Language of document : ECLI:EU:C:2007:313

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Ġunju 2007 (*)

“Moviment liberu tal-merkanzija – Artikoli 28 KE, 30 KE u 31 KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-importazzjoni minn individwi ta’ xarbiet alkoħoliċi – Regola dwar l-eżistenza u l-funzjonament ta’ monopolju Żvediż ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ xarbiet alkoħoliċi – Evalwazzjoni – Miżura li tmur kontra l-Artikolu 28 KE – Ġustifikazzjoni għall-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-persuni – Stħarriġ tal-proporzjonalità”

Fil-kawża C-170/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Högsta domstolen (l-Iżvezja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ April 2004, fil-proċedura

Klas Rosengren,

Bengt Morelli,

Hans Särman,

Mats Åkerström,

Åke Kempe,

Anders Kempe,

Mats Kempe,

Björn Rosengren,

Martin Lindberg,

Jon Pierre,

Tony Staf,

vs

Riksåklagaren,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Ewwel Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, R. Schintgen, J. Klučka, Presidenti ta’ ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva tal-puerta, M. Ilešič, J. Malenovský (Relatur), U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano, wara P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, wara J. Swedenborg, Amministraturi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għal K. Rosengren, B. Morelli, H. Särman, M. Åkerström, Å. Kempe, A. Kempe, M. Kempe, B. Rosengren, M. Lindberg, J. Pierre, u T. Staf, minn C. von Quitzow, juris doktor, u U. Stigare, advokat,

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse u K. Wistrand, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaras-Purokoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn T. Nordby u I. Djupvik, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Ström van Lier u A. Caeiros, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ sorveljanza EFTA, minn N. Fenger u A. T. Andersen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tizzano, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2006,

wara li rat id-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006 u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għal K. Rosengren, B. Morelli, H. Särman, M. Åkerström, Å. Kempe, A. Kempe, M. Kempe, B. Rosengren, M. Lindberg, J. Pierre, u T. Staf, minn C. von Quitzow, juris doktor, u U. Stigare, advokat,

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse u K. Wistrand, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaras-Purokoski u E. Bygglin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn T. Nordby, kif ukoll minn I. Djupvik u K. Fløistad, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Ström van Lier u A. Caeiros, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ sorveljanza EFTA, minn N. Fenger u A. T. Andersen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mengozzi, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 28 KE, 30 u 31 KE.

2        It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kontroversja bejn K. Rosengren, B. Morelli, H. Särman, M. Åkerström, Å. Kempe, A. Kempe, M. Kempe, B. Rosengren, M. Lindberg, J. Pierre u T. Staf u r-Riksåklagaren (il-prokuratur Irjali) fir-rigward tal-konfiska ta’ kaxxi ta’ nbid li kienu ġew importati bi ksur tal-liġi dwar ix-xarbiet alkoħoliċi (alkohollagen), tas-16 ta’ Diċembru 1994, (SFS 1994, Nru 1738), iktar ‘il quddiem il-“liġi dwar l-alkoħol”).

 Kuntest Ġuridiku nazzjonali

3        Fl-ewwel Kapitolu tagħha, intitolat “Dispożizzjonijiet preliminari”, il-liġi dwar l-alkoħol tiddisponi li hija applikabbli għall-manifattura, għall-kummerċjalizzazzjoni u għall-importazzjoni tax-xarbiet alkoħoliċi kif ukoll għall-kummerċ ta’ dawn il-prodotti.

4        Skond l-Artikolu 8 ta’ dan l-ewwel Kapitolu:

“[…] bejgħ ifisser kull forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xarba kontra pagament.

Il-bejgħ lill-konsumaturi jissejjaħ bejgħ bl-imnut jew, jekk huwa intiż għall-konsum fil-post, servizz fil-kuntest tar-ristorazzjoni. Kull bejgħ ieħor jissejjaħ bl-espressjoni kummerċ bl-imnut.”

5        Il-Kapitolu 4 tal-liġi dwar l-alkoħol, intitolat “Kummerċ bl-imnut”, jiddisponi, fl-Artikoli 1 u 2:

“Artikolu 1 – Il-kummerċ bl-imnut tax-xarbiet alkoħoliċi, ta’ l-inbid u birra qawwija jista’ jiġi eżerċitat biss minn persuni li għandhom liċenzja ta’ depożitu jew huma rreġistrati bħala destinatarji ta’ merkanzija ta’ din in-natura skond l-Artikoli 9 jew 12 tal-liġi dwar it-taxxa fuq l-alkoħol [tal-15 ta’ Diċembru 1994 (SFS 1994, Nru 1564)]. Minħabba f’hekk id-dritt li jiġi pprattikat il-kummerċ bl-imnut huwa applikabbli biss għax-xarba li fuqha huma bbażati l-liċenzja ta’ depożitu jew ir-reġistrazzjoni bħala destinatarji ta’ merkanzija skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-taxxa fuq l-alkoħol.

Barra mid-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel subparagrafu, il-kummerċ bl-imnut tax-xarbiet alkoħoliċi, ta’ l-inbid u tal-birra qawwija jista’ jiġi eżerċitat minn kumpannija ta’ bejgħ bl-imnut skond id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 5.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel subparagrafu, min għandu awtorizzazzjoni ta’ tnaqqis jista’ jbigħ għal rasu l-merkanzija koperta mill-imsemmija awtorizzazzjoni lil kull persuna li għandha l-kapaċità teżerċita l-kummerċ bl-imnut ta’ l-imsemmija merkanzija.

Artikolu 2 - Ix-xarbiet alkoħoliċi, l-inbid u l-birra qawwija ma jistgħux jiġu importati fl-Iżvezja ħlief minn persuni awtorizzati, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1, li jeżerċitaw il-kummerċ bl-imnut ta’ l-imsemmija merkanzija kif ukoll minn kumpannija ta’ bejgħ bl-imnut sabiex jiġi rrispettat l-obbligu li għandu skond l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 5.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel subparagrafu, ix-xarbiet alkoħoliċi, l-inbid u l-birra qawwija ma jistgħux jiġu importati:

[…]

2.      minn kull min jivvjaġġa, li għandu inqas minn 20 sena, jew kull minn jivvjaġġa fuq mezz ta’ trasport li jkun laħaq din l-età, għall-konsum personali tiegħu jew dik tal-familja tiegħu, jew fil-preżent jew fil-futur għall-konsum personali tiegħu, jew dik tal-familja tiegħu;

[…]

4.      minn kull individwu jew trasportatur professjonali li jaġixxi f’ismu, ta’ età ta’ 20 sena jew inqas u jkun sejjer lejn l-Iżvezja jekk ix-xarbiet ikunu ddestinati għall-konsum personali tiegħu jew dik tal-familja tiegħu:

5.      minn kull individwu, jew trasportatur professjonali li jkun qiegħed jaġixxi f’ismu, li jkollu mill-inqas 20 sena, li jkun irċieva x-xarbiet fil-kuntest ta’ suċċessjoni jekk ikunu ddestinati għall-konsum personali tiegħu jew dik tal-familja tiegħu; u

6.      permezz ta’ kunsinna mibgħuta ta’ traspostatur professjonali, mibgħuta minn individwu residenti fl-Iżvezja, li għandu mill-inqas 20 sena, għall-konsum personali tiegħu jew dik tal-familja tiegħu.

[…]”

6        Fil-Kapitolu 5, intitolat “Bejgħ bl-imnut”, il-liġi dwar l-alkoħol tinkariga kumpannija Statali, ikkostitwita speċjalment għal dan il-għan, biex tassigura l-bejgħ bl-imnut fl-Iżvezja ta’ l-inbid, tal-birra qawwija u x-xarbiet alkoħoliċi. Il-kumpannija maħtura għal dan l-effett hija s-Systembolaget Aktiebolag (iktar ‘il quddiem is-“Systembolaget”), kumpannija b’responsabbiltà limitata bl-ishma kollha tagħha miżmuma mill-Istat Żvediż.

7        L-attività, l-użu u l-modalitajiet ta’ kontroll ta’ din il-kumpannija huma stabbiliti minn ftehim konkluż ma’ dan l-Istat.

8        L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess Kapitolu 5 jiddisponi:

“Ix-xarbiet alkoħoliċi, l-inbid jew birra qawwija li ma jinżammux fil-maħżen jinbiegħu fuq talba, safejn il-kumpannija ta’ bejgħ bl-imnut ma jkollha l-ebda oġġezzjoni għal dan.”

9        Fil-Kapitolu 10 tal-liġi dwar l-alkoħol, l-Artikolu 10 jipprovdi li l-importazzazzjoni illegali tax-xarbiet alkoħoliċi huma ppenalizzati skond il-liġi dwar il-kuntrabandu (lagen om straff för smuggling), tat-30 ta’ Novembru 2000 (SFS 2000, Nru 1225), li jiddisponi li l-inbid importat illegalment għandu jiġi kkonfiskat ħlief meta tali miżura tkun manifestament sproporzjonata.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ordnaw, b’korrispondenza u mingħajr intermedjarju, mill-post tar-residenza tagħhom fl-Iżvezja, kaxxi ta’ fliexken ta’ nbid prodotti fi Spanja.

11      Dawn il-kaxxi, li ddaħħlu fl-Iżvezja mingħajr ma ġew iddikjarati fid-dwana, ġew ikkonfiskati minħabba li kienu importazzjoni illegali taħt il-liġi dwar l-alkoħol.

12      B’deċiżjoni tat-3 ta’ Jannar 2002, il-Göteborgs tingsrätt (il-Qorti ta’ l-ewwel istanza ta’ Göteborg) ikkonfermat il-konfiska tal-merkanzija. Il-Hovrätten för Västra Sverige (il-Qorti ta’ l-Appell ta’ l-Iżvezja tal-Punent) ċaħdet l-appell imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni.

13      Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu appell quddiem il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema). Din qieset li d-deċiżjoni tagħha kienet tiddependi mill-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Żvediża mat-Trattat KE, peress li kienet tirrigwarda l-projbizzjoni fil-prinċipju għal kull resident li jimporta direttament, mingħajr ma jassigura personalment it-trasport, xarbiet alkoħoliċi fit-territorju Żvediż .

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni [b’ordni minn individwi] tista’ titqies li tagħmel parti mis-sistema tal-funzjonament tal-monopolju u tal-bejgħ bl-imnut u, għal din ir-raġuni, hija prekluża mill-Artikolu 28 KE, u l-istess projbizzjoni tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, f’dan il-każ l-imsemmija projbizzjoni […] hija kompatibbli mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 31 KE, dwar il-monopolji nazzjonali ta’ xorta kummerċjali?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala regola, jipprekludi [l-projbizzjoni msemmija], minkejja l-obbligu għas-Systembolaget li tikseb fuq talba tal-klijent ix-xorb alkoħoliku li ma jkunx disponibbli fl-imħażen?

4)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tielet domanda, din il-projbizzjoni […] tista’ titqies li hija ġġustifikata u proporzjonata għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

15      Bl-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk, sabiex tivverifika l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju, dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-individwi milli jimportaw xarbiet alkoħoliċi, bħal dak li jirriżulta mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 4 tal-liġi dwar l-alkoħol, għandhiex tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE, dwar il-monopolji nazzjonali li għandhom natura kummerċjali jew ta’ l-Artikolu 28 KE, li jipprojbixxi kull restrizzjoni kwantitattiva għall-importazzjoni jew miżuri ta’ effett ekwivalenti.

16      Huwa kostanti li l-miżura nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-alkoħol, li wkoll tistabbilixxi monopolju ta’ natura kummerċjali li lilu ngħata d-dritt ta’ esklużività fil-bejgħ bl-imnut fl-Iżvezja tax-xarbiet alkoħoliċi. Dan il-monopolju ngħata lis-Systembolaget.

17      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġu eżaminati r-regoli relattivi għall-eżistenza u għall-funzjonament ta’ l-imsemmi monopolju fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 31 KE, applikabbli b’mod speċifiku għall-eżerċizzju, minn monopolju nazzjonali ta’ natura kummerċjali, għad-drittijiet ta’ esklużività tiegħu (ara sentenzi tas-17 ta’ Frar 1976, Miritz, 91/75, Ġabra p. 217, punt 5; ta’ l-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, magħrufa bħala “Cassis de Dijon”, 120/78, Ġabra p. 649, punt 7; tat-13 ta’ Marzu 1979, Hansen, 91/78, Ġabra p. 935, punti 9 u 10; ta’ l-14 Diċembru 1995, Banchero, C-387/93, Ġabra p. I-4663, punt 29, u tat-23 ta’ Ottubru 1997, Franzén, C-189/95, Ġabra p. I-5909, punt 35).

18      Min-naħa l-oħra, l-impatt, fuq il-kummerċ intrakomunitarju, tad- dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li huwa separabbli mill-funzjonament tal-monopolju anki jekk għandhom impatt fuq dan ta’ l-aħħar, għandu jiġi eżaminat fid-dawl ta’ l-Artikolu 28 KE (ara s-sentenza Franzén, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 36).

19      Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-miżura ta’ projbizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix regola dwar l-eżistenza jew il-funzjonament tal-monopolju.

20      Qabel kollox, hemm lok li jiġi mfakkar li l-funzjoni speċifika assenjata lill-monopolju mil-liġi dwar l-alkoħol hija li tirriżerva lilu l-esklużività tal-bejgħ bl-imnut fl-Iżvezja ta’ xarbiet alkoħoliċi lill-konsumaturi bl-eċċezzjoni tas-settur tar-ristorazzjoni. Huwa kostanti li din l-esklużività ma tkoprix l-importazzjonijiet ta’ l-imsemmija xarbiet.

21      Jekk, billi tirregola l-importazzjoni tax-xarbiet alkoħoliċi fit-territorju tar-Renju ta’ l-Iżvezja, il-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa l-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan il-Komunità Ewropea, hija ma tirregolax, bħala tali, l-eżerċizzju, minn dan il-monopolju, ta’ dan id-dritt ta’ esklużività għall-bejgħ bl-imnut tax-xarbiet alkoħoliċi fit-territorju Żvediż.

22      Din il-miżura, li għaldaqstant ma tirrigwardax l-eżerċizzju minn dan il-monopolju tal-funzjoni speċifika tiegħu, ma għandhiex, għaldaqstant, titqies li hija relattiva għall-eżistenza stess ta’ dan ta’ l-aħħar.

23      Jirriżulta, wara, mill-elementi mressqa għall-konoxxenxa tal-Qorti tal-Ġustizzja li, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 5 tal-liġi dwar l-alkoħol, is-Systembolaget hija, bħala prinċipju, marbuta li timporta kull xarba alkoħolika fuq talba u bi spejjeż tal-konsumatur. Għaldaqstant, projbizzjoni għall-individwi milli jimportaw xarbiet alkoħoliċi, li tirriżulta mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 4 tal-liġi dwar l-alkoħol, għandha bħala effet li tressaq b’hekk lejn il-monopolju l-konsumaturi li jixtiequ jakkwistaw tali xarbiet u tista’ bħala tali jkollha impatt fuq il-funzjonament ta’ l-imsemmi monopolju.

24      Madankollu, tali miżura ta’ projbizzjoni fil-verità ma tirregolax il-funzjonament tal-monopolju peress li ma tirrigwardax il-modalitajiet tal-bejgħ bl-imnut tax-xarbiet alkoħoliċi fit-territorju Żvediż. B’mod partikolari, mhijiex intiża li tirregola la s-sistema ta’ għażla ta’ prodotti tal-monopolju, la n-netwerk ta’ bejgħ tiegħu, la l-organizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni jew tar-reklamar tal-prodotti mqassma mill-imsemmi monopolju.

25      Barra minn hekk, din il-miżura tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-alkoħol inklużi fil-Kapitolu 4 iddedikat għall-kummerċ bl-imnut. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li r-regoli ta’ dan il-Kapitolu, li jirriżervaw l-importazzjonijiet tax-xarbiet alkoħoliċi lill-proprjetarji ta’ liċenzji għall-kummerċ bl-imnut, mhumiex inklużi fin-numru ta’ miżuri li jirregolaw il-funzjonament tal-monopolju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franzén, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 34, 67 u 70).

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali projbizzjoni ma għandhiex titqies li hija regola relattiva għall-eżistenza jew għall-funzjonament tal-monopolju. Sabiex issir verifika tal-kompatibbiltà ta’ tali miżura mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment ħieles tal-merkanzija, l-Artikolu 31 KE huwa, għaldaqstant, irrilevanti.

27      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-individwi milli jimportaw xarbiet alkoħoliċi, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 4 tal-liġi dwar l-alkoħol, għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-Artikolu 28 KE, u mhux ta’ l-Artikolu 31 KE.

 Fuq it-tieni domanda

28      It-tieni domanda saret biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-projbizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-Artikolu 31 KE.

29      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq it-tielet domanda

30      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk miżura li tipprojbixxi lill-individwi milli jimportaw ix-xarbiet alkoħoliċi, kif jirriżulta mil-liġi dwar l-alkoħol, tikkostitwixxix restrizzjoni kwantitattiva għall-importazzjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE, anki jekk l-imsemmija liġi tobbliga lill-proprjetarju tal-monopolju tal-bejgħ bl-imnut jipprovdi, u għaldaqstant jekk ikun il-każ, li jimporta, fuq talba, ix-xarbiet ikkonċernati.

31      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li l-moviment liberu tal-merkanzija huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat li jsib l-espressjoni tiegħu fil-projbizzjoni mniżżla fl-Artikolu 28 KE ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll il-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti (sentenza ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, De Groot en Slot Allium u Bejo Zaden, C 147/04, Ġabra p. I 245, punt 70).

32      Il-projbizzjoni fuq miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi mniżżla fl-Artikolu 28 KE tkopri l-leġiżlazzjoni kollha ta’ l-Istati membri li tista’ tostakola, b’mod dirett jew indirett, realment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5 ; tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C 192/01, Ġabra p. I-9693, punt 39; tat-2 Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda , C 41/02, Ġabra p. I-11375, punt 39, u De Groot en Slot Allium u Bejo Zaden, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 71).

33      Fil-każ preżenti, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet stess ta’ l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 5 tal-liġi dwar l-alkoħol, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jagħtu lis-Systembolaget il-fakultà li topponi t-talba ta’ konsumatur, intiża sabiex jiġi pprovdut, u għaldaqstant jekk ikun il-każ, li jiġu importati, xarbiet li ma jidhrux fl-għażla proposta mill-monopolju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-projbizzjoni għall-individwi milli jimportaw direttament, mingħajr ma jassiguraw personalment it-trasport, ta’ tali xarbiet fl-Iżvezja, mhijiex ikkumpensata bl-obbligu għall-monopolju li f’kull każ jimporta dawk li għalihom l-interessati jagħmlu talba, hija restrizzjoni kwantitattiva għall-importazzjonijiet.

34      Fil-fatt, u indipendentement mill-fakultà mfakkra fil-punt preċedenti, mhuwiex ikkontestat li, meta l-konsumaturi jfittxu s-servizzi tas-Systembolaget sabiex jakkwistaw xarbiet alkoħoliċi għall-importazzjoni, l-interessati jsibu ruħhom quddiem diversi inkonvenjenti, li ma kinux jiltaqgħu magħhom kieku jkunu wettqu huma stess din l-importazzjoni.

35      B’mod partikolari jidher, fid-dawl ta’ l-informazzjoni pprovduta matul il-proċedura bil-miktub u s-seduta, li l-konsumaturi interessati għandhom jimlew formola ta’ ordni f’ħanut tal-monopolju, jiġu lura sabiex jiffirmaw din l-ordni fejn l-offerta tal-fornitur tkun ġiet aċċettata, u wara jiġbru l-prodotti wara l-importazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, tali ordni tiġi aċċettata biss fejn ikollha kwantità minima ta’ fliexken għall-importazzjoni. Il-konsumatur ma jiddisponix mill-konoxxenza tal-kundizzjonijiet ta’ trasport u tal-kundizzjonijiet ta’ ppakkjar u lanqas jista’ jagħżel it-tip ta’ fliexken li jixtieq jordna. Jidher ukoll li għal kull importazzjoni l-prezz ikkwotat lil min jakkwista jinkludi, barra l-ispejjeż tax-xarbiet mitluba mill-fornitur, ir-rimbors ta’ l-ispejjeż amministrattivi u ta’ trasport imħallsa mis-Systembolaget kif ukoll marġni ta’ 17 % li min qiegħed jakkwista ma kienx ikollu jħallas bħala prinċipju kieku jimporta huwa stess dawn il-prodotti.

36      Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li miżura li tipprojbixxi lill-individwi milli jimportaw xarbiet alkoħoliċi, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 4 tal- liġi dwar l-alkoħol, hija restrizzjoni kwantitattiva għall-importazzjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE, anki jekk l-imsemmija liġi tobbliga lill-proprjetarju tal-monopolju tal-bejgħ bl-imnut li jipprovdi, u għaldaqstant jekk ikun il-każ, li jimporta, fuq talba, ix-xarbiet ikkonċernati.

 Fuq ir-raba’ domanda

37      Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk miżura li tipprojbixxi lill-individwi milli jimportaw ix-xarbiet alkoħoliċi, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 4 tal-liġi dwar l-alkoħol, tistax titqies li hija ġġustifikata, skond l-artikolu 30 KE, minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-persuni.

38      Huwa minnu li l-miżuri li jikkonsistu f’restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE jistgħu jiġu ġġustifikati, b’mod partikolari, kif jipprovdi l-Artikolu 30 KE, b’raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ saħħa u ta’ ħajja tal-persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franzén, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 75).

39      Skond ġurisprudenza kostanti, is-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ogħla post fost il-beni u l-interessi protetti mill-Artikolu 30 KE, u huwa obbligu ta’ l-Istati membri, fil-limiti imposti mit-Trattat, li jiddeċiedu f’liema livell għandhom l-intenzjoni jassiguraw il-protezzjoni tiegħu (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C-322/01, Ġabra p. I 14887, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li leġiżlazzjoni li għandha bħala għan li tikkontrolla l-konsum ta’ l-alkoħol b’mod li tevita l-effetti dannużi kkawżati lis-saħħa tal-persuni u lis-soċjetà mis-sustanzi alkoħoliċi, u b’hekk tfittex li tiġġieled l-abbuż ta’ l-alkoħol, tirrispondi għall-preokkupazzjonijiet ta’ saħħa pubblika u ta’ ordni pubbliku rrikonoxxuti mill-Artikolu 30 KE (ara s-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Ahokainen u Leppik, C-434/04, Ġabra, I-9197, punt 28).

41      Madankollu, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat, kif jeżiġi l-Artikolu 30 KE, li l-miżura in kwistjoni ma tikkostitwixxix la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarju, u lanqas restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati membri.

42      Għandhu jiġi rrilevat, fuq dan il-punt, li l-ebda element għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li wieħed jaħseb li l-motivi ta’ saħħa pubblika invokati mill-awtoritajiet Żvediżi taħt il-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-punti 44 u 48 tal-kawża preżenti ġew imdawra mill-għan tagħhom u użati b’mod li joħolqu diskriminazzjoni fir-rigward ta’ merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra jew li jipproteġu indirettament ċerti prodotti nazzjonali (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Gourmet International Products, C 405/98, Ġabra p. I 1795, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Barra minn hekk, leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li hija ta’ natura li jkollha effett restrittiv jew tali effett fuq l-importazzjonijiet mhijiex kompatibbli mat-Trattat ħlief safejn huwa neċessarju sabiex jiġu protetti b’effikaċja s-saħħa u l-ħajja tal-persuni. Leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali ma tibbenifikax mid-deroga prevista fl-Artikolu 30 KE fejn is-saħħa u l-ħajja tal-persuni jistgħu jiġu mħarsa bl-istess effettività permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għall-kummerċ Komunitarju (ara f’dan is-sens, is-sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 104).

44      F’dan ir-rigward, il-Gvern Żvediż għandu qabel kollox l-intenzjoni jiġġustifika l-miżura ta’ projbizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali permezz tan-neċessità li jiġi limitat b’mod ġenerali l-konsum ta’ l-alkoħol.

45      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, jekk il-projbizzjoni għall-individwi kollha milli jimportaw direttament ix-xarbiet alkoħoliċi tnaqqas is-sorsi ta’ offerta għall-konsumatur u tista’ tikkontribwixxi, sa ċertu punt, għall-prevenzjoni ta’ l-effetti dannużi ta’ l-imsemmija xarbiet, minħabba d-diffikultà ta’ provvista, jibqa’ madankollu l-fatt li skond l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 5 tal-liġi dwar l-alkoħol, il-konsumatur jista’ dejjem jitlob lis-Systembolaget tipprovdilu dawn il-prodotti.

46      Huwa minnu li, kif ukoll jirriżulta mill-punt 33 tal-kawża preżenti, skond l-Artikolu 5 tal-Kapitolu 5 tal-liġi dwar l-alkoħol, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ provvista fuq talba tax-xarbiet alkoħoliċi hija marbuta mal-fakultà, tas-Systembolaget, li topponi tali ordni. Madankollu, l-imsemmi Artikolu ma jippreċiżax fuq liema motivi tista’ tibbaża ruħha tali oppożizzjoni. F’kull każ, ma jirriżultax mill-elementi ta’ informazzjoni li tiddisponi minnhom il-Qorti tal-Ġustizzja li s-Systembolaget kienet, fil-prattika, irrifjutat tali provvista fir-rigward ta’ ċertu limitu kwantittativ ta’ alkoħol ordnat jew mill-inqas ta’ tali livell għax-xarbiet iktar alkoħoliċi.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-projbizzjoni għall-individwi milli jimportaw direttament ix-xarbiet alkoħoliċi tidher li hija mezz favur in-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti, billi tindirizza lejn is-Systembolaget it-talba għax-xarbiet għall-importazzjoni. Mn-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ l-għan allegat, jiġifieri l-limitazzjoni b’mod ġenerali tal-konsum ta’ alkoħol bil-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-persuni, l-imsemmija projbizzjoni, minħabba n-natura kemmxejn marġinali ta’ l-effetti tagħha, għandha titqies li hija inadatta sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan.

48      Il-Gvern Żvediż isostni li l-miżura ta’ projbizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tindirizza t-talba lejn is-Systembolaget, tissodisfa l-għan ta’ protezzjoni taż-żgħażagħ kontra l-effetti ħżiena tal-konsum ta’ l-alkoħol, peress li s-Systembolaget, li għandha bħala obbligu li tivverifika l-età ta’ min jagħmel it-talba, tista’ biss tipprovdi x-xarbiet alkoħoliċi lil persuni li għandhom għoxrin sena jew iktar. It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 4 tal-liġi dwar l-alkoħol jipprojbixxi barra minn hekk li tali persuni, b’differenza minn dawk ta’ età ikbar, jimportaw l-alkoħoliċi fl-Iżveżja bħala passiġġieri.

49      Mhuwiex ikkonstestat li, jekk il-projbizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija wkoll mezz sabiex iż-żgħażagħ ma jakkwistawx xarbiet alkoħoliċi, u għaldaqstant jitnaqqas ir-riskju li dawn isiru konsumaturi, għandha tkun iġġustifikata fid-dawl ta’ l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika previst fl-Artikolu 30 KE.

50      Madankollu, meta t-tali projbizzjoni, bħal dik li tirriżulta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkonsisti f’deroga mill-prinċipju tal-moviment ħieles tal-merkanzija, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom juru li l-leġiżlazzjoni tagħhom tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan invokat, u li dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet li għandhom portata inqas wiesgħa jew li għandhom inqas effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Van der Veldt, C-17/93, Ġabra p. I-3537, punt 15; is-sentenza Franzén, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 75 u 76, kif ukoll Ahokainen u Leppik, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 31).

51      Issa, il-projbizzjoni ta’ importazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija applikabbli għal kulħadd, tkun xi tkun l-età. Għaldaqstant, din tmur manifestament lill hinn minn dak li huwa neċessarju fir-rigward ta’ l-għan imfittex intiż għall-protezzjoni taż-żgħażagħ kontra l-effetti ħżiena tal-konsum ta’ l-alkoħol.

52      Fir-rigward tal-ħtieġa tal-kontroll ta’ l-età, għandu jiġi rrilevat li, billi rriżervat, bħala konsegwenza tal-projbizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-bejgħ tax-xarbiet alkoħoliċi importati lill-ħwienet tas-Systembolaget, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija intiża li tissuġġetta d-distribuzzjoni tagħhom għal mekkaniżmu ċentralizzat u koerenti li għandu jippermetti lill-aġenti ta’ monopolju, skond l-għan segwit, li jassiguraw konsegwentement li l-prodotti ma jispiċċawx fl-idejn ta’ persuni li għandhom inqas minn għoxrin sena.

53      B’hekk, jirriżulta mill-informazzjoni li tiddisponi minnha l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk is-Systembolaget tirrikorri bħala prinċipju għal tali modalitijiet ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti u ta’ kontroll ta’ l-età ta’ min jakkwista, jeżistu dispożizzjonijiet oħra dwar id-distribizzjoni tax-xarbiet alkoħoliċi, li jagħtu lil partijiet terzi r-responsabbiltà ta’ l-imsemmi kontroll. B’mod partikolari, mhuwiex ikkontestat li s-Systembolaget taċċetta li l-verifika ta’ l-età tista’ ssir fil-mument tal-kunsinna tax-xarbiet alkoħoliċi minn diversi aġenti, barra mill-istabbilimenti tal-monopolju, per eżempju fil-ħwienet ta’ l-ikel jew f’xi stazzjonijiet tal-petrol. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali kontroll mhuwiex stabbilit jew verifikabbli b’mod ċar fil-każ fejn issir il-kunsinna tax-xarbiet minn Systembolaget b’mod partikolari, kif indikat mill-Gvern Żvediż, “permezz tal-posta, jew b’kull mezz ta’ komunikazzjoni adegwat għall-istazzjoni jew waqfa ta’ karrozzi l-iktar viċina”.

54      F’dan il-kuntest, effettività li ma tistax tiġi kkritikata, f’kull ċirkustanza, tal-kontroll ta’ l-età tal-persuni li lilhom għandhom jintbagħtu l-imsemmija xarbiet ma tidhirx kompletament assigurata u l-għan imfittex mis-sistema għaldaqstant jintlaħaq biss b’mod imperfett.

55      Tibqa’ li tingħata risposta għall-kwistjoni li jsir magħruf jekk, sabiex l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa taż-żgħażagħ jintlaħaq bl-effettività ta’ livell għall-inqas ekwivalenti, jistgħux jiġu previsti dispożizzjonijiet inqas restrittivi mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija u li jistgħu jissostitwixxu dawk ikkontestati.

56      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni, mingħajr ma ġiet ikontestata fuq dan il-punt, li l-verifika ta’ l-età tista’ ssir permezz ta’ dikjarazzjoni li biha d-destinatarju tax-xarbiet importati jiċċertifika, fuq formola li tkun mal-merkanzija fil-mument ta’ l-importazzjoni tagħha, li għandu iktar minn għoxrin sena. L-informazzjoni li tiddisponi minnha l-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li tali mekkaniżmu, flimkien ma’ sanzjonijiet penali adegwati fil-każ ta’ nuqqas ta’ rispett tiegħu, ikun inqas effikaċji minn dak implementat mis-Systembolaget.

57      Għaldaqstant, ma ġiex stabbilit li l-projbizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija proporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan intiż għall-protezzjoni taż-żgħażagħ kontra l-ħsara tal-konsum ta’ l-alkoħol.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għar-raba’ domanda hija li miżura li tipprojbixxi lill-individwi milli jimportaw xarbiet alkoħoliċi, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 4 tal-liġi dwar l-alkoħol,

–        peress li mhijiex adatta sabiex tilħaq l-għan intiż li tillimita b’mod ġenerali l-konsum ta’ alkoħol, u

–        peress li mhijiex proporzjonata sabiex tilħaq l-għan intiż li jipproteġi ż-żgħażagħ kontra l-ħsara tal-konsum imsemmi,

ma tistax titqies li hija ġġustifikata, skond l-Artikolu 30 KE, minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-individwi milli jimportaw xarbiet alkoħoliċi, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 4 tal-liġi dwar ix-xarbiet Alkoħoliċi (Alkohollagen), tas-16 ta’ Diċembru 1994, għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-Artikolu 28 KE u mhux ta’ l-Artikolu 31 KE.

2)      Miżura li tipprojbixxi lill-individwi milli jimportaw xarbiet alkoħoliċi, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 4 tal-liġi dwar ix-xarbiet Alkoħoliċi, hija restrizzjoni kwantitattiva għall-importazzjonijiet, fis-sens ta’ l-Artikolu 28 KE, anki jekk l-imsemmija liġi tobbliga lill-proprjetarju tal-monopolju tal-bejgħ bl-imnut li jipprovdi, u għaldaqstant jekk ikun il-każ, li jimporta, fuq talba, ix-xarbiet ikkonċernati.

3)      Miżura li tipprojbixxi lill-individwi milli jimportaw xarbiet alkoħoliċi, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 4 tal-liġi dwar ix-xarbiet Alkoħoliċi,

–        peress li mhijiex adatta sabiex tilħaq l-għan intiż li jillimita b’mod ġenerali l-konsum ta’ alkoħol, u

–        peress li mhijiex proporzjonata sabiex tilħaq l-għan intiż li tipproteġi liż-żgħażagħ kontra l-ħsara tal-konsum imsemmi,

ma tistax titqies li hija ġġustifikata, skond l-Artikolu 30 KE, minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.