Language of document : ECLI:EU:C:2011:284

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-5 ta’ Mejju 2011 (1)

Kawżi Magħquda C-244/10 u C-245/10

Mesopotamia Broadcast A/S METV u Roj TV A/S

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja)]

“Koordinazzjoni ta’ ċerti liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv – Possibbiltà għal Stat Membru li jipprojbixxi fit-territorju tiegħu l-attività ta’ xandar tat-televiżjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba ksur tal-ftehim bejn il-popli”





1.        F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tagħti deċiżjoni dwar il-portata tal-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 22a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (2), li abbażi tagħha x-xandiriet televiżivi trażmessi minn Stat Membru ma għandux ikun fihom xi tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità.

2.        Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) tixtieq tkun taf jekk din il-kundizzjoni għandhiex tiġi intepretata fis-sens li tkopri r-rekwiżit previst fid-dritt intern tagħha, li abbażi tiegħu xandira televiżiva ma għandhiex tikser l-ftehim bejn il-popli.

3.        L-importanza ta’ din id-domanda tirrigwarda l-fatt li, skont is-sistema prevista mid-Direttiva, Stat Membru ma jistax jostakola t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandira televiżiva li tkun ġejja minn Stat Membru ieħor minħabba raġuni li taqa’ taħt l-oqsma kkoordinati mid-Direttiva, ħlief fil-kundizzjonijiet eċċezzjonali previsti minnha, wara li jkun innotifika lill-Kummissjoni Ewropea l-miżuri li huwa għandu l-intenzjoni li jadotta.

4.        L-imsemmija domanda saret minħabba l-projbizzjoni tat-trażmissjoni fil-Ġermanja ta’ xandiriet trażmessi minn stazzjon televiżiv Daniż, minħabba li dawn ix-xandiriet ifaħħru lill-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK) u b’hekk jiksru l-ftehim bejn il-popli fis-sens tal-liġi Ġermaniża, minkejja li l-awtoritajiet Daniżi kompetenti kienu kkunsidraw li l-imsemmija xandiriet ma jiksrux l-Artikolu 22a tad-Direttiva.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, se jiġu spjegati r-raġunijiet għaliex il-projbizzjoni ta’ kull tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza u nazzjonalità stipulata fl-Artikolu 22a tad-Direttiva għandha tinftiehem, mil-lat semantiku, fis-sens li hija tipprojbixxi wkoll xandiriet li, billi jfaħħru grupp ikkwalifikat bħala “terrorista” mill-Unjoni Ewropea, jistgħu joħolqu reazzjonijiet ta’ animożità jew ta’ twarrib bejn komunitajiet ta’oriġini etnika u kulturali differenti.

6.        Se jiġi indikat ukoll li din l-interpretazzjoni hija l-iktar waħda konformi mal-għan tad-Direttiva, li tiġi żgurata l-libertà ta’ trażmissjoni ta’ xandiriet televiżivi filwaqt li jiġu aboliti l-ostakoli li jirriżultaw mid-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku fir-rigward tax-xandiriet diskriminatorji.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva

7.        Il-punt ta’ tluq tad-Direttiva hija l-konstatazzjoni li d-differenzi li jeżistu bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ xandir televiżiv jistgħu jirrestrinġu l-moviment liberu tax-xandiriet fil-Komunità Ewropea u li dawn ir-restrizzjonijiet, skont it-Trattat KE, għandhom jiġu aboliti (3). B’hekk, id-Direttiva għandha l-għan li twettaq armonizzazzjoni neċessarja u suffiċjenti sabiex jiġi żgurat dan il-moviment liberu (4).

8.        Barra minn hekk, skont it-tmien premessa tad-Direttiva, il-moviment liberu tas-servizzi ta’ xandir televiżiv, jikkostitwixxi manifestazzjoni speċifika fid-dritt Komunitarju tal-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li ġiet iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (5).

9.        Id-Direttiva hija msejsa fuq il-“prinċipju tal-Istat Membru ta’ oriġini”, li huwa espressjoni oħra tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li skontu, skont it-tnax-il premessa tagħha, huwa neċessarju u suffiċjenti li x-xandiriet kollha jikkonformaw mal-liġi tal-Istat Membru minn fejn joriġinaw.

10.      L-erbatax u l-ħmistax-il premessa tad-Direttiva jippreċiżaw li:

“Billi huwa neċessarju, fis-suq komuni, li x-xandiriet kollha li joriġinaw minn u huma maħsuba għar-riċezzjoni fil-Komunità u b’mod partikolari dawk maħsuba għar-riċezzjoni fi Stat Membru ieħor, għandhom jirrispettaw il-liġi ta’ l-Istat Membru minn fejn joriġinaw applikabbli għal xandiriet maħsuba għal riċezzjoni mill-pubbliku f’dak l-Istat Membru u d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva;

Billi l-ħtieġa li l-Istat Membru li minnu joriġinaw għandu jivverifika li x-xandiriet jikkonformaw mal-liġi nazzjonali kif ikkoordinata b’din id-Direttiva hija suffiċjenti taħt il-liġi tal-Komunità sabiex tassigura l-moviment liberu ta’ xandiriet mingħajr kontroll sekondarju fuq l-istess bażi fl-Istati Membri li jirċevuhom; billi, madanakollu, l-Istat Membru li jirċevihom jista’eċċezzjonalment u taħt kondizzjonijiet speċifiċi jissospendi proviżorjament it-trasmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet bit-televiżjoni”.

11.      L-intenzjonijiet tal-leġiżlatur Komunitarju espressi f’dawn il-premessi huma implementati kif ġej fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tad-Direttiva.

12.      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, kull Stat Membru għandu jiżgura li x-xandiriet televiżivi kollha trażmessi minn xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu josservaw ir-regoli tas-sistema legali applikabbli għax-xandiriet maħsuba għall-pubbliku f’dan l-Istat Membru.

13.      Xandar tat-televiżjoni huwa ddefinit fl-Artikolu 1(b) tad-Direttiva bħala l-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-kompożizzjoni tal-iskedi tal-programmi televiżivi fis-sens tal-punt (a) ta’ dan l-artikolu u li tittrażmettihom jew li tagħmel mezz li jiġu trażmessi minn terz.

14.      Skont l-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva, ix-xandara taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru huma dawk stabbiliti f’dak l-Istat Membru, jiġifieri li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f’dak l-Istat Membru u li d-deċiżjonijiet editorjali dwar l-iskeda ta’ programmi tagħhom jittieħdu fl-imsemmi Stat Membru.

15.      Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, b’mezzi xierqa, jiżguraw, fi ħdan il-qafas leġiżlattiv tagħhom, li x-xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom iħarsu b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

16.      L-Artikolu 2a tad-Direttiva jipprovdi hekk:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà tar-riċezzjoni u m’għandhomx jagħmlu xi restrizzjoni fuq it-trasmissjonijiet mill-ġdid fuq it-territorju tagħhom ta xandiriet televiżivi minn Stati Membri oħra għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma koordinati minn din id-Direttiva.

2.      L-Istati Membri jistgħu, proviżorjament, jidderogaw mill-paragrafu 1 jekk is-segwenti kondizzjonijiet jiġu ssodisfati:

(a)      jekk xandira televiżiva li tkun ġejja minn Stat Membru ieħor b’mod manifest, serju u gravi tikser l-Artikolu 22 (1) jew (2) u/jew l-Artikolu 22a;

(b)      matul it-12-il xahar preċedenti, ix-xandar ikun kiser id-disposizzjoni(jiet) li ssir riferenza għalih(om) f’(a) mill-inqas f’żewġ okkażjonijiet preċedenti;

(ċ)      l-Istat Membru inkwistjoni irid ikun innotifika lix-xandar u lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-allegati vjolazzjonijiet u dwar il-miżuri li jkun bi ħsiebu jieħu jekk jerġa jkun hemm vjolazzjoni oħra bħal dik;

(d)      jekk il-konsultazzjonijiet ma’ l-Istat Membru li jittrasmetti u l-Kummissjoni ma jwasslux għal ftehim amikevoli fi żmien 15-il ġurnata min-notifika provduta f’(ċ), u l-allegata vjolazzjoni tkun għadha tippersisti.

Il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn wara n-notifika tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru, tieħu deċiżjoni dwar jekk il-miżuri humiex kompatibbli mal-liġi tal-Komunità. Jekk tiddeċiedi li m’humiex, l-Istat Membru huwa meħtieġ li jtemm il-miżuri inkwistjoni b’urġenza.

3.      Il-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kull proċedura, rimedju jew sanzjoni għall-vjolazzjonijiet inkwistjoni fl-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq ix-xandar inkwistjoni.”

17.      L-Artikoli 22 u 22a tad-Direttiva jifformaw parti mill-Kapitolu V tagħha, intitolat “Il-protezzjoni tal-minuri u l-ordni pubblika”. Huma jipprovdu:

“L-Artikolu 22

1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw illi x-xandiriet televiżivi minn xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jkunu jinkludu ebda programmi li jistgħu serjament ifixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minuri, b’mod partikolari programmi li jinvolvu pornografija jew vjolenza gratwita.

[…]

L-Artikolu 22a

L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert illi x-xandiriet ma jkunx fihom xi tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità.”

B –    Id-dritt nazzjonali

18.      Il-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet (Gesetz zur Regelung des öffentlichen Vereinsrechts), tal-5 ta’ Awwissu 1964 (6), tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha, li assoċjazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala pprojbita meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeċidew permezz ta’ digriet li l-għanijiet tagħha jew l-attività tagħha jiksru l-liġijiet kriminali jew li din tmur kontra l-ordni kostituzzjonali jew l-idea tal-ftehim bejn il-popli.

19.      L-Artikolu 18 tal-Vereinsgesetz jipprovdi, fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ assoċjazzjonijiet li jkollhom l-uffiċċju rreġistat tagħhom barra mill-pajjiż:

“Il-projbizzjonijiet li jolqtu lil assoċjazzjonijiet li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ din il-liġi imma li għandhom sottoorganizzazzjonijiet fih huma estiżi biss għas-sottoorganizzazzjonijiet f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni. Jekk l-assoċjazzjoni ma għandhiex organizzazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku ta’ din il-liġi, il-projbizzjoni tapplika […] għall-attività tagħha f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni.”

II – Il-fatti u d-domandi preliminari

20.      Mesopotamia Broadcast A/S METV (iktar ’il quddiem “Mesopotamia Broadcast METV”) hija kumpannija holding b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Daniż, li għandha l-ufiċċju rreġistrat tagħha fid-Danimarka. Hija l-proprjetarja ta’ diversi liċenzji televiżivi Daniżi u topera, b’mod partikolari, l-istazzjon televiżiv Roj TV A/S (iktar ’il quddiem “Roj TV”), li ġuridikament huwa wkoll ikkostitwit bħala kumpannija b’responsabbiltà limitata Daniża.

21.      Mill-1 ta’ Marzu 2004, l-iskeda ta’ Roj TV, prodotta prinċipalment bil-Kurd, bdiet tkun trażmessa bis-satellita fl-Ewropa kollha kif ukoll fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari fit-Turkija. Roj TV iqabbad lill-kumpannija ta’ produzzjoni VIKO, stabbilita f’Wuppertal (il-Ġermanja), kif ukoll lil ċentri ta’ produzzjoni tiegħu li jinsabu f’Denderleeuw (il-Belġju), sabiex jipproduċu xi xandiriet.

22.      Fl-2006 u fl-2007, awtoritajiet Torok ressqu lmenti quddiem il-Kumitat Daniż tar-Radju u tat-Televiżjoni, li għandu kompetenza fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva, li fihom Roj TV ġie akkużat li bix-xandiriet tiegħu jiffavorixxi l-għanijiet tal-PKK, grupp li ġie kkwalifikat bħala “terrorista” mill-Unjoni Ewropea.

23.      Fid-deċiżjonijiet tiegħu tat-3 ta’ Mejju 2007 u tat-23 ta’ April 2008, dan il-kumitat ikkunsidra li Roj TV ma kienx kiser ir-regoli Daniżi ta’ traspożizzjoni tal-Artikoli 22 u 22a tad-Direttiva. Skont l-imsemmi kumitat, is-sekwenzi tal-programmi ta’ Roj TV imsemmija fl-ilmenti ma jxewxux, fil-fehma tiegħu, għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza, nazzjonalità jew reliġjon. Huma jittrażmettu informazzjoni, aħbarijiet u opinjonijiet fil-kuntest ta’ programmi ta’ informazzjoni u ta’ dibattiti. L-immaġnijiet trażmessi dwar episodji vjolenti kienu jirriflettu l-vjolenza li teżisti tassew fis-soċjetà Torka u fit-territorji Kurdi.

24.      B’deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2008, il-Ministeru tal-Intern Ġermaniż ipprojbixxa lil Mesopotamia Broadcast METV milli twettaq permezz ta’ Roj TV kull attività li taqa’ taħt il-Vereinsgesetz. Huwa pprojbixxa wkoll kull attività ta’ Roj TV.

25.      Il-Ministeru Federali tal-Intern iġġustifika dawn il-projbizzjonijiet, b’mod partikolari, għaliex ix-xandiriet ta’ Roj TV kienu japprovaw l-użu tal-vjolenza sabiex jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-PKK kif ukoll fir-relazzjonijiet bejn it-Torok u l-Kurdi, u b’hekk kienu qed jiksru l-ftehim bejn il-popli fis-sens tal-Vereinsgesetz.

26.      Dawn id-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni ġew ikkontestati minn Mesopotamia Broadcast METV kif ukoll minn Roj TV quddiem il-Bundesverwaltungsgericht.

27.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li l-attivitajiet transkonfinali tagħhom fil-qasam tat-televiżjoni jaqgħu taħt id-Direttiva, u li skont din tal-aħħar, huwa biss ir-Renju tad-Danimarka, li fuq it-territorju tiegħu huma stabbiliti, li jista’ jeżerċita kontroll fuq dawn l-attivitajiet.

28.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht tosserva li l-programmi trażmessi minn Mesopotamia Broadcast METV permezz ta’ Roj TV tabilħaqq ifaħħru l-ġlieda armata mwettqa mill-PKK kontra r-Repubblika tat-Turkija u b’hekk jaqgħu taħt il-projbizzjoni tal-ksur tal-ftehim bejn il-popli fis-sens tal-Vereinsgesetz.

29.      Hija tispjega li, skont il-Vereinsgesetz, din ir-raġuni għal projbizzjoni tista’ tapplika meta grupp isostni moviment li jaffettwa l-koeżistenza paċifika bejn il-popli billi jeżerċita l-vjolenza.

30.      Madankollu, il-Bundesverwaltungsgericht tfakkar li, skont id-Direttiva, Stat Membru ma għandux id-dritt jipprojbixxi t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet minn Stat Membru ieħor għal raġuni li taqa’ taħt l-oqsma kkoordinati minnha.

31.      Din hija r-raġuni għaliex il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fiż-żewġ kawżi, id-domanda dwar “jekk, u skont il-każ, taħt liema ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tad-dritt nazzjonali dwar il-projbizzjoni ta’ assoċjazzjoni minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ftehim bejn il-popli taqax taħt qasam irregolat mid-[Direttiva] , u għalhekk, hijiex eskluża skont l-Artikolu 2a [tagħha]”.

32.      Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Awwissu 2010, iż-żewġ kawżi ġew magħquda.

III – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

33.      Qabel ma tiġi eżaminata d-domanda magħmula, għandha tiġi ppreċiżata l-importanza tagħha.

34.      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-ispjegazzjonijiet pprovduti mill-partijiet matul is-seduta, il-miżuri kkontestati adottati mill-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom l-effett li jipprojbixxu kull attività ta’ Roj TV fil-Ġermanja kif ukoll it-trażmissjoni mill-ġdid f’dan it-territorju, f’kuntest pubbliku, ta’ xandiriet televiżivi ta’ din il-kumpannija mxandra mid-Danimarka.

35.      Mesopotamia Broadcast METV li topera lil Roj TV, għandha d-dritt tinvoka fir-rigward tal-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti, dispożizzjonijiet tad-Direttiva li għandhom l-għan jiżguraw il-moviment liberu tax-xandiriet televiżivi tagħha.

36.      Fil-fatt, din il-kumpannija Daniża ġiet deskritta mill-qorti tar-rinviju bħala xandara tat-televiżjoni fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva, li xxandar programmi televiżivi maħsuba għall-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1(a) tagħha, u li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju tad-Danimarka skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) u (3) tal-imsemmija direttiva, peress li l-amministrazzjoni ċentrali tagħha, fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-iskeda tal-programmi, tinsab fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

37.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, bil-kontra ta’ dak li setgħu ħasbu l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti, mill-elementi tal-proċess ma jirriżultax li l-attività tal-imsemmija kumpannija kienet diretta esklużivament jew prinċipalment lejn il-Ġermanja. Hija qalet li Roj TV jittrażmetti x-xandiriet tiegħu fl-Ewropa tal-Punent kollha kif ukoll fil-Lvant Nofsani, u mhux biss fid-direzzjoni tal-Kurdi li jgħixu fil-Ġermanja.

38.      L-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti b’hekk ma għandhomx elementi suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jqabblu lil Mesopotamia Broadcast METV ma’ xandar nazzjonali, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-premessa 14 tad-Direttiva 97/36 (7).

39.      Konsegwentement, din il-kumpannija għandha d-dritt tinvoka l-Artikolu 2a tad-Direttiva, li jipprovdi li Stat Membru bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jistax jopponi għat-trażmissjoni mill-ġdid fit-territorju tiegħu ta’ xandiriet televiżivi trażmessi mill-imsemmija kumpannija permezz tal-istazzjon tagħha Roj TV għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma kkoordinati mid-Direttiva, jiġifieri, fir-rigward ta’ dawn il-kawżi, minħabba li dawn ix-xandiriet fihom tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità.

40.      Skont is-sistema stabbilita mid-Direttiva u kif spjegat fil-15-il premessa tagħha, il-kontroll eżerċitat mill-Istat Membru minn fejn joriġinaw ix-xandiriet fuq ix-xandiriet televiżivi tax-xandara tat-televiżjoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu huwa kkunsidrat bħala suffiċjenti biex jiġi ggarantit li jiġu osservati r-rekwiżiti tad-Direttiva kif stipulati fl-Artikolu 22a tagħha. L-Istati Membri li jirċievu x-xandiriet ma humiex awtorizzati jeżerċitaw kontroll sekondarju biex jaraw jekk dawn ir-rekwiżiti humiex qed jiġu osservati.

41.      Skont din is-sistema, jekk Stat Membru li jirċievi x-xandiriet jevalwa b’mod differenti l-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti, huwa jista’ jieħu azzjoni biss fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva li, b’mod partikolari, timponilu jinnotifika lix-xandar tat-televiżjoni inkwistjoni u lill-Kummissjoni l-miżuri li jkun biħsiebu jieħu u li fin-nuqqas ta’ ftehim amikevoli, jekk dawn il-miżuri jiġu adottati, tipprevedi li din l-istituzzjoni tista’ tistieden lil dak l-Istat Membru biex jirtirahom.

42.      Madankollu, kif jingħad fl-Artikolu 2a(1) tad-Direttiva, kontroll sekondarju mill-Istat Membru li jirċievi x-xandiriet huwa ammissibbli biss fl-oqsma kkoordinati mid-Direttiva. Fi kliem ieħor, il-projbizzjoni ta’ kontroll sekondarju mill-Istati Membri li jirċievu x-xandiriet tapplika biss meta dan il-kontroll kellu jsir mill-Istat Membru ta’ oriġini. Id-Direttiva, kif ġie mfakkar kemm-il darba mill-ġurisprudenza, ma tipproċedix għal armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli dwar l-oqsma li tkopri (8).

43.      Din hija r-raġuni għaliex il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk projbizzjoni bħal dik prevista mill-Vereinsgesetz, li tippermetti li titwaqqaf it-trażmissjoni ta’ xandiriet televiżivi li jiksru l-ftehim bejn il-popli, tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija diġà inkluża fl-obbligu stipulat fl-Artikolu 22a tad-Direttiva, li jipprovdi li tali xandiriet ma għandux ikun fihom xi tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità.

44.      L-importanza tar-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għalhekk tidher ferm ċara.

45.      Il-kwistjoni tirrigwarda dwar jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti jistgħux jipprojbixxu b’mod unilaterali t-trażmissjoni mill-ġdid tax-xandiriet inkwistjoni jew jekk dawn kellhomx josservaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva.

46.      Fl-ewwel każ, il-miżuri meħuda minn dawn l-awtoritajiet kontra x-xandiriet ta’ Mesopotamia Broadcast METV kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għaldaqstant, għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika jekk il-projbizzjonijiet ikkontestati fil-kawżi prinċipali kinux iġġustifikati minn motiv leġittimu u jekk dawn kinux proporzjonati għal dan il-għan.

47.      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkontestat serjament li Stat Membru, li fit-territorju tiegħu jgħixu flimkien komunitajiet Torok u Kurdi konsiderevoli, seta’ jikkunsidra leġittimament li xandiriet televiżivi li jfaħħru lill-PKK, li ġie kkwalifikat bħala “grupp terrorista” mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (9), setgħu jiddisturbaw l-ordni pubbliku. Għal darba oħra għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika jekk il-projbizzjonijiet inkwistjoni jifformawx parti minn azzjoni koerenti u sistematika ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku u jekk dawn kinux proporzjonati.

48.      Fit-tieni każ, l-azzjoni unilaterali tal-awtoritajiet Ġermaniżi għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra d-Direttiva. Madankollu, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22a tad-Direttiva ma għandhiex tinftiehem fis-sens li xandiriet li jiksru l-ftehim bejn il-popli skont id-dritt Ġermaniż huma intiżi li jiġu trażmessi liberament fl-Istati Membri.

49.      Għandu jiġi ppreċiżat, li din l-intepretazzjoni għandha tinftiehem fis-sens li l-Istat Membru ta’ oriġini, li għandu jiżgura ruħu li x-xandiriet tax-xandara tat-televiżjoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 22a tad-Direttiva, kellu jivverifika li dawn ix-xandiriet ma jiksrux l-ftehim bejn il-popli.

50.      Għandu jitfakkar li huwa biss għaliex tali kontroll allegatament sar mill-Istat Membru minn fejn joriġinaw ix-xandiriet, li l-Istati Membri li jirċevuhom, li għandhom evalwazzjoni differenti dwar l-osservanza tal-preskrizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 22a, jistgħu jieħdu azzjoni biss fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva.

51.      L-importanza ta’ dawn il-kawżi b’hekk ma hijiex li jiġi ppreċiżat il-kontenut tal-limitu għal-libertà ta’ espressjoni stabbilit fl-Artikolu 22a tad-Direttiva. Huwa stabbilit li d-dritt fundamentali għal-libertà ta’ espressjoni stipulat fl-Artikolu 11 tal-Karta jikkostitwixxi l-prinċipju u li l-limiti għal dan il-prinċipju, kif inhuma previsti fl-Artikolu 22a tad-Direttiva, għandhom ikunu interpretati b’mod strett.

52.      L-importanza ta’ dawn il-kwistjonijiet qiegħda fil-ħtieġa li tiġi ddeterminata l-portata tat-trasferiment tal-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku li l-Istati Membri riedu jippermettu fl-Artikolu 22a tad-Direttiva.

53.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li se jiġi propost li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina d-domanda magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht.

B –    L-eżami tad-domanda preliminari

54.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22a tad-Direttiva jkoprix xandiriet li jistgħu jiksru l-ftehim bejn il-komunitajiet ta’ oriġini Torka u ta’oriġini Kurda li jgħixu fil-Ġermanja billi jfaħħru lill-PKK.

55.      B’hekk, essenzjalment hija qed tistaqsi jekk l-Artikolu 22a tad-Direttiva, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xandiriet televiżivi ma jkunx fihom xi tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi wkoll ix-xandiriet li, billi jfaħħru grupp ikkwalifikat bħala “terrorista” mill-Unjoni, jistgħu joħolqu reazzjonijiet ta’ animożità jew ta’ twarrib bejn il-komunitajiet ta’oriġini etnika jew kulturali differenti.

56.      Il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar il-possibbiltà li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda għall-motivi li ġejjin.

57.      Skont l-imsemmija qorti, minn naħa, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 22a tad-Direttiva, b’differenza għall-kunċett ta’ ksur tal-ftehim bejn il-popli li huwa marbut ma’ prinċipju ġenerali ta’ dritt oġġettiv, hija bbażata, fil-formulazzjoni tagħha, fuq implikazzjoni suġġettiva, f’karatteristiċi individwali li jwasslu għall-esklużjoni.

58.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 22a tad-Direttiva, billi jirreferi għal tixwix għall-mibegħda, għandu l-għan li jagħti messaġġ b’iktar intensità minn sempliċi ksur tal-ftehim bejn il-popli.

59.      Fl-aħħar nett, id-differenzi bejn iċ-ċittadini Torok u dawk Kurdi huma qabel xejn ta’ natura etnika u kulturali, u mhux razzjali jew ta’ nazzjonalità.

60.      Jiena ma naqbilx mar-riżervi tal-qorti tar-rinviju. L-istess bħall-Kummissjoni u bil-kontra ta’ Mesopotamia Broadcast METV kif ukoll tal-Gvern Ġermaniż u ta’ dak Franċiż, jiena tal-fehma li l-motiv ta’ projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 22a tad-Direttiva jista’ japplika għal xandira li tikser il-ftehim bejn il-popli, fis-sens li fih dan il-kunċett huwa ddefinit fid-dritt Ġermaniż.

61.      Jiena nibbaża l-analiżi tiegħi fuq il-kunsiderazzjonijiet segwenti.

62.      Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva ma tinkludix definizzjoni tal-kliem imsemmi fl-Artikolu 22a tagħha.

63.      It-tieni nett, lanqas ma ngħatat indikazzjoni rilevanti fix-xogħlijiet preparatorji tagħha. Ix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 89/552, li fiha l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22a tad-Direttiva tinsab fl-Artikolu 22(2), ma jipprovdu l-ebda element dwar il-portata ta’ din il-kundizzjoni. Fir-rigward tal-ħidma preparatorja tad-Direttiva 97/36, din tikkonferma sempliċement li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-ħsieb li fl-Artikolu 22a tad-Direttiva jipprevedi motiv ta’ projbizzjoni bbażat fuq l-ordni pubbliku li jkun distint minn dawk li jirreferu speċjalment għall-protezzjoni tal-minuri (10).

64.      Skont il-ġurisprudenza, il-portata tal-Artikolu 22a tad-Direttiva b’hekk għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tal-kliem tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li titqies is-sistema stabbilita minnha u l-għanijiet li trid tilħaq (11).

65.      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 22a tad-Direttiva jipprevedi li x-xandiriet televiżivi ma għandhomx ikun fihom xi tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità. Il-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni b’hekk hija applikabbli għal xandira televiżiva biss jekk din ix-xandira tissodisfa b’mod kumulattiv iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin, jiġifieri, l-ewwel nett, li hija xxewwex għall-mibegħda u, it-tieni nett, li din il-mibgħeda tkun ibbażata fuq waħda mill-motivi msemmija.

66.      Qabel xejn, fir-rigward tal-kelmiet “tixwix” u “mibegħda”, fil-lingwaġġ ta’ kuljum dawn ifissru, l-ewwel waħda, azzjoni li għandha l-għan li tagħti direzzjoni lill-imġiba u, it-tieni waħda, sentiment vjolenti, li jwassal biex wieħed ikun irid id-deni lil xi ħadd u li jieħu pjaċir bl-inkwiet li jinqalgħalu (12).

67.      Bil-kontra tal-qorti tar-rinviju, jiena ma jidhirlix li f’dawn id-definizzjonijiet huma inklużi motivi li jippermettu li wieħed jikkunsidra li l-kunċett ta’ tixwix għall-mibegħda għandu kontenut ferm differenti minn dak ta’ ksur tal-ftehim bejn il-popli. It-tixwix għall-mibegħda jfisser li jsir sforz sabiex jinħoloq sentiment ta’ animożità jew ta’ twarrib fir-rigward ta’ ħaddieħor li minħabba f’hekk min iħoss dan is-sentiment ma jkunx iktar f’pożizzjoni li jgħix b’mod armonjuż ma’ dik il-persuna l-oħra, u għalhekk lanqas li jaqbel magħha.

68.      Barra minn hekk, li jingħata lill-kunċett ta’ ksur tal-ftehim bejn il-popli kontenut iktar estiż fis-sens li jiġu koperti messaġġi li ma jistgħux iqajmu sentiment ta’ intolleranza, imur kontra d-dritt fundamentali għal-libertà ta’ espressjoni. Fi kliem ieħor u kif jirriżulta mill-Artikolu 54 tal-Karta, il-libertà ta’ espressjoni ggarantita fl-Artikolu 11 tagħha ma jibqax ikun applikabbli meta l-messaġġ jikser prinċipji u drittijiet fundamentali oħrajn rikonoxxuti mill-imsemmija Karta, bħall-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

69.      Il-kunċetti ta’ tiwxix għall-mibegħda u ta’ ksur tal-ftehim bejn il-popli b’hekk jirreferu, fil-fehma tiegħi, għall-istess aġir.

70.      It-tieni nett, fir-rigward tas-sens tal-kelmiet “razza” u “nazzjonalità”, imsemmija fl-Artikolu 22a tad-Direttiva, lanqas ma naħseb li dawn jistgħu jinftiehmu bil-mod restrittiv previst mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li ma jirreferux għal differenzi ta’ natura etnika jew kulturali bħal dawk li jista’ jkun hemm bejn il-Kurdi u t-Torok.

71.      Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-kelma “razza” fir-rigward tal-bnedmin, ma għandha l-ebda kontenut xjentifiku oġġettiv. Għalhekk, ma tistax tiġi ddefinita. Hija ma tikkorrispondi, fil-fatt, għall-ebda kriterju ġenetiku, ta’ demm jew għal xi kriterju ieħor. Fil-lingwaġġ ta’ kuljum, l-iktar l-iktar tirreferi għal karatteristiċi viżibbli u globali, bħall-kulur tal-ġilda, li għandhom natura relattiva u parzjali. Id-dritt tal-Unjoni, kif jingħad espressament fil-premessa 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE (13), jiċħad t-teoriji kollha li jippruvaw jistabbilixxu l-eżistenza ta’ razez umani separati.

72.      Meta l-leġiżlatur Komunitarju jipprojbixxi kull tixwix għall-mibegħda għal raġunijiet marbuta mar-razza, b’hekk, fil-fehma tiegħi, qed jirreferi għal forom ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq kriterju li, skont it-teoriji li jikkundanna, jippermettu li l-bnedmin jinqasmu f’kategoriji differenti u li jiġi kkunsidrat li kategorija waħda jew iktar minnhom tkun, b’mod inerenti, superjuri jew inferjuri minn oħrajn.

73.      Huwa b’hekk li fid-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE (14), li tistabbilixxi l-kriterji komuni għall-Istati Membri sabiex ikunu ddeterminati l-persuni mingħajr Stat jew iċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jeħtieġu protezzjoni, il-kunċett ta’ “razza” skont l-Artikolu 10(1)(a) tagħha “għandu partikolarment jinkludi konsiderazzjonijiet ta’ kulur, dixxendenza jew sħubija ta’ grupp etniku partikolari”. Bl-istess argument, l-Artikolu 10(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 jistabbilixxi li l-kunċett ta’ nazzjonalita ma għandux jiġi ristrett għal ċittadinanza jew nuqqas tagħha, imma għandu partikolarment jinkludi sħubija ma’ grupp stabbilit mill-identità kulturali, etnika, jew lingwistika tiegħu, mill-oriġini ġeografika jew politika jew mir-relazzjoni tiegħu mal-popolazzjoni ta’ Stat ieħor.

74.      Din hija r-raġuni għaliex jiena tal-fehma li l-fatt li, fl-Artikolu 22a tad-Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju semma bħala kriterji ta’ diskriminazzjoni biss ir-razza u n-nazzjonalità, meta f’għadd ta’ testi oħrajn (15) l-oriġini etnika ġiet espressament miżjuda ma’ dawn iż-żewġ kriterji, ma jistax jiġi interpretat bħala r-rieda li d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-oriġini etnika jiġu esklużi mill-oqsma kkoordinati mid-Direttiva (16).

75.      Iż-żieda tal-kunċett ta’ oriġini etnika fit-testi l-oħra li jirreferu għal diskriminazzjonijiet bbażati fuq l-oriġini sservi biss, fil-fehma tiegħi, biex tispjega u tagħmel espliċitu l-kontenut tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza u mhux biex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (17).

76.      Fl-aħħar nett, fid-diċitura tal-Artikolu 22a tad-Direttiva ma hemmx element konvinċenti favur l-interpretazzjoni prevista mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li dan l-artikolu jirreferi biss għal diskriminazzjonijiet ibbażati fuq kriterji suġġettivi u ma jkoprix xandiriet li jistgħu jiksru s-sigurtà pubblika.

77.      Tabilħaqq, huwa stabbilit li l-Artikolu 22a tad-Direttiva, billi jipprojbixxi x-xandiriet li jkollhom kontenut diskriminatorju, għandu l-għan li jipproteġi d-dinjità tal-bniedem. Madankollu, l-ebda element fil-kontenut tiegħu ma jiġġustifika li ssir distinzjoni bejn xandiriet diskriminatorji fuq il-bażi tal-effetti tagħhom fuq l-ordni pubbliku. Anzi, mill-użu tal-kelma “aucune” fil-verżjoni bil-Franċiż jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatur Komunitarju ried jipprojbixxi kull xandira li jkun fiha xi tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza u ta’ nazzjonalità, indipendentement mill-effetti li jista’ jkollhom fuq l-ordni pubbliku (18).

78.      L-analiżi semantika tal-Artikolu 22a tad-Direttiva għalhekk, fil-fehma tiegħi, għandha t-tendenza li tiffavorixxi l-argument difiż mill-Kummissjoni. Dak l-argument huwa kkorroborat mis-sistema u mill-għanijiet tad-Direttiva.

79.      Kif ingħad iktar ’il fuq, id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura l-moviment liberu tax-xandiriet televiżivi. Dan il-moviment liberu huwa implementat fid-Direttiva biż-żewġ azzjonijiet li ġejjin: min-naħa l-waħda l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet minimi neċessarji fir-rigward tal-kontenut tal-programmi, u min-naħa l-oħra, mill-prinċipju tar-rikonoxximent mill-Istati Membri kollha tal-kontroll tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet imwettaq mill-Istat Membru ta’ oriġini.

80.      Il-moviment liberu tax-xandiriet televiżivi jista’ jiġi żgurat b’mod sħiħ biss jekk il-kontenut u l-portata tal-kundizzjonijiet minimi imposti mid-Direttiva jkunu ddeterminati b’mod ċar. Iċ-ċertezza legali tax-xandara tat-televiżjoni li għandhom ikunu jistgħu jkunu jafu eżattament l-effetti tal-kontroll imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti, fir-rigward tas-setgħat irriżervati għall-Istati Membri li jirċievu x-xandiriet, tiddependi miċ-ċarezza ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

81.      Fl-Artikoli 22 u 22a tad-Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa r-regoli minimi neċessarji għall-protezzjoni tal-minuri u tal-ordni pubbliku.

82.      Huwa minnu li dan l-Artikolu 22a ma jwettaqx armonizzazzjoni sħiħa tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tax-xandiriet televiżi li jistgħu jkunu ġġustifikati mill-ordni pubbliku. Bil-kontra, pereżempju, tal-Artikolu 10(2) tal-KEDB (19), huwa jirreferi biss għal xandiriet diskriminatorji.

83.      Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-għan tad-Direttiva u s-sistema prevista minnha jipprekludu, fil-prinċipju, diviżjoni tal-kontroll tan-natura nondiskriminatorja tax-xandiriet televiżivi bejn l-Istat Membru minn fejn joriġinaw ix-xandiriet u l-Istati Membri li jirċevuhom. Tali diviżjoni tkun kompatibbli mal-imperattiv taċ-ċertezza legali biss jekk tista’ ssir fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u faċilment applikabbli.

84.      Issa, kif ingħad iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ razza ma jeżistix fid-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li jkun diffiċli li ssir distinzjoni ċara bejn it-tixwix għall-mibegħda fuq bażi razzjali, imsemmi fl-Artikolu 22a tad-Direttiva, u tixwix għall-mibegħda fuq bażi etnika, li jaqa’ wkoll taħt il-ġurisdizzjoni ta’ kull Stat Membru. Ikun ukoll ferm diffiċli li tiġi stabbilita linja ta’ demarkazzjoni eżatta bejn ix-xandiriet diskriminatorji li jiksru biss id-dinjità tal-bniedem u dawk li jistgħu wkoll jiksru s-sigurtà interna jew esterna ta’ Stat Membru.

85.      L-għan tad-Direttiva permezz tal-armonizzazzjoni mwettqa fl-Artikolu 22a tagħha twassal, fil-fehma tiegħi, biex il-kunċett ta’ tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza u nazzjonalità jiġi interpretat b’mod wiesa’ biex ikopri wkoll ix-xandiriet li jistgħu jiksru l-ftehim bejn komunitajiet etniċi jew kulturali differenti, bħall-komunitajiet ta’ oriġini Kurda u ta’ oriġini Torka li jgħixu fil-Ġermanja.

86.      Nagħti importanza kbira lit-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni min-naħa tal-Istati Membri li tali interpretazzjoni twassal biex tiġi stabbilita. L-evalwazzjoni tan-natura diskriminatorja ta’ xandira televiżiva tista’ tvarja leġittimament minn Stat Membru għall-ieħor. Barra minn hekk, huwa kull Stat Membru li fl-aħħar mill-aħħar għandu l-oneru u r-responsabbiltà li jiżgura l-protezzjoni tal-ordni pubbliku fit-territorju tiegħu. Fl-aħħar nett, l-effetti għall-ordni pubbliku ta’ xandiriet televiżivi li jxewxu għall-mibegħda bejn komunitajiet etniċi jew kulturali differenti jiddependu evidentement mill-preżenza ta’ dawn il-komunitajiet fit-territorju nazzjonali u l-Istati Membri għandhom kull dritt li jagħmlu ħilithom sabiex il-kunflitti li jeżistu fi Stati terzi ma jiġux importati fit-territorju tagħhom.

87.      Għaldaqstant, ma naħsibx li dawn l-argumenti jiġġustifikaw li tiġi adottata interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 22a tad-Direttiva u dan għaż-żewġ raġunijiet li ġejjin.

88.      L-ewwel nett, l-għan stess ta’ regola armonizzata huwa li tkun komuni għall-Istati Membri kollha u, konsegwentement, li għandha tiġi applikata minn kull wieħed minnhom. Għaldaqstant, kif diġà ngħad iktar ’il fuq, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 22a tad-Direttiva jipprekludi t-trażmissjoni ta’ xandiriet li jiksru l-ftehim bejn il-popli, l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni għandha tiġi vverifikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jaqa’ x-xandar tat-televiżjoni inkwistjoni, indipendentement mill-preżenza fit-territorju ta’ dan l-Istat tal-komunitajiet etniċi jew kulturali kkonċernati.

89.      Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 22a tad-Direttiva tiddependi mhux mill-effetti potenzjali tax-xandira inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini jew fi Stat Membru partikolari, imma biss mill-fatt li jkunu sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri tixwix għall-mibegħda u fuq bażi ta’ razza u nazzjonalità.

90.      It-tieni nett, Stat Membru li jikkunsidra li xandiriet trażmessi minn Stat Membru ieħor ma josservawx il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 22a tad-Direttiva ma huwiex nieqes minn kull mezz biex jieħu azzjoni. Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, huwa għandu l-proċedura prevista fl-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva, li tippermettilu, fil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni, jadotta miżuri restrittivi kontra tali xandiriet.

91.      B’hekk, din il-garanzija li għandhom l-Istati Membri li jirċievu x-xandiriet, li għandha l-għan li tirrikonċilja bl-aħjar mod l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ espressjoni mad-dritt daqstant leġittimu tal-Istati Membri li jipproteġu l-ordni pubbliku tagħhom, tiffavorixxi wkoll, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni wiesgħa tat-trasferiment tal-ġurisdizzjoni previst fl-Artikolu 22a tad-Direttiva.

92.      Din il-fehma hija a fortiori sostnuta minn din il-garanzija għaliex, kif ġie muri waqt is-seduta, il-miżuri permessi taħt l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva jistgħu jkunu iktar effettivi minn dawk adottati unilateralment minn Stat Membru li jirċievi x-xandiriet. Għaldaqstant, f’dawn il-kawżi, l-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva tista’ twassal, skont il-każ, għal projbizzjoni mir-Renju tad-Danimarka, ta’ kull xandir televiżiv ta’ Mesopotamia Broadcast METV li jfaħħar lill-PKK, filwaqt li l-uniku effett konkret tal-miżuri Ġermaniżi kkontestati huwa li t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ dawn ix-xandiriet fil-postijiet pubbliċi fil-Ġermanja tiġi ddefinita bħala reat kriminali iżda mhux ir-riċezzjoni tagħhom, f’dan it-territorju, f’kuntest privat.

93.      Huwa b’hekk fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula li l-Artikolu 22a tad-Direttiva, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xandiriet televiżivi ma jkunx fihom xi tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi wkoll ix-xandiriet li, billi jfaħħru grupp ikkwalifikat bħala “terrorista” mill-Unjoni, jistgħu joħolqu reazzjonijiet ta’ animożità jew ta’ twarrib bejn komunitajiet ta’oriġini etnika jew kulturali differenti.

IV – Konklużjoni

94.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għad-domanda magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht:

“L-Artikolu 22a tad-Direttiva tal-Kunsill [89/552/KEE], tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xandiriet televiżivi ma jkunx fihom xi tixwix għall-mibegħda fuq bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi wkoll ix-xandiriet li, billi jfaħħru grupp ikkwalifikat bħala ‘terrorista’ mill-Unjoni Ewropea, jistgħu joħolqu reazzjonijiet ta’ animożità jew ta’ twarrib bejn komunitajiet ta’oriġini etnika jew kulturali differenti.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).


3 – Id-disa’ u l-għaxar premessa tad-Direttiva.


4 – It-tlettax-il premessa tad-Direttiva u l-premessa 44 tad-Direttiva 97/36.


5 – L-Artikolu 10(1) tal-KEDB jipprevedi li: “[k]ulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà li jkollu opinjonijiet u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u mingħajr ma jittieħed kont ta’ fruntieri. Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi Stati milli jeħtieġu liċenzi għax-xandir, televiżjoni jew impriżi ċinematografiċi”. L-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu hija identika għall-Artikolu 11(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Dan l-Artikolu 11 jinkludi wkoll paragrafu 2, li jipprovdi li l-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom ikunu rrispettati.


6 – BGBl. 1964 I, p. 593, liġi kif emendata bl-Artikolu 6 tal-Liġi, tal-21 ta’ Diċembru 2007 (BGBl. 2007 I, p. 3198, iktar ’il quddiem il-“Vereinsgesetz”).


7 – F’din il-premessa 14, jingħad li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru jżomm id-dritt li jieħu miżuri kontra xandar tat-televiżjoni stabbilit fi Stat Membru ieħor, iżda li jidderiġi l-attività kollha tiegħu jew il-biċċa l-kbira tagħha lejn it-territorju tal-ewwel Stat Membru, meta dan l-istabbiliment ikun sar bil-għan li jiġu evitati r-regoli li kienu jkunu japplikaw għal dan ix-xandar kieku dan kien stabbilit fit-territorju tal-ewwel Stat Membru. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna huma ċċitati s-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen (33/74, Ġabra p. 1299), u tal-5 ta’ Ottubru 1994, TV10 (C-23/93, Ġabra p. I-4795).


8 – Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA (C-222/07, Ġabra p. I-1407, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9 – Sabiex tkun implementata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill adotta, fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Pożizzjoni Komuni [2001/931/PESK] dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217). Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tinkludi anness li fih lista ta’ “persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi”. Il-PKK ġie miżjud ma’ din il-lista bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/340/PESK, tat-2  ta’ Mejju 2002 (ĠU L 116, p. 75). Sussegwentement, din l-organizzazzjoni nżammet fl-imsemmija lista bil-pożizzjonijiet komuni sussegwenti tal-Kunsill, l-aħħar waħda bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/386/PESK, tat-12 ta’ Lulju 2010, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 178, p. 28). Barra minn hekk, il-PKK ġie miżjud mal-lista tal-gruppi terroristiċi bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/334/KE, tat-2  ta’ Mejju 2002, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2001/927/KE (ĠU L 116, p. 33).


10 – Fir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar l-emendi għad-Direttiva 97/36 jingħad li “l-ex Artikolu 22 inqasam fi tnejn sabiex ikun iffaċilitat il-fehim tad-dispożizzjoni dwar l-ordni pubbliku. Fil-fatt, din għandha portata iktar ġenerali mill-protezzjoni tal-minuri u għandha wkoll l-għan li tipproteġi lill-adulti minn programmi li jistgħu jippreġudikaw l-integrità fiżika, morali jew spiritwali tagħhom”. Ara r-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 89/552 u l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni [COM(95) 86 finali], p. 45.


11 – Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar (C-336/03, Ġabra p. I-1947, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 – Ara Nouveau Petit Robert, Dictionnaire alphabétique et analogique de la langue française. Dawn id-definizzjonijiet jikkorrispondu wkoll għall-verżjonijiet tal-Artikolu 22a tad-Direttiva bl-Ispanjol (“incitacíon al odio”); bil-Ġermaniż (“zu Haβ aufstacheln”); bil-Grieg (“καμία παρότρυνση σε μίσος”); bl-Ingliż (“incitement to hatred”); bit-Taljan (“incitamento all’odio”); bl-Olandiż (“geen enkele aansporing tot haat”), u bil-Portugiż (“incitamento ao ódio”).


13 – Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).


14 – Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).


15 – Ara b’mod partikolari l-Artikolu 13 KE, li jipprovdi li “il-Kunsill […] jista’ jieħu l-azzjoni xierqa biex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-disabilità, l-età jew it-tendenzi sesswali”. Ara wkoll il-premessa 12 tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill [2002/584/JHA], tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), li tipprovdi li ċ-ċediment ta’ persuna għandu jiġi miċħud “meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-iskop tal-prosekuzzjoni jew kastig ta’ persuna fuq ir-raġunijiet tas-sess, razza, [reliġjon,] oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali”.


16 – Din l-analiżi ssib ukoll element ta’ konferma fil-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni tul il-Fruntieri [Transkonfinali], li tissemma fir-raba’ premessa tad-Direttiva 89/552 u li l-Artikolu 7 tagħha jipprevedi li l-programmi ma għandhomx ixewxu għall-mibegħda razzjali. Skont il-kliem tar-Rakkomandazzjoni Nru R (97) 20 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar id-“diskors tal-mibegħda” li jirreferi għalih ir-rapport ta’ spjegazzjoni ta’ din il-konvenzjoni sabiex jagħmel espliċita l-portata tal-kundizzjoni stabbilita fl-imsemmi Artikolu 7, l-espressjoni “diskors tal-mibegħda” għandha tiftiehem bħala li tkopri kull forma ta’ espressjoni li xxerred, ixxewwex favur, tippromwovi jew tiġġustifika l-mibegħda razzjali, il-ksenofobija, l-antisemitiżmu jew forom oħrajn ta’ mibegħda bbażati fuq l-intolleranza, inkluża l-intolleranza li tiġi espressa f’forma ta’ nazzjonaliżmu aggressiv u ta’ etnoċentriżmu, ta’ diskriminazzjoni u ta’ ostilità kontra minoranzi, immigrati jew persuni li ġejjin mill-immigrazzjoni.


17 – Hemm formulazzjonijiet iktar dettaljati, pereżempju fl-Artikolu 21 tal-Karta, li jipprovdi li “[k]ull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita”. Din il-formulazzjoni hija ripetuta, b’mod partikolari, kważi kelma b’kelma fil-premessa 31 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u rettifiki li ma jirrigwardawx il-verżjoni Maltija ĠU L 229, p. 35, ĠU L 197, p. 34 u ĠU L 204, p. 28). Madankollu, il-formulazzjoni iktar moderata tal-Artikolu 22a tad-Direttiva tibqa' tintuża, pereżempju, fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


18 – Ma għandix l-intenzjoni li l-evalwazzjoni tiegħi tas-sens tal-verżjoni tal-Artikolu 22a tad-Direttiva bil-Ġermaniż tieħu post dik tal-qorti tar-rinviju. Madankollu, din l-analiżi jidher li tista’ tiġi applikata fil-verżjonijiet ta’ dak l-artikolu bl-Ispanjol (“Los Estados miembros velarán por que las emisiones no contengan ninguna incitación al odio por motivos de raza, sexo, religión o nacionalidad”); bil-Grieg (“Άρθρο 22αΤα κράτη μέλη μεριμνούν ώστε οι εκπομπές να μην περιλαμβάνουν καμία παρότρυνση σε μίσος λόγω διαφορών φυλής, φύλου, θρησκείας ή ιθαγένειας”); bl-Ingliż (“Member States shall ensure that broadcasts do not contain any incitement to hatred on grounds of race, sex, religion or nationality”); bit-Taljan (“Gli Stati membri fanno sì che le trasmissioni non contengano alcun incitamento all’odio basato su differenze di razza, sesso, religione o nazionalità”); bl-Olandiż (“De lidstaten dragen er zorg voor dat uitzendingen geen enkele aansporing tot haat op grond van ras, geslacht, godsdienst of nationaliteit bevatten”), u bil-Portugiż (“Os Estados-membros assegurarão que as emissões não contenham qualquer incitamento ao ódio por razões de raça, sexo, religião ou nacionalidade”).


19 – L-Artikolu 10(2) tal-KEDB jipprovdi li l-libertà tal-espressjoni tista’ tkun suġġetta għal restrizzjonijiet meħtieġa, f’soċjetà demokratika, “fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, integrità territorjali jew sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta’ ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta’ informazzjoni riċevuta b’sigriet, jew biex tiġi miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura”.