Language of document : ECLI:EU:C:2017:545

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

13 ta’ Lulju 2017(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Trasport – Kunċett ta’ “esplojtazzjoni ta’ żona ġeografika għall-finijiet tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tat-trasportaturi bl-ajru ta’ ajruporti jew ta’ terminals oħra tat-trasport” – Direttivi 2004/17/KE u 96/67/KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix proċedura minn qabel ta’ sejħa għal offerti għall-allokazzjoni ta’ spazji fl-ajruport”

Fil-Kawża C-701/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lombardia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Malpensa Logistica Europa SpA

vs

Società Esercizi Aeroportuali SpA (SEA),

fil-preżenza ta’:

Beta-Trans SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn E. Juhász (Relatur), President tal-Awla, C. Vajda u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Malpensa Logistica Europa SpA, minn G. Greppi, P. Ferraris, G. Razeto u A. Bazzi, avukati,

–        għal Società Esercizi Aeroportuali SpA (SEA), minn R. Bertani, E. Raffaelli u A. Pavan, avukati,

–        għal Beta–Trans SpA, minn C. Mele u M. Giordano, avukati,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Zadra, W. Mölls u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti [għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Malpensa Logistica Europa SpA u Società Esercizi Aeroportuali SpA (SEA) (iktar ’il quddiem “SEA”), li tmexxi l-ajruport ta’ Milano Malpensa, fir-rigward tal-allokazzjoni, mingħajr proċedura minn qabel ta’ sejħa għal offerti, ta’ spazji fl-ajruport għall-provvista ta’ servizzi ta’ groundhandling f’dan l-ajruport.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 96/67/KE

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE, tal-15 ta’ Ottubru 1996, dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 496), skont l-Artikolu 1(1) tagħha tapplika “għal kull ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u miftuħa għat-traffiku kummerċjali fiċ-ċirkostanzi li ġejjin”.

4        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Groundhandling għall-partijiet terzi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa […] biex jiżguraw aċċess ħieles għall-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling għas-suq tal-provista ta’ servizzi ta’ groundhandling lill-partijiet terzi.

[…]

2.      L-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru ta’ fornituri awtorizzati li jipprovdu l-kategoriji ta’ servizzi ta’ groundhandling li ġejjin:

–        maniġġar tal-bagolli,

–        maniġġar tar-rampa,

–        maniġġar tal-karburanti u żjut,

–        maniġġar ta’ merkanzija u posta fir-rigward tat-tmexxija fiżika tal-merkanzija u l-posta, sew dawk li jidħlu jew dawk li joħorġu, bejn it-terminal ta’ l-ajru u l-inġenju ta’ l-ajru.

M’għandhomx iżda, jillimitaw in-numru għal anqas minn tnejn għal kull kategorija ta’ servizz ta’ groundhandling.”

5        L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva intitolat “Eċċezzjonijiet” fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li:

“Fejn f’ajruport, minħabba restrizzjonijiet speċifiċi ta’ nuqqas ta’ spazju jew kapaċità disponibbli, li toħroġ b’mod partikolari minn konġestjoni u r-rata ta’ utilizzazzjoni ta’ l-arja, jagħmluha impossibbli li jinfetaħ is-suq u/jew jiġi implimentat self-handling sal-grad li għalih tipprovdi din id-Direttiva, l-Istat Membru konċernat jista’ jiddeċiedi:

a)      li jillimita n-numru ta’ fornituri […]”

6        L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Għażla ta’ fornituri”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ l-għażla għall-fornituri awtorizzati li jipprovdu servizzi ta’ ground-handling f’ajruport fejn in-numru tagħhom huwa limitat fil-każijiet li għalihom jipprovdi l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 9. […]”.

7        L-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/67, intitolat “Aċċess għal stallazzjonijiet” jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-ispazju disponibbli għall-groundhandling f’ajruport għandu jkun maqsum mal-fornituri varji tas-servizzi ta’ groundhandling u self-handling ta’ dawk li jużaw l-ajruport, inklużi dawk li jidħlu ġodda f’dan il-qasam, sal-limitu meħtieġ għat-twettiq tad-drittijiet tagħhom u li jippermetti kompetizzjoni effettiva u ġusta, fuq il-bażi tar-regoli u kriterji relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.”

 Id-Direttiva 2004/17

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/17, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“ 1.      .Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet dikjarati f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw.

2.      a)      ‘Kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet u servizz’ huma kuntratti għal interess ta’ flus (pecuniary) konklużi bil-miktub bejn waħda jew aktar mill-entitajiet kontraenti riferiti fl-Artikolu 2(2), u provveditur ta’ servizz, kuntrattur jew supplent wieħed jew aktar.

[…]

d)      ‘Kuntratti ta’ [għal] servizz’ huma kuntratti oħra għajr kuntratti ta’ xogħol jew ta’ provvista li għandhom bħala l-għan tagħhom il-provvediment ta’ servizzi riferiti fl-Anness XVII.

[…]

3.      […]

b)      ‘Konċessjoni ta’ [għal] servizz’ hija kuntratt ta’ l-istess tip tal-kuntratt ta’ [għal] servizz minbarra għall-fatt li l-konsiderazzjoni [korrispettiv] għall-provvediment ta’ servizzi tikkonsisti jew fid-dritt biex jiġi esplojtat is-servizz biss jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas.”

9        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Entitajiet kontraenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(a) tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal entitajiet kontraenti:

a)      li huma awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi u li jsegwu [jwettqu] waħda mill-attivitajiet riferiti fl-Artikoli 3 sa 7”.

10      L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Esplorazzjoni għal, jew estrazzjoni ta’, żejt, gass, faħam jew karburanti solidi oħra, kif ukoll portijiet u ajruporti”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-esplojtazzjoni ta’ erja ġeografika għall-għan ta’:

[…]

b)      il-provvediment ta’ ajruporti u portijiet marittimi jew interni jew faċilitajiet ta’ terminals oħra lil ġarrara bl-ajru, bil-baħar jew bil-kanali interni.”

11      L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, intitolat “Konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizz”, huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizz li huma mogħtija minn entitajiet kontraenti li qed iwettqu waħda jew aktar mill-attivitajiet riferiti fl-Artikoli 3 sa 7, fejn dawk il-konċessjonijiet huma mogħtija għat-twettieq ta’ dawk l-attivitajiet.”

 Id-dritt Taljan

12      Id-Direttiva 96/67 ġiet trasposta fid-dritt Taljan bid-Decreto legislativo n. 18 – Attuazione della direttiva 96/67/CE relativa al libero accesso al mercato dei servizi di assistenza a terra negli aeroporti della Comunità (Digriet Leġiżlattiv Nru 18 għall-implementazzjoni tad-Direttiva 96/67/KE dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità), tat-13 ta’ Jannar 1999 (GURI Nru 28, tal-4 ta’ Frar 1999, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 18/1999”). L-Artikoli 4 u 11 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jittrasponu, rispettivament, l-Artikoli 16 u 11 tad-Direttiva 96/67.

13      L-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 18/1999 jistabbilixxi l-aċċess liberu għas-suq tas-servizzi ta’ groundhandling għal kull fornitur, abbażi tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 13 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, fl-ajruporti li t-traffiku annwali tagħhom huwa daqs jew ogħla minn 3 miljun moviment ta’ passiġġieri jew 75 000 tunnellata ta’ merkanzija; jew li t-traffiku tagħhom kien daqs jew ogħla minn 2 miljun moviment ta’ passiġġieri jew 50 000 tunnellata ta’ merkanzija matul il-perijodu ta’ sitt xhur qabel l-1 ta’ April jew l-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel. L-Artikolu 4(2) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jagħti lill-Ente nazionale per l’aviazione civile (ENAC) (uffiċċju nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili, l-Italja) il-possibbiltà li jillimita n-numru ta’ fornituri minħabba l-limitazzjonijiet speċifiċi ta’ spazju, ta’ kapaċità disponibbli jew ta’ sigurtà. L-Artikolu 12 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv jipprevedi wkoll limitazzjonijiet għall-aċċess għas-suq.

14      L-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 18/1999 jipprevedi l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għall-offerti miftuħa għall-fornituri kollha interessati, biss fir-rigward tal-għażla tal-fornituri ta’ servizz ta’ groundhandling li l-aċċess tagħhom għas-suq huwa suġġett għal limitazzjonijiet jew għal eżenzjonijiet.

15      Id-Direttiva 2004/17 ġiet trasposta fid-dritt Taljan bl-Artikoli 207 et seq tad-decreto legislativo n. 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (Digriet Leġiżlattiv Nru 163- Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti u li jittrasponi d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), tat-12 ta’ April 2006 (GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006). L-Artikolu 213 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv ittraspona l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/17.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      SEA, bħala l-korp li jmexxi l-ajruport ta’ Milano-Malpensa, tat lil Beta-Trans SpA ħangar f’dan l-ajruport, ta’ madwar 1 000 metru kwadru, sabiex dan l-operatur ikun jista’ jeżerċita attività ta’ provvista ta’ servizzi ta’ groundhandling.

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-18 ta’ April 2015 quddiem it-tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lombardia, l-Italja), Malpensa Logistica Europa, kumpannija li għandha konċessjonijiet ta’ spazji fl-ajruport intiżi għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ handling fl-ajruport ta’ Milano-Malpensa, talbet is-sospensjoni u l-annullament tal-att li bih twettqet din l-allokazzjoni.

18      Skont Malpensa Logistica Europa, dan l-att huwa vvizzjat minn illegalitajiet minħabba l-fatt li ġie adottat mingħajr proċedura minn qabel ta’ sejħa għal offerti. Din il-kumpannija b’mod partikolari sostniet li hija ma kellhiex, fis-sit tal-ajruport ta’ Milano-Malpensa, spazji suffiċjenti sabiex teżerċita l-attività tagħha ta’ handling. Għalhekk, hija kienet tinsab fl-istess sitwazzjoni bħal Beta-Trans fir-rigward tal-ispazji l-ġodda li kellhom jiġu allokati u d-deċiżjoni li permezz tagħha s-SEA allokat direttament, mingħajr sejħa għal offerti, lil Beta-Trans l-ispazju kkonċernat, li inizjalment kien ippjanat li jservi ta’ ħangar, ikkawżatilha preġudizzju.

19      Quddiem il-qorti tar-rinviju SEA u Beta-Trans sostnew li l-ispazju kontenzjuż kien tpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ Beta-Trans biss temporanjament, sabiex din tkun tista’, inkwantu operatur ġdid, tibda’ teżerċita l-attività tagħha ta’ provvista ta’ servizzi ta’ groundhandling fi ħdan l-ajruport ta’ Milano-Malpensa, fl-istennija tat-tlestija tax-xogħlijiet ta’ adattament tal-ispazji attribwiti lil Beta-Trans, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika li għaliha kienet ipparteċipat ukoll Malpensa Logistica Europa. Barra minn hekk, skont SEA u Beta-Trans, Malpensa Logistica Europa diġà kellha spazji ta’ madwar 18 000 m2 intiżi għall-ħażna, li magħhom jistgħu jiżdiedu żewġ spazji mgħottija ta’, rispettivament, 2 700 u 3 227 m2, li jippermettu li fil-każ ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena l-merkanzija tinħażen temporanjament għall-kenn.

20      Il-qorti tar-rinviju tosserva li hemm żewġ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jittrasponu, rispettivament, id-Direttiva 2004/17 u d-Direttiva 96/67, li donnhom japplikaw, in abstracto, għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

21      F’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/17, din il-qorti tqis li s-SEA, inkwantu korp li jmexxi l-ajruport ta’ Milano-Malpensa, hija entità kontraenti obbligata li tirrispetta l-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi fis-setturi speċjali. Fost l-oħrajn, l-attività tas-SEA taqa’ taħt il-kategorija tal-attivitajiet relatati mal-esplojtazzjoni ta’ żona ġeografika għall-finijiet tat-tqegħid ta’ ajruporti għad-dispożizzjoni tat-trasportaturi bl-ajru, b’mod konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/17. L-imsemmija qorti tesponi li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, kull esplojtazzjoni ta’ spazji (żoni ġeografiċi) fl-ajruport, inklużi, konsegwentement, ta’ spazji interni, relatata ma’ attivitajiet normalment imwettqa mit-trasportaturi bl-ajru, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-leġiżlazzjoni dwar is-setturi speċjali.

22      Minn dan il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li s-servizzi ta’ groundhandling fl-ajruporti, permezz tal-esplojtazzjoni ta’ żoni ġeografiċi, jaqgħu wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

23      Madankollu, skont din il-qorti, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/17 tista’ ma tkunx taqbel mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 18/1999 li jittrasponi d-Direttiva 96/67. Fil-fatt, abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni, l-obbligu li tinbeda proċedura minn qabel ta’ sejħa pubblika għal offerti japplika biss għall-għażla tal-fornituri fil-kategoriji tas-servizz ta’ groundhandling li l-aċċess tagħhom għas-suq huwa suġġett għal limitazzjonijiet jew għal eżenzjonijiet.

24      Il-qorti tar-rinviju tispeċifika, f’dan ir-rigward, li, skont l-informazzjoni li hija għandha, tali limitazzjonijiet jew eżenzjonijiet ma humiex attwalment fis-seħħ f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Milano-Malpensa. Konsegwentement, skont din il-qorti, l-applikabbiltà tal-Artikolu 4(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 18/1999, li jistabbilixxi l-aċċess liberu għas-suq tas-servizzi ta’ groundhandling għal kull fornitur, mingħajr proċedura minn qabel ta’ sejħa pubblika għal offerti, għandha tiġi ammessa bil-kundizzjoni li t-tqassim tal-ispazji disponibbli fl-ajruport bejn id-diversi fornituri ta’ servizzi u d-diversi utenti li joperaw is-self-handling isir “sal-limitu meħtieġ għat-twettiq tad-drittijiet tagħhom u li jippermetti kompetizzjoni effettiva u ġusta, fuq il-bażi tar-regoli u kriterji rilevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji”, kif jirrikjedi l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 96/67.

25      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunale amministrattivo regionale per la Lombardia (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lombardia) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 7 tad-Direttiva [2004/17], sa fejn dan jissuġġetta l-attivitajiet ta’ esplojtazzjoni ta’ żona ġeografika għar-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi Komunitarji bil-għan tat-tqegħid ta’ ajruporti għad-dispożizzjoni tat-trasportaturi bl-ajru, hekk kif iddefiniti mill-ġurisprudenza nazzjonali mfakkra fil-punti 6.4 u 6.5 [ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari], jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fl-Artikoli 4 u 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 18/1999, li ma tipprevedix proċedura minn qabel ta’ sejħa pubblika għal offerti għal kull għoti, inkluż temporanju, ta’ spazji intiżi għal dan il-għan?”

 Fuq id-domanda preliminari

26      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/17 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprevedix proċedura minn qabel ta’ sejħa pubblika għal offerti għall kull allokazzjoni, anki temporanja, ta’ spazji intiżi għall-groundhandling fl-ajruporti.

27      Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/17, fost l-attivitajiet li għalihom tapplika din id-direttiva hemm dawk relatati mal-esplojtazzjoni ta’ żona ġeografika għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ajruporti lit-trasportaturi bl-ajru.

28      Madankollu, hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk il-kuntratt dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ispazju fl-ajruport inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17.

29      Issa, kif tosserva b’mod partikolari l-Kummissjoni, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ippreżentat mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt għal servizzi”, peress li l-korp li jmexxi l-ajruport ta’ Milano-Malpensa ma kisibx servizz ipprovdut mill-fornitur bi ħlas.

30      Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmi kuntratt jistax jiġi kklassifikat bħala “konċessjoni”, peress li, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/17, il-konċessjonijiet ta’ servizzi relatati mal-esplojtazzjoni ta’ żona ġeografika għall-finijiet tat-tqegħid ta’ ajruporti għad-dispożizzjoni tat-trasportaturi bl-ajru huma, f’kull każ, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

31      Konsegwentement, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-allokazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17.

32      Min-naħa l-oħra, korp li jmexxi ajruport, bħas-SEA, huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/67.

33      Mill-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 96/67 jirriżulta li l-korp li jmexxi kkonċernat għandu josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li l-ispazji disponibbli għall-groundhandling f’ajruport għandhom jitqassmu bejn il-fornituri varji ta’ servizzi ta’ groundhandling u self-handling ta’ dawk li jużaw l-ajruport, inklużi dawk li jidħlu ġodda f’dan il-qasam, sal-limitu meħtieġ għat-twettiq tad-drittijiet tagħhom u li jippermetti kompetizzjoni effettiva u ġusta, fuq il-bażi tar-regoli u kriterji rilevanti, oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji, madankollu mingħajr ma huwa obbligat li jorganizza proċedura minn qabel ta’ sejħa għal offerti.

34      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, ir-rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ġewx osservati.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprevedix proċedura minn qabel ta’ sejħa pubblika għal offerti għall-allokazzjonijiet, anki temporanji, ta’ spazji intiżi għall-groundhandling fl-ajruporti, li ma humiex akkumpanjati mill-ħlas ta’ remunerazzjoni mill-korp li jmexxi l-ajruport.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti [għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprevedix proċedura minn qabel ta’ sejħa pubblika għal offerti għall-allokazzjonijiet, anki temporanji, ta’ spazji intiżi għall-groundhandling fl-ajruporti, li ma humiex akkumpanjati mill-ħlas ta’ remunerazzjoni mill-korp li jmexxi l-ajruport.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.