Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ġunju 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-377/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Mölls, H. Tserepa-Lacombe, L Malferrari, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

tikkonstata li, billi żammet onorarji obbligatorji għall-periti u għall-inġiniera skont il-Honorarordnung für Architekten und Ingenieure (lista ta’ onorarji tal-periti u tal-inġiniera, iktar ’il quddiem l-“HOAI”), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE u tal-Artikolu 49 TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż;

Motivi u argumenti prinċipali

Il-lista ta’ onorarji Ġermaniża tal-periti u tal-inġiniera (HOAI) tinkludi sistema ta’ tariffi minimi u massimi għas-servizzi ta’ dan il-grupp ta’ professjonisti. Skont il-Kummissjoni, din is-sistema tagħmel iktar diffiċli l-istabbiliment ta’ periti u ta’ inġiniera li jixtiequ jikkompetu ma’ fornituri stabbiliti permezz ta’ offerti li ma jaqgħux taħt qafas tariffarju awtorizzat. Dawn il-fornituri huma preklużi milli jipprovdu servizzi tal-istess kwalità bi prezzijiet iktar baxxi u servizzi ta’ kwalità ogħla bi prezzijiet ogħla.

Dan jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment kemm għall-finijiet tal-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE kif ukoll għall-finijiet tal-Artikolu 49 TFUE.

Din ir-restrizzjoni ma hijiex iġġustifikata, b’mod partikolari ma hijiex iġġustifikata mill-interess li tinżamm il-kwalità tal-provvista ta’ servizzi, li fil-fatt ma hijiex f’konnessjoni diretta mal-prezz.

____________