Language of document : ECLI:EU:C:2011:407

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fil-21 ta’ Ġunju 2011 (1)

Kawża C‑257/10

Försäkringskassan

vs

Elisabeth Bergström

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Regeringsrätten (l-Isvezja)]

“Moviment liberu tal-persuni – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Sigurtà soċjali – Benefiċċji tal-familja – Regolament (KEE) Nru 1408/71– Artikoli 3(1) u 72”






I –    Introduzzjoni

1.        Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) u 72 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati [, għall-persuni li jaħdmu għal rashom] u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) (2) u kif ukoll il-Ftehim bejn l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles ta’ persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002 L 114, p. 6) (“il-Ftehim”).

2.        Ir-rikors kien sar fil-kuntest ta’ proċeduri tal-appell bejn il-Försäkringskassan (l-uffiċċju tas-sigurtà soċjali) (“l-Uffiċċju”) u Elisabeth Bergström rigward id-dritt għall-benefiċċji tal-familja ta’ ġenitur li kienet taħdem fl-Isvizzera u li sussegwentement iċċaqalqet għall-Isvezja.

II – Il-kuntest legali

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 1 tal-imsemmi Ftehim, intitolat “L-Għan”, jistipula:

“L-għan ta’ dan il-ftehim, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Isvizzera, huwa:

(a) li jagħti dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika b’salarju, ta’ stabbiliment inkwantu ħaddiem għal rasu u d-dritt ta’ soġġorn fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti;

[…]

(d) li jagħti l-istess kundizzjonijiet ta’ ħajja, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4.        L-Artikolu 2 tal-imsemmi Ftehim, intitolat “Nondiskriminazzjoni”, jistipula:

Iċ-ċittadini ta’ Parti Kontraenti li huma residenti legalment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra ma għandhomx ikunu, fl-applikazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III ta’ dan il-ftehim, is-suġġett ta’ diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        L-Artikolu 8 tal-Ftehim, intitolat “Koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali” jistipula li:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, konformi mal-Anness II, għall-koordinament ta’ sistemi tas-servizzi soċjali bil-għan partikolari

(a) li jiġi żgurat it-trattament uguali;

[…]

(c) l-aggregazzjoni, bil-għan li jkun akkwistat u jinżamm id-dritt għal benefiċċji, u li jkunu kkalkulati dawn il-benefiċċji, tal-perijodi kollha kkunsidrati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6.        L-Artikolu 1 tal-Anness II (3) tal-Ftehim jistipula:

“1. Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti Komunitarji li għalihom isir riferiment, kif inhuma fis-seħħ fid-data tal-firma tal-ftehim u kif emendati bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness, jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

2. Il-frażi ‘Stat membru(i)’ fl-atti li għalihom isir riferiment fis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandha tinftiehem li tinkludi l-Isvizzera, flimkien mal-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7.        Is-Sezzjoni A tal-Anness II tal-Ftehim, intitolat “Atti li għalihom isir riferiment”, tistipula:

“1. 371 R 1408: Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati [, għal persuni li jaħdmu għal rashom] u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, kif aġġornata bil-[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8.        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Ugwaljanza ta’ trattament”, jistipula:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta’ dan l-Istat.”

9.        L-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Aggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras (self-employment)” li jinsab fil-Kaptiolu 7, intitolat “Benefiċċji tal-Familja”, ta’ dak ir-regolament, jistipula:

“Fejn il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru twettaq akkwist tad-dritt tal-benefiċċji kondizzjonat fuq it-twettiq ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat tieħu inkonsiderazzjoni għal dan l-iskop, sa fejn ikun hemm bżonn, perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg u impjieg għar-ras imwettqa fi kwalunkwe Stat Membru, bħallikieku dawn kienu perjodi mwettqa taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra.”

10.      L-Artikolu 89 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Proċeduri speċjali għall-implimentazzjoni ta’ ċerti leġiżlazzjonijiet”, jistipula:

“Proċeduri speċjali għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta' ċerti Stati Membri jinsabu fl-Anness VI.”

11.      Il-punt N tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “l-Iżvezja” jistipula:

“1. Biex ikun japplika l-Artikolu 72 tar-Regolament, id-dritt ta’ persuna għall-benefiċċju ta’ ġenitur għandu jkun stabbilit billi jitqiesu l-perjodi ta’ assigurazzjoni magħmula fi Stat Membru ieħor, imsejsa fuq l-istess dħul medju bħal tal-perjodi ta’ assigurazzjoni Svediża li magħhom jingħaddu”.

B –    Il-liġi nazzjonali

12.      Is-Socialförsäkringslagen (il-liġi dwar is-sigurtà soċjali) (1999:799) tistipula:

“Titolu 3: Ħarsien tas-sigurtà soċjali

1.      Il-persuni kollha residenti fl-Isvezja għandhom ikunu assigurati għall-benefiċċji li ġejjin kif previst fil-Lagen om allmän försäkring (1962:381) (il-liġi dwar l-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali):

1.      rimbors għat-trattament mediku, eċċ., taħt il-Kapitolu 2 f’materji lil jikkonċernaw benefiċċji li huma preklużi mill-uffiċċju tas-sigurtà soċjali;

2.      allowance għall-ġenitur fl-iktar livell baxx u fl-iktar livell bażiku;

3.      allowance tal-mard u telf ta’ attività fil-forma ta’ benefiċċju ta’ garanzija; […]

L-Artikolu 4 – Il-persuni kollha impjegati fl-Isvezja għandhom ikunu assigurati għall-benefiċċji li ġejjin kif previst fil-Lagen om allmän försäkring (1962:381):

1.      allowance għal-leave tal-mard u allowance tal-maternità;

2.      allowance għall-ġenitur fuq l-iktar livell baxx u allowance okkażjonali tal-ġenituri;

3.      allowance għal-leave tal-mard marbut mad-dħul u l-benefiċċju għal telf ta’ attività marbut mad-dħul; […]”

13.      Skont il-Lagen om allmän försäkring (1962:381):

“Kapitolu 3. Allowance għal-leave tal-mard

L-Artikolu 2 – Il-bażi tad-dħul għall-allowance tal-leave tal-mard huwa d-dħul monetarju annwali li l-persuna assigurata hija mistennija li taqla’ sakemm jingħata avviż ieħor, għax-xogħol tiegħu jew tagħha fl-Isvezja, […]

Il-Kapitolu 4. L-allowance tal-ġenitur

Taqsima 6

L-allowance sħiħa tal-ġenitur ma għandhiex tkun inqas minn SEK 60 għal kull ġurnata (l-iktar livell baxx).

L-allowance tal-ġenituri għandha titħallas għall-ewwel 180 ġurnata f’ammont li huwa ekwivalenti għal-leave tal-mard tal-ġenitur, ikkalkulat kif stipulat fil-ħames paragrafu, jekk il-ġenituri, tal-inqas għal 240 ġurnata konsekuttiva qabel it-twelid tat-tarbija, kienu assigurati għal-leave tal-mard fuq l-iktar livell baxx, jew hekk kellhom ikunu li kieku l-uffiċċju tas-sigurtà soċjali kien konxju taċ-ċirkustanzi kollha. Madankollu, l-allowance tal-ġenitur għall-ewwel 180 ġurnata, għadha tal-inqas titħallas fil-livell ta’ SEK 150 kull ġurnata (il-livell bażiku) bħala allowance sħiħa tal-ġenitur.

[...]”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.      Elisabeth Bergström hija ċittadina Svediża. Hija kellha r-residenza tagħha fl-Isvizzera minn Jannar 1994 u kienet impjegata hemmhekk sakemm welldet lit-tifla tagħha fid-19 ta’ Marzu 2002. Il-familja ċċaqalqet għall-Isvezja fl-1 ta’ Settembru 2002. Żewġha immedjatament sab impjieg fl-Isvezja. E. Bergström ma daħlitx f’impjieg fl-Isvezja, u baqgħet mingħajr impjieg sabiex tkun tista’ tieħu ħsieb it-tifla tagħha. Hija applikat għall-allowance tal-ġenitur fil-livell tal-benefiċċju tal-leave tal-mard mis-16 ta’ Marzu 2003, ikkalkulat abbażi tad-dħul li hi kellha mill-impjieg fl-Isvizzera.

15.      L-Uffiċċju qies li E. Bergström ma kinitx intitolata għall-allowance tal-ġenitur fil-livell bażiku tal-benefiċċju tal-leave tal-mard bażiku, jiġifieri dak ta’ SEK 150 kull ġurnata. L-Uffiċċju kkonstata li, taħt ir-Regolament Nru 1408/71, perijodi ta’ assigurazzjoni magħmula fi Stati Membri oħra għandhom ukoll jintgħaddu sabiex ikun stabbilit jekk ir-rekwiżit tal-240 ġurnata jkunx ġie sodisfatt, imma l-aħħar ġurnata tar-rekwiżit tal-240 ġurnata trid tkun saret fl-Isvezja.

16.      E. Bergström appellat minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Länsrätten i Stockholms län (il-qorti distrettwali ta’ Stokkolma). Il-Länsrätten ċaħdet l-appell, primarjament għar-raġuni li l-allowance tal-ġenitur fil-livell tal-benefiċċju tal-leave tal-mard hija assigurazzjoni relatata ma’ impjieg.

17.      E. Bergström appellat quddiem il-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti tal-Appell, Stokkolma), li ċaħdet l-appell minħabba inammissibbiltà. E. Bergström appellat minn dik id-deċiżjoni quddiem ir-Regeringsrätten, li qalbet id-deċiżjoni u awtorizzat l-appell quddiem il-Kammarrätten. Dik il-qorti laqgħet l-appell ta’ E. Bergström li ddeċidiet li din kellha titqies li wettqet ir-rekwiżit tal-240 ġurnata permezz tal-perijodu tal-assigurazzjoni tagħha fl-Isvizzera, u li għandha tingħata leave ogħla mil-livell bażiku bbażat fuq l-impjieg preċedenti tagħha fl-Isvizzera. Il-Kammarrätten irriferiet, inter alia, għall-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 u għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Rockler (4) u Öberg (5).

18.      L-Uffiċċju appella mis-sentenza tal-Kammarrätten u talab li l-qorti tar-rinviju tannullaha u tirripristina s-sentenza tal-Länsrätten u d-deċiżjoni tal-Uffiċċju. E. Bergström opponiet l-appell imressaq mill-appellant.

19.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Uffiċċju issa jqis li l-perijodu ta’ kwalifikazzjoni jista’ jkun komplut permezz ta’ impjieg fi Stat Membru ieħor. Madankollu, l-Uffiċċju sostna li E. Bergström ma hijiex intitolata għall-allowance tal-ġenitur ta’ livell ogħla għaliex hija ma għandha l-ebda bażi ta’ dħul għall-benefiċċju tal-leave tal-mard. Il-bażi tad-dħul għall-allowance tal-leave tal-mard hija bbażata fuq il-preżunzjoni li l-iskema tas-sigurtà soċjali hija ffinanzjata permezz tad-dħul mill-impjieg fl-Isvezja, li fuqu huma imposti ħlasijiet stipulati bil-liġi. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ma japplikawx fir-rigward tal-Isvizzera. Is-sentenzi f’Rockler u Öberg jistgħu għalhekk ma jkunux applikati għall-każ preżenti kif għamlet il-Kammarrätten.

20.      E. Bergström issottomettiet illi ġenituri li kienu impjegati fl-Isvezja u, b’rabta mat-twelid ta’ tarbija, itemmu l-impjieg tagħhom, huma intitolati għall-allowance tal-ġenituri fil-livell tal-benefiċċju tal-leave tal-mard. L-istess regola għandha tapplika wkoll meta persuna tiċċaqlaq għall-Isvezja minn Stat Membru ieħor tal-UE jew minn pajjiż ieħor li għalih japplika r-Regolament Nru 1408/71.

21.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71, li jikkonċerna l-benefiċċji tal-familja u jipprovdi għall-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras ma huwiex ċar. It-titolu tal-Artikolu 72 jirreferi għall-“aggregazzjoni” ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni. Il-kliem tat-titolu jindika li l-artikolu japplika biss meta jkun hemm perijodu domestiku li jista’ jkun magħdud ma’ perijodu barra l-pajjiż. Madankollu, l-Artikolu 72 jirrikjedi li Stat Membru sempliċement “[j]ieħu inkonsiderazzjoni” perijodi ta’ assigurazzjoni fi Stat Membru ieħor. Il-kliem tal-artikolu jindika għalhekk li perijodi barra l-pajjiż għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu imma ma jagħti ebda appoġġ dirett għall-preżunzjoni li għandu jkun hemm ukoll perijodu ta’ assigurazzjoni domestiku.

22.      Fir-rigward tal-livell tal-benefiċċji, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 iqiegħed fuq l-istess livell ċerti perijodi ta’ żmien kompluti lokalment u barra mill-pajjiż, imma, madankollu, ma jirregolax sa liema punt dħul magħmul lokalment u barra l-pajjiż għandu jkun ekwiparat. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, flimkien mal-Artikolu 8 tal-Ftehim, jinkludi iktar dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament. Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex ċar jekk id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament japplikax ukoll fil-każ ta’ ħaddiema migranti li huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru (6) u jekk, taħt l-Artikolu 3(1), dħul magħmul fi Stat Membru ieħor għandux jiġi kkunsidrat bħala dħul magħmul lokalment fil-kalkolu ta’ benefiċċji tal-familja bbażati fuq id-dħul. Jekk huwa hekk, tqum il-kwistjoni jekk dan huwiex ukoll il-każ fir-rigward tal-Isvizzera, li għaliha ma japplikax it-Trattat.

23.      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regeringsrätten (l-Isvezja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Ftehim mal-Isvizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71, jista’ perijodu ta’ kwalifika għal benefiċċju tal-familja fil-forma ta’ benefiċċju għall-kura tat-tfal ibbażat fuq id-dħul jiġi kkompletat kollu kemm hu permezz ta’ impjieg u assigurazzjoni fl-Isvizzera?

2.      Skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-Ftehim mal-Isvizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-Artikoli 3(1) u 72 tar-Regolament Nru 1408/71, dħul magħmul fl-Isvizzera għandu jitqabbel ma’ dħul domestiku fid-determinazzjoni tad-dritt għal benefiċċju tal-familja fil-forma ta’ benefiċċju għall-kura tat-tfal ibbażat fuq id-dħul?”

IV – Il-proċedura

24.      Ġew ippreżentati sottomissjonijiet bil-miktub minn E. Bergström, il-Gvernijiet tal-Isvezja u tal-Finlandja u mill-Kummissjoni.

25.      Skont l-Artikolu 54a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali talbu lill-partijiet fil-kawża prinċipali, lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, jekk huma jkunu jixtiequ, dwar jekk huma jqisux li t-talba ta’ E. Bergström għall-benefiċċji tal-familja taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Kunsill intalbu sabiex fir-raġunament tal-osservazzjonijiet tagħhom jikkunsidraw inter alia l-fatti jew l-ipoteżi li E. Bergström hija ċittadina Svediża fl-Isvezja li għamlet it-talba rilevanti f’dak l-Istat Membru, l-Artikoli 1, 2, 8 u l-Anness II tal-Ftehim u d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fi Grimme (7).

26.      E. Bergström, il-Gvern tal-Isvezja u l-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-fomm matul is-seduta tal-4 ta’ Mejju 2011.

V –    Kwistjoni preliminari – l-applikabbiltà tal-Ftehim

27.      E. Bergström u l-Kummissjoni jikkunsidraw b’risposta għad-domanda li saret skont l-Artikolu 54a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-ftehim huwa applikabbli għall-fatti u għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Il-Gvern Svediż fir-risposta tiegħu kkonstata li s-sitwazzjoni ta’ E. Bergström ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Skont dak il-gvern, l-Artikoli 1 u 2 tal-Ftehim huma intiżi li jipproteġu ħaddiema migranti minn diskriminazzjoni fl-Istat fejn huma jaħdmu. Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ impjegat fl-Istat tal-oriġini tiegħu u s-sitwazzjoni tiegħu mar-ritorn f’dak l-Istat ma hijiex irregolata b’dak il-Ftehim. Dan huwa kkonfermat bl-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Ftehim li jistipula li impjegat li huwa ċittadin ta’ parti kontraenti ma jistax, minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu, ikun ittrattat fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra b’mod differenti minn impjegati ċittadini ta’ dak il-pajjiż. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fi Grimme (8) kkonstatat li l-ugwaljanza fit-trattament stipulata bl-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Ftehim ma tapplikax għat-trattament ta’ ċittadin ta’ parti kontraenti mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat

28.      Fil-fehma tiegħi, fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-Ftehim huwiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, huwa imperattiv li dak il-ftehim jiġi eżaminat fit-totalità tiegħu bl-annessi u l-protokolli għall-Ftehim li jifformaw parti integrali minnu (9) u li bl-ebda mod ma huma ta’ valur sekondarju. Minkejja dan, il-Ftehim madankollu jispeċifika u għalhekk jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tal-annessi tiegħu. Għalhekk, pereżempju, l-Artikolu 6 tal-Ftehim jistipula li d-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Parti Kontraenti għandu jkun iggarantit għal persuni li ma jkunux qegħdin isegwu attività ekonomika skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness I li għandu x’jaqsam ma’ persuni mhux attivi (10).

29.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Ftehim, li jiggarantixxi ugwaljanza fit-trattament għal persuni impjegati li huma ċittadini ta’ Stat Kontraenti fit-territorju ta’ Stat Kontraenti ieħor, u d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fi Grimme (11) li tirreferi parzjalment għal dik id-dispożizzjoni, ma humiex applikabbli għall-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Huwa evidenti mill-Artikolu 8 tal-Ftehim li huwa l-Anness II u mhux l-Anness I li huwa applikabbli għall-kwistjoni tal-koordinament ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Partijiet Kontraenti ta’ dak il-ftehim. Skont l-Artikolu 8a tal-Ftehim, il-Partijiet Kontraenti għandhom jirregolaw, skont l-Anness II, il-koordinament ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali bil-għan partikolari li jiżguraw li jingħata ugwaljanza fit-trattament.

30.      Barra minn hekk, għal kuntrarju ta’ E. Bergström, C. Grimme fil-fatt ma eżerċitax id-drittijiet mogħtija taħt il-Ftehim lil ċittadini ta’ Stati Membri sabiex inter alia jaħdmu u jirrisjedu fil-Konfederazzjoni Svizzera (12).

31.      Hija ġuridsprudenza stabbilita li l-Artikolu 1(1) tal-Anness II tal-Ftehim, dwar il-koordinament ta’ skemi tas-sigurtà soċjali jirrikjedi li l-partijiet kontraenti japplikaw bejniethom l-atti tal-Unjoni li qed isir riferiment għalihom, li jkunu fis-seħħ fid-data tal-iffirmar ta’ dak il-ftehim u kif emendati bis-Sezzjoni A ta’ dak l-anness. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dak l-anness, “il-frażi ‘Stat [M]embru(i)’ fl-atti li għalihom isir riferiment fis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandha tinftiehem li tinkludi l-Isvizzera, flimkien mal-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni.” Ir-Regolament Nru 1408/71 jissemma fis-Sezzjoni A tal-Anness II tal-Ftehim, intitolat ‘Atti li jsir riferiment għalihom’. Minn dan isegwi li, minbarra l-Istati Membri tal-UE, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti jkopru wkoll lill-Konfederazzjoni Svizzera (13).

32.      Ir-Regolament Nru 1408/71 kien adottat biex jikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-ikbar moviment liberu possibbli għal ħaddiema migranti. Dak l-iskop ma kienx jintlaħaq li kieku, bħala konsegwenza tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tagħhom, il-ħaddiema kellhom jitilfu l-vantaġġi tas-sigurtà soċjali ggarantiti lilhom mil-liġijiet ta’ Stat Membru, speċjalment meta dawn il-vantaġġi tas-sigurtà soċjali huma l-korrispettiv tal-kontribuzzjonijiet li huma jkunu ħallsu (14).

33.      Fil-fehma tiegħi, il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim, permezz tar-riferiment espress għar-Regolament Nru 1408/71 fis-Sezzjoni A tal-Anness II tal-Ftehim, riedu wkoll effettivament jiżguraw il-moviment ħieles għal ħaddiema migranti ġewwa t-territorji tal-Partijiet Kontraenti. Barra minn hekk, fil-fehma tieghi, l-għanijiet tal-Ftehim, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(a) ta’ dak il-ftehim dwar id-dritt, inter alia, ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għax-xogħol bħala persuni impjegati u d-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti u ċertament l-Artikolu 1(d) ta’ dak il-ftehim, b’mod partikolari l-għan li jikkonċerna kundizzjonijiet ta’ għajxien ugwali jkunu severament imfixkla jekk id-drittijiet mogħtija taħt il-Ftehim sempliċement kienu japplikaw b’mod limitat u maqtugħ meta ċittadin ta’ Parti Kontraenti jkun jinsab f’Parti Kontraenti oħra. L-għanijiet inkwistjoni u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni stipulat fl-Artikolu 2 tal-Ftehim jiġu kompromessi jekk ċittadini tal-UE, li jkunu eżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu tagħhom taħt il-Ftehim, ma jkunux jistgħu jinvokaw id-dispożizzjonijiet tiegħu mar-ritorn tagħhom fl-Istat Membru tagħhom.

34.      Għalhekk, jien tal-fehma li t-talba ta’ E. Bergström għall-benefiċċji tal-familja taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim, id-drittijiet u l-obbligi stipulati bir-Regolament Nru 1408/71 għandhom jingħataw effett ekwivalenti fir-relazzjonijiet bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Membri tal-UE.

VI – Kunsiderazzjonijiet

A –    L-ewwel domanda – fuq il-perijodu ta’ kwalifikazzjoni

35.      Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li skont il-liġi Svediża, sabiex wieħed ikun eliġibbli għall-allowance tal-ġenituri fil-livell tal-benefiċċju tal-leave għall-mard, huwa meħtieġ li jkun komplut perijodu minimu ta’ assigurazzjoni jew impjieg. Bl-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar jekk, skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71, il-perijodu inkwistjoni jistax ikun komplut fl-intier tiegħu permezz ta’ impjieg u assigurazzjoni fl-Isvizzera jew jekk kellux ikun hemm perijodu ta’ assigurazzjoni jew impjieg li jkun komplut fl-Isvezja. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra b’mod partikolari li l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex ċar fid-dawl tat-titolu tiegħu u Punt N(1) tal-Anness VI ta’ dak ir-regolament.

36.      Fis-sottomissjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, E. Bergström iddikjarat li skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71, il-perijodu inkwistjoni jista’ jkun komplut fl-intier tiegħu permezz ta’ impjieg u assigurazzjoni fl-Isvizzera. Applikazzjoni diretta tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 u applikazzjoni b’analoġija tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Öberg (15) u f’Rockler (16) jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tonqos milli tikkunsidra perijodi li fihom impjegat kien kopert bl-assigurazzjoni tal-mard ta’ Stat Membru ieħor jew leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi perijodu ta’ assigurazzjoni nazzjonali b’żieda ma’ perijodu ta’ assigurazzjoni barra l-pajjiż, ser tiskoraġġixxi ċittadini ta’ dak l-Istat Membru milli jitilqu u milli jeżerċitaw attività professjonali fi Stat Membru ieħor. Il-Gvern Svediż iqis fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li skont il-prinċipju tal-ugwaljanza, l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jkun interpretat li jfisser li perijodu ta’ assigurazzjoni jista’ jkun komplut fl-intier tiegħu fi Stat Membru ieħor jew fl-Isvizzera. Madankollu, fir-risposta tiegħu għad-domanda magħmula skont l-Artikolu 54a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u fis-sottomissjonijiet orali tiegħu, il-Gvern Svediż emenda s-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari magħmula u ddikjara li jqis li rekwiżit impost bil-liġi nazzjonali li perijodu ta’ assigurazzjoni għandu jkun komplut ukoll fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti huwa kompatibbli mal-Ftehim u l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71. Il-Gvern Finlandiż iqis li l-kliem u t-titolu tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 jirrikjedu l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras u għandhom ikunu interpretati bħala li ma jipprekludux li l-liġi ta’ Stat tkun tirrikjedi li jkun komplut perijodu partikolari ta’ assigurazzjoni jew impjieg skont dik il-leġiżlazzjoni sabiex joriġina d-dritt għal benefiċċji. Fit-talba tiegħu għal smigħ f’dan il-każ, il-Gvern tar-Renju Unit iddikjara li l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jirrikjedix li jkun hemm perijodu ta’ impjieg jew assigurazzjoni fl-istat fejn tkun saret l-applikazzjoni għall-benefiċċju. Matul is-seduta, dan il-gvern iddikjara li l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju għandha titwieġeb fin-negattiv u li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jimponu perijodu ta’ assigurazzjoni jew impjieg lokali skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71.

37.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan tiegħu li huwa li l-moviment liberu tal-persuni jingħata effett. Din l-interpretazzjoni tikkonforma mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Öberg u Rockler. L-Artikolu 8(c) tal-Ftehim jistipula li l-partijiet kontraenti għandhom jistabbilixxu regoli konformi mal-Anness II ta’ dak il-ftehim għall-koordinament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali bil-għan li jiżguraw l-aggregazzjoni tal-perijodi kollha li tqiesu minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti li, inter alia, jagħtu lok għal dritt għal benefiċċji. Skont l-Artikolu 1 tal-Anness II tal-Ftehim, il-partijiet jaqblu li japplikaw ċerti atti tal-UE inkluż ir-Regolament Nru 1408/71. Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim huma dispożizzjonijiet espressi li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (17) għandhom jiġu interpretati b’analoġija skont ir-regoli korrispondenti tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis, skont is-sentenzi Öberg u Rockler, li l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jkun interpretat li jfisser li perijodi kompluti fi Stat Membri ieħor ma għandhomx neċessarjament ikunu magħduda ma’ perijodi kompluti fl-Istat Membru fejn jintalab il-benefiċċju, inkella ċ-ċittadini tal-UE jkunu dissważi milli jeżerċitaw attività professjonali fi Stat Membru ieħor. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hemm bżonn ta’ perijodu ta’ assigurazzjoni jew impjieg fl-Isvezja, il-Kummissjoni tosserva li r-raġel ta’ E. Bergström’s beda jaħdem fl-Isvezja mill-1 ta’ Settembru 2002 u li huwa temm il-perijodu neċessarju skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Hoever u Zachow (18). Dik is-sentenza tipprovdi li l-benefiċċji tal-familja ma jistgħux, minħabba n-natura tagħhom stess, jitqiesu bħala dovuti lil individwu indipendentement mis-sitwazzjoni familjari tiegħu. Meta l-għoti ta’ benefiċċju huwa maħsub sabiex jgħin familja tlaħħaq mal-ispejjeż tal-familja, l-għażla tal-ġenitur li għandu jirċievi l-allowance ma għandha l-ebda importanza.

38.      Huwa paċifiku li l-benefiċċji pprovduti bil-liġi Svediża inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma “benefiċċji tal-familja” skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (19).

39.      Filwaqt li Stat Membru huwa intitolat, skont il-prinċipju li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet dwar l-għoti ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali, li jistipula perijodu ta’ kwalifikazzjoni għall-akkwist ta’ dritt għal benefiċċju tal-familja, l-Artikolu 48(a) TFUE jistipula l-prinċipju tal-aggregazzjoni ta’ ċerti perijodi li għandhom jitqiesu mill-Istati Membri. Dan il-prinċipju huwa implementat fil-kuntest preżenti bl-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja. Il-prinċipju tal-aggregazzjoni huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi li jirregola l-koordinazzjoni tal-Unjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, fejn l-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu mogħti mit-Trattat ma jkollux l-effett li jċaħħad lil ħaddiem mill-vantaġġi ta’ sigurtà soċjali li huwa seta’ jibbenefika minnhom kieku għadda l-karriera tiegħu kollha fi Stat Membru wieħed. Konsegwenza bħal din tista’ tiskoraġġixxi lill-ħaddiema Komunitarji milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu u għalhekk tikkostitwixxi ostaklu għal dik il-libertà (20).

40.      L-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71, li huwa intitolat “[a]ggregazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras (self-employment)”, jistipula li fejn Stat Membru jagħmel l-akkwist tad-dritt għall-benefiċċji suġġett għall-kundizzjoni ta’ twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras, dawn il-perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg u impjieg għar-ras imwettqa fi kwalunkwe Stat Membru għandhom jitqiesu bħallikieku kienu kompluti fl-ewwel Stat Membru. Fil-fehma tiegħi, għalkemm l-użu tal-kelma ‘aggregazzjoni’ (21) fit-titolu tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 jista’ fl-astratt jagħti lok għall-ambigwità billi possibbilment jimplika, kif kien osservat mill-qorti tar-rinviju, rekwiżit tal-għadd ta’ żewġ perijodi rilevanti jew iktar fi Stati Membri differenti u b’hekk jeskludi perijodu wieħed ikkompletat fi Stat Membru wieħed li ma jkunx l-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti, il-kliem ċar tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 innifisu ma jħalli l-ebda skop għall-ambigwità u bl-ebda mod ma jsostni l-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni li ġiet avvanzata mill-Gvernijiet tal-Isvezja, tal-Finlandja u tar-Renju Unit.

41.      Interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 issostni b’mod ċar il-konstatazzjoni li meta l-perijodu rilevanti jkun ikkompletat fl-intier tiegħu fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-istituzzjoni kompetenti, dan għandu jitqies bħala ekwivalenti għall-perijodu kompletat fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti (22) u li t-tlestija ta’ dan il-perijodu waħdu jista’ jagħti lok għal drittijiet fl-Istat Membru l-ieħor. Il-kliem ċar tal-Artikolu 72 ma jippermettix li l-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti jeżiġi kundizzjonijiet addizzjonali oħra li jkunu jirrikjedu perijodu domestiku ta’ assiġurazzjoni.

42.      Jien tal-fehma wkoll li l-Punt N(1) tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71 li jikkonċerna l-Isvezja, li jistipula fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 72 ta’ dak ir-regolament, li d-dritt ta’ persuna għall-benefiċċju tal-ġenituri għandu jkun stabbilit billi perijodi ta’ assigurazzjoni kompluti fi Stat Membru ieħor jitqiesu li huma bbażati fuq l-istess dħul medju bħall-perijodi ta’ assigurazzjoni Svediżi li jkunu aggregati magħhom, ma jistax jiġi interpretat li jfisser li perijodu ta’ assigurazzjoni jew impjieg fl-Isvezja jista’ jkun meħtieġ mil-liġi Svediża sabiex wieħed ikun jista’ jakkwista dritt għall-benefiċċji tal-familja. Fil-fehma tiegħi, huwa ċar mill-formulazzjoni tal-Punt N(1) tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71 li dan japplika flimkien mal-Artikolu 72 ta’ dak ir-regolament. Barra minn hekk, jiena nqis li l-Punt N(1) tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistipulax jew saħansitra jissuġġerixxi li perijodu ta’ assiġurazzjoni fl-Isvezja huwa mandatorju. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, il-Punt N(1) tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71 huwa rilevanti biss meta fil-fatt ikun hemm żewġ perijodi ta’ assigurazzjoni rilevanti fir-rigward ta’ persuna, wieħed fl-Isvezja u ieħor fi Stat Membru ieħor. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Punt N(1) tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71 jistipula regoli speċifiċi għall-Isvezja fir-rigward tad-dħul li abbażi tiegħu huwa stabbilit id-dritt ta’ persuna għal benefiċċju tal-ġenituri. Għalhekk, jiena nqis li l-Punt N(1) tal-Anness VI tar-Regolament Nru1408/71 ma huwiex rilevanti għall-fatti fil-kawża prinċipali.

43.      Barra minn hekk, minbarra l-interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1408/71, inqis li l-approċċ imsemmi iktar ’il fuq huwa sostnut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-għanijiet u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim. Il-Qorti tal-Ġustizzja f’Öberg (23) u Rockler (24) ikkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tqisx, għall-finijiet ta’ kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju tal-ġenituri, il-perijodi ta’ impjieg imwettqa taħt l-Iskema Konġunta tal-Assigurazzjoni għall-Mard tal-Komunitajiet Ewropej tista’ tiddiswadi liċ-ċittadini ta’ Stat Membru milli jitilqu minn dan l-Istat sabiex jeżerċitaw attività professjonali fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor peress illi, billi jaċċettaw impjieg ma’ tali istituzzjoni, huma jitilfu l-possibbiltà li jibbenefikaw, taħt l-iskema nazzjonali tal-assigurazzjoni kontra l-mard, minn benefiċċju tal-familja li huma kien ikollhom dritt għalih kieku ma kinux aċċettaw dan l-impjieg. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni Svediża dwar benefiċċji tal-ġenituri inkwistjoni fil-kawżi Öberg (25) u Rockler (26) ġiet iddikjarata bħala li tammonta għal ostakolu għall-moviment liberu ta’ ħaddiema skont l-Artikolu 39 KE (issa l-Artikolu 45 TFUE). Fil-fehma tiegħi, ir-raġunament inerenti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk il-kawżi ma jistax jiġi limitat, kif ġie sostnut mill-Gvern tar-Renju Unit waqt is-smigħ, għall-fatti speċifiċi dojoq tagħhom u għalhekk għal sitwazzjonijiet li jikkonċernaw lil persuni li qabel kienu impjegati ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Is-sentenzi f’dawk il-kawżi jenfasizzaw il-prinċipju tal-aggregazzjoni stipulat fl-Artikolu 48(a) TFUE (27) li jirrikjedi li, bħala regola, għall-iskopijiet inter alia biex ikun akkwistat id-dritt għal benefiċċju tas-sigurtà soċjali pprovdut minn Stat Membru, perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras kompletati minn ħaddiem migrant fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu ttrattati bħala totalment ekwivalenti għal perijodi kompletati fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti. Fil-fehma tiegħi, eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju fil-kuntest ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali għandhom ikunu espressament stipulati b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea (28). Fl-eventwalità ta’ ambigwità, jiena tal-fehma li l-prinċipju tal-aggregazzjoni għandu jipprevali.

44.      Għalhekk jidher, skont l-Artikoli 45 u 48(a) TFUE u r-r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Öberg u f’Rockler, li l-perijodi rilevanti ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 jistgħu jkunu kompletati fl-intier taghhom permezz ta’ impjieg u assigurazzjoni fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti. Rekwiżit li perijodu ta’ assigurazzjoni jew impjieg ikun ikkompletat fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti (29) jista’ jiddiswadi ċittadin ta’ dak l-Istat Membru milli jitlaq mill-pajjiż tal-oriġini tiegħu sabiex jeżerċita l-moviment liberu tiegħu (30).

45.      Madankollu, kif ġie osservat mill-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rigward is-suq intern ma tistax tiġi awtomatikament applikata b’analoġija għall-interpretazzjoni tal-Ftehim, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet espressi f’dan is-sens stipulati bil-Ftehim innifsu (31). Għalhekk, it-tilwima fil-kawża prinċipali għandha tkun analizzata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Ftehim.

46.      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tiġi kkunsidrata bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (32). Għalhekk l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 ikopri l-Konfederazzjoni Svizzera.

47.      Fil-fehma tiegħi, filwaqt li s-sentenzi fil-kawżi Öberg u Rockler huma bbażati fuq l-Artikolu 39 KE (issa l-Artikolu 45 TFUE) u għalhekk ma humiex direttament applikabbli fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-qorti tar-rinviju, jiena naħseb li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk il-kawżi flimkien mal-prinċipju tal-aggregazzjoni kif stipulat inter alia bl-Artikolu 48(a) TFUE u l-ġurisprudenza dwaru għandhom japplikaw mutatis mutandis għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Tali applikazzjoni hija neċessarja sabiex jingħata effett konkret għall-għanijiet tal-Ftehim dwar il-moviment liberu ta’ persuni, b’mod partikolari dawk stabbiliti bl-Artikolu 1(a) u 1(d) tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li fl-Artikolu 8(c) tal-Ftehim hemm riferiment espliċitu għall-prinċipju tal-aggregazzjoni fil-kuntest li jiġu żgurati u jinżammu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali.

48.      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jiena tal-fehma li l-għanijiet tal-Ftehim ikunu severament kompromessi jekk perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ impjieg għar-ras kompletati fl-Isvizzera, li f’dan il-każ jidhru li kienu pjuttost fit-tul (33), ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mal-wasla lura tal-individwu fl-UE sabiex jakkwista d-dritt għal benefiċċji tal-familja sakemm il-perijodi rilevanti kompletati fl-Isvizzera ma jkunux magħduda ma’ xi perijodu minimu ipotetiku ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti.

49.      Għalhekk jien tal-fehma li skont l-Artikoli 1 u 8 tal-Ftehim u l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 meta, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, l-akkwist ta’ dritt għal benefiċċji tal-familja jkun suġġett għall-kundizzjoni ta’ twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni għal dan l-iskop perijodu ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras imwettaq fl-intier tiegħu fl-Isvizzera.

B –    It-tieni domanda – fuq il-livell ta’ benefiċċji

50.      Bit-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont il-Ftehim u l-Artikoli 3(1) u 72 tar-Regolament Nru 1408/71, persuna li, qabel ma tkun ħadet il-leave parentali, kienet impjegata fl-Isvizzera u għalhekk ma kellha ebda bażi ta’ dħul għall-benefiċċju tal-leave tal-mard fl-Isvezja, tista’ xorta waħda tkun intitolata għall-benefiċċju tal-leave tal-ġenituri fil-livell tal-benefiċċju tal-leave tal-mard abbażi tad-dħul tagħha fl-Isvizzera.

51.      L-għan tar-Regolament Nru 1408/71, kif stipulat fit-tieni u fir-raba’ premessi tiegħu, huwa li jiżgura l-moviment liberu tal-ħaddiema impjegati u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġu osservati l-karatteristiċi ta’ kull waħda mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali. Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta mill-ħames, is-sitt u l-għaxar premessi, dan ir-regolament isegwi l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti u għandu bħala għan li jiggarantixxi bl-aħjar mod l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u mhux li jippenalizza l-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu (34).

52.      Kif indikat mill-qorti tar-rinviju u mill-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 1408/71 jinkludi regoli speċifiċi għall-kalkolu ta’ ċerti tipi ta’ benefiċċji. Madankollu, għall-kuntrarju ta’, pereżempju, l-Artikoli 23, 47, 58 u 68 tar-Regolament Nru 1408/71 li jikkonċernaw il-kalkolu ta’ benefiċċji tal-mard u maternità, pensjonijiet tax-xjuħija u tal-invalidità, inċidenti waqt ix-xogħol, mard okkupazzjonali u qgħad, ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika ta’ dak ir-regolament li tirregola l-kalkolu ta’ benefiċċji tal-familja li hija applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (35).

53.      Il-Gvernijiet tal-Isvezja u tal-Finlandja u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ikunu kkalkulati b’analoġija mal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1408/71 li jittratta l-kalkolu ta’ benefiċċji fi flus kontanti rigward mard u maternità abbażi tad-dħul medju. Il-Gvernijiet tal-Isvezja u tal-Finlandja jqisu li għal dan il-għan huwa biss id-dħul magħmul fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti li għandu jiġi kkunsidrat. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jeżisti prinċipju ġenerali li dħul magħmul fi Stat Membru ieħor ma huwiex ikkunsidrat meta jiġu kkalkulati l-benefiċċji. Madankollu, jekk l-awtoritajiet Svediżi kellhom iħallsu lil E. Bergström benefiċċji tal-ġenituri fil-livell bażiku biss huma jkunu qegħdin jittrattaw b’mod mhux ugwali lil ħaddiema migranti meta mqabbla ma’ dawk li baqgħu fl-Isvezja. Sabiex tkun eliminata dik id-diskriminazzjoni, għandu jintuża bħala bażi għall-kalkolu inkwistjoni d-dħul medju ta’ persuna li teżerċita l-istess professjoni u bl-istess kwalifiki ta’ E. Bergström.

54.      Fil-fehma tiegħi, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika fil-Kapitolu 7 tar-Regolament Nru 1408/71 li jirregola l-kalkolu ta’ benefiċċji tal-familja u għalhekk kwalunkwe regola ta’ koordinament dwar dan, il-benefiċċji tal-familja inkwistjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-liġi tal-Istat Membru kompetenti, sakemm il-kundizzjonijiet li jkunu adottati ma jagħtux lok għal diskriminazzjoni evidenti jew moħbija bejn ħaddiema tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jirregolaw il-kalkolu tal-benefiċċju huma applikabbli, sakemm dawn jikkonformaw mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71.

55.      Il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Svediż huma tal-fehma li l-Artikolu 3(1) tar-Regolamet Nru 1408/71 sempliċement jipprova jiżgura li ċittadini barranin li għalihom japplika r-regolament, ikollhom l-istess drittijiet u obbligi bħaċ-ċittadini ta’ Stat Membru. Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex ċar jekk id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament japplikax ukoll fil-każ ta’ ħaddiema miġranti li huma ċittadini ta’ Stat Membru (36), u jekk, skont l-Artikolu 3(1), dħul magħmul fi Stat Membru ieħor għandux jiġi kkunsidrat bħala dħul magħmul lokalment fil-kalkolu ta’ benefiċċji tal-familja bbażati fuq id-dħul. Jekk huwa hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex ukoll il-każ fir-rigward tal-Isvizzera, li fir-rigward tagħha t-Trattat ma japplikax. Il-Gvern Svediż huwa tal-fehma li l-Istati Membri jistgħu japplikaw trattatament inqas favorevoli għaċ-ċittadini tagħhom milli għal ċittadini oħra tal-UE.

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Petit (37) iddikjarat li r-regoli dwar il-moviment liberu u r-Regolament Nru 1408/71, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li huma ristretti minn kull aspett għal Stat Membru wieħed. Fil-fehma tiegħi, huwa ċar mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-fatti fil-kawża prinċipali ma jiffurmawx sitwazzjoni purament interna mingħajr fattur li jorbothom ma’ xi sitwazzjoni rregolata bid-dritt tal-Unjoni u li huma ristretti minn kull aspett rilevanti għal Stat Membru wieħed (38).

57.      Fil-fatt, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif implementat fil-qasam tas-sigurtà soċjali bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-benefiċjarji tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal effettivament għall-istess riżultat (39).

58.      Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati bħala indirettament diskriminatorji meta, minkejja li huma applikabbli mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, jaffettwaw essenzjalment jew fil-biċċa l-kbira tagħhom lill-ħaddiema migranti, meta l-kundizzjonijiet japplikaw mingħajr distinzjoni iżda jistgħu jiġu sodisfatti iktar faċilment mill-ħaddiema nazzjonali milli mill-ħaddiema migranti, jew meta hemm riskju li joperaw, b’mod partikolari, għad-dannu ta’ dawn tal-aħħar (40). Ma hemmx bżonn, f’dan ir-rigward, li jiġi stabbilit li d-dispożizzjoni inkwistjoni taffettwa, fil-prattika, proporzjon sostanzjalment iktar sinjifikattiv ta’ ħaddiema migranti. Huwa biżżejjed li jkun possibbli li din jista’ jkollha dan l-effett (41).

59.      Dan ikun differenti biss meta dawn id-dispożizzjonijiet huma ġġustifikati kemm minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati kif ukoll ipproporzjonati għall-għan leġittimu mfittex mid-dritt nazzjonali (42).

60.      Fil-fehma tiegħi, mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Borawitz (43), joħroġ ċar li l-fatt li l-applikant għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali jkun ċittadin tal-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti ma jeskludix neċessarjament l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għaċ-ċirkustanzi tiegħu sakemm ikun stabbilit li ċittadini ta’ Stati Membri oħra, jew f’dan il-każ anki tal-Isvizzera, x’aktarx li jkunu affettwati iktar jew li x’aktarx li jkunu affettwati fi grad ikbar minn ċittadini tal-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti (44).

61.      Fil-fehma tiegħi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li effettivament tistipula li sabiex ikunu akkwistati benefiċċji tal-ġenituri li jikkorrispondu għal-livell ta’ benefiċċju tal-leave tal-mard u li jkun ogħla mil-livell tal-ammont bażiku, huwa biss id-dħul magħmul fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti (l-Isvezja) li jista’ jkun ikkunsidrat, tirriskja li primarjament tqiegħed fi żvantaġġ lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra u tal-Isvizzera għax ir-rekwiżit li tagħmel dħul fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti (l-Isvezja) u li tkun assigurat għall-benefiċċju tal-leave tal-mard fil-livell l-iktar baxx, probabbilment li jkun sodisfatt b’mod iktar faċli minn ċittadini tal-aħħar stat (ċittadini Svediżi).

62.      Barra minn hekk, legiżlazzjoni bħal din iddgħajjef l-istess għanijiet tal-moviment liberu ta’ persuni u l-ugwaljanza fil-kundizzjonijiet ta’ għajxien stipulati fl-Artikolu 1(a) u (d) tal-Ftehim flimkien mar-regola speċifika sabiex jiġi żgurat l-ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tas-sistemi tas-sigurtà soċjali previsti fl-Artikolu 8(a) ta’ dak il-ftehim. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 8(a) tal-Ftehim jipprova jiżgura li persuni li jagħmlu użu mid-dritt tal-moviment liberu ma għandhomx ikunu ddiskriminati meta mqabbla ma’ ħaddiema oħra f’sitwazzjonijiet paragunabbli li ma jkunux għamlu użu minn tali drittijiet (45).

63.      Skont il-leġiżlazzjoni Svediża inkwistjoni, ħaddiema migranta bħal E. Bergström qed tirriskja li tirċievi ammont ta’ benefiċċju tal-familja inqas milli kieku kienet tirċievi li kieku ma eżerċitatx id-dritt tagħha tal-moviment liberu taħt il-Ftehim. Minn kif jidher mid-digriet tar-rinviju, E. Bergström tirċievi benefiċċju tal-ġenituri fil-livell bażiku, filwaqt li ħaddiema f’ċirkustanzi ekwivalenti li jaħdmu fl-Isvezja huma intitolati għal dak il-benefiċċju kkalkulat skont il-bażi tad-dħul tagħhom għal benefiċċju tal-leave tal-mard.

64.      Fil-fehma tiegħi sabiex tkun irrimedjata d-diskriminazzjoni inkwistjoni ma huwiex meħtieġ, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva speċifika tal-Unjoni dwar dan, li l-familja ta’ E. Bergström tingħata benefiċċji fil-livell ta’ benefiċċji tal-mard ikkalulati abbażi tad-dħul tagħha fl-Isvizzera. L-obbligu li tkun irrimedjata d-diskriminazzjoni sempliċement ifisser li l-benefiċċji tal-familja ta’ E. Bergström għandhom ikunu l-istess bħalma kienu jkunu li kieku hija ma eżerċitatx id-dritt tagħha ta’ moviment liberu u baqgħet fl-Isvezja (46). Jien għalhekk tal-fehma li l-livelli ta’ dħul fl-Isvezja għandhom jittieħdu bħala komparatur jew bħala punt ta’ riferiment (47). F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ammont ta’ benefiċċju tal-familja fil-livell ta’ benefiċċju tal-leave tal-mard għandu jkun ikkalkulat b’riferiment għad-dħul ta’ ħaddiema fl-Isvezja fi professjoni paragunabbli, u b’esperjenza u kwalifiki paragunabbli.

65.      Waqt is-seduta, il-Gvern Svediż iddikjara li sakemm il-benefiċċji tal-ġenituri fil-livell ta’ leave tal-mard ma jkunux reletati ma’ kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni attwali, il-bilanċ fis-sistema tas-sigurtà soċjali Svediża jkun serjament imhedded (48). Minbarra l-fatt li allegazzjoni bħal din hija ġenerali żżejjed u hija għal kollox nieqsa minn kwalunkwe evidenza li hemm xi riskju li jkun kompromess il-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali Svediża, l-eżistenza ta’ tali riskju tkun diffiċli li tkun stabbilita peress li huwa ċar mid-digriet tar-rinviju li l-ammont ta’ benefiċċji tal-ġenituri pagabbli f’ċirkustanzi bħal dawn huwa suġġett għal limitu statutorju u huwa pagabbli għal perijodu limitat ta’ żmien biss.

66.      Nosserva li l-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni ssuġġerew fil-qosor quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-dħul tal-konjuġi ta’ E. Bergström jista’ jkun użat bħala l-bażi tal-istima tal-ammont ta’ benefiċċju tal-ġenituri inkwistjoni (49). Filwaqt li nikkunsidra li possibbiltà bħal din ma tistax tkun eskluża, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina dan il-punt ipotetiku peress li din il-kwistjoni ma tqajmitx b’mod ċar fid-digriet tar-rinviju u, fin-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-materja, indikazzjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak ir-rigward ikunu pjuttost spekulattivi.

67.      Għalhekk jien nikkunsidra li l-Ftehim u l-Artikoli 3(1) u 72 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jirrikjedux, sabiex ikun iddeterminat id-dritt għal benefiċċju tal-familja fil-forma ta’ benefiċċju bbażat fuq id-dħul għall-kura tat-tfal, li dħul magħmul fl-Isvizzera jiġi kkunsidrat bħala dħul domestiku iżda pjuttost li l-livelli ta’ dħul fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti għandhom jitqiesu bħala komparatur jew bħala punt ta’ riferiment. Il-qorti nazzjonali, fil-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju tal-familja fil-livell tal-benefiċċju tal-leave tal-mard għandha tuża bħala riferiment id-dħul ta’ ħaddiem f’dak l-Istat Membru fi professjoni paragunbabbli, b’esperjenza u kwalifiki professjonali paragunabbli.

VII – Konklużjoni

68.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mir-Regeringsrätten (l-Isvezja) bil-mod kif ġej:

1.      Skont l-Artikoli 1 u 8 tal-Ftehim bejn l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles ta’ persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (“il-Ftehim”) u l-Artikolu 72 tal-Anness VI tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati [, għall-persuni li jaħdmu għal rashom] u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2001, meta, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, l-akkwist ta’ dritt għal benefiċċji tal-familja jkun suġġett għall-kundizzjoni ta’ twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni għal dan l-iskop perijodu ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras imwettaq fl-intier tiegħu fl-Isvizzera.

2.      Il-Ftehim u l-Artikoli 3(1) u 72 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jirrikjedux, sabiex ikun iddeterminat id-dritt għal benefiċċju tal-familja fil-forma ta’ benefiċċju bbażat fuq id-dħul għall-kura tat-tfal, li dħul magħmul fl-Isvizzera jiġi kkunsidrat bħala dħul domestiku iżda pjuttost li l-livelli ta’ dħul fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti għandhom jitqiesu bħala komparatur jew bħala punt ta’ riferiment. Il-qorti nazzjonali, fil-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju tal-familja fil-livell tal-benefiċċju tal-leave tal-mard għandha tuża bħala riferiment id-dħul ta’ ħaddiem f’dak l-Istat Membru fi professjoni paragunbabbli, b’esperjenza u kwalifiki professjonali paragunabbli.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Kif ġiet emendata l-aħħar lok bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, u (KEE) Nru 574/72 li jsemmi l-proċedura għat-twettiq tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 129).


3 – L-Anness II jittratta l-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali.


4 – Kawża C‑137/04 Ġabra p. I‑1441.


5 – Kawża C‑185/04 Ġabra p. I‑1453.


6 – Sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Klöppel (Kawża C‑507/06, Ġabra p. I‑943, punti 17 u 18).


7 – Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2009 (Kawża C‑351/08, Ġabra p. I‑10777).


8 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


9 – Ara l-Artikolu 15 tal-Ftehim.


10 – Ara wkoll, pereżempju, l-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar id-dritt ta’ residenza u aċċess għal attività ekonomika u l-Artikolu 7 dwar drittijiet oħra.


11 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


12      Id-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Grimme kienet dwar jekk C. Grimme, ċittadin Ġermaniż u direttur maniġerjali ta’ fergħa Ġermaniża ta’ kumpannija Svizzera, kienx obbligat li jkun membru tal-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja. Il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċiali tal-Ġermanja jistabbilixxi eżenzjoni għall-membri ta’ bord maniġerjali ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata milli jissieħbu fl-iskema statutorja għall-assigurazzjoni tal-pensjoni. Ir-raġunament tal-każ fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa bbażat fuq id-dritt limitat tal-istabbiliment ta’ persuni legali u l-libertà li tipprovdi s-servizzi stabbiliti fil-Ftehim. Madankollu, C. Grimme sostna wkoll li, bħala ħaddiem impjegat, l-isħubija obbligatorja fl-iskema statutorja kienet tammonta għall-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ impjegati ggarantit bl-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Ftehim inkwantu membri ta’ bordijiet maniġerjali ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitati irregolati bil-liġi Ġermaniża huma eżenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Ftehim, li jiggarantixxi ugwaljanza fit-trattament ta’ persuni impjegati li huma ċittadini ta’ parti kontraenti fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra, jikkonċerna biss il-każ ta’ diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità kontra ċittadin ta’ parti kontraenti fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-pożizzjoni ta’ C. Grimme bħala membru tal-bord maniġerjali ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitat irregolata bil-liġi Svizzera, ma kienet ta’ ebda rilevanza fir-rigward tal-kwistjoni tad-diskriminazzjoni. Ara l-punti 46 sa 49 (kawża ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7).


13 – Ara sentenza tat-18 ta’ Novembre 2010, Xhymshiti (Kawża C‑247/09, Ġabra p. I‑11845, punti 31 sa 33). Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Schwemmer (C‑16/09, Ġabra p. I‑9717, punt 32).


14 – Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1986, Spruyt (Kawża 284/84, Ġabra 685, punti 18 u 19).


15 – Iċċitatata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


16 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


17      Sentenzi Grimme, diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7; tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest (C‑541/08, Ġabra p. I‑1025) u tal-15 ta’ Lulju 2010, Hengartner u Gasser (C‑70/09 Ġabra p. I‑7233).


18 – Sentenza tal-10 ta’ Ottubru 1996 (Kawżi Maqgħuda C‑245/94 u C‑312/94, Ġabra p. I‑4895, punt 37).


19 – Fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi (Kawża C-275/96, Ġabra p. I‑3419, punt 57), il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet mill-ġdid il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li benefiċċju jista’ jitqies bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali għall-iskopijiet tar-Regolament Nru 1408/71 meta jingħata, mingħajr l-ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, lil benefiċjarji abbażi ta’ pożizzjoni legalment definita u sakemm dan jikkonċerna wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-liġi Svediża li jikkonċernaw l-għoti ta’ benefiċċji tal-ġenituri jagħti dritt legalment iddefinit lil benefiċjarji u li dak il-benefiċċju huwa mogħti lil persuni li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonarja tal-bżonnijiet personali tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-benefiċċju inkwistjoni huwa maħsub li jagħmilha possibbli għal wieħed mill-ġenituri li jiddedika lilu nnifsu jew lilha nnifisha għat-trobbija ta’ tifel jew tifla żgħar, u huwa mfassal, b’mod aktar speċifiku, sabiex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż l-oħra għall-kura u għat-trobbija tat-tifel jew tifla u, skont il-każ, sabiex itaffi l-iżvantaġġi finanzjarji involuti meta jintilef dħul minn attività ta’ xogħol. Il-benefiċċju għalhekk tqis bħala benefiċċju tal-familja skont it-tifsira tal-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71. Ara wkoll il-punti 58 sa 60.


20 – Ara b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Salgado Alonso (Kawża C‑306/03, Ġabra p. I‑705, punti 28 u 29). Ara wkoll is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Tomaszewska (Kawża C‑440/09 Ġabra p. I‑1033, punti 30 u 31).


21 – Bil-Franċiż “totalisation”: l-istess kelma kif inkluża fl-Artikolu 48(a) TFUE.


22 – Ara b’kuntrast, sempliċement bħala paragun f’dik li hija teknika tal-formulazzjoni, l-Artikolu 67(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1408/71.


23 – Ara l-punt 16 (kawża ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5).


24 – Ara l-punt 19 (kawża ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


25 – Ara l-punt 17.


26 – Ara l-punt 20.


27 – Li kien adottat sabiex ikun żgurat il-prinċipju tal-moviment liberu ta’ ħaddiema stipulat fl-Artikolu 45 TFUE.


28 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Nru 1408/71 li jikkonċerna l-każ speċifiku ta’ benefiċċji tal-qgħad.


29 – Jekk rekwiżit bħal dan kien impliċitu, kuntrarju għall-kliem ċar tad-dispożizzjoni inkwistjoni u għalhekk, fil-fehma tiegħi, ir-rieda espressa u mhux ambigwa tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, dan iqajjem il-kwistjoni dwar it-tul ta’ żmien minimu tal-perijodu rilevanti ta’ assigurazzjoni fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti. Mid-digriet tar-rinviju jidher li l-Uffiċċju kkunsidra li l-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati fi Stati Membri oħra setgħu jiġu inklużi fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-240 ġurnata rikjesti għall-benefiċċju tal-ġenituri fl-Isvezja kinux ġew ikkompletati, bil-kundizzjoni li l-aħħar ġurnata tal-240 ġurnata rikjesta kienet ikkompletata fl-Isvezja.


30 – Ara Öberg (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5), punt 15, u Rockler (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 18.


31 – Ara Grimme (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), u Fokus Invest (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17).


32 – Ara l-punti 31 sa 33 iktar ’il fuq.


33 – Ara l-punt 14 iktar ’il fuq.


34 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski (Kawża C‑493/04, Ġabra p. I‑2369, punt 19).


35 – Fid-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li huwa paċifiku li Elisabeth Bergström ma hijiex koperta bl-Artikoli 71(1)(a)(ii), 71(1)(b)(ii) u 72a tar-Regolament Nru 1408/71.


36 –      Ara Klöppel (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 17 u 18).


37 – Sentenza tat-22 ta’ Settembru 1992 (Kawża C-153/91, Ġabra p. I‑4973, punt 10).


38 – Sentenza tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement Wallon (Kawża C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 33). Hija ġurisprudenza stabbilita li kull ċittadin ta’ Stat Membru, irrispettivament mill-post tar-residenza tiegħu u miċ-ċittadinanza tiegħu, li jkun eżerċita d-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li jkun impjegat fi Stat Membru ieħor, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE. Ara, b’mod partikolari f’dan is-sens is-sentenza tat-23 ta’ Frar 1994, Scholz (Kawża C‑419/92, Ġabra I‑505, punt 9), u s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann (Kawża C‑212/05, Ġabra p. I‑6303, punt 17).


39 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Celozzi (Kawża C‑332/05, Ġabra p. I‑563, punti 13 u 23) u Klöppel (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 17).


40 – Celozzi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 24) u Klöppel (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 18).


41 – Sentenza tat-28 ta’ April 2004, Öztürk (Kawża C‑373/02, Ġabra p. I‑3605, punt 57).


42 – Celozzi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 25).


43 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2000 (Kawża C‑124/99, Ġabra p. I‑7293).


44 – Ara wkoll Klöppel (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 17 sa 22).


45 – F’dan ir-rigward, jien nirrileva li l-kliem tal-Artikolu 8(a) tal-Ftehim meta jfisser l-għan li jkun żgurat l-ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-koordinament ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali huwa wiesa’ ħafna u ma jirrigwardax direttament id-diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità.


46 – Ara b’analoġija s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 1996, Lafuente Nieto (Kawża C-251/94, Ġabra I‑4187, punt 39); is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1997, Naranjo Arjona et (Kawżi Maqgħuda C‑31/96 sa C‑33/96, Ġabra p. I‑5501, punt 21); is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Grajera Rodríguez (Kawża C‑153/97, Ġabra p. I‑8645, punt 18) u s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Nemec (Kawża C‑205/05, Ġabra p. I‑10745, punt 41). Il-każijiet iċċitati hawn fuq huma bbażati fuq l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1408/71. Nosserva li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1408/71 huma simili ħafna għal dawk tal-Artikolu 58(1) tiegħu.


47 – Ara b’analoġija l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tas-27 ta’ April 2006 f’Nemec (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46).


48 – Huwa ċar mid-digriet tar-rinviju li l-Uffiċċju sostna fil-proċedimenti prinċipali li l-fatt li l-benefiċċju fuq dħul mill-impjieg f’pajjiż ieħor li dwaru ma jinġabrux kontribuzzjonijiet soċjali fl-Isvezja qed iservi ta’ bażi ser jikkomprometti l-finanzjament tas-sistema tas-sigurtà soċjali.


49 – Ara wkoll il-punt 37 iktar ’il fuq rigward is-sottomissjonijiet alternattivi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konjuġi ta’ E. Bergström.