Language of document : ECLI:EU:C:2012:763

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2012 (1)

Kawża C‑440/11 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Stichting Administratiekantoor Portielje u Gosselin Group NV

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma – Artikolu 81(1) KE u Artikolu 53(1) ŻEE – Kunċett ta’ impriża – Imputazzjoni tal-ksur tad-dritt tal-akkordji minn kumpannija kummerċjali lil fondazzjoni li tikkontrolla, direttament jew indirettament, l-ishma kollha f’dik il-kumpannija, iżda li ma hijiex proprjament ekonomikament attiva – ‘Kartell tal-ġarr’ – Suq Belġjan tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali”





I –    Introduzzjoni

1.        Dan il-każ jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja okkażjoni oħra biex tirfina l-ġurisprudenza tagħha fuq il-kwistjoni kontroversjali immensa dwar ir-responsabbiltà tal-kumpanniji parent għal ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mis-sussidjarji li jkunu kompletament proprjetà tagħhom. Essenzjalment, il-kwistjoni f’dan il-każ hija dwar jekk tali imputazzjoni tar-responsabbiltà taħt id-dritt tal-akkordji teżiġix li l-kumpannija parent trid tkun twettaq attività ekonomika hija stess, jiġifieri, li hija stess tkun impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew, jew jekk huwiex biżżejjed li s-sussidjarja twettaq tali attività ekonomika u l-kumpannija parent u dik sussidjarja flimkien, jikkostitwixxu impriża.

2.        Dan il-punt legali iqum fir-rigward tal-“kartell tal-ġarr” li l-Kummissjoni Ewropea kixfet fir-rigward tas-suq Belġjan tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali ftit snin ilu u li hija tat deċiżjoni fuqu li imponiet multi fil-11 ta’ Marzu 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (2). Il-Kummissjoni akkużat lil Gosselin Group NV (iktar ’il quddiem “Gosselin”), flimkien ma’ disa’ impriżi jew gruppi ta’ impriżi oħra, li pparteċipaw fil-kartell dwar is-servizzi ta’ ġarr u mmultat lil Gosselin. Il-Kummissjoni żammet ukoll lil Stichting Administratiekantoor Portielje (iktar ’il quddiem “Portielje”) responsabbli in solidum għal parti mill-multa, li hija fondazzjoni ta’ familja li tikkontrolla, direttament jew indirettament, l-ishma kollha fil-kapital ta’ Gosselin u hija intiża li tiżgura l-għaqda fit-tmexxija ta’ Gosselin fl-interessi tal-familja fondatriċi.

3.        Madankollu, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li huwa illegali li Portielje tinżamm responsabbli in solidum u fis-sentenza tagħha fil-kawżi magħquda T‑208/08 u T‑209/08 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali” jew is-“sentenza appellata”) (3), issostanzjat din id-deċiżjoni primarjament abbażi tal-fatt li Portielje minnha nnfisha ma kinitx involuta f’attività ekonomika u għaldaqstant ma kinitx impriża.

4.        Huwa kontra dik is-sentenza li l-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell. Hija targumenta li l-imputazzjoni tar-responsabbiltà taħt id-dritt tal-akkordji tiddependi kompletament fuq jekk kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha – f’din il-kawża, Portielje u Gosselin – jifformawx flimkien impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew u fuq jekk dik l-unità ekonomika tistax tkun akkużata li pparteċipat fil-kartell.

5.        Fil-kuntest ta’ appelli oħrajn li għadhom pendenti għal dak li jirrigwarda l-kartell tal-ġarr, il-Qorti tal-Ġustizzja dalwaqt ser ikollha titratta ċertu numru ta’ kwistjonijiet oħrajn (4).

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

6.        Gosselin hija kumpannija kummerċjali li għandha s-sede tagħha fil-Belġju, twaqqfet fl-1983 u ilha topera bħala kumpannija tal-ġarr taħt dan l-isem mill-20 ta’ Diċembru 2007 (5).

7.        Portielje hija fondazzjoni stabbilita fl-2001 li għandha s-sede tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi u li tlaqqa’ flimkien azzjonisti membri tal-familja fondatriċi Gosselin sabiex tiġi żgurata l-għaqda fit-tmexxija. Minn naħa tagħha, Portielje ma teżerċita l-ebda attività kummerċjali.

8.        B’effett mill-1 ta’ Jannar 2002, il-fondazzjoni tal-familja kellha kontroll, parzjalment dirett u parzjalment indirett, fuq l-ishma kollha fil-kapital ta’ Gosselin. B’mod speċifiku, 92 % tal-azzjonijiet ta’ Gosselin huma miżmuma direttament minn Portielje bħala trustee u r-rimanenti 8 % huma miżmuma minn Vivet en Gosselin NV; 99.87 % tal-ishma f’din l-aħħar kumpannija jappartjenu lil Portielje.

A –    Il-fatti u l-proċedura amministrattiva

9.        Skont ir-riżultati tal-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju kien jeżisti, mill-1984 sal-2003, akkordju li fih ipparteċipaw għaxar impriżi ta’ ġarr (6) matul perijodi differenti (7) u f’diversi gradi.

10.      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li dak l-akkordju kien jikkostitwixxi akkordju globali fil-forma ta’ ksur uniku u kontinwu (8), li ssejjes fuq total ta’ tliet tipi ta’ ftehim (9):

–        ftehim fuq il-prezzijiet, fejn il-kumpanniji ta’ ġarr ikkonċernati għamlu arranġamenti dwar ir-remunerazzjoni għas-servizzi tagħhom lill-klijenti;

–        ftehim fuq sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħudin jew każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ offerta (il- kummissjonijiet); b’dan il-mekkaniżmu, il-kompetituri tal-kumpannija li tirbaħ il-kuntratt għall-ġarr internazzjonali kellhom b’xi mod jirċievu kumpens finanzjarju, kemm jekk ippreżentaw offerta jew jekk dan ma għamluhx; dawn il-kummissjonijiet kienu inklużi fil-prezz finali tas-servizzi ta’ ġarr ikkonċernati, mingħajr ma jkunu jafu l-klijenti;

–        ftehim fuq il-qsim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet foloz (il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza) li jintbagħtu lill-klijent jew lill-persuna li kienet qiegħda ġġorr, minn kumpannija tal-ġarr li ma kellhiex l-intenzjoni li tagħmel il-ġarr; għal dan l-iskop, kumpannija kienet tindika kull darba lill-kompetituri tagħha, il-prezz, ir-rata tal-assigurazzjoni u l-ispejjeż tal-ħażna li għalihom kellhom jipprovdu fattura għas-servizz fittizju.

11.      Filwaqt li l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza kienu ġew applikati matul il-perijodu kollu tal-akkordju (jiġifieri mill-1984 sal-2003), l-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-prezzijiet ma setgħetx tiġi ppruvata fir-rigward tal-perijodu wara x-xahar ta’ Mejju 1990 (10).

12.      Fuq il-bażi ta’ konstatazzjonijiet fattwali li għamlet, il-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi kkonċernati kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE meta “stabilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għall-offerti” (11) matul perijodi differenti.

13.      Id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet innotifikata b’kollox lil 31 persuna ġuridika li fuqhom, għall-ksur imwettaq (12), il-Kummissjoni imponiet ukoll multi f’ammonti differenti, f’parti individwalment u f’parti in solidum.

14.      Skont il-konstatazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni fl-Artikolu 1(ċ) tad-deċiżjoni kkontestata, Gosselin kienet involuta fl-akkordju globali mill-31 ta’ Jannar 1992 sat-18 ta’ Settembru 2002, fil-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u t-18 ta’ Settembru 2002 “flimkien ma’ Stichting Administratiekantoor Portielje”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għal dan, Gosselin kienet immultata EUR 4.5 miljun taħt l-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni kkontestata, u Portielje inżammet responsabbli in solidum għal EUR 370 000 minn dik il-multa.

15.      Bl-emenda tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2009 (13), il-Kummissjoni kkorreġiet id-deċiżjoni kkontestata, fejn naqqset il-multa imposta fuq Gosselin għal EUR 3.28 miljun, fejn Portielje nżammet issa responsabbli in solidum għal EUR 270 000. Din l-emenda kienet dovuta minħabba kalkolu mill-ġdid tad-dħul mill-bejgħ li, fil-fehma tal-Kummissjoni, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa imposta lil Gosselin u lil Portielje.

B –    Proċeduri fl-ewwel istanza

16.      Diversi mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ppruvaw jiksbu protezzjoni legali permezz ta’ rikors għal annullament ippreżentat, fl-ewwel istanza, quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (14).

17.      Ir-rikorsi ppreżentati minn Gosselin u minn Portielje fl-4 ta’ Ġunju 2008 ġew magħquda mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tas-seduta u tas-sentenza.

18.      B’deċiżjoni mogħtija fil-kuntest tar-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑208/08, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata (15), annullat id-deċiżjoni kkontestata inkwantu kkonstatat li Gosselin kienet ipparteċipat fil-ksur mit-30 ta’ Ottubru 1993 sal-14 ta’ Novembru 1996. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali naqqset il-multa imposta lil Gosselin għal EUR 2.32 miljun. Hija ċaħdet il-bqija tar-rikors ippreżentat minn Gosselin u ordnat li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

19.      B’deċiżjoni mogħtija fil-Kawża T‑209/08, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata wkoll (16), annullat id-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi fir-rigward ta’ Portielje u ordnat lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri.

III – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      Permezz ta’ rikors tal-25 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Dan l-appell jikkonċerna biss dik il-parti tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament ta’ Portielje fil-Kawża T‑209/08 (17). Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha;

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn tannulla d-Deċiżjoni C(2008) 926, kif emendata bid-Deċiżjoni C(2009) 5810, sa fejn tirrigwarda lil Portielje;

–        tiċħad ir-rikors ta’ Portielje;

–        tikkundanna lil Portielje għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

21.      Minn naħa tagħha, Portielje titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell tal-Kummissjoni bħala infondat; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

22.      L-appell ġie eżaminat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi ta’ dokumenti bil-miktub u f’seduta tal-24 ta’ Ottubru 2012.

IV – Evalwazzjoni

23.      Fuq l-Artikolu 81 KE (li qabel kien l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE, illum l-Artikolu 101 TFUE) (18), huwa rikonoxxut f’ġurisprudenza stabbilita li kumpannija parent tista’ tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur tad-dritt tal-akkordji imwettaq mis-sussidjarja tagħha, anki jekk kienet biss is-sussidjarja li kienet involuta direttament fl-akkordju. Din ir-responsabbiltà in solidum tinbet b’mod partikolari meta l-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent u hija għalhekk esposta għall-influwenza deċiżiva tal-kumpannija parent (19). Jekk, fiż-żmien inkwistjoni, kumpannija parent tkun proprjetarja tal-azzjonijiet kollha jew kważi kollha tas-sussidjarja tagħha, tkun teżisti wkoll preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq (20) (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni tal-100 %” (21) jew il-“ġurisprudenza Akzo Nobel”).

24.      Il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali li f’dan il-każ hija applikat dawn il-prinċipji b’mod żbaljat. Hija tibbaża din l-akkuża fuq żewġ raġunijiet, waħda marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 81 KE (ara t-Taqsima A iktar ’il quddiem), u l-oħra fuq il-possibbiltajiet li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-100 % (ara t-Taqsima B iktar ’il quddiem).

A –    Fuq id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 81 KE (l-ewwel aggravju)

25.      L-ewwel aggravju jqajjem numru ta’ punti ta’ liġi fundamentali ħafna fir-rigward tal-kunċett ta’ impriża kif użat fid-dritt tal-kompetizzjoni u għaldaqstant, fl-aħħar nett, jittratta l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (22), li huma indirizzati lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (23).

26.      F’dan l-aggravju l-Kummissjoni tikkontesta l-punti 36 sa 50 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni “ma stabbilixxitx li Portielje kienet impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE” (24), u laqgħet ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata ta’ Portielje. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li Portielje trid tkun impriża hija stess ukoll biex tinżamm responsabbli in solidum għall-parteċipazzjoni ta’ Gosselin fil-kartell tal-ġarr (25).

1.      Il-kunċett ta’ impriża fil-kuntest tal-Artikolu 81 KE (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju)

27.      Fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq kriterju legalment żbaljat. Fis-sottomissjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonċentrat b’mod żbaljat l-eżami tagħha dwar jekk Potielje stess hijiex impriża, iktar milli staqsiet lilha nfisha jekk Portielje u Gosselin flimkien jikkostitwixxux impriża waħda. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali naqset milli tifhem il-kunċett ta’ impriża kif użat fid-dritt tal-kompetizzjoni.

28.      Huwa paċifiku li, fid-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull korp li jwettaq attività ekonomika, indipendentament mill-istatus legali tal-korp u l-mod li bih jiġi ffinanzjat (26). Lanqas ma huwa kkontestat li tali korp ekonomiku jista’ jkun magħmul minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (27).

29.      Anki l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ibbażat ruħha fuq din l-evalwazzjoni (28). Madankollu, hija żiedet immedjatament li “l-kumpannija parent ta’ impriża li tkun wettqet ksur tal-Artikolu 81 KE ma tistax tiġi ssanzjonata permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81 KE, jekk din ma tkunx hija stess impriża” (29).

30.      Dan juri nuqqas ta’ komprensjoni fundamentali tal-kunċett ta’ impriża fil-kuntest tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent għall-ksur tad-dritt tal-akkordji minn naħa tas-sussidjarji tagħhom.

31.      Ir-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent u sussidjarja tagħha hija bbażata fuq il-fatt li ż-żewġ kumpanniji flimkien jaġixxu bħala impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni jekk il-kumpannija sussidjarja ma jkollhiex awtonomija suffiċjenti mill-kumpannija parent (30). It-tnejn li huma mbagħad jikkostitwixxu unità ekonomika u, fir-relazzjoni interna bejniethom, jistgħu jieħdu vantaġġ mill-“privileġġ tal-grupp”, li tfisser li l-projbizzjoni tal-akkordji ma tkunx tapplika għal ftehim ta’ bejniethom (31). Min-naħa l-oħra, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu unità ekonomika fil-konfront ta’ terzi, huma jridu jagħtu kont flimkien għal kull ksur tad-dritt tal-akkordji mill-impriża li huma jkunu jikkostitwixxu flimkien (32).

32.      Il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata, għaldaqstant, meta kkonstatat li l-kunċett ta’ impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-imputazzjoni tal-aġir ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent huma “żewġ kunċetti distinti” (33). Fil-fatt, il-kunċett ta’ impriża u l-imputazzjoni tar-responsabbiltà taħt id-dritt tal-akkordji huma żewġ faċċati ta’ munita waħda. Kif ingħad diġà, ir-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent u tas-sussidjarja tagħha għal ksur tad-dritt tal-akkordji tirrifletti l-fatt li t-tnejn li huma jikkostitwixxu impriża waħda. Il-formazzjoni ta’ dik l-unità ekonomika waħda bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja hija prerekwiżit neċessarju u wkoll suffiċjenti biex il-kumpannija parent tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mis-sussidjarja tagħha.

33.      Il-fehma legali espressa fis-sentenza appellata fis-sens li l-kumpannija parent innifisha trid tkun hija wkoll impriża biex tkun tista’ tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-kompetizzjoni minn naħa tas-sussidjarja twassal biex fl-aħħar nett tissuġġetta l-imputazzjoni tar-responsabbiltà taħt id-dritt tal-akkordji bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja għal rekwiżit addizzjonali li qabel qatt ma kien rikonoxxut b’dan il-mod.

34.      Fil-fehma tiegħi, huwa assolutament impossibbli li tali rekwiżit addizzjonali jiġi dedott mill-ġurisprudenza kurrenti. Kieku dan kien jeżisti, ma kienx ikun permissibbli, pereżempju, fil-kawża Akzo Nobel, li huwa l-każ ewlieni fis-snin reċenti li jirrigwarda l-kwistjoni ineżami, li Akzo Nobel NV, kumpannija holding pura (34), tkun destinatarja tad-deċiżjoni li timponi l-multi.

35.      Il-Qorti Ġenerali ma tikkunsidrax is-sentenza Akzo Nobel (35) f’dak il-kuntest, u lanqas tagħti xi ġustifikazzjoni għall-asserzjoni tagħha li dak ir-rekwiżit addizzjonali jeżisti. Hija tillimita ruħha biex tiċċita tliet sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja (36) magħżulin, xi ftit jew wisq, bl-addoċċ, li fihom tgħid li kien “stabbilit” li “l-kumpannija parent kienet impriża” (37).

36.      Biex impriża tiġi ssanzjonata talli kisret id-dritt tal-akkordji, skont l-Artikolu 81 KE (li llum sar l-Artikolu 101 TFUE) flimkien mal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa madankollu irrilevanti l-punt dwar jekk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li legalment jifformaw lil dik l-impriża humiex huma wkoll attivi ekonomikament u għandhiex kull waħda minnhom titqies bħala impriża b’mod individwali.

37.      L-uniku fattur deċiżiv huwa li – mill-aspett globali – impriża waħda wettqet ksur u li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li lilhom ġiet imposta l-multa bħala sanzjoni għall-ksur jifformaw dik l-impriża flimkien, peress li l-għan tas-sanzjonijiet imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa li jiżgura li dawk il-persuni li għandhom influwenza deċiżiva fuq l-impriża involuta f’akkordju, jinżammu responsabbli skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali u li l-impriża ma twettaqx tali ksur mill-ġdid (38). Skont dan l-għan, huwa irrilevanti jekk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija iktar ’il fuq jeżerċitawx attività ekonomika mod ieħor – jiġifieri, indipendentement mill-influwenza tagħhom fuq l-impriża involuta fl-akkordju.

38.      Fi ftit kliem, jista’ jingħad, għaldaqstant, li legalment il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qalet li l-kumpannija parent ta’ impriża ma setgħatx tiġi ssanzjonata jekk ma kinitx hija stess impriża u sussegwentement analizzat jekk Portielje stess kinitx impriża (39).

39.      L-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija għalhekk fondata.

2.      L-applikabbiltà tal-preżunzjoni tal-100 % għar-relazzjoni bejn Portielje u Gosselin (it-tieni parti tal-ewwel aggravju)

40.      Għall-fini ta’ kompletezza, ser nittratta issa t-tieni parti tal-ewwel aggravju mressaq mill-Kummissjoni b’mod sussidjarju. Hija tikkonċerna essenzjalment il-punt dwar jekk il-preżunzjoni tal-100 % li toħroġ mis-sentenza Akzo Nobel (40) tistax tiġi applikata għar-relazzjoni ta’ Portielje ma’ Gosselin. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata f’dan il-każ li tiċħad l-applikabbiltà tal-preżunzjoni tal-100 %.

41.      Din il-kritika tikkonċerna d-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 46 sa 49 tas-sentenza appellata, li huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li “Portielje ma eżerċitatx attività ekonomika diretta” (41). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istatus ta’ Portielje bħala impriża jista’, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta jekk xejn mill-parteċipazzjoni “indiretta” fl-attività ekonomika ta’ Gosselin. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li tagħmel riferiment għall-punti 111 sa 113 tas-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et (42), li kienet tikkonċerna d-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, titlob lill-Kummissjoni tipproduċi provi ċari fuq il-fatt li Portielje kienet “involuta fit-tmexxija” ta’ Gosselin u ma tippermettix l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-100 % (43).

42.      B’mod konkret, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha, f’dan il-kuntest, fuq il-kliem tas-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et fis-sens li s-sempliċi detenzjoni ta’ ishma, anki ta’ kontroll, ma huwiex biżżejjed biex jikkostitwixxi attività ekonomika (44). Pjuttost, fondazzjoni li tkun proprjetarja ta’ sehem ta’ kontroll f’kumpannija għandha tiġi kkunsidrata bħala li tipparteċipa fl-attività ekonomika eżerċitata mill-“impriża” kkontrollata biss jekk teżerċita effettivament dan il-kontroll billi “tipparteċipa” direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tal-kumpannija (45).

43.      Minn din il-parti tas-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-oneru tal-prova tal-involviment ta’ fondazzjoni ekonomikament inattiva, bħalma hija Portielje, f’kumpannija kummerċjali li topera fis-suq, bħalma hija Gosselin, jaqa’ fuq il-Kummissjoni u li l-Kummissjoni ma setgħatx tissodisfa dak l-oneru tal-prova billi tirreferi – skont is-sentenza Akzo Nobel – għall-kontroll (kważi) 100 % tal-fondazzjoni fuq il-kumpannija (46).

44.      Din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija legalment żbaljata.

45.      B’kuntrast ma’ dak li tidher li hija l-fehma tal-Qorti Ġenerali, hemm xebħ bejn is-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et u s-sentenza Akzo Nobel. Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-konstatazzjoni dwar unità ekonomika u, konsegwentement, dwar l-eżistenza ta’ impriża waħda li tikkonsisti f’“kumpannija parent” u s-“sussidjarja” tagħha, għall-fatt li l-kumpannija parent trid tkun effettivament teżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarja (47).

46.      Huwa minnu li s-sentenza Akzo Nobel tirrikonoxxi wkoll il-“preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva” fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq (il-preżunzjoni tal-100 %) fil-“każ speċifiku” fejn kumpannija parent tkun proprjetarja tal-azzjonijiet kollha jew kważi kollha tas-sussidjarja tagħha (48), filwaqt li s-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et (49) ma tagħmel ebda riferiment għal din il-preżunzjoni.

47.      In-nuqqas ta’ riferiment għall-preżunzjoni tal-100 % fis-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et huwa, madankollu, x’aktarx dovut primarjament għat-tip ta’ proċeduri f’dak il-każ, jiġifieri t-talba għal deċiżjoni preliminari li bl-ebda mod ma kienet tikkonċerna kwistjonijiet ta’ prova. Għandu jitfakkar ukoll li fis-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tikkunsidra mhux il-każ speċifiku ta’ kontroll ta’ 100 % jew kważi 100 % iżda, b’mod pjuttost ġenerali, is-“sehem ta’ kontroll”, li jinkludu l-ishma ħafna inqas mil-limitu ta’ 100 %.

48.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tat importanza eċċessiva għall-fatt li, fis-sentenza tagħha Cassa di Risparmio di Firenze et, il-Qorti tal-Ġustizzja “ma stabbilixxitx preżunzjoni konfutabbli ta’ ‘interferenza’” (50), kif magħruf mill-ġurisprudenza Akzo Nobel.

49.      B’mod partikolari, ma hemmx indikazzjonijiet li, fis-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze, il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx il-preżunzjoni tal-100 % speċifikament minħabba li l-“kumpanniji parent” stess ma setgħux jitqiesu bħala impriżi jew minħabba li kienu fondazzjonijiet.

50.      Għalkemm, fi żminijiet iktar reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkun li ma eskludietx kompletament il-possibbiltà li l-kunċett tal-unità ekonomika fi kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jkun differenti minn dak li japplika f’oqsma oħra tad-dritt tal-kompetizzjoni (51), sa issa hija dejjem ippruvat tagħti interpretazzjoni assolutament uniformi tal-kunċett ta’ impriża fl-oqsma kollha tad-dritt tal-kompetizzjoni (52), u mhux inqas fis-sentenza tagħha Cassa di Risparmio di Firenze et (53). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm ma’ din il-linja anki f’dan il-każ.

51.      Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja mxiet fuq l-istess kunċett ta’ impriża speċifikament fis-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et u fis-sentenza Akzo Nobel huwa ppruvat, barra minn hekk, minn numru ta’ riferimenti reċiproċi bejn dawn iż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza (54). Dan il-punt ġie rrilevat ġustament mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

52.      Fl-aħħar nett, is-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et ma tostakolax l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-100 % għar-relazzjoni bejn fondazzjoni bħalma hija Portielje u kumpannija kummerċjali bħal Gosselin.

53.      Barra minn hekk, b’kuntrast mal-fehma ta’ Portielje, il-preżunzjoni tal-100 % ma twassalx għal inverżjoni tal-oneru tal-prova. Min-naħa l-oħra, hija tikkonsisti sempliċement f’regoli li japplikaw għall-evalwazzjoni tal-provi fil-kuntest tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-akkordji bejn kumpannija parent u sussidjarja. Bħalma l-fatt li l-kumpannija parent ikollha l-kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja tagħha jippermetti li jiġi konkluż prima facie li qiegħda tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva, hija l-kumpannija parent li għandha tirribatti din il-konklużjoni billi tressaq provi persważivi li jgħidu l-kontra; jekk dan ma jseħħx, din il-konklużjoni għandha titqies li tissodisfa r-rekwiżiti fil-qasam tal-provi. Fi kliem ieħor, ikun hemm azzjoni reċiproka bejn il-piżijiet rispettivi li tinġieb prova qabel il-kunsiderazzjoni tal-oneru ta’ prova oġġettiva (55).

54.      B’kuntrast ma’ dak li ssostni Portielje, applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-100 % għal każ bħal dan bl-ebda mod ma testendi eċċessivament il-portata tagħha; l-għan ta’ dik il-preżunzjoni huwa li tiffaċilita l-infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni taħt it-Trattati, billi tħaddan il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, u biex toħloq iċ-ċertezza legali (56). Meħuda minn dan l-aspett, is-sitwazzjoni ta’ fondazzjoni bħalma hija Portielje, li l-funzjoni tagħha hija li tiggarantixxi l-“għaqda fit-tmexxija ” ta’ kumpannija kummerċjali kkontrollata minnha, ma għandhiex tiġi evalwata b’mod differenti minn dik ta’ kumpannija parent “tipika” fir-rigward tas-sussidjarja tagħha jew dik ta’ kumpannija holding fir-rigward tal-kumpanniji tal-grupp ikkontrollati minnha. Dawn il-kumpanniji parent kollha għandhom eminentement interess ekonomiku fl-attivitajiet partikolari tas-sussidjarji rispettivi tagħhom fis-suq. Li ssir distinzjoni bejniethom f’termini ta’ responsabbiltà taħt ir-regoli tal-akkordji jmur kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali.

55.      Għal dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tagħhom għall-aġir kummerċjali tas-sussidjarji tagħhom, huwa irrilevanti jekk l-entitajiet li jikkontrollaw – kemm jekk huma fondazzjonijiet, kumpanniji holding jew xi tip ieħor ta’ kumpannija parent – humiex involuti fl-attività ekonomika huma stess. Min-naħa l-oħra, kieku l-fondazzjonijiet jew il-kumpanniji holding li ma kinux huma stess ekonomikament attivi kellhom jiġu esklużi b’mod ġenerali mill-portata tal-preżunzjoni tal-100 %, anki jekk dawn ikunu qegħdin “jiġbdu l-ħbula” minn wara l-kwinti tal-grupp, dan ikun jippermetti lill-kumpannija prinċipali fil-grupp biex tevita responsabbiltà in solidum għall-ksur tad-dritt tal-akkordji minn naħa tal-kumpanniji sussidjarji tagħha (57).

56.      Fl-aħħar nett, Portielje lanqas ma tirnexxi fl-argument tagħha li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-100 % għall-każ bħalma huwa dan iwassal għal riżultati assurdi f’każijiet fejn l-Istat huwa involut f’kumpannija kummerċjali, peress li dan jirreferi għal problema purament ipotetika li bl-ebda mod ma tqum f’dan il-każ. Is-sitwazzjoni ta’ Portielje ma tixbahx lil dik ta’ Stat bħala investitur, u dan peress li l-attivitajiet tagħha huma, wara kollox, limitati – safejn hu magħruf – biex tiżgura l-għaqda fit-tmexxija ta’ impriża familjari waħda. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlitha ċara li hija tieħu inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni speċjali tal-Istat inkonnessjoni mar-responsabbiltà għal xi ksur tad-dritt tal-akkordji minn impriżi li hija tikkontrolla (58). Għaldaqstant ma tqumx il-kwistjoni msemmija minn Portielje.

57.      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju hija wkoll fondata.

B –    Fuq il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva (it-tieni aggravju)

58.      It-tieni aggravju huwa dirett lejn il-punti 51 sa 59 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li Portielje “pprovdiet provi” b’mod li rnexxielha tikkonfuta l-preżunzjoni tal-100 % f’dan il-każ (59). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li Portielje ma eżerċitatx influwenza deċiżiva fuq Gosselin u lanqas biss kienet f’pożizzjoni li teżerċita tali influwenza.

59.      Huwa minnu li din il-parti mis-sentenza appellata jidher f’parti fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra jekk l-aġir ta’ Gosselin jistax jiġi imputat lil Portielje “għall-finijiet ta’ kompletezza” biss (60). Madankollu, peress li l-ewwel parti tas-sentenza appellata, li tiffoka fuq il-kunċett ta’ impriża, ma tistax tintlaqa’ (61), l-eżitu ta’ dan il-każ jiddependi ħafna fuq l-evalwazzjoni tat-tieni parti.

60.      Ma huwiex ikkontestat li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju attwali tal-influwenza deċiżiva minn kumpannija parent fuq il-kumpannija sussidjarja li tkun proprjetà tagħha kollha jew kważi kollha tagħha (il-preżunzjoni tal-100 %) hija, skont is-sentenza Akzo Nobel, preżunjoni juris tantum (62).

61.      Fit-tieni aggravju tagħha, madankollu, il-Kummissjoni tilmenta li, meta l-Qorti Ġenerali evalwat l-argumenti mressqa minn Portielje biex tirribatti dik il-preżunzjoni, hija wettqet żball ta’ liġi. Il-Kummissjoni tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma tatx attenzjoni biżżejjed għar-rabtiet personali bejn Portielje u Gosselin. F’dan ir-rigward, hija tressaq tliet ilmenti, li għalihom iddedikat it-tliet partijiet tat-tieni aggravju. Dawn it-tliet partijiet ser nikkunsidrahom hawn taħt, fejn it-tieni u t-tielet parti ser nikkunsidrahom flimkien.

62.      Għandu jitfakkar l-ewwel nett li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza li tissindaka l-evalwazzjoni li tagħmel il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-fatti jew il-provi matul il-proċeduri ta’ appell, ħlief f’każ ta’ żnaturament (63), xogħol il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri jinkludu l-klassifikazzjoni legali tal-fatti mill-Qorti Ġenerali (64). Dan jinkludi l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk il-Qorti Ġenerali ikkunsidratx il-kriterji legali korretti bħala l-bażi għall-evalwazzjoni tal-fatti u l-provi (65).

1.      L-allegazzjoni ta’ żnaturament tal-provi li jirrigwardaw in-natura u l-portata tar-rabtiet personali bejn Portielje u Gosselin (l-ewwel parti tat-tieni aggravju)

63.      Fl-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali bi “żnaturament manifest tal-provi” fir-rigward tal-pożizzjoni u tal-influwenza tat-tliet membri tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin, li kienu wkoll membri fuq il-bord tad-diretturi ta’ Portielje.

64.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tattakka speċifikament id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li “[m]is-sitt persuni li jikkostitwixxu l-bord tad-diretturi ta’ Portielje, nofs biss kienu wkoll fuq il-bord ta’ Gosselin” (66) u, min-naħa l-oħra, li “tliet persuni li jikkostitwixxu l-bord tad-diretturi ta’ Gosselin […] jikkostitwixxu biss nofs il-bord tad-diretturi ta’ Portielje” (67). Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali implikat b’mod skorrett li dawk it-tliet membri tal-bord ta’ Gosselin “ma setgħux, flimkien, jiddeterminaw il-politika ta’ Portielje”.

65.      Tali żnaturament tal-provi jeżisti meta, mingħajr ma jintużaw provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament żbaljata (68).

66.      F’dan il-każ, fl-ebda punt fis-sentenza appellata, u b’mod partikolari żgur mhux fil-punti 56 u 57 il-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni li qiegħda timplika il-Kummissjoni li dawk it-tliet membri tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin “ma setgħux, flimkien, jiddeterminaw il-politika ta’ Portielje”. L-akkuża ta’ żnaturament tal-provi f’dan ir-rigward għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

67.      B’hekk l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija infondata.

2.      In-nuqqas ta’ deċiżjonijiet formali mill-korpi ta’ Portielje u Gosselin (it-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju)

68.      Fit-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tilmenta essenzjalment li l-Qorti Ġenerali evalwat il-possibbiltajiet li Portielje teżerċita influwenza fuq Gosselin minn aspetti tad-dritt tal-kumpanniji biss.

69.      Il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, tibbaża l-konklużjoni tagħha li l-preżunzjoni tal-100 % hija kkonfutata b’mod ġenerali ħafna minħabba l-fatt li l-bord tad-diretturi ta’ Portielje ma ħax deċiżjonijiet formali sakemm ma kienx sar il-ksur; l-eżerċizzju minn Portielje ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Gosselin kien, skont il-Qorti Ġenerali, “eskluż għal din ir-raġuni biss” (69). Il-Qorti Ġenerali tinnota wkoll li, matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-18 ta’ Settembru 2002, li matulu l-ksur tad-dritt tal-akkordji kien imputat lil Portielje taħt id-deċiżjoni kkontestata, ma nżammet ebda laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Gosselin li fiha Portielje setgħat teżerċita influwenza fuq il-politika kummerċjali ta’ Gosselin (70). Hija tgħid ukoll li Portielje ma kellhiex influwenza fuq il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin matul il-perijodu inkwistjoni, u lanqas ma nbidel il-kompożizzjoni tiegħu fuq inizjattiva ta’ Portielje (71).

70.      Dawn id-dikjarazzjonijiet mill-Qorti Ġenerali juru inkomprensjoni fundamentali tal-preżunzjoni tal-100 % u r-rekwiżiti legali sabiex din tiġi kkonfutata.

71.      Il-punt dwar jekk il-kumpannija sussidjarja tistax tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq b’mod indipendenti jew hijiex esposta għall-influwenza deċiżiva tal-kumpannija parent tagħha ma tistax tiġi evalwata biss mill-aspett tad-dritt tal-kumpanniji rilevanti. Jekk dan ikun il-każ, ikun faċli għall-kumpanniji parent kkonċernati biex jevitaw ir-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mill-kumpanniji sussidjarji proprjetà sħiħa tagħhom, billi jinvokaw kwistjonijiet li jaqgħu kompletament taħt id-dritt tal-kumpanniji.

72.      Għalkemm is-setgħat tal-korpi tal-kumpanniji parteċipanti, il-fatt dwar jekk u meta ħadu d-deċiżjonijiet u l-kontenut tad-deċiżjonijiet huma fatturi li ċertament għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-fattur deċiżiv huwa fl-aħħar nett ir-realtà ekonomika, peress li d-dritt tal-kompetizzjoni ma huwiex irregolat b’teknikalitajiet, iżda bl-aġir attwali tal-impriżi.

73.      Kif ġustament tinnota l-Kummissjoni, ikun wisq formalistiku u bl-ebda mod konformi mar-realtà ekonomika li l-kwistjonijiet tal-influwenza bejn kumpannija parent u s-sussidjarja jiġu evalwati abbażi biss tal-azzjonijiet regolati mid-dritt tal-kumpanniji.

74.      Madankollu, huwa f’dan il-formaliżmu li waqgħet il-Qorti Ġenerali meta – wara l-argumenti mressqa mir-rikorrent fl-ewwel istanza – hija kkunsidrat l-aspett tad-dritt tal-kumpanniji bħala li huwa l-fattur determinanti fil-kwistjoni dwar l-influwenza deċiżiva ta’ Portielje fuq Gosselin. Bil-fatt li llimitat il-kriterji tagħha għal standards ibbażati biss fuq id-dritt tal-kumpanniji, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali naqset milli tapprezza li l-konstatazzjoni li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw unità ekonomika ma tippreżumix neċessarjament deċiżjonijiet formali mill-korpi tal-kumpannija: dik l-unità jista’ jkollha bażi informali, li tikkonsisti b’mod partikolari f’rabtiet personali bejn żewġ kumpanniji.

75.      Għalkemm il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod inċidentali ukoll ir-rabtiet personali bejn Gosselin u Portielje, hija terġa’ tiffoka kompletament fuq l-aspetti tad-dritt tal-kumpanniji f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, iż-żewġ kwistjonijiet diskussi jidhru li huma komparattivament teoretiċi: l-ewwel waħda, dwar jekk “[i]d-diretturi prinċipali ta’ Portielje, []eżerċitaw[x] influwenza, permezz tal-laqgħa ġenerali ta’ Gosselin, fuq il-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar” u t-tieni waħda, dwar jekk “[i]l-kumpanniji kollha li fihom [it-]tliet membri tal-bord ta’ Gosselin f’dan l-istess rwol għandhom jiġu kkunsidrati, għaldaqstant, bħala kumpanniji parent ta’ Gosselin” (72).

76.      Madankollu, kien ikun ta’ importanza deċiżiva kieku, apparti d-deliberazzjonijiet formali fuq id-dritt tal-kumpanniji, ġew eżaminati l-effetti attwali tar-rabtiet personali bejn Portielje u Gosselin fuq l-attivitajiet kummerċjali ta’ kuljum u evalwat, purament abbażi tal-fatti, jekk Gosselin – b’kuntrast mal-preżunzjoni tal-100 % – kinitx tiddetermina verament il-politika kummerċjali tagħha b’mod indipendenti. Sfortunatament, ma hemm xejn minn dan fis-sentenza appellata.

77.      Fl-aħħar nett, jeħtieġ ukoll li tiġi miċħuda l-oġġezzjoni ta’ Portielje li l-preżunzjoni tal-100 % ssir “inkonfutabbli” kieku kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni modi ta’ eżerċizzju ta’ influwenza li ma humiex il-korpi tal-persuni ġuridiċi. L-ewwel nett, Portielje bl-ebda mod ma ssostanzjat din l-oġġezzjoni. It-tieni nett, huwa ċar li jistgħu, fil-fatt, jinġiebu provi tas-sekwenzi tal-ġrajjiet kummerċjali ta’ kuljum, u ta’ ġrajjiet li ma jseħħux fil-korpi tal-persuni ġuridiċi, fil-forma, pereżempju, ta’ skambji ta’ korrispondenza interna u ta’ dokumenti interni, noti ta’ diskussjoni u dikjarazzjonijiet ta’ xhieda (73). Tali provi jistgħu jwasslu jew għal konfutazzjoni jew għal korroborazzjoni tal-preżunzjoni tal-100 % skont il-kontenut attwali tagħhom.

78.      Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju huma fondati.

 Ċ - Konklużjoni intermedjarja

79.      Għaldaqstant, jista’ jingħad li ż-żewġ partijiet tal-ewwel aggravju u t-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju huma fondati.

80.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, il-punti 4 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq ir-rikors ta’ Portielje fil-Kawża T‑209/08, għandhom jiġu annullati. Il-bqija tas-sentenza appellata, li ma hijiex is-suġġett ta’ dan l-appell, ma hijiex affettwata.

V –    Deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament ta’ Portielje

81.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

82.      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettal fis-sentenza tagħha l-motivi mressqa minn Portielje fil-proċeduri fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑209/08. Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, il-partijiet kellhom opportunità wkoll jiskambjaw il-fehmiet tagħhom fuq l-aspetti kollha rilevanti għas-sentenza f’dan il-każ. Lanqas il-fatti ma għandhom bżonn ta’ iktar kjarifika. Għaldaqstant, l-istat tal-proċeduri jippermetti li tingħata sentenza.

A –    L-ewwel motiv ta’ Portielje fil-Kawża T‑209/08

83.      Permezz tal-ewwel motiv tagħha fil-Kawża T‑209/08, Portielje ssostni li, peress li ma hijiex impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma hemm ebda relazzjoni ta’ kumpannija parent u ta’ sussidjarja bejnha u bejn Gosselin (74).

84.      Dan il-motiv għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq (75).

B –    It-tieni motiv ta’ Portielje fil-Kawża T‑209/08

85.      Permezz tat-tieni motiv tagħha fil-Kawża T 209/08, Portielje targumenta li hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-atti mwettqa minn Gosselin, peress li ma teżerċita ebda influwenza deċiżiva fuq dik il-kumpannija (76).

86.      Għandu jiġi nnutat f’dan ir-rigward li Portielje tikkontrolla indubbjament l-ishma kollha jew kważi kollha ta’ Gosselin (77). Skont is-sentenza Akzo Nobel (78), teżisti għaldaqstant preżunzjoni konfutabbli li Portielje teżerċita, fil-fatt, influwenza deċiżiva fuq Gosselin.

87.      Biex tirribatti dik il-preżunjoni, ir-rikorrenti targumenta f’termini purament formali billi tirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-fondazzjonijiet jew tal-kumpanniji li jikkonċernaw il-korpi ta’ Portielje u ta’ Gosselin. Hija tirreferi għall-obbligu statutorju li għandhom il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin biex jaġixxu biss fl-interessi ta’ dik il-kumpannija u tenfasizza li l-bordijiet tad-diretturi ta’ Portielje u Gosselin huma korpi kollettivi li l-membri tagħhom huma biss parzjalment identiċi.

88.      Kif ingħad iktar ’il fuq (79), madankollu, dan l-argument waħdu ma huwiex rilevanti, peress li l-fatturi deċiżivi huma ċ-ċirkustanzi attwali u r-realtà ekonomika. Dan japplika iktar f’sitwazzjoni bħal dik preżenti, fejn, għalkemm il-membri tal-bordijiet tad-diretturi ta’ Portielje u Gosselin ma kinux assolutament identiċi, kienu ċertament jeżistu rabtiet personali konsiderevoli bejn iż-żewġ persuni ġuridiċi fil-forma ta’ tliet membri tal-bord li kienu komuni għat-tnejn li huma. Dawn ir-rabtiet isaħħu iktar l-impressjoni inizjali tan-nuqqas ta’ indipendenza ta’ Gosselin minn Portielje u ta’ interessi paralleli rispettivi.

89.      Kien ikun għar-rikorrent fl-ewwel istanza (80) li jispjega li, f’dan il-każ, il-“kumpannija parent” Portielje eżerċitat ċerta limitazzjoni fir-relazzjoni tagħha mas-“sussidjarja” Gosselin, b’mod li din tal-aħħar iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod indipendenti, minkejja li kienet ikkontrollata kompletament minn dik tal-ewwel (81).

90.      Dik bl-ebda mod ma hija probatio diabolica li teżiġi li l-kumpannija parent tipprova fatt negattiv (82). Pjuttost, kif ingħad diġà (83), l-użu ta’ fatti speċifiċi mill-attivitajiet kummerċjali ta’ kuljum jippermetti li jiġi spjegat jekk u safejn il-kumpannija sussidjarja nnifisha ddeterminat il-politika kummerċjali tagħha u l-aġir tagħha fis-suq u fil-fatt hekk aġixxiet b’mod indipendenti, jiġifieri, indipendentement mill-kumpannija parent tagħha.

91.      Madankollu, peress li Portielje – apparti milli tittratta l-kuntest tad-dritt tal-fondazzjonijiet u d-dritt tal-kumpanniji – ma pproduċiet xejn konkret biex tirribatti l-preżunzjoni tal-100 % u, b’mod partikolari, naqset milli tittratta l-implikazzjonijiet prattiċi tar-rabtiet personali ma’ Gosselin, it-tieni motiv tagħha huwa wkoll infondat.

 Ċ - Fatturi oħra

92.      Il-motivi l-oħra mressqa minn Portielje fil-Kawża T‑209/08 diġà ġew iddikjarati infondati mill-Qorti Ġenerali. Jiena eżaminajt dawk il-motivi u kkunsidrajthom jiena wkoll bħala infondati, essenzjalment minħabba l-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

93.      Lanqas it-tnaqqis tal-multa minn naħa tal-Qorti Ġenerali favur Gosselin ma jista’ jkollha xi effett fuq Portielje, peress li dak it-tnaqqis tal-multa jikkonċerna l-perijodu mit-30 ta’ Ottubru 1993 sal-14 ta’ Novembru 1996, filwaqt li Portielje, skont id-deċiżjoni kkontestata, kienet responsabbli in solidum biss mill-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u t-18 ta’ Settembru 2002.

94.      Barra minn hekk, ma nista nidentifika xejn li jindika li l-multa imposta fuq Portielje kienet ikkalkolata b’mod żbaljat, jew li kienet sproporzjonata jew sempliċement mhux adattata. Konsegwentement, ma hemm ebda raġuni biex dik il-multa tiġi mwarrba jew ikkalkolata mill-ġdid f’dan il-każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni illimitata (Artikolu 261 TFUE flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003).

 D - Konklużjoni intermedjarja

95.      Dan kollu kkunsidrat, ir-rikors għal annullament ta’ Portielje ippreżentat fil-Kawża T‑209/08 għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

VI – Spejjeż

96.      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż (84).

97.      Skont l-Artikolu 138(1) flimkien mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Portielje tilfet fiż-żewġ istanzi, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi, kif mitlub mill-Kummissjoni.

VII – Konklużjoni

98.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

“1)      Tannulla l-punti 4 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il‑Kummissjoni (Kawżi maqgħuda T‑208/08 u T‑209/08).

2)      Tiċħad ir-rikors għall-annullament ippreżentat minn Stichting Administratiekantoor Portielje fil-Kawża T‑209/08.

3)      Tordna lil Stichting Administratiekantoor Portielje tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑209/08 u l-ispejjeż ta’ dan l-appell.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tat-Trattat ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 926 finali, publikazzjoni sommarja ppubblikata fil-ĠU 2009, C 188, p. 16; it-test sħiħ ta’ din id-deċiżjoni huwa disponibbli biss fuq is-sit internet tal-Kummissjoni, Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, f’verżjoni mhux kunfidenzjali bil-lingwa Franċiża (fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/index.html).


3 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011 Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda T‑208/08 u T‑209/08).


4 –      Il-kawża pendenti Gosselin Group vs Il‑Kummissjoni u Stichting Administratiekantoor Portielje (Kawża C‑429/11 P) tikkonċerna wkoll appell kontra s-sentenza appellata f’dan il-każ. Hemm sentenzi oħra tal-Qorti Ġenerali fuq il-kartell tal-ġarr li huma s-suġġett ta’ appelli pendenti fil-kawża Ziegler vs Il‑Kummissjoni (Kawża C‑439/11 P), Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (Kawża C‑441/11 P) u Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (Kawża C‑444/11 P). Jiena ppreżentajt konklużjonijiet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (Kawża C‑444/11 P) fl-24 ta’ Mejju 2012.


5 –      F’dan ir-rigward u fir-rigward tas-segwenti, ara l-punt 2 tas-sentenza appellata.


6 – Allied Arthur Pierre, Compas, Coppens, Gosselin, Interdean, Mozer, Putters, Team Relocations, Transworld u Ziegler (ara, pereżempju, il-premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata).


7 –      Dawn il-perijodi jvarjaw minn tliet xhur sa 18-il sena.


8 – Ara, b’mod partikolari, il-premessi 307, 314 u 345 tad-deċiżjoni kkontestata.


9 –      F’dan ir-rigward, ara l-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 1 tas-sentenza appellata.


10 – F’dan ir-rigward, ara l-premessi 123 sa 153 tad-deċiżjoni kkontestata.


11 –      Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 1 tas-sentenza appellata.


12 –      Il-multi individwali kienu bejn EUR 1 500 u EUR 9 200 000.


13 –      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2009, innotifikata taħt id-dokument numru C(2009) 5810 finali.


14 – F’dan ir-rigward, ara b’żieda mas-sentenza appellata, erba’ sentenzi oħra tas-16 ta’ Ġunju 2011, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (Kawża T‑199/08, Ġabra p. II‑3507), Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda T‑204/08 u T‑212/08, Ġabra p. I‑3569), Verhuizingen Coppens vs Il‑Kummissjoni (Kawża T‑210/08, Ġabra p. II‑3713) u Putters International vs Il‑Kummissjoni (Kawża T‑211/08, Ġabra p. II‑3729).


15 –      Ara l-punti 1 sa 3 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.


16 –      Ara l-punti 4 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.


17 – Il-bqija tas-sentenza appellata, li tikkonċerna r-rikors għal annullament ta’ Gosselin, huwa s-suġġett ta’ appell fil-Kawża C‑429/11 P.


18 – Peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, il-projbizzjoni tal-kartelli stabbilita fl-Artikolu 81 KE għadha tapplika f’dan il-każ. Il-kummenti segwenti jistgħu, madankollu jiġu trasposti kompletament għall-Artikolu 101 TFUE.


19 – Sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (Kawża 48/69, Ġabra p. 619, iktar ’il quddiem is-“sentenza ICI”, punti 132 u 133); tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni (Kawża 107/82, Ġabra p. 3151, punt 49); tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (Kawża C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, iktar ’il quddiem is-“sentenza Akzo Nobel”, punti 58 u 72); tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxemburg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxemburg et (Kawża C‑201/09 P u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239, iktar ’il quddiem is-“sentenza ArcelorMittal”, punti 95 u 96), kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (Kawżi magħquda C‑628/10 P u C‑14/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza AOI”, punti 42 sa 44).


20 – Sentenza Akzo Nobel (punti 60 u 61), ArcelorMittal (punti 97 u 98) u AOI (punti 46 u 47), kollha ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19. Iż-żewg sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il‑Kummissjoni (Kawża C‑520/09 P, Ġabra p. I‑8901, punti 40 u 42) u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni (Kawża C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, iktar ’il quddiem is-“sentenza Elf Aquitaine”, punti 56, 63 u 95), it-tnejn li huma jikkonċernaw sussidjarji li huma 98 % proprjetà tal-kumpannija parent.


21 – F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-12 ta’ Jannar 2012, fil-kawża AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, b’mod partikolari l-punt 33).


22 –      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).


23 –      Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 59); tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (Kawża C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 38), tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (Kawża C‑49/07, Ġabra p. I‑4863, punt 20), kif ukoll Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 54).


24 –      Punt 50 tas-sentenza appellata.


25 –      Punti 42 u 43 tas-sentenza appellata.


26 – Sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (Kawża C‑41/90, Ġabra p. I‑1979, punt 21); tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (Kawża C‑273/04, Ġabra p. I‑2843, punt 28); ETI et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 38); MOTOE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 21); Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 54); ArcelorMittal (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 95) u AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 42).


27 – Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau (Kawża 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11), Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 55), ArcelorMittal (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 95) u AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 42).


28 –      Punt 40 tas-sentenza appellata; ara wkoll il-punt 44 tal-imsemmija sentenza.


29 –      Punt 42 tas-sentenza appellata.


30 – Sentenza Akzo Nobel (punt 59), ArcelorMittal (punt 101) u AOI (punt 44), kollha ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 44); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 173) u fil-kawża Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 97).


31 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, L‑Italja vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (Kawża 32/65, Ġabra 389, punt 407 et seq); ICI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 134), tal-24 ta’ Ottubru 1996, Viho vs Il‑Kummissjoni (Kawża C‑73/95 P, Ġabra p. I‑5457, punt 16) u s-sentenza Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (Kawża C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 44).


32 – Sentenza Akzo Nobel (punti 56 u 59), ArcelorMittal (punti 95 u 101) u AOI (punti 42 sa 44), kollha ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


33 –      Punt 39 tas-sentenza appellata.


34 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Akzo Nobel (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 11).


35 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


36 – Sentenza Hydrotherm Gerätebau (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27), ICI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19), u Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni (Kawża C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925).


37 –      Punti 40 u 41 tas-sentenza appellata.


38 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-3 ta’ Lulju 2007, fil-kawża ETI et (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 71 u 72), u kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 39 u 41).


39 –      Punti 42, 43 sa 50 tas-sentenza appellata.


40 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi Akzo Nobel (punti 60 u 61), ArcelorMittal (punti 97 u 98) u AOI (punti 46 u 47), kollha ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


41 –      Punt 46 tas-sentenza appellata.


42 – Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, Ġabra p. I‑289).


43 –      Punti 47 sa 49 tas-sentenza appellata.


44 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 111.


45 – Sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 112). Biex inkun preċiż, f’din il-parti tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tirreferix għal fondazzjoni, iżda b’mod iktar ġenerali għal “korp” li jkun proprjetarju ta’ ishma ta’ kontroll f’kumpannija. Mill-kuntest globali ta’ dik is-sentenza, jista’ jiġi dedott, madankollu, li inkwistjoni hemmhekk kien hemm il-fondazzjonijiet, u b’mod iktar speċifiku, il-fondazzjonijiet bankarji taħt id-dritt Taljan.


46 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata.


47 – Għad-dritt tal-akkordji, ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 144); għad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, ara s-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 112).


48 –      F’dan ir-rigward, ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.


49 –      Sentenza ċċitata fn-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, b’mod partikolari l-punti 110 sa 113.


50 –      Punt 48 tas-sentenza appellata.


51 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, (Kawża C‑480/09 P, Ġabra p. I‑13355, punt 66).


52 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.


53 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 107; ara wkoll is-sentenza Enirisorse (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 28).


54 – Fis-sentenza Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 54) il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42). Fis-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni (Kawża C‑90/09 P, Ġabra p. I‑1, iktar ’il quddiem is-“sentenza General Química”, punti 34 u 35) isir riferiment kemm għas-sentenza Akzo Nobel kif ukoll għas-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et.


55 – F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 74) u fil-kawża AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 170).


56 – F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 71 flimkien mal-punti 40 u 41).


57 – Għal diversi eżempji li juru li huwa konċepibbli, madankollu, li l-preżunzjoni tal-100 % tiġi kkonfutata, ara l-kummenti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19).


58 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ETI et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 47 sa 50).


59 –      Punt 58 tas-sentenza appellata.


60 –      Punt 51 tas-sentenza appellata.


61 –      Ara, iktar ’il fuq, il-punti 25 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Akzo Nobel (punti 60 u 63), ArcelorMittal (punt 97) u AOI (punti 46 u 48), kollha ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, kif ukoll is-sentenzi General Química (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punti 39, 42 u 50) u Elf Aquitaine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 56 u 59).


63 –      Digriet tas-17 ta’ Settembru 1996, San Marco vs Il‑Kummissjoni (Kawża C‑19/95 P, Ġabra p. I‑4435, punt 39) kif ukoll is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (Kawża C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 49); Elf Aquitaine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 68); sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra p. I‑4727, punt 149), u AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 85).


64 – Digriet fis-sentenza San Marco vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 39), kif ukoll is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 49); u Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 149).


65 – Sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (Kawża C‑109/10 P, Ġabra p. I‑10329, punt 51) u Solvay vs Il‑Kummissjoni (Kawża C‑110/10 P, Ġabra p. I‑10439, punt 46).


66 –      Punt 56 tas-sentenza appellata.


67 –      Punt 57 tas-sentenza appellata.


68 – Sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (Kawża C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 37); tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni (Kawża C‑260/05 P, Ġabra p. I‑10005, punt 37); u Comitato “Venezia vuole vivere” vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 153).


69 –      Punt 54 tas-sentenza appellata.


70 –      Punt 55 tas-sentenza appellata.


71 –      Punt 56 tas-sentenza appellata.


72 –      Punt 57 tas-sentenza appellata.


73 – Ara, f’dan ir-rigward, pereżempju, l-evalwazzjoni tal-provi li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza General Química (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punt 104).


74 –      Punti 28 u 29 tas-sentenza appellata.


75 –      F’dan ir-rigward, ara l-punti 27 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76 –      Punti 28 u 30 sa 32 tas-sentenza appellata.


77 – Kliem il-Qorti Ġenerali huwa li Portielje “għandha kważi l-kapital kollu ta’ Gosselin” (punti 49 u 53 tas-sentenza appellata). Fil-fehma tiegħi, ikun iktar preċiż jekk jingħad li Portielje għandha l-ishma kollha ta’ Gosselin taħt il-kontroll tagħha, peress li żżomm 92 % minn dawk l-ishma taħt trust għall-membri tal-familja fondatriċi u barra minn hekk, għandha kważi l-ishma kollha (99.87 %) ta’ Vivet en Gosselin NV, li hija proprjetarja tar-rimanenti 8 % mill-azzjonijiet ta’ Gosselin. Biex tapplika l-preżunzjoni tal-100 %, madankollu, din il-kwistjoni tal-kliem ma tagħmilx differenza.


78 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Akzo Nobel (punti 60 u 61), ArcelorMittal (punti 97 u 98) u AOI (punti 46 u 47), kollha ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


79 –      F’dan ir-rigward, ara l-punti 68 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


80 – Sentenzi General Química (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punt 104) u Elf Aquitaine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 61).


81 – F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 171) u fil-kawża Akzo Nobel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 75).


82 –      F’dan is-sens ara wkoll is-sentenza Elf Aquitaine (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 65).


83 –      Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


84 – Skont il-prinċipju ġenerali li r-regoli proċedurali ġodda japplikaw għall-proċeduri kollha pendenti fiż-żmien li fihom jidħlu fis-seħħ dawk ir-regoli [ġurisprudenza stabbilita, ara pereżempju, is-sentenza Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9), id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż f’dan il-każ hija bbażata fuq ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 2012, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012 (f’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza Rat vs Bamba (C-417/11 P, punti 91 u 92). Madankollu, ma hemmx differenza sostantiva mill-Artikolu 69(2), flimkien mal-Artikolu 118 u l-Artikolu 122(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1991.