Language of document : ECLI:EU:C:2015:845

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

23 ta’ Diċembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Prezz minimu tax-xarbiet alkoħoliċi kkalkulat abbażi tal-kwantità ta’ alkoħol fil-prodott – Ġustifikazzjoni – Artikolu 36 TFUE – Protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali”

Fil-Kawża C‑333/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Session (Scotland) [Qorti tad-distrett (L-Iskozja), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

Scotch Whisky Association,

spiritsEUROPE,

Comité de la Communauté économique européenne des Industries et du Commerce des Vins, Vins aromatisés, Vins mousseux, Vins de liqueur et autres Produits de la Vigne (CEEV)

vs

Lord Advocate,

Advocate General for Scotland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev, C. Lycourgos (Relatur) u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Scotch Whisky Association, spiritsEUROPE u l-Comité de la Communauté économique européenne des Industries et du Commerce des Vins, Vins aromatisés, Vins mousseux, Vins de liqueur et autres Produits de la Vigne (CEEV), minn C. Livingstone, avukat, G. McKinlay, avukat, A. O’Neill, QC, J. Holmes u M. Ross, barristers,

–        għall-Lord Advocate, minn, S. Bathgate, bħala aġent, assistita minn C. Pang u L. Irvine, avukati, kif ukoll de G. Moynihan, QC,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. R. Brodie u S. Behzadi-Spencer kif ukoll minn M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn A. Carmichael, barrister,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u D. Drambozova, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon kif ukoll minn A. Joyce u B. Counihan, bħala aġenti, assistiti minn B. Doherty, barrister,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. Gijzen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn M. Szwarc, M. Załęska u D. Lutostańska, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn A. Gameiro u L. Inez Fernandes, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren kif ukoll minn E. Karlsson u L. Swedenborg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn K. Nordland Hansen u M. Schei, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u G. Wilms, bħala aġenti,

–        għall-Awtorité de surveillance AELE, minn J.T. Kaasin u M. Moustakali kif ukoll minn A. Lewis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, p. 671, iktar 'il quddiem ir-“Regolament ‘OKS uniku'”), kif ukoll tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Scotch Whisky Association, spiritsEUROPE u l-Comité de la Communauté économique européenne des Industries et du Commerce des Vins, Vins aromatisés, Vins mousseux, Vins de liqueur et autres Produits de la Vigne (CEEV) u Lord Advocate u l-Advocate General for Scotland dwar il-validità tal-liġi nazzjonali u tal-abbozz ta’ digriet marbuta mal-impożizzjoni ta’ prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol (iktar 'il quddiem l-“MPU”) għall-bejgħ bl-imnut ta’xarbiet alkoħoliċi fl-Iskozja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 11, 12, 15 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001 jiddikjaraw:

“(15)      Dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-possibbiltà ta’ disponiment ta’ prodotti mixtrijin b’xiri sfurzat b’intervent pubbliku. Miżuri bħal dawn għandhom jittieħdu b’mod li ma jitħalliex ikun hemm taqlib fis-swieq u li jkun żgurat aċċess ugwali għall-prodotti u trattament ugwali għax-xerrejja.

[...]

(43)      Huwa importanti li jiġu previsti miżuri ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid li jsaħħu l-istrutturi kompetittivi. [...]

[...]

(172) Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-settur agrikolu u d-dipendenza tiegħu fuq il-funzjonament tajjeb tal-katina ta’ provvista tal-ikel kollha, inkluża l-applikazzjoni effettiva tar-regoli ta’ kompetizzjoni għas-setturi relatati kollha fil-katina tal-ikel kollha, li tista’ tkun ikkonċentrata ħafna, għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 42 TFUE. [...]

[...]

(174) Għandu jitħalla jkun hemm approċċ speċjali fil-każ ta’ organizzazzjonijiet ta’ bdiewa jew ta’ produtturi jew assoċjazzjonijiet tagħhom li l-objettiv tagħhom ikun il-produzzjoni konġunta jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli jew l-użu ta’ faċilitajiet konġunti, sakemm din l-azzjoni konġunta ma teskludix il-kompetizzjoni [...]”

4        L-Artikolu 167(1) tar-Regolament “OKS uniku”, intitolat “Regoli għall-kummerċjalizzazzjoni biex itejbu u jistabbilizzaw l-operazzjoni tas-suq komuni f’inbejjed”, jipprovdi li:

“Biex titjieb u tiġi stabbilizzata l-operazzjoni tas-suq komuni f’inbejjed, inkluż l-għeneb, il-most u l-inbejjed li minnhom jidderivaw, l-Istati Membri produtturi jistgħu jistabbilixxu regoli għall-kummerċjalizzazzjoni biex jirregolaw il-provvista, partikolarment permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda minn organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti skont l-Artikoli 157 u 158.

Dawn ir-regoli għandhom ikunu proporzjonati għall-objettiv segwit u ma għandhomx:

a)      ikunu relatati ma’ ebda transazzjoni wara l-ewwel kummerċjalizzazzjoni tal-prodott kollu konċernat;

b)      jippermettu li jsir iffissar tal-prezzijiet, inkluż fejn prezzijiet ikunu ffissati bħala gwida jew rakkomandazzjoni;

[...]”

 Id-dritt tar-Renju Unit

5        Il-liġi tal-2012 dwar il-prezz minimu tax-xarbiet alkoħoliċi fl-Iskozja [Alcohol (Minimum Pricing) (Scotland) Act 2012, iktar 'il quddiem il-“liġi 2012”] tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ MPU, li għandu jiġi osservat minn kull persuna detentriċi tal-liċenzja li hija rikjesta sabiex tbiegħ bl-imnut xarbiet alkoħoliċi fl-Iskozja.

6        Il-liġi tal-2012 tipprovdi li l-Gvern Skoċċiż għandu jiddetermina l-MPU b’mod regolatorju. F’dan ir-rigward, dan il-Gvern stabbilixxa abozz ta’ digriet, jiġifieri d-digriet tal-2013 marbut mal-prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol fl-Iskozja [The Alcohol (Minimum Price per Unit) (Scotland) Order 2013, iktar 'il quddiem id-“digriet MPU], għall-approvazzjoni mill-Parlament Skoċċiż.

7        Skont l-imsemmi digriet, l-MPU huwa ta’ GBP 0.50 lira sterlina (madwar EUR 0.70). Il-prezz tal-bejgħ minimu ta’ prodott huwa ddeterminat sussegwentement bl-applikazzjoni tal-formula li ġejja, jiġifieri MPU x S x V x 100 fejn “MPU” jirreferi għall-prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol, “S” tirreferi għall-kontenut tal-alkoħol u “V” għall-volum ta’ alkoħol espress f’litri.

8        Il-liġi tal-2012 tipprovdi li l-Gvern Skoċċiż għandu jevalwa l-effett tal-istabbiliment ta’ MPU bil-għan li jippreżenta rapport lill-Parlament fil-ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, din il-liġi tipprovdi li l-istabbiliment ta’ MPU tispiċċa f’terminu ta’ sitt snin li jibdew jiddekorru mid-dħul fis-seħħ tad-digriet MPU dment li l-Parlament ma jiddeċidix li jżomm dan il-mekkaniżmu.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Il-liġi tal-2012 ġiet adottata mill-Parlament Skoċċiż, iżda ċerti “partijiet formali” biss minnha daħlu fis-seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2012. Skont l-imsemmija liġi, il-ministri Skoċċiżi adottaw ir-Regolament MPU, li jistabbilixxi l-MPU fl-ammont ta’ GBP 0.50 (madwar EUR 0.70 euro).

10      Fil-25 ta’ Ġunju 2012, il-ministri Skoċċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bl-imsemmi regolament, skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337). Fil-25 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat l-opinjoni tagħha, li l-miżura nazzjonali kkonċernata kienet tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, li ma setgħetx tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 36 TFUE.

11      Fid-19 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdew proċedura ġudizzjarja bil-għan li jikkontestaw il-validità tal-liġi tal-2012 u tad-digriet MPU. Peress li din ġiet miċħuda fl-ewwel istanza, huma appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Session (Scotland) [qorti tad-distrett (L-Iskozja)]. Barra minn hekk, il-ministri Skoċċiżi obbligaw ruħhom li ma jdaħħlux fis-seħħ id-dispożizzjonijiet marbuta mal-MPU qabel ma tiġi deċiża dik il-kawża.

12      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Session (L-Iskozja) [Qorti tad-distrett (L-Iskozja)], iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel s-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Skont interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, b’mod partikolari tar-Regolament Nru 1308/2013, huwa leġittimu għal Stat Membru li jippromulga miżura nazzjonali li tipprevedi prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut ta’ inbid skont il-kwantità ta’ alkoħol li jinsab fil-prodott mibjugħ, liema sistema ta’ prezzijiet b’hekk tinjora l-prinċipju tad-determinazzjoni libera tal-prezzijiet mill-forzi tas-suq li jikkaratterizza s-suq tal-inbid?

2)      Fil-każ fejn tiġi invokata ġustifikazzjoni abbażi tal-Artikolu 36 TFUE, meta:

a)      Stat Membru jkun ikkonkluda li, fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, huwa opportun li jiżdied il-prezz tal-konsum ta’ prodott, f’dan il-każ ix-xorb alkoħoliku, għall-konsumaturi jew għal parti minnhom, u

b)      dan ikun prodott li fuqu l-Istat Membru huwa liberu li jiffissa dazji tas-sisa jew taxxi oħra (inklużi taxxi jew dazji bbażati fuq il-livell jew il-volum ta’ alkoħol, jew fuq il-valur tal-prodott, jew kombinazzjoni ta’ tali miżuri fiskali),

id-dritt tal-Unjoni jippermetti, u jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet, li Stat Membru ma jadottax tali miżuri fiskali li jinvolvu ż-żieda fil-prezz imħallas mill-konsumaturi u li jagħżel miżuri leġiżlattivi li jiffissaw prezz minimu għall-bejgħ bl-imnut li joħolqu distorsjoni tal-kummerċ ġewwa l-Unjoni u tal-kompetizzjoni?

3)      Meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk miżura leġiżlattiva nazzjonali, li tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fuq il-kummerċ inkompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE, tistax madankollu tiġi ġġustifikata mill-Artikolu 36 TFUE għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, din tkun limitata biss għall-evalwazzjoni tal-informazzjoni, tal-provi jew ta’ dokumenti oħra li kellu l-leġiżlatur għad-dispożizzjoni tiegħu u li dan eżamina meta adotta l-miżura msemmija? F’każ ta’ risposta negattiva, liema restrizzjonijiet oħra jistgħu jitpoġġew fuq is-setgħa ta’ stħarriġ tal-qorti li teżamina d-dokumenti jew il-provi kollha disponibbli ppreżentati mill-partijiet fil-mument meta din tintalab tagħti deċiżjoni?

4)      Meta, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni u ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti ta’ Stat Membru tintalab tagħti deċiżjoni fuq affermazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali li miżura li tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE hija ġġustifikata bħala deroga ammessa mill-Artikolu 36 TFUE fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, sa fejn għandha jew tista’ l-qorti, abbażi tal-provi ppreżentati quddiemha, tifforma opinjoni oġġettiva fuq l-effettività tal-miżura msemmija biex tilħaq l-għanijiet iddikjarati, fuq il-possibbiltà li jiġu implementati miżuri oħra li l-effetti tagħhom li jkunu mill-inqas ekwivalenti jkunu joħolqu inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni u, b’mod ġenerali, fuq il-proporzjonalità tal-miżura msemmija?

5)      Waqt l-eżami (fil-kuntest ta’ kwistjoni dwar jekk miżura tkunx iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem b’applikazzjoni tal-Artikolu 36 TFUE) tal-eżistenza ta’ miżura oħra possibbli, li ma toħloqx distorsjoni jew li mill-inqas ma toħloqx daqstant distorsjoni tal-kummerċ fl-Unjoni u tal-kompetizzjoni, huwa motiv leġittimu biex tiġi eskluża din il-miżura l-oħra l-fatt li l-effetti tagħha jistgħu ma jkunux perfettament ekwivalenti għal dawk tal-miżura kkontestata abbażi tal-Artikolu 34 TFUE iżda li din tista’ twassal għal vantaġġi supplimentari u tissodisfa għan iktar wiesa’ u ġenerali?

6)      Biex tevalwa jekk miżura nazzjonali, ammessa jew ikkonstatata bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE u li għaliha titressaq ġustifikazzjoni abbażi tal-Artikolu 36 TFUE, u b’mod partikolari għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tagħha, sa fejn tista’ l-qorti li titressaq il-kawża quddiemha tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tagħha tan-natura u tal-firxa li fiha l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva kuntrarja għall-Artikolu 34 [TFUE]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

13      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament “OKS uniku” għandux jiġi interpretat fis-sens li jopponi miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi MPU għall-bejgħ bl-imnut tal-inbid.

14      Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 40(2) TFUE, l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (iktar ’il quddiem l-“OKS”) tista’ tkun tinkludi l-miżuri neċessarji kollha, b’mod partikolari regolamentazzjonijiet tal-prezz, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika agrikola komuni (PAK) iddefiniti fl-Artikolu 39 TFUE.

15      Barra minn hekk, kif tiddikjara l-premessa 3 tar-Regolament “OKS uniku”, dan tal-aħħar huwa intiż li jistabbilixxi OKS għall-prodotti agrikoli kollha elenkati fl-Anness I tat-Trattati UE u FUE, li taħtu jaqa l-inbid.

16      Filwaqt li jinvokaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea fis-seħħ fis-snin tal-1980 li jirregolaw l-OKS tal-produzzjoni tal-inbid, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, f’dan ir-rigward, li r-Regolament “OKS uniku” jikkostitwixxi sistema kompluta li tirregola s-suq komuni tal-inbid, b’mod partikolari fil-qasam tal-prezz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, l-interdizzjoni tal-Istati Membri milli jimponu miżuri unilaterali li jistabbilixxu l-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-inbid tirriżulta b’mod espress mill-Artikolu 167(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

17      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat, madankollu, kif tindika ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li r-Regolament “OKS uniku” la jinkludi dispożizzjonijiet li jawtorizzaw l-istabbiliment tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-inbid, irrispettivament minn jekk dan ikunx fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni, u lanqas dispożizzjonijiet li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri nazzjonali li jistabbilixxu tali prezzijiet.

18      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 167(1)(b) tal-imsemmi regolament jipprevedi espressament li l-Istati Membri produtturi ma jistgħux jawtorizzaw l-istabbiliment tal-prezz, anki jekk dan isir b’mod indikattiv jew fil-forma ta’ rakkomandazzjoni, dan madankollu jsir biss fil-kuntest tad-definizzjoni tar-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni fir-rigward tal-regolament tal-offerta, b’mod partikolari l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-organizzazzjonijiet ta’ bejn in-negozjanti fis-suq komuni tal-inbid.

19      Konsegwentement, l-Istati Membri fil-prinċipju jibqgħu kompetenti sabiex jadottaw ċerti miżuri li ma humiex previsti fir-Regolament “OKS uniku” dment li dawn il-miżuri ma jkunux ta’ natura li jidderogaw jew jippreġudikaw l-imsemmi regolament jew jostakolaw il-funzjonament korrett tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kuipers, C‑283/03, EU:C:2005:314, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Fir-rigward tal-istabbiliment ta’ prezz minimu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 31 u 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza ta’ mekkaniżmu għall-istabbiliment tal-prezz, id-determinazzjoni libera tal-prezzijiet tal-bejgħ abbażi tal-eżerċizzju tal-kompetizzjoni libera hija komponent tar-Regolament “OKS uniku” u tikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva.

21      Fil-kawża prinċipali, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-impożizzjoni ta’ MPU għandha l-effett li l-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-inbid prodott lokalment jew importat ma jistax ikun, fi kwalunkwe każ, inferjuri għall-prezz minimu obbligatorju. Għaldaqstant, tali miżura tista’ tippreġudika r-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni billi tipprekludi ċerti produtturi jew importaturi li jieħdu vantaġġ mill-prezz tal-kost inferjuri bil-għan li jipproponu prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut iktar attraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, C‑197/08, EU:C:2010:111, punt 37, u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑221/08, EU:C:2010:113, punt 40).

22      Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq huma bbażati fuq il-prinċipju tas-suq miftuħ, li għalih għandu jkollu aċċess liberu kull produttur f’kundizzjonijiet effettivi ta’ kompetizzjoni effettiva (sentenza Milk Marque u National Farmers' Union, C‑137/00, EU:C:2003:429, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23      Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li wieħed mill-għanijiet tal-PAK huwa ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-prodotti agrikoli (sentenza Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 37), fatt li huwa rifless f’diversi premessi tar-Regolament “OKS uniku”, bħall-premessi 15, 43, 172 u 174.

24      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi MPU għall-bejgħ bl-imnut tal-inbid, tista’ tippreġudika r-Regolament “OKS uniku” sa fejn tali miżura tmur kontra l-prinċipju ta’ determinazzjoni libera tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti agrikoli abbażi tal-eżerċizzju liberu tal-kompetizzjoni li fuq huwa bbażat dan ir-regolament.

25      Il-Lord Advocate isostni, madankollu, li l-imsemmi regolament ma jipprekludix lill-awtoritajiet Skoċċiżi milli jadottaw il-miżura inkwistjoni peress li din il-miżura ssegwi l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni permezz tal-ġlieda kontra l-abbuż mill-alkoħol, għan li ma huwiex previst direttament mir-Regolament “OKS uniku”.

26      Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-istabbiliment ta’ OKS ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw regoli nazzjonali li jsegwu għan ta’ interess ġenerali minbarra dawk koperti minn dak l-OKS, anki jekk dawn ir-regoli jistgħu jinċidu fuq il-funzjonament tas-suq komuni fis-settur ikkonċernat (ara s-sentenza Hammarsten, C-462/01, EU:C:2003:33, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dawn il-kundizzjonijiet, Stat Membru jista’ jinvoka l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni bil-għan li jiġġustifika miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippreġudika s-sistema ta’ determinazzjoni libera tal-prezzijiet f’kundizzjonijiet effettivi ta’ kompetizzjoni, li fuqha huwa bbażat ir-Regolament “OKS uniku”.

28      Miżura restrittiva bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, madankollu, tissodisfa l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proporzjonalità, jiġifieri li tkun adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan segwit u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’analoġija, is-sentenza Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 64), fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja sejra teżamina fil-kuntest tat-tieni sas-sitt domanda, li jipprevedu speċifikament l-analiżi tal-proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni. Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, l-eżami tal-proporzjonalità għandu jsir billi jittieħed kont, b’mod partikolari, tal-għanijiet tal-PAK kif ukoll tal-funzjonament korrett tal-OKS, fatt li jinvolvi bbilanċjar bejn dawk l-għanijiet u dak segwit mill-imsemmija leġiżlazzjoni, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

29      Konsegwentement, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li r-Regolament “OKS uniku” għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi MPU għall-bejgħ bl-imnut tal-inbid, sakemm din il-miżura tkun effettivament adatta sabiex tiżgura l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u sakemm, b’kont meħud tal-għanijiet tal-PAK kif ukoll tal-funzjonament korrett tal-OKS, din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni.

 Fuq it-tieni u l-ħames domanda

30      Permezz tat-tieni u l-ħames domanda, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux lil Stat Membru, sabiex isegwi l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni permezz taż-żieda tal-prezz tal-konsum tal-alkoħol, milli jagħżel li jadotta leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi MPU għall-bejgħ bl-imnut tax-xarbiet alkoħoliċi u li jwarrab miżura inqas restrittiva fir-rigward tan-negozju u tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni, bħaż-żieda tad-dazji, peress li din l-aħħar imsemmija miżura tista’ tiġġenera vantaġġi addizzjonali u tissodisfa għan iktar wiesa’ u ġenerali minn dak issodisfatt mill-miżura adottata.

31      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kull miżura ta’ Stat Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fl-Unjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dassonville, 8/74, EU:C:1974:82, punt 5, u Juvelta, C-481/12, EU:C:2014:11, punt 16).

32      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, sempliċiment billi tostakola li l-prezz tal-produzzjoni inferjuri tal-prodotti importati jkun jista’ jinċidi fuq il-prezz tal-bejgħ lill-konsumatur, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tostakola l-aċċess għas-suq Brittaniku tax-xarbiet alkoħoliċi kkummerċjalizzati legalment fl-Istati Membri minbarra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq u tikkostitwixxi b’hekk miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 37; ANETT, C‑456/10, EU:C:2012:241, punt 35, u Vilniaus energija, C‑423/13, EU:C:2014:2186, punt 48), fatt li barra minn hemm la huwa kkontestat mill-qorti tar-rinviju u lanqas minn ebda parti li ppreżentat osservazzjonijiet f’din il-kawża.

33      Skont ġurisprudenza stabbilita miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata, b’mod partikolari, minn raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE, biss jekk din il-miżura tkun adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ANETT, C‑456/10, EU:C:2012:241, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fir-rigward tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tindika li min-noti ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaw l-abbozz tal-liġi tal-2012 ippreżentat quddiem il-Parlament Skoċċiż kif ukoll minn studju riċenti, intitolat “Business and Regulatory Impact Assessment”, jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni ssegwi għan doppju, dak li tnaqqas, b’mod iffokat, il-konsum tal-alkoħol tal-konsumaturi li jinvolvu ruħhom f’konsum perikoluż jew ta’ ħsara, iżda wkoll, b’mod globali, il-konsum tal-alkoħol tal-populazzjoni. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Lord Advocate ikkonferma dan l-għan doppju, li, billi tkopri l-popolazzjoni kollha, inkluż dawk fil-mira, huwa biss b’mod mhux prijoritarju li hija tkopri, persuni li jikkonsmaw l-alkoħol b’mod moderat.

35      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi, f’termini iktar ġenerali, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, li jinsab fl-ewwel post fost l-oġġetti u l-interessi protetti mill-Artikolu 36 TFUE. F’dan ir-rigward, huma l-Istati Membri, fil-limiti imposti mit-Trattat, li għandhom jiddeċiedu dwar sa liema livell huma jintendu li jiżguraw il-protezzjoni (sentenza Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fir-rigward tal-adattezza ta’ din il-leġiżlazzjoni sabiex tilħaq dan l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, hemm lok li jiġi osservat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 127 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li jiġi kkunsidrat li miżura li tistabbilixxi prezz minimu ta’ bejgħ tax-xarbiet alkoħoliċi, li huwa intiż b’mod partikolari sabiex iżid il-prezz tax-xarbiet alkoħoliċi irħas, hija adatta sabiex tnaqqas il-konsum tal-alkoħol, b’mod ġenerali, u l-konsum perikoluż jew ta’ ħsara, b’mod partikolari, peress li l-persuni li jipprattikaw tali konsum jixtru f’ammonti kbar xarbiet alkoħoliċi irħas.

37      Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li miżura restrittiva tista’ tiġi kkunsidrata bħala adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan segwit biss jekk tegħleb effettivament il-problema li dan jitlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kakavetsos‑Fragkopoulos, C‑161/09, EU:C:2011:110, punt 42, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 64).

38      F’dan ir-rigward mill-atti tal-proċess trażmessi lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-osservazzjonijiet ta’ Lord Advocate u d-dibattiti waqt is-seduta jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali taqa;’ taħt strateġija politika iktar ġenerali intiża sabiex tiġġieled l-effetti devastanti kkawżati mill-alkoħol. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ MPU, prevista minn din il-leġiżlazzjoni, tikkostitwixxi miżura fost 40 li għandhom l-għan li jnaqqsu, b’mod koerenti u sistematiku, il-konsum tal-alkoħol tal-popolazzjoni Skoċċiża fl-intier tagħha, irrispettivament mill-post jew il-metodi tal-imsemmi konsum.

39      Isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija adatta sabiex tilħaq l-għan segwit minnha.

40      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi protetta effettivament is-saħħa u l-ħajja tal-persuni, hemm lok li jitfakkar li, f’dan il-każ, dan l-analiżi għandu jsir, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-għanijiet tal-PAK u l-funzjonament korrett tal-OKS. Madankollu, fid-dawl tad-domanda eżaminata f’dan il-każ, dan l-analiżi għandu jsir abbażi tal-proporzjonalità fil-kuntest tal-Artikolu 36 TFUE u ma għandux għaldaqstant jitwettaq b’mod separat.

41      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li ma tibbenefikax mid-deroga prevista fl-Artikolu 36 TFUE meta s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jistgħu jiġu protetti b’mod daqstant effikaċi b’miżuri inqas restrittivi fir-rigward tan-negozju fl-Unjoni (sentenza Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment speċifiku għal miżura fiskali, bħal tassazzjoni miżjuda fuq ix-xarbiet alkoħoliċi, ikkunsidrata bħala li tista’ tilħaq b’mod daqstant effikaċi bħall-miżura tal-istabbiliment ta’ MPU, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni filwaqt li hija inqas restrittiva fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija. Madankollu, il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet ma jaqblux dwar din il-kwistjoni.

43      Dwar dan is-suġġett, jeħtieġ qabel xejn li jiġi indikat, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 143 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, fil-prinċipju, tassazzjoni miżjuda fuq ix-xarbiet alkoħoliċi. L-Istati Membri għandhom marġni diskrezzjonali suffiċjenti sabiex iwettqu żieda ġenerali fid-dazji bil-għan, b’mod partikolari, li jsegwu t-twettiq tal-għanijiet speċifiċi tas-saħħa pubblika.

44      Sussegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni fiskali tikkostitwixxi strument importanti u effikaċi għall-ġlieda kontra l-konsum tax-xarbiet alkoħoliċi u, għaldaqstant, għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika. L-għan li jiġi żgurat li l-prezz ta’ dawn ix-xarbiet jiġi stabbilit f’livelli għolja jista’ jintlaħaq adegwatament permezz ta’ tassazzjoni miżjuda fuq dawn tal-aħħar, peress li ż-żidiet tad-dazji ikollhom, illum jew għada jiġu tradotti f’żieda tal-prezzijiet bl-imnut, u dan mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-libertà tad-determinazzjoni tal-prezzijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑216/98, EU:C:2000:571, punt 31, u Il-Kummissjoni vs Franza, C‑197/08, EU:C:2010:111, punt 52).

45      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat, li, b’mod kuntrarju għal dak li jsostni l-Lord Advocate, iċ-ċirkustanza li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti tirrigwarda l-prodotti tat-tabakk ma jistax jipprekludi l-applikazzjoni tagħha għall-kawża prinċipali, li hija marbuta mal-kummerċ tax-xarbiet alkoħoliċi. Fil-fatt, fil-kuntest tal-miżuri nazzjonali li l-għan tagħhom hija l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, u indipendentement mill-partikularitajiet proprji ta’ kull prodott, iż-żieda fil-prezzijiet tax-xarbiet alkoħoliċi tista’ tinkiseb, bħal fil-każ ta’ prodotti tat-tabakk, permezz ta’ tassazzjoni miżjuda.

46      Issa, miżura fiskali li żżid it-tassazzjoni fuq ix-xarbiet alkoħoliċi tista’ tkun inqas restrittiva fir-rigward tal-kummerċ ta’ dawn il-prodotti fi ħdan l-Unjoni minn miżura li timponi MPU. Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt 21 tas-sentenza odjerna, din l-aħħar imsemmija miżura, għall-kuntrarju tal-argument tat-tassazzjoni tal-imsemmija prodotti, tillimita ferm il-libertà tal-operaturi ekonomiċi li jiddeterminaw il-prezz tagħhom tal-bejgħ bl-imnut u, konsegwentement, tikkostitwixxi ostaklu gravi għall-aċċess għas-suq Brittaniku tax-xarbiet alkoħoliċi legalment ikkummerċjalizzati fl-Istati Membri minbarra r-Renju Unit kif ukoll għall-eżerċizzju liberu tal-kompetizzjoni f’dan is-suq.

47      Fl-aħħar, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li jitwarrbu l-miżuri fiskali għall-benefiċċju tal-adozzjoni ta’ MPU, għar-raġuni li dawk tal-ewwel ma kinux jippermettu li jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi l-għan segwit, hemm lok li jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanza li tassazzjoni miżjuda fuq ix-xarbiet alkoħoliċi twassal għal żieda ġeneralizzata tal-prezzijiet ta’ dawn ix-xarbiet li jaffettwaw kemm lill-persuni li jikkonsmaw l-alkoħol b’mod moderat kif ukoll lil dawk li jikkonsmaw l-alkoħol b’mod perikoluż jew b’mod li jagħmel ħsara ma tidhirx, fid-dawl tal-għan doppju segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif imfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li twassal għall-konklużjoni li l-imsemmija tassazzjoni miżjuda hija inqas effikaċi mill-miżura adottata.

48      Għall-kuntrarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 150 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’tali kundizzjonijiet, il-fatt li miżura ta’ tassazzjoni miżjuda tista’ tiġġenera vantaġġi addizzjonali inkonnessjoni mal-impożizzjoni ta’ MPU billi tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ġenerali tal-ġlieda kontra l-abbuż mill-alkoħol, mhux biss ma jistax jikkostitwixxi raġuni sabiex tiġi miċħuda tali miżura, iżda jikkostitwixxi fil-fatt element li jiġġustifika ż-żamma ta’ din il-miżura minflok dik li timponi MPU.

49      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-uniku qorti li għandha l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt li jikkaratterizzaw iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li għandha tiddetermina jekk miżura li ma hijiex dik prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħat-tassazzjoni miżjuda fuq ix-xarbiet alkoħoliċi, hijiex ta’ natura li tipproteġi s-saħħa u l-ħajja tal-persuni b’mod daqstant effikaċi bħal dik il-leġiżlazzjoni, filwaqt li hija inqas restrittiva fir-rigward tal-kummerċ ta’ dawn il-prodotti fi ħdan l-Unjoni.

50      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u l-ħames domanda li l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu lil Stat Membru, bil-ħsieb li jsegwi l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni permezz taż-żieda tal-prezz tal-konsum tal-alkoħol, milli jagħżel li jadotta leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi MPU għall-bejgħ bl-imnut tax-xarbiet alkoħoliċi u jwarrab miżura, bħaż-żieda tad-dazji, li tista’ tkun inqas restrittiva fir-rigward tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fid-dawl ta’ analiżi ddettaljat tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża li hija adita biha. Is-sempliċi ċirkustanza li din l-aħħar imsemmija miżura tista’ tiġġenera vantaġġi addizzjonali u tissodisfa b’mod iktar wiesa’ l-għan tal-ġlieda kontra l-abbuż mill-alkoħol ma tistax tiġġustifika li din tiġi mwarrba.

 Fuq ir-raba’ u s-sitt domanda

51      Permezz tar-raba’ u s-sitt domandi, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni li għandu jingħata l-Artikolu 36TFUE fir-rigward tal-livell ta’ intensità tal-kontroll tal-proporzjonalità li din il-qorti għandha twettaq meta teżamina leġiżlazzjoni nazzjonali inkonnessjoni mal-ġustifikazzjoni marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

52      Hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu fuq sa liema livell huma jintendu li jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti kollha tal-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni.

53      Peress li projbizzjoni, bħal dik li tirriżulta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkonsisti f’deroga mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom juru li l-leġiżlazzjoni tagħhom tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan invokat, u li dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet li għandhom portata inqas wiesgħa jew li għandhom inqas effett fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franzén, C‑189/95, EU:C:1997:504, punti 75 u 76, kif ukoll Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 50).

54      F’dan ir-rigward, ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru, għandhom ikollhom magħhom il-provi xierqa jew analiżi tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lindman, C‑42/02, EU:C:2003:613 punt 25; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑227/06, EU:C:2008:160, punt 63, u ANETT, C‑456/10, EU:C:2012:241, punt 50).

55      Jeħtieġ madankollu li jiġi rrilevat li dan l-oneru tal-prova ma jistax iwassal sabiex, meta jiġu sabiex jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi miżura bħall-MPU, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jintalbu juru, b’mod pożittiv, li ebda miżura immaġinabbli oħra ma tippermetti li jintlaħaq l-għan leġittimu segwit fl-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 66).

56      F’dan il-kuntest, hija l-qorti nazzjonali mitluba tistħarreġ il-legalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata li għandha tivverifika r-rilevanza tal-provi prodotti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bil-għan li tivverifika l-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Abbażi ta’ dawn il-provi, din il-qorti għandha, b’mod partikolari, teżamina b’mod oġġettiv jekk il-provi pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat jippermettux raġonevolment li jitqies li l-mezzi magħżula huma adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti kif ukoll il-possibbiltà li jintlaħqu dawn tal-aħħar permezz ta’ miżuri inqas restrittivi fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija.

57      F’dan il-każ, fil-kuntest ta’ tali eżami, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza possibbli ta’ inċertezzi xjentifiċi fir-rigward tal-effetti konkreti u reali fuq il-konsum tal-alkoħol ta’ miżura bħall-MPU bil-għan li jintlaħaq l-għan segwit. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-ċirkustanza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li l-istabbiliment ta’ MPU għandu jintemm f’terminu ta’ sitt snin dekorribbli mid-dħul fis-seħħ tad-digriet MPU, dment li l-Parlament Skoċċiż ma jiddeċidix li jżommu fis-seħħ, tikkostitwixxi prova li l-qorti tar-rinviju tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni.

58      Dik il-qorti għandha wkoll tevalwa n-natura u l-entità tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija naxxenti minn miżura bħall-MPU, meta tipparagunaha ma’ miżura possibbli oħra li jaffettwaw inqas il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll l-effett ta’ tali miżura fuq il-funzjonament korrett tal-OKS, peress li din l-evalwazzjoni hija inerenti għall-eżami tal-proporzjonalità.

59      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 36 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tkun qiegħda teżamina leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-ġustifikazzjoni marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens ta’ dan l-artikolu, qorti nazzjonali tkun obbligata li teżamina b’mod oġġettiv jekk il-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat jippermettux raġonevolment li jitqies li l-motivi magħżula huma adatti sabiex jinkisbu l-għanijiet segwiti kif ukoll il-possibbiltà li dawn tal-aħħar jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija tal-OKS.

 Fuq it-tielet domanda

60      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 36 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex limitat biss għal informazzjoni, provi jew atti oħra li l-leġiżlatur ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu meta jadotta tali miżura.

61      Din il-qorti tirrileva d-diżgwid eżistenti bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali fir-rigward tad-data li fiha għandha tiġi evalwata l-legalità tal-miżura nazzjonali kkonċernata. Għalhekk, hija tistaqsi dwar l-atti u l-provi li hija għandha teżamina fil-kuntest tal-evalwazzjoni marbuta mal-ġustifikazzjoni ta’ din il-miżura fid-dawl tal-Artikolu 36 TFUE, meta din il-qorti jkollha għad-dispożizzjoni tagħha studji ġodda li ma kinux ġew eżaminati mil-leġiżlatur nazzjonali waqt l-adozzjoni tal-imsemmija miżura.

62      Hemm lok li jiġi enfasizzat qabel xejn li r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu osservati f’kull mument rilevanti, indipendentement minn jekk dan il-mument ikunx dak tal-adozzjoni ta’ miżura, dak tal-implementazzjoni tagħha jew dak tal-applikazzjoni tagħha għal każ inkwistjoni (sentenza Seymour-Smith u Perez, C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 45).

63      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-qorti nazzjonali hija mitluba teżamina l-legalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni anki jekk din tal-aħħar ma tkunx daħlet fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku nazzjonali. Konsegwentement, dik il-qorti hija obbligata tevalwa l-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni fid-data li fiha hija tiddeċiedi l-kawża.

64      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull informazzjoni, kull prova u l-atti l-oħra kollha rilevanti li hija tkun konxja minnhom fil-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali tagħha. Tali evalwazzjoni hija iktar u iktar imponibbli f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn jidher li jeżistu inċertezzi xjentifiċi dwar l-effett reali tal-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-legalità tagħha hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tar-rinviju.

65      Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 36 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex limitat biss għall-informazzjoni, provi jew atti oħra li l-leġiżlatur kellu għad-dispożizzjoni tiegħu meta adotta tali miżura. F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-istħarriġ tal-konformità tal-imsemmija miżura mad-dritt tal-Unjoni għandu jitwettaq abbażi tal-informazzjoni, provi u atti oħra li jkunu għad-dispożizzjoni tal-qorti nazzjonali fid-data li fiha hija tiddeċiedi l-kawża, fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi MPU għall-bejgħ bl-imnut tal-inbid, sakemm din il-miżura tkun effettivament adatta sabiex tiżgura l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u sakemm, b’kont meħud tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni kif ukoll tal-funzjonament korrett tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni.

2)      L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu lil Stat Membru, bil-ħsieb li jsegwi l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni permezz taż-żieda tal-prezz tal-konsum tal-alkoħol, milli jagħżel li jadotta leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol għall-bejgħ bl-imnut tax-xarbiet alkoħoliċi u jwarrab miżura, bħaż-żieda tad-dazji, li tista’ tkun inqas restrittiva fir-rigward tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fid-dawl ta’ analiżi ddettaljat tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża li hija adita biha. Is-sempliċi ċirkustanza li din l-aħħar imsemmija miżura tista’ tiġġenera vantaġġi addizzjonali u tissodisfa b’mod iktar wiesa’ l-għan tal-ġlieda kontra l-abbuż mill-alkoħol ma tistax tiġġustifika li din tiġi mwarrba.

3)      L-Artikolu 36 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tkun qiegħda teżamina leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-ġustifikazzjoni marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens ta’ dan l-artikolu, qorti nazzjonali tkun obbligata li teżamina b’mod oġġettiv jekk il-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat jippermettux raġonevolment li jitqies li l-motivi magħżula huma adatti sabiex jinkisbu l-għanijiet segwiti kif ukoll il-possibbiltà li dawn tal-aħħar jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

4)      L-Artikolu 36 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex limitat biss għall-informazzjoni, provi jew atti oħra li l-leġiżlatur kellu għad-dispożizzjoni tiegħu meta adotta tali miżura. F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-istħarriġ tal-konformità tal-imsemmija miżura mad-dritt tal-Unjoni għandu jitwettaq abbażi tal-informazzjoni, provi u atti oħra li jkunu għad-dispożizzjoni tal-qorti nazzjonali fid-data li fiha hija tiddeċiedi l-kawża, fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.