Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundessozialgericht (il-Ġermanja) fl-10 ta’ Frar 2014 – Jobcenter Berlin Neukölln vs Nazifa Alimanovic et

(Kawża C-67/14)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Bundessozialgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Jobcenter Berlin Neukölln

Konvenuti: Nazifa Alimanovic, Sonita Alimanovic, Valentina Alimanovic, Valentino Alimanovic

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 1 , japplika wkoll – bl-eċċezzjoni tal-esklużjoni tal-esportazzjoni tal-benefiċċji prevista fl-Artikolu 70(4) tal-imsemmi regolament – għall-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus fis-sens tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, restrizzjonijiet għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 permezz ta’ dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/CE 2 li bis-saħħa tagħhom l-aċċess għal dawn il-benefiċċji ma jeżisti taħt l-ebda cirkustanza meta dritt ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor jirriżulta unikament mill-għan ta’ tfittxija ta’ xogħol, huma possibbli u f’dak il-każ sa liema estent?

L-Artikolu 45(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 18 TFUE, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tirrifjuta, mingħajr eċċezzjoni, għat-tul tad-dritt ta’ residenza unikament għall-finijiet ta’ tfittxija ta’ xogħol u indipendentement minn rabta mal-Istat Membru ospitanti, liċ-ċittadini tal-Unjoni li bħala persuni li jkunu qed ifittxu xogħol jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, benefiċċju soċjali li jservi sabiex jiġu ggarantiti l-mezzi tal-għajxien u li fl-istess waqt jiffaċilita wkoll l-aċċess għas-suq tax-xogħol?

____________

1     Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2     Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).