Language of document : ECLI:EU:C:2017:354

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Mejju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Dritt ta’ residenza fi Stat Membru b’kundizzjonijiet marbuta mal-aċċess għall-għajnuna soċjali u għall-allowances tal-familja – Ċittadin ta’ pajjiż terz li tassumi r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild minuri tagħha, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru – Obbligu għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li juri l-inkapaċità tal-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-imsemmi Stat Membru, li jieħu ħsieb il-minuri – Rifjut ta’ residenza li jista’ jġiegħel lill-wild jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru, jiġifieri t-territorju tal-Unjoni”

Fil-Kawża C-133/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (qorti tal-appell fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-servizz pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

H. C. ChavezVilchez,

P. Pinas,

U. Nikolic,

X. V. Garcia Perez,

J. Uwituze,

I. O. Enowassam,

A. E. Guerrero Chavez,

Y. R. L. Wip

vs

Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank,

College van burgemeester en wethouders van de gemeente Arnhem,

College van burgemeester en wethouders van de gemeente ’s-Gravenhage,

College van burgemeester en wethouders van de gemeente ’s-Hertogenbosch,

College van burgemeester en wethouders van de gemeente Amsterdam,

College van burgemeester en wethouders van de gemeente Rijswijk,

College van burgemeester en wethouders van de gemeente Rotterdam,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça, E. Juhász, M. Berger, A. Prechal u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Mejju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. E. Guerrero Chavez, I. O. Enowassam, J. Uwituze, X. V. Garcia Perez, U. Nikolic, P. Pinas u H. C. Chavez‑Vilchez, minn E. Cerezo-Weijsenfeld, J. Kruseman, S. Çakici-Reinders u W. Fischer, advocaten,

–        għal Y. R. L. Wip, minn H. de Roo u T. Weterings, advocaten,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn C. S. Schillemans u K. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Jacobs kif ukoll minn S. Vanrie, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Lyshøj kif ukoll minn M. Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Coesme, bħala aġent,

–        għall-Gvern Litwan, minn R. Krasuckaitė u V. Čepaitė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollak, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye u C. Crane kif ukoll minn M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell u B. Lask, barristers,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn I. Jansen u K. Moen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u C. Tufvesson kif ukoll minn G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 20 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwim bejn H. C. Chavez‑Vilchez u seba’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra, ommijiet ta’ wild jew diversi wlied minuri ta’ nazzjonalità Olandiża li tagħhom huma jassumu r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva, u l-awtoritajiet kompetenti Olandiżi, dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet tagħhom għall-għajnuna soċjali u għall-allowances tal-familja, minħabba li ma għandhomx dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u rettifiki, ĠU 2004, L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ‘ċittadini ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2.      ‘membru tal-familja’ tfisser:

[…]

(d)      il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

3.      ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

4        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Benefiċjarji” fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

5        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ dħul”, jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

L-ebda visa ta’ dħul jew formalità ekwivalenti m’għandha tiġi mposta fuq iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.

2.      Il-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru għandhom jiġu mitluba biss li jkollhom visa ta’ dħul skond ir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 539/2001 [tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom il-visas meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65)] jew, fejn xieraq, skond il-liġi nazzjonali. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-pussess ta’ karta ta’ residenza valida msemmija fl-Artikolu 10 għandu jeżenta lil dawn il-membri tal-familja mill-ħtieġa ta’ visa.

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lil dawn il-persuni kull faċilità biex jiksbu l-visas neċessarji. Dawn il-visas għandhom jinħarġu b’xejn kemm jista’ jkun malajr u skond il-proċedura aċċelerata.

[…]”

6        L-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

(ċ)      –      […]

–      għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal‑familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is‑sistema ta’ l‑għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

(d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l‑Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil‑punti (a), (b) jew (ċ).

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).”

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

7        L-Artikolu 1 tal-Vreemdelingenwet 2000 (liġi tas-sena 2000 dwar il-barranin), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-barranin”), jipprovdi:

“Fis-sens tal-liġi preżenti u tad-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi tagħha:

[…]

(e)      ċittadini Komunitarji tfisser:

1°      iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li, skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għandhom id-dritt jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu hemmhekk;

2°      il-membri tal-familja tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1 li għandhom in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz u li, abbażi ta’ deċiżjoni meħuda skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, huma awtorizzati jidħlu u jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru;

[…]”

8        L-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Barrani għandu d-dritt jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi biss:

[…]

(e)      bħala ċittadin Komunitarju, sa fejn jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni adottata skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew it-Trattat dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(f)      jekk, sakemm tingħata deċiżjoni dwar applikazzjoni għal permess ta’ residenza, […] din il-liġi, dispożizzjoni adottata skont din il-liġi jew deċiżjoni ġudizzjarja tipprovdi li ma hemmx lok li ċ-ċittadin barrani jitkeċċa sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu;

(g)      jekk, sakemm tingħata deċiżjoni dwar applikazzjoni għal permess ta’ residenza […] jew għall-estensjoni tat-tul ta’ permess ta’ residenza […], jew għall-emenda ta’ permess ta’ residenza, din il-liġi, dispożizzjoni adottata skont din il-liġi jew deċiżjoni ġudizzjarja tipprovdi li ma hemmx lok li ċ-ċittadin barrani jitkeċċa sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu;

(h)      jekk, sakemm tingħata deċiżjoni fuq rikors amministrattiv jew ġudizzjarju, din il-liġi, dispożizzjoni adottata skont din il-liġi jew deċiżjoni ġudizzjarja tipprovdi li ma hemmx lok li ċ-ċittadin barrani jitkeċċa sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni dwar l-imsemmi rikors.”

9        L-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-barranin jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadin barrani li ma jkollux residenza regolari ma jistax jitlob benefiċċji u allowances mogħtija minn korp amministrattiv. L-ewwel frażi hija applikabbli mutatis mutandis għall-eżenzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija mil-liġi jew minn miżura ġenerali ta’ amministrazzjoni.

2.      Jista’ jkun hemm deroga mill-paragrafu 1 meta t-talba tirrigwarda studji, il-provvista ta’ kura medika neċessarja, il-prevenzjoni ta’ preġudizzji għas-saħħa pubblika jew l-assistenza legali liċ-ċittadini barranin.

3.      Deċiżjoni li tilqa’ talba ma tagħtix dritt ta’ residenza regolari.”

10      Il-Vreemdelingencirculaire 2000 (ċirkulari tas-sena 2000 dwar il-barranin), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwimiet tal-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari dwar il-barranin”), tinkludi dispożizzjonijiet stipulati mill-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (segretarju tal-Istat għas-sigurtà u għall-ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi). Din iċ-ċirkulari hija aċċessibbli għal kulħadd u kulħadd jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet tagħha. Waqt l-eżami tal-applikazzjonijiet għal permessi ta’ residenza, l-awtorità nazzjonali kompetenti, f’dan il-każ l-Immigratie- en Naturalisatiedienst (servizz tal-immigrazzjoni u tan-naturalizzazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem l-“IND”), għandha tosserva dawn id-dispożizzjonijiet. Hija tista’ tevitahom biss billi tagħti motivazzjoni u f’każijiet eċċezzjonali li ma ġewx ikkunsidrati waqt ir-redazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

11      L-Artikolu 2.2 tal-Parti B taċ-Ċirkulari dwar il-barranin jipprovdi:

“Iċ-ċittadin barrani jkun f’residenza regolari fis-sens tal-[Liġi dwar il-barranin] meta huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti kollha:

–      iċ-ċittadin barrani għandu wild minuri li għandu nazzjonalità Olandiża;

–      il-wild huwa taħt ir-responsabbiltà taċ-ċittadin barrani u joqgħod miegħu, u

–      jekk id-dritt ta’ residenza jiġi rrifjutat liċ-ċittadin barrani, il-wild ikollu jsegwih u jitlaq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

Fi kwalunkwe każ, l-IND ma għandux jikkunsidra li l-wild [li missieru jew ommu hija ċittadin barrani] huwa mġiegħel isegwi [lill-ġenitur barrani tiegħu] u jitlaq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, jekk ikollu ġenitur ieħor li għandu residenza regolari skont il-[Liġi dwar il-barranin], jew li għandu nazzjonalità Olandiża, u jekk dan il-ġenitur jista’ effettivament jieħu ħsieb il-wild.

L-IND għandu jikkunsidra, fi kwalunkwe każ, li l-ġenitur l-ieħor jista’ effettivament jieħu ħsieb il-wild jekk:

–      huwa għandu l-kustodja tal-wild jew għadu jista’ jingħata l-kustodja tiegħu, u

–      jista’ jirrikorri, sabiex jieħu ħsieb il-wild u għall-edukazzjoni tiegħu, għal għajnuna u assistenza pprovduta mill-awtoritajiet jew minn organi soċjali. L-IND jinkludi wkoll f’din il-kategorija l-għoti ta’ allowance ffinanzjata mill-baġit tal-Istat u li kull Olandiż li jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi jista’, fil-prinċipju, jitlob.

L-IND għandu jikkunsidra, fi kwalunkwe każ, li l-ġenitur l-ieħor ma jistax effettivament jieħu ħsieb il-wild meta huwa:

–      jinsab taħt detenzjoni, jew

–      jiġi stabbilit li l-kustodja tal-wild ma tistax tingħata lilu.”

12      Skont il-Wet Werk en Bijstand (liġi dwar ix-xogħol u l-għajnuna soċjali, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-għajnuna soċjali”) u l-Algemene Kinderbijslagwet (liġi ġenerali dwar l-allowances tal-familja, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-allowances tal-familja”), il-ġenituri ċittadini ta’ pajjiż terz għandu jkollhom residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi u għandhom b’hekk jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza sabiex ikunu jistgħu jitolbu għajnuna soċjali u allowances tal-familja.

13      Fl-1 ta’ Lulju 1998 daħlet fis-seħħ il-Wet tot wijziging van de Vreemdelingenwet en enige andere wetten teneinde de aanspraak van vreemdelingen jegens bestuursorganen op verstrekkingen, voorzieningen, uitkeringen, ontheffingen en vergunningen te koppelen aan het rechtmatig verblijf van de vreemdeling in Nederland (liġi li temenda l-Liġi dwar il-barranin u xi liġijiet oħra sabiex torbot ma’ residenza regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi l-fakultà li l-barranin jirrikorru għand korpi amministrattivi għal servizzi, allowances, eżenzjonijiet u awtorizzazzjonijiet), tas-26 ta’ Marzu 1998 (Stb. 1998, Nru 203 Għaċ-ċittadini barranin li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, din il-liġi introduċiet, fil-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna soċjali, ir-rekwiżit li għandu jinkiseb mill-awtorità kompetenti permess ta’ residenza sabiex persuna tkun assimilata ma’ ċittadin Olandiż u, fil-Liġi dwar l-allowances tal-familja, obbligu ekwivalenti sabiex din titqies li hija assigurata.

14      L-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għandha ssir mal-IND. Dan id-dipartiment għandu jiddeċiedi dwar id-dritt ta’ residenza għan-nom tas-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja.

15      L-applikazzjonijiet għall-allowances tal-familja skont il-Liġi dwar l-allowances tal-familja għandhom jiġu ppreżentati quddiem is-Sociale verzekeringsbank (fond ta’ assigurazzjoni soċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“SvB”).

16      L-applikazzjonijiet għall-għajnuna soċjali skont il-Liġi dwar l-għajnuna soċjali għandhom jiġu ppreżentati fil-kunsill lokali fejn il-persuna kkonċernata hija domiċiljata.

17      L-Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-għajnuna soċjali jipprovdi:

“1.      Kull Olandiż residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi li jinsab jew qiegħed f’riskju li jinsab, fit-territorju nazzjonali, f’sitwazzjoni li ma jkollux il-mezzi ta’ għajxien neċessarji, jista’ jitlob għajnuna soċjali pubblika.

2. Għandu jiġi kkunsidrat bħala Olandiż bħal dak previst fil-paragrafu (1) kull ċittadin barrani residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi li joqgħod hemm b’mod regolari fis-sens tal-Artikolu 8(a) sa (e) u (l) tal-[Liġi dwar il-barranin], bl-eċċezzjoni tal-każijiet previsti fil-Artikolu 24(2) tad-Direttiva [2004/38].

[…]”

18      L-Artikolu 16 tal-Liġi dwar l-għajnuna soċjali jipprovdi:

“1.      B’deroga għal din it-taqsima, il-kunsill [lokali] jista’ jagħti għajnuna lil persuna li ma għandhiex dritt għal għajnuna soċjali jekk din il-miżura tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha.

2.      Il-paragrafu 1 ma japplikax għal ċittadini barranin ħlief għal dawk previsti fl-Artikolu 11(2) u (3).”

19      Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi dwar l-allowances tal-familja:

“1.      L-assigurat fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi huwa dak li:

(a)      huwa resident;

(b)      mingħajr ma huwa resident, huwa suġġett għal taxxa fuq id-dħul minħabba attività bħala persuna impjegata eżerċitata fil-Pajjiżi l-Baxxi.

2.      Ma huwiex assigurat iċ-ċittadin barrani li ma jirresjedix b’mod regolari fis-sens tal-Artikolu 8(a) sa (e) u (l), tal-[Liġi dwar il-barranin].”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

20      It-tmien tilwimiet fil-kawżi prinċipali jikkonċernaw applikazzjonijiet għal għajnuna soċjali (bijstandsuitkering) u għal allowances tal-familja (kinderbijslag), imressqa quddiem l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti fuq il-bażi, rispettivament, tal-Liġi dwar l-għajnuna soċjali u tal-Liġi dwar l-allowances tal-familja, minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ommijiet ta’ wild jew ta’ diversi wlied ta’ nazzjonalità Olandiża, li missierhom huwa wkoll ta’ nazzjonalità Olandiża. Dawn l-ulied ġew ilkoll irrikonoxxuti minn missierhom iżda jgħixu prinċipalment ma’ ommhom.

21      H. C. Chavez‑Vilchez, ċittadina Venezweljana, daħlet fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz ta’ visa turistika matul is-sena 2007 jew is-sena 2008. Mir-relazzjoni tagħha ma’ ċittadin Olandiż hija kellha, fit-30 ta’ Marzu 2009, wild b’nazzjonalità Olandiża. Il-ġenituri u l-wild għexu fil-Ġermanja sax-xahar ta’ Ġunju 2011, meta Chavez‑Vilchez u l-wild tagħha ġew imġiegħla jitilqu mid-dar tal-familja. Dawn marru fiċ-ċentru ta’ akkoljenza ta’ urġenza tal-Komun ta’ Arnhem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fejn baqgħu jirrisjedu għal xi żmien. Sa minn dak iż-żmien, H. C. Chavez‑Vilchez assumiet il-kustodja tal-wild tagħha u ddikjarat li l-missier la kien jikkontribwixxi għall-għajxien u lanqas għall-edukazzjoni tal-istess wild.

22      P. Pinas, ċittadina Surinamjana, kellha sa mill-2004 permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, li ġie rtirat matul is-sena 2006. Hija ddomiċiljata f’Almere (il-Pajjiżi l-Baxxi) u hija omm ta’ erbat ulied. Wild minnhom, imwieled fit-23 ta’ Diċembru 2009 mir-relazzjoni tagħha ma’ ċittadin Olandiż, għandu minħabba f’hekk nazzjonalità Olandiża. P. Pinas taqsam mal-missier il-kustodja tal-wild tagħhom iżda jgħixu separatament, u dan tal-aħħar ma jikkontribwixxix għall-għajxien tal-wild. Iż-żewġ ġenituri jinsabu f’kuntatt iżda ma hemm l-ebda ftehim dwar id-dritt ta’ aċċess. Fis-17 ta’ Mejju 2011, P. Pinas u wliedha ngħataw permess ta’ residenza għal żmien determinat. Għal din ir-raġuni, ġiet akkordata allowance tal-familja b’effett mit-tielet trimestru tas-sena 2011.

23      U. Nikolic waslet fil-Pajjiżi l-Baxxi matul is-sena 2003 mill-ex-Jugoslavja. Fl-assenza ta’ dokumenti ta’ identità, in-nazzjonalità tagħha għadha ma hijiex ċerta. L-applikazzjoni għal permess ta’ residenza tagħha ġiet miċħuda matul is-sena 2009. Fis-26 ta’ Jannar 2010, mir-relazzjoni tagħha ma’ ċittadin Olandiż, hija kellha wild li għandu nazzjonalità Olandiża. U. Nikolic hija ddomiċiljata f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) u għandha l-kustodja tal-wild tagħha. It-tnejn li huma jgħixu f’ċentru ta’ akkoljenza tal-komun tagħhom. U. Nikolic iddikjarat li ma tistax tikkoabita mal-missier tal-wild tagħha, peress li dan kien jinsab f’istituzzjoni għaż-żgħażagħ li fl-ambitu tagħha huwa kien qiegħed isegwi programm ta’ akkomodazzjoni assistita.

24      X. V. García Pérez, ċittadina Nikaragwana, waslet matul is-sena 2001 jew is-sena 2002 fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-Costa Rica, akkumpanjata minn ċittadin Olandiż. Fid-9 ta’ April 2008, huma kellhom, minn din ir-relazzjoni, wild b’nazzjonalità Olandiża. X. V. García Pérez hija ddomiċiljata f’Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) u tgħix f’ċentru ta’ akkoljenza ta’ dan il-komun. Hija għandha l-kustodja tal-wild tagħha, filwaqt li l-missier ma jikkontribwixxix għall-għajxien tal-wild u d-domiċilju tiegħu ma huwiex magħruf.

25      J. Uwituze, ċittadina Rwandiża, kellha, fit-12 ta’ Diċembru 2011, wild li għandu, bħall-missier, nazzjonalità Olandiża. Dan tal-aħħar la jikkontribwixxi fit-teħid tar-responsabbiltà u lanqas fl-edukazzjoni ta’ dan il-wild. Huwa ddikjara li la jista’ u lanqas irid jieħu ħsiebu. J. Uwituze hija ddomiċiljata fi ’Bois-le-Duc (il-Pajjiżi l-Baxxi) u tgħix flimkien mal-wild tagħha f’ċentru ta’ akkoljenza ta’ dan il-komun.

26      Y. R. L. Wip, ċittadina Surinamjana, weldet żewġ ulied, fil-25 ta’ Novembru 2009 u fit-23 ta’ Novembru 2012. Bħal missierhom, l-ulied għandhom nazzjonalità Olandiża. Il-ġenituri huma sseparati iżda l-missier iżomm kuntatt ma’ wliedu diversi drabi fil-ġimgħa. Huwa jirċievi allowance ta’ għajnuna soċjali kif ukoll allowance tal-familja. Huwa ma jikkontribwixxix għall-għajxien tat-tfal u sempliċement jgħaddi l-allowance tal-familja lil Y. R. L. Wip. Matul il-perijodu rilevanti għat-tilwima tal-kawża prinċipali, Y. R. L. Wip kienet iddomiċiljata Amsterdam.

27      I. O. Enowassam, ċittadina Kamerunjana, waslet fil-Pajjiżi l-Baxxi matul is-sena 1999. Mir-relazzjoni tagħha ma’ ċittadin Olandiż hija kellha, fit-2 ta’ Mejju 2008, wild b’nazzjonalità Olandiża. Il-ġenituri għandhom il-kustodja konġunta tal-wild iżda jgħixu separati. Il-wild huwa rreġistrat bħala li joqgħod fl-indirizz tal-missier, iżda fir-realtà dan jgħix mal-omm, li tirrisjedi fi struttura ta’ akkoljenza ta’ urġenza tal-Komun ta’ Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi). Il-wild jgħaddi tliet weekends f’xahar mal-missier u xi drabi jqatta’ l-vaganzi miegħu. Il-missier iħallas EUR 200 kull xahar bħala manteniment. Huwa jirċievi wkoll allowance tal-familja li huwa jagħti lil I. O. Enowassam. Peress li jaħdem full-time, huwa ddikjara li, għal din ir-raġuni, huwa ma setax jieħu ħsieb il-wild tiegħu.

28      A. E. Guerrero Chavez, ċittadina Venezweljana, waslet fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-24 ta’ Ottubru 2007 u mbagħad irritornat fil-Venezwela fit-2 ta’ Novembru 2009. Hija reġgħet ġiet fil-Pajjiżi l-Baxxi f’Jannar 2011 u attwalment hija ddomiċiljata f’Schiedam (il-Pajjiżi l-Baxxi). Mir-relazzjoni tagħha ma’ ċittadin Olandiż hija kellha, fil-31 ta’ Marzu 2011, wild b’nazzjonalità Olandiża. A. E. Guerrero Chavez hija sseparata mill-missier tal-wild. Dan għandu kuntatt kważi ta’ kuljum mal-wild iżda ma huwiex lest jieħu ħsiebu, u jikkontribwixxi għall-ispejjeż għall-għajxien tiegħu b’mod limitat. A. E. Guerrero Chavez tieħu ħsieb il-wild kuljum u għandha l-kustodja tiegħu.

29      F’kull waħda mit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna soċjali u għall-allowances tal-familja mressqa mill-partijiet ikkonċernati ġew miċħuda mill-awtoritajiet kompetenti minħabba li, fl-assenza ta’ dritt ta’ residenza, huma ma kellhom, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ebda dritt jirċievu tali għajnuna u allowances.

30      Matul perijodi, inklużi bejn is-sena 2010 u s-sena 2013, li fuq il-bażi tagħhom huma kienu talbu l-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali u ta’ allowances tal-familja, ebda waħda mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma kellha permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi. Filwaqt li xi wħud minnhom, fl-istennija ta’ deċiżjoni fuq applikazzjoni għal permess ta’ residenza, kellhom madankollu residenza regolari fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, oħrajn kienu qegħdin jirrisjedu hemm b’mod irregolari iżda ma kienu ġew issuġġettati għal ebda miżura ta’ deportazzjoni fuq il-fruntiera. Finalment, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma kinux awtorizzati jaħdmu.

31      Peress li l-azzjonijiet imressqa sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet li rrifjutawlhom il-benefiċċju tal-għajnuna u tal-allowances mitluba ġew miċħuda b’sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali tal-ewwel istanza, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ressqu appell minn dawn is-sentenzi quddiem is-Centrale Raad van Beroep (qorti tal-appell fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-servizz pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi).

32      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li kollha għandhom nazzjonalità ta’ pajjiż terz, jistgħux, bħala ommijiet ta’ wild ċittadin tal-Unjoni, ikollhom dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull waħda minnhom. Hija tqis li, jekk dan huwa l-każ, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jinvokaw dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-għajnuna soċjali u tal-liġi dwar l-allowances tal-familja li jippermettu li l-barranin li jkunu qegħdin jirrisjedu b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi jitqiesu li huma ċittadini Olandiżi, u jibbenefikaw, jekk ikun il-każ, minn għajnuna soċjali jew allowances tal-familja skont dawn il-liġijiet, mingħajr ħtieġa għal dan l-iskop ta’ deċiżjoni tal-IND li tagħtihom permess ta’ residenza jew dokument li jikkonferma r-regolarità tar-residenza.

33      Skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C-34/09, EU:C:2011:124), u tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C-256/11, EU:C:2011:734), jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jiksbu mill-Artikolu 20 TFUE dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, li joħroġ mid-dritt ta’ residenza ta’ wliedhom, ċittadini tal-Unjoni, sa fejn dawn jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik deskritta f’dawn is-sentenzi. F’kull waħda mit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi ddeterminat jekk iċ-ċirkustanzi humiex tali li dawn l-ulied ikunu mġiegħla, fil-fatt, iħallu t-territorju tal-Unjoni jekk id-dritt ta’ residenza jiġi rrifjutat lill-ommhom.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi x’importanza għandha tingħata, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-fatt li l-missier, ċittadin tal-Unjoni, jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fl-Unjoni, ikkunsidrata fit-totalità tagħha.

35      Hija tindika, barra minn hekk, li huma l-korpi amministrattivi inkarigati bl-applikazzjoni tal-Liġi dwar l-għajnuna soċjali u tal-Liġi dwar l-allowances tal-familja kif ukoll il-qrati kompetenti li għandhom jevalwaw b’mod awtonomu jekk il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz jistax, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 20 TFUE, jinvoka din id-dispożizzjoni sabiex jikseb dritt ta’ residenza. Dawn il-korpi amministrattivi, jiġifieri l-kunsilli lokali u s-SvB, huma marbuta, fuq il-bażi tal-informazzjoni li l-partijiet ikkonċernati għaddewlhom u dik li, jekk meħtieġ, tkun għad tista’ tiġi meħtieġa, li jwettqu, b’konsultazzjoni mal-IND, eżami sabiex jiġi ddeterminat jekk dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi jistax jiġi dedott mil-Artikolu 20 TFUE.

36      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-prattika, diversi korpi amministrattivi jinterpretaw is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C-34/09, EU:C:2011:124), u tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C-256/11, EU:C:2011:734), b’mod restrittiv u jqisu li l-ġurisprudenza stipulata f’dawn is-sentenzi hija applikabbli biss f’sitwazzjonijiet fejn il-missier ma jkunx, skont kriterji oġġettivi, f’pożizzjoni li jieħu ħsieb il-wild peress li jkun, pereżempju, suġġett għal detenzjoni, imqiegħed f’istituzzjoni speċjalizzata jew sptar, jew ukoll ikun miet. Lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet, il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jistabbilixxi b’mod konvinċenti li l-missier ma huwiex kapaċi jieħu ħsieb il-wild, anki bil-għajnuna eventwali ta’ terzi. Tali regoli joħorġu mid-dispożizzjonijiet taċ-Ċirkulari dwar il-barranin.

37      Il-qorti tar-rinviju żżid li, f’kull waħda mit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, il-kunsilli lokali kkonċernati, is-SvB u l-IND ma qisux rilevanti la l-fatt li l-omm, ċittadina ta’ pajjiż terz, u mhux il-missier, ċittadin tal-Unjoni, kienet effettivament tieħu ħsieb il-wild kuljum, la n-natura tal-kuntatti bejn il-wild u missieru, la l-firxa tal-kontribuzzjoni tal-missier għall-għajxien u l-edukazzjoni tal-wild, u lanqas il-kwistjoni ta’ jekk il-missier kienx dispost li jieħu ħsiebu. Il-fatt li l-missier ma kellux il-kustodja tal-wild lanqas ma ġie kkunsidrat rilevanti għaliex ma ġiex stabbilit b’mod konvinċenti li din ma setgħetx tingħata lilu. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tiġi interpretata b’mod li f’dan il-punt huwa restrittiv.

38      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis, f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, li s-sempliċi fatt li wild jiddependi fuq ommu għall-għajxien ta’ kuljum tiegħu ma jikkostitwixxix kriterju determinanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk il-wild huwiex dipendenti fuq ommu sal-punt li huwa jkun, fil-fatt, imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk id-dritt ta’ residenza kellu jiġi rrifjutat lill-ommu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema huma ċ-ċirkustanzi l-oħra ta’ dawn il-kawżi li jistgħu jkunu rilevanti f’dan ir-rigward.

39      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Centrale Raad van Beroep (qorti tal-appell fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-servizz pubbliku) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru milli jirrifjuta dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu lil ċittadin ta’ pajjiż terz li ta’ kuljum jieħu effettivament ħsieb il-wild minuri tiegħu li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru?

2)      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li l-piż legali, finanzjarju u/jew emozzjonali ma huwiex eżerċitat esklużivament minn dan il-ġenitur u li, barra minn hekk, ma huwiex eskluż li l-ġenitur l-ieħor, li jkun ċittadin tal-Istat Membru, jista’ de facto jkun f’pożizzjoni li jieħu ħsieb il-wild tiegħu?

3)      F’dan il-każ, il-ġenitur/iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jistabbilixxi b’mod konvinċenti li l-ġenitur l-ieħor ma jistax jieħu ħsieb il-wild, b’tali mod li l-wild ikun meħtieġ iħalli t-territorju tal-Unjoni jekk il-ġenitur/iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiċċaħħad minn dritt ta’ residenza?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

40      B’mod preliminari, għandu jiġi indikat li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jippreżentaw, lil hinn minn ċerti analoġiji, numru ta’ partikolaritajiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

41      Ċertament, kif ġie indikat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, kull waħda mis-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tikkonċerna persuna ċittadin ta’ pajjiż terz li, matul il-perijodi kkonċernati miċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-allowances tal-familja jew għall-għajnuna soċjali, kienet tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma kellha dritt ta’ residenza, kienet omm ta’ mill-inqas wild minuri ta’ nazzjonalità Olandiża li kien jgħix magħha, kienet effettivament tieħu ħsiebu kuljum, u kienet isseparata minn missier il-wild, li kellu wkoll nazzjonalità Olandiża u kien irrikonoxxa l-wild.

42      Madankollu, is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhom differenzi, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied fil-kuntest tad-dritt ta’ kustodja u tal-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-għajxien, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ommijiet dwar id-dritt tagħhom li jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni, kif ukoll fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ulied minuri stess.

43      Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntatti bejn l-ulied u missierhom kienu, skont il-każ, frekwenti, rari jew anki ineżistenti. B’hekk, f’każ minnhom, il-missier ma nstabx, f’każ ieħor, kien qed isegwi programm ta’ akkomodazzjoni assistita. Fi tliet każijiet, il-missier kien jikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-għajxien tal-wild, filwaqt li, f’ħamsa oħra, ma kienet imħallsa ebda kontribuzzjoni. Filwaqt li, f’żewġ każijiet minn tmienja, il-kustodja kienet konġunta bejn iż-żewġ ġenituri, din kienet, f’sitta oħra, eżerċitata ta’ kuljum u effettivament mill-omm waħidha. Finalment, f’nofs il-każijiet, il-wild kien joqgħod flimkien ma’ ommu fi strutturi ta’ akkoljenza ta’ urġenza.

44      Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-kuntest tad-dritt tagħhom li jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li, fil-frattemp, ngħata permess ta’ residenza lil tnejn minnhom.

45      B’hekk, waqt is-seduta, ir-rappreżentanti ta’ Y. R. L. Wip u ta’ H. C. Chavez-Vilchez kif ukoll tal-Gvern Olandiż indikaw li dawn illum jinsabu f’sitwazzjoni regolari għal dak li jirrigwarda r-residenza tagħhom. Fil-fatt, Y. R. L. Wip kisbet permess ta’ residenza fil-Belġju, fejn hija taħdem u toqgħod mat-tifla tagħha. Fir-rigward ta’ H. C. Chavez‑Vilchez, hija ngħatat, fix-xahar ta’ April 2015, permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u hija teżerċita attività professjonali fil-Belġju.

46      Fit-tielet lok, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ulied minuri stess, għandu jiġi enfasizzat li l-wild ta’ H. C. Chavez-Vilchez għex fil-Ġermanja mal-ġenituri tiegħu sax-xahar ta’ Ġunju 2011 qabel ma mar lura lejn il-Pajjiżi l-Baxxi ma’ ommu, li sussegwentement ressqet applikazzjoni għall-allowance tal-familja quddiem l-awtoritajiet Olandiżi.

47      Mill-banda l-oħra, l-ulied minuri tas-seba’ rikorrenti l-oħra fil-kawżi prinċipali qatt ma użaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu qabel jew matul il-perijodu kkonċernat mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna soċjali jew għall-allowances tal-familja inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u dawn jirrisjedu, sa mit-twelid tagħhom, fl-Istat Membru li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità.

48      Kif repetutament iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE biss, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawżi li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 24; tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull, C‑5/12, EU:C:2013:571, punt 41, u tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C-86/12, EU:C:2013:645, punt 20).

49      Fil-każ ineżami, għandha tiġi eżaminata, minn naħa, is-sitwazzjoni tal-wild ta’ H. C. Chavez-Vilchez u ta’ din tal-aħħar fid-dawl tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38, intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, liema dritt huwa mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE, u għandha b’mod partikolari l-għan li ssaħħaħ lil dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C-434/09, EU:C:2011:277, punt 28, u tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C-456/12, EU:C:2014:135, punt 35) u, min-naħa l-oħra, dik tal-ulied tar-rikorrenti l-oħra fil-kawżi prinċipali, li dejjem irrisjedew ma’ ommhom, qabel u matul il-perijodu kkonċernat mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna soċjali jew għall-allowances tal-familja inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fl-Istat Membru li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità, u dik tal-istess rikorrenti, mill-perspettiva tal-Artikolu 20 TFUE.

50      Fir-rigward tal-wild ta’ H. C. Chavez-Vilchez, dan eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu qabel l-applikazzjoni, ta’ ommu, għall-allowances fil-Pajjiżi l-Baxxi għal perijodi inklużi bejn is-7 ta’ Lulju 2011 u l-aħħar tax-xahar ta’ Marzu 2012, peress li huwa rrisjeda, sax-xahar ta’ Ġunju 2011, mal-ġenituri tiegħu fil-Ġermanja, Stat Membru fejn missieru jirrisjedi u jaħdem, qabel ma ġie lura, flimkien ma’ ommu, fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità.

51      Kif il-Gvern Olandiż indika waqt is-seduta, anki jekk H. C. Chavez-Vilchez kisbet, sussegwentement, permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-eżami tas-sitwazzjoni tagħha u ta’ dik tal-wild tagħha fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jibqa’ ta’ interess għall-qorti tar-rinviju peress li dan il-permess ta’ residenza ngħata wara l-perijodi kkonċernati mill-applikazzjonijiet għall-allowances inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

52      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza dderivat, ibbażat fuq l-Artikolu 21(1) TFUE u d-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li skont din id-direttiva għandhom drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru mhux iċ-ċittadini ta’ Stat terz kollha, iżda biss dawk li huma membri tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 56; tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 41, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et, C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 36).

53      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva 2004/38 għandha biss l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istati Membri differenti minn dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità. B’hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jippermettux li jiġi bbażat dritt ta’ residenza dderivat favur ċittadini ta’ pajjiż terz, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, S. u G., C‑457/12, EU:C:2014:136, punt 34).

54      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta ċittadin tal-Unjoni jirritorna fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, li dan tal-aħħar kien joqgħod miegħu, fis-sempliċi kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru ospitanti, ma għandhomx, bħala regola, ikunu iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38 għall-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru ieħor differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 50).

55      Fil-fatt, anki jekk id-Direttiva 2004/38 ma tkoprix tali każ fejn iċ-ċittadin jerġa’ lura, hija għandha tiġi applikata b’analoġija għall-kundizzjonijiet ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru differenti minn dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu, peress li, fiż-żewġ każijiet, huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni li jikkostitwixxi l-persuna ta’ referenza sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, ikun jista’ jingħata dritt ta’ residenza dderivat (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 50).

56      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet stipulati mid-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari fl-Artikoli 5 sa 7 tagħha, li jirregolaw id-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istati Membri, kinux issodisfatti matul il-perijodu kkonċernat miċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-allowances, b’mod li H. C. Chavez-Vilchez setgħet tinvoka dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 21 TFUE u fuq id-Direttiva 2004/38.

57      Jekk dan ma jkunx il-każ, ikun għalhekk meħtieġ li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni tal-wild, ċittadin tal-Unjoni, u tal-axxendent tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz, fid-dawl tal-Artikolu 20 TFUE.

58      Fir-rigward tal-ulied ta’ Y. R. L. Wip, li kienu jirrisjedu ma’ ommhom fil-Pajjiżi l-Baxxi meta din tal-aħħar talbet il-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali għax-xhur ta’ Ottubru u ta’ Novembru 2012, ġie indikat, fis-seduta, li huma jirrisjedu fil-preżent ma’ ommhom fil-Belġju, fejn hija kisbet permess ta’ residenza u għandha impjieg. Peress li l-eżerċizzju, minn dawn l-ulied, tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza bħala ċittadini tal-Unjoni fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità u l-ksib, minn ommhom, ta’ permess ta’ residenza f’dan l-Istat Membru l-ieħor, seħħew wara l-perijodu kkonċernat mit-tilwima fil-kawża prinċipali, jibqa’ neċessarju li jiġi evalwat jekk ommhom setgħetx tibbenefika, għall-perijodu kkonċernat, minn dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari

59      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu lil ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, li ta’ kuljum u effettivament jieħu ħsieb wild minuri li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, meta ma jkunx eskluż li l-ġenitur l-ieħor, li għandu n-nazzjonalità tal-Istess Stat Membru, jista’ ta’ kuljum u effettivament jieħu ħsieb il-wild. Din il-qorti tfittex li tkun taf jekk il-fatt li r-responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva tal-wild ma hijiex kompletament sostnuta miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

60      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ulied ikkonċernati mit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, bħala ċittadini ta’ Stat Membru, jistgħu jinvokaw, inkluż fir-rigward tal-Istat Membru li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità, drittijiet marbuta mal-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, mogħti lilhom mill-Artikolu 20 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 48; tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 63, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punti 43 u 44).

61      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali, inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw id-dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 42, u tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 45).

62      Bill-banda l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz. Fil-fatt, id-drittijiet eventwali mogħtija lil ċittadini bħal dawn ma humiex drittijiet proprji għal dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet idderivati minn dawk li minnhom igawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni. L-għan u l-ġustifikazzjoni tal-imsemmija drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom huwa ta’ natura li jippreġudika, b’mod partikolari, il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 72 u 73, u tat-13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punti 27 u 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju relatat mad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma huwiex applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma għamilx użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, għaliex inkella jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, dan iċ-ċittadin jiġi mġiegħel, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fit-totalità tiegħu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija b’dan l-istatus (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punti 43 u 44; tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punti 66 u 67; tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 74, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 29).

64      Is-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti huma kkaratterizzati mill-fatt li, anki jekk huma rregolati minn leġiżlazzjoni li taqa’ a priori taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, jiġifieri, il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi Stati terzi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt idderivat tal-Unjoni, li, taħt ċerti ċirkustanzi, jipprevedu l-għoti ta’ tali dritt, dawn is-sitwazzjonijiet għandhom madankollu relazzjoni intrinsika mal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni, li tipprekludi li dan id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza jiġi rrifjutat lil dawn iċ-ċittadini fl-Istat Membru fejn jirrisjedi dan iċ-ċittadin, sabiex din il-libertà ma tiġix ippreġudikata (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 75, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan il-każ, jekk, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ir-rifjut ta’ residenza kontra ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jkollu l-effett li l-persuni kkonċernati jkollhom jitilqu mit-territorju tal-Unjoni, dan jista’ jirriżulta f’restrizzjoni tad-drittijiet li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jagħti lill-uliedhom, b’mod partikolari tad-dritt ta’ residenza, peress li l-imsemmija wlied jistgħu jkunu mġiegħla jakkumpanjaw lill-ommhom u għalhekk li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu. Għaldaqstant, l-obbligu eventwali, tal-ommijiet, li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni jċaħħad lill-uliedhom mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Il-Gvern Olandiż isostni, madankollu, li s-sempliċi fatt li ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz jieħu ħsieb il-wild ta’ kuljum u jsostni b’mod effettiv, anki parzjalment, ir-responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva tiegħu ma jippermettix awtomatikament li jiġi konkluż li l-wild, ċittadin tal-Unjoni, ikun imġiegħel jitlaq it-territorju tal-Unjoni jekk dritt ta’ residenza jkun ġie rrifjutat lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Il-preżenza, fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu dan il-wild għandu n-nazzjonalità jew fit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, tal-ġenitur l-ieħor, hu stess ċittadin tal-Unjoni li jista’ jieħu ħsieb il-wild, tikkostitwixxi fattur importanti għal din l-evalwazzjoni.

67      Dan l-istess gvern jindika li, f’ċerti ċirkustanzi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqisu bħala stabbilit li l-ġenitur, ċittadin tal-Unjoni, ma jkunx jista’ jew ma jkollux il-kapaċità li jieħu ħsieb il-wild. Dan ikun il-każ meta dan il-ġenitur imut jew ma jinstabx; meta jinżamm taħt detenzjoni, internat jew fi sptar għal trattament fit-tul; meta, skont sorsi oġġettivi, bħal dikjarazzjoni tal-pulizija jew ta’ servizz tal-għajnuna għaż-żgħażagħ, din il-persuna tirriżulta li ma tkunx kapaċi tieħu ħsieb il-wild, u, finalment, meta t-talba tagħha sabiex tikseb il-kustodja, anki konġunta, tkun ġiet miċħuda mill-qorti.

68      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C-356/11 u C-357/11, EU:C:2012:776, punti 51 u 56), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala elementi rilevanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza lill-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ wild, ċittadin tal-Unjoni, iwassalx għaċ-ċaħda tat-tgawdija effettiva minn dan tal-aħħar tal-essenzjal tad-drittijiet li l-istatus tiegħu jagħtih, il-kwistjoni tal-kustodja tal-wild u anki dik dwar jekk ir-responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva ta’ dan il-wild hijiex tal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz.

69      Fir-rigward ta’ dan il-fatt tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li hija r-relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni ta’ età żgħira u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jiġi rrifjutat id-dritt ta’ residenza li tista’ tpoġġi f’dubju l-effettività taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, peress li hija din id-dipendenza li twassal sabiex iċ-ċittadin tal-Unjoni jsib ruħu mġiegħel, de facto, jitlaq mhux biss mit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, iżda wkoll mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fit-totalità tiegħu, bħala konsegwenza ta’ tali deċiżjoni ta’ rifjut (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punti 43 u 45; tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punti 65 u 67, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 56).

70      F’dan il-każ, sabiex jiġi evalwat ir-riskju li l-wild ikkonċernat, ċittadin tal-Unjoni, jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni u jkun għalhekk imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet li jagħtiħ l-Artikolu 20 TFUE jekk il-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, ma jingħatax dritt ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi ddeterminat, f’kull każ inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, liema huwa l-ġenitur li jassumi l-kustodja effettiva tal-wild u jekk hemmx relazzjoni ta’ dipendenza effettiva bejnu u l-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz. Fl-ambitu ta’ din l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, liema artikolu għandu jinqara flimkien mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-istess karta.

71      Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, il-fatt li l-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-Unjoni, huwa fil-fatt kapaċi u lest li jassumi waħdu r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild jikkostitwixxi element rilevanti, iżda li ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li ma hemmx, bejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild, relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk dritt ta’ residenza kellu jiġi rrifjutat lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Fil-fatt, tali konstatazzjoni għandha tkun ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interess tal-wild ikkonċernat, taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-età tiegħu, tal-iżvilupp fiżiku u emozzjonali tiegħu, tal-livell tar-relazzjoni affettiva tiegħu kemm mal-ġenitur ċittadin tal-Unjoni kif ukoll mal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, kif ukoll tar-riskju li s-separazzjoni tiegħu minn dan tal-aħħar iġġib għall-bilanċ ta’ dan il-wild.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk wild, ċittadin tal-Unjoni Ewropea, ikunx imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni fit-totalità tiegħu u jkunx għalhekk imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet li dan l-artikolu jagħtih jekk il-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, jiġi mċaħħad mir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, iċ-ċirkustanza li l-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-Unjoni, huwa fil-fatt kapaċi u lest li jassumi waħdu r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild hija element rilevanti iżda mhux suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-assenza, bejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild, ta’ relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar ikun suġġett għall-istess eżiġenza fil-każ ta’ tali rifjut. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interess tal-wild, taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari, tal-età tiegħu, tal-iżvilupp fiżiku u emozzjonali tiegħu, tal-portata tar-relazzjoni affettiva tiegħu kemm mal-ġenitur ċittadin tal-Unjoni kif ukoll mal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, kif ukoll ir-riskju li din is-separazzjoni tiegħu minn dan tal-aħħar tinvolvi għall-bilanċ tiegħu.

 Fuq it-tielet domanda preliminari

73      Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jissuġġetta d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild minuri li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, li ta’ kuljum u effettivament jieħu ħsieb l-istess wild, għall-obbligu għal dan iċ-ċittadin li jistabbilixxi li l-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-imsemmi Stat Membru, ma huwiex f’pożizzjoni li ta’ kuljum u effettivament jieħu ħsieb il-wild.

74      Skont il-Gvern Olandiż, skont ir-regola ġenerali li min jinvoka ċerti drittijiet għandu jistabbilixxi li dawn id-drittijiet huma applikabbli għas-sitwazzjoni tiegħu, li hija aċċettata fid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, Alarape u Tijani, C‑529/11, EU:C:2013:290, punt 38, kif ukoll tas-16 ta’ Jannar 2014, Reyes, C‑423/12, EU:C:2014:16, punti 25 sa 27), l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza dedott mill-Artikolu 20 TFUE jaqa’ fuq ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali. Huwa l-kompitu tagħhom li juru li, minħabba ostakoli oġġettivi li jimpedixxu lill-ġenitur ċittadin tal-Unjoni milli konkretament jieħu ħsieb il-wild, dan ikun dipendenti fuq il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz sal-punt li rifjut ta’ rikonoxximent lil dan tal-aħħar ta’ dritt ta’ residenza jkollu l-effett li l-wild jiġi mġiegħel jitlaq, fil-fatt, mit-territorju tal-Unjoni.

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ li ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild minuri ċittadin ta’ Stat Membru, li ta’ kuljum u effettivament jieħu ħsieb l-istess wild, ikollu l-ħsieb li jikseb mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru r-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE, huwa l-kompitu tiegħu li jressaq l-elementi li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu humiex issodisfatti, b’mod partikolari, dawk li jistabbilixxu li deċiżjoni li tirrifjuta d-dritt ta’ residenza lil ġenitur ta’ pajjiż terz iċċaħħad lill-wild mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni billi ġġiegħlu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu.

76      Madankollu, kif indikat il-Kummissjoni Ewropea, minkejja li, bħala prinċipju, huwa l-kompitu tal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz li jressaq l-elementi intiżi sabiex jintwera li huwa għandu dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, b’mod partikolari dawk li jistabbilixxu li, fil-każ ta’ rifjut ta’ residenza, il-wild ikollu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fl-ambitu tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet neċessarji sabiex dan iċ-ċittadin ikun jista’ jibbenefika minn tali dritt ta’ residenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-oneru tal-prova bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tkunx tista’ tikkomprometti l-effettività tal-Artikolu 20 TFUE.

77      B’hekk, l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-oneru tal-prova ma tiddispensax lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat milli jipproċedi, fuq il-bażi tal-elementi pprovduti miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, bir-riċerki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat fejn jirrisjedi l-ġenitur ċittadin ta’ dan l-Istat Membru u sabiex jiġi eżaminat, minn naħa, jekk dan huwiex, jew le, fil-fatt kapaċi u lest li waħdu jassumi r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild, u min-naħa l-oħra, jekk teżistix, jew le, relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-wild u l-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz b’mod li deċiżjoni li tirrifjuta d-dritt ta’ residenza lil dan tal-aħħar iċċaħħad lill-wild mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni billi ġġiegħlu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, hemm lok li għat-tielet domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix Stat Membru milli jissuġġetta d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild minuri li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, li ta’ kuljum u effettivament jieħu ħsieb dan il-wild, għall-obbligu għal dan iċ-ċittadin li jressaq l-elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li deċiżjoni li tirrifjuta d-dritt ta’ residenza għall-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz iċċaħħad lill-wild mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni billi ġġiegħlu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu. Madankollu, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jipproċedu, fuq il-bażi tal-elementi pprovduti miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, bir-riċerki neċessarji sabiex ikunu jistgħu jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk deċiżjoni ta’ rifjut ikollhiex tali konsegwenzi.

 Fuq l-ispejjeż

79      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk wild, ċittadin tal-Unjoni Ewropea, ikunx imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni fit-totalità tiegħu u jkunx għalhekk imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet li dan l-artikolu jagħtih jekk il-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, jiġi mċaħħad mir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, iċ-ċirkustanza li l-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-Unjoni, huwa fil-fatt kapaċi u lest li jassumi waħdu r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild hija element rilevanti iżda mhux suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-assenza, bejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild, ta’ relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar ikun suġġett għall-istess eżiġenza fil-każ ta’ tali rifjut. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interess tal-wild, taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari, tal-età tiegħu, tal-iżvilupp fiżiku u emozzjonali tiegħu, tal-portata tar-relazzjoni affettiva tiegħu kemm mal-ġenitur ċittadin tal-Unjoni kif ukoll mal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, kif ukoll ir-riskju li din is-separazzjoni tiegħu minn dan tal-aħħar tinvolvi għall-bilanċ tiegħu.

2)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix Stat Membru milli jissuġġetta d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild minuri li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, li ta’ kuljum u effettivament jieħu ħsieb dan il-wild, għall-obbligu għal dan iċ-ċittadin li jressaq l-elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li deċiżjoni li tirrifjuta d-dritt ta’ residenza għall-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz iċċaħħad lill-wild mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni billi ġġiegħlu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu. Madankollu, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jipproċedu, fuq il-bażi tal-elementi pprovduti miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, bir-riċerki neċessarji sabiex ikunu jistgħu jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk deċiżjoni ta’ rifjut ikollhiex tali konsegwenzi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż