Language of document : ECLI:EU:C:2011:669

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Direttiva 98/44/KE – Artikolu 6(2)(ċ) – Protezzjoni ġuridika tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi – Kisba ta’ ċelloli prekursuri minn ċelloli staminali embrijoniċi umani – Possibbiltà għal privattiva – Esklużjoni tal-‘użi ta’ l-embrjonijiet [umani] għal għanijiet industrijali jew kummerċjali’ – Kunċetti ta’ ‘embriju uman’ u ta’ ‘użu għal għanijiet industrijali jew kummerċjali’”

Fil-Kawża C-34/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Jannar 2010, fil-proċedura

Oliver Brüstle

vs

Greenpeace eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, M. Safjan (Relatur), A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, D. Šváby, M. Berger u E. Jarašiūnas, Imħallfin

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Oliver Brüstle, minn F.-W. Engel, Rechtsanwalt, M. Grund u C. Sattler de Sousa e Brito, Patentanwälte,

–        għal Greenpeace eV, minn V. Vorwerk, R. Schnekenbühl, Patentanwalt, u C. Then, Experte,

–        għall-Irlanda, minn G. Durcan, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u A. Engman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Penlington u C. Murrell, bħala aġenti, assistiti minn C. May, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. W. Bulst u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 395, iktar ’il quddiem id-“direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura, mibdija minn Greenpeace eV għall-annullament tal-privattiva Ġermaniża ta’ O. Brüstle li tirrigwarda ċelloli prekursuri nevrali u metodi tal-produzzjoni tagħhom minn ċelloli staminali embrijoniċi, kif ukoll l-użu tagħhom għal finijiet terapewtiċi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim li jorbtu lill-Unjoni Ewropea u/jew lill-Istati Membri

3        L-Artikolu 27 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ jirripproduċi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994, u approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Uurgwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) jistipula li:

“1.      Il-patenti [privattivi] għandhom ikunu disponibbli għal kwalunkwe invenzjoni, jekk inhuma prodotti jew proċessi, f’kull qasam tat-teknoloġija, sakemm huma ġodda, għandhom passi inventivi u jistgħu jkunu ta’ applikazzjoni industrijali, soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3. Soġġetti għall-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 65, paragrafu 8 ta’ l-Artikolu 70 u paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-patenti għandhom ikunu disponibbli u d-drittijiet tal-patenti li jistgħu jitgawdew mingħajr diskriminazzjoni tal-post ta’ l-invenzjoni, il-qasam tat-teknoloġija u jekk il-prodotti kienux importati jew magħmula lokalment.

2.      Il-Membri għandhom jeskludu mill-invenzjonijiet li jistgħu jiġu patentjati [jingħataw privattiva], il-prevenzjoni fit-territorji ta’ l-isfruttament kummerċjali li huwa meħtieġ għall-protezzjoni ta’ l-ordni pubbliku u l-moralità, inkluż il-protezzjoni tal-ħajja umana, ta’ l-annimali jew pjanti jew saħħa jew biex jiġi evitat preġudizzju serju għall-ambjent, sakemm li esklużjoni bħal din ma saritx minħabba li l-isfruttament hi projbita mill-liġi tagħhom.”

4        L-Artikolu 52(1) tal-Konvenzjoni dwar l-għoti ta’ privattivi Ewropej, iffirmata f’München fil-5 ta’ Ottubru 1973 (iktar ’il quddiem il-“KPE”), li l-Unjoni ma hijiex parti minnha, iżda li l-Istati Membri huma kollha firmatarji tagħha, jipprovdi kif ġej:

“Il-privattivi Ewropej jingħataw għal invenzjonijiet kollha f’kull qasam teknoloġiku, bil-kundizzjoni li huma jkunu ġodda, li jinvolvu attività inventiva u li jistgħu jiġu applikati industrijalment.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        L-Artikolu 53 tal-KPE jistipula:

“Il-privattivi Ewropej ma jingħatawx għal:

a)      l-invenzjonijiet li l-użu kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità, fejn tali kontradizzjoni ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li l-użu huwa pprojbit fl-Istati kontraenti kollha jew f’uħud minnhom permezz ta’ liġi jew regolament”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

6        Il-preamboli tad-direttiva jindikaw dan li ġej:

“[…]

(2)      Billi, b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-inġinerija ġenetika, ir-riċerka u l-iżvilupp jeħtieġu ammont konsiderevoli ta’ investiment b’riskju għoli u għalheklk il-protezzjoni legali biss tista’ tagħmilhom ta’ qliegħ;

(3)      Billi hija essenzjali l-protezzjoni effettiva u armonizzata ġewwa l-Istati Membri kollha sabiex jinżamm u jiġi inkoraġġat l-investiment fil-qasam tal-bijoteknoloġija;

[…]

(5)      Billi jeżistu differenzi fil-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi offruti mill-liġijiet u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri differenti; billi dawn id-differenzi jistgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ u b’hekk jimpedixxu l-funzjonament xieraq tas-suq intern;

(6)      Billi dawn id-differenzi jistgħu fil-fatt jikbru għaliex l-Istati Membri jadottaw leġislazzjoni u prattiċi amminstrattivi differenti, jew billi l-ġurisprudenza nazzjonali li tinterpreta din il-leġislazzjoni tiżviluppa b’mod differenti;

(7)      Billi l-iżvilupp mhux ikkoordinat tal-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi fil-Komunità jistgħu jwasslu għal iktar diżinċentivazzjoni għall-kummerċ, bi ħsara għall-iżvilupp kummerċjali ta’ dawn l-invenzjonijiet u l-operat bla tfixkil tas-suq intern;

[…]

(14)      Billi privattiva għal invenzjoni ma tawtorizzax lill-possessur li jimplimenta din l-invenzjoni, imma sempliċement tintitolah li jipprojbixxi lil partijiet terzi milli jisfruttawha għal għanijiet industrijali u kummerċjali; billi, konsegwentement, il-liġijiet sostantivi dwar il-privattivi ma jistgħux iservu sabiex jieħdu l-post, jew jirrendu superfluwi, il-liġijiet nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali li jistgħu jimponu restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet jew li jirrigardaw il-monitoraġġ tar-riċerka u ta’ l-użu jew il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tagħha, speċjalment mil-lat tal-ħtiġiet tas-saħħa pubbliku, is-sigurtà, il-protezzjoni ta’ l-ambjent, il-benesseri ta’ l-annimali, il-preservazzjoni tad-diversità ġenetika u l-konformità ma’ ċerti standards etiċi;

[…]

(16)      Billi l-liġijiet dwar il-privattivi għandhom jiġu applikati hekk illi jirrispettaw il-prinċipji fundamentali li jissalvagwardaw id-dinjità u l-integrità tal-persuna; billi huwa importanti li jiġi asserit il-prinċipju illi l-ġisem tal-bniedem, f’kull stadju tal-formazzjoni jew ta’ l-iżvilupp tiegħu, inklużi ċ-ċelloli tal-mikrobi, u l-iskoperta sempliċi ta’ wieħed mill-elementi tiegħu jew ta’ wieħed mill-prodotti tiegħu, inklużi s-sekwenza jew parti mis-sekwenza tal-ġene tal-bniedem ma għandhomx jedd għall-privattiva [possibbiltà għal privattiva]; billi dawn il-prinċipji huma fl-istess linja mal-kriterji tal-jedd għall-privattiva skond il-liġijiet tal-jedd għall-privattiva, li bihom skoperta sempliċi ma tistax tiġi ppatentjata;

(17)      Billi diġà sar progress sinifikanti fit-trattament tal-mard grazzi għall-eżistenza ta’ xi prodotti mediċinali mnissla minn elementi iżolati tal-ġisem tal-bniedem u/jew prodotti xorta oħra, bħalma huma l-prodotti mediċinali li jirriżultaw mill-proċessi tekniċi mmirati sabiex jiksbu elementi li jixbħu fl-istruttura tagħhom lil dawk li diġà jeżistu b’mod naturali fil-ġisem tal-bniedem u billi, bħala konsegwenza ta’ dan, għandha tiġi inkoraġġata r-riċerka mmirata li tikseb u tiżola dawn l-elementi ta’ valur għall-produzzjoni mediċinali permezz ta’ sistema ta’ privattivi;

[…]

(20)      Billi, għalhekk għandu jiġi magħmul ċar illi invenzjoni msejsa fuq element iżolat tal-ġisem tal-bniedem jew prodotta permezz ta’ proċess tekniku, li hija suxxettibbli li tiġi applikata b’mod industrijali, mhix eskluża mill-jedd għall-privattiva, anke meta l-istruttura ta’ dan l-element tkun identika għal dik ta’ l-element naturali, minħabba illi d-drittijiet konferiti mill-privattiva ma jestendux għall-ġisem tal-bniedem u l-elementi tiegħu fl-ambjent naturali tagħhom;

(21)      Billi dan l-element iżolat mill-ġisem tal-bniedem jew prodott xorta oħra mhuwiex eskluż mill-jedd għall-privattiva ġaladarba jkun, per eżempju, ir-riżultat ta’ proċess tekniku wżat sabiex jidentifikah, jippurifikah u jikklassifikah u sabiex jirriproduċih barra mill-ġisem tal-bniedem, metodi tat-teknika li l-bnedmin biss huma kapaċi li jipprattikaw u li n-natura mhijiex kapaċi li twettaq;

[…]

(37)      Billi jrid ukoll jiġi enfasizzat f’din id-Direttiva l-prinċipju li bih l-invenzjonijiet għandhom jiġu esklużi mill-jedd għall-privattiva meta l-isfruttament kummerċjali tagħhom joffendi l-ordni pubbliku jew il-moralità;

(38)      Billi l-parti operattiva ta’ din id-Direttiva għandha tinkludi wkoll lista illustrattiva ta’ l-invenzjonijiet esklużi milli jkunu jitgħu jiġu ppantentjati sabiex tipprovdi lill-qrati nazzjonali u lill-uffiċċji tal-privattivi bi gwida ġenerali sabiex jinterpretaw l-ordni pubbliku u l-moralità; billi din il-lista ovvjament ma tistax tippresumi illi hija eżawrjenti billi l-proċessi, li l-użu tagħhom joffendi d-dinjità umana, bħalma huma l-proċessi li jipproduċu l-kimeri miċ-ċelloli tal-mikrobi jew minn ċelloli totipotenti tal-bniedem jew ta’ l-annimali, huma ovvjament esklużi wkoll mill-jedd għall-privattiva;

(39)      Billi l-ordni pubbliku u l-moralità jikkorrispondu b’mod partikolari mal-prinċipji etiċi u morali rrikonoxxuti minn Stat Membru, li r-rispett għalihom huwa importanti b’mod partikolari fil-qasam tal-bijoteknoloġija minħabba l-qasam ta’ applikazzjoni potenzjali ta’ l-invenzjonijiet f’dan il-qasam u r-relazzjoni inerenti tagħhom mal-materja ħajja; billi dawn il-prinċipji ta’ etika u morali jissupplimentaw l-eżamijiet legali standard skond il-liġijiet tal-privattivi irrispettivament mill-qasam tekniku ta’ l-invenzjoni;

[…]

(42)      Billi, barra minn hekk, l-użi ta’ l-embrjoni umani għal għanijiet industrijali jew kummerċjali għandhom wkoll jiġu esklużi mill-jedd għall-privattiva; billi, ikun xi jkun il-każ, din l-esklużjoni ma għandhiex taffettwa l-invenzjonijiet għal għanijiet terapewtiċi jew dijanjostoċi li jiġu applikati fuq embrjo uman u li huma utli għalih

(43)      Billi skond l-Artikolu F(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti bil-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja;

[…]”.

7        Id-direttiva tipprovdi:

Artikolu 1

1.      L-Istati Membri għandhom jipproteġu l-invenzjonijiet bijoloġiċi fil-liġijiet nazzjonali dwar il-privattivi. Għandhom, fejn meħtieġ, jaġġustaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar il-privattivi sabiex iqisu d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

2.      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membru skond il-ftehimijiet internazzjonali, u b’mod partikolari il-Ftehim dwar l-TRIPS u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika”.

[…]

Artikolu 3

1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, invenzjonijiet ġodda, li jinvolvu pass inventiv u li huma suxxettibbli li jiġu applikati industrijalment għandhom jedd għall-privattiva anke jekk jirrigwardaw prodott li jikkonsisti minn jew ikun fih materjal bijoloġiku jew proċess li permezz tiegħu jiġi prodott, ipproċessat jew użat xi materjal bijoloġiku.

2.      Il-materjal bijoloġiku li jiġi iżolat mill-ambjent naturali tiegħu jew prodott permezz ta’ proċess tekniku jista’ jkun soġġett għal invenzjoni anke jekk ikun ġara qabel fin-natura.

[…]

Artikolu 5

1.      Il-ġisem tal-bniedem, fl-istadji varji tal-formazzjoni u l-iżvilupp tiegħu, u l-iskoperta sempliċi ta’ wieħed mill-elementi tiegħu, inklużi s-sekwenza jew is-sekwenza parzjali ta’ ġene, ma jistgħux jikkostitwixxu invenzjonijiet li għandhom jedd għall-privattiva.

2.      Element iżolat mill-ġisem uman jew prodott xorta oħra permezz ta’ proċess tekniku, inklużi s-sekwenza jew is-sekwenza parzjali ta’ ġene, jista’ jikkostitwixxi invenzjoni li għandha jedd għall-privattiva anke jekk l-istruttura ta’ dan l-element tkun identika għal dak ta’ element naturali.

[…]

Artikolu 6

1.      L-invenzjonijiet għandhom jitqiesu li ma jistgħux jiġu bil-privattiva meta l-isfruttament kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika; madankollu, l-isfruttament ma għandux jitqies bħala kuntrarju sempliċement minħabba li jkun ipprojbit bil-liġi.

2.      Fuq il-bażi tal-paragrafu1, dan li ġej, b’mod partikolari, għandu jitqies li [ma] għandu[x] jedd għall-privattiva:

[…]

(ċ)      l-użi ta’ l-embrjonijiet [umani] għal għanijiet industrijali jew kummerċjali;

[…]”.

 Id-dritt nazzjonali

8        L-Artikolu 2 tal-liġi dwar il-privattivi (Patentgesetz), fil-verżjoni tagħha emendata għall-finijiet ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 6 tad-direttiva (BGB1. 2005 I, p. 2521, iktar ’il quddiem il-“PatG”), huwa fformulat kif ġej:

“1.      Ma għandhomx jingħataw privattivi lill-invenzjonijiet li l-użu kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità, iżda l-użu ma jistax jitqies bħala tali biss minħabba l-fatt li huwa pprojbit permezz ta’ liġi jew regolament.

2.      Ma jingħatawx privattivi b’mod partikolari għal:

[…]

3)      l-użi tal-embrijuni umani għal għanijiet industrijali jew kummerċjali;

[…]

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni [(Embryonenschutzgesetz, iktar ’il quddiem l-‘ESchG’)] għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punti 1 sa 3 hawn fuq.”

9        L-Artikolu 21 tal-PatG jipprovdi:

“1)      Il-privattiva għandha tiġi revokata (Artikolu 61) jekk jidher

1.      li s-suġġett tal-privattiva ma huwiex brevettabbli skont l-Artikoli 1 sa 5;”

10      Skont l-Artikolu 22(1) tal-PatG:

“Il-privattiva għandha tiġi ddikkjarata invalida fuq talba (Artikolu 81) jekk jidher li teżisti waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 21(1) jew li l-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-privattiva ġiet estiża.”

11      Skont l-Artikolu 1(1) punt 2, u l-Artikolu 2(1) u (2) tal-EschG, tat-13 ta’ Diċembru 1990, jitqiesu bħala reat il-fertilizzazzjoni artifiċjali ta’ bajd bi skop ieħor għajr dak li tinduċi t-tqala tal-mara li minnha jipprovjenu, il-bejgħ ta’ embriji umani mnissla in vitro jew miġbura minn mara qabel it-tmiem tal-proċess ta’ impjantazzjoni fl-utru jew it-trasferiment, l-akkwist jew l-użu tagħhom għal xi skop ieħor ħlief għall-konservazzjoni tagħhom kif ukoll l-iżvilupp in vitro ta’ embrijuni umani għal xi skop ieħor għajr dak li jinduċi t-tqala.

12      L-Artikolu 8 tal-EschG jiddefinixxi l-embriju uman bħala l-bajda umana ffertilizzata kapaċi li tiżviluppa, malli sseħħ il-karjogamija, kif ukoll kull ċellola meħuda minn embriju msejjaħ “totipotenti” jiġifieri li tkun kapaċi, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa, tinqasam u tiżviluppa f’individwu. Għandha ssir distinzjoni bejn din tal-aħħar u ċ-ċelloli pluripotenti, jiġifieri ċelloli staminali li, għalkemm kapaċi jiżviluppaw fi kwalunkwe tip ta’ ċellola, ma jistgħux jiżviluppaw f’individwu sħiħ.

13      Skont l-Artikolu 4 tal-liġi li tiggarantixxi l-protezzjoni ta’ embrijuni fl-ambitu tal-importazzjoni u l-użu ta’ ċelloli staminali embrijoniċi umani (Gesetz zur Sicherstellung des Embryonenschutzes im Zusammenhang mit Einfuhr und Verwendung menschlicher embryonaler Stammzellen, BGBl. 2002 I, p. 2277), tat-28 ta’ Ġunju 2002:

“(1)      L-importazzjoni u l-użu ta’ ċelloli staminali embrijoniċi huma pprojbiti.

(2)      B’deroga għall-paragrafu 1, l-importazzjoni u l-użu ta’ ċelloli staminali embrijoniċi huma awtorizzati għall-finijiet ta’ riċerka taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 6 sakemm

1.      l-awtorità inkarigata toħroġ l-awtorizzazzjonijiet hija sodisfatta li

a)      iċ-ċelloli staminali embrijoniċi nkisbu qabel l-1 ta’ mejju 2007 fil-pajjiżi ta’ oriġini skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fis-seħħ, u huma miżmuma f’kultivazzjoni jew maħżuna minn dakinhar skont tekniki ta’ preservazzjoni krijoġeniċi (linja ta’ ċelloli staminali embrijoniċi);

b)      l-embriji minn fejn ittieħdu jkunu nkisbu permezz ta’ fertilizzazzjoni in vitro assistita medikament bl-iskop li tiġi indotta t-tqala, u kienu saru definittivament superfluwi għal dan il-għan mingħajr ma kien hemm ebda indikazzjoni li dan huwa dovut għal raġunijiet relatati mal-embrijuni nfushom;

ċ)      l-ebda rimunerazzjoni jew benefiċċju ieħor kwantifikabbli ma ġie miftiehem jew imwiegħed għad-donazzjoni ta’ embrijuni bl-iskop li jinkisbu ċelloli staminali, u li

2.      l-importazzjoni u l-użu ta’ ċelloli staminali embrijoniċi ma jiksrux dispożizzjonijiet legali oħrajn, partikolarment dawk tal-EschG.

(3)      L-awtorizzazzjoni għandha tiġi rrifjutata jekk iċ-ċelloli staminali embrijoniċi manifestament inkisbu billi ġew miksura l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku Ġermaniż. Hija ma tistax tiġi rrifjutata minħabba li ċ-ċelloli staminali ġejjin minn embrijuni umani.”

14      Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi tat-28 ta’ Mejju 2002:

“Xogħlijiet ta’ riċerka dwar iċ-ċelloli staminali embrijoniċi ma jistgħux jitwettqu ħlief jekk ikun stabbilit xjentifikament li

1.      dawn ix-xogħlijiet għadhom għanijiet imminenti li għandhom iżidu l-għarfien xjentifiku fil-qasam tar-riċerka fundamentali jew jestendu l-għarfien mediku għall-iżvilupp ta’ proċessi dijanjostiċi, preventivi jew terapewtiċi għall-użu mill-bniedem […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      O. Brüstle huwa l-proprjetarju ta’ privattiva Ġermaniża, ippreżentata fid-19 ta’ Diċembru 1997, li tirrigwarda ċelloli prekursuri nevrali iżolati u purifikati, il-metodu ta’ produzzjoni tagħhom minn ċelloli staminali embrijoniċi u l-użu tagħhom għat-terapija ta’ anormalitajiet nevrali.

16      Fil-faxxiklu tal-privattiva ppreżentat minn O. Brüstle, huwa indikat li t-trapjant ta’ ċelloli tal-moħħ fis-sistema nervuża huwa metodu promettenti għall-kura ta’ bosta mard newroloġiku. Diġà ġew żviluppati l-ewwel applikazzjonijiet kliniċi, b’mod partikolari fuq pazjenti bil-marda tal-Parkinson.

17      Sabiex ikun jista’ jinstab rimedju għal dawn l-anomaliji nevrali huwa fil-fatt meħtieġ li jsir trapjant ta’ ċelloli prekursuri, li jkunu għadhom jistgħu jiżviluppaw. Issa, dan it-tip ta’ ċelloli essenzjalment jeżistu biss waqt il-fażi ta’ żvilupp tal-moħħ. L-użu ta’ tessut tal-moħħ tal-embrijuni umani jqajjem kwistjonijiet etiċi importanti u ma jippermettix li jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet taċ-ċelloli prekursuri neċessarji sabiex it-trattament bit-terapija taċ-ċelloli jsir aċċessibbli għall-pubbliku.

18      Min-naħa l-oħra, skont l-imsemmi faxxiklu, iċ-ċelloli staminali embrijoniċi jiftħu perspettivi ġodda għall-produzzjoni ta’ ċelloli intiżi għat-trapjanti. Peress li huma pluripotenti, huma jistgħu jiddifferenzjaw ruħhom fi kwalunkwe tip ta’ ċelloli u tessuti u jibqgħu tajbin matul bosta passaġġi f’dan l-istat ta’ pluripotenza u li jipproliferaw. Din il-privattiva inkwistjoni għandha l-iskop, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li tegħleb il-problema teknika ta’ produzzjoni fi kwantità prattikament illimitata ta’ ċelloli prekursuri iżolati u ppurifikati, bi proprjetajiet nevrali jew tan-newrolja, idderivati minn ċelloli staminali embrijoniċi.

19      Fuq talba ta’ Greenpeace eV, il-Bundespatentgericht (il-qorti federali tal-privattivi) ikkonstatat, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 22(1) tal-PatG, l-invalidità tal-privattiva inkwistjoni, sa fejn din tirrigwarda ċelloli prekursuri derivati minn ċelloli staminali embrijoniċi umani u metodi ta’ produzzjoni ta’ dawn iċ-ċelloli prekursuri. Il-konvenut ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem Bundesgerichtshof.

20      Għall-qorti tar-rinviju, l-eżitu tat-talba għal annullament jiddependi mill-kwistjoni jekk l-edukazzjoni teknika tal-privattiva inkwistjoni, sa fejn tikkonċerna ċelloli prekursuri derivati minn ċelloli staminali embrijoniċi umani, hijiex eskluża mill-possibbiltà għal privattiva skont l-ewwel paragrafu tal-punt 3 tal-Artikolu 2(2) tal-PatG. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi, min-naħa tagħha, mill-interpretazzjoni li trid tingħata, b’mod partikolari, lill-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva.

21      Fil-fatt, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, peress li l-Artikolu 6(2) tad-direttiva ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri dwar in-nuqqas ta’ possibbiltà għal privattiva tal-proċessi u l-użi elenkati fih (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-377/98, Ġabra p. I-7079, punt 39  kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-456/03, Ġabra p. I-5335, punt 78 et seq.), ir-riferiment li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(2) tal-PatG jagħmel għall-EschG, b’mod partikolari, għad-definizzjoni tal-embriju li jagħti l-Artikolu 8(1) ta’ dan it-test ma jistax jitqies bħala l-manifestazzjoni ta’ kura mogħtija lill-Istati Membri sabiex jimplementaw l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva f’dan ir-rigward, meta anki din ma tippreċiżax b’mod espress il-kunċett ta’ embriju. L-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ma tistax tkun ħlief waħda Ewropea u unitarja. Fi kliem ieħor, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(2) tal-PatG u, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ embriju li juża ma jistax jingħata interpretazzjoni differenti minn dik tal-kunċett korrispondenti li jinsab fl-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva.

22      Minn din il-perspettiva, il-qorti tar-rinviju tfittex, b’mod partikolari, li tistabbilixxi jekk iċ-ċelloli staminali embrijoniċi umani li jservu bħala materjal inizjali għall-proċessi koperti minn privattiva jikkostitwixxux “embrjonijiet [embrijuni]” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva u jekk l-organiżmi li minnhom dawn iċ-ċelloli staminali embrijoniċi umani jistgħu jinkisbu jikkostitwixxux “embrjonijiet [embrijuni umani]” fis-sens tal-imsemmi artikolu. F’dan ir-rigward, hija tosserva li iċ-ċelloli staminali embrijoniċi umani kollha li jservu bħala materjal inizjali għall-proċessi koperti minn privattiva ma jikkostitwixxux ċelloli totipotenti, peress li wħud ma humiex ħlief ċelloli pluripotenti, miksuba minn embrijuni fl-istadju ta’ blastoċista. Hija tistaqsi wkoll dwar il-klassifikazzjoni tal-kunċett ta’ embriju fl-istadju tal-blastoċista li minnu wkoll jistgħu jinkisbu ċelloli staminali embrijoniċi umani.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      X’għandu jfisser it-terminu ‘embrijonijiet’ umani fis-sens tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva […]?

a)      Dan it-terminu jinkludi l-istadji kollha tal-iżvilupp tal-ħajja umana mill-fertilizzazzjoni tal-bajda jew għandhom jiġu sodisfatti kundizzjonijiet oħra, pereżempju li jintlaħaq ċertu stadju ta’ żvilupp?

b)      L-organiżmi li ġejjin jaqgħu taħt dan il-kunċett:

–        bajd uman mhux iffertilizzat, li fihom ġie impjantat in-nukleu ta’ ċellula umana matura;

–        bajd uman mhux iffertilizzat, li permezz ta’ partenoġenesi, ġew stimolati sabiex jinqasmu u jiżviluppaw?

ċ)      Ċelluli staminali miksuba minn embrijuni umani fl-istadju tal-blastoċisti, jaqgħu wkoll taħt dan il-kunċett?

2.      X’għandu jfisser ‘l-użu ta’ embrijoni umani għal finijiet industrijali jew kummerċjali’? Dan il-kunċett ikopri kull użu kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari wkoll l-użu għal finijiet ta’ riċerka xjentifika?

3.      Edukazzjoni teknika hija eskluża mill-jedd għall-privattiva skont l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva […] ukoll f’każijiet fejn l-użu ta’ embrijuni umani ma jkunx parti mill-edukazzjoni teknika mitluba mill-privattiva, iżda hija l-kundizzjoni meħtieġa għall-implementazzjoni tagħha

–        minħabba li l-privattiva tirrigwarda prodott li l-produzzjoni tiegħu tirrikjedi l-qerda minn qabel ta’ embrijuni umani, jew

–        minħabba li l-privattiva tirrigwarda proċedura li biha tali prodott huwa meħtieġ bħala materjal bażiku?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta il-kunċett ta’ “embriju uman” fis-sens u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva, jiġifieri għall-uniku għan sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ projbizzjoni ta’ possibbiltà għal privattiva li din id-dispożizzjoni tipprevedi.

25      Hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mill-ħtieġa tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għal-liġi tal-Istati Membri bl-iskop li jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. I‑107, punt 11; tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 43, tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, Ġabra p. I‑6569, punt 27, u tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, Ġabra p. I‑10055, punt 32).

26      Għalkemm it-test tad-direttiva ma jagħti l-ebda definizzjoni tal-embriju uman, huwa lanqas ma jagħmel riferiment għal-liġijiet nazzjonali għal dak li jikkonċerna t-tifsira li għandha tingħata lil dawn il-kelmiet. Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-direttiva, dan għandu jitqies bħala li jirreferi għal kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar.

27      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mis-suġġett u l-għan tad-direttiva. Fil-fatt mill-premessi 3u 5 sa 7 tad-direttiva jirriżulta li, permezz ta’ armonizzazzjoni tar-regoli ta’ protezzjoni legali ta’ invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, din id-direttiva tipprova telimina l-ostakli għall-kummerċ u għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li d-differenzi fil-liġi u fil-ġurisprudenza bejn l-Istati Membri jikkostitwixxu u, b’dan il-mod, tinkoraġġixxi r-riċerka u l-iżvilupp industrijali fil-qasam tal-inġinerija ġenetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 u 27).

28      In-nuqqas ta’ defininzzjoni uniformi tal-kunċett ta’ embriju uman joħloq riskju li l-persuni li joħolqu ċerti invenzjonijiet bijoteknoloġiċi jkollhom it-tentazzjoni jitolbu l-possibbiltà għal privattiva tagħha fl-Istati Membri li għandhom l-idea l-iktar stretta tal-kunċett ta’ embriju uman u, għaldaqstant, huma l-iktar permissivi għal dak li jikkonċerna l-possibbiltajiet għal privattiva, minħabba l-fatt li l-possibbiltà għal privattiva ta’ dawn l-invenzjonijiet tkun eskluża fl-Istati Membri l-oħrajn. Tali sitwazzjoni hija ta’ theddida għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li huwa l-għan tad-direttiva.

29      Din il-konklużjoni hija wkoll ikkorraborata mill-portata tal-lista tal-proċessi u tal-użi esklużi mill-possibbiltà għal privattiva, li tinsab fl-Artikolu 6(2) tad-direttiva. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bil-kontra tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li tħalli marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet amministrattivi u lill-qrati tal-Istati Membri fl-implementazzjoni tal-esklużjoni mill-possibbiltà għal privattiva ta’ invenzjonijiet li l-użu kummerċjali tagħhom jmur kontra l-ordni pubbliku u l-moralità, l-Artikolu 6(2) ma jħallilhomx marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni għal dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ possibbiltà għal privattiva ta’ proċessi u ta’ użi li huma elenkati fih, peress li din id-dispożizzjoni hija preċiżament intiża sabiex l-eskluzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-istess artikolu titqiegħed f’kuntest. Min dan jirriżulta li, billi jeskludi l-possibbiltà għal privattiva tal-proċessi u tal-użi li huma ċċitati fih, l-Artikolu 6(2) tad-direttiva huwa intiż li jagħti drittijiet preċiżi fuq dan il-punt (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 78 u 79).

30      Għal dak li jirrigwarda s-sens li għandu jingħata lill-kunċett ta’ “embriju uman” previst fl-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm id-definizzjoni ta’ embriju uman hija suġġett sensittiv ħafna tas-soċjetà f’diversi Stati Membri, ikkaratterizzati mid-diversità tal-valuri u t-tradizzjonijiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mitluba, permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, sabiex titratta kwistjonijiet ta’ natura medika jew etika, iżda għandha tillimita ruħha għal interpretazzjoni legali tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Mayr, C‑506/06, Ġabra p. I‑1017, punt 38).

31      Imbagħad għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini, li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi stabbilita, b’mod partikolari, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi, tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C‑336/03, Ġabra p. I‑1947, punt 21; tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, Ġabra p. I‑11061, punt 17, u tad-29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP, C‑151/09, Ġabra p. I‑7591 punt 39).

32      F’dan ir-rigward, mill-preambolu tad-direttiva jirriżulta li għalkemm din hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-investiment fil-qasam tal-bijoteknoloġija, l-użu tal-materjal bijoloġiku li ġej mill-bniedem għandu jsir fl-osservanza tad-drittijiet fundamentali u, b’mod partikolari, tad-dinjità tal-bniedem. Il-premessa 16 tad-direttiva tenfasizza, b’mod partikolari, li “l-liġijiet dwar il-privattivi għandhom jiġu applikati hekk illi jirrispettaw il-prinċipji fundamentali li jissalvagwardaw id-dinjità u l-integrità tal-persuna”

33      Għal dan il-għan, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, l-Artikolu 5(1) tad-direttiva jipprojbixxi li ġisem tal-bniedem fl-istadji differenti tal-formazzjoni u l-iżvilupp tiegħu jista’ jikkostitwixxi invenzjoni brevettabbli. Protezzjoni addizzjonali tinsab fl-Artikolu 6 tad-direttiva li jipprovdi li huma kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika, u b’hekk esklużi mill-possibbiltà għal privattiva, il-proċessi għall-cloning tal-persuni umani, il-proċessi li jimmodifikaw l-identità tal-linja ġenetika tal-persuni umani u l-użi tal-embrijuni umani għal għanijiet industrijali jew kummerċjali. Il-premessa 38 tad-direttiva tippreċiża li din il-lista ma hijiex eżawrjenti u li l-proċeduri li l-applikazzjoni tagħhom hija ta’ theddida għad-dinjità tal-bniedem għandhom ukoll ikunu esklużi mill-possibbiltà għal privattiva (ara s-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 u 76).

34      Il-kuntest u l-għan tad-direttiva juru għaldaqstant li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jeskludi kwalunkwe possibbiltà għal privattiva meta r-rispett dovut lid-dinjità tal-bniedem jista’ jkun affettwat. Min dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “embriju uman” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva għandu jinftiehem b’mod wiesa’.

35      F’dan is-sens, kull bajda umana għandha, sa mill-istadju tal-fertilazzjoni tagħha, titqies bħala “embriju uman” fis-sens u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva, peress li din il-fertilizzazzjoni hija tali li tibda l-proċess ta’ żvilupp ta’ bniedem.

36      Għandha wkoll tingħata din il-klassifikazzjoni l-bajda umana mhux iffertilizzata, li fiha ġie impjantat nukleu ta’ ċellola umana matura u l-bajda umana mhux iffertilizzata li ġiet stimulata sabiex tinqasam u tiżviluppa permezz tal-partenoġenesi. Anki jekk dawn l-organiżmi ma kinux strettament is-suġġett ta’ fertilizzazzjoni, dawn huma tali, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba l-effett tat-teknika użata sabiex jinkisbu, li jibdew il-proċess ta’ żvilupp ta’ bniedem bħall-embriju maħluq permezz ta’ fertilizzazzjoni ta’ bajda.

37      Għal dak li jikkonċerna ċ-ċelloli staminali miksuba minn embriju uman fl-istadju tal-blastoċista, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina, fid-dawl tal-iżviluppi tax-xjenza, jekk humiex tali li jibdew il-proċess ta’ żvilupp ta’ bniedem u għaldaqstant jekk jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “embriju uman” fis-sens u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li:

–        jikkostitwixxu “embriju uman” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(ċ), kull bajda umana sa mill-istadju tal-fertilazzjoni tagħha, kull bajda umana mhux iffertilizzata li fiha ġie impjantat nukleu ta’ ċellola umana matura u kull bajda umana mhux iffertilizzata li, permezz tal-partenoġenesi, ġiet stimulata sabiex tinqasam u tiżviluppa;

–        huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina, fid-dawl tal-iżviluppi tax-xjenza, jekk ċellola staminali miksuba minn embriju uman fl-istadju tal-blastoċisti tikkostitwixxix “embriju uman” fis-sens u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

39      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “l-użi ta’ l-embrjonijiet [embrijuni umani] għal għanijiet industrijali jew kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva jinkludix ukoll l-użu tal-embrijuni umani għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika.

40      F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li d-direttiva ma għandhiex l-għan li tirregola l-użu tal-embrijuni umani fil-kuntest tar-riċerki xjentifiċi. L-għan tagħha huwa sempliċement il-possibbiltà għal privattiva tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi.

41      Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna s-sempliċi fatt li jiġi ddeterminat jekk l-esklużjoni mill-possibbiltà għal privattiva li tirrigwarda l-użu ta’ embrijuni umani għal għanijiet industrijali jew kummerċjali tirrigwardax ukoll l-użu ta’ embrijuni umani għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew jekk ir-riċerka xejntifika li tinvolvi l-użu ta’ embrijuni umani jistax ikollha l-protezzjoni tal-liġi dwar il-privattivi, għandu jiġi osservat li l-għoti ta’ privattiva lil invenzjoni jinvolvi, bħala prinċipju, użu industrijali u kummerċjali tagħha.

42      Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-premessa 14 tad-direttiva. Billi tipprovdi li l-privattiva ta’ invenzjoni tagħti lill-proprjetarju tagħha d-dritt “li jipprojbixxi lil partijiet terzi milli jisfruttawha għal għanijiet industrijali u kummerċjali” hija tindika li d-drittijiet marbuta ma’ privattiva huma, bħala prinċipju, relatati ma’ atti ta’ natura industrijali u kummerċjali.

43      Anki jekk l-għan ta’ riċerka xjentifika għandu jiġi distint mill-finijiet industrijali jew kummerċjali, l-użu ta’ embrijuni umani għal finijiet ta’ riċerka li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal privattiva ma jistax jiġi sseparat mill-privattiva nnifisha u mid-drittijiet marbuta magħha.

44      Il-kjarifika magħmula mill-premessa 42 tad-direttiva, li tgħid li l-esklużjoni mill-possibbiltà għal privattiva prevista fl-Artikolu 6(2)(ċ) ta’ din l-istess direttiva “ma għandhiex taffettwa l-invenzjonijiet għal għanijiet terapewtiċi jew dijanjostoċi li jiġu applikati fuq l-embriju uman u li huma utli għalih” tikkonferma wkoll li l-użu ta’ embrijuni umani għal finijiet ta’ riċerka xjentifika li jkun is-suġġett ta’ applikazzjoni għal privattiva ma jistax jiġi distint minn użu industrijali u kummerċjali u għaldaqstant jevita l-esklużjoni mill-possibbiltà għal privattiva.

45      Din l-interpretazzjoni hija, mill-bqija, identika għal dik tal-Bord Suprem tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Privattivi Ewropew dwar l-Artikolu 28(ċ) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-KPE, li jirriproduċi b’mod identiku l-kliem tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva (ara d-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2008, G 2/06, Ġurnal Uffiċjali EPO, Mejju 2009, p. 306, punti 25 sa 27).

46      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domand għandha tkun fis-sens li l-esklużjoni mill-possibbiltà għal privattiva li tirrigwarda l-użu ta’ embrijuni umani għal għanijiet industrijali jew kummerċjali msemmija fl-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva tirrigwarda wkoll l-użu għal finijiet ta’ riċerka xjentifika, u huwa biss l-użu għal finijiet terapewtiċi jew dijanjostoċi li jiġu applikati fuq l-embriju uman u li huma utli għalih, li jista’ jkun is-suġġett ta’ privattiva.

 Fuq it-tielet domanda

47      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk invenzjoni hijiex eskluża mill-possibbiltà għal privattiva, anki jekk hija stess ma għandhiex bħala għan l-użu ta’ embrijuni umani, peress li hija tirrigwarda prodott li l-kisba tiegħu tissopponi l-qerda minn qabel ta’ embrijuni umani jew tirrigwarda proċess li jirrikjedi materjal bażiku miksub billi jinqerdu embrijuni umani.

48      Din id-domanda hija mressqa b’konnessjoni ma’ kawża dwar il-possibbiltà għal privattiva ta’ invenzjoni li tirrigwarda l-produzzjoni ta’ ċelloli prekursuri nevrali li tissoponi l-użu ta’ ċelloli staminali miksuba minn embriju uman fl-istadju tal-blastoċista. Issa, mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-teħid ta’ ċellola staminali minn embriju uman fl-istadju tal-blastoċista jwassal għall-qerda ta’ dan l-embriju.

49      Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 32 sa 35 tas-sentenza preżenti, invenzjoni għandha titqies eskluża mill-possibbiltà għal privattiva, anki jekk il-pretensjonijiet tal-privattiva ma jirrigwardawx l-użu ta’ embrijuni umani, peress li l-implementazzjoni tal-invenzjoni tirrikjedi l-qerda ta’ embrijuni umani. F’dan il-każ ukoll, għandu jitqies li hemm l-użu ta’ embrijuni umani fis-sens tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva. Il-fatt li dawn jinqerdu, skont il-każ, fl-istadju ħafna iktar bikri mill-implementazzjoni tal-invenzjoni, bħal fil-kas tal-produzzjoni ta’ ċelloli staminali embrijoniċi minn linja ta’ ċelloli staminali li l-kostituzzjoni weħidha, involviet il-qerda ta’ embrijuni umani huwa, f’dan ir-rigward, indifferenti.

50      Jekk ma tiġix inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-possibbiltà għal privattiva msemmija fl-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva, edukazzjoni teknika mitluba, minħabba li ma ssemmix l-użu ta’ embrijuni umani, li jimplika l-qerda minn qabel tagħhom, dan jirriżulta f’li jitneħħa l-effett utli tad-dispożizzjoni kkonċernata billi l-applikant ta’ privattiva jiġi permess li jevita l-applikazzjoni permezz ta’ formulazzjoni inġenjuża tat-talba.

51      Anki hawnhekk, il-Bord Suprem tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Privattivi Ewropew wasal għall-istess konklużjoni meta kien mistoqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(ċ) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-KPE, li l-formulazzjoni tiegħu hija identika għal dik tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva (ara d-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2008, msemmija fil-punt 45 tas-sentenza preżenti).

52      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-direttiva jeskludi l-possibbiltà għal privattiva ta’ invenzjoni meta l-edukazzjoni teknika li hija s-suġġett tal-applikazzjon għal privattiva tirrikjedi l-qerda minn qabel ta’ embrijuni umani jew l-użu tagħhom bħala materjal iniżjali, ikun xi jkun l-istadju li fih isiru dawn u anki jekk id-deskrizzjoni tal-edukazzjoni teknika mitluba ma ssemmix l-użu ta’ embrijuni umani.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        tikkostitwixxi “embriju uman” kull bajda umana sa mill-istadju tal-fertilazzjoni tagħha, kull bajda umana mhux iffertilizzata li fiha ġie impjantat nukleu ta’ ċellola umana matura u kull bajda umana mhux iffertilizzata li, permezz tal-partenoġenesi, ġiet stimulata sabiex tinqasam u tiżviluppa;

–        huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina, fid-dawl tal-iżviluppi tax-xjenza, jekk ċellola staminali miksuba minn embriju uman fl-istadju tal-blastoċisti tikkostitwixxix “embriju uman” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44.

2)      L-esklużjoni mill-possibbiltà għal privattiva li tirrigwarda l-użu ta’ embrijuni umani għal għanijiet industrijali jew kummerċjali msemmija fl-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44 tirrigwarda wkoll l-użu għal finijiet ta’ riċerka xjentifika, u huwa biss l-użu għal finijiet terapewtiċi jew dijanjostoċi li jiġu applikati fuq l-embriju uman u li huma utli għalih, li jista’ jkun is-suġġett ta’ privattiva.

3)      L-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44 jeskludi l-possibbiltà għal privattiva ta’ invenzjoni meta l-edukazzjoni teknika li hija s-suġġett tal-applikazzjoni għal privattiva tirrikjedi l-qerda minn qabel ta’ embrijuni umani jew l-użu tagħhom bħala materjal iniżjali, ikun xi jkun l-istadju li fih isiru dawn u anki jekk id-deskrizzjoni tal-edukazzjoni teknika mitluba ma ssemmix l-użu ta’ embrijuni umani.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.