Language of document : ECLI:EU:C:2013:245



SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ April 2013 (*)

“Appell – Artikolu 225(1) KE, Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE – Kawża kontra l-Komunità Ewropea sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali – Evalwazzjoni tan-natura mhux kuntrattwali tal-kawża – Ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji”

Fil-Kawża C‑103/11 P,

li għandha bħala suġġett appell abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. van Rijn, kif ukoll minn E. Montaguti u J. Samnadda, bħala aġenti, assistiti minn A. Berenboom, avukat, u M. Isgour, avukat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Systran SA, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Systran Luxembourg SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

irrappreżentati minn J.-P. Spitzer u E. De Boissieu, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, J.‑J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ April 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2010, Systran u Systran Luxembourg vs Il-Kummissjoni (T‑19/07, Ġabra p. II‑6083, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata) li permezz tagħha din tal-aħħar ġiet ikkundannata tħallas lil Systran SA (iktar ’il quddiem “Systran”) kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 12 001 000 bħala kumpens għad-dannu subit minħabba l-ksur tad-drittijiet tal-awtur tagħhom u tan-know-how wara sejħa għal offerti tal-Kummissjoni marbuta mal-manutenzjoni u mat-tisħiħ lingwistiku tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika ta’ din tal-aħħar.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-verżjoni inizjali tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran (SYStem TRANslation), “Systran Mainframe”, inħolqot fl-1968 u kienet ikkummerċjalizzata minn World Translation Center Inc. (iktar ’il quddiem “WTC”) u kumpanniji oħra msieħba (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“grupp WTC”).

3        Fil-bidu, il-Kummissjoni, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt inizjali, ma’ WTC fl-1975, bdiet tuża l-imsemmija sistema għas-servizzi tagħha ta’ traduzzjoni, fil-verżjoni “EC-Systran Mainframe” ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, hija ffirmat, bejn 1976 u 1987, bosta kuntratti ma’ kumpanniji tal-grupp WTC sabiex, minn naħa, ittejjeb is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran u, min-naħa l-oħra, tiżviluppa kombinazzjonijiet ġodda ta’ lingwi, jiġifieri b’total ta’ disa’ kombinazzjonijiet ta’ lingwi.

4        Permezz ta’ sensiela ta’ kuntratti li saru minn Settembru 1985 ’il quddiem, Gachot SA (iktar ’il quddiem “Gachot”) akkwistat il-kumpanniji tal-grupp WTC, li kienu l-proprjetarji tat-teknoloġija Systran u tal-verżjoni Systran Mainframe tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran, u dan il-grupp sar il-grupp Systran wara l-imsemmi akkwist.

5        Fl-4 ta’ Awwissu 1987, il-grupp Systran u l-Kummissjoni ffirmaw kuntratt dwar l-organizzazzjoni konġunta tal-iżvilupp u tat-titjib tas-sistema ta’ traduzzjoni Systran għal-lingwi uffiċjali, attwali u futuri, tal-Komunità Ewropea, kif ukoll dwar l-implementazzjoni tagħha (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kollaborazzjoni”). Skont l-Artikoli 11 u 12 tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni, il-liġi applikabbli għall-kuntratt kienet il-liġi Belġjana u kull tilwima bejn il-partijiet dwar l-interpretazzjoni, l-eżekuzzjoni jew in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt kienet suġġetta għal arbitraġġ.

6        Barra minn hekk, bejn l-1988 u l-1989, il-Kummissjoni kkonkludiet erba’ kuntratti sussegwenti ma’ Gachot, li wara saret jisimha hija stess “Systran”, sabiex tikseb “liċenzja ta’ użu” tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran għall-kombinazzjonijiet ta’ lingwi Ġermaniż-Ingliż, Ġermaniż-Franċiż, Ingliż-Grieg, Spanjol-Ingliż u Spanjol-Franċiż.

7        Fix-xahar ta’ Diċembru 1991, il-Kummissjoni tterminat il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni għaliex Systran ma osservatx l-obbligi kuntrattwali tagħha. Fid-data meta ntemm il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni, il-verżjoni EC-Systran Mainframe tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran kienet tinkludi sittax-il verżjoni lingwistika.

8        Sussegwentement, il-grupp Systran ħoloq u kkummerċjalizza verżjoni ġdida tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran li kienet saħansitra tista’ topera taħt is-sistemi operattivi Unix u Windows, jiġifieri “Systran Unix”, filwaqt li l-Kummissjoni żviluppat il-verżjoni EC-Systran Mainframe tal-imsemmija sistema, parzjalment bl-għajnuna ta’ kontraenti estern, li kienet topera fuq is-sistema operattiva Mainframe, inkompatibbli mas-sistemi operattivi Unix u Windows.

9        Fit-tieni stadju, sabiex il-verżjoni EC-Systran Mainframe tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran tkun tista’ tiffunzjona fuq is-sistemi operattivi Unix u Windows, ġew konklużi erba’ kuntratti bejn Systran Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “Systran Luxembourg”) u l-Kummissjoni, li taw lok għas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika msejħa “EC-Systran Unix” (iktar ’il quddiem il-“kuntratti ta’ migrazzjoni”).

10      Fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni, fix-xahar ta’ Diċembru 1997, Systran aċċettat li l-Kummissjoni tuża, minn naħa, it-trade mark Systran b’mod sistematiku għal kull sistema ta’ traduzzjoni awtomatika li tirriżulta mis-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran oriġinali għall-finijiet biss tad-distribuzzjoni jew tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din is-sistema u, min-naħa l-oħra, il-prodotti Systran fuq is-sistemi operattivi Unix u Windows għal bżonnijiet interni tagħha.

11      L-Artikolu 13 tal-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni kien jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni għandha tkun informata immedjatament dwar kull riżultat jew dwar kull privattiva miksuba [minn Systran Luxembourg] fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt; dan ir-riżultat jew din il-privattiva jappartjenu lill-Komunitajiet Ewropej, li jistgħu jużawhom kif jidhrilhom, ħlief fil-każijiet fejn diġà jeżistu drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew intellettwal” u “[i]s-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummisjsoni, inklużi l-komponenti tagħha, anki jekk modifikati matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, tibqa’ l-proprjetà tal-Kummissjoni, ħlief fil-każijiet fejn diġà jeżistu drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew intellettwali”.

12      Skont l-Artikoli 15 u 16 tal-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni, il-liġi applikabbli għall-kuntratt kienet il-liġi Lussemburgiża u kull tilwima bejn il-partijiet ikkonċernati dwar dan il-kuntratt kienet taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qrati Lussemburgiżi.

13      Barra minn hekk, l-ewwel klawżola emendatorja tar-raba’ kuntratt ta’ migrazzjoni kienet tistabbilixxi l-15 ta’ Marzu 2002 bħala d-data meta jintemm il-kuntratt u kienet tispeċifika, b’mod partikolari li, f’dik id-data, Systran Luxembourg kellha tipproduċi prova aġġornata tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u industrijali, li fuqhom għandu pretensjoni l-grupp Systran u li huma marbuta mas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran. Skont il-Kummissjoni, Systran Luxembourg ma tathiex din l-informazzjoni.

14      Fl-4 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni nediet sejħa għal offerti għall-manutenzjoni u għat-tisħiħ lingwistiku tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni EC-Systran Unix. Sussegwentement għal din is-sejħa għal offerti, żewġ lottijiet mill-għaxra li kien fih il-kuntratt ingħataw lill-kumpannija Gosselies SA (iktar ’il quddiem “Gosselies”).

15      Filwaqt li Systran informat lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Ottubru 2003, li x-xogħlijiet li din tal-aħħar ippjanat setgħu joħloqu dannu għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-Kummissjoni wieġbet li l-grupp Systran ma kienx ipproduċa l-prova ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li Systran kienet qed tinvoka fuq is-softwer ta’ traduzzjoni awtomatiku Systran u li għalhekk hija kkunsidrat li Systran ma kellhiex dritt li topponi x-xogħlijiet imwettqa mill-kumpannija li rebħet is-sejħa għal offerti.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16      B’azzjoni ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Jannar 2007, Systran u Systran Luxembourg ippreżentaw rikors għal kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba l-illegalitajiet imwettqa wara s-sejħa għal offerti tal-Kummissjoni dwar il-manutenzjoni u t-tisħiħ lingwistiku tas-sistema tagħha ta’ traduzzjoni awtomatika.

17      B’mod partikolari, l-imsemmija kumpanniji talbu lill-Qorti Ġenerali biex, l-ewwel nett tordna l-waqfien immedjat mill-Kummissjoni tal-atti ta’ vjolazzjoni u ta’ żvelar, it-tieni nett, tordna l-konfiska jew l-eliminazzjoni ta’ ċerta data miżmuma mill-Kummissjoni jew minn Gosselies, it-tielet nett, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tas-somma minima ta’ EUR 1 170 328 lil Systran Luxembourg u EUR 48 804 000, li għandha tiġi approssimata, lil Systran, ir-raba’ nett, tordna l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni eventwalment mogħtija mill-Qorti Ġenerali, bi spejjeż tal-Kummissjoni, f’ġurnali speċjalizzati, f’rivisti speċjalizzati u fuq siti tal-internet speċjalizzati magħżula mir-rikorrenti u, il-ħames nett, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Qabel ma jiġi diskuss il-mertu tal-kawża, il-Qorti Ġenerali eżaminat preliminarjament il-motivi ta’ inammissibbiltà tar-rikors imqajma mill-Kummissjoni.

19      F’dak li jirrigwarda l-ewwel minn dawn il-motivi, dwar l-inammissibbiltà tal-konklużjonijiet li jwasslu għall-kundanna tal-Kummissjoni biex tipprovdi kumpens għad-dannu allegat minn Systran u Systran Luxembourg minħabba l-qafas kuntrattwali tat-talba, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 57 sa 64 tas-sentenza appellata, tfakkar il-prinċipji marbuta mal-ġurisdizzjoni tal-qrati fil-qasam kuntrattwali u mhux kuntrattwali.

20      Wara li ppreċiżat din il-premessa, fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal kumpens imressqa minn Systran u Systran Luxembourg, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 68 sa 77 tas-sentenza appellata, li dawn il-kumpanniji kienu ressqu biżżejjed elementi sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li l-grupp Systran seta’ jinvoka drittijiet tal-awtur fuq il-verżjoni Systran Unix tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran, u li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tqiegħed inkwistjoni l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali billi tikkontesta d-drittijiet tal-awtur invokati mill-grupp Systran fir-rigward tal-imsemmija verżjoni.

21      Fir-rigward tan-know-how, fil-punti 78 sa 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, li s-sigrieti tan-negozju jiġbru fi ħdanhom l-informazzjoni teknika dwar in-know-how u li l-komunikazzjoni tagħhom, mhux biss lill-pubbliku iżda wkoll lil sempliċi terz, tista’ tippreġudika b’mod gravi l-interessi ta’ dak li jkun ipprovda l-informazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li informazzjoni teknika, li taqa’ taħt is-sigrieti tal-azzjonijiet ta’ impriża u li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni għal finijiet preċiżi, ma tistax tiġi żvelata lil terzi għal finijiet oħra mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-impriża kkonċernata.

22      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punt 82 tas-sentenza appellata li Systran u Systran Luxembourg sostnew, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tagħha taħt l-Artikolu 235 KE, il-ksur mill-Kummissjoni ta’ obbligi ta’ oriġini mhux kuntrattwali dwar id-drittijiet tal-awtur u dwar in-know-how li jirrigwardaw il-verżjoni Systran Unix tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran.

23      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 84 sa 102 tas-sentenza appellata, jekk mill-proċess jirriżultax li l-bosta kuntratti konklużi bejn il-grupp WTC u l-grupp Systran (iktar ’il quddiem il-“grupp WTC/Systran”), minn naħa, u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, kienu jagħtu lil din l-istituzzjoni awtorizzazzjoni kuntrattwali ta’ żvelar lil terzi, f’dan il-każ lil Gosselies, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ Systran u ta’ Systran Luxembourg, ta’ informazzjoni li tista’ tkun protetta taħt id-drittijiet tal-awtur u n-know-how tal-grupp Systran.

24      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

25      Fir-rigward tat-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, dwar l-assenza ta’ ċarezza tar-rikors, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 107 sa 110 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-imsemmi motiv bħala infondat.

26      Fil-punti 113 sa 117 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll it-tielet motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq in-nuqqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha li tiddeċiedi fil-qasam ta’ vjolazzjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, billi kkunsidrat li l-kunċett ta’ vjolazzjoni tad-drittijiet tal-awtur kien, f’dan il-każ, invokat konġuntament ma’ dak tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tan-know-how bl-għan biss li l-aġir tal-Kummissjoni jiġi kkwalifikat bħala illegali fil-kuntest ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali.

27      Fl-aħħar nett, fil-punti 118 sa 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma fil-konfront tal-konklużjonijiet li mhux kumpensatorji ppreżentati minn Systran u Systran Luxembourg.

28      Fil-kuntest tal-analiżi dwar il-mertu tat-talba għal kumpens, il-Qorti Ġeneral, l-ewwel nett, fil-punti 137 sa 147, ivverifikat ix-xebh sostanzjali bejn il-verżjonijiet Systran Unix u EC-Systran Unix tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran, billi ddeċidiet li Systran u Systran Luxembourg setgħu għalhekk jibbenefikaw mid-drittijiet miżmuma mill-grupp Systran fuq il-verżjoni Systran Unix ta’ din is-sistema biex jopponu l-iżvelar lil terzi, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, tal-verżjoni derivata EC-Systran Unix tal-imsemmija sistema. F’din il-perspettiva, fil-punti 148 sa 157 tal-istess sentenza, hija ċaħdet, minħabba l-ġeneralità tagħhom u minħabba n-nuqqas ta’ provi tekniċi, l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi li jċaħħdu d-drittijiet ta’ Systran u ta’ Systran Luxembourg minħabba l-fatt li l-imsemmija verżjoni EC Systran hija biss ir-riżultat tal-migrazzjoni tal-verżjoni EC-Systran Mainframe tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran lejn ambjent informatiku ieħor.

29      Sussegwentement, wara li fakkret, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, il-kontenut tal-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali pproċediet, fil-punti 200 sa 261 ta’ din is-sentenza, bl-analiżi globali tan-natura illegali ta’ dan l-aġir.

30      Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, hija l-ewwel nett iddeterminat fil-punti 201 u 204 sa 215 tas-sentenza appellata, li Systran u Systran Luxembourg setgħu jibbenefikaw mid-dritt li jopponu x-xogħlijiet mitluba mill-Kummissjoni lil terzi u li jirrigwardaw ċerti aspetti tal-verżjoni EC-Systran Unix tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-preżunzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/48 KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), li jipprovdi li sabiex l-awtur ta’ xogħol jitqies bħala tali huwa biżżejjed li ismu jiġi indikat fuq ix-xogħol. Fil-punti 202 u 216 sa 222 tal-imsemmija sentenza, hija kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi li hija kienet awtorizzata, minħabba d-drittijiet mogħtija abbażi tal-kuntratti tal-passat mal-grupp Systran mill-1975 u minħabba l-finanzjament mogħti f’dan il-kuntest, li tipproċedi bl-użu u bl-iżvelar imwettqa wara l-għoti tal-kuntratt pubbliku kkontestat.

31      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 228 sa 260 tas-sentenza appellata, in-natura tax-xogħlijiet mogħtija mill-Kummissjoni lil terz, sabiex jiġi stabbilit jekk dawn tal-aħħar kinux ta’ natura li jbiddlu jew li jittrażmettu informazzjoni jew elementi marbuta mal-verżjoni Systran Unix tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran li kienu jinsabu fil-verżjoni EC-Systran Unix ta’ din is-sistema.

32      Fil-punt 261 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet li l-Kummissjoni kienet wettqet illegalità fid-dawl tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri applikabbli f’dan il-qasam. Skont il-Qorti Ġenerali, din l-illegalità kienet tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet tal-awtur u tan-know-how miżmuma mill-grupp Systran fuq il-verżjoni Systran Unix tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran, u kienet ta’ natura li timplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

33      B’dan stabbilit, il-Qorti Ġenerali għalhekk ezaminat, fil-punti 262 sa 325 tas-sentenza appellata, id-dannu subit minn Systran u Systran Luxembourg u r-rabta kawżali bejniethom u l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni.

34      Fi tmiem ta’ dan l-eżami, hija kkonkludiet fil-punt 326 tal-imsemmija sentenza li ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 12 001 000 għandu jingħata lil Systran bħala kumpens għad-dannu subit minħabba l-aġir tal-Kummissjoni.

35      Addizzjonalment, fil-punti 329 sa 332 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-miżuri mhux marbuta mad-danni mitluba minn Systran u Systran Luxembourg.

 It-talbiet tal-partijiet

36      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors għad-danni;

–        tikkundanna lil Systran u Systran Luxembourg għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi; u

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

37      Systran u Systran Luxembourg jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Fuq it-talba biex il-proċedura orali tinfetaħ mill-ġdid

38      Il-proċedura orali ngħalqet fil-15 ta’ Novembru 2012 wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

39      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2012, Systran u Systran Luxembourg talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

40      Insostenn ta’ din it-talba, huma sostnew li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 2012, jiżviluppaw argumenti ġodda li qatt ma ġew diskussi mill-partijiet.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, inkonformità mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew saħansitra meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula u li dawn l-elementi kienu s-suġġett ta’ dibattiti li seħħew quddiemha.

43      Għaldaqstant, it-talba ta’ Systran u Systran Luxembourg għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiċċaħħad.

 Fuq l-appell

44      Il-Kummissjoni tqajjem tmien aggravji insostenn tal-appell tagħha.

45      L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, inkwantu kkunsidrat li l-kawża inkwistjoni kienet ta’ natura mhx kuntrattwali. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiza u ksur tar-regoli dwar il-produzzjoni tal-provi. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod impreċiż ir-regoli tad-drittijiet tal-awtur dwar id-detentur tad-drittijiet invokati minn Systran. Permezz tar-raba’ u tal-ħames aggravji tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball manifest fl-evalwazzjoni tan-natura illegali jew kolpuża tal-aġir tagħha u tan-natura suffiċjentement serja tat-tort allegat tagħha. Permezz tas-sitt aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, minn naħa waħda, ikkommettiet żball fl-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114) u, min-naħa l-oħra, ma mmotivatx b’mod suffiċjenti s-sentenza tagħha dwar l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6 tal-istess direttiva. Is-seba’ aggravju jirrigwarda żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali “suffiċjentement diretta” bejn in-nuqqas iddenunzjat u d-dannu allegat. It-tmien aggravju, fl-aħħar nett, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-iffissar ta’ danni ta’ madwar EUR 12 001 000.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tan-natura mhux kuntrattwali tal-kawża

 L-argumenti tal-partijiet

46      Il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, issostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2009, Guigard vs Il-Kummissjoni (C-214/08 P), li tippreċiża, fil-punt 43 tagħha, li s-sempliċi invokazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li ma jirriżultawx mill-kuntratt inkwistjoni, iżda li huma imposti fuq il-partijiet ma jistgħux ikollhom bħala konsegwenza li jbiddlu n-natura kuntrattwali tal-kawża u li għalhekk din tal-aħħar ma tinstemax mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni. Li kieku kien mod ieħor, in-natura tal-kawża u, għalhekk, il-qorti kompetenti jkunu jistgħu jinbidlu skont ir-regoli invokati mill-partijiet, fatt li jmur kontra r-regoli ta’ ġurisdizzjoni materjali tal-qrati differenti.

47      F’din il-perspettiva, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina, fid-dawl tad-diversi elementi rilevanti tal-proċess, jekk it-talba għad-danni mressqa minn Systran u Systran Luxembourg hijiex ibbażata b’mod oġġettiv u globali fuq obbligi ta’ oriġini kuntrattwali jew fuq obbligi ta’ natura mhux kuntrattwali, b’tali mod li tkun tista’ tiġi identifikata l-bażi kuntrattwali jew mhux kuntrattwali tal-kawża. Fil-fatt, in-natura ta’ allegazzjoni ma hijiex f’dan ir-rigward il-fattur deċiżiv fl-iffissar tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji. Minn dan isegwi li tilwima dwar id-drittijiet tal-awtur li jirriżultaw minn kuntratt, minn liċenzja jew minn trasferiment, huma ta’ natura kuntrattwali, sa fejn is-soluzzjoni ta’ din it-tilwima tiddependi neċessarjament mill-interpretazzjoni tal-modalitajiet ta’ trasferiment jew ta’ konċessjoni ta’ dan id-dritt miftiehem mill-partijiet inkwistjoni.

48      Għalhekk, li kieku l-invokazzjoni, minn Systran ta’ aġir li fil-fehma tagħha ma kienx awtorizzat mill-klawżoli kuntrattwali kien biżżejjed biex jittrasforma t-tilwima tagħha mal-Kummissjoni f’kontenzjuż li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, dan iwassal biex tinħoloq estensjoni mhux iġġustifikata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 235 KE, għad-detriment tal-Artikolu 238 KE.

49      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjonijiet ġuridiċi żbaljati dwar l-interpretazzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-bosta dokumenti kuntrattwali u ittri invokati fl-ewwel istanza, fosthom b’mod partikolari l-kuntratt tat-22 ta’ Diċembru 1975 bejnha u WTC, il-kuntratti konklużi matul il-perijodu tal-1976 sal-1987 mal-kumpanniji tal-grupp WTC, li fosthom hemm b’mod partikolari l-ftehim ta’ kooperazzjoni teknika tat-18 ta’ Jannar 1985 ma’ Gachot, il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni, il-kuntratti ta’ liċenzja konklużi ma’ Gachot bejn l-1988 u 1989 kif ukoll il-kuntratti ta’ migrazzjoni.

50      Fil-fatt, filwaqt li rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ drittijiet kuntrattwali speċifiċi, b’mod partikolari ta’ “drittijiet ta’ użu”, tal-Kummissjoni fuq il-verżjoni EC-Systran Unix tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod xieraq il-kontenut u n-natura eżatta ta’ dawn id-drittijiet.

51      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali pproċediet b’interpretazzjoni żbaljata, jew żnaturata, tas-sens ċar tal-kuntratti msemmija iktar ’il fuq, li wassalha għal żball fl-evalwazzjoni tan-natura tal-kawża.

52      Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tinvoka ksur tar-regoli ta’ interpretazzjoni tal-kuntratti, peress li l-Qorti Ġenerali ma tistax tinterpreta l-kuntratti ta’ migrazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tal-ewwel minnhom, daqs li kieku dawn ma jagħtuha ebda dritt. F’dan il-kuntest, hija targumenta wkoll li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball meta kkonkludiet li, peress li Systran ma kinitx firmatarja tal-kuntratti ta’ migrazzjoni, dawn tal-aħħar ma setgħux jiġu invokati kontriha bħala tali, b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-effett relattiv tal-kuntratti.

53      Min-naħa tagħhom, Systran u Systran Luxembourg iqisu li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Kawża Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, sabiex iżżomm il-ġurisdizzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali mhux sempliċement eżaminat il-kawża fid-dawl tad-dispożizzjonijiet invokati mill-imsemmija kumpanniji, iżda ffokat il-parti ewlenija tas-sentenza appellata fuq l-analiżi tal-kuntratti mibgħuta mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li, matul l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha, hija tista’ perfettament teżamina l-kontenut ta’ kuntratt, bħalma tagħmel fir-rigward ta’ kull dokument ieħor invokat minn parti insostenn tal-argumenti tagħha, sabiex teżamina jekk dan il-kuntratt huwiex ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni l-ġurisdizzjoni ratione materiae mogħtija lilha b’mod espliċitu mill-Artikolu 235 KE.

54      F’dan id-dawl, fil-punti 71 sa 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kuntratti invokati ma kienu jinkludu ebda klawżola ta’ trasferiment ta’ drittijiet u ma kinux jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tkun tista’ twettaq jew twettaq hija stess xogħlijiet li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur ta’ Systran, u lanqas li tiġi żvelata informazzjoni li tista’ tiġi protetta abbażi tad-drittijiet tal-awtur.

55      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-imsemmija kuntratti, peress li dawn tal-aħħar kienu nieqsa minn kwalunkwe rilevanza għall-iffissar tal-ġurisdizzjoni f’dan il-każ, u li ddeċidiet b’mod tajjeb, fil-punti 101 sa 104 tas-sentenza appellata, li l-kawża inkwistjoni kienet ta’ natura mhux kuntrattwali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      It-Trattat KE jipprovdi tqassim ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u l-qrati nazzjonali għal dak li jikkonċerna l-azzjonijiet legali mressqa kontra l-Komunità li permezz tagħhom ir-responsabbiltà tagħha għal dannu hija mqiegħda inkwistjoni (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Hanssens-Ensch, C‑377/09, Ġabra p. I-7751, punt 16).

57      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 240 KE, il-qrati nazzjonali għandhom il-ġurisdizzjoni biex jisimgħu kawżi li fihom il-Komunità hija parti, bla ħsara għal dawk il-kawżi li għalihom it-Trattat jagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja jew saħansitra lill-Qorti Ġenerali (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2001, Flemmer et, C-80/99 sa C-82/99, Ġabra p. I-7211, punt 39, kif ukoll Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

58      Issa, ebda dispożizzjoni fit-Trattat ma tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawżi dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Komunità, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 238 KE. Dan tal-aħħar jippreżumi madankollu l-eżistenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab fil-kuntratt magħmul mill-Komunità jew f’isimha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Flemmer et, punt 42, kif ukoll Guigard vs Il-Kummissjoni, punti 40 u 41), u tistabbilixxi, għalhekk, ġurisdizzjoni derogatorja għad-dritt komuni, li għandha għalhekk tiġi interpretata b’mod ristrettiv (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, Ġabra p. 4057, punt 11, u tal-20 ta’ Frar 1997, IDE vs Il-Kummissjoni, C‑114/94, Ġabra p. I‑803, punt 82).

59      Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-Artikolu 240 KE, fl-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, il-kawżi dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Komunità jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali (sentenza Hanssens-Ensch, punt 19).

60      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, kawżi bħal dawn jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji. Fil-fatt, abbażi tal-Artikolu 235 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 225(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għandhom il-ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu kawżi dwar kumpens għad-danni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, li preċiżament għandu l-għan tal-imsemmija responsabbiltà mhux kuntrattwali. Peress li din il-ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji hija esklużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1992, Vreugdenhil vs Il‑Kummissjoni, C‑282/90, Ġabra p. I‑1937, punt 14, tas-26 ta’ Novembru 2002, First u Franex, C‑275/00, Ġabra p. I‑10943, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Hanssens-Ensch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17) dawn il-qrati għandhom jivverifikaw il-preżenza ta’ għadd ta’ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih huma kkritikati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat, li meta jiġu sodisfatti jwasslu biex ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tidħol fis-seħħ (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, Ġabra p. I‑10833, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex tiġi ddeterminata liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni legali partikolari mressqa kontra l-Komunità sabiex din tikkumpensa dannu, għandu jiġi eżaminat jekk din l-azzjoni għandhiex l-għan li tiġi stabbilita r-responsabbiltà kuntrattwali tal-Komunità jew ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha (sentenza Hanssens-Ensch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, fis-sens tal-Artikoli 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, li għandu natura awtonoma, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan tiegħu, jiġifieri li jippermetti tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u l-qrati nazzjonali.

63      F’dan il-kuntest, aditi b’rikors għad-danni, il-qrati Komunitarji għandhom, qabel ma jiddeċiedu fuq il-mertu tal-kawża, jiddeterminaw preliminarjament il-ġurisdizzjoni tagħhom billi jipproċedu b’analiżi intiża li tistabbilixxi n-natura tar-responsabbiltà invokata u għalhekk in-natura stess tal-kawża inkwistjoni.

64      Biex dan isir, l-imsemmija qrati ma jistgħux sempliċement jibbażaw ruħhom fuq ir-regoli allegati mill-partijiet.

65      Fil-fatt, f’dan ir-rigward, kif tirrileva l-Kummissjoni permezz tal-ewwel aggravju tagħha, imfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sempliċi invokazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li ma jirriżultawx minn kuntratt rilevanti fil-kawża, iżda li huma imposti fuq il-partijiet, ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jbiddel in-natura kuntrattwali tal-kawża u għalhekk li din tal-aħħar ma tinstemax mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni. Li kieku kien mod ieħor, in-natura tal-kawża u, għalhekk, il-qorti kompetenti jkunu jistgħu jinbidlu skont ir-regoli invokati mill-partijiet, fatt li jmur kontra r-regoli ta’ ġurisdizzjoni materjali tal-qrati differenti (sentenza Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

66      Min-naħa l-oħra, il-qrati Komunitarji għandhom jivverifikaw jekk ir-rikors għad-danni li bih huma aditi għandux bħala għan talba għad-danni bbażati b’mod oġġettiv u globali fuq drittijiet u obbligi ta’ oriġini kuntrattwali jew ta’ oriġini mhux kuntrattwali. Għal dawn il-finijiet, kif l-Avukat Ġenerali semmiegħha fil-punti 49 u 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-qrati għandhom jivverifikaw, permezz ta’ analiżi tal-elementi differenti tal-proċess, bħal b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet allegatament miksura, in-natura tad-dannu invokat, l-aġir ikkritikat kif ukoll ir-relazzjonijiet legali li jeżistu bejn il-partijiet inkwistjoni, jekk jeżistix bejniethom kuntest veru kuntrattwali, marbut mas-suġġett tal-kawża, li l-eżami dettaljat tiegħu huwa indispensabbli biex l-imsemmi rikors jiġi deċiż.

67      Fil-każ li mill-analiżi preliminari tal-imsemmija elementi jirriżulta li hemm bżonn li jiġi interpretat il-kontenut ta’ wieħed jew iktar kuntratti konklużi bejn il-partijiet inkwistjoni sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-imsemmija qrati għandhom iwaqqfu f’dan l-istadju l-eżami tagħhom tal-kawża u jiddikjaraw lilhom infushom bħala bla ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu fuq din il-kawża, fl-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ fl-imsemmija kuntratti. F’tali ċirkustanza, l-eżami tar-rikors għad-danni intiż kontra l-Komunità jimplika l-evalwazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ natura kuntrattwali li, abbażi tal-Artikolu 240 KE, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

68      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel aggravju mqajjem mill-Kummissjoni.

69      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-analiżi tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn Systran u Systran Luxembourg, il-Qorti Ġenerali qabelxejn ġustament ikkonstatat, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li, sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tagħha taħt l-Artikolu 235 KE, hija kellha teżamina, fid-dawl tad-diversi elementi rilevanti tal-proċess, jekk it-talba għad-danni mressqa minn Systran u Systran Luxembourg hijiex ibbażata b’mod oġġettiv u globali fuq obbligi ta’ oriġini kuntrattwali jew mhux kuntrattwali li jippermettu li tiġi identifikata l-bażi tal-kawża.

70      Madankollu, fl-imsemmi punt 60, il-Qorti Ġenerali sussegwentement iddikjarat li dawn l-elementi jistgħu jiġu misluta, b’mod partikolari, mill-eżami tal-pretensjonijiet tal-partijiet, mill-fatt li kkawża d-dannu li qiegħed jintalab il-kumpens tiegħu kif ukoll mill-kontenut stess tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali jew mhux kuntrattwali invokati sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża.

71      F’din il-perspettiva, il-Qorti Ġenerali qieset għalhekk, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li l-eżami tal-kontenut tad-diversi kuntratti konklużi bejn il-grupp WTC/Systran u l-Kummissjoni bejn l-1975 sal-2002 kien jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha u ma kellux bħala konsegwenza li jbiddel, bħala tali, in-natura tal-kawża billi jagħtiha bażi kuntrattwali. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li setgħet perfettament teżamina l-kontenut tal-kuntratt, bħalma tagħmel fir-rigward ta’ kull dokument ieħor invokat minn parti insostenn tal-argumenti tagħha, sabiex teżamina jekk dan il-kuntratt huwiex ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni l-ġurisdizzjoni ratione materiae mogħtija lilha b’mod espliċitu mill-Artikolu 235 KE, u li dan l-eżami jagħmel parti mill-evalwazzjoni tal-fatti invokati sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tagħha.

72      Barra minn hekk, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, meta bħala paragun irriferiet għas-sentenza Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li, fil-kawża inkwistjoni, fejn Systran u Systran Luxembourg jibbżaw ruħhom biss fuq ksur ta’ obbligi ta’ oriġini mhux kuntrattwali, is-sempliċi invokazzjoni mill-kontraenti oħra tagħhom ta’ obbligi ta’ oriġini kuntrattwali li ma kienx jipprovdi għall-aġir ikkontestat ma tistax ikollha bħala konsegwenza li tbiddel in-natura kuntrattwali tal-kawża u li l-kawża ma tinstemax mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni.

73      Dan premess, wara li ppreċiżat, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li hija l-parti li tallega l-ksur ta’ obbligu li għandha tistabbilixxi l-kontenut u n-natura tad-data tal-kawża, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, eżaminat fil-punti 65 sa 82 ta’ din is-sentenza, il-kontenut tat-talba għad-danni mressqa minn Systran u Systran Luxembourg u, b’mod partikolari, il-prova li għandha d-drittijiet allegatament miksura. Min-naħa l-oħra, hija eżaminat, fil-punti 84 sa 102 tal-imsemmija sentenza, l-illegalità tal-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni permezz ta’ analiżi dettaljata ta’ bosta kuntratti konklużi bejn il-partijiet mill-1975 sal-2002, sabiex tiżvela l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni kuntrattwali eventwali li tippermetti lill-Kummissjoni biex tadotta l-imsemmi aġir.

74      Wara t-tali analiżi, peress li qieset li din l-istituzzjoni ma għandhiex l-imsemmija awtorizzazzjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba l-allegata bażi kuntrattwali tiegħu.

75      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, billi ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipji mfakkra fil-punti 63 sa 67 ta’ din is-sentenza, li jirregolaw id-determinazzjoni tal-kompetenza ġurisdizzjonali fil-kuntest ta’ rikorsi għad-danni intiżi kontra l-Komunità, kif ukoll fil-klassifikazzjoni ġuridika tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-grupp WTC/Systran u l-Kummissjoni, li wassluha biex tikser ir-regoli dwar il-kompetenza ġurisdizzjonali, kif iddefiniti fl-Artikoli 225(1) KE, 235 KE u 240 KE.

76      Fil-fatt, minn naħa, sabiex tistabbilixxi n-natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali tal-kawża li biha hija adita u sabiex tiddetermina għalhekk il-ġurisdizzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali mhux sempliċement illimitat ruħha li tivverifika jekk kienx hemm bejn il-partijiet, fid-dawl tal-elementi differenti tal-proċess, kuntest veru kuntrattwali, marbut mal-għan tal-kawża, li l-eżami dettaljat tiegħu kien irriżulta indispensabbli biex jiġi deċiż il-mertu tal-kawża.

77      Min-naħa l-oħra, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-analiżi speċifika u konkreta tal-kontenut tal-kuntratti differenti konklużi bejn il-grupp WTC/Systran u l-Kummissjoni mill-1975 sal-2002 kienet taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha, sa fejn il-kontenut ta’ kuntratt seta’ perfettament jiġi eżaminat, bħal fil-każ ta’ kwalunkwe dokument tal-proċess.

78      Għalhekk, fil-punti 84 sa 102 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha, eżami dettaljat tal-kontenut tal-bosta dispożizzjonijiet kuntrattwali li kienu jirregolaw mill-1975 sal-2002 ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-grupp WTC/Systran u l-Kummissjoni, sabiex jiġi vverifikat jekk din tal-aħħar kellhiex awtorizzazzjoni biex tiżvela lil terz informazzjoni protetta mid-drittijiet tal-awtur u min-know-how miżmum minn Systran fuq il-verżjoni Systran Unix tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran, billi qieset li n-natura kuntrattwali tar-responsabbiltà tal-Komunità kienet tiddependi fuq l-eżistenza ta’ din l-awtorizzazzjoni. Madankollu, tali analiżi, kif ġustament issostni l-Kummissjoni fl-ewwel aggravju tagħha, tikkonċerna n-natura legali jew illegali tal-aġir li bih hija kkritikata din l-istituzzjoni, u għalhekk taqa’ taħt il-mertu tal-kawża u mhux taħt id-determinazzjoni preliminari tan-natura stess ta’ din il-kawża.

79      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi, fil-punti 84 sa 102 tas-sentenza appellata, fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-kuntratti konklużi mill-1975 sal-2002 bejn il-grupp WTC/Systran u l-Kummissjoni, inkwantu iddeċidiet, fid-dawl tal-elementi differenti tal-proċess, li l-eżistenza ta’ dawn il-kuntratti ma kellhiex effett fuq il-klassifikazzjoni tal-kawża, fis-sens tal-Artikolu 235 KE.

80      F’dan ir-rigward, huwa minnu, kif il-Qorti Ġenerali sostniet fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, li ma huwiex biżżejjed li tiġi allegata kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali mar-rikorrenti jew obbligi ta’ oriġini kuntrattwali li ma kinux jipprevedu l-aġir kontenzjuż sabiex in-natura tal-kawża tkun tista’ tiġi emendata billi tingħata bażi kuntrattwali. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li meta, fid-dawl tal-kontenut tar-rikors għad-danni intiż kontra l-Komunità, l-interpretazzjoni ta’ kuntratt jew bosta kuntratti konklużi bejn il-partijiet inkwistjoni tidher li hija indispensabbli sabiex tiġi stabbilita l-legalità jew l-illegalità tal-aġir li biha huma kkritikati l-istituzzjonijiet, il-kawża ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji.

81      Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan huwa preċiżament il-kaz f’din il-kawża. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-bosta dokumenti kuntrattwali invokati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u mfakkra fl-ewwel aggravju tal-appell, fosthom b’mod partikolari tat-22 ta’ Diċembru 1975 bejnha u WTC, il-kuntratti konklużi mill-1976 sal-1987 mal-kumpanniji tal-grupp WTC, li fosthom huwa importanti ħafna l-ftehim ta’ kooperazzjoni teknika tat-18 ta’ Jannar 1985, miftiehem ma’ Gachot fl-1988 u fl-1989, kif ukoll il-kuntratti ta’ migrazzjoni, jistabbilixxu kuntest kuntrattwali veru, marbut mal-għan tal-kawża, li l-eżami dettaljat tiegħu huwa indispensabbli biex tiġi stabbilita l-illegalità eventwali tal-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni.

82      Barra minn hekk, dan il-fatt jirriżulta direttament mill-qari ta’ ċerti siltiet tas-sentenza appellata li jirrigwarda l-mertu tal-kawża. Fil-fatt, fil-punti 158, 202 u 216 sa 222 tas-sentenza appellata, sabiex tiġi kkonstatata n-natura illegali tal-aġir ikkontestat, il-Qorti Ġenerali stess stħarrġet fid-dettall jekk id-dokumenti kuntrattwali invokati mill-Kummissjoni, u li kienet semmiet fil-punti 181 sa 187 tal-imsemmija sentenza, jagħtux lil din l-istituzzjoni awtorizzazzjoni speċifika li tippermetti li tadotta l-imsemmi aġir.

83      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu ta’ bilfors jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat qieset li l-kawża inkwistjoni kienet ta’ natura mhux kuntrattwali, fis-sens tal-Artikoli 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju tal-appell għandu jintlaqa’ u, mingħajr il-ħtieġa li l-aggravji l-oħra jiġu eżaminati, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, inkwantu l-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli dwar il-kompetenza ġurisdizzjonali tagħha, kif iddefiniti fl-Artikoli 225(1) KE, 235 KE u 240 KE.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

85      B’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża meta din tal-aħħar tkun fi stadju li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti.

86      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 78 sa 82 ta’ din is-sentenza, il-qrati Komunitarji ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu r-rikors għad-danni ppreżentat minn Systran u Systran Luxembourg. Minn dan isegwi li l-imsemmi rikors għandu jiċċaħħad.

 Fuq l-ispejjeż

87      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

88      Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

89      F’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni rebħet fil-kuntest tal-appell, u Systran kif ukoll Systran Luxembourg tilfu fit-talbiet tagħhom fil-kuntest tar-rikors għad-danni, hemm lok li dawn tal-aħħar jiġu kkundannati għall-ispejjeż marbuta kemm ma’ din l-istanza kif ukoll mal-kawża mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2010, Systran u Systran Luxembourg vs Il-Kummissjoni (T-19/07) hija annullata.

2)      Ir-rikors ta’ Systran SA u Systran Luxembourg SA fil-Kawża T-19/07 huwa miċħud.

3)      Systran SA u Systran Luxembourg SA huma kkundannati jbatu l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.