Language of document : ECLI:EU:C:2012:722

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fil-15 ta’ Novembru 2012 (1)

Kawża C‑561/11

Fédération Cynologique Internationale

vs

Federación Canina Internacional de Perros de Pura Raza

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n. 1 de Alicante y n. 1 de Marca Comunitaria (Spanja)]

“Trade mark Komunitarja – Vjolazzjoni – Kunċett ta’ ‘terzi’”





1.        B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari l-Juzgado de lo Mercantil n. 1 de Alicante qed tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”).

2.        Il-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mitluba biex tirriżolvi tikkonċerna t-tifsira tal-kunċett ta’ “terzi” li kontrihom il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, jibda proċedimenti ta’ vjolazzjoni. Jeħtieġ li, b’mod partikolari, jiġi ċċarat jekk dan il-kunċett, previst fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, jinkludix ukoll il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata sussegwentement u jekk, f’dan il-każ, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, biex jibda proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja preċedenti, għandux jitlob minn qabel lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) li jiddikjara li t-trade mark Komunitarja sussegwenti hija invalida.

3.        Jeħtieġ li jiġi rrilevat mill-bidu li l-problema sottostanti għall-kwistjoni li tqajmet fil-kawża preżenti, li kif wieħed jista’ jara aħjar iktar ’il quddiem hija s-suġġett ta’ dibattitu ħaj fi Spanja għal dik li hija duttrina u ġurisprudenza, ma hijiex għal kollox ġdida. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet dwar talba għal deċiżjoni preliminari, li kienet tressqet mill-istess qorti tar-rinviju tal-kawża preżenti, rigward kwistjoni għal kollox analoga dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji (3). Fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (4) diġà urejt li, fid-dawl ta’ differenzi importanti bejn il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni ta’ disinni Komunitarji u ta’ trade marks Komunitarji, il-kunsiderazzjonijiet li għamilt fir-rigward ta’ settur ma jistgħux jiġu applikati awtomatikament għal settur ieħor. Fl-analiżi tal-kwistjoni li tqajmet mill-qorti tar-rinviju fil-kawża preżenti nqis li jkun utli li jingħata qies tal-approċċ li kien adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Celaya mingħajr ma jiġu ttraskurati d-differenzi proċedurali eżistenti importanti bejn is-settur tat-trade marks u dak tad-disinni.

I –    Il-kuntest ġuridiku

4.        Skont il-premessa 7 tar-Regolament Nru 207/2009, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tista’ tiġi miċħuda b’mod partikolari meta tmur kontra drittijiet preċedenti. Skont il-premessa 8, il-protezzjoni mogħtija minn trade mark Komunitarja li l-funzjoni tagħha hija partikolarment li tiggarantixxi t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, għandha tkun assoluta f’każ ta’ identiċità bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi, u din il-protezzjoni għandha tapplika wkoll f’każijiet ta’ xebħ bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi. Barra minn hekk, skont din il-premessa, il-kunċett ta’ xebħ għandu jingħata interpretazzjoni marbuta mal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

5.        L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jindika liema huma d-drittijiet mogħtija mit-trade mark Komunitarja lill-proprjetarju tagħha:

“It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

(a)      kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

(b)      kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-problabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

(ċ)      kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din tal-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja.”

6.        L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa intitolat “Limitazzjoni bħala konsegwenza ta’ kunsens”, jistipula li meta l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jkun ta l-kunsens tiegħu, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, li jsir użu minn trade mark Komunitarja sussegwenti fil-Komunità waqt li huwa jkun jaf b’dan l-użu, huwa ma jibqax intitolat, fuq il-bażi tat-trade mark preċedenti, li japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark sussegwenti hija invalida jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun intużat it-trade mark sussegwenti.

II – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7.        Il-Fédération Cynologique Internationale, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“FCI”), assoċjazzjoni internazzjonali maħluqa fl-1911 biex tippromwovi l-imħabba għall-klieb, hija proprjetarja ta’ trade mark Komunitarja mħallta Nru 4438751, li għaliha saret l-applikazzjoni fit-28 ta’ Ġunju 2005 u li ġiet irreġistrata fil-5 ta’ Lulju 2006 għal uħud mis-servizzi inklużi fil-klassijiet 35, 41, 42 u 44 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. Din it-trade mark qiegħda tiġi riprodotta hawnhekk bħala informazzjoni:

Image not found

8.        Il-Federación Canina Internacional de Perros de Pura Raza, il-konvenuta fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“FCIPPR”), assoċjazzjoni privata ffurmata fl-2004, hija proprjetarja ta’ tliet trade marks nazzjonali Spanjoli rreġistrati għal ċerti prodotti u servizi inklużi fil-klassi 16:

–        it-trade mark verbali Nru 2614806, “FEDERACIÓN CANINA INTERNACIONAL DE PERROS DE PURA RAZA – F.C.I.”, li għaliha saret l-applikazzjoni fit-23 ta’ Settembru 2004 u rreġistrata fl-20 ta’ Ġunju 2005;

–        it-trade mark imħallata Nru 2786697, “FEDERACIÓN CANINA INTERNACIONAL DE PERROS DE PURA RAZA”, li għaliha saret l-applikazzjoni fid-9 ta’ Awwissu 2007 u rreġistrata fit-12 ta’ Marzu 2008;

–        it-trade mark imħallta Nru 2818217, “FEDERACIÓN CINOLOGICA INTERNACIONAL + FCI”, li għaliha saret l-applikazzjoni fil-11 ta’ Frar 2008 u rreġistrata fis-26 ta’ Awwissu 2008.

9.        Fit-12 ta’ Frar 2009, il-FCIPPR talbet lill-UASI biex issir ir-reġistrazzjoni tas-sinjal riprodott hawn isfel bħal trade mark Komunitarja għal ċerti prodotti inklużi fil-klassi 16:

Image not found

10.      Fil-5 ta’ Frar 2010, il-FCI opponiet għar-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal bħala trade mark Komunitarja. Madankollu, minħabba irregolarità formali kkawżata bin-nuqqas ta’ ħlas tat-tariffa għall-oppożizzjoni, l-oppożizzjoni ġiet miċħuda u għalhekk, fit-3 ta’ Settembru 2010, is-sinjal riprodott fil-paragrafu preċedenti ġie irreġistrat bħala trade mark Komunitarja bin-Nru 7597529.

11.      Fit-18 ta’ Ġunju 2010, il-FCI fetħet quddiem il-qorti tar-rinviju proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade marks nazzjonali msemmija fil-punt 8 minħabba l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark Komunitarja Nru 4438751, riprodotta fil-punt 7, u proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ din it-trade mark. Fl-ambitu ta’ din il-proċedura, il-FCIPPR ikkontestat l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks nazzjonali tagħha u t-trade mark Komunitarja Nru 4438751 u għamlet kontrotalba, intiża sabiex tikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja, fejn sostniet li din ġiet irreġistrata f’mala fide u li setgħet toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark nazzjonali tiegħu preċedenti Nru 2614806.

12.      Sussegwentement, fit-18 ta’ Novembru 2010, il-FCI għamlet talba lill-UASI biex tiġi dikjarata invalida t-trade mark Komunitarja Nru 7597529 irreġistrata mill-FCIPPR. Madankollu, fl-20 ta’ Settembru 2011, l-UASI ddeċieda, fuq talba tal-FCIPPR u minħabba l-proċeduri pendenti li taw lok għal din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, li jissospendi l-proċedimenti quddiemu.

13.      Il-qorti tar-rinviju ssostni li, fil-proċeduri li hemm pendenti quddiemha, jeħtieġ li jiġi kkjarifikat jekk id-dritt esklużiv li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħti lill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, jistax jiġi invokat kontra terz, inkluż t-terz li huwa l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata suċċessivament, f’dan il-każ il-FCIPPR, sakemm din l-aħħar trade mark ma tkunx ġiet iddikjarata invalida.

14.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha, u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“F’kawża dwar il-ksur tad-dritt esklużiv mogħti minn trade mark Komunitarja, id-dritt li jiġi pprojbit l-użu ta’ din it-trade mark minn terzi fil-kummerċ, li huwa stabbilit fl-Artikolu 9(1) [tar-Regolament Nru 207/2009], huwa estiż għat-terzi kollha li jużaw sinjal li jimplika probabbiltà ta’ konfużjoni (minħabba xebh mat-trade mark Komunitarja u minħabba l-fatt li l-prodotti jew is-servizzi jixxiebhu) jew, kuntrarjament, jeskludi lit-terzi milli jużaw dan is-sinjal, li jista’ jwassal għal konfużjoni, li kien irreġistrat f’isem din it-terza persuna bħala trade mark Komunitarja sakemm din ir-reġistrazzjoni sussegwenti tiġi ddikjarata invalida?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Novembru 2011. Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub il-FCI, il-FCIPPR, il-Gvern Elleniku u tal-Italja u l-Kummissjoni. Waqt is-seduta li saret fit-3 ta’ Ottubru 2012, intervenew il-FCI, il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni.

IV – Analiżi legali

A –    Dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

16.      Qabelxejn, jeħtieġ li jiġu analizzati l-argumenti li saru mill-FCI fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub fejn ġiet eċċepita l-inammissibiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-FCI ssostni, qabel xejn, li d-domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju ma hijiex neċessarja biex tiġi riżolta l-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-proċedimenti ta’ vjolazzjoni u l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija mill-FCI f’din il-kawża huma mmirati unikament kontra trade marks nazzjonali li l-proprjetarja tagħhom hija l-FCIPPR u mhux kontra t-trade mark Komunitarja sussegwenti Nru 7597529, li r-reġistrazzjoni tagħha saret wara li ġie ppreżentat ir-rikors fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, din il-kwistjoni ġiet imqajma ex officio mill-qorti tar-rinviju mingħajr ma l-partijiet kellhom l-opportunità li jesprimu ruħhom kif suppost fuqha.

17.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rilevanza tad-domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li abbażi tagħha d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ dritt u ta’ fatt li dik il-qorti hija responsabbli li tiddefinixxi, u li l-eżatezza tiegħu ma hijiex kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss, jekk ikun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod effettiv għad-domandi li jsirulha (5).

18.      Fil-kawża preżenti ma jeżisti ebda element li jippermetti li wieħed isosnti li l-qorti nazzjonali fformulat domanda ipotetika jew li ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li fil-kawża prinċipali l-FCI, minn naħa, irrappurtat l-użu illeġittimu tat-trade mark Komunitarja sussegwenti f’dokumenti ppreżentati wara r-reġistrazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, talbet il-waqfien tal-użu ta’ kull sinjal li jista’ joħloq konfużjoni mat-trade mark Komunitarja preċedenti, talba li għalhekk tinkludi t-trade mark Komunitarja sussegwenti.

19.      Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċirkustaza li l-qorti tar-rinviju qajmet ex officio id-domanda preliminari, huwa biżżejjed li jitfakkar li minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta, li l-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jqajmux quddiem il-qorti tar-rinviju kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, ma jipprekludix li jsir rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju. Għalkemm l-Artikolu 267 TFUE jipprovdi għal rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja meta “l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”, it-tieni u tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE ma għandhomx l-għan li jillimitaw dan ir-rinviju għal dawk il-każijiet biss fejn parti jew oħra fil-kawża prinċipali tkun ħadet l-inizjattiva biex tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità tad-dritt tal-Unjoni, imma jagħmlu riferiment anki għal każijiet fejn kwistjoni ta’ din ix-xorta titqajjem mill-istess qorti tar-rinviju, li ssostni li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dak il-punt “hija meħtieġa biex tagħti s-sentenza tagħha” (6).

20.      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li d-domanda preliminari għandha tkun, fil-fehma tiegħi, ikkunsidrata ammissibbli.

B –    Dwar id-domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet preliminari

21.      Kif diġà semmejt iktar ’il fuq, u kif diġà urejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Celaya (7), il-kwistjoni li tqajmet mill-qorti tar-rinviju rigward id-definizzjoni tal-persuna (it-“terz”) li kontriha l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jibda proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark u dik konnessa li tikkonċerna l-eżistenza eventwali ta’ relazzjoni ta’ preġudizzju bejn il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-proċedimenti ta’ vjolazzjoni f’każ ta’ kunflitt bejn proprjetarji ta’ trade marks irreġistrati huma attwalment is-suġġett ta’ dibattitu ħaj fi ħdan id-duttrina u l-ġurisprudenza fi Spajna, għalkemm jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li kwistjonijiet ta’ din ix-xorta ma humiex rari affattu fix-xena legali Ewropea (8).

22.      Kif ġie indikat mill-Juzgado de lo Mercantil n. 1 de Alicante fid-digriet tar-rinviju tagħha, teżisti fil-fatt fi Spanja tendenza fil-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo li, fil-qasam tat-trade marks, skont duttrina msejjħa tal-“inmunidad registral”, tqis l-eżistenza tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala li tikkostitwixxi protezzjoni fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni, u għalhekk tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ tali azzjoni għall-kisba tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark, anki jekk din tkun ġiet irreġistrata wara t-trade mark li fuqha jkunu bbażati l-proċedimenti ta’ vjolazzjoni. Essenzjalment, skont din it-teżi, ma jkunx jeżisti att illeġittimu sakemm il-persuna li allegatament wettqet il-vjolazzjoni tuża trade mark irreġistrata tagħha b’tali mod li huwa possibbli li wieħed jibda proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark biss wara li jkun kiseb dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark irreġistrata suċċessivament.

23.      Fis-sentenza Celaya ċċitata iktar ’il fuq (9), il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ġiet imsejħa biex tiddeċiedi dwar kwistjoni simili għal dik li tqajmet fil-kawża preżenti, f’dak il-każ fis-settur tad-disinni Komunitarji, għażlet li għal dak is-settur tieħu approċċ differenti minn dak fir-rigward tal-kunċett tal-“inmunidad registral” u ddikjarat li d-dritt li terzi jiġu pprojbiti milli jużaw disinn Komunitarju, mogħti mir-Regolament Nru 6/2002 (10), jestendi għal kull terz li juża disinn li ma jkunx differenti, inkluż it-terz li huwa l-proprjetarju ta’ disinn Komunitarju rreġistrat sussegwentement. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat li ċ-ċirkustanza fejn disinn irreġistrat ma jagħtix lill-proprjetarju tiegħu “immunità” minn proċedimenti ta’ vjolazzjoni sad-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-dritt tiegħu, u għalhekk fis-sustanza, innegat l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ preġudizzju bejn il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-proċedimenti ta’ vjolazzjoni f’każ ta’ konflitt bejn disinni rreġistrati.

24.      Diġà urejt kif fis-settur tad-disinni u f’dak tat-trade marks jeżistu differenzi importanti li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-modalitajiet u l-proċeduri għar-reġistrazzjoni tad-dritt korrispondenti ta’ proprjetà intellettwali, kif ukoll li dawn id-differenzi jipprekludu milli jiġu applikati b’mod awtomatiku l-kunsiderazzjonijiet u l-approċċi fil-ġurisprudenza li jikkonċernaw settur wieħed għas-settur l-ieħor (11). Jeħtieġ għalhekk, fil-fehma tiegħi, li wieħed jitlaq mid-differenzi proċedurali eżistenti fiż-żewġ setturi biex, imbagħad, jiġi evalwat jekk dawn jiġġustifikawx effettivament l-adozzjoni ta’ approċċ differenti fis-settur tat-trade marks minn dak adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja għas-settur tal-disinni.

2.      Dwar id-differenzi li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni tad-disinni u tat-trade marks

25.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Celaya li ċċitajt iktar ’il fuq osservajt kif id-differenza fundamentali dwar il-modalità ta’ reġistrazzjoni tad-disinn, minn naħa, u tat-trade marks, min-naħa l-oħra, tikkonsisti fil-fatt li, għal dawn tal-aħħar − u mhux għad-disinni – il-leġiżlazzjoni rilevanti tipprovdi għal proċedura ta’ reġistrazzjoni sostanzjalment iktar kumplessa li tinkludi eżami preliminari minn naħa tal-UASI, li jista’ jitqies “ta’ sustanza”, fejn it-terzi jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet jew anki jagħmlu l-oppożizzjoni tagħhom għar-reġistrazzjoni tat-trade mark.

26.      B’mod iktar speċifiku, ir-reġistrazzjoni ta’ disinn issir b’mod kważi awtomatiku permezz ta’ proċedura simplifikata, li jinvolvi biss kontroll formali tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni minn naħa tal-UASI (12). Ir-Regolament Nru 6/2002 ma jipprovdix għal eżami fil-fond qabel ir-reġistrazzjoni intiż biex jistabbilixxi l-eżistenza tar-rekwiżiti għall-protezzjoni (13), u lanqas għal xi forma ta’ intervent jew oppożizzjoni possibbli minn naħa ta’ terzi matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni. Tali proċedura semplifikata għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju għandha l-għan li tnaqqas għall-minimu il-formalitajiet u l-obbligi proċedurali u amministrattivi l-oħra, kif ukoll l-ispejjeż għal dawk li jagħmlu t-talba, u b’hekk ir-reġistrazzjoni issir aċċessibbli b’mod iktar faċli għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju u għal disinjaturi individwali (14).

27.      Min-naħa l-oħra, fis-settur tat-trade marks, ir-Regolament Nru 207/2009 jistipula forma ta’ kontroll “ex ante”, qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, fejn l-UASI jagħmel analiżi tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li ma jkunx limitat għal sempliċi kontroll formali, imma jidħol fil-mertu ta’ tali talba fejn tiġi eżaminata l-eżistenza eventwali ta’ raġunijiet assoluti jew relattivi għar-rifjut tar-reġistrazzjoni (15). Matul din il-proċedura, minn naħa, it-terzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-possibbiltà, wara l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, li jindirizzaw lill-UASI osservazzjonijiet bil-miktub fejn jispeċifikaw ir-raġunijiet għalfejn it-trade mark għandha tkun eskluża ex officio mir-reġistrazzjoni, b’mod partikolari minħabba l-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti għar-rifjut tar-reġistrazzjoni (16). Min-naħa l-oħra, il-proprjetarji ta’ drittijiet preċedenti għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-fakultà li jagħmlu oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni abbażi tal-eżistenza ta’ raġunijiet relattivi għar-rifjut tar-reġistrazzjoni (17).

28.      Fis-settur tat-trade marks, il-pożizzjoni tat-terzi u, b’mod partikolari, tal-proprjetarji ta’ drittijiet preċedenti hija għalhekk iktar protetta u dan sa mill-istadju inizjali tal-proċedura. Fil-fatt, is-sistema tagħti lil dawn is-suġġetti fakultà proċedurali li dawn ma għandhomx fir-rigward tad-disinni. B’mod iktar speċifiku, ir-Regolament Nru 207/2009 jagħti lill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti l-possibbiltà li jopponi minn qabel għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark sussegwenti li huwa jqis li hija ta’ ħsara għat-trade mark irreġistrata tiegħu, possibbiltà li min-naħa l-oħra ma tingħatax lill-proprjetarju ta’ disinn minħabba raġunijiet ta’ ħeffa msemmija fil-punt 26.

29.      Id-differenzi li għadni kif semmejt fir-rigward tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni jimplikaw li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark, li sseħħ wara proċess kumpless, għandha tiġi kkunsidrata b’iktar “qies” meta mqabbla ma’ dik tad-disinni (18). L-istabbiliment ta’ sistema ex ante bħal dik prevista fir-Regolament Nru 207/2009 twassal għalhekk biex ikun tabilħaqq żgħir ir-riskju ta’ reġistrazzjonijiet abbużivi ta’ trade marks, jew madankollu ta’ reġistrazzjonijiet li jkunu ta’ ħsara għal drittijiet preċedenti, meta mqabbel mar-riskju eżistenti fis-settur tad-disinni (19). Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark Komunitarja wara proċedura bħal din tagħti għalhekk grad ikbar ta’ ċertezza legali lill-proprjetarju dwar il-fatt li t-trade mark Komunitarja tiegħu ma tiksirx drittijiet preċedenti.

30.      Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jfissrux li fis-settur tat-trade marks huwa għal kollox eskluż ir-riskju ta’ reġistrazzjonijiet li jkunu ta’ ħsara għal drittijiet preċedenti u li ma jistgħux iseħħu anki f’dan is-settur sitwazzjonijiet fejn tiġi rreġistrata trade mark Komunitarja minkejja li din tista’ taffettwa d-dritt esklużiv mogħti lill-proprjetarju ta’ trade mark oħra rreġistrata preċedentement. Sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip jistgħu iseħħu, pereżempju, fil-każ fejn il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma jkunx oppona għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti, jew, bħal fil-każ li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, fejn l-oppożizzjoni ma tkunx irnexxiet għal raġunijiet indipendenti mill-analiżi fis-sustanza, bħal, per eżempju, raġunijiet ta’ natura proċedurali (20).

31.      Għalhekk, minkejja li huwa inqas probabbli, anki fis-settur tat-trade marks jistgħu jeżistu każijiet fejn, simili għal dak li jista’ jseħħ fis-settur tad-disinni, tiġi rreġistrata trade mark Komunitarja li tista’ tippreġudika l-indikazzjoni tal-oriġini ta’ trade mark irreġistrata preċedentement. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li fis-settur tat-trade marks, simili wara kollox għal dak li hemm stipulat għas-settur tad-disinni, ir-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi forom ta’ protezzjoni li nistgħu niddefenixxu bħala “ex post”, ċjoè l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-proċedimenti ta’ vjolazzjoni, li għandhom l-għan rispettivament li jikkanċellaw mis-sistema, trade marks li ma kellhomx jiġu rreġistrati jew li jwaqqfu l-effetti ta’ trade marks li jippreġudikaw trade marks preċedenti. Jiena niddefinixxi dawn il-forom ta’ protezzjoni bħala “ex post” peress li, fil-każ ta’ kunflitt bejn trade marks irreġistrati, dawn huma disponibbli għall-proprjetarju tat-trade mark preċedenti wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti ffalsifikata jew li tagħmel il-ħsara, bil-għan li jipproteġi t-trade mark tiegħu, u dan indipendentement minn jekk saritx jew le oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti li hija s-suġġett tal-kawża jew mir-riżultat eventwali ta’ tali oppożizzjoni.

32.      Fir-realtà, naħseb li l-qofol tal-problema li tqajmet fil-kawża preżenti jinsab preċiżament hawn: il-fatt li fis-settur tat-trade marks teżisti xi forma ta’ protezzjoni “ex ante” – li tikkonsisti fil-possibbiltà għall-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li jagħmel oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark − li tissieħeb mal-forom ta’ protezzjoni “ex post”, komuni kemm fis-settur tad-disinni kif ukoll f’dak tat-trade marks, huwa ta’ natura tali li jiġġustifika approċċ differenti minn dak li kien adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Celaya ċċitata iktar ’il fuq, billi jiġi eskluż mill-kunċett ta’ terzi msemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 il-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata regolarment sakemm tali trade mark ma tkunx ġiet iddikjarata invalida? Kif sejjer nispjega iktar ’l isfel, ir-risposta għal din id-domanda hija, fil-fehma tiegħi, fin-negattiv.

3.      Dwar id-domanda preliminari

33.      Permezz tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-kunċett ta’ “terzi” imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, u biex tiċċara jekk bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata jistax jibda direttament proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark kontra l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata sussegwentement jew jekk, għall-kuntrarju, jistax jagħmel dan biss wara li jkun kiseb dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja sussegwenti.

34.      Il-qorti tar-rinviju, fid-digriet tagħha, tenfasizza kif raġunijiet ta’ natura letterali, sistematika, loġika u funzjonali jimmilitaw favur interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni konformi ma’ dik segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-disinni fis-sentenza Celaya ċċitata iktar ’il fuq, skont liema l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata jista’ jipprojbixxi lil kwalunkwe terz milli jagħmel użu minn kwalunkwe trade mark inkluża fil-kategoriji indikati fis-subparagrafi (a), (b) u (ċ) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, indipendentement miċ-ċirkustanza li tali trade mark ġiet irreġistrata sussegwentement bħala trade mark Komunitarja. Qablu ma dan l-approċċ l-FCI u l-Kummissjoni, kif ukoll il-Gvern Elleniku u tal-Italja.

35.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jista’ jiġi interpretat ukoll, konformi mal-approċċ segwit mill-ġurisprudenza Spanjola fl-applikazzjoni tal-imsemmija duttrina tal-“inmunidad registral” (21), fis-sens li dan jimpedixxi lill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark irreġistrata sussegwentement sakemm din ma tkunx ġiet iddikjarata invalida. Din it-tieni interpretazzjoni possibbli hija bbażata fuq il-prinċipju “qui iure suo utitur, neminem laedit”, skont liema min jeżerċita dritt tiegħu, fil-każ preżenti id-dritt ta’ użu li jirriżulta mir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja sussegwenti, ma jagħmel ħsara lil ħadd. Il-FCIPPR qablet ma’ din il-pożizzjoni, billi enfasizzat, b’mod partikolari, fuq il-ħtieġa li jiġi protett id-dritt esklużiv mogħti bir-reġistrazzjoni tat-trade mark, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

36.      Madankollu, bħal fil-kawża Celaya, għandna quddiemna sitwazzjoni fejn, tkun liema tkun is-soluzzjoni magħżula, dritt ta’ proprjetà intellettwali, fil-każ preżenti trade mark irreġistrata, jispiċċa ma jagħtix protezzjoni sħiħa u assoluta lill-proprjetarju tiegħu (22).

37.      Fil-fatt, jekk il-kwistjoni tiġi kkunsidrata mill-perspettiva tat-trade mark preċedenti, fil-każ li kellu jiġi kkunsidrat li l-proprjetarju tagħha jista’ jikser id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata sussegwentement, din is-soluzzjoni twassal għal dgħajfien tal-grad ta’ protezzjoni ggarantita lill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti, li jista’ jispiċċa bl-użu tagħha ipprojbit, minkejja li din tkun ġiet irreġistrata b’mod regolari. Bil-maqlub, jekk il-kwistjoni tiġi kkunsidrata mill-perspettiva tat-trade mark sussegwenti, u wieħed kellu jargumenta li d-dikjarazzjoni minn qabel ta’ invalidità ta’ dik it-trade mark tippreġudika l-proċedimenti ta’ vjolazzjoni intiżi għall-protezzjoni tat-trade mark preċedenti, il-protezzjoni ggarantita minnha tiġi mdgħajfa, peress li r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark ma tkunx tiggarantixxi lill-proprjetarju tagħha id-dritt esklużiv li jużaha, mogħti lilu bl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, almenu sakemm it-trade mark sussegwenti, identika jew simili, ma tkunx ġiet iddikjarata invalida.

38.      Fl-ewwel każ, jipprevali l-ius excludendi tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, ċjoè d-dritt li jipprojbixxi lil terzi mingħajr il-kunsens tiegħu l-użu tas-sinjal li jikkostitwixxi tali trade mark, fuq il-ius utendi tal-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti, ċjoè id-dritt tal-użu tas-sinjal li jikkostitwixxi tali trade mark (23). Fit-tieni każ, il-bilanċ bejn iż-żewġ drittijiet ikun eżatt il-kuntrarju. Bħal fil-każ tad-disinni, l-għażla ta’ interpretazzjoni waħda jew oħra ssir għalhekk bejn żewġ drittijiet li, bħala prinċipju, huma ekwivalenti.

39.      Madankollu, fl-għażla dwar liema għandha tipprevali miż-żewġ trade marks li huma f’kunflitt, dik preċedenti jew dik sussegwenti, fil-fehma tiegħi wieħed ma jistax ma jieħux inkunsiderazzjoni l-prinċipju fundamentali li fuqu hija bbażata is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita għal dawk li huma trade marks u li tikkostitwixxi prinċipju fundamentali li huwa rikonoxxut universalment tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali b’mod ġenerali, ossija il-prinċipju ta’ prijorità li bis-saħħa tiegħu id-dritt esklużiv preċedenti, fil-każ preżenti trade mark Komunitarja rreġistrata preċedentement, tipprevali fuq drittijiet maħluqa wara, fil-każ preżenti fuq trade marks Komunitarji rreġistrati sussegwentement (24). Effettivament, kif osservat b’mod korrett il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha, u b’analoġija ma’ dak li kien stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-disinni fis-sentenza Celaya (25), id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 jistgħu jiġu interpretati biss fid-dawl ta’ dan il-prinċipju fundamentali fil-qasam tat-trade marks, li huwa espress fid-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Nru 207/2009 innifsu (26) kif ukoll fid-dispożizzjonijiet ta’ regoli oħra kemm tal-Unjoni (27) kif ukoll internazzjonali (28) fil-qasam tat-trade marks.

40.      Jirriżulta, b’mod partikolari, mir-Regolament Nru 207/2009, minn naħa, li huma biss dawk is-sinjali li jistgħu jiġu riprodotti grafikament li huma adattati biex iwettqu l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, ċjoè dik li tiddistingwi l-prodotti u s-servizzi ta’ impriża minn dik ta’ impriżi oħra, li jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji u jgawdu għalhekk mill-protezzjoni relattiva li tiġi akkwistata permezz tar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-protezzjoni mogħtija bit-trade mark Komunitarja trid tkun assoluta fir-rigward ta’ sinjali identiċi jew simili li jinvolvu probabbiltà ta’ konfużjoni (29). Din il-protezzjoni assoluta mogħtija lit-trade mark hija indipendenti miċ-ċirkustanza li s-sinjali li jimplikaw probabbiltà ta’ konfużjoni jkunux reġistrati jew le bħala trade marks Komunitarji.

41.      Madankollu, fil-każ ta’ kunflitt bejn żewġ trade marks irreġistrati, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prijorità jwassal, fil-fehma tiegħi, minn naħa, biex wieħed jassumi li t-trade mark irreġistrata l-ewwel tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tinkiseb il-protezzjoni Komunitarja qabel dik irreġistrata suċċessivament u, min-naħa l-oħra, li torbot l-ambitu tal-protezzjoni ggarantita għat-trade mark suċċessiva man-nuqqas ta’ drittijiet preċedenti kunfliġġenti magħha. Għalhekk, f’każ ta’ kunflitt bejn trade marks Komunitarji rreġistrati, il-protezzjoni li tagħti t-trade mark Komunitarja sussegwenti tkun iġġustifikata biss jekk il-proprjetarju tagħha jkun f’qagħda li jipprova li t-trade mark Komunitarja preċedenti ma tissodisfax waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-protezzjoni tagħha (30) u li ma hemmx kunflitt bejn it-trade marks (31).

42.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma indipendenti miċ-ċirkustanza li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tipprovdi, kuntrarjament għal dik li tikkonċerna d-disinni, għal terzi li jagħmlu oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark suċċessiva. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 30 u 31, minkejja li d-dispożizzjoni ta’ kontroll “ex ante” ta’ dix-xorta tagħti lill-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata suċċessivament grad ikbar ta’ ċertezza legali u tnaqqas, fir-rigward tas-settur tas-sinjali, ir-riskju li jiġu rreġistrati trade marks bi ħsara għal drittijiet preċedenti, il-fatt li sinjal jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja ma jikkostitwixxix garanzija assoluta li tali sinjal ma huwiex ta’ ħsara għad-dritt esklużiv mogħti lil trade mark irreġistrata preċedentement. Id-differenzi proċedurali eżistenti bejn is-settur tad-disinni u dak tat-trade marks, minkejja li huma rilevanti, għalhekk fil-fehma tiegħi ma humiex tali li jiġġustifikaw interpretazzjoni tar-regola inkwistjoni li ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ prijorità (32).

43.      Barra minn hekk, fil-każ li l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jieħu azzjoni biex jipproteġi d-dritt tiegħu fir-rigward ta’ sinjal li huwa ta’ ħsara għad-drittijiet tiegħu, għalkemm tali sinjal ikun trade mark irreġistrat regolarment, huwa neċessarju li s-sistema ta’ protezzjoni maħluqa bir-Regolament Nru 207/2009 tiggarantilu l-possibbiltà li jikseb il-projbizzjoni tal-użu ta’ dik it-trade mark li hija ta’ ħsara għalih mill-iktar fis possibbli, peress li l-preżenza fis-suq ta’ trade mark ta’ dik ix-xorta x’aktarx taffettwa l-funzjoni essenzjali tat-trade mark preċedenti (33). Jirriżulta b’mod ċar li iktar ma tkun twila l-koeżistenza fis-suq taż-żewġ trade marks kunfliġġenti, iktar ikun gravi l-preġudizzju potenzjali jew reali għat-trade mark preċedenti.

44.      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni diversi drabi tikjarifika li l-protezzjoni assoluta attribwita lil trade mark mid-dritt esklużiv mogħti mir-regolament rilevanti lill-proprjetarju tagħha għandha l-għan proprju li tippermettilu jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju tat-trade mark, ċjoè proprju biex jiġi żgurat li t-trade mark tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha (34). L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/209 ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat ħlief bil-mod indikat minn din il-ġurisprudenza kostanti.

45.      Min-naħa l-oħra, kif ġie osservat b’mod korrett mill-Kummissjoni, jekk il-proċedimenti ta’ vjolazzjoni jkunu suġġetti għal dikjarazzjoni tal-invalidità tat-trade mark sussegwenti, dan ikun ifisser li l-proċedimenti ta’ vjolazzjoni jkunu suġġetta għar-riskju ta’ dewmien eżaġerat peress li, minbarra li wieħed ikollu jistenna d-deċiżjoni tal-UASI f’dan is-sens, li jintervjeni wara li diġà jkunu saru żewġ gradi ta’ kontroll amministrattiv, hemm ir-riskju li l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja preċedenti jkollu jistenna r-riżultat ta’ rikorsi eventwali dwar ġurisdizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u, eventwalment, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (35). Il-koeżistenza fis-suq tat-trade mark preċedenti u tat-trade mark li tista’ tagħmel ħsara tista’ għalhekk iddum diversi snin, b’danni potenzjali serji għall-proprjetarju tat-trade mark preċedenti.

46.      Barra minn hekk, naħseb li l-pożizzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti hija madankollu protetta mill-użu abbużiv tal-proċedimenti ta’ vjolazzjoni minn naħa tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, peress li dan għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-possibbiltà li jiddefendi ruħu quddiem il-qorti tat-trade marks Komunitarji fejn jista’ jasserixxi rifjut eventwali tal-oppożizzjoni fuq il-mertu minn naħa tal-UASI (36), kif ukoll il-possibbiltà li jagħmel kontrotalba dwar dekadenza jew invalidità tat-trade mark preċedenti li fuqha huma bbażati l- proċedimenti ta’ vjolazzjoni (37). Min-naħa l-oħra, kif indikajt fil-punti 40 u 41, il-portata tal-protezzjoni tad-dritt tiegħu huwa marbut mill-bidu man-nuqqas ta’ eżistenza ta’ drittijiet preċedenti li huma kunfliġġenti miegħu.

47.      Fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hija biss interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “terzi” msemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 konformi mal-prinċipju ta’ prijorità u ta’ natura li tinkludi kwalunkwe terz, u konsegwentement anki t-terz li huwa l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti, li hija adatta sabiex tiggarantixxi l-għan tal-protezzjoni assoluta ta’ trade marks Komunitarji rreġistrati li jipprova jilħaq ir-Regolament Nru 207/2009.

48.      Barra minn hekk, minbarra il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeżistu kunsiderazzjonijiet ta’ natura letterali u sistematika, li fil-fehma tiegħi jimmilitaw favur din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 li għadni kif ipproponejt.

49.      Effettivament, minn perspettiva letterarja, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, minkejja li r-Regolament Nru 207/2009 ma jinkludi ebda dispożizzjoni espressa dwar il-possibbiltà għall-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata preċedentement li jibda proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata suċċessivament, it-test tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħti lill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja d-dritt esklużiv li juża dan it-trade mark u li jimpedixxi lil “terzi”, mingħajr ebda distinzjoni ta’ jekk it-terz huwiex jew le proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata sussegwentement, milli jużaw mingħajr il-kunsens tiegħu sinjal li huwa ta’ ħsara għat-trade mark tiegħu (38). Fil-fehma tiegħi, jidher li huwa probabbli li, jekk il-leġiżlatur ried jintroduċi prinċipju ta’ protezzjoni għall-proprjetarji ta’ trade marks rreġistrati sussegwentement, kien jipprovdi għal dan espressament fil-leġiżlazzjoni.

50.      Għal dik li hija interpretazzjoni sistematika jeħtieġ, imbagħad, li jiġi rrilevat li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 ma tipprovdi għall- immunità eventwali favur terz li huwa l-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti prevista fl-Artikolu 9(1) tal-istess regolament (39), minkejja li dan ir-regolament jipprovdi, minflok, għal xi restrizzjonijiet tad-dritt esklużiv mogħti lill-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata (40). L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 207/2009 huwa partikolarment importanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fil-każ biss li jkunu ġew osservati l-kundizzjonijiet speċifikati minn din id-dispożizzjoni (it-tolleranza tal-użu għall-ħames snin konsekuttivi), li l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja preċedenti ma jkunx intitolat li japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark sussegwenti hija invalida jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti. Għall-kuntrarju, wieħed għalhekk jista’ jiddeduċi li, jekk ma jkunux ġew osservati dawn il-kundizzjonijiet, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jista’ jopponi l-użu tat-trade mark Komunitarja rreġistrata sussegwentement.

51.      L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 207/2009 huwa rilevanti ukoll f’dan ir-rigward mill-perspettiva tal-interpretazzjoni sistematika ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt dan jista’ jiġi dedott mid-distinzjoni li ssir f’dan l-artikolu bejn it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark sussegwenti u l-oppożizzjoni għall-użu tagħha, li r-Regolament Nru 207/2009 iqis il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u dawk ta’ vjolazzjoni bħala żewġ azzjonijiet distinti, li ma għandhom l-ebda relazzjoni ta’ preġudizzju bejniethom (41).

52.      Effettivament, bħal fil-każ tad-disinni Komunitarji, anki fis-settur tat-trade marks ir-Regolament Nru 207/2009 jiddistingwi b’mod ċar bejn iż-żewġ tipi ta’ proċedimenti, li għandhom suġġett, effetti u għanijiet differenti. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 207/2009 attribwixxa lill-qrati nazzjonali l-kompetenza esklużiva biex isolvu t-tilwim dwar vjolazzjoni ta’ trade marks. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade marks, ir-Regolament Nru 207/2009 għażel minflok li dawn jiġu ttrattati b’mod ċentralizzat mill-UASI, anki jekk dan il-prinċipju, bħal fil-każ tad-disinni, huwa mtaffi mill-possibbiltà li l-qrati tat-trade marks jeżaminaw il-kontrotalbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja rreġistrata, ippreżentati fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni. L-ebda fattur ma jippermetti li wieħed isostni li l-leġiżlatur kellu f’moħħu li jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ xi proċedimenti għall-eżerċizzju minn qabel jew fl-istess ħin ta’ xi proċedimenti oħra (42).

53.      Barra minn hekk, inqis li l-interpretazzjoni proposta tal-kunċett ta’ “terzi” imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma toħloq ebda problemi partikolari ta’ distribuzzjoni ta’ kompetenzi bejn il-qrati tat-trade marks Komunitarji u tal-UASI. Fil-fatt, jekk huwa veru li, kif semmejt diġà għas-settur tad-disinni (43), teżisti anki fis-settur tat-trade marks l-possibbiltà li l-pożizzjoni legali tat-trade mark sussegwenti tibqa’ indeterminata fil-każ fejn il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti li ħareġ rebbieħ fil-proċedimenti tiegħu ta’ vjolazzjoni kontra l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja sussegwenti ma jibdix proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ tali trade mark, madankollu naħseb li r-raġunijiet li wasluni biex insostni li din l-inċertezza legali tista’ ma tkunx deċiżiva għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “terz” li kontra tiegħu il-proprjetarju ta’ disinn (44) jista’ jibda proċedimenti ta’ vjolazzjoni, huma applikabbli mutatis mutandis għas-settur tat-trade marks (45). Anzi nsostni li interpretazzjoni alternattiva, sa fejn, bħalma ġie rrilevat fil-punti 43 u 45, tqiegħed fil-periklu l-effettività tal-proċedimenti ta’ vjolazzjoni, x’aktarx tippreġudika s-sistema ta’ protezzjoni prevista fir-Regolament Nru 207/2009.

54.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi riżolta, fil-fehma tiegħi, billi jiġi dikjarat li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’tilwima dwar il-vjolazzjoni ta’ dritt esklużiv mogħti minn trade mark Komunitarja, id-dritt li jimpedixxi lil terz milli juża din it-trade mark jestendi għal kwalunkwe terz, inkluż it-terz li huwa l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata sussegwentement.

55.      Bl-iskop li l-qorti tar-rinviju tingħata stampa kemm jista’ jkun kompluta, inqis li huwa xieraq li jiġi ppreċiżat, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha taċċetta l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “terzi” imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 li pproponejt fil-punt preċedenti, li din l-interpretazzjoni għandha neċessarjament testendi għat-terz li huwa l-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata fi Stat Membru u dan indipendentement mill-kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

56.      Interpretazzjoni differenti, apparti li ma tkunx loġika u koerenti ma’ dik li għadni kif tajt, tkun fil-fatt qed tikkomprometti l-effettività tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għaliex tippermetti, permezz ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjal fuq il-livell nazzjonali, li tiġi limitata l-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja preċedenti permezz tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, interpretazzjoni differenti tmur kontra, fil-fehma tiegħi, l-prinċipju tal-karattru unitarju tat-trade mark (46), peress li l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja preċedenti jiġi protett b’modi differenti fi Stati Membri differenti skont jekk id-dritt nazzjonali jagħtihx jew le l-għażla li jibda proċedimenti kontra l-persuna li wettqet il-vjolazzjoni mingħajr ma jistenna għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark nazzjonali sussegwenti li hija ta’ ħsara għad-drittijiet tiegħu.

57.      Fl-istess sens, insostni fl-aħħar nett li jkun xieraq li jiġi osservat li, skont il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni rikonoxxuta ripetutament mill-Qorti tal-Ġustizzja (47), l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “terzi” imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax ma jestendix għall-kunċett korrelatat previst fl-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95, miktuba f’termini ekwivalenti (48).

V –    Konklużjoni

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Mercantil n. 1 de Alicante:

“L-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’tilwima dwar il-vjolazzjoni ta’ dritt esklużiv mogħti minn trade mark Komunitarja, id-dritt li jimpedixxi lil terz milli juża din it-trade mark jestendi għal kwalunkwe terz li jagħmel użu minn sinjal li jinvolvi probabbiltà ta’ konfużjoni, inkluż it-terz li huwa l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata sussegwentement.”


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – ĠU L 78, p. 1.


3 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Celaya Emparanza y Galdos Internacional (C‑488/10), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar domanda preliminari li saret mill-Juzgado de lo Mercantil n. 1 de Alicante dwar l-intepretazzjoni tal-kunċett ta’ “terzi” skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU 5 ta’ Jannar 2002, L 3, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 6/2002”).


4 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑488/10, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, ippreżentati fit-8 ta’ Novembru 2011, partikolarment il-punti 20 sa 23.


5 – Fost id-diversi sentenzi mogħtija f’dan is-sens, ara, iktar riċentement, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, punt 35), u tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et (C‑599/10, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6 – Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia (126/80, Ġabra 1981 p. 1563, punt 7), u tat-8 ta’ Marzu 2012, Huet (C‑251/11, punt 23).


7 – Ara l-punt 3 iktar ’il fuq, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Celaya, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 19.


8 – Huwa interessanti li wieħed jinnota li problema simili bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża preżenti kienet inqalgħet fil-Ġermanja diġà fil-bidu tas-seklu li għadda meta kienet is-suġġett ta’ dibattitu intens fl-ogħla livelli legali ta’ dak iż-żmien. B’mod iktar preċiż, fl-approċċ legali tagħha, ir-Reichsgericht kienet ikkunsidrat li trade mark irreġistrata ma setgħetx titqies li hija illeġittima sakemm dik it-trade mark ma tkunx ġiet kkanċellata mir-reġistru tat-trade marks (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tar-Reichsgericht, tat-13 ta’ Novembru 1906, II 155/06, RGZ 64, p. 273 et seq, b’mod partikolari p. 275). Madankollu, iktar tard l-istess Reichsgericht kienet “irrinnegat” dan l-approċċ f’sentenza tal-1927 fejn din il-qorti kienet qieset li l-illeġittimità oġġettiva tal-użu ta’ trade mark irreġistrata suċċessivament kienet tirriżulta mid-dritt prijoritarju tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti (ara Reichsgericht, sentenza tal-20 ta’ Settembru 1927, II 409/26, RGZ 118, p. 76 et seq, b’mod partikolari p. 78 u 79).


9 – Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


10 – Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


11 – Ara l-punt 3 iktar ’il fuq, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Celaya (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 20 sa 22).


12 – Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ disinni hija rregolata fit-Titolu V (Artikoli 45 sa 50) tar-Regolament Nru 6/2002 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).


13 – Ara wkoll il-premessa 18 tar-Regolament Nru 6/2002 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3). Għandu wkoll jiġi nnutat li l-Artikolu 47 ta’ dan ir-regolament jipprovdi għal analiżi, anki jekk relattivament limitata, ta’ uħud mir-“raġunijiet għar-rifjut tar-reġistrazzjoni”.


14 – Ara l-premessi 18 u 24 tar-Regolament Nru 6/2002 (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).


15 – Ir-raġunijiet assoluti għar-rifjut tar-reġistrazzjoni huma previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 (ara wkoll l-Artikolu 37 tar-Regolament); ir-raġunijiet relattivi għar-rifjut tar-reġistrazzjoni huma previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009 (ara wkoll l-Artikoli 40 sa 42 ta’ dan ir-regolament).


16 – Ara l-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 207/2009.


17 – Skont l-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament Nru 207/2009. F’dan ir-rigward, ara anki d-dispożizzjoni tal-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi għal proċedura ta’ riċerka tat-trade marks preċedenti li potenzjalment jistgħu jkunu kunfliġġenti mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.


18 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi rigward il-kawża Celaya (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 23.


19 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi rigward il-kawża Celaya (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 23. L-istabbiliment ta’ sistema bħal din iwassal, għalhekk, biex għas-settur tat-trade marks ma humiex applikabbli l-kunsiderazzjonijiet li saru fil-konklużjonijiet tiegħi rigward il-possibbiltà teoretika li persuna li wettqet vjolazzjoni f’mala fede, f’każ ta’ rikonoxximent tan-natura preliminari tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tal-proċedimenti ta’ vjolazzjoni, li tagħmel użu minn tattiċi ta’ dewmien permezz tat-tennija tar-reġistrazzjoni ta’ disinn kemmxejn differenti, teoretikament anki wara d-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-disinn sussegwenti kkontestat, bl-iskop li tibqa’ tikkummerċjalizza prodott sostanzjalment identiku, li jwassal sabiex imdgħajfa b’mod serju s-sistema u l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-disinni (ara l-punti 31 sa 33 tal-konklużjonijiet tiegħi rigward il-kawża Celaya). Fil-fatt ma jistgħux jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip fis-settur tat-trade marks, peress li, f’każijiet bħal dawn, il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja preċedenti għandu dejjem għad-dispożizzjoni tiegħu l-possibbiltà li jwaqqaf minn qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti f’mala fede billi jopponi għar-reġistrazzjoni tagħha skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009.


20 – Iċ-ċirkustanza li sitwazzjonijiet simili jistgħu jseħħu tirriżulta wara kollox mill-qari tal-Artikoli 53(1) u 57(5) tar-Regolament Nru 207/2009.


21 – Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.


22 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi rigward il-kawża Celaya (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 30.


23 – Ir-Regolament Nru 207/2009, fl-Artikolu 9(1) tiegħu, bħall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25), kuntrarjament għal ċerti drittijiet nazzjonali, bħal dak Spanjol, u kuntrarjament għar-Regolament Nru 6/2002, jillimita ruħu biex jistipula li t-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju tagħhu “dritt esklussiv” u jispeċifika biss li dan id-dritt esklużiv jikkonsisti fil-fakultà li jipprojbixxi lil terzi milli jużaw fil-kummerċ is-sinjali msemmija fis-subparagrafi (a), (b) u (ċ) tiegħu. Madankollu, d-duttrina legali turi li dan id-“dritt esklussiv” jinkludi mhux biss il-fakultà negattiva msemmija fir-regolament – il-ius excludendi – li jikkonsisti fid-dritt li timpedixxi lil terzi milli jużaw sinjal identiku jew simili, imma anki fakultajiet pożittivi, ċjoè id-dritt li tuża dan is-sinjal, appuntu il-ius utendi, li jista’ jiġi eżerċitat eventwalment billi t-trademark tingħata b’liċenzja. L-eżistenza ta’ dan id-dritt ta’ natura pożittiva wara kollox huwa inerenti fil-proprjetà tat-trade mark. Effettivament, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu rigward il-kawża deċiża bis-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2002, Hölterhoff (Kawża C‑2/00, Ġabra I‑4187) ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2001, operatur jirreġistra trade mark qabel xejn mhux biex jipprevjeni l-użu minn terzi, imma biex jużaha huwa stess. Barra minn hekk, id-dritt tal-użu huwa element ċentrali u essenzjali tad-dritt tal-proprjetà, inkluż id-dritt ta’ proprjetà intellettwali.


24 – Bħala prinċipju, il-prijorità ta’ trade mark tiġi ddeterminata mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark (f’dan ir-rigward, ara l-Artikoli 8(2) u 27 tar-Regolament Nru 207/2009). Wieħed jista’ jsib definizzjonijiet iktar speċifiċi tal-prinċipju ta’ prijorità anki fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak dwar il-kawża deċiża bis-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, Ġabra p. I‑8701), kif ukoll fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen dwar il-kawża deċiża bis-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Génesis (C‑190/10).


25 – Ara l-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).


26 – Ara, pereżempju, il-premessa 7 kif ukoll l-Artikolu 8, it-Taqsimiet 2, 3 u 4 tat-Titolu III (Artikoli 29 sa 35) u l-Artikoli 41, 42, 53 u 54 tar-Regolament.


27 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 4(1), (2), (3) u (4), l-Artikoli 5, 6(2), 9, 11(4) u 14 tad-Direttiva 2008/95/KE iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.


28 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 4(A), (A.1) u (B) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali (Konvenzjoni li ġiet iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, li ġiet riveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tal-Ġnus Maqgħuda, Vol. 828, n. 11851, p. 305). Il-verżjoni Franċiża ta’ din il-Konvenzjoni hija disponibbli fuq is-sit segwenti: www.wipo.int/treaties/fr/ip/paris/trtdocs_wo020.html.


29 –      Ara l-premessa 7 u 8 kif ukoll l-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Nru 207/2009.


30 – Dan huwa li jista’ jagħmel il-proprjetarju ta’ trade mark suċċessiva b’talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ippreżentata quddiem l-UASI jew eventwalment b’kontrotalba quddiem il-qorti tat-trade marks fejn ġie mħarrek dwar vjolazzjoni.


31 – Dan huwa li jista’ jagħmel il-proprjetarju ta’ trade mark suċċessiva quddiem il-qorti tat-trade marks li quddiemha ġie mħarrek dwar vjolazzjoni.


32 – Ċertament, ikun possibbli eventwalment li wieħed joġġezzjona li, kemm in-nuqqas ta’ oppożizzjoni u kemm ir-rifjut tal-oppożizzjoni minħabba problemi ta’ natura proċedurali proprju bħal dawk tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju (in-nuqqas ta’ ħlas tat-tariffa għall-oppożizzjoni) huma dovuti minħabba xi tip ta’ “negliġenza” tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti li ma jkunx eżerċita, jew ikun eżerċita ħażin, il-fakultà li jagħmel oppożizzjoni mogħtija lilu bir-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk, b’mod differenti minn dak li jseħħ fis-settur tad-disinni, fis-settur tat-trade marks il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jista’ jkun ikkunsidrat għall-inqas parzjalment responsabbli għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti li tkun saret u għalhekk għas-sitwazzjoni legali li tkun ġiet maħluqa. Din ir-responsabbiltà tista’ għalhekk tiġi “sanzjonata” bl-obbligu li dan jistenna d-dikjarazzjoni tal-invalidità tat-trade mark sussegwenti qabel ma jagħmel talba dwar vjolazzjoni sabiex jipproteġi t-trade mark preċedenti. Għal din l-oġġezzjoni possibbli nwieġeb madankollu, fl-ewwel lok, li dan ma jfissirx li n-nuqqas li tiġi mressqa oppożizzjoni tkun dovuta neċessarjament minħabba n-negliġenza tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Jista’ jkun hemm, pereżempju, każijiet fejn il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks ssir evidenti biss wara l-użu b’mod konkret tat-trade mark sussegwenti u għalhekk fil-mument biss li ż-żewġ trade marks kunfliġġenti jikkoeżistu fis-suq. Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, insostni li n-nuqqas ta’ eżerċizzju jew l-eżerċizzju żbaljat tal-fakultà li ssir oppożizzjoni ma jkunx tali li jqiegħed fid-dubju l-applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali fil-qasam tat-trade marks bħal dak tal-prijorità skont liema dritt preċedenti jipprevali fuq dak sussegwenti.


33 – Ċjoè, kif indikat iktar ’il fuq fil-punt 40, dik li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz koperti mit-trade mark, li tippermettilu jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dak il-prodott jew servizz minn dawk ta’ oriġini differenti. F’dan ir-rigward, fil-ġurisprudenza abbundanti f’dan is-sens, ara l-aħħar sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Strigl u Securvita, Kawżi maqgħuda C‑90/11 u C‑91/11, punt 30.


34 – Ara b’analoġija, rigward l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1, li ġiet imħassra u sostitwita bid-Direttiva 2008/95/KE iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23), is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal (Kawża C‑487/07, Ġabra p. I‑5185, punt 58), u tad-19 ta’ Lulju 2012, Pie Optiek et (Kawża C‑376/11, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jiġi osservat ukoll li, skont il-ġurisprudenza ċċitata, fost dawk il-funzjonijiet hemm mhux biss il-funzjoni essenzjali msemmija iktar ’il fuq fil-punt 40 u fin-nota tal-qiegħ il-paġna preċedenti, iżda anki l-funzjonijiet l-oħra tat-trade mark, b’mod partikolari dik li tiggarantixxi l-kwalità tal-prodott jew tas-servizz in kwistjoni, jew dawk ta’ komunikazzjoni, ta’ investiment jew ta’ pubbliċità.


35 – Ara f’dan ir-rigward it-Titolu VII tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod partikolari l-Artikoli 58, 64(3) u 65.


36 – Ċertament, id-deċiżjoni tar-rifjut tal-oppożizzjoni fil-mertu mill-UASI ma torbotx lill-qorti nazzjonali. Madankollu din ma tistax ma tikkostitwixxix, skont ir-regoli proċedurali differenti, “element ta’ prova sinjifikattiv” tan-nuqqas ta’ vjolazzjoni. Wara kollox, l-eżami tal-vjolazzjoni li l-qorti nazzjonali hija mitluba tagħmel, minkejja li juża l-istess kriterji użati fl-eżami tal-UASI fil-proċedimenti tal-oppożizzjoni, meta jiġi kkunsidrat ix-xebh li hemm bejn iċ-ċirkustanzi taħt l-Artikolu 8(1)(a) u (b) u l-Artikolu 8(5), minn naħa, u dawk tal-Artikolu 9(1)(a)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 207/2009, ma huwiex eżattament identiku għall-eżami mwettaq mill-UASI. Fil-fatt, dan l-eżami huwa differenti minħabba l-fatt li, fis-sentenza dwar vjolazzjoni, il-paragun bejn is-sinjali inkwistjoni u l-prodotti koperti minnhom iseħħ b’mod konkret permezz ta’ analiżi “ex post” rigward is-sitwazzjoni reali tal-użu tagħhom fuq is-suq u, mhux bħal fil-każ tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni, b’analiżi “ex ante” tat-tip li tipprovdi fuq tbassir u astratt, ibbażata primarjament fuq dak li jirriżulta mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.


37 – Ara l-Artikoli 96(d) u 100 tar-Regolament Nru 207/2009.


38 – F’dan ir-rigward nosserva li, għalkemm il-verżjoni Taljana u dik Ġermaniża tar-Regolament Nru 207/2009 jagħmlu riferiment b’mod ġenerali għal “terzi” u għal “Dritten”, il-verżjoni Franċiża, dik Ingliża u dik Spanjola huma saħansitra iktar espliċiti meta jagħmlu riferiment għall-projbizzjoni ta’ kwalunkwe terz, sal-punt li dawn jagħmlu riferiment rispettivament għal “tout tiers”, “all third parties” u għal “cualquier tercero”.


39 – Immunità ta’ dan it-tip ma tistax tiġi dedotta, fil-fehma tiegħi, kif issostni fl-osservazzjonijiet tagħha l-FCIPPR, mid-dispożizzjoni fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 207/2009, li tipprovdi li t-trade mark Komunitarja tinkiseb permezz tar-reġistrazzjoni. Effettivament, anki din id-dispożizzjoni trid tiġi interpretata, bħad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tar-Regolament Nru 207/2009, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prijorità (ara iktar ’il fuq, punt 39).


40 – B’mod partikolari, minbarra l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 207/2009 li jiġi analizzat iktar ’l isfel fit-test, jistgħu jiġu ċċitati wkoll l-Artikolu 12 tal-istess regolament, li jimponi ċerti restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-proprjetarju li jipprekludi lil terzi milli jużaw it-trade mark Komunitarja, kif ukoll l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li d-dritt mogħti mit-trade mark Komunitarja ma jippermettiex lill-proprjetarju li jipprekludi l-użu għall-prodotti imqegħda fis-suq fl-Unjoni b’dan it-trade mark mill-proprjetarju nnifsu jew bil-kunsens tiegħu.


41 – Kif osservat korretament il-Kummissjoni, dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 207/2009, bħall-Artikolu 1(2) jew l-Artikolu 110, jistabbilixxu espressament id-distinzjoni bejn iż-żewġ talbiet.


42 – Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-Artikolu 100(7) tar-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi li l-qorti tat-trade marks Komunitarji li jkollha quddiema kontrotalba għar-revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tissospendi l-proċeduri, fuq talba tal-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja, u, wara li tisma’ l-partijiet l-oħra, tistieden lill-konvenut biex jippreżenta talba għar-revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-UASI. Din ir-regola, madankollu, fl-ewwel lok, tagħti l-fakultà lill-qorti li tissospendi il-proċeduri, u fit-tieni lok, għandha l-għan li tevita deċiżjonijiet kunfliġġenti dwar l-invalidità tat-trade mark preċedenti u, fit-tielet lok u fi kwalsiasi każ, tikkonċerna esklużivament l-invalidità eventwali tat-trade mark u mhux il-leġittimità eventwali tar-reġistrazzjoni sussegwenti tas-sinjal li kontra tiegħu jsiru l-proċedimenti ta’ vjolazzjoni.


43 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi rigward il-kawża Celaya (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punti 39 sa 44.


44 – Fil-konklużjonijiet tiegħi rigward il-kawża Celaya (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punti 39 sa 44, osservajt, minn naħa, kemm kienet remota l-possibbiltà li l-proprjetarju tad-dritt sussegwenti jużah wara li jkun tilef il-kawża dwar vjolazzjoni u, min-naħa l-oħra, kif anki fil-każ li jagħmel użu minn tali dritt, li jkun għadu formalment validu peress li ma tkunx ġiet iddikjarata l-invalidità tiegħu minħabba vjolazzjoni fil-konfront ta’ terz, dan tal-aħħar ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-possibbiltà li jikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità permezz ta’ kontrotalba.


45 – Ċertament, fl-ipoteżi li jirnexxu l-proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra trade mark Komunitarja sussegwenti rreġistrata wara r-rifjut ta’ oppożizzjoni fil-mertu bbażata fuq l-istess trade mark Komunitarja preċedenti li fuqhom huma bbażati l-proċedimenti ta’ vjolazzjoni, ikun jeżisti kunflitt potenzjali bejn id-deċiżjoni adottata mill-UASI fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u s-sentenza tal-qorti tat-trade marks. Madankollu din l-ipoteżi tidher pjuttost remota wara li tiġi kkunsidrata n-natura ta’ “element ta’ prova sinjifikattiva” tan-nuqqas ta’ vjolazzjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 li d-deċiżjoni tal-UASI għandha jkollha fil-proċedimenti nazzjonali. Barra minn hekk, tali kunflitt jista’ jkun ġustifikat fid-dawl tal-perspettivi differenti tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u tal-proċedimenti ta’ vjolazzjoni imsemmija fl-istess nota’ ta qiegħ il-paġna 36.


46 – Ara l-premessa 3 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009.


47 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Hadadi (C‑168/08, Ġabra p. I‑6871, punt 38); tal-21 ta’ Ottobru 2010, Padawan (C‑467/08, Ġabra p. I‑10055, punt 32), u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Omejc (C-536/09, Ġabra p. I‑5367, punt 19).


48 – Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk interpretat kemm-il darba parallelament l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009 u d-dispożizzjoni korrispondenti tad-Direttiva 2008/95, u qabel, tad-Direttiva 89/104. Ara s-sentenza tas-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, Ġabra p. I‑8625), punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.