Language of document : ECLI:EU:C:2013:167

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fl-14 ta’ Marzu 2013 (1)

Kawża C‑509/11

ÖBB‑Personenverkehr AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (L-Awstrija)]

“Regolament (KE) Nru 1371/2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji — Artikolu 17 — Kundizzjonijiet tar-rimbors tal-prezz ta’ biljett f’każ ta’ dewmien, konnessjonijiet mitlufa u kanċellazzjonijiet — Kumpens prekluż fil-każ ta’ dewmien ikkawżat minn forza maġġuri — Artikolu 30 — Setgħat ta’ korp nazzjonali responsabbli għall-infurzar tar-Regolament Nru 1371/2007 — Jekk l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1371/2007 jawtorizzax lill-korp nazzjonali jordna lill-impriżi ferrovjarji jbiddlu l-kundizzjonijiet tal-kumpens li ma jikkonformawx mar-Regolament Nru 1371/2007 — Effetti ġuridiċi tar-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea — Prinċipju ta’ effettività — Tifsira ta’ ‘qorti jew tribunal’ skont l-Artikolu 267 TFUE — Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE — Doveri u setgħat tal-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri li jipprovdu r-rimedji meta pparagunati ma’ qrati u tribunali tal-Istati Membri.”





I –    Introduzzjoni

1.        Ir-Regolament (KE) Nru 1271/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1371/2007”) jipprovdi, inter alia, ir-regoli miġbura li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-impriżi ferrovjarji f’każijiet ta’ dewmien, konnessjonijiet mitlufa u kanċellazzjonijiet. B’mod speċifiku, din il-kawża tirrigwarda l-argument ippreżentat minn impriża ferrovjarja li qed tikkontendi li għandha tiġi skużata milli tirrimborsa l-prezz ta’ biljett meta d-dewmien, il-konnessjoni mitlufa jew il-kanċellazzjoni tkun ġiet ikkawżata minn forza maġġuri.

2.        L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, li huwa l-artikolu ewlieni f’dan ir-regolament li jittratta r-rimbors tal-prezz ta’ biljett, ma jagħmel ebda riferiment għall-forza maġġuri. Madankollu, il-Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva, Awstrija) qiegħda tistaqsi jekk jeżistix mod ieħor li permezz tiegħu tista’ tiġi preżunta restrizzjoni fuq iċ-ċirkustanzi li fihom passiġġier jista’ jitlob ir-rimbors ta’ prezz ta’ biljett. Il-Verwaltungsgerichtshof tosserva li ċ-ċirkustanzi li ma jkunux fil-kontroll tal-impriżi tat-trasport, inaqqsu mir-responsabbiltà tal-impriżi li jħallsu l-kumpens skont (i) l-Artikolu 32(2) tar-Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri u Bagalji bil-Ferrovija (“CIV”) u (ii) skont id-dispożizzjonijiet ta’ tliet Regolamenti oħra dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’setturi oħra tat-trasport, li jistgħu jkunu applikabbli b’analoġija, jiġifieri l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (3), l-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010 (4), u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 181/201 (5).

3.        Jekk l-iskuża tal-forza maġġuri tiġi miċħuda, it-tilwima ssir rilevanti fi kwistjoni iżjed kumplessa, u f’waħda li hi rilevanti fil-kuntest iżjed wiesa’ tad-dritt amministrattiv tal-Unjoni Ewropea (UE); jiġifieri l-kompetenza tal-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri li jagħtu ordnijiet biex jinkiseb l-infurzar effettiv ta’ Regolament.

4.        Is-setgħat tal-aġenzija nazzjonali maħtura biex tapplika r-Regolament Nru 1371/2007 għandhom jiġu kkunsidrati minħabba li skont id-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt Awstrijak, l-aġenzija tista’ tiddikjara l-kundizzjonijiet tal-kumpens inklużi fit-tariffa ta’ impriża ferrovjarja bħala nulli u bla effett biss meta dawn ikunu inkompatibbli mar-Regolament Nru 1371/2007. L-aġenzija ma għandha ebda awtorità li tagħmel iżjed minn dan, bħal pereżempju toħroġ ordni li teżiġi li l-impriża ferrovjarja timmodifika l-kuntratti tagħha biex tiżgura li r-rimbors tal-prezz tal-biljett jitħallas skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007. Madankollu, il-Verwaltungsgerichtshof tixtieq tkun taf jekk din il-kompetenza tistax tinkiseb mill-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1371/2007, liema Artikolu jittratta l-infurzar. Għalhekk din id-domanda teħtieġ li jiġu kkunsidrati l-prinċipji ġenerali tad-dritt spjegati fid-dettall mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jirrigwardaw l-effettività, ir-rimedji nazzjonali, u t-tipi ta’ korpi tal-Istati Membri li jkunu marbuta bihom.

5.        Fl-aħħar nett, hu neċessarju li wieħed jagħmel xi osservazzjonijiet komplementari dwar l-obbligu tal-impriża ferrovjarja skont ir-Regolament Nru 1371/2007 u l-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju nazzjonali amministrattva, fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont id-dritt tal-UE.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Dritt tal-Unjoni Ewropea

6.        Il-premessi 6, 13 u 14 tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdu dan li ġej:

“(6) It-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji għandu jinbena fuq is-sistema eżistenti ta’ liġi internazzjonali dwar dan is-suġġett li tinsab fl-Appendiċi A — Regoli uniformi dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri u Bagalji bil-Ferrovija (CIV) mal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif modifikat mill-Protokoll għall-modifikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tat- 3 ta’ Ġunju 1999 (il-Protokoll ta’ l-1999). Madankollu huwa mixtieq li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġi estiż sabiex jipproteġi mhux biss il-passiġġieri internazzjonali imma wkoll passiġġieri domestiċi.

[…]

(13) Id-drittijiet imsaħħin ta’ kumpens u ta’ assistenza fil-każ ta’ dewmien, ta’ telf ta’ konnessjoni jew ta’ taħsir ta’ servizzi għandhom iwasslu għal inċentivi akbar għas-suq tal-passiġġieri ferrovjarji, għall-benefiċċju tal-passiġġieri.

(14) Huwa mixtieq li dan ir-Regolament għandu joħloq sistema ta’ kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien, li hija marbuta mar-responsabbiltà ta’ l-impriża tal-ferrovija, fuq l-istess bażi bħas-sistema internazzjonali pprovduta mill-COTIF u b’mod partikolari l-appendiċi CIV għalih dwar id-drittijiet tal-passiġġieri.”

7.        L-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi:

“Esklużjoni tar-rinunzji u stipulazzjoni tal-limiti

1. L-obbligi lejn il-passiġġieri taħt dan ir-Regolament ma jistgħux jiġu llimitati jew irrinunzjati, b’mod partikolari b’deroga jew klawsola restrittiva fil-kuntratt tat-trasport.

2. Impriża ferrovjarja tista’ toffri kundizzjonijiet kuntrattwali aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.”

8.        L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi:

“Responsabbiltà għal dewmien, konnessjonijiet mitlufa u tħassir

Bla ħsara għad-Dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, ir-responsabbiltà ta’ l-impriżi ferrovjarji fejn jidħlu dewmien, konnessjonijiet li ma ntlaħqux u kanċellazzjonijiet għandha tkun regolata mill-Kapitolu II tat-Titolu IV ta’ l-Anness I.”

9.        L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi:

“Kumpens tal-prezz tal-biljett

1. Mingħajr ma jitlef id-dritt għat-trasport, passiġġier jista’ jitlob kumpens għal dewmien mingħand l-impriża ferrovjarja jekk ikollu dewmien bejn il-postijiet ta’ tluq u ta’ wasla mogħtija fuq il-biljett li għalih il-biljett ma ġiex rimborsat skond l-Artikolu 16. Il-kumpens minimu għal dewmien għandu jkun kif ġej:

(a) 25 % tal-prezz tal-biljett f’każ ta’ dewmien ta’ 60 minuta sa 119-il minuta,

(b) 50 % tal-prezz tal-biljett f’każ ta’ dewmien ta’ 120 minuta jew aktar.

Il-passiġġieri li jkollhom pass tal-ivvjaġġar jew biljett staġunali u li jiffaċċaw ittardjar rikorrenti jew kanċellazzjonijiet matul il-perijodu ta’ validità tagħhom jistgħu jitolbu kumpens adegwat skont l-arranġamenti ta’ kumpens tal-impriża ferrvjarja. Dawn l-arranġamenti għandhom jistabbilixxu l-kriterji għad-determinazzjoni tal-ittardjar u għall-kalkolu tal-kumpens.

Il-kumpens għall-ittardjar għandu jkun ikkalkulat f’relazzjoni mal-prezz li l-passiġġier ikun fil-fatt ħallas għas-servizz ittardjat.

Fejn il-kuntratt ta’ trasport huwa għal vjaġġ bir-ritorn, il-kumpens għal dewmien ’l hemm jew ’l hawn għandu jiġi kkalkulat fuq nofs il-prezz imħallas għall-biljett. Bl-istess mod il-prezz għal dewmien fis-servizz taħt kwalunkwe kuntratt ta’ trasport ieħor li jippermetti diversi proporzjonalment għall-prezz sħiħ.

Il-kalkolu tal-perijodu ta’ dewmien m’għandux jieħu kont ta’ kwalunkwe dewmien li l-impriża ferrovjarja tista’ turi li seħħ barra t-territorji li fihom it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea huwa applikat.

2. Il-kumpens tal-prezz tal-biljett għandu jiġi mħallas fi żmien xahar wara s-sottomissjoni tat-talba għal kumpens. Il-kumpens jista’ jiġi mħallas f’vawċers u/jew servizzi oħra jekk it-termini huma flessibbli (b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu tal-validità u d-destinazzjoni). Il-kumpens għandu jitħallas fi flus fuq talba tal-passiġġier.

3. Il-kumpens tal-prezz tal-biljett m’għandux jitnaqqas permezz ta’ spejjeż ta’ transazzjonijiet finanzjarji bħal miżati, spejjeż tat-telefon jew bolol. L-imrpiżi ferrovjarji jistgħu jintroduċu livell minimu li taħtu ma jsirux ħlasijiet ta’ kumpens. Dan il-livell ma jistax ikun aktar minn EUR 4.

4. Il-passiġġier m’għandu l-ebda dritt għal kumpens jekk jiġi infurmat bid-dewmien qabel jixtri l-biljett, jew jekk id-dewmien, minħabba kontinwazzjoni fuq servizz differenti jew tibdil tar-rotta, jibqa’ taħt is-60 minuta.”

10.      L-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi:

“Infurzar

1. Kull Stat Membru għandu jaħtar entità jew entitajiet responsabbli mill-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Kull entità għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li d-drittijiet tal-passiġġieri huma rrispettati.

Kull-korp għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni tiegħu, fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kull maniġer, korp tat-tqegħid tal-imposti, korp tal-allokazzjoni jew impriża ferrovjarja.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-entità jew entitajiet maħtura skond dan il-paragrafu u bir-responsabbiltajiet rispettivi tagħha jew tagħhom.

2. Kull passiġġier jista’ jilmenta mal-korp maħtur taħt il-paragrafu 1, jew ma’ kwalunkwe korp xieraq ieħor maħtur minn xi Stat Membru, fuq allegat ksur ta’ dan ir-Regolament.”

11.      L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi:

“Penali

L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u miżuri sal-3 ta' Ġunju 2010 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.”

12.      L-Anness 1 tar-Regolament jinkorpora estratt mir-Regoli Uniformi dwar il-kuntratt għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri u Bagalji bil-Ferrovija (CIV) stipulati fl-Appendiċi A tal- COTIF tad-9 ta’ Mejju 1980, emendata bil-Protokoll għall-modifikazzjoni tal-Konvenzjoni Dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tat-3 ta’ Ġunju 1999.

13.      L-Artikolu 32 CIV fl-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi:

“Responsabbiltà f’każ ta’ kanċellazzjoni, ittardjar tal-ferroviji jew konnessjonijiet li ma ntlaħqux

1. It-trasportatur għandu jkun responsabbli għall-passiġġier għal telf jew ħsara li tirriżulta mill-fatt li, minħabba kanċellazzjoni, ittardjar ta’ ferrovija jew konnessjoni li ma ntlaħqitx, il-vjaġġ tiegħu ma jistax jitkompla fl-istess jum, jew li kontinwazzjoni tal-vjaġġ fl-istess jum ma tistax tintalab b’mod raġonevoli minħabba ċirkostanzi speċifiċi. Il-ħsarat għandhom jinkludu l-ispejjeż raġonevoli ta’ akkomodazzjoni kif ukoll l-ispejjeż raġonevoli li jkun hemm bżonn biex jiġu nnotifikati l-persuni li qed jistennew lill-passiġġier.

2. It-trasportatur għandu jiġi meħlus minn din ir-responsabbiltà, meta l-kanċellazzjoni, l-ittardjar jew il-konnessjoni li ma ntlaħqitx hija attribwibbli għal waħda minn dawn il-kawżi li ġejjin:

(a) ċirkostanzi mhux konnessi ma’ l-operat tal-linja tal-ferrovija li t-trasportatur, minkejja li ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom,

(b) tort fuq il-parti tal-passiġġier; jew

(c) l-aġir ta’ parti terza li t-trasportatur, minkejja li jkun ħa l-ħsieb meħtieġ fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma setgħax jevita u li l-konsegwenzi tiegħu ma setgħax jipprevjeni; impriża oħra li tuża l-istess infrastruttura ferrovjarja ma għandhiex titqies bħala parti terza; id-dritt li titressaq kawża ma tiġix affettwata.

3. Il-liġi nazzjonali għandha tiddetermina jekk u sa liema livell għandu t-trasportatur iħallas il-ħsarat għal ħsara barra minn dik prevista fil-paragrafu 1. Dan l-Artikolu għandu jkun bla ħsara għall-Artikolu 44.”

B –    Id-dritt nazzjonali

14.      Sa fejn hu rilevanti għall-kawża preżenti, il-Paragrafi 22a, 78(a) (2) sa (3), 78b (2) u 167 (1) tal-Eisenbahngesetz tal-1957 (Liġi dwar il-ferroviji; “EisbG”), inkorporati mill-Bundesgesetz (dritt Federali) BGB1. I Nru 25/2010, jipprovdu kif ġej:

“Kundizzjonijiet tal-kumpens

Il-Paragrafu 22(a)

(1) It-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ferrovjarji fuq rotot ewlenin u rotot oħra konnessi sekondarji għandhom jinkludu kundizzjonijiet ta’ kumpens skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-rimbors tal-prezz tal-biljett stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Bundesgesetz zur Verordnung (EG) Nr. 1371/2007 über die Rechte und Pflichten der Fahrgäste im Eisenbahnverkehr (liġi Federali dwar ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri), BGBl. I Nru 25/2010, u l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14.

Korp tal-arbitraġġ

Paragrafu 78a(1)

(2) Bla ħsara għall-ġurisdizzjoni tal-qrati u l-awtoritajiet komuni, l-awtoritajiet lokali jew reġjunali, il-gruppi ta’ interess u l-klijenti, jistgħu, skont il-Paragrafu 22a, jippreżentaw lil Schienen‑Control GmbH l-ilmenti tagħhom fir-rigward ta’ ksur allegat tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 u fir-rigward ta’ allegazzjonijiet li r-regoli li jinsabu fil-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kumpens ma humiex korretti jew ma humiex raġonevoli għall-passiġġieri.

(3) Fil-każ ta’ lmenti skont is-subparagrafu (1) u s-subparagrafu (2), Schienen‑Control GmbH għandha tipprova tasal għal soluzzjoni bonarja bejn il-partijiet involuti. Inkella, ikollha tinforma lill-partijiet involuti dwar il-fehma tagħha u tagħmel rakkomandazzjoni mhux vinkolanti u mhux kontestabbli dwar il-kwistjoni. Schienen‑Control GmbH hi meħtieġa, li fil-linji ta’ gwida tagħha, tistabbilixxi l-metodu ta’ proċedura skont is-subparagrafi (1) u (2) u tippubblikah fuq is-sit tal-internet tagħha. L-impriżi kkonċernati huma meħtieġa jikkooperaw dwar il-kwistjoni u, meta mitluba minn Schienen‑Control GmbH, jipprovdu l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja biex issir evalwazzjoni tal-fatti relatati mal-ilment.

[…]

Kundizzjonijiet tal-kumpens li għandhom jiġu ddikjarati bħala nulli u bla effett

Artikolu 78b(1)

(2) Fuq l-inizjattiva tagħha, ix-Schienen‑Control Kommission (il-Kummissjoni ta’ Kontroll tas-Sistema Ferrovjarja) għandha:

1.      [...]

2.      tiddikjara totalment jew parzjalment nulli u bla effett il-kundizzjonijiet tal-kumpens li jkunu ġew adottati għall-iskopijiet tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 meta l-impriża ferrovjarja ma tkunx adottathom skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007.

[...]

Artikolu 167

Jiġi meqjus li jkun sar ksur amministrattiv, u għandu jiġi ppenalizzat mill-awtorità amministrattiva distrettwali permezz ta’ multa ta’ mhux iżjed minn EUR 2 180,

1.      meta persuna ma tippubblikax il-kundizzjonijiet tal-kumpens skont l-Artikolu 22a(1),

[...]”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.      ÖBB‑Personenverkehr AG, ir-rikorrenti quddiem il-Verwaltungsgerichtshof, hija impriża ferrovjarja fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1371/2007.

16.      Fit-tariffi tal-provvista ta’ servizzi ferrovjarji ta’ ÖBB‑Personenverkehr AG jinsabu stipulati l-pattijiet u l-kundizzjonijiet ġenerali dwar il-kuntratti tat-trasport li jinkludu dispożizzjonijiet dwar ir-rimbors tal-prezz tal-biljett fil-każijiet speċifikati fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet tal-kumpens”).

17.      B’deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2010, ix-Schienen‑Control Kommission ordnat lil ÖBB‑Personenverkehr AG temenda l-kundizzjonijiet tal-kumpens tal-prezz tal-biljetti tagħha. B’mod iżjed speċifiku ġiegħlet lil ÖBB‑Personenverkehr AG tħassar id-dispożizzjoni li skontha ma għandu jitħallas ebda kumpens jew rimbors tal-ispejjeż minħabba dewmien tas-servizz:

–        meta t-tort ikun tal-passiġġier,

–        meta parti terza taġixxi b’mod li t-trasportatur, minkejja li jkun ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi ta’ dan,

–        fil-każ ta’ ċirkustanzi mhux konnessi mal-operat tal-linja tal-ferrovija li t-trasportatur, minkejja li ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom;

–        meta s-servizzi jkunu limitati minħabba strajkijiet, sakemm il-passiġġieri jkunu ġew infurmati b’mod xieraq dwar dawn,

–        jekk id-dewmien ikun ikkawżat minn servizzi tat-trasport li ma jagħmlux parti mill-kuntratt tat-trasport.

18.      ÖBB‑Personenverkehr AG ikkontestat id-deċiżjoni tax-Schienen‑Control Kommission quddiem il-Verwaltungsgerichtshof. Hi essenzjalment sostniet li x-Schienen‑Control Kommission ma kellhiex is-setgħa, minħabba l-limitazzjonijiet imposti mill-Artikolu 78 b (2) tal-EisbG, li tordna l-emenda tal-kundizzjonijiet kuntrattwali tagħha. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, ÖBB‑Personenverkehr AG kompliet billi sostniet li l-esklużjoni tal-kumpens f’każijiet ta’ forza maġġuri huwa permess skont ir-Regolament Nru 1371/2007, u li barra dan, id-dritt li wieħed jinvoka l-forza maġġuri hu rrikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE.

19.      Il-Verwaltungsgerichtshof dehrilha li biex tasal għal deċiżjoni kellha l-ewwel nett tiddetermina l-ambitu tas-setgħat ta’ korp stabbilit għall-iskopijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1371/2007 biex jenforza dak ir-regolament u, it-tieni nett kellha tikkjarifika jekk impriża ferrovjarja tistax tirrifjuta li tirrimborsa l-prezz tal-biljett fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament KE) Nru 1371/2007 fil-każ ta’ forza maġġuri.

20.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti skont l-Artikolu 267 TFUE:

“(1)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji għandu jiġi interpretat fis-sens li, il-korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament huwa awtorizzat jippreskrivi, b’mod vinkolanti fuq impriża tal-ferroviji li l-kundizzjonijiet tal-kumpens għar-rimbors tal-prezz ta’ biljett ma jikkorrispondux mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, il-kontenut speċifiku tal-kundizzjonijiet tal-kumpens li għandhom jintużaw minn din l-impriża, minkejja li d-dritt nazzjonali jagħtih biss il-possibbiltà li jiddikjara n-nullità ta’ tali kundizzjonijiet?

(2)      L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji għandu jiġi interpretat fis-sens li, impriża tal-ferroviji tista’ teskludi l-obbligu tagħha li tirrimborsa prezz ta’ biljett fil-każ ta’ forza maġġuri, b’applikazzjoni b’analoġija tal-motivi ta’ esklużjoni previsti fir-Regolamenti (KE) Nru 261/2004, (UE) Nru 1177/2010 u (UE) Nru 181/2011, jew inkella billi testendi, għall-każijiet ta’ rimbors tal-prezz tal-biljetti, l-esklużjonijiet tar-responsabbiltà previsti fl-Artikolu 32(2) tar-regoli uniformi dwar il-kuntratt għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri u bagalji bil-ferrovija (CIV, Anness I tar-Regolament)?”

21.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-mitkub minn ÖBB‑Personenverkehr AG, mix-Schienen‑Control‑Kommission, mill-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Renju tal-Isvezja, u mill-Kummissjoni. Ir-rappreżentanti ta’ ÖBB‑Personenverkehr AG, tax-Schienen‑Control‑Kommission, tal-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika tal-Italja, u tal-Kummissjoni kienu preżenti waqt is-seduta tat-22 ta’ Novembru 2012.

22.      Jien ser nibda billi nirrispondi għat-tieni Domanda, minħabba li r-risposta tagħha taffettwa lill-ewwel Domanda, u minħabba li t-tieni Domanda hi ta’ interess ikbar għad-dritt Ewropew dwar it-trasport u l-protezzjoni tal-konsumatur. It-tieni domanda tittratta l-kwistjoni ta’ forza maġġuri minħabba li teħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk, abbażi tal-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, ÖBB‑Personenverkehr AG hijiex intitolata timponi restrizzjoni fuq ir-responsabbiltà skont dan l-Artikolu fil-pattijiet u l-kundizzjonijiet ġenerali tagħhom tal-bejgħ ta’ biljetti għal vjaġġi bil-ferrovija. Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, l-ewwel domanda ssir ipotetika minħabba li l-azzjoni meħudha mix-Schienen‑Control Kommission bħala suppost eżerċizzju tas-setgħat miksuba mill-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1371/2007 ikunu għalhekk inkompatibbli mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 li jeżenta lill-impriżi ferrovjarji milli jirrimborsaw il-prezz tal-biljett fil-każ ta’ forza maġġuri.

IV – Analiżi

A –    Ir-risposta għat-tieni Domanda

23.      Mill-bidu nett jien nara li ma hemm xejn fit-test tar-Regolament Nru 1371/2007 li jnaqqas mir-responsabbiltà, f’dak li jirrigwarda r-rimbors tal-prezz tal-biljett skont l-Artikolu 17, tal-impriżi ferrovjarji minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri. Madankollu, kif tosserva l-qorti nazzjonali tar-rinviju fit-tieni Domanda, din il-possibbiltà tista’ sseħħ jew billi jiġu applikati b’analoġija r-raġunijiet għall-esklużjoni previsti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, l-Artikolu 20(4) tar-Regolament 1177/2010 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament 181/2011, jew billi jittieħed kont tal-esklużjonijiet mir-responsabbiltà previsti fl-Artikolu 32(2) CIV, li jinsab fl-anness tar-Regolament Nru 1371/2007 u li strettament jifforma parti minnu, u li wkoll jirrigwarda l-kumpens għal interruzzjonijiet mhux mistennija tal-vjaġġi bil-ferrovija. Barra dan, kif jien diġà semmejt, ÖBB‑Personenverkehr AG sostniet li l-forza maġġuri tirrappreżenta prinċipju ġenerali rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni Ewropea.

1.      Dwar l-Artikolu 32 (2) CIV

24.      Fl-opinjoni tiegħi, u għall-kuntrarju tas-sottomissjonijiet ippreżentati fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, ta’ ÖBB‑Personenverkehr AG, u tal-Ġermanja, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 32(2) CIV, ir-Regolament Nru 1371/2007 ma jassoċjax ir-responsabbiltà tal-impriżi ferrovjarji skont l-Artikolu 17, fir-rigward tar-rimbors tal-prezz tal-biljett, mar-regoli dwar il-kumpens stipulati fl-Artikolu 32 tas-CIV kif anness mar-Regolament Nru 1371/2007.

25.      Kif ġie indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Isvezja, skont l-Artikolu 32(2) CIV, dawk iċ-ċirkustanzi li ma humiex fil-kontroll tat-trasportaturi, jeħilsuhom mir-responsabbiltà li jikkumpensaw it-tip ta’ ħsara msemmija fl-Artikolu 32(1) ta’ dak l-Artikolu, u xejn iżjed minn dik il-ħsara. Dan il-kumpens jikkonsisti fil-ħlas tal-“ispejjeż raġonevoli ta’ akkomodazzjoni kif ukoll fl-ispejjeż raġonevoli li jirriżultaw minħabba li l-passiġġier ikun irid javża lill-persuni li jkunu qed jistennewħ” fil-każijiet fejn it-telf jew il-ħsara jirriżultaw meta, minħabba kanċellazzjoni, dewmien, jew konnessjoni mitlufa, il-passiġġier ma jistax ikompli, jew ikun raġonevolment mistenni li jkompli, il-vjaġġ tiegħu fl-istess ġurnata.

26.      Għalhekk, il-klawżola dwar il-forza maġġuri fl-Artikolu 32(2) tas-CIV isservi ta’ restrizzjoni fuq l-obbligu li l-passiġġieri tal-ferrovija jiġu kkumpensati għall-ħsara msemmija fl-Artikolu 32(1), liema kumpens ma jinkludix il-prezz ta’ biljett imħallas fir-rigward ta’ servizz ittardjat jew ikkanċellat. L-Artikolu 32(1) jirreferi biss għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-avviż.

27.      Għalhekk jien naqbel mal-loġika adottata fl-osservazzjonijiet tal-Isvezja, fejn ġie sostnut li kull limitazzjoni fuq ir-rimbors ta’ prezz ta’ biljett, fil-każ ta’ dewmien kif previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, hi fil-fatt ittrattata b’mod eżawrjenti f’din l-istess dispożizzjoni. L-Artikolu 17(1) inaqqas mir-responsabbiltà tal-impriża ferrovjarja billi jistipula li “il-kalkolu tal-perijodu ta’ dewmien m’ għandux jieħu kont ta’ kwalunkwe dewmien li l-impriża ferrovjarja tista’ turi li seħħ barra t-territorji li fihom it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea huwa applikat”. L-Artikolu 17(4) ikompli biex jipprovdi li l-kumpens ma jitħallasx f’ċirkustanzi fejn il-passiġġier ikun ġie “infurmat bid-dewmien qabel jixtri l-biljett, jew jekk id-dewmien, minħabba kontinwazzjoni fuq servizz differenti jew tibdil tar-rotta, jibqa’ taħt is-60 minuta”.

28.      Jien ma naqbilx mar-raġunar tal-Ġermanja u tal-Kummissjoni li s-CIV, u b’mod iżjed preċiż l-Artikolu 32(2) tal-imsemmi CIV, huma rilevanti minħabba l-premessa 14 u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1371/2007. L-Artikolu 15 jistipula, taħt l-intestatura “għal dewmien, konnessjonijiet mitlufa u kanċellazzjonijiet”, li bla ħsara għad-“dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, ir-responsabbiltà ta’ l-impriżi ferrovjarji fejn jidħlu dewmien, konnessjonijiet li ma ntlaħqux u kanċellazzjonijiet għandha tkun regolata mill-Kapitolu II tat-Titolu IV ta’ l-Anness I”, filwaqt li l-premessa 14 tistipula li hu “mixtieq” li s-sistema ta’ kumpens stabbilita skont ir-Regolament Nru 1371/2007 tkun fuq l-istess bażi, inter alia, tas-CIV. Iżda l-kliem “suġġett għal dan il-Kapitolu” jirrendi l-Artikolu 15, u għalhekk is-CIV, inqas importanti mir-regoli espliċiti tal-Artikolu 17. Barra dan jien ma nistax naċċetta interpretazzjoni tal-premessa 14 li tillimita, minħabba l-applikazzjoni tas-CIV, il-livell ta’ protezzjoni pprovdut mir-Regolament Nru 1371/2007 fl-Artikolu 17 jew f’xi parti oħra ta’ dan ir-Regolament.

29.      Barra dan, l-Artikolu 32(3) tas-CIV jirreferi l-kwistjoni tar-rimbors tal-prezz tal-biljett lura lid-dritt nazzjonali, li fil-każ inkwistjoni għandha tiġi mifhumha bħala riferiment għall-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007. L-Artikolu 32(3) tas-CIV jipprovdi li d-dritt nazzjonali “għandu jiddetermina jekk u sa liema punt għandu t-trasportatur iħallas għal xi ħsara oħra apparti dik prevista fil-paragrafu 1. Din id-dispożizzjoni għandha tkun bla ħsara għall-Artikolu 44” (6).

30.      Jidher ċar li l-ħsara “apparti dik prevista” fil-paragrafu 32(1) tas-CIV tinkludi l-prezz tal-biljett. Dan huwa indirettament irrikonoxxut fin-nota ta’ spjega tas-CIV (7). Il-punt 3 tal-ispjega tal-Artikolu 32 tas-CIV jgħid li s-soluzzjoni pprovduta [mill-Artikolu 32(1)] għadha mhix sodisfaċenti mill-perspettiva tal-klijent minħabba li l-ittardjar tat-traffiku tal-passiġġieri jirrappreżenta każ tipiku ta’ tħaddim ħażin tal-kuntratt tal-ġarr. Jissemma wkoll il-fatt li, f’bosta sistemi ġuridiċi, it-tħaddim ħażin ta’ kuntratt jiġġustifika rimunerazzjoni mnaqqsa, jiġifieri fil-każ ta’ kuntratti ta’ passiġġieri tal-ferrovija, tnaqqis fil-prezz tat-trasport. Fi kliem ieħor, is-CIV tħalli l-kwistjoni tar-rimbors f’idejn id-dritt nazzjonali, li jfisser li din taqa’ barra l-ambitu tal-eċċezzjoni tal-forza maġġuri fl-Artikolu 32(2) CIV.

2.      Forza maġġuri bħala prinċipju ġenerali tad-dritt

31.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ xi definizzjoni leġiżlattiva speċifika, li hu l-każ fit-tilwima inkwistjoni, ir-“rikonoxximent taċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxu forza maġġuri jippresupponi li l-kawża esterna invokata mill-individwi għandha konsegwenzi ineżorabbli u inevitabbli sal-punt li jirrenduha oġġettivament impossibbli għall-persuni kkonċernati li josservaw l-obbligi tagħhom [....]. Il-kunċett ta’ forza maġġuri għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi mhux normali u mhux prevedibbli li ma humiex fil-kontroll tal-operatur inkwistjoni, u li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ittieħdet l-attenzjoni kollha, u li għal din ir-raġuni l-aġir tal-awtoritajiet pubbliċi jista’, skont iċ-ċirkustanzi, jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri (8)”.

32.      Madankollu, qabel ma ssir evalwazzjoni tal-prinċipju ġenerali hawn fuq imsemmi fir-rigward tal-fatti inwkistjoni, ikun importanti li wieħed iżomm f’moħħu l-kuntest li fih qed tġi invokata l-forza maġġuri fil-kawża preżenti. Fil-kawża prinċipali l-forza maġġuri ma hijiex rilevant fil-kuntesti “klassiċi” li fihom tqajmet fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa llum, pereżempju bħala raġuni biex jiġi estiż il-limitu taż-żmien applikabbli skont l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċedura (9), jew bħala skuża leġittima biex ma jitwettaqx xi obbligu kuntrattwali (10), jew fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-UE li jagħmlu provvediment għall-forza maġġuri, jew xi kundizzjonijiet simili. F’dan il-kuntest tal-aħħar il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li “minħabba li l-kunċett ta’ forza maġġuri ma għandux l-istess portata fid-diversi kampijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, it-tifsira tagħha għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-kuntest legali li fiha tkun qiegħda tiġi applikata (11).

33.      Iżda dak li qed jidher li qed jiġri fit-tilwima preżenti hu li qed jiġi invokat b’mod pjuttost mhux tas-soltu l-kunċett tal-UE ta’ forza maġġuri. ÖBB‑Personenverkehr AG qiegħda effettivament tikkontendi li l-prinċipju ġenerali tal-UE li jirrigwarda l-forza maġġuri jfisser li r-Regolament Nru 1371/2007, jew għall-inqas l-Artikolu 17 tiegħu, għandu jiġi interpretat b’tali mod li ÖBB‑Personenverkehr AG ikollha d-dritt li tirrifjuta li tirrimborsa l-prezz tal-biljett fil-każ li l-forza maġġuri sseħħ. Dan l-arguament qed isir allavolja l-forza maġġuri ma tissemma la fl-Artikolu 17 u lanqas, kif diġà spjegajt, f’xi parti oħra tar-Regolament Nru 1371/2007 li huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 17.

34.      Fl-opinjoni tiegħi, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 hi impossibbli fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1371/2007 bħala miżura li tipproteġi lill-konsumatur.

35.      Pereżempju, il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1371/2007 tgħid, inter alia, li hu importanti li wieħed iħares id-drittijiet tal-utenti fir-rigward tal-passiġġieri tal-ferrovija, filwaqt li l-premessa 2 tirreferi għall-fatt li l-għan stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, l-“Istrateġija għall-Politika tal-Konsumatur 2002–2006” hu li tikseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur fil-qasam tat-trasport. Il-premessa 3 tindika li, minħabba li l-passiġġieri tal-ferrovija jikkostitwixxu l-parti d-dgħajfa fil-kuntratt tat-trasport, id-drittijiet tal-passiġġieri f’dan ir-rigward għandhom jiġu mħarsa, filwaqt li l-premessa 6 titlob, inter alia, li jiġu msaħħa d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija. L-istess prinċipju ġuridiku jifforma l-bażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament li jistabbilixxi n-natura mandatarja tal-obbligi lejn il-passiġġieri skont ir-Regolament.

36.      Minħabba li r-Regolament Nru 1371/2007 jikkostitwixxi miżura mmirata biex ittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur, fil-każ li jkun hemm xi ambigwità, id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jiġu interpretati skont dan il-għan. Dan jimplika li l-limitazzjonijiet fuq ir-responsabbiltà tal-impriżi ferrovjarji għandhom jiġu applikati b’mod strett, u ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jkun ta’ detriment għall-konsumaturi (12). Inċidentalment, dan l-istess rekwiżit ma jippermettix li ssir analoġija mar-rwol tal-forza maġġuri skont l-Artikolu 32 CIV(2) li jien ittrattajt fil-punti 24 sa 30 iktar ’il fuq.

37.      Barra dan, fl-opinjoni tiegħi l-kwistjoni dwar x’jikkostitwixxi forza maġġuri, u x’inhuma l-effetti tagħha fil-kuntest tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tiġi primarjament stabbilita mill-leġiżlatur. Kif indikajt iktar ’il fuq, fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, it-tifsira tal-kunċett ta’ forza maġġuri għandha tqis il-kuntest ġuridiku li fih tiġi applikata. Għalhekk ma hi ħaġa xejn stramba li d-dritt tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi diverġenzi f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi tal-forza maġġuri, u għalhekk fir-Regolament Nru 1371/2007 ssir distinzjoni bejn ir-rimbors tal-prezz tal-biljett skont l-Artikolu 17, u l-kumpens fir-rigward tat-telf li jirriżulta u tal-ħsara kkawżata minħabba l-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt tal-ġarr tal-passiġġieri skont id-dispożizzjonijiet tas-CIV fl-anness tagħhom. Fi kliem ieħor, li kieku l-leġiżlatur tal-UE kellu l-għan li jillimita l-applikabilità tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 abbażi tal-forza maġġuri, dan kien ikun indikat b’mod ċar fil-kliem tar-Regolament.

38.      Għall-kuntrarju tas-sottomissjonijiet tal-Ġermanja waqt is-seduta, jidhirli li ma hemm xejn inkonsistenti f’sitwazzjoni fejn il-passiġġieri ma jkunux intitolati għall-kumpens tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni fil-każ ta’ forza maġġuri li tkkawża dewmien kbir, iżda xorta jibqgħalhom id-dritt tar-rimbors tal-prezz tal-biljett fil-każ ta’ dewmien anki iqsar. Jista’ jkun li l-leġiżlatur deherlu li jkun xieraq li jipproteġi l-impriżi ferrovjarji mir-responsabbiltà fir-rigward ta’ talbiet għall-kumpens mhux prevedibbli fil-każ ta’ forza maġġuri, filwaqt li jipprekludihom milli jżommu l-prezz sħiħ għal xi servizz li huma ma jkunux wettqu kif suppost. Din hi kwistjoni ta’ politika, u mhux ta’ loġika ġuridika.

3.      L-applikazzjoni analoga tar-regoli dwar il-forza maġġuri fir-Regolamenti 261/2004, 1177/2010, u 181/2011

39.      Lanqas ma nista’ naqbel mal-argumenti magħmulha mill-Kummissjoni u minn ÖBB‑Personenverkehr AG li jsostnu li l-impriżi ferrovjarji jistgħu ma jkunux obbligati jirrimborsaw il-prezz tal-biljett f’każijiet ta’ forza maġġuri b’analoġija mar-raġunijiet għall-esklużjoni previsti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, l-Artikolu 20(4) tal-(UE) Nru 1177/2010 u l-Artikolu 23(2) tal-(UE) Nru 181/2011, li jirrigwardaw rispettivament l-ivvjaġġar bl-ajru, bil-vapur u bil-karozza tal-linja.

40.      Jien nirrikonoxxi li, kif semmejt iktar ’il-fuq fil-punt 31, il-kunċett tal-forza maġġuri tal-UE jirrikjedi “ċirkustanzi mhux normali u mhux prevedibbli”. Madankollu, fil-kuntest ta’ kuntratti tat-trasport tal-passiġġieri tal-ferrovija, l-iżjed kawżi komuni ta’ forza maġġuri, jiġifieri kundizzjonijiet tat-temp diffiċli, ħsara fl-infrastruttura ferrovjarja, u kunflitti fis-suq tax-xogħol, fil-fatt għandhom frekwenza statistika prevedibbli anki jekk is-seħħ tagħhom individwali tagħhom ma jistax jiġi previst fiċ-ċert. Dan ifisser li l-impriżi ferrovjarji jkunu jafu minn qabel li dawn il-ġrajjiet jistgħu jseħħu (13). Għalhekk, dan ukoll ifisser li jistgħu jiġu kkunsidrati meta jkunu qed jikkalkulaw il-prezz tal-biljett.

41.      Barra dan, iktar kmieni din is-sena l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea kellha d-dritt tistabbilixxi regoli li jipprovdu protezzjoni lil-klijent b’livelli li jvarjaw skont is-settur tat-trasport ikkonċernat. Fis-sentenza C‑12/11 McDonagh (14), fejn linja tal-ajru rebħet kawża wara li rrifjutat tipprovdi l-għajnuna skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004, minħabba li ġiet ikkanċellata titjira wara li żbroffa l-vulkan Islandiż Eyjafjallajökull, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ffavorietx l-argumenti li sostnew li l-obbligu tat-trasportaturi tal-ajru li jagħtu l-għajnuna jmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament abbażi tal-fatt li dan l-obbligu ma huwiex impost fuq mezzi oħra tat-trasport, jiġifieri l-ivvjaġġar bil-ferrovija skont ir-Regolament Nru 1371/2007, l-ivvjaġġar bil-baħar u l-passaġġ fuq l-ilma intern skont ir-Regolament 1177/2010, u l-ivvjaġġar bil-karozza tal-linja u bil-kowċ skont ir-Regolament 181/2011 (15). Biex tiġġustifika d-differenza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “is-sitwazzjoni tal-impriżi li joperaw fis-settur tal-attività tad-diversi mezzi ta’ trasport ma hijiex paragunabbli inkwantu, fid-dawl tal-metodi ta’ operar tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta’ aċċessibbiltà tagħhom u tad-distribuzzjoni tan-netwerks tagħhom, dawn id-diversi mezzi ta’ trasport ma humiex, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom, interkambjabbli” (16).

42.      Fid-dawl ta’ dan, diviżjoni ġusta tar-riskju (17) tista’ tipprekludi kull kundizzjoni kuntrattwali li tirrikjedi li passiġġier iħallas il-prezz kollu għal servizz ferrovjarju li ma ngħatax kif suppost minħabba forza maġġuri.

43.      Għal dawn ir-raġunijiet jien nipproponi li t-tieni Domanda tiġi risposta fis-sens li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 għandu jiġi interpretat li jfisser li impriża ferrovjarja ma tistax teskludi l-obbligu tagħha li tħallas il-kumpens tal-prezz tal-biljett f’każijiet ta’ forza maġġuri.

B –    Ir-risposta għall-ewwel Domanda

44.      Fl-ewwel Domanda l-Verwaltungsgerichtshof tistaqsi jekk l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1371/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-korp nazzjonali maħtur responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament għandux id-dritt jippreskrivi b’effett vinkolanti fuq impriża ferrovjarja, li l-kundizzjonijiet tal-kumpens tagħha ma jikkonformawx mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament, il-kontenut speċifiku tal-kundizzjonijiet tal-kumpens li għandhom jiġu applikati minn din l-impriża ferrovjarja, meta skont id-dritt nazzjonali dan il-korp ikollu biss is-setgħa li jiddikjara dawn il-kundizzjonijiet tal-kumpens nulli u bla effett.

45.      Jien niftakar li skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1371/2007, kull korp nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-istess regolament għandu jiżgura li d-drittijiet tal-passiġġieri jiġu rrispettati.

46.      Hu stabbilit li, għalkemm ir-Regolamenti tal-UE huma direttament applikabbli u ġeneralment għandhom effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja rażżnet l-effetti tagħhom f’dawk il-każijiet fejn l-Istati Membri tkun ingħatatilhom ċerta libertà f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni tal-miżuri ta’ applikazzjoni.

47.      Fis-sentenza C–367/09 SGS Belgium et (18) ġie deċiż li l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Eurotom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (19) ma jistax jikkostitwixxi l-unika bażi li fuqha jiġu imposti s-sanzjonijiet amministrattivi skont id-dritt tal-Istat Membru, minħabba li dawn sempliċement stabbilixxew “ir-regoli ġenerali ta’ kontrolli u ta’ sanzjonijiet bl-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni” (20). Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll żammet f’moħħha l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE, li issa jinsab rifless fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dwar “il-prinċipju nulla poena sine lege, li ebda sanzjoni amministrattiva ma tista’ tiġi imposta sakemm din ma tkunx ġiet ipprovduta minn att tal-Unjoni preċedenti għall-irregolarità” (21), u li “sanzjoni, anki jekk mhux ta’ natura kriminali, tista’ tiġi imposta biss jekk din hija msejsa fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa” (22). Dan għalhekk jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ddum taħsibha qabel ma tikkonkludi li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi lix-Schienen Control Kommission b’bażi legali suffiċjenti biex tagħti l-ordni kkontestata quddiem il-qorti nazzjonali meta din is-setgħa ma hijiex provduta mid-dritt nazzjonali.

48.      Hu minnu li, skont l’hekk imsejħa duttrina Costanzo, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li, meta ma jkunx possibbli li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat u applikat skont ir-rekwiżiti tad-dritt tal-UE, “il-qrati nazzjonali u l-korpi amministrattivi, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, għandhom l-obbligu li japplikaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea b’mod sħiħ u li jipproteġu d-drittijiet li dan jikkonferixxi fuq l-individwi, billi jitħallew, jekk hemm bżonn, inapplikati d-dispożizzjonijiet kollha fid-dritt nazzjonali” (23).

49.      Mill-proċess tal-kawża jidher li l-kwistjoni waslet għand il-Verwaltungsgerichtshof waqt li kien għadu għaddej proċess amministrattiv li fih ix-Schienen‑Control Kommission qalet li biddlet il-kundizzjonijiet tal-kumpens tal-bejħ tal-biljetti għall-vjaġġi bil-ferrovija ta’ ÖBB‑Personenverkehr AG. Kif ġie kkjarifikat mid-domandi magħmulha mill-kompożizzjoni ġudikanti waqt is-seduta, ix-Schienen‑Control Kommission għandha żewġ tipi ta’ funzjonijiet.

50.      L-ewwel nett, f’sitwazzjonijiet bħal dawk tas-sentenza Westbahn (24), ix-Schienen‑Control Commission aġixxiet bħala tribunal amministrattiv kważi-ġudizzjarju f’kuntest ta’ proċeduri kontenzjużi b’żewġ partijiet. Bħal ma kkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak il-każ, din tippossjedi l-karatteristiċi meħtieġa, f’dak li jikkonċerna l-indipendenza u l-kompożizzjoni, biex tissodisfa l-kriterji tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

51.      Madankollu, f’dawn il-proċeduri x-Schienen‑Control Kommission għandha wkoll ir-rwol ta’ awtoritá amministrattiva, li jinkludi r-responabbiltajiet ta’ korp nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-infurzar tar-Regolament Nru 1371/2007.

52.      B’mod iżjed preċiż, skont l-Artikolu 78a EisbG, Schienen‑Control GmbH, l-entità Awstrijaka għas-sorveljanza tal-attività ferrovjarja li għandha l-istruttura ta’ kumpannija privata b’responsabbiltà limitata, taġixxi bħala medjatur bejn il-passiġġieri u kumpanniji ferrovjarji f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1371/2007.

53.      Skont l-Artikolu 78a(2) EisbG, l-ilmenti tal-passiġġieri msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1371/2007 għandhom isiru lil Schienen‑Control GmbH. Jistgħu wkoll isiru lmenti minn assoċjazzjonijiet jew minn ċerti korpi pubbliċi. Schienen‑Control GmbH tista’ tadotta rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti dwar il-kwistjoni. Il-kompetenza ta’ Schienen‑Control GmbH ma tippreġudikax il-kompetenzi tal-qrati u l-awtoritajiet komuni. Dan ifisser li passiġġier jista’ jagħmel kawża ċivili kontra impriża ferrovjarja u jitlob rimedju fil-konfront ta’ dawk il-kundizzjonijiet tal-kumpens applikati lilu li hu jidhirlu li huma inkompatibbli mad-dritt tal-UE.

54.      Skont il-paragrafu 78b (1) tal-EisbG, meta l-medjazzjoni ma twassalx għal soluzzjoni bonarja, ix-Schienen‑Control GmbH għandha tinforma lix-Schienen‑Control Kommission.

55.      Ix-Schienen‑Control Kommission tista’, skont l-Artikolu 78b (2) EisbG, fuq l-inizjattiva tagħha, tiddikjara totalment jew parzjalment nulli u bla effett il-kundizzjonijiet tal-kumpens ta’ kuntratt maħruġ mill-impriża ferrovjarja għall-iskopijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007.

56.      Din id-deċiżjoni tista’ tiġi appellata mill-impriża ferrovjarja quddiem il-Verwaltungsgerichtshof. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ix-Schienen‑Control Kommission tieħu r-rwol tal-konvenuta fil-kawża. Għalhekk, f’kuntest bħal dan ix-Schienen‑Control Kommission ma tistax titqies bħala qorti jew tribunal minħabba li hi l-parti kontra fit-tilwima kontra ÖBB‑Personenverkehr AG (25).

57.      Għaldaqstant, hu x’hinu l-iskop tal-obbligu Costanzo tal-awtoritajiet amministrattivi li “japplikaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea b’mod sħiħ u li jipproteġu d-drittijiet li dan jikkonferixxi fuq l-individwi, billi jitħallew, jekk hemm bżonn, inapplikati d-dispożizzjonijiet kollha fid-dritt nazzjonali” (26), dan ma jistax jiġi estiż b’tali mod li l-awtoritajiet ikunu obbligati jikkonformaw mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-provvediment ta’ rimedji ġudizzjarji effettivi li jassiguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-UE.

58.      Madankollu, fil-kawża preżenti, ix-Schienen‑Control Kommission ma tkunx meħtieġa “tiddiżapplika” liġi ta’ Stat Membru, iżda essenzjalment ikollha teżerċita kompetenza li ma hemmx provvediment għaliha fid-dritt Awstrijak. Fi kliem ieħor, l-ordni li tkun tixtieq tadotta x-Schienen Control Kommission ma tkunx sostitut għad-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 78 b EisbG, iżda tkun tissupplimentaha b’obbligu addizzjonali għall-impriża ferrovjarja.

59.      Fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1371/2007, huwa impossibbli li wieħed jinterpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li tagħti lix-Schienen‑Control Kommission l-awtorità li tagħti ordnijiet speċifiċi li jirrigwardaw it-tibdil tal-kundizzjonijiet tal-kumpens lill-impriżi ferrovjarji bħall-ÖBB‑Personenverkehr AG. Din is-setgħa tkun teħtieġ li l-awtorità tingħatalha kompetenza amministrattiva speċifika, bl-istess mod tar-regola li teżiġi li s-sanzjonijiet jiġu bbażati fuq raġunijiet legali ċari u speċifiċi. Fil-fatt, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1371/2007 huwa iżjed miftuħ mill-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament 2988/95, il-miżuri kkontemplati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża SGS Beligum et u li kif diġà semmejt, il-Qorti tal-Ġustizzja dehrilha li ma kinux jikkostitwixxu bażi suffiċjenti għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva.

60.      Għalhekk, jien nipproponi li nirrispondi għall-ewwel Domanda fis-sens li l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 għandu jiġi interpretata fis-sens li l-korp nazzjonali maħtur responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-regolament ma jistax jippreskrivi, b’effett vinkolanti fuq impriża ferrovjarja li l-kundizzjonijiet tal-kumpens tagħha ma jikkonformawx mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament, il-kontenut speċifiku tal-iskema ta’ kumpens li għandha tiġi applikata minn din impriża ferrovjarja meta d-dritt nazzjonali jippermetti lil dan il-korp biss li jiddikjara dawn il-kundizzjonijiet tal-kumpens bħala nulli u bla effett.

C –    Osservazzjonijiet Addizzjonali

61.      Madankollu fl-opinjoni tiegħi, biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni kompleta tal-prinċipji ġuridiċi inkwistjoni, ir-risposta għall-ewwel Domanda għandha tiġi ssupplimentata. Qabel ma dan ikun jista’ jseħħ, għandha ssir analiżi iżjed bir-reqqa tal-obbligi ta’ ÖBB‑Personenverkehr AG skont ir-Regolament Nru 1371/2007, u tar-rwol tal-Verwaltungsgerichtshof.

62.      Fil-qosor, il-problema prinċipali hawnhekk hi li jidher li ma jeżistux liġijiet nazzjonali li għandhom saħħa biżżejjed biex jiżguraw l-infurzar effettiv tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007. Skont l-ordni tar-rinviju u l-osservazzjonijiet tax-Schienen‑Control Kommission, ladarba din tal-aħħar tiddikjara bħala nulli u bla effett il-kundizzjonijiet tal-kumpens ta’ ÖBB Personenverkehr AG, hi sempliċement terġa’ tadotta mill-ġdid kundizzjonijiet simili. Dan jirriżulta f’logħoba “ping-pong” bejn ir-regolatur u l-impriża ferrovjarja.

63.      Madankollu, allavolja din is-sitwazzjoni tqajjem is-suspett li l-infurzar korrett tar-Regolament Nru 1371/2007 ma huwiex iggarantit fl-Awstrija minħabba dgħjufiji fis-setgħat mogħtija lix-Schienen‑Control Kommission mid-dritt Awstrijak, inkluż in-nuqqas ta’ sanzjonijiet xierqa, hemm limitu għal x’jista’ jinkiseb fil-kawża preżenti biex dan jiġi rrimedjat. Minħabba li l-kawża inkwistjoni ma tikkostitwixxix proċedura ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni kontra l-Awstrija, u minħabba l-problemi ovvji ta’ evidenza, jien ma nistax inkompli nittratta din il-kwistjoni. Barra dan, jeżistu prinċipji tad-dritt tal-UE li jimmeritaw il-kunsiderazzjoni u li jorbtu lil ÖBB Personenverkehr AG u l-Verwaltnungsgerichtshof. Dawn huma ukoll rilevanti għall-infurzar tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007.

1.      L-obbligi ta’ ÖBB Personenverkehr AG

64.      L-ewwel nett, skont ir-regoli tal-UE li jirrigwardaw l-effetti ġuridiċi li għandhom ir-regolamenti fuq id-dritt tal-Istati Membri, ÖBB Personenverkehr AG hi marbuta li tosserva l-obbligi imposti mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, minħabba li għall-kuntrarju tal-Artikolu 30 tal-istess Regolament, dan ma jagħti ebda libertà lill-Istati Membri, u għalhekk ma jippermettix li jsiru miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni (27). Fi kliem ieħor, l-eżistenza tal-obbligi legali ta’ ÖBB Personenverkehr AG lejn il-passiġġieri tal-ferrovija skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 bl-ebda mod ma tiddependi fuq l-eżistenza ta’ sanzjonijiet jew rimedji fil-livell nazzjonali.

65.      Hu daqshekk ieħor stabbilit sew li d-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti li huma direttament applikabbli, bħal ma hu l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, huma infurzabbli b’mod orizzontali fi pretensjonijiet bejn l-atturi fis-settur privat (28).

66.      Dan ifisser li ÖBB‑Personenverkehr AG hi legalment marbuta bl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007, u li l-passiġġieri huma intitolati jinvokawh fi kwalunkwe proċeduri ċivili mibdija kontra ÖBB‑Personenverkehr AG fir-rigward tar-rimbors tal-prezz tal-biljett. Jien ninnota li skont l-Artikolu 78a(2) EisbG, il-kompetenzi tal-qrati komuni ma jiġux affettwati mill-proċedura speċjali li tikkonċerna lil Schienen Control GmbH u fl-aħħar mill-aħħar lix-Schienen Control Kommission.

67.      Jiena konxju tal-fatt li l-proċeduri ċivili jistgħu mhux dejjem joffru alternattiva prattika lill-klijenti li jkunu jixtiequ jirkupraw il-prezz tal-biljett fir-rigward ta’ vjaġġi sfrattati mill-forza maġġuri. Dan hu minħabba, fost affarijiet oħra, is-somom involuti żgħar u minħabba li l-kawżi ċivili jinvolvu spiża relattivament kbira. Xorta waħda, fl-opinjoni tiegħi, kull bidla li ssir lill-proċeduri ċivili għall-infurzar tar-Regolament Nru 1371/2007 hija kwistjoni li tirrigwarda l-leġiżlatur Awstrijak. Għalhekk, jidher illi ma jistax jiġi sostnut li d-dritt Awstrijak ma jipprovdix aċċess għall-qrati biex jiġu difiżi d-drittijiet tal-Unjoni Ewropea li l-passiġġieri jiksbu mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 (29).

2.      Il-pożizzjoni tal-Verwaltnungsgerichtshof

68.      Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li tistabbilixxi l-qrati u t-tribunali li għandhom ġurisdizzjoni u li tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-azzjonijiet li jħarsu d-drittijiet li l-persuni kkonċernati jnisslu mil-liġi tal-Unjoni Ewropea (30). Ma hemmx dubju li l-Verwaltungsgerichtshof hi “qorti” skont id-dritt tal-UE, u hi marbuta bl-istess obbligi li għandhom il-qrati tal-Istati Membri. Għalhekk dan ifisser li skont l-Artikolu 19(1) TEU (ex Artikolu 10 KE) din hi marbuta li “tieħu l-miżuri xierqa kollha, kemm ġenerali kif ukoll partikolari, biex tiżgura s-sodisfament” ta’ drittijiet individwali li jkunu ġejjin mir-Regolamenti. Hu daqshekk ieħor stabbilit li qorti bħal ma hi l-Verwaltungsgerichtshof għandha jkollha r-responsabbiltà li “tassigura[w] [i]l-protezzjoni ġuridika li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja u li għandhom jiggarantixxu l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet” (31).

69.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li jekk sitwazzjoni ta’ “ping-pong” bejn il-korp nazzjonali tal-infurzar u l-impriża ferrovjarja, bħal dik deskritta fil-punt 63 iktar ’il fuq, tkun tipperikola l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-kumpens skont ir-Regolament Nru 1371/2007, allura jridu jkunu l-qrati Awstrijaki li jiddeċiedu jekk għandhomx jiġu diżapplikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-EisbG.

70.      Jiena konxju tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma saritilha ebda domanda mill-Verwaltungsgerichtshof dwar l-obbligi tagħha f’dak li jirrigwarda s-sanzjonijiet. Dan ifisser, pereżempju. li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mitluba tirriżovli problema tat-tip Comet/Rewe li tirrigwarda sitwazzjoni fejn regola proċedurali nazzjonali tostakola l-infurzar ta’ miżura tal-Unjoni Ewropea b’effett dirett(32). Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma ntalbet tiddelibera dwar kwistjoni bħal dik tal-Kawża Unibet, li ttrattat inter alia l-obbligu, jekk dan kien jeżisti, tal-qrati nazzjonali li joħolqu rimedju ġdid biex tkun tista’ tiġi infurzata miżura tal-Unjoni Ewropea b’effett dirett, biex tissuplimenta s-sanzjonijiet previsti skont id-dritt nazzjonali(33). Pjuttost, id-domanda magħmulha fil-proċeduri ewlenin ġiet ristretta għas-setgħat tax-Schienen Control Kommission, korp illi jien ikkonkludejt jikkostitwixxi entità amministrattiva għall-iskopijiet tal-funzjonijiet li hi wettqet f’dan il-każ. Madankollu, minħabba li t-tilwima għandha tiġi riżolta mill-Verwaltungsgerichtshof fil-kapaċità tagħha ta’ qorti amministrattiva, jidher li l-kwistjoni tar-rimedji li għandha toffri skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, hi pertinenti.

71.      Fl-opinjoni tiegħi, u kif diġà semmejt, peress li fid-dritt Awstrijak ma teżisti ebda regola proċedurali li tmur kontra l-ġurisprudenza tat-tip Comet/Rewe, jew kwalunkwe problema relatata mal-għoti ta’ miżuri provviżorju (34), l-Unjoni Ewropea ma tobbligax lill-Verwaltungsgerichtshof, fil-kawża inkwistjoni, li tipprovdi xi rimedju ġudizzjarju li jeċċedi s-setgħat tagħha skont id-dritt Awstrijak (35). La l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jew ir-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq il-Verwaltungsgerichtshof bis-saħħa tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentli, ma jobbligawha tagħmel iżjed minn dan (36). U dan għal żewġ raġunijiet.

72.      L-ewwel nett, ma hemm ebda passiġġier li hu parti fil-kawża ewlenija. Pjuttost, l-infurzar tad-drittijiet mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 qed tintalab minn awtorità amministrattiva, ix-Schienen‑Control Kommission, kontra impriża korporattiva, ÖBB Personenverkehr AG. Hi din tal-aħħar li qed titlob li tingħata l-protezzjoni ġudizzjarja fil-konfront ta’ deċiżjoni amministrattiva, li fil-fehma tagħha teċċedi l-mandat ta’ awtorità, u li mhix korretta fis-sustanza.

73.      Filwaqt li l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1371/2007 jagħti lill-passiġġieri d-dritt li jagħmlu lment lill-korp maħtur apposta skont il-paragrafu (1), u li fl-Awstrija dan sar permezz tar-rwol ta’ Schienen‑Control GmbH, ir-Regolament ma jistabilixxi xejn iżjed, ħlief l-obbligu skont l-Artikolu 32 fuq l-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi(37).

74.      Fl-opinjoni tiegħi dan ifisser li l-infurzar amministrattiv tar-Regolament Nru 1371/2007 jħares id-drittijiet tal-passiġġieri b’mod indirett biss, u b’hekk joħloq dubju dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti dwar id-drittijiet tal-individwi, u l-konsegwenzi li din iġġorr magħha fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tapplikax fi proċeduri bejn awtorità amministrattiva bħal ma hi x-Schienen‑Control Kommission, u entità li hi suġġett għas-sorveljanza tagħha, bħal ma hi ÖBB Personenverkehr AG.

75.      It-tieni nett, u fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rimedji effettivi ma tirrikjedix li l-qrati amministrattivi jaġixxu kontra l-prinċipju reformatio in pejus, jew li jagħtu ordnijiet li ma humiex awtorizzati jagħmlu skont id-dritt nazzjonali (38), ħlief fil-każ ta’ miżuri provviżjori biex jipproteġu l-infurzar ta’ miżuri tal-Unjoni Ewropea li jkunu qed jistennew sentenza finali (39). F’dan il-każ jien nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti fil-punti 40 u 41 tal-Kawża Unibet. Dawn huma hekk kif ġej:

“40.      Għalkemm it-Trattat KE stabbilixxa numru ta’ proċeduri diretti li, jekk hemm bżonn, jistgħu jiġu eżerċitati minn persuni privati quddiem l-Imħallef Komunitarju, ma stabbilixxiex quddiem il-qrati nazzjonali, bil-għan li jitħares id-dritt Komunitarju, proċeduri legali oħra minbarra dawk stabbiliti mil-liġi nazzjonali (sentenza tas-7 ta’ Lulju 1981, Rewe, 158/80, Ġabra p. 1805, punt 44).

41.      Kien ikun mod ieħor biss kieku kien jirriżulta mill-istruttura tas-sistema legali nazzjonali in kwistjoni li ma teżisti l-ebda proċedura ta’ rimedju li tippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi assigurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5; u s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Comet, punt 16; kif ukoll Factortame et, punti 19 sa 23)”.

76.      Fl-opinjoni tiegħi jidher li fid-dritt Awstrijak jeżistu rimedji legali, kemm diretti kif ukoll indiretti, li jippermettu li l-passiġġieri tal-ferrovija jikkontestaw l-osservanza Awstrijaka tar-Regolament Nru 1371/2007(40). U lanqas ma qamet xi kwistjoni, f’dan il-każ, fejn il-passiġġieri tal-ferrovija jew saħansitra x-Schienen Control Kommission, ġew miċħudha d-dritt li jieħdu passi f’qorti, u li tikkostitwixxi l-qofol tal-prinċipji stabbiliti skont il-Qorti tal-Ġustizzja taħt ir-rubrika ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

77.      Barra dan, hu stabbilit li meta Stat Membru fl-eżerċitar tal-libertà tiegħu “li jirregola l-qrati kompetenti u l-metodi proċedurali tar-rimedji intiżi li jħarsu d-drittijiet illi l-individwi jinvokaw taħt id-dritt Komunitarju” (41) ikun ħalla lok għal tilwima dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju tal-effettività, l-obbligu impost mid-dritt tal-UE fuq il-qrati nazzjonali hu sempliċement “li għandhom jinterpretaw ir-regoli proċedurali applikabbli fil-konfront tal-proċeduri li għandhom quddiemhom, bħan-neċessità ta’ relazzjoni legali konkreta bejn il-parti rikorrenti u l-Istat, safejn huwa possibbli b’mod li dawn ikunu jistgħu jirċievu applikazzjoni li tikkontribwixxi għat-tħaddim tal-għan, imfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt Komunitarji” (enfażi miżjuda) (42).

78.      Wieħed għandu jżid ma’ dan li hemm raġuni oħra importanti għaliex is-setgħa tal-qrati li jagħtu ordnijiet li ma humiex miżuri provviżorji lill-awtoritajiet amministrattivi ma tistax titqies li tikkonforma mal-prinċipju ġenerali tal-UE tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Il-ġudikatura tal-UE qatt ma ngħatatilha din it-tip ta’ kompetenza fir-rigward ta’ istituzzjonijiet oħra tal-UE (43). Għalhekk huwa diffiċli li jiġi sostnut li għandu jintalab iktar mill-qrati tal-Istati Membri milli mil-ġudikatura tal-UE .

V –    Konklużjoni

79.      Abbażi ta’ dawn ir-raġunijiet, jien nipproponi r-risposti segwenti għad-domandi magħmulha mill-Verwaltungsgerichtshof:

L-ewwel Domanda

L-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji għandu jiġi interpretat fis-sens li, il-korp nazzjonali inkarigat bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ma huwiex awtorizzat jippreskrivi, b’mod vinkolanti fuq impriża tal-ferroviji li l-kundizzjonijiet tal-kumpens għar-rimbors tal-prezz ta’ biljett ma jikkorrispondux mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, il-kontenut speċifiku tal-kundizzjonijiet tal-kumpens li għandhom jintużaw minn din l-impriża, meta d-dritt nazzjonali jagħtih biss il-possibbiltà li jiddikjara n-nullità ta’ tali kundizzjonijiet. Madankollu, l-obbligu legali ta’ impriżi ferrovjarja li jissodisfaw l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament, kif interpretat mill-qrati kompetenti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jiddependix fuq is-setgħat tal-korp nazzjonali jew is-sanzjonijiet li huwa għandu.

It-tieni Domanda

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1371/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża ferrovjarja ma tistax teskludi l-obbligu tagħha taħt dan l-Artikolu biex tħallas kumpens tal-prezz tal-biljett fil-każijiet ta’ forza maġġuri.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      ĠU L 315, p. 14.


3 –      Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 259/91 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) – Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10). (Hi ħaġa stramba li wara d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tinsab id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fit-titolu).


4 –      Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004, (ĠU L 334, p. 1).


5 –      Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004. Test b’rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 55, p. 1).


6 – Artikolu 44 tal-Anness jittratta l-kumpens u d-dewmien fir-rigward tal-konsenja ta’ vettura.


7 – Rapport tal-Uffiċċju Ċentrali dwar ir-Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980 u r-Rapporti ta’ Spjegazzjoni dwar it-testi adottati mill-Ħames Assemblea Ġenerali tal-1 ta’ Jannar 2011.


8 –      Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1993, Huygen (C‑12/92, Ġabra p. I‑381, punt 31).


9 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni (C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619).


10 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il-Parlament Ewropew vs SERS (C‑167/99, Ġabra p. I‑3269).


11 –      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, CIVAD (C‑533/10, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 –      Ara, b’analoġija, il-Kawżi magħquda tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon (C‑402/07 u C‑432/07, Ġabra p. I‑10923, punti 43 sa 45); is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru, 2008 Wallentin-Hermann (C‑549/07, Ġabra p. I‑11061, punt 20); is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, punti 31 sa 32); is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Finnair ( C‑22/11, punt 38).


13 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑297/08, Ġabra p. I‑1749, punt 86), u r-risposta ta’ “amministrazzjoni diliġenti” għall-possibbiltà ta’ ċirkustanzi li allegatament kienu jikkostitwixxu forza maġġuri, u s-sentenza Il-Parlament Ewropew vs SERS, punt 118, dwar il-prevedibbiltà min-naħa tal-kuntrattur ewlieni qabel ma beda x-xogħol, ta’ ċertu numru ta’ nuqqasijiet min-naħa ta’ impriżi li kienu qed iwettqu dmirijiethom.


14 –      Punt 54.


15 –      Punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16 –      Ara l-punti 40 sa 45 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), relatati mad-diviżjoni tar-riskju bejn it-trasportatur u l-passiġġier fir-rigward tal-effetti ta’ forza maġġuri. Kif ġie kkonfermat fis-sentenza, l-obbligu ta’ diliġenza tat-trasportatur ġie evalwat b’mod differenti mill-obbligu li jagħmel tajjeb għall-ħsara.


17 – Sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010 (C-367/09, Ġabra p. I‑10761).


18 – ĠU L 312, p. 1 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).


19 –      Il-punt 36 tas-sentenza. Dwar l-effetti ġuridiċi ta’ regolamenti li jeżiġu miżuri ta’ applikazzjoni, ara l-punti 32 u 33 tal-istess sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.


20 –      Il-punt 39 tas-sentenza.


21 –      Punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata. Kif ġie sostnut fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-punt 36, dan ir-rekwiżit huwa “espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, u jeżiġi, b’mod partikolari, li liġi tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d‑drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skont dan it-tagħrif”.


22 –      Ara, pereżempju, il-Kawżi maqgħuda li wasslu għas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro (C‑444/09 u C‑456/09, Ġabra p. I‑14031, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, bl-istess mod u iżjed reċenti, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Amia SpA (C-97/11, punt 38). Id-duttrina Costanzo ġiet ikkritikata minħabba li naqset milli tosserva d-diviżjoni tal-poter skont id-dritt tal-Istati Membri, peress illi tidher li teżiġi li l-awtoritajiet amministrattivi jeċċedu l-limiti tas-setgħat tagħhom imposti mid-dritt nazzjonali, inklużi l-miżuri leġiżlattivi ewlenin. Ara pereżempju B. de Witte, “Direct Effect, Primacy, and the Nature of the EU Legal Order”, fi P. Craig, u G. de Búrca G., “The Evolution of EU Law” (Oxford, 2011) 323 paġna 333. Għal studju ddettaljat ara M. Verhoeven, “The Costanzo Obligation: the obligations of national administrative authorities in the case of incompatibility between national law and European law” (Intersentian, 2011).


23 – Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Westbahn Management (C‑136/11).


24 – Hawnhekk nagħmel analoġija mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 2010, Vebic (C‑439/08 Ġabra p. I‑12471), fejn ġie sotnut illi, minħabba r-rekwiżit li l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 102 TFUE għandhom jiġu applikati b’mod effettiv, awtorità nazzjonali għall-kompetizzjoni għandha jkollha d-dritt li taġixxi bħala difensur jew intervenjent fi proċeduri ġudizzjarji tal-appell kontra d-deċiżjonijiet tagħha stess. Hu ċar li x-Schienen‑Control Kommission hi intitolata tagħmel l-istess. Madankollu, din neċessarjament ikollha tiġi prekluża milli teżerċita dan id-dritt jekk hi stess tkun qorti jew tribunal.


25 – Sentenza Gavierio, punt 73.


26 – Sentenza SGS Belgium et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17.


27 – Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Muñoz and Superior Fruiticola (C‑253/00, Ġabra p. I‑7289).


28 – F’dan is-sens ipparaguna s-sentenza tat-22 Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I‑13849). Ara wkoll l-opportunitajiet għal soluzzjonijiet alternattivi disponibbli għall-konsumaturi skont id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 136, p. 3).


29 – Sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 – Sentenza Impact, punt 42.


31 –      Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Comet (C‑45/76, Ġabra p. 2043) u Rewe (C-33/76, Ġabra p. 1989).


32 – Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271).


33 – Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame (C‑213/89, Ġabra p. I‑2433).


34 – Għal diskussjoni dwar id-differenza bejn l-awtonomija nazzjonali proċedurali, u l-awtonomija nazzjonali rimedjali, li ġġenerat relazzjoni li dejjem iżjed qed issir kumplessa, bejn il-prinċipju tal-effettività stabbilit f’Rewe, u l-prinċipju fundamentali dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ikkunsidrata f’kawżi bħal Unibet u Impact. Ara Prechal, S. u Widdershoven, R. “Redefining the Relationship between ‘Rewe‑effectiveness’ and Effective Judicial Protection” Review of European Adminstrative Law (2011), p. 31, speċjalment il-paġna 33.


35 – Id-dritt għal rimedju effettiv, kif salvagwardat mill-Artikolu 47 tal-Karta, ġie reċentement ikkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Diouf (C-69/10, Ġabra p. I‑7151).


36 – F’dak li jirrgwarda tal-aħħar, skont l-Artikolu 167 EisbG, persuna li ma tippubblikax il-kundizzjonijiet tal-kumpens skont l-Artikolu 22a(1) EisbG tista’ tiġi ssanzjonata mill-awtorità amministrattiva tad-distrett, u mhux mix-Schienen Control Kommission, b’multa ta’ mhux iżjed minn EUR 2 180.


37 – Għal studju ddettaljat dwar is-sensittività tas-setgħat rimedjali tal-qrati amministrattivi, fil-konfront taż-żamma tad-diviżjoni tal-poter, ara l-General Report of the International Association of Supreme Administrative Jurisdictions, VIIIth Congress, Madrid, 2004.


38 – Ara s-sentenza Factortame et.


39 – Ara s-sentenza Unibet, punt 55.


40 – Impact, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.


41 – Impact, punt 54. Ipparaguna ma’ Gavieiro, punti 95 u 96 Ara wkoll Kawża C‑240/09 Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, Ġabra p. I‑1255, punt 51).


42 –      Jien ninnota li t-Trattat ta’ Lisbona żamm ir-restrizzjoni tradizzjonali fuq ir-rimedji li jistgħu jordnaw il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, jiġifieri miżuri provviżorji u ta’ sospensjoni (Artikoli 278 u 279 TFUE), is-setgħa li jiddikjaraw ċerti miżuri tal-UE bla effett (Artikoli 264 u 266 TFUE), u s-setgħa li jordnaw li jitħallsu d-danni (Artikolu 268 u 340, it-tieni u t-tielet paragrafi, TFUE). Dan għalhekk ifisser li kull talba minn rikorrent għal ordni speċifika, li tordna lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE li jieħdu azzjoni speċifika biex jirrimedjaw il-ħsara allegata, għandha tkun inammissibbli. Ara, pereżempju, il-Kawżi magħquda tal-15 ta’ Settembru 1998, ENS et vs Il-Kummissjoni (T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94, u T‑388/94, Ġabra p. II-3141, punt 53).


43 – B’analoġija, jien ninnota l-paralelliżmu fir-responsabbiltà tal-Istat, f’dak li jirrigwarda r-regoli attribwibbli lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE, fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291).