Language of document : ECLI:EU:C:2004:538

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta' Settembru 2004 (*)

"Trade marks – Direttiva 89/104/KEE – Artikolu 3(1)(b) – Trade mark magħmula minn kunjom komuni – Karatteristika distintiva – Effett ta' l-Artikolu 6(1)(a) fuq l-evalwazzjoni"

Fil-kawża C-404/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' Settembru 2002, irreġistrata fit-12 ta' Novembru 2002, fil-kawża

Nichols plc

vs

Registrar of Trade Marks,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann (Relatur), J.-P. Puissochet, R. Schintgen, u N. Colneric, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur:  M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' Novembre 2003,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Nichols plc, minn C. Morcom, QC,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn P. Ormond, bħala aġent, assistit minn D. Alexander, barrister,

–       għall-Gvern Grieg, minn G. Skiani u S. Trekli, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Bodard-Hermant, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Banks, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjoni ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Jannar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 3(1)(b) u 6(1)(a) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Nichols plc (aktar 'il quddiem "Nichols"), kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, u r-Registrar of Trade Marks (Direttur ta' l-Uffiċċju għar-Registrazzjoni tat-Trade Marks) fir-rigward tar-rifjut ta' reġistrazzjoni ta' kunjom komuni bħala trade mark għal ċerti prodotti.

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/104, intitolat "Sinjali li trade mark [tista' tikkonsisti]minnhom", huwa fformulat bil-mod segwenti:

"Trade mark tista’ tikkonsisti minn xi sinjal li jista’ jiġi magħmul grafikament, b’mod partikolari bi kliem li jinkludu ismijiet personali, disinn, ittri, numri, l-għamla tal-merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, basta li tali sinjali jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra."

4       L-Artikolu 3 ta' l-istess direttiva, intitolat "Raġunijiet għar-rifjut jew invalidità" jipprovdi li:

"1.      Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi:

(a)      sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark;

(b)      trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

[…]"

5       L-Artikolu 6, intitolat "Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark", jipprovdi li:

"1.      It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ,

(a)      l-isem jew l-indirizz tiegħu;

[…]

sakemm jużahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali.

[…]"

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6       Nichols applikat lir-Registrar of Trade Marks għar-reġistrazzjoni tal-kunjom "Nichols" bħala trade mark, partikolarment għal magni tal-bejgħ awtomatiċi kif ukoll għal ikel u xorb li normalment jinbiegħu minn dawn il-magni.

7       Permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Mejju 2001, ir-Registrar of Trade Marks laqa' l-applikazzjoni għal dak li jikkonċerna l-magni tal-bejgħ awtomatiċi, iżda ċaħadha fir-rigward tal-kumplament.

8       Huwa rrileva li l-kunjom "Nichols", inkluża l-forma fonetika ekwivalenti tiegħu "Nicholls" u l-forma tiegħu fis-singular, "Nichol", huwa komuni ħafna fir-Renju Unit fid-dawl tad-diversi drabi li jidher fid-direttorju tat-telefon ta' Londra.

9       Għalhekk, għal dak li jikkonċerna l-prodotti ta' l-ikel u tax-xorb, kunjom bħal dan m'għandux, fih innifsu, il-kapaċità li jindika li dawn ikunu ġejjin mill-istess impriża. Fid-dawl ta' l-attivitajiet in kwistjoni u d-daqs potenzjali tas-suq għal dawn il-prodotti, il-kunjom "Nichols" jista' jiġi użat minn produtturi u fornituri oħra. Għalhekk, ftit huwa probabbli li l-pubbliku jikkunsidra li jeżisti operatur wieħed biss li jeżerċita fis-suq bl-imsemmi kunjom. Konsegwentement, it-trade mark magħmula minn dan il-kunjom m'għandhiex karatteristika distintiva għall-prodotti ta' l-ikel u tax-xorb.

10     Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-magni tal-bejgħ awtomatiċi, is-suq huwa aktar speċifiku billi jinkludi anqas operaturi li jikkummerċjaw fih. Għalhekk it-trade mark tista' tiġi rreġistrata għal dawn l-oġġetti.

11     Nichols ressqet appell mid-deċiżjoni tal-11 ta' Mejju 2001 quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division.

12     Din il-qorti tosserva li l-United Kingdom Trade Marks Registry (Uffiċċju tat-Trade Marks tar-Renju Unit) jikkunsidra li r-reġistrazzjoni ta' l-ismijiet u, b'mod partikolari, ta' kunjomijiet komuni, għandha tiġi kkunsidrata b'kawtela, sabiex jiġi evitat li jingħata żvantaġġ żleali lill-ewwel applikant. B'mod ġenerali, aktar ma jkun komuni l-kunjom, anqas ma dan l-uffiċċju jkun lest li jaċċetta r-reġistrazzjoni mingħajr ma jiġi ppruvat li dan il-kunjom effettivament akkwista karatteristika distintiva. L-imsemmi uffiċċju jieħu wkoll in kunsiderazzjoni n-numru ta' prodotti u servizzi kif ukoll in-numru ta' persuni li għandhom l-istess kunjom jew kunjom simili li jistgħu jiġu affettwati mir-reġistrazzjoni.

13     Il-qorti tar-rinviju tqis li hawnhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk kunjom li huwa pjuttost komuni għandux jiġi kkunsidrat bħala nieqes minn karatteristika distintiva sakemm jkun jakkwista dan il-karattru permezz ta' l-użu.

14     Hija tikkunsidra li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-limitazzjoni ta' l-effetti tat-trade mark prevista fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 89/104 għal dak li jikkonċerna l-użu, minn terza persuna, ta' isimha. Fil-fehma tagħha, aktar ma tkun kbira l-limitazzjoni potenzjali prevista minn din id-dispożizzjoni, anqas ma r-reġistrazzjoni tkun ta' ostakolu għall-persuni kkonċernati. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat safejn il-limitazzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 tad-Direttiva 89/104 huma rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-karatteristika distintiva ta' trade mark li tintalab ir-reġistrazzjoni tagħha.

15     F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1)(a) japplikax mhux biss għall-ismijiet tal-persuni fiżiċi iżda għall-ismijiet tal-kumpanniji wkoll. Hija tistaqsi wkoll xi tfisser l-espressjoni "prattiċi onesti" użata minn din id-dispożizzjoni.

16     F'dan il-kuntest, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

"(1)      Taħt liema kundizzjoniet għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta' trade mark (jiġifieri 'sinjal' li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/104/KE), li tikkonsisti f'kunjom wieħed, għar-raġuni li m'għandha "ebda karatteristika distintiva" skond l-Artikolu 3(1)(b) tad-direttiva?

(2)      B'mod partikolari, sinjal bħal dan qabel ma jakkwista karatteristika distintiv

(a) għandha jew

(b) tista', qabel ma' dan jakkwista karatteristika distintiva permezz ta' l-użu, tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tiegħu jekk ikun kunjom komuni fl-Istat Membru li fi fih tintalab ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jew jekk ikun kunjom komuni f'wieħed jew f'diversi Stati Membri oħra?

(3)      F'każ ta' risposta pożittiva għad-domanda 2(a) jew (b), huwa xieraq li l-awtoritajiet nazzjonali jsolvu l-kwistjoni billi jirreferu għall-aspettattivi preżunti ta' konsumatur medju fir-rigward tal-prodotti/servizzi in kwistjoni fl-Istat Membru, fid-dawl tal-karattru komuni tal-kunjom, in-natura tal-prodotti/servizzi in kwistjoni u l-użu komuni (jew mhux komuni) tal-kunjomijiet fis-suq in kwistjoni?

(4)      Sabiex jiġi ddeterminat li kunjom m'għandu "ebda karatteristika distintiva" fis-sens ta' l-Artikolu 3(1)(b) tad-direttiva, huwa importanti li l-effetti tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikunu limitati taħt l-Artikolu 6(1)(a)?

(5)      Jekk dan huwa l-każ,

(a)      il-kelma "persuna" fl-Artikolu 6(1)(a) tad-direttiva għandha tinftiehem bħala li tinkludi kumpannija jew negozju, u

(b)      x'għandu jinftiehem bil-frażi "prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali"; b'mod partikolari, din l-espressjoni tapplika meta

(i)      il-konvenut, fil-prattika, mhuwiex iqarraq bil-pubbliku billi juża l-kunjom tiegħu proprju jew meta

(ii)      il-konvenut, billi jagħmel dan, ikun sempliċement qiegħed joħloq konfużjoni mingħajr intenzjoni li jagħmel dan?"

 Fuq l-ewwel erba' domandi

17     Permezz ta' l-ewwel erba' domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi taħt liema kundizzjonijiet għandha tiġi evalwata, fil-kuntest ta' l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104, l-eżistenza jew le ta' karatteristika distintiva ta' trade mark magħmula minn kunjom, b'mod partikolari, meta dan il-kunjom ikun komuni, u jekk il-fatt li l-effetti tar-reġistrazzjoni tat-trade mark huma limitati skond l-Artikolu 6(1)(a) ta' l-istess direttiva għandux effett fuq din l-evalwazzjoni.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

18     Nichols tqis li r-reġistrazzjoni ta' trade mark ma tistax tiġi rrifjutata minħabba l-uniku motiv li din tikkonsisti f'kunjom komuni. Hija tikkunsidra li l-kriterju użat fil-kawża prinċipali, tan-numru ta' drabi li kunjom jidher fid-direttorju tat-telefon ta' Londra, huwa arbitrarju. Il-kunjomijiet ma jistgħux jiġu suġġetti għal trattament speċjali li huwa aktar strett minn dak applikat għal sinjali oħra li jistgħu jikkostitwixxu trade mark. Bħas-sinjali l-oħra kollha, huma għandhom jiġu rreġistrati meta jippermettu li jiġu identifikati, skond l-oriġini tagħhom, il-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni. L-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 89/104 għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' karatteristika distintiva.

19     Il-Gvern Grieg u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw ukoll li l-kunjomijiet, anke dawk li huma komuni, għandhom jiġu ttrattati bħall-kategoriji l-oħra ta' sinjali, billi jiġu kkunsidrati l-prodotti jew s-servizzi in kwistjoni u l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-funzjoni tat-trade mark li l-oriġini.

20     Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li huwa improbabbli ħafna li kunjom komuni jindika biss il-prodotti u s-servizzi ta' l-impriża li tkun qed titlob ir-reġistrazzjoni ta' l-imsemmi kunjom bħala trade mark. Trade mark li ma tindikax esklussivament il-prodotti jew is-servizzi ta' impriżi partikolari ma tistax tiġi rreġistrata għar-raġuni li hija taqa' taħt il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104. F'dan il-każ, hija ma sservix sabiex tindika l-oriġini. Għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-aspettattivi preżunti ta' konsumatur medju fir-rigward tat-trade mark. Il-fatturi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni jistgħu jinkludu l-karattru komuni tal-kunjom, in-numru ta' impriżi li jipprovdu l-prodotti jew is-servizzi tat-tip in kwistjoni kif ukoll l-użu komuni jew le ta' kunjomijiet fil-qasam ikkonċernat.

21     Il-Gvern Franċiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 89/104 m'għandux effett fuq l-evalwazzjoni tal-karatteristika distintiva li ssir taħt l-Artikolu 3(1)(b) ta' l-istess direttiva.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

22     L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/104 fih lista, li s-seba' premessa ta' din id-direttiva tikkwalifika bħala "eżempji", ta' sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark jekk ikunu adattati sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra, jiġifieri li jservu sabiex jindikaw l-oriġini tat-trade mark. Din il-lista ssemmi espressament l-"ismijiet personali".

23     Skond l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104, il-karatteristika distintiva ta' trade mark għandha tiġi evalwata skond, minn naħa, il-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, skond il-perċezzjoni ta' dawk ikkonċernati (ara s-sentenzi tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punti 59 u 63, u tat-12 ta' Frar 2004, Henkel, C-218/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 50).

24     F'dan ir-rigward, id-dispożizzjoni in kwistjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn is-sinjali ta' natura differenti [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' April 2003, Linde et, C-53/01 sa C-55/01, Ġabra p. I-3161, punt 42, u, fir-rigward tad-dispożizzjoni identika li tinsab fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), id-digriet tat-28 ta' Ġunju 2004, Glaverbel vs UASI, C-445/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21].

25     Il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karatteristika distintiva tat-trade marks magħmula minn isem ta' persuna huma għalhekk l-istess bħal dawk li japplikaw għall-kategoriji l-oħra ta' trade marks.

26     Kriterji ġenerali ta' evalwazzjoni li huma aktar stretti bbażati fuq, per eżempju,

–       numru stabbilit minn qabel ta' persuni li għandhom l-istess isem, liema isem, li, jekk dan in-numru jiġi maqbuż, għandu jiġi kkunsidrat bħala li m'għandu ebda karatteristika distintiva,

–       in-numru ta' impriżi li jipprovdu prodotti jew servizzi ta' l-istess tip bħal dawk li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni, u

–       l-użu komuni jew le ta' kunjomijiet fil-qasam ikkonċernat,

ma jistgħux jiġu applikati għal trade marks bħal dawn.

27     Il-karatteristika distintiva ta' trade mark, tkun liema tkun il-kategorija li taqa' taħtha, għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni konkreta.

28     Fil-kuntest ta' din l-evalwazzjoni, jista' tabilħaqq jidher, per eżempju, li l-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat mhijiex neċessarjament l-istess għal kull waħda mill-kategoriji u li, għaldaqstant, jista' jkun aktar diffiċli li tiġi stabbilita l-karatteristika distintiva tat-trade marks ta' ċerti kategoriji milli ta' dawk ta' kategoriji oħra [ara, b'mod partikolari, is-sentenza Henkel, iċċitata aktar 'il fuq, punt 52, kif ukoll, fir-rigward ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, Procter & Gamble vs UASI, C-468/01 P sa C-472/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36, u d-digriet Glaverbel vs UASI, iċċitat aktar 'il fuq, punt 23].

29     Madankollu, diffikultà akbar li tista' tqum fl-evalwazzjoni konkreta tal-karatteristika distintiva ta' ċerti trade marks, ma tistax tiġġustifika s-suppożizzjoni li tali trade marks m'għandhomx, a priori, karatteristika distintiva jew ma jistgħux jakkwistawha permezz ta' l-użu, skond l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 89/104.

30     Bl-istess mod bħal kelma użata fil-lingwaġġ ta' kuljum, kunjom komuni jista' jservi sabiex jindika l-oriġini tat-trade mark u għalhekk jista' ikun distintiv għall-prodotti jew is-servizzi kkonċernati meta ma jkunx suġġett għal raġuni ta' rifjut ta' reġistrazzjoni apparti dik imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104, jiġifieri, per eżempju, il-karattru ġeneriku jew deskrittiv tat-trade mark, jew l-eżistenza ta' dritt preċedenti.

31     Peress li d-Direttiva 89/104 ma fiha ebda dispożizzjoni f'dan is-sens, ir-reġistrazzjoni ta' trade mark magħmula minn kunjom ma tistax tiġi rrifjutata sabiex jiġi evitat li jingħata vantaġġ lill-ewwel applikant irrispettivament, barra minn hekk, mill-kategorija li tagħmel parti minnha t-trade mark mitluba.

32     F'kull każ, il-fatt li l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 89/104 jippermetti lil terzi persuni jużaw isimhom fil-ħajja tal-kummerċ, m'għandu ebda effett fuq l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' karatteristika distintiva tat-trade mark, li ssir fil-kuntest ta' l-Artikolu 3(1)(b) ta' l-istess direttiva.

33     Fil-fatt, l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 89/104 jillimita b'mod ġenerali, għall-benefiċċju ta' l-operaturi li għandhom isem identiku jew simili għal dak tat-trade mark irreġistrata, id-dritt mogħti minnha wara r-reġistrazzjoni tagħha, jiġifieri li tkun ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta' karatteristika distintiva tat-trade mark. Għaldaqstant, ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex issir l-evalwazzjoni konkreta tal-karatteristika distintiva tat-trade mark qabel ir-reġistrazzjoni ta' din ta' l-aħħar.

34     Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel erba' domandi, fil-kuntest ta' l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104, għandha tkun li l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza jew l-ineżistenza ta' karatteristika distintiva ta' trade mark magħmula minn kunjom, anke jekk kunjom komuni, għandha ssir b'mod konkret, skond il-kriterji applikabbli għal kull sinjal imsemmi fl-Artikolu 2 ta' l-imsemmija direttiva, fir-rigward, minn naħa, tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija mitluba r-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-perċezzjoni ta' dawk ikkonċernati. Il-fatt li l-effetti tar-reġistrazzjoni tat-trade mark huma limitati bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(1)(a) ta' l-istess direttiva m'għandu l-ebda effett fuq din l-evalwazzjoni.

 Fuq il-ħames domanda

35     Fir-rigward tal-ħames domanda, għandu jiġi kkonstatat li din ġiet mistoqsija fil-każ biss li tingħata risposta pożittiva għar-raba' domanda. Peress li r-risposta għal din id-domanda hija waħda negattiva, il-ħames domanda ma teħtieġ ebda risposta.

 Fuq l-ispejjeż

36     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Fil-kuntest ta' l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill (KEE) 89/104, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks, għandha tkun li l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza jew l-ineżistenza ta' karatteristika distintiva ta' trade mark magħmula minn kunjom, anke jekk kunjom komuni, għandha ssir b'mod konkret, skond il-kriterji applikabbli għal kull sinjal imsemmi fl-Artikolu 2 ta' l-imsemmija direttiva, fir-rigward, minn naħa, tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija mitluba r-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-perċezzjoni ta' dawk ikkonċernati. Il-fatt li l-effetti tar-reġistrazzjoni tat-trade mark huma limitati bis-saħħa l-Artikolu 6(1)(a) ta' l-istess direttiva m'għandu ebda effett fuq din l-evalwazzjoni.

Firem.


** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.