebhom jagħmlu mod li l-pubbliku jipparteċipa fid-deċiżjoni ta’ aġġornament (51).

d)      Konklużjoni intermedjarja

137. Fi ftit kliem, għandu jiġi kkonstatat li, jekk id-Direttiva EIA hija applikabbli ratione temporis, evalwazzjoni ambjentali preċedenti tibqa’ valida jekk, fil-mument tal-ħruġ tal-permess, hija tirrifletti adegwatament il-konsegwenzi sinjifikattivi li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent. L-eżami ta’ jekk il-kundizzjonijiet ambjentali jew il-proġett inbidlux sa tali punt li saru possibbli effetti negattivi sinjifikattivi oħrajn mhux bilfors jirrikjedi parteċipazzjoni pubblika.

2.      Fuq l-ammissibbiltà ta’ separazzjoni tar-rikorsi b’rabta mal-kundizzjonijiet differenti tal-għoti ta’ permess

138. Il-kunsiderazzjonijiet li ġew żviluppati iktar ’il fuq ikollhom xi rilevanza għall-proċedura fil-kawża prinċipali biss jekk id-difetti li jivvizzjaw l-evalwazzjoni ambjentali jistgħu jiġu invokati fil-proċedura ta’ permess integrat. Id-dritt Slovakk donnu jeskludi dan, peress li l-Qorti Kostituzzjonali Slovakka tirreferi f’dan ir-rigward għal proċedura għat-tressiq ta’ kawża speċifika. B’hekk, għandu jiġi vverifikat jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li l-eżami tal-eventwali difetti li jivvizzjaw evalwazzjoni ambjentali preċedenti jkun imwarrab mill-proċess dwar il-permess integrat tal-landfill u rrinvijat għal proċedura ġudizzjarja speċifika.

139. Id-Direttiva IPPC ma teżiġix li l-evalwazzjoni ambjentali titwettaq fil-kuntest tal-proċedura ta’ permess integrat. Ċertament, l-Artikolu 9(2) tagħha jimponi li tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni miksuba minħabba l-evalwazzjoni, iżda l-Artikolu 1 u l-premessa 11 tagħha jippreċiżaw li hija tapplika bla ħsara għad-Direttiva EIA. Din hija r-raġuni għaliex id-Direttiva IPPC bħala prinċipju tippermetti li l-Istati Membri japplikaw iż-żewġ direttivi fi proċeduri separati u konsegwentement li jisseparaw l-istħarriġ ġudizzjarju minn dawn il-proċeduri.

140. Madankollu, skont id-dritt Slovakk, il-permess integrat tal-landfill huwa kemm permess għal operat fis-sens tad-Direttiva IPPC kif ukoll permess għal installazzjoni [Artikolu 8(3) tal-Liġi Slovakka Nru 245/2003]. Il-permess għal installazzjoni huwa kunsens għall-iżvilupp fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva EIA li b’hekk jista’ jinħareġ biss wara evalwazzjoni ambjentali. B’hekk, ir-rabta bejn din l-evalwazzjoni u l-permess integrat tirriżulta mid-dritt Slovakk, minkejja li dak tal-Unjoni ma jimponihiex.

141. Skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA, il-membri tal-pubbliku kkonċernat għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem qorti jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew tal-ommissjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva EIA dwar il-parteċipazzjoni pubblika. L-istħarriġ ġudizzjarju tal-permess għall-installazzjoni ta’ landfill b’hekk għandu jkopri l-evalwazzjoni ambjentali.

142. In-neċessità għal proċedura għat-tressiq ta’ kawża madankollu mhux bilfors teskludi li ċerti elementi rilevanti, pereżempju l-evalwazzjoni ambjentali, jiġu suġġetti għal proċeduri għat-tressiq ta’ kawża speċifiċi.

143. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax b’mod iddettaljat il-mod li bih għandha tiġi ġestita l-proċedura għat-tressiq ta’ kawża. Dan il-kompitu jaqa’ fuq l-Istati Membri. Il-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (52).

144. Jista’ jkun iġġustifikat li jinħolqu rimedji speċifiċi kontra ċerti fatti. B’mod partikulari, l-applikanti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn ċertezza legali jekk ċerti kwistjonijiet ikunu qabel xejn suġġetti għal soluzzjoni definittiva, qabel ma jingħata bidu għal proċeduri importanti oħrajn.

145. Madankollu, minħabba n-natura tal-evalwazzjoni ambjentali, huwa biss parzjalment possibbli li jingħatalha trattament speċifiku li ma jkunx jista’ jiġi kkontestat legalment. Fil-fatt, hija għandha tinkludi l-effetti fuq l-ambjent li jirriżultaw mill-proġett li għalih ikun inħareġ il-permess u mill-istat tal-ambjent f’mument partikolari (53), li jeskludi li l-effetti fuq l-ambjent jistgħu jkunu s-suġġett ta’ konstatazzjonijiet eżawrjenti u mingħajr appell fi stadju bikri tal-proċedura. Għandha għall-inqas tibqa’ l-possibbiltà li fi stadju sussegwenti jkunu jistgħu jiġu invokati n-nuqqasijiet tal-evalwazzjoni ambjentali li jinqalgħu jew li jsiru viżibbli f’dak l-istadju.

146. Barra minn hekk, id-difetti li jivvizzjaw l-istadji tal-proċedura separati għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istadji sussegwenti. B’hekk, meta kawża twassal għall-konstatazzjoni li evalwazzjoni ambjentali kienet difettuża, sakemm il-kawża tibqa’ pendenti, il-proġett la għandu jingħata permess definittiv u lanqas għandu jiġi eżegwit (54). Fl-istess ħin, il-frammentazzjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja ma għandhiex twassal biex jitwarrbu rikorsi ppreżentati kontra ċerti fażijiet separati mill-proċedura minn persuni jew organizzazzjonijiet li jkollhom id-dritt, abbażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva EIA, għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ deċiżjoni mil-lat sostantiv jew proċedurali. Fl-aħħar nett, tali sistema ma għandhiex iżżid b’mod sproporzjonat il-mezzi li l-pubbliku jkollu jiddedika għar-rikorsi kontra proġett.

147. Sistema nazzjonali ta’ rimedji li ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti ma tkunx kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, għaliex tagħmilha impossibbli jew fi kwalunkwe każ eċċessivament diffiċli li jiġu implementati d-drittijiet mogħtija mil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni.

148. F’dan il-każ, l-effikaċja prattika tad-direttivi kkonċernati teżiġi li, fil-kuntest ta’ kawża dwar stadji proċedurali sussegwenti, għandhom jiġu eżaminati l-iżbalji mwettqa fl-istadji preċedenti (55). Dan ir-rekwiżit japplika b’mod partikolari jekk l-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar ir-rimedji wasslu sabiex xi ħadd jiċċaħħad minn kull possibbiltà li jsostni d-drittijiet tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali (56), pereżempju minħabba li l-awtoritajiet jaħbu l-possibbiltajiet għal rikors.

149. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tgħid f’dan il-każ jekk il-ġestjoni tar-rimedji fis-Slovakkja jew l-applikazzjoni tagħhom fil-proċeduri fil-kawża prinċipali humiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività. Id-deċiżjoni tar-rinviju però tagħti lok li dan jiġi ddubitat. Il-qorti a quo fil-fatt żvelat xi indikazzjonijiet li donnhom jistabbilixxu l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn Ekologická skládka u l-awtoritajiet kompetenti:

–        Ġie sostnut li l-kap tas-servizz li ħa d-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni kien huwa stess il-proprjetarju tal-artijiet fiż-żona koperta mill-proġett u li, barra minn hekk, kien membru, flimkien ma’ ħutu bniet, tal-Kunsill ta’ Sorveljanza ta’ Ekologická skládka (57).

–        Križan et twarrbu mill-proċedura dwar is-sit ta’ installazzjoni minħabba li d-drittijiet tagħhom kienu għadhom ma ġewx direttament affettwati f’dak l-istadju; madankollu, fil-proċedura ta’ permess integrat, ġie kkontestat lilhom il-fatt li d-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni kienet saret finali (58).

–        Matul l-ewwel istanza tal-proċedura ta’ permess integrat, id-deċiżjoni dwar is-sit ta’ installazzjoni nżammet sigrieta, bla ebda raġuni apparenti (59).

150. L-eżami konkret taċ-ċirkustanzi għandu jsir mill-qrati nazzjonali li jistgħu, jekk ikollhom dubju, jirrikorru għal talba għal deċiżjoni preliminari sabiex jiksbu preċiżazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività f’ċerti każijiet.

151. Fi ftit kliem, id-dritt tal-Unjoni jippermetti li l-istħarriġ tan-nuqqasijiet ta’ evalwazzjoni ambjentali magħmula preċedentement jitwarrab mill-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-permess integrat tal-installazzjoni ta’ landfill sabiex ikun is-suġġett ta’ proċedura għat-tressiq ta’ kawża speċifika, sakemm din is-separazzjoni ma tagħmilx l-istħarriġ ġudizzjarju tal-permess integrat prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Jekk il-ġestjoni jew l-applikazzjoni tar-rimedji ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti, l-effikaċja prattika tad-direttivi kkonċernati teżiġi li, fil-kuntest ta’ kawża dwar l-istadji ta’ proċeduri sussegwenti, isir stħarriġ tal-iżbalji li jkunu vvizzjaw l-implementazzjoni tal-istadji preċedenti.

3.      Fuq l-eżami ex officio ta’ ċerti kwistjonijiet ġuridiċi

152. Iżda hemm konstatazzjoni oħra tal-Qorti Kostituzzjonali Slovakka li tista’ tipprekludi l-eżami tal-eventwali difetti tal-evalwazzjoni ambjentali fil-proċedura fil-kawża prinċipali. Dik il-qorti fil-fatt osservat li l-partijiet ikkonċernati ma kinux ikkontestaw il-validità tal-evalwazzjoni ambjentali. Minn dan, hija ddeduċiet li l-qorti tar-rinviju kienet iddeċidiet ultra petita billi eċċediet il-kompetenzi tagħha. Din hija r-raġuni għaliex il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettilhiex li tqajjem din il-kwistjoni ex officio.

153. Għal darba oħra, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fid-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju għandha tiġi applikata l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, li madankollu għandha tiġi eżerċitata filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (60).

154. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tgħidx sa fejn kwistjonijiet ta’ dritt nazzjonali jistgħu jitqajmu ex officio. Għaldaqstant, ma hemmx element li jiġġustifika l-eżami dwar jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza jimponix li jitqajmu ex officio d-difetti li jivvizzjaw l-evalwazzjoni ambjentali. Minn dan il-lat, din il-kawża hija differenti mis-sentenza van der Weerd et fejn il-kwistjoni kienet jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-dritt tal-Unjoni kinux jikkorrispondu għal dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ ordni pubbliku, li d-dritt Olandiż jippermetti li jiġu eżaminati ex officio (61).

155. Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija lil individwi mill-ordinament ġuridiku Komunitarju, għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolgiment tagħha, u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom huwa msejjes l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (62). Dawn huma evalwazzjonijiet każ b’każ, fejn jiġi kkunsidrat il-kuntest fattwali u ġuridiku kollu ta’ kull kawża, li ma jistgħux jiġu trasposti awtomatikament f’oqsma differenti minn dawk li jkunu saru fil-kuntest tagħhom (63).

156. Bħala prinċipju, għandhom jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprekludu li l-qrati nazzjonali jqajmu ex officio motiv ibbażat fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobbligahom jirrinunzjaw għar-rwol passiv impost fuqhom, billi jmorru lil hinn mil-limiti tal-kawża ddefiniti mill-partijiet u billi jibbażaw irwieħhom fuq fatti u ċirkustanzi diversi minn dawk li l-parti li jkollha interess li jiġu applikati l-imsemmija dispożizzjonijiet tkun ibbażat it-talba tagħha fuqhom (64).

157. Tali limitazzjoni tas-setgħa tal-qorti nazzjonali tista’ tiġi ġġustifikata bil-prinċipju li jgħid li l-inizjattiva ta’ proċess tappartjeni lill-partijiet u li, għalhekk, il-qorti ma tistax taġixxi ex officio ħlief f’każijiet eċċezzjonali, fl-interess pubbliku. Dan il-prinċipju jipproteġi d-drittijiet tad-difiża u jiżgura l-iżvolġiment korrett tal-proċedura, b’mod partikolari, billi jipproteġiha minn dewmien inerenti fl-evalwazzjoni ta’ motivi ġodda (65).

158. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ġew żviluppati fi proċeduri li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni fi skema statali ta’ assigurazzjoni obbligatorja (66) jew il-prova ta’ epiżootomija, sabiex tkun iġġustifikata l-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-azjenda agrikola kkonċernata (67).

159. L-iktar każ importanti fejn il-qrati nazzjonali, minkejja kollox, huma obbligati jqajmu ex officio kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni tikkonċerna l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (68). Biex tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ dgħufija tal-konsumaturi meta pparagunati mal-imsieħba kuntrattwali tagħhom, din id-dispożizzjoni tipprevedi li klawżola inġusta ma torbotx lill-konsumatur. Skont il-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni mandatorja li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar. Biex tiggarantixxi l-effikaċja tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (69).

160. L-ambjent ukoll għandu bżonn ta’ protezzjoni u hemm interess pubbliku notevoli sabiex l-evalwazzjoni ambjentali imposta mid-dritt tal-Unjoni ssir sew.

161. Dwar l-impatt tad-difetti li jivvizzjaw evalwazzjoni ambjentali fuq il-validità tal-permessi, id-Direttiva EIA madankollu ma tinkludix dispożizzjonijiet li jixbhu l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. B’mod partikolari hija ma tgħidx li tali difetti jistgħu jaffettwaw il-validità ta’ permess.

162. Ma hawnx lok hawnhekk li jiġi eżaminat jekk ir-rinunzja kompleta għal evalwazzjoni ambjentali imposta mid-dritt tal-Unjoni għandhiex, jekk ikun il-każ, titqajjem ex officio. Fi kwalunkwe każ, tali evalwazzjoni tikkostitwixxi ċertament bażi importanti sabiex jiġi kkontestat proġett abbażi ta’ argumenti msejsa fuq id-dritt ambjentali.

163. Madankollu, ma naħsibx li huwa dejjem neċessarju li jitqajmu ex officio d-dubji dwar in-natura attwali ta’ evalwazzjoni ambjentali. Meta jkun hemm tali evalwazzjoni, hija għandha tipprovdi lill-eventwali rikorrenti b’elementi suffiċjenti sabiex jikkontestaw in-nuqqasijiet li jista’ jkollha. Dawn in-nuqqasijiet jistgħu wkoll jidhru pjuttost faċilment maż-żmien jew hekk kif jinbidlu ċ-ċirkustanzi esterni, mingħajr ma jkollhom bilfors impatt supplimentari sinjifikattiv fuq l-ambjent. Għandu jiġi kkunsidrat li, biex tkun neċessarja evalwazzjoni supplimentari, huwa suffiċjenti li jkun hemm il-possibbiltà ta’ tali impatti supplimentari. Jekk il-problema tan-natura attwali tal-evalwazzjoni ambjentali għandha titqajjem ex officio mill-qrati, dan ser joħloq riskji proċedurali kbar, mingħajr ma l-ambjent ikun neċessarjament kiseb xi benefiċċju. Din hija r-raġuni għaliex l-interess pubbliku li tittieħed inkunsiderazzjoni evalwazzjoni ambjentali aġġornata ma għandux l-importanza meħtieġa sabiex ikun iġġustifikat stħarriġ ex officio. Huwa suffiċjenti li tali dubji jkunu eżaminati biss meta jiġu ppreżentati lmenti ifformulati espressament.

164. L-evalwazzjoni tista’ tkun differenti fir-rigward ta’ aspetti oħrajn tad-dritt ambjentali. B’hekk, skont l-argumenti mressqa minn Križan et, ikun interessanti li jiġi vverifikat jekk il-landfill preċedenti ta’ Pezinok kinitx operata b’mod konformi mal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-landfills (70). Dik il-landfill hija assoċjata ma’ riskji kbar għas-saħħa. Madankollu, ma jistax jingħad li l-operat tal-landfill preċedenti huwa s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

165. Fir-rigward tal-landfill il-ġdida, il-qorti tar-rinviju ma tagħtix x’tifhem li huwa previst li din tiġi operata bi ksur tar-regoli tekniċi applikabbli. Meta pparagunata mal-fatt li l-landfill preċedenti baqgħet tiġi operata, hija tista’ anki tirrappreżenta titjib mil-lat tal-protezzjoni tal-ambjent.

166. Għaldaqstant, ma nara l-ebda raġuni ta’ interess pubbliku speċifikament ibbażata fuq id-dritt ambjentali tal-Unjoni biex il-qorti tar-rinviju tkun obbligata taġixxi minkejja d-dispożizzjonijiet nazzjonali billi tqajjem ex officio eventwali dubji dwar in-natura attwali tal-evalwazzjoni ambjentali.

167. Madankollu, il-prinċipju ta’ effettività jimponi li l-kwistjonijiet legali li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jitqajmu wkoll ex officio jekk il-partijiet ma kellhomx possibbiltà reali li jinvokaw quddiem qorti nazzjonali motiv ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet inkwistjoni (71).

168. Jekk mill-elementi msemmija mill-qorti tar-rinviju biex tafferma kollużjoni bejn Ekologická Skládka u l-awtoritajiet inkarigati mill-ħruġ tal-permessi jirriżulta tabilħaqq ksur tal-prinċipju ta’ effettività (72), għandu wkoll jiġi preżunt li Križan et fil-fatt ma kellhomx il-possibbiltà li jinvokaw l-allegat nuqqas ta’ natura attwali tal-evalwazzjoni ambjentali quddiem il-qrati nazzjonali. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju jkollha tqajjem din il-kwistjoni ex officio.

4.      Risposta għat-tielet domanda

169. B’hekk it-tielet domanda għandha tingħata risposta kif ġej:

Meta d-Direttiva EIA tkun applikabbli ratione temporis, evalwazzjoni li tkun saret fl-imgħoddi tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent tista’ sservi ta’ bażi biex jinħareġ permess għal proġett jekk, fil-mument tal-ħruġ tal-permess, hija tkun tirrifletti b’mod adegwat il-konsegwenzi prinċipali li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent. L-eżami ta’ jekk il-kundizzjonijiet ambjentali jew il-proġett inbidlux sa tali punt li saru possibbli effetti negattivi sinjifikattivi oħrajn, mhux bilfors jirrikjedi parteċipazzjoni pubblika.

Id-dritt tal-Unjoni jippermetti li l-istħarriġ tan-natura attwali ta’ evalwazzjoni ambjentali magħmula preċedentement ikun imwarrab mill-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-permess integrat tal-installazzjoni ta’ landfill sabiex ikun is-suġġett ta’ proċedura għat-tressiq ta’ kawża speċifika, sakemm din is-separazzjoni tar-rikorsi ma tagħmilx l-istħarriġ ġudizzjarju tal-permess integrat prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Jekk il-ġestjoni jew l-applikazzjoni tar-rimedji ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti, l-effikaċja prattika tad-direttivi kkonċernati teżiġi li, fil-kuntest ta’ kawża dwar l-istadji proċedurali sussegwenti, għandu jsir stħarriġ tal-iżbalji li jkunu vvizzjaw l-implementazzjoni tal-istadji preċedenti.

Il-qrati nazzjonali għandhom iqajmu ex officio l-kwistjoni tan-natura attwali ta’ evalwazzjoni ambjentali jekk il-partijiet fil-fatt ma kellhomx il-possibbiltà li jinvokawha quddiem qorti nazzjonali. Dan għandu jiġi preżunt, b’mod partikolari, jekk il-ġestjoni jew l-applikazzjoni tar-rimedji ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività.

D –    Fuq ir-raba’ domanda li tirrigwarda l-miżuri provviżorji

170. Bir-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-rimedji offruti lill-pubbliku mid-Direttiva IPPC u mid-Direttiva EIA jinkludux il-possibbiltà li tintalab l-adozzjoni ta’ miżura amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ natura provviżorja skont id-dritt nazzjonali (pereżempju, li tiġi ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni integrata), li tippermetti s-sospensjoni temporanja, jiġifieri sad-deċiżjoni fuq il-mertu, tal-kostruzzjoni tal-impjant ippjanat.

171. Anki jekk huwa minnu li la d-Direttiva IPPC u lanqas id-Direttiva EIA ma jipprevedu miżuri provviżorji, hija ġurisprudenza stabbilita li qorti nazzjonali li jkollha quddiemha kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tagħti miżuri provviżorji bil-għan li tiggarantixxi l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet pretiżi abbażi tad-dritt Komunitarju (73).

172. Dan l-obbligu huwa l-espressjoni tad-dritt għal rikors effettiv rikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE.

173. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu interpretati d-Direttiva IPPC u d-Direttiva EIA (74), jeżiġi wkoll li r-rimedji previsti minn dawn id-direttivi jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji adatti.

174. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll xi dubji dwar jekk il-parti milquta mill-miżura provviżorja għandhiex tinstema’ qabel ma tiġi adottata tali miżura.

175. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat il-prinċipju għal smigħ xieraq, li jinkludi d-dritt għal smigħ (75). Ċertament, il-metodi konkreti tad-dritt għal smigħ jistgħu jvarjaw skont l-urġenza li jista’ jkun hemm sabiex tingħata deċiżjoni, iżda kull restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandha tkun debitament iġġustifikata u sostnuta minn garanziji proċedurali li jiżguraw lill-persuni kkonċernati possibbiltà effettiva li jikkontestaw il-miżuri adottati b’urġenza (76).

176. Din hija r-raġuni għaliex, f’każ ta’ urġenza partikolari biex tiġi adottata miżura provviżorja, qorti tista’ għall-ewwel tirrinunzja li tisma’ lill-partijiet kollha (77), iżda hija għandha tirregolarizza din l-ommissjoni kemm jista’ jkun malajr (78) jew għall-inqas il-miżura għandha tkun tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa għat-tressiq ta’ kawża, li tippermetti li jinstemgħu l-partijiet kollha.

177. Għaldaqstant, ir-raba’ domanda għandha tingħata risposta fis-sens li r-rimedji offruti lill-pubbliku mid-Direttiva IPPC u mid-Direttiva EIA jinkludu l-possibbiltà li tintalab l-adozzjoni ta’ miżura amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ natura provviżorja skont id-dritt nazzjonali li tippermetti sospensjoni temporanja ta’ proġett ta’ installazzjoni. F’każ ta’ urġenza partikolari, huwa possibbli li ma jinstemgħux uħud mill-partijiet, sakemm dawn ikunu jistgħu jappellaw mid-deċiżjoni meħuda mill-iktar fis possibbli.

E –    Fuq il-ħames domanda li tirrigwarda l-portata tal-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà

178. Bil-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, meta annullament permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ permess validament mogħti għal installazzjoni ġdida josserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva IPPC, tad-Direttiva EIA jew tal-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjon ta’ Aarhus, dan jistax jikkostitwixxi ksur illegali tad-dritt għall-proprjetà tal-operatur. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf b’mod partikolari liema kriterju ta’ proprozjonalità għandu jiġi applikat biex jintlaħaq bilanċ bejn, minn naħa, l-interess pubbliku għall-protezzjoni tal-ambjent u, min-naħa l-oħra, id-dritt privat għall-protezzjoni tal-proprjetà, peress li l-kontenut ta’ dan id-dritt għall-proprjetà (b’mod partikolari mil-lat tal-użu li jsir minnu) inevitabbilment jippreġudika l-ambjent protett mid-dritt tal-Unjoni jew huwa neċessarjament assoċjat ma’ tali preġudizzju.

179. Id-dritt għall-proprjetà huwa rikonoxxut mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u qabel kien diġà rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, huwa jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li jkollha l-Unjoni Ewropea u, fid-dawl tal-għan tagħhom, ma jammontawx għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti b’dan il-mod (79).

180. Il-kawża prinċipali tolqot żewġ aspetti differenti tal-proprjetà. Minn naħa waħda hemm il-proprjetà fuq l-art assenjata għal-landfill, li l-użu tagħha huwa ristrett mir-riżerva ta’ permess minn qabel, u min-naħa l-oħra d-dritt li jista’ jirriżulta minn dan il-permess għal installazzjoni u għal operat ta’ landfill fuq din l-art.

181. Id-dritt li tiġi installata u operata landfill però jista’ jikseb l-istatus ta’ dritt għall-proprjetà biss minn meta l-permess ma jkunx jista’ jiġi kkontestat iktar. Qabel dan, tkun biss tama li tiġi installata u operata landfill. Issa, sempliċi tamiet ma jgawdu mill-ebda protezzjoni abbażi tad-dritt għall-proprjetà (80), almenu jekk it-twettiq tagħhom ikun ikkontestat (81).

182. Il-kundizzjoni ta’ permess minn qabel tal-landfill tirrestrinġi, min-naħa l-oħra, l-użu tad-dritt għall-proprjetà fuq is-superfiċji inkwistjoni.

183. Minħabba din il-kundizzjoni, l-użu ppjanat huwa suġġett għall-eżitu ta’ diversi proċeduri amministrattivi. F’dan ir-rigward, id-Direttiva EIA għandha bħala kompitu li tiggarantixxi l-identifikazzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tal-effetti sinjifikattivi kollha fuq l-ambjent li jista’ jkollu l-proġett. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva IPPC għandha l-għan li timminimizza l-impatt tal-installazzjoni fuq l-ambjent. Iż-żewġ direttivi jagħtu wkoll possibbiltà estiża li l-validità tad-deċiżjoni, kemm mil-lat proċedurali kif ukoll minn dak sostantiv, tiġi kkontestata quddiem qorti.

184. Dawn ir-regoli jistgħu jimpedixxu li jitwettqu ċerti proġetti u jdewmu oħrajn jew jillimitaw l-estensjoni tal-implementazzjoni tagħhom.

185. Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet għad-dritt għall-proprjetà jistgħu jiġu ġġustifikati, bħala prinċipju, bl-interess ġenerali għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent (82) li l-Artikolu 191 TFUE u l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxu bħala għan tal-Unjoni (83).

186. Għaldaqstant, huwa kompatibbli mad-dritt fundamentali għall-proprjetà li jiġi pprojbit li art tintuża b’mod li jaffettwa eċċessivament l-ambjent. Għandu wkoll jiġi aċċettat li l-proġetti li jista’ jkollhom impatt notevoli fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal eżami bir-reqqa qabel ma jkunu jistgħu jitwettqu. Ma jistax jingħad li r-rekwiżiti tad-Direttiva EIA, tad-Direttiva IPPC jew tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus f’dan ir-rigward huma sproporzjonati.

187. Fl-aħħar nett, id-dritt fundamentali għal rikors effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jeżiġi li l-osservanza tar-rekwiżiti ġġustifikati fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u li, jekk ikun il-każ, il-permessi li jkunu nħarġu bi ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu annullati.

188. Fi ftit kliem, jekk l-annullament minn qorti ta’ permess validament mogħti għal installazzjoni ġdida josserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva IPPC, tad-Direttiva EIA jew tal-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dan ma jikkostitwixxix ksur illegali tad-dritt għall-proprjetà tal-operatur.

V –    Konklużjoni

189. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi kif ġej:

“1)      Fil-każ ta’ dubji dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’kawża pendenti, l-Artikolu 267 TFUE jimponi fuq kull qorti nazzjonali li d-deċiżjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tagħha ma tkunx tista’ tiġi appellata, li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talba għal deċiżjoni preliminari, inkluż ex officio, mingħajr ma ebda waħda mill-partijiet tkun talbet dan, anki jekk il-Qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni tkun diġà tat deċiżjoni dwar din il-kawża u tkun eżiġiet li l-qorti nazzjonali tiddeċiedi l-kawża billi tosserva l-analiżi tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali li tkun għamlet il-Qorti Kostituzzjonali.

2)      Fi proċedura ta’ permess integrat ta’ landfill, l-Artikolu 15(1) u l-Anness V għad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż jeżiġu li l-pubbliku jkollu aċċess għal deċiżjoni meħuda qabel dik il-proċedura u li tirrigwarda s-sit ta’ installazzjoni, jekk l-ebda raġuni imperattiva, ibbażata pereżempju fuq sigrieti kummerċjali, ma tipprekludi dan. Jekk għall-ewwel l-aċċess għal dan id-dokument ġie rrifjutat mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti, din l-irregolarità tista’ tiġi korretta sussegwentement, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u abbażi tad-dritt nazzjonali, sakemm l-aċċess mogħti f’dan l-istadju sussegwenti jqiegħed lill-pubbliku fis-sitwazzjoni li kien ikun fiha li kieku l-aċċess ingħata mill-bidu nett.

3)      Meta d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima [l-evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, fil-verżjoni tagħha emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, tkun applikabbli ratione temporis, evalwazzjoni li tkun saret fl-imgħoddi tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent tista’ sservi ta’ bażi biex jinħareġ permess għal proġett jekk, fil-mument tal-ħruġ tal-permess, hija tkun tirrifletti b’mod adegwat il-konsegwenzi prinċipali li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent. L-eżami ta’ jekk il-kundizzjonijiet ambjentali jew il-proġett inbidlux sa tali punt li saru possibbli effetti negattivi sinjifikattivi oħrajn, mhux bilfors jirrikjedi parteċipazzjoni pubblika.

Id-dritt tal-Unjoni jippermetti li l-istħarriġ tan-natura attwali ta’ evalwazzjoni ambjentali magħmula preċedentement ikun imwarrab mill-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-permess integrat tal-installazzjoni ta’ landfill sabiex ikun is-suġġett ta’ proċedura għat-tressiq ta’ kawża speċifika, sakemm din is-separazzjoni tar-rikorsi ma tagħmilx l-istħarriġ ġudizzjarju tal-permess integrat prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Jekk il-ġestjoni jew l-applikazzjoni tar-rimedji ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti, l-effikaċja prattika tad-direttivi kkonċernati teżiġi li, fil-kuntest ta’ kawża dwar l-istadji proċedurali sussegwenti, għandu jsir stħarriġ tal-iżbalji li jkunu vvizzjaw l-implementazzjoni tal-istadji preċedenti.

Il-qrati nazzjonali għandhom iqajmu ex officio l-kwistjoni tan-natura attwali ta’ evalwazzjoni ambjentali jekk il-partijiet fil-fatt ma kellhomx il-possibbiltà li jinvokawha quddiem qorti nazzjonali. Dan għandu jiġi preżunt, b’mod partikolari, jekk il-ġestjoni jew l-applikazzjoni tar-rimedji ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività.

4)      Ir-rimedji offruti lill-pubbliku mid-Direttiva 2008/1 u mid-Direttiva 85/337 jinkludu l-possibbiltà li tintalab l-adozzjoni ta’ miżura amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ natura provviżorja skont id-dritt nazzjonali li tippermetti sospensjoni temporanja ta’ proġett ta’ installazzjoni. F’każ ta’ urġenza partikolari, huwa possibbli li ma jinstemgħux uħud mill-partijiet, sakemm dawn ikunu jistgħu jappellaw mid-deċiżjoni meħuda mill-iktar fis possibbli.

5)      Jekk l-annullament minn qorti ta’ permess validament mogħti għal installazzjoni ġdida josserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2008/1, tad-Direttiva 85/337 jew tal-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, dan ma jikkostitwixxix ksur illegali tad-dritt għall-proprjetà tal-operatur.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008 (verżjoni kkodifikata) (ĠU L 24, p. 8). Mis-7 ta’ Jannar 2014, din id-direttiva ser tiġi ssostitwita bid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, p. 17).


3 –      Direttiva tal-Kunsill [85/337/KEE], tas-27 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466). Din id-direttiva ġiet ikkodifikata u ssostitwita mis-16 ta’ Frar 2012 bid-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011 (ĠU L 26, p. 1).


4 –      Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, p. 4).


5 – Adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill [2005/370/KE], tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17).


6 –      Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80).


7 –      Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April tal-1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228), fil-verżjoni emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).


8 –      Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).


9 –      Deċiżjoni tal-Qorti Suprema Slovakka, tal-14 ta’ Settembru 2010 (1 Sžo 373/2009, Anness 15 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Ekologická skládka tal-15 ta’ Diċembru 2012, p. 82 et seq).


10 – Huma qed jirreferu għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema Slovakka tas-17 ta’ Ġunju 2010 (Sžp 52/2009) u tat-28 ta’ Settembru 2011 (Sžp 3/2011).


11 – Ara, iktar ’il fuq, taħt D.3 (punti 152 et seq).


12 – Huwa b’hekk li s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, Ġabra p. I‑4941, punt 26); tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C‑473/00, Ġabra p. I‑10875, punt 33), u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, Ġabra p. I‑10421, punt 29) huma bbażati fuq il-kontenut tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


13 – Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly (C‑104/10, Ġabra p. I‑6813, punt 61).


14 –      Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, Ġabra p. I‑8889, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 –      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog (C‑99/00, Ġabra p. I‑4839, punti 17 u 18).


16 – Ibidem, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata.


17 – Ara s-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali Slovakka fis-27 ta’ Mejju 2010 (I. ÚS 223/09‑131, Anness 9 tad-deċiżjoni tar-rinviju, punt 16).


18 – Sentenza Elchinov (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, Ġabra p. I‑5665, punt 52).


20 – Sentenza Elchinov (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, Ġabra p. 1125, punt 3), u tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, Ġabra p. I-8015, punt 61).


22 –      Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C‑355/97, Ġabra p. I‑4977, punt 22); tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 5); tat-8 ta’ Settembru 2009, Budĕjovický Budvar (C‑478/07, Ġabra p. I‑7721, punt 63), u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, Ġabra p. I‑12533, punt 59).


23 –      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


24 – Sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, Ġabra p. I‑3673, punt 41). Ara, minn perspettiva iktar ġenerali, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52), tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C‑341/95, Ġabra p. I‑4355, punt 20); tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli (C‑286/02, Ġabra p. I‑3465, punt 33); tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 35), u tal-14 ta’ Mejju 2009, Internationaal Verhuis- en Transportbedrijf Jan de Lely (C‑161/08, Ġabra p. I‑4075, punt 38).


25 –      Ara l-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva IPPC; ara wkoll l-Artikolu 6(1)(j), li jeżiġi deskrizzjoni fil-qosor tal-alternattivi prinċipali, jekk ikun il-każ, studjati mill-applikant, u b’mod partikolari tas-siti ta’ installazzjoni alternattivi.


26 – Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, Ġabra p. I‑13119, punt 52), u tat-28 ta’ Lulju 2011, Office of Communications (C‑71/10, Ġabra p. I‑7205, punt 22).


27 – Ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, Ġabra p. I‑10329, punt 56), għar-regolarizzazzjoni tad-difetti proċedurali fil-kuntest tal-proċeduri tal-Kummissjoni fil-qasam tal-akkordji; fir-rigward tad-dritt proċedurali doganali, ara s-sentenza tas-16 ta’ Jannar 1992, Marichal‑Margrève (C‑334/90, Ġabra p. I‑101, punt 25).


28 –      Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, Ġabra p. I‑723, punt 65). Madankollu, ara wkoll is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑215/06, Ġabra p. I‑4911, punti 57 sa 60).


29 – Sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 43).


30 – Għall-proċeduri fil-qasam tal-akkordji, ara s-sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27).


31 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 57).


32–      Ara l-punt 54 iktar ’il fuq.


33 – Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord‑Holland (C‑81/96, Ġabra p. I‑3923, punt 23), u sentenza Wells (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 43).


34 – ĠU L 236, p. 33.


35 –      Sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑508/03, Ġabra p. I‑3969, punt 102); tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, Ġabra p. I‑1753, punt 37), u tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et (C‑128/09 sa C‑131/09, C‑134/09 u C‑135/09, Ġabra p. I‑9711, punt 44).


36 – Sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, magħrufa bħala “Großkrotzenburg” (C‑431/92, Ġabra p. I‑2189, punt 32).


37 – Sentenza Gedeputeerde Staten van Noord‑Holland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 25).


38 – Ara l-punt 169 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-13 ta’ Ottubru 2011 fil-kawża Rechtssache Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


39 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 25.


40 – Punt 47 tal-konlużjonijiet tal-Avukat Ġenrali Mischo ppreżentati fil-5 ta’ Marzu 1998 fil-kawża Gedeputeerde Staten van Noord‑Holland (iċċitata iktar ’il fuq).


41 – Sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, Ġabra p. I‑3763, punti 37 et seq); tas-17 ta’ Lulju 1997, Giloy (C‑130/95, Ġabra p. I‑4291, punt 28), u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves (C‑48/07, Ġabra p. I‑10627, punti 21 et seq).


42 – Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C‑302/04, Ġabra p. I‑371, punt 36).


43 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, magħrufa bħala “M‑501” (C‑560/08, disponibbli biss bil-Franċiż u bl-Ispanjol, punti 103 et seq).


44 – Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, Ġabra p. I‑5403, punt 39).


45 – Sentenzi Wells (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 47); tal-4 ta’ Mejju 2006, Barker (C‑290/03, Ġabra p. I‑3949, punti 47 et seq), u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punti 103 sa 106), kif ukoll il-punt 140 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38).


46 –      Ara l-punt 128 iktar ’il fuq.


47 – Biex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi, ara s-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, magħrufa bħala “Ors kannella Spanjol” (C‑404/09, Ġabra p. I‑11853, punti 76 et seq), u M‑501 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 98 et seq).


48 – Sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, magħrufa bħala “Lotto zero” (C‑87/02, Ġabra p. I‑5975, punt 44).


49 – Sentenza tat-30 ta’ April 2009, Mellor (C‑75/08, Ġabra p. I‑3799, punt 58).


50 –      Ibidem, punt 59.


51 – Sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication (C‑426/05, Ġabra p. I‑685, punt 52).


52 – Sentenzi Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 43), u Boxus et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 52).


53 –      Ara l-punt 128 iktar ’il fuq.


54 – Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie et Terre wallonne (C‑41/11, punt 47) dwar l-evalwazzjoni ambjentali ta’ pjanijiet u ta’ programmi.


55 – Sentenza Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 37).


56 – Sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C‑231/96, Ġabra p. I‑4951, punt 48); tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile (C‑228/96, Ġabra p. I‑7141, punt 43); tas-27 ta’ Frar 2003, Santex (C‑327/00, Ġabra p. I‑1877, punti 57 et seq); tal-15 ta’ April 2010, Barth (C‑542/08, Ġabra p. I‑3189, punt 33), u tat-8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert (C‑89/10 u C‑96/10, Ġabra p. I‑7819, punt 51).


57 –      Punt 6 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


58 –      Punti 5, 6 u 49 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


59 – Ara l-kunsiderazzjonijiet li ġew żviluppati dwar it-tieni domanda, punti 88 et seq.


60 –      Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dwar ir-rekwiżiti ġenerali ta’ dawn il-prinċipji, ara l-punti 101 u 143 iktar ’il fuq.


61 –      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punti 29 et seq.


62 – Sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, Ġabra p. I‑4599, punt 14), u van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, Ġabra p. I‑4705, punt 19), kif ukoll is-sentenza van der Weerd et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 33).


63 –      Sentenza Cofidis (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 37).


64 – Sentenzi van Schijndel u van Veen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62, punt 22) u van der Weerd et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 33).


65 – Sentenzi van Schijndel u van Veen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62, punt 21), u van der Weerd et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 35).


66 – Sentenza van Schijndel u van Veen, iċċitata iktar ’il fuq.


67 –      Sentenza van der Weerd et, iċċitata iktar ’il fuq.


68 –      Direttiva 93/13.


69 – Minbarra dawk iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, Ġabra p. I‑4713, punti 22 et seq), u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, Ġabra p. I‑9579, punti 30 et seq).


70 – Ara l-proċedura pendenti fil-kawża Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑331/11, ĠU C 28, p. 4), dwar landfill f’Žilina – Považský Chlmec.


71 – Ara s-sentenzi van der Weerd et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punti 40 et seq), u Peterbroeck (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62).


72 –      Ara l-punt 149 iktar ’il fuq.


73 – Sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C‑213/89, Ġabra p. I‑2433, punt 21); tal-11 ta’ Jannar 2001, Siples (C‑226/99, Ġabra p. I‑277, punt 19), u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 67).


74 –      Ara l-punt 78 iktar ’il fuq.


75 – Sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C‑7/98, Ġabra p. I‑1935, punti 27 u 39 et seq); tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC (C‑341/04, Ġabra p. I‑3813, punt 66), u tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, Ġabra p. I‑2563, punt 28).


76 – Sentenzi Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, u tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker (C‑256/09, Ġabra p. I‑7353, punt 95). Ara wkoll il-linja gwida ġdida adottata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2009 fil-kawża Micallef vs Malta (Rikors Nru 17056/06, punt 86).


77 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 1980, Denilauler (125/79, Ġabra p. 1553, punt 15).


78 – Pereżempju, ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C‑27/09 P, Ġabra p. I‑13427, punt 61), dwar l-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi. Ara wkoll l-Artikolu 50(4) tal-Ftehim TRIPs.


79 – Sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (C‑548/09 P, Ġabra p. I‑11381, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll it-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.


80 –      Sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni (4/73, Ġabra p. 491, punt 14), u tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punti 79 et seq), kif ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Pine Valley Developments Ltd et vs L-Irlanda, tad-29 ta’ Novembru 1991 (Rikors Nru 12742/87, punt 51).


81 – Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Anheuser‑Busch Inc. vs Il-Portugall, tal-11 ta’ Jannar 2007 (Rikors Nru 73049/01), Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2007‑I, punti 64 et seq).


82 – Sentenzi tas-7 ta’ Frar 1985, ADBHU (240/83, Ġabra p. 531, punt 13), u tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, Ġabra p. I‑2007, punt 81); ara wkoll l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Depalle vs Franza, tad-29 ta’ Marzu 2010 (Rikors Nru 34044/02), b’referenza għall-ġurisprudenza Pine Valley Developments Ltd et vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 80), punt 57, u Curmi vs Malta, tat-22 ta’ Novembru 2011 (Rikors Nru 2243/10, punt 44).


83 – Ara wkoll id-disa’ punt tal-preambolu tat-TUE u l-Artikolu 11 TFUE.