Language of document : ECLI:EU:C:2014:1936

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentata fl-14 ta’ Mejju 2014 1(1)

Kawża C‑146/14 PPU

Direktor na Direktsia «Migratsia» pri Ministerstvo na vatreshnite raboti

vs

Bashir Mohamed Ali Mahdi

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva dwar ir-ritorn — Tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Detenzjoni amministrattiva — Estensjoni ta’ tali detenzjoni — Ammissibbiltà possibbli ta’ qbiż tat-tul massimu ta’ detenzjoni, ibbażat fuq l-assenza ta’ dokumenti ta’ identità — Ostakoli għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija — Perspettiva raġonevoli ta’ tneħħija — Rifjut tal-ambaxxata tal-pajjiż tal-oriġini tal-persuna kkonċernata li toħroġ id-dokument meħtieġ għall-vjaġġ tar-ritorn — Obbligu possibbli tal-Istat Membru kkonċernat li joħroġ dokument temporanju dwar l-istatus tal-persuna”





 Introduzzjoni

1.      Il-Qorti tal-Ġustizzja hija, għar-raba’ darba (2), mitluba titratta proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98), normalment magħrufa bl-isem “Direttiva dwar ir-ritorn”.

2.      F’din l-opinjoni, ser nagħmel diversi drabi riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”). Din l-għażla hija dovuta għall-fatt li d-Direttiva 2008/115 ġustament hija intiża li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fil-qasam tad-detenzjoni (3). Din il-ġurisprudenza taqa’ taħt l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li jikkorrispondi għall-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). L-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tistipula li, sa fejn din tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittjiet iggarantiti mill-KEDB, is-sens tagħhom u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk mogħtija mill-KEDB. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 8(1) tal-KEDB, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li “[g]ħandu għaldaqstant jingħata lill-Artikolu 7 tal-Karta l-istess sens u l-istess portata bħal dawk mogħtija lill-Artikolu 8(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem” (4).

3.      Fl-opinjoni tiegħi, l-istess jgħodd għall-Artikolu 6 tal-Karta u l-Artikolu 5 tal-KEDB (5).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

4.      Skont l-Artikolu 6 tal-Karta, “[k]ull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”.

5.      L-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jipprevedi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.”

 Id-Direttiva 2008/115

6.      Il-premessi 6, 12 u 16 tad-Direttiva 2008/15 jipprovdu:

“(6)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-UE, deċiżjonijiet meħuda skond din id-Direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-konsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali. Meta jużaw forom standard għal deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, jiġifieri deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet li jipprojbixxu d-dħul u deċiżjonijiet dwar it-tneħħija, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw dak il-prinċipju u jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha ta’ din id-Direttiva.

[…]

(12)      Għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija. Il-kondizzjonijiet bażiċi tagħhom ta’ sussistenza għandhom jiġu definiti skond il-leġislazzjoni nazzjonali. Sabiex ikunu jistgħu jippruvaw is-sitwazzjoni speċifika tagħhom f’każ ta’ kontrolli jew verifiki amministrattivi, dawn il-persuni għandhom jiġu pprovduti b’konferma bil-miktub dwar is-sitwazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom igawdu diskrezzjoni wiesgħa dwar il-forma u l-format tal-konferma bil-miktub u għandhom ukoll ikunu jistgħu jinkluduha f’deċiżjonijiet relatati mar-ritorn adottati taħt din id-Direttiva.

[…]

(16)      L-użu tad-detenzjoni għall-fini ta’ tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.”

7.      L-għan tad-Direttiva 2008/115 huwa ddefinit fl-Artikolu 1 tagħha kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

8.      L-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2008/115 jiddefinixxi “riskju ta’ ħarba” bħala “l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali li huma bbażati fuq kriterji oġġettivi definiti bil-liġi nazzjonali biex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz li hu soġġett għal proċeduri ta’ ritorn jista’ jaħrab”.

9.      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Detenzjoni”, jistabbilixxi:

“1.      Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

2.      Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.

Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

a)      jew jipprovdu reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun mill-bidu tad-detenzjoni,

b)      jew jagħtu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.

Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

3.      F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

4.      Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.      Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.      L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)      nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

b)      dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

 Il-KEDB

10.    L-Artikolu 5 tal-KEDB, sa fejn rilevanti għall-finijiet tal-kawża preżenti, jipprovdi:

“1.      Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi:

[…]

f)      l-arrest jew id-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew ta’ persuna li kontra tagħha tkun qed tittieħed azzjoni għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni.

[…]

4.      Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b’arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skont il-liġi.

[…]”

 Id-dritt Bulgaru

 Il-liġi dwar il-barranin

11.    L-Artikolu 41(1) tal-Liġi dwar il-Barranin fir-Repubblika tal-Bulgarija (Zakon za chuzhdentsite v Republika Bălgaria, DV Nru 153, tat-23 ta’ Diċembru 2013), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża (DV Nru 108 tas-17 ta’ Diċembru 2013, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”) jipprevedi li miżura amministrattiva koersiva ta’ “deportazzjoni fil-fruntiera” tista’ tiġi imposta meta “ma jkunx possibbli għall-barrani li jagħti prova li d-dħul tiegħu fit-territorju kien legali”.

12.    L-Artikolu 42h(1), (3) u (4) tal-Liġi dwar il-Barranin, fil-formulazzjoni tiegħu applikabbli għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, moqri flimkien mal-punt 22 tal-Artikolu 10(1) ta’ din il-Liġi, jipprevedi li miżura amministrattiva koersiva ta’ “projbizzjoni ta’ dħul” tista’ tiġi imposta meta jkun jidher li d-dħul tal-barrani fit-territorju huwa intiż għall-użu tal-pajjiż bħala punt ta’ passaġġ bl-għan li jemigra lejn pajjiżi terzi oħra.

13.    Skont l-Artikolu 44(5) tal-Liġi dwar il-Barranin, “[m]eta jkunu jeżistu ostakoli li jxekklu lill-barrani milli jitlaq immedjatament mit-territorju jew li jidħol f’pajjiż ieħor, l-imsemmi barrani huwa obbligat, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità li tkun ħadet il-miżura amministrattiva koersiva, li jippreżenta ruħu, kull ġimgħa, quddiem it-taqsima lokali tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni, skont il-modalitajiet previsti permezz tad-digriet ta’ implementazzjoni tal-preżenti liġi, sakemm l-ostakoli għall-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ deportazzjoni fil-fruntiera jew ta’ tkeċċija ma jkunux tneħħew, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri intiżi għat-tneħħija imminenti tiegħu”.

14.    Skont l-Artikolu 44(6) ta’ dik il-liġi:

“Meta miżura amministrattiva koersiva tittieħed skont il-punti (2) u (3) tal-Artikolu 39a(1), kontra barrani li l-identità tiegħu ma setgħetx tiġi stabbilita, meta dan tal-aħħar ixekkel l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-imsemmija miżura, jew meta hemm riskju ta’ ħarba, l-awtorità li ħadet id-deċiżjoni tista’ wkoll tagħti deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni kontra l-barrani, fil-bini ta’ ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva ta’ barranin, bl-għan li jipprepara ruħu għad-deportazzjoni tiegħu fil-fruntiera tar-Repubblika tal-Bulgarija jew it-tkeċċija tiegħu.”

15.    Skont l-Artikolu 44(8) ta’ din l-istess liġi:

“Id-detenzjoni amministrattiva sseħħ meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 6 jiġu ssodisfatti, u din ma għandhiex taqbeż is-sitt xhur. L-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu (1) jivverifikaw ex officio darba kull xahar, flimkien mad-Direttur tad-Direttorat “Migratsia”, li l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tqegħid taħt detenzjoni huma ssodisfatti. B’mod eċċezzjonali, meta l-persuna tirrifjuta li tikkoopera mal-awtoritajiet kopetenti, u meta jkun hemm dewmien fil-ksib tad-dokumenti meħtieġa għad-deportazzjoni fil-fruntiera jew għat-tkeċċija, it-tul tad-detenzjoni jista’ jiġi estiż għal 12-il xahar. Meta, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, jiġi kkonstatat li ma għadhomx jeżistu perspettivi raġonevoli ta’ tneħħija tal-barrani minħabba raġunijiet ġuridiċi jew tekniċi, il-persuna kkonċernata tiġi rilaxxata immedjatament.”

16.    Skont l-Artikolu 46a(1) tal-Liġi dwar il-Barranin, “[i]d-deċiżjoni ta’ tqegħid f’ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva tista’ tiġi kkontestata, skont il-modalitajiet previsti mill-Kodiċi ta’ Proċedura Aministrattiva [Administrativnoprotsesualen kodeks, iktar ’il quddiem l-“APK”], fi żmien 14-il jum mit-tqegħid effettiv”.

17.    L-Artikolu 46a(2) ta’ dik il-liġi jipprovdi li l-qorti adita għandha tiddeċiedi dwar dan l-appell f’seduta pubblika, mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun obbligata tidher, u li d-deċiżjoni ġudizzjarja tista’ hija stess tkun suġġetta għal appell.

18.    Skont l-Artikolu 46a(3) tal-istess liġi, “[k]ull sitt xhur, id-Direttur taċ-ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva ta’ ċittadini barranin għandu jippreżenta lista tal-barranin li ssoġġornaw hemmhekk għal iktar minn sitt xhur minħabba ostakoli għat-tneħħija tagħhom mit-territorju. L-imsemmija lista tiġi kkomunikata lill-qorti amministrattiva li taħtha jaqa’ ċ-ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva”.

19.    L-Artikolu 46a(4) tal-Liġi dwar il-Barranin jipprovdi:

“Fi tmiem kull perijodu ta’ sitt xhur ta’ tqegħid f’ċentru ta’ detenzjoni t-tribunal jordna ex officio, jew saħansitra fuq it-talba tal-barrani kkonċernat, in camera, l-estensjoni tad-detenzjoni, miżuri li jissostitwixxuha jew saħansitra r-rilaxx. Id-digriet tal-qorti jista’ jkun appellat skont il-modalitajiet previsti [mill-APK].”

20.    Skont il-punt 4c tal-paragrafu (1) tad-dispożizzjonijiet addizzjonali tal-Liġi dwar il-Barranin, l-eżistenza ta’ “riskju ta’ ħarba ta’ barrani li huwa suġġett għal miżura amministrattiva koersiva” tiġi stabbilita meta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi fattwali, tkun teżisti raġuni plawżibbli li wieħed jissuspetta li din il-persuna tista’ tevadi mill-eżekuzzjoni tal-miżura ordnata. Jistgħu jikkostitwixxu elementi f’dan is-sens il-fatt li l-persuna ma tkunx tista’ tinsab fid-domiċilju ddikjarat, l-eżistenza ta’ ksur preċedenti tal-ordni pubbliku, l-eżistenza ta’ kundanni preċedenti tal-persuna, minkejja r-riabilitazzjoni tagħha, il-fatt li hija ma telqitx mill-pajjiż fi żmien li ngħatalha sabiex tkun tista’ titlaq b’mod volontarju, li hija wriet b’mod ċar biżżejjed li hija ma kinitx ser tikkonforma mal-miżura imposta fuqha, li hija għandha fil-pussess tagħha dokumenti foloz, jew saħansitra ma għandha ebda dokument, li hija pproduċiet informazzjoni żbaljata, li fil-passat hija diġà ħarbet u li hija ma kkonformatx ma projbizzjoni ta’ dħul.

 L-APK

21.    L-Artikolu 128(1) tal-APK, intitolat “Ġurisdizzjoni ratione materiae” jipprevedi:

“Jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tat-tribunal amministrattivi l-kawżi kollha li jikkonċernaw talbiet intiżi:

1.      għall-adozzjoni, l-emenda, l-annullament jew id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ att amministrattiv;

[…]

3.      Il-protezzjoni ġudizzjarja kontra l-atti u ommissjonijiet tal-amministrazzjoni li huma nieqsa minn bażi legali.”

22.    Skont l-Artikolu 168(1) tal-APK, intitolat “Suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju”:

“Il-qorti ma għandhiex tillimita ruħha li teżamina biss il-motivi invokati mir-rikorrent, iżda hija obbligata, abbażi tal-provi prodotti mill-partijiet, li tistħarreġ il-legalità tal-att amministrattiv ikkontestat fir-rigward ta’ kull waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 146.”

23.    Skont l-Artikolu 170(1) tal-APK, intitolat “Oneru tal-prova”, “l-awtorità amministrattiva u l-persuni li għalihom huwa favorevoli l-att amministrattiv ikkontestat għandhom jagħtu prova tal-eżistenza tar-raġunijiet ta’ fatt indikati fl-att u l-eżekuzzjoni tar-rekwiżiti legali għall-adozzjoni tiegħu.”

24.    L-Artikolu 173(1) tal-APK, intitolat “Setgħa tal-qorti mal-għoti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità jew tal-annullament tal-att amministrattiv”, jipprovdi:

“Meta l-kwistjoni ma tkunx suġġetta għall-evalwazzjoni tal-awtorità amministrattiva, il-qorti adita għandha tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża wara li tkun jew iddikjarat l-invalidità jew inkella tkun annullat l-att amministrattiv.”

 Il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25.    Fid-9 ta’ Awwissu 2013, Bashir Mohamed Ali Mahdi twaqqaf mal-fruntiera ta’ Bregovo (il-Bulgarija) filwaqt li kien qiegħed jipprova jaħrab mill-Bulgarija sabiex imur is-Serbja. Huwa kellu fuqu dokumenti ta’ identità u ppreżenta ruħu bl-isem ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi, imwieled fil-5 ta’ Novembru 1974 fis-Sudan u ċittadin ta’ dak l-Istat.

26.    Fl-istess jum, ittieħdu tliet miżuri amministrattivi kontra Bashir Mohamed Ali Mahdi mid-Direttur tal-punt ta’ kontroll tal-punt ta’ kontroll tal-fruntiera Bulgara, jiġifieri miżura ta’ “deportazzjoni ta’ barrani fil-fruntiera”, miżura ta’ “projbizzjoni ta’ dħul ta’ barrani fil-Bulgarija” u deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni amministrattiva, b’eżekuzzjoni tal-ewwel żewġ miżuri.

27.    Fl-10 ta’ Awwissu 2013, Bashir Mohamed Ali Mahdi tqiegħed fiċ-ċentru speċjali ta’ tqegħid temporanju tal-barranin tad-Direktsia «Migratsia» pri Ministerstvo na vătreshnite raboti (Direttorat tal-migrazzjoni fi ħdan il-Ministeru tal-Intern), stabbilit f’Busmantsi (il-Bulgarija), li jinsab fid-distrett ta’ Sofia (il-Bulgarija), skont id-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni amministrattiva.

28.    Fit-12 ta’ Awwissu 2013, Bashir Mohamed Ali Mahdi ffirma, quddiem l-awtoritajiet amministrattivi Bulgari, dikjarazzjoni tal-kunsens tiegħu għar-ritorn volontarju tiegħu lejn is-Sudan.

29.    Fit-13 ta’ Awwissu 2013, id-Direktor na Direktsia «Migratsia» pri Ministerstvo na vatreshnite raboti (Direttur tal-Migrazzjoni fi ħdan il-Minsiteru tal-Intern, iktar ’il quddiem id-“Direktor”) bagħat ittra lill-ambaxxata tar-Repubblika tas-Sudan, fejn informaha bil-miżuri meħuda kontra Bashir Mohamed Ali Mahdi u t-tqegħid taħt detenzjoni tiegħu. Huwa indika wkoll li kien neċessarju li d-dipartiment konsulari fi ħdan din l-istess ambaxxata jikkonferma l-identità ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi u joħroġlu tip ta’ konferma minflok passaport sabiex dan ikun jista’ jitlaq mill-Bulgarija u jirritorna lejn is-Sudan.

30.    F’data mhux speċifikata mill-qorti tar-rinviju bejn it-13 u s-16 ta’ Awwissu 2013, Bashir Mohamed Ali Mahdi ddikjara b’mod orali quddiem l-awtoritajiet amministrattivi Bulgari li huwa ma xtaqx jirritorna lejn is-Sudan b’mod volontarju. Mill-proċess jirriżulta li din id-dikjarazzjoni kienet saret wara laqgħa ma’ rappreżentant tal-ambaxxata tar-Repubblika tas-Sudan, li kkonferma l-identità ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi filwaqt li rrifjuta li joħroġlu dokument ta’ identità li jippermettilu jivvjaġġa barra mill-pajjiż. Dan ir-rifjut kien apparentement ibbażat fuq il-fatt li Bashir Mohamed Ali Mahdi ma xtaqx jirritorna lejn is-Sudan. Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika tal-Bulgarija kkonfermat li ma ħadet ebda azzjoni wara dan ir-rifjut.

31.    Fis-16 ta’ Awwissu 2013, is-Sinjura Ruseva, ċittadina Bulgara li r-rabtiet tagħha ma’ Bashir Mohamed Ali Mahdi ma humiex ippreċiżati b’mod ieħor, talbet lid-Direktor sabiex Bashir Mohamed Ali Mahdi jingħata ħelsien mill-arrest taħt garanzija u annettiet dikjarazzjoni notarili li tiżgura l-akkomodazzjoni u l-manteniment ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi. Hija indikat ukoll indirizz.

32.    Wara din it-talba, fis-26 ta’ Awwissu 2013, l-awtoritajiet Bulgari wettqu verifika fid-domiċilju ta’ Ruseva. Huma kkonstataw li dan kien post ta’ erba’ kmamar, fejn Bashir Mohamed Ali Mahdi kellu kamra tas-sodda minnhom.

33.    Fis-27 ta’ Awwissu 2013, id-Direktor ippropona lill-kap tiegħu, billi bbaża ruħu fuq id-dikjarazzjoni ta’ Ruseva u fuq il-verifikazzjoni mwettqa, it-tħassir tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni amministrattiva. Id-Direktor ippropona wkoll l-adozzjoni ta’ miżura inqas koersiva kontra Bashir Mohamed Ali Mahdi, jiġifieri deċiżjoni ta’ “preżentazzjoni mensili quddiem it-taqsima lokali tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni tal-post ta’ residenza”, sa ma jintemmu l-ostakoli għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fir-rigward tiegħu.

34.    Fid-9 ta’ Settembru 2013, id-Direktor tal-punt ta’ kontroll tal-fruntiera, permezz ta’ ittra indirizzata lill-istess kap, indika li d-deċiżjoni ma kellhiex titħassar għar-raġunijiet li ġejjin, jiġifieri li Bashir Mohamed Ali Mahdi ma daħalx fil-Bulgarija b’mod legali, huwa ma għandux titolu ta’ soġġorn sabiex jgħix fil-Bulgarija, fir-rigward tiegħu ġie rrifjutat l-istatus ta’ refuġjat mill-Aġenzija Nazzjonali tar-Refuġjati fid-29 ta’ Diċembru 2012 u huwa wettaq reat kriminali meta qasam il-fruntiera nazzjonali bejn il-Bulgarija u s-Serbja minn postijiet li ma humiex previsti għal dan l-għan.

35.    Skont il-qorti tar-rinviju, la d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt detenzjoni amministrattiva, la r-rifjut li dan it-tqegħid jitħassar u li jiġi ssostitwit b’miżura inqas koersiva, u lanqas id-deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti ta’ status ta’ refuġjat ma ġew ikkontestati.

36.    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali ġiet ippreżentata quddiem il-qorti tar-rinviju permezz tal-preżentata ta’ ittra tad-Direktor. Dan talab lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi ex officio, abbażi tal-Artikolu 46a(3) u (4) tal-Liġi dwar il-Barranin, dwar iż-żamma tad-detenzjoni ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi.

37.    Huwa f’dan il-kuntest li l-Administrativen sad Sofia-grad (il-qorti amministrattiva ta’ Sofia, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-erba’ domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 15(3) u (6) tad-[Direttiva 2008/115], moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-[Karta], dwar id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)      jekk, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, awtorità amministrattiva tkun obbligata tirrevedi kull xahar iż-żamma f’detenzjoni amministrattiva, mingħajr ma tkun espliċitament obbligata tadotta att amministrattiv, u jekk din l-awtorità nazzjonali tkun obbligata tipproduċi ex officio quddiem il-qorti l-lista taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li nżammu f’detenzjoni għal żmien itwal mit-tul legali tad-detenzjoni inizjali, minħabba li jkun hemm ostakoli għat-tneħħija tagħhom, l-imsemmija awtorità amministrattiva tkun obbligata tadotta, fid-data meta tintemm id-detenzjoni prevista mid-deċiżjoni individwali ta’ detenzjoni inizjali, att espliċitu sabiex tiġi rriveduta d-detenzjoni fid-dawl tar-raġunijiet għall-estensjoni tat-tul tad-detenzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni, jew tkun obbligata tordna li l-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni?

b)      jekk, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, il-qorti adita jkollha s-setgħa li tordna l-estensjoni tad-detenzjoni amministrattiva, li tissostitwixxiha b’miżura inqas oneruża għal-libertà jew li tordna li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinħeles mid-detenzjoni, fejn din is-setgħa tiġi eżerċitata wara li jintemm it-tul massimu tad-detenzjoni inizjali bil-għan tat-tneħħija skont l-imsemmi dritt nazzjonali, l-imsemmija qorti tkun obbligata teżerċita, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, stħarriġ tal-legalità ta’ att ta’ reviżjoni tad-detenzjoni li jindika raġunijiet ta’ dritt u ta’ fatt dwar il-ħtieġa li tiġi estiża d-detenzjoni u dwar it-tul tagħha, filwaqt li tiddeċiedi fil-mertu sabiex tordna l-estensjoni tad-detenzjoni, miżuri li jissostitwixxu d-detenzjoni jew li l-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni?

c)      jekk att ta’ reviżjoni tad-detenzjoni amministrattiva jindika biss ir-raġunijiet għaliex ma huwiex possibbli li tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-qorti adita li teżerċita stħarriġ tal-legalità ta’ dan l-att fid-dawl tar-raġunijiet għall-estensjoni tat-tul tad-detenzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni, u, filwaqt li tibbaża ruħha biss fuq fatti u provi prodotti mill-awtorità amministrattiva, kif ukoll fuq oġġezzjonijiet u fatti ppreżentati miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li tiddeċiedi fil-mertu billi tagħti deċiżjoni li tordna l-estensjoni tad-detenzjoni, miżuri li jissostitwixxu d-detenzjoni jew li l-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni?

2)      F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1) u (6) tad-[Direttiva 2008/115], għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni awtonoma għall-estensjoni tad-detenzjoni [, jiġifieri] li “il-persuna ma għandhiex dokumenti ta’ identità”, prevista mid-dritt nazzjonali inkwistjoni, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba li tkopri ż-żewġ każijiet imsemmija [fl-imsemmi Artikolu 15(6)], sa fejn, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, jista’ jiġi kkunsidrat li, f’tali sitwazzjoni, hemm raġuni plawżibbli sabiex wieħed jissuspetta li l-imsemmija persuna tista’ tevita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, raġuni li timplika riskju ta’ ħarba fis-sens tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni?

3)      F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1)(a) u (b) u (6) tad-[Direttiva 2008/115], moqri flimkien mal-premessi 2 u 13 tad-Direttiva, dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġi leġittimament konkluż li hemm riskju ta’ ħarba għar-raġuni li l-persuna inkwistjoni ma għandhiex dokumenti ta’ identità, qasmet il-fruntiera nazzjonali b’mod illegali u ddikjarat li ma tixtieqx tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minkejja li preċedentement imliet dikjarazzjoni ta’ ritorn volontarju lejn il-pajjiż tagħha u indikat l-identità tagħha b’mod eżatt, ċirkustanzi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “riskju ta’ ħarba” tad-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tad-[Direttiva 2008/115] li, fid-dritt nazzjonali, huwa ddefinit bħala raġuni plawżibbli li wieħed jissuspetta li l-imsemmija persuna tista’ tevita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fuq il-bażi ta’ punti ta’ fatt?

4)      F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1)(a) u (b), (4) u (6) tad-[Direttiva 2008/115], moqri flimkien mal-premessi 2 u 13 tad-Direttiva, dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jikkooperax għall-finijiet tal-preparazzjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu jekk jiddikjara oralment, quddiem uffiċjal tal-ambaxxata tal-Istat inkwistjoni, li ma jixtieqx jirritorna lejn il-[pajjiż] ta’ oriġini tiegħu, minkejja li preċedentement mela dikjarazzjoni ta’ ritorn volontarju u indika l-identità tiegħu b’mod eżatt, u fis-sens li jkun hemm dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiż terz u li jeżisti prospett raġonevoli ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, sa fejn, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ambaxxata tal-pajjiż inkwistjoni ma toħroġx id-dokument meħtieġ għall-vjaġġ ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata sal-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minkejja li tkun ikkonfermat l-identità tal-persuna?

b)      fil-każ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinħeles mid-detenzjoni minħabba l-assenza ta’ prospett raġonevoli ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija, peress li l-imsemmi ċittadin ma jkollux dokumenti ta’ identità, ikun qasam il-fruntiera nazzjonali b’mod illegali u ddikjara li ma jixtieqx jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, u meta, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ambaxxata tal-pajjiż inkwistjoni ma toħroġx id-dokument meħtieġ għall-vjaġġ ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata sal-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minkejja li tkun ikkonfermat l-identità tal-persuna, għandu jitqies li l-Istat Membru inkwistjoni huwa obbligat joħroġ dokument temporanju dwar l-istatus tal-persuna?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

38.    Permezz ta’ digriet separat tat-28 ta’ Marzu 2014, l-Administrativen sad Sofia-grad talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti jiġi sottomess għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39.    It-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit-8 ta’ April 2014, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza.

 Analiżi

 Osservazzjoni preliminari

40.    Fid-dawl tal-formulazzjoni u tan-natura tad-domandi magħmula, qabelxejn għandu jitfakkar li peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TUE, sabiex tapplika r-regoli tal-Unjoni f’każ partikolari u, għaldaqstant, sabiex tikklassifika dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali fir-rigward ta’ din ir-regola (6).

41.    Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-koperazzjoni ġudizzjarja stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, u abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lil qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (7). Huwa f’dan l-ispirtu li ser niddiskuti d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

42.    Fl-opinjoni tiegħi, id-domandi huma kollha ammissibbli, inkluża l-aħħar waħda li tirrigwarda l-possibbiltà li Bashir Mohamed Ali Mahdi jinħeles. Din id-domanda ma tikkostitwixxix domanda ipotetika fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (8). Għall-kuntrarju, hija taqa’ fil-loġika tad-domandi preċedenti u tikkostitwixxi konsegwenza tagħhom. Il-qorti tar-rinviju għandha tkun f’pożizzjoni li tiggwida lill-amministrazzjoni fl-ipoteżi fejn Bashir Mohamed Ali Mahdi jinħeles. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena ser neżamina d-domandi fl-ordni li fiha huma saru.

 Fuq il-mertu tad-domandi preliminari

43.    Il-qorti tar-rinviju tagħmel sensiela ta’ domandi proċedurali u sostantivi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.

 Is-sistema ta’ detenzjoni stabbilita bid-Direttiva 2008/115

44.    Sabiex tingħata risposta utli għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandha tiġi spjegata fil-qosor is-sistema ta’ tqegħid taħt detenzjoni, kif ukoll ir-reviżjoni u l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, stabbilita bl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.

45.    Fil-kliem tal-premessa (2) tagħha, id-Direttiva 2008/115 tfittex it-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn tal-persuni kkonċernati b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali tagħhom u tad-dinjità tagħhom. Din hija intiża li tiżgura l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-interessi tal-Istati Membri dwar il-kontroll tad-dħul, tas-soġġorn u tat-tneħħija tal-barranin (9) u d-drittijiet individwali tal-persuni kkonċernati. F’dak li jikkonċerna lil dawn tal-aħħar, id-Direttiva 2008/115 hija intiża li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fil-qasam tad-dritt għal-libertà (10). L-istess japplika għall-“Għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn furzat”, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fl-4 ta’ Mejju 2005 (11), li għalihom id-Direttiva 2008/115 tagħmel riferiment fil-premessa (3) tagħha. L-Artikolu 15 ta’ dik id-direttiva kien, fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv (12), wieħed mill-artikoli l-iktar diskussi bejn l-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni (13).

46.    Il-prinċipju sottostanti l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 huwa li huwa biss l-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ ritorn u ta’ tneħħija li jiġġustifika ċ-ċaħda ta’ libertà u li, jekk il-proċeduri ma jitwettqux bid-diliġenza meħtieġa, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni (14).

47.    Mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li detenzjoni għandha biss tintuża bħala l-aħħar rimedju, fin-nuqqas ta’ miżuri inqas koersivi, u li, fi kwalunkwe każ, detenzjoni tista’ tiġi deċiża biss jew jekk jeżisti riskju ta’ ħarba, jew jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija. Id-detenzjoni għal raġunijiet ta’ tkeċċija la għandha natura punittiva (15) u lanqas kriminali u ma tikkostitwixxix piena ta’ priġunerija (16). L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jeħtieġ interpretazzjoni stretta, fejn id-detenzjoni furzata tikkostitwixxi, bħala ċaħda ta’ libertà, eċċezzjoni għad-dritt fundamentali tal-libertà individwali (17).

48.    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li d-detenzjoni ta’ persuna li kontrieha inbdiet proċedura ta’ tkeċċija ma tiġix estiża għal perijodu mhux raġonevoli, jiġifieri ma taqbiżx iż-żmien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit (18). Dan il-prinċipju jinsab fl-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2008/115, li jipprevedi barra minn hekk li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur (19).

49.    Bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet inizjali ta’ detenzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 ikunu għadhom issodisfatti, Stat Membru jista’, b’mod eċċezzjonali, jestendi l-perijodu ta’ detenzjoni inizjali massimu jekk, minkejja l-isforzi raġonevoli tiegħu kollha, huwa probabbli li l-operazzjoni ta’ tneħħija ddum iktar u jekk waħda mill-kundizzjonijiet addizzjonali previsti fl-Artikolu 15(6) ta’ din id-Direttiva tkun issodisfatta, jiġifieri nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin tal-pajjiż terz jew dewmien sostnut għall-ksib tad-dokumenti neċessarji mingħand il-pajjiż terz. Dawn il-kundizzjonijiet addizzjonali huma eżawrjenti. L-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 għandu, bħall-Artikolu 15(1) ta’ dik id-Direttiva, jiġi interpretat b’mod strett.

50.    Fi kwalunkwe mument, jekk il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ma jibqgħux issodisfatti, skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115, il-persuna kkonċernata għandha immedjatament tiġi rilaxxata.

51.    Id-Direttiva 2008/115 tipprevedi, fl-Artikolu 15(2) tagħha, stħarriġ ġudizzjarju f’dak li jikkonċerna d-detenzjonijiet ordnati mill-awtoritajiet amministrattivi. B’hekk, l-Istati Membri huma obbligati jew li jipprevedu stħarriġ ġudizzjarju mħaffef tal-legalità tad-detenzjoni bl-iktar mod mgħaġġel possibbli mill-bidu tad-detenzjoni, jew jagħti liċ-ċittadin ikkonċernat tal-pajjiż terz id-dritt li jagħti bidu għal proċedura li permezz tagħha jsir stħarriġ ġudizzjarju mħaffef tal-legalità, liema stħarriġ għandu jseħħ l-iktar malajr possibbli sa mit-tnehdija tal-proċedura inkwistjoni. Permezz ta’ din il-ħtieġa, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni wkoll li jieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB dwar id-detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija (20) kif ukoll il-Linja Gwida Nru 9 dwar ir-ritorn furzat (21).

52.    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreċiżat li għażlet it-tieni possibbiltà prevista fl-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, permezz tal-Artikolu 46a(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Barranin.

53.    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115, f’kull każ, għandha ssir reviżjoni tad-detenzjoni “f’intervalli raġonevoli ta’ żmien” jew fuq talba tal-persuna kkonċernata, jew ex officio.

54.    Skont ir-Repubblika tal-Bulgarija, dawn ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/115 huma trasposti bl-Artikoli 44(8) u 46a(3) u (4) tal-Liġi dwar il-Barranin.

55.    Fl-aħħar nett, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ dik id-direttiva, “[f]il-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla”, ir-reviżjonijiet għandhom b’mod obbligatorju jkunu suġġetti għal stħarriġ minn awtorità ġudizzjarja.

56.    Mill-proċess jirriżulta li r-Repubblika tal-Bulgarija ttrasponiet dan l-obbligu permezz tal-Artikolu 46a(3) u (4) tal-Liġi dwar il-Barranin.

 Fuq il-punt (a) tal-ewwel domanda

57.    Permezz tal-punt (a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 jeħtieġx li reviżjoni ta’ detenzjoni għandha titwettaq b’att apposta, jiġifieri jekk tali reviżjoni għandhiex tikkonkludi, permezz ta’ att apposta, kemm li d-detenzjoni tal-persuna kkonċernata hija mtawla, kif ukoll li din tal-aħħar hija rilaxxata. Il-qorti tar-rinviju b’hekk tixtieq issir taf l-obbligi tal-awtorità amministrattiva nazzjonali li teżerċita l-kontroll perjodiku tal-legalità tad-detenzjoni.

58.    Mill-proċess jirriżulta li, skont id-dritt Bulgaru, l-awtorità amministrattiva li teżerċita dan il-kontroll ma hijiex obbligata tadotta att bil-miktub espliċitu f’dak li jikkonċerna l-estensjoni tal-miżura, la meta din teżerċita kontrolli mensili obbligatorji (22) u lanqas qabel ma hija tibgħat il-proċess lill-qorti fil-kuntest ta’ talba għal estensjoni tal-miżura għal iktar minn perijodu ta’ sitt xhur (23).

59.    It-tieni sentenza tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 tippreċiża li d-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub, u għandhom jiġu indikati r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi. Għall-kuntrarju, hija la tippreċiża liema awtorità għandha twettaq ir-reviżjoni u lanqas liema forma din ir-reviżjoni għandha tieħu.

60.    Fl-opinjoni tiegħi, il-frażi “reviżjoni” tfisser li l-istanza ta’ reviżjoni għandha tanalizza jekk ir-raġunijiet inizjali ta’ detenzjoni previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 għadhomx validi. F’kull każ individwali, hija għandha tivverifika b’attenzjoni jekk (għadux) jeżisti riskju ta’ ħarba jew jekk il-persuna kkonċernata hijiex qiegħda tevita jew ixxekkel il-preparazzjoni tar-ritorn jew tal-proċedura ta’ tneħħija. Hija għandha wkoll tivverifika jekk għandhomx jittieħdu miżuri inqas koersivi.

61.    F’dak li jirrigwarda estensjoni eċċezzjonali ta’ iktar mill-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2008/115, l-istanza ta’ reviżjoni għandha wkoll tiżgura li waħda mill-kundizzjonijiet addizzjonali previsti fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 hija ssodisfatta.

62.    Kwalunkwe reviżjoni għandha tippermetti lil awtorità ġudizzjarja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha skont l-Artikolu 15(2) jew (3) ta’ dik id-Direttiva sabiex tiggarantixxi rimedju lill-persuna kkonċernata, skont l-Artikolu 47 tal-Karta (24).

63.    X’inhi l-konsegwenza ta’ dawn ir-rekwiżiti f’dak li jikkonċerna l-forma ta’ reviżjoni?

64.    F’dan il-punt, nipproponi li ssir differenzazzjoni bejn, minn naħa, r-reviżjonijiet “f’intervalli raġonevoli ta’ żmien”, imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115, u, min-naħa l-oħra, ir-reviżjonijiet “fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla”, imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ dik id-Direttiva.

65.    Ir-reviżjonijiet f’intervalli raġonevoli, imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 jitwettqu matul il-perijodu stabbilit bid-deċiżjoni ta’ detenzjoni inizjali. Issa, att ġdid jidher superfluwu jekk id-detenzjoni ma tittawwalx għal iktar mit-tul inizjali u jekk ir-raġunijiet ma nbidlux.

66.    Ir-reviżjonijiet f’każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ dik id-direttiva, huma, skont il-qari li jiena għamilt ta’ din id-dispożizzjoni, imwettqa bl-għan li tinkiseb estensjoni tad-detenzjoni inizjali, li din l-estensjoni tibda matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2008/115 (25) jew mal-iskadenza ta’ dan il-perijodu (26). F’dawn il-każijiet, għandha tiġi adottata deċiżjoni ġdida bl-istess forma tad-deċiżjoni inizjali u li għaldaqstant tissodisfa r-rekwiżiti formali tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(2) ta’ dik id-Direttiva. Dan ir-rekwiżit formali huwa meħtieġ sabiex jippermetti stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri.

67.    Minn dan isegwi li jaqbel li r-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 għandu jkun interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni fejn it-tul inizjali ta’ detenzjoni skada, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi dwar l-estensjoni ta’ detenzjoni inizjali permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub, filwaqt li tindika r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi.

 Fuq il-punti (b) u (c) tal-ewwel domanda

68.    Permezz tal-punti (b) u (c) tal-ewwel domanda tagħha, biż-żewġ komponenti ta’ din id-domanda għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk din għandhiex tiddeċiedi fuq il-mertu meta hija teżerċita stħarriġ fuq att ta’ reviżjoni jew meta hija tiddeċiedi li ttawwal id-detenzjoni u fuq liema elementi fattwali hija tista’ tibbaża ruħha. B’hekk il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf in-natura u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju obbligatorju bl-għan ta’ estensjoni tal-miżura meta t-tul massimu inizjalment stabbilit għad-detenzjoni skada.

69.    Minn din id-domanda preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tidher inċerta fir-rigward tar-rwol tagħha fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ reviżjoni skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115.

70.    In-natura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tinvolvi li għandu jkun possibbli għall-awtorità ġudizzjarja li tivverifika jekk ir-raġunijiet li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni ta’ detenzjoni għadhomx validi u, jekk ikun il-każ, jekk il-kundizzjonijiet għall-estensjoni tad-detenzjoni humiex issodisfatti. Għall-finijiet tal-osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-qorti nazzjonali għandu jkollha ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-mertu. Konsegwentement, hija għandu jkollha l-possibbiltà li tiddeċiedi dwar l-estensjoni tad-detenzjoni, dwar is-sostituzzjoni għad-detenzjoni b’miżura inqas koersiva jew dwar ir-rilaxx tal-persuna kkonċernata.

71.    Fl-opinjoni tiegħi, id-Direttiva 2008/115 ma tipprekludix, fiha nfisha, sitwazzjoni fejn tkun l-awtorità ġudizzjarja stess li tiddeċiedi dwar l-estensjoni tad-detenzjoni, sakemm din għandha l-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq.

72.    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 huwa inkondizzjonali u preċiż biżżejjed sabiex ma jeħtieġx elementi oħra partikolari sabiex jippermetti l-implementazzjoni mill-Istati Membri (27). Għalhekk, dan jista’ jiġi applikat direttament mill-qorti tar-rinviju favur individwu.

73.    Skont l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, l-awtorità ġudizzjarja għandha tkun kompetenti, jekk ikun hemm bżonn, li tistaqsi lill-awtorità amministrattiva sabiex tipprovdilha l-elementi kollha li jikkonċernaw kull fajl individwali u li titlob liċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.

74.    Għall-kuntrarju, ċerti miżuri, bħal dawk tal-koordinazzjoni mat-trasportaturi u l-korrispondenza mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz, jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ awtorità amministrattiva u mhux taħt dawk tal-qorti tar-rinviju.

75.    Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tassumi ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-mertu. B’hekk, dejjem jekk hija tista’ tapplika direttament l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, din hija obbligata li eventwalment twarrab dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li għandhom l-effett li jxekkluha milli tassumi tali ġurisdizzjoni sħiħa. F’dan ir-rigward, jiena nfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li qorti nazzjonali għandha l-obbligu tapplika b’mod sħiħ id-dritt tal-Unjoni u tipproteġi d-drittijiet li dan jagħti lill-individwi, billi tħalli mhux applikata kull dispożizzjoni possibbilment kuntrarja għal-liġi nazzjonali (28).

76.    Bħala eżempju, minkejja li l-proċedura prevista fl-Artikolu 46a(4) tal-Liġi dwar il-Barranin kienet tfisser, skont id-dritt nazzjonali, li l-persuna kkonċernata hija mxekkla milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ detenzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha twarrab tali ostakolu u tistieden lill-persuna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

77.    B’hekk jien nipproponi li r-risposta għall-punti (b) u (c) tal-ewwel domanda tkun li, fil-kuntest tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115, kull deċiżjoni li tikkonċerna l-estensjoni ta’ detenzjoni meħuda mill-awtorità amministrattiva nazzjonali għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju li għandu jitwettaq bl-għan li tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt tal-persuna kkonċernata għal rimedju effettiv, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta. Kull awtorità ġudizzjarja li twettaq tali stħarriġ ġudizzjarju jew li tiddeċiedi dwar l-estensjoni ta’ detenzjoni għandha tkun tista’ taġixxi b’ġurisdizzjoni sħiħa u tiddeċiedi fuq il-mertu, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha u l-kunsiderazzjonijiet konkreti kollha mqajma matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, u tieħu d-deċiżjoni tagħha b’evalwazzjoni kemm tal-fatti u tal-provi invokati mill-awtorità amministrattiva kif ukoll l-oġġezzjonijiet u l-fatti ppreżentati miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Għandu jkun possibbli għaliha li tiddeċiedi dwar is-sostituzzjoni għad-detenzjoni ta’ miżura inqas koersiva jew dwar ir-rilaxx tal-persuna kkonċernata.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

78.    Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) u (6) tad-Direttiva jipprekludix prassi nazzjonali fejn perijodu inizjali ta’ detenzjoni ta’ sitt xhur jista’ jittawwal għar-raġuni awtonoma li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat ma għandux dokumenti ta’ identità u jekk, f’kuntest fattwali bħal dak fil-kawża prinċipali, jeżistix riskju ta’ ħarba skont l-Artikolu 15(1) u (6) ta’ dik id-direttiva.

79.    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-raġuni li l-persuna kkonċernata ma għandhiex dokumenti ta’ identità ma tinsabx fost ir-raġunijiet dwar id-deċiżjoni inizjali ta’ detenzjoni, imsemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, u lanqas fost dawk dwar l-estensjoni tal-perijodu ta’ detenzjoni, imsemmija fl-Artikolu 15(6) ta’ dik id-direttiva.

80.    F’dan il-kuntest, infakkar li huwa biss fl-ipoteżi fejn hemm riskju li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tar-ritorn fil-forma ta’ tneħħija tista’ tiġi kompromessa mill-aġir taċ-ċittadin tal-pajjiż terz li dan jista’ jibqa’ mċaħħad mil-libertà permezz ta’ detenzjoni (29).

81.    Il-fatt li din il-persuna ma għandhiex dokumenti jikkostitwixxi, evidentement, wieħed mill-elementi li l-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni meta din tistabbilixxi jekk jeżistix riskju ta’ ħarba jew jekk il-persuna kkonċernata tevitax jew ixxekkilx il-preparazzjoni tar-ritorn jew tal-proċedura ta’ tneħħija. Il-punt 4c tal-paragrafu (1) tad-dispożizzjonijiet addizzjonali tal-Liġi dwar il-Baranin ukoll jidher li jirrifletti din il-ħtieġa.

82.    Barra minn hekk, nixtieq infakkar li l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2008/115 jiddefinixxi “riskju ta’ ħarba” bħala l-“l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali li huma bbażati fuq kriterji oġġettivi definiti bil-liġi nazzjonali biex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz li hu soġġett għal proċeduri ta’ ritorn jista’ jaħrab”.

83.    Fil-kuntest tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/115 (30), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull evalwazzjoni li tikkonċerna riskju ta’ ħarba għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tal-każ tal-persuna kkonċernata (31). Tali eżami ppersonalizzat tan-neċessità li persuna tiċċaħħad mil-libertà tagħha sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija tagħmel parti wkoll minn protezzjoni iktar wiesgħa kontra l-arbitrarjetà (32).

84.    Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tieni u t-tielet domandi tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi t-tqegħid taħt detenzjoni minħabba s-sempliċi raġuni li ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandux dokumenti ta’ identità. Tali element jista’, madankollu, jittieħed inkunsiderazzjoni bħala wieħed mill-elementi rilevanti għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba fis-sens tal-istess paragrafu.

 Fuq il-punt (a) tar-raba’ domanda

85.    Permezz tal-punt (a) tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-awtoritajiet Bulgari jistgħux itawlu d-detenzjoni taċ-ċittadin tal-pajjiż terz, dan tal-aħħar ta prova ta’ “nuqqas ta’ kooperazzjoni” u/jew minħabba “[kien hemm] dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja [mill-pajjiż terz]” skont l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115.

86.    Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għall-punt (a) tar-raba’ domanda jirriżulta direttament mill-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115. Dan il-paragrafu huwa intiż li jirregola sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru li jwettaq l-operazzjoni ta’ tneħħija għandu jkun wettaq l-isforzi raġonevoli kollha, jiġifieri l-azzjonijiet kollha li huwa għandu jwettaq, qabel ma jikkunsidra l-estensjoni ta’ detenzjoni. Jekk, minkejja dan, huwa probabbli li l-operazzjoni ta’ tneħħija ddum iktar (minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, jew dewmien għall-ksib, mingħand il-pajjiż terz, tad-dokumenti neċessarji), huwa jista’, b’mod eċċezzjonali, itawwal il-perijodu ta’ detenzjoni iktar mill-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2008/115.

87.    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali fir-rigward ta’ dik id-dispożizzjoni.

88.    F’dan il-kuntest, anki fl-ipoteżi fejn il-fatti fil-kawża prinċipali deskritti mill-qorti tar-rinviju jindikaw nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi u/jew dewmien sabiex jinkisbu d-dokumenti neċessarji min-naħa tas-Sudan, l-awtoritajiet Bulgari għandhom iwettqu “l-isforzi raġonevoli kollha”, kif meħtieġ mill-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115.

89.    Matul il-perijodu ta’ detenzjoni kollu, huma għandhom b’mod attiv u kontinwu u mhux interrott ikomplu bil-proċeduri sabiex jinkiseb, min-naħa tal-ambaxxata, il-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u huma obbligati jinnegozjaw l-ammissjoni ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi fis-Sudan fl-iqsar żmien possibbli. Nixtieq intenni li d-detenzjoni hija biss immotivata mit-tneħħija u li hija ma għandhiex natura punittiva.

90.    Il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tikkonferma tali analiżi. Fil-fatt, din il-Qorti kkontatat ksur tad-dritt għal-libertà mwettaq mir-Repubblika tal-Bulgarija f’każ fejn, matul perijodu ta’ 18-il xahar, kulma għamlu l-awtoritajiet Bulgari kien li kitbu tliet darbiet lill-ambaxxata tal-pajjiż terz ikkonċernat sabiex titlob li lir-rikorrent jinħariġlu dokument tal-ivvjaġġar. Skont il-Qorti EDB, dawn it-tliet ittri ma kinux biżżejjed sabiex jintwera li l-awtoritajiet Bulgari segwew il-każ b’mod attiv jew li huma għamlu sforzi sabiex jinnegozjaw trasferiment imħaffef jew l-ammissjoni tar-rikorrent f’pajjiż terz (33).

91.    Fl-aħħar nett, jidher li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-Repubblika tal-Bulgarija ttrasponiet id-dispożizzjoni dwar id-detenzjoni massima, fl-Artikolu 44(8) tal-Liġi dwar il-Barranin, fis-sens li “t-tul tad-detenzjoni jista’ jiġi estiż sa 12-il xahar” (34). Fl-eventwalità fejn dan ifisser li b’hekk hija għażlet li tillimita l-perijodu ta’ detenzjoni totali għal tnax-il xahar u li ma eżawrixxietx iż-żmien massimu permess mill-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 (35), hija ma tistax tapplika din id-dispożizzjoni b’mod li jippermettilha testendi ż-żmien ta’ detenzjoni iktar minn total ta’ tnax-il xahar. Fil-fatt, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjoni ta’ direttiva kontra individwu (36).

92.    Għaldaqstant, ir-risposta għall-punt (a) tar-raba’ domanda għandha tkun li, skont l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jtawlu l-perijodu ta’ detenzjoni għal iktar mill-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(5) ta’ din id-direttiva biss jekk l-operazzjoni ta’ tneħħija ddum iktar minħabba elementi fattwali li ma humiex ikkawżati minnhom. Anki fl-ipoteżi fejn il-fatti tal-proċedura fil-kawża prinċipali jindikaw nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin tal-pajjiż terz u/jew dewmien għall-ksib tad-dokumenti neċessarji mingħand il-pajjiż terz, Stat Membru huwa obbligat iwettaq b’mod attiv u b’mod kontinwu u mhux interrott l-isforzi tiegħu bil-għan tal-eżekuzzjoni tal-operazzjoni ta’ tneħħija.

 Fuq il-punt (b) tar-raba’ domanda

93.    Permezz ta’ din l-aħħar domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lil-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fl-eventwalità fejn iċ-ċittadin tal-Istat terz jingħata l-libertà u fejn l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat jibqgħu ma joħorġux dokument ta’ identifikazzjoni, l-Istat Membru huwa obbligat joħroġ dokument temporanju dwar l-istatus tal-imsemmi ċittadin.

94.    Hekk kif il-Kummissjoni enfasizzat fl-osservazzjonijiet tagħha, ma teżistix armonizzazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz b’soġġorn irregolari li fir-rigward tagħhom id-dispożittiv ta’ tneħħija ma jistax jiġi eżegwit. B’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002, tat-13 ta’ Ġunju 2002, li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiz terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 3) japplika biss, skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, għas-soġġorni legali.

95.    Li kieku l-awtoritajiet Bulgari jiddeċiedu li Bashir Mohamed Ali Mahdi ma għadx għandu jirritorna lejn is-Sudan, huma jkunu liberi, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, li jagħtuh titolu ta’ soġġorn jew kull awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet karitatevoli, umanitarji jew oħrajn.

96.    Fl-assenza ta’ tali deċiżjoni, jiena nqis li obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu lill-persuna kkonċernata konferma bil-miktub tas-sitwazzjoni tagħha jirriżulta mil-loġika stess tad-Direttiva 2008/115. Tali dokument ikun jippermetti li jiġi evitat li dik il-persuna terġa’ titwaqqaf mill-awtoritajiet Bulgari jekk dan jerġa’ jintalab jagħti prova tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu matul verifika jew kontroll amministrattiv.

97.    Għaldaqstant, jiena nipproponi li r-risposta għall-punt (b) tar-raba’ domanda tkun li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jkun interpretat fid-dawl tal-premessa (12) tagħha fis-sens li jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi rilaxxat, l-Istat Membru għandu joħroġlu konferma bil-miktub tas-sitwazzjoni tiegħu sabiex huwa jkun jista’ jagħti prova tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu fil-każ ta’ kontroll amministrattiv jew ta’ verifika.

 Konklużjoni

98.    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Administrativen sad Sofia-grad kif ġej:

1)      L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi dwar l-estensjoni ta’ detenzjoni inizjali permezz ta’ att individwali apposta.

2)      Fil-kuntest tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115, kull deċiżjoni li tikkonċerna l-estensjoni ta’ detenzjoni meħuda mill-awtorità amministrattiva nazzjonali għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju li għandu jitwettaq bl-għan li tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt tal-persuna kkonċernata għal rimedju effettiv, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Kull awtorità ġudizzjarja li twettaq tali stħarriġ ġudizzjarju jew li tiddeċiedi dwar l-estensjoni ta’ detenzjoni għandha tkun tista’ taġixxi b’ġurisdizzjoni sħiħa u tiddeċiedi fuq il-mertu, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha u l-kunsiderazzjonijiet konkreti kollha mqajma matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, u tieħu d-deċiżjoni tagħha b’evalwazzjoni kemm tal-fatti u tal-provi invokati mill-awtorità amministrattiva kif ukoll l-oġġezzjonijiet u l-fatti ppreżentati miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Għandu jkun possibbli għaliha li tiddeċiedi dwar is-sostituzzjoni għad-detenzjoni ta’ miżura inqas koersiva jew dwar ir-rilaxx tal-persuna kkonċernata.

3)      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi t-tqegħid taħt detenzjoni minħabba s-sempliċi raġuni li ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandux dokumenti ta’ identità. Tali element jista’, madankollu, jittieħed inkunsiderazzjoni bħala wieħed mill-elementi rilevanti għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba fis-sens tal-istess paragrafu.

4)      Skont l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jtawlu l-perijodu ta’ detenzjoni għal iktar mill-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(5) ta’ din id-direttiva biss jekk l-operazzjoni ta’ tneħħija ddum iktar minħabba elementi fattwali li ma humiex ikkawżati minnhom. Anki fl-ipoteżi fejn il-fatti tal-proċedura fil-kawża prinċipali jindikaw nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin tal-pajjiż terz u/jew dewmien għall-ksib tad-dokumenti neċessarji mingħand il-pajjiż terz, Stat Membru huwa obbligat iwettaq b’mod attiv u b’mod kontinwu u mhux interrott l-isforzi tiegħu bil-għan tal-eżekuzzjoni tal-operazzjoni ta’ tneħħija.

5)      Fil-każ fejn, skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi rilaxxat, l-Istat Membru għandu joħroġlu konferma bil-miktub tas-sitwazzjoni tiegħu sabiex huwa jkun jista’ jagħti prova tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu fil-każ ta’ kontroll amministrattiv jew ta’ verifika.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Il-kawżi preċedenti li taw lok għas-sentenzi Kadzoev (C-357/09 PPU, EU:C:2009:741); El Dridi (C-61/11 PPU, EU:C:2011:268), kif ukoll G. u R. (C-383/13 PPU, EU:C:2013:533).


3 – Ara, f’dan ir-rigward, dwar l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Kadzoev (C-357/09 PPU, EU:C:2009:691, punt 52) u s-sentenza El Dridi (EU:C:2011:268, punt 43) kif ukoll, dwar l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda Bero u Bouzalmate (C‑473/13 u C‑514/13, EU:C:2014:295, punti 84 et seq).


4 – Sentenza McB. (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 53). Enfasi miżjuda minni.


5 – L-Avukat Ġenerali Sharpston targumenta fl-istess sens fil-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża Radu (C‑396/11, EU:C:2012:648, punt 14), meta hija ssostni li, “[s]a fejn huwa rilevanti għal dawn il-konlużjonijiet, l-Artikolu 6 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 5 tal-[KEDB]”. Fl-opinjoni tiegħi, tali affermazzjoni tista’ ssir b’mod ġenerali, indipendentement mill-preżenti konklużjonijiet, b’analoġija għas-sentenza McB. (EU:C:2010:582).


6 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia (C‑220/06, EU:C:2007:815, punt 36) u Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 21).


7 – Sentenza EMS-Bulgaria Transport (C-284/11, EU:C:2012:458, punt 51). Ara wkoll l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-Kawża Kadzoev (EU:C:2009:691, punt 25).


8 – Is-sentenza ta’ referenza fil-qasam tad-domandi ipotetiċi hija s-sentenza Meilicke (C‑83/91, EU:C:1992:332, punti 32 u 33).


9 – Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti EDB, dan huwa prinċipju ta’ dritt internazzjonali stabbilit sew (ara Qorti EDB, Abdulaziz, Cabales u Balkandali vs Ir-Renju Unit, Nri 9214/80, 9473/81 u 9474/81, punt 67, 28 ta’ Mejju 1985; Moustaquim vs Il-Belġju, Nru 12313/86, punt 43, 18 ta’ Frar 1991, kif ukoll Riad u Idiab vs Il-Belġju, Nri 29787/03 u 29810/03, punt 94, 24 ta’ Jannar 2008).


10 – Ara l-punt 2 tal-preżenti opinjoni.


11 – Ara Kumitat tal-Ministri, Dokument CM(2005) 40 finali. Ara wkoll, adottat wara d-Direttiva 2008/115, ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-Migrazzjonijiet, tar-Refuġjati u tal-Popolazzjoni, Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, “Id-detenzjoni amministrattiva tal-applikanti għall-ażil u tal-migranti f’sitwazzjoni irregolari fl-Ewropa”, adottat fil-11 ta’ Jannar 2010, dok. 12105.


12 – Dak iż-żmien, dan kien il-proċedura ta’ kodeċiżjoni tal-Artikolu 251 KE, li kienet saret applikabbli wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/927/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2004, li tipprovdi sabiex ċerti oqsma koperti mit-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li għandhom jiġu rregolati mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 ta’ dak it-Trattat (ĠU L 153M, p. 485).


13 – Ara, per eżempju, D. Hörich, Die Rückführungsrichtlinie: Entstehungsgeschichte, Regelungsgehalt und Hauptprobleme, Zeitschrift für Ausländerrecht und Ausländerpolitik, 2011, p. 281 u 285, kif ukoll F. Lutz, The negotiations on the return directive, WLP, 2010, p. 67.


14 – Ara, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, il-Qorti EDB, Chahal vs Ir-Renju Unit [GC] (Nru 22414/93, punt 74, 15 ta’ Novembru 1996).


15 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda Bero u Bouzalmate (EU:C:2014:295, punt 91).


16 – Ara l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-Kawża El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:205, punt 35) kif ukoll l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawża G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:553, punt 54).


17 – Ara l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-Kawża Kadzoev, (EU:C:2009:691, punt 70). F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, il-Qorti EDB tiddeċiedi fl-istess sens (ara, per eżempju, il-Qorti EDB, Quinn vs Franza, Nru 18580/91, punt 42, 22 ta’ Marzu 1995, u Kaya vs Ir-Rumanija Nru 33970/05, punt 16, 12 ta’ Ottubru 2006).


18 – Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, Saadi vs Ir-Renju Unit [GC] (Nru 13229/03, punt 74, 29 ta’ Jannar 2008), kif ukoll, għal illustrazzjoni reċenti, Herman u Serazadishvili vs Il-Greċja (Nri 26418/11 u 45884/11, punt 59, 24 ta’ April 2014).


19 – Nosserva li, dwar dan il-punt, il-leġiżlatur tal-Unjoni mar lil hinn mill-Qorti EDB fil-ġurisprudenza tagħha, peress li l-Artikolu 5 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB, ma għandux perijodu massimu ta’ detenzjoni.


20 – B’mod iktar preċiż, l-interpretazzjoni tal-Qorti EDB tal-Artikolu 5(4) tal-KEDB (ara l-Qorti EDB, Altinok vs It-Turkija, Nru 31610/08, punt 45, 29 ta’ Novembru 2011, u Stanev vs Il‑Bulgarija [GC], Nru 36760/06, punt 171, KEDB 2012).


21 – Skont dan il-prinċipju, intitolat “Rimedju ġudizzjarju kontra d-detenzjoni”, kull persuna arrestata u/jew miżmuma sabiex jiġi żgurat it-tneħħija tagħha mit-territorju nazzjonali għandha d-dritt li tippreżenta rikors sabiex il-legalità tad-detenzjoni tagħha tiġi deċiża b’mod imħaffef minn qorti. Tali rikors għandu jkun faċilment aċċessibbli u effikaċi, u għandha tingħata assistenza ġudizzjarja skont il-liġijiet nazzjonali.


22 – Skont l-Artikolu 44(8) tal-Liġi dwar il-Barranin.


23 – Skont l-Artikolu 46a(4) tal-Liġi dwar il-Barranin.


24 – Dan l-artikolu jikkostitwixxi l-konferma bil-miktub ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni stabbilit sew bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi Johnston, 222/84, EU:C:1986:206, punt 18, u Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 47).


25 – Fil-Bulgarija, dan il-perijodu huwa ta’ sitt xhur (ara l-punt 16 tal-preżenti opinjoni).


26 – Bħala tfakkira, f’tali sitwazzjoni, il-kundizzjonijiet addizzjonali tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 għandhom ikunu ssodisfatti.


27 – Sentenza El Dridi (EU:C:2011:268, punt 47).


28 – Sentenzi Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punt 21) u Solred (C‑347/96, EU:C:1998:87, punt 29).


29 – Ara, fl-istess sens, is-sentenza El Dridi (EU:C:2011:268, punt 39).


30 – Skont il-kliem ta’ dan il-paragrafu, “[j]ekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta' żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”


31 – Ara s-sentenza Sagor (C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 41) u d-digriet Mbaye (C‑522/11, EU:C:2013:190, punt 31).


32 – Ara l-Qorti EDB, A. et vs Ir-Renju Unit [GC] (Nru 3455/05, punt 164, KEDB 2009-II), kif ukoll il-kummentarji dwar il-linja gwida Nru 6(1) tad-Dokument CM(2005) 40 finali, imsemmi iktar ’il fuq.


33 – Ara Il-Qorti EDB, Auad vs Il-Bulgarija (Nru 46390/10, punt 132, 11 ta’ Ottubru 2011). Ara, ukoll, il-Qorti EDB, Raza vs Il-Bulgarija (Nru 31465/08, punt 73, 11 ta’ Frar 2010), fejn il-Qorti EDB kkonstatat ukoll ksur tad-dritt għal-libertà u ppreċiżat dan li ġej: “It is true that the Bulgarian authorities could not compel the issuing of such document, but there is no indication that they pursued the matter vigorously or endeavoured entering into negotiations with the Pakistani authorities with a view to expediting its delivery” (disponibbli biss bil-lingwa Ingliża).


34 – Enfasi miżjuda minni.


35 – Nosserva, madankollu, li l-Kummissjoni Ewropea, fl-osservazzjonijiet tagħha, tidher li tikkunsidra li Bashir Mohamed Ali Mahdi jista’ jinżamm għal żmien totali ta’ 18-il xahar.


36 – Sentenza Ratti (148/78, EU:C:1979:110, punt 28).