Language of document : ECLI:EU:C:2012:407

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Lulju 2012 (*)

“Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter — Kummerċjalizzazzjoni ta’ liċenzji ta’ programmi tal-kompjuter użati mniżżla mill-internet — Direttiva 2009/24/KE — Artikoli 4(2) u 5(1) — Eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni — Kunċett ta’ ‘akkwirent leġittimu’”

Fil-Kawża C‑128/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), b’deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2011, fil-proċeduri

UsedSoft GmbH

vs

Oracle International Corp.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J.N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts (Relatur), J.-C. Bonichot u A. Prechal, Presidenti tal-Awla, K. Schiemann, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, D. Šváby, M. Berger u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal UsedSoft GmbH, minn B. Ackermann u A. Meisterernst, avukati,

–        għal Oracle International Corp., minn T. Heydn u U. Hornung, avukati,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn J. Gstalter, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u F.W. Bulst, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2) u 5(1) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, p. 16).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn UsedSoft GmbH (iktar ’il quddiem “UsedSoft”) u Oracle International Corp. (iktar ’il quddiem “Oracle”) dwar il-kummerċjalizzazzjoni minn UsedSoft ta’ liċenzji ta’ programmi tal-kompjuter użati ta’ Oracle.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem it-“Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur”). Dan it-trattat ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

4        L-Artikolu 4 tat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur, intitolat “Programmi għall-kompjuter”, huwa fformulat kif ġej:

“Programmi għall-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berne. Din il-protezzjoni tapplika għall-programmi għall-kompjuter, jkunu xi jkunu l-mod u l-għamla ta’ l-espressjoni tagħhom.”

5        L-Artikolu 6 tat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur, intitolat “Dritt ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi:

“1.      Awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta’ dan ix-xogħol permezz ta’ bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà.

2.      Dan it-Trattat ma għandux jaffetwa l-libertà tal-Partijiet Kontraenti li jiddeterminaw, jekk iridu, kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-eżawriment tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 wara l-ewwel bejgħ ta’ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà fix-xogħol oriġinali jew f’kopja tax-xogħol bl-awtorizzazzjoni ta’ l-awtur.”

6        L-Artikolu 8 tat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur jipprovdi:

“[...] awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv għall-awtorizzazzjoni ta’ kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inklużi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jista’ jkollhom aċċess għalihom minn post u ħin li huma jagħżlu individwalment.”

7        Fid-dikjarazzjonijiet miftiehma dwar l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur, huwa pprovdut li:

“Kif użati f’dawn l-Artikoli, l-espressjonijiet “kopji” u “oriġinali u kopji” bħala suġġetti għad-dritt ta’ distribuzzjoni u għad-dritt ta’ self b’renta taħt l-Artikoli msemmija, jirreferu esklużivament għal kopji ffissati li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2001/29

8        Il-premessi 28 u 29 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), jipprovdu:

“(28) Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità. Dan id-dritt m’għandux jiġi eżawrit rigward l-oriġinal jew il-kopji tiegħu mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu barra mill-Komunità. Drittijiet għall-awturi rigward kiri u self ġew stabbiliti fid-Direttiva 92/100/KEE. Id-dritt ta’ distribuzzjoni li hemm provdut dwaru f’din id-Direttiva huwa mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet relatati mad-drittijiet ta’ kiri u self li hemm fil-Kapitolu I ta’ dik id-Direttiva.

(29)      Il-kwistjoni ta’ eżawriment ma tqumx fil-każ ta’ servizzi u servizzi on-line b’mod partikolari. Din tapplika wkoll rigward kopja materjali ta’ xogħol jew suġġett magħmul minn utent ta’ servizz bħal dan bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet. Għalhekk, l-istess japplika għall-kiri jew self ta’ l-oriġinal u kopji ta’ xogħolijiet jew suġġett ieħor li huma servizzi fin-natura tagħhom. Differenti minn CD-ROM jew CD-I, fejn proprjetà intellettwali hija inkorporta fil-medium tal-materjal, jiġifieri suġġett minn oġġetti, kull servizz on-line huwa fil-fatt att li għandu jkun regolat mill-awtorizzazzjoni fejn id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jipprovdu hekk.”

9        Skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, din “għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters”.

10      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

11      L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2.      Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

 Id-Direttiva 2009/24

12      Skont l-ewwel premessa tad-Direttiva 2009/24, din tikkodifika d-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114).

13      Mis-seba’ premessa tad-Direttiva 2009/24 jirriżulta li, “[g]ħall-fini ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programm tal-kompjuter’ għandu jinkludi programmi f’kull forma, inklużi dawk li jkunu mdaħħla fil-hardware”.

14      Skont it-tlettax-il premessa tal-imsemmija direttiva, “l-atti li jtellgħu u jħaddmu, meħtieġa għall-użu ta’ kopja ta’ programm li jkun inkiseb legalment, u l-att ta’ korrezzjoni tal-iżbalji tiegħu, jistgħu ma jkunux projbiti b’kuntratt”.

15      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva2009/24 jipprovdi li “l-Istati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi”.

16      Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva “[il-p]rotezzjoni skont din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter”.

17      L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Atti ristretti”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

a)      ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. In kwantu għat-tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-kompjuter ikun hemm bżonn din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

b)      it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm;

c)      kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew kopji tiegħu.

2.      L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja ta’ programm mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu għandu jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni fil-Komunità ta’ dik il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri tal-programm jew kopja tiegħu.”

18      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-atti ristretti”, jipprovdi:

“Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.”

 Id-dritt Ġermaniż

19      L-Artikoli 69c u 69d tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati [Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte (Urheberrectsgesetz)], tad-9 ta’ Settembru 1965, kif emendata (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), jittrasponu fid-dritt intern, l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2009/24, rispettivament.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Oracle tiżviluppa u tiddistribwixxi programmi tal-kompjuter. Hija t-titulari tad-drittijiet ta’ użu esklużiv ta’ dawn il-programmi abbażi tad-drittijiet tal-awtur. Hija wkoll titulari tat-trade marks verbali Ġermaniżi u Komunitarji Oracle li huma rreġistrati, fost oħrajn, għal programmi tal-kompjuter.

21      Oracle tiddistribwixxi l-programmi tal-kompjuter inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri s-softwer ta’ bank ta’ data, f’85 % tal-każijiet, permezz ta’ tniżżil minn fuq l-internet. Il-klijent iniżżel kopja tal-programm direttament fuq il-kompjuter tiegħu, minn fuq is-sit internet ta’ Oracle. Il-programmi tal-kompjuter jiffunzjonaw skont il-modalità “klijent/server”. Id-dritt ta’ użu li jikkonċerna tali programm, mogħti minn kuntratt ta’ liċenzja, jinkludi d-dritt li l-kopja tal-programm tinħażen b’mod permanenti fuq server u jippermetti lil ċertu numru ta’ utenti jaċċedu għalih billi jniżżluh fuq memorja ċentrali tal-workstation tagħhom. Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ manutenzjoni, verżjonijiet aġġornati tal-programm ta’ kompjuter (“updates”) u tal-programmi li jippermettu li jiġu kkoreġuti żbalji (“patches”) ikunu jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit internet ta’ Oracle. Fuq talba tal-klijent, il-programmi tal-kompjuter inkwistjoni jistgħu wkoll jitniżżlu fuq CD-ROM jew fuq DVD.

22      Għall-programmi tal-kompjuter inkwistjoni, Oracle tipproponi liċenzji fi gruppi ta’ 25 utent kull wieħed. Għaldaqstant, impriża li għandha bżonn tikseb liċenzja għal 27 utent għandha tikseb żewġ liċenzji.

23      Il-kuntratti ta’ liċenzji ta’ Oracle relatati mal-programmi tal-kompjuter inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludu, taħt it-titolu “Dritt konċess”, il-klawżola segwenti:

“Il-pagament tas-servizzi jagħtik id-dritt ta’ użu għal żmien indeterminat, mhux esklużiv, mhux trasferibbli u gratuwitu, irriżervat għal użu professjonali intern, tal-prodotti u servizzi kollha li Oracle tiżviluppa u tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħek abbażi ta’ dan il-kuntratt.”

24      UsedSoft tikkummerċjalizza liċenzji użati ta’ programmi tal-kompjuter, u b’mod partikolari, liċenzji ta’ użu relatati mal-programmi tal-kompjuter ta’ Oracle inkwistjoni fil-kawża priniċpali. Għal dan il-għan, UsedSoft tikseb, mingħand klijenti ta’ Oracle, tali liċenzji ta’ użu, anki parti minnhom meta l-liċenzji akkwistati inizjalment jikkonċernaw numru ta’ utenti li jeċċedi l-bżonnijiet tal-ewwel akkwirent.

25      Fix-xahar ta’ Ottubru 2005, UsedSoft ipproponiet “promozzjonijiet speċjali Oracle”, u fil-kuntest ta’ dawn offriet bejgħ ta’ liċenzji “diġà użati” għall-programmi tal-kompjuter ta’ Oracle inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Billi għamlet hekk, hija indikat li dawn kienu “aġġornati”, fis-sens li l-kuntratt ta’ manutenzjoni sottoskritt minn min akkwista l-liċenzja inizjalment mingħand Oracle kien għadu jipproduċi l-effetti tiegħu u li l-legalità tal-bejgħ inizjali kienet ġiet ikkonfermata permezz ta’ ċertifikat notarili.

26      Il-klijenti ta’ UsedSoft, li għad ma għandhomx il-programm tal-kompjuter ikkonċernat ta’ Oracle, iniżżlu, wara li jkunu akkwistaw tali liċenzja użata, kopja tal-programm direttament minn fuq is-sit internet ta’ Oracle. Fir-rigward tal-klijenti li diġà għandhom dan il-programm tal-kompjuter u li jixtru wkoll liċenzji għal utenti supplimentari, UsedSoft twassalhom sabiex jikkoppjaw il-programm tal-kompjuter fuq il-workstations tal-imsemmija utenti.

27      Oracle ippreżentat kawża quddiem il-Landgericht München I sabiex tordna lil UsedSoft twaqqaf il-prattiki msemmija fil-punti 24 sa 26 tas-sentenza preżenti. Din il-qorti laqgħet it-talbiet ta’ Oracle. Peress li l-appell ippreżentat minn UsedSoft kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud, hija sussegwentement ippreżentat appell fuq punti ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof.

28      Skont il-qorti tar-rinviju, l-aġir ta’ UsedSoft, kif ukoll tal-klijenti tagħha, jaffettwaw id-dritt esklużiv ta’ Oracle għar-riproduzzjoni permenenti jew provviżorja tal-programmi tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2009/24. Skont din il-qorti, il-klijenti ta’ UsedSoft ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq dritt li ġie validament trażmess lilhom minn Oracle għall-finijiet tar-riproduzzjoni tal-programmi tal-kompjuter. Fil-fatt, mill-kuntratti ta’ liċenzja ta’ Oracle jirriżulta li d-dritt għall-użu tal-programmi ma “huwiex trasferibbli”. Konsegwentement, il-klijenti ta’ Oracle ma humiex awtorizzati jittrażmettu lil terzi d-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ dawn il-programmi.

29      Is-soluzzjoni tal-kawża tiddependi, skont il-qorti tar-rinviju, mill-punt dwar jekk il-klijenti ta’ UsedSoft jistgħux jinvokaw b’suċċess l-Artikolu 69d(1) tal-UrhG, li jittrasponi l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24 fid-dritt Ġermaniż.

30      F’dan ir-rigward, tqum, l-ewwel nett, il-kwistjoni dwar jekk persuna li, bħall-klijenti ta’ UsedSoft, ma għandhiex dritt għall-użu ta’ programm ta’ kompjuter mogħti mit-titulari tad-drittijiet tal-awtur, iżda beħsiebha tinvoka l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter, hija “persuna li tikseb legalment” din il-kopja, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24. il-qorti tar-rinviju tqis li dan huwa l-każ. Hija tispjega li l-kapaċità ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter li tiċċirkola fis-suq, li tirriżulta mill-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, hija nieqsa ferm mill-interess jekk l-akkwirent ta’ tali kopja ma għandux id-dritt li jipproduċi programm tal-kompjuter, Fil-fatt, l-użu ta; programm tal-kompjuter jeżiġi bħala regola ġenerali r-riproduzzjoni tiegħu, għad-differenza tal-użu ta’ ċerti xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. Għalhekk, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24 iservi sabiex jiggrantixxi l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24.

31      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter huwiex eżawrit, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 69c(3) tal-UrhG, li jittrasponi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24.

32      Diversi interpretazzjonijiet huma possibbli. L-ewwel nett, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 jista’ japplika meta t-titulari tad-drittijiet tal-awtur jawtorizza klijent, wara li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ liċenzja, iwettaq kopja ta’ programm tal-kompjuter permezz tat-tniżżil ta’ dan il-programm minn fuq l-internet u mill-ħażna tiegħu fuq il-kompjuter. Id-dispożizzjoni inkwistjoni tassoċja l-konsegwenza ġuridika tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni mal-ewwel bejgħ ta’ kopja tal-programm u ma tqis neċessarjament it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ kopja fiżika tal-programm tal-kompjuter. It-tieni nett, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 jista’ japplika b’analoġija fil-każ ta’ bejgħ li għandu bħala oġġett programm tal-kompjuter permezz tat-trażmissjoni online. Skont id-difensuri ta’ dan l-argument, fir-rigward ta’ dan il-punt hemm lakuna normativa mhux intenzjonali (“planwidrige Regelungslücke”), dovuta għall-fatt li l-awturi ta’ din id-direttiva la ikkonċepixxew u lanqas irregolaw it-trażmissjon online tal-programmi tal-kompjuter. It-tielet nett, l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva ma huwiex applikabbli meta l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni skont din id-dispożizzjoni jimplika dejjem it-tqegħid għaċ-ċirkulazzjoni ta’ kopja fiżika ta’ programm tal-kompjuter mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu. L-awturi tad-Direttiva 2009/24 irrinunzjaw xjentement milli jissuġġettaw it-trażmissjoni online ta’ programmi tal-kompjuter għar-regola tal-eżawriment.

33      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-persuna li akkwistat liċenzja użata tistax tinvoka, għat-twettiq ta’ kopja ta’ programm — kif jagħmlu, fil-kawża prinċipali, il-klijenti ta’ UsedSoft billi jniżżlu kopja tal-programm ta’ Oracle fuq kompjuter minn sit internet ta’ din il-kumpannija jew billi jniżżluha fil-memorja ċentrali ta’ workstations oħra, — l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja tal-programm tal-kompjuter li l-akkwirent, bl-awtorizzazzjoni tat-titulari tad-dritt, wettaq billi niżżel permezz tal-internet, fil-każ fejn l-ewwel akkwirent ikun ħassar il-kopja tiegħu jew ma jkunx għadu jużaha. Il-qorti tar-rinviju tqis li applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 ma hijiex konċepibbli. L-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni jkollu biss l-għan li jiggrantixxi l-kapaċità li titqiegħed fis-suq kopja ta’ programm li hija mmaterjalizzata fuq sostenn ta’ data determinata u mibjugħa mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu. Konsegwentement, l-effett tal-eżawriment ma jistax jiġi estiż għad-data immaterjali trażmessa online.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-persuna li tista’ tinvoka eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm ta’ kompjuter hija “persuna li tikseb legalment” skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24 [...]?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: id-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter hija eżawrita, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 [...], meta l-persuna li tikseb tkun wettqet il-kopja bl-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt, billi tniżżel il-programm fuq sostenn informatiku mill-internet?

3)      Fil-każ li anki t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: il-persuna li tikseb liċenzja ta’ softwer “użata”, tista’ wkoll tinvoka, għat-twettiq ta’ kopja ta’ programm bħala “persuna li tikseb legalment”, skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24/KE […], l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm ta’ kompjuter li l-ewwel persuna li tikseb legalment, bl-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt, tkun wettqet billi tniżżel il-programm fuq sostenn informatiku mill-internet, jekk l-ewwel persuna li tikseb legalment tkun neħħiet il-kopja tagħha jew ma tużahiex iktar?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

35      Permezz tat-tieni domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi f’liema kundizzjonijiet, it-tniżżil permezz tal-internet ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter, awtorizzata mit-titulari tad-drittijiet tal-awtur, jista’ jagħti lok għall-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kopja fl-Unjoni Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24.

36      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, l-ewwel bejgħ ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter fl-Unjoni Ewropea, mit-titulari tad-drittijiet tal-awtur jew bil-kunsens tiegħu, teżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kopja fl-Unjoni.

37      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-titulari tad-drittijiet tal-awtur innifsu, f’dan il-każ Oracle, għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu fl-Unjoni li jixtiequ jużaw il-programm tal-kompjuter tiegħu, kopja tiegħu, li tista’ titniżżel minn fuq is-sit internet tiegħu.

38      Sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt ta’ distribuzzjoni tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur huwiex eżawrit, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk ir-relazzjoni kuntrattwali bejn dan it-titulari u l-klijent tiegħu, li fil-kuntest tagħha seħħ it-tniżżil ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter, tistax titqies bħala “[l]-ewwel bejgħ [...] ta’ kopja ta’ programm” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C-5/08, Ġabra p. I-6569, punt 27; tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle, C-34/10, Ġabra p. I-9821, punt 25, kif ukoll tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark, C-510/10, punt 33).

40      It-test tad-Direttiva 2001/29 ma jagħmel ebda riferiment għad-drittijiet nazzjonali fir-rigward tat-tifsira tal-kunċett ta’ “bejgħ” li jinsab fl-Artikolu 4(2) tagħha. Għalhekk, minn dan jirriżulta li dan il-kunċett għandu jiġi kkunsidrat, għall-finijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, bħala li jkopri kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza DR u TV2 Danmark, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

41      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan u mill-oġġettiv tad-Direttiva 2009/24. Fil-fatt, mill-premessi 4 u 5 ta’ din id-direttiva, li huma bbażati fuq l-Artikolu 95 KE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 114 TFUE, jirriżulta li din għandha l-għan li tneħħi d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li jippreġudikaw il-funzjonament tas-suq intern fir-rigward tal-programmi tal-kompjuter. Interpretazzjoni uniformi ta’ dan il-kunċett ta’ “bejgħ” hija neċessarja sabiex jiġi evitat li l-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija direttiva lit-titulari tad-drittijiet tal-awtur tista’ tvarja skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

42      Skont definizzjoni komunament ammessa, il-“bejgħ” huwa ftehim li permezz tiegħu persuna tittrasferixxi, abbażi ta’ ħlas ta’ prezz, lil persuna oħra d-drittijiet ta’ proprjetà tagħha fuq beni korporali jew inkorporali li huwa proprjetà tagħha. Minn dan isegwi li t-tranżazzjoni kummerċjali li tagħti lok, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, għall-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni dwar kopja ta’ programm tal-kompjuter timplika li d-dritt ta’ proprjetà fuq din il-kopja ġie ttrasferit.

43      Oracle issostni li hija ma tbigħx kopji tal-programmi tal-kompjuter inkwistjoni fil-kawża principali. F’dan ir-rigward, hija tispjega li hija tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha, fuq is-sit internet tagħha, mingħajr ħlas, kopja tal-programm ikkonċernat u li dawn jistgħu jniżżlu tali kopja. Għaldaqstant, il-kopja li titniżżel tista’ biss tintuża mill-klijenti li kkonkludew kuntratt tal-liċenzja ta’ użu ma’ Oracle. Tali liċenzja tagħti lill-klijenti ta’ Oracle dritt ta’ użu għal żmien indeterminat, mhux esklużiv u mhux trasferibbli, tal-programm tal-kompjuter ikkonċernat. Skont Oracle, la t-tqegħid għad-dispożizzjoni gratuwitu tal-kopja u lanqas il-konklużjoni ta’ kuntratt tal-liċenzja ta’ użu ma jimplikaw trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà ta’ din il-kopja.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-tniżżil ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter u l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ użu relatati magħha huma inseparabbli. Fil-fatt, it-tniżżil tal-kopja tal-programm tal-kompjuter huwa nieqes mill-użu jekk l-imsemmija kopja ma tistax tintuża mid-detentur tagħha. Għalhekk, dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati fl-intier tagħhom għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Club Hotel Loutraki et, C‑145/08 u C‑149/08, Ġabra p. I‑4165, punti 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fir-rigward tal-punt dwar jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, it-tranżazzjonijiet kummerċjali kkonċernati jimplikawx it-trasferiment tad-dritt tal-proprjetà tal-kopja tal-programm tal-kompjuter, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-klijent ta’ Oracle, li jniżżel il-kopja tal-programm tal-kompjuter kkonċernat u li jikkonkludi ma’ din il-kumpannija kuntratt ta’ liċenzja ta’ użu dwar l-imsemmija kopja, jirċievi, abbażi ta’ ħlas ta’ prezz, id-dritt ta’ użu ta’ din il-kopja għal żmien indeterminat. It-tqegħid għad-dispożizzjoni minn Oracle ta’ kopja tal-programm ta’ kompjuter tiegħu u l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ użu marbut magħha għalhekk huma intiżi li jrendu l-imsemmija kopja utilizzabbli mill-klijenti tagħha b’mod permanenti permezz tal-ħlas ta’ prezz intiż li jippermetti lit-titulari tad-drittijiet tal-awtur jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa l-proprjetarju tiegħu.

46      F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 44 tas-sentenza preżenti, eżaminati fl-intier tagħhom, jimplikaw it-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà tal-kopja tal-programm tal-kompjuter ikkonċernat.

47      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-kopja tal-programm tal-kompjuter tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-klijent mit-titulari tad-dritt ikkonċernat permezz ta’ tniżżil minn fuq l-internet ta’ din tal-aħħar permezz ta’ sostenn materjali bħal CD-ROM jew DVD. Fil-fatt, anki jekk f’dan l-aħħar każ ukoll, it-titulari tad-dritt ikkonċernat jissepara formalment id-dritt tal-klijent li juża kopja tal-programm tal-kompjuter ipprovduta mit-tranżazzjoni li tikkonsisti fit-trasferiment fuq sostenn materjali tal-kopja tal-programm lill-klijent, kopja tal-programm tal-kompjuter u dik li tikkonsisti fit-tniżżil, minn dan is-sostenn, tal-kopja tal-programm tal-kompjuter u dik li tikkonsisti fil-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja jibqgħu inseparabbli għand l-akkwirent, għall-motivi esposti fil-punt 44 tas-sentenza preżenti. Meta l-akkwirent, li jniżżel kopja ta’ programm tal-kompjuter ikkonċernat permezz ta’ sostenn materjali bħal CD-ROM jew DVD u jikkonkludi kuntratt ta’ liċenzja għal użu marbut magħha, huwa jirċievi d-dritt li juża l-imsemmija kopja għal żmien indeterminat permezz tal-ħlas ta’ prezz, għandu jitqies li dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet jimplikaw ukoll, fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter ikkonċernata permezz ta’ sostenn materjali bħal CD-ROM jew DVD, it-trasferiment tad-dritt tal-proprjetà tal-imsemmija kopja.

48      Għalhekk, għandu jitqies li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-trasferiment mit-titulari tad-drittijiet tal-awtur ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter lil klijent, flimkien mal-konklużjoni, bejn l-istess partijiet, ta’ kuntratt tal-liċenzja għal użu, jikkostitwixxi “[l]-ewwel bejgħ [...] ta’ kopja ta’ programm” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24.

49      Kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, fin-nuqqas ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kelma “bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, li tinkludi l-forom kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott li huma kkaratterizzati mill-għoti ta’ dritt ta’ użu ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter, għal żmien indeterminat, permezz tal-ħlas ta’ prezz intiż li jippermetti lit-titulari tad-drittijiet tal-awtur jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa l-proprjetarju tagħha, l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni tiġi pperikolata, peress li huwa biżżejjed li l-fornituri jikklassifikaw il-kuntratt bħala “liċenzja” u mhux bħala “bejgħ” sabiex jevadu r-regola tal-eżawriment u jċaħħduha mill-portata tagħha.

50      It-tieni nett, l-argument ta’ Oracle u tal-Kummissjoni Ewropea, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter fis-sit internet tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur jikkostitwixxi “[tqegħid għad-dispożizzjoni] lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, li, skont l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, ma jistax jagħti lok għall-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tagħha ma jistax jintlaqa’.

51      Fil-fatt, mill-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li din “għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti [tad-dritt tal-Unjoni] dwar […] il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters”, mogħtija mid-Direttiva 91/250, li ġiet ikkodifikata sussegwentement mid-Direttiva 2009/24. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/24, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha, li jikkostitwixxu għalhekk lex specialis meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29, minkejja li, jekk jitqies li r-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew aspett minnha jista’ wkoll jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din l-aħħar direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li “[l]-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja ta’ programm” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 tagħti lok, skont din l-istess dispożizzjoni, għall-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kopja.

52      Barra minn hekk, mill-punt 46 tas-sentenza preżenti li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-titulari tad-drittijiet tal-awtur jittrasferixxi d-dritt ta’ proprjetà tal-kopja tal-programm tal-kompjuter lill-klijent tiegħu. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur, li fid-dawl tagħhom għandhom, sa fejn huwa possibbli, jiġu interpretati l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Peek & Cloppenburg, C-456/06, Ġabra p. I-2731, punt 30), l-eżistenza ta’ trasferiment tad-dritt tal-proprjetà tittrasforma l-“att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku” previst fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, f’att ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, li jista’ jagħti lok, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2), u bħall-“ewwel bejgħ [...] ta’ kopja ta’ programm” imsemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, għall-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni.

53      It-tielet nett, għandu jiġi eżaminat ukoll, kif issostni Oracle, peress li l-gvernijiet ippreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti u l-Kummissjoni, l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 jikkonċerna biss beni tanġibbli u mhux kopji immaterjali ta’ programmi tal-kompjuter imniżżla minn fuq l-internet. Għal dan il-għan, huma jirreferu għall-kliem tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, għall-premessi 28 u 29 tad-Direttiva 2001/29, għall-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur, u għad-dikjarazzjoni komuni dwar l-artikoli 6 u 7 tal-imsemmi trattat li t-traspożizzjoni tiegħu hija wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2001/29.

54      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-premessa 29 tad-Direttiva 2001/29 tikkonferma li “[il]-kwistjoni ta’ eżawriment ma tqumx fil-każ ta’ servizzi u servizzi on-line b’mod partikolari”.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 ma jirriżultax li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni huwa limitat għal kopji ta’ programmi tal-kompjuters li jinsabu fuq sostenn materjali, bħal CD-ROM jew DVD. Kuntrarjament, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija dispożizzjoni, billi tirreferi mingħajr ebda preċiżjoni oħra għall-“bejgħ [...] ta’ kopja ta’ programm”, ma tagħmel ebda distinzjoni skont il-forma materjali jew immaterjali tal-kopja inkwistjoni.

56      Sussegwentement, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2009/24, li tikkonċerna speċifikament il-protezzjoni ġuridika tal-programmi tal-kompjuter, tikkostitwixxi lex specialis meta mqabbla mad-Direttiva 2001/29.

57      Mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/24 jirriżulta li l-“[p]rotezzjoni [prevista minn] din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter”. Il-premessa 7 tal-imsemmija direttiva tippreċiża f’dan ir-rigward li l-“programm tal-kompjuter” li fir-rigward tagħhom hija tiżgura l-protezzjoni “għandu jinkludi programmi f’kull forma, inklużi dawk li jkunu mdaħħla fil-hardware”.

58      Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għalhekk juru r-rieda tal-leġiżatur tal-Unjoni li jassimila, għall-finijiet tal-protezzjoni prevista mid-Direttiva 2009/24, il-kopji materjali u immaterjali ta’ programm tal-kompjuter.

59      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitqies li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 jikkonċerna kemm il-kopji materjali u immaterjali ta’ programm tal-kompjuter, u kif ukoll il-kopji tal-programmi tal-kompjuter li, meta jinbiegħu għall-ewwel darba, jitniżżlu minn fuq l-internet, fuq il-kompjuter tal-ewwel akkwirent.

60      Huwa minnu li l-kunċetti użati fid-Direttivi 2001/29 u 2009/24 għandhom, fil-prinċipju, ikollhom l-istess tifsira (ara sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p.I‑9083, punti 187 kif ukoll 188). Madankollu, jekk jitqies li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29, interpretat fid-dawl tal-premessi 28 u 29 tagħha kif ukoll tat-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur, li timplementa d-Direttiva 2001/29 (sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan, C‑277/10, punt 59), jindika, għax-xogħlijiet li jaqgħu taħt din id-direttiva, li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni jikkonċerna biss oġġetti tanġibbli, u tali fatt ma jistax, fir-rigward tal-volontà differenti espressa mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest preċiż tad-Direttiva 2009/24, jaffwettwa l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) ta’ din l-aħħar direttiva.

61      Għandu jingħad ukoll li, minn perspettiva ekonomika, il-bejgħ ta’ programm tal-kompjuter fuq CD-ROM jew DVD u l-bejgħ ta’ programm tal-kompjuter permezz tat-tniżżil minn fuq l-internet huma simili. Fil-fatt, il-metodu ta’ trażmissjoni online għandu l-istess funzjoni bħall-provvista ta’ sostenn materjali. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 fid-dawl tal-prinċipju tat-trattament ugwali tikkonferma li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-imsemmija dispożizzjoni jiskatta wara l-ewwel bejgħ ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter fl-Unjoni mit-titulari tad-drittijiet tal-awtur jew bil-kunsens tiegħu, indipendentement mill-punt dwar jekk il-bejgħ jikkonċernax kopja materjali jew immaterjali tal-imsemmi programm.

62      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li d-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix fir-rigward tas-servizzi l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni, għandu jitfakkar li l-għan tal-prinċipju tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur huwa li jiġu limitati, sabiex jiġi evitat it-tqassim tas-swieq, ir-restrizzjonijiet għad-distribuzzjoni tal-imsemmija xogħlijiet li huwa neċessarju sabiex jiġi ppriżervat l-għan speċifiku tal-proprjetà intellettwali kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Metronome Musik, C-200/96, Ġabra p. I-1953, punt 14; FDV, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13, kif ukoll is-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 106).

63      Jekk tiġi limitata, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 biss għall-kopji tal-programmi tal-kompjuter mibjugħa fuq sostenn materjali, din tippermetti lit-titulari tad-drittijiet tal-awtur jikkontrolla l-bejgħ mill-ġdid tal-kopji li tniżżlu minn fuq l-internet u teżiġi, ma’ kull bejgħ mill-ġdid, remunerazzjoni ġdida filwaqt li l-ewwel bejgħ tal-kopja kkonċernata tkun diġà ppermettiet lill-imsemmi titulari jikseb remunerazzjoni xierqa. Tali restrizzjoni għall-bejgħ mill-ġdid tal-kopji tal-programmi tal-kompjuter imniżżla minn fuq l-internet tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tippriżerva l-għan speċifiku tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 105 kif ukoll 106).

64      Ir-raba’ nett, għandu jiġi eżaminat ukoll, kif issostni Oracle, jekk il-kuntratt ta’ manteniment konkluż mill-ewwel akkwirent jipprekludix, fi kwalunkwe każ, l-eżawriment tad-dritt previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, peress li l-kopja tal-programm tal-kompjuter li l-ewwel akkwirent jista’ jittrasferixxi lit-tieni akkwirent lanqas ma tikkorrispondi mal-kopja li jkun niżżel, iżda ma’ kopja ġdida tal-imsemmi programm.

65      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-liċenzji użati proposti minn UsedSoft huma “aġġornati” fir-rigward tal-bejgħ ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter minn Oracle lill-klijent tiegħu kienet marbuta mal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ manteniment marbut ma’ din il-kopja.

66      Għandu jiġi rrilevat li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 jikkonċerna biss il-kopji li kienu suġġetti għall-ewwel bejgħ fl-Unjoni mit-titulari tad-drittijiet tal-awtur jew bil-kunsens tiegħu. Huwa ma jikkonċernax kuntratti ta’ servizzi, bħall-kuntratti ta’ manteniment, li huma separabbli minn tali bejgħ u li ġew konklużi, skont il-każ għal żmien determinat, waqt tali bejgħ.

67      Madankollu, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ manteniment, bħal dawk inkwisjtoni fil-kawża prinċipali, ma’ bejgħ ta’ kopja immaterjali ta’ programm tal-kompjuter, għandha l-effett li l-kopja inizjalment mixtrija hija emendata u aġġornata. Anki fis-sitwazzjoni fejn il-kuntratt ta’ manteniment huwa għal żmien determinat, għandu jiġi kkonstatat li l-funzjonalitajiet ikkorreġuti, emendati jew miżjuda abbażi ta’ tali kuntratt jagħmlu parti integrali mill-kopja inizjalment imniżżla u jistgħu jintużaw mill-akkwirent tagħha mingħajr limitu ta’ żmien, u dan ukoll fil-każ li dan l-akkwirent jiddeċiedi sussegwentement li ma jġeddidx il-kuntratt ta’ manteniment tiegħu.

68      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 jestendi għall-kopja tal-programm tal-kompjuter mibjugħa kif ikkorreġuta u aġġornata mit-titulari tad-drittijiet tal-awtur.

69      Madankollu, hemm lok li jiġi enfasizzat li, jekk il-liċenzja akkwistata mill-ewwel akkwirent tikkonċerna numru ta’ utenti li jaqbeż il-bżonnijiet tiegħu, kif ġie espost fil-punti 22 u 24 tas-sentenza preżenti, dan l-akkwirent ma huwiex awtorizzat, bl-effett tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, li jikkondivi din il-liċenzja u jbigħ mill-ġdid biss id-dritt ta’ użu tal-programm tal-kompjuter ikkonċernat li jikkorrispondi għan-numru ta’ utenti li huwa jiddetermina.

70      Fil-fatt, l-akkwirent inizjali li jwettaq il-bejgħ mill-ġdid tal-kopja materjali jew immaterjali ta’ programm tal-kompjuter li fir-rigward tagħha d-dritt ta’ distribuzzjoni tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur huwa eżawrit, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 għandu, sabiex jevita l-ksur tad-dritt esklużiv għar-riproduzzjoni ta’ programm tal-kompjuter proprjetà tal-awtur tiegħu, previst fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2009/24, irendi l-kopja tiegħu stess inutilizzabbli fil-mument tal-bejgħ mill-ġdid tagħha. F’sitwazzjoni bħal dik esposta fil-punt preċedenti, il-klijent tat-titulari tad-dritt ikompli juża l-kopja tal-programm tal-kompjuter installata fuq is-server tiegħu u għalhekk ma jirrendihiex inutilizzabbli.

71      Barra minn hekk, anki jekk l-akkwirent tad-drittijiet għal użu supplimentari tal-programm tal-kompjuter ikkonċernat ma jwettaqx installazzjoni ġdida — u, għalhekk, riproduzzjoni ġdida — tal-imsemmi programm fuq server tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-effett tal-eżawriment tad-dritt previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 fi kwalunkwe każ ma jestendix għal tali drittijiet ta’ użu. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-akkwist tad-drittijiet ta’ użu supplimentari ma huwiex marbut mal-kopja li fir-rigward tagħha d-dritt ta’ distribuzzjoni ġie eżawrit skont l-imsemmija dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, hija intiża biss li tippermetti estensjoni tan-numru ta’ utenti tal-kopja li l-akkwirent tad-drittijiet supplimentari kien installa huwa stess fuq is-server tiegħu.

72      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula hija li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter huwa eżawrit jekk it-titulari tad-drittijiet tal-awtur, li awtorizza, anki jekk bla ħlas, it-tniżżil ta’ din il-kopja fuq sostenn informatiku permezz tal-internet, ikun offra wkoll, bi ħlas ta’ prezz intiż li jippermettilu jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa l-proprjetarju tagħha, dritt għall-użu tal-imsemmija kopja, għal żmien indeterminat.

 Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

73      Permezz tal-ewwel u tat-tielet domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, l-akkwirent tal-liċenzji użati relatati mal-programmi tal-kompjuter, bħal dawk mibjugħa minn UsedSoft, jistax, minħabba l-effett tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, jitqies bħala “min jikseb legalment [akkwirent leġittimu]” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, li, skont din l-aħħar dispożizzjoni, jibbenefika mid-dritt ta’ riproduzzjoni tal-programm tal-kompjuter ikkonċernat sabiex jippermettih juża l-imsemmi programm b’mod konformi mal-għan tiegħu.

74      Mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24 jirriżulta li, ħlief għal dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi, ir-riproduzzjoni ta’ programm tal-kompjuter ma hijiex suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-awtur tal-programm, meta tali riproduzzjoni hija neċessarja sabiex tippermetti lill-akkwirent leġittimu juża l-programm tal-kompjuter b’mod konformi mal-għan tiegħu, inkluż biex jikkoreġi żbalji.

75      Meta l-klijent tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur iwettaq il-bejgħ ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter li tinsab fuq is-sit internet tal-imsemmi titulari tad-dritt, huwa jwettaq, billi jniżżel l-imsemmija kopja fuq il-kompjuter tiegħu, riproduzzjoni tagħha li hija awtorizzata skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24 fil-fatt, hemm riproduzzjoni neċessarja sabiex tippermetti l-akkwirent leġittimu juża l-programm tal-kompjuter tiegħu b’mod konformi mal-għan tiegħu.

76      Barra minn hekk, il-premessa 13 tad-Direttiva 2009/24 tindika li “l-atti li jtellgħu u jħaddmu, meħtieġa għall-użu ta’ kopja ta’ programm li jkun inkiseb legalment [...] [ma jistgħux ikunu] projbiti b’kuntratt.”

77      Sussegwentement, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ distribuzzjoni tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur huwa eżawrit, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, mal-ewwel bejgħ fl-Unjoni, minn dan it-titulari jew bil-kunsens tiegħu, ta’ kull kopja, materjali jew immaterjali, tal-programm tal-kompjuter tiegħu. Minn dan isegwi li, skont din id-dispożizzjoni u minkejja l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali li jipprojbixxu trasferiment ulterjuri, it-titulari tad-dritt ikkonċernat ma jistax jopponi iktar il-bejgħ mill-ġdid ta’ din il-kopja.

78      Huwa minnu li, kif jirriżulta mill-punt 70 tas-sentenza preżenti, l-akkwirent inizjali ta’ kopja materjali jew immaterjali ta’ programm tal-kompjuter li fir-rigward tagħha d-dritt ta’ distribuzzjoni tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur huwa eżawrit, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, li jerġa’ jbigħha għandu, għall-finijiet li jiġi evitat ksur tad-dritt esklużiv ta’ dan it-titulari għar-riproduzzjoni tal-programm tal-kompjuter tiegħu, previst fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2009/24, irendi inutilizzabbli l-kopja mniżżla fuq il-kompjuter tiegħu mill-mument li terġa’ tinbiegħ.

79      Kif irrilevat b’mod korrett Oracle, il-verifika ta’ tali waqfien ta’ użu tista’ tkun diffiċli. Madankollu, it-titulari tad-drittijiet tal-awtur li jiddistribwixxi kopji ta’ programm tal-kompjuter fuq CD-ROM jew fuq DVD għandu l-istess diffikultà, peress li huwa biss b’mod diffiċli li huwa jista’ jivverifika jekk l-akkwirent inizjali ħoloqx kopji ta’ programmi tal-kompjuter li huwa jkompli juża wara li jkun biegħ is-sostenn materjali tiegħu. Bħala soluzzjoni għal din id-diffikultà, id-distributur “klassiku” jew “diġitali” jista’ juża miżuri tekniċi ta’ protezzjoni bħal product key.

80      Peress li t-titulari tad-drittijiet tal-awtur ma jistax jopponi l-bejgħ mill-ġdid ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter li fir-rigward tagħha d-dritt ta’ distribuzzjoni tal-imsemmi titulari huwa eżawrit skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni akkwirent ta’ din il-kopja, kif ukoll l-akkwirent ulterjuri, huwa “min jikseb legalment [akkwirent leġittimu]” skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24.

81      Għalhekk, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid tal-kopja tal-programm tal-kompjuter mill-ewwel akkwirent tagħha, l-akkwirent il-ġdid jista’, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, iniżżel fuq il-kompjuter tiegħu l-kopja li nbiegħet lilu mill-ewwel akkwirent. Tali tniżżil għandu jitqies bħala r-riproduzzjoni neċessarja ta’ programm tal-kompjuter li għandha tippermetti lil dan l-akkwirent il-ġdid juża dan il-programm b’mod konformi mal-għan tiegħu.

82      L-argument ta’ Oracle, tal-Gvern Franċiż, tal-Irlanda u tal-Gvern Taljan, li l-kunċett ta’ “min jikseb legalment [akkwirent leġittimu]” li jinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24 ikopri biss l-akkwirent awtorizzat, skont il-kuntratt ta’ liċenzja konkluż direttament mat-titulari tad-drittijiet tal-awtur, li juża l-programm tal-kompjuter, ma jistax jintlaqa’.

83      Fil-fatt, tali argument ikollu bħala effett li jippermetti lit-titulari tad-drittijiet tal-awtur jipprekludi l-użu effettiv ta’ kull kopja użata li fir-rigward tagħha d-dritt ta’ distribuzzjoni tiegħu ġie eżawrit, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, billi jinvoka d-dritt esklużiv tiegħu ta’ riproduzzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva u jċaħħad għalhekk mill-effettività l-eżawriment tad-dritt previst fl-imsemmi Artikolu 4(2).

84      Fir-rigward tas-sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li fil-punti 44 u 48 tas-sentenza preżenti ġie kkonstatat li t-tniżżil fuq is-server tal-klijent tal-kopja tal-programm tal-kompjuter li jinsab fuq is-sit internet tat-titulari tad-dritt u l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja għal użu li huwa marbut ma’ din il-kopja, jiffurmaw element inseparabbli li fl-intier tiegħu għandu jiġi kklassifikat bħala bejgħ. Fir-rigward ta’ din ir-rabta inseparabbli bejn il-kopja li tinsab fuq is-sit internet tat-titulari tad-dritt kif ikkoreġuta l-aħħar u aġġornata, minn naħa, u l-liċenzja għal użu marbuta magħha, min-naħa l-oħra, il-bejgħ mill-ġdid tal-liċenzja għal użu jinkludi l-bejgħ mill-ġdid ta’ “din il-kopja” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 u għalhekk jibbenefika mill-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst f’din l-aħħar dispożizzjoni, u dan minkejja l-klawżola inkluża fil-kuntratt tal-liċenzja u riprodotta fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

85      Kif jirriżulta mill-punt 81 tas-sentenza preżenti, isegwi li l-akkwirent il-ġdid tal-liċenzja għal użu, bħall-klijent ta’ UsedSoft jista’, bħala akkwirent leġittimu fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2009/24, tal-kopja kkoreġuta u aġġornata tal-programm tal-kompjuter ikkonċernat, iniżżel din il-kopja minn fuq is-sit internet tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur, u l-imsemmi tniżżil jikkostitwixxi r-riproduzzjoni neċessarja ta’ programm tal-kompjuter li jippermetti lill-akkwirent il-ġdid juża dan il-programm b’mod konformi mal-għan tiegħu.

86      Għandu madankollu jitfakkar li, jekk il-liċenzja miksuba mill-ewwel akkwirent tikkonċerna numru ta’ utenti li jeċċedi l-bżonnijiet tagħha, dan l-akkwirent ma huwiex awtorizzat, bl-effett tal-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, jikkondividi din il-liċenzja u jbigħ mill-ġdid biss id-dritt għal użu ta’ programm tal-kompjuter ikkonċernat li jikkorrispondi ma’ numru ta’ utenti li huwa jkun iddetermina (ara l-punti 69 sa 71 tas-sentenza preżenti).

87      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li t-titulari tad-drittijiet tal-awtur, bħal Oracle, jista’, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ kopja tal-programm tal-kompjuter imniżżla minn fuq is-sit internet tiegħu, jiżgura ruħu permezz tal-metodi tekniċi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu li din il-kopja ssir inutilizzabbli qabel ma l-akkwirent il-ġdid iniżżel kopja ġdida abbażi tal-istess liċenzja għal użu.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lill-ewwel u lit-tielet domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 4(2) u 5(1) tad-Direttiva 2009/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ liċenzja għal użu li tinkludi l-bejgħ mill-ġdid ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter imniżżla minn fuq is-sit internet tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur, liema liċenzja kienet inizjalment mogħtija lill-ewwel akkwirent mill-imsemmi titulari tad-dritt għal perijodu indeterminat u bi ħlas ta’ prezz intiż li jippermettih jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-valur ekonomiku tal-imsemmija kopja tax-xogħol tiegħu, it-tieni akkwirent tal-imsemmija liċenzja, kif ukoll kull akkwirent sussegwenti ta’ din tal-aħħar, jistgħu jinvokaw l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, u għalhekk jistgħu jitqiesu bħala akkwirenti leġittimi ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva u jibbenefikaw mid-dritt ta’ riproduzzjoni previst f’din l-aħħar dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

89      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ distribuzzjoni tal-kopja ta’ programm tal-kompjuter huwa eżawrit jekk it-titulari tad-drittijiet tal-awtur, li awtorizza, anki jekk bla ħlas, it-tniżżil ta’ din il-kopja fuq sostenn informatiku permezz tal-internet, ikun offra wkoll, bi ħlas ta’ prezz intiż li jippermettilu jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa l-proprjetarju tagħha, dritt għall-użu tal-imsemmija kopja, għal żmien indeterminat.

2)      L-Artikoli 4(2) u 5(1) tad-Direttiva 2009/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ liċenzja għal użu li tinkludi l-bejgħ mill-ġdid ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter imniżżla minn fuq is-sit internet tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur, liema liċenzja kienet inizjalment mogħtija lill-ewwel akkwirent mill-imsemmi titulari tad-dritt għal perijodu indeterminat u bi ħlas ta’ prezz intiż li jippermettih jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-valur ekonomiku tal-imsemmija kopja tax-xogħol tiegħu, it-tieni akkwirent tal-imsemmija liċenzja, kif ukoll kull akkwirent sussegwenti ta’ din tal-aħħar, jistgħu jinvokaw l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, u għalhekk jistgħu jitqiesu bħala akkwirenti leġittimi ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva u jibbenefikaw mid-dritt ta’ riproduzzjoni previst f’din l-aħħar dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.