Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta' Awwissu 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-16 ta' Ġunju 2011 fil-Kawża T-210/08, Verhuizingen Coppens NV vs Il-Kummissjopni Ewropea

(Kawża C-441/11 P)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjopni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouquet, S. Noë u F. Ronkes Agerbeek, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Verhuizingen Coppens NV

Talbiet tal-appellanti

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Ġunju 2011, Verhuizingen Coppens vs Il-Kummissjoni (T-210/08);

tiċħad ir-rikors għal annullament jew tannulla biss l-Artikolu 1(i) tad-Deċiżjoni C (2008) 926 finali dwar proċedura ta' applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tat-Trattat ŻEE (Każ COMP/38.543 - Servizzi ta' Ġarr Internazzjonali) sa fejn din tikkunsidra lil Verhuizingen Coppens NV kienet responsabbli għall-ftehim fuq il-kummissjonijiet.

tiffissa l-ammont tal-multa hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha xierqa;

tikkundanna lil Verhuizingen Coppens NV għall-ispejjeż ta' dan l-appell u għal parti tal-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha xierqa.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kisret il-liġi, b'mod partikolari l-Artikoli 263 u 264 TFUE u l-prinċipju ta' proporzjonalità, billi annullat kompletament id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta' Coppens għal ksur wieħed kontinwu, li fil-perijodu ta' referenza kien jikkonsisti fi ftehim dwar kummissjonijiet u ftehim dwar kwotazzjonijiet foloz, billi ma ntweriex li Coppens kienet taf bil-ftehim dwar il-kummissjonijiet jew li kellha tkun taf dwaru. Kif ukoll fl-interess ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta' żamma effettiva tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali setgħat tannulla biss id-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkunsidra li Coppens kienet responsabbli għall-ftehim dwar il-kummissjonijiet. Skont l-appellanti, annullament totali jfisser li l-parteċipazzjoni ta' Coppens fil-ftehim dwar kwotazzjonijiet foloz tibqa ma tiġix issanzjonata, sakemm il-Kummissjoni ma tadottax deċiżjoni ġdida dwar dik il-parti tal-ksur oriġinali. Madankollu, dan jista' jwassal għal dupplikazzjoni mhux mixtieqa ta' proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji u anki, possibbilment, ikkunsidra ksur tal-prinċipju ta' ne bis in idem.

____________