Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fil-21 ta’ Awwissu 2017 – Google Inc. vs Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL)

(Kawża C-507/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Google Inc.

Konvenuta: Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL)

Partijiet oħra: Wikimedia Foundation Inc., Fondation pour la liberté de la presse, Microsoft Corp., Reporters Committee for Freedom of the Press et, Article 19 et, Internet Freedom Foundation et, Défenseur des droits

Domandi preliminari

1°    Id-“dritt għal tħassir” kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Mejju 2014 1 abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12(b) u 14(a) tad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995 2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija huwa obbligat, meta jilqa’ talba għal tħassir, iwettaq dan it-tħassir fil-konfront tal-ismijiet kollha ta’ domain mill-mutur ta’ tfittxija tiegħu b’tali mod li l-konnessjonijiet kontenzjużi ma jidhrux iktar irrispettivament minn fejn issir it-tfittxija fuq il-bażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba, inkluż barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995?

2°    Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din l-ewwel domanda, id-“dritt għal tħassir” kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha ċċitata iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija huwa obbligat, meta jilqa’ talba għal tħassir, ineħħi l-konnessjonijiet kontenzjużi mir-riżultati li jintwerew wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba fuq isem ta’ domain li jikkorrispondi għall-Istat fejn it-talba titqies li tressqet jew, b’mod iktar ġenerali, fuq l-ismijiet ta’ domain tal-mutur ta’ tfittxija li jikkorrispondu għall-estenzjonijiet nazzjonali ta’ dan il-mutur ta’ tfittxija għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea?

3°    Barra minn hekk, flimkien mal-obbligu invokat fit-tieni domanda, id-“dritt għal tħassir” kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha ċċitata iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija li jilqa’ talba għal tħassir huwa obbligat ineħħi, permezz tat-teknika magħrufa bħala “imblukkar ġeografiku”, minn indirizz IP meqjus li jinsab fl-Istat ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-“dritt għal tħassir”, ir-riżultati kontenzjużi tat-tfittxijiet imwettqa fuq il-bażi ta’ ismu, jew inkella, b’mod iktar ġenerali, minn indirizz IP meqjus li jinsab f’wieħed mill-Istati Membri suġġetti għad-Direttiva tal-24 ta’ Ottubru 1995, irrispettivament mill-isem ta’ domain użat mill-utent tal-internet li jwettaq it-tfittxija?

____________

1     Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317.

2     Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).