Language of document : ECLI:EU:C:2007:92

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO COLOMER

ippreżentati fit-13 ta’ Frar 2007 1(1)

Kawża C-112/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Moviment liberu tal-kapital – Użu tal-poteri pubbliċi fil-kumpannija Volkswagenwerk GmbH − Kundizzjonijiet”





I –    Introduzzjoni

1.        Marbuta bla dubju ta’ xejn aktar mal-miraklu ekonomiku Ġermaniż milli ma’ l-oriġini skura tagħha fil-nazzjonalsoċjaliżmu, il-kumpannija Volkswagen hija l-aktar eżempju evidenti tar-riżultati li ġġib l-ekonomija soċjali tas-suq, mudell illi ddaħħal fir-Repubblika Federali wara t-tieni gwerra dinjija mill-Ministru Ludwig Erhard(2), skond it-tagħlim ta’ l-hekk imsejħa Skola ta’ Friburgu. (3)

2.        Fuq kollox, apparti mill-merti tekniċi rrikonoxxuti, ċerti prototipi li nħadmu daħlu fil-wirt kulturali(4) tal-pajjiż ta’ l-oriġini u ta’ kull pajjiż li fit-toroq tiegħu kienu jinstaqu, tant li ħolqu waħda mill-istampi tal-ħamsinijiet u tas-sittinijiet fl-Ewropa u lil hinn mill-Atlantiku, li ma jistgħux jiġu mħassra. (5) Għalhekk jiftiehem kif għal bosta ċittadini, nostalġiċi ta’ dik l-epoka tad-deheb, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċerti artikoli tal-Liġi Volkswagen (6) aktar milli jattakka liġi nazzjonali, jattakka simbolu ta’ l-istil ta’ ħajja Ġermaniż, li fil-veru sens tal-kelma huwa mit modern.

3.        Apparti dawn l-evokazzjonijiet melankoniċi, il-każ jirrigwarda l-konformità mat-Trattat KE ta’ ċerti liġijiet ta’ l-Istati Membri li permezz tagħhom jinżammu poteri eżorbitanti mill-gvern f’impriżi privati, magħrufa komunement bħala “ishma tad-deheb” (“golden shares”). Nantiċipa iżda illi f’dan il-każ hemm ukoll differenzi notevoli illi jeħtieġu deċiżjoni finali.

4.        B’mod konkret, il-Kummissjoni tallega illi: il-limitazzjoni tad-drittijiet tal-vot għal 20 % tal-kapital tal-kumpannija meta xi azzjonist jaqbeż din il-perċentwali; l-elevazzjoni għal aktar minn 80 % tal-maġġoranza meħtieġa għall-adozzjoni ta’ ftehim li l-Aktiengesetz (7) (il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpanniji) tiffissa f’75 %; kif ukoll id-dritt tal-Bund (l-Istat Federali) u tas-Sassonja t’Isfel li jinnominaw żewġ membri fil-Bord tad-Diretturi tal-Kumpannija.

II – Il-kuntest legali

A –    Id-Dritt Komunitarju

5.        Normalment, il-liġijiet nazzjonali li jiġu kkontestati mill-Kummissjoni jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tal-libertajiet fundamentali li jinsabu fit-Trattat KE, il-moviment liberu tal-kapital u d-dritt ta’ stabbiliment f’pajjiż ieħor. Fir-rigward ta’ l-ewwel dritt, l-Artikolu 56(1) KE jgħid hekk::

“1. Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, hija projbita kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.”

6.        Min-naħa l-oħra d-dritt ta’ stabbiliment joħroġ mill-Artikolu 43(1) KE, li jgħid:

“1. Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Din il-projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.”

7.        Minħabba l-importanza tiegħu, irid jinqara wkoll l-Artikolu 295 KE :

“Dan it-Trattat għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri.”

8.        Id-Direttiva 88/361/KEE (8) fl-Anness I tagħha fiha n-nomenklatura għall-klassifikazzjoni tal-movimenti tal-kapital msemmija fl-Artikolu 1. Dan l-anness jinkludi, b’mod partikolari, il-“Parteċipazzjoni f’impriża ġdida jew eżistenti bi skop li jkunu stabbiliti jew mantenuti rabtiet ekonomiċi dewwiema” (investimenti diretti), (9) u l-“Akkwist minn non-residenti ta’ assigurazzjonijiet domestiċi negozjati fil-Borża” (investimenti ta’ portafoll). (10)

B –    Il-liġi Ġermaniża

9.        Fis-sistema legali milquta minn dan ir-rikors għandhom importanza partikolari ċerti prinċipji tal-Liġi tal-kumpanniji pubbliċi msejħa l-Liġi Volkswagen.

1.      Il-Liġi tal-Kumpanniji pubbliċi

10.      L-Artikolu 134, emendat mil-liġi dwar il-kontroll u t-trasparenza ta’ l-impriżi (Gesetz zur Kontrolle und Transparenz im Unternehmensbereich), jikkjarifika li d-dritt tal-vot għandu jiġi eżerċitat b’rabta mal-valur ta’ l-ishma, jew fil-każ ta’ parteċipazzjonijiet (“Stückaktien”), b’rabta man-numru ta’ ishma. Dan l-artikolu jżid illi, fil-każ ta’ kumpanniji li mhumiex ikkwotati fil-borża, l-istatut ta’ dawk il-kumpanniji jista’ jnaqqas id-drittijiet tal-vot ta’ l-azzjonisti b’diversi mezzi, billi jiffissa limitu massimu assolut jew progressiv.

11.      L-Artikolu 101(2) jeċiġi li fl-istatut irid ikun hemm previst id-dritt illi jinħatru rappreżentanti fil-Bord tad-Diretturi, u dan jista’ jingħata biss lil ċerti azzjonisti jew lil min ikollu ishma rreġistrati li jkunu jistgħu jiġu ttrasferiti biss bl-awtorizzazzjoni tal-kumpannija. Bl-istess mod, dan l-Artikolu jillimita dan id-dritt għal terz tan-numru ta’ membri ta’ l-imsemmi organu tal-kumpannija mogħtija mil-liġi jew mill-istatuti lill-azzjonisti. Madankollu, l-aħħar frażi ta’ l-Artikolu espressament tiddikjara li din ma tippreġudikax l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4 tal-Liġi Volkswagen fuq dan is-suġġett.

2.      Il-Liġi Volkswagen

12.      L-Artikolu 1 jibdel il-kumpannija l-qadima, li l-uniku sid tagħha kien l-Istat Federali Ġermaniż, f’kumpannija pubblika.

13.      Imbagħad, l-Artikolu 2 fih regolamenti dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot, li s-subartikolu 1 jirrestrinġi għal sehem minn ħamsa tal-kapital tal-kumpannija meta persuna jkollha aktar minn 20 %. Fih ukoll mudell ta’ kif jingħaddu l-ishma ta’ kull azzjonist (subartikoli 2 u 3).

14.      Taħt it-titolu “Struttura tal-Kumpannija”, l-Artikolu 4 jitratta diversi punti, u fis-subartikolu 1, jagħti l-poter ta’ nomina ta’ żewġ membri fil-Bord tad-Diretturi lir-Repubblika tal-Ġermanja u lil-land tas-Sassonja t’Isfel rispettivament, sakemm dawn ikunu għadhom azzjonisti fil-kumpannija.

15.      Skond is-subartikolu 2, il-bini u l-lokalizzazzjoni ta’ fabbriki huma suġġetti għall-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-voti fil-Bord tad-Diretturi.

16.      Is-subartikolu 3 jżid il-kworum għall-approvazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet tal-Laqgħa Ġenerali għal aktar minn tmenin fil-mija (80 %) tal-kapital tal-kumpannija, liema Laqgħa skond il-liġi dwar il-kumpanniji pubbliċi trid tieħu deċiżjonijiet b’maġġoranza ta’ tliet kwarti (75 %).

III – Il-Fatti u l-Proċedura Amministrattiva Preċedenti

A –    L-Isfond Storiku tal-Liġi Volkswagen

17.      Biex nifhmu aħjar il-liġi nazzjonali li hija s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri, irridu mmorru lura għall-oriġini ta’ din l-impriża, mogħtija fid-dettall mill-Gvern Ġermaniż fir-risposta, iżda fuq kollox, fir-risposta tiegħu, ta’ l-20 ta’ Ġunju 2003, għat-talba tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ Marzu ta’ l-istess sena, li ma ġietx ikkontestata minn din l-Istituzzjoni.

18.      Meta kiseb il-poter Adolf Hitler f’Jannar ta’ l-1933, beda jitħaddem pjan ta’ promozzjoni ta’ l-industrija tal-karozzi, (11) u saret kompetizzjoni pubblika għall-konċessjoni tal-fabbrika bl-isem ta’ “karozza tal-poplu” (Volks ‑ Wagen). Intalbet il-kostruzzjoni ta’ vettura sempliċi u aċċessibbli għall-maġġoranza tal-Ġermaniżi, mingħajr ma tkun ta’ piż finanzjarju fuqhom. Dan l-inkarigu waqa’ f’idejn l-inġinier leġġendarju Ferdinand Porsche. (12)

19.      Il-proġett kellu jsir malajr kemm jista’ jkun u ngħataw żewġ sussidji b’total ta’ 700 000 Reichmarks (RM), bl-appoġġ finanzjarju wkoll tar-Reichverband der Deutschen Automobilindustrie (l-assoċjazzjoni ta’ l-industrija Ġermaniża tal-karozzi), li ġab 20 000 RM fis-sena tul l-għaxar xhur iffissati għall-finalizzazzjoni tax-xogħlijiet; iżda d-diffikultajiet esposti minn din l-Assoċjazzjoni lill-kanċellier tar-Reich ġiegħlu lill-Hitler jafda l-produzzjoni tal-Volkswagen (13) f’idejn l-Arbeitsfront (il-front tax-xogħol) bil-bini ta’ l-akbar fabbrika li qatt dehret. Il-finanzjament kien inkiseb minn diversi bnadi: flimkien mal-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istat Ġermaniż, il-Gvern għamel sejħa għal tfaddil mingħand il-pubbliku u talab liċ-ċittadini li xtaqu jixtru karozza depożitu ta’ ħames RM fil-ġimgħa li tpoġġew f’fond ta’ għajnuna lill-impriża. B’dan il-mod inġabru 286 miljun mark.

20.      Fit-28 ta’ Mejju ta’ l-1937, il-proġett imbagħad tħalla f’idejn l-Assoċjazzjoni msemmija u nħolqot kumpannija statali, il-Gesellschaft zur Vorbereitung des Deutschen Volkswagens m. b. H., b’kapital inizjali ta’ 50 miljun RM mogħtija mill-Arbeitsfront, li għas-servizz tagħha tpoġġa ajruplan sabiex ifittex spazju adegwat fil-Ġermanja fejn tkun tista’ tinbena din il-fabbrika manjifika, bil-kundizzjoni li tkun fiċ-ċentru tal-pajjiż u li jkollha komunikazzjonijiet tajba fuq ix-xmajjar u bit-toroq. Fl-aħħar kien instab post ideali fis-Sassonja t’Isfel, mhux il-bogħod mill-kastell ta’ Wolfsburg, proprjetà tal-familja tal-Konti von der Schulenburg sa mis-seklu XIV, li ġie esproprijat. Il-fabbrika allura nbniet flimkien mal-lokalità ta’ Fallersleben fuq l-awtostrada li tgħaqqad Hannover ma’ Berlin, qrib il-kanal ta’ Mittelland. Fis-26 ta’ Mejju 1938 tpoġġiet l-ewwel ġebla quddiem aktar minn 70 000 persuna, fl-istess waqt illi kienet qed tiġi ppjanata l-kostruzzjoni ta’ belt ġdida biex tospita l-ħaddiema futuri, Wolfsburg tal-lum. B’sorpriża ġenerali, il-Führer innifsu semma l-karozza “KdF Wagen”(Kraft durch Freude Wagen) jew il-karozza li timxi bil-ferħ, għalkemm l-uffiċċju ta’ Porsche rreġistra l-marka Volkswagen inkluż internazzjonalment. (14)

21.      Fil-preżentazzjoni uffiċjali tal-karozza ntwerew tliet mudelli differenti: waħda cabriolé, waħda mingħajr saqaf u l-oħra limużin. Id-dittatur, imdawwar minn suldati liebsin uniformijiet ikkuluriti u b’komportament li juri adeżjoni totali għar-reġim politiku tiegħu, kien bil-qiegħda fil-cabriolé misjuqa mit-tifel stess ta’ Ferdinand Porsche, Ferry, li immedjatament kiseb fama kbira. Id-diskors tal-Führer qajjem entużjażmu enormi: il-KdF Wagen kienet lesta għal kulħadd, bi prezz ta’ 990 RM biss.

22.      Aktar minn hekk, bil-flus li daħlu mill-bejgħ tal-proprjetà rekwiżizzjonata u meħuda mis-sindakati tar-Repubblika Weimar, fil-bidu tal-kolp ta’ stat nazzjonalsoċjalista, inbnew fil-parti l-kbira tagħhom, il-werkxops ta’ dik li kellha tkun l-akbar industrija ta’ l-Ewropa, fl-immaġinazzjoni tal-politiċi li kienu warajha. (15)

23.      Il-produzzjoni intensiva ta’ vetturi kellha tibda fil-15 ta’ Ottubru 1939, iżda Hitler invada l-Polonja fl-1 ta’ Settembru ta’ l-istess sena u l-bidu tal-Gwerra Dinjija kissret il-pjanijiet ta’ kull min kien involut, peress illi l-produzzjoni kkonċentrat fuq l-ħtiġijiet militari, speċjalment dawk relatati mal-mobilitazzjoni tat-truppi u għall-produzzjoni ta’ munizzjon u allura ħalliet b’xejn lil madwar 336 000(16) ruħ li kellhom ftit tfaddil u li investewh f’ħolma li sparixxiet mal-bini ta’ armi u kanuni. (17)

24.      Il-bumbardamenti ta’ l-alleati affettwaw serjament l-istallazzjonijiet ta’ l-impriża tant illi f’erba’ attakki mill-ajru(18) ntefgħu aktar minn elf tunnellata bombi b’potenzjal splużiv għoli; għalkemm kienet għada mkissra reġgħet bdiet taħdem f’Mejju ta’ l-1945, (19) wara li l-Gvern militari taż-żona ta’ okkupazzjoni Ingliża poġġa bħala kap tal-kumpannija l-Inġinier superviżur Rudolf Brörmann, li rreżista bil-qawwa kollha l-intenzjonijiet Amerikani li jisfaxxaw din l-industrija (20) u li fl-1947 ġie ssostitwit minn membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ l-Opel, Heinrich Nordhoff. Barra minn hekk, il-gvern imsemmi ma rnexxielux ibiegħ il-kumpannija lil xi kompetitur barrani bħall-Ford jew Chrysler, u għalhekk, meta spiċċat iż-żona tar-Renju Unit fl-1949, il-Volkswagen prattikament kienet kumpannija bla sidien.

25.      Madankollu, minkejja l-piż tan-nuqqas ta’ sid, it-tħaddim tal-fabbrika kien juri dinamiżmu sorprendenti li bidilha f’negozju miexi tajjeb, (21) li jilħaq l-aspettattivi tal-ħaddiema, bla dubju ta’ xejn minħabba l-kollaborazzjoni diretta u immedjata tagħhom fis-suċċess tal-kumpannija. Meta għall-aħħar tal-ħamsinijiet tas-seklu l-ieħor, id-deċiżjoni tal-qrati fuq talba ta’ l-investituri fil-Volkswagen kienet tidher imminenti, l-impjegati rrivendikaw il-proprjetà tal-kumpannija, b’tali mod illi flimkien mal-Bund, mal-Land tas-Sassonja t’Isfel, mas-sindakati u ma’ dawk l-investituri sfortunati, kienu issa diġà ħamsa li kienu jallegaw li kienu l-proprjetarji tad-ditta.

26.      It-tensjonijiet li ġabu l-interessi kunfliġġenti kienu ser jieħdu fit-tul quddiem il-qrati Ġermaniżi, u dan kien ta’ perikolu għall-impriża simbolu tar-Repubblika Federali li kienet għadha żagħżugħa. Wara snin twal ta’ diskussjonijiet intensi u negozjati diffiċli, intlaħaq kompromess fil-forma ta’ ftehim ta’ regolazzjoni tar-relazzjonijiet legali fil-fabbrika Volkswagen GmbH, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Novembru 1959 mill-Bund u l-Land tas-Sassonja t’Isfel. (22)

27.      Skond dan il-ftehim kellu jkun hemm fl-ewwel fażi, it-trasferiment ta’ l-ishma kollha fil-kumpannija, li kienet privata, miżmuma mill-pubbliku lill-Istat Federali; (23) il-bdil f’kumpannija pubblika fit-tieni fażi, u mbagħad it-tqassim ta’ l-ishma b’60 % bejn persuni privati u l-bqija f’żewġ pakketti ta’ 20 %, għaż-żewġ entitajiet pubbliċi involuti, il-Bund u l-Land imsemmi. (24)

28.      Il-ftehim bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali msemmija ħa ħsieb ukoll ta’ l-interessi tal-ħaddiema u ħoloq il-Fundazzjoni Volkswagen għall-promozzjoni tar-riċerka, it-tagħlim, ix-xjenza u t-teknoloġija.

29.      L-istatuti tal-kumpannija pubblika Volkswagen ġew approvati fis- 6 ta’ Lulju 1960 u ddaħħlu fil-Liġi Volkswagen flimkien mal-ftehim kollu; żewġ klawżoli kienu jipprovdu rispettivament għat-tkabbir fil-maġġoranza kwalifikata għall-adozzjoni ta’ ċerti ftehim soċjali minn 75 % għal aktar minn 80 % u għal-limitazzjoni tad-dritt tal-vot għal 20 % tal-kapital totali.

B –    Il-proċedura amministrattiva preċedenti

30.      Il-Kummissjoni, wara li rċeviet ilment dwar il-Liġi Volkswagen, bagħtet ittra lill-Ġermanja fid-19 ta’ Marzu 2003, li għaliha l-Istat Membru wieġeb b’ittra ta’ l-20 ta’ Ġunju ta’ din l-istess sena.

31.      L-ispjegazzjonijiet mogħtija ma kkonvinċewx lill-Kummissjoni u għalhekk fl-1 ta’ April 2004, hija bagħtet opinjoni motivata, li fiha stiednet lil-Ġermanja sabiex tgħaddi l-emendi neċessarji sabiex tidderoga jew timmodifika l-liġi in kwistjoni fi żmien xahrejn mid-data li fiha ntbagħtet l-opinjoni.

32.      Il-Gvern Ġermaniż ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu f’ittra tat-12 ta’ Lulju 2004, fejn ikkonferma l-opinjoni tiegħu li l-liġi in kwistjoni ma tiksirx l-Artikolu 56 KE u li ma kienx sejjer għalhekk jemendaha, filwaqt illi talab li l-proċeduri jiġu arkivjati għaliex kien iqis bla l-ebda bażi l-akkuża ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu.

33.      Kuntrarjament għall-pożizzjoni Ġermaniża, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 226 KE, bi ksur ta’ l-Artikoli 56 KE u 43 KE.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-argumenti tal-partijiet

34.      Ir-rikors ġie ppreżentat fir-reġistru ta’ din il-Qorti tal-Ġustizza fl-4 ta’ Marzu 2005, u fiha hemm talba li jiġi kkonstatat li l-Artikoli 2(1) u 4(1) u (3) tal-Liġi Volkswagen jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 56 KE u 43 KE, kif ukoll talba għal kundanna ta’ l-Istat Membru biex iħallas l-ispejjeż.

35.      Ir-risposta ppreżentata fil-25 ta’ Mejju 2005, titlob li r-rikors jiġi miċħud peress illi huwa bla bażi, bl-ispejjeż kontra l-Kummissjoni.

36.      B’digriet tas-7 ta’ Settembru 2005, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza l-intervent tar-Repubblika tal-Finlandja li, mandankollu rrinunzjat permezz ta’ ittra riċevuta fil-25 ta’ Novembru ta’ wara.

37.      Fit-22 ta’ Awissu 2005 ġiet ippreżentata r-replika, u fis-16 ta’ Novembru l-kontroreplika.

38.      Fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2006, ir-rappreżentanti tar-Repubblika Federali u tal-Kummissjoni ressqu verbalment il-pożizzjoni tagħhom quddiem il-Qorti.

V –    Analiżi tal-ksur

A –    Osservazzjonijiet Preliminari

39.      Qabel xejn, ta’ min jinnota li l-Kummissjoni, anke jekk invokat il-ksur ta’ l-Artikolu 43 KE, torbot it-talba tagħha mal-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 56 KE), bla dubju minħabba l-viċinanza ta’ trattament fil-ġurisprudenza bejn is-sentenzi fuq il-kawżi dwar ishma tad-deheb, li ma jimpedixxix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tippronunzja ruħha dwar il-ksur kontemporanju tal-libertà ta’ stabbiliment.

1.      Inklużjoni tal-Liġi Volkswagen fil-ġurisprudenza dwar l-ishma tad-deheb

40.      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha prinċipalment fuq il-ġurisprudenza dwar il-“golden shares”, (25) u tibni l-analiżi tagħha fuq il-fatt illi dan huwa mekkaniżmu li jippermetti li l-Istat ikollu drittijiet speċjali, f’dan il-każ, il-Bund u l-Land tas-Sassonja t’Isfel.

41.      Ta’ min jenfasizza bl-istess mod, in-natura pubblika tal-ftehim imfassal miż-żewġ entitajiet sabiex jingħelbu l-problemi li kienu jaffettwaw il-kumpannija, u l-fatt illi saret liġi partikolari għal kumpannija waħda.

42.      Il-Gvern Ġermaniż ma jaqbilx ma’ dan l-argument u jqis illi s-sitwazzjonijiet li fihom ippronunzjat ruħha l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhom x’jaqsmu xejn mas-sitwazzjoni ta’ Volkswagen, u jissottolinja n-natura oġġettiva tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni, ta’ l-inqas ta’ dawk id-dispożizzjonijiet marbuta mal-limitazzjoni tad-dritt tal-vot u maż-żieda tal-maġġoranza mitluba fil-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti biex jittieħdu ċerti deċiżjonijiet fundamentali, li ma fihom l-ebda element diskriminatorju, anzi, li joffru l-istess trattament lill-investituri kollha kemm pubbliċi kif ukoll privati.

43.      Il-Gvern imħarrek jinsisti wkoll illi l-Liġi Volkswagen ma tistax tissejjaħ “miżura statali” iżda mezz għall-implementazzjoni tal-ftehim privat iffirmat fl-1959 bejn l-Istat Federali u s-Sassonja t’Isfel.

44.      Għalkemm propjament dan il-każ stricto senso jikkonċerna l-azzjonijiet tad-deheb biss marġinalment, peress li d-drittijiet speċjali mhumiex applikabbli għall-ishma fil-pussess ta’ entitajiet pubbliċi, lanqas tista’ tittieħed verżjoni li tnaqqas dak li jfissru dawn id-drittijiet; fir-realtà, mhuwiex importanti daqstant jekk dawn id-drittijiet humiex formalment inkorporati f’ċerti ishma, daqs kemm hu importanti li jsir magħruf jekk tali privileġġi jkollhomx effett negattiv fuq l-investituri, partikolarment dawk barranin.

45.      Fl-istess waqt, il-fatt li l-eżekuttiv Ġermaniż ma jqisx li hija strument statali liġi approvata mill-Parlament nazzjonali tħallik perpless, għaliex ma teżisti l-ebda manifestazzjoni aktar karatteristika tal-poteri pubbliċi mill-promulgazzjoni ta’ liġijiet. Il-klassifikazzjoni ta’ “Staatsvertrag” skond il-liġi Ġermaniża bħala ftehim privat ma tħallikx anqas perpless, meta d-duttrina ta’ dak il-pajjiż mingħajr l-ebda dubju tinkludi dan l-att ma’ l-atti tad-dritt pubbliku fis-sistema legali tagħha. (26)

46.      Għaldaqstant, ma nilqax l-argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż li dan il-każ jinfired mill-ewwel mill-każijiet l-oħra dwar l-ishma tad-deheb diġà deċiżi mill-Qorti, bla ħsara għal analiżi aktar fid-dettall ta’ l-akkużi ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi mressqa mill-Kummissjoni.

2.      Rilevanza ta’ l-Artikolu 295 KE

47.      Ta’ min jinnota li l-Gvern intimat ma ressaqx bħala difiża tiegħu r-rispett ta’ l-Artikolu 295 KE, analizzat fid-dettall fiż-żewġ konklużjonijiet imsemmija fil-każijiet li wasslu għas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, Il-Kummissjoni vs Franza u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, (27) min-naħa, u Il-Kummissjoni vs Spanja u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, (28) min-naħa l-oħra, kollha diġà ċċitati.

48.      Jiena ta’ l-opinjoni li l-espressjoni “regolamentazzjoni tal-proprjetà” ta’ l-Artikolu 295 KE ma tirreferix għal-liġi ċivili li tirregola l-proprjetà, iżda għall-globalità ideali ta’ liġijiet ta’ kull tip, inkluż dawk ta’ natura pubblika, li jassenjaw il-proprjetà ta’ impriża, jiġifieri li jawtorizzaw lil min ikollu proprjetà bħal din jeżerċita influwenza deċiżiva fid-definizzjoni u l-eżekuzzjoni tal-miri kollha tal-kumpannija jew parti minnhom; bl-istess mod, l-interpretazzjoni definittiva tal-kunċett telimina d-distinzjoni bejn impriżi pubbliċi u privati, għall-finijiet tat-Trattat, li tirriżulta biss min-natura ta’ l-azzjonisti, ħlief għall-fatt illi jiddependi mill-possibbiltà li jkollu l-istat li jimponi ċerti kriterji ta’ politika ekonomika, differenti mill-massimizzazzjoni tal-profitt illi tikkaratterizza lill-impriżi privati. (29)

49.      Nerġa’ nsostni allura, li r-rispett tat-Trattat għal sistema li tirregola l-proprjetà fis-sistemi legali nazzjonali, li jinsab fl-Artikolu 295 KE, ikopri l-mezzi kollha li, bl-intervent tas-settur pubbliku, f’sens ekonomiku, jippermetti lill-Istat jikkontribwixxi għat-tfassil ta’ l-attività ekonomika tal-pajjiż. (30)

50.      Għalkemm għadha valida l-kritika li kont għamilt fil-konklużjonijet tiegħi fil-kawżi C‑463/00 u C‑98/01 għall-fatt li s-sentenzi ma tawx każ, mingħajr l-ebda motivazzjoni, ta’ l-applikazzjoni u l-ambitu ta’ l-Artikolu 295 KE, ġaladarba s-sentenzi ta’ wara l-anqas interpretawh,(31) nirrikonoxxi li dan il-każ huwa sostanzjalment differenti mill-każijiet li tressqu quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja, fatt illi jitlob soluzzjoni differenti.

51.      Il-premessi preċedenti jinkwadraw ruħhom, ġeneralment fil-proċessi ta’ privatizzazzjoni ta’ impriżi li joperaw fl-oqsma meqjusa bħala “strateġiċi” u li ġew liberalizzati bil-mod (karburanti, ajruporti, assigurazzjoni). Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni jaqblu f’aspett minnhom, dak tan-natura tagħhom ta’ mezzi ta’ intervent tal-poteri pubbliċi f’ċerti attivitajiet ta’ interess vitali għall-ekonomija, ma’ l-isforz għall-implementazzjoni ta’ strateġija ta’ politika ekonomika. (32)

52.      Il-Liġi Volkswagen, kif jidher mill-istorja tal-ġestjoni tagħha, ma taqax f’dan il-kuntest.

53.      Min-naħa waħda, hawnhekk m’għandniex quddiemna settur tradizzjonalment inkluż fl-oqsma l-aktar kruċjali ta’ l-ekonomija tal-pajjiz, indipendentement mill-importanza tiegħu f’termini ta’ prodott gross domestiku, billi l-industrija tal-karozzi kienet diġà importanti għall-Ġermanja ta’ bejn il-gwerer u żviluppat mingħajr il-bżonn ta’ interventi statali

54.      Min-naħa l-oħra, l-iskop primarju tad-dispożizzjoni in kwistjoni huwa r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti dwar il-proprjetà tal-kumpannija, u għalhekk fil-prinċipju tikkwalifika bħala dispożizzjoni tad-dritt privat fis-sens ta’ l-Artikolu 295 KE kif jgħidu xi wħud – għalkemm jien ma naqbilx. Id-dispożizzjonijiet imsemmija mill-Kummisjoni f’dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jirrigwardawx ir-regolamentazjoni tal-kontroll, la b’mod ġenerali u lanqas fir-rigward tal-kumpannija Volkswagen waħdedha.

55.      Bla dubju, it-tliet artikoli in kwistjoni tal-liġi Ġermaniża msemmija f’dan il-proċess jgħinu ż-żamma tal-proprjetà ta’ kumpannija, b’metodi ġuridiċi u tal-kumpanniji tipiċi ta’ Bord tad-Diretturi ta’ kumpannija f’każ ta’ offerti pubbliċi ta’ akkwist li jkunu ostili. (33)

56.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, inqis li l-Artikolu 295 KE ma jippermettix liġi bħal-Liġi Volkswagen, kemm fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni li dejjem ingħatat, kif ukoll skond ir-regoli li dejjem kienu jiddelimitaw dan il-kunċett sabiex jipproteġu l-awtonomija ta’ l-Istati Membri fir-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet patrimonjali.

B –    Dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapitali

1.      Kjarifika Preliminari

57.      Ir-rikorrenti qed titlob li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, għalkemm tibbaża l-argument tagħha esklużivament fuq il-ksur ta’ din ta’ l-aħħar, kif jidher loġiku mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-“golden shares”, li kienet iffukata essenzjalment fuq l-Artikolu 56 KE, u biss b’mod sussidjarju fuq l-Artikolu 43 KE.

58.      Ma nbidlitx iżda l-kunsiderazzjoni tiegħi li l-ambitu naturali u korrett għall-analiżi tar-restrizzjonijiet misjuba, b’mod impreċiż ikkassifikati taħt l-isem ta’ “ishma tad-deheb”, huwa dak tal-libertà ta’ stabbiliment, peress illi l-Istat Membru intimat jixtieq jikkontrolla, bl-użu ta’ drittijiet ta’ intervent fil-konfigurazzjoni ta’ l-istruttura ta’ kontroll ta’ l-ishma, il-politika tal-kumpanniji privatizzati (b’interventi fuq min jista’ jkun azzjonist jew b’atti konkreti ta’ amministrazzjoni), sitwazzjoni li ftit li xejn għandha x’taqsam mal-fluss ħieles tal-kapital . (34)

59.      Madankollu, tali drittijiet jistgħu jkollhom effett fuq id-dritt ta’ stabbiliment, billi jirrenduh anqas attraenti, kemm direttament, meta per eżempju jkollhom x’jaqsmu ma’ l-aċċess għall-ishma, kif ukoll b’mod indirett meta jirrendu l-ishma anqas attraenti billi jirrestrinġu l-possibbiltà ta’ trasferiment jew ta’ ġestjoni ta’ l-organi tal-kumpannija. (35) Kontra dak li stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja, (36) ninsisti li l-kwistjoni tal-moviment liberu tal-kapital għandu biss importanza sussidjarja u mhux primarja f’dan il-każ. Diġà rrilevajt kif din id-distinzjoni hija netta f’dak li għandu x’jaqsam mad-dispożizzjonijiet li jaffettwaw min jista’ jkollu ishma, iżda ma hija xejn anqas fir-rigward ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li jillimitaw l-adozzjoni ta’ ftehim (bidliet fil-oġġetti ta’ kumpannija, il-bejgħ ta’ l-assi), kif qed jiġi allegat fil-każ preżenti, ħaġa li tirrendi ipotetika jew ta’ l-inqas remota r-rabta mal-kunċett tal-moviment liberu tal-kapitali. (37)

60.      Ma hemmx għalfejn nidħol aktar fid-dettall dwar il-klassifikazzjoni legali skorretta tal-ksur allegat, peress illi ma fih l-ebda konsegwenza gravi, ġaladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika analiżi simili għaż-żewġ drittijiet, u huwa dan il-metodu li nipproponi li għandu jiġi adottat fl-analiżi ta’ jekk kienx hemm il-ksur allegat, wara li tneħħiet il-protezzjoni ta’ l-Artikolu 295 KE lil-liġi Volkswagen.

61.      Anke jekk, kif imfisser, il-Qorti tal-Ġustizzja ffukat diversi drabi fuq l-Artikolu 56(1) KE, li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq tal-kapital bejn l-Istati Membri. (38)

62.      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fit-Trattat KE, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet il-valur indikattiv tan-nomenklatura adottata fl-annessi tad-Direttva 88/361/KEE, (39) illi skond din id-direttiva jikkostitwixxi moviment ta’ kapital l-investimenti diretti, dawk illi jakkwistaw parteċipazzjoni f’kumpannija permezz tal-pussess ta’ ishma li jippermettu intervent dirett fuq il-ġestjoni u l-kontroll tal-kumpannija, u l-investimenti indiretti bħall-akkwist ta’ titoli fis-swieq kapitali bl-intenzjoni li jiġi investit ammont ta’ flus, però mingħajr l-intenzjoni li tiġi influwenzata la l-ġestjoni u lanqas il-kontroll ta’ l-impriża (imsejħa wkoll investimenti “ta’ portafoll”). (40)

63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja studjat dawn iż-żewġ kategoriji ta’ negozju u kkwalifikat bħala “restrizzjonijiet” fis-sens ta’ l-Artikolu 56(1) KE, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu jew jagħmluha aktar diffiċli li wieħed jakkwista ishma fil-kumpanniji in kwistjoni jew li jkollhom l-effett li jiddisswadu lill-operaturi f’diversi Stati Membri milli jinvestu fil-kapital ta’ dawn il-kumpanniji. (41)

64.      Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, wieħed għandu janalizza l-prinċipji in kwistjoni tal-Liġi Volkswagen sabiex jipprova jekk hemmx ostakli għal-moviment liberu tal-kapital skond l-Artikolu 56 KE. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, iridu jiġu vverifikati l-ġustifikazzjonijiet possibbli. (42)

2.      Analiżi tal-liġi in kwistjoni

a)      Id-dritt tal-Bund u tal-Land li jinnominaw żewġ membri fil-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija

i)      Bażi legali

65.      Għall-Kummissjoni, id-dritt mogħti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lil-Land tas-Sassonja t’Isfel li jinnominaw żewġ membri fil-Bord tad-Direttturi fl-Artikolu 4(1) tal-Liġi Volkswagen, dejjem sakemm ikunu għadhom azzjonisti, hija eċċezzjoni għad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 101(2) tal-Liġi dwar il-kumpanniji pubbliċi li titlob li tali dritt ikun jinsab fl-istatut tal-kumpannija, u tnaqqas b’terz il-membri ta’ dan l-organu tal-kumpannija li jistgħu skond il-liġi jiġu nnominati mill-azzjonisti, jiġifieri, fil-każ tal-Volkswagen, dan jitla’ għal tliet membri.

66.      Din l-Istituzzjoni Komunitarja tqis illi dan il-privileġġ fil-Liġi Volkswagen jirrestrinġi l-possibbiltà li azzjonisti oħrajn jidħlu fil-ġestjoni u fil-kontroll tal-kumpannija, u dan iġib ksur tal-moviment liberu tal-kapital skond il-ġurisprudenza. (43) Fil-fehma tagħha, m’għandu l-ebda importanza l-fatt illi l-Bund biegħ l-ishma kollha tiegħu, u għalhekk, ma jeżerċitax id-drittijiet tiegħu, u li n-numru ta’ persuni nnominati mil-Land tas-Sassonja t’Isfel huwa proporzjonali jew, saħansitra, inferjuri għall-perċentwali ta’ ishma tal-kumpannija għaliex dan ma jfissirx li ma ngħatawx drittijiet speċjali lill-Istat li jnaqqsu l-valur ta’ l-investiment fil-Volkswagen.

67.      Il-Gvern Ġermaniż iqis illi l-Bord tad-Diretturi, (44) fir-rwol tiegħu ta’ Bord ta’ kontroll, huwa nieqes minn poteri ta’ deċiżjonijiet effettivi, ħlief fl-okkażjonijiet limitati li fihom il-liġi jew l-istatut isemmu l-intervent tiegħu; iżid illi n-numru ta’ karigi f’dan l-organu jsegwi relazzjoni ġusta mal-valur ta’ l-ishma peress illi dawk innominati mil-Land tas-Sassonja t’Isfel huma anqas mill-perċentwali ta’ ishma; u fl-aħħar nett jgħid li l-ipotezi deskritti mill-Kummissjoni dwar it-tnaqqis ta’ investiment fir-realtà ma jeżistux.

ii)    Analiżi tal-motiv

68.      Id-dritt ta’ nomina ta’ membri fil-Bord tad-Diretturi, irriżervat fl-istatut għal ċerti azzjonisti fl-Artikolu 101(1) u (2) tal-Liġi Ġermaniża dwar il-kumpanniji pubbliċi għandu żewġ funzjonijiet: l-iffaċilitar tar- rappreżentazzjoni f’dan l-organu ta’ l-akbar azzjonisti li jkunu jridu sehem fil-ġestjoni tal-kumpannija; u r-riżerva ta’ ċerti karigi għall-minoranzi, bil-limitazzjoni ta’ dawn il-karigi għal terz tat-total tal-valur ta’ l-ishma. (45)

69.      Ir-riżerva għal dan il-kunċett li tinsab fl-Artikolu 4(1) tal-Liġi Volkswagen tikxef in-natura eżorbitanti tad-drittijiet mogħtija lill-entitajiet territorjali in kwistjoni.

70.      Hekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat illi wieħed mill-motivi li wasslu għat-tfassil ta’ l-Artikolu 101 imsemmi kien proprju l-ftuħ għall-influwenza tal-poteri pubbliċi f’kumpanniji li jiġġestixxu servizzi ta’ interess ġenerali mingħajr ma’ l-istat joħroġ il-kapital meħtieġ. (46) Dan il-fatt mhux talli ma jiġġustifikax il-Liġi Volkswagen, talli huwa straordinarjament ċar fin-natura tiegħu, u kieku l-liġi kellha titħalla tkompli kif inhi tidher aktar in-natura eċċezzjonali tal-liġi li tibbenefika biss impriża waħda.

71.      Fit-tieni lok, jidher ukoll illi l-liġi in kwistjoni għandha problemi kemm formali, għaliex id-dritt ta’ nomina ta’ membri fil-Bord tad-Diretturi jingħata ex lege (47) u mhux bl-istatut, kif ukoll mil-lat sostanzjali peress illi l-Artikolu 4(1) jirriżerva erba’ mill-għaxar karigi korrispondenti għall-kapital totali lil żewġ entitajiet publiċi, li jikkorrispondi għal aktar mit-terz, li huwa l-massimu previst fl-Artikolu 101(2) tal-Liġi dwar il-kumpanniji pubbliċi.

72.      Dawn iċ-ċirkustanzi kollha flimkien juru li d-dritt esklużiv ta’ l-Istat Federali u tar-reġjun, irrispettivament mill-valur ta’ l-ishma miżmuma minnhom, li jmur kontra l-ispirtu tad-dritt komuni, jirrestrinġi l-possibbiltà ta’ numru akbar ta’ investituri li jirċievu vantaġġi simili, u jkisser is-simetrija bejn il-valur tal-kapital u d-drittijiet ta’ kontroll tal-kumpannija. (48) Anki jekk ikun hemm azzjonist li jkollu poter biżżejjed biex ibiddel l-istatut u jħassar il-klawżoli in kwistjoni xorta jibqa’ l-fatt illi tkun trid tinbidel il-Liġi, f’liema każ tkun trid l-approvazzjoni tal-Parlament nazzjonali.

73.      Għaldaqstant, għalkemm l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Volkswagen għandu jiġi meqjus bħala lex specialis, ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li jtellef lil min jixtieq jakkwista kwantità sostanzjali ta’ ishma tal-kumpannija peress illi fil-Bord tad-Diretturi ser jaffronta dejjem erba’ rappreżentanti tal-poteri pubbliċi, anke jekk ikunu fil-pussess ta’ ammont marġinali ta’ ishma.

74.      Mhuwiex rilevanti sabiex jiġi verifikat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-entitajiet pubbliċi msemmija jkunu eżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom, għaliex huwa biżżejjed il-fatt illi ma ġietx emendata l-liġi Ġermaniża dwar id-drittijiet eżorbitanti tal-Bund u tal-Land tas-Sassonja t’Isfel li jinnominaw rappreżentanti fil-Bord tad-Diretturi tal-Volkswagen u tal-prerogattva ta’ intervent meta jqisu li jkun importanti.

75.      B’riżultat ta’ dan, l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Volkswagen jikser l-Artikolu 56 KE, bla ħsara għal raġunijiet oħrajn li, peress li jikkonkorru wkoll f’numru ta’ motivi oħrajn, qed jiġu msemmija flimkien wara l-motivi l-oħra.

b)      Dwar ir-restrizzjoni fuq il-minoranza u l-limitazzjonijiet tad-drittijiet tal-vot

i)      Bażi legali

76.      Fid-dokumenti proċesswali, dawn iż-żewg motivi ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġew studjati separatament u ġew ittrattati flimkien biss meta ġie eżaminat l-effett konġunt tat-tliet dispożizzjonijiet kunfliġġenti. Madankollu, għar-raġunijiet li ser insemmi, dawn jistgħu jiġu konvenjentement ittrattati fl-istess analiżi.

77.      Fl-investigazzjoni separata tagħha, il-Kummissjoni wissiet illi l-Artikolu 2(1) tal-Liġi Volkswagen, bir-restrizzjoni tad-dritt tal-vot għal sehem minn ħamsa tal-kapital, daħħlet eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ “sehem wieħed, vot wieħed” (“one share, one vote”), mingħajr ma l-propjetarji ta’ l-ishma kellhom l-opportunità jesprimu ruħhom. Żiedet ukoll illi, anke jekk taċċetta t-teżi tal-ġeneralità ta’ din ir-restrizzjoni fuq id-drittijiet tal-vot fil-kumpanniji, hemm differenza bejn il-promulgazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni, kif inhu l-każ taħt il-liġi Ġermaniża li tirregola l-kumpanniji mhux ikkwotati fil-borża, u l-impożizzjoni ta’ din ir-restrizzjoni b’liġi fuq kumpannija partikolari, kif ġara fil-każ ta’ Volkswagen.

78.      Il-Kummissjoni tkompli t-teżi tagħha bl-Artikolu 4(3), li jżid għal aktar minn tmenin fil-mija (80 %) tal-valur ta’ l-ishma l-maġġoranza meħtieġa biex jittieħdu ċerti deċiżjonijiet mil-Laqgħa Ġenerali, filwaqt illi l-Liġi tal-kumpanniji pubbliċi titlob vot ta’ tliet kwarti (75 %), u tgħid li dan jippermetti lil-Land tas-Sassonja t’Isfel jopponi u jibblokka dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet għaliex għandu minoranza biżżejjed għal dan l-iskop, ħaġa li l-Land kellu sa mill-bidu. Bl-istess mod tirrimarka li din il-maġġoranza mhijiex riżultat tal-volontà awtonoma ta’ l-azzjonisti, iżda kreazzjoni tal-leġiżlatur, li għamel hekk għall-benefiċċju esklużiv ta’ l-investituri pubbliċi.

79.      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż ma jaqbilx mar-restrizzjoni ta’ l-Artikolu 2(1), u jiċħad li hemm xi rabta bejn l-ammont ta’ ishma u d-dritt tal-vot u jikkonferma l-fatt illi l-klawżola għandha oriġini kuntrattwali filwaqt illi jsostni li l-leġiżlatur għandu d-dritt jagħmel dispożizzjonjiet speċjali skond il-liġi tal-kumpanniji.

80.      F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-Artikolu 4(3), il-Gvern jallega n-nuqqas ta’ limitu fil-Liġi nazzjonali dwar il-kumpanniji u jispjega li l-perċentwali f’idejn il-Land tas-Sassonja t’Isfel huwa r-riżultat ta’ tentattivi suċċessivi ta’ xiri fuq is-suq minn investituri privati.

81.      Iżda, kif diġà għidt, nippreferi nanalizza żewġ kunċetti flimkien għaliex mhumiex il-liġijiet iżda l-konsegwenzi tagħhom li jeħtieġu attenzjoni dettaljata.

82.      Il-Kummissjoni tirrimarka illi peress li t-tliet dispożizzjonijiet jiksru, kull waħda b’mod differenti, it-Trattat, l-implikazzjonijiet tagħhom flimkien ma jagħmlu xejn ħlief isaħħu l-opinjoni tagħha.

83.      Il-Gvern Ġermaniż, min-naħa tiegħu, filwaqt li jikkwota preċedent, (49) jirrispondi li m’hemm l-ebda vjolazzjoni tat-Trattat la jekk jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet individwalment u l-anqas flimkien.

ii)    Analiżi tal-motivi

84.      L-istorja tal-Liġi Volkswagen tgħallem li nħolqot struttura legali sofistikata ħafna sabiex tiddefendi sitwazzjoni partikolari f’mument preċiż ħafna. (50) Huwa diffiċli li wieħed jinterpreta xort’oħra ż-żieda għal aktar minn 80 % tal-kworum biex jiġu approvati ċerti deċiżjonijiet tal-laqgħa ġenerali, meta l-liġi titlob biss 75 %. Aktar minn hekk, it-tnaqqis fl-eżerċizzju tad-dritt tal-vot għal 20 % jikkoinċidi mal-perċentwali ta’ ishma li kellhom bejniethom l-investituri istituzzjonali dak iż-żmien li fiha għaddiet il-Liġi, jiġifieri l-Bund u l-Land tas-Sassonja t’Isfel.

85.      Fir-realtà, min kien jixtieq jixtri numru ta’ ishma biżżejjed biex ikun jista’ jipparteċipa fl-organi ta’ tmexxija tal-kumpannija kien isib ostakli biex ibiddel l-istatut, apparti mill-fatt illi kien ikun jiddependi mir-rieda tal-leġiżlatur biex tinbidel il-liġi.

86.      Għalhekk, jirriżultaw inċertezzi kbar meta jkun hemm azzjonist li jkollu aktar minn sehem minn ħamsa ta’ l-ishma tal-kumpannija, għaliex dak l-ammont aktar ma jkunx irrappreżentat. (51) Jekk imbagħad xi azzjonist ikun irid jiġbor l-azzjonisti żgħar kollha flimkien, il-minoranza magħmula mill-Bund u mil-Land tista’ twaqqaf kollox għaliex ma tkunx tista’ tintlaħaq il-maġġoranza ta’ aktar minn 80 % ta’ l-ishma tal-kumpannija fil-laqgħa ta’ l-azzjonisti.

87.      Dan ifissier li ser ikompli jinżamm l-istatus quo li kellhom l-azzjonisti instituzzjonali sa’ mil-bidu, jiġifieri l-Bund u l-Land tas-Sassonja t’Isfel, u dan isaħħaħ l-argument tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu, f’dak li għandu x’jaqsam mar-rwol ta’ dawn l-entitajiet fil-Bord tad-Diretturi.

88.      Iżda ma jistgħux ma jiġux issottolinjati l-karatteristiċi tal-protezzjoni mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet. Irid jingħad ukoll li dawn ir-restrizzjonijiet kollha fuq id-dħul ta’ azzjonisti kbar imponewhom propju l-entitajiet pubbliċi sa mill-Ftehim ta’ l-1959 (l-“iStaatsvertrag”) permezz ta’ liġi federali.

89.      Il-liġi nazzjonali, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni, twaqqaf sitwazzjoni oġġettivament favorevoli għall-entitajiet pubbliċi msemmija, peress illi ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Bund u tal-Land, billi timpedixxi kull indħil fit-tmexxija. F’din in-natura protezzjonista hemm l-effett distorsiv tal-Liġi Volkswagen, li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tkisser il-moviment liberu tal-kapital. Jisfumaw fix-xejn allura l-allegazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż dwar il-ċirkulazzjoni libera ta’ l-ishma tal-Volkswagen, li kienu intiżi li juru li hemm investituri żgħar u mhux biss investituri li jixtiequ jiksbu l-kontroll tat-tmexxija ta’ l-impriża.

90.      Id-diffikultajiet għall-investituri li ma kienux parti mill-ftehim tal-bidu, huma ċari u fit-tul, almenu potenzjalment, sakemm idumu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet imsemmija. Is-sitwazzjoni, li bħala stat ta’ fatt mhijiex kompatibbli mad-Dritt Komunitarju, ma tissolviex bil-bejgħ ta’ l-ishma tal-Land li llum il-ġurnata huwa l-uniku investitur pubbliku, iżda bil-liġi li tipproteġi din is-sitwazzjoni sabiex jinżamm il-kontroll mill-entità reġjonali Ġermaniża, kif dejjem kien il-każ bejn wieħed u ieħor f’dawn l-aħħar erbgħin sena.

91.      It-tattika użata mbagħad, għandha sinjifikat speċjali għax tikxef l-identità pubblika ta’ l-awturi tagħha billi turi n-natura ta’ “regola nazzjonali” tal-Liġi Volkswagen skond kif imfissra fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment fid-dawl ta’ l-Artikolu 56 KE, iżda ma tawtorizzanix nislet konsegwenzi oħrajn l-anqas, b’mod partikolari, biex nikkonkludi li fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni ta’ dan it-tip, tiġi effettwata l-validità tal-klawżoli ta’ l-istatut li jkun fihom l-istess kontenut tad-dispożizzjonijiet msemmija f’dan il-proċess.

92.      Għaldaqstant, din il-kundizzjoni ta’ natura statali, intiża li twaqqaf investituri milli jakkwistaw biżżejjed saħħa sabiex ikunu jistgħu jiġu involuti fit-tmexxija tal-kumpannija, timplika li l-Artikoli 2(1) u 4(2) u (3) tal-Liġi Volkswagen jiksru l-moviment liberu tal-kapital msemmi fl-Artikolu 56(1) KE.

3.      Il-ġustifikazzjonijiet eventwali għall-ksur

a)      Bażi legali

93.      Peress illi l-Gvern Ġermaniż, b’mod sussidjarju ressaq sensiela ta’ argumenti bbażati fuq id-difiża ta’ l-interess ġenerali, ta’ min jiddedika ċerta attenzjoni lil dawn l-argumenti partikolarment b’referiment għall-Artikolu 58 KE u għall-ġurisprudenza.

94.      B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba aċċettat restrizzjonijiet nazzjonali fuq il-moviment liberu tal-kapital għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, (52) dejjem fejn ma hemmx armonizzazzjoni Komunitarja sabiex jiġu protetti dawn l-interessi, (53) liema interessi allura jkunu mħarsa skond il-livell ta’ protezzjoni offrut mill-Istati Membri. Madankollu, dawn il-poteri jingħataw biss fil-limiti tat-Trattat u, b’mod konkret skond il-prinċipju tal-proporzjonalità. (54)

95.      Fil-każ preżenti, il-Gvern Ġermaniż jgħafas fuq il-kuntest storiku u partikolari li fih għaddiet il-Liġi msemmija u l-għanijiet ta’ politika soċjali, reġjonali u ekonomika li kien hemm fiha.

96.      Il-Kummissjoni, filwaqt li tiċħad li l-kunsiderazzjonijiet storiċi li ssemmi l-intimata għandhom xi relevanza, issostni li l-Liġi in kwistjoni ma tilħaqx dawn il-miri.

b)      Analiżi ta’ l-allegazzjonijiet

97.      Il-kritika tal-kunċetti msemmija fil-Liġi ma tellfux mis-suċċess ta’ l-impriża, anke xħin wieħed iqis il-kundizzjonijiet straordinarji li fiha bdiet, f’fabbrika kważi mkissra kompletament u qalb il-bumbardamenti. L-effiċjenza, il-preċiżjoni, il-flessibbiltà (55) u d-dinamiżmu ta’ dawk li ħadmu fiha huma eżempju ta’ tenaċja u ta’ spirtu ta’ ġlied kontra d-diffikultajiet li ta’ min ifaħħarhom. Iżda l-bidla li għexna fl-Ewropa, wara l-konsolidament tal-proċess ta’ integrazzjoni, mibdi bit-Trattati ta’ Ruma, jitlob li l-kumpannija tadatta ruħha għaż-żminijiet tal-lum.

98.      Mill-bidu, nistqarr ċertu għaġeb kif qed jiġi invokat l-interess ġenerali sabiex jipproteġi liġi mfassla għall-benefiċċju esklużiv ta’ entità waħda, skond teżi ta’ ċertu dottrina li, fl-impriżi l-kbar, l-aspett pubbliku ta’ l-attivitajiet tagħhom huwa partikolarment importanti u peress li ma tapplikax il-liġi tal-kumpanniji, għandha tiġi mfassla sistema ta’ protezzjonijiet legali sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ l-interess ġenerali indipendentement mil-entità legali li tkun qed tiġi applikata għaliha(56).

99.      F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iskużanti mressqa, għandu jingħad fl-ewwel lok li ċ-ċirkustanzi msemmija mill-Gvern Ġermaniż jippruvaw li kien hemm bżonn urġenti li l-kwistjonijiet azzjonarji fi ħdan il-Volkswagen jiġu rregolati, iżda ma jiġġustifikawx it-tliet dispożizzjonjiet ikkontestati li, kif diġà ngħad, ma jistgħux jiġu difiżi skond il-liġi tal-proprjetà ta’ l-ishma.

100. Fit-tieni lok, l-invokazzjoni ta’ l-intessi tal-ħaddiema hija kompletament insostenibbli, għaliex il-Gvern stess fisser li, min-naħa waħda, ix-xewqat tiegħu ta’ kontroll fuq il-Volkswagen spiċċaw mat-twaqqif tal-Fondazzjoni Volkswagen, li fuqha ma kellha l-ebda effett il-Liġi, u din l-anqas indirettament ma kienet ix-xewqa ta’ dawn il-ħaddiema; min-naħa l-oħra, l-importanza li l-ħaddiema jidħlu fl-amministrazzjoni tal-kumpannija permezz tas-sistema ta’ tmexxija konġunta, anke jekk kienet titlob intervent leġiżlattiv, ma kinitx titlob l-iffriżar tal-pożizzjoni msaħħa ta’ l-organi pubbliċi, li ddaħlet bil-Liġi in kwistjoni.

101. Fit-tielet lok, ma jidhirx li l-protezzjoni tal-minoranzi tista’ b’xi mod titqies li tiddependi mill-pożizzjoni fissa ta’ l-azzjonisti l-kbar. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jġibu l-ebda protezzjoni supplementari.

102. Fl-aħħar nett, għandi jiġu sseparati l-għanijiet tal-politika industrijali, ekonomika u reġjonali, (57) għax ma jmorrux ma’ liġi mfassla favur kumpannija waħda. Il-Gvern Ġermaniż iħawwad l-interess ġenerali ma’ l-interessi tal-Land tas-Sassonja t’Isfel u tiegħu mat-tmexxija tajba tan-negozju, leġittimament u komprensibilment xħin wieħed iqis id-daqs tal-kumpannija b’fabbriki mxerrda mal-pajjiż kollu u b’numru kbir ta’ impjegati. Ma tressqet iżda l-ebda prova li l-artikoli kkontestati fil-Liġi Volkswagen jiksbu dawn l-għanijiet.

103. Il-Gvern Ġermaniż jipprova jiġġustifika r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital li jirriżultaw mill-Artikoli 2(1) u 4(2) u (3) tal-Liġi Volkswagen b’verżjoni wiesgħa u mġebbda tar-realtà u għalhekk dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

C –    Dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 43 KE

104. Il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda akkuża speċifika dwar l-inkompatibbiltà tal-Liġi Volkswagen ma’ l-Artikolu 43 KE, bla dubju sabiex tikkonforma mal-ġurisprudenza, li qanqlet dawn il-każijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital .

105. Hekk, diversi sentenzi jqisu li r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ dawn is-sentenzi huma konsegwenza diretta ta’ l-ostakli għall-moviment liberu tal-kapital , li magħhom huma intrinsikament marbuta, għaliex ġaladarba jintwera l-ksur ta’ l-Artikolu 56(1), ma jkunx hemm bżonn ta’ analiżi oħra fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment. (58)

VI – Spejjeż

106. L-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li min jitlef jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż, jekk dan jintalab mill-kontroparti. Peress illi għandhom jiġu miċħuda l-eċċezzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u peress illi l-Kummissjoni talbet il-kundanna għall-ispejjeż ġudizzjarji, il-Ġermanja għandha tħallas l-ispejjeż ta’ dan ir-rikors.

VII – Konklużjoni

107. Fid-dawl tal-ħsibijiet preċedenti, għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li:

1)         Tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56(1) KE billi żammet fis-seħħ l-Artikoli 2(1) u 4(1) u (3) tal-Liġi dwar il-privatizzazzjoni ta’ l-ishma tal-Volkswagen GmbH, tal-21 ta’ lulju 1960.

2)         Tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Okkupa din il-kariga bejn l-1949 u l-1963, is-sena li fiha laħaq kanċellier wara Konrad Adenauer.


3 – Grupp ta’ professuri mmexxi minn Walter Eucken, Franz Böhm, Hans Grossmann-Doerth u Leonhard Miksch, li, b’reazzjoni għan-nazziżmu, insistew fuq l-idea tal-liberta kontra t-totalitarjaniżmu, mhux biss fl-ekonomija iżda wkoll f’oqsma oħrajn tal-ħajja; Hildebrand, D., The Role of Economic Analysis in the EC Competition Rules, Kluwer, 1998, La Haya, p. 184 a 187.


4 – Hekk per eżempju, deher f’diverżi eżibizzjonijiet tal-Pop Art u kienu protagonisti ta’ film ta’ Walt Disney, The love bug, dirett minn Robert Stevenson fl-1968, li fi Spanja kellu l-isem ta’ Ahí va ese bólido, fi Franża Un amour de coccinelle u fil-Ġermanja Ein toller Käfer, fejn kellu suċċess straordinarju b’ħames miljun spettatur fl-ewwel tmien xhur ta’ wiri; wara dan żviluppa saga ta’ films għaċ-ċinema u għat-televiżjoni li kkulmina fl-aħħar verżjoni ta’ l-2005: Herbie: fully loaded, dirett minn Angela Robinson.


5 – Diġà fl-1958 kienet dehret storja tal-Volkswagen bl-Ingliż fis-suq Amerikan: Nitske, W. R., The amazing Porsche and Volkswagen story, Comet Press Books, New York.


6 – Liġi ta’ privatizzazzjoni ta’ l-ishma tal-Volkswagen GmbH, tal-21 ta’ Lulju 1960 (BGBl. I, p. 585, u BGBl. III, 641-1-1), emendata fis-6 ta’ Settembru 1965 (BGBl. I, 461) u fil-31 ta’ Lulju 1970 (BGBl. I, p. 1149).


7 – Tas-6 ta’ Settembru 1965, BGBl. I, p. 1089.


8 – Direttiva tal-Kunsill nru. 88/361/KEE, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU L 178, p. 5).


9 – Punt I.2 ta’ l-anness imsemmi.


10 – Punt III.A.1 ta’ l-istess anness.


11 – Adolf Hitler ħabbar din l-intenzjoni fid-diskors ta’ inawgurazzjooni tal-fiera tal-karozzi ta’ l-1934 f’Berlin.


12 – Ferdinand Porsche, tifel ta’ landier, twieled f’Maffersdorf-am-Neisse (illum Vratislavice nad Nisou, fir-Repubblika Ċeka) fit-3 ta’ Settembru ta’ l-1875. Din il-belt Boema kienet tifforma parti mill-Imperu Awstroungariku, iżda wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-mappa politika ta’ l-Ewropa tbiddlet u Porsche sar ċittadin Ċekoslovakk. Dak li fi kliem Hitler kien “l-akbar kostruttur Ġermaniż ta’ karozzi” ma setax iżomm dik in-nazzjonalità u fis-snin 40 tranġa kollox mal-konslu taċ-Ċekoslovakkja fi Stuttgart sabiex, mingħajr ma rrinunzja għall-oriġini tiegħu, Porsche seta jsir Ġermaniż; Parvulesco. C., Coccinelle. Triomphe de la voiture populaire, Ed. ETAI, Boulogne Billancourt, 2006, p.18.


13 – Parvulesco, C., Coccinelle. Iċċitata iktar ’il fuq, p. 17 u 18


14 – Parvulesco, C., op cit, p. 26.


15 – Data disponibbli fuq http://es.wikipedia.org/wiki/Volkswagen.


16 – Ċifri mogħtija mill-gvern Ġermaniż.


17 – Parvulesco, C., op. cit., p. 27.


18 – L-attakki seħħew f’April, f’Ġunju u f’Awissu ta’ l-1944.


19 – Din id-darba nbnew 110 Kübelwagen (predeċessur militari tal-Volkswagen msejħa “beetle”) għall-alleati, b’biċċiet ta’ materjal żejda.


20 – Skond Momsen, H., “Das Volkswagenwerk und die “Stunde Null”: Kontinuität und Diskontinuität”, fuq http://www.dhm.de/ausstellungen/aufbau_west_ost, dan tneħħa bħala riżultat tar-revoka ta’ kull konnessjoni man-nazzisti fil-fabbriki tal- Volkswagen.


21 – Fl-1995 ħarġu mill-fabbrika miljun karozza tat-tip beetle u fl-1972 diġa kienu nbiegħu aktar minn ħmistax-il miljun mudell ta’ dan it-tip. Għal dak iż-żmien, awtur American rikeb fuq is-sentiment popolari billi daħħal l-isem ta’ din il-karozza fl-isem ta’ novella: Woods, E., Yellow Volkswagen, Greywood Publishing Ltd., Toronto, 1971.


22 – Vertrag über die Regelung der Rechtsverhältnisse bei der Volkswagenwerk Gesellschaft mit beschränkter Haftung und über die Einrichtung einer Stiftung Volkswagenwerk.


23 – Bis-saħħa tal-Liġi ta’ regolazzjoni tar-relazzjonijiet ġuridiċi tal-kumpannija Volkswagenwerk GmbH (Gesetz über die Regelung der Rechtsverhältnisse der Volkswagenwerk GmbH; BGBl. I, p. 301)


24 – Bil-Liġi Volkswagen, iċċitata iktar ’il fuq.


25 – Sentenzi tat-23 ta’ Mejju 2000, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑58/99, Ġabra p. I‑3811); ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑367/98, Ġabra p. I‑4731), Il-Kummissjoni vs Franza (C‑483/99, Ġabra p. I‑4781), u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑503/99, Ġabra p. I‑4809); kif ukoll is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑463/00, Ġabra p. I‑4581) u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑98/01, Ġabra p. I‑4641). Wara semmew dik tat-2 ta’Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑174/04; Ġabra p. I-4933), u dik tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑282/04 u C‑283/04, Ġabra p. I‑0000).


26 – Maurer, H., Allgemeines Verwaltungsrecht, Ed. C.H. Beck, 12ª ed. riveduta u mkabbra, Munich, 1999, p. 352 et seq.


27 – Ippreżentati fit-3 ta’ Lulju 2001


28 – Moqrija fi Frar 2003.


29 – Sentenza tas-6 ta’ Lulju 1982, Franza, Italja u Renju Unit vs Kummissjoni (188/80 a 190/80, Ġabra p. 2545), punt 21.


30 – Konklużjonijiet tal-kawżi C‑367/98, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑483/99, Il-Kummissjoni vs Franza, u C‑503/99, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitati iktar ‘il quddiem fil-punti 54 u 55; kif ukoll il-konklużjonijiet tal-kawżi C‑463/00, Il-Kummissjoni vs Spanja, u C‑98/01, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, diġà ċċitati iktar ‘il quddiem, punti 56 u 57.


31 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitati; Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑174/04); u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitati wkoll.


32 – Konklużjonijiet tal-kawżi C‑367/98, C‑483/99 u C‑503/99, punt 62.


33 – Fuq il-limitu tad-drittijiet tal-vot ara Kübler, F., Gesellschaftsrecht, 5ª ed. riveduta u mkabbra, Ed. C.F. Müller, Heidelberg, 1998, p. 199. Ukoll Krause, H., “Von “goldenen Aktien”, dem VW-Gesetz und der Übernahmerichtlinie”, Neue Juristische Wochenschrift, nru 38/2000, p. 2749.


34 – Konklużjonijiet tal-każ li fih ġew ikkwotati s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitati iktar ‘il fuq, punt 36.


35 – Velasco San Pedro, L. A. u Sánchez Felipe, J. M., “La libertad de establecimiento de las sociedades en la UE. El Estado de la cuestión después de la SE”, f’Revista de derecho de sociedades, numru 19, sena 2002-2, p. 31.


36 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall u Il-Kummissjoni vs Franza, msemmija qabel, punt 56. Ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 43.


37 – Konklużjonijiet tal-kawża li fih jissemmew is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 36.


38 – Per eżempju, is-sentenzi msemmija Il-Kummissjoni vs Franza, punti 35 u 40; u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punti 38 u 43.


39 – Direttiva tal-Kunsill nru. 88/361/KEE, ta’ l-24 ta’ l-1988, dwar l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat (Artikolu abrogat bit-Trattat ta’ Amsterdam) (ĠU L 178, p. 5).


40 – Sentenza tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer (C‑222/97, Ġabra p. I‑1661), punt 21; u s-sentenzi, iċċitati iktar ‘il fuq, Il-Kummissjoni vs Franza, punti 36 u 37, u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punti 39 u 40.


41 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, punt 41; Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑174/04), iċċitata iktar ‘il fuq, punti 30 u 31; u tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich (C‑265/04, Ġabra p. I‑923), punti 34 u 35.


42 – Per eżempju s-sentenzi, diġà msemmija, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punti 42 sa 55, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punti 32 sa 40.


43 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 44, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punti 39 sa 41. F’din l-aħħar sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat is-silenzju tal-Gvern Portugiż bħala rikonoxximent taċitu ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u bdiet tistudja l-ġustifikazzjonijiet eventwali; diġà kkritikajt dan l-aġir fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi C‑367/98, C‑483/99 u C‑503/99, iċċitati iktar ‘il fuq, punt 76, u wissejt lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twaqqaf l-investigazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għaliex niddubita jekk l-interess komunitarju f’dawn it-tip ta’ rikorsi jaqbilx mal-prinċipju tad-dispożizzjoni ħielsa ta’ l-azzjoni.


44 – Irregolat fl-Artikoli 95 sa 116 tal-Liġi Ġermaniża tal-kumpanniji pubbliċi.


45 – Kübler, F., Op. cit., p. 190.


46 – Ibídem.


47 – Filwaqt li kellu jiddaħħal permezz ta’ klawżola fl-istatut tal-Kumpanija Volkswagen iżda mhux fil-liġi, l-approvazzjoni ta’ l-Aktiengesetz ta’ l-1965 wasslet għan-nullità ta’ din il-klawżola; għal din ir-raġuni l-kjarifika dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) serviet sabiex issolvi l-problema ta’ inkompatibbiltà ma’ l-Artikolu 101 tal-liġi dwar il-kumpanniji pubbliċi.


48 – Sander, F., “Volkswagen vor dem EuGH − der Schutzbereich der Kapitalverkehrsfreiheit am Scheideweg”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht (EuZW), nru. 4/2005, p. 109.


49 – Sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Deponiezweckverband Eiterköpfe, C‑6/03, Ġabra p. I‑2753, punt 55.


50 – Prova tat-trattament preferenzjali li l-Liġi tagħti lill-Volkswagen tinstab fl-abolizzjoni fl-1998 tal-limitazzjoni tad-drittijiet ta’ vot fil-kumpanniji li jiġu kkwotati fil-borża, meta ġiet approvata fil-Ġermanja l-liġi msemmija dwar il-kontroll u t-trasparenza ta’ l-impriżi, bl-għan ċar ta’ ristabbiliment tal-proporzjonalità bejn l-ishma u l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot, kif jindika Fernández Pérez, N., La protección jurídica del accionista inversor, Ed. Aranzadi, Navarra, 2000, p. 224. Ir-rassenja tal-premessi ta’ din il-Liġi ta’ l-1998 jassumu li r-rabtiet tad-drittijiet tal-vot joħolqu disinċentiv fis-suq tal-kapital ; Ruge, R., “Goldene Aktien und EG-Recht”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht (EuZW), nru. 14/2002, p. 424.


51 – Sołtysiński, S., “The rise and fall of the golden share concept in privatised companies”, f’Demaret, P./Govaere, I./Hanf, D. (coordinadores), 30 Years of European Legal Studies at the College of Europe, Bruges, 2005, p. 329, jagħti rendikont ta’ l-idea estiża li r-restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-vot joħolqu ostakli għall-moviment ħieles tal-kapital, akbar mill-ishma tad-deheb.


52 – Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C‑319/02, Ġabra p. I‑7477), punt 29, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 32.


53 – Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑255/04, Ġabra p. I‑0000), punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata.


54 – Sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 45, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 33.


55– Il-polivalenza tal-“Beetle” mhijiex iddubitata, fid-dawl ta’ l-adattabbiltà tagħha li tippermettilha tinbidel f’vettura militari, hija ġiet ukoll modifikata sabiex jiġu ddisinjati prototipi ta’ vetturi utilitarji, ta’ karavannijiet, kif ukoll ta’ ambulanzi u ta’ karozzi tat-tifi’ tan-nar. Hija ispirat il-kreattività ta’ inġiniera oħra bħal Karmann, Hebmüller jew Rotmesch li immaġinaw varjazzjonijiet awdaċi tal-mudell oriġinali li kisbu prestiġu kbir (K. Seume, u B. Shall, Volkswagen Beetle – Coachbuilts and cabriolets 1940-1960, Bay view Books Ltd, Devon, 1993, p. 70). Prova oħra tal-flessibbiltà tal-Volkswagen hija mogħtija mill-mudell li, fuq ordni personali, inbniet għall-imperatur ta’ l-Abbissinja, Haile Selassie I (li rrenja fl-Etjopja bejn l-1930 u 1974), b’siġġijiet miksija bil-ġilda tal-leopard (Ibidem, p.10).


56 – Reich, N., Mercado u derecho (Teoría u práxis del derecho económico en la República Federal Alemana), verżjoni Kastellana ta’ Antoni Font, Ed. Ariel, Barcelona, 1985, p. 284.


57 – Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C‑35/98, Ġabra p. I‑4071), punt 48, ma tatha l-ebda validità.


58 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 86, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 43, it-tnejn iċċitati.