Language of document : ECLI:EU:T:2011:586

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq – Multi – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ – Effett dissważiv – Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża T‑41/05,

Alliance One International, Inc., li qabel kienet Dimon Inc., stabbilita f’Danville, Virginia (l-Istati Uniti), inizjalment irrappreżentata minn L. Bergkamp, H. Cogels, J. Dhont, M. Marañon Hermoso u A. Emch, sussegwentement minn M. Odriozola Alén, J. Folguera Crespo, P. Vidal Martínez, M. Barrantes Diaz u A. João Vide, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u F. Amato, sussegwentement minn Gippini Fournier, N. Khan u J. Bourke, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4030 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja), u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta kontra r-rikorrenti f’dik id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u K. O’Higgins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Ir-rikorrenti u l-proċedura amministrattiva

1        Ir-rikorrenti, Dimon Inc., li saret Alliance One International, Inc., hija kumpannija Amerikana stabbilita f’Virginia (l-Istati Uniti). Hija l-kumpannija parent ta’ grupp li jħaddan madwar mitt kumpannija attivi fis-settur tat-tabakk (iktar ’il quddiem il-“grupp Dimon”). L-attività prinċipali tagħha hija l-forniment ta’ tabakk ipproċessat lil manifatturi tas-sigaretti. Għal dan il-għan, hija takkwista t-tabakk ipproċessat mingħand, b’mod partikolari, Agroexpansión, SA.

2        Agroexpansión hija waħda mill-erba’ impriżi tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum fi Spanja (iktar ’il quddiem il-“proċessuri”).

3        It-tliet proċessuri l-oħrajn huma s-segwenti: Compañia española de tabaco en rama, SA (iktar ’il quddiem “Cetarsa”), Tabacos Españoles, SL (iktar ’il quddiem “Taes”) u World Wide Tobacco España, SA (iktar ’il quddiem “WWTE”).

4        Oriġinarjament, Agroexpansión kienet impriża tal-familja. Din inħolqot fl-1988 minn B., li kien id-direttur ġenerali tagħha sa tmiem is-sena 2004. Bejn l-1994 u l-1997, il-kapital tagħha kien miżmum f’ishma ugwali minn mart B. u minn kumpannija Spanjola, WW Marpetrol, SA.

5        Fit-18 ta’ Novembru 1997, Intabex Netherlands BV (iktar ’il quddiem “Intabex”) akkwistat l-ishma kollha ta’ Agroexpansión. Dak iż-żmien, Intabex kienet tifforma parti mill-grupp ta’ kumpanniji Intabex, li kien inxtara mir-rikorrenti f’April 1997.

6        Peress li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej waslitilha informazzjoni li l-proċessuri u l-produtturi Spanjoli tat-tabakk mhux maħdum kienu wettqu ksur tal-Artikolu 81 KE, din wettqet xi verifiki, fit-3 u fl-4 ta’ Ottubru 2001, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), fil-bini ta’ tlieta mill-proċessuri, jiġifieri Agroexpansión, Cetarsa u WWTE, kif ukoll tal-Asociación Nacional de Empresas Transformadoras de Tabaco (iktar ’il quddiem l-“Anetab”).

7        Il-Kummissjoni għamlet ukoll verifiki fil-bini tal-Maison des métiers du tabac u tal-Federazzjoni Ewropea tal-proċessuri tat-tabakk, fit-3 ta’ Ottubru 2001, kif ukoll tal-Federación nacional de cultivadores de tabaco (iktar ’il quddiem l-“FNCT”), fil-5 ta’ Ottubru 2001.

8        B’ittra tas-16 ta’ Jannar 2002, il-proċessuri u l-Anetab, filwaqt li invokaw l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”), għarrfu lill-Kummissjoni bir-rieda tagħhom li jikkooperaw.

9        B’ittra tal-21 ta’ Jannar 2002, huma pprovdew ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni.

10      Agroexpansión, Cetarsa u WWTE, b’korrispondenza tal-15 ta’ Frar 2002, u Taes, b’ittra tat-18 ta’ Frar 2002, ipprovdew ċerta informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni.

11      Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni lill-proċessuri, lill-Anetab u lill-FNCT abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Il-Kummissjoni talbet ukoll xi informazzjoni mingħand il-Ministeru tal-Agrikoltura, tas-Sajd u tal-Ikel Spanjol fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Spanjola dwar prodotti agrikoli.

12      Fil-11 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura li wasslet għal din il-kawża u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li bagħtet lil 20 impriża jew assoċjazzjoni, fosthom il-proċessuri, ir-rikorrenti, Intabex, Anetab, FNCT u Deltafina SpA. Deltafina hija kumpannija Taljana li l-attivitajiet prinċipali tagħha huma l-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum fl-Italia u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tabakk ipproċessat. Hija tagħmel parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji bħal Taes, jiġifieri dak ikkontrollat minn kumpannija Amerikana, Universal Corp.

13      L-impriżi u l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni kellhom aċċess għall-fajl ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-forma ta’ kopja fuq CD-ROM, li ntbagħtet lilhom, u bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub b’risposta għall-ilmenti mqajma minn din tal-aħħar.

14      Saret seduta fid-29 ta’ Marzu 2004.

15      Wara li kkonsultat mal-Kumitat konsultattiv dwar l-akkordji u l-pożizzjonijiet dominanti, u fid-dawl tar-rapport finali tal-Uffiċjal tas-Smigħ, il-Kummissjoni adottat, fl-20 ta’ Ottubru 2004, id-Deċiżjoni C (2004) 4030 finali, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-19 ta’ April 2007 (ĠU L 102, p. 14).

2.     Id-deċiżjoni kkontestata

16      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda żewġ akkordji orizzontali konklużi u implementati fis-suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum.

17      L-ewwel akkordju, li kien jinvolvi lill-proċessuri u lil Deltafina, kellu l-għan li jiffissa, kull sena, matul il-perijodu 1996/2001, il-prezz medju tal-provvista (massimu) ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum, il-kwalitajiet kollha mħallta, kif ukoll li jqassam il-kwantitajiet ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li kull wieħed mill-proċessuri seta’ jixtri mingħand il-produtturi (ara b’mod partikolari l-premessi 74 sa 76 u 276 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-1999 sal-2001, il-proċessuri u Deltafina kienu ftehmu wkoll dwar livelli ta’ prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li tidher fit-tabelli annessi mal-“kuntratti ta’ kultivazzjoni” kif ukoll dwar “kundizzjonijiet kumplimentari”, jiġifieri l-prezz minimu medju għal kull produttur u l-prezz minimu medju għal kull grupp ta’ produtturi (ara, b’mod partikolari, il-premessi 77 sa 83 u 276 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Iktar ’il quddiem ser issir referenza għall-akkordju deskritt fil-punt 17 iktar ’il fuq bit-termini “akkordju tal-proċessuri”.

19      It-tieni akkordju identifikat fid-deċiżjoni kkontestata kien jinvolvi lit-tliet assoċjazzjonijiet agrikoli Spanjoli, jiġifieri l-Asociación agraria de jóvenes agricultores (iktar ’il quddiem l-“ASAJA”), l-Unión de pequeños agricultores (iktar ’il quddiem l-“UPA”) u l-Coordinadora de organizaciones de agricultores y ganaderos (iktar ’il quddiem il-“COAG”), kif ukoll il-Confederación de cooperativas agrarias de España (iktar ’il quddiem iċ-“CCAE”). Dan l-akkordju kellu l-għan li jiffissa kull sena, matul il-perijodu 1996/2001, il-livelli ta’ prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li tidher fit-tabelli annessi mal-“kuntratti ta’ kultivazzjoni” kif ukoll il-“kundizzjonijiet kumplimentari” (ara, b’mod partikolari, il-premessi 77 sa 83 u 277 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Iktar ’il quddiem ser issir referenza għall-akkordju deskritt fil-punt 19 iktar ’il fuq bit-termini “akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi”.

21      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li kull wieħed minn dawn l-akkordji jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE (ara, b’mod partikolari, il-premessi 275 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija imputat ir-responsabbiltà tal-akkordju tal-proċessuri lil dawn tal-aħħar, lil Deltafina, lir-rikorrenti u lill-kumpanniji parent ta’ WWTE, jiġifieri Standard Commercial Corp. (iktar ’il quddiem “SCC”), Standard Commercial Tobacco Co., Inc. (iktar ’il quddiem “SCTC”) u Trans-Continental Leaf Tobacco Corp. Ltd (iktar ’il quddiem “TCLT”), u dik tal-akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi lil ASAJA, UPA, COAG u CCAE (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, ir-“rappreżentanti tal-produtturi”).

23      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lil dawn l-impriżi u lir-rappreżentanti tal-produtturi li jwaqqfu immedjatament, jekk ma waqfux diġà, il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 u li jieqfu minn kull prattika restrittiva li għandha għan jew effett identiku jew ekwivalenti.

24      Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multi kontra dawk l-impriżi kif ukoll kontra r-rappreżentanti tal-produtturi, billi żammet lir-rikorrenti responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta kontra Agroexpansión, u lil SCC, SCTC u TCLT għall-ħlas tal-multa imposta kontra WWTE (ara l-punti 61 u 62 iktar ’il quddiem).

3.     Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

25      Il-punt 2.4 tad-deċiżjoni kkontestata huwa ddedikat għall-kwistjoni tad-destinatarji (premessi 357 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Qabel kollox, il-Kummissjoni esponiet li huwa stabbilit li l-proċessuri u Deltafina kienu pparteċipaw direttament fl-akkordju tal-proċessuri u r-rappreżentanti tal-produtturi fl-akkordju tar-rappreżentanti tal-proċessuri, b’tali mod li kull waħda minn dawn l-impriżi u assoċjazzjonijiet “[kienet] mitluba tassumi r-responsabbiltà tal-ksur u [kienet] konsegwentement destinatarja tad-[deċiżjoni kkontestata]” (premessi 357 u 358 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessi 359 sa 369 ta’ din id-deċiżjoni, hija evalwat, b’mod iktar partikolari, ir-rwol ta’ Deltafina fl-akkordju tal-proċessuri.

27      Wara, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja u tal-kumpannija parent tagħha, u nnotat li, fil-kawża preżenti, dan kien jinsab fi tliet każijiet, b’mod partikolari dawk ta’ Agroexpansión, ta’ WWTE u ta’ Taes (premessi 370 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret il-prinċipji applikabbli, fl-opinjoni tagħha, f’dan ir-rigward (premessi 371 sa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      B’mod iktar partikolari, hija nnotat dan li ġej:

–        sabiex jiġi stabbilit jekk kumpannija parent għandhiex titqies bħala responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija sussidjarja tagħha, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li din tal-aħħar “ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 132 u 133);

–        skont ġurisprudenza stabbilita, meta kumpannija parent iżżomm il-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha, jista’ jitqies b’mod leġittimu li hija effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 50, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punt 29; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punti 961 u 984);

–        din is-suppożizzjoni tista’ tiġi kkonfermata minn “fatturi partikolari għal ċerti kawżi”;

–        fil-każ ta’ sussidjarji li ma jkunux ikkontrollati 100 %, kumpannija parent tista’, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tinfluwenza l-politika tal-kumpannija sussidjarja tagħha meta jkollha, fil-mument meta jitwettaq il-ksur, il-maġġoranza tal-kapital azzjonarju tagħha (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 136) jew meta tkun “kostantement” infurmata dwar il-prattiki tal-imsemmija kumpannija sussidjarja u tkun tiddetermina direttament l-aġir tagħha (sentenza AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52);

–        minn ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża, meta jitpoġġa fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni, għandu jinftiehem li jfisser unità ekonomika mill-perspettiva tal-għan tal-akkordju kkonċernat, anki jekk mill-perspetiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula min-numru ta’ persuni naturali jew ġuridiċi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 66, li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11).

30      It-tieni nett, qabel ma eżaminat fid-dettall il-każ ta’ Agroexpansión kif ukoll dak ta’ WWTE, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata, dak li ġej:

“F’dan il-każ, tlieta mill-erba’ proċessuri Spanjoli tat-tabakk mhux maħdum huma kkontrollati (b’100 % jew 90 % tal-ishma) minn kumpanniji multinazzjonali Amerikani. B’hekk jeżistu elementi fattwali oħrajn li jikkonfermaw il-preżunzjoni li l-aġir ta’ Agroexpansión u WWTE għandu jiġi imputat lill-kumpannija(i) parent rispettiva(i) tagħhom – il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha – għandhom jitqiesu bħala responsabbli in solidum għall-ksur ikkonstatat fid-[…] deċiżjoni [kkontestata].”

31      Fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żżid dan li ġej:

“[Min-naħa l-oħra], wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u wara li nstemgħu il-partijiet, deher li l-provi fil-proċess ma setgħux jiġġustifikaw konklużjoni simili dwar il-parteċipazzjonijiet ta’ Universal […] u Universal Leaf [Tobacco Co. Inc.] f’Taes u Deltafina. Fil-fatt, [apparti] l-konnessjoni fil-kapital azzjonarju bejn il-kumpanniji parent u l-kumpanniji sussidjarji tagħhom, il-proċess ma jagħti ebda indikazzjoni tal-parteċipazzjoni materjali ta’ Universal […] u Universal Leaf fil-fatti eżaminati fid-[deċiżjoni kkontestata]. Għaldaqstant huma ma għandhomx ikunu d-destinatarji ta’ deċiżjoni f’dan il-każ. L-istess konklużjoni tapplika a fortiori għal Intabex, peress li l-parteċipazzjoni tagħha ta’ 100 % f’Agroexpansión kienet purament finanzjarja.”

32      Fil-premessi 377 sa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-każ ta’ Agroexpansión u tal-grupp Dimon.

33      Il-Kummissjoni b’mod partikolari rrilevat li, matul it-tieni simestru tas-sena 1997, Agroexpansión kienet ikkontrollata għal kollox mir-rikorrenti, u dan permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha Intabex li tagħha kellha 100 % tal-ishma (premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ddeduċiet minn dan li kien leġititmu li wieħed jippreżumi li, mill-inqas wara dak il-mument, ir-rikorrenti kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Agroexpansión (l-ewwel sentenza tal-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li elementi oħrajn tal-fajl tagħha – deskritti fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata – kienu jikkonfermaw il-“preżunzjoni [skont liema r-rikorrenti] kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti” (it-tieni sentenza tal-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat li jirriżulta minn dak li ntqal qabel li “[ir-rikorrenti] kienet infurmata dwar il-prattiki tal-kumpannija sussidjarja tagħha li huma s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll tal-kuntest li kienu jsiru fih u li inkwantu, wara l-1997, [ir-rikorrenti kellha] l-ishma kollha tal-kumpannija sussidjarja tagħha, hija kienet f’pożizzjoni li effettivament teżerċita influwenza fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha”. Fil-premessa 382 ta’ dik id-deċiżjoni, hija ppreċiżat li “[l]-elementi fattwali li Agroexpansión wasslet għall-attenzjoni tar-[rikorrenti] fil-korrispondenza tagħha kellhom jipprovokaw reazzjoni immedjata min-naħa tagħha, jew billi titbiegħed, kif kellha tagħmel, minn kull ksur possibbli tar-regoli tal-kompetizzjoni, jew billi teżiġi li t-tmexxija ta’ Agroexpansión ittemm kull aġir potenzjalment antikompetittiv”, qabel ma kkonstatat li “[ir-rikorrenti] finalment ma għamlet xejn ta’ dan it-tip”.

34      Barra minn hekk, fil-premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala infondati l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex turi li Agroexpansión kienet taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

35      Finalment, il-Kummissjoni ċaħdet l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija kienet kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi żammet lil din responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija sussidjarja tagħha, filwaqt li ma għamlitx l-istess fir-rigward tal-kumpannija parent ta’ Cetarsa, jiġifieri Sociedad estatal de participaciones industriales (iktar ’íl quddiem “Sepi”). Il-Kummissjoni ġġustifikat din id-differenza fit-trattament permezz tal-fatt li, bil-kontra ta’ dak li affermat ir-rikorrenti, “il-fajl [tagħha] […] ma [kienx fih] kommunikazzjoni diretta bejn Cetarsa u Sepi dwar is-suġġett ta’ din il-kawża”, li “il-parteċipazzjoni ta’ Sepi f’Cetarsa [dehret li kienet] essenzjalment finanzjarja, analoga għar-rabta bejn Intabex u Agroexpansión”, li “Cetarsa (bil-kontra ta’ Agroexpansión) [kienet tgħaqqad] flimkien kull attività ta’ pproċessar ta’ tabakk fil-grupp Sepi u, minħabba din l-istess raġuni, [kienet] manifestament ġestita b’mod separat” u, fl-aħħar, li “Cetarsa ma [kinitx kumpannija] sussidjarja b’100 % ta’ Sepi” (premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dawn id-diversi elementi li r-rikorrenti “[kellha] tinżamm responsabbli in solidum, ma’ Agroexpansión, għall-aġir ta’ din tal-aħħar stabbilit mid-[deċiżjoni kkontestata] għall-perijodu bejn it-tieni semestru tal-1997 sal-10 ta’ Awwissu 2001” (premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fil-Premessi 387 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-każ ta’ WWTE. Hija kkonstatat li, matul il-perjodu mill-1995 sa Mejju 1998, din tal-aħħar kienet ikkontrollata konġuntament minn SCC (permezz ta’ SCTC u TCLT) u mill-president ta’ WWTE u l-familja tiegħu, u semmiet sensiela ta’ elementi li jistabbilixxu li, matul dak l-istess perjodu, SCC “u/jew is-sussidjarji tagħha” kienu eżerċitaw influwenza effettiva fuq l-aġir ta’ WWTE fi Spanja (premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tat-tieni perijodu, minn Mejju 1998 sad-data tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat sensiela ta’ elementi li juru li SCC, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ SCTC u TCLT, kellha l-kontroll esklużiv ta’ WWTE u kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Hija ddikjarat ukoll li “[l]-argumenti mressqa minn SCC fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma [jiġġustifikawx] konklużjoni differenti f’dan ir-rigward” (premessa 399 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi differenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li, mill-inqas mill-1996, “SCC u/jew il-kumpanniji sussidjarji tagħha SCTC u TCLT” kellhom influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ WWTE u li kellhom għaldaqstant jinżammu responsabbli in solidum għall-prattiċi li hija akkużata bihom din tal-aħħar u jidhru fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

4.     Iffissar tal-ammont tal-multi

38      Fil-premessi 404 sa 458 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-multi li kellhom jiġu imposti fuq id-destinatarji tagħha.

39      L-ammonti tal-multi ġew iddeterminati mill-Kummissjoni skont il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri ż-żewġ kriterji msemmija espliċitament fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li kien, skont id-deċiżjoni kkontestata, applikabbli fil-mument meta twettaq il-ksur (premessi 404 u 405 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta kontra kull waħda mid-destinatarji, il-Kummissjoni applikat il-metodu stabbilit fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), anki jekk ma tkunx saret referenza espliċita għalihom. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll jekk, u sa fejn, id-destinatarji kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti bil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

 Ammont inizjali tal-multi

41      Qabel kollox, fil-premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala “serju ħafna”, wara li eżaminat, fil-premessi 408 sa 413 ta’ dik id-deċiżjoni, in-natura proprja tagħhom, l-impatt konkret tagħhom fuq is-suq, il-firxa tas-suq ġeografiku inkwistjoni u d-daqs tas-suq tal-prodott inkwistjoni.

42      Sussegwentement, il-Kummissjoni stmat, fil-premessa 415 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellha “tieħu inkunsiderazzjoni l-kobor speċifiku ta’ kull impriża u b’hekk tal-effett reali tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħha fuq il-kompetizzjoni sabiex l-effett dissważiv tal-multa imposta fuq kull impriża jkun proporzjonat għall-kontribuzzjoni tagħha fl-aġir illegali li għandu jiġi ssanzjonat”.

43      Il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-akkordju tal-proċessuri (premessi 416 sa 424 tad-deċiżjoni kkontestata) u dak tar-rappreżentanti tal-produtturi (premessi 425 sa 431 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Fir-rigward tal-akkordju tal-proċessuri, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li “il-multi [kellhom] jinqasmu f’diversi livelli fid-dawl tal-kontribuzzjoni fl-aġir li jikkostitwixxi ksur u fid-dawl tal-pożizzjoni fis-suq okkupata minn kull parti inkwistjoni” (premessa 416 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddikjarat li “kienet Deltafina li [kellha] tirċievi l-ammont inizjali tal-multa l-aktar għoli minħabba l-pożizzjoni tagħha fl-ogħla livell fis-suq bħala x-xerrejja prinċipali tat-tabakk ipproċessat Spanjol” (premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      F’dak li jirrigwarda l-proċessuri, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-“kontribuzzjoni” tagħhom għall-prattiki illegali “[setgħet] bejn wieħed u ieħor titqies bħala simili” (premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija kienet tal-fehma li kellhom jitqiesu d-daqsijiet differenti tagħhom u l-ishma mis-suq rispettivi tagħhom, u fuq dik il-bażi, qassmithom fi tliet kategoriji.

47      B’hekk, il-Kummissjoni poġġiet lil Cetarsa fl-ewwel kategorija, ikkwalifikata bħala “partikolari”, peress li din kienet “bil-kbir il-proċessur Spanjol prinċipali” u kellha, minħabba dan il-fatt, tingħata l-ogħla ammont inizjali (premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tieni kategorija poġġiet lil Agroexpansión u lil WWTE billi indikat li kull waħda minnhom kellha sehem mis-suq ta’ madwar 15 % u kellu jiġi impost fuqhom l-istess ammont inizjali (premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, fit-tielet kategorija, hija poġġiet lil Taes għar-raġuni li din kellha biss sehem mis-suq ta’ 1.6 % u kellha, għalhekk, tingħata l-ammont inizjali l-iktar baxx (premessa 421 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Fit-tieni lok, sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett dissważiv biżżejjed, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li tapplika koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.5 – jiġifieri żieda ta’ 50 % – fuq l-ammont inizjali stabbilit għal WWTE, u koeffiċjent multiplikatur ta’ 2 – jiġifieri żieda ta’ 100 % – fuq l-ammont inizjali stabbilit għal Agroexpansión (premessa 423 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija stmat, effettivament, li kien hemm lok li jiġi kkunsidrat il-fatt li, minkejja s-sehem mis-suq relattivament limitat tagħhom fis-suq tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum Spanjol, dawk iż-żewġ proċessuri kienu jappartjenu għal kumpanniji multinazzjonali b’saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli u li, “barra minn hekk”, huma kienu aġixxew “taħt l-influwenza deċiżiva tal-kwartjieri ġenerali tal-kumpanniji parent rispettivi tagħhom” (premessa 422 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, il-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali tal-multi għall-proċessuri u għal Deltafina fil-premessa 424 tad-deċiżjoni kkontestata:

–        Deltafina: EUR 8 000 000;

–        Cetarsa: EUR 8 000 000;

–        Agroexpansión: EUR 1 800 000 x 2 = EUR 3 600 000;

–        WWTE: EUR 1 800 000 x 1,5 = EUR 2 700 000;

–        Taes: EUR 200 000.

50      Fir-rigward tal-akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm lok għalfejn tiġi imposta fuq kull wieħed minnhom ħlief multa simbolika ta’ EUR 1 000 (premessi 425 u 430 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ġġustifikat il-pożizzjoni tagħha mill-fatt li “l-kuntest leġiżlattiv li jirregola n-negozjati kollettivi ta’ kuntratti standard setgħa joħloq livell kunsiderevoli ta’ inċertezza fir-rigward tal-legalità tal-aġir tar-rappreżentanti tal-produtturi u tal-proċessuri fil-kuntest ferm preċiż tan-negozjati kollettivi tal-ftehim standard” (premessa 428 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan billi bbażat ruħha fuq ċerti elementi msemmija fil-premessa 427 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija rrilevat ukoll li “l-eżistenza u r-riżultati tan-negozjati fuq il-kuntratti standard kienu ġeneralment pubbliċi u […] l-ebda awtorità qatt ma [kienet] poġġiet indiskussjoni l-kompatibbiltà tagħhom kemm mad-dritt Komunitarju, kif ukoll mad-dritt Spanjol qabel il-bidu ta’ din il-proċedura” (premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ammont bażiku tal-multi

51      Fil-premessi 432 u 433 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tat-tul tal-ksur ilmentat kontra l-proċessuri u Deltafina. Hija ffissat dak it-tul ta’ żmien għal ħames snin u erba’ xhur, li jikkorrispondi għal ksur ta’ żmien twil. Konsegwentement, hija żiedet b’50 % l-ammont inizjali tal-multa imposta kontra kull wieħed mill-proċessuri u Deltafina.

52      Għaldaqstant, l-ammonti bażiċi tal-multi ġew stabbiliti skont kif ġej:

–        Deltafina: EUR 12 000 000;

–        Cetarsa: EUR 12 000 000;

–        Agroexpansión: EUR 5 400 000;

–        WWTE: EUR 4 050 000;

–        Taes: EUR 300 000;

–        ASAJA: EUR 1 000;

–        UPA: EUR 1 000;

–        COAG: EUR 1 000;

–        CCAE: EUR 1 000 (premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti

53      L-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Deltafina ġie miżjud b’50 % abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti għar-raġuni li dik l-impriża kellha rwol ta’ mexxejja fil-kuntest tal-akkordju tal-proċessuri (premessi 435 u 436 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 437 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-istess fatturi msemmija fil-premessi 427 sa 429 [tad-deċiżjoni kkontestata setgħu] japplikaw għall-aġir tal-proċessuri unikament fir-rigward tan-negozjati pubbliċi tagħhom u l-konklużjoni ta’ kuntratti standard (b’mod partikolari n-negozjati dwar il-meded tal-prezzijiet u l-kundizzjonijiet kumplimentari) mar-rappreżentanti tal-produtturi”.

55      Fil-premessa 438 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li, fir-rigward tal-akkordji “sigrieti”, dwar il-prezzijiet medji ta’ provvista (massimi) u t-tqassim tal-kwantitajiet ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum konklużi mill-proċessuri, il-prattiki ta’ dawn tal-aħħar kienu “marru nettament lil hinn minn dak li kien jipprevedi l-qafas ġuridiku applikabbli, in-negozjati pubbliċi u l-akkordji mar-rappreżentanti tal-produtturi”. Hija madankollu rrikonoxxiet li “in-negozjati pubbliċi bejn ir-rappreżentanti tal-produtturi u l-proċessuri [kienu] ddeterminaw, għall-inqas sa ċertu punt, il-kuntest materjali (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-okkażjonijiet biex jilħqu ftehim u biex jadottaw pożizzjoni komuni) li fih il-proċessuri setgħu jiżviluppaw, minbarra l-pożizzjoni komuni li kellhom jadottaw fil-kuntest tan-negozjati pubbliċi, l-istrateġija sigrieta tagħhom dwar il-prezzijiet ta’ provvista medji (massimi) u l-kwantitajiet”.

56      Fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas b’40 % l-ammonti bażiċi tal-multi imposti kontra l-proċessuri u Deltafina (premessa 438 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont bażiku tal-multa imposta kontra Agroexpansión b’hekk ġie ffissat għal EUR 3 240 000 (premessa 439 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Limitu massimu tal-multa prevista fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

57      Fil-premessi 440 sa 447 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm lok li tadatta l-ammonti bażiċi kkalkolati għad-diversi destinatarji sabiex dawk l-ammonti ma jaqbżux il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

58      Fil-premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li, meta l-kumpanniji inkwistjoni jkunu jappartjenu għal grupp, u meta jkun stabbilit li l-kumpanniji parent ta’ dawk il-kumpanniji jkunu eżerċitaw influwenza determinanti fuq dawn tal-aħħar u li, konsegwentement, dawk il-kumpanniji parent huma responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multi imposti kontra l-kumpannija sussidjarja tagħhom, huwa d-dħul mill-bejgħ fuq livell dinji tal-grupp li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-limitu massimu msemmi iktar ’il fuq.

59      Wara li fakkret, fil-premessa 442 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta kontra Agroexpansión, il-Kummissjoni stmat, fil-premessa 446 ta’ dik id-deċiżjoni, li l-ammont tal-imsemmija multa ma kellux jiġi adattat, peress li d-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tar-rikorrenti kien jammonta għal 1 271 700 000 dollaru Amerikan (USD) fl-2003. B’hekk, l-ammont tal-multa ta’ Agroexpansión, qabel l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, baqa’ ffissat għal EUR 3 240 000 (premessa 447 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u l-ammont finali tal-multi

60      Fil-premessi 448 sa 456 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esprimiet ruħha fuq l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fil-każ tal-proċessuri u ta’ Deltafina. Hija tat tnaqqis fil-multa ta’ 20 % lil Agroexpansión b’mod konformi mal-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 tal-punt D ta’ dik il-komunikazzjoni (premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata).

61      B’mod konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ffissat l-ammonti tal-multi skont kif ġej:

–        Deltafina: EUR 11 880 000;

–        Cetarsa: EUR 3 631 500;

–        Agroexpansión: EUR 2 592 000;

–        WWTE: 1 822 500 euros;

–        Taes: EUR 108 000;

–        ASAJA: EUR 1 000;

–        UPA: EUR 1 000;

–        COAG: EUR 1 000;

–        CCAE: EUR 1 000 (premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata).

62      Ir-rikorrenti ġiet iddikjarata responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta kontra Agroexpansión, u SCC, SCTC u TCLT għall-ħlas ta’ dik imposta kontra WWTE (premessa 458 u l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

63      Fil-21 ta’ Jannar 2005, SCC, SCTC u TCLT ippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (Kawża T‑24/05) u WWTE ppreżentat rikors għat-tnaqqis tal-multa imposta kontriha minn dik id-deċiżjoni (Kawża T‑37/05).

64      Fit-22 ta’ Jannar 2005, Agroexpansión ippreżentat ukoll rikors għat-tnaqqis tal-multa imposta kontriha mid-deċiżjoni kkontestata (Kawża T-38/05).

65      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

66      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrenti talbet li l-kawża preżenti tingħaqad mal-Kawżi T‑24/05, T‑37/05 u T‑38/05.

67      Il-Kummissjoni indikat lill-Qorti Ġenerali, b’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Settembru 2005, li hija kkunsidrat li t-tagħqid tal-erba’ kawżi ma jippermettix li titjieb kunsiderevolament l-effettività tal-proċedura u li kienet ser tħalli lilha tiddeċiedi jekk kienx konvenjenti jew le li tilqa’ din it-talba għal tagħqid.

68      Il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx din it-talba għal tagħqid.

69      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-Kummissjoni sabiex twieġeb għal ċerti domandi. Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba fit-terminu stabbilit.

70      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta li saret fis-17 ta’ Ġunju 2009.

71      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1, 3 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jirrigwardaw lilha;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li l-Kummissjoni imponiet kontra Agroexpansión u, fuq bażi in solidum, kontra r-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

72      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bl-eċċezzjoni tat-tielet motiv, li għandu jintlaqa’ parzjalment;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll parti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni jew, sussidjarjament, tikkundanna lil kull parti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 Id-dritt

73      Fir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka, insostenn tar-rikors, erba’ motivi bbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

–        it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ responsabbiltà personali;

–        it-tielet, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ responsabbiltà personali kif ukoll tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003;

–        ir-raba’, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

74      Matul is-seduta, ir-rikorrenti invokat motiv supplimentari, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

75      L-ewwel, it-tieni u l-ħames motivi huma invokati, essenzjalment, insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. It-tielet u r-raba’ motivi huma invokati insostenn tat-talbiet intiżi għar-riforma ta’ dik id-deċiżjoni.

76      Il-ħames motiv ser jiġi eżaminat wara l-ewwel wieħed, u t-tielet motiv wara l-ħames wieħed.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

77      Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta kkunsidrat li hija kellha influwenza determinanti fuq Agroexpansión matul il-perjodu tal-ksur u meta żammitha, minħabba dak il-fatt, responsabbli in solidum għall-ksur. B’hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt, min-naħa waħda, li tindirizzalha d-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ globali tagħha għall-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

78      Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li mill-ġurisprudenza u mill-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni jirriżulta li s-sempliċi fatt li kumpannija parent ikollha l-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha ma huwiex biżżejjed biex tinżamm responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, għandu jintwera b’mod ċar li l-kumpannija parent imsemmija pparteċipat direttament fil-prattiki illegali inkwistjoni, li hija responsabbli għall-implementazzjoni tagħhom, li pparteċipat f’laqgħat tal-akkordju jew kienet involuta direttament fil-ksur, pereżempju billi tat struzzjoni lill-kumpannija sussidjarja tagħha biex twettaq dak il-ksur. Ir-rikorrenti tinvoka, b’mod partikolari, il-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq.

79      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li l-elementi invokati mill-Kummissjoni fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata ma jurux li hija kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Agroexpansión. Hija tiċħad, b’mod iktar partikolari, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li hija kienet infurmata bil-prattiki illegali inkwistjoni.

80      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta li rċeviet ir-“rapporti tal-attivitajiet” u l-“field reports” imsemmija f’dik il-premessa. Hija tindika li, għalkemm dawk ir-rapporti kienu tradotti sistematikament bl-Ingliż, dan kien sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ wieħed mill-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión, T., li ma jitkellimx bl-Ispanjol. Hija tikkontesta li dan tal-aħħar kien maħtur bħala membru tal-bord tad-diretturi sabiex jirrappreżenta hemmhekk l-interessi tal-grupp Dimon u barra minn hekk tippreċiża li dan ġie sospiż temporanjament mir-responsabbiltajiet tiegħu kollha fi ħdan dak il-grupp wara kawża li hija kienet ippreżentat kontra l-azzjonisti l-qodma ta’ Intabex.

81      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tiċħad l-allegazzjoni, li tinsab fl-istess premessa, li tgħid li hemm għadd ta’ eżempji ta’ korrispondenza mingħand Agroexpansión li bihom ġiet infurmata dwar il-prattiki illeċiti inkwistjoni. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-faks tal-14 ta’ Diċembru 1998 ta’ B, id-direttur ġenerali ta’ Agroexpansión, hija kienet indirizzata mhux lir-rikorrenti, iżda lil D, “impjegat tad-dipartiment finanzjarju ta’ Dimon International, Inc.”, u kien fiha biss informazzjoni dwar kuntratt ta’ bejgħ tat-tabakk ipproċessat konkluż bejn Agroexpansión u Deltafina. F’dak li jirrigwarda l-email ta’ B. lil S tat-30 ta’ Ottubru 2000, l-iskop prinċipali tagħha kien li tinforma lil dan tal-aħħar dwar riskju ta’ strajk min-naħa tal-produtturi tat-tabakk. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, S ma kienx impjegat minnha, iżda minn Dimon International Services, kien inkarigat mill-koordinazzjoni tal-bejgħ tat-tabakk ipproċessat fl-Ewropa u ma kienx membru tal-bord tad-diretturi jew diriġent ta’ xi waħda mill-kumpanniji li jappartjenu għall-grupp Dimon. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-email mibgħuta minn B. lil S fid-9 ta’ Mejju 2001.

82      It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-korrispondenza l-oħra msemmija fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li ebda waħda minnhom ma kienet tirreferi direttament jew indirettament għall-prattiki illeċiti inkwistjoni jew għall-politika ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum Spanjol ta’ Agroexpansión.

83      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li Agroexpansión dejjem aġixxiet bħala entità ekonomika awtonoma fis-suq tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum fi Spanja, billi hija ddeterminat il-politika kummerċjali tagħha stess.

84      Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, ir-rikorrenti, wara li fakkret li Agroexpansión kellha “tmexxija lokali”, invokat l-elementi segwenti:

–        fit-18 ta’ Novembru 1997, meta akkwistat, permezz ta’ Intabex, 100 % tal-ishma ta’ Agroexpansión, ġie deċiż li jinżammu fil-karigi tagħhom id-diretturi ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari l-azzjonist fundatur u d-direttur ġenerali tagħha (sa Diċembru 2004), B;

–        skont “kuntratt ta’ tmexxija” konkluż fl-istess data bejn Agroexpansión u B. (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ tmexxija”), dan tal-aħħar biss seta’ jikkonkludi l-kuntratti ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum u jiddefinixxi u jimplementa l-politika ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum ta’ dik il-kumpannija;

–        id-deċiżjonijiet meħuda minn B. fir-rigward tax-xiri ta’ tabakk mhux maħdum ma kinux suġġetti għal approvazzjoni preliminari jew ratifika posterjuri mill-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión;

–        B huwa l-uniku membru tal-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión li pparteċipa fil-laqgħat mal-proċessuri l-oħrajn jew mal-produtturi tat-tabakk mhux maħdum;

–        ebda wieħed mill-erba’ membri tal-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión ma kien simultanjament membru tal-bord tad-diretturi jew tal-korpi ta’ tmexxija tar-rikorrenti;

–        hija ma tat ebda ordni jew struzzjoni lil Agroexpansión b’rabta mal-laqgħat imsemmija iktar ’il fuq jew mal-politika ta’ xiri ta’ din tal-aħħar;

–        hija qatt ma stabbilixxiet xi mekkaniżmu ta’ kontroll tal-attivitajiet ta’ xiri ta’ Agroexpansión.

85      Il-Kummissjoni titlob sabiex l-ewwel motiv jiġi miċħud.

86      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li mill-ġurisprudenza u mill-prattika deċiżjonali tagħha jirriżulta li, meta kumpannija parent ikollha l-ishma kollha tal-kumpannija sussidjarja tagħha, jista’ jiġi preżunt li hija effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ dik il-kumpannija sussidjarja u, għaldaqstant, hija tista’ tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq minn din tal-aħħar. B’hekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tipprovdi elementi ta’ prova supplimentari. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-kumpannija parent tista’ tikkonfuta din il-preżunzjoni billi tressaq provi ta’ natura li juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi fir-realtà b’mod awtonomu fis-suq.

87      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta li r-rikorrenti ressqet tali prova f’dan il-każ. Hija tal-fehma li l-fatt li Agroexpansión għandha tmexxija lokali tagħha stess ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, biex jiġi stabbilit li hija kienet qiegħda taġixxi b’mod awtonomu u tirrileva li l-kuntratt ta’ tmexxija jipprevedi li B. huwa suġġett għas-“sistemi” u għall-“proċeduri” imposti mill-bord tad-diretturi ta’ dik il-kumpannija.

88      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li fil-fajl tagħha hemm elementi li jikkonfermaw li r-rikorrenti effettivament kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Agroexpansión. B’mod partikolari, hija ssostni li T. kien ġie nnominat bħala membru tal-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar sabiex jirrappreżenta hemmhekk l-interessi tal-grupp Dimon u li ma huwiex plawżibbli, meta titqies l-importanza tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan dak il-grupp, li huwa qatt ma informa lir-rikorrenti dwar ir-“rapporti tal-attivitajiet” u l-“field reports” imsemmija fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li, minbarra dawk ir-rapporti, jirriżulta mill-korrispondenza msemmija f’dik il-premessa li r-rikorrenti kienet inżammet infurmata minn Agroexpansión dwar il-prattiki illegali inkwistjoni. Finalment, dokumenti oħrajn imsemmija fl-istess premessa juru b’mod ċar li r-rikorrenti kienet teżerċita influwenza determinanti fuq ċerti attivitajiet kummerċjali essenzjali ta’ Agroexpansión, fosthom in-negozjar u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti ma’ Cetarsa u Deltafina, u li hija kienet infurmata mill-kumpannija sussidjarja tagħha dwar il-kundizzjonijiet ta’ xiri u tal-qafas ġuridiku fis-seħħ fis-settur tat-tabakk mhux maħdum fi Spanja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

89      Għandu jiġi mfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tal-Qorit tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 59), u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C‑205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 112).

90      Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 40, u tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II-3319, punt 85).

91      Meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 145; tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punt 78, u tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 39).

92      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi persuna ġuridika li ma tkunx l-awtriċi ta’ ksur tista’ madankollu tiġi ppenalizzata, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, dik il-kumpannija sussidjarja ma tkunx tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punti 132 u 133; tal-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 44, u tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 15), b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawk iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 117, u ETI et, punt 91 iktar ’il fuq, punt 49).

93      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 89 u 90 iktar ’il fuq. Fil-fatt, ma hijiex ir-relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha, u lanqas ma huwa, iktar u iktar, l-involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 58).

94      Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-Kummissjoni ma tistax sempliċement tikkonstata li l-kumpannija parent tinsab f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, iżda trid tivverifika wkoll jekk dik l-influwenza effettivament ġietx eżerċitata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 137, u AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 50).

95      Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punti 136 u 137), u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni sempliċi li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AEG-Telefunken vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 50, u s-sentenza PVC II, punt 29 iktar ’il fuq, punti 961 u 984).

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din il-kumpannija sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sa kemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tinverti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, f’dan is-sens, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 29).

97      Għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat dawn iċ-ċirkustanzi biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija fil-punt 95 ta’ din is-sentenza għall-produzzjoni ta’ ħjiel supplementari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II-2567, punt 57).

98      Finalment, għandu jiġi ppreċiżat li l-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma tat-totalità tal-kapital tista’ tapplika mhux biss f’każ fejn teżisti relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha, iżda wkoll f’każijiet, bħal fil-kawża preżenti, fejn din ir-relazzjoni hija indiretta, permezz ta’ sussidjarja intermedjarja.

99      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi kontra l-impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81(1) KE, multi li ma jistgħux jaqbżu l-10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub matul is-sena finanzjarja preċedenti minn kull waħda mill-impriżi li jkunu pparteċipaw fil-ksur. L-istess indikazzjoni tinsab fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

100    Id-dħul mill-bejgħ imsemmi f’dawk id-dispożizzjonijiet huwa relatat, skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, mad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 119; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T-252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 367, u tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T-78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 533), jiġifieri l-impriża akkużata bi ksur u li, għal dak il-fatt, tkun ġiet iddikjarata responsabbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 181, u tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 116).

101    Rigward il-kunċett ta’ “sena finanzjarja preċedenti” li jinsab fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, dan għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għas-sena finanzjarja ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ħlief f’sitwazzjonijiet partikolari fejn id-dħul mill-bejgħ ta’ din l-aħħar sena finanzjarja ma jkun jagħti ebda indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata u l-livell xieraq tal-multa li għandha tiġi imposta kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punti 25, 29 u 30), li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

102    Minn dan isegwi li l-kwistjoni li tqum fil-kuntest ta’ dan il-motiv hija jekk il-Kummissjoni kellhiex bażi biex tikkunsidra li, f’dan il-każ, l-impriża kkonċernata kienet ikkostitwita minn Agroexpansión u l-kumpannija li tinsab f’ras il-grupp li tappartjeni għalih, jiġifieri r-rikorrenti. F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għal dik id-domanda, ikollu jiġi konkluż, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 99 sa 101 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-premessi 442 u 446 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat miksub mir-rikorrenti fl-2003 għall-applikazzjoni tal-limitu msemmi iktar ’il fuq ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ.

103    Għall-finijiet tal-eżami ta’ dik id-domanda, qabel kollox, għandu jiġi ddeterminat liema huma l-kriterji li użat il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex iżżomm lill-kumpannija parent responsabbli għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha, kif ukoll il-konformità tagħhom mal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar dan is-suġġett, u sussegwentement, biex tivverifika jekk il-Kummissjoni applikatx dawk il-kriterji b’mod korrett sabiex tikkonkludi li Agroexpansión u r-rikorrenti kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda.

 Fuq il-kriterji użati mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex iżżomm lil kumpannija parent responsabbli għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha

104    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex iżżomm lil kumpannija parent responsabbli għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha u, konsegwentement, tinkludiha fost id-destinatarji ta’ dik id-deċiżjoni u tiddikjaraha responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta kontra dik il-kumpannija sussidjarja, il-Kummissjoni segwiet ir-raġunament li ġej.

105    Il-Kummissjoni telqet mill-premessa li tali imputazzjoni hija possibbli meta l-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jkunu jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, bħala konsegwenza, jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE (ara l-premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

106    L-element ċentrali li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqu biex tistabbilixxi li l-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jinsabu f’tali sitwazzjoni hija l-assenza ta’ awtonomija ta’ din tal-aħħar f’dak li jirrigwarda l-aġir tagħha fis-suq (ara l-premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li dak in-nuqqas ta’ awtonomija huwa l-konsegwenza tal-eżerċizzju ta’ “influwenza determinanti” tal-kumpannija parent fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha (ara l-premessi 18, 372, 373, 378, 380, 381, 383, 391, 392, 397, 399, 400, 422 u 441 tad-deċiżjoni kkontestata).

107    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li hija ma setgħetx sempliċement tikkonstata li l-kumpannija parent kellha l-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, iżda kellha turi dik l-influwenza effettivament ġiet eżerċitata (ara, b’mod partikolari, il-premessi 18, 376, 384, 391, 392, 397, 399 u 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

108    B’hekk, b’mod partikolari, mill-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm lok li Sepi tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq minn Cetarsa, li din kienet iżżomm madwar 80 % tal-kapital tagħha, dan kien minħabba l-fatt li hija ma kellha l-ebda element fil-fajl tagħha li kien jippermettilha li tistabbilixxi li din tal-aħħar ma kinitx tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq.

109    Bl-istess mod, mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni la żammet responsabbli lil Universal u lanqas lill-kumpannija sussidjarja tagħha b’100 % tal-ishma, Universal Leaf, għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija sussidjarja b’90 % tal-ishma ta’ din tal-aħħar Taes, hija għaliex ma kellhiex provi suffiċjenti li dawn kienu effettivament eżerċitaw influwenza determinanti fuq din tal-aħħar.

110    Dawn huma l-istess prinċipji li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tapplika fil-każ tal-kumpanniji parent ta’ WWTE, fir-rigward tal-perijodu preċedenti għal Mejju 1998. B’hekk, l-ewwel, hija ntrabtet sabiex turi li dawk il-kumpanniji parent kienu jeżerċitaw kontroll konġunt fuq WWTE mal-president tagħha u ma’ żewġ membri tal-familja tiegħu, u b’hekk seta’ jinftiehem li dawn kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija (ara l-premessi 388 sa 391 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ elementi stabbiliti fil-premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, ipprovat tistabbilixxi li l-imsemmija kumpanniji parent effettivament kienu jeżerċitaw tali influwenza fuq l-aġir ta’ WWTE (ara l-premessi 391, 392 u 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

111    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha l-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja tagħha, seta’ jiġi preżunt, skont il-ġurisprudenza, li din tal-ewwel kienet effettivament terżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar (ara l-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    Madankollu, f’dan il-każ, sabiex iżżomm lill-kumpanniji parent li jinsabu f’tali sitwazzjoni responsabbli għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħhom, il-Kummissjoni għażlet li ma tillimitax ruħha għal dik il-preżunzjoni, iżda li tibbaża ruħha wkoll fuq elementi ta’ fatt intiżi sabiex jistabbilixxu li dawk il-kumpanniji parent kienu effettivament jeżerċitaw influwenza determinanti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħhom, u b’hekk, li tikkorrobora dik il-preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, il-premessi 372, 375, 376 u 378 tad-deċiżjoni kkontestata).

113    B’hekk, jirriżulta espressament mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata li, għalkemm il-Kummissjoni ma żammitx responsabbli lill-kumpanniji parent ewlenin u intermedjarji ta’ Deltafina, jiġifieri Universal u Universal Leaf, għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija sussidjarja tagħhom, minkejja l-fatt li huma jikkontrollawha 100 %, dan kien għaliex ma kellhiex provi suffiċjenti li huma effettivament kienu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq dik il-kumpannija sussidjarja. Huwa wkoll f’dan is-sens li għandha tinftiehem il-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk din hija fformulata f’termini kemxejn ambigwi. B’mod iktar partikolari, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni tiddikjara, f’dik il-premessa, li fil-fajl tagħha ma hemm “ebda indikazzjoni tal-parteċipazzjoni materjali ta’ Universal […] u ta’ Universal Leaf fil-fatti eżaminati fid-[deċiżjoni kkontestata]”, madankollu, meta tinqara b’mod parallel mal-premessa 18 ta’ dik id-deċiżjoni u titpoġġa fil-kuntest tagħha, dik id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li r-raġuni għalfejn hija ma żammitx responsabbli lil dawn iż-żewġ kumpanniji parent – jew xi kumpannija parent oħra – kienet minħabba li huma ma kinux involuti fil-ksur.

114    Bl-istess mod, jirriżulta wkoll espressament mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata li r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma żammitx lil Intabex responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Agroexpansión, minkejja li din tikkontrollaha 100 %, hija n-nuqqas ta’ provi suffiċjenti fir-rigward tal-eżerċizzju effettiv, minn din tal-ewwel, ta’ influwenza determinanti fuq din tal-aħħar, peress li l-parteċipazzjoni tagħha hija ta’ natura purament finanzjarja (ara wkoll il-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata).

115    Min-naħa l-oħra, il-fatt huwa preċiżament li, fir-rigward tal-perijodu wara Mejju 1998, kienu allegatament jeżistu tali provi fir-rigward tal-kumpanniji parent ta’ WWTE, minbarra li dawn tal-ewwel kellhom l-ishma kollha – jew, għal xi ftit xhur biss, kważi kollha – ta’ din tal-aħħar, liema ħaġa wasslet lill-Kummissjoni biex iżżomm lil dawk il-kumpanniji parent responsabbli għall-ksur (ara, b’mod partikolari, il-premessi 375, 393, 396 u 398 tad-deċiżjoni kkontestata).

116    Dan huwa l-istess metodu li l-Kummissjoni riedet tapplika fil-każ tar-rikorrenti. B’hekk, sabiex tiddikjara lil din tal-aħħar responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Agroexpansión mit-tieni semestru tas-sena 1997, hija ma llimitatx ruħha li tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li tirriżulta mill-fatt li minn dak iż-żmien, hija kellha l-ishma kollha ta’ Agroexpansión (ara l-premessi 375, 377 u 378 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda ħadet inkunsiderazzjoni wkoll ċerti elementi supplementari li juru li hija effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din l-istess kumpannija (ara l-premessi 375 u 378 sa 380 tad-deċiżjoni kkontestata).

117    Dan jista’ jiġi dedott, b’mod partikolari, mit-tieni sentenza tal-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm huwa indikat li dawk l-elementi supplimentari jikkonfermaw li r-rikorrenti kienet “f’pożizzjoni” li teżerċita tali influwenza (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Huwa minnu li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, dik is-sentenza setgħet tiġi “ifformulata b’mod iktar ċar”. Madankollu, meta tinqara flimkien mal-premessi 372 u 377 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mal-ewwel sentenza tal-premessa 378 ta’ dik id-deċiżjoni, din tista’ tinftiehem biss fis-sens deskritt fil-punt 116 iktar ’il fuq.

118    Finalment, il-Kummissjoni eżaminat jekk jistgħux jiġu aċċettati l-argumenti ppreżentati mill-kumpanniji sussidjarji kkonċernati (u/jew mill-kumpanniji parent tagħhom) fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bil-għan li jiġi stabbilit li huma kienu qegħdin jaġixxu b’mod awtonomu fis-suq (ara, b’mod partikolari, il-premessi 381 u 399 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, fir-rigward tal-argumenti invokati mir-rikorrenti, hija ċaħdithom fuq il-bażi li ma kinux konklużivi, billi rrilevat, b’mod partikolari, li “l-eżistenza ta’ tmexxija lokali tal-kumpannija sussidjarja tagħha Spanjola ma [kinitx teskludi] il-possibbiltà li [r-rikorrenti] teżerċita influwenza determinanti fuq l-istess kumpannija sussidjarja” (premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata).

119    Għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni adottat il-metodu msemmi fil-punti 105 sa 107, 111 u 112 iktar ’il fuq mhux biss għall-kumpanniji parent ewlenin, iżda wkoll għall-kumpanniji parent intermedjarji, hekk kif juri – fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar – il-każ ta’ Universal Leaf, ta’ Intabex, ta’ SCTC u ta’ TCLT.

120    Għandu jingħad ukoll li dak il-metodu – bla ħsara għall-kwistjoni jekk hija applikatux b’mod korrett fil-każ tar-rikorrenti, kwistjoni li ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem – tikkonforma kompletament mal-prinċipji stabbiliti f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza, kif imfakkra fil-punti 89 sa 98 iktar ’il fuq.

121    Huwa minnu li, fir-rigward tal-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm it-totalità tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq il-preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza (ara l-punti 95 u 96 iktar ’il fuq) sabiex turi li l-ewwel waħda effettivament kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tat-tieni waħda, iżda ħadet inkunsiderazzjoni wkoll elementi oħra ta’ fatt intiżi sabiex jikkonfermaw dan l-eżerċizzju.

122    Madankollu, billi pproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni sempliċement żiedet il-livell ta’ prova meħtieġ sabiex hija tikkunsidra li kien stabbilit li l-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti kienet sodisfatta, filwaqt li rrispettat għal kollox il-kunċett fundamentali ta’ unità ekonomika li fuqha hija bbażata l-ġurisprudenza kollha dwar l-imputabbiltà tar-responsabbiltà tal-ksur għall-persuni ġuridiċi li jikkostitwixxu l-istess impriża.

123    Għandu jiġi ppreċiżat li, meta, f’kawża li fiha jiddaħħal inkwistjoni ksur li jimplika lil diversi impriżi differenti, il-Kummissjoni tadotta, f’kuntest stabbilit mill-ġurisprudenza, metodu partikolari sabiex tiddetermina jekk hemmx lok li jinżammu responsabbli kemm il-kumpanniji sussidjarji li wettqu materjalment dan il-ksur, kif ukoll il-kumpanniji parent tagħhom, hija għandha, ħlief f’ċirkustanzi speċifiċi, tibbaża ruħha għal dan il-għan fuq l-istess kriterji fil-każ ta’ dawn l-impriżi kollha. Il-Kummissjoni effettivament hija obbligata li tirrispetta l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li, skont ġurisprudenza stabbilita, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sa kemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 309). Għandu jiġi kkonstatat li barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha l-istess opinjoni peress li, fil-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tindika li “għalkemm iċ-ċirkustanzi preċiżi li jistgħu jwasslu[ha] […] sabiex tikkunsidra kumpannija parent responsabbli għall-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha jistgħu jvarjaw minn każ għal ieħor, ma jistax minħabba dan ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa kemm il-prinċipji ta’ responsabbiltà jiġu applikati b’mod koerenti”.

 Fuq l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika bejn ir-rikorrenti u Agroexpansión

124    Għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni applikatx korrettament, il-kriterji msemmija fil-punti 105 sa 107, 111 u 112 iktar ’il fuq sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika bejn ir-rikorrenti u Agroexpansión sa mit-tieni semestru tas-sena 1997 u, għaldaqstant, li żżomm lil din tal-ewwel responsabbli in solidum għall-ksur kif ukoll għall-ħlas tal-multa u li tinkludiha fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

125    Huwa stabbilit li, matul il-perjodu mit-18 ta’ Novembru 1997 sad-data meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kellha, permezz ta’ Intabex, it-totalità tal-kapital ta’ Agroexpansión. B’hekk, ma jistax jiġi kkontestat li, matul dak il-perjodu kollu, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar (ara l-punt 95 iktar ’il fuq).

126    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dak li jirrigwarda l-istess perjodu, il-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mir-rikorrenti kinitx sodisfatta wkoll, hekk kif issostni l-Kummissjoni.

127    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-kumpanniji sussidjarji kkontrollati 100 % mill-kumpanniji parent tagħhom, il-Kummissjoni għażlet li ma tibbażax ruħha sempliċement fuq il-preżunzjoni msemmija fil-punti 95, 96 u 111 iktar ’il fuq sabiex iżżomm lil dawn tal-aħħar responsabbli għall-ksur imwettaq mill-imsemmija kumpanniji sussidjarji, iżda li tikkunsidra wkoll elementi supplementari li juru l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti (ara l-punti 112 sa 117 iktar ’il fuq).

128    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, flimkien mal-fatt li r-rikorrenti kellha t-totalità tal-kapital ta’ Agroexpansión, jistabbilixxux b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li, matul il-perjodu kkunsidrat, din tal-ewwel kienet effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar. Dawn l-elementi huma elenkati fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 303 u 305 ta’ dik id-deċiżjoni. Essenzjalment, dawn jikkonsistu f’diversi rapporti u korrispondenza mingħand Agroexpansión u li kienu indirizzati, skont il-Kummissjoni, lir-rikorrenti.

129    Fl-affermattiv, ikollu jiġi vverifikat jekk l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, kif riprodotti fil-punti 83 u 84 iktar ’il fuq, jistgħux jinvalidaw dik il-konklużjoni.

–       Fuq ir-“rapporti tal-attivitajiet” u l-“field reports”

130    Il-Kummissjoni tinvoka sensiela ta’ “rapporti tal-attivitajiet” u “field reports” ifformulati minn Agroexpansión, waqt li tirrileva b’mod partikolari li dawn spiss kienu jistabbilixxu l-prattiki illegali inkwistjoni. Dawk ir-rapporti, li jammontaw għal erbatax u li jkopru perjodu minn Diċembru 1998 sa Mejju 2001, huma elenkati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 303 tad-deċiżjoni kkontestata.

131    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija rapporti fihom informazzjoni dettaljata mhux biss dwar diversi aspetti tal-attivitajiet kummerċjali ta’ Agroexpansión, bħall-iżvolġiment ta’ kampanji ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum (kwantitajiet mixtrija, prezzijiet tax-xiri, eċċ.), il-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum ipproċessati u l-kuntratti konklużi ma’ Cetarsa għat-tfarrik ta’ parti mit-tabakk tagħha, dwar l-iżvilupp fir-regolamenti fis-settur tat-tabakk u dwar il-laqgħat li saru fi ħdan l-Anetab kif ukoll mal-assoċjazzjonijiet agrikoli u l-gruppi ta’ produtturi, iżda wkoll – kif ġie enfasizzat fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata – dwar il-prattiki illegali inkwistjoni.

132    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li mill-proċess jirriżulta li r-rapporti inkwistjoni tħejjew minn B. u kienu indirizzati lill-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión.

133    Fir-rigward ta’ dan l-ewwel punt, għandu jiġi rrilevat li, fl-istess jum meta akkwistat l-ishma kollha ta’ Agroexpansión, ir-rikorrenti – permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha 100 % Intabex, li kellha biss parteċipazzjoni ta’ natura purament finanzjarja f’Agroexpansión – issostitwiet tlieta mill-erba’ membri ta’ dak il-bord tad-diretturi, billi nnominat b’mod partikolari lil żewġ persuni (G u T) li diġà kienu jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan kumpanniji oħrajn tal-grupp Dimon. B’hekk, dak iż-żmien, G kien ukoll direttur eżekuttiv ta’ Compañia de Filipinas, SA, kumpannija sussidjarja ta’ Intabex li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Spanja u li hija attiva fil-produzzjoni ta’ tabakk iswed, u T. li kien ukoll impjegat minn Dimon International Services u membru tal-bord tad-diretturi ta’ dik il-kumpannija (sa Awwissu 1998).

134    F’dan il-kuntest, għandha tiġi enfasizzata, b’mod partikolari, l-importanza tal-funzjonijiet li assuma T. fi ħdan il-grupp Dimon. Effettivament, minbarra li kien membru tal-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión matul il-perjodu kollu wara l-akkwist ta’ din tal-aħħar mir-rikorrenti u membru tal-bord tad-diretturi ta’ Dimon International Services sa Awwissu 1998, T. kien jippresjedi l-bord tad-diretturi ta’ żewġ kumpanniji oħrajn tal-grupp Dimon, jiġifieri Intabex Holding Worldwide, SA (mill-1998 sal-1999) u LRH Travel Ltd (sa Novembru 2000). Barra minn hekk, hekk kif indikat ir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huwa kien inkarigat sabiex “jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-grupp Intabex fil-grupp Dimon”. Ma’ dan jiżdied il-fatt li, kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall fil-punt 152 iktar ’il quddiem, minn korrispondenza diversa li tinsab fil-fajl jirriżulta li Agroexpansión ikkonsultat lil ma’ T. dwar kwistjonijiet relatati mal-attivitajiet kummerċjali tagħha jew talbet l-approvazzjoni preliminari tiegħu għall-adozzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kienet fondata meta kkunsidrat li T. kien jaġixxi f’isem il-kumpannija li tinsab f’ras il-grupp Dimon, jiġifieri r-rikorrenti, u li kellu rwol ta’ intermedjarju bejnha u Agroexpansión. Il-fatt li T. kellu kwistjoni mar-rikorrenti, li wasslet lil din tal-aħħar biex ittemm, f’Awwissu 1998, il-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-bord tad-diretturi ta’ Dimon International Services, ma jpoġġix indiskussjoni dik il-konklużjoni. Effettivament, wara dik id-data, T. mhux biss baqa’ impjegat ta’ dik il-kumpannija, iżda baqa’ wkoll membru tal-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión, ta’ Intabex Holding Worldwide u ta’ LRH Travel.

135    L-elementi msemmija fil-punti 132 sa 134 iktar ’il fuq juru li r-rikorrenti, permezz tal-membri li hija ħatret fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión u, b’mod partikolari, T, kellha l-iskop li tissorvelja l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar u tagħmel ċert li dawn jiżviluppaw b’mod konformi mal-politika kummerċjali tal-grupp Dimon. B’hekk, għalkemm formalment ir-“rapporti tal-attivitajiet” u l-“field reports” inkwistjoni kienu jintbagħtu lil dawk il-membri u mhux direttament lir-rikorrenti nnifisha, il-Kummissjoni kienet fondata meta stmat, fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, li dik il-kumpannija kienet infurmata bil-kontenut ta’ dawk ir-rapporti u, singolarment, dwar il-prattiki illegali inkwistjoni. Dik il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt, irrilevat fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija rapporti kienu tradotti sistematikament mill-Ispanjol għall-Ingliż, li hija l-lingwa ta’ ħidma tar-rikorrenti.

136    Finalment, għandu jiġi rrilevat li huwa stabbilit li r-rikorrenti, li kienet mingħajr kontestazzjoni f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Agroexpansión (ara l-punti 95 u 125 iktar ’il fuq), qatt ma esprimiet l-oppożizzjoni tagħha għall-prattiki illegali li kienet taf bihom u lanqas ma ħadet xi miżura kontra l-kumpannija sussidjarja tagħha sabiex iżżommha milli tkompli tipparteċipa fil-ksur, u dan minkejja r-riskju ta’ prosekuzzjonijiet jew azzjonijiet għad-danni minn terzi li hija esponiet ruħha għalihom billi aġixxiet b’dan il-mod (ara wkoll il-premessa 382 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tiddeduċi minn dan li r-rikorrenti approvat b’mod taċitu l-parteċipazzjoni msemmija u tikkunsidra li tali aġir kien jikkostitwixxi indikazzjoni supplementari tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha.

–       Fuq il-korrispondenza bejn Agroexpansión u r-rikorrenti

137    Il-Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll fuq għadd ta’ korrispondenza bejn Agroexpansión u r-rikorrenti, filwaqt li rrilevat li wħud minnhom kienu jsemmu l-prattiki illegali inkwistjoni, li oħrajn kienu jirrigwardaw il-kuntratti ta’ pproċessar ta’ tabakk jew ta’ bejgħ ta’ tabakk ipproċessat li r-rikorrenti kienet ikkonkludiet ma’ Cetarsa u Deltafina u li oħrajn kienu jirrigwardaw, b’mod iktar ġenerali, il-kundizzjonijiet ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum u l-qafas regolamentarju applikabbli fi Spanja.

138    Fir-rigward tal-korrispondenza li tifforma parti mill-ewwel kategorija msemmija fil-punt 137 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, tirreferi, bħala eżempju, għall-premessi 168 u 179 u għan-noti ta’ qiegħ il-paġna 217 u 229 ta’ dik id-deċiżjoni.

139    Qabel kollox, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dik il-korrispondenza effettivament tirreferi għall-prattiki illegali inkwistjoni.

140    B’hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-faks mibgħuta minn B. lil D. (fi ħdan Dimon International, kumpannija sussidjarja tal-grupp Dimon stabbilita fl-Istati Uniti) fl-14 ta’ Diċembru 1998, imsemmija fil-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kellhiex bħala skop esklużiv kuntratt ta’ bejgħ ta’ tabakk ipproċessat li Agroexpansión kienet ikkonkludiet ma’ Deltafina, iżda kienet tirrigwarda wkoll dawk il-prattiki. Dan jirriżulta b’mod ċar mit-tielet paragrafu ta’ dik il-faks, fejn B. indika dan li ġej:

“Malli nirċievi l-prezzijiet tal-erba’ kumpanniji, inżommok infurmat. Madankollu, nista’ ngħidlek minn issa li l-problemi li dehru daqstant serji meta inti żortna fi Spanja spiċċaw, għaliex il-kumpanniji kollha stabbilixxew il-prezzijiet tagħhom madwar il-prezz miftiehem ta’ 87 [pesetas Spanjoli (ESP)] (bejn 2 jew 3 ESP iktar jew inqas) [għal kull kg], fejn dawn il-prezzijiet huma l-prezzijiet uffiċjali, anki jekk nassumu li Cetarsa għamlet ħlasijiet oħra lill-produtturi bħalna.”

141    Għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’jifhem ir-rikorrenti, D. ma kienx sempliċement impjegat tad-dipartiment finanzjarju ta’ Dimon International, iżda kien ukoll b’mod partikolari membru tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti.

142    Il-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal rapport ta’ B. tal-5 ta’ Mejju 1998, li kien indirizzat lil T. u li kopja tiegħu ntbagħtet il-ġurnata ta’ qabel b’faks minn B. liż-żewġ membri l-oħra tal-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión. Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-rapport, li jiddeskrivi l-iżvolġiment tal-kampanja ta’ xiri tat-tabakk tas-sena 1998, huwa partikolarment indikat li “Agroexpansión tat kontribut importanti sabiex l-impriżi jaslu għal ċerti akkordji bil-għan li tiġi evitata l-gwerra tal-prezzijiet tas-sena [preċedenti]”, li “il-prezzijiet ġew innegozjati mal-assoċjazzjonijiet u l-[gruppi ta’ produtturi tat-tabakk]”, li, “għall-ewwel darba, […] il-gwerra bejn l-impriżi [ġiet evitata] u li kull impriża setgħet tixtri l-kwantitajiet li riedet” u li “in-negozjati ma’ [dawk il-gruppi] kienu diffiċli iżda l-impriżi kollha sostnew il-pożizzjoni tagħhom b’serjetà u fi spirtu ta’ kollaborazzjoni”. Fl-imsemmi rapport jingħad ukoll li Agroexpansión u WWTE ntrabtu li jixtru l-istess kwantitajiet ta’ tabakk bħas-sena preċedenti u li l-proċessuri ftehmu li jagħti lill-gruppi ta’ produtturi ħlasijiet bil-quddiem ta’ 35 ESP/kg għall-varjetà Virginia u ta’ 45 ESP/kg għall-varjetajiet Burley. Finalment, issemmiet l-“opportunità ta’ akkordji oħrajn fil-futur bejn il-proċessuri”. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jiġi kkontestat li r-rapport tal-5 ta’ Mejju 1998 kien jagħmel referenza għall-prattiki illegali inkwistjoni.

143    L-istess jgħodd fir-rigward tal-email ta’ B. lil S. tat-30 ta’ Ottubru 2000, li tirreferi għaliha n-nota ta’ qiegħ il-paġna 217 tad-deċiżjoni kkontestata. Effettivament, f’dik l-email, B. jibda billi jfakkar li, matul laqgħa organizzata fi ħdan l-Anetab, il-proċessuri kienu ddiskutew żieda fil-prezzijiet mitluba mil-gruppi u mill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi u kienu ftehmu b’mod unanimu li ma jaċċettawhiex. Sussegwentement, dan jgħid li, matul laqgħa li saret ma’ dawk il-gruppi u assoċjazzjonijiet, il-proċessuri sostnew il-pożizzjoni tagħhom u indikaw b’mod ċar lil dawn tal-aħħar li kienu qegħdin jiċħdu t-talba għal żieda ta’ 20 % li huma kienu ppreżentaw.

144    Fir-rigward tal-email ta’ B. lil S. tad-9 ta’ Mejju 2001, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 229 tad-deċiżjoni kkontestata, fiha hemm indikat li l-proċessuri ltaqgħu fil-kwartjieri ġenerali tal-Anetab “biex iħejju d-diskussjonijiet mal-produtturi dwar il-prezzijiet” u b’hekk tagħmel referenza ċara għall-fatt li dawn tal-ewwel kienu jaqblu dwar il-prezzijiet tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum.

145    Sussegwentement, bħal fil-każ tar-“rapporti tal-attivitajiet” u l-“field reports” iċċitati iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet fondata meta kkunsidrat, fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet infurmata dwar il-kontenut tad-dokumenti msemmija fil-punti 140 sa 144 iktar ’il fuq u, b’hekk, dwar il-prattiki illegali inkwistjoni, minkejja li, formalment, dawn ma kinux indirizzati lilha.

146    B’hekk, fir-rigward tar-rapport tal-5 ta’ Mejju 1998 li B. kien bagħat lil T. (ara l-punt 142 iktar ’il fuq), diġà ġie spjegat fil-punt 134 iktar ’il fuq li dan tal-aħħar kien qed jaġixxi f’isem ir-rikorrenti u kien qed jaqdi r-rwol ta’ intermedjarju bejnha u Agroexpansión. F’dak li jirrigwarda l-faks tal-14 ta’ Diċembru 1998 (ara l-punt 140 iktar ’il fuq), li kienet intbagħtet lil D. fi ħdan Dimon International, biżżejjed jitfakkar li dan tal-aħħar kien b’mod partikolari membru tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti.

147    Rigward l-emails tat-30 ta’ Ottubru 2000 u tad-9 ta’ Mejju 2001 (ara l-punti 143 u 144 iktar ’il fuq), dawn intbagħtu lil S. Kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, dan tal-aħħar ma kienx sempliċement impjegat ta’ Dimon International Services, iżda kellu pożizzjoni ewlenija fi ħdan il-grupp Dimon, b’tali mod li, bħal fil-każ ta’ T., il-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkunsidra li huwa kien qed jaġixxi f’isem il-kumpannija li kienet tinsab f’ras dak il-grupp, f’dan il-każ ir-rikorrenti. B’hekk, Agroexpansión indikat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li r-rikorrenti hemżet mar-rikors, li mis-sena 2000, S. “kellu pożizzjoni ta’ koordinazzjoni tal-operazzjonijiet fl-Ewropa”. Bl-istess mod, Agroexpansión, fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Marzu 2002 għal talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni, li din tal-aħħar ikkomunikat lill-Qorti Ġenerali wara domanda bil-miktub li saritilha fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 69 iktar ’il fuq), ippreċiżat li S. kien jeżerċita l-funzjonijiet ta’ “direttur reġjonali tal-grupp Dimon fl-Ewropa”. Barra minn hekk, fir-rapport finanzjarju annwali dwar is-sena fiskali li għalqet fit-30 ta’ Ġunju 2001 li hija ppreżentat lill-U.S. Securities Exchange Commission (Kummissjoni tal-Operazzjonijiet tal-Borża tal-Istati Uniti), ir-rikorrenti indikat li S. kien jokkupa fi ħdanha, minn Marzu 1999, il-kariga ta’ “Senior Vice President-Regional Director Europe”.

148    Ċerti indikazzjonijiet li jinsabu fl-email tad-9 ta’ Mejju 2001 u fir-risposta ta’ S. għaliha jkomplu jikkonfermaw l-importanza tar-rwol tiegħu fi ħdan il-grupp Dimon. B’hekk, f’dik l-email, B. informa wkoll lil S. dwar laqgħa li kellu mal-president ta’ Deltafina, flimkien ma’ dik li saret fil-kwartjieri ġenerali tal-Anetab, sabiex jiddiskuti żewġ kwistjonijiet li huwa ddeskriva bħala “importanti ħafna” u jindika lil dan tal-aħħar biex iċempillu kemm jista’ jkun malajr sabiex jaslu għal ftehim dwar dan is-suġġett. B’email li ntbagħtet dakinhar stess, S. irrisponda lil B. li kien għadu kemm tkellem mal-president ta’ Deltafina u li huma kienu ftehmu li jiltqagħu mill-aktar fis. Huwa indika wkoll lil B. li kien jaqbel mal-proposti li dan tal-aħħar kien għamel dwar il-kwistjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

149    Finalment, il-Kummissjoni setgħet tiddeduċi b’mod leġittimu min-nuqqas ta’ kull reazzjoni min-naħa tar-rikorrenti għall-parteċipazzjoni ta’ Agroexpansión fil-ksur, minkejja li hija kienet ġiet infurmata dwar dan, li hija approvat b’mod taċitu l-aġir illegali tal-kumpannija sussidjarja tagħha, u setgħet tikkunsidra li dan kien jikkostitwixxi ħjiel supplementari tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tagħha (ara l-punt 136 iktar ’il fuq).

150    Fir-rigward tal-korrispondenza tat-tieni kategorija msemmija fil-punt 137 iktar ’il fuq, din hija identifikata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 304 tad-deċiżjoni kkontestata. Essenzjalment, din tikkonsisti f’faksijiet jew emails skambjati bejn B., min-naħa waħda, u T. jew S., min-naħa l-oħra. Għar-raġunijiet diġà msemmija fil-punti 134, 147 u 148 iktar ’il fuq, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala li kienu qegħdin jaġixxu f’isem ir-rikorrenti.

151    Parti minn dik il-korrispondenza kienet tirrigwarda kuntratt datat Settembru 1998 u li ġie nnegozjat mill-ġdid fl-2001 li permezz tiegħu ċerti operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ tabakk ta’ Agroexpansión ġew subappaltati lil Cetarsa. Minn dik il-korrispondenza jirriżulta b’mod ċar li dak il-kuntratt ġie konkluż minn B. f’isem u għan-nom tar-rikorrenti u li din tal-aħħar, permezz ta’ T. u S., effettivament eżerċita influwenza determinanti fuq in-negozjati ta’ dak il-kuntratt.

152    B’hekk, f’faks tad-9 ta’ Settembru 1998 lil T., B., wara li indika li reċentement kellu diversi laqgħat ma’ Cetarsa sabiex jipprova jirregola l-“kwistjonijiet pendenti [tar-rikorrenti]”, talab espressament il-kunsens ta’ T. dwar ċerti kundizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-minuti ta’ waħda mil-laqgħat mehmuża ma’ dik il-faks. Għandu jiġi enfasizzat li, f’dawk il-minuti, B. huwa identifikat espressament bħala r-rappreżentant tar-rikorrenti. Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li, f’faks tal-14 ta’ Settembru 1998, B. informa lil T. li, “b’mod konformi ma’ […] l-indikazzjonijiet [tiegħu]”, huwa reġa’ ltaqa’ ma’ Cetarsa u saru modifiki għall-kuntratt li kellu jiġi ffirmat ma’ din tal-aħħar, u f’dan ir-rigward talab il-kunsens ta’ T. F’faks tal-15 ta’ Settembru 1998, B. indika lil T. li huwa kkomunika lil Cetarsa l-proposta ta’ modifika li din tal-aħħar kienet bagħtitlu l-ġurnata ta’ qabel u li dak il-proċessur kien għamel kontroproposta. B. talab lil T. biex jinfurmah jekk dik il-kontroproposta kellhiex tiġi aċċettata. Finalment, għandu jiġi osservat li, fil-verżjoni finali tal-kuntratt konkluż ma’ Cetarsa, li B. bagħat lil T. b’faks tat-18 ta’ Settembru 1998, ir-rikorrenti hija identifikata espressament bħala waħda miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u B. bħala r-rappreżentant tagħha.

153    Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li, f’email tat-3 ta’ April 2001, B. informa lil S. dwar l-iżvolġiment tan-negozjar mill-ġdid tal-kuntratt imsemmi fil-punt 152 iktar ’il fuq, waqt li esprima t-tħassib li Cetarsa teżiġi mingħand ir-rikorrenti l-istess kundizzjonijiet li hija kienet ftehmet ma’ M., il-president ta’ Deltafina, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż b’mod parallel ma’ din tal-aħħar f’isem Universal, u b’hekk talab lil S. biex jagħmel kuntatt ma’ M. Minn email tal-ġurnata ta’ wara ta’ S. lil T. jirriżulta li dan tal-ewwel effettivament ipprova jagħmel kuntatt ma’ M.

154    Finalment, għandu jiġi osservat li, f’email tas-7 ta’ Marzu 2001, B. jirrapporta lil S. dwar laqgħa li, “kif kien ġie miftiehem f’Camberley” (fejn jinsabu l-kwartjieri ġenerali ta’ Dimon International Services fir-Renju Unit), saret il-ġurnata ta’ qabel ma’ rappreżentant ta’ Cetarsa u li matulha huma ddiskutew b’mod partikolari ċerti aspetti tal-kuntratt li kien qed jiġi nnegozjat mill-ġdid ma’ din tal-aħħar.

155    Korrispondenza oħra li taqa’ taħt it-tieni mill-kategoriji msemmija fil-punt 137 iktar ’il fuq tirrigwarda kuntratt li permezz tiegħu Deltafina kellha tixtri ammont kbir ta’ tabakk ipproċessat mingħand Agroexpansión. B’hekk, f’faks tal-14 ta’ Settembru 1998, T. talab lil B. biex jagħtih kjarifiki dwar ċerti prezzijiet u kundizzjonijiet oħrajn miftiehma fil-kuntest ta’ dak il-kuntratt. B’faks li ntbagħtet dakinhar stess, B. ta kjarifiki lil T. Bl-istess mod, fil-faks tal-14 ta’ Diċembru 1998 imsemmija fil-punt 140 iktar ’il fuq, B., minbarra li għamel referenza għall-prattiki illegali inkwistjoni, jirrispondi għal domanda li D. – li kien b’mod partikolari membru tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti – kien għamillu dwar l-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt. Finalment, l-email tad-9 ta’ Mejju 2001 imsemmija fil-punti 144 u 147 iktar ’il fuq tistabbilixxi mhux biss li r-rikorrenti kienet infurmata dwar dawk il-prattiki, iżda wkoll li hija kellha influwenza fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn Agroexpansión u Deltafina.

156    Finalment, fir-rigward tat-tielet tip ta’ korrispondenza msemmija fil-punt 137 iktar ’il fuq, din hija elenkata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 305 tad-deċiżjoni kkontestata.

157    Din tikkonsisti f’emails mibgħuta minn B. lil S. li, kif tindika l-Kummissjoni fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, jirrigwardaw, b’mod iktar ġenerali, il-kundizzjonijiet tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum u l-qafas regolatorju applikabbli fi Spanja. Dik il-korrispondenza hija rilevanti inkwantu turi li r-rikorrenti, permezz ta’ S., kienet qiegħda ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fis-suq Spanjol.

158    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-korrispondenza eżaminata fil-punti 150 sa 157 iktar ’il fuq ma hijiex relatata max-xiri tat-tabakk mhux maħdum, dan ma huwiex rilevanti. Effettivament, l-awtonomija ta’ kumpannija sussidjarja fil-konfront tal-kumpannija parent ma għandhiex tiġi evalwata esklużivament fir-rigward tal-attività tagħha fil-qasam tal-prodotti kkonċernati mill-ksur. Hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 92 iktar ’il fuq, sabiex jiġi stabbilit jekk kumpannija sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jorbtu lill-kumpannija sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ lista eżawrjenti.

–       Fuq l-argumenti invokati mir-rikorrenti sabiex turi li Agroexpansión kienet qiegħda taġixxi b’mod awtonomu fis-suq

159    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tibbaża parti kbira mir-raġunament tagħha fuq l-argument li jgħid li l-influwenza determinanti li għandha teżerċita kumpannija parent sabiex tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha għandha tirrigwarda attivitajiet li huma marbuta direttament ma’ dak il-ksur, f’dan il-każ ix-xiri ta’ tabakk mhux maħdum. Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 92 u 158 iktar ’il fuq, dak l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

160    B’hekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija qatt ma stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ kontroll tal-attivitajiet ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum ta’ Agroexpansión ma hijiex suffiċjenti biex tistabbilixxi li din tal-aħħar kienet qiegħda taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. L-istess jgħodd għall-allegazzjoni tagħha fejn tgħid li hija qatt ma tat ordni jew struzzjoni lil Agroexpansión fir-rigward tal-politika ta’ xiri tagħha jew tal-laqgħat tagħha mal-proċessuri l-oħrajn jew mal-produtturi. Dawk l-allegazzjonijiet huma saħansitra inqas konklużivi peress li, kif jirriżulta mid-dokumenti eżaminati fil-punti 150 sa 155 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, permezz ta’ T. jew S., kienet tintervjeni f’aspetti oħrajn tal-politika kummerċjali ta’ Agroexpansión, jiġifieri s-sottokuntrattar ta’ ċerti operazzjonijiet ta’ proċessar ta’ tabakk mhux maħdum u l-bejgħ ta’ tabakk ipproċessat.

161    Sussegwentement, fir-rigward tal-fatt li B. u d-diretturi l-oħrajn ta’ Agroexpansión inżammew fil-kariga tagħhom meta din tal-aħħar ġiet akkwistata minn Intabex, dan fih innifsu ma jurix li Agroexpansión kienet qed taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Effettivament, dan il-fat jirriżulta mhux minn deċiżjoni awtonoma ta’ din tal-aħħar, iżda minn għażla li saret xjentament mir-rikorrenti nfisha, hekk kif hija indikat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, waqt li ġġustifikat dik l-għażla abbażi tan-nuqqas ta’ esperjenza tagħha fil-qasam tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum fi Spanja u tal-ostaklu lingwistiku.

162    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kuntratt ta’ tmexxija, għalkemm huwa minnu li dan jagħti poteri estiżi lil B. fir-rigward tal-ġestjoni ta’ Agroexpansión u, singolarment, tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum, xorta jibqa’ l-fatt li dan jipprevedi espressament, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li din tal-aħħar hija obbligata li taġixxi b’mod li tirrispetta, b’mod partikolari, il-“metodi u l-proċeduri imposti fuqha mill-bord tad-diretturi [ta’ Agroexpansión]”. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2) tal-kuntratt ta’ tmexxija jobbliga lil B. li “jinforma regolarment u b’mod iddettaljat [lil dak il-bord tad-diretturi] dwar l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-kumpannija u li jħejji u jippreżenta fid-dati u fil-forma indikati lilu r-rapporti li [l-imsemmi] bord tad-diretturi jista’ jitlob”. B’hekk huwa ċar li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, inkluż dawk dwar ix-xiri tat-tabakk mhux maħdum, B. baqa’ suġġett għall-kontroll tal-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión kif ukoll għad-direttivi li setgħu jiġu indirizzati lilu. Meta ġiet mistoqsija dwar dan is-suġġett mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrenti barra minn hekk ammettiet espressament li, kif kien il-każ għal kull kumpannija oħra fi Spanja, il-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión kellu s-setgħa li jiċħad, jimmodifika jew jannulla d-deċiżjonijiet tad-direttur ġenerali tiegħu. Il-fatt, jekk nippreżumu li ġie stabbilit, li fil-prattika dak il-bord tad-diretturi qatt ma pproċeda b’dak il-mod jew fassal “metodi” jew “proċeduri” bħal dawk imsemmija iktar ’il fuq ma jbiddel xejn mill-fatt li, għall-kuntrarju ta’ dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, B. ma kellux libertà totali ta’ azzjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-kumpannija u lanqas tal-politika tagħha ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum. Għandu jingħad ukoll li ma kienx hemm xejn eċċezzjonali dwar l-għoti ta’ setgħat lil B. fil-kuntratt ta’ tmexxija u li dan b’ebda mod ma kien jiddistingwi lil Agroexpansión minn kumpanniji oħrajn taħt id-dritt Spanjol, għall-kuntrarju ta’ dak li tridna nemmnu r-rikorrenti. Effettivament, huwa pjuttost normali li l-bord tad-diretturi ta’ kumpannija ma jiħux ħsieb l-attivitajiet ta’ kuljum tagħha.

163    Fid-dawl tal-konstatazzjoni fil-punt 135 iktar ’il fuq, li tgħid li r-rikorrenti, permezz tal-membri li hija kienet ħatret fuq il-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión u, b’mod partikolari, T., kienet tagħmel superviżjoni tal-attivitajiet tagħha, l-argumenti bbażati fuq il-kuntratt ta’ tmexxija u s-setgħat mogħtija lil B. ma humiex konvinċenti. F’dan l-istess sens, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar ġenerali, il-fatt li Agroexpansión għandha t-tmexxija lokali tagħha stess, għandu jiġi kkunsidrat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li dan ma jurix fih innifsu li hija tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu mill-kumpannija parent tagħha. B’hekk, f’din il-kawża, għalkemm ċertament Agroexpansión tinsab f’dik is-sitwazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li hija kienet taġixxi taħt is-superviżjoni tar-rikorrenti u li din tal-aħħar kellha saħansitra rwol attiv f’ċerti aspetti tal-politika kummerċjali tagħha (ara, b’mod partikolari, il-punti 150 sa 155 iktar ’il fuq).

164    Finalment, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li ebda wieħed mill-erba’ membri tal-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión ma kien fl-istess ħin membru tal-bord tad-diretturi jew tal-korpi ta’ tmexxija tagħha stess, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm is-sovrapożizzjoni ta’ diretturi bejn kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha tikkostitwixxi indizju tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, ma jistax jiġi dedott min-nuqqas ta’ tali sovrapożizzjoni li dik il-kumpannija sussidjarja taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. Għandu jingħad ukoll li, kif diġà ntqal fil-punt 133 iktar ’il fuq, tnejn mill-erba’ membri tal-bord tad-diretturi ta’ Agroexpansión li kienu nħatru mir-rikorrenti meta hija akkwistat lil din tal-aħħar permezz ta’ Intabex diġà kienu jeżerċitaw funzjonijiet importanti fi ħdan kumpanniji oħrajn tal-grupp Dimon.

165    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li kienet teżisti entità ekonomika unika bejn Agroexpansión u r-rikorrenti mit-18 ta’ Novembru 1997 u b’hekk, żammet lil din tal-aħħar responsabbli in solidum għall-ksur kif ukoll għall-ħlas tal-multa u inkludietha fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

166    Fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 99 sa 101 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament ukoll ibbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat miksub mir-rikorrenti fl-2003, is-sena ta’ qabel dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tikkalkula l-limitu massimu ta’ 10 % previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

167    Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Fuq il-ħames motiv, li jallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

168    Matul is-seduta, ir-rikorrenti invokat motiv ġdid, li jallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Insostenn ta’ dan il-motiv, qabel kollox, hija ssostni li mid-deċiżjoni kkontestata ma jidhirx li l-elementi msemmija fil-premessa 379 tagħha kienu jintiżi biex jikkorroboraw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti li tirriżulta mill-fatt li hija kellha l-kapital kollu ta’ Agroexpansión. Dawk l-elementi jikkonċernaw, fir-realtà, il-possibbiltà li tiġi eżerċitata tali influwenza. Sussegwentement, mid-deċiżjoni kkontestata lanqas ma jirriżulta li l-Kummissjoni kienet tikkunsidra li r-rapporti u l-korrispondenza mibgħuta lil T. kienu indirizzati lir-rikorrenti. Finalment, fin-noti tagħha intiżi biex tistabbilixxi dan l-aħħar fatt, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dokument mhux inkluż fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri faks ta’ B. lil T. tad-29 ta’ April 1998.

169    Il-Kummissjoni tosserva li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba li huwa ġdid u, f’kull każ, infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

170    Għandu jiġi kkonstatat li kien biss matul is-seduta li r-rikorrenti, għall-ewwel darba, issollevat motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Madankollu, dik iċ-ċirkustanza ma tfissirx li l-Qorti Ġenerali ma tistax teżaminah f’din il-kawża. Effettivament, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-motiv ibbażat fuq xi nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni u li, konsegwentement, jista’ jiġi invokat mill-partijiet f’kull stadju tal-proċeduri (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punt 125).

171    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma hemmx bżonn li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 58).

172    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, meta deċiżjoni skont l-Artikolu 81 KE tkun tirrigwarda għadd ta’ destinatarji u tkun toħloq problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, din għandha tinkludi motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull destinatarju, b’mod partikolari dawk li, skont dik id-deċiżjoni, iridu jerfgħu l-piż ta’ dak il-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1994, AWS Benelux vs Il-Kummissjoni, T‑38/92, Ġabra p. II‑211, punt 26, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punt 93).

173    Fil-kawża preżenti, mis-sunt tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda lid-destinatarji tagħha li jidhru fil-punti 27 sa 37 iktar ’il fuq kif ukoll mill-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punti 104 sa 119 iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet għalfejn hija kienet iddeċidiet li żżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur imwettaq minn Agroexpansión. Il-Kummissjoni b’hekk iddikjarat, b’referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, il-prinċipji li kien beħsiebha tapplika biex tiddefinixxi lil dawk id-destinatarji. F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku lir-rikorrenti, qabel kollox, hija rrilevat li wara t-tieni semestru tas-sena 1997, hija kellha l-kapital kollu ta’ Agroexpansión. Wara, hija kkunsidrat li kien stabbilit li r-rikorrenti eżerċitat effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Agroexpansión, billi bbażat ruħha f’dan ir-rigward mhux biss fuq il-preżunzjoni li tirriżulta miż-żamma tat-totalità tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha, iżda wkoll fuq ċerti elementi supplementari li jikkorroboraw dak l-eżerċizzju effettiv. Fl-aħħar, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jippermettu li ssir konklużjoni kuntrarja.

174    Ċertament, it-tieni sentenza tal-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata tista’ toħloq konfużjoni, billi tindika li l-elementi supplimentari deskritti fil-premessa segwenti jikkonfermaw “il-preżunzjoni li [ir-rikorrenti] kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti”. Madankollu, kif diġà ssemma fil-punt 117 iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod ċar minn qari kkombinat tal-premessi 372 u 377 kif ukoll mill-ewwel sentenza tal-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata li, fir-realtà, dawk l-elementi kienu intiżi biex jikkorroboraw il-preżunzjoni li tgħid li kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha meta hija jkollha t-totalità tal-kapital tagħha. Ir-rikorrenti hija saħanistra inqas iġġustifikata meta tallega li ma setgħetx tifhem id-deċiżjoni kkontestata f’dan is-sens, peress li fir-rikors, hija tikkontesta espressament li dawk l-elementi jikkonfermaw li hija kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Agroexpansión. B’mod ċar, l-għan tal-preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza, imsemmija fil-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punti 95 u 96 iktar ’il fuq, ma huwiex il-possibbiltà li tiġi eżerċitata tali influwenza, iżda l-eżerċizzju effettiv tagħha.

175    Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tallega b’mod serju li hija ma setgħetx tifhem, qabel ma rat in-noti tal-Kummissjoni, li din tal-aħħar kienet tikkunsidra li T. kellu jitqies li qiegħed jaġixxi bħala intermedjarju għaliha. Effettivament, min-naħa waħda, il-parti l-kbira tad-dokumenti identifikati espressament fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 303 u 304 tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni tiddeskrivi, f’dik id-deċiżjoni, bħala li ntbagħtu lir-rikorrenti kienu indirizzati lil T. Min-naħa l-oħra, kemm fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fir-rikors, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet iddettaljati dwar ir-rwol u l-funzjonijiet ta’ T. fi ħdan il-grupp Dimon, billi insistiet b’mod partikolari fuq il-fatt li huwa qatt ma kien membru tal-bord tad-diretturi, tal-korpi ta’ tmexxija jew tal-persunal tagħha.

176    Finalment, fir-rigward tal-faks tad-29 ta’ April 1998 ta’ B. lil T., biżżejjed jiġi rrilevat li din ma ntużatx mill-Qorti Ġenerali bħala element ta’ prova biex tiġi vvalidata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti effettivament kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Agroexpansión, peress li dak il-fatt ġie ppruvat b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi mill-elementi ta’ prova msemmija fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 128 u 130 sa 158 iktar ’il fuq).

177    Minn dan isegwi li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ responsabbiltà personali

 L-argumenti tal-partijiet

178    Fil-kuntest tat-tieni motiv, invokat fuq bażi sussidjarja b’relazzjoni mal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni marret kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ responsabbiltà personali meta żammitha responsabbli mill-ksur imwettaq minn Agroexpansión mingħajr ma wriet li hija kienet ħadet sehem direttament f’dak il-ksur, pereżempju billi tat struzzjonijiet speċifiċi lil dik il-kumpannija sussidjarja jew billi ssorveljat il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Hija ssostni li l-fatt li kumpannija parent tkun irċeviet “informazzjoni iżolata” dwar il-prattiki restrittivi mwettqa mill-kumpannija sussidjarja tagħha ma huwiex biżżejjed biex tinżamm responsabbli mill-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ din tal-aħħar. Ta’ mill-inqas, għandu jintwera li din inżammet infurmata “perjodikament u regolarment” jew “fid-dettall” dwar dak il-ksur.

179    Waqt li tirreferi għall-argumenti li żviluppat fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ttenni li ma kinitx taf bil-komunikazzjonijiet indirizzati lilha minn Agroexpansión u li kien fihom informazzjoni dwar il-politika ta’ xiri ta’ din tal-aħħar jew tal-provi materjali tal-prattiki illegali inkwistjoni.

180    Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħall-ewwel wieħed peress li essenzjalment jikkostitwixxi repetizzjoni tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

181    Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma wrietx li hija kienet ħadet sehem direttament fil-ksur, pereżempju billi tat struzzjoni lil-kumpannija sussidjarja tagħha biex twettaq dak il-ksur jew billi ssorveljat il-parteċipazzjoni tal-imsemmija sussidjarja fl-akkordju. Effettivament, kif diġà ġie indikat fil-punt 93 iktar ’il fuq, din ma hijiex rabta ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha, u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tindirizza deċiżjoni li timponi l-multi lill-kumpannija parent.

182    Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li, sabiex ir-rikorrenti tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq minn Agroexpansión, il-Kummissjoni bbażat ruħha mhux biss fuq il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti li tirriżulta miż-żamma tat-totalità tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, iżda wkoll fuq ċerti elementi supplimentari li juru tali eżerċizzju effettiv mir-rikorrenti. Dawk l-elementi huma kkostitwiti minn diversi rapporti u korrispondenza maħruġa minn Agroexpansión u li jistabbilixxu li r-rikorrenti, permezz ta’ T., S. jew D., mhux biss kienet infurmata dwar il-prattiki illegali inkwistjoni, iżda wkoll – u tonqos milli ssemmi dan fil-kuntest ta’ dan il-motiv – intervjeniet f’ċerti relazzjonijiet kummerċjali bejn il-kumpannija sussidjarja tagħha u Deltafina jew Cetarsa u kienet issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fis-suq Spanjol (ara l-punti 130 sa 158 iktar ’il fuq).

183    Finalment, ma jistax jiġi allegat b’mod serju li ġiet ikkomunikata biss “informazzjoni iżolata” dwar il-prattiki illegali inkwistjoni lir-rikorrenti. Effettivament, saret referenza għal dawk il-prattiki fir-rapporti tal-attivitajiet ta’ Agroexpansión ta’ Frar, Marzu, April u Ottubru 1999, u ta’ Jannar, Mejju, Settembru u Novembru 2000, fil-field report ta’ Agroexpansión ta’ Mejju 2001, fil-faks tal-14 ta’ Diċembru 1998 ta’ B. lil D. (ara l-punt 140 iktar ’il fuq), fir-rapport tal-5 ta’ Mejju 1998 ta’ B. (ara l-punt 142 iktar ’il fuq) u fl-emails tat-30 ta’ Ottubru 2000 u tad-9 ta’ Mejju 2001 ta’ B. lil S. (ara l-punti 143 u 144 iktar ’il fuq).

184    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

 L-argumenti tal-partijiet

185    Ir-rikorrenti tallega li Agroexpansión waqfet tipparteċipa fil-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni u takkuża lil din tal-aħħar li ma rrispettatx l-aspettattivi leġittimi tagħha billi naqset milli tikkunsidra, b’mod konformi mal-punt 3 tal-linji gwida kif ukoll mal-prattika deċiżjonali tagħha, dik iċ-ċirkustanza attenwanti meta ddeterminat l-ammont tal-multa.

186    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tastjeni milli tikkunsidra tali ċirkustanza attenwanti, ħlief jekk ikun hemm ksur volontarju tar-regoli tal-kompetizzjoni.

187    Barra minn hekk, fir-replika, hija tenfasizza li temmet il-ksur, mhux qabel id-data tal-ewwel interventi mill-Kummissjoni, iżda dakinhar stess, jiġifieri fit-3 ta’ Ottubru 2001.

188    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

189    Fir-replika, filwaqt li tagħmel referenza għall-affermazzjoni tar-rikorrenti li hija temmet il-ksur biss fit-3 ta’ Ottubru 2001 (ara l-punt 187 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali biex tapplika żieda supplimentari ta’ 5 %, abbażi tat-tul ta’ żmien tal-ksur, fuq l-ammont inizjali tal-multa. Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur kienet, f’din l-ipoteżi, għal tul ta’ żmien itwal minn ħames snin u sitt xhur.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

190    Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha, fil-prinċipju, iżżomm mat-termini tal-linji gwida tagħha stess meta tiffissa l-ammont tal-multi. Madankollu, il-linji gwida ma jipprovdux li l-Kummissjoni għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni b’mod separat kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti nnumerati fil-Punt 3 ta’ dawn il-linji gwida, u hija ma hijiex obbligata tagħti tnaqqis addizzjonali f’dan ir-rigward b’mod awtomatiku, peress li n-natura adegwata ta’ eventwali tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti għandha tiġi evalwata mill-perspettiva globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ. Fil-fatt, l-adozzjoni tal-linji gwida ma pprivatx mir-rilevanza l-ġurisprudenza preċedenti li tgħid li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tippermettilha li tieħu jew li ma tiħux ċerti elementi inkunsiderazzjoni meta tiffissa l-ammont tal-multi li jkollha l-intenzjoni li timponi, b’mod partikolari skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. B’hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura obbligatorja fil-linji gwida rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jitqies li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T-271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 473, u l-ġurisprudenza ċċitata).

191    Skont l-inċiż 3 tal-punt 3 tal-linji gwida, il-“waqfien tal-ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni (b’mod partikolari verifiki)” jgħodd fost iċ-ċirkustanzi attenwanti.

192    Madankollu, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, dak il-waqfien jista’ loġikament ikun ċirkustanza attenwanti biss jekk jeżistu raġunijiet għalfejn jitqies li l-impriżi inkwistjoni ġew imħajra li jwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom minħabba l-interventi inkwistjoni, peress li l-ksur li jkun diġà waqaf qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma huwiex kopert minn din id-dispożizzjoni tal-linji gwida (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punti 328 u 329, ikkonfermata fuq appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 158).

193    Issa, f’dan il-każ, il-ksur intemm fl-10 ta’ Awwissu 2001, jiġifieri qabel id-data tal-ewwel verifiki mwettqa mill-Kummissjoni, f’dan il-każ it-3 ta’ Ottubru 2001. Effettivament, kif jirriżulta mill-premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-proċessuri ddikjaraw li l-akkordju tagħhom kien waqaf jeżisti f’dik l-aħħar data, il-Kummissjoni kkunsidrat l-ewwel data bħala d-data tat-tmiem tal-ksur għar-raġuni li l-“aħħar prova” li hija kellha kienet ta’ laqgħa tal-10 ta’ Awwissu 2001, imsemmija fil-premessa 260 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, dak il-waqfien ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa.

194    Għandu jingħad ukoll li, għalkemm il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur waqaf fl-istess jum meta hija għamlet l-ewwel verifiki tagħha, hija kienet totalment iġġustifikata li ma tikkunsidrax iċ-ċirkustanza allegata mir-rikorrenti. Effettivament, tnaqqis tal-multa minħabba t-tmiem ta’ ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni ma jistax ikun awtomatiku, iżda jiddependi fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ minn din tal-aħħar, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida favur impriża tkun partikolarment xierqa f’sitwazzjoni fejn in-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni ma tkunx manifesta. Bil-maqlub, l-applikazzjoni tiegħu tkun inqas adattata, fil-prinċipju, f’sitwazzjoni fejn l-aġir ikun b’mod ċar antikompetittiv, dejjem jekk dan ikun ġie stabbilit (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T‑156/94, Ġabra p. II‑645, punt 138, u tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 281).

195    F’dan il-każ, ma hemm ebda dubju dwar in-natura antikompetittiva tal-aġir ta’ Agroexpansión. Effettivament, l-akkordju tal-proċessuri, li s-suġġett tiegħu kien l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq (ara l-premessi 278 sa 317 tad-deċiżjoni kkontestata), jikkorrispondi għal tip ta’ ksur klassiku u partikolarment serju (ara l-premessi 409 sa 411 tad-deċiżjoni kkontestata) tad-dritt tal-kompetizzjoni u aġir li l-illegalità tiegħu ġiet affermata mill-Kummissjoni bosta drabi sa mill-ewwel interventi tagħha f’dan il-qasam. Il-fatt li dak l-akkordju kien jinkludi aspett sigriet jikkonferma barra minn hekk li Agroexpansión kienet totalment konxja dwar in-natura illeċità tal-aġir tagħha.

196    Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

197    Rigward it-talba tal-Kummissjoni sabiex tiġi applikata żieda supplimentari ta’ 5 %, abbażi tat-tul ta’ żmien tal-ksur, għall-ammont inizjali tal-multa ddeterminata għal Agroexpansión, il-Qorti Ġenerali hija tal-fehma li ma hemmx lok li din tintlaqa’. Effettivament, billi sostniet li l-ksur waqaf fit-3 ta’ Ottubru 2001, u mhux fl-10 ta’ Awwissu 2001, ir-rikorrenti ma kellhiex l-intenzjoni li tikkontesta l-evalwazzjoni tat-tul ta’ żmien li saret mill-Kummissjoni, iżda li tirrispondi għal argument ifformulat minn din tal-aħħar fir-risposta tagħha fejn qalet li t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tieni data bħala d-data tat-tmiem tal-ksur diġà kellu effett favorevoli fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

5.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ responsabbiltà personali kif ukoll tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

 L-argumenti tal-partijiet

198    Fil-kuntest tat-tielet motiv, invokat fuq bażi sussidjarja f’relazzjoni mal-ewwel wieħed, ir-rikorrenti, filwaqt li tirreferi għall-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, targumenta li hija ma kellhiex tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq minn Agroexpansión għall-perijodu qabel it-18 ta’ Novembru 1997 u li l-multa b’hekk għandha titnaqqas.

199    Ir-rikorrenti hija tal-fehma li, fir-rigward ta’ dak il-perjodu, il-multa kellha tiġi kkalkolata mingħajr ma jiġi applikat koeffiċjent moltiplikatur għal finijiet ta’ disważjoni għall-ammont inizjali tal-multa, peress li, f’dak iż-żmien, Agroexpansión ma kinitx tifforma parti minn kumpannija multinazzjonali.

200    Fir-rigward tal-perijodu mit-18 ta’ Novembru 1997 sal-10 ta’ Awwissu 2001, hija ssostni li l-multa għandha tiġi kkalkolata billi jitnaqqas mill-ammont impost kontra Agroexpansión permezz tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata l-ammont attribwibbli esklużivament lil din tal-aħħar għall-perijodu qabel it-18 ta’ Novembru 1997.

201    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ammont tal-multa li r-rikorrenti hija obbligata tħallas fuq bażi in solidum ma’ Agroexpansión għandu jkun inqas mill-ammont totali tal-multa imposta kontra din tal-aħħar. Madankollu, hija tiċħad l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ammont tal-multa kellu jiġi kkalkolat billi tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-koeffiċjent moltiplikatur għall-finijiet ta’ disważjoni għall-perjodu qabel it-18 ta’ Novembru 1997. Hija tal-fehma li r-rikorrenti kellha tiġi ddikjarata responsabbli in solidum, flimkien ma’ Agroexpansión, għall-ħlas tal-multa għall-ammont sħiħ ta’ EUR 2 332 800, filwaqt li din tal-aħħar kellha tibqa’ responsabbli għall-ħlas tal-ammont totali tal-multa, jiġifieri EUR 2 592 000 (li minnhom EUR 259 200 fuq bażi esklużiva). Il-Kummissjoni tasal għall-ammont ta’ EUR 2 332 800 billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti tista’ tinżamm responsabbli għall-ksur biss għal perjodu ta’ madwar tliet snin u disa’ xhur, u li b’hekk l-ammont inizjali tal-multa tar-rikorrenti għandu jiżdied biss b’35 %.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

202    Għandu jiġi kkonstatat li, kif huwa stabbilit u kif jirriżulta mill-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq minn Agroexpansión għall-perijodu qabel it-18 ta’ Novembru 1997, għaliex kien biss minn dik id-data li hija ffurmat magħha unità ekonomika u b’hekk impriża għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE. Peress li r-responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa setgħet tkopri biss il-perjodu tal-ksur li matulu l-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha kienu jikkostitwixxu tali impriża, il-Kummissjoni ma kellhiex bażi biex iżżomm lir-rikorrenti responsabbli in solidum, flimkien ma’ Agroexpansión, għat-totalità tal-ammont impost kontra din tal-aħħar, EUR 2 592 000, jiġifieri ammont relatat mal-perijodu tal-ksur kollu. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi milqugħ.

6.     Fuq l-iffissar tal-ammont finali tal-multa

203    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi rriformata inkwantu din iżżomm lir-rikorrenti responsabbli in solidum, flimkien ma’ Agroexpansión, għall-ħlas tal-ammont totali tal-multa ffissat għal din tal-aħħar.

204    Fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, il-Qorti Ġenerali jidhrilha li huwa opportun li l-parti ta’ dak l-ammont li r-rikorrenti għandha tħallas in solidum ma’ Agroexpansión tiġi kkalkolata skont ir-raġunament propost mill-Kummissjoni fin-noti tagħha, jiġifieri billi jiġi adottat il-metodu u l-kriterji li hija applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, biex tiffissa l-ammont tal-multi imposti kontra d-destinatarji tagħha (ara l-punti 38 sa 61 iktar ’il fuq).

205    B’hekk, fl-ewwel lok, għandu jintuża l-istess ammont inizjali bħal dak użat għal Agroexpansión, jiġifieri EUR 3 600 000.

206    Effettivament, l-ewwel nett, il-fatt li r-rikorrenti ma tistax tinżamm responsabbli għall-ksur għall-perijodu qabel it-18 ta’ Novembru 1997 huwa irrelevanti għall-finijiet tal-kwalifikazzjoni ta’ dak il-ksur bħala “serju ħafna” (premessi 408 sa 414 tad-deċiżjoni kkontestata).

207    It-tieni nett, dan il-fatt huwa wkoll irrilevanti għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-“piż speċifiku” ta’ kull impriża u tal-impatt tal-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur fuq il-kompetizzjoni (premessa 415 tad-deċiżjoni kkontestata).

208    Effettivament, minn naħa waħda, dan b’ebda mod ma jaffettwa l-konstatazzjoni li tgħid li l-“kontribut” tal-proċessuri għall-prattiki illegali inkwistjoni kien globalment simili (premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata).

209    Min-naħa l-oħra, din ma hijiex ta’ natura li tqigħed indiskussjoni l-fondatezza tat-tqassim tal-proċessuri fi tliet kategoriji u t-tqegħid ta’ Agroexpansión fit-tieni waħda (li tipprevedi ammont inizjali ta’ EUR 1 800 000), peress li dawk l-operazzjonijiet saru waqt li ġie kkunsidrat is-sehem ta’ kull wieħed mill-proċessuri fis-suq tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum Spanjol fl-2001, l-aħħar sena tal-ksur (premessi 419 sa 421 tad-deċiżjoni kkontestata).

210    It-tielet nett, fir-rigward tal-koeffiċjent multiplikatur ta’ 2 għall-finijiet ta’ dissważjoni li ġie applikat għall-ammont inizjali tal-multa ta’ Agroexpansión, l-applikazzjoni tiegħu tibqa’ ġġustifikata fil-kuntest ta’ dan il-kalkolu peress li huwa bbażat fuq id-daqs u r-riżorsi globali tal-impriża kkonċernata fl-2003, is-sena ta’ qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata (premessi 422 u 423 tad-deċiżjoni kkontestata). Kif intwera iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, fl-2003, Agroexpansión u r-rikorrenti kienu jifformaw flimkien entità ekonomika waħda, u b’hekk, impriża ta’ dak it-tip.

211    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża kkonċernata sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv huwa spjegat mill-impatt imfittex fuq l-imsemmija impriża, peress li s-sanzjoni ma għandhiex tkun żgħira fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tal-imsemmija impriża. B’hekk, sabiex tkun tista’ tiġi kkwantifikata n-natura dissważiva ta’ multa fir-rigward ta’ impriża ddikjarata responsabbli għal ksur, ma tistax tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni kif kienet teżisti fil-bidu tal-ksur. Tali teħid inkunsiderazzjoni jista’ jirriżulta f’multa li tkun baxxa wisq biex tkun dissważiva biżżejjed, fl-ipoteżi fejn id-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata jkun żdied fil-frattemp, jew f’multa li tkun ogħla milli suppost biex tkun dissważiva, fl-ipoteżi fejn id-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata jkun naqas fil-frattemp.

212    Fit-tieni lok, min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrenti tista’ tinżamm responsabbli għall-ksur biss għall-perjodu ta’ madwar tliet snin u disa’ xhur tal-perijodu bejn it-18 ta’ Novembru 1997 u l-10 ta’ Awwissu 2001, l-ammont inizjali ta’ EUR 3 600 000 għandu jiżdied b’35 %, u mhux b’50 % bħal fil-każ ta’ Agroexpansión, abbażi tat-tul ta’ żmien tal-ksur. B’hekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li r-rikorrenti hija obbligata tħallas in solidum ma’ Agroexpansión, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ammont bażiku ta’ EUR 4 860 000.

213    Fit-tielet lok, il-fatt li r-rikorrenti ma tistax tinżamm responsabbli għall-ksur għal-perijodu ta’ qabel it-18 ta’ Novembru 1997 ma għandux effett fuq it-tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont bażiku abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti (premessi 437 sa 439 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, l-ammont bażiku li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun ta’ EUR 2 916 000. Meta jitqies id-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata fl-2003, dak l-ammont ma għandux jiġi adattat sabiex jiġi rrispettat il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

214    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza li tat illum fil-kawża T‑38/05, Agroexpansión vs Il-Kummissjoni (Ġabra p. I‑0000), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li Agroexpansión kellha tingħata, abbażi tal-kooperazzjoni tagħha, tnaqqis addizzjonali ta’ 5 % flimkien ma’ dak ta’ 20 % diġà mogħti fid-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, f’din il-kawża għandu jiġi applikat ukoll tnaqqis ta’ 25 % għall-ammont imsemmi iktar ’il fuq ta’ EUR 2 916 000.

215    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ammont tal-multa imposta kontra Agroexpansion, li r-rikorrenti hija responsabbli li tħallas in solidum ma’ din tal-aħħar, għandu jiġi ffissat għal EUR 2 187 000.

216    Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

217    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3), il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

218    Billi fil-kawża preżenti, ir-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti tbati disgħa minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u disgħa minn għaxra tal-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li din tal-aħħar tbati wieħed minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u wieħed minn għaxra tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-parti tal-ammont tal-multa imposta kontra Agroexpansión, SA fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4030 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (kawża COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja), li Alliance One International, Inc. hija obbligata li tħallas in solidum ma’ Agroexpansión, hija ffissata għal EUR 2 187 000.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Alliance One International għandha tbati disgħa minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u disgħa minn għaxra tal-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li din tal-aħħar tbati wieħed minn għaxra tal-ispejjeż tagħha stess u wieħed minn għaxra tal-ispejjeż ta’ Alliance One International.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ottubru 2011

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Ir-rikorrenti u l-proċedura amministrattiva

2.  Id-deċiżjoni kkontestata

3.  Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

4.  Iffissar tal-ammont tal-multi

Ammont inizjali tal-multi

Ammont bażiku tal-multi

Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti

Limitu massimu tal-multa prevista fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

Applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u l-ammont finali tal-multi

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-kriterji użati mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex iżżomm lil kumpannija parent responsabbli għall-ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha

Fuq l-eżistenza ta’ entitŕ ekonomika unika bejn ir-rikorrenti u Agroexpansión

–  Fuq ir-“rapporti tal-attivitajiet” u l-“field reports”

–  Fuq il-korrispondenza bejn Agroexpansión u r-rikorrenti

–  Fuq l-argumenti invokati mir-rikorrenti sabiex turi li Agroexpansión kienet qiegħda taġixxi b’mod awtonomu fis-suq

2.  Fuq il-ħames motiv, li jallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ responsabbiltŕ personali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ responsabbiltŕ personali kif ukoll tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

6.  Fuq l-iffissar tal-ammont finali tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.