Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social de Barcelona (Spanja) fid-19 ta' Lulju 2011 - Isabel Elbal Moreno vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

(Kawża C-385/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Social de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Isabel Elbal Moreno

Konvenuti: Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

Domandi preliminari

Il-kunċett ta' "kondizzjonijiet tax-xogħol" imsemmi fil-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni prevista fil-klawżola 4 tad-Direttiva 97/81 1 jinkludi pensjoni ta' rtirar tat-tip kontributtiv, bħal dik prevista mis-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola, li tirriżulta mill-kontribuzzjonijiet magħmula minn u favur il-ħaddiem matul il-ħajja tax-xogħol kollha tiegħu?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta pożittiva għall-ewwel domanda u tikkunsidra li pensjoni ta' rtirar bħal dik tat-tip kontributtiv prevista mis-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola hija koperta mill-kunċett ta' "kondizzjonijiet tax-xogħol" li huwa msemmi fil-klawżola 4 tad-Direttiva 97/81, il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni prevista minn din il-klawżola għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali li - bħala riżultat tal-applikazzjoni doppja tal-"principio pro rata temporis" - teżiġi li l-ħaddiema part-time, meta mqabbla ma' ħaddiema full-time, għandu jkollhom perijodu ta' kontribuzzjoni proporzjonalment itwal sabiex jaċċedu, jekk ikun il-każ, għal pensjoni ta' rtirar tat-tip kontributtiv, li l-ammont tagħha jiġi mnaqqsa proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol tagħhom?

Bħala domanda supplimentari għal dawk preċedenti, leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni Spanjola (li tinsab fis-seba' premessa addizzjonali tal-liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali) dwar is-sistema ta' kontribuzzjoni, ta' aċċess u ta' determinazzjoni tal-pensjoni ta' rtirar tat-tip kontributtiv għall-ħaddiema part-time tista' tiġi kkunsidrata bħala wiħed mill-"aspetti u l-kondizzjonijiet [...] ta' rimunerazzjoni" li fir-rigward tagħhom tapplika l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 2 u fl-Artikolu 157 TFUE (l-ex Artikolu 141 KE)?

Bħala domanda sussidjarja għal dawk preċedenti, fil-każ fejn il-pensjoni ta' rtirar Spanjola tat-tip kontributtiv la hija koperta mill-kunċett ta' "kondizzjonijiet tax-xogħol" u lanqas mill-kunċett ta' "rimunerazzjoni", il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 3 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali li - bħala riżultat tal-applikazzjoni doppja tal-"principio pro rata temporis" - teżiġi li l-ħaddiema part-time (fil-parti l-kbira tagħhom nisa), meta mqabbla ma' ħaddiema full-time, għandu jkollhom perijodu ta' kontribuzzjoni proporzjonalment itwal sabiex jaċċedu, jekk ikun il-każ, għal pensjoni ta' rtirar tat-tip kontributtiv, li l-ammont tagħha jiġi mnaqqsa proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol tagħhom?

____________

1 - Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta' Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267

2 - Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 5 ta' Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid), ĠU L 204, p. 23.

3 - Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta' Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.