Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-170/17)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: N. Yerrell u P. Costa de Oliveira, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

tiddikjara li, billi ħarġet liċenzji tas-sewqan nazzjonali speċjali għas-sewqan ta’ vetturi inklużi fil-kategorija armonizzata AM, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha bis-saħħa tal-Artikoli 4(1) u (2) u 7(2)(a) tad-Direttiva 2006/126/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-liċenzji tas-sewqan.

tiddikjara li, billi ma żguratx li persuna tkun fil-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan waħda biss, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 7(5)(b) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-liċenzji tas-sewqan.

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fejn għandha x’taqsam l-osservanza tal-obbligi li għandha r-Repubblika Portugiża bis-saħħa tal-Artikoli 4(1) u (2) u 7(2)(a) u bis-saħħa tal-Artikolu 7(5)(b) tad-Direttiva, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Portugiża ma ħaditx il-miżuri dovuti fit-terminu ta’ żmien iffissat fl-opinjoni motivata. Madankollu, l-amministrazzjoni Portugiża nnifisha tirrikonoxxi li ma adottatx dawn il-miżuri fejn fl-ittra tagħha tal-15 ta’ Diċembru 2016 indikat li għanda tipproċedi biex twettaq emendi leġiżlattivi futuri f’dan ir-rigward.

____________

1 ĠU 2006, L 403, p. 18.