Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fl-4 ta’ Awwissu 2017 – Pelham GmbH, Moses Pelham, Martin Haas vs Ralf Hütter, Florian Schneider-Esleben

(Kawża C-476/17)

Lingwa tal-kawża: il‒Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pelham GmbH, Moses Pelham, Martin Haas

Konvenuti: Ralf Hütter, Florian Schneider-Esleben

Domandi preliminari

Ikun hemm ksur tad-dritt esklużiv tal-produttur ta’ fonogrammi skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29/KE 1 li jirriproduċi l-fonogramma tiegħu jekk jiġu estratti frazzjonijiet żgħar ta’ ħoss mill-fonogramma tiegħu sabiex jiġu ttrasferiti lejn fonogramma oħra?

Fonogramma li tinkludi frazzjonijiet żgħar ta’ ħoss ittrasferiti minn fonogramma oħra hija kopja ta’ fonogramma oħra fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115/KE 2 ?

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu dispożizzjoni li, bħall-Artikolu 24(1) tal-UrhG [Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte (liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati)], tillimita l-portata tal-protezzjoni tad-dritt esklużiv tal-prodottur tal-fonogramma għar-riproduzzjoni [Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29/KE] u għad-distribuzzjoni [Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE] tal-fonogramma tiegħu b’mod li xogħol distint maħluq bl-użu liberu tal-fonogramma tiegħu jista’ jintuża mingħajr il-kunsens tiegħu?

Xogħol jew suġġett ieħor protett, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29/KE, jintuża għall-finijiet ta’ kwotazzjoni jekk ma jkun hemm xejn li jindika li qiegħed jintuża xogħol jew suġġett ieħor protett ta’ persuna oħra?

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ riproduzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ produttur ta’ fonogramma [Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29/KE u Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115/KE] u l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet ta’ dawn id-drittijiet [Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29/KE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/115/KE] jipprovdu marġni ta’ diskrezzjoni għat-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali?

B’liema mod id-drittijiet fundamentali previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi ddeterminata l-portata tal-protezzjoni tad-dritt esklużiv tal-produttur ta’ fonogrammi għar-riproduzzjoni [Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/29/KE] u għad-distribuzzjoni [Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2006/115/KE] tal-fonogramma tiegħu u l-portata tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet ta’ dawn id-drittijiet [Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29/KE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/115/KE]?

____________

1 Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p.230)

2 Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, p. 28)