Language of document : ECLI:EU:C:2011:637

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2011 (1)

Kawża C‑366/10

Air Transport Association of America et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice of England and Wales, Queen’s Bench Division, Administrative Court (ir-Renju Unit)]

Werrej

“Ambjent – Gassijiet serra – Kwoti ta’ emissjonijiet – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (‘Skema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet) – Inklużjoni ta’ attivitajiet bl-ajru – Servizz internazzjonali bl-ajru – Dritt internazzjonali pubbliku – Dritt internazzjonali – Kompatibbiltà tad-dritt sussidjarju tal-Unjoni mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mad-dritt internazzjonali konswetudinarju – Direttivi 2003/87/KE u 2008/101/KE”






Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Id-dritt applikabbli

A –   Id-dritt internazzjonali pubbliku

1.     Il-Konvenzjoni ta’ Chicago

2.     Il-Protokoll ta’ Kyoto

3.     Il-Ftehim “Sema Miftuħ” bejn l-UE u l-Istati Uniti

B –   Id-dritt tal-Unjoni

C –   Id-dritt nazzjonali

III – Il-kontroversja fil-kawża prinċipali

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   Analiżi

A –   L-użu ta’ konvenzjonijiet internazzjonali u ta’ prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju bħala kriterji għall-istħarriġ ta’ legalitŕ tad-Direttiva 2008/101 (domanda 1)

1.     Il-konvenzjonijiet internazzjonali (domanda 1(i) sa (vii))

a)     Il-Konvenzjoni ta’ Chicago [domanda 1(e)]

i)     Nuqqas ta’ effett vinkolanti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago abbażi tal-Artikolu 351 TFUE.

ii)   Nuqqas ta’ effett vinkolanti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago abbażi tas-suċċessjoni funzjonali

iii) Konklużjoni intermedja

b)     Il-Protokoll ta’ Kyoto u l-Ftehim Sema Miftuħ [domanda 1(f) u (g)]

i)     Osservazzjoni preliminari

ii)   Il-Protokoll ta’ Kyoto [domanda 1(g)]

–       In-natura u l-istruttura tal-Protokoll ta’ Kyoto

–       L-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto

iii) Il-Ftehim Sema Miftuħ [domanda 1(f)]

–       In-natura u l-istruttura ġenerali tal-Ftehim Sema Miftuħ

–       In-natura inkundizzjonali u suffiċjentement preċiża tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Ftehim Sema Mifuħ

iv)   Konklużjoni intermedja

2.     Id-dritt internazzjonali konswetudinarju [domanda 1(a) sa (d)]

a)     Fuq l-eżistenza tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju inkwistjoni u n-natura vinkolanti tagħhom għall-Unjoni

i)     Is-sovranità tal-Istati fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom [domanda 1(a)]

ii)   L-illegalità ta’ pretensjonijiet ta’ sovranità fuq l-ibħra internazzjonali [domanda 1(b)]

iii) Il-libertà ta’ titjir fuq l-ibħra internazzjonali [domanda 1(c)]

iv)   L-allegata sovranità esklużiva fuq l-inġenji tal-ajru li jittajru fuq l-ibħra internazzjonali [domanda 1(d)]

b)     Fuq jekk l-imsemmija prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju jistgħux iservu ta’ kriterji għall-istħarriġ tal-validità fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn persuni naturali jew ġuridiċi

3.     Konklużjoni intermedja

B –   Fuq il-kompatibbiltà tad-Direttiva 2008/101 mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju mqajma (domandi 2, 3 u 4)

1.     Il-kompatibbiltà ma’ ċerti prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju (domanda 2)

a)     Fuq in-nuqqas ta’ effett extra territorjali tal-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet

b)     Fuq l-eżistenza ta’ fattur ta’ rabta territorjali suffiċjenti

c)     Fuq in-nuqqas ta’ theddida għas-sovranità ta’ pajjiżi terzi

d)     Konklużjoni intermedja

2.     Il-kompatibbiltà ma ċerti konvenzjonijiet internazzjonali (domandi 3 u 4)

a)     In-natura legali tal-inklużjoni fl-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ partijiet ta’ rotot li jsiru barra mill-ispazju tal-ajru tal-UE (domanda 3)

i)     Kompatibbiltà mal-Artikoli 1, 11 u 12 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago [domanda 3(a)]

ii)   Kompatibbiltà mal-Artikolu 7 tal-Ftehim Sema Miftuħ [domanda 3(b)]

b)     Il-legalità tal-aġir iżolat tal-UE, barra mill-ICAO [domanda 4(a)]

i)     Kompatibbiltà mal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto

ii)   Kompatibbiltà mal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ

–       L-ebda norma ta’ protezzjoni tal-ambjent tal-ICAO ma tipprekludihom

–       Nuqqas ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-Ftehim Sema Miftuħ

–       Nuqqas ta’ projbizzjoni ta’ azzjoni unilaterali barra mill-qafas tal-ICAO

c)     Nuqqas ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ dazji għad-dħul jew għal ħruġ ta’ inġenji tal-ajru mit-territorju [domanda 4(b)]

d)     Nuqqas ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ taxxi u dazji tad-dwana fuq il-karburanti [domanda 4(c)]

i)     Fuq il-projbizzjoni ta’ sisa fuq il-karburant

ii)   Fuq il-projbizzjoni ta’ dazji tad-dwana fuq il-karburanti

iii) Konklużjoni intermedja

C –   Taqsira

VI – Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        L-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, adottata fl-2003 mill-Unjoni Ewropea, tirrappreżenta element fundamentali tal-politika Ewropea fil-qasam tal-bdil fil-klima (2). Minn naħa, hija intiża għat-twettiq ta’ għan importanti tal-istituzzjonijiet Ewropej fil-qasam tal-politika tal-ambjent; min-naħa l-oħra, l-iskema sservi biex jiġu osservati l-obbligi li daħlu għalihom l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha sa mis-sena 1990 fil-kuntest tal-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari f’dak li huwa magħruf bħala l-Protokoll ta’ Kyoto.

2.        Id-Direttiva 2008/101/KE (3) tipprovdi li mill-1 ta’ Jannar 2012, l-attivitajiet tal-avjazzjoni għandhom jiġu integrati f’din l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

3.        Diversi kumpanniji tal-ajru u assoċjazzjonijiet ta’ kumpanniji tal-ajru li għandhom is-sede tagħhom fl-Istati Uniti tal-Amerka jew fil-Kanada jikkontestaw din l-iskema. Huma jattakkaw il-miżuri adottati mir-Renju Unit għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/101 quddiem il-High Court of Justice of England and Wales. Huma jsostnu li bl-inklużjoni tas-servizz internazzjonali bl-ajru – b’mod partikolari s-servizz trans-Atlantiku bl-ajru – fl-iskema tagħha għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, l-Unjoni Ewropea qiegħda tikser diversi prinċipji tad-dritt internazzjoni konswetudinarju kif ukoll diversi konvenzjonijiet internazzjonali.

4.        Fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti deċiżjoni preliminari fuq il-validità tad-Direttiva 2008/101. Id-deċiżjoni tagħha għandha importanza kbira mhux biss għat-tfassil tal-politika Ewropea futura fuq il-klima, iżda wkoll, b’mod ġenerali, għar-rabtiet bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali pubbliku. B’mod partikolari għandu jiġi deċiż jekk, u sa fejn, individwi jistgħux jinvokaw ġudizzjarjament ċerti konvenzjonijiet internazzjonali u ċerti prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju sabiex jinvalidaw att ġuridiku tal-Unjoni Ewropea.

II – Id-dritt applikabbli

A –    Id-dritt internazzjonali pubbliku

5.        Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jeżisti riferiment, minn naħa, għal ċerti prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju u, min-naħa l-oħra, għal diversi konvenzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Protokoll ta’ Kyoto u dak magħruf bħala l-ftehim “Sema Miftuħ” konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika.

1.      Il-Konvenzjoni ta’ Chicago

6.        Għalkemm l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, miftuħa għall-firem f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”) (4), is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jifformaw parti minnha. Fil-Kapitolu I tagħha [“Prinċipji ġenerali u applikazzjoni tal-konvenzjoni” (traduzzjoni mhux uffiċjali)] teżisti dispożizzjoni fl-Artikolu 1 dwar is-sovranità tal-ajru:

“L-Istati kontraenti jirrikonoxxu li kull Stat għandu s-sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru fuq it-territorju tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7.        Fil-Kapitolu II tal-Konvenzjoni ta’Chicago (“Titjiriet fuq it-territorju tal-Istati kontraenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]), l-Artikolu 11 imsejjaħ “Applikazzjoni tar-regolamenti tal-ajru” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jipprovdi kif ġej :

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti, il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Stat kontraenti dwar id-dħul u l-ħruġ mit-territorju tiegħu ta’ ingenji tal-ajru utilizzati fin-navigazzjoni internazzjonali tal-ajru jew dwar in-navigazzjoni ta’ tali ingenji tal-ajru ġot-territorju tiegħu, għandhom japplikaw, mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, għall-inġenji tal-ajru tal-Istati kontraenti kollha u l-imsemmija inġenji tal-ajru għandhom jikkonformaw ruħhom magħhom meta jidħlu, joħroġu u meta jkunu ġot-territorju ta’ dan l-Istat.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.        L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago tipprovdi kif ġej fir-rigward tar-“regoli tal-ajru” [traduzzjoni mhux uffiċjali]:

9.        “Kull Stat kontraenti jintrabat li jadotta miżuri sabiex jiżgura li kull ingenju tal-ajru li jittajjar fuq it-territorju tiegħu jew li jimmanuvra hemmhekk, kif ukoll kull ingenju tal-ajru li jġorr il-marka tan-nazzjonalità tiegħu kull fejn jinsab, jikkonforma ruħhu mar-regoli u r-regolamenti dwar it-titjir u l-manuvra tal-inġenji tal-ajru fis-seħħ hemmhekk. Kull Stat kontraenti jintrabat li, kemm jista’ jkun possibbili, huwa jżomm ir-regoli tiegħu f’dan il-qasam konformi ma’ dawk li jistgħu jiġu stabbiliti skont din il-Konvenzjoni. Fuq l-ibħra internazzjonali, ir-regoli fis-seħħ huma r-regoli stabbiliti skont din il-konvenzjoni. Kull Stat kontraenti jintrabat li jħarrek lil kull persuna li tikser ir-regoli applikabbli.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali.]

10.      L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, intitolat “Ħlas tal-ajruport u ħlasijiet simili” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jipprovdi kif ġej :

“Kull ajruport li jinsab fi Stat kontraenti li huwa miftuħ għall-użu pubbliku mill-inġenji tal-ajru ta’ dak l-Istat għandu […] ikun miftuħ ukoll taħt kundizzjonijiet uniformi għall-inġenji tal-ajru tal-Istati kontraenti l-oħra. […].

Il-ħlasijiet li jista’ jimponi jew jippermetti li jiġu imposti Stat kontraenti għall-użu tal-imsemmija ajruporti, faċilitajiet u servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru minn ingenji tal-ajru ta’ kull Stat kontraenti ieħor ma għandhomx ikunu:

a)      għall-inġenji tal-ajru li mhumiex involuti f’servizzi internazzjonali regolari bl-ajru, iktar mill-ħlasijiet pagabbli mill-inġenji tal-ajru nazzjonali tiegħu tal-istess klassi li jkunu involuti f’servizzi simili;

b)      għall-inġenji tal-ajru li huma involuti f’servizzi tal-ajru internazzjonali regolari, iktar mill-ħlasijiet li jkunu pagabbli mill-inġenji tal-ajru nazzjonali tiegħu li jkunu involuti f’servizzi simili.

Dawn il-ħlasijiet kollha għandhom jiġu ppublikati u kkomunikati lill-Organizzazzjoni Internazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili […]. L-ebda Stat kontraenti ma għandu jimponi dazji, taxxi jew ħlasijiet biss għad-dritt ta’ passaġġ, ta’ dħul jew ta’ ħruġ mit-territorju tiegħu ta’ kwalunkwe inġenju tal-ajru ta’ Stat kontraenti, jew ta’ persuni jew beni li jinsabu abbord.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali.]

11.      Il-Kapitolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (“Miżuri intiżi li jiffaċilitaw in-navigazzjoni bl-ajru” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]) fih l-Artikolu 24, iddedikat għad-“Dazji tad-dwana” :

“a)      F’titjira lejn jew ġejja mit-territorju ta’ Stat kontraenti ieħor jew għaddejja minn dan it-territorju, kwalunkwe inġenju tal-ajru għandu jitħalla temporarjament jidħol mingħajr dazji, bla ħsara għar-regolamenti doganali ta’ dak l-Istat. Il-karburant […] li jinsab f’inġenju tal-ajru ta’ Stat kontraenti mal-wasla tiegħu fit-territorju ta’ Stat kontraenti ieħor u li jibqa’ jinsab hemmhekk sat-tluq tiegħu minn dan it-territorju, huwa eżenti mid-dazji tad-dwana, ħlasijiet ta’ spezzjoni jew dazji u ħlasijiet simili imposti mill-Istat jew mill-awtoritajiet lokali. […]”.

12.      Il-Konvenzjoni ta’ Chicago ħolqot l-Organizzjazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) li, sa mill-1947, għandha l-istatus ta’ istituzzjoni speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti (5). Minnha jifformaw parti s-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-Unjoni nnifisha għandha biss status ta’ osservatur fi ħdan l-ICAO. L-ICAO tista’ tadotta regoli ġuridikament vinkolanti kif ukoll rakkomandazzjonijiet li ma għandhomx saħħa vinkolanti.

2.      Il-Protokoll ta’ Kyoto

13.      Il-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidliet klimatiċi (Protokoll ta’ Kyoto) (6) ġie adottat fil-11 ta’ Novembru 1997 u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2005. Huwa ġie rratifikat kemm mill-Komunità Ewropea (ta’ dak iż-żmien) (7) kif ukoll mis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

14.      Fil-Protokoll ta’ Kyoto, il-partijiet kontraenti li jifformaw parti mill-“pajjiżi żviluppati” (8), obbligaw ruħhom li jillimitaw jew inaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi ta’ gassijiet serra tagħhom. Għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, dan jimplika obbligu globali li, għall-perijodu 2008-2012, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom jitnaqqsu bi 8 % meta mqabbla mal-livell tal-1990 (9).

15.      Fost in-numru ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu mill-partijiet li ffirmaw il-Protokoll ta’ Kyoto biex jimplementaw l-obbligi tagħhom li jillimitaw u jnaqqsu l-emissjonijiet, l-Artikolu 2(1)(a)(vii) tal-Protokoll jipprovdi ukoll għall-:

“[adozzjoni ta’] miżuri biex jillimitaw u/jew jirriduċu l-emissijonijiet tal-gassijiet tas-serra li mhumiex kontrollati bil-Protokoll ta’ Montreal fis-settur tat-trasport”.

16.      Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto jipprovdi kif ġej:

“Il-Partijiet inkluzi fl-Anness I għandhom isegwu l-limitazzjoni jew ir-riduzzjoni ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet tas-serra li mhumiex kontrollati bil-Protokoll ta’ Montreal mill-karburanti ta’ l-avjazzjoni u d-depost tal-faħam fuq bastimenti tal-baħar, li jaħdmu ma’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali rispettivament.”

3.      Il-Ftehim “Sema Miftuħ” bejn l-UE u l-Istati Uniti

17.      Il-ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerka, min-naħa l-oħra (10) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Sema Miftuħ”) ġie ffirmat f’April 2007, u sussegwentement ġie emendat f’diversi aspetti permezz tal-Protokoll tal-24 ta’ Ġunju 2010 (Protokoll Emendatorju tal-2010) (11). Fil-verżjoni inizjali tiegħu, il-Ftehim Sema Miftuħ ġie applikat b’mod provviżorju mit-30 ta’ Marzu 2008 (12), u fil-verżjoni li tirriżulta mill-Protokoll Emendatorju tal-2010, jinsab applikat b’mod tranżitorju sa mill-24 ta’ Ġunju 2010 (13).

18.      Fl-Artikolu 2 tal-Ftehim Sema Miftuħ, il-prinċipju tal-“Opportunità Ġusta u Ugwali” huwa pprovdut b’dan il-mod:

“Kull Parti għandha tagħti opportunità ġusta u ugwali lil-linji ta’ l-ajru taż-żewġ Partijiet sabiex jikkompetu fil-provvista tat-trasport internazzjonali bl-ajru regolat b’ dan il-Ftehim.”

19.      Taħt it-titolu “Għoti ta’ drittijiet”, l-Artikolu 3 tal-Ftehim Sema Miftuħ, b’mod iktar speċifiku fis-subparagrafu 4 tiegħu, jipprovdi kif ġej:

“Kull Parti għandha tippermetti lil kull linja ta’ l-ajru sabiex tiddetermina l-frekwenza u l-kapaċità tat-trasport internazzjonali bl-ajru li toffri abbażi ta’ konsiderazzjonijiet kummerċjali tas-suq. B’mod konsistenti ma’ dan id-dritt, l-ebda Parti ma għandha tillimita b'mod unilaterali l-volum ta’ traffiku, il-frekwenza jew ir-regolarità tas-servizz, jew it-tip jew tipi ta’ inġenji ta’ l-ajru operati mil-linji ta’ l-ajru tal-Parti l-oħra, lanqas ma għandha teħtieġ il-preżentazzjoni ta’ skedi, programmi għal titjiriet charter, jew pjani operattivi minn linji ta’ l-ajru tal-Parti l-oħra, ħlief kif jista’ jkun meħtieġ għal raġunijiet doganali, tekniċi, operattivi jew ambjentali (konsistenti ma’ l-Artikolu 15) taħt kondizzjonijiet uniformi konsistenti ma’ l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni.”

20.      Fir-rigward tal-“applikazzjoni tal-liġijiet”, l-Artikolu 7 tal-Ftehim Sema Miftuħ jipprovdi kif ġej :

“1.      Il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Parti relatati mad-dħul fi jew mat-tluq mit-territorju tagħha ta’ inġenji ta’ l-ajru involuti fin-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru, jew ma’ l-operat jew in-navigazzjoni ta’ tali inġenji ta’ l-ajru waqt li jkunu fit-territorju tagħha, għandhom jiġu applikati għall-inġenji ta’ l-ajru użati mill-linji ta’ l-ajru tal-Parti l-oħra, u tali inġenji ta’ l-ajru għandhom jikkonformaw magħhom mad-dħul jew mat-tluq minn jew waqt li jkunu fit-territorju ta’ l-ewwel Parti.

2.      Waqt id-dħul fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet, jew it-tluq minnu, il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli f’dak it-territorju relatati mad-dħul fi jew it-tluq mit-territorju tagħha ta’ passiġġieri, ekwipaġġ jew merkanzija fuq l-inġenji ta’ l-ajru (inklużi regolamenti relatati ma’ dħul, rilaxx, immigrazzjoni, passaporti, dwana u kwarantina jew, fil-każ ta’ posta, ma’ regolamenti postali) għandhom jiġu osservati minn, jew f’isem, tali passiġġieri, ekwipaġġ jew merkanzija tal-linji ta’ l-ajru tal-Parti l-oħra.”

21.      L-Artikolu 11 tal-Ftehim Sema Miftuħ, intitolat “Dazji u Ħlasijiet tad-Dwana”, fih id-dispożizzjonijiet segwenti :

“1.      Mal-wasla fit-territorju ta’ Parti waħda, l-inġenji ta’ l-ajru operati fit-trasport internazzjonali bl-ajru mil-linji ta’ l-ajru tal-Parti l-oħra […] ikunu eżenti, abbażi ta’ reċiproċità, mir-restrizzjonijiet kollha fuq l-importazzjoni, it-taxxi fuq il-proprjetà u t-taxxi fuq il-kapital, id-dazju tad-dwana, it-taxxi tas-sisa, u l-miżati u l-ħlasijiet simili li (a) jkunu imposti mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-Komunità Ewropea, u (b) li ma jkunux ibbażati fuq l-ispejjeż tas-servizzi provduti, sakemm dan it-tagħmir u provvisti jibqgħu abbord l-inġenji ta’ l-ajru.

2.      Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati wkoll, abbażi ta’ reċiproċità, mit-taxxi, mis-sisa, mid-dazji, mill-miżati u mill-ħlasijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ħlief għal ħlasijiet ibbażati fuq il-prezz tas-servizz provdut:

[…]

(ċ)       il-karburant, lubrikanti u provvisti tekniċi konsumabbli mdaħħla jew provduti fit-territorju ta’ Parti għall-użu fuq inġenji ta’ l-ajru ta’ linja ta’ l-ajru tal-Parti l-oħra involuta fi trasport internazzjonali bl-ajru, anke meta dawn il-provvisti jkunu għal użu fuq parti mill-vjaġġ magħmul fuq it-territorju tal-Parti fejn jiġu imbarkati.”

22.      Fl-Artikolu 15 tal-Ftehim Sema Miftuħ teżisti dispożizzjoni intitolata “ambjent” li, wara li nbidlet mill-Protokoll ta’ Emenda tal-2010, tinsab abbozzata hekk (14):

“1.      Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-protezzjoni tal-ambjent waqt l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-avjazzjoni internazzjonali, billi jqisu bir-reqqa l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ miżuri biex jipproteġu l-ambjent fl-iżvilupp ta’ din il-politika, u, fejn xieraq, flimkien itejbu s-soluzzjonijiet globali effettivi. Għaldaqstant, il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li jaħdmu flimkien biex jillimitaw jew inaqqsu, b’mod raġonevolment ekonomiku, l-impatt tal-avjazzjoni internazzjonali fuq l-ambjent.

2.      Meta Parti tkun qed tikkunsidra l-miżuri ambjentali proposti f’livell reġjonali, nazzjonali, jew lokali, għandha tevalwa l-possibbiltà ta’ effetti ħżiena fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet li jinsabu f’dan il-Ftehim, u, jekk miżuri bħal dawn jiġu adottati, għandha tieħu l-passi xierqa sabiex jittaffew dawn l-effetti ħżiena. Fuq talba ta’ Parti, il-Parti l-oħra għandha tipprovdi deskrizzjoni ta’ dawn il-passi ta’ evalwazzjoni u mitigazzjoni.

3.      Meta jiġu stabbiliti miżuri ambjentali, l-istandards ambjentali għall-avjazzjoni adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili fl-Annessi għal din il-Konvenzjoni għandhom jiġu segwiti ħlief fejn ġew reġistrati differenzi. Il-Partijiet għandhom japplikaw kwalunkwe miżura ambjentali li tolqot is-servizzi tal-ajru skont dan il-Ftehim b’konformità mal-Artikolu 2 u 3(4) ta’ dan il-Ftehim.

4.      Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti biex japplikaw il-prinċipju ta’ approċċ bilanċjat.

[…]

7.      Jekk ikun mitlub mill-Partijiet, il-Kumitat Konġunt, bl-assistenza tal-esperti, għandu jiżviluppa rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ rduppjar tal-isforzi bejn il-miżuri ibbażati fuq is-suq, u l-konsistenza bejniethom, li jirrigwardaw l-emissjonijiet tal-avjazzjoni implimentati mill-Partijiet bil-għan li jiġu evitati miżuri u spejjeż doppji u biex sa fejn huwa possibbli jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-linji tal-ajru.

8.      L-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet bħal dawn għandha tkun suġġetta għal approvazzjoni jew ratifika interna skont kif jista’ jkun mitlub minn kull Parti. Jekk Parti waħda temmen li kwistjoni li tinvolvi l-protezzjoni ambjentali mill-avjazzjoni, inklużi l-miżuri ġodda proposti, jagħtu lok għal tħassib dwar l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, hija tista’ titlob laqgħa tal-Kumitat Konġunt, kif previst fl-Artikolu 18, biex jikkunsidra l-kwistjoni u jiżviluppa reazzjonijiet xierqa għat-tħassib li jirriżulta leġittimu.”

B –    Id-dritt tal-Unjoni

23.      L-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fl-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet”) hija intiża li tillimita u tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bl-għajnuna ta’ strumenti ispirati minn mekkaniżmi tas-suq. Din l-iskema, xi kultant magħrufa wkoll bl-espressjoni Ingliża “cap and trade”, iddaħħlet mid-Direttiva 2003/87/KE (15) u tapplika għaż-Żona Ekonomika Ewropea kollha (ŻEE) (16).

24.      Skont il-premessa 5 tagħha, id-Direttiva 2003/87/KE hija b’mod partikolari intiża li timplementa l-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto:

“Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha ftiehmu li jwettqu konġuntement dawn l-impenji li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra, skond id-Deċiżjoni 2002/358/KE. Din id-Direttiva timmira li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-impenji tal-Komunità Ewropea u ta’ l-Istati Membri tagħha b’mod iktar effettiv, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti fil-għoti ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra, bl-inqas tnaqqis possibbli ta’ l-iżvilupp ekonomiku u tax-xogħol.”

25.      Oriġinarjament, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra dovuti għan-navigazzjoni bl-ajru ma kinux koperti mill-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Madankollu, fl-2008, il-leġiżlatur Ewropew iddeċieda li jinkludi n-navigazzjoni bl-ajru fl-iskema, u dan mill-1 ta’ Jannar 2012. Għall-ewwel darba, fl-2012 il-kumpanniji tal-ajru kollha – inkluż dawk ta’ pajjiżi terzi – iridu għalhekk jakkwistaw u jagħtu lura kwoti ta’ emissjonijiet għat-titjiriet tagħhom sejrin minn jew lejn ajrudromi Ewropej. Għal dan il-għan, id-Direttiva 2003/87 ġiet emendata u kkompletata bid-Direttiva 2008/101 (17).

26.      Id-direttiva emendata tinkludi Kapitolu II ġdid, intitolat “avjazzjoni”, li huwa magħmul mill-Artikoli 3a sa 3g. B’hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu huwa ddefinit fl-Artikolu 3a:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-allokazzjoni u l-ħruġ ta’ kwoti fir-rigward tal-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I.”

Skont id-definizzjoni mogħtija fl-Anness I tad-direttiva emendata “it-titjiriet kollha li jaslu jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat” jikkostitwixxu servizzi tal-avjazzjoni fis-sens tad-direttiva. (18)

Fil-Parti B tal-Anness IV tad-direttiva emendata, hemm ipprovdut ukoll li l-kalkolu ta’ emissjonijiet li jirriżultaw mis-servizzi bl-ajru għandu jsir permezz tal-formola segwenti : “Konsum tal-karburant x fattur ta’ emissjoni”. Barra minn hekk, minn dan l-anness jirriżulta li biex jitkejjel id-daqs tal-attività tal-avjazzjoni ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru, għandha tintuża l-formola “tunnellati-kilometru = distanza x tagħbija li tinġarr bi ħlas” u, għal dan il-għan, “distanza” tfisser id-distanza mkejla f’ċirku kbir bejn l-ajrudrom tat-tluq u l-ajrudrom tal-wasla miżjuda b’fattur fiss addizzjonali ta’ 95 km.

27.      Fir-rigward tal-“kwantità totali ta’ kwoti għall-avjazzjoni”, l-Artikolu 3(b) tad-direttiva emendata jipprovdi :

“1. Għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012, il-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandha tkun ekwivalenti għal 97 % tal-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni.

2. Għall-perijodu […] li jibda fl-1 ta’ Jannar 2013, u, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe emenda […] għal kull perijodu sussegwenti, il-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandha tkun ekwivalenti għal 95 % tal-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni mmultiplikati bin-numru ta’ snin f’dak il-perijodu. (19)”

28.      L-Artikolu 3d tad-direttiva emendata, intitolat “Metodu għall-allokazzjoni ta’ kwoti għall-avjazzjoni permezz ta’ bejgħ bl-irkant”, fih id-dispożizzjonijiet segwenti :

“1. Fil-perijodu msemmi fl-Artikolu 3c(1), 15% ta’ kwoti għandhom jinbiegħu bl-irkant.

2. Mill-1 ta’ Jannar 2013, 15 % tal-kwoti għandhom ikunu rkantati. Dan il-persentaġġ jista’ jiġi miżjud, bħala parti mill-reviżjoni ġenerali ta’ din id-Direttiva.

[…]

4. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-użu li għandu jsir mid-dħul iġġenerat mill-irkant ta’ kwoti tal-avjazzjoni. Dak id-dħul għandu jintuża biex jitratta t-tibdil fil-klima fl-UE u f’pajjiżi terzi […]”.

29.      Fil-Kapitolu IV tad-direttiva emendata (intitolata “dispożizzjonijiet li japplikaw għall-installazzjonijiet tal-avjazzjoni u dawk stazzjonarji”) l-Artikolu 12(2)(a) jipprovdi kif ġej fir-rigward tat-trasferiment, tar-restituzzjoni u tal-annullament tal-kwoti :

“2a. L-Istati Membri amministrattivi għandhom jiżguraw li, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, kull operatur tal-inġenji tal-ajru jċedi numru ta’ kwoti ugwali għall-emissjonijiet totali matul is-sena kalendarja preċedenti minn attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li għalihom l-operatur huwa l-operatur tal-inġenji tal-ajru, kif verifikati skond l-Artikolu 15. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwoti ċeduti skond dan il-paragafu huma sussegewentement imħassra.”

30.      Skont l-Artikolu 16 tad-direttiva emendata, l-Istati Membri għandhom jimplementaw l-iskema prevista ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod effettiv u jipprovdu sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u disważivi fil-każ ta’ ksur. Dawn is-sanzjonijiet jistgħu jinkludu saħansitra l-projbizzjoni li wieħed jopera li, jekk ikun il-każ, tista’ tiġi deċiża mill-Kummissjoni fuq talba ta’ Stat Membru. L-ismijiet tal-operaturi ta’ inġenji tal-ajru li jiksru l-obbligi imposti fuqhom mis-sistema ta’ ħlasijiet għal emissjoni għandhom jiġu ppubblikati.

31.      L-Artikolu 25a tad-direttiva emendata, intitolat “Miżuri ta’ pajjiżi terzi biex jitnaqqas l-impatt tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima”, jipprovdi:

“1.      Meta pajjiż terz jadotta miżuri għat-tnaqqis tal-impatt tat-tibdil fil-klima minn titjiriet li jitilqu minn dak il-pajjiż li jinżlu fil-Komunità, il-Kummissjoni wara li tkun ikkonsultat mal-pajjiż terz, u mal-Istati Membri […] għandha tqis l-għażliet disponibbli sabiex tipprovdi għall-aħjar interazzjoni bejn l-iskema tal-Komunità u l-miżuri ta’ dak il-pajjiż.

Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ taddotta emendi biex jipprovdu għal tijiriet li jaslu mill-pajjiż terz ikkonċernat sabiex dawn jiġu esklużi mill-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I jew biex jipprovdu għal kwalunkwe emenda oħra għall-attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I […]

2. Il-Komunità u l-Istat Membri tagħha għandhom ikomplu jfittxu ftehim dwar miżuri globali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-avjazzjoni. Fid-dawl ta’ tali ftehim, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk humiex meħtieġa l-emendi għal din id-Direttiva kif tapplika għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru.”

32.      Għandu jiġi ċċitat ukoll il-preambolu tad-Direttiva 2008/101, li l-premessi 8, 9, 10, 11 u 17 tiegħu jinkudu l-konstatazzjonijiet segwenti:

“(8)      Il-Protokoll ta’ Kyoto […] jeħtieġ li l-pajjiżi żviluppati jsegwu l-limitazzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-avjazzjoni mhux ikkontrollati bil-Protokoll ta’ Montreal, li jopera permezz ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).

(9)      Filwaqt li l-Komunità mhijiex Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago […] l-Istati Membri kollha huma Partijiet Kontraenti għal dik il-Konvenzjoni u membri tal-ICAO. L-Istati Membri jkomplu jappoġġaw il-ħidma ma’ Stati oħrajn fl-ICAO dwar l-iżvilupp ta’ miżuri, inklużi strumenti bbażati fuq is-suq, biex jiġu indirizzati l-impatti tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima. Fis-sitt laqgħa tal-Kumitat ICAO dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent mill-Avjazzjoni fl-2004, ġie miftiehem li sistema ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet speċifiċi għall-avjazzjoni bbażata fuq strument legali ġdid taħt il-patroċinju tal-ICAO ma deherx biżżejjed attraenti biex imbagħad jiġi segwit iktar. Konsegwentement, ir-Riżoluzzjoni A35-5 tal-35 Assemblea tal-ICAO li saret f’Settembru 2004 ma pproponietx strument ġdid legali iżda minflok endorsjat skambju miftuħ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u l-possibbiltà li l-Istati jinkorporaw emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali fl-iskemi tagħhom ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. L-Appendiċi L għar-Riżoluzzjoni A36-22 tas-36 Assemblea tal-ICAO li saret f’Settembru 2007 tħeġġeġ lill-Istati Kontraenti biex ma jimplimentawx sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fir-rigward ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru ta’ Stati Kontraenti oħrajn ħlief abbażi ta’ ftehim reċiproku bejn dawk l-Istati. Filwaqt li fakkru li l-Konvenzjoni ta’ Chicago tirrikonoxxi espressament id-dritt ta’ kull Parti Kontraenti biex fuq bażi non-diskriminatorja tapplika l-liġijiet u r-regolamenti dwar l-ajru proprji għall-inġenji tal-ajru tal-Istati kollha, l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u ħmistax-il Stat Ewropew oħra qegħdu riżerva fuq din ir-riżoluzzjoni u rriżervaw id-dritt taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago biex fuq bażi non-diskriminatorja jwettqu u japplikaw miżuri bbażati fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru kollha tal-Istati kollha li jippovdu servizzi lejn, minn jew fit-territorju tagħhom.

(10)      Is-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali stabbilit bid-Deċiżjoni 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [[…]] ippreveda biex il-Komunità tidentifika u twettaq azzjonijiet speċifiċi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-avjazzjoni jekk l-ebda azzjoni tali ma tkun ġiet miftiehma fl-ICAO sa l-2002. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ottubru 2002, Diċembru 2003 u Ottubru 2004, il-Kunsill ripetutament appella lill-Kummissjoni sabiex tipproponi azzjoni biex jitnaqqas l-impatt tat-tibdil fil-klima mit-trasport internazzjonali bl-ajru.

(11)      Il-linji politiċi u l-miżuri għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-Istati Membri u tal-Komunità fis-setturi kollha tal-ekonomija Komunitarja sabiex jiġi ġġenerat it-tnaqqis sostanzjali meħtieġ fl-emissjonijiet. Jekk l-impatt tas-settur tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima jkompli jikber bir-rata attwali, dan ifixkel sinifikament it-tnaqqis mwettaq minn setturi oħrajn fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

[…]

(17)      Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jfittxu li jilħqu ftehim dwar miżuri globali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-avjazzjoni. L-iskema Komunitarja tista’ sservi bħala mudell għall-użu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fuq livell dinji. Il-Komunità u l-Istat Membri tagħha għandhom ikomplu bil-kuntatt tagħhom ma’ partijiet terzi matul l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom ikomplu jħeġġu lill-pajjiżi terzi biex jieħdu miżuri ekwivalenti. Jekk pajjiż terz jadotta miżuri, li jkollhom effett ambjentali tal-inqas ekwivalenti għal dak ta’ din id-Direttiva, biex jitnaqqas l-impatt fuq il-klima tat-titijiriet sejrin lejn il-Komunità, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-għażliet disponibbli sabiex tipprovdi għal interazzjoni ottimali bejn l-iskema Komunitarja u l-miżuri ta’ dak il-pajjiż, wara li tkun ikkunsultat ma’ dak il-pajjiż. L-iskemi ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emmissjonijiet li qed jiġu żviluppati f’pajjiżi terzi qed jibdew jipprovdu interazzjoni ottimali mal-iskema Komunitarja fir-rigward tal-kopertura tagħhom tal-avjazzjoni. L-arranġamenti bilaterali dwar l-irbit tal-iskema Komunitarja ma’ skemi ta’ skambju oħrajn biex tiġi ffurmata skema komuni jew li jikkunsidraw miżuri ekwivalenti biex jiġu evitati regolamenti doppji jistgħu jikkostitwixxu pass lejn ftehim globali. Meta jsiru dawn il-ftehim bilaterali, il-Kummissjoni tista’ temenda t-tipi ta’ attivitajiet tal-avjazzjoni inklużi fl-iskema Komunitarja, inklużi aġġustamenti konsegwenzjali għall-kwantità totali ta’ kwoti li jinħarġu għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru.”

C –    Id-dritt nazzjonali

33.      Id-dispożizzjonijiet applikabbli fid-dritt tar-Renju Unit jinsabu fl-Aviation Greenhouse Gas Emissions Trading Scheme Regulations 2009 (20) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-2009”) li jinkludu parti mill-miżuri li jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/101 fid-dritt intern (21).

III – Il-kontroversja fil-kawża prinċipali

34.      Il-qorti a quo, il-High Court of Justice of England and Wales (Queen’s Bench Division, Administrative Court), ġiet adita b’rikors dirett kontra r-Regolamenti tal-2009.

35.      Dan ir-rikors ġie ppreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2009 minn erba’ rikorrenti li għandhom is-sede tagħhom fl-Istati Uniti. Dawn huma Air Transport Association of America (ATAA), American Airlines (AA), Continental Airlines (Continental) u United Air Lines (UAL). L-ATAA hija federazzjoni ta’ kumpanniji ta’ trasport bl-ajru fl-Istati Uniti bla skop ta’ lukru. AA, Continental u UAL huma tliet kumpanniji tal-ajru li għandhom operat dinji; huma għandhom is-sede tagħhom fl-Istati Uniti iżda jservu wkoll destinazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea. L-Istat Membru responsabbli għal dawn il-kumpanniji, skont l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, huwa r-Renju Unit (22).

36.      Il-konvenut huwa l-Ministeru tal-Enerġija u tal-Bdil fil-Klima tar-Renju Unit (23) bħala l-awtorità prinċipali nazzjonali kompetenti fil-qasam ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/101.

37.      Kull waħda mill-partijiet irċeviet is-sostenn ta’ partijiet intervenjenti. Żewġ assoċjazzjonijiet oħra intervjenew insostenn tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali (24): minn naħa, The International Air Transport Association (IATA), assoċjazzjoni internazzjonali ta’ kumpanniji tal-ajru, u, min-naħa l-oħra, The National Airlines Council of Canada (NACC), assoċjazzjoni ta’ kumpanniji tal-ajru Kanadiżi. Ħames organizzazzjonijiet oħra intervjenew insostenn tal-parti konvenuta (25), jiġifieri, The Aviation Environment Federation (AEF), is-sezzjoni Brittanika tal-World Wide Fund For Nature (WWF-UK), The European Federation for Transport and Environment (EFTE), The Environmental Defense Fund (EDF), u Earthjustice.

38.      Ir-rikorrenti, sostnuti mill-partijiet intervenjenti magħhom, isostnu essenzjalment li d-Direttiva 2008/101 – li r-regolamenti tal-2009 huma intiżi li jittrasponu – ma hijiex kompatibbli mad-dritt internazzjonali u hija għaldaqstant illegali. Il-konvenut u l-partijiet intervenjenti li jsostnuha huma kompletament tal-fehma opposta.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39.      B’deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2010, il-High Court of Justice of England and Wales (Queen’s Bench Division, Administrative Court), għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Jistgħu jkunu invokati r-regoli tad-dritt internazzjonali li ġejjin sabiex tkun ikkontestata l-validità tad-Direttiva 2003/87/KE kif emendata bid-Direttiva 2008/101/KE sabiex ikunu inklużi attivitajiet tal-avjazzjoni ta’ Skema għall-Iskambju ta’ Emissjonijiet (flimkien, id-‘direttiva emendata’):

a)      il-prinċipju ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu;

b)      il-prinċipju ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali li ebda Stat ma jista’ validament jissuġġetta taħt is-sovranità tiegħu kwalunkwe parti mill-ibħra miftuħa;

c)      il-prinċipju ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali ta’ libertà ta’ titjir fuq l-ibħra miftuħa;

d)      il-prinċipju ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali (li l-eżistenza tiegħu ma hijiex aċċettata mill-konvenut) li inġenji tal-ajru li jtiru fuq l-ibħra miftuħa huma suġġetti għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-pajjiż li fih huma rreġistrati, ħlief kif speċifikament stabbilit permezz tat-trattati internazzjonali;

e)      il-Konvenzjoni ta’ Chicago (b’mod partikolari l-Artikoli 1, 11, 12, 15 u 24);

f)      il-Ftehim “Open Skies” [Sema Miftuħ] [b’mod partikolari l-Artikoli 7, 11(2) u 15(3)];

g)      il-Protokoll ta’ Kyoto [b’mod partikolari, l-Artikolu 2(2)]?

Sa fejn id-domanda (1) tista’ tkun risposta fl-affermattiv:

2)      Id-direttiva emendata hija invalida, jekk u sa fejn tapplika l-Iskema għall-Iskambju ta’ Emissjonijiet lil dawk il-partijiet ta’ titjiriet (jew ġeneralment jew permezz ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati f'pajjiżi terzi) li jsiru barra mill-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membri, peress li tikser wieħed jew iktar mill-prinċipji ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali ċċitati iktar ’il fuq?

3)      Id-direttiva emendata hija invalida, jekk u sa fejn tapplika l-Iskema għall-Iskambju ta’ Emissjonijiet lil dawk il-partijiet ta’ titjiriet (jew ġeneralment jew permezz ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati f'pajjiżi terzi) li jsiru barra mill-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membri:

a)      peress li tikser l-Artikoli 1, 11 u/jew 12 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago;

b)      peress li tikser l-Artikolu 7 tal-Ftehim ‘Open Skies’?

4)      Id-direttiva emendata hija invalida, sa fejn tapplika l-Iskema għall-Iskambju ta’ Emissjonijiet lil attivitajiet ta’ avjazzjoni:

a)      peress li tikser l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto u l-Artikolu 15(3) tal-Ftehim ‘Open Skies’;

b)      peress li tikser l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, waħdu jew flimkien mal-Artikoli 3(4) u 15(3) tal-Ftehim ‘Open Skies’;

c)      peress li tikser l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, waħdu jew flimkien mal-Artikolu 11(2)(c) tal-Ftehim ‘Open Skies’?”

40.      Fil-proċeduri bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ħadu seħem: ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-partijiet intervenjenti insostenn taż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali; il-Gvern Belġjan, Ġermaniż, Spanjol, Franċiż, Taljan, Olandiż, Awstrijak, Pollakk, Svediż, tar-Renju Unit, tal-Islanda u tan-Norveġja, kif ukoll il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea.

41.      Is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja nżammet fil-5 ta’ Lulju 2011 u dawk kollha li ħadu sehem fil-proċeduri bil-miktub kienu rrappreżentati hemmhekk, ħlief għall-Gvern Belġjan, Ġermaniż, Taljan, Olandiż, Awstrijak u Islandiż. Barra minn hekk, ipparteċipa wkoll il-Ġvern Daniż.

V –    Analiżi

42.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-assoċjazzjonijiet li jsostnuhom huma tal-fehma li l-inklużjoni tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru fl-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet hija inkompatibbli ma’ diversi prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju kif ukoll ma’ diversi konvenzjonijiet internazzjonali. Għalhekk, id-Direttiva 2008/101, li estendiet l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-attivitajiet bl-ajru, hija illegali.

43.      Fil-qosor, dawn il-partijiet jinvokaw tliet kategoriji ta’ lmenti kontra d-Direttiva 2008/101: l-ewwel nett, huma jsostnu li l-Unjoni Ewropea eċċediet is-setgħat tagħha fir-rigward tad-dritt internazzjonali pubbliku meta ma llimitatx l-iskema tagħha għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet biss għal titjiriet intra-Ewropej iżda inkludiet ukoll partijiet ta’ titjiriet internazzjonali li jsiru fuq l-ibħra internazzjonali u fuq it-territorju ta’ pajjiżi terzi (26). Sussegwentement, huma jsostnu li skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-attività internazzjonali tal-avjazzjoni tifforma parti mill-kompetenzi u mid-deċiżjoni tal-ICAO; din ma tistax tiġi introdotta unilateralment (27). Finalment, huma tal-fehma li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet hija ekwivalenti għall-introduzzjoni ta’ taxxa jew dazju pprojbiti mill-konvenzjonijiet internazzjonali (28).

44.      Huwa paċifiku li l-Unjoni Ewropea hija marbuta mid-dritt internazzjonali pubbliku. Minn naħa, l-Unjoni għandha personalità ġuridika (Artikolu 47 TUE) u għalhekk jista’ jkollha drittijiet u obbligi taħt id-dritt internazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-Unjoni stess għandha l-għan espress li tikkontribwixxi għall-osservanza sħiħa u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali (it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) TUE), kif ukoll li tippromwovi, fil-bqija tad-dinja, l-osservanza tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) TUE).

45.      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita (29), l-Unjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza tad-dritt internazzjonali. Fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha biex tiddeċiedi dwar rinviju preliminari [Artikolu 19(3)(b) TUE u l-Artikolu 267(1)(b) TUE], il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina jekk il-validità ta’ atti ta’ korpi tal-Unjoni tistax tiġi affettwata minħabba li dawn imorru kontra regola tad-dritt internazzjonali (30).

46.      Madankollu, dan ma jfissirx li, fi proċeduri ġudizzjarji, individwi (persuni naturali jew ġuridiċi) jistgħu jinvokaw kif iridu dispożizzjonijiet jew prinċipji tad-dritt internazzjonali biex jinvalidaw atti ġuridiċi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għall kull dispożizzjoni konkreta, jew prinċipju konkret tad-dritt internazzjonali mqajjem fil-kuntest ta’ kawża mressqa minn persuna naturali jew ġuridika, għandu dejjem jiġi vverifikat jekk, u sa fejn, dan jistax jitqajjem bħala kriterju ta’ validità ta’ atti tal-Unjoni (31). Din ir-riflessjoni, li tifforma s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, għandha loġikament tippreċedi l-eżami dwar il-validità tad-Direttiva 2003/101 (jew tal-validità tad-Direttiva 2003/87 hekk kif emendata bid-Direttiva 2008/101); għalhekk jiena sejjer nibda biha.

47.      Fl-analiżi tiegħi tal-kwistjonijiet legali mqajma, jiena sejra fil-fatt nillimita ruħi għall-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali li huma konkretament is-suġġett tad-domandi tal-qorti nazzjonali. Ma naħsibx li huwa opportun li neżamina konvenzjonijiet internazzjonali oħra, b’mod partikolari dawk li rriferew għalihom il-partijiet intervenjenti insostenn tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali (32). Sintendi, fit-teorija wieħed jista’ jikkonċepixxi li meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi rinviji preliminari, din tista’ tadotta pożizzjoni ex officio fuq raġunijet possibbili ta’ invalidità li ma humiex imsemmija mill-qorti tar-rinviju (33). Madankollu, hija għandha tagħmel użu prudenti ta’ din il-possibbiltà fil-każ ta’ rinviji preliminari dwar validità. Jekk jirriżulta mill-proċess li l-qorti nazzjonali impliċitament tirrifjuta li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżaminaha (34). Dan huwa l-każ f’din il-kawża: għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court issemmi diversi drabi l-konvenzjonijiet internazzjonali l-oħra li għalihom irreferew il-partijiet intervenjenti, hija ma għamlitx riferiment speċifiku għalihom fid-domandi dwar il-validità magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

A –    L-użu ta’ konvenzjonijiet internazzjonali u ta’ prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju bħala kriterji għall-istħarriġ ta’ legalità tad-Direttiva 2008/101 (domanda 1)

48.      Fil-kuntest tal-ewwel domanda, il-problema essenzjali li għandha tiġi riżolta tikkonsisti fid-determinazzjoni dwar jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, il-konvenzjonijiet internazzjonali u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju msemmija mill-qorti tar-rinviju jistgħux jitqajmu bħala kriterji għall-istħarriġ tal-legalità tad-Direttiva 2008/101, u dan fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju quddiem il-qrati nazzjonali minn persuni naturali jew ġuridiċi – f’dan il-każ impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

49.      Jiena sejra neżamina din id-domanda l-ewwel nett fid-dawl tat-tliet konvenzjonijiet internazzjonali inkwistjoni – il-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Protokoll ta’ Kyoto u l-Ftehim Sema Miftuħ – (il-parti 1 iktar ’l isfel), sussegwentement fid-dawl tad-diversi prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju mqajma mill-qorti tar-rinviju (il-parti 2 iktar ’l isfel).

1.      Il-konvenzjonijiet internazzjonali (domanda 1(i) sa (vii))

50.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-konvenzjonijiet internazzjonali jistgħu jitqajmu bħala kriterji għall-istħarriġ tal-legalità ta’ atti tal-korpi tal-Unjoni jekk jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet (35):

–        l-ewwel nett, l-Unjoni Ewropea trid tkun marbuta bil-konvenzjoni inkwistjoni;

–        it-tieni nett, in-natura u l-istruttura tal-konvenzjoni inkwistjoni ma għandhomx jipprekludu tali stħarriġ ta’ legalità u, barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tagħha jridu jkunu, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi.

51.      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tal-legalità tad-Direttiva 2008/101 titqajjem hawnhekk fil-kuntest ta’ kontroversja mressqa quddiem qorti minn individwi – diversi kumpanniji tal-ajru u assoċjazzjoni ta’ kumpanniji tal-ajru (36).

a)      Il-Konvenzjoni ta’ Chicago [domanda 1(e)]

52.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, nirrileva mill-ewwel li l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet enumerati fil-punt 49 ma ġietx sodisfatta.

53.      Fil-fatt, l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago. Għaldaqstant din il-konvenzjoni formalment ma toħloq l-ebda dritt u lanqas xi obbligu għall-Unjoni.

54.      Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll l-assoċjazzjonijiet li jsostnuhom jallegaw li l-Unjoni hija materjalment marbuta bil-Konvenzjoni ta’ Chicago. Għal tali fini huma jqajmu, minn naħa, l-Artikolu 351 TFUE u, min-naħa l-oħra, it-teorija ta’ suċċessjoni funzjonali.

55.      Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jista’ jirnexxi.

i)      Nuqqas ta’ effett vinkolanti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago abbażi tal-Artikolu 351 TFUE.

56.      Mill-Artikolu 351(1) TFUE (preċedentement l-Artikolu 307 KE u l-Artikolu 234 tat-Trattat KEE) jirriżulta li d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri li jeżistu fil-konfront ta’ pajjiżi terzi ma għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-trattati (TUE u TFUE (37)) sa fejn jirrigwardaw drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali konklużi qabel id-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni Ewropea.

57.      Peress li, skont l-Artikolu 351(1) TFUE, id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi l-konvenzjonijiet internazzjonali konklużi preċedentement ma’ pajjiżi terzi, dan huwa konformi mal-prinċipju tad-dritt internazzjonali pacta sunt servanda (38). Fi kliem ieħor, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea ma tobbligax lill-Istati Membri jiksru l-obbligi tagħhom lejn pajjiżi terzi li jirriżultaw minn konvenzjonijiet konklużi preċedentement (39).

58.      Min-naħa tagħhom, il-korpi tal-Unjoni Ewropea huma marbuta biss li ma jostakolawx l-implementazzjoni tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri li jirriżultaw minn tali konvenzjonijiet preċedenti; fid-dritt internazzjonali, l-Unjoni nnifisha ma hijiex marbuta fil-konfront ta’ pajjiżi terzi kkonċernati bil-konvenzjonijiet konklużi preċedentement mill-Istati Membri (40). Din hija l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-effett relattiv ta’ kuntratti li huwa rikonoxxut ukoll mid-dritt internazzjonali pubbliku u li jeżiġi li kuntratti ma joħolqu la drittijiet u lanqas obbligi għal Stati terzi (pacta tertiis nec nocent nec prosunt) (41).

59.      Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ effett vinkolanti fuq l-Unjoni ta’ trattati konklużi preċedentement mill-Istati Membri jidher b’mod ċar jekk wieħed iqabbel ir-regoli applikabbli għall-konvenzjonijiet preċedenti, misjuba fl-Artikolu 351 TFUE, u dawk li jirregolaw il-konvenzjonijiet konklużi mill-Unjoni nnifisha, misbjuba fl-Artikolu 216 TFUE. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 216(2) TFUE jipprovdi li l-ftehim konklużi mill-Unjoni jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri, l-Artkolu 351 TFUE ma fihx dispożizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-konvenzjonijiet konklużi preċedentement mill-Istati Membri. L-Artikolu 351 TFUE bl-ebda mod ma jobbliga lill-korpi tal-Unjoni jadattaw id-dritt tal-Unjoni mal-konvenzjonijiet konklużi preċedentement mill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 351(2) TFUE, l-Istati Membri huma marbuta li jieħdu l-miżuri opportuni kollha sabiex ineħħu l-inkompatibbiltajiet li jistgħu jiġu kkonstatati bejn il-konvenzjonijiet konklużi minnhom preċedentement u t-Trattati li joħolqu l-Unjoni (TUE, TKE, u TFUE). Jekk ikun meħtieġ, huma għandhom jadattaw jew iwaqqfu l-konvenzjonijiet iffirmati preċedentement ma’ pajjiżi terzi (42).

60.      Għalhekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE, l-Unjoni ma hijiex marbuta bil-Konvenzjoni ta’ Chicago.

ii)    Nuqqas ta’ effett vinkolanti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago abbażi tas-suċċessjoni funzjonali

61.      L-użu tat-teorija tas-suċċessjoni funzjonali lanqas ma għandu l-effett li jagħmel il-Konvenzjoni ta’ Chicago vinkolanti għall-Unjoni.

62.      It-teorija tas-suċċessjoni funzjonali għandha l-oriġini tagħha fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, International Fruit Company. Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Komunità Ekonomika Ewropea ta’ dak iż-żmien kienet marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-GATT tal-1947 anki jekk hija qatt ma kienet ħadet sehem formali f’dan il-ftehim, sa fejn, skont it-Trattat KEE, hija assumiet il-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri tagħha fil-qasam ikkonċernat (43).

63.      Din il-ġurisprudenza relattiva għall-GATT ma hijiex applikabbli awtomatikament għall-konvenzjonijiet internazzjonali l-oħra (44). B’mod partikolari, hija ma tistax tapplika għall-qasam tat-trasport bl-ajru li huwa inkwistjoni fil-każ preżenti.

64.      Fil-fatt, minn naħa, għalkemm ġew ittrasferiti diversi kompetenzi mill-Istati Membri fil-qasam tat-trasport bl-ajru, madankollu – għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-partijiet li jsostnuhom – dan ma huwiex trasferiment totali (45). Għalhekk, jeżistu ftehim fil-qasam tal-avjazzjoni li sa ftit żmien ilu ġew konklużi bħala “ftehim mħallta”, li minnhom jifformaw parti kemm l-Istati Membri kif ukoll l-Unjoni (46).

65.      Min-naħa l-oħra, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Unjoni Ewropea, u l-Komunità Ewropea qabilha, jintervjenu fil-kuntest tal-ICAO bħala suċċessuri tal-Istati Memrbi tagħhom, u lanqas li intervent f’din il-kwalità jeżiġi l-approvazzjoni ta’ partijiet kontraenti oħra għall-Konvenzjoni ta’ Chicago, kif kien il-każ għall-ftehim tal-GATT tal-1947 (47). Mill-proċess jirriżulta wkoll li l-Unjoni għandha biss status ta’ osservatur fl-ICAO u tikkoordina l-pożizzjoni tal-Istati Membri tagħha qabel il-laqgħat fl-organi tal-ICAO, iżda, fi kwalunkwe każ, fil-preżent, hija ma taġixxix minflok l-Istati Membri tagħha (48). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-assoċjazzjonijiet li jsostnuha kkonċedew dan il-fatt fi tweġiba għal mistoqsija li saritilhom fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

66.      F’dawn iċ-cirkustanzi, ma huwiex il-każ li kien hemm xi suċċessjoni fejn l-Unjoni assumiet ir-rwol tal-Istati Membri tagħha fil-kuntest tal-ICAO u fejn din stess spiċċat materjalment marbuta bil-Konvenzjoni ta’ Chicago. Meħud waħdu, il-fatt biss li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni jifformaw parti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago ma huwiex biżżejjed biex din il-Konvenzjoni jkollha effett vinkolanti għall-Unjoni (49).

iii) Konklużjoni intermedja

67.      Peress li l-Unjoni Ewropea ma hijiex marbuta bil-Konvenzjoni ta’ Chicago, din il-konvenzjoni ma tistax titqajjem bħala kriterju li fid-dawl tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-validità tad-Direttiva 2008/101. Madankollu, il-fatt li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni jifformaw parti mill-Konvenzjoni ta’ Chicago jista’ xorta waħda jittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (50) ; dan jirriżulta mill-prinċipju ġenerali tal-bona fide li japplika wkoll għad-dritt internazzjoni u li jinsab espress b’mod partikolari fl-Artikolu 4(3) TFUE (51).

b)      Il-Protokoll ta’ Kyoto u l-Ftehim Sema Miftuħ [domanda 1(f) u (g)]

68.      Ma huwiex ikkontestat li l-Unjoni Ewropea – u l-Komunità Ekonomika Ewropea qabilha – tinsab marbuta bil-Protokoll ta’ Kyoto u l-Ftehim Sema Miftuħ, bħala parti għal dawn iż-żewġ konvenzjonijiet [ara wkoll l-Artikolu 216(2) TFUE u t-tielet sentenza tal-Artikolu 1(3) TUE]. Għalhekk, fiż-żewġ każijiet, l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 49 iktar ’il fuq tinsab sodisfatta. Għad irid jiġi eżaminat jekk it-tieni kundizzjoni hijiex sodisfatta wkoll, jiġifieri jekk il-Protokoll ta’ Kyoto u l-Ftehim Sema Miftuħ jistgħux, min-natura u mill-istruttura tagħhom, iservu ta’ kriterji għall-istħarriġ ta’ legalità ta’ att tal-Unjoni, u jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ta’ dawn l-akkordji humiex inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi.

i)      Osservazzjoni preliminari

69.      Kwalunkwe konvenzjoni internazzjonali konkluża mill-Unjoni Ewropea hija vinkolanti għaliha fis-sens tad-dritt internazzjonali fir-rigward tal-partijiet kontraenti l-oħra. Madankollu, il-valur intern fid-dritt tal-Unjoni ta’ dawn il-konvenzjonijiet hija kwistjoni oħra li ma tifformax parti mid-dritt internazzjonali iżda mid-dritt tal-Unjoni. Fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tifhem din il-kwistjoni b’dan il-mod: il-konvenzjonijiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jifformaw parti integrali mid-dritt tal-Unjoni mid-data ta’ dħul fis-seħħ tagħhom (52). Barra minn hekk, mill-Artikolu 216(2) TFUE jirriżulta li l-ftehim konklużi mill-Unjoni jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni tas-saħħa vinkolanti ta’ konvenzjoni internazzjonali u dik tal-effetti prodotti mid-dispożizzjonijiet tagħha f’kontroversja speċifika. Fil-fatt, in-natura u l-istruttura tal-konvenzjoni inkwistjoni jistgħu jkollhom ir-riżultat li d-dispożizzjonijiet tagħha ma jkunux jistgħu jitqajmu fi ħdan l-Unjoni, jew ikunu jistgħu jitqajmu biss b’mod limitat ħafna, waqt l-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità ta’ atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

70.      Biex jiġi deċiż liema huma l-effetti fl-Unjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi, wieħed ma jistax jeskludi l-oriġini internazzjonali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Jekk il-ftehim ma jkunx fih – bħalma huwa ta’ spiss il-każ – regola espressa dwar il-kwistjoni tal-effetti prodotti mid-dispożizzjonijiet tiegħu fl-ordinament ġuridiku intern tal-partijiet kontraenti, huwa l-kompitu tal-qrati kompetenti li jiddeċiedu din il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni (53) billi jibbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq l-ispirtu, l-istruttura u l-kliem tal-ftehim (54). Fi kwalunkwe każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-kriterji msemmija iktar ’il fuq, għandha tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali jagħtux dritt lill-individwi fl-Unjoni li jinvokawhom ġudizzjarjament sabiex jikkontestaw il-validità ta’ att ġuridiku tal-Unjoni (55).

71.      Għalhekk, pereżempju, fir-rigward tar-regoli tad-WTO u d-deċiżjonijiet ta’ korpi tad-WTO, fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, min-natura u l-istruttura tagħhom, dawn tal-aħħar ma jistgħux jitqajmu bħala regoli li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tisħtarreġ il-legalità ta’ atti tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiġġustifika din il-pożizzjoni essenzjalment minħabba l-adattabbiltà (jew flessibbiltà) kbira tal-GATT (illum ir-regoli tad-WTO) li tistrieħ fuq il-prinċipju ta’ negozjati u l-idea ta’ reċiproċità u ta’ vantaġġi reċiproċi (56).

72.      Barra minn hekk, u b’mod ħafna iktar ġenerali, konvenzjoni internazzjonali tista’ tiġi invokata ġudizzjarjament minn individwi (persuni naturali jew ġuridiċi) bħala regola li fir-rigward tagħha l-legalità ta’ att ta’ korp tal-Unjoni għandha tiġi evalwata biss jekk, min-natura u l-istruttura tagħha, hija tista’ tagħti lil individwi drittijiet li jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati (57). Fi kliem ieħor, il-konvenzjoni internazzjonali inkwistjoni trid taffettwa direttament il-pożizzjoni ta’ individwi (58).

73.      Il-pożizzjoni tal-individwi tiġi affettwata meta konvenzjoni internazzjonali tagħti lil individwi drittijiet u libertajiet awtonomi (59), bħalma huwa l-każ, pereżempju, f’diversi ftehim ta’ assoċjazzjoni, ta’ kooperazzjoni jew ta’ sħubija konklużi mill-Unjoni Ewropea (60). Il-ftehim fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent jista’ wkoll ikun fihom dispożizzjonijiet li jistgħu jitqajmu ġudizzjarjament minn kwalunkwe persuna interessata (61).

74.      Il-possibbiltà mimlija limitazzjonijiet li individwi jinvokaw ġudizzjarjament konvenzjonijiet internazzjonali bħala kriterji għall-istħarriġ ta’ validità tista’ titfisser mill-għan tal-protezzjoni individwali tad-drittijiet: b’mod ġenerali, fid-dritt tal-Unjoni - bħal fil-każ tal-parti l-kbira tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali - individwi jibbenefikaw biss minn protezzjoni ġudizzjarja meta din tkun neċessarja għall-protezzjoni tad-drittijiet jew tal-libertajiet iggarantiti lilhom (ara wkoll l-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

75.      F’dawn iċ-cirkustanzi, fil-każ preżenti, għandhom jiġu analizzati, l-ewwel nett, il-Ftehim Sema Miftuħ u l-Protokoll ta’ Kyoto, biex jiġi vverifikat jekk dawn jistgħux, min-natura u mill-istruttura tagħhom, jagħtu drittijiet li jistgħu jitqajmu ġudizzjarjament mill-individwi. Sussegwentement għandu jitfittex konkretament jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-konvenzjonijiet speċifiċi għandhomx kontenut inkundizzjonali u suffiċjentement preċiż biex dawn ikunu jistgħu jitqajmu ġudizzjarjament.

76.      Hawnhekk wieħed jista’ jwarrab il-kwistjoni dwar jekk japplikawx kundizzjonijiet iktar favorevoli fil-każ meta rikorrenti privileġġjati, fis-sens tal-Artikolu 263(2) TFUE jsostnu, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, li att ġuridiku tal-Unjoni jikser l-obbligi internazzjonali tagħha (62). Fil-fatt, id-dritt internazzjonali pubbliku jifforma parti integrali mid-dritt tal-Unjoni u r-rikorrenti privileġġjati fis-sistema tat-trattati tal-Unjoni Ewropea ma humiex intitolati biss li jqajmu d-drittijiet tagħhom stess iżda li jikkontribwixxu wkoll għall-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-interess ġenerali. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5), dan l-interess jinkludi, b’mod partikolari, l-osservanza sħiħa tad-dritt internazzjonali.

ii)    Il-Protokoll ta’ Kyoto [domanda 1(g)]

77.      Fir-rigward tal-Protokoll ta’ Kyoto, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-assoċjazzjonijiet li jsostnuhom biss huma tal-fehma li dan jista’ jiġi applikat direttament. L-istituzzjonijiet u l-Gvernijiet li ħadu sehem fil-proċeduri, kif ukoll l-organizzazzjonijiet ambjentali, adottaw pożizzjoni kompletament opposta u jikkunsidraw li l-Protokoll ta’ Kyoto ma jistax iservi ta’ kriterju għall-istħarriġ tal-validità tad-Direttiva 2008/101.

78.      Din l-aħħar pożizzjoni hija konvinċenti. La n-natura u l-istruttura tal-Protokoll ta’ Kyoto b’mod ġenerali, u lanqas id-dispożizzjoni konkretament inkwistjoni [l-Artikolu 2(2) tiegħu] b’mod iktar speċifiku, ma jippermettu konklużjoni li tiffavorixxi applikazzjoni diretta.

–       In-natura u l-istruttura tal-Protokoll ta’ Kyoto

79.      Il-Protokoll ta’ Kyoto huwa ftehim fuq l-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dan huwa protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (1998) (63).

80.      L-għan finali tal-Konvenzjoni Qafas u ta’ kwalunkwe strumenti ġuridiċi marbuta magħha, huwa li tintlaħaq stabbilizzazzjoni fil-konċentrazzjoni ta’ gassijiet serra fl-atmosfera f’livell li ma jippermettix interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal-klima (64). B’mod partikolari, il-preambolu tal-Konvenzjoni Qafas jinsisti fuq il-preokupazzjoni tal-umanità dwar it-tibdil fil-klima tad-dinja u fuq l-effetti avversi tiegħu (65), isejjaħ lill-pajjiżi kollha sabiex jikkooperaw kemm jista’ jkun (66), u jafferma li l-kooperazzjoni internazzjonali sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima għandha tosserva l-prinċipju ta’ sovranità tal-Istati (67).

81.      Dan il-għan u l-kuntest ġenerali li minnu jifforma parti l-Protokoll ta’ Kyoto juru mill-ewwel li dan huwa strument ġuridiku li jirregola biss ir-relazzjonijiet bejn l-Istati (68) u l-obbligi tagħhom fil-kuntest tal-isforzi mwettqa fuq livell globali biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima.

82.      Din l-impressjoni tista’ tiġi kkonfermata jekk wieħed iħares lejn id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-Protokoll ta’ Kyoto nnifsu: sabiex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, huwa jinkludi enumerazzjoni mhux eżawrjenti tal-politika u tal-miżuri li għandhom jiġu implementati minn ċerti partijiet kontraenti (essenzjalment il-pajjiżi żviluppati) sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ limitazzjoni u ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (69).

83.      Wieħed jista’ ċertament jikkunsidra li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-klima meħuda mill-partijiet kontraenti fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Kyoto sejrin jipproduċu effetti ta’ żmien medju jew twil favur l-individwi, peress li dawn il-miżuri huma intiżi li jippreżervaw l-ambjent. Madankollu, tali effetti għandhom biss natura indiretta. La l-Konvenzjoni Qafas u lanqas il-Protokoll ta’ Kyoto ma għandhom dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jaffettwaw direttament il-pożizzjoni tal-individwi. L-iktar l-iktar , f’dawn l-istrumenti jeżistu xi riferimenti ġenerali għall-“uman [umanità]” u għall-“bnedmin” (70).

84.      Dan kollu jmur kontra l-idea li l-individwi jistgħu jinvokaw b’mod ġudizzjarju l-Protokoll ta’ Kyoto, speċjalment fil-każ ta’ cittadini ta’ Stati li ma rratifikawx dan il-Protokoll (71).

85.      Ma dan wieħed iżid il-fatt li għalkemm l-obbligi assunti fil-Protokoll ta’ Kyoto ta’ limitazzjoni u ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet huma ċertament ikkwantifikati, dawn iħallu lill-partijiet kontraenti marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-politika li għandha tiġi konkretament implementata, u tal-miżuri materjali li għandhom jittieħdu, skont is-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom (72). L-obbligi kollha li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto għandhom bżonn ta’ miżuri ta’ applikazzjoni u, barra minn hekk, ma humiex preċiżi biżżejjed biex jipproduċu effetti diretti favur jew kontra individwi (73).

–       L-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto

86.      L-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto, li huwa d-dispożizzjoni li tqajmet speċifikament quddiem il-qorti tar-rinviju, tidħol perfettament fil-kuntest ta’ dak li għadu kif intqal. Fiha, il-partijiet kontraenti qablu (sa fejn huwa ta’ interess hawnhekk) li, fil-kuntest tal-ICAO, ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jillimitaw jew inaqqsu l-emissjonijiet ta’ ċerti gassijiet serra li jirriżultaw mit-trasport bl-ajru.

87.      Għalhekk, id-dispożizzjoni inkwistjoni tillimita ruħha li tirregola ċerti relazzjonijiet legali bejn il-partijiet għall-Protokoll ta’ Kyoto. Hija tiddeskrivi l-kuntest li fih il-partijiiet kontraenti bi ħsiebhom jikkooperaw sabiex jillimitaw jew inaqqsu l-emissjonijiet ta’ ċerti gassijiet serra li jirriżultaw mit-trasport bl-ajru. Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-pożizzjoni tal-individwi. B’mod partikolari, l-approċċ deskritt fl-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto – jiġifieri l-kooperazzjoni tal-partijiet kontraenti fil-kuntest tal-ICAO – ma għandux in-natura ta’ garanzija proċedurali li għandha l-għan, jew saħansitra biss l-effett, li tipproteġi d-drittijiet jew l-interessi ta’ individwi.

88.      Għalhekk, l-individwi ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto quddiem il-qrati. Dan jagħti lok għall-konsegwenza li, fil-każ preżenti, din id-dispożizzjoni ma tistax isservi bħala kriterju għall-istħarriġ tal-validità tad-Direttiva 2008/101.

iii) Il-Ftehim Sema Miftuħ [domanda 1(f)]

89.      Fil-każ preżenti, fir-rigward tal-Ftehim Sema Miftuħ, il-parti l-kbira tal-istituzzjonijiet u tal-gvernijiet li ħadu sehem fil-proċeduri jiċħdu, b’mod ġenerali, kwalunkwe possibbiltà li dan jista’ jaffettwa l-pożizzjoni tal-individwi. Min-naħa tagħhom, il-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż jaċċettaw li, bħala regola, persuni naturali u ġuridiċi jistgħu jinvokaw ġudizzjarjament il-Ftehim Sema Miftuħ (74).

90.      Jiena naqbel ma’ din l-aħħar pożizzjoni. Din hija iktar konformi, kemm man-natura u l-istruttura tal-Ftehim Sema Miftuħ kif ukoll mad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li huma inkwistjoni hawnhekk.

–       In-natura u l-istruttura ġenerali tal-Ftehim Sema Miftuħ

91.      Huwa veru li xi kliem li jinsab fil-Ftehim Sema Miftuħ iħallu lil wieħed jaħseb li dan il-ftehim fuq it-trasport bl-ajru jirregola r-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti, u għalhekk bejn l-Unjoni Ewropea – preċedentement il-Komunità Ewropea – kif ukoll l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti, min-naħa l-oħra (75).

92.      Madankollu, xi kliem ieħor fil-Ftehim Sema Miftuħ jirreferi speċifikament għad-drittijiet u għall-obbligi tal-individwi; b’hekk, il-ftehim huwa indirizzat direttament lill-kumpanniji tal-ajru u lill-fornituri l-oħra ta’ servizzi (76). F’ċerti partijiet, huwa jipprovdi saħansitra drittijiet favur “kwalunkwe persuna” (77). Kliem bħal dan iwassal lil wieħed jikkonkludi li l-Ftehim Sema Miftuh jaffettwa wkoll il-pożizzjoni tal-individwi, b’mod partikolari dik tal-impriżi.

93.      Din l-impressjoni hija kkonfermata jekk wieħed jinkludi l-preambolu tal-Ftehim Sema Miftuħ f’din l-analiżi. Hemmhekk jeżisti riferiment għall-“kompetizzjoni bejn linji ta’ l-ajru” li għandha tiġi promossa (78) fis-suq “bl-inqas indħil u regolamentazzjoni governattivi” filwaqt li tissaħħaħ (79) u tiġi protetta (80) mill-għajnuna mill-Istat li tista’ tippreġudikaha. Jeżisti riferiment għall-intenzjoni li “jiftħu l-aċċess għas-swieq” (81) u għax-xewqa li “joħolqu l-possibbiltà għal-linji ta’ l-ajru li joffru prezzijiet u servizzi kompetittivi fi swieq miftuħa lill-pubbliku li jivvjaġġa u jittrasporta l-merkanzija” (82); barra minn hekk, l-aċċess tat-trasportaturi tal-ajru għas-swieq globali tal-kapitali għandu jittejjeb (83). Għalhekk, il-ftehim jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ libertajiet ekonomiċi klassiċi. L-istabbiliment ta’ tali għanijiet huwa karatteristika ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li ma għandhomx il-kontenut tagħhom limitat għar-regolazzjoni tar-relazzjonijet bejn il-partijiet kontraenti, iżda jieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-operaturi ekonomiċi individwali. Illustrazzjoni partikolarment evidenti ta’ dan huwa r-rwol li għandu l-individwu fil-Ftehim Sema Miftuħ kull fejn hemm riferiment għal impriżi (ta’ trasport bl-ajru), passiġġieri, vjaġġaturi, persuni li jibagħtu merkanzija, konsumaturi u anki persunal(84).

94.      Is-sentenza Intertanko (85), ikkwotata minn bosta istituzzjonijiet u gvernijiet fl-osservazzjonijiet li huma ppreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma tipprekludix l-idea li l-Ftehim Sema Miftuħ jaffettwa l-pożizzjoni tal-individwi.

95.      Huwa veru li fis-sentenza Intertanko, min-natura u l-istruttura tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-liġi tal-Baħar (86), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li din il-konvenzjoni kienet tirregola biss ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet li ffirmawha u ma kienet tagħti l-ebda dritt awtonomu jew libertà awtonoma lil individwi, anki jekk xi kultant isir riferiment għall-vapuri u d-drittijiet tagħhom (87). Fis-sentenza Intertanko, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk li jbaħħru fl-ibħra marittimi huma kkunsidrati biss bħala r-riżultat tad-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-Istat tal-bandiera tagħhom (88).

96.      Madankollu, il-fatt biss li l-eżerċizzju ta’ drittijiet li jirriżultaw minn Konvenzjoni internazzjonali jista’ jkun marbut man-nazzjonalità tal-persuna interessata, jew mal-Istat li fih ikun irreġistrat vapur jew inġenju tal-ajru, ma jipprekludix li d-dispożizzjoni tal-konvenzjoni inkwistjoni tkun direttament applikabbli (89). Il-prinċipju ġeneralment aċċettat, li jeżiġi li kull Stat għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom huwa jagħti n-nazzjonalità tiegħu (90), lanqas ma jipprekludi minnu nnfisu li dispożizzjonijiet f’konvenzjonijiet internazzjonali marbuta man-nazzjonalità jew mal-appartenenza statali, jistgħu jaffettwaw il-pożizjoni tal-individwi.

97.      Il-parti l-kbira tal-konvenzjonijiet internazzjonali jipprovdu drittijet u obbligi biss għall-persuni li għandhom in-nazzjonalità tal-Istati firmatarji. Li kieku kellha tiġi eskluża l-applikazzjoni diretta biss minħabba din ir-rabta man-nazzjonalità, l-individwi ma jkunu jistgħu jinvokaw prattikament qatt id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jaffettwawhom.

98.      Indipendentement minn dan, is-soluzzjoni kkonstatata fis-sentenza Intertanko għall-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar ma tistax tiġi sempliċement adottata għall-Ftehim Sema Miftuħ, li huwa inkwistjoni fil-każ preżenti.

99.      Fil-fatt, il-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar tinsisti ħafna iktar fuq ir-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Istati u tagħti importanza ferm inqas lill-pożizzjoni ta’ individwi milli jagħmel il-Ftehim Sema Miftuħ. L-għan prinċipali tal-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar huwa fil-fatt li jikkodifika, jispeċifika (91) u jiżviluppa (92) r-regoli tad-dritt internazzjonali ġenerali relattivi għall-kooperazzjoni paċifika tal-komunità internazzjonali fl-esplorazzjoni, fl-użu u fl-isfruttament tal-ispazji marittimi, kif ukoll li joħloq “kostituzzjoni tal-ibħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tfittex li tistabbilixxi ekwilibriju ġust bejn l-interessi tal-Istati fil-kwalità tagħhom ta’ Stati kostali u l-interessi tal-Istati fil-kwalità tagħhom ta’ Stati tal-bandiera, li jistgħu jidħlu f’kunflitt ma’ xulxin; il-partijiet kontraenti għandhom għalhekk l-intenzjoni li jistabbilixxu l-limiti materjali u territorjali tad-drittijiet sovrani rispettivi tagħhom (93).

100. Fil-Ftehim Sema Miftuħ, ir-riferiment għal individwi u għal impriżi huma ferm iktar preżenti milli huwa fil-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar (94), u hekk kif diġa rrilevajt (95), il-preambolu tal-Ftehim Sema Miftuħ jenfasizza l-importanza tal-individwu u tal-impriżi tant ċar li ma għandu l-ebda ekwivalenza fil-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar.

101. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ Kumitat Konġunt u ta’ proċedura ta’ arbitraġġ biex tirregola ċerti diverġenzi bejn il-partijiet dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-Ftehim Sema Miftuħ (96) mhux bil-fors teskludi li dan il-ftehim jista’ jaffettwa l-pożizzjoni ta’ individwi u li ċerti dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu japplikaw direttament għal persuni naturali jew ġuridiċi (97). Fil-fatt, b’differenza mid-dritt tad-WTO, il-Ftehim Sema Miftuħ jistrieħ ferm inqas fuq in-negozjati bejn il-partijiet u r-reċiproċità (98).

102. Meta wieħed jikkunsidra kollox, jiena għalhekk tal-fehma li l-Ftehim Sema Miftuħ jista’, min-natura u mill-istruttura tiegħu, jaffettwa l-istatus tal-individwi. Għalhekk, bħala regola, fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn individwi, il-Ftehim Sema Miftuħ jista’ jservi ta’ kriterju għall-istħarriġ tal-validità ta’ atti ġuridiċi tal-Unjoni.

–       In-natura inkundizzjonali u suffiċjentement preċiża tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Ftehim Sema Mifuħ

103. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi speċifikament lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq tliet dispożizzjonijiet tal-Ftehim Sema Miftuħ: l-Artikolu 7, l-Artikolu 11(2)(c) u l-Artikolu 15(3). Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hijiex inkundizzjonali u suffiċjentement preċiża biex tkun tista’ sservi ta’ kriterju għall-isħarriġ tal-legalità tad-Direttiva 2008/101.

104. L-Artikolu 7 tal-Ftehim Sema Miftuħ jipprovdi – b’mod simplifikat – li l-liġijiet u d-dispożizzjonijiet imwaqqfa minn parti kontraenti fit-territorju tagħha japplikaw ukoll għall-inġenji tal-ajru u għall-passiġġieri, l-ekwipaġġ u l-merkanzija fuq l-inġenji tal-ajru tal-parti l-oħra u dawn għandhom josservawhom. Din id-dispożizzjoni hija inkundizzjonali; b’mod partikolari, hija ma tipprevedi l-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni interna min-naħa tal-partijiet għall-Ftehim Sema Miftuħ. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni hija suffiċjentement preċiża biex wieħed ikun jista’ jidentifika l-effetti ġuridiċi tagħha għall-individwi: hija tispjega fid-dettall it-tip ta’ liġijiet u regolamenti kkontemplati minnha (99), u tikkonstata b’mod kategoriku li dawn il-liġijiet u dispożizzjonijiet japplikaw u għandhom jiġu osservati. Barra minn hekk, din hija indirizzata speċifikament lill-individwi bħala destinatarji: hija tirrigwarda speċifikament kumpanniji tal-ajru (u l-inġenji tal-ajru u l-merkanzija tagħhom) kif ukoll passiġġieri u l-ekwipaġġ tal-ajruplani, li huma suġġetti, u għandhom josservaw, il-liġijiet u d-dispożizzjonijiet inkwistjoni. B’hekk, l-Artikolu 7 tal-Ftehim Sema Miftuħ jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha biex ikun jista’ jiġi applikat direttament.

105. L-Artikolu 11(2)(c) tal-Ftehim Sema Miftuħ jipprovdi – biex nissimplifika – eżenzjoni mit-taxxi, dazji tad-dwana, ħlasijiet u imposti fuq il-karburanti, lubrikanti u provvisti tekniċi ta’ inġenji tal-ajru tal-partijiet kontraenti. Din id-dispożizzjoni hija ċertament suffiċjentement preċiża biex tkun tista’ tiġi applikata direttament, peress li tindika konkretament liema huma l-affarjiet li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni u x’tirrigwarda l-eżenzjoni. Madankollu, id-dispożizzjoni ma hijiex inkundizzjonali għaliex hija tagħti l-eżenzjoni biss “abbażi ta’ reċiproċità” (100). Il-kwistjoni dwar jekk kumpannija tal-ajru tistax, f’mument partikolari, tinvoka l-eżenzjoni fil-konfront ta’ parti oħra għall-ftehim tiddependi għalhekk mill-aġir ta’ din il-parti l-oħra fid-data kkunsidrata. Kumpannija tal-ajru Amerikana tista’ tqajjem l-eżenzjoni prevista mill-Ftehim Sema Miftuħ quddiem l-awtoritajiet Ewropej biss jekk, fid-data inkwistjoni, l-awtoritajiet tal-pajjiż li fih hija tkun stabbilita jagħtu eżenzjoni korrispondenti lill-kumpanniji tal-ajru Ewropej. L-eżistenza ta’ din il-kundizzjoni għandha l-konsegwenza li l-Artikolu 11(2)(c) tal-Ftehim Sema Miftuħ ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni diretta.

106. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ tipprovdi li, meta jiġu adottati miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent, in-normi dwar il-protezzjoni tal-ambjent adottati mill-ICAO għan-navigazzjoni bl-ajru għandhom jiġu osservati “ħlief fejn ġew reġistrati differenzi”. Din id-dispożizzjoni ma tidhirx inkundizzjonali u lanqas suffiċjentement preċiża biex tista’ tkun direttament applikabbli: fl-aħħar parti ta’ din is-sentenza (“ħlief”) hija tirreferi għad-dritt tal-ICAO u ma tirregolax hija stess il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ ssir deroga għar-regoli tal-ICAO fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, wieħed sempliċement ma jarax kif din id-dispożizzjoni tista’ taffettwa l-pożizzjoni tal-individwi: hija tirrigwarda l-“adozzjoni” ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent fl-interess ġenerali u mhux l-applikazzjoni tagħhom għall-kumpanniji tal-ajru.

107. Fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ, il-partijiet jobbligaw ruħhom li japplikaw il-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent li għandhom effett fuq is-servizzi tal-ajru skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(4) tal-Ftehim Sema Miftuħ. Għall-kuntrarju tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ, din id-dispożizzjoni tirrigwarda speċifikament l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent għall-kumpanniji tal-ajru u għalhekk jista’ jkollha effett konkret fuq il-pożizzjoni ġuridika ta’ dawn tal-aħħar. Mill-perspettiva tal-kontenut tagħha, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu applikati għall-kumpanniji tal-ajru b’osservanza tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni leali u ġusta (Artikolu 2 tal-Ftehim Sema Miftuħ). Barra minn hekk, għandu jiġi protett, b’mod partikolari, id-dritt tal-kumpanniji tal-ajru li jiddefinixxu l-frekwenza u l-kapaċità tas-servizz internazzjonali tal-ajru li huma jixtiequ joffru abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet kummerċjali relattivi għas-suq [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(4)]. Barra minn hekk, għandhom jiġu applikati kundizzjonijiet uniformi konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (Ftehim ICAO) [it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(4) tal-Ftehim Sema Miftuħ]. Dawn l-eżiġenzi kollha għandhom fl-aħħar mill-aħħar bħala punti komuni bejniethom l-idea li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent ma għandhomx jiġu applikati b’mod diskriminatorju fil-konfront tal-kumpanniji tal-ajru u ma għandhomx jippreġudikaw il-possibbiltajiet tal-kumpanniji tal-ajru li jikkompetu ma’ xulxin. Tali eżiġenzi huma inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi. Bħal fil-każ tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni rrikonoxxut f’diversi ftehim ta’ assoċjazzjoni, ta’ kooperazzjoni u ta’ sħubija, u bħall-prinċipji ta’ kompetizzjoni (101) fis-seħħ fis-suq intern, huma jistgħu jiġu applikati direttament.

iv)    Konklużjoni intermedja

108. Għalhekk, l-Artikolu 7 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ biss jistgħu jitqajmu bħala kriterji għall-istħarrig tad-Direttiva 2008/101.

2.      Id-dritt internazzjonali konswetudinarju [domanda 1(a) sa (d)]

109. Il-fatt li l-Unjoni Ewropea hija marbuta mhux biss bil-konvenzjonijiet internazzjonali li japplikaw għaliha iżda wkoll bid-dritt internazzjonali konswetudinarju huwa prinċipju ġeneralment irrikonoxxut (102), li jinsab ikkonfermat fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) TUE (“rispett sħiħ u […] iżvilupp tad-dritt internazzjonali”). Il-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju inkwistjoni jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (103).

110. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni għadha ma żviluppatx kriterji ċari li jippermettu li jiġi evalwat jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, prinċipju li jirriżulta mid-dritt internazzjonali konswetudinarju jista’ jikkostitwixxi kriterju li jista’ jintuża għall-istħarriġ tal-validità ta’ atti tal-Unjoni. Fil-fatt, fil-passat, jidher li l-Qrati tal-Unjoni qatt ma ntalbu jwettqu tali stħarriġ ta’ validità, peress li sa issa, id-dritt internazzjonali konswetudinarju tqajjem biss għal finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet u prinċipju tad-dritt tal-Unjoni (104).

111. Hekk kif ġustament jindikaw diversi istituzzjonijiet u gvernijiet li ħadu sehem fil-proċedura, dawn il-kriterji ma għandhomx ikunu differenti minn dawk applikabbli meta jiġi vverifikat jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, il-validità ta’ atti ġuridiċi tal-Unjoni tistax tiġi evalwata fir-rigward ta’ konvenzjonijiet internazzjonali.

112. Minn naħa, ma teżisti l-ebda raguni valida għaliex individwu jista’ jinvoka prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju taħt kundizzjonijiet inqas rigorużi minn dawk applikabbli fil-każ ta’ konvenzjonijiet internazzjonali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-assoċjazzjonijiet li jsostnuhom ma ressqux tali argument fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

113. Min-naħa l-oħra, matul is-snin, diversi prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ġew ikkodifikati f’konvenzjonijiet internazzjonali (105). Ma huwiex loġiku li l-istess prinċipju ta’ dritt internazzjonali jista’ jitqajjem minn individwi taħt kundizzjonijiet differenti skont jekk jitqajjimx bħala prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju jew bħala prinċipju tad-dritt internazzjonali li jirriżulta minn konvenzjonijiet.

114. Għalhekk, filwaqt li nispira ruħi mill-ġurisprudenza dwar il-konvenzjonijiet internazzjonali (106) eżaminata iktar ’il fuq, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju bħala kriterju għall-istħarriġ tal-validità ta’ atti ġuridiċi tal-Unjoni biss jekk jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet:

–        l-ewwel nett, irid jeżisti prinċipju ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot lill-Unjoni Ewropea;

–        sussegwentement, in-natura u l-istruttura tal-imsemmi prinċipju ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju ma għandhomx jipprekludu tali stħarriġ ta’ validità, u, barra minn hekk, il-prinċipju inkwistjoni jrid ikun inkundizzjonali u suffiċjentement preċiż.

115. Fil-kuntest tat-tieni kriterju, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kwistjoni tal-validità tad-Direttiva 2008/101 hawnhekk titqajjem fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn individwi – diversi kumpanniji tal-ajru u assoċjazzjoni ta’ kumpanniji tal-ajru (107).

a)      Fuq l-eżistenza tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju inkwistjoni u n-natura vinkolanti tagħhom għall-Unjoni

116. Hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 38(1)(b) tal-Istatut tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (108), id-dritt internazzjonali konswetudinarju huwa wieħed mis-sorsi tad-dritt internazzjonali ġeneralment irrikonoxxuti (109). Biex jinħoloq hemm bżonn ta’ prattika ġenerali mis-suġġetti kkonċernati tad-dritt internazzjonali pubbliku (consuetudo; element oġġettiv) li tiġi aċċettata bħala liġi (opinio iuris sive necessitatis; element suġġettiv).

117. Ċerti prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ġew ikkodifikati fi ftehim multilaterali, li minnhom jifformaw parti numru sostanzjali, rappreżentattiv, ta’ suġġetti tad-dritt internazzjonali konswetudinarju. Dan japplika, b’mod partikolari, għad-dispożizjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (110) , tal-Konvenzjoni fuq il-liġi tal-Baħar (111) u partijiet mill-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar (112).

118. Il-partijiet fil-proċeduri preliminari preżenti jammettu li, bħala regola, il-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar, b’mod partikolari, jistgħu joffru indikazzjonijiet dwar jekk jeżistux jew le prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, u jekk dawn għandhomx natura vinkolanti għall-Unjoni Ewropea.

i)      Is-sovranità tal-Istati fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom [domanda 1(a)]

119. Il-prinċipju tas-sovranità tal-Istati fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom (xi kultant magħruf ukoll bħala s-“sovranità tal-ajru”) huwa l-konsegwenza tas-sovranità eżerċitata mill-Istati fuq it-territorju tagħhom (113). Sa mill-1919, dan tħabbar fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li tirregola n-navigazzjoni bl-ajru (114) ; bħalissa dan jinsab ikkodifikat mill-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li sallum ġiet iffirmata minn 190 Stat, inklużi fosthom il-Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Hekk kif irrikonoxxiet il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, ir-regola tad-dritt internazzjonali konvenzjonali pprovduta fil-Konvenzjoni ta’ Chicago tat biss forma lil prinċipju li kien ilu jeżisti fid-dritt internazzjonali konswetudinarju (115).

120. Il-fatt li l-Unjoni Ewropea stess ma hijiex parti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago ma jipprekludix li din tkun marbuta mill-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju tas-sovranità tal-Istati fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom, li jinsab ikkodifikat f’din il-konvenzjoni (116). Fil-fatt, prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju għandu eżistenza awtonoma, maġenb ftehim internazzjonali li fihom dan jinsab ikkodifikat (117).

ii)    L-illegalità ta’ pretensjonijiet ta’ sovranità fuq l-ibħra internazzjonali [domanda 1(b)]

121. Il-prinċipju li jipprovdi li l-ebda Stat ma’ jista’ jippretendi li jissuġġetta għas-sovranità tiegħu xi parti tal-ibħra internazzjonali huwa manifestazzjoni tat-teorija tal-libertà tal-ibħra internazzjonali, li l-oriġini kunċettwali tagħha jmorru lura għallinqas sal-1609 (118). Il-libertà tal-ibħra internazzjonali ġiet irrikonoxxuta fuq livell internazzjonali, l-iktar tard, mill-bidu tas-seklu 20 (119).

122. Fl-1958, il-prinċipju li jipprovdi li l-ebda Stat ma’ jista’ jippretendi li jissuġġetta għas-sovranità tiegħu xi parti tal-ibħra internazzjonali ġie kkodifikat fl-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni fuq il-Baħar Internazzjonali u ġie sussegwentement inkorporat fid-dispożizzjoni tal-Artikolu 89 tal-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar intitolata “Illegalità ta’ pretensjonijiet ta’ sovranità fuq l-ibħra internazzjonali ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sal-ġurnata tal-lum, 162 parti kontraenti aderixxew mal-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar, fosthom l-Unjoni Ewropea – preċedentement il-Komunità Ewropea (120) - u l-Istati Membri tagħha kollha.

123. Peress li l-prassi tal-Istati tmur lura għall-inqas seklu – jekk mhux iktar – u din hija fil-parti l-kbira rrikonoxxuta bil-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewopea u tal-Istati Membri kollha tagħha, wieħed jista’ jikkunsidra li l-Artikolu 89 tal-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar jikkodifika prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju (121) li jorbot lill-Unjoni. L-ebda waħda mill-partijiet jew l-awtoritajiet li ħadu seħem fil-proċeduri preżenti ma tesprimi dubji dwar dan.

124. Matul il-proċedura preżenti ġew espressi dubji iżolati fuq il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ illeġalità ta’ pretensjonijiet ta’ sovranità fuq l-ibħra internazzjonali jistax ikun rilevanti għall-istħarriġ tal-validità tad-Direttiva 2008/101. F’dan ir-rigward, biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (122). Peress li d-domanda 1(b) ma tidhirx manifestament irrilevanti għad-deċiżjoni tal-kontroversja fil-kawża prinċipali, hija għandha tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

iii) Il-libertà ta’ titjir fuq l-ibħra internazzjonali [domanda 1(c)]

125. Il-libertà ta’ titjir fuq l-ibħra internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“libertà ta’ titjir”) issemmiet ukoll sa mill-1958 fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 2(3) tal-Konvenzjoni fuq il-Baħar Internazzjonali u llum tinsab ikkodifikata fit-tielet sentenza tal-Artikolu 87(1)(b) tal-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar.

126. Għall-istess raġunijiet imqajma preċedentement fir-rigward tal-illegalità ta’ pretensjonijiet ta’ sovranità fuq l-ibħra internazzjonali (123), il-libertà ta’ titjir fuq l-ibħra internazzjonali għandha titqies li hija prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot lill-Unjoni.

iv)    L-allegata sovranità esklużiva fuq l-inġenji tal-ajru li jittajru fuq l-ibħra internazzjonali [domanda 1(d)]

127. Għall-kuntrarju tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju eżaminati sa issa, ir-raba’ prinċipju mqajjem mill-qorti tar-rinviju huwa kontroversjali.

128. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet li jsostnuhom qed jgħidu li mid-dritt internazzjonali konswetudinarju jirriżulta li l-inġenji tal-ajru li jittajru fuq l-ibħra internazzjonali jaqgħu taħt is-sovranità esklużiva tal-Istat li fih dawn ikunu ġew irreġistrati, sakemm trattat internazzjonali ma jipprovdix espressament xort’oħra. Filwaqt li ċerti gvernijiet u istituzzjonijiet ma tħassbux f’dan ir-rigward, parteċipanti oħra fil-proċeduri – jiġifieri l-Gvern Ġermaniż, Franċiż, tar-Renju Unit u tan-Norveġja, kif ukoll il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet ambjentali – huma tal-fehma li, b’mod definittiv, ma jeżisti ebda prinċipju bħal dan fid-dritt internazzjonali konswetudinarju.

129. Fir-realtà, jeżisti prinċipju li – biex nissemplifika – jipprovdi li l-mezzi ta’ trasport fl-ibħra internazzjonali huma suġġetti esklużivament għas-sovranità tal-Istat tal-bandiera tagħhom, iżda dan ġie kkodifikat biss għall-vapuri u mhux għall-inġenji tal-ajru. Biex wieħed jikkonvinċi ruħu dwar dan huwa biżżejjed li jirreferi għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 92(1) tal-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar, kif ukoll għad-dispożizzjoni li ġiet qabilha, jiġifieri l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni tal-1958 fuq il-Baħar Internazzjonali.

130. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni fuq il-Baħar Internazzjonali u l-Artikolu 92 tal-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar ma jistgħux jiġu sempliċement applikati għall-inġenji tal-ajru permezz ta’ analoġija. Eżami konġunt ta’ dawn iż-żewġ ftehim multilaterali juri li l-persuni li abbozzawhom riedu jagħmlu distinzjoni ċara bejn il-vapuri u l-inġenji tal-ajru u semmew espressament dawn il-mezzi ta’ trasport f’diversi dispożizzjonijiet li japplikaw jew għaż-żewġ tipi, jew speċifikament għal tip wieħed (124).

131. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni fuq il-Baħar Internazzjonali u l-Artikolu 92 tal-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar ma jsemmux lill-inġenji tal-ajru, dawn l-artikoli ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala provi dwar l-allegata eżistenza ta’ prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jirrigwarda tali inġenji tal-ajru. Tant hu hekk li l-Konvenzjoni ta’ Chicago, li tirrigwarda speċifikament in-navigazzjoni bl-ajru, lanqas ma tipprovdi għall-prinċipju ta’ sovranità esklużiva tal-Istat ta’ reġistrazzjoni fuq l-inġenji tal-ajru tiegħu li jittajru fuq l-ibħra internazzjonali. Barra minn hekk, il-konvenzjoni ta’ Tokyo (125) li, bħall-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandha applikazzjoni kważi globali, fiha dispożizzjoni fl-Artikolu 4 tagħha li, għall-finijiet ta’ sanzjonijiet penali, tippermetti lill-Istati li, f’parametri ben definiti, jinterferixxu fl-operazzjoni ta’ inġenju tal-ajru li qiegħed jittajjar, anki jekk dawn ma jkunux l-Istat ta’ reġistrazzjoni.

132. Il-ġurisprudenza li teżisti sal-ġurnata tal-lum fir-rigward tal-prinċipju kontroversjali kienet tirrigwarda biss – mid-dehra – il-vapuri u mhux l-inġenji tal-ajru (126).

133. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li, fl-istat attwali tad-dritt, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li jeżisti prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jeżiġi li “l-inġenji tal-ajru li jittajru fuq l-ibħra internazzjonali jaqgħu taħt is-sovranità esklużiva tal-Istat li fih huma jinsabu rreġistrati, sakemm trattat tad-dritt internazzjonali ma jipprovdix xort’oħra”.

134. Minn dan jirriżulta li tali prinċipju ma jistax iservi ta’ kriterju għall-istħarriġ tal-validità ta’ atti tal-Unjoni bħalma hija d-Direttiva 2008/101.

b)      Fuq jekk l-imsemmija prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju jistgħux iservu ta’ kriterji għall-istħarriġ tal-validità fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn persuni naturali jew ġuridiċi

135. Anki jekk prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot lill-Unjoni jkun vinkolanti fil-konfront tagħha fis-sens tad-dritt internazzjonali, jista’ jkun li, minħabba n-natura u l-istruttura tal-imsemmi prinċipju, dan ma jkunx jista’ jintuża fi ħdan l-Unjoni, jew ikun jista’ jintuża biss b’mod limitat, waqt l-istħarriġ tal-validità ta’ atti ta’ korpi tal-Unjoni (127), b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċeduri mressqa minn persuni naturali jew ġuridiċi.

136. It-tliet prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jirrigwardaw id-domanda 1(a) sa (c) tal-High Court għandhom bħala punt komuni bejniethom li jiddeterminaw il-portata tad-drittijiet sovrani tal-Istati u li jillimitaw is-sovranità rispettiva tagħhom.

137. Tali prinċipji assolutament ma humiex adatti, min-natura u mill-istruttura tagħhom, li jaffettwaw il-pożizzjoni tal-individwi (128). Dan huwa dak li, bir-raġun, sostnew l-istituzzjonijiet u l-maġġor parti tal-gvernijiet li ħadu sehem fil-proċeduri.

138. Għalhekk, tali prinċipji ma jistgħux jitqajmu minn persuni naturali jew ġuridiċi bħala kriterji għall-istħarriġ tal-validità ta’ atti tal-Unjoni Ewropea (129).

3.      Konklużjoni intermedja

139. Kollox ma kollox, minn fost id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali mqajma fl-ewwel domanda preliminari, l-Artikolu 7 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ biss jistgħu jitqajmu fil-kuntest ta’ proċeduri mressqa minn persuna naturali jew ġuridika bħala kriterji għall-istħarriġ tal-validità ta’ atti ġuridiċi tal-Unjoni.

B –    Fuq il-kompatibbiltà tad-Direttiva 2008/101 mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju mqajma (domandi 2, 3 u 4)

140. Id-domandi 2 sa 4 huma ddedikati għall-kompatibbiltà tad-Direttiva 2008/101 mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju mqajma mill-qorti tar-rinviju. Dawn jitqajmu biss fil-każ li l-ewwel domanda tiġi risposta fl-affermattiv. Skont dak li għidt iktar ’il fuq, dan ma huwiex il-każ għall-Artikolu 7 u għat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ. Madankollu, għal kull bwon fini u biex inkun eżawrjenti, jiena sejra neżamina wkoll il-kompatibbiltà tad-Direttiva 2008/101 mad-dispożizzjonijiet u l-prinċipji l-oħra mqajma mill-qorti tar-rinviju.

141. Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew sostnuti argumenti konfliġġenti ħafna f’dan ir-rigward. Filwaqt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-assoċjazzjonijiet li jsostnuhom jikkunsidraw li jeżisti fil-fatt ksur tal-konvenzjonijiet internazzjonali kollha u tal-prinċipji kollha tad-dritt internazzjonali konswetudinarju inkwistjoni, l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet li ħadu sehem fil-proċeduri kif ukoll l-organizzazzjonijiet ambjentali li intervjenew għandhom fehma totalment opposta.

1.      Il-kompatibbiltà ma’ ċerti prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju (domanda 2)

142. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju mqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhomx il-konsegwenza li jinvalidaw id-Direttiva 2008/ 101 peress li din id-direttiva dwar l-iskema UE għall-iskambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal partijiet ta’ titjiriet li jsiru barra mill-ispazju tal-ajru tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

143. Il-fatt li l-Unjoni Ewropea trid teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza tad-dritt internazzjonali konswetudinarju (130) huwa aċċettat minn kulħadd.

144. F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-assoċjazzjonijiet li jsostnuhom jikkritikaw essenzjalment lil-leġiżlatur tal-Unjoni talli eċċeda l-limiti tal-kompetenzi tal-Istati, bi ksur tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju. Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ partijiet ta’ titjiriet li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea hija ekwivalenti għall-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni extra territorjali li tippreġudika s-sovranità ta’ pajjiżi terzi, minn naħa, u l-libertà fuq l-ibħra internazzjonali, min-naħa l-oħra.

145. Dan l-ilment ma jistax jiġi aċċettat. Huwa jistrieħ fuq qari żbaljat u estremament superfiċjali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/101.

a)      Fuq in-nuqqas ta’ effett extra territorjali tal-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet

146. Hekk kif ġustament indikaw bosta istituzzjonijiet u gvernijiet li ħadu sehem fil-proċeduri, id-Direttiva 2008/101 ma fiha l-ebda regola extra territorjali. Din id-direttiva ma tissuġġetta għall-ebda dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni l-attivitajiet tal-kumpanniji tal-ajru fl-ispazju tal-ajru ta’ pajjiżi terzi jew fuq l-ibħra internazzjonali. B’mod partikolari, id-Direttiva 2008/101 ma tagħti lok għall-ebda forma ta’ obbligu għall-kumpanniji tal-ajru li josservaw, bl-inġenji tal-ajru tagħhom, ċerti rotot stabbiliti jew ċerti veloċitajiet massimi, u lanqas li josservaw ċerti limiti f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsum ta’ karburant jew emissjoni ta’ gassijiet.

147. Dak li d-Direttiva 2008/101 bi ħsiebha tirregola huwa biss it-tluq u l-inżul ta’ inġenji tal-ajru minn jew fuq ajrudromi tal-Unjoni Ewropea u s-sovranità fir-rigward tal-kumpanniji tal-ajru tiġi eżerċitata biss għal dak it-tluq u l-inżul. Dawn il-kumpanniji tal-ajru jridu jirrestitwixxu kwoti ta’ emissjonijiet ta’ livelli differenti (131), u jekk dan ma jiġix osservat, teżisti theddida ta’ sanzjonijiet li jistgħu saħansitra jilħqu l-livell ta’ projbizzjoni li wieħed jopera (132).

148. Il-fatt li wieħed irid jieħu inkunsiderazzjoni r-rotta kollha magħmula waqt it-titjira inkwistjoni għall-kalkolu tad-dazji ta’ emissjoni li għandhom jitħallsu, ma jagħtix lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/101 natura extraterritorjali. Huwa veru li b’dan il-mod wieħed jieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jseħħu fuq l-ibħra internazzjonali jew it-territorju ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, il-kumpanniji tal-ajru jistgħu jkunu indirettament inċentivati li, matul it-titjiriet fuq il-baħar territorjali jew fuq it-territorju ta’ pajjiżi terzi, huma jaġixxu b’tali mod li jikkunsmaw l-inqas karburant possibbli u li jirrilaxxaw l-inqas gassijiet serra possibbli. Madankollu, ma teżistix regolamentazzjoni speċifika tal-aġir tagħhom fl-ispazju tal-ajru barra mill-Unjoni Ewropea.

149. Ma huwa bl-ebda mod barra min-normal li, għall-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ sovranità, Stat jew organizzazzjoni internazzjonali jieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jseħħu, jew li jkunu seħħu, barra mill-portata tal-kompetenza territorjali tiegħu. B’hekk, fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul, diversi Stati japplikaw il-prinċipju ta’ dħul dinji. Bl-istess mod, fid-dritt tal-kompetizzjoni kif ukoll fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, teżisti prattika fid-dinja kollha li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jieħdu azzjoni kontra akkordji bejn impriżi anki jekk dawn ikunu ġew konklużi barra mill-portata tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom u anki jekk dawn jista’ possibbilment ikollhom effetti li, fil-parti l-kbira tagħhom, iseħħu barra minn din il-portata territorjali (133). Fil-każ tas-sajd, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet saħansitra li ħut li nqabad fl-ibħra internazzjonali seta’ jiġi kkonfiskat peress li l-bastiment li kellu bandiera ta’ pajjiż terz kien daħal f’port tal-Unjoni Ewropea (134).

150. Mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, dak li huwa importanti huwa li l-fatti jkollhom rabta suffiċjenti mal-Istat jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernati. Il-fattur ta’ rabta jista’ jistrieħ fuq il-prinċipju tat-territorjalità (135), il-prinċipju ta’ personalità (136) jew – b’mod iktar rari – il-prinċipju ta’ universalità.

b)      Fuq l-eżistenza ta’ fattur ta’ rabta territorjali suffiċjenti

151. Fil-każ preżenti, l-Unjoni Ewropea tista’ tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ territorjalità.

152. B’mod ġenerali, l-Unjoni tista’ teżiġi li l-impriżi kollha li jixtiequ joffru servizzi fi ħdan it-territorju tagħha għandhom josservaw ċerti normi ddefiniti mid-dritt Ewropew. Għalhekk, hija tista’ teżiġi li kull darba li jitilqu jew jinżlu minn ajrudrom fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, il-kumpanniji tal-ajru għandhom jieħdu parti fil-miżuri imposti mid-dritt tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-klima (137), f’dan il-każ l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

153. Fil-fatt, it-tluq u l-inżul huma fatturi essenzjali u partikolarment karatteristiċi ta’ kwalunkwe titjira. Jekk il-post ta’ tluq jew il-post ta’ destinazzjoni huma ajrudrom li jinsab fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, jeżisti fattur ta’ rabta territorjali suffiċjenti biex it-titjira inkwistjoni tiġi integrata fl-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

154. B’applikazzjoni tal-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, il-kumpanniji tal-ajru kkonċernati jistgħu jintalbu jirrestitwixxu, waqt it-tluq u l-inżul f’ajrudrom Ewropew, kwoti ta’ emissjonijiet li jogħlew iktar ma jkun bogħod il-post tat-tluq mid-destinazzjoni tat-titjira. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rotta totali mwettqa ma huwa xejn ħlief l-espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u jikkorrispondi għall-prinċipju magħruf tad-dritt ambjentali ta’ “min iniġġeż iħallas”.

155. Il-prinċipju ta’ territorjalità ma jipprekludix li, waqt l-applikazzjoni tal-iskema UE għall-iskambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, wieħed jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-partijiet ta’ titjiriet li jsiru barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Tali approċċ jikkorrispondi fil-fatt għan-natura u għall-għan tal-miżuri li huma intiżi li jipproteġu l-ambjent u l-klima. Kulħadd jaf li t-tniġġis tal-ajru ma għandux limiti u li l-gassijiet serra jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima fuq livell globali indipendentement mill-post fejn jiġu rrilaxxati; huma jistgħu jkollhom riperkussjonijiet fuq l-ambjent u fuq il-klima ta’ kull Stat jew assoċjazzjoni ta’ Stati, inkluża għalhekk ukoll l-Unjoni Ewropea.

156. F’dan ir-rigward ta’ min isir tqabbil mal-każ tas-sajd imsemmi iktar ’il fuq. Jekk l-Unjoni Ewropea hija kompetenti, abbażi tal-prinċipju ta’ territorjalità, li tikkonfiska ħut maqbud barra mill-Unjoni Ewropea fuq bastiment li għandu bandiera ta’ pajjiż terz li daħal fil-port tal-Unjoni Ewropea (138), allura ma jistax ikun ipprojbit li, mat-tluq u l-inżul ta’ ajruplan f’ajrudrom tal-Unjoni Ewropea, jittieħdu inkunsiderazzjoni gassijiet serra mormija minn tali ajruplan barra mill-ispazju tal-ajru tal-Unjoni Ewropea għall-kalkolu tal-kwoti ta’ emissjonijiet li għandhom jiġu rrestitwiti.

c)      Fuq in-nuqqas ta’ theddida għas-sovranità ta’ pajjiżi terzi

157. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-assoċjazzjonijiet li jsostnuhom, id-Direttiva 2008/101 ma tipprekludix, la fil-fatt u lanqas fid-dritt, lill-pajjiżi terzi milli jdaħħlu fis-seħħ u japplikaw l-iskema tagħhom stess għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għan-navigazzjoni bl-ajru.

158. Huwa veru li l-inklużjoni ta’ partijiet ta’ titjiriet li jsiru fuq l-ibħra internazzjonali u t-territorju ta’ Stati terzi tinvolvi riskju ta’ “regolamentazzjoni doppja”, jiġfieri t-teħid inkunsiderazzjoni darbtejn tal-istess parti tar-rotta fl-iskemi għall-iskambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ żewġ Stati. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk kemm fil post ta’ tluq kif ukoll f’dak ta’ destinazzjoni ta’ titjira internazzjonali, tapplika skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li – bħad-Direttiva 1008/101 – tieħu inkunsiderazzjoni t-traġitt kollu.

159. Madankollu, teħid inkunsiderazzjoni doppju ta’ dan it-tip, anki jekk dan jista’ jkun oneruż għall-kumpanniji tal-ajru kkonċernati, ma huwiex ipprojbit mid-dritt internazzjonali konswetudinarju. Dan huwa saħansitra aċċettat mid-dritt internazzjonali konswetudinarju, hekk kif juri wkoll il-fenomenu tat-tassazzjoni doppja fil-qasam ta’ taxxi diretti li ssibu kullimkien (139).

160. L-inklużjoni doppja ta’ titjira waħda fil-kuntest ta’ żewġ skemi differenti għall-iskambji ta’ kwoti emissjonijiet tista’ tiġi evitata biss b’miżuri unilaterali jew bi ftehim konklużi bejn l-Istati jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali kkonċernati. Fid-Direttiva 2008/101, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddikjara ruħu espressament miftuħ għal tali possibbiltà – anki jekk id-dritt internazzjonali konswetudinarju ma jimponi fuqu l-ebda obbligu f’dan ir-rigward – u pprovda wkoll għal proviso konkret (140). 

d)      Konklużjoni intermedja

161. Bħala konklużjoni, l-inklużjoni ta’ partijiet ta’ rotot magħmula barra mit-territorju tal-Unjoni fl-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ma tqajjem l-ebda problema ta’ kompatibbiltà tad-Direttiva 2008/101 mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju.

2.      Il-kompatibbiltà ma ċerti konvenzjonijiet internazzjonali (domandi 3 u 4)

162. Permezz tad-domandi 3 u 4 tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment jekk id-Direttiva 2008/101 hijiex kompatibbli ma’ diversi dispożizzjonijiet li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali. L-inklużjoni tat-trasport internazzjonali bl-ajru fl-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, hekk kif tirriżulta mid-Direttiva 2008/10, tinsab ikkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn erba’ aspetti fil-kuntest tal-istħarriġ tal-validità: l-ewwel nett, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ partijiet ta’ rotot li jsiru barra mill-ispazju tal-ajru tal-UE (domanda 3), it-tieni nett, il-fatt li l-Unjoni Ewropea aġixxiet waħedha barra mill-ICAO [domanda 4(a)], it-tielet nett, il-projbizzjoni ta’ dazji għad-dħul u għall-ħruġ [domanda 4(b)], u, fl-aħħar nett, il-projbizzjoni ta’ taxxi u dazji tad-dwana fuq il-karburanti fit-trasport internazzjonali bl-ajru [domanda 4(c)].

a)      In-natura legali tal-inklużjoni fl-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ partijiet ta’ rotot li jsiru barra mill-ispazju tal-ajru tal-UE (domanda 3)

163. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk diversi dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u tal-Ftehim Sema Miftuħ jagħtux lok għall-invalidità tad-Direttiva 2008/101, peress li din id-direttiva tinkludi fl-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet partijiet minn titjiriet li jsiru barra mill-ispazju tal-ajru tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

i)      Kompatibbiltà mal-Artikoli 1, 11 u 12 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago [domanda 3(a)]

164. Hekk kif diġà semmejt fil-kuntest tal-ewwel domanda, l-Unjoni Ewropea ma hijiex marbuta bil-Konvenzjoni ta’ Chicago; għalhekk, din il-Konvenzjoni ma tistax tkun kriterju għall-istħarriġ tal-validità ta’ att tal-Unjoni (141). Madankollu, peress li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago, din għandha xorta waħda tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (142). Għaldaqstant, sa fejn ikun possibbli, id-Direttiva 2008/101 (jew id-Direttiva 2003/87 kif emendata mid-Direttiva 2008/101) għandha tiġi interpretata b’mod li tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

165. Madankollu, l-eżami tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Chicago mqajma mill-qorti tar-rinviju juri li dawn ma jipprekludux id-Direttiva 2008/101.

166. F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dan ma jagħmel xejn ħlief jesprimi l-prinċipju ta’ sovranità tal-Istati, b’mod partikolari fuq l-ispazju tal-ajru (143). Hekk kif diġà rrilevajt (144) fir-rigward tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, id-Direttiva 2008/101 ma tinkludi l-ebda regolamentazzjoni extraterritorjali u ma tippreġudikax is-sovranità ta’ Stati terzi. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll fir-rigward tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

167. Fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandu jiġi rrilevat li l-kliem tar-regoli li jinsabu fih juri li dawn jirrigwardaw biss id-dħul u l-ħruġ mit-territorju tal-Istati kontraenti ta’ inġenji tal-ajru użati għat-trasport internazzjonali bl-ajru kif ukoll l-operazzjoni u n-navigazzjoni ta’ dawn l-inġenji tal-ajru fl-Istati kontraenti. Dan huwa kkonfermat minn eżami qasir tal-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 11; id-dispożizzjoni tifforma parti mill-Kapitolu II tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li huwa ddedikat għal titjir fuq it-territorju tal-Istati kontraenti. Fl-Artikolu 11, wieħed ma jsib l-ebda indikazzjoni dwar jekk skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet applikata minn Stat kontraenti tistax tieħu inkunsiderazzjoni partijiet ta’ titjiriet li jsiru barra mit-territorju tiegħu.

168. L-unika regola sostantiva pprovduta fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago fir-rigward tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati kontraenti fil-qasam tad-dħul, tal-ħruġ u tal-operazzjoni ta’ inġenji tal-ajru, hija l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni kontra inġenji tal-ajru minħabba l-Istat minn fejn ġejjin: il-liġijiet u r-regolamenti kkonċernati għandhom japplikaw “mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, għall-inġenji tal-ajru tal-Istati kontraenti kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, l-ebda waħda mill-partijiet għall-proċeduri ma poġġiet fid-dubju l-fatt li l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tosserva din l-eżiġenza.

169. Mill-aħħar parti tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, wieħed ma jista’ jiddeduċi l-ebda projbizzjoni li, fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ Stat kontraenti, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partijiet ta’ titjiriet li jsiru barra mit-territorju tiegħu. Jissemma biss li “għandhom japplikaw il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Stat kontraenti dwar id-dħul u l-ħruġ mit-territorju tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa preċiżament dan, u xejn iktar – l-applikazzjoni ta’ regoli mad-dħul u mal-ħruġ – li l-Unjoni Ewropea teżiġi mill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-iskema tagħha għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Din l-iskema ma fihiex regoli li għandhom jiġu osservati għal partijiet ta’ titjiriet li jsiru barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

170. Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dan jirrigwarda r-regoli tal-arja. Madankollu, id-Direttiva 2003/87, hekk kif emendata bid-Direttiva 2008/101 ma fiha l-ebda regola ta’ din ix-xorta, la għat-territorju tal-Unjoni Ewropea, la għall-ispazju tal-ajru ta’ fuq Stati terzi, u lanqas għall-ibħra internazzjonali, imsemmija speċifikament fit-tielet sentenza tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. B’mod partikolari, hekk kif diġà ntqal, l-iskema UE għall-iskambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ma timponi, fuq il-kumpanniji tal-ajru u fuq l-inġenji tal-ajru operati minnhom, la rotta speċifika, la veloċità massima, u lanqas limiti massimi fuq il-konsum ta’ karburant jew fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet.

171. Ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-Anness 2 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (145) li fih ċerti regoli tal-arju, ma huwiex tali li jsostni l-argument tagħhom. Huwa veru li l-paragrafu 3.1.4 tal-imsemmi anness fih dispożizzjoni dwar it-twaqqigħ u r-raxx(146) minn inġenji tal-ajru waqt it-titjir. Madankollu, l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bl-ebda mod ma’ tista’ tiġi mqabbla ma’ regolamentazzjoni dwar twaqqigħ u raxx ta’ sustanzi, u ma fiha l-ebda dispożizzjoni jew limiti massimi dwar l-emissjoni ta’ gassijiet serra mill-muturi tal-inġenji tal-ajru individwali meta dawn jittajru minn jew lejn ajrudromi tal-Unjoni Ewropea.

172. Għalhekk, peress li ma teżisti l-ebda biża’ ta’ kunflitt mal-Artikoli 1, 11 u 12 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, ma hemm l-ebda raġuni għaliex id-Direttiva 2008/101 għandha tiġi interpretata u applikata b’mod restrittiv fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ din il-konvenzjoni, ma hemmx lok li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet jiġi limitat għall-partijiet ta’ titjiriet li jsiru fuq it-territorju tal-Unjoni Ewropea.

ii)    Kompatibbiltà mal-Artikolu 7 tal-Ftehim Sema Miftuħ [domanda 3(b)]

173. Għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Chicago li għadni kif eżaminajt, l-Artikolu 7 tal-Ftehim Sema Miftuħ jista’ jitqajjem direttament bħala kriterju għall-istħarriġ tal-legalità tad-Direttiva 2008/101 (147).

174. Madankollu, fil-każ preżenti, ma teżisti l-ebda raġuni biex tiġi ddubitata l-kompatibbiltà tal-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ma’ din id-dispożizzjoni tad-dritt internazzjonali. Fil-fatt, l-Artikolu 7 tal-Ftehim Sema Miftuħ jipprovdi essenzjalment li, fit-territorju ta’ parti kontraenti, għandhom japplikaw u jiġu osservati l-liġijiet u r-regolamenti tagħha dwar id-dħul, il-ħruġ u l-operazzjoni ta’ inġenji tal-ajru involuti f’attivitajiet internazzjonali bl-ajru. B’hekk, fir-rigward ta’ dak li huwa rilevanti hawnhekk, l-Artikolu 7 tal-Ftehim Sema Miftuħ għandu kontenut li huwa fil-parti l-kbira ekwivalenti għall-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Għalhekk, dak li ntqal fir-rigward ta’ din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni (148) jista’ jiġi applikat għall-Artikolu 7 tal-Ftehim Sema Miftuħ.

b)      Il-legalità tal-aġir iżolat tal-UE, barra mill-ICAO [domanda 4(a)]

175. L-ewwel parti tar-raba’ domanda [domanda 4(a)] hija intiża li tistabbilixxi jekk l-Unjoni Ewropea setgħetx tiddeċiedi waħedha li testendi l-iskema tagħha għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-avjazzjoni internazzjonali mingħajr ma tistenna li tintlaħaq soluzzjoni multilaterali preċedenti fi ħdan l-ICAO. Minn din il-perspettiva, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-legalità tad-Direttiva 2008/101 minn żewġ bnadi: minn naħa, il-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto, u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ.

i)      Kompatibbiltà mal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto

176. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-assoċjazzjoniet li jsostnuhom jikkunsidraw li l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto jipprojbixxi lill-Unjoni Ewropea li tfittex li tillimita jew tnaqqas il-gassijiet serra kkawżati mit-trasport bl-ajru barra mill-kuntest tal-ICAO.

177. Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Hekk kif ġustament enfasizzaw diversi gvernijiet u istituzzjonijiet li ħadu sehem fil-proċedura, l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto ma jissuġġettax il-limitazzjoni u t-tnaqqis ta’ gassijiet serra mit-trasport bl-ajru għall-kompetenza esklużiva tal-ICAO. Dan jista’ jiġi dedott kemm mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-kuntest u l-għan tagħha.

178. Il-kliem tal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto ma jirreferi għall-ebda esklużività ta’ dan it-tip. Fil-fatt, l-isforzi biex jitnaqqsu jew jiġu limitati l-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-ajru ma għandhomx isiru “esklużivament” jew “biss” fil-kuntest tal-ICAO. Jekk il-partijiet għall-Protokoll ta’ Kyoto riedu jagħtu lill-ICAO kompetenza esklużiva, allura dan kien imissu jinsab fil-formulazzjoni tad-dispożizzjoni, biċ-ċarezza kollha meħtieġa.

179. Barra minn hekk, il-Protokoll ta’ Kyoto jagħmel parti mill-kuntest ġenerali tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li għall-implementazzjoni tagħha dan ġie konkluż (149) u li fid-dawl tagħha jrid jiġi għalhekk interpretat. Din il-Konvenzjoni Qafas ma tawtorizzax biss politika u miżuri multilaterali biex jitnaqqsu jew jiġu limitati gassijiet serra, iżda wkoll azzjonijiet nazzjonali u reġjonali.

180. B’hekk, l-Artikolu 4(1)(b) tal-Konvenzjoni Qafas jipprovdi espressament li l-partijiet għandhom “jifformolaw, jimplementaw, jippubblikaw u jaġġornaw regolament programmi nazzjonali u, fejn xieraq, reġjunali li fihom miżuri biex jiġi mmitigat it-tibdil tal-klima billi jiġu indirizzati emissjonijiet antropoġeniċi minn għejun […] mhux ikkontrollati mill-Protokoll ta’ Montreal”. Fl-istess sens, l-Artikolu 4(2)(a) tal-Konvenzjoni Qafas jipprovdi li kull waħda mill-partijiet li tifforma parti mill-pajjiżi żviluppati għandha tadotta “politiki nazzjonali” u tieħu “passi […] dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima”, filwaqt li nota ta’ qiegħ il-paġna tipprovdi espressament li dan jinkludi wkoll il-politika u l-miżuri adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika.

181. Għall-kuntrarju tal-opinjoni espressa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali waqt is-seduta, xejn ma jindika li l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto kien intiż li jidderoga għall-prinċipji pprovduti fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Qafas.

182. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-għanijiet tal-Konvenzjoni Qafas b’mod ġenerali, u tal-Protokoll ta’ Kyoto b’mod partikolari, li miżuri ta’ tnaqqis jew ta’ limitazzjoni ta’ gassijiet serra li jirriżultaw minn attivitajiet bl-ajru jkunu jistgħu jiġu adottati biss fuq livell multilaterali fil-kuntest tal-ICAO. Fil-fatt, ma teżisti l-ebda konkordanza bejn iċ-ċirku ta’ partijiet għall-Konvenzjoni Qafas u għall-Protokoll ta’ Kyoto, minn naħa, u għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u għall-ICAO bbażata fuq din tal-aħħar, min-naħa l-oħra. Li kieku l-ICAO kellha kompetenza esklużiva, il-membri tal-ICAO li ma humiex, huma stess, marbuta mill-Protokoll ta’ Kyoto jkunu jistgħu jostakolaw it-twettiq tal-għanijiet ta’ dan il-Protokoll. B’mod invers, ikun iktar diffiċli għall-partijiet għall-Protokoll ta’ Kyoto li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet ta’ Kyoto jekk – bħall-Unjoni Ewropea – dawn ma jkunux membri tal-ICAO.

183. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto, il-partijet għal dan il-Protokoll ma ntrabtux li jkomplu bl-isforzi tagħhom ta’ tnaqqis jew ta’ limitazzjoni ta’ gassijiet serra ġejjin mit-trasport esklużivament fil-kuntest tal-ICAO.

184. Ċertament, l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto jirrifletti l-preferenza tal-partijiet li tinstab soluzzjoni multilaterali fil-kuntest tal-ICAO għal-limitazzjoni jew għat-tnaqqis ta’ gassijiet serra ġejjin mit-trasport bl-ajru. Anki jekk l-Unjoni Ewropea stess ma hijiex membru tal-ICAO peress li l-Istati Membri tagħha biss jifformaw parti minnha, l-Unjoni Ewropea ma tistax tinjoraha fit-tfassil u l-implementazzjoni tal-politika ambjentali u klimatika tagħha (150).

185. Madankollu, il-preferenza tal-partijiet għal soluzzjoni multilaterali fil-kuntest tal-ICAO ġiet trasposta biss, fl-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto, permezz ta’ obbligu ta’ aġir ġenerali ħafna (bl-Ingliż “obligation of conduct”). Fin-nuqqas ta’ qbil, fi żmien raġonevoli, misjub fi ħdan l-ICAO, il-partijiet għall-Protokoll ta’ Kyoto għandhom jibqgħu liberi li jadottaw il-miżuri neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet ta’ Kyoto fuq livell nazzjonali jew reġjonali (151). Kieku ma jkunx hekk, ikun jeżisti riskju serju li dawn l-għanijiet qatt ma jkunu jistgħu jintlaħqu.

186. Il-kwistjoni dwar jekk u f’liema mument l-Unjoni Ewropea tista’ tieħu unilateralment miżuri barra mill-ICAO biex tillimita jew tnaqqas gassijiet serra ġejjin mit-trasport bl-ajru hija kwistjoni ta’ opportunità li l-evalwazzjoni tagħha hija l-kompitu tal-awtoritajiet politiċi tal-Unjoni. Sintendi, dan ma jfissirx li l-istituzzjonijiet ikkonċernati tal-Unjoni huma liberi li jaġixxu barra minn kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju. Madankollu għandu jitfakkar li fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jeżiġu evalwazzjoni ta’ informazzjoni ekonomika u soċjali kumplessa, kif ukoll fir-rigward ta’ deċiżjonijiet kumplessi fil-qasam tal-azzjoni esterna, il-korpi tal-Unjoni jgawdu minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa (152). Għandu jiġi rrikonoxxut li l-korpi kompetenti tal-Unjoni Ewropea għandhom setgħa ta’ evalwazzjoni dwar l-ibbilanċjar tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi ta’ azzjoni regjonali iżolata bil-għan li jiġu limitati jew jitnaqqsu l-gassijiet serra kkawżati mit-trasport bl-ajru, u dwar l-għażla tal-mument ta’ tali azzjoni.

187. Fil-każ preżenti, huwa paċifiku, u barra minn hekk ma huwiex ikkontestat, li, għal bosta snin, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ħadu sehem f’negozjati multilaterali fil-kuntest tal-ICAO li jirrigwardaw miżuri possibbli ta’ limitazzjoni jew tnaqqis ta’ gassijiet serra kkawżati mit-trasport bl-ajru (153). Wieħed ma setax raġonevolment jistenna mill-korpi tal-Unjoni li dawn ifittxu indefinittivament li jsibu soluzzjoni multilaterali fil-kuntest tal-awtoritajiet tal-ICAO. Fil-fatt, wieħed għandu jieħu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet temporali li l-Protokoll ta’ Kyoto jimponi fuq l-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq diversi partijiet kontraenti oħra sabiex jintlaħqu l-għanijiet ikkwantifikati tagħhom ta’ limitazzjoni u ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet: il-Protokoll ta’ Kyoto jistabbilixxi perijodu ta’ impenn speċifiku ħafna, li jestendi mill-2008 sal-2012.

188. F’dawn iċ-cirkustanzi, fl-ebda każ ma wieħed jista’ jikkunsidra bħala prematura d-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-2008, li, mill-2012 ’l hemm, jiġi integrat it-trasport bl-ajru fl-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Tant hu hekk li d-Direttiva 2008/101 bl-ebda mod ma għalqet il-bibien għal soluzzjoni multilaterali addizzjonali fil-kuntest tal-ICAO. Għall-kuntrarju, l-Unjoni u l-Istati Membri jiddikjaraw espressament li “għandhom ikomplu jfittxu ftehim dwar miżuri globali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-avjazzjoni” (154). Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ proviso fid-direttiva emendata (155) tippermetti li jittieħdu miżuri malajr intiżi li jevitaw ir-regolamentazzjoni doppja.

189. Għalhekk, meta adottaw id-Direttiva 2008/101, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ċertament ma eċċedewx il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lilhom mill-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto. Id-direttiva ma tagħti lok għall-ebda ksur tal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto.

ii)    Kompatibbiltà mal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ

190. Fil-Ftehim Sema Miftuħ hemm ipprovdut li meta jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent, għandhom jiġu osservati n-normi fuq il-protezzjoni tal-ambjent adottati mill-ICAO fl-annessi għall-Konvenzjoni ta’ Chicago (156), ħlief fil-każijiet meta dawn id-differenzi fil-konfront ta’ dawn in-normi jkunu ġew innotifikati [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ]. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu applikati skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(4) tal-Ftehim Sema Miftuħ.

–       L-ebda norma ta’ protezzjoni tal-ambjent tal-ICAO ma tipprekludihom

191. Fir-rigward tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-mument – għall-inqas skont l-informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura preliminari preżenti – ma jeżistu l-ebda normi ta’ protezzjoni tal-ambjent tal-ICAO dwar it-trasport bl-ajru li jipprekludu li l-attivitajiet bl-ajru jiġu intergrati fl-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet; dan japplika wkoll għall-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

192. Huwa veru li s-36 Assemblea tal-ICAO li nżammet f’Settembru 2007 tinsisti li l-Istati partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago jistgħu jinkludu l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru ta’ Stati Membri oħra fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet biss bi qbil komuni mal-Istat ikkonċernat (157). Madankollu, dan ma wassalx biex tiġi stabbilita norma ġuridikament vinkolanti dwar it-trasport bl-ajru, iktar u iktar norma fuq il-protezzjoni tal-ambjent fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ. Din hija iktar sempliċi dikjarazzjoni politika tal-Istati rrappreżentati fl-Assemblea tal-ICAO li ma għandhiex saħħa obbligatorja.

193. Anki jekk, minkejja dan kollu, wieħed ikollu jirrikonoxxi li din ir-riżoluzzjoni tas-36 Assemblea tal-ICAO għandha portata ġuridika, fi kwalunkwe każ din ma toħloqx effetti fir-rigward tal-Unjoni Ewropea peress li l-Istati Membri kollha tagħha għamlu riżerva kontra din ir-riżoluzzjoni fil-kwalità tagħhom ta’ partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago; huma espressament irriżervaw id-dritt li jadottaw u japplikaw b’mod mhux diskriminatorju miżuri ispirati mil-loġika tas-suq għall-operaturi kollha ta’ inġenji tal-ajru tal-Istati li joffru servizzi tal-ajru sejrin jew ġejjin mit-territorji tagħhom (158).

194. Barra minn hekk, minn dak iż-żmien ’l hawn, l-imsemmija riżoluzzjoni tal-2007 tas-36 Assemblea tal-ICAO ġiet issostitwita b’riżoluzzjoni iktar reċenti tal-2010 , tas-37 Assemblea tal-ICAO (159). Din l-aħħar riżoluzzjoni li, bħala regola, ġiet sostnuta wkoll mill-membri Ewropej tal-ICAO, tirrikonoxxi r-rwol importanti ta’ miżuri bbażati fuq is-suq, bħalma huma l-iskemi għall-iskambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u, fl-anness tagħha, tirrakkomanda linji gwida għall-introduzzjoni ta’ tali skemi mill-Istati li huma partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago. Indipendentement mill-fatt li r-riżoluzzjoni tas-37 Assemblea tal-ICAO, lanqas ma għandha valur ġuridikament vinkolanti, l-ebda waħda mill-partijiet għall-proċeduri preliminari preżenti ma ppretendiet li d-Direttiva 2008/101 hija inkompatibbli magħha. Barra minn hekk, din l-aħħar riżoluzzjoni tindika li, minn dak iż-żmien ’l hemm, fi ħdan l-ICAO, jidher li beda japplika prinċipju ġenerali li huwa iktar favorevoli għall-inklużjoni tal-avjazzjoni fl-iskemi nazzjonali u reġjonali għall-iskambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

195. Għalhekk, kollox ma’ kollox, wieħed ma jista’ jiddeduċi xejn li jippreġudika l-validità tad-Direttiva 2008/101 mir-riferiment, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ, għan-normi ta’ protezzjoni tal-ambjent tal-ICAO.

–       Nuqqas ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-Ftehim Sema Miftuħ

196. Fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ, l-applikazzjoni għas-servizzi tal-ajru ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent hija suġġetta għall-osservanza tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni leali u ġusta mill-kumpanniji tal-ajru (l-Artikolu 2 tal-Ftehim Sema Miftuħ) u għar-rispett tad-dritt tal-kumpanniji tal-ajru li jiddeterminaw il-frekwenza u l-kapaċità tas-servizzi internazzjonali tal-ajru tagħhom [l-Artikolu 3(4) tal-Ftehim Sema Miftuħ]. Hekk kif diġà rrilevajt (160), dawn l-eżiġenzi kollha għandhom ċertament inkomuni bejniethom li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent ma għandhomx jiġu applikati b’mod diskriminatorju għall-kumpanniji tal-ajru (161) u ma għandhomx jaffettwaw il-possibbiltà li kumpanniji tal-ajru jikkompetu ma’ xulxin.

197.  Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni pprovdut fl-Artikoli 2 u 3(4) tal-Ftehim Sema Miftuħ huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġuridiku ġenerali, hekk kif irrikonoxxut ukoll mid-dritt tal-Unjoni u pprovdut fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (162). Xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan il-prinċipju għandu jiġi interpretat b’mod differenti fil-kuntest tal-Ftehim Sema Miftuħ milli fid-dritt tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (163).

198. Id-Direttiva 2008/101 tinkludi fl-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet it-titjiriet tal-kumpanniji tal-ajru kollha minn u lejn l-ajruporti Ewropej kollha, mingħajr ma tagħmel differenza abbażi tan-nazzjonalità, jew il-post ta’ tluq u ta’ destinazzjoni finali tat-titjira kkonċernata. Għalhekk, id-Direttiva tista’ tagħti lok għal diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikoli 2 u 3(4) tal-Ftehim Sema Miftuħ biss jekk is-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma kinux komparabbli.

199. In-natura komparabbli ta’ dawn is-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan imfittex mill-miżura ġuridika tal-Unjoni li ddaħħal id-distinzjoni kontroversa (164). Bħala miżura intiża li tnaqqas l-effetti tat-trasport internazzjonali bl-ajru fuq il-klima, id-Direttiva 2008/101 tfittex li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra prodotti minn dan is-settur tal-ekonomija (165). Hija għandha l-għan li timplementa l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta’ Kyoto (166). Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, in-nazzjonalità tal-kumpannija tal-ajru ma hijiex importanti. Bl-istess mod, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, ma huwiex importanti minn fejn ġejja t-titjira li tasal f’ajruport Ewropew jew id-destinazzjoni tat-titjira li titlaq minn ajruport Ewropew. Is-sitwazzjonijiet inkwistjoni huma komparabbli. Minn dan jirriżulta li, hekk kif jeżiġu l-Artikoli 2 u 3(4) tal-Ftehim Sema Miftuħ, is-sitwazzjonijiet inkwistjoni għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod, kif tagħmel preċiżament id-Direttiva 2008/101.

200. Li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi lill-kumpanniji tal-ajru li għandhom nazzjonalità ta’ pajiż terz mill-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, dawn il-kumpanniji tal-ajru kienu jiksbu vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat fil-konfront tal-kompetituri Ewropej tagħhom. Tali aġir ma kienx ikun kompatibbli mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni leali u ġusta, hekk kif espress fl-Artikolu 2 tal-Ftehim Sema Miftuħ, li, barra minn hekk, jikkostitwixxi wieħed mill-pilastri tad-Direttiva 2008/101 stess (167).

201. Li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda mill-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet it-titjiriet ġejjin minn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi jew sejrin lejn ajurporti li jinsabu f’pajjiżi terzi, kien ikun hemm riskju li traġitti twal – pereżempu titijiriet trans-Atlantiċi – jiġu ttrattati b’mod aħjar minn traġitti qosra u medji. Tali trattament preferenzjali lanqas ma kien ikun iġġustifikat fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2008/101. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb li s-servizzi tal-ajru jkunu inklużi bl-iktar mod eżawrjenti possibbli fl-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kkawżati mill-avjazzjoni.

202. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li ma hemmx ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni pprovdut fl-Artikoli 2 u 3(4) tal-Ftehim Sema Miftuħ.

–       Nuqqas ta’ projbizzjoni ta’ azzjoni unilaterali barra mill-qafas tal-ICAO

203. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw l-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ peress li dan – permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 3(4) tal-Ftehim Sema Miftuħ – jirreferi għall-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Filwaqt li jistrieħu fuq din il-katina ta’ riferimenti, hekk kif huma kienu diġà għamlu fir-rigward tal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta’ Kyoto, huma jsostnu li l-Unjoni Ewropea ma kellhiex id-dritt li tissuġġetta, fuq l-inizjattiva tagħha stess, l-attivitajiet tal-ajru għal skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, iżda din imissha stenniet l-adozzjoni ta’ soluzzjoni multilaterali fi ħdan l-ICAO.

204. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li jirrigwarda l-ħlasijiet ta’ ajruport u dazji oħra simili, kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, l-aċċess għall-ajruporti, ma fih l-ebda regola speċifika dwar jekk l-użu ta’ proċess unilaterali għall-introduzzjoni ta’ skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-avjazzjoni huwiex legali jew le. Għalhekk ma huwiex plawżibbli li l-partijiet għall-Ftehim Sema Miftuħ riedu, permezz ta’ sempliċi riferiment għall-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jintroduċu tali regola “mill-bieb ta’ wara”, speċjalment għaliex ma kienet teżisti l-ebda unanimità bejniethom fuq dan il-punt (168).

205. Eżami tal-Artikolu l-ġdid 15(7) tal-Ftehim Sema Miftuh, kif emendat bil-Protokoll Emendatorju tal-2010, juri li, għall-kuntrarju, il-partijiet bl-ebda mod ma riedu jeskludu l-applikazzjoni ta’ “miżuri bbażati fuq is-suq […] li jirrigwardaw l-emissjonijiet tat-trasport bl-ajru” anki jekk dawn jiġu introdotti unilateralment. Fil-fatt, dan il-paragrafu ġdid jirreferi espressament għal kwistjonijiet ta’ duplikazzjoni u għal rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt sabiex tiġi evitata l-“multiplikazzjoni ta’ miżuri u ta’ spejjeż”.

206. Ċertament, l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jista’ jkollu rwol fil-kuntest tal-Artikolu 3(4) u tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ biss jekk jiġu imposti unilateralment limiti fuq il-kumpanniji tal-ajru minn parti kontraenti għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, u dan fir-rigward tal-volum tat-traffiku, il-frekwenza jew ir-regolarità tas-servizzi tal-ajru, jew it-tip ta’ inġenji tal-ajru użati, kif ukoll id-depożizzjoni ta’ skedi ta’ titjiriet, programmi ta’ titjiriet charter jew pjanijiet ta’ operazzjoni. Fl-istess ipoteżi, l-Artikolu 3(4) tal-Ftehim Sema Miftuħ jimponi “kondizzjonijiet uniformi konsistenti ma’ l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni” u għalhekk ma jagħmel xejn ħlief jimplementa l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li – hekk kif diġà ntqal (169) – ma jiksirx id-Direttiva 2008/101.

207. Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ħlas ta’ ajruport jew dazju ieħor fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, nirreferi għall-osservazzjonijiet li sejra nagħmel iktar ’il quddiem fir-rigward tat-tieni parti tar-raba’ domanda [id-domanda 4(b)] (170).

c)      Nuqqas ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ dazji għad-dħul jew għal ħruġ ta’ inġenji tal-ajru mit-territorju [domanda 4(b)]

208. Il-problema mqajma fit-tieni parti tar-raba’ domanda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-estensjoni, tal-iskema UE għall-iskambju ta’ dazji ta’ emissjonijiet għall-attivitajiet internazzjonali tal-ajru, tiksirx il-projbizzjoni, taħt id-dritt internazzjonali, li jiġu imposti dazji għad-dħul jew għall-ħruġ ta’ inġenji tal-ajru mit-territorju, hekk kif tirriżulta mill-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, filwaqt li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi kkunsidrata waħedha jew flimkien mal-Artikoli 3(4) u 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ.

209. Hekk kif diġà ntqal, minnha nnifisha, il-Konvenzjoni ta’ Chicago ma hijiex kriterju għall-isħarriġ ta’ validità ta’ atti tal-Unjoni Ewropea (171). Madankollu, l-Artikolu 15 tagħha japplika minħabba li l-Artikoli 3(4) u 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ jirreferu għalih.

210. Fil-kuntest preżenti, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago tassumi importanza partikolari; din tipprovdi li l-Istati konraenti ma għandhomx jimponu dazji, taxxi jew ħlasijiet oħra biss fir-rigward tad-dritt ta’ passaġġ, ta’ dħul jew ta’ ħruġ mit-territorju tagħhom ta’ kwalunkwe inġenju tal-ajru ta’ Stat kontraenti, jew ta’ persuni jew beni li jinsabu abbord.

211. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-assoċjazzjonijiet li jsostnuhom huma tal-fehma li l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tintroduċi preċiżament tali ħlasijiet għad-dħul jew għall-ħruġ, u li dan jikser l-aħħar sentenza tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

212. Għandu jiġi rrilevat li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ma tistax tiġi eżaminata barra mill-kuntest ġenerali li tiegħu hija parti. Hekk kif jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 15, din id-dispożizzjoni hija intiża biex, b’mod ġenerali, tagħti lill-inġenji tal-ajru kollha, indipendentement min- nazzjonalità tagħhom, aċċess għall-ajruporti pubbliċi tal-Istati kontraenti taħt “kundizzjonijiet uniformi” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Abbażi ta’ dan l-approċċ, it-tieni sentenza tal-Artikolu 15 tipprovdi li l-ħlasijiet għall-użu ta’ ajruporti u installazzjonijiet ta’ navigazzjoni bl-ajru ta’ Stati kontraenti oħra ma għandhomx ikunu ogħla mill-ħlasijiet dovuti mill-inġenji tal-ajru nazzjonali. Għalhekk, kollox ma’ kollox, fir-rigward tal-aċċess għall-ajruporti tal-Istati kontraenti, l-Artikolu 15 jipprovdi projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità tal-inġenji tal-ajru. It-tielet sentenza tal-Artikolu 15 issegwi din l-idea bl-użu tal-kliem “Dawk il-ħlasijiet kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

213. Jekk l-Artikolu 15, meħud kollu kemm hu, jiġi interpretat bħala sempliċi espressjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, il-kompatibbiltà tal-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ma’ din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi ddubitata, peress li din l-iskema tapplika bl-istess mod għall-inġenji tal-ajru kollha, indipendentement mill-Istat ta’ appartenenza tagħhom.

214. Anki fil-każ li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jkollha tiġi kkunsidrata li tmur lil hinn minn sempliċi espressjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tipprovdi għal projbizzjoni iktar estiża ta’ ċerti ħlasijiet u dazji, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Fil-fatt, fil-kuntest tal-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, l-ebda ħlasijiet jew dazji oħra ma jiġu imposti fuq kumpanniji tal-ajru, u inqas u inqas “biss għad-dritt ta’ passaġġ, ta’ dħul jew ta’ ħruġ mit-territorju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

215. Il-ħlasijiet jiġu riċevuti bħala kumpens għal servizz pubbliku speċifiku (172). L-ammont tagħhom jiġi stabbilit unilateralment mill-awtoritajiet u jista’ jiġi kkalkolat bil-quddiem. Il-ħlasijiet l-oħra, b’mod partikolari t-taxxi, ukoll jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet b’mod unilaterali u jsegwu kriterji li jkunu diġà magħrufa, bħalma huma r-rata u l-bażi ta’ stima.

216. Għall-kuntrarju, skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bħal dik tal-Unjoni Ewropea hija miżura bbażata fuq prinċipji tas-suq. L-ebda ħlas jew dazju ma huwa previst għax-xiri ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Għall-ewwel, 85 % tal-kwoti jiġu allokati b’xejn, u l-15 % li jibqgħu biss jiġu rkantati (Artikolu 3d (1) u (2) tad-Direttiva 2003/87). Għal dawn l-aħħar imsemmija kwoti, il-prezz ma huwiex stabbilit bil-quddiem, iżda jiddependi biss mill-provvista u mit-talba. Jekk sussegwentement jiġu nnegozjati kwoti ta’ emissjonijiet wara l-allokazzjoni tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti, il-prezz tagħhom ukoll jirriżulta mill-provvista u mit-talba, u ma jkunx stabbilit bil-quddiem.

217. Ikun almenu mhux normali li l-prezz li għandu jitħallas għal kwota ta’ emissjoni jitqies li huwa ħlas jew dazju, peress li dan il-prezz jirriżulta mill-forzi liberi tas-suq, abbażi tal-offerti u t-talbiet, anki jekk l-Istati Membri għandhom ċerta setgħa ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-użu li għandu jsir mid-dħul iġġenerat [l-Artikolu 3d(4) tad-Direttiva 2003/87].

218. Barra minn hekk, il-prezz ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ma huwiex dovut “biss għad-dritt ta’ passaġġ, ta’ dħul jew ta’ ħruġ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kif teżiġi l-aħħar sentenza tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Huwa veru li kull tluq u nżul ta’ inġenju tal-ajru f’ajruporti tal-Unjoni Ewropea jobbliga lill-operatur tal-inġenju tal-ajru li, fi żmien determinat, jirrestitwixxi l-kwoti ta’ emissjonijiet meħtieġa (l-Artikolu 12(2)a tad-Direttiava 2003/87). Madankollu, ma humiex it-tluq u l-inżul infushom li “jitħallsu”, iżda jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra prodotti mit-titjiriet korrispondenti u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ikunux titjiriet interni fl-Unjoni jew titjiriet li jaqbżu l-fruntieri tal-Unjoni.

219. Fil-kumitati tal-ICAO, teżisti wkoll distinzjoni bejn il-ħlasijiet ambjentali, minn naħa, u l-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, min-naħa l-oħra (173). Dan ġie enfasizzat minn diversi gvernijiet u istituzzjonijiet li ħadu sehem fil-proċedura.

220. Li kieku l-ICAO kellha twaqqaf l-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet abbażi tal-projbizzjoni ta’ ħlasijiet u dazji oħra fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, ikun diffiċli li, fi ħdan l-awtoritajiet tagħha, din tirrakkomanda linji gwida preċiżament dwar l-introduzzjoni ta’ tali skemi mill-Istati kontraenti tagħha (174).

221. Kif juri l-Artikolu 15(7) tal-Ftehim Sema Miftuħ, hekk kif emendat bil-Protokoll Emendatorju tal-2010, l-Istati li jifformaw parti għall-Ftehim Sema Miftuħ ukoll jitilqu mir-regola li miżuri bbażati fuq is-suq huma leġittimi. Din id-dispożizzjoni l-ġdida ma tkunx tagħmel sens li kieku l-partijiet kontraenti jikkunsidraw li tali miżuri jiksru l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li, wieħed ifakkar, jirreferi għalih il-Ftehim Sema Miftuħ.

222. F’dawn iċ-cirkustanzi, wieħed ma jistax jikkonkludi li l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tikser l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, moqri flimkien mal-Artikoli 3(4) u 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ.

d)      Nuqqas ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ taxxi u dazji tad-dwana fuq il-karburanti [domanda 4(c)]

223. Fl-aħħar nett, it-tielet parti tar-raba’ domanda hija intiża li tiddetermina jekk, meta inkluda l-attivitajiet internazzjonali bl-ajru fl-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni kisirx il-prinċipju tad-dritt internazzjonali ta’ projbizzjoni ta’ taxxi u dazji tad-dwana fuq il-karburanti, hekk kif jiirriżulta mill-Artikolu 24(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-Artikolu 11(2)(c) tal-Ftehim Sema Miftuħ.

224. Peress li, hekk kif diġà ntqal, il-Konvenzjoni ta’ Chicago ma tistax isservi bħala kriterju għall-istħarriġ ta’ validità ta’ atti ġuridiċi tal-Unjoni (175), peress li din l-aħħar domanda tal-qorti tar-rinviju tista’ titwieġeb biss b’riferiment għall-Ftehim Sema Miftuħ (176). Madankollu, l-Artikolu 11(2)(c) ta’ dan il-ftehim għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 24(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li minnha jagħmlu parti kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-Istati Membri kollha tal-Unjoni (177).

225. Skont l-Artikolu 11(2)(c) u l-Artikolu 11( 1) tal-Ftehim Sema Miftuħ, il-karburant introdott jew ipprovdut biex jiġi utilizzat abbord inġenju tal-ajru li jipprovdi servizzi internazzjonali bl-ajru huwa eżenti, fuq bażi ta’ reċiproċità, minn ċerti ħlasijiet, b’mod partikolari mid-dazji tad-dwana u tas-sisa. Min-naħa tagħha, it-tieni sentenza tal-Artikolu 24(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago tipprovdi li l-karburant li jinsab f’inġenju tal-ajru huwa eżenti mid-dazji tad-dwana, ħlasijiet ta’ spezzjoni, jew dazji u ħlasijiet simili, imposti mill-Istat jew mill-awtoritajiet lokali. Għalhekk, iż-żewġ dispożizzjonijiet essenzjalment jipprojbixxu li l-karburant ta’ inġenji tal-ajru li jipprovdu servizzi internazzjonali bl-ajru jkun suġġett għal dazji tad-dwana jew tas-sisa.

i)      Fuq il-projbizzjoni ta’ sisa fuq il-karburant

226. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-assoċjazzjonijiet li jsostnuhom jikkunsidraw li l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għandha l-effett li timponi fuq il-karburant sisa pprojbita skont l-Artikolu 11(2)(c) tal-Ftehim Sema Miftuħ u l-Artikolu 24(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

227. Dan l-approċċ ma jikkonvinċinix.

228. L-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ma tistax titqies li hija taxxa, u dan għall-istess raġunijiet bħal dawk li jipprekludu li din titqies li hija ħlas (178).

229. Indipendentement minn dan, l-għan u s-suġġett tar-regoli li jikkostitwixxu l-Artikolu 11(2)(c) tal-Ftehim Sema Miftuħ u l-Artikolu 24(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago huma differenti mill-għan u s-suġġett tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.

230. L-ewwel nett, fir-rigward tal-għan, l-Artikoli 11 tal-Ftehim Sema Miftuħ u 24 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jipproteġu lill-kumpannji tal-ajru ta’ Stat kontraenti mill-fatt li l-inġenji tal-ajru tagħhom u r-riżervi tagħhom jiġu ttrattati bħala “importazzjonijiet” meta dawn sempliċement jinżlu fi Stati kontraenti oħra; għalhekk dawn għandhom ikunu eżentati minn ċerti impożizzjonijiet li normalment japplikaw għall-merkanzija importata. Min-naħa l-oħra, l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għandha għan ieħor: dan huwa l-protezzjoni tal-ambjent u tal-klima u dan ma għandu xejn x’jaqsam mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-beni. Għalhekk huwa minħabba l-emissjoni ta’ gassijiet serra u mhux sempliċement minħabba l-konsum ta’ karburant li kwoti ta’ emissjonijiet għal titjiriet li jitilqu jew jinżlu minn ajruport tal-Unjoni Ewropea jkollhom jiġu rrestitwiti.

231. Fir-rigward tal-għan tar-regolamenti, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11 tal-Ftehim Sema Miftuħ u l-Artikolu 24(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jirrigwardaw il-kwantitajiet ta’ karburant li jinsabu abbord inġenju tal-ajru jew jiġu pprovduti lilu, jiġifieri r-riżerva ta’ karburant tiegħu. Għall-kuntrarju, l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet hija bbażata fuq il-kwantitajiet ta’ karburant effettivament ikkunsmati minn inġenju tal-ajru matul titjira partikolari (179). Mir-riżerva ta’ karburant ta’ inġenju tal-ajru, imsemmija fil-Ftehim Sema Miftuħ u fil-Konvenzjoni ta’ Chicago, ma tista’ tittieħed l-ebda konklużjoni diretta dwar l-emissjonijiet effettivi ta’ gassijiet serra minn inġenju tal-ajru għal titjira partikolari. Il-kwoti ta’ emissjonijiet ma għandhomx jiġu rrestitwiti għaliex inġenju tal-ajru jkollu karburant abbord jew jimla t-tankijiet tiegħu, iżda għaliex, meta jaħraq dan il-karburant fl-arju huwa jiġġenera emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

232. L-idea li l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tissuġġetta l-karburant innifsu ta’ inġenji tal-ajru għal dazju tas-sisa ma tistax tistrieħ fuq is-sentenza Braathens (180) iċċitata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-assoċjazzjonijiet li jsostnuhom. Huwa veru li f’din is-sentenza, fir-rigward ta’ taxxa ambjentali Svediża fuq it-traffiku bl-ajru intern, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din kellha titqies li hija sisa peress li kienet ibbażata – għallinqas parzjalment – fuq il-konsum ta’ karburant minn inġenji tal-ajru. Madankollu, is-sentenza Braathens ma tistax tiġi applikata fil-każ preżenti għal żewġ raġunijiet.

233. L-ewwel nett, is-sentenza Braathens kienet tirrigwarda żewġ direttivi intiżi għall-ħolqien tas-suq intern Ewropew, li armonizzaw, fi ħdan l-Unjoni, il-karatteristiċi strutturali tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (181). Fil-kuntest ta’ dan il-għan ta’ politika interna, wieħed jista’ jifhem l-interpretazzjoni relattivament wiesgħa tal-kunċett ta’ sisa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza. Fil-kawża preżenti ma teżisti l-ebda ħtieġa komparabbli. Fil-fatt, la l-Ftehim Sema Miftuħ u lanqas il-Konvenzjoni ta’ Chicago ma jipproċedu għal armonizzazzjoni tal-karatteristiċi strutturali tas-sisa interna tal-Istati, komparabbli ma dik li jagħmlu d-direttivi relattivi għas-suq intern tal-UE.

234. Barra minn hekk, fil-kawża Braathens, kienet teżisti rabta diretta u indissolubbli bejn il-konsum ta’ karburant u s-sustanzi mormija li jniġġsu, li fir-rigward tagħhom kienet imposta t-taxxa ambjentali Svediża (182). Għall-kuntarju, fl-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, ma teżistix tali rabta diretta u indissolubbli. Fil-fatt, minnu nnifsu, il-konsum ta’ karburant ma jagħti l-ebda informazzjoni direttament utli fuq il-gassijiet serra mormija waqt it-titjira kkonċernata, peress li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fattur ta’ emissjoni għal kull tip ta’ karburant utilizzat. Dan jista’ jkun żero fil-każ ta’ gassijiet ta’ propulsjoni meqjusa mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrispettaw lill-ambjent b’mod partikolari, bħal fil-każ tal-bijomassa (183).

235. Kollox ma’ kollox, wieħed ma jistax iqis li l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet hija dazju tas-sisa fuq il-karburant ipprojbit mill-Artikolu 11(2)(c) tal-Ftehim Sema Miftuħ jew mill-Artikolu 24(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

ii)    Fuq il-projbizzjoni ta’ dazji tad-dwana fuq il-karburanti

236. Huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li jiena nżid li l-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ma għandhiex l-effett li timponi dazji tad-dwana fuq il-karburanti. Fil-fatt, id-dazji tad-dwana huma dazji imposti fuq merkanzija minħabba l-fatt li din taqsam fruntiera, jiġifieri minħabba l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħha. Għall-kuntrarju ta’ dan, il-kwoti ta’ emissjonijiet ma għandhomx jiġu rrestitwiti minħabba l-fatt li karburant jiġi ttrasportat lil hinn mill-fruntieri, iżda dawn ikunu dovuti minħabba l-emissjoni ta’ gassijiet serra waqt titjira partikolari. Il-kwoti ta’ emissjonijiet iridu jiġu rrestitwiti anki fil-każijiet ta’ titjiriet interni fl-Unjoni, li ma jinvolvu l-ebda titjir fuq fruntiera tad-dwana.

iii) Konklużjoni intermedja

237. Id-Direttiva 2008/101 ma tmurx kontra l-Artikolu 11(2)(c) tal-Ftehim Sema Miftuħ, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 24(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

C –    Taqsira

238. Fil-qasir, id-Direttiva 2008/101 (u d-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2008/101) hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet u mal-prinċipji kollha tad-dritt internazzjonali mqajma fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

239. Għalhekk, id-domandi eżaminati matul dawn il-proċeduri ma jwassulx biex id-direttiva tiġi interpretata jew applikata b’mod restrittiv fir-rigward ta’ kwalunkwe wieħed mill-prinċipji jew dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

240. Fl-aħħar nett, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li mill-eżami tad-domandi magħmula ma jirriżulta xejn li jista’ jopponi l-legalità tad-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2008/101.

VI – Konklużjoni

241. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice:

1)      Minn fost id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali msemmija fl-ewwel domanda preliminari, l-Artikolu 7 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru, iffirmat f’April 2007 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra, biss jistgħu jitqajmu bħala kriterji għall-istħarriġ tal-legalità ta’ atti ġuridiċi tal-Unjoni fil-kuntest ta’ talbiet ġudizzjarji mressqa minn persuna naturali jew ġuridika.

2)      Mill-eżami tad-domandi magħmula ma jirriżulta xejn li jopponi l-legalità tad-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata bid-Direttiva 2008/101/KE.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Fis-sitt programm ta’ azzjoni għall-ambjent, il-“ħidma sabiex tistabbilixxi [jiġi stabbilit] kwadru tal-Komunità għall-iżvilupp [effettiv] ta’ emissjonijiet effettivi [skambju ta’ emissjonijiet] ta’ CO2 li jaħdmu ma’ l-estensjoni possibbli ta’ [flimkien mal-possibbilità ta’ estenzjoni għal] gassijiet serra oħra” hija prevista bħala “azzjoni prioritarja” tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ġlieda kontra l-bdil fil-klima (Artikolu 5(2)(i)(b) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1600/2002/KE, tat-22 ta’ Lulju 2002, li tniżżel is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p.152; ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Frar 2005 [COM (2005) 35 Finali], fejn, fil-punt 7(4) hemm ipprovdut li “l-użu kontinwu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u ta’ mekkaniżmi ta’ flessibbilità”, kif ukoll ta’ skemi għall-iskambju ta’ ħlasijiet għal emissjoni, għandu jkun element tal-“istrateġija futura tal-UE fil-qasam tal-bdil fil-klima”.


3 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil, 2008/101/KE, tad-19 ta’ Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità (ĠU L 8, p. 3).


4 –      Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti (ĠTNU), Vol. 15, p.295.


5 – F’dan ir-rigward ara l-protokoll iffirmat fi New York fl-1 ta’ Ottubru 1947 (ĠTNU, Vol. 8, p. 315).


6 – ĠU L 2002, L 130, p. 4 (ĠTNU, Vol. 2303, p. 148).


7 –      Deċiżjoni tal-Kunsill, 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002, dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24).


8 – Lista ta’ partijiet kontraenti meqjusa bħala pajjiżi żviluppati u ta’ ċerti pajjiżi resqin lejn ekonomija tas-suq tinsab fl-Anness I tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (iffirmata fi New York fid-9 ta’ Settembru 1992; ĠU L 1994, L 33, p. 13; ĠTNU, Vol. 1771, p. 107); minnha jiffurmaw parti, b’mod partikolari, il-Komunità Ewropea ta’ dak iż-żmien u l-Istati Membri kollha tagħha.


9 – Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Kyoto, u l-Annessi I B u II ta’ dak il-Protokoll.


10 – ĠU 2007, L 134, p. 4.


11 – Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ffirmat fil-25 u t-30 ta’ April 2007 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fl-24 ta’ Ġunju 2010 (ĠU L 223, p. 3).


12 –      Artikolu 25 tal-Ftehim Sema Miftuħ u Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/339/KE u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-25 ta’ April 2007 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (ĠU L 134, p.1 ).


13 –      Artikolu 9(1) tal-Protokoll ta’ Emenda tal-2010 u l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/465/UE u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqa’ fi ħdan il-Kunsill, tal-24 ta’ Ġunju 2010 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 233, p. 1).


14 – It-test tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim Sema Miftuħ, li għalih tirreferi b’mod espress il-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, ma kienx suġġett għal emendi meta mqabbel mal-verżjoni inizjali tal-Ftehim Sema Miftuħ. L-unika differenza minima ħafna fil-verżjoni Ġermaniża tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) première phrase (il-kelma użata issa hija “Umweltschutzstandards” u mhux iktar “Umweltschutznormen”) ma teżistix fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra; wieħed għadu jitkellem fuq “aviation environmental standards” fil-verżjoni Ingliża u fuq “normes sur la protection de l’environnement” fil-verżjoni Franċiża.


15 – Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).


16 – Din l-estenzjoni għaż-ŻEE kollha hija r-riżultat ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Kongunt taż-ŻEE Nru 146/2007, tas-26 ta’ Ottubru 2007, li temenda l-Anness XX (Ambjent) tal-Ftehim ŻEE (ĠU 2008, L 100, p. 92) u, fir-rigward tal-avjazzjoni, tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Kongunt taż-ŻEE Nru 6/2011, tal-1 ta’ April 2011, li temenda l-Anness XX (Ambjent) tal-ftehim ŻEE (ĠU L 93, p. 35).


17 – Iktar ’il quddiem jiena sejjer insejjaħ “direttiva emendata” id-Direttiva 2003/87 hekk kif tirriżulta mid-Direttiva 2008/101.


18 –      Xi aspetti rari tal-attivitajiet ajronawtiċi huma esklużi mill-iskema UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bis-saħħa tal-Anness I tad-direttiva emendata, bħalma huma, pereżempju, it-titjiriet militari mwettqin minn inġenji tal-ajru militari.


19 –      Skont l-Artikolu 3s tad-direttiva emendata, l-emissjonijiet storiċi tas-settur tal-avjazzjoni jiġu kkalkulati abbażi tal-medja aritmetika tal-emissjonijiet annwali prodotti matul is-snin kalendarji 2004, 2005 u 2006. Huma ġew iddeterminati reċentement fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/149/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 (ĠU L 61, p. 42).


20 – SI 2009/2301.


21 – Miżuri ta’ traspożizzjoni oħra jinsabu fl-Aviation Greenhouse Gas Emissions Trading Scheme Regulations 2010 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-2010” SI 2010/1996). Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern tar-Renju Unit, ir-Regolamenti tal-2010 ssostitwixxew u parzjalment ikkompletaw ir-regolamenti tal-2009, b’tali mod li r-regolamenti tal-2010 jistgħu jitqiesu issa li huma s-suġġett il-ġdid tar-rikors fil-kawża prinċipali.


22 – Fir-rigward tal-Istat responsabbli, ara l-Artikolu 3(q) u l-Artikolu 18(a) tad-direttiva emendata, kif ukoll, fl-aħħar nett, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 115/2011, tat-2 ta’ Frar 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 748/2009 dwar il-lista ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru li wettqu attività ta’ avjazzjoni elenkata fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fl-1 ta’ Jannar 2006 jew wara, li tispeċifika l-Istat Membru ta’ amministrazzjoni għal kull operatur ta’ inġenji tal-ajru (ĠU L 39, p. 1).


23 – The Secretary of State for Energy and Climate Change.


24 – Dawn iż-żewġ partijiet jintervjenu “konġuntament” (“single intervener”).


25 – Huma wkoll jintervjenu “konġuntament” (“single intervener”).


26 – Dan il-motiv jirrigwarda d-domandi preliminari 2 u 3.


27 – Dan il-motiv jirrigwarda d-domanda preliminari 4(a).


28 – Dan il-motiv jirrigwarda d-domandi preliminari 4(b) u (ċ).


29 – Sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C-286/90, Ġabra 1992 p. I‑6019, punt 9); tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C-162/96, Ġabra 1998 p. I‑3655, punt 45); tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C-308/06, Ġabra 2008 p. I‑4057, punt 51) u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra 2008 p. I‑6351, punt 291).


30 – Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72 sa 24/72, Ġabra 1972, p. 1219, punt 6), u Racke (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 27).


31 – Sentenza International Fruit Company (iċċitata iktar il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 8); fl-istess sens, is-sentenza Intertanko (iċċitata iktar il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, b’mod partikolari, punti 43 u 45). 


32 – Dawn huma, b’mod partikolari, il-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar is-servizzi tal-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (iffirmat fi Brussell fit-12 ta’ Diċembru 1986, ĠU L 386, p. 57) kif ukoll il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha (iffirmat fi Brussell fis-17 ta’ Diċembru 2009, ĠU L 207, p. 32). Barra minn hekk, il-partijiet intervenjenti jirreferu għal ċerti ftehim bilaterali dwar it-trasport bl-ajru konklużi mill-Istati Membri.


33 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999, De Haan (C-61/98, Ġabra 1999, p. I-5003, punt 47).


34 – Ara f’dan is-sens is-sentenzi tal-5 ta’Ottubru 1988, Alsatel (247/86, Ġabra 1988, p. 5987, punti 7 u 8), u tal-11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et (C‑408/95, Ġabra 1997, p. I‑6315, punti 34 u 33).


35 – Sentenza Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 43 sa 45); ara wkoll is-sentenzi International Fruit Company (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punti 7 u 8); tad-9 ta’ Ottubru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-377/98, Ġabra 2001 p. I-7079, punt 52) u – speċjalment fuq it-tieni kriterju – is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra 2006 p. I-403, punt 39), u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra 2008 p. I-6513, punt 110).


36 – F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza International Fruit Company (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 8).


37 – Ara wkoll l-Artikolu 1(3) TUE u t-tieni sentenza tal-Artikolu 1(2) TFUE.


38 – Fir-rigward tal-prinċipju pacta sunt servanda, ara l-Artikolu 26 kif ukoll l-Artikolu 30(4)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (ĠTNU Vol. 1155, p. 331).


39 – Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa (812/79, Ġabra 1980 p. 2787, punt 8); tal-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com (C-124/95, Ġabra 1997 p. I‑81, punt 56); tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-62/98, Ġabra 2000 p. I-5171, punt 44); tat-18 ta’ Novembru 2003, Budejovický Budvar (C‑216/01, Ġabra 2003 p. I-13617, punti 144 u 145), u tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-118/07, Ġabra 2009 p. I-10889, punt 27).


40 – Sentenza Burgoa (iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).


41 – Sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita (C-386/08, Ġabra 2010 p. I-1289, punt 44).


42 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punti 49 u 52) u Budejovický Budvar (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 170).


43 – Sentenza International Fruit Company (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 18); fuq it-teorija tas-suċċessjoni funzjonali, ara wkoll is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2009, Bogiatzi (C-301/08, Ġabra 2009 p. I-10185, punt 25), tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C-533/08, li għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62).


44 – Sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C-379/92, Ġabra 1994 p. I-3453, punt 16); tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C-188/07, Ġabra 2008 p. I-4501, punt 85) u Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 48.


45 – Fl-istess sens, għal dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli dwar it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmat f’Varsavja, fit-12 ta’ Ottubru 1929, ara s-sentenza Bogiatzi (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 32 u 33).


46 – F’dan ir-rigward, ara l-ftehim dwar is-servizzi tal-ajru konklużi mal-Marokk u l-Kanada, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32.


47 – F’dan l-istess sens, ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-20 ta’ Novembru 2007 fil-kawża Intertanko (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 44).


48 – Ara l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fis-sit internet tagħha, bl-Ingliż : http://ec.europa.eu/transport/air/internationalaviation/europeancommunity icao/europeancommunityicaoen.htm (l-aħħar żjara fit-30 ta’ Ġunju 2011).


49 – Fl-istess sens, is-sentenzi Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 49) u Bogiatzi (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 33).


50 – Fir-rigward ta’ dan is-suġġett ara l-osservazzjonijiet tiegħi fuq id-domandi 3 u 4 (il-punti 161 sa 236 tal-konklużjonijiet preżenti).


51 – Sentenza Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 52 in fine).


52 –      Sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, Ġabra 1974 p. 449, punt 5), IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 36), Brita (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 39), u tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C-240/09, Ġabra p. 1‑1255, punt 30).


53 – Sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1982, Kupferberg (104/81, Ġabra 1982 p. 3641, punt 17); tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C-149/96, Ġabra 1999 p. I-8395, punt 34), u FIAMM (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 108).


54 – Sentenzi International Fruit Company (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 20); tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-280/93, Ġabra 1994 p. I-4973, punt 110), u FIAMM (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 108 in fine); ara wkoll is-sentenza Kupferberg (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 18).


55 – Sentenza FIAMM (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 109).


56 – Ara, fost diversi referenzi, is-sentenzi International Fruit Company (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punti 19 sa 27, b’mod partikolari l-punt 21); Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punti 106 sa 109); tat-12 ta’ Diċembru 1995, Chiquita Italia (C-469/93, Ġabra 1995 p. I-4533, punti 26 sa 29); Il-Portugall vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 53, b’mod partikolari l-punt 47); tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill (C-93/02 P, Ġabra 2003 p. I‑10497, punt 55); tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys (C-377/02, Ġabra 2005 p. I-1465, b’mod partikolari l-punt 39), u FIAMM (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 35, b’mod partikolari l-punt 111).


57 –      Sentenza International Fruit Company (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punti 8 u 9). Il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-istess soluzzjoni fil-każ meta jiġi vverifikat jekk individwi jistgħux jinvokaw dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni Ewropea, kontra awtoritajiet amministrattivi jew miżuri nazzjonali: ara reċentament is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Ioannis Katsivardas – Nikolaos Tsitsikas (C-160/09, Ġabra p. 1‑4591, punt 45).


58 – Dan l-aspett jeżiġi spjegazzjonijiet ftit jew wisq dettaljati skont iċ-ċirkustanzi. Fis-sentenza IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 39) ġie aċċettat li kien naturali li l-Konvenzjoni ta’ Montreal tat-28 ta’ Mejju 1999 (Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli dwar it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999, ĠU 2001, L 194, p. 39 ; GTNU Vol 2242, p. 389) setgħet tirregola s-sitwazzjoni ta’ individwi. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni inkwistjoni kienu jirrigwardaw rimedji tad-dritt ċivili mogħtija lill-individwi biex jiksbu kumpens minn kumpanniji tal-ajru u l-limitazzjoni tar-responsabbilità ċivili ta’ dawn il-kumpanniji.


59 – Ara s-sentenza Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 59).


60 – Fost diversi referenzi, ara s-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1991, Kziber (C-18/90, Ġabra 1991 p. I-199, punti 15 sa 23); tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, Ġabra 2002 p. I-1049, punti 19 sa 30); tat-12 ta’ April 2005, Simutenkov (C-265/03, Ġabra 2005 p. I-2579, punti 22 sa 29); u fl-istess sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2010, Toprak (C-300/09 u C-301/09, Ġabra p. 1‑12845); sa mis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, Ġabra 1987 p. 3719, punt 14), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà rrikonoxxiet, bħala regola, li tali ftehim jistgħu jiġu applikati direttament.


61 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pêcheurs de l’étang de Berre (C-213/03, Ġabra 2004 p. I‑7357, b’mod partikolari l-punt 47).


62 – Fis-sentenza Il-Pajjiżi Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 35, b’mod partikolari l-punti 53 u 54), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jista’ jaġixxi kontra direttiva adottata mill-Parlament u mill-Kunsill, u jsostni li d-direttiva tmur kontra l-obbligi tad-dritt internazzjonali imposti fuq il-Komunità Ewropea (fil-preżent, l-Unjoni Ewropea) mill-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika ffirmata f’Rio fil-5 ta’ Ġunju 1992 (ĠU 1993, L 309, p. 3 ; ĠTNU Vol 1760, p. 79). Tali eżami tqies espressament possibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja anki jekk id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni ma kellhomx effett dirett u għalhekk ma setgħux joħolqu drittijiet li setgħu jitqajmu minn individwi quddiem il-qrati (punt 54 tas-sentenza).


63 – Ara t-titolu tal-Protokoll ta’ Kyoto u l-premessa 1 tal-preambolu tiegħu.


64 – Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Qafas, li għalih jirreferi l-preambolu tal-Protokoll ta’ Kyoto.


65 – Premessa 1 tal-preambolu tal-Konvenzjoni Qafas.


66 – Premessa 6 tal-preambolu tal-Konvenzjoni Qafas.


67 – Premessa 9 tal-preambolu tal-Konvenzjoni Qafas.


68 – Apparti l-Istati, l-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni reġjonali jistgħu jkunu partijiet għall-Protokoll ta’ Kyoto. Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, l-Unjoni Ewropea (preċedentement il-Komunità Ewropea).


69 – Artikolu 2(1) u (3) u Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Kyoto.


70 – Ara l-premessi 1, 2 u 7 tal-preambolu tal-Konvenzjoni Qafas.


71 – Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom is-sede tagħhom fl-Istati Uniti. Dan l-Istat ma rratifikax il-Protokoll ta’ Kyoto.


72 – Ara b’mod partikolari l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tal-Protokoll ta’ Kyoto, fejn kull parti kontraenti inkluża fl-Anness I għall-Konvenzjoni Qafas għandha “timplementa jew iktar telabora l-politika u l-miżuri skond iċ-ċirkustanzi nazzjonali tagħha”.


73 –      Ara f’dan is-sens is-sentenzi Demirel (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 60, punt 14), Pêcheurs de l’Etang de Berre (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 57, punt 39) u Lesoochranárske zoskupenie (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 44). B’hekk, fi ftehim konkluż mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma’ Stati Terzi, dispożizzjoni titqies li għandha effett dirett jekk, kemm fir-rigward tal-kliem tagħha kif ukoll tal-għan u n-natura ta’ dan il-ftehim, hija jkun fiha obbligu ċar u preċiż li ma jkunx suġġett għall-implementazzjoni jew l-effetti tiegħu għas-seħħ ta’ xi atti sussegwenti.


74 – Iktar preċiżament, skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim Sema Miftuħ imsemmija mill-qorti nazzjonali jistgħu jservu ta’ kriterju għall-istħarriġ tal-validità tad-Direttiva 2008/101. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li l-Artikoli 7 u 11(2) ta’ dan il-ftehim biss jistgħu jservu ta’ kriterju ta’ stħarriġ, u mhux l-Artikolu 15(3).


75 – Ara l-Artikolu 3(1) (“Kull Parti tagħti lill-Parti l-oħra d-drittijiet li ġejjin għat-twettiq ta’ trasport internazzjonali bl-ajru mil-linji ta’ l-ajru tal-Parti l-oħra: …”). L-Artikolu 3(4) (“Kull Parti għandha tippermetti lil kull linja ta’ l-ajru sabiex tiddetermina l-frekwenza u l-kapaċità tat-trasport internazzjonali bl-ajru li toffri abbażi ta’ konsiderazzjonijiet kummerċjali tas-suq”) jew l-Artikolu 11(7) tal-Ftehim Sema Miftuħ (“Parti tista’ titlob l-għajnuna tal-Parti l-oħra, f’isem il-linja jew linji ta’ l-ajru tagħha…”).


76 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 3(2) (“Kull linja ta’ l-ajru tista’, fir-rigward ta’ xi titjira jew tat-titjiriet kollha, u fuq għażla tagħha […]”); l-Artikolu 3(5) (“Kull linja ta’ l-ajru tista’ twettaq trasport internazzjonali bl-ajru mingħajr ebda limitazzjoni ta’ […]”); l-Artikolu 10(1) (“Il-linji ta’ l-ajru ta’ kull Parti għandhom ikollhom id-dritt li jistabbilixxu uffiċċji fit-territorju tal-Parti l-oħra għall-promozzjoni u l-bejgħ ta’ trasport bl-ajru u attivitajiet relatati […]”); it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) (“Kwalunkwe linja ta’ l-ajru ta’ kull Parti tista’ tieħu sehem fil-bejgħ ta’ trasport bl-ajru”); l-Artikolu 10(5) (“Kull linja ta’ l-ajru għandha jkollha d-dritt […] li ssarraf u tibgħat flus […] lejn it-territorju ta’ pajjiżha”) u l-Artikolu 17(1) tal-Ftehim Sema Miftuħ (“Il-bejjiegħa ta’ Sistemi ta’ Prenotazzjoni Kompjuterizzata […] għandhom ikunu intitolati […]”).


77 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim Sema Miftuħ: “[…] kwalunkwe persuna għandha tkun libera li […]”).


78 – Premessa 1 tal-preambolu tal-Ftehim Sema Miftuħ.


79 – Premessa 11 tal-preambolu tal-Ftehim Sema Miftuħ.


80 – Premessa 7 tal-preambolu tal-Ftehim Sema Miftuħ.


81 – Premessa 10 tal-preambolu tal-Ftehim Sema Miftuħ..


82 – Premessa 3 tal-preambolu tal-Ftehim Sema Miftuħ.


83 – Premessa 11 tal-preambolu tal-Ftehim Sema Miftuħ.


84 –      F’dan ir-rigward, ara l-premessi 2, 3, 4 u 10 tal-preambolu tal-Ftehim Sema Miftuħ.


85 – Iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29.


86 – Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi tal-Baħar (ĠU 1998, L 79, p. 3; ĠTNU Vol. 1833, p. 397) ġiet iffirmata fl-10 ta’ Diċembru 1982 f’Montego Bay u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Hija ġiet approvata għan-nom tal-Komunità Ewropea b’Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260).


87 – Sentenza Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, b’mod partikolari l-punti 58, 59, 61 u 64).


88 – Sentenza Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, b’mod partikolari l-punti 60 sa 62).


89 – F’dan is-sens, ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tas-27 ta’ Ġunju 2001, LaGrand (Il-Ġermanja vs L-Istati Uniti tal-Amerika), QIĠ Ġabra 2001, p. 466 (punt 77 in fine u punt 76 in fine), fejn hemm indikat li l-Artikolu 36(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-24 ta’ April 1963 fuq ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi (ĠTNU, Vol. 596, p. 261) joħloq drittijiet individwali li ma jistgħux jinkisru, għall-kuntrarju ta’ drittijiet individwali derivati minn drittijiet li jappartjenu lill-Istati (bl-Ingliż: “immutable individual rights, as opposed to individual rights derivative of the rights of States”).


90 – Dan il-prinċipju jissemma, pereżempju, fl-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u fl-Artikolu 91(1) tal-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar.


91 – Sentenza Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, punt 55); ara wkoll ir-raba’ premessa tal-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar.


92 – Fuq dan il-punt ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 55).


93 – Sentenza Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 58).


94 – F’dan ir-rigward ara l-punt 91 tal-konklużjonijiet preżenti.


95 – F’dan ir-rigward ara l-punt 92 tal-konklużjonijiet preżenti.


96 – Artikoli 18 u 19 tal-Ftehim Sema Miftuħ.


97 – Diversi ftehim ta’ assoċjazzjoni, ta’ kooperazzjoni jew ta’ sħubija konklużi mill-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi wkoll jinkludu dispożizzjonijiet bħal dawn dwar kumitati konġunti u proċeduri ta’ arbitraġġ mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra dan bħala argument li jipprekludi l-applikabbiltà diretta ta’ dawn il-ftehim; ara b’mod partikolari l-Artikoli 22 sa 25 tal-Ftehim tat-12 ta’ Settembru 1963 li joħloq assoċjazzjoni bejn it-Turkija u l-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1964, Nr 217, p. 3687) u l-Artikoli 105 u 111 tal-Ftehim tat-2 ta’ Mejju 1992 fuq l-Ispazju Ekonomiku Ewropew (ĠU 1994, L 1, p. 3).


98 – Għalhekk, l-ebda parti għall-proċeduri preżenti ma bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-kumitat konġunt jew il-proċedura ta’ arbitraġġ biex tiċħad l-applikabbiltà diretta tal-Ftehim Sema Miftuħ.


99 – Dawn huma liġijiet u regolamenti dwar id-dħul u l-ħruġ ta’ inġenji tal-ajru fit-territorju (l-Artikolu 7(1) u (2) tal-Ftehim Sema Miftuħ); ma’ dan wieħed iżid id-dispożizzjonijiet dwar il-formalitajiet ta’ dħul, vaganzi, immigrazzjoni, passaporti, dwana u kwarantina jew kunsinni postali (l-Artikolu 7(2) tal-Ftehim Sema Miftuħ).


100 –      Fis-sentenza International Fruit Trading Company (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 21), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-prinċipju ta’ reċiproċità pprovdut fil-preambolu tal-GATT 1947 (“abbażi ta’ reċiproċità u vantaġġi reċiproċi”) bħala wieħed mill-ħafna indikaturi li jimmilitaw kontra l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet tagħha.


101 –            Fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60. F’dak li jirrigwarda l-prinċipji ta’ kompetizzjoni, huwa ċar li l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE għandhom applikazzjoni diretta (ara s-sentenza tat-30 ta’ Jannar 1974, BRT vs SABAM, 127/73, Ġabra 1974 p. 51, punti 15 sa 17).


102 – Sentenzi Poulsen u Diva Navigation (punti 9 u 10); Racke (punti 45 u 46) u Intertanko (punt 51), kollha ċċitati iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, u s-sentenza Brita (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punti 40 sa 42); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill (T-115/94, Ġabra 1997 p. II-39, b’mod partikolari l-punt 90).


103 – Sentenza Racke (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 46).


104 – Fis-sentenzi tal-24 ta’ Novemru 1993, Mondiet (C-405/92, Ġabra 1993 p. I-6133, punti 11 sa 16), Poulsen u Diva Navigation (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 11 in fine) u Brita (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 41, b’mod partikolari l-punt 45), id-dritt internazzjonali konswetudinarju jitqajjem biss għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ korpi tal-Unjoni. Is-sentenza Racke (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 47) tenfasizza li individwu jikkontesta biss il-validità ta’ regolament Komunitarju b’mod inċidentali meta jinvoka d-drittijiet mogħtija lilu direttament minn ftehim tal-Komunità ma’ pajjiż terz. Fis-sentenza Opel Austria vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 102, punti 93 u 94), il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li indikat li dan jikkorrispondi għall-prinċipju tal-bona fide fid-dritt internazzjonali konswetudinarju; madankollu, il-kriterju mqajjem għall-istħarriġ tal-legalità tal-att ġuridiku tal-Unjoni inkwistjoni kien definittivament konvenzjoni internazzjonali (il-Ftehim ŻEE) u mhux prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt internazzjonali konswetudinarju (sentenza Opel Austria vs Il-Kunsill, punt 95).


105 – Fuq dan il-punt ara s-sentenzi Poulsen u Diva Navigation (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 10); Mondiet (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punt 13), u Brita (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 40).


106 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 35; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs tal-4 ta’ Diċembru 1997 fil-kawża Racke (iċċitati iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, b’mod partikolari l-punti 84 u 85).


107 – Ara iktar ’il fuq il-punt 50 tal-konklużjonijiet preżenti; fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Racke (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, b’mod partikolari l-punti 71 u 84).


108 – L-Istatut tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1945 jifforma parti mil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (ĠTNU, Vol. 1, p. XVI).


109 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-QIĠ tal-20 ta’ Frar 1969, Sikka Kontinentali tal-Baħar tat-Tramuntana (Il-Ġermanja vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u Il-Ġermanja vs Id‑Danimarka), QIĠ Ġabra 1969, p. 4 (punt 77), u tas-27 ta’ Ġunju 1986, Attivitajiet militari u paramilitari fin-Nicaragua (In-Nicaragua vs L-Istati Uniti tal-Amerika), QIĠ Ġabra 1986, p. 14 (punti 183 u 184).


110 – L-Artikolu li huwa ta’ interess hawnhekk huwa l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li fih il-kliem “L-Istati kontraenti jirrikonoxxu li” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jimplika kodifikazzjoni ta’ prinċipju ta’ dritt internazzjonali preeżistenti.


111 – L-ewwel premessa tal-Konvenzjoni Intenazzjonali fuq il-Baħar, miftuħa għall-firem f’Geneva fid-29 ta’ April 1958, li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Settembru 1962, (ĠTNU Vol 450, p. 11 [82]), tipprovdi li l-partijiet jixtiequ “jikkodifikaw ir-regoli tad-dritt internazzjonali dwar l-ibħra internazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; dan huwa rrikonoxxut ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Poulsen u Diva Navigation (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 10).


112 – Il-premessa 7 tal-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar issemmi “kodifikazzjoni u (…) żvilupp progressiv tal-liġi tal-baħar” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-ġurisprudenza: ara, pereżempju, is-sentenza tal-QIĠ Nicaragua (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 109) u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Poulsen u Diva Navigation (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 10); Mondiet (iċċitata iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punt 13), u Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 55).


113 – QIĠ, sentenza Nicaragua (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 109, punt 212)


114 – Konvenzjoni li Tirregola n-Navigazzjoni bl-Ajru (iffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Ottubru 1919, li daħlet fis-seħħ fl-1922, Ġabra ta’ Trattati tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet [League of Nations], Serje XI [1922], p. 173 et seq). B’kollox, din il-konvenzjoni ġiet irratifikata minn 33 Stat. L-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni u l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago huma fformulati b’mod essenzjalment identiku.


115 – Bil-Franċiż: “Il est hors de doute pour la Cour que ces prescriptions du droit conventionnel ne font que correspondre à des convictions qui, depuis longtemps, sont bien établies en droit international coutumier”; bl-Ingliż : “The Court has no doubt that these prescriptions of treaty-law merely respond to firmly established and longstanding tenets of customary international law” (QIĠ, sentenza Nicaragua, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 109, punt 212 in fine).


116 – Fl-istess sens, fuq il-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati, is-sentenzi Racke (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 24, 45 u 46) u Brita (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 42); fir-rigward tal-liġi tal-baħar, ara wkoll is-sentenza Mondiet (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punt 13).


117 – Fl-istess sens, is-sentenza tal-QIĠ, Nicaragua, (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 109, punti 174 sa 179).


118 – F’dan ir-rigward, ara l-kitba pijuniera li għadha tintuża bħala mudell sal-ġurnata tallum, “Mare liberum” (“baħar liberu”) ta’ Hugo Grotius (1609).


119 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali Permanenti tal-Ġustizzja (QIPĠ) tas-7 ta’ Settembru 1927, Lotus (Franza vs It-Turkija), QIPĠ Ġabra 1927, serje A, Nru 10 (p. 25).


120 – Ara d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kunsill iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 86.


121 – F’dan is-sens, ara wkoll QIĠ, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1974, Kompetenza fil-qasam tas-sajd (Renju Unit vs L-Islanda), QIĠ Ġabra 1974, p. 3 (punt 50).


122 – Sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C-333/07, Ġabra 2008 p. I‑10807, punti 46 u 47), tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C-45/09, Ġabra p. 1‑9391, punt 33) u tal-5 ta’ April 2011, Société fiduciaire nationale d’expertise comptable (C-119/09, Ġabra p. 1‑2551, punt 21).


123 – Punti 120 sa 122 tal-konklużjonijiet preżenti.


124 – Ara, pereżempju, l-Artikoli 15, 17, 19 sa 21, 23(4) u 23(5)(b) tal-Konvenzjoni fuq il-Baħar Internazzjonali, kif ukoll l-Artikoli 1(5), 18(2), 19(2)(e), 38, 39, 42(4), 53(1), 53( 5), 53(12), 54, 58(1), 87(1)(b), 101 sa 107, 110( 4) u 110(5), 111, 212(1), 216(1)(b), 222, 224, 236, 262 u 298(1)(b) tal-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar.


125 – Il-Konvenzjoni dwar reati u ċerti atti oħra magħmula abbord inġenji tal-ajru (“Konvenzjoni ta’ Tokyo”, ĠTNU, Vol. 704, p. 219) ġiet iffirmata f’Tokyo fl-14 ta’ Settembru 1963 u daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Diċembru 1969. Hija għandha attwalment 185 Stat kontraenti.


126 – Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-QIPĠ, Lotus, (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 119) u s-sentenza Poulsen u Diva Navigation (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29). Anki jekk wieħed jikkunsidra li s-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ New Zealand (New Zealand Court of Appeal) tal-5 ta’ Novembru 1998 Sellers vs Maritime Safety Inspector ([1999] 2 NZLR 44), li għaliha jirreferu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija rilevanti għall-kawża prinċipali, biżżejjed li jingħad illi – mid-dehra – din ma tirrigwardax inġenji tal-ajru.


127 – Fuq dan il-punt – f’dak li jirrigwarda l-konvenzjonijiet internazzjonali – ara l-punti 68 u 69 tal-konklużjonijiet preżenti.


128 – Dan jista jkun xort’oħra, pereżempju, fil-każ ta’ ċerti regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju umanitarju; fuq din il-kwistjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Racke (iċċitati iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 84 in fine).


129 – Dan jista jkun xort’oħra fil-każ ta’ rikorsi mressqa minn rikorrenti privileġġjati fis-sens tal-Artikolu 263(2) TFUE (ara, iktar ’il fuq, il-punt 75 tal-konklużjonijiet preżenti).


130 – Sentenzi Poulsen u Diva Navigation (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 9), Racke (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 45), u tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (“Wood pulp”, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra 1988 p. 5193, punti 15 sa 18).


131 – Ara l-Artikolu 12(2a) u l-Parti B tal-Anness IV tad-Direttiva 2003/87 emendata bid-Direttiva 2008/101.


132 – Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/97 emendata bid-Direttiva 2008/101.


133 – Żewġ eżempji magħrufa, meħuda mill-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet fl-Ewropa jistgħu jinstabu fis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni (T-102/96, Ġabra 1999, p. II-753, punti 88 u 90), u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Ġeneral Electric vs Il-Kummissjoni (T-201/01, Ġabra 2005, p. II-5575).


134 –      Sentenza Poulsen u Diva Navigation (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 3, 4 u 30 sa 34). Ara wkoll is-sentenza Commune de Mesquer (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punti 60 u 61) dwar idrokarburanti mxerrda fiż-zona ekonomika esklużiva ta’ Stat Membru li sussegwentement inġarru fuq xtutu wara nawfraġju.


135 – Sentenza “wood pulp” (iċċitata iktar ’il fuq nota ta’ qiegħ il-paġna 130, punt 18); fis-sentenza Poulsen u Diva Navigation li diġà ssemmiet (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 30 sa 34), il-kompetenza għall-konfiska ta’ merkanzija ta’ vapur għandha definittivament tkun marbuta wkoll mal-prinċipju ta’ territorjalità.


136 – F’dan is-sens, is-sentenza Mondiet (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 104, punt 15), fejn il-kompetenza tal-Komunità Ewropea ta’ dak iż-żmien biex tadotta miżuri intiżi għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra internazzjonali ġiet detotta mill-kompetenza tal-Istat tal-bandiera.


137 – Fil-każ preżenti, il-kwistjoni dwar jekk din il-kompetenza hijiex suġġetta għal restrizzjonijiet ibbażati fuq konvenzjonijiet internazzjonali sejra tiġi eżaminata separatament fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ domandi; ara iktar ’il quddiem il-punti 161 sa 236 tal-konklużjonijiet preżenti.


138 –      Sentenza Poulsen u Diva Navigation (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 3, 4 u 30 sa 34).


139 – Anki fi ħdan l-Unjoni Ewropea, bħalissa ma teżistix projbizzjoni ġenerali ta’ tassazzjoni doppja fil-qasam tat-taxxi diretti (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres, C-513/04, Ġabra 2006, p. I-10967, punti 20 sa 24) u tat-12 ta’ Frar 2009, Block (C-67/08, Ġabra 2009, p. I-883, punti 28 sa 31).


140 – Ara l-premessa 17 tad-Direttiva 2008/101 u l-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2008/101.


141 –      Ara iktar ’l fuq, il-punti 51 sa 66 tal-konklużjonijiet preżenti.


142 –      Ara f’dan is-sens is-sentenza Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 52 in fine).


143 – Ara l-punt 118 tal-konklużjonijiet preżenti.


144 – Ara l-osservazzjonijiet tiegħi fuq it-tieni domanda (il-punti 145 sa 160 tal-konklużjonijiet preżenti).


145 – Ippubblikata mill-ICAO f’ “Rules of the air”, Edizzjoni 10, Lulju 2005.


146 – Bl-Ingliż: “dropping or spraying”.


147 – Ara b’mod partikolari l-punt 103 tal-konklużjonijiet preżenti.


148 – Ara iktar ’il fuq il-punti 166 sa 168 tal-konklużjonijiet preżenti.


149 – Ara, pereżempju, it-Titolu tal-Protokoll ta’ Kyoto u l-ewwel premessa tal-preambolu tiegħu.


150 – F’dan is-sens, is-sentenza Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 52 in fine).


151 – Wieħed jista’ wkoll jifhem f’dan is-sens l-Artikolu 4(2)(e)(i) tal-Konvenzjoni Qafas, li jipprovdi li l-partijiet għandhom jikkoordinaw “skont il-bżonn” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mal-partijiet l-oħra inkwistjoni l-istrumenti ekonomiċi u amministrattivi opportuni.


152 – Fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni jew diskrezzjonali tal-organi tal-Unjoni fl-oqsma li jinvolvu deċiżjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali, ara s-sentenzi IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 80); tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C-413/06 P, Ġabra 2008, p. I-4951, punti 69 u 144); tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C-58/08, Ġabra p. 1‑4999, punt 52); fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-organi tal-Unjoni fil-qasam tal-azzjoni esterna, ara s-sentenzi Racke (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 52) u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C-351/04, Ġabra 2007, p. I-7723, punt 40).


153 –      Ara wkoll il-premessa 9 tad-Direttiva 2008/101.


154 – Ara l-premessa 17 tad-Direttiva 2008/101.


155 – Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87 kif emendata bid-Direttiva 2008/101.


156 – Nota ta’ qiegħ il-paġna mingħajr rilevanza għall-verżjoni Maltija.


157 –      Riżoluzzjoni A 36-22 tal-Assemblea tal-ICAO, Appendiċi L, punt 1(b)(i) (iċċitata fil-premessa l-ġdida 9 tad-Direttiva 2008/101).


158 – Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2008/101.


159 – Riżoluzzjoni A 37-19 tal-Assemblea tal-ICAO ta’ Ottubru 2010.


160 – Ara, iktar ’il fuq, il-punt 106 tal-konklużjonijiet preżenti.


161 – Ara wkoll ir-riferiment għall-“kondizzjonijiet uniformi” fl-aħħar tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(4) tal-Ftehim Sema Miftuħ.


162 – Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C-550/07 P, Ġabra p. 1_8301, punt 54).


163 – Sentenzi IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 95), tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C-127/07, Ġabra 2008, p. I-9895, punt 23), Akzo (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 162, punt 55), u tal-1 ta’ Marzu 2011, Association Belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, Ġabra p.1‑ 0773, punt 28).


164 – Sentenzi Arcelor (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 163, punt 26), Test-Achats (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 163, punt 29), tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna (C-221/09, Ġabra p. 1‑1655, punt 93), u tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-176/09, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 32).


165 – Premessi 3, 4, 10 u 11 tad-Direttiva 2008/101.


166 – Premessi 2, 7 u 8 tad-Direttiva 2008/101, li għandhom jinqraw flimkien mal-premessa 5 tad-Direttiva 2003/87.


167 – Premessa 16 tad-Direttiva 2008/101.


168 – Fil-punt 54 tal-Protokoll ta’ Ftehim fuq in-Negozjati fil-kuntest tal-Ftehim Sema Miftuħ (ĠU 2007, L 134, p.33) u fil-punt 11 tal-Protokoll ta’ Ftehim fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Emenda tal-2010 (ĠU 2010, L 223, p. 16), iż-żewġ delegazzjonijiet jirrikonoxxu li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Sema Miftuħ “bl-ebda mod ma jbiddlu l-pożizzjonijiet legali tagħhom u l-linji ta’ azzjoni rispettivi tagħhom fuq diversi kwistjonijiet ambjentali marbuta mal-avjazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa veru li fil-punt 35 tal-Protokoll ta’ Ftehim tal-2007, b’riferiment għall-Artikolu 15 tal-Ftehim Sema Miftuħ, tiġi enfasizzata, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali, l-importanza ta’ kunsens internazzjonali fil-kuntest tal-ICAO u li titfakkar ix-xewqa li tiġi osservata r-riżoluzzjoni A35-5 tal-35 Assemblea tal-ICAO ta’ Settembru 2004. Madankollu, la dan il-Protokoll ta’ Ftehim u lanqas r-riżoluzzjoni A 35-5 ma jippermettu li jiġi konkluż li teżisti projbizzjoni espressa u ġuridikament vinkolanti ta’ miżuri unilaterali fil-qasam ta’ skambju ta’ dazji ta’ emissjoni. Għall-kuntrarju, il-punt 2(c) tal-Anness H tar-riżoluzzjoni A35-5 jimmilita favur skambju miftuħ ta’ dazji ta’ emissjoni u ma jeskludix li l-Istati jinkludu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali fl-iskemi għall-iskambju tagħhom ta’ kwoti ta’ emissjoni (f’dan ir-rigward, ara wkoll il-premessa 9 tad-Direttiva 2008/101).


169 – Ara, iktar ’il fuq, il-punti 195 sa 201 tal-konklużjonijiet preżenti.


170 – Ara l-punti 207 sa 221 tal-konklużjonijiet preżenti.


171 – Ara, iktar ’il fuq, il-punti 55 sa 66 tal-konklużjonijiet preżenti.


172 – Il-kunċett ta’ ħlas jidher li għandu wkoll jinftiehem b’dan il-mod fil-kuntest tal-ICAO, “a charge is a levy that is designed and applied specifically to recover the costs of providing facilites and services for civil aviation”; ara l-punt 3 tal-prefazju tal-pubblikazzjoni taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-ICAO, “ICAO’s Policies on Charges for Airports and Air Navigation Services”, Edizzjoni 7, 2004 (Dok. Nru 9082/7); ara wkoll il-premessa 5 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-ICAO tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar ħlasijiet u taxxi ambjentali.


173 – Tali distinzjoni teżisti fir-Riżoluzzjoni A36-22 tas-36 Assemblea tal-ICAO ta’ Settembru 2007, Appendiċi L, punt 1; fis-subparagrafu (a) hemm riferiment għal “Emissions-related charges and taxes” u, fis-subparagrafu (b) għal “Emissions trading”.


174 – Dawn il-linji gwida jinsabu fl-anness tar-Riżoluzzjoni A37-19 tas-37 Assemblea tal-ICAO ta’ Ottubru 2010.


175 – Ara, iktar ’il fuq, il-punti 51 sa 56 tal-konklużjonijiet preżenti.


176 – Madankollu, kif diġà ntwera iktar ’il fuq (il-punt 104 tal-konklużjonijiet preżenti), individwi ma jistgħux jinvokaw direttament l-Artikolu 11(2)(c) tal-Ftehim Sema Miftuħ.


177 – F’dan is-sens, ara s-sentenza Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 52 in fine).


178 – Ara l-osservazzjonijiet tiegħi fir-rigward tad-domanda 4(b) (punti 213 sa 221 tal-konklużjonijiet preżenti).


179 – Il-konsum effettiv ta’ karburant jiġi kkalkolat b’dan il-mod: mill-ammont ta’ karburant li jinsab fit-tankijiet tal-ajruplan wara li jkun sar il-mili tal-karburant meħtieġ għat-titjira jintaqqas l-ammont ta’ karburant li jinsab fit-tankijiet tal-ajruplan wara li jkun sar il-mili ta’ karburant meħtieġ għat-titjira sussegwenti bl-addizzjoni tal-karburant impoġġi għal dik it-titjira sussegwenti (l-aħħar sentenza tal-paragrafu 3 tal-Parti B tal-Anness IV tad-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2008/101).


180 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’Ġunju 1999, Braathens (C-346/97, Ġabra 1999, p. I‑3419).


181 – Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12) u Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179).


182 – Sentenza Braathens (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 180, punt 23).


183 – L-aħħar sentenza tal-paragrafu 5 tal-Parti B tal-Anness IV tad-Direttiva 2003/87, kif emendata bid-Direttiva 2008/101.