Language of document : ECLI:EU:T:2012:172

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

29 ta’ Marzu 2012 (*)

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Swieq Spanjoli tal-aċċess għall-internet permezz tal-broadband — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 82 KE — Iffissar tal-prezzijiet — Kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Definizzjoni tas-swieq — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kalkolu tal-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet — Effetti tal-abbuż — Kompetenza tal-Kummissjoni — Drittijiet tad-difiża — Sussidjarjetà — Proporzjonalità — Ċertezza legali — Kooperazzjoni leali — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Multi”

Fil-Kawża T-336/07,

Telefónica, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja)

Telefónica de España, SA, stabbilita f’Madrid,

inizjalment irrappreżentati minn F. González Díaz u S. Sorinas Jimeno, sussegwentement minn F. González Díaz, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, É. Gippini Fournier u K. Mojzesowicz, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

France Telecom España, SA, stabbilita f’Pozuelo de Alarcón (Spanja), irrappreżentata minn S. Martínez Lage, H. Brokelmann u M. Ganino, avukati,

minn

Asociación de Usuarios de Servicios Bancarios (Ausbanc Consumo), stabbilita f’Madrid, irrappreżentata minn L. Pineda Salido u I. Cámara Rubio, avukati,

u minn

European Competitive Telecommunications Association, stabbilita f’Wokingham (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Di Stefano u A. Salerno, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3196 finali, tal-4 ta’ Lulju 2007, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 (KE) (Każ COMP/38.784 — Wanadoo España kontra Telefónica) u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro (Relatur) u H. Kanninen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Preżentazzjoni tar-rikorrenti

1        Telefónica SA, rikorrenti fil-kawża preżenti, hija l-kumpannija parent tal-grupp Telefónica, li preċedentement kienet monopolju tal-Istat fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet fi Spanja. Fil-perijodu kkonċernat mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3196 finali, tal-4 ta’ Lulju 2007, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 (KE) (Każ COMP/38.784 — Wanadoo España kontra Telefónica) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), jiġifieri minn Settembru 2001 sa Diċembru 2006, Telefónica pprovdiet servizzi ta’ high speed internet permezz tas-sussidjarja tagħha Telefónica de España SAU (iktar ’il quddiem “TESAU”), ukoll rikorrenti fil-kawża preżenti, kif ukoll permezz ta’ żewġ sussidjarji oħra, Telefónica Data de España SAU u Terra Networks España SA, li ngħaqdu ma’ TESAU rispettivament fit-30 ta’ Ġunju 2006 u fis-7 ta’ Lulju 2006 (premessi 11, 13 u 19 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata). Telefónica u s-sussidjarji tagħha (iktar ’il quddiem imsemmija flimkien “Telefónica”) kienu entità ekonomika waħda u unika fil-perijodu kollu kkonċernat mill-investigazzjoni (premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Qabel il-liberalizzazzjoni totali tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet fl-1998, Telefónica kienet f’idejn l-Istat Spanjol u kienet tibbenefika minn monopolju legali għall-provvista bl-imnut tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet tal-linja fissa. Attwalment, hija topera l-uniku netwerk tat-telefonija fissa fuq livell nazzjonali (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura amministrattiva

3        Fil-11 ta’ Lulju 2003, Wanadoo España SL (li saret France Telecom España SA) (iktar ’il quddiem “France Telecom”) ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li fih allegat li l-marġni bejn il-prezzijiet bl-ingrossa li s-sussidjarji ta’ Telefónica kienu japplikaw lill-kompetituri tagħhom għall-provvista bl-ingrossa għall-aċċess għall-high speed internet fi Spanja u l-prezzijiet bl-imnut li huma kienu japplikaw għall-utenti finali ma kinitx suffiċjenti sabiex il-kompetituri ta’ Telefónica setgħu jikkompetu magħha (premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Wara analiżi tal-ilment u wara li rċeviet informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni bagħtet, fl-20 ta’ Frar 2006, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-Telefónica. Hija rrispondiet fid-19 ta’ Mejju 2006. Inżammu seduti fit-12 u fit-13 ta’ Ġunju 2006 (premessi 27 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Fil-11 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni bagħtet ittra lil Telefónica li fiha stednitha tikkomunikalha l-kummenti tagħha fuq il-konklużjonijiet li hija kellha l-intenzjoni li tasal għalihom fuq il-bażi tal-fatti ġodda mhux imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“ittra li tesponi l-fatti”). Telefónica rrispondietha fit-12 ta’ Frar 2007 (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Id-deċiżjoni kkontestata

6        Fl-4 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li hija s-suġġett tal-kawża preżenti.

7        L-ewwel nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat tliet swieq ta’ prodotti inkwistjoni, jiġifieri suq bl-imnut tal-high speed internet u ż-żewġt iswieq bl-ingrossa tal-high speed internet (premessi 145 sa 208 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Is-suq bl-imnut inkwistjoni jinkludi, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-prodotti kollha ta’ high speed internet mingħajr distinzjoni, kemm jekk jiġu pprovduti permezz tal-ADSL (Asymetric Digital Subscriber Line, linja diġitali asimetrika tal-abbonat) kemm permezz ta’ kwalunkwe teknoloġija oħra, imqiegħda fis-“suq tal-pubbliku inġenerali” għall-użu minn utenti residenzjali u mhux residenzjali. Min-naħa l-oħra, is-suq ma jinkludix is-servizzi ta’ aċċess għal high speed internet personalizzati mmirati prinċipalment għall-“klijenti kbar” (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fir-rigward tas-swieq bl-ingrossa, il-Kummissjoni indikat li kienu disponibbli tliet offerti ewlenin bl-ingrossa, jiġifieri offerta ta’ riferiment għall-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, ikkumerċjalizzata biss minn Telefónica, offerta bl-ingrossa reġjonali (GigADSL, iktar ’il quddiem il-“prodott bl-ingrossa reġjonali”), ikkummerċjalizzata biss ukoll minn Telefónica, u numru ta’ offerti bl-ingrossa nazzjonali kkumerċjalizzati kemm minn Telefónica (ADSL-IP u ADSL-IP Total, iktar ’il quddiem il-“prodott bl-ingrossa nazzjonali”) kif ukoll mill-operaturi l-oħra fuq il-bażi ta’ aċċess mhux marbut mal-loop lokali u/jew tal-prodott bl-ingrossa reġjonali (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Sabiex jiġu ddefiniti s-swieq bl-ingrossa inkwistjoni f’din il-kawża, il-Kummissjoni analizzat jekk il-prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa deskritti fil-punt preċedenti jappartjenux għall-istess suq ta’ prodotti jew għal swieq ta’ prodotti distinti (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni l-ewwel nett qieset li l-prodott bl-ingrossa reġjonali u dak ta’ aċċess mhux marbut mal-loop lokali ma kinux sostitwibbli (premessi 163 sa 182 tad-deċiżjoni kkontestata). Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni rreferiet, fir-rigward tas-sostitwibbiltà minn naħa tad-domanda, għall-investimenti kbar tal-bini tan-netwerk (premessi 163 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata) u għad-differenzi funzjonali bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ aċċess bl-ingrossa (premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset wkoll li ma kienx hemm sostitwibbiltà minn naħa tal-offerta bejn dawn il-prodotti, b’mod li timplika li operatur alternattiv ikun f’pożizzjoni li jipproponi netwerk tal-linji lokali identiku għal dak ta’ Telefónica fuq it-territorju kollu Spanjol, li jkun ekonomikament impossibbli f’terminu raġonevoli (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Imbagħad, il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm sostitwibbiltà suffiċjenti bejn il-prodotti bl-ingrossa reġjonali u nazzjonali (premessi 183 sa 195 tad-deċiżjoni kkontestata), għalkemm ippreċiżat li l-limiti msemmija bejn is-swieq bl-ingrossa reġjonali u nazzjonali ma kinux determinanti, fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti ta’ Telefónica f’kull wieħed minn dawn is-swieq (premessa 195 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tas-sostitwibbiltà minn naħa tad-domanda, hija qieset li l-operatur alternattiv li jixtieq jipprovdi servizzi bl-imnut ADSL fuq livell nazzjonali billi jintuża l-prodott bl-ingrossa reġjonali kellu jassumi spejjeż rikorrenti u minn qabel kbar ta’ bini u manutenzjoni ta’ netwerk li jippermettu li ssir interkonessjoni mal-109 punti ta’ aċċess indiretti ta’ Telefónica (premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-migrazzjoni tal-prodott bl-ingrossa reġjonali lejn il-prodott bl-ingrossa nazzjonali ma tagħmilx sens minn perspettiva ekonomika, peress li jkun illoġiku u mhux probabbli li operaturi li diġà investew fil-bini ta’ netwerk ibatu l-ispiża li ma jużawx in-netwerk tagħhom u li jintuża l-prodott bl-ingrossa nazzjonali, li ma jagħtihomx l-istess possibbiltajiet f’dak li jirrigwarda l-kontroll tal-kwalità tas-servizz tal-prodott bl-imnut kif ukoll il-prodott bl-ingrossa reġjonali (premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tas-sostitwibbiltà minn naħa tal-offerta, il-Kummissjoni indikat li, jekk huwa minnu li operatur jixtieq jipproponi offerta bl-ingrossa nazzjonali jista’ jagħmel dan fuq il-bażi tal-offerta bl-ingrossa reġjonali, li jimplika investimenti kunsiderevoli, peress li dawn tal-aħħar kienu nieqsa minn kwalunkwe denominatur komuni ma’ dawk neċessarji għal aċċess mhux marbut mal-loop lokali li kienet, upstream, meħtieġa sabiex l-operatur ikun jista’ joffri prodott ta’ aċċess bl-ingrossa reġjonali li jikkompeti ma’ dak ta’ Telefónica (premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li t-teknoloġiji ta’ aċċess għall-high speed internet, minbarra l-ADSL, u b’mod partikolari l-cable, ma setgħux jitqiesu li huma sostitwibbli għall-offerti ADSL (premessi 196 sa 207 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tas-sostitwibbiltà minn naħa tad-domanda, il-Kummissjoni rreferiet għall-ispejjeż kunsiderevoli li jridu jsiru fil-każ ta’ migrazzjoni bejn offerta bl-ingrossa ADSL u offerta bl-ingrossa bażika fuq il-cable, kif ukoll il-kopertura dgħajfa u l-frammentazzjoni tan-netwerks fi Spanja (premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni indikat ukoll, li anki jekk ikun teknikament possibbli għall-operaturi tal-cable li jipprovdu lil terzi aċċess bl-ingrossa ta’ high speed internet ekwivalenti għall-prodotti bl-ingrossa reġjonali u nazzjonali, ikun hemm xi diffikultajiet prattiki u ekonomiċi jwaqqfuhom milli jagħmlu dan, b’mod li offerta bħal din ma tkunx ekonomikament vijabbli.

14      Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-swieq bl-ingrossa inkwistjoni għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata kienu jinkludu l-prodott bl-ingrossa reġjonali u l-prodott bl-ingrossa nazzjonali, bl-esklużjoni tas-servizzi bl-ingrossa bil-cable u b’teknoloġiji differenti mill-ADSL (premessi 6 u 208 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Is-swieq ġeografiċi rilevanti bl-ingrossa u bl-imnut huma, skont id-deċiżjoni kkontestata, ta’ dimensjoni nazzjonali (it-territorju Spanjol) (premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonstatat li Telefónica kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fiż-żewġ swieq bl-ingrossa inkwistjoni (premessi 223 sa 242 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, fil-perijodu kkunsidrat, Telefónica kellha l-monopolju tal-provvista tal-prodott bl-ingrossa reġjonali u iktar minn 84 % tas-suq tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali (premessi 223 u 235 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont id-deċiżjoni kkontestata (premessi 243 sa 277), Telefónica kienet ukoll f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-imnut.

17      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat jekk Telefónica kinitx abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq inkwistjoni (premessi 278 sa 694 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li Telefónica kienet kisret l-Artikolu 82 KE meta imponiet prezzijiet inġusti fuq il-kompetituri tagħha fil-forma ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet bejn il-prezzijiet ta’ aċċess għal high speed internet bl-imnut fis-suq tal-“pubbliku inġenerali” Spanjol u l-prezzijiet ta’ aċċess għall-high speed internet bl-ingrossa fil-livelli reġjonali u nazzjonali, fil-perijodu bejn Settembru 2001 u Diċembru 2006 (premessa 694 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet f’din il-kawża, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, fakkret il-kuntest leġiżlattiv li fih Telefónica pprovdiet il-prodotti bl-ingrossa reġjonali u nazzjonali, b’mod partikolari l-obbligu impost fuq Telefónica mil-liġi Spanjola li tipprovdi b’kundizzjonijiet ġusti aċċess bl-ingrossa fil-livelli reġjonali u nazzjonali. Il-Kummissjoni fakkret ukoll l-obbligu impost mill-Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (CMT, Kummissjoni tas-Suq tat-Telekomunikazzjonijiet Spanjola) fuq Telefónica sa minn Marzu 1999 li tipprovdi l-prodott bl-ingrossa reġjonali u indikat li Telefónica kienet bdiet toffri l-prodott tagħha ADSL-IP Total fuq inizjattiva tagħha stess minn Settembru 1999, peress li ċ-CMT kienet imponiet fuq Telefónica li tipprovdi l-aċċess għall-ADSL-IP sa minn April 2002 (premessi 288 u 289 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      It-tieni nett, fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni qieset, l-ewwel, li l-livell ta’ effettività tal-kompetituri ta’ Telefónica kellu jitqies abbażi tal-ispejjeż tal-output ta’ din tal-aħħar (metodu tal-“kompetitur daqstant effiċjenti”) (premessi 311 sa 315 tad-deċiżjoni kkontestata); it-tieni nett, li l-metodu rilevanti taż-żieda fl-ispejjeż kien, f’din il-kawża, dak tal-ispejjeż medji inkrementali fit-tul (iktar ’il quddiem iċ-“CMILT”) (premessi 316 sa 324 tad-deċiżjoni kkontestata); it-tielet nett, li l-evalwazzjoni tal-qligħ fiż-żmien setgħet tiġi stabbilita permezz ta’ żewġ metodi, jiġifieri l-metodu imsejjaħ “perijodu b’perijodu” u l-metodu tal-flussi ta’ fondi miġbura (premessi 325 sa 385 tad-deċiżjoni kkontestata); ir-raba’ nett, li l-kalkolu tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kellu jseħħ fuq il-bażi tal-ġabra tas-servizzi kkummerċjalizzati minn Telefónica fis-suq bl-imnut rilevanti (premessi 386 sa 388 tad-deċiżjoni kkontestata); u, l-ħames nett, fir-rigward tal-għażla tal-inputs upstream għall-kalkolu tal-possibbiltà tar-riproduzzjoni tal-prezzijiet output, li t-tariffi ta’ Telefónica għandhom ikunu riproduċibbli minn kompetitur daqstant effiċjenti li juża għall-inqas prodott bl-ingrossa ta’ Telefónica fuq kull wieħed mis-swieq bl-ingrossa rilevanti (premessi 389 sa 396 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      It-tielet nett, il-Kummissjoni kkalkolat jekk id-differenza bejn il-prezzijiet output u input ta’ Telefónica tkoprix għall-inqas iċ-CMILT output ta’ Telefónica (premessi 397 sa 511 tad-deċiżjoni kkontestata). Billi tapplika l-metodu deskritt fil-punt preċedenti, il-Kummissjoni kkalkolat li l-prezzijiet bl-imnut ta’ Telefónica ma kinux riproduċibbli fuq il-bażi tal-prodotti bl-ingrossa nazzjonali jew reġjonali tagħhom, minn Settembru 2001 sa Diċembru 2006 (premessi 512 sa 542 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-effetti tal-abbuż, il-Kummissjoni qieset li l-aġir ta’ Telefónica kien probabbilment illimita l-kapaċità tal-operaturi ADSL milli jespandu fit-tul fis-suq bl-imnut u kien probabbilment ikkawża preġudizzju lill-utenti finali. Hija qieset ukoll li l-aġir ta’ Telefónica kellu xi effetti konkreti ta’ esklużjoni u kien ikkawża preġudizzju lill-konsumaturi (premessi 544 sa 618 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Il-ħames nett, il-Kummissjoni sostniet li l-aġir ta’ Telefónica ma kienx oġġettivament iġġustifikat u ma kienx ipproduċa vantaġġi ta’ effiċenza (premessi 619 sa 664 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Is-sitt nett, fl-aħħar, il-Kummissjoni indikat li Telefónica kellha marġni sabiex tevita l-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Għalhekk, Telefónica setgħet iżżid il-prezzijiet tagħha bl-imnut jew tbaxxi l-ispejjeż tagħha bl-ingrossa. Il-Kummissjoni żiedet li d-deċiżjonijiet taċ-CMT dwar il-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet indirizzati lil Telefónica ma kinux ta’ natura li jneħħu r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar (premessi 665 sa 694 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni kkonstatat li f’din il-kawża l-kummerċ bejn Stati Membri kien ġie effettwat, peress li l-politika tariffarja ta’ Telefónica kienet tikkonċerna s-servizzi ta’ aċċess ta’ operatur f’pożizzjoni dominanti li jkopru t-territorju kollu Spanjol, li jammonta għal parti sostanzjali tas-suq intern (premessi 695 sa 697 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodoloġija esposta fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat (KEFA) (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”).

26      L-ewwel nett, il-Kummissjoni evalwat il-gravità u l-impatt tal-ksur kif ukoll tad-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni. L-ewwel, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, hija qieset li kien każ ta’ abbuż serju minn naħa ta’ impriża li għandha pożizzjoni prattikament monopolista, li għandha tiġi kklassifikata bħala “serju ħafna” fid-dawl tal-linji gwida tal-1998 (premessi 739 sa 743 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessi 744 sa 750 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddistingwiet b’mod partikolari l-każ preżenti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/707/KE, tal-21 ta’ Mejju 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE (Każ COMP/C 1/37.451, 37.578, 37.579 — Deutsche Telekom AG) (ĠU L 263, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Deutsche Telekom”), li fiha l-abbuż ta’ Deutsche Telekom, li kien jikkonsisti f’kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ma kienx ġie ikklassifikat bħala “serju ħafna” fis-sens tal-linji gwida tal-1998. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-impatt tal-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni qieset il-fatt li s-swieq inkwistjoni kienu ta’ valur ekonomiku kunsiderevoli, li huma għandhom rwol kruċjali fl-implementazzjoni tas-soċjetà tal-informazzjoni u li l-impatt tal-abbuż ta’ Telefónica fis-suq bl-imnut kien sinjifikattiv (premessi 751 u 753 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni, il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari li s-suq Spanjol tal-high speed internet kien il-ħames l-ikbar suq nazzjonali tal-high speed internet fl-Unjoni Ewropea u li, jekk il-każijiet tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienu neċessarjament limitati għal Stat Membru wieħed, dan kien iwaqqaf lil operaturi minn Stati Membri oħra milli jidħlu fis-suq li jkun qed jikber malajr (premessi 754 u 755 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-ammont minimu tal-multa, ta’ EUR 90 000 000, jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-gravità tal-prattika abbużiva ġiet ippreċiżata fil-perijodu kkunsidrat u, b’mod iktar partikolari, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni Deutsche Telekom (premessi 756 u 757 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.25 lill-imsemmi ammont sabiex tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika sinjifikattiva ta’ Telefónica u sabiex tiżgura lill-multa natura suffiċjentement dissważiva, b’mod li l-ammont minimu tal-multa tala’ għal EUR 112 500 000 (premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      It-tieni nett, peress li l-ksur seħħ minn Settembru 2001 sa Diċembru 2006, jiġifieri għal ħames snin u erba’ xhur, il-Kummissjoni żiedet l-ammont minimu tal-multa b’50 %. L-ammont bażiku tal-multa b’hekk ittalla’ għal EUR 168 750 000 (premessi 759 sa 761 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      It-tielet nett, fid-dawl tal-provi disponibbli, il-Kummissjoni qieset li l-eżistenza ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti setgħet tiġi kkunsidrata f’din il-kawża, peress li l-ksur kien għall-inqas twettaq b’negliġenza. B’hekk, ingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 10 % lil Telefónica, li biddel l-ammont tal-multa għal EUR 151 875 000 (premessi 765 u 766 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“Artikolu 1

[Telefónica] u [TESAU] wettqu ksur tal-Artikolu 82 KE, billi applikaw tariffi inġusti fil-forma ta’ sproporzjon bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u l-prezzijiet bl-imnut għall-aċċess għall-broadband bejn Settembru 2001 u Diċembru 2006.

Artikolu 2

Għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1, qed tiġi imposta multa ta’ EUR 151 875 000 konġuntament u insolidum lil [Telefónica] u lil [TESAU].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti ressqu l-kawża preżenti.

32      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fl-10 u fl-24 ta’ Diċembru 2007, France Telecom u l-Asociación de usuarios de servicios bancarios (Ausbanc Consumo) (iktar ’il quddiem l-“Ausbanc”) talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

33      B’ittra tas-7 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ intervenjenti eventwali ta’ ċerti provi li jinsabu fir-rikors u l-annessi tiegħu.

34      B’ittra tat-22 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-Ausbanc ta’ ċerti provi li jinsabu fir-rikors u l-annessi tiegħu.

35      B’ittri tal-15 ta’ April 2008, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-Ausbanc u l-France Telecom ta’ ċerti provi li jinsabu fir-risposta u l-annessi tagħha.

36      B’ittri tal-25 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-Ausbanc u l-France Telecom ta’ ċerti provi li jinsabu fir-replika u l-annessi tagħha.

37      B’digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Lulju 2008, France Telecom u l-Ausbanc, tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni fuq il-mertu tat-talba għal trattament kunfidenzjali ġiet irriżervata.

38      L-intervenjenti ġew innotifikati b’verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-diversi atti tal-proċedura mħejjija mir-rikorrenti.

39      B’ittra tat-12 ta’ Settembru 2008, l-Ausbanc ikkontestat il-kunfidenzjalità ta’ diversi partijiet li nżammu moħbija fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-atti tal-proċedura li hija kienet irċeviet.

40      B’ittra tal-15 ta’ Settembru 2008, France Telecom ikkontestat it-talbiet għal trattament kunfidenzjali sa fejn dawn jirrigwardaw l-integralità tal-annessi varji mehmuża mar-rikors, mar-risposta u mar-replika.

41      Fit-28 ta’ Ottubru 2008, France Telecom u l-Ausbanc ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom.

42      B’ittra tal-25 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti informaw lill-Qorti Ġenerali li n-noti ta’ intervent ma kinux jinkludu informazzjoni kunfidenzjali.

43      B’ittra tas-27 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-Ausbanc u ta’ France Telecom ta’ ċerti provi li jinsabu fil-kontroreplika u l-annessi tagħha.

44      Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fin-noti ta’ intervent fis-6 ta’ Frar 2009.

45      B’ittra tas-6 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti provi li jinsabu fl-osservazzjonijiet tagħhom fin-nota ta’ intervent ta’ France Telecom u fl-anness mehmuż magħha.

46      B’ittra tad-9 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni rrinunzjat milli tressaq osservazzjonijiet fuq in-noti ta’ intervent.

47      B’digriet tat-2 ta’ Marzu 2010, il-President tat-Tmien Awla laqa’ parzjalment it-talba għall-kunfidenzjalità tar-rikorrenti.

48      B’att ippreżentat fil-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Novembru 2010, il-European Competitive Telecommunications Association (iktar ’il quddiem l-“ECTA”) talbet ukoll li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

49      B’ittra tas-7 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti opponew din it-talba.

50      B’digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2011, l-ECTA ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

51      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla, bis-saħħa tal-Artikolu 230 KE, id-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas, bis-saħħa tal-Artikolu 229 KE, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom permezz tad-deċiżjoni kkontestata;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

52      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

53      L-Ausbanc titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talbiet prinċipali u sussidjarji tar-rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

54      France Telecom titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad totalment ir-rikors tar-rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-intervent.

55      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-23 ta’ Mejju 2011.

56      Fis-seduta, l-ECTA talbet lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti li allegatament jinsabu fl-annessi

57      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti tar-rikorrenti li allegatament jinsabu fl-annessi tar-rikors tagħhom u tar-replika tagħhom. Hija sostniet li r-rikorrenti b’hekk ippreżentaw argumenti ta’ natura ġuridika jew ekonomika li mhux biss jibbażaw ruħhom jew jikkompletaw punti ta’ fatt jew ta’ dritt speċifikament allegati fit-test ta’ dawn l-atti proċedurali, iżda li jżidu allegazzjonijiet ġodda. B’hekk, skont il-Kummissjoni, “partijiet sħaħ tan-noti tar-rikorrenti” jirreferu b’mod sħiħ għal dawn l-annessi, li mingħajrhom ikunu nieqsa mill-kontenut tagħhom.

58      Mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra li ssostniha. Bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Jekk il-korp tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għall-partijiet speċifiċi ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għall-kitbiet oħra, anki annessi mar-rikors, ma jistgħux jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ elementi essenzjali tal-argumenti skont id-dritt, li għandhom jidhru fir-rikors (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex inkarigata li tfittex u tidentifika, fl-annessi, ir-raġunijiet u l-argumenti li jistgħu jitqiesu li jifformaw il-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T‑84/96, Ġabra p. II‑2081, punt 34; tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punt 154, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punt 57). Il-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi timplika li, sa fejn dawn jinkludu punti ta’ liġi li fuqhom huma bbażati ċerti motivi sostnuti fir-rikors, elementi bħal dawn għandhom jiġu inklużi fit-test innifsu tiegħu jew għall-inqas ikunu identifikati b’mod ċar f’din in-nota (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 99). B’hekk, ir-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu hija bbażata l-azzjoni, b’tali mod li sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68, u tat-22 ta’ Novembru 2006, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑282/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 60).

60      L-annessi ma jistgħux iservu sabiex jiżviluppaw raġuni deskritta sommarjament fir-rikors billi jressqu lmenti jew argumenti li ma humiex fir-rikors (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra p. II‑107, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tapplika wkoll għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-replika li, skont l-Artikolu 47(1) tal-istess Regoli, hija intiża li tikkompleta r-rikors (ara s-sentenza Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punt 58, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’din il-kawża, fl-atti tagħhom, ir-rikorrenti għamlu numru ta’ riferimenti għal dokumenti, xi drabi voluminużi, annessi magħhom. Madankollu, xi wħud minn dawn ir-riferimenti jirreferu għad-dokumenti annessi kkonċernati biss b’mod ġenerali u b’hekk ma jippermettux lill-Qorti Ġenerali tidentifika preċiżament l-elementi li hija tista’ tqis li jissostanzjaw jew jikkompletaw punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal passaġġi partikolari tal-imsemmija dokumenti, il-motivi u argumenti żviluppati fir-rikors jew fir-replika. Barra minn hekk, b’mod partikolari, id-dokumenti li għalihom jirreferu ċerti riferimenti, ma humiex intiżi biss sabiex jissostanzjaw jew jikkompletaw, fuq punti speċifiċi, ċerti argumenti tal-korp tan-nota li magħha huma annessi, iżda li jinkludu l-ispjegazzjoni stess tal-imsemmija argumenti, b’mod li, mingħajr l-analiżi ta’ dawn id-dokumenti, dawn ma humiex komprensibbli.

63      B’hekk jirriżulta li fil-każ preżenti, l-annessi tar-rikors ma humiex ser jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali ħlief sa fejn jissostanzjaw jew jikkompletaw motivi jew argumenti espressament invokati mir-rikorrenti fit-test proprju tal-atti tagħhom u sa fejn ikun possibbli għall-Qorti Ġenerali li tidentifika bi preċiżjoni liema huma l-elementi, li jkunu jinsabu fihom, li jissostanzjaw jew jikkompletaw dawn il-motivi jew argumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punt 58, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99).

B –  Fuq il-mertu

64      Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu talbiet prinċipali u talbiet sussidjarji.

65      Insostenn tat-talbiet prinċipali tagħhom, bil-għan tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fid-definizzjoni tas-swieq bl-ingrossa inkwistjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-istabbiliment tal-pożizzjoni dominanti ta’ Telefónica fis-swieq inkwistjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE f’dak li jirrigwarda l-aġir abbużiv ta’ Telefónica. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt u/jew ta’ żbalji fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-aġir abbużiv ta’ Telefónica kif ukoll l-impatt antikompetittiv tagħha. Fl-aħħar nett, is-sitt motiv huwa bbażat fuq applikazzjoni ultra vires tal-Artikolu 82 KE u ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba.

66      Sussidjarjament, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi bil-għan tal-annullament tal-multa jew tat-tnaqqis tal-ammont tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi u ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament ta’ applikazzjoni tal-Artikolu (81 KE) u (82 KE) (ĠU 1962, 13, p. 204), u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 (KE) u 82 (KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 02, p. 205), u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi. It-tieni motiv, ifformulat b’mod iktar sussidjarju, huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi u ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali, ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u ta’ obbligu tal-motivazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

1.     Fuq it-talbiet prinċipali, bil-għan tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

a)     Fuq il-portata tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni u l-oneru tal-prova

67      Mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita, mogħtija fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jirriżulta li fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentment skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra p. I‑23, punt 62; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 58, iċċitata iktar ’il fuq, punt 688). Għal dan il-għan, hija għandha tipproduċi provi suffiċjentement preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi konvinzjoni soda li l-ksur allegat seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 217 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, ma hijiex il-Qorti tal-Unjoni li għandha teżamina l-legalità tal-att ikkontestat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 174). Għalhekk, ir-rwol tal-qorti adita b’rikors għal annullament dirett kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-provi u elementi oħra invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha humiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur li bih ikunu ġew akkużati r-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 891, u JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 175).

69      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk il-qorti tal-Unjoni teżerċita b’mod ġenerali stħarriġ totali fuq il-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kompetizzjoni jseħħux kollha jew le, l-istħarriġ li hija teżerċita fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni huma limitati għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll tal-preċiżjoni materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u tal-użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 34; tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 62, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 279; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑271/03, Ġabra p. II‑477, punt 185).

70      Bl-istess mod, sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun ir-riżultat ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi, dawn bħala prinċipju jifformaw ukoll is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju limitat, li jimplika li l-qorti tal-Unjoni ma tissostitwixxix l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-punti ta’ fatt b’dik tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 58, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, Ġabra p. II‑3155, punt 94).

71      Madankollu, jekk il-qorti tal-Unjoni tirrikonoxxi fil-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jimplikax li għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-data ta’ dan it-tip. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari mhux biss tivverifika l-preċiżjoni materjali tal-provi mressqa, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jammontawx għad-data kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tevalwa sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsaħħu l-konklużjonijiet li jirriżultaw (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 39; sentenzi Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 58, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89, u Clearstream vs Il-Kummissjoni, punt 70, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95).

72      F’dan ir-rigward, jekk il-ġudikant ikollu xi dubju, dan għandu jkun ta’ vantaġġ għall-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 265). Il-ġudikant ma jistax għalhekk jikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi jekk huwa jkollu xi dubju fuq il-kwistjoni, partikolarment fl-ambitu ta’ rikors għal annullament imressaq fil-konfront ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 68, iċċitata iktar ’il fuq, punt 177).

73      Fil-fatt, f’din l-aħħar imsemmija sitwazzjoni, huwa meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li jifforma parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, affermata wkoll fil-preambolu tal-Att Uniku Ewropew u fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea pproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), huma protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tas-severità tas-sanzjonijiet marbutin miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relattivi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ penalitajiet ta’ pagamenti perjodiċi (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 68, iċċitata iktar ’il fuq, punt 178, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150, u Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punti 175 u 176).

74      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li għandha tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-motivi tar-rikorrenti.

b)     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

75      Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni użat għall-ewwel darba, insostenn tal-konklużjoni tagħha li tgħid li Telefónica wettqet ksur, numru ta’ provi li ma kinux ġew ikkomunikati fil-proċeduri amministrattivi u li fuqhom hija ma kellhiex il-possibbiltà tgħarraf il-pożizzjoni tagħha. Dawn il-provi ma jistgħux jiġu inforzati u għandhom jiġu miċħuda bħala provi li jsaħħu d-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, dawn il-provi huma vvizzjati bi żbalji serji u lakuni. Skont ir-rikorrenti, kieku Telefónica kellha l-possibbiltà tgħarraf il-pożizzjoni tagħha dwarhom, hija setgħet tindika l-eżistenza tagħhom lill-Kummissjoni u, b’hekk, tippermetti r-rettifika tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod li l-kontenut tagħha u l-konklużjonijiet tagħha kienu jkunu neċessarjament differenti.

76      Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, li għandu jiġi osservat anki jekk tkun proċedura ta’ natura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 34).

77      Bħala korollarju għall-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-atti jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jidhru fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm id-dokumenti li jinkriminaw, kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, id-dokumenti interni tal-Kummissjoni u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 69, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      L-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jammonta għal ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex ssostni l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, jekk dan l-ilment ikun jista’ jiġi pprovat biss b’riferiment għall-imsemmi dokument. Jekk ikunu jeżistu provi oħra dokumentarji li l-partijiet kienu jafu bihom fil-proċedura amministrattiva li jsaħħu speċifikament il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-eliminazzjoni bħala mezz ta’ prova tad-dokument inkriminanti mhux ikkomunikat ma tinvalidax il-fondatezza tal-ilmenti kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti kieku kellu jiġi eliminat bħala mezz ta’ prova dokument mhux ikkomunikat li fuqu l-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha sabiex tinkrimina lil din l-impriża (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 69, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 sa 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Barra minn hekk, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li għandha tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha turi, b’mod ċar, il-fatturi essenzjali kollha li fuqhom tkun ibbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċeduri. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, punt 76, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Dan il-prinċipju jirrikjedi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontriha, bħall-fatti kkontestati, il-klassifikazzjoni li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija kontriha (ara s-sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, punt 76, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Dan ir-rekwiżit jiġi sodisfatt meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tallegax illi l-persuni kkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li tagħhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 94; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 109, u France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 60, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

82      Id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Huma wkoll ammissibbli xi żidiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-dawl tar-risposti tal-partijiet, fejn l-argumenti mressqa juru li setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid xi argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilmenti li hija tkun ifformulat (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, T‑86/95, Ġabra p. II‑1011, punt 442, u France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 60, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva, kemm biex tabbanduna oġġezzjonijiet li jirriżultaw li huma infondati, kif ukoll biex tiżviluppa u tikkompleta kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt l-argument tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija tkun ifformulat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 68, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      B’hekk, id-drittijiet tad-difiża jinkisru minħabba diverġenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali biss jekk l-ilment imressaq f’din id-deċiżjoni ma jkunx ġie espost fl-imsemmija komunikazzjoni b’mod suffiċjenti sabiex jippermetti lid-destinatarji jiddefendu ruħhom (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T‑48/00, Ġabra p. II‑2325, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Dan ma huwiex il-każ meta l-allegati differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw biss aġir li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti kkonċernati diġà kienu spjegaw ruħhom u li, għalhekk, ma jkunux relatati ma’ lment ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 103).

86      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq “elementi ġodda” fil-kuntest tat-test “perijodu b’perijodu” tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

87      L-ewwel nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni użat “elementi ġodda” sabiex tiddefendi n-neċessità li jitqies, bħala perijodu medju tar-relazzjoni kummerċjali bejn Telefónica u l-abbonati tagħha fis-suq bl-imnut, “tul medju ta’ ħajja” ta’ [kunfidenzjali] (1) sena, minn naħa, meta rreferiet għall-pjan ta’ negozju inizjali ta’ Telefónica, li tipprovdi li tirkupra l-ispejjeż sostnuti sabiex tiġbed il-klijenti f’sena jew tnejn u, min-naħa l-oħra, sabiex tindika li l-formola tal-kalkolu proposta minn Telefónica ma kinitx adegwata għal suq f’espansjoni (premessi 474 sa 489 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma b’hekk isostnu li kieku huma setgħu jesprimu ruħhom f’dan ir-rigward qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huma kienu jkunu jistgħu juru li t-tul medju tal-abbonament tal-abbonati tagħhom kien [kunfidenzjali].

88      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li perijodu ta’ ammortizzazzjoni tal-ispejjeż tal-kisba tal-abbonati ta’ [kunfidenzjali] sena użat fil-premessa 489 tad-deċiżjoni kkontestata huwa identiku għal dak li jidher fil-punt 383 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-Anness H tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punti 595 sa 598), intitolat “[s]tima tat-tul medju tal-abbonament tal-abbonati ta’ Telefónica” għamlet f’dan ir-rigward riferiment għall-istimi ta’ Telefónica dwar l-imemmija tul tal-abbonament, kif ukoll għar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-imsemmija stimi kienu jisvalutaw dan it-tul tal-abbonament (punt 598 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Telefónica min-naħa l-oħra sostniet l-argumenti tagħha f’dan ir-rigward fit-Taqsima 4.1 u fl-Anness 5 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

89      Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment, fil-premessa 476 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-irkupru tal-ispejjeż tal-kisba tal-abbonati fuq il-bażi tal-pjan ta’ negozju inizjali ta’ Telefónica, għandu jingħad li hija bbażat ruħha fuq l-Anness 10iii tal-ittra ta’ Telefónica tal-21 ta’ Lulju 2006, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (nota ta’ qiegħ il-paġna 492 tad-deċiżjoni kkontestata), ma ntużatx sabiex jiġi stabbilit il-perijodu ta’ amortizzament tal-ispejjeż tal-kisba tal-abbonati fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 476 u 489 tad-deċiżjoni kkontestata), billi din l-indikazzjoni tippermetti madankollu li jiġi kkonstatat li t-terminu ta’ [kunfidenzjali] sena, użat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tat-test “perijodu b’perijodu”, huwa iktar favorevoli għal Telefónica minn dak li jidher fl-imsemmi pjan ta’ negozju.

90      Fl-aħħar, għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-formola tal-kalkolu proposta minn Telefónica ma kinitx adegwata għal suq f’espansjoni, għandu jingħad li r-rikorrenti ġew debitament informati, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-importanza tal-kalkolu tal-amortizzament xieraq tal-ispejjeż tal-kisba tal-klijenti ġodda ta’ Telefónica, b’mod partikolari fis-swieq f’espansjoni. B’hekk, fil-punt 380 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet diġà sostniet li, f’suq f’espansjoni bħas-suq bl-imnut fil-kawża preżenti, l-ispejjeż sabiex jinkisbu klijenti kienu spejjeż kbar li għandhom jiġu ammortizzati fuq perijodu xieraq, b’mod li kellhom iseħħu xi aġġustamenti fil-kontabbiltà ta’ Telefónica. L-affermazzjoni li tidher fil-premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata tammonta biss, f’dan ir-rigward, għal risposta għall-kalkolu propost minn Telefónica fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Marzu 2004, li fiha l-Kummissjoni diġà kienet irreferiet għall-Anness H (punt 595, nota ta’ qiegħ il-paġna 504) tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

91      F’kull każ, l-argument tar-rikorrenti, ifformulat fir-replika tagħhom, li jgħid li jekk huma kienu jafu dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma tikkunsidrax it-tul medju tal-abbonament tal-abbonati ta’ Telefónica, huma setgħu juru li l-imsemmi tul tal-abbonament kien [kunfidenzjali] ħafna minn dak meqjus mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u li jgħid li din il-prassi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) kienet irrilevanti, għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, hekk kif diġà ssemma fil-punt 88 iktar ’il fuq, il-perijodu ta’ ammortizzazzjoni tal-ispejjeż tal-kisba tal-abbonati ta’ [kunfidenzjali] sena deher diġà fil-punt 383 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u l-Kummissjoni rreferiet diġà għall-prassi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u tal-ARN fil-punt 382 tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet indikat ukoll, fl-imsemmija komunikazzjoni, li kien possibbli li, minħabba l-aġir antikompetittiv ta’ Telefónica, it-terminu medju tal-abbonamenti tagħha kien ikbar minn dak li kien jeżisti f’suq kompetittiv (punt 381 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet).

92      L-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq “elementi ġodda” sabiex tiddefendi l-ħtieġa li jitqies tul tal-abbonament medja ta’ [kunfidenzjali] sena b’hekk għandu jiġi miċħud.

93      It-tieni nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet qieset li l-allokazzjoni tal-ispejjeż imwettqa minn Telefónica kienet tissottovaluta l-ispejjeż marġinali ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi ta’ high speed internet filwaqt li qabel hija kienet indikat li din l-allokazzjoni kienet tammonta għal-“limitu superjuri” (punti 407 u 424 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet) jew li hija kienet tinkludi parti raġonevoli tal-istruttura kummerċjali (punt 27 tal-ittra li tesponi l-fatti).

94      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-Kummissjoni kienet diġà indikat, fil-punti 401 sa 407 u 424 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li Telefónica kienet issottovalutat l-ispejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni fl-analiżi tagħha ta’ CMILT. B’hekk, il-Kummissjoni kienet sostniet, fil-punt 401 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li Telefónica kienet “issottovalutat liċ-(CMILT) ċerti attivitajiet, b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni”. Hija ppreċiżat li “TESAU [kienet] inkludiet biss l-ispiża direttament imputabbli għal kull abbonat ġdid (‘primjums u kummissjoni’ mogħtija lin-netwerk tal-bejgħ), iżda li ma [kienet] inkludiet ebda spiża marbuta mal-istruttura kummerċjali tagħha”. Min-naħa l-oħra, fil-punt 403 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet ukoll indikat li “l-attività bl-imnut ADSL ta’ TESAU [kienet tiġġenera] parti kbira mill-istruttura kummerċjali ta’ TESAU u [li] parti minn din l-istruttura [kellha] b’hekk tiġi kkunsidrata fiċ-[CMILT] ta’ TESAU”. Fl-aħħar, fil-punt 29 tal-ittra li tesponi l-fatti, il-Kummissjoni kienet tenniet li l-istruttura kummerċjali tat-TESAU kienet prinċipalment iddedikata għat-tkabbir tal-broadband. Ir-rikorrenti min-naħa l-oħra ppreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għall-ittra li tesponi l-fatti.

95      Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti dwar l-ispejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni, li tgħid li l-Kummissjoni kienet “abbandunat l-ipoteżi inferjuri [li tidher fil-punt 406 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet] favur l-ipoteżi superjuri [li tidher fil-punt 407 tagħha]”, billi bbażat ruħha għall-ewwel darba, fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-evoluzzjoni tal-kapaċità kummerċjali ta’ Telefónica, għandu jingħad li l-imsemmija evoluzzjoni kienet diġà ssemmiet b’mod ċar fil-punt 402 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fil-punt 27 tal-ittra li tesponi l-fatti. Fil-punt imsemmi iktar ’il fuq tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet min-naħa l-oħra diġà indikat li l-“ipoteżi inferjuri”, jiġifieri l-kalkolu tal-livell minimu probabbli taċ-CMILT, kien jippreżenta r-riskju li jnaqqas dan għal-livell iktar baxx għaċ-CMILT reali. Hija kienet sostniet ukoll, fil-punt 30 tal-ittra li tesponi l-fatti, billi bbażat ruħha fuq il-punt 407 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija stess irreferiet għal-livell massimu taċ-CMILT, li hija qieset li kien iġġustifikat li tiġi inkluża parti mill-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ Telefónica fl-evalwazzjoni tagħha taċ-CMILT fil-każ ta’ deċiżjoni eventwali. Barra minn hekk, fil-punt 424 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet sostniet li l-ispejjeż tan-netwerk ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kinux jinkludu biss l-ispejjeż li jirrigwardaw dan in-netwerk (ipoteżi inferjuri), iżda wkoll iż-żieda fl-ispejjeż tal-istruttura kummerċjali ta’ TESAU dovuti għall-attività tagħha ta’ ADSL bl-imnut (ipoteżi superjuri). B’hekk, l-ilment tar-rikorrenti ma għandux jintlaqa’.

96      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat elementi li jirrigwardaw il-metodu tal-FTA, li dwarhom Telefónica ma kinitx instemgħet.

97      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, billi jiġu mmodifikati s-sorsi ta’ riferiment fil-kuntest tal-analiżi “perijodu b’perijodu”, il-Kummissjoni biddlet ukoll is-“sorsi tal-parti l-kbira tal-ispejjeż u riċevuti użati fl-analiżi tagħha [tal-]FTA”, b’mod li l-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-analiżi “perijodu b’perijodu” ikunu wkoll rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-FTA. Madankollu, peress li l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ġew miċħuda (ara l-punti 86 sa 95 iktar ’il fuq) u fin-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet supplimentari minn naħa tar-rikorrenti, fil-kuntest tal-motiv preżenti, fuq modifikazzjonijiet oħra eventwali tas-sorsi tal-ispejjeż u dħul użat fl-analiżi tal-FTA, l-ilment preżenti għandu wkoll jiġi miċħud.

98      It-tieni nett, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, wettqet għall-ewwel darba “analiżi tas-sensibbiltà” tal-valur finali użat fl-analiżi tagħha ta’ FTA, peress li hija kienet ikkalkolat valur bħal dan fuq il-bażi ta’ stima ipotetika tal-livell ta’ qligħ futur tal-kummerċ bl-imnut ta’ Telefónica, sa mill-profitti futuri mistennija għall-perijodu 2007‑2011 meħuda minn klijenti miksuba qabel l-2006, u dan mingħajr ma ssemma dan fl-ittra li tesponi l-fatti. Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jaffermaw f’dan ir-rigward li mill-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dawn il-“kalkoli ġodda” sabiex tiġi ġġustifikata l-għażla tal-valur finali.

99      Madankollu, dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkalkolatx valur finali bbażat fuq stima ipotetika tal-livell ta’ profitt futur tal-kummerċ bl-imnut ta’ Telefónica, sa mill-profitti futuri mistennija għall-perijodu 2007‑2011. Fil-premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni preċiżament indikat li “ma [kienx] rilevanti fil-każ preżenti li jiġi stabbilit jekk it-telf ta’ Telefónica fil-perijodu 2001‑2006 [setax] ikun ikkumpensat minn profitti ipotetiċi futuri sa mill-2007”. Barra minn hekk, għandu jingħad li l-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan li tikkonfuta l-approċċ alternattiv propost minn Telefónica fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva għall-finijiet li jiġi kkalkolat il-valur finali (premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata) u li turi li l-kalkolu tagħha jinkludi bosta żbalji kbar li jkollhom bħala effett li jiġi sopravalutat il-valur finali (premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, hekk kif ġie żvelat fil-punti 82 u 83 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni finali tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-provi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva sabiex jiġu żviluppati jew ikkompletati, kemm bħala fatt kif ukoll bħala dritt, l-argumenti tagħha insostenn tal-ilmenti li hija ssostni.

100    F’kull każ, il-Kummissjoni sostniet li l-metodu użat minnha sabiex jiġi kkalkolat il-valur finali fid-deċiżjoni kkontestata kien diġà ġie avżat fil-punt 446, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 302 u fit-Tabella 47 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara wkoll il-punti 21 u 22 tal-ittra li tesponi l-fatti). Din min-naħa l-oħra ġiet ikkritikata minn Telefónica fit-Taqsima 6.3 tar-risposta tagħha għall-imsemmija komunikazzjoni u fit-Taqsima 5.1.2 tar-risposta tagħha għall-ittra li tesponi l-fatti.

101    Mistoqsija dwar din l-affermazzjoni fis-seduta, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ppreċiżaw li kien hemm differenza evidenti bejn it-Tabella 47 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u t-Tabella 67 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod li d-data li tirrigwarda l-2006 ma tissemmiex fl-imsemmija komunikazzjoni. Madankollu, għandu jitqies li n-nuqqas ta’ data bħal din, li tispjega ruħha bid-data tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tal-21 ta’ Frar 2006, ma tinvalidax l-affermazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-istess metodu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tennew li t-Tabella 67 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi “analiżi ta’ sensibbiltà” (li tirrigwarda s-snin 2007 sa 2011) intizi li “jikkonfermaw” l-analiżi tal-valur finali, li jkun ġdid. Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet li jidhru fil-punt 99 iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kienet użat iċ-CMILT minimi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet peress li hija kienet użat iċ-CMILT massima fid-deċiżjoni kkontestata. Dan l-argument madankollu diġà ġie miċħud fil-punti 93 sa 95 iktar ’il fuq.

102    It-tielet nett, il-Kummissjoni kienet ikkritikat l-użu tad-dħul multiplu propost minn Telefónica fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u aġġustat mill-ġdid il-kalkoli tal-FTA ppreżentati minn Telefónica fl-imsemmija risposta, mingħajr ma’ Telefónica nstemgħet f’dan ir-rigward (premessi 367 sa 377 u 533 sa 536 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni rreferiet ukoll, fid-deċiżjoni kkontestata, għax-xiri reċenti ta’ Terra Networks SA u ta’ O2 plc minn Telefónica (premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata), billi bbażat ruħa b’hekk fuq dokumenti li ma jidhrux fil-fajl.

103    F’dan ir-rigward, il-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan biss li tirrifjuta l-argumenti ppreżentati minn Telefónica fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Issa, hekk kif tfakkar fil-punti 82 u 83 iktar ’il fuq, huma ammissibbli żidiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jseħħu fid-dawl tar-risposta tal-partijiet, fejn l-argumenti juru li huma effettivament setgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, il-metodu ta’ evalwazzjoni użat fix-xiri ta’ Terra Networks u ta’ O2 minn Telefónica stess ma ssemmiex, ad abundantiam, fl-imsemmija premessa, ħlief bħala eżempju, għall-finijiet li jiġi kkonfutat il-metodu tad-dħul multiplu adottat minn Telefónica għall-evalwazzjoni tal-attivitajiet tagħha downstream fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni b’hekk ma bbażatx ruħha fuq id-dokumenti inkwistjoni sabiex jissaħħaħ, f’din il-kawża, l-ilment tagħha rigward l-eżistenza ta’ ksur. Konformement mal-ġurisprudenza li tidher fil-punt 78 iktar ’il fuq, l-ilment tar-rikorrenti b’hekk ma għandux jintlaqa’. Min-naħa l-oħra, mid-dokumentazzjoni dwar is-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2006, imdaħħla fl-atti tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-kalkolu tal-valur finali bħala multiplu tad-dħul imsemmi mir-rikorrenti kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet fis-seduta inkwistjoni.

104    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet, fid-deċiżjoni kkontestata, paragun tal-ismha tas-suq tal-prodotti tal-broadband u tan-narrowband (premessi 574 sa 578 tad-deċiżjoni kkontestata) li ma setgħux jidhru fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li ma setgħux jiġu invokati fl-ittra li tesponi l-fatti.

105    Għandu jingħad li l-Kummissjoni ma kkontestatx la fl-atti tagħha, u lanqas meta kienet mistoqsija fuq dan il-punt fis-seduta, li l-imsemmi paragun ma jidhirx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u lanqas fl-ittra li tesponi l-fatti. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-effetti konkreti tal-ksur fil-premessi 564 sa 573 u 579 sa 613 tad-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq ħafna elementi oħra diġà esposti fil-punti 475 sa 532 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Issa, peress li ma ġiex muri li l-eliminazzjoni bħala mezz ta’ prova tal-paragun bejn l-ishma tas-suq tal-prodotti tal-high speed internet u dawk tal-prodotti ta’ veloċità baxxa jinvalidaw il-fondatezza tal-ilmenti kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitqies li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellha f’dan il-każ l-elementi essenzjali li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-effetti konkreti tal-ksur.

106    Fir-raba’ lok, skont ir-rikorrenti, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-effetti konkreti fis-suq bl-ingrossa, il-Kummissjoni użat data ġdida li tikkonċerna l-ishma supplimentari nett ta’ Telefónica fil-konfront tal-kompetituri tagħha (premessi 579 sa 581 u tabella 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

107    Hekk kif il-Kummissjoni sostniet fis-seduta, hija diġà kienet indikat, fil-punt 38 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 tal-ittra li tesponi l-fatti, [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, għandu jitqies, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li l-grafika 18 tad-deċiżjoni kkontestata tammonta għal rappreżentazzjoni tad-data dwar l-ishma tas-suq jew tal-volumi li jidhru diġà fit-tabella 64 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, l-argument mressaq mir-rikorrenti fis-seduta, li jgħid li, bil-kontra tal-grafika 18 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tabella 64 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tirreferi wkoll għas-sena 2001 kif ukoll għall-operatur British Telecom, għandu jiġi miċħud, peress li dawn l-elementi ma jidhrux fid-deċiżjoni kkontestata. L-argument tar-rikorrenti b’hekk ma għandux jintlaqa’.

108    Fil-ħames lok, il-Kummissjoni esprimiet kritiki (premessi 606 sa 609 tad-deċiżjoni kkontestata) fuq l-istudju tal-prezzijiet mehmuża minn Telefónica mar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienu ġodda u differenti minn dawk ifformulati mill-kap ekonomista tal-Kummissjoni fis-seduta. Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, peress li l-kritika tal-Kummissjoni tammonta biss għal konfutazzjoni tal-kalkoli proposti minn Telefónica fir-rapport tal-espert mehmuż mal-Anness 6 tar-risposta tagħha għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mhux tal-elementi ġodda sabiex isaħħu l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-effetti konkreti tal-aġir ta’ Telefónica fis-swieq ikkonċernati, l-ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Telefónica ma ġiet ikkonstatata.

109    B’hekk dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

c)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fid-definizzjoni tas-swieq bl-ingrossa inkwistjoni

110    Fil-kuntest tal-motiv preżenti, ir-rikorrenti jikkontestaw id-definizzjoni tas-swieq bl-ingrossa inkwistjoni esposti mill-Kummissjoni fil-premessi 162 sa 208 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 9 sa 14 iktar ’il fuq).

111    Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-eżami tal-pożizzjoni, possibbilment dominanti, ta’ impriża f’settur ta’ suq iddeterminat, il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta’ suq li jiġbor il-prodotti kollha li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, huma partikolarment adatti sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet kostanti u huma biss sa ċertu punt interkambjabbli bi prodotti oħra. Barra minn hekk, peress li d-determinazzjoni tas-suq inkwistjoni sservi sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża kkonċernata għandhiex il-possibbiltà li tostakola kompetizzjoni effettiva, u li jkollha mġieba, b’mod kunsiderevoli, indipendenti minn dik tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u tal-konsumaturi, wieħed ma jistax, għal dawn il-finijiet, jeżamina biss il-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti inkwistjoni biss, iżda għandhom ukoll jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-istruttura tad-domanda u tal-provvista fis-suq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 37, u s-sentenzi France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 60, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78, u Clearstream vs Il‑Kummissjoni, punt 70, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Il-kunċett ta’ suq ikkonċernat jimplika li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti li jagħmlu parti minnu, li jippreżupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti kollha li jifformaw parti mill-istess suq (sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 76, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28, u Clearstream vs Il-Kummissjoni, punt 70, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

113    Mill-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1 p. 155), jirriżulta li “[s]uq ta’ prodotti rilevanti hu magħmul minn dawk il-prodotti u/jew servizzi illi huma kkonsidrati bħala li kappaċi li jiġu mibdula jew jkunu sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tal-Prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom”. Minn perspettiva ekonomika, għal definizzjoni tas-suq inkwistjoni, is-sostituzzjoni minn naħa tat-talba hija l-fattur tad-dixxiplina l-iktar immedjat u l-iktar effettiv fir-rigward tal-fornituri ta’ prodott partikolari, b’mod partikolari li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tagħhom fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet (paragrafu 13 ta’ din il-komunikazzjoni). Barra minn hekk, is-sostitwibbiltà minn naħa tal-offerta tista’ wkoll tiġi kkunsidrata sabiex tiddefinixxi s-suq inkwistjoni fit-tranżazzjonijiet fejn din is-sostitwibbiltà jkollha effetti ekwivalenti għal dawk tas-sostitwibbiltà minn naħa tat-talba f’dak li jirrigwarda immedjatezza u effettività. Għal dan il-għan, jeħtieġ li l-fornituri jerġgħu jorjentaw il-produzzjoni tagħhom lejn il-prodotti inkwistjoni u jikkumerċjalizzawhom fi żmien qasir, mingħajr ma jinkorru spejjeż jew riskji supplimentari sostanzjali, bħala reazzjoni għall-varjazzjonijiet ħfief, iżda permanenti, tal-prezzijiet relattivi (paragrafu 20 tal-imsemmija komunikazzjoni).

114    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, peress li l-prodott bl-ingrossa reġjonali u l-prodott bl-ingrossa nazzjonali jappartjenu għall-istess suq ta’ prodotti inkwistjoni. Fir-rigward tas-sostitwibbiltà minn naħa tad-domanda għal dawn il-prodotti, huma jsostnu li dawn jippermettu lill-operaturi alternattivi li joffru l-istess servizzi bl-imnut tal-high speed internet. Il-Kummissjoni min-naħa l-oħra rrikonoxxiet, fil-premessi 154 u 155 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija prodotti jappartjenu għall-istess suq bl-imnut inkwistjoni.

115    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-ispejjeż tas-sostituzzjoni tal-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali permezz tal-aċċess mhux marbut mal-loop lokali kienu “estremament għolja” u li tali sostituzzjoni kienet “proċess twil” u kienet teħtieġ “massa kritika minima”. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-operaturi alternattivi setgħu jirrikorru għal-loop lokali sa mill-2001 u li din rat progress kunsiderevoli bejn l-2004 u l-2006.

116    Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat l-investimenti kunsiderevoli meħtieġa mill-passaġġ tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali għall-prodott bl-ingrossa reġjonali (premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-passaġġ tal-prodott bl-ingrossa reġjonali għall-aċċess mhux marbut mal-loop lokali kien estremament għoli, peress li kien jimplika l-bini ta’ netwerk, tal-punt ta’ interkonnessjoni reġjonali għal-linji lokali ta’ Telefónica, tal-prezzijiet bl-ingrossa kbar imposti minn Telefónica sabiex twettaq din il-migrazzjoni, u l-kisba tal-kolokalizazzjoni u ta’ servizzi oħra assoċjati sabiex tkun tista’ tipprovdi servizzi ta’ aċċess bl-imnut bil-high speed internet. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, migrazzjoni bħal din tieħu ħafna ħin, ma hijiex għażla vijabbli għat-territorju Spanjol kollu u teħtieġ li jkollha massa kritika minima (premessi 173 sa 177 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni fakkret ukoll, fil-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’ittra lill-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2005, Telefónica stess kienet għamlet riferiment għall-fatt li l-operaturi alternattivi kellhom jistennew massa kritika qabel ma tibda tinvesti fl-infrastruttura proprja tagħhom li tippermettilhom jużaw l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali.

117    Issa, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li jgħidu li għall-finijiet ta’ aċċess mhux marbut mal-loop lokali, l-operaturi alternattivi għandhom ikunu fiżikament preżenti u jikkolokalizzaw it-tagħmir tagħhom ma’ dawk ta’ Telefónica, li hija l-unika impriża li għandha newtwerk ta’ aċċess lokali fit-territorju kollu Spanjol, li ġegħilhom jinstallawh fis-6 836 distribution frames prinċipali ta’ Telefónica u timplika investimenti kbar ħafna minn qabel (premessi 80, 81 u t-Tabella 8 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma ma kkontestawx fl-atti tagħhom, jew fis-seduta, li l-investimenti ta’ Telefónica għal dan il-għan telgħu għal iktar minn EUR 1 500 miljun, li magħhom għandhom jiġu inklużi l-investimenti neċessarji sabiex issir konnessjoni ma’ 109 punti ta’ aċċess indirett tal-prodott bl-ingrossa reġjonali, li tirrappreżenta [kunfidenzjali] miljun EUR (premessi 164, 185, tabella 9 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 73 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, hekk kif il-Kummissjoni ġustament sostniet, dawn l-investimenti huma kunsiderevoli. Hekk kif il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, anki l-investiment ta’ EUR 200 miljun li, skont Telefónica, kien neċessarju sabiex operatur alternattiv ikun jista’ jistabbilixxi n-netwerk lokali tiegħu, tirrappreżenta iktar minn 130 % tad-dħul akkumulat minn Jazztel fis-suq bl-imnut bejn l-2001 u l-2006.

118    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li Jazztel, minkejja l-fatt li hija ma kellhiex il-“massa kritika minima” (premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata) u kellha biss sehem mis-suq iżgħar minn 1 % fil-bidu tal-perijodu 2001‑2006, madankollu kienet f’pożizzjoni li twettaq investiment ta’ EUR 200 miljun, ħaġa li tikkontradixxi l-affermazzjoni li tidher fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li huma meħtieġa bejn EUR 580 u 670 miljun sabiex jiġi stabbilit netwerk ta’ loop lokali li jinkludi bejn 550 u 575 ċentrali.

119    Minn naħa, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat esklużivament fuq komunikazzjoni ta’ Jazztel lill-comisión nacional del mercado de valores (kummissjoni nazzjonali tas-suq tal-assi Spanjoli) tas-27 ta’ Lulju 2007, li fih Jazztel kienet sostniet li, “fis-snin finanzjarji 2005 u 2006, l-impriża [kienet] investiet iktar minn EUR 200 miljun fil-bini tan-netwerk ta’ loop lokali tal-aħħar ġenerazzjoni l-iktar estensiv u l-iktar modern ta’ Spanja” u li “l-impriża [kellha] l-intenzjoni tnaqqas l-investimenti tagħha b’mod sinjifikattiv fl-2007, meta x-xogħlijiet ta’ żvilupp tan-netwerk [jkunu] kkompletati”. Issa, minn din l-affermazzjoni ma jirriżultax li t-totalità tal-ispejjeż tal-bini tan-netwerk ta’ Jazztel ikun tela’ għal “iktar minn EUR 200 miljun”, iżda biss li din is-somma tkun ġiet investita fil-bini tan-netwerk fl-2005 u l-2006. Hekk kif sostniet il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta f’dan ir-rigward mir-rikorrenti, l-ammont tal-investimenti indikati fl-imsemmija komunikazzjoni ma jinkludix l-investimenti li diġà saru minn Jazztel qabel l-2005 għall-finijiet tal-bini tan-netwerk tagħha, li fosthom hemm b’mod partikolari l-2 718 km ta’ netwerk ta’ loop lokali li ġie stabbilit minn Jazztel minn tmiem l-2004, u lanqas l-investimenti li Jazztel għadha trid twettaq sabiex tiffinalizza l-bini tal-imsemmi netwerk.

120    Min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jissuponi, hekk kif isostnu r-rikorrenti, li, fit-28 ta’ Frar 2007, Jazztel kienet effettivament irnexxiela tidħol f’607 distribution frames ta’ Telefónica, minbarra li din id-data tiġi wara l-perijodu tal-ksur, din ma tfissirx neċessarjament li Jazztel kienet diġà effettivament għamlet l-investimenti neċessarji sabiex tistabbilixxi n-netwerk tagħha sa dawk id-distribution frames. B’hekk, f’Marzu 2006, Jazztel kienet qabbdet man-netwerk tagħha 38 jew 44 % (skont il-Kummissjoni) jew 53 % (skont ir-rikorrenti) ta’ 470 “exchanges lokali” li hija kienet installat. Issa, l-argument tar-rikorrenti, li l-preċiżjoni tiegħu huwa kkontestat mill-Kummissjoni, li l-konnessjoni tad-distribution frames għan-netwerk ta’ Jazztel hija servizz indipendenti ta’ unbundling, li l-operaturi alternattivi jistgħu jiksbu minn operatur ieħor barra minn Telefónica, ma jpoġġix fid-dubju l-fatt li dan l-investiment jifforma parti mill-investimenti neċessarji sabiex operatur alternattiv ikun jista’ jibbenefika mis-servizz ta’ aċċess mhux marbut mal-loop lokali (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, peress li Telefónica tippossjedi 6 836 distribution frames prinċipali, il-fatt li daħlet f’607 distribution frames ta’ Telefónica jkopri, minn perspettiva ġeografika, inqas minn 10 % taċ-ċentrali ta’ Telefónica u jippermetti biss, skont Telefónica stess, li jintlaħaq madwar 60 % tal-klijenti potenzjali. Min-naħa l-oħra, din il-kopertura kienet intlaħqet biss mis-sena 2006, jiġifieri sitt snin wara li l-loop lokali kienet saret disponibbli.

121    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, anki jekk l-investimenti meħtieġa sabiex jintuża prodott ieħor bl-ingrossa kienu effettivament kbar, il-Kummissjoni kienet naqset milli tikkalkola l-profitti li jirriżultaw mill-użu tal-loop lokali (dħul ogħla, diversità ta’ servizzi finali bl-imnut u indipendenza teknoloġika ta’ Telefónica) xorta għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni ġustament indikat fil-premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata, operatur alternattiv li jixtieq jissostitwixxi l-prodott bl-ingrossa reġjonali permezz tal-aċċess mhux marbut mal-loop lokali għandu jagħmel l-investimenti neċessarji għall-finijiet tal-bini tan-netwerk tiegħu, iżda jagħmel qligħ minn dan it-tibdil biss wara li jkun kiseb klijentela suffiċjenti, ħaġa li hija la ċerta u lanqas immedjata.

122    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-progress kunsiderevoli u mħaffef tal-loop lokali bejn l-2004 u l-2006 jwassal għal kopertura ta’ iktar minn 60 % tal-installazzjonijiet ta’ Telefónica, juri li l-“fattur taż-żmien” ma jammontax għal ostakolu għas-sostituzzjoni tal-prodotti bl-ingrossa nazzjonali jew reġjonali permezz tal-aċċess mhux marbut mal-loop lokali.

123    Hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-paragrafi 16, 20, 21 u 23 tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità previst fil-punt 113 iktar ’il fuq, u hekk kif il-Kummissjoni ġustament fakkret fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sostitwibbiltà neċessarja għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għandha timmaterjalizza ruħha fi żmien qasir, li, skont il-premessi 172 sa 175 tad-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex il-każ f’din il-kawża.

124    L-argument tar-rikorrenti li għandu l-għan li jinvalida din il-konklużjoni, li skont dawn l-operaturi alternattivi ma kinux ikkunsidraw opportun li jitolbu l-aċċess għal-loop lokali qabel l-2004, għal perijodu fejn huma laħqu kopertura ta’ iktar minn 60 % tal-installazzjonijiet ta’ Telefónica, għandu f’dan ir-rigward jiġi miċħud.

125    Fil-fatt, jekk TESAU hija suġġetta għal obbligu leġiżlattiv ta’ kiri tal-cable tar-ram lill-operaturi alternattivi sa mix-xahar ta’ Diċembru 2000 (premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata), l-użu effettiv tal-loop lokali beda biss, b’mod limitat, mit-tmiem tas-sena 2004 u fil-bidu tas-sena 2005 (premessa 96 u skema 2 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn naħa, fir-rigward tal-investimenti neċessarji (ara l-punti 117 sa 121 iktar ’il fuq) hekk kif Telefónica stess irrikonoxxiet (premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata), kien biss fl-2004 li l-operaturi alternattivi laħqu massa kritika f’dak li jirrigwarda konnessjonijiet u esperjenza tas-suq, li ppermettitilhom jinvestu fl-infrastrutturi tan-netwerk u b’hekk jibdew il-migrazzjoni tal-konnessjonijiet tagħhom ta’ aċċess bl-ingrossa indiretta lejn l-aċċess unbundled għal-loop lokali (ara wkoll il-premessi 177 sa 180 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 129 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, kien ġie kkonstatat dewmien kbir bejn il-mument meta l-operaturi alternattivi jitolbu l-aċċess unbundled għal-loop lokali ta’ Telefónica u l-mument meta jingħatalhom aċċess. F’dan ir-rigward għandu jingħad li, hekk kif jirriżulta mit-tabella 60 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn id-data ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, l-allegata kopertura ta’ iktar minn 60 % tal-installazzjonijiet ta’ Telefónica twettqet biss f’Diċembru 2006, jiġifieri fit-tmiem tal-perijodu tal-ksur.

126    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-eżistenza tal-barrieri ta’ aċċess għal-loop lokali kien ġie miċħud mill-Comisión Nacional de la Competencia (Kummissjoni nazzjonali tal-kompetizzjoni Spanjola) fid-deċiżjoni tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2007 għandu wkoll jiġi miċħud. Anki fil-każ li minn din id-deċiżjoni jirriżulta li, f’din il-kawża, l-organizzazzjoni responsabbli mill-ħarsien tal-kompetizzjoni ma tkun, f’ebda mument tal-kawża, “ssostanzjat li d-dewmien preżunt kien realment seħħ”, din id-deċiżjoni ma tpoġġix fid-dubju l-konstatazzjonijiet li jidhru fil-premessi 139 u 140 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġewx ikkontestati minn Telefónica fl-atti tagħha, li jgħidu li sa mill-2002, 55 kunflitt fuq l-aċċess għal-loop lokali kienu tressqu quddiem iċ-CMT, li l-parti kbira minnhom wasslu għal deċiżjoni kontra Telefónica.

127    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li jeżistu prodotti bl-ingrossa, apparti aċċess mhux marbut mal-loop lokali, li jippermettu li tiġi ppreżentata offerta “differenti”, pereżempju tas-servizzi tat-telefon permezz tal-protokoll IP (Internet Protocol). Madankollu, il-partijiet ikkonfermaw, essenzjalment, fis-seduta, li jeżistu differenzi funzjonali bejn il-prodotti bl-ingrossa nazzjonali, reġjonali u l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, li min-naħa l-oħra jirriżulta mill-premessi 66, 70, 82, 85, 87, 89, 165 u 171 u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 47 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm, ċertament, fis-seduta, ir-rikorrenti sostnew li l-prodott bl-ingrossa reġjonali jippermettu “ċertu livell ta’ distinzjoni”, għandu jitqies, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fil-premessi msemmija iktar ’il fuq, li operatur li jagħżel l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali ta’ Telefónica jista’ jikkontrolla parti sostanzjali tal-katina tal-valur u ta’ aspetti numerużi tas-servizz tagħha bl-imnut. B’hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessi 82, 87, 89 u 171 tad-deċiżjoni kkontestata, kuntrarjament għall-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, l-aċċess għall-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali ma jippermettix lill-operaturi alternattivi li jiddistingwu b’mod sinjifikattiv il-prodott tagħhom bl-imnut minn dak ta’ Telefónica, b’mod li huma jkollhom jillimitaw il-kompetizzjoni tagħhom ma’ Telefónica permezz tal-prezzijiet biss. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti stess, fir-replika tagħhom isostnu li l-investiment fil-loop lokali jipprovdi diversità ikbar tas-servizzi finali bl-imnut. Huma jirreferu, għal dan il-għan, għall-eżempji ta’ France Telecom, li kienet l-ewwel impriża li offriet fi Spanja prodott li jinkludi l-komunikazzoni tal-vuċi u Internet, u ta’ Jazztel, li kienet l-ewwel impriża li kkummerċjalizzat prodott bl-imnut ta’ veloċità ta’ konnessjoni li setgħet titla’ sa 20 megabytes fis-sekonda.

128    It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li “sostitwibbiltà suffiċjenti” teżisti bejn il-prodott bl-ingrossa reġjonali, il-prodott bl-ingrossa nazzjonali u l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, minħabba l-fatt li, f’kull ċentrali ta’ Telefónica, numru suffiċjenti ta’ operaturi alternattivi jużaw taħlita ta’ prodotti differenti bl-ingrossa li tikkorrispondi l-aħjar għall-bżonnijiet tagħhom u li din is-sostitwibbiltà “fuq il-marġni” tkun suffiċjenti għall-finijiet li jitqies f’dan il-każ li dawn il-prodotti jappartjenu għall-istess suq tal-prodotti inkwistjoni.

129    Qabelxejn, għandu jingħad li, bħal fil-każ tal-Kummissjoni, il-fatt li ċerti operaturi jkunu investew sabiex jistabbilixxu n-netwerks tagħhom u jkunu setgħu jżidu sa mill-2004 l-użu tal-loop lokali ma jikkonfermax l-eżistenza ta’ sostitwibbiltà effettiva bejn il-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali u l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali fil-perijodu tal-ksur, iżda huwa r-riżultat ta’ proċess ta’ migrazzjoni progressiva, deskritta mill-Kummissjoni b’mod partikolari fil-premessi 93 sa 103 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, minn naħa, migrazzjoni bħal din teħtieġ investimenti kunsiderevoli fuq medda ta’ numru ta’ snin. Min-naħa l-oħra, minħabba l-ispejjeż sostanzjali irrekuperabbli assoċjati ma’ din il-migrazzjoni u mal-progress fuq “livell ta’ investimenti” (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 82 tad-deċiżjoni kkontestata), huwa ftit probabbli li operatur alternattiv jissostitwixxi għall-aċċess mhux marbut mal-loop lokali l-prodotti bl-ingrossa nazzjonali jew reġjonali fil-każ ta’ żieda żgħira, iżda sinjifikattiva u permanenti, tal-prezz ta’ aċċess mhux marbut mal-loop lokali.

130    Barra minn hekk, l-użu mill-operaturi alternattivi, fil-perijodu tal-ksur, f’kull ċentrali, ta’ taħlita ottimali tal-prodotti bl-ingrossa, li tinkludi l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, ma seħħx. Hekk kif jirriżulta mill-premessi 102 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti fil-kitbiet tagħhom, sal-2002, France Telecom xtrat kważi esklużivament prodott bl-ingrossa nazzjonali ta’ Telefónica, fejn dan ġie ssostitwit, fit-tmiem tas-sena 2002, b’offerta bl-ingrossa nazzjonali alternattiva bbażata fuq il-prodott bl-ingrossa reġjonali ta’ Telefónica. Huwa biss minn Frar 2005 li n-numru ta’ konnessjonijiet lokali unbundled ta’ France Telecom żdied b’mod sinjifikattiv peress li hija kellha tnaqqis tan-numru tal-linji nazzjonali alternattivi bl-ingrossa bbażati fuq il-prodott bl-ingrossa reġjonali ta’ Telefónica. Barra minn hekk, sal-aħħar trimestru tal-2004, Ya.com xtrat esklużivament il-prodott bl-ingrossa nazzjonali ta’ Telefónica u bdiet tuża progressivament l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali biss minn Lulju 2005, bix-xiri tagħha ta’ Albura.

131    Fl-aħħar, l-argument tar-rikorrenti japplika biss għall-kompetituri ta’ Telefónica li għandhom netwerk li jippermettilhom l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, bl-esklużjoni tal-kompetituri potenzjali ta’ Telefónica li ma jkunux għadhom għamlu investimenti sabiex jiġi użat il-prodott bl-ingrossa reġjonali jew l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali.

132    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-Servicio de Defensa de la Competencia (servizz ta’ ħarsien tal-kompetizzjoni Spanjola) kien aċċetta l-eżistenza ta’ suq wieħed bl-ingrossa rilevanti fil-kawża Telefónica vs Iberbanda (rapport tas-servizz tal-ħarsien tal-kompetizzjoni N‑06038, Telefónica vs Iberbanda), huwa suffiċjenti li jingħad li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, ifformulata fl-atti tagħha, li tgħid li f’din il-kawża, l-evalwazzjoni tat-tranżazzjoni ma tiddependix minn limitazzjoni ftit jew wisq ristretta tas-swieq, peress li l-ishma tas-suq ta’ Iberbanda huma ta’ numru żgħir ħafna, u li din l-awtorità, fid-deċiżjoni finali tagħha, irreferiet speċifikament għad-distinzjoni magħmula miċ-CMT bejn l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali u l-aċċessi bl-ingrossa indiretti.

133    Il-ħames nett, għandu jitfakkar li r-rikorrenti stess esponew, fir-risposta inizjali tagħhom għall-ilment ta’ France Telecom, li l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali u l-prodotti bl-ingrossa ta’ aċċess indirett ma kienx sostitwibbli (premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni indikat fil-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ARN kollha li analizzaw is-suq bl-ingrossa ta’ aċċess tal-high speed internet fil-pajjiż rispettiv tagħhom, inkluż iċ-CMT fir-rigward tas-suq Spanjol, għal raġunijiet simili, ikkunsidraw li l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali u l-prodotti bl-ingrossa ta’ aċċess indirett jammontaw għal swieq distinti. Approċċ bħal dan huwa, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, ukoll konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/311/KE, tal-11 ta’ Frar 2003, dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi li jistgħu jkunu suġġetti għal leġiżlazzjoni ex ante konformement mad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), li tiddistingwi s-suq tal-provvista bl-ingrossa ta’ aċċess unbundled (inkluż fosthom shared access) mal-konnessjonijiet u sub-konnessjonijiet fuq linji metalliċi għall-provvista ta’ servizzi għal broadband u ta’ servizzi tal-vuċi (suq 11) tas-suq għall-provvista bl-ingrossa ta’ aċċess għall-broadband (suq 12).

134    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessi 163 sa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali ma kienx jifforma parti mis-suq inkwistjoni f’din il-kawża.

135    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-prodotti bl-ingrossa reġjonali u nazzjonali ma jappartjenux għall-istess suq. L-ewwel nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni rrikorriet għal eżempji teoretiċi u maqtugħin mir-realtà tas-suq Spanjol.

136    F’dan ir-rigward, ċertament, il-Kummissjoni rreferiet, fil-premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-istimi tal-awtorità Franċiża li tirregola t-telekomunikazzjonijiet (ART) dwar l-ispejjeż iġġenerati mill-passaġġ tal-prodotti bl-ingrossa nazzjonali għall-prodotti bl-ingrossa reġjonali, li jkunu inklużi bejn EUR 150 u EUR 300 miljun, b’mod li huwa kkalkolat li, fi Franza, kopertura nazzjonali tista’ tintlaħaq permezz tal-interkonnessjoni fil-livell ta’ 20 punt ta’ aċċess indirett.

137    Madankollu, l-istimi tal-ART, hekk kif jirrigwardaw suq ġeografiku differenti, huma rilevanti għall-finijiet li jiġu murija l-investimenti neċessarji għall-bini ta’ netwerk bħal dan. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna 166 tad-deċiżjoni kkontestata, in-numru ta’ punti ta’ aċċess indirett huwa ta’ madwar ħames darbiet ogħla fi Spanja milli fi Franza u b’hekk jista’ jitqies li l-ispejjeż tal-bini ta’ netwerk fi Spanja jkunu, b’hekk, manifestament iktar għolja milli fi Franza. Barra minn hekk, hekk kif intqal fil-premessa 723 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq tal-high speed internet fi Franza huwa kkaratterizzat minn struttura simili għal dik ta’ Spanja, fir-rigward tal-eżistenza ta’ aċċess bl-ingrossa fil-livelli lokali, nazzjonali u reġjonali.

138    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni bbażat id-definizzjoni tagħha ta’ żewġ swieq distinti fuq in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni ekonomika li tgħaddi mill-prodott bl-ingrossa reġjonali għall-prodott bl-ingrossa nazzjonali, allegata minn France Telecom (premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata), b’mod li France Telecom stess ikkontradixxiet din l-affermazzjoni f’dokumenti mdaħħla fl-atti fejn intqal li operatur alternattiv jista’ jiddeċiedi li jgħaddi minn prodott bl-ingrossa reġjonali għall-prodott bl-ingrossa nazzjonali jekk il-prezz ta’ dan tal-aħħar jinżel. Barra minn hekk, Albura kien irnexxielha tirriproduċi n-netwerk ta’ aċċess reġjonali ta’ Telefónica.

139    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jingħad li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-ispejjeż mhux rekuperabbli, l-operaturi alternattivi, li diġà għamlu l-investimenti neċessarji sabiex jaqbdu mal-109 punti ta’ aċċess indiretti, jikkapitalizzaw fuq l-investimenti tagħhom u jagħżlu l-prodott bl-ingrossa reġjonali minflok li jikkonċentraw it-traffiku f’punt wieħed ta’ aċċess nazzjonali. Fil-fatt, fir-rigward tal-ispejjeż assoċjati mal-passaġġ tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali għall-prodott bl-ingrossa reġjonali, anki fil-każ ta’ żieda żgħira, iżda sinjifikattiva u permanenti, tal-prezz tal-prodott bl-ingrossa reġjonali, ikun ftit probabbli, u illoġiku minn perspettiva ekonomika, li l-operaturi, li diġà investew fil-bini ta’ netwerk, ibatu l-ispiża li ma jintużax dan in-netwerk u jiddeċiedu li jużaw il-prodott bl-ingrossa nazzjonali, li ma jagħtihomx l-istess possibbiltajiet f’termini ta’ kontroll fuq il-kwalità tas-servizz tal-prodott bl-imnut meta kkomparat mal-prodott bl-ingrossa reġjonali. Barra minn hekk, mistoqsija f’dan ir-rigward fis-seduta, France Telecom effettivament ikkonfermat li hija tikkunsidra li ma kienx hemm ġustifikazzjoni ekonomika sabiex tgħaddi mill-prodott bl-ingrossa reġjonali għall-prodott bl-ingrossa nazzjonali. Jekk huwa minnu li migrazzjoni bħal din saret darba, b’mod eċċezzjonali, din saret minħabba limitazzjoni teknika marbuta mal-ħtiġijiet ta’ France Telecom li tikseb kapaċitajiet addizzjonali fil-livell tal-prodott bl-ingrossa reġjonali. L-argument tar-rikorrenti b’hekk ma għandux jintlaqa’.

140    It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet, fil-passat, aċċettat is-“sostituzzjoni asimetrika” sabiex tiddefinixxi s-suq tal-prodotti inkwistjoni, peress li ma kinitx kwistjoni ta’ sostituzzjoni bħal din f’din il-kawża, għaliex il-passaġġ tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali għall-prodott bl-ingrossa reġjonali jieħu ż-żmien u jeħtieġ investimenti kbar (ara l-punt 129 iktar ’il fuq) u l-passaġġ tal-prodott bl-ingrossa reġjonali għall-prodott bl-ingrossa nazzjonali huwa illoġiku minn perspettiva ekonomika (ara l-punt 139 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li sproporzjon kbir fir-rati ta’ migrazzjoni bejn iż-żewġ prodotti ma tissostanzjax it-teżi tal-interkambjabbiltà f’għajnejn il-konsumaturi (sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 60, iċċitata iktar ’il fuq, punti 86 sa 91).

141    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet, fir-Rakkomandazzjoni 2003/311 tagħha, li ż-żewġ prodotti ta’ aċċess indirett bl-ingrossa jaqgħu fl-istess suq. Madankollu, għandu jitfakkar li r-Rakomandazzjoni 2003/311, fl-espożizzjoni tal-motivi tagħha, minn naħa, teskludi espliċitament mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-suq bl-ingrossa tal-bejgħ mill-ġdid tal-high speed internet, jiġifieri l-prodotti ta’ aċċess nazzjonali f’punt wieħed bħall-prodott bl-ingrossa nazzjonali, li fih it-traffiku tal-operatur alternattiv jgħaddi totalment min-netwerk ta’ Telefónica, u, min-naħa l-oħra, issostni l-eżistenza ta’ barrieri kbar għad-dħul f’dak li jirrigwarda l-provvista bl-ingrossa tal-aċċess għall-broadband, sa fejn għandha tistabbilixxi netwerk sabiex jiġi pprovdut is-servizz. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva qafas) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), li jirreferi speċifikament għalih il-preambolu tar-Rakkomandazzjoni 2003/311, u l-premessa 18 tal-imsemmija rakkomandazzjoni tiddisponi li s-swieq definiti għall-finijiet tal-intervent regolatorju jkunu mingħajr preġudizzju għas-swieq li jistgħu jiġu ddefiniti fil-kuntest ta’ kawżi speċifiċi fid-dritt tal-kompetizzjoni.

142    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li ċ-CMT, fid-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ April 2006, irratifikata permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ Ġunju 2006, kienet qieset ukoll li l-prodott bl-ingrossa reġjonali u l-prodott bl-ingrossa nazzjonali jifformaw parti mill-istess suq. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni taċ-CMT tal-1 ta’ Ġunju 2006 taqa’ fil-kuntest ta’ analiżi prospettiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha mressqa dwar l-abbozz tad-deċiżjoni taċ-CMT, kienet indikat ukoll li l-karatteristiċi attwali u l-kundizzjonijiet tas-suq Spanjol tal-high speed internet setgħu potenzjament jiġġustifikaw frammentazzjoni tas-suq bl-ingrossa tal-aċċess għall-high speed internet f’żewġ swieq tal-prodotti inkwistjoni. Fl-aħħar nett, iċ-CMT, fid-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ Ġunju 2006, hija stess eskludiet l-ADSL-IP Total mis-suq 12. Issa, Telefónica ma tikkontestax li l-ADSL-IP u l-ADSL-IP Total jifformaw parti mill-istess suq ta’ aċċess bl-ingrossa nazzjonali (ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 88 sa 95, 109 u 110 tad-deċiżjoni kkontestata).

143    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessi 183 sa 195 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali ma jappartjenux għall-istess suq.

144    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv.

d)     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-istabbiliment tal-allegata pożizzjoni dominanti ta’ Telefónica fuq is-swieq inkwistjoni

145    Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-istabbiliment tal-allegata pożizzjoni dominanti ta’ Telefónica fuq is-swieq inkwistjoni.

146    Preliminarjament, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li, sabiex jiġi kkonstatat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Telefónica fil-forma ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li Telefónica kienet tiddisponi minn pożizzjoni dominanti kemm fis-suq bl-ingrossa u kif ukoll fis-suq bl-imnut. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja implementata minn impriża vertikalment integrata f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa rilevanti u li twassal għal kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri ta’ din l-impriża fis-suq bl-imnut ma tiddependix fuq l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ din l-impriża f’dan is-suq tal-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera, C‑52/09, Ġabra p. I‑527, punt 89). B’hekk, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-istabbiliment tal-pożizzjoni dominanti ta’ Telefónica ħlief għal dak li jirrigwarda s-swieq bl-ingrossa inkwistjoni.

147    Skont ġurisprudenza stabbilita, pożizzjoni dominanti tista’ tiġi ddefinita bħala pożizzjoni ta’ saħħa ekonomika ta’ impriża li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq ta’ referenza billi tipprovdilha l-possibbiltà ta’ aġir indipendenti b’mod kunsiderevoli fir-rigward tal-kompetituri, tal-klijenti u, fl-aħħar nett, tal-konsumaturi tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, punt 72, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65, u tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG, C‑250/92, Ġabra p. I‑5641, punt 47; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Novembru 2001, AAMS vs Il-Kummissjoni, T‑139/98, Ġabra p. II‑3413, punt 51; tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T‑65/98, Ġabra p. II‑4653, punt 154, u France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 60, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99).

148    Bħala regola ġenerali, l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tista’ tirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza ta’ diversi fatturi li, meħuda waħedhom, ma jkunux neċessarjament determinanti (sentenzi United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, punt 72, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u DLG, punt 147, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). Fost dawn il-fatturi, l-eżistenza ta’ ismha tas-suq ta’ daqs kbir huwa sinjifikattiv ħafna (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni, T‑30/89, Ġabra p. II‑1439, punt 90, u tal-25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑66/01, Ġabra p. II‑2631, punti 255 u 256).

149    B’hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ishma mis-suq estremament kbar jammontaw fihom infushom, u ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali, għall-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, il-pussess ta’ sehem mis-suq kbir ħafna jqiegħed lill-impriża li jkollha dan, f’perijodu partikolari, minħabba l-volum ta’ produzzjoni u l-offerta li hija tirrappreżenta — mingħajr ma l-possessuri ta’ ishma kunsiderevolment iżgħar ikunu f’pożizzjoni li jissodisfaw malajr id-domanda li huma jixtiequ jissodisfaw mill-impriża li għandha s-sehem kunsiderevolment ikbar —, f’sitwazzjoni ta’ saħħa li minnha tirriżulta sħubija obbligatorja u li, anki minħabba dan il-fatt, tiżguralha, tal-inqas matul perijodi relattivament twal, l-indipendenza ta’ aġir karatteristiku tal-pożizzjoni dominanti (sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 76, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41; Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, punt 147, iċċitata iktar ’il fuq, punt 154, u Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 148, iċċitata iktar ’il fuq, punt 256; ara, ukoll, is-sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 60, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100).

150    Skont il-ġurisprudenza, sehem mis-suq ta’ 50 % jammonta, fih innifsu, u mingħajr ċirkustanzi eċċezzjonali, għal pożizzjoni dominanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 60, u s-sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 148, iċċitata iktar ’il fuq, punt 256). Bl-istess mod, sehem mis-suq ta’ 70 % sa 80 % jikkostitwixxi, fih innifsu, indikazzjoni ċara tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Hilti vs Il-Kummissjoni, punt 148, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92; tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 907, u Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 148, iċċitata iktar ’il fuq, punt 257).

151    F’din il-kawża, ir-rikorrenti jsostnu li Telefónica ma għandhiex pożizzjoni dominanti fis-“suq bl-ingrossa” tal-high speed internet.

152    Fir-rigward tas-swieq bl-ingrossa tal-aċċess għall-high speed internet, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 162 sa 208 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punti 110 sa 143 iktar ’il fuq, il-prodott bl-ingrossa reġjonali u l-prodott bl-ingrossa nazzjonali ma jappartjenux għall-istess suq ta’ prodotti, b’mod li hemm lok li tiġi evalwata separatament l-eżistenza eventwali ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Telefónica fuq kull wieħed mis-swieq.

153    L-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 232 tad-deċiżjoni kkontestata, li Telefónica kienet f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa reġjonali. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, hija bbażat ruħha fuq is-sehem mis-suq ta’ 100 % ta’ Telefónica, u fuq il-pożizzjoni tagħha ta’ monopolju ta’ fatt fuq dan is-suq (premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni irreferiet ukoll għall-barrieri kunsiderevoli għad-dħul f’dan is-suq, b’mod partikolari għall-fatt li l-operaturi alternattivi għandhom jibnu netwerk ta’ aċċess lokali ġdid alternattiv jew iwettqu unbundling tal-konnessjonijiet lokali ta’ Telefónica.

154    Hekk kif jirriżulta mill-premessi 224 sa 226 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat l-ispejjeż irrekuperabbli sinjifikattivi għall-operaturi ġodda li jippruvaw jipprovdu servizz tal-high speed internet bl-ingrossa ta’ aċċess reġjonali permezz tal-loop lokali ta’ Telefónica kif ukoll l-ekonomiji fil-kobor u l-gamma kunsiderevoli li tibbenefika minnhom Telefónica. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li jeżistu ostakoli u dewmien kunsiderevoli fl-aċċess għall-aċċess mhux marbut mal-loop lokali fil-perijodu tal-ksur, b’mod li anki operatur li jkun bena n-netwerk tiegħu stess ma jkunx f’pożizzjoni li jikkompeti ma’ Telefónica. Fil-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li r-rekwiżit li operatur ikollu numru suffiċjenti ta’ klijenti għas-servizzi ta’ high speed internet jirrappreżenta barriera għad-dħul fis-suq supplimentari għall-operaturi li jinvestu fl-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, b’mod li huma jkollhom probabbilment spejjeż unitarji ogħla minn Telefónica fil-bini tan-netwerks lokali tagħhom. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operaturi alternattivi li attwalment jinvestu fl-aċċess mhux marbut mal-loop lokali ma jkollhom l-ebda impatt sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa ta’ aċċess reġjonali stess fit-terminu medju u li dan l-impatt qatt ma jkun nazzjonali (premessi 229 u 230 tad-deċiżjoni kkontestata).

155    L-ewwel nett, għandu jingħad li rikorrenti ma jikkontestawx li Telefónica kienet l-uniku operatur li pprovda l-prodott bl-ingrossa reġjonali fi Spanja sa mill-1999 (premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata), li b’hekk kellu monopolju ta’ fatt f’dan is-suq.

156    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li, minkejja s-sehem tagħha tas-suq, Telefónica kienet ġiet suġġetta għal pressjoni kompetittiva kostanti minn naħa tal-kompetituri tagħha, li żiedu b’mod kostanti u progressiv il-preżenza tagħhom fis-“suq bl-ingrossa”. F’dan ir-rigward, hekk kif tfakkar fil-punt 152 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament qieset li l-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali ma jappartjenux għal dan l-istess suq. Għalhekk, l-eżempji ċċitati mir-rikorrenti fir-replika tagħhom, dwar Arsys, li biegħet prodott bl-imnut tal-high speed internet billi użat esklużivament l-offerta bl-ingrossa ta’ Uni2, lil Tele2, lil Tiscali u lil Auna, li kienu użaw is-servizzi bl-ingrossa ta’ Albura, ma kinux ikkunsidrati, peress li dawn kienu jirrigwardaw l-offerta bl-ingrossa nazzjonali.

157    It-tielet nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-“suq bl-ingrossa” huwa “suq kontestabbli”, li fuqu l-klijenti u l-kompetituri ta’ Telefónica jistgħu jirriproduċu n-netwerk tagħha, b’mod li huma jsibu ruħhom f’pożizzjoni li jeżerċitaw pressjoni kompetittiva effettiva indipendentement mill-ishma tagħhom tas-suq, ma għandux jiġi aċċettat iktar, fid-dawl tal-investimenti neċessarji sabiex jinbena netwerk ta’ aċċess lokali alternattiv ġdid jew ta’ unbundling tal-konnessjonijiet lokali ta’ Telefónica, li hija indispensabbli sabiex operatur alternattiv ikun jista’ joffri prodott bl-ingrossa ta’ aċċess reġjonali li jikkompeti mal-prodott bl-ingrossa reġjonali ta’ Telefónica (ara b’mod partikolari punt 129 iktar ’il fuq).

158    B’hekk jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqu l-ebda prova ta’ natura li tpoġġi fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li Telefónica kienet f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa reġjonali fil-perijodu tal-ksur.

159    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li Telefónica għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-aċċess bl-ingrossa nazzjonali. B’hekk, hija ssostni, fil-premessa 234 tad-deċiżjoni kkontestata li, sal-aħħar trimestru tal-2002, ma kienet teżisti l-ebda alternattiva reali għall-prodott bl-ingrossa nazzjonali ta’ Telefónica. Min-naħa l-oħra, sa mill-2002 u fil-perijodu kollu tal-ksur, is-sehem mis-suq ta’ Telefónica kien baqa’ kostantement iktar minn 84 % (premessa 235 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessi 236 sa 241 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet ukoll, l-ewwel, għad-differenza kbira bejn is-sehem mis-suq ta’ Telefónica u dik tal-kompetituri ewlenin tagħha, sehem mis-suq ta’ Telefónica li kien iktar minn ħdax-il darba ikbar minn dak tal-kompetitur prinċipali tagħha (premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni, għall-ekonomiji fil-kobor u tal-gamma kif ukoll għall-integrazzjoni vertikali li tibbenefika minnhom Telefónica, li jippermettulha tirkupra l-istess spejjeż minħabba l-volumi kbar ta’ traffiku ġġenerat permezz tan-numru kbir ta’ abbonati tagħha (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tielet, għall-kontroll tal-loop lokali, li jippermettilha tinfluwenza b’mod sinjifikattiv id-disponibbiltà tal-prodotti bl-ingrossa tal-kompetituri (premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata) u, ir-raba’, għan-netwerk tagħha li wirtet minn monopolju antik, li ma kienx faċilment riproduċibbli (premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata).

160    Sabiex turi n-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Telefónica fis-suq bl-ingrossa nazzjonali, ir-rikorrenti ressqu numru ta’ argumenti. L-ewwel nett, huma jsostnu li n-netwerk ta’ Telefónica jista’ jiġi riprodott.

161    B’hekk, huma jsostnu li n-netwerk ta’ Telefónica ġie riprodott totalment minn numru ta’ operaturi alternattivi. Madankollu, hekk kif il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat fil-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn l-eżempji ma jurux in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Telefónica fis-suq bl-ingrossa nazzjonali.

162    Ċertament, l-eżistenza eventwali ta’ kompetizzjoni fis-suq hija ċirkustanza rilevanti għall-finijiet li tiġi analizzata l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Madankollu, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni, anki ħajja, f’suq partikolari, ma teskludix li jkun hemm xi pożizzjoni dominanti f’dan l-istess suq, fejn l-imsemmija pożizzjoni dominanti tkun essenzjalment ikkaratterizzata mill-kapaċità li l-impriża, fl-istrateġija tagħha fis-suq, taġixxi mingħajr ma tagħti każ ta’ din il-kompetizzjoni u mingħajr, b’daqshekk, ma ssofri xi effetti dannużi minħabba din l-attitudni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 60, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101).

163    Issa, f’din il-kawża, l-eżempji mressqa mir-rikorrenti ma jpoġġux fid-dubju l-elementi mressqa mill-Kummissjoni fil-premessi 235 sa 241 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari għall-fatt li Telefónica kellha sehem mis-suq ogħla minn 84 % fil-perijodu kollu tal-ksur, minħabba l-fatt li, wara l-2001, dan is-sehem mis-suq kien ħdax-il darba ogħla minn dak tal-kompetitur prinċipali jew inkella minħabba l-fatt li l-ostakoli jwaqqfu lill-kompetituri ta’ Telefónica milli jipproponu b’mod li jħalli qligħ, prodott bl-ingrossa nazzjonali f’kompetizzjoni ma’ dik tagħha.

164    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tadotta “pożizzjoni essenzjalment dogmatika”. Din tkun inkoerenti mal-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-komunikazzjonijiet tagħha lil awtoritajiet oħra regolatorji Ewropej. Fil-fatt, f’dawn il-komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni kienet qieset li kompetizzjoni eżerċitata fil-livell tas-suq bl-imnut minn impriżi integrati vertikalment tista’ teżerċita pressjoni kompetittiva indiretta fis-suq bl-ingrossa. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tanalizza l-kwistjoni dwar jekk l-operaturi tal-cable u tal-loop lokali kinux eżerċitaw pressjoni kompetittiva indiretta fuq l-aġir ta’ Telefónica fis-suq bl-ingrossa ta’ aċċess indirett.

165    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jingħad li argument bħal dan huwa infondat, peress li, minn naħa, il-Kummissjoni effettivament analizzat il-pressjoni kompetittiva tal-operaturi tal-cable u indikat, fil-premessi 268 sa 276 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-operaturi tal-cable ma kinux eżerċitaw dixxiplina tariffarja fuq Telefónica fis-suq bl-imnut u, min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-premessi 264 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali kien ra tkabbir veru biss minn Settembru 2004 u li kien limitat fuq il-livell ġeografiku.

166    It-tielet nett, il-fatt li Telefónica kienet obbligata, sa mis-sena 2000, tipprovdi l-aċċess għal-loop lokali bi prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż ma kienx suffiċjenti sabiex jintwera n-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti tagħha. Fil-fatt, jekk il-kapaċità li timponi żidiet fil-prezz b’mod regolari tammonta bla dubju għal prova li tista’ tindika l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, hija bl-ebda mod ma’ tikkostitwixxi prova indispensabbli, peress li l-indipendenza li tgawdi impriża dominanti fil-qasam tal-prezzijiet tirrigwarda iktar il-kapaċità li tiffissa dawn tal-aħħar mingħajr ma jkollha tikkunsidra r-reazzjoni tal-kompetituri, klijenti u fornituri milli għall-kapaċita li żżidhom (ara s-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 150, iċċitata iktar ’il fuq, punt 1084 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, peress li l-prodotti kollha kompetituri ta’ aċċess bl-ingrossa huma bbażati fuq il-konnessjonijiet lokali ta’ Telefónica jew fuq il-prodott tagħha bl-ingrossa reġjonali, id-disponibbiltà tal-prodotti kompetituri tiddependi mhux biss fuq id-disponibbiltà reali tal-konnessjonijiet lokali unbundled u/jew tal-prodott bl-ingrossa reġjonali, iżda wkoll fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi li fihom jiġu pprovduti (premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata).

167    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament qieset li Telefónica kienet f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa nazzjonali.

168    Għalhekk, u b’konsegwenza ta’ dak li ntqal fil-punt 146 iktar ’il fuq, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu, għall-finijiet li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, li turi li Telefónica kellha pożizzjoni dominanti fis-suq bl-imnut, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

e)     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE f’dak li jirrigwarda l-aġir allegatament abbużiv ta’ Telefónica

169    Fil-kuntest tal-motiv preżenti, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żewġ żbalji serji fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE f’dak li jirrigwarda l-aġir allegatament abbużiv ta’ Telefónica.

170    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, billi jipprojbixxi l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq, sa fejn il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi effettwat, l-Artikolu 82 KE jkopri l-aġir li huwa ta’ natura li jinfluwenza l-istruttura tas-suq fejn, minħabba l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni jkun diġà mdgħajjef u li jkollu l-effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali bejn prodotti jew servizzi fuq il-bażi ta’ prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, sabiex jinżamm livell ta’ kompetizzjoni li jeżisti diġà fis-suq jew għall-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Hoffman-La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 76, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91; Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 111, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70; tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, punt 104, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, Ġabra p. I‑9555, punt 174).

171    Għalhekk, peress li l-Artikolu 82 KE jipprevedi mhux biss il-prattiki li jistgħu jikkawżaw dannu immedjat lill-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu billi jippreġudikaw l-istruttura ta’ kompetizzjoni effettiva, l-impriża li jkollha pożizzjoni dominanti għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, permezz tal-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux imfixkla fis-suq komuni (ara s-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105, u TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    Kif diġà ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, isegwi li l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi impriża f’pożizzjoni dominanti milli telimina kompetitur u li b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha billi tirrikorri għal mezzi differenti minn dawk li jirriżultaw minn kompetizzjoni fuq il-mertu. F’din il-perspettiva, kull kompetizzjoni fuq il-prezzijiet ma tistax titqies li hija leġittima (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    Fir-rigward tan-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE jipprojbixxi espliċitament il-fatt li impriża dominanti timponi prezzijiet inġusti b’mod dirett jew indirett (sentenza TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

174    Barra minn hekk, il-lista tal-prattiki abużivi li tinsab fl-Artikolu 82 KE ma hijiex eżawrjenti, fis-sens li l-lista ta’ prattiki abbużivi mogħtija f’din id-dispożizzjoni ma tinkludix il-metodi ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbiti mid-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti abbużatx minn din il-pożizzjoni bl-applikazzjoni tal-prattiki tariffarji tagħha, għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha u għandu jiġi eżaminat jekk din il-prattika għandhiex it-tendenza li telimina jew tnaqqas il-possibbiltà ta’ għażla tax-xerrej fir-rigward tas-sorsi tiegħu ta’ provvista, li twaqqaf l-aċċess għas-suq lill-kompetituri, li tapplika kundizzjonijiet differenti għal servizzi ekwivalenti fil-konfront ta’ sħab kummerċjali jew li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (ara s-sentenza TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tanalizza l-allegata kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet bħala abbuż li l-effetti ta’ esklużjoni huma simili għal dawk ta’ rifjut de facto li jiġi konkluż kuntratt. Issa, il-Kummissjoni ma kinitx applikat il-kriterju ġuridiku li jikkorrispondi ma’ dan it-tip ta’ aġir, stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizza fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, Ġabra p. I‑7791). B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-prodotti bl-ingrossa inkwistjoni jammontaw għal konnessjonijiet jew infrastrutturi essenzjali, u lanqas li r-rifjut tal-provvista kien ta’ tip li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq bl-imnut.

177    Tali argument ma jistax jintlaqa’.

178    Fil-fatt għandu jingħad li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma analizzatx il-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet bħala rifjut de facto ta’ provvista. Fil-fatt, il-Kummissjoni rreferiet għall-kunċett ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE u l-obbligi li jirriżultaw (premessi 279 u 280 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ddefinixxiet ukoll il-prattika tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni u fuq il-prassi deċiżjonali tagħha (premessi 281 sa 284 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, hija enfasizzat, fil-premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata, li minn Settembru 2001 sa Diċembru 2006, Telefónica kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fuq is-swieq Spanjoli tal-aċċess għall-broadband permezz ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet dovuta għall-isproporzjon bejn il-miżati bl-imnut u tal-ingrossa għall-aċċess għall-broadband, bil-konsegwenza ta’ restrizzjoni probabbli tal-kompetizzjoni fis-suq bl-imnut. Fil-premessi 299 sa 309 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset ukoll li l-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza Bronner, punt 176, iċċitata iktar ’il fuq, ma kinux applikabbli għall-każ preżenti.

179    B’mod partikolari, għandu jingħad li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma imponietx fuq Telefónica li tagħti aċċess għall-prodotti bl-ingrossa lil kompetituri tagħha, liema obbligu jirriżulta mill-qafas leġiżlattiv Spanjol. B’hekk, Telefónica kellha l-obbligu li tipprovdi l-prodott bl-ingrossa reġjonali sa min Marzu 1999 u l-prodott bl-ingrossa nazzjonali (ADSL-IP) sa minn April 2002, dan l-obbligu jirriżulta mir-rieda tal-awtoritajiet pubbliċi li jinkoraġixxu lil Telefónica u lill-komptetituri tagħha jinvestu u jinnovaw (premessi 88, 111, 287 u 303 tad-deċiżjoni kkontestata).

180    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza tagħha TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, li ma jistax jiġi dedott mis-sentenza tagħha Bronner, punt 176, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rifjut assolut ta’ provvista għandhom neċessarjament japplikaw ukoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ aġir li jikkonsisti fl-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi jew tal-bejgħ ta’ prodotti għal kundizzjonijiet żvantaġġjużi jew li x-xerrej ma jkunx interessat fihom. Fil-fatt, tali aġir jista’, fih innifsu, jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż li hija differenti mir-rifjut ta’ provvista (sentenza TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 u 56).

181    L-interpretazzjoni kuntrarja tas-sentenza Bronner, punt 176, iċċitata iktar ’il fuq, twassal li jkun meħtieġ, sabiex kull aġir ta’ impriża dominanti rigward il-kundizzjonijiet kummerċjali tagħha jkunu jistgħu jitqiesu li huma abbużivi, li jkunu dejjem sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rifjut ta’ provvista, li jnaqqas inġustament l-effett utli tal-Artikolu 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

182    F’dan ir-rigward, għalkemm, ċertament, fis-sentenza tagħha TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li n-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa tista’ tkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti invokaw in-natura indispensabbli tal-prodotti bl-ingrossa biss insostenn tal-allegazzjoni tagħhom li tgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tapplika l-kriterju ġuridiku adegwat għall-allegat rifjut de facto ta’ provvista ssanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, l-argument tagħhom għandu jiġi miċħud.

183    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk l-Artikolu 82 KE jkun applikabbli, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika l-kriterju ġuridiku korrispondenti għall-kunċett ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

184    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat it-test tagħha ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għal riżorsa mhux essenzjali. Madankollu, argument bħal dan għandu jiġi miċħud għall-motivi esposti fil-punti 180 sa 182 iktar ’il fuq.

185    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet abbużiva, kellha turi li Telefónica kienet ukoll f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-imnut. Argument bħal dan madankollu ġie miċħud fil-punt 146 iktar ’il fuq.

186    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li, konformement mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kummissjoni (T‑5/97, Ġabra p. II‑3755, punt 179), ikun hemm prattika ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet biss jekk il-prezz bl-ingrossa ffatturat għall-kompetituri għall-prodott tal-input ikun eċċessiv jew jekk il-prezz bl-imnut għall-prodott derivat ikollu natura predatorja.

187    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, li tista’, fiha nnifisha, tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Issa, il-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tirriżulta mid-differenza bejn il-prezzijiet għas-servizzi bl-ingrossa u dawk għas-servizzi bl-imnut u mhux mil-livell ta’ dawn il-prezzijiet bħala tali. B’mod partikolari, din il-pressjoni tista’ tirriżulta mhux biss minn prezz li jkun baxx b’mod anormali fis-suq bl-imnut iżda wkoll minn prezz li jkun għoli b’mod anormali fis-suq bl-ingrossa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punti 97 u 98). Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta turi, fid-deċiżjoni kkontestata, li Telefónica tipprattika prezzijiet eċċessivi għall-prodotti tagħha bl-ingrossa ta’ aċċess indirett jew ta’ prezzijiet predatorji għall-prodotti tagħha bl-imnut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 169, u s-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 69, iċċitata iktar ’il fuq, punt 167).

188    Ir-raba’ nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kellha tikkompleta l-analiżi tagħha tan-natura abbużiva tal-aġir ta’ Telefónica bbażata fuq il-kriterju tal-“kompetitur daqstant effettiv” permezz ta’ studju tal-marġni tal-operaturi alternattivi prinċipali fis-suq Spanjol.

189    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impriża f’pożizzjoni dominanti milli tadotta prattiki tariffarji li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri tagħha li huma mill-inqas effiċjenti daqsha, attwali jew potenzjali. B’hekk topera, b’mod abbużiv il-pożizzjoni dominanti tagħha, dik l-impriża li timplementa politika ta’ prezz li għandha l-għan li teskludi mis-suq impriżi li possibbilment huma effiċjenti daqsha, iżda li, minħabba l-kapaċità finanzjarja żgħira tagħhom, ma humiex kapaċi li jkampaw minħabba l-kompetizzjoni li ssir fil-konfront tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punti 39 u 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Issa, sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-politika ta’ prezzijiet applikata minn impriża dominanti, għandu, bħala prinċipju, isir riferiment għal kriterji ta’ prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti stess u fuq l-istrateġija tagħha (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 198, u TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 69, iċċitata iktar ’il fuq, punti 188 sa 191).

191    B’mod partikolari, fir-rigward ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, l-użu ta’ tali kriterji ta’ analiżi jippermetti li jiġi vverifikat jekk din l-impriża kinitx suffiċjentement effiċjenti sabiex toffri s-servizzi bl-imnut tagħha lill-klijenti finali, mingħajr telf, kieku hija ġiet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 201, u TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

192    Barra minn hekk, tali approċċ huwa iktar u iktar iġġustifikat għaliex huwa wkoll konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż u tal-prezzijiet tal-impriża dominanti jippermettulha tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha stess, skont ir-responsabbiltà partikolari li hija għandha taħt l-Artikolu 82 KE. Fil-fatt, għalkemm impriża dominanti jkollha għarfien dwar l-ispejjeż u t-tariffi tagħha nnifisha, bħala prinċipju, hija ma tkunx taf x’inhuma dawk tal-kompetituri tagħha (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 202, u TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). Min-naħa l-oħra, abbuż ta’ esklużjoni jeffettwa wkoll il-kompetituri potenzjali tal-impriża dominanti, li l-prospetti ta’ nuqqas ta’ profittabbiltà jistgħu jiddisswaduhom milli jidħlu fis-suq.

193    Ċertament, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li ma jistax jiġi eskluż li l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-kompetituri jistgħu jkunu rilevanti fl-eżami tal-prattika tariffarja inkwistjoni. Madankollu, huwa biss meta ma jkunx possibbli, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jsir riferiment għall-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża dominanti li għandhom jiġu eżaminati dawk tal-kompetituri fl-istess suq (sentenza TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 46), ħaġa li ma ġietx sostnuta mir-rikorrenti.

194    B’hekk il-Kummissjoni ġustment qieset li t-test adegwat sabiex tiġi stabbilita l-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tikkonsisti f’li jiġi stabbilit jekk kompetitur li għandu l-istess struttura tal-ispejjeż bħal dik tal-attività downstream tal-impriża vertikalment integrata tkunx f’pożizzjoni li toffri servizzi downstream mingħajr ma tirreġistra telf jekk l-imsemmija impriża vertikalment integrata kellha tħallas il-prezz ta’ aċċess upstream iffatturata lill-kompetituri tagħha, b’riferiment għall-ispejjeż ta’ Telefónica (premessi 311 sa 315 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ma jsir studju tal-marġni ta’ operaturi prinċipali alternattivi fis-suq Spanjol.

195    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk il-kriterju tal-“kompetituri ipotetiċi daqshekk effikaċi” jkun adegwat sabiex juri l-eżistenza ta’ ksur f’din il-kawża, l-analiżi tal-Kummissjoni hija vvizzjata minn żball fl-għażla tal-konnessjonijiet man-netwerk bl-ingrossa. Huma jsostnu li kompetitur daqshekk effettiv juża biss, sabiex jiżviluppa l-attivitajiet tiegħu bl-imnut, il-loop lokali jew taħlita tajba ħafna ta’ prodotti bl-ingrossa. Madankollu, intqal fil-punti 130 u 131 iktar ’il fuq li l-użu permezz tal-operaturi alternattivi, fil-perijodu tal-ksur, f’kull ċentrali, ta’ taħlita tajba ħafna tal-prodotti bl-ingrossa, li kienet tinkludi l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, ma seħħx.

196    Is-sitt nett, ir-rikorrenti jsostnu li t-teorija tal-livell tal-investimenti ma teħtiġx li l-livelli kollha jkunu aċċessibbli. Argument bħal dan għandu madankollu jiġi miċħud. Fil-fatt, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, il-proċess li jippermetti lill-operaturi alternattivi jinvestu gradwalment fl-infrastruttura proprja tagħhom tammonta għal strateġija vijabbli biss jekk ma tkun teżisti l-ebda prattika ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fil-livelli differenti tal-iskala. Issa, il-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet imposta minn Telefónica probabbilment dewmet id-dħul u t-tkabbir tal-kompetituri tagħha u l-kapaċità tagħhom li jilħqu livell suffiċjenti ta’ ekonomiji fil-kobor sabiex jiġu ġġustifikati investimenti f’infrastruttura proprja u l-użu tal-aċċess mhux marbut mal-loop lokali (premessa 554 tad-deċiżjoni kkontestata).

197    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, hemm lok li l-motiv preżenti jiġi miċħud.

f)     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u/jew ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ żbalji ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-aġir allegatament abbużiv ta’ Telefónica u l-impatt tiegħu allegatament antikompetittiv

198    Dan il-motiv, ifformulat sussidjarjament, jinkludi żewġ partijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq żbalji ta’ fatt u/jew ta’ evalwazzjoni tal-fatti fl-applikazzjoni tat-test tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. It-tieni waħda hija bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-effetti probabbli jew konkreti tal-aġir eżaminat.

 Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u/jew ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti fl-applikazzjoni tat-test ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

199    Fil-kuntest tal-parti preżenti, ir-rikorrenti jifformulaw tliet ilmenti. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq żball fl-għażla tal-konnessjonijiet man-netwerk bl-ingrossa. It-tieni lment huwa bbażat fuq żbalji u ommissjonijiet imwettqa fl-analiżi tal-FTA. Fl-aħħar nett, it-tielet ilment huwa bbażat fuq żbalji u ommissjonijiet imwettqa fl-analiżi “perijodu b’perijodu”.

–       Fuq l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażat fuq l-għażla tal-konnessjonijiet man-netwerk bl-ingrossa

200    Permezz ta’ dan l-ilment, motivat b’riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw it-tieni u r-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma għandhiex teżamina l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għal kull prodott bl-ingrossa kkunsidrat waħdu, minħabba l-fatt li l-operaturi alternattivi jużaw taħlita tajba ħafna tal-prodotti bl-ingrossa, għal dak li jinkludi l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, li tippermetti ekonomiji tal-ispejjeż. Fir-replika tagħhom u fis-seduta, ir-rikorrenti sostnew ukoll li huwa fid-dawl tal-prinċipju tal-“kompetitur daqstant effiċjenti” li l-Kummissjoni kellha tapplika t-test tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fuq il-bażi tal-kombinazzjoni tal-prodotti bl-ingrossa li jużaw l-operaturi alternattivi.

201    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi b’mod partikolari li impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq partikolari twettaq prattiki tariffarji li jipproduċu effetti ta’ ħruġ mis-suq għall-kompetituri tagħha kemm effettivi, attwali jew potenzjali (ara l-punt 189 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, l-eżami ta’ pożizzjoni bħal din jeħtieġ evalwazzjoni tal-possibbiltajiet tal-kompetizzjoni fil-kuntest tas-suq li jiġbor fih il-prodotti kollha li, abbażi tal-karatteristiċi tagħhom, ikunu adatti b’mod partikolari sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet kostanti u jkunu ftit interkambjabbli ma’ prodotti oħra, peress li d-determinazzjoni tas-suq inkwistjoni sservi sabiex jiġi stabbilit jekk l-impriża kkonċernata għandhiex il-possibbiltà li xxekkel kompetizzjoni effettiva fl-imsemmi suq (ara l-punt 111 iktar ’il fuq). Issa, ġie kkonstatat, minn naħa, fil-kuntest tat-tieni motiv (ara l-punti 110 sa 144 iktar ’il fuq), li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, il-prodott bl-ingrossa nazzjonali u l-prodott bl-ingrossa reġjonali ma jappartjenux għall-istess suq u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tar-raba’ motiv (ara l-punti 169 sa 197 iktar ’il fuq), li kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet fuq suq partikolari kien jista’, fih innifsu, jammonta għal abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

202    Id-determinazzjoni tas-suq inkwistjoni sservi sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża kkonċernata għandhiex il-possibbiltà li xekkel kompetizzjoni effettiva fuq l-imsemmi suq, raġuni li għaliha r-rikorrenti ma jsostnux, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq il-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-kuntest tat-tieni motiv tagħhom, li l-użu ta’ taħlita tajba ħafna tal-prodotti bl-ingrossa tippermetti lill-kompetituri ta’ Telefónica li jtejbu l-profitabbiltà tagħhom. Fil-fatt, dawn il-prodotti bl-ingrossa ma jifformawx parti mill-istess suq tal-prodotti (ara l-punti 114 sa 134 iktar ’il fuq).

203    It-tieni nett, għandu jingħad li l-argument tar-rikorrenti jwassal sabiex jitqies li operatur alternattiv jista’ jikkumpensa telf subit minħabba kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fil-livell ta’ prodott bl-ingrossa permezz ta’ dħul provenjenti mill-użu, f’ċerti żoni ġeografiċi iktar redittizzji, ta’ prodotti oħra ta’ Telefónica li ma jkunux is-suġġett ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet u li jappartjenu għal suq ieħor, jiġifieri l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, liema użu b’hekk jeħtieġ investimenti kbar u li ma humiex immedjatament disponibbli (ara l-punt 125 iktar ’il fuq u l-premessi 227, 231, 266 u 562 tad-deċiżjoni kkontestata), ħaġa li ma tistax tiġi ammessa.

204    Skont il-ġurisprudenza, sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta bħal dik prevista mit-Trattat tista’ tiġi ggarantita biss jekk jiġu żgurati opportunitajiet indaqs bejn id-diversi operaturi ekonomiċi. Issa, opportunitajiet indaqs jimplikaw li Telefónica u l-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effiċjenti jitqiegħdu fl-istess pożizzjoni fis-suq bl-imnut. Dan ma jkunx il-każ, minn naħa, jekk il-prezzijiet bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali mħallsa mill-operaturi alternattivi għall-Telefónica ma jkunux jistgħu jiġu riflessi fil-prezzijiet bl-imnut tagħhom u, min-naħa l-oħra, jekk l-operaturi alternattivi, fir-rigward tal-prezzijiet tal-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali ta’ Telefónica, ma jkunux jistgħu joffru dawn tal-aħħar ħlief jekk isofru telf, li huma jkollhom jippruvaw jikkumpensaw permezz ta’ dħul provenjenti minn swieq oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 230, u s-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, punt 69, iċċitata iktar ’il fuq, punti 198 u 199, u l-ġurisprudenza ċċitata).

205    Barra minn hekk, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-użu mill-operaturi alternattivi, fil-perijodu tal-ksur, f’kull ċentrali, ta’ taħlita tajba ħafna tal-prodotti bl-ingrossa, li tinkludi l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, tmur kontra l-pożizzjoni espressa minn Telefónica stess fir-risposta tagħha tat-22 ta’ Settembru 2003 għall-ilment ta’ France Telecom, li fiha Telefónica kienet sostniet li l-analiżi tal-eżistenza eventwali tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kellha ssir biss fuq il-bażi tal-prodott bl-ingrossa reġjonali.

206    It-tielet nett, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 131 iktar ’il fuq, taħlita ottimali bħal din tiġi użata biss minn kompetituri ta’ Telefónica li għandhom netwerk li jippermettilhom l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, bl-esklużjoni tal-kompetituri potenzjali ta’ Telefónica.

207    Ir-raba’ nett, jekk ir-rikorrenti jsostnu li kompetitur tant effiċjenti li juża biss il-loop lokali jagħmel qligħ u li, konsegwentement, kompetitur tant effiċjenti li juża taħlita tajba ħafna ta’ konnessjonijiet man-netwerk jikseb ukoll riżultati pożittivi, argument bħal dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, hekk kif intqal fil-punt 125 iktar ’il fuq, l-użu effettiv tal-loop lokali beda biss, b’mod limitat, fit-tmiem tas-sena 2004 u fil-bidu tas-sena 2005. Barra minn hekk, fir-rigward tal-investimenti neċessarji, huwa biss fl-2004 li l-operaturi alternattivi bdew il-migrazzjoni tal-konnessjonijiet tagħhom ta’ aċċess bl-ingrossa indiretta lejn l-aċċess unbundled għal-loop lokali.

208    Il-ħames nett, l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li taħlita tajba ħafna eventwali tal-prodotti bl-ingrossa twaqqaf l-istabbiliment ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet hija f’kontradizzjoni mal-obbligi regolatorji imposti miċ-CMT fuq Telefónica, bil-għan b’mod partikolari li tiżgura li l-offerti kollha tagħha bl-imnut ikunu irriproduċibbli fuq il-bażi tal-prodott tagħha bl-ingrossa reġjonali (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

209    Is-sitt nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li għandu l-għan li tiġi kkontestata d-definizzjoni tal-karatteristiċi tan-netwerk tal-kompetitur daqstant effiċjenti, li jgħid li jkun importanti biss li jkun magħruf jekk, permezz tal-ekonomiji fil-kobor u l-ispejjeż tan-netwerk ta’ Telefónica, operatur alternattiv jista’ jagħmel qligħ jew le. Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni sostniet fil-premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni tal-metodu tal-kompetitur daqstant effiċjenti ma timplikax li l-kompetituri ta’ Telefónica jistgħu jirriproduċu l-assi upstream ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, it-test tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet japplika fil-perspettiva ta’ operatur downstream daqstant effettiv, jiġifieri operatur li juża l-prodott bl-ingrossa tal-impriża dominanti, f’kompetizzjoni ma’ dan tal-aħħar fis-suq downstream u fejn l-ispejjeż f’dan l-aħħar imsemmi suq ikunu identiċi għal dawk tal-impriża dominanti.

210    F’kull każ, l-użu mill-operaturi alternattivi, fil-perijodu tal-ksur, f’kull ċentrali, ta’ taħlita tajba ħafna ta’ prodotti bl-ingrossa, li tinkludi l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali, ma seħħx. B’hekk, peress li TESAU hija suġġetta għall-obbligu leġiżlattiv tal-kiri tal-cable tar-ram lill-operaturi alternattivi sa minn Diċembru 2000 (premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata), jirriżulta mill-premessi 102 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata, liema data ġiet ikkontestata mir-rikorrenti biss sal-2002, li France Telecom kważi esklużivament xtrat il-prodott bl-ingrossa nazzjonali minn Telefónica, u li din ġiet issostitwita fit-tmiem tas-sena 2002, permezz ta’ offerta bl-ingrossa nazzjonali alternattiva bbażata fuq il-prodott bl-ingrossa reġjonali ta’ Telefónica. Huwa biss minn Frar 2005 li n-numru ta’ konnessjonijiet lokali unbundled ta’ France Telecom żdied b’mod sinjifikattiv filwaqt li kellha tnaqqis fin-numru tal-linji nazzjonali alternattivi bl-ingrossa bbażati fuq il-prodott bl-ingrossa reġjonali ta’ Telefónica. Barra minn hekk, sal-aħħar trimestru tal-2004, Ya.com xtrat esklużivament il-prodott bl-ingrossa nazzjonali ta’ Telefónica u bdiet tuża progressivament l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali biss minn Lulju 2005 bix-xiri ta’ Albura.

211    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-għażla tagħha tal-konnessjonijiet man-netwerk bl-ingrossa għall-finijiet tal-kalkolu tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. L-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ħames motiv b’hekk ma jistax jintlaqa’.

–       Fuq it-tieni lment tal-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji u ommissjonijiet imwettqa fl-implementazzjoni tal-analiżi tal-FTA

212    Fil-kuntest tal-ilment preżenti, ir-rikorrenti jifformulaw numru ta’ kritiki fir-rigward tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni, f’din il-kawża, tal-analiżi tal-FTA (premessi 350 sa 385 tad-deċiżjoni kkontestata).

213    Għandu jingħad ukoll, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-test tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet previst, f’din il-kawża, sabiex jiġi stabbilit jekk kompetitur li għandu l-istess struttura tal-ispejjeż bħal tal-attività downstream tal-impriża vertikalment integrata jistax ikun ta’ qliegħ fis-suq downstream minkejja l-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut ta’ din l-impriża. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont il-prassi deċiżjonali tagħha fil-qasam tal-prezzijiet abbużivi, il-profitabbiltà ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti dejjem ġiet evalwata fuq il-bażi tal-analiżi “perijodu b’perijodu”, sakemm il-metodu tal-FTA sabiex tiġi kkalkolata kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet jkollu ċerti nuqqasijiet (premessi 331 u 332 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-kuntest tal-kalkolu tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni madankollu ddeċidiet li tikkalkola l-profitabbiltà ta’ Telefónica fuq il-bażi ta’ żewġ metodi, jiġifieri l-metodu “perijodu b’perijodu” u l-metodu tal-FTA, propost minn Telefónica, bil-għan, minn naħa, li jiġi evitat li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet minħabba distorsjonijiet fil-kontabbiltà li jirriżultaw mill-immaturità tas-suq Spanjol tal-broadband u, min-naħa l-oħra, li tiżgura li l-metodu propost minn Telefónica ma jpoġġix fid-dubju l-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tirriżulta mill-analiżi “perijodu b’perijodu” (premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata).

214    Il-Kummissjoni tispjega wkoll li, f’analiżi tal-FTA, valur finali jiġi kkalkolat sabiex jirrifletti l-fatt li hemm assi prinċipali; li jkomplu jintużaw anki wara l-perijodu ta’ referenza. B’hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi ta’ valur finali jista’ jirriżulta neċessarju peress li ċerti spejjeż ma humiex totalment koperti fil-perijodu ta’ referenza. Skont il-Kummissjoni, kemm il-valur finali xieraq li għandu jiġi inkluż fil-kalkolu tal-FTA kif ukoll il-perijodu ta’ referenza xieraq għandhom l-għan li tiġi ddeterminata data limitu li minnha l-irkupru tat-telf ma jittieħidx inkunsiderazzjoni iktar fil-kuntest tal-analiżi (premessi 360 u 361 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-metodu tal-FTA jawtorizza telf inizjali fiż-żmien qasir, iżda jimponi l-irkupru tagħhom fuq perijodu raġonevolment twil, il-Kummissjoni kellha tiddetermina l-perijodu tal-irkupru xieraq f’dan il-każ (premessa 351 tad-deċiżjoni kkontestata).

215    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 354 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-approċċ l-iktar raġonevoli kien ikun li jiġi limitat il-perijodu ta’ analiżi għall-perijodu tal-ħajja ekonomika tal-assi użati mill-impriża kkonċernata. Fil-premessa 359 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, f’din il-kawża, il-perijodu xieraq għall-analiżi tal-FTA kien dak inkluż bejn ix-xhur ta’ Settembru 2001 u Diċembru 2006 (ħames snin u erba’ xhur) u, barra minn hekk, li dak il-perijodu kien favorevoli għal Telefónica peress li l-marġni tal-attivitajiet tagħha downstream kienet żdiedet maż-żmien.

216    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkontestaw il-metodu tal-kalkolu tal-valur finali użat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-FTA (premessa 363 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma jsostnu li l-metodu tal-kalkolu tal-valur finali tas-servizzi bl-imnut tal-high speed internet tal-Kummissjoni ma jaqbilx mal-metodi ta’ evalwazzjoni normalment applikati għall-impriżi. L-approċċ tal-Kummissjoni jkun skorrett, sa fejn dan jirrigwarda, f’din il-kawża, li tiġi evalwata impriża li għandha assi mhux korporali kumplessi. B’hekk, l-ispejjeż ta’ Telefónica fl-attività kummerċjali tagħha bl-imnut tal-high speed internet jippermettu li jiġu vvalorizzati, minbarra l-bażi tal-klijenti, l-assi bħal dawk tat-trade marks tagħha, ir-relazzjonijiet mal-klijenti tagħha, in-know how tagħha u l-kapaċità organizzattiva tagħha. Issa, assi bħal dawn ikollhom ħajja ekonomika itwal sew mill-ħames snin u erba’ xhur li semmiet il-Kummissjoni, b’mod li l-perijodu ta’ referenza kellu jkun estiż wara x-xahar ta’ Diċembru 2006.

217    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li permezz tiegħu huma jsostnu li l-estensjoni tal-perijodu ta’ referenza fl-analiżi tal-FTA ma żżidx ir-riskju ta’ żbalji ta’ previżjoni jew ta’ teħid inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-analiżi ta’ kumpens għal aġir antikompetittiv.

218    Hekk kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessi 333 u 334 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-metodu tal-FTA jippermetti li jiġi kkumpensat it-telf inizjali permezz tal-profitti futuri, ir-riżultati ta’ dan il-metodu huma fir-riskju effettivament kemm li jiddependu mill-previżjonijiet mhux raġonevoli tal-impriża dominanti fir-rigward tal-profitti futuri tagħha mbassra, li jistgħu jwasslu għal riżultat żbaljat, kif ukoll li jinkludu profitti fit-tul li jkunu r-riżultat ta’ tisħiħ tas-setgħa tas-suq tal-impriża dominanti.

219    F’dan ir-rigward, għandhom wkoll jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-fatt li jitnaqqas il-perijodu analizzat iwassal sabiex jiġi sottoevalwat il-“valur kummerċjali” ta’ Telefónica u jinjora l-valur tal-assi ta’ Telefónica wara l-2006.

220    B’hekk, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni ma injoratx il-valur tal-assi ta’ Telefónica wara l-2006. Hija min-naħa l-oħra ġustament qieset li f’din il-kawża, bid-differenza ta’ metodu li jkollu bħala għan li jevalwa kumpannija bil-għan tax-xiri jew il-bejgħ tagħha, ma huwiex rilevanti li jiġi stabbilit jekk it-telf ta’ Telefónica fil-perijodu 2001‑2006 setax jiġi kkumpensat minn profitti futuri ipotetiċi sa mill-2007. Fil-fatt, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-attività downstream tal-impriża dominanti kellha tkun profittabbli fuq tul korrispondenti għat-tul tal-ħajja tal-assi tagħha. Fil-każ kuntrarju, il-politika tal-prezz ta’ Telefónica jista’ jkollha effett negattiv fuq il-kompetizzjoni (premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata).

221    It-tieni nett, l-argument li jgħid li l-Kummissjoni ma tagħti l-ebda spjegazzjoni fuq it-tul tal-perijodu magħżul għall-analiżi tal-FTA, li minħabba dan il-fatt ikun arbitrarju, għandu b’hekk jiġi miċħud.

222    Qabel kollox, fil-premessi 351 sa 359 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-approċċ l-iktar raġonevoli jikkonsisti f’li jiġi limitat il-perijodu ta’ analiżi għaż-żmien ta’ ħajja tal-assi użati mill-impriża kkonċernata, il-profitti kollha ekonomiċi previsti li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn l-assi tkun b’hekk ikkunsidrata fl-evalwazzjoni tal-profitabbiltà tagħha. Hija żiedet ukoll li perijodu ta’ ħames snin jikkoinċidi mat-tul tal-ħajja ekonomika medja tal-elementi tan-netwerk tat-TESAU neċessarji sabiex jipprovdu servizzi ADSL bl-imnut fuq il-bażi tal-prodott bl-ingrossa reġjonali, hekk kif jirriżulta mill-pjan ta’ negozju inizjali tiegħu, kif ukoll bit-tul ta’ ħajja medja tal-elementi tan-netwerk tal-operaturi alternattivi, bħal France Telecom u Auna. Il-Kummissjoni semmiet ukoll li dan it-tul kien superjuri għall-perijodu ta’ ammortizzazzjoni tal-ispejjeż tal-kisba tal-abbonati ta’ TESAU u li huma kienu koerenti mal-perijodu użat mir-regolatur tat-telekomunikazzjonijiet fir-Renju Unit. Fid-dawl tal-provi, li, f’kull każ, ma jippermettux li r-rikorrenti jippretendu li l-Kummissjoni ma tat l-ebda spjegazzjoni dwar it-tul tal-perijodu ta’ analiżi li hija użat, hemm lok li jitqies li dan it-tul tal-perijodu ta’ analiżi ma ġiex iffissat b’mod arbitrarju u li dan ma kienx ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

223    F’dan ir-rigward, fil-każ tal-iffissar tat-terminu tal-perijodu li fih il-profitabbiltà kellha tintlaħaq, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-riferiment għall-pjanijiet ta’ negozju ta’ Telefónica, billi jsostnu li l-analiżi li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha [kunfidenzjali], li tikkonferma li t-telf li kkonstatat il-Kummissjoni fil-perijodu [kunfidenzjali] huwa dovut għan-nuqqas ta’ maturità tas-suq Spanjol tal-broadband. Madankollu, minn naħa, jirriżulta mill-atti li l-pjan ta’ negozju [kunfidenzjali] effettivament jikkonċerna l-valur totali tal-attivitajiet kollha. Min-naħa l-oħra, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, il-kontabbiltà tal-ispejjeż u l-pjan ta’ negozju ta’ Telefónica juru, l-ewwel nett, li Telefónica [kunfidenzjali], din kienet ikkalkolat li l-limitu tagħha ta’ profittabbiltà kien ta’ [kunfidenzjali] ta’ utenti finali ADSL, ċifra li kienet intlaħqet [kunfidenzjali], sussegwentement, li hija kienet tipprovdi għal limitu ta’ profittabbiltà f’termini ta’ riżultat qabel it-taxxi, interessi, ammortizzazzjonijiet u provvedimenti (EBITDA) u profitti qabel it-taxxa u piżijiet finanzjarji (EBIT) f’[kunfidenzjali] u, fl-aħħar nett, li hija kienet tistenna valur attwalizzat nett (iktar ’il quddiem il-“VAN”) [kunfidenzjali] (bl-esklużjoni ta’ kull valur finali ) fil-perijodu [kunfidenzjali]. Huwa b’hekk mingħajr ma tikkommetti żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset li t-telf ikkonstatat għall-perijodu [kunfidenzjali] ma għandhomx jitqiesu li huma dovuti għan-nuqqas ta’ maturità tas-suq Spanjol tal-broadband.

224    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li ma huwiex eżatt li l-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni, li tinkludi valur finali li jirrifletti l-ħajja ekonomika residwa tal-immobilizzazzjonijiet u tal-klienti miksuba, hija iktar favorevoli għal Telefónica minn dik użata minnha fil-pjan tagħha ta’ negozju inizjali (premessi 362 u 363 tad-deċiżjoni kkontestata), minħabba x-xenarju temporali iktar vast ([kunfidenzjali] sena) sostnut minn Telefónica fih. Huma jsostnu wkoll li l-imsemmija metodoloġiji ma humiex simili (nota ta’ qiegħ il-paġna 810 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li Telefónica kienet qieset li l-bażi tagħha tal-klijenti kienet kostanti u mhux fi proċess ta’ tnaqqis. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-pjanijiet ta’ żvilupp ta’ Telefónica, imsemmija fil-premessa 367 tad-deċiżjoni kkontestata, huma irrilevanti fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur finali.

225    F’dan ir-rigward għandu jingħad li r-rikorrenti ma jippreċiżawx, fl-atti tagħhom, ir-raġunijiet li għalihom l-argument tagħhom, anki jekk huwa fondat, huwa ta’ natura li jwassal għall-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, anki fil-każ, kif isostnu r-rikorrenti, li l-metodu adottat mill-Kummissjoni ma jkunx iktar favorevoli għal Telefónica minn dak li użaw fil-pjan ta’ negozju inizjali tagħhom jew li l-metodoloġiji inkwistjoni ma jkunux simili, ma jirriżultax li l-konstatazzjonijiet li jirrigwardaw il-valur finali, li jidhru b’mod partikolari fil-premessi 360 sa 362 tad-deċiżjoni kkontestata, u d-determinazzjoni tal-valur finali fil-kuntest tal-kalkolu tal-FTA huma żbaljati. Min-naħa l-oħra, għandu jingħad li l-pjanijiet ta’ żvilupp ta’ Telefónica ssemmew fil-premessa 367 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jintwera li, kuntrarjament għal dak li ssostni Telefónica, il-kalkolu mill-Kummissjoni tal-valur finali ma kienx mingħajr preċedent. Issa, anki fil-każ fejn konstatazzjoni bħal din tkun żbaljata, dan ma jwassalx għall-illegalità tal-kalkolu tal-valur finali li jidher fid-deċiżjoni kkontestata.

226    Barra minn hekk, għalkemm, ċertament, ix-xenarju temporali previst minn Telefónica fil-pjan tagħha ta’ negozju [kunfidenzjali] kien effettivament ta’ [kunfidenzjali] sena (perijodu [kunfidenzjali]), li ġie ammess mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, għandu jitqies li mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, l-Kummissjoni ddeċidiet li tul bħal dan kien twil wisq sabiex tiġi mistennija profittabbiltà ta’ operatur ipotetiku downstream (ara f’dan ir-rigward il-punti 216 sa 220 iktar ’il fuq).

227    F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li mill-atti jirriżulta li l-kalkolu tal-VAN għall-attività bl-imnut għall-perijodu [kunfidenzjali], seħħ skont l-istess metodu bħal dak użat minn Telefónica fil-pjan ta’ negozju tagħha “Objetivo Verne 2002”, [kunfidenzjali]. L-argument tar-rikorrenti, ifformulat fis-seduta, li jgħid li l-Kummissjoni ma kellhiex tuża l-previżjonijiet ta’ Telefónica li jidhru fl-imsemmi pjan, iżda kellha titlob lil din tal-aħħar il-previżjonijiet tagħha aġġornati fil-mument fejn hija twettaq il-kalkolu tal-valur finali, ma għandux jiġi ammess. Fil-fatt, huwa raġonevoli li jitqies li previżjonijiet bħal dawn, aġġornati fil-mument tal-imsemmi kalkolu, iżidu r-riskju, fil-kuntest tal-analiżi tal-kumpens, li jitqies li huwa aġir antikompetittiv.

228    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni setgħet tikkalkola valur finali iktar xieraq, ibbażat fuq data tas-suq. Minn naħa, approċċ alternattiv iddestinat li jevalwa l-flussi finanzjarji sa mill-2006 kien jikkonsisti f’li tiġi użata informazzjoni fuq valur tat-tranżazzjonijiet komparabbli, b’applikazzjoni tal-“metodu tal-multipli”, li l-għan tiegħu huwa li tiġi evalwata l-attività ta’ impriża billi din tiġi kkomparata mal-prezz imħallas għall-attivitajiet kummerċjali simili. L-użu ta’ metodu bħal dan ikollu l-vantaġġ li ma jeħtieġ l-ebda presuppost li jirrigwarda t-terminu tal-attività kkunsidrata. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-multipli tal-EBITDA, fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tagħmilx sens għall-impriżi li għandhom potenzjal għoli ta’ tkabbir. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minbarra l-multiplu tad-dħul użat minn Telefónica fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni setgħet tuża multiplu proprju għas-settur.

229    Għandu jitqies li l-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-użu, f’din il-kawża, ta’ valur finali jinkludi l-profitti kollha futuri tal-impriża kkonċernata li ma huma la raġonevoli u lanqas xierqa fil-kuntest tal-kalkolu tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

230    Fil-fatt, l-ewwel nett, approċċ bħal dan, li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-profitti kollha futuri tal-impriża kkonċernata, ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk, fir-rigward b’mod partikolari tal-ispejjeż imħallsa mill-operaturi alternattivi għal Telefónica għall-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali, operatur downstream daqstant effettiv daqs Telefónica jista’ jirkupra t-telf inizjali tiegħu u jilħaq bilanċ permezz tal-profitti ġġenerati mill-attività tiegħu fis-suq downstream f’perijodu ta’ referenza partikolari. Barra minn hekk, metodu bħal dan ma jikkunsidrax iktar it-tul tal-ħajja medja tal-assi kkonċernati, u lanqas tal-fatt li, f’suq kompetittiv, kompetitur ġdid ma jkunx f’pożizzjoni li jikkunsidra t-totalità tal-profitti eventwali tiegħu futuri sabiex jiġu kkumpensati t-telf inizjali rreġistrati bid-dħul tagħha fis-suq. Fl-aħħar nett, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata, approċċ bħal dan jippermetti, jekk ikun il-każ, lil impriża tadotta b’suċċess strateġija ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet billi tiffissa, preliminarjament, prezzijiet li jistgħu, wara perijodu partikolari, jeskludu l-kompetituri u tipproċedi, sussegwentement, kemm li tgħolli l-prezzijiet li jippermettulha, fiż-żmien, tirkupra t-telf inizjali tagħha kif ukoll li żomm l-imsemmija prezzijiet ogħla mil-livell tal-kompetituri, ħaġa li tkun possibbli permezz tan-nuqqas tad-dħul jew ta’ tkabbir sinjifikattiv tal-kompetituri fis-suq inkwistjoni (ara wkoll il-premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata).

231    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li “l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ evalwazzjoni korretta, li huwa bbażat fuq iċ-ċifri tas-suq sabiex jiġi kkalkolat il-valur finali, ikun wera li l-attività ta’ kompetitur eventwali daqstant effiċjenti bħal Telefónica kienet tkun profittabbli”. Madankollu, argument bħal dan bl-ebda mod ma huwa spjegat, u lanqas żviluppat, fl-atti tagħhom, peress li r-rikorrenti jirreferu, b’mod ġenerali, għal għaxar paġni ta’ studju ekonomiku mehmuż bħala anness. B’hekk, għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-punti 58 sa 63 iktar ’il fuq.

232    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud it-tieni lment tal-ewwel parti tal-ħames motiv.

–       Fuq it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji mwettqa fl-analiżi ta’ “perijodu b’perijodu”

233    Fil-kuntest tal-ilment preżenti, ir-rikorrenti jifformulaw bosta kritiki fir-rigward tal-analiżi “perijodu b’perijodu” li saret mill-Kummissjoni.

234    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kkunsidratx korrettament ċ-CMILT ta’ kummerċjalizzazzjoni.

235    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ispejjeż marġinali ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu parti mill-ispejjeż tal-kisba tal-abbonati ta’ Telefónica (premessi 458 sa 463 tad-deċiżjoni kkontestata), li jinkludu mhux biss il-premiums u l-kummissjonijiet (bl-esklużjoni tas-salarji) mogħtija għan-netwerk tal-bejgħ ta’ Telefónica għal kull abbonat ġdid, iżda wkoll għall-iżvilupp tal-istruttura kummerċjali ta’ Telefónica, peress li espansjoni bħal din kienet possibbli permezz tal-attività tagħha tal-broadband.

236    Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-ispejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-Kummissjoni affermat, fil-premessi 464 sa 473 tad-deċiżjoni kkontestata, li Telefónica kienet issottovalutat ċ-CMILT, peress li hija kienet inkludiet biss il-premiums u l-kummissjonijiet mogħtija lin-netwerk ta’ bejgħ għal kull abbonat ġdid, bl-esklużjoni ta’ kull spiża dwar l-istruttura kummerċjali tal-kumpannija. Skont il-Kummissjoni, anki jekk l-istruttura kummerċjali ta’ Telefónica tifforma parti mill-ispejjeż komuni tagħha, ma jistax jingħad li hija għandha l-istess daqs (fin-numru ta’ ħaddiema) għalkemm il-kumpannija ma toffrix servizzi bl-imnut ta’ broadband (premessi 465 u 470 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessa 472 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm, ċertament, sabiex tikkalkola b’mod raġonevoli l-ispiża żejda tal-kummerċjalizzazzjoni, kien ikun possibbli li tibbaża ruħha fuq l-allokazzjoni effettiva tal-impjegati kummerċjali ta’ Telefónica għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi bl-imnut ta’ broadband, f’din il-kawża, Telefónica, fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull wieħed mill-attivitajiet tagħha, tissottovaluta nettament l-ispiża żejda tal-attività bl-imnut tal-broadband, li kienet diġà ġiet ikkritikata miċ-CMT. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessa 473 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’din il-kawża, fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija minn Telefónica u minħabba l-fatt li ma jeżisti ebda studju, madankollu mitlub miċ-CMT, li janalizza l-attenzjoni mogħtija mill-impjegati kummerċjali għal kull wieħed minn dawn is-swieq bl-imnut tal-kumpannija, il-kalkolu tal-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ kellu jintuża bħala ammont approssimattiv taċ-CMILT li huwa favorevoli għall-kumpannija.

237    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra ċ-CMILT ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq il-bażi tad-data kontabbli ma’ Telefónica, iżda kellha tuża sorsi ta’ data alternattivi, bħat-tabelli tar-riżultati ta’ Telefónica.

238    Hekk kif jirriżulta mill-premessi 319 u 320 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispiża inkrementali fit-tul ta’ prodott jikkorrispondi mal-piżijiet speċifiċi tal-prodott sostnuti mill-impriża fit-tul marbuta mal-volum totali tal-produzzjoni tal-imsemmi prodott u, b’hekk, mal-ispejjeż li l-impriża kienet evitat fit-tul kieku hija kienet iddeċidiet li ma tipproduċix dan il-prodott. Il-Kummissjoni b’hekk sostniet li l-ispiża inkrementali fit-tul tal-prodott kellha tinkludi mhux biss l-ispejjeż kollha ffissati u varjabbli direttament marbuta mal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, iżda wkoll proporzjon tal-ispejjeż komuni marbuta ma’ din l-attività. Ir-rikorrenti ma jikkontestawx din il-konstatazzjoni. B’hekk jirriżulta li ċ-CMILT ikkalkolata korrettament għandha tinkludi proporzjoni tal-ispejjeż marbuta mal-istruttura kummerċjali ta’ Telefónica li l-kumpannija kienet tkun evitat fit-tul kieku hija ma kinitx ipprovdiet is-servizzi bl-imnut tal-high speed internet.

239    Issa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-istima taċ-CMILT ta’ kummerċjalizzazzjoni, hekk kif tidher fl-analiżi tat-telf u tal-profitti tal-attività bl-imnut (Economics ADSL) (premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata) u fit-tabella tar-riżultati (ADSL Scorecard) tal-attività tal-broadband (premessi 408 sa 410 tad-deċiżjoni kkontestata), ma tinkludix bħala spejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni [kunfidenzjali], u b’hekk jissottovalutaw iċ-CMILT tal-prodott bl-imnut tal-broadband ta’ Telefónica. Għalkemm, ċertament, ir-rikorrenti jsostnu li [kunfidenzjali], għandu jingħad li dan [kunfidenzjali], b’mod li l-Kummissjoni ġustament qieset li ċ-CMILT tal-prodott bl-imnut tal-broadband ta’ Telefónica kienet issottovalutata.

240    It-tieni nett, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, l-approċċ tar-rikorrenti ma hijiex sostenibbli f’din il-kawża, peress li hija terġa’ tikkunsidra li d-delegati kummerċjali ma jiddedikawx parti mill-ħin tagħhom għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti bl-imnut tal-broadband ta’ Telefónica. Min-naħa l-oħra, f’ittra tal-1 ta’ April 2005 indirizzata lill-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 472 tad-deċiżjoni kkontestata, Telefónica stess irrikonoxxiet li kien “evidenti li l-ispiża fi premiums ma kinitx teżawrixxi l-kapitolu intitolat ‘spiża tal-kummerċjalizzazzjoni’” u li “jeħtieġ [li] jiġu miżjuda l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-istruttura kummerċjali ta’ TESAU (jiġifieri, spejjeż tal-persunal minbarra dawk li [kienu] effettwati direttament mal-bejgħ u l-ispejjeż ta’ immobilizzazzjoni, tal-istruttura u tal-appoġġ) f’dak li [kien] imputabbli għall-offerta ADSL bl-imnut”.

241    F’dan ir-rigward, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li, minn naħa, l-istruttura kummerċjali ta’ Telefónica tkun baqgħet stabbli sa mid-dħul tal-impriża fis-suq bl-imnut tal-high speed internet u, min-naħa l-oħra, li impjegati ta’ Telefónica jirrappreżentaw spiża fissa, diffiċilment aġġustabbli minħabba r-riġidità tas-suq tax-xogħol.

242    Fil-fatt, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li Telefónica ma żiditx l-impjegati kummerċjali tagħha sa mill-1999 ma jimplikax li parti mill-istruttura kummerċjali ta’ Telefónica ma tistax tkun direttament attribwibbli għall-attività bl-imnut tal-broadband tal-kumpannija. Hekk kif il-Kummissjoni indikat fil-premessa 469 tad-deċiżjoni kkontestata, indipendentement mill-allegata riġidità tas-suq tax-xogħol fi Spanja, huwa probabbli li d-daqs tal-istruttura kummerċjali ta’ Telefónica ma setax jinżamm kieku l-impriża ma kinitx offriet il-prodotti tagħha ta’ broadband bl-imnut, peress li d-dħul iġġenerat mill-attivitajiet tradizzjonali (vuċi u abonnament) kienu tbaxxew bejn l-2002 u l-2006 (premessa 466 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, għandu jitqies, bħal fil-każ tal-Kummissjoni (premessa 466 tad-deċiżjoni kkontestata, in fine), li l-forza kummerċjali ta’ TESAU hija prinċipalment iddedikata għat-tkabbir tal-attività tagħha tal-broadband, ħaġa li r-rikorrenti ma jikkontestawx. B’hekk, Telefónica stess qieset li t-tkabbir tal-grupp ikun alimentat mill-broadband. Barra minn hekk, id-dħul iġġenerat mis-servizzi tal-broadband żdied kunsiderevolment bejn l-2002 u l-2006, minkejja li d-dħul iġġenerat mill-attivitajiet tradizzjonali naqsu f’dan l-istess perijodu (premessi 466 u 467 tad-deċiżjoni kkontestata).

243    Barra minn hekk, mill-atti jirriżulta li bejn l-1999 u l-2006 Telefónica naqqset b’mod sinjifikattiv in-numru tal-impjegati tagħha (Telefónica stess kienet, bejn l-2003 u l-2007, naqqset il-persunal tagħha b’xi 14 000 impjegat), filwaqt li żammet grupp ta’ ħaddiema kummerċjalment stabbli, u li l-perċentwali tal-persunal assenjat għal funzjonijiet kummerċjali tela’ minn [kunfidenzjali] fl-2001 sa [kunfidenzjali] tal-ħaddiema tagħha fl-2006.

244    Peress li ma teżistix stima affidabbli tal-ħatra effettiva tal-istaff kummerċjali ta’ Telefónica għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti bl-imnut tal-high speed internet, bħala somma totali allokata għall-imsemmija kummerċjalizzazzjoni fir-rigward taż-żmien iddedikat mill-istaff kummerċjali għalihom (premessi 472 u 473 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ma eċċedietx il-marġni diskrezzjonali tagħha meta qieset li hija approssimazzjoni raġonevoli taċ-CMILT tal-kummerċjalizzazzjoni l-parti tal-ispejjeż li Telefónica tattribwixxi hija stess għall-attività bl-imnut ADSL [kunfidenzjali] fil-kontabbiltà tagħha tal-2005. Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jingħad li r-regola ta’ assenjazzjoni użata minn Telefónica sal-2004 kienet tqieset li hija inadegwata miċ-CMT, peress li hija ma kinitx ibbażata fuq l-assenjazzjoni tal-ispiża totali tal-kummerċjalizzazzjoni prorata taż-żmien iddedikat mill-persunal kummerċjali għall-prodotti bl-imnut tal-broadband.

245    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ssottovalutat it-tul tal-abbonament medju tal-klijentela ta’ Telefónica.

246    L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li ċertu numru ta’ aġġustamenti tal-ispejjeż ta’ Telefónica kienu twettqu sabiex tiġi pprovduta miżura adegwata, għal dak li jirrigwarda t-test tal-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, tal-ekwilibriju ekonomiku tas-servizzi ADSL bl-imnut ta’ Telefónica. Hija b’hekk enfasizzat li, fis-suq bl-imnut, l-ispejjeż għall-kisba ta’ klijenti ġodda tirrappreżenta parti importanti tal-ispejjeż li jkun assorbit f’qasir żmien u li jiġġenera profitti supplimentari fit-tul. B’hekk, il-Kummissjoni għamlet aġġustamenti fil-kotba ta’ Telefónica bħala ammortizzazzjoni tal-spejjeż għall-kisba ta’ klijenti ġodda fuq perijodu adegwat (premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, qieset li l-perijodu xieraq għall-ammortizzazzjoni tal-ispejjeż għall-kisba ta’ klijenti ta’ Telefónica, għall-finijiet tal-kawża preżenti, kien ta’ [kunfidenzjali] sena, dan it-tul jammonta għall-perijodu massimu użat mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u l-ARN, inkluż fosthom iċ-CMT, u li kien itwal miż-żmien previst minn Telefónica fil-pjan tagħha ta’ negozju inizjali sabiex tirkupra dawn l-ispejjeż. Il-Kummissjoni b’hekk ma użatx it-tul tal-abbonament medju tal-klijentela ta’ Telefónica, propost minn din tal-aħħar, għar-raġunijiet esposti fil-premessi 476 sa 485 tad-deċiżjoni kkontestata.

247    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex il-perijodu ta’ ammortizzazzjoni ta’ ċerti ARN u awtoritajiet tal-kompetizzjoni huwa iktar rilevanti mill-istimi kkunsidrati fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2003 (Każ COMP/38.233 — Wanadoo Interactive), speċjalment peress li t-tul massimu użat minn ċerti awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari l-awtorità Franċiża, huwa ta’ [kunfidenzjali] sena fuq il-bażi tat-tul medju tal-abbonament tal-abbonati (premessa 488 tad-deċiżjoni kkontestata). Argument bħal dan għandu madankollu jiġi miċħud, peress li l-Kummissjoni spjegat b’mod ċar il-motivi ta’ din l-għażla fil-premessi 486 sa 489 tad-deċiżjoni kkontestata.

248    It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma analizzatx il-pjanijiet kummerċjali ta’ Telefónica b’mod adegwat, peress li analiżi bħal din turi li l-ipoteżi sottostanti għaliha hija bbażata fuq stimi tal-valur maħluqa għal [kunfidenzjali]. Mistoqsija dwar il-portata u s-sens ta’ din l-affermazzjoni fis-seduta, ir-rikorrenti ddikjaraw, essenzjalment, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq interpretazzjoni ħażina tal-pjanijiet kummerċjali ta’ Telefónica sabiex ma tikkunsidrax it-tul tal-abbonament medju reali tal-abbonati ta’ Telefónica, li jkun, skont din, ta’ [kunfidenzjali]. L-argument tagħhom madankollu ma għandux jiġi interpretat bħala li għandu l-għan li jistabbilixxi tul medju tal-abbonament tal-abbonati ta’ Telefónica ta’ [kunfidenzjali] sena.

249    F’dan ir-rigward, hemm lok li l-argument tar-rikorrenti jiġi miċħud, peress li huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Hekk kif jirriżulta mill-premessi 477 sa 489 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat id-data li tirrigwarda t-tul tal-abbonament medju reali tal-klijenti ta’ Telefónica minħabba l-fatt, l-ewwel, li t-tul tal-abbonament medju tal-abbonati ta’ Telefónica kien wisq probabbilment ogħla minn dak li kellu jkun f’suq kompetittiv, it-tieni, li t-tul tal-abbonament propost minn Telefónica kien f’kontradizzjoni mal-affermazzjonijiet tagħha stess li jgħidu li s-suq bl-imnut kien ikkaratterizzat mill-ispejjeż relattivament baxxi sabiex jitbiddel il-fornitur u li jgħidu li r-rati ta’ tiġdid tal-abbonati tagħha (“churn rate”) kien ta’ [kunfidenzjali] % fix-xahar, li jikkorrispondi għal tul ta’ ħajja ta’ [kunfidenzjali] sena, it-tielet, li l-formula ta’ Telefónica ma setgħetx tapplika f’suq fi żvilupp u, ir-raba’, li t-tul ikkunsidrat mill-Kummissjoni jammonta għaż-żmien massimu kkunsidrat mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali. B’hekk, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq il-pjan ta’ negozju ta’ Telefónica sabiex jiġi miċħud it-tul tal-abbonament medju propost minnha, iżda llimitat ruħha li ssostni, fil-premessa 489 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-perijodu ta’ ammortizzazzjoni magħżul in fine kien [kunfidenzjali] għal dak li jidher fl-imsemmija pjanijiet u, b’hekk, iktar favorevoli għal Telefónica.

250    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-ipoteżi tal-Kummissjoni ma tikkorrispondix mar-realtà tal-aġir tal-klijenti ta’ Telefónica, peress li t-tul medju tal-abbonamenti ta’ Telefónica huwa ogħla minn [kunfidenzjali]. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jsostnu li l-applikazzjoni tat-teknika tal-istatistika kurrenti għall-istima tat-tul tal-abbonament medju tal-klijentela tippermetti li tinkiseb ċifra ogħla minn [kunfidenzjali]. Madankollu, argument bħal dan bl-ebda mod ma ġie spjegat u lanqas żviluppat fl-atti, u kien is-suġġett ta’ riferiment li tkopri, b’mod ġenerali, għaxar paġni ta’ studju ekonomiku mehmuż bħala anness. B’hekk ma għandux jiġi ammess.

251    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni setgħet tagħżel li tapplika kriterju ieħor ta’ ammortizzazzjoni. Madankollu, huma sempliċement jirreferu għal possibbiltà, li ma hijiex suffiċjenti sabiex jitqies li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-għażla tal-kriterji ta’ ammortizzazzjoni. B’hekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

252    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tissopravaluta l-ispejjeż tan-netwerk.

253    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet ikkalkolat b’mod żbaljat il-valur nett kontabbli tal-investiment, li kellu riperkussjonijiet fuq il-kalkolu tal-ispiża tal-kapital tan-netwek IP ta’ Telefónica. Il-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, irrikonoxxiet l-iżball tal-kalkolu allegat minn Telefónica. Hija madankollu sostniet li l-imsemmi żball bl-ebda mod ma jeffettwa l-kalkolu tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fil-livell tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali, li hija bl-ebda mod ma mmodifikat ir-riżultati tal-analiżi tal-FTA u li hija kellha biss, fl-analiżi tal-“perijodu b’perijodu”, effett limitat li ma jeffettwax il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fil-livell tal-prodott bl-ingrossa reġjonali. Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti ma jinvokawx iktar argumenti li jirrigwardaw il-kalkolu mill-Kummissjoni tal-valur nett kontabbli tal-investiment. Barra minn hekk, huma kkonfermaw, fis-seduta, li l-korrezzjoni tal-iżball tal-Kummissjoni ma kellhiex impatt fuq ir-riżultat tar-rikors. B’hekk ma hemmx lok li dan l-argument jiġi eżaminat.

254    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tapplika spiża medja peżata tal-kapital (WACC) eċċessiv u kostanti fil-perijodu kollu eżaminat.

255    Għandu jitfakkar li l-ispiża tal-kapital hija l-prezz stmat li l-impriża għandha tħallas sabiex tiġbor il-kapital użat, li tirrifletti wkoll id-dħul mistenni mill-investituri sabiex jinvestu fl-attivitajiet tal-impriża (premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessa 447 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ispiża tal-kapital hija kkalkolata permezz tal-WACC użata miċ-CMT fil-leġiżlazzjoni tas-settur tal-broadband ta’ TESAU u mressqa minn Telefónica stess, li kienet allegat li l-ispejjeż tas-settur tal-ADSL jippreżentaw riskju ikbar milli fil-każ ta’ setturi oħra. Il-WACC b’hekk ġiet iffissata, fid-deċiżjoni kkontestata, għal [kunfidenzjali] %. Din il-WACC hija wkoll dik li ġiet użata minn Telefónica fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessi 384, 385, 447 u 451 tad-deċiżjoni kkontestata).

256    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-WACC uffiċjali, approvat miċ-CMT, qatt ma qabeż [kunfidenzjali] %. Barra minn hekk, il-WACC medju użat minn Telefónica fil-pjan tagħha ta’ negozju għall-perijodu 2002‑2011 kien ta’ [kunfidenzjali]%. Argumenti bħal dawn madankollu ma jistgħux jintlaqgħu, peress li l-Kummissjoni spjegat, fl-atti tagħha, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-WACC li għaliha tirreferi Telefónica tikkorrispondi ma’ WACC medju, li jiġi kkalkolat mhux biss għall-attivitajiet tal-high speed internet bl-ingrossa u bl-imnut ta’ Telefónica, iżda wkoll għall-attivitajiet tagħha tat-telefonija fissa. Barra minn hekk, mill-atti jirriżulta li Telefónica stess tikkunsidra li l-WACC għall-attività ta’ high speed internet bl-imnut hija ħafna iktar għolja ([kunfidenzjali] %) mill-WACC medja għall-attività ta’ TESAU fl-intier tagħha. Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-rati ta’ remunerazzjoni tal-kapital approvati mill-korpi regolatorji jew mill-analisti fl-evalwazzjoni tal-impriżi ddedikati għall-provvista ta’ servizzi tal-high speed internet ma jilħqux il-livell tar-rati sostnuti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, peress li l-imsemmija rati ta’ remunerazzjoni ma jirrigwardawx speċifikament l-attivitajiet ta’ high speed internet bl-ingrossa u bl-imnut tal-imsemmija impriżi.

257    Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, iċ-CMT qatt ma rrikonoxxiet lil Telefónica rata ta’ remunerazzjoni ogħla għas-suq tal-high speed internet fir-rigward tal-attivitajiet l-oħra. Argument bħal dan ukoll ma jistax jiġi ammess. Fil-fatt, il-WACC użata fid-deċiżjoni kkontestata, li ġiet użata miċ-CMT fil-mudell tagħha “retail minus”, hija l-WACC għall-attività high speed internet downstream ta’ TESAU, li ġiet ikkonfermata miċ-CMT bħala risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2004. Minn din ir-risposta jirriżulta li ċ-CMT għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, il-WACC użata fil-kalkolu tal-prezzijiet tas-servizz ta’ aċċess indirett orjentat fuq l-ispejjeż (ta’ [kunfidenzjali] %) u, min-naħa l-oħra, il-WACC użata għall-kalkolu tal-prezzijiet bl-ingrossa fissi skont il-mudell “retail minus” (ta’ [kunfidenzjali] %). Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li Telefónica stess użat WACC ta’ [kunfidenzjali] % fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

258    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-allegazzjonijiet tagħhom li jirrigwardaw il-WACC ifformulati fil-kuntest tal-offerta ta’ aċċess għal-loop tal-abbonat fl-2002 ma jiġġustifikawx li dawn jiġu użati fil-perijodu kollu eżaminat, peress li l-imsemmija offerta kienet ġiet ifformulata f’mument fejn Telefónica kienet qed twettaq investimenti kbar f’kundizzjonijiet ta’ inċertezza teknoloġika massima u ta’ domanda għal żvilupp tal-high speed internet. Madankollu, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta f’dan ir-rigward mir-rikorrenti fis-seduta, meta l-imsemmija offerta kienet ġiet ifformulata minn Telefónica fl-2002, l-attività tagħha ta’ high speed internet kienet diġà profittabbli.

259    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni daħħlet fil-kotba darbtejn iktar drabi spejjeż individwali [jiġifieri, l-ispejjeż mhux rikorrenti tal-pjattaforma FAI (fornitur ta’ aċċess għall-Internet) u l-ispejjeż tal-istudji tas-suq ADSL] u li l-spejjeż individwali huma frekwentement inkoerenti fiż-żmien.

260    Minn naħa, fir-rigward tad-dħul doppju fil-kotba ta’ ċerti spejjeż individwali, ir-rikorrenti jallegaw li l-ispejjeż tax-xiri tal-pjattaforma FAI inklużi fit-tabella 29 tad-deċiżjoni kkontestata jidhru diġà taħt it-titolu korrispondenti għall-spejjeż rikorrenti ta’ din il-pjattaforma, inklużi fit-tabella 27 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż li jidhru taħt it-titolu “Osservazzjoni tas-suq” kienu wkoll imdaħħla fil-kotba darbtejn.

261    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-data kkontestata, li tidher fit-tabelli 27 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata, huma konformi mad-data li ġiet ikkomunikata mir-rikorrenti stess lill-Kummissjoni fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

262    Min-naħa l-oħra, għandu jingħad li, fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti sempliċement isostnu li l-Kummissjoni tqis b’mod żbaljat l-ispejjeż ta’ Telefónica billi tirrikorri għal sorsi inkoerenti u jirreferu għal erba’ paġni ta’ anness. Fir-replika tagħhom, huma jikkunsidraw li huma kull ma setgħu jagħmlu huwa li joqogħdu fuq l-ispjegazzjonijiet fuq l-ispejjeż ipprovduti fir-rikors u jirreferu wkoll għal tliet paġni ta’ anness mehmuż miegħu. Għandu jiġi enfasizzat li, fl-atti tagħhom, ir-rikorrenti ma jipprovdu l-ebda spjegazzjoni li tirrigwarda dawn l-allegati entrati doppji fil-kotba. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tispjega li l-ispejjeż li jidhru fit-tabella 27 huma rikorrenti, peress li l-ispejjeż li jidhru fit-tabella 29 huma mhux rikorrenti. Mistoqsija f’dan ir-rigward fis-seduta, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kienet użat data provenjenti mit-tabelli tar-riżultati ta’ Telefónica, li ma jagħmlux distinzjoni bejn l-ispejjeż rikorrenti u l-ispejjeż mhux rikorrenti inkwistjoni. Madankollu, id-dokumenti li jidhru fl-atti tal-Qorti Ġenerali li għalihom ir-rikorrenti rreferew speċifikament fis-seduta sabiex isaħħu l-proposti tagħhom provenjenti mid-dokument “Economics ADSL”, li hija l-analiżi mwettqa minn Telefónica tat-telf u tal-profitti tal-attività tagħha bl-imnut. Issa, jirriżulta speċifikament mill-premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata, mhux ikkontestata mir-rikorrenti, li dan id-dokument huwa analiżi “bbażat fuq [l]-evalwazzjoni proprja [ta’ Telefónica] tal-ispejjeż inkrementali tal-ispejjeż tagħha minbarra n-netwerk (spejjeż għall-kisba ta’ klijenti u spejjeż rikorrenti tal-FAI)” u li, b’hekk, l-ispejjeż tal-pjattaforma FAI li jidhru f’dan l-istadju ma jinkludux l-ispejjeż mhux rikorrenti. Fir-rigward tal-allegati entrati doppji fil-kotba tal-ispejjeż rikorrenti tal-“osservazzjoni tas-suq”, li jidhru fit-tabella 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma diġà inklużi fl-“ispejjeż l-oħra ta’ produzzjoni”, li jidhru fl-istess tabella, għandu jingħad li din l-affermazzjoni bl-ebda mod ma hija sostnuta. L-argument tar-rikorrenti b’hekk ma għandux jintlaqa’.

263    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-ispejjeż individwali huma inkoerenti fiż-żmien, għandu jingħad li Telefónica ma pprovdietx l-ispejjeż unitarji tagħha għall-2001 minkejja t-talbiet f’dan is-sens tal-Kummissjoni (nota ta’ qiegħ il-paġna 464 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeterminat l-ispejjeż ta’ Telefónica għas-sena 2001 sa mid-data kontabbli fil-pussess tagħha jew, fin-nuqqas, fuq il-bażi tal-istimi li jidhru kemm fid-dokument intitolat “Economics ADSL”, kif ukoll fit-tabelli tar-riżultati tal-parti kkonċernata. Ir-rikorrenti min-naħa l-oħra ma kkontestawx dan l-approċċ fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fl-ittra li tesponi l-fatti. B’hekk, l-argument tagħhom ma għandux jintlaqa’.

264    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm lok li jintqal xi ħaġa dwar l-effetti, fuq il-kalkolu tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, tal-iżbalji allegati.

265    L-ewwel parti tal-ħames motiv għandha b’hekk tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

 Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti skont id-dritt l-effetti probabbli jew konkreti tal-aġir eżaminat

266    Fil-kuntest tal-parti preżenti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-effetti probabbli jew konkreti tal-aġir ta’ Telefónica.

267    Konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 170 iktar ’il fuq, billi tipprojbixxi l-użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti, sa fejn il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat, l-Artikolu 82 KE jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq jew, sussegwentement preċiżament fil-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà dgħajjef, għandu bħala effett li jostakola, permezz tal-mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi fuq il-bażi tas-servizzi tal-operaturi ekonomiċi, għaż-żamma tal-livell tal-kompetizzjoni eżistenti fis-suq jew għall-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni.

268    L-effett li tirreferi għalih il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti ma jikkonċernax neċessarjament l-effett konkret tal-aġir abbużiv allegat. Għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, huwa suffiċjenti li jintwera li l-aġir abbużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti ikollu t-tendenza li jillimita l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir ikun ta’ natura li jkollu, jew li jista’ jkollu effett bħal dan (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 239; tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni, T‑219/99, Ġabra p. II‑5917, punt 293, u Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 58, iċċitata iktar ’il fuq, punt 867). B’hekk, l-effett antikompetittiv tal-prattika tariffarja fis-suq għandu jeżisti, iżda ma għandux neċessarjament ikun konkret, peress li huwa suffiċjenti li jintwera effett antikompetittiv potenzjali ta’ natura li tipprekludi lill-kompetituri effettivi għall-inqas daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

269    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti użatx b’mod abbużiv din il-pożizzjoni bl-applikazzjoni tal-prattiki tariffarji tagħha, għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha u jiġi eżaminat jekk din il-prattika għandhiex it-tendenza li tneħħi lix-xerrej, jew li tillimitalu, il-possibbiltajiet tal-għażla f’dak li jirrigwarda s-sorsi tiegħu ta’ provvista, li tagħlaq l-aċċess tas-suq lill-kompetituri, li jiġu applikati lil imsieħba kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti, u minħabba dan il-fatt jiġi impost fuqhom svantaġġ fil-kompetizzjoni, jew li tissaħħaħ il-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 175, u TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

270    Peress li l-Artikolu 82 KE b’hekk jinkludi mhux biss il-prattiki li jistgħu jikkawżaw dannu immedjat lill-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu għall-andament tal-kompetizzjoni, l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, permezz tal-aġir tagħha, kompetizzjoni effettiva u mhux imxekkla fis-suq komuni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 176, u l-ġurisprudenza ċċitata).

271    B’hekk jirriżulta li l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi, b’mod partikolari, li impriża f’pożizzjoni dominanti twettaq prattiki tariffarji li jipproduċu effetti ta’ ħruġ mis-suq għall-kompetituri tagħha daqstant effettivi, attwali jew potenzjali, jiġifieri għall-prattiki li huma kapaċi jagħmlu iktar diffiċli, anki impossibbli, l-aċċess għas-suq ta’ dawn tal-aħħar, kif ukoll li jagħmlu iktar diffiċli, anki impossibbli, għall-dawn il-kompetituri, l-għażla bejn numru ta’ sorsi ta’ provvista jew imsieħba kummerċjali, u b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tirrikorri għal mezzi oħra milli dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni fuq il-mertu. F’din il-perspettiva, kull kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet b’hekk ma tistax titqies li hija leġittima (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 177, u l-ġurisprudenza ċċitata).

272    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li fid-dawl tal-medda ta’ żmien li għaddiet bejn il-bidu tal-aġir inkriminanti u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx xieraq li jsir test tal-effetti probabbli, peress li l-Kummissjoni għandha ż-żmien neċessarju sabiex turi l-materjalità tal-allegati effetti antikompetittivi marbuta mal-aġir inkwistjoni. Argument bħal dan madankollu ma jkollu ebda bażi fil-ġurisprudenza.

273    It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni (T‑5/02, Ġabra p. II‑4381, punt 153), li jgħid li, anki jekk tibbaża ruħha fuq analiżi tal-effetti probabbli, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li l-aġir ta’ Telefónica kien ikollu, “probabbilment”, effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni kif ukoll fuq il-konsumaturi. Fil-fatt, din is-sentenza ngħatat f’kawża li tirrigwarda l-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, li fiha l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ analiżi prospettiva, għandha tipprojbixxi konċentrazzjoni tat-tip konglomerat jekk din “tkun tista’ tikkonkludi, minħabba l-effetti ta’ konglomerat illi hija [tikkonstata], illi pożizzjoni dominanti aktarx ser tinħoloq jew tiġi msaħħa fil-futur qrib u ser trażżan b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq”. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 71, iċċitata iktar ’il fuq (punti 42 u 43), analiżi prospettiva tal-kreazzjoni jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, bħal dik li hija meħtieġa fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, teħtieġ li sseħħ b’attenzjoni kbira, peress li ma huwiex każ li jsir eżami tal-avvenimenti tal-passat, li dwarhom spiss jeżistu ħafna elementi li jippermettu li jiġu mifhuma l-kawżi. Issa, sitwazzjoni bħal din ma hijiex komparabbli mal-każ preżenti.

274    It-tielet nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 268 iktar ’il fuq, hemm lok li tiġi vverifikata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti probabbli tal-aġir ta’ Telefónica huma purament teoretiċi u ma humiex sostnuti.

275    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-effetti probabbli tal-aġir ta’ Telefónica ġew eżaminati fil-premessi 545 sa 563 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, il-Kummissjoni kkonstatat li hija kienet probabbilment illimitat il-kapaċità tal-operaturi ADSL li jikbru b’mod sostenibbli fis-suq bl-imnut. L-ewwel nett, sabiex issaħħaħ din il-konklużjoni, hija rreferiet għall-fatt li l-operaturi ADSL kellhom japplikaw prezzijiet iktar baxxi bl-imnut minn ta’ Telefónica bil-għan li jiksbu klijenti. Hija enfasizzat li kien irriżulta telf li ma kienx rekuperabbli f’terminu raġonevoli f’suq kompetittiv (premessa 546 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija bbażat ruħha b’mod partikolari għal dan il-għan fuq il-konstatazzjonijiet li saru fil-premessi 251 sa 253 tad-deċiżjoni kkontestata. Imbagħad, b’riferiment għall-konstatazzjonijiet imwettqa fil-premessi 223 sa 242 tad-deċiżjoni kkontestata, hija qieset b’mod partikolari li l-kompetituri ADSL fis-suq bl-imnut ma kellhomx input alternattiv vijabbli. Hija b’hekk irreferiet għar-relazzjoni ta’ dipendenza tal-operaturi alternattivi għall-prodotti bl-ingrossa ta’ Telefónica (premessi 547 u 548 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, hija qieset li l-aġir ta’ Telefónica kien probabbilment irrenda diffiċli ż-żamma kontinwa tal-preżenza fis-suq tal-kompetituri effettivi daqs Telefónica u li Telefónica kienet f’pożizzjoni li, permezz tal-aġir tagħha, iġġiegħel lill-operaturi alternattivi jfittxu ekwilibriju bejn il-profittabbiltà tagħhom u t-tkabbir tas-sehem tagħhom mis-suq, u b’hekk tillimita l-pressjoni kompetittiva eżerċitata fuqha (premessi 549 sa 552 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-aġir ta’ Telefónica kien probabbilment ippreġudika lill-konsumaturi finali, peress li l-kompetizzjoni, li ġiet limitata permezz tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, setgħet tbaxxi l-prezzijiet bl-imnut (premessi 556 sa 559 tad-deċiżjoni kkontestata).

276    Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jidhru fil-premessi 545 sa 563 tad-deċiżjoni kkontestata ma għandhomx jitqiesu li huma “purament teoretiċi” jew insuffiċjentement sostnuti. Għall-kuntrarju, huma juru b’mod suffiċjenti skont il-liġi x-xkiel eventwali li l-prattiki tariffarji ta’ Telefónica setgħu jikkawżaw fil-livell tal-kompetizzjoni tas-suq bl-imnut. B’hekk, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, l-Kummissjoni kkonkludiet li l-aġir ta’ Telefónica kien probabbilment saħħaħ il-barrieri għad-dħul u għall-espansjoni f’dan is-suq u li, fin-nuqqas tad-distorsjonijiet li jirriżultaw mill-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-kompetizzjoni setgħet kienet iktar ħajja fis-suq bl-imnut, ħaġa li kienet tkun ta’ vantaġġ għall-konsumaturi f’dak li jirrigwarda prezz, għażla u innovazzjonijiet.

277    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti li għandhom l-għan li jpoġġu fid-dubju din il-konklużjoni ma għandhomx jintlaqgħu.

278    B’hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-test tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet użat mill-Kummissjoni huwa estranju għall-kriterji li jiddeterminaw id-deċiżjonijiet strateġiċi tal-operaturi alternattivi fis-suq bl-imnut.

279    Minn naħa, fir-rigward tal-argument li jgħid li kompetitur daqstant effiċjenti daqs Telefónica ma kienx jadotta d-deċiżjonijiet strateġiċi tiegħu abbażi mhux biss tat-tul tal-ħajja tal-impjegati tiegħu, iżda wkoll abbażi tal-perijodu neċessarju sabiex jagħmel profitt fuq l-investiment f’infrastrutturi ġodda u jikseb il-klijentela tiegħu, għandu jingħad li, bħal fil-każ tal-Kummissjoni, li turija tal-effett antikompetittiv tal-abbuż huwa bbażat l-iktar fuq tendenza tal-prattika maħsuba sabiex iżżid l-ispejjeż tad-dħul tal-kompetituri u li tikkawża dewmien fil-prospetti tagħhom ta’ profittabbiltà, billi tirrendi iktar diffiċli l-kreazzjoni ta’ bażi ta’ klijenti proprja sabiex tiġġustifika l-bini tal-infrastruttura tagħhom. Issa, sitwazzjoni bħal din neċessarjament tinfluwenza d-deċiżjonijiet strateġiċi, l-aġir fis-suq u r-riżultati tal-kompetituri ta’ Telefónica u ta’ kompetituri potenzjali ġodda.

280    Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti bil-għan li juru li l-analiżi tal-Kummissjoni tinjora l-fatt li l-kompetituri ta’ Telefónica jkollhom aċċess għal strateġiji kompetittivi bħal dak li jiġi ppenetrat is-suq bl-imnut fuq il-bażi tal-infrastrutturi proprji tagħhom jew għall-għajnuna ta’ taħlita tal-infrastrutturi proprji tagħhom u ta’ dik ta’ Telefónica, jew inkella billi japplikaw kompetizzjoni aggressiva, li twassal li ttalla’ gradwalment il-livell tal-investimenti. L-ewwel nett, fid-dawl tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li operatur alternattiv jottimizza l-investimenti tiegħu billi jpoġġi fis-seħħ l-infrastruttura tiegħu biss fiż-żoni ġeografiċi profittabbli, hemm lok li jitqies li, f’sitwazzjoni simili, operatur bħal dan ipatti għat-telf sostnut f’ċerti żoni ġeografiċi tat-territorju Spanjol bid-dħul miksub f’żoni oħra. Barra minn hekk, l-argument li jgħid li l-investimenti mwettqa mill-operaturi alternattivi fin-netwerks proprji tagħhom ma jkunux daqshekk importanti, sakemm il-partijiet ikkonċernati jużaw taħlita tajba ħafna ta’ prodotti bl-ingrossa, għandu jiġi wkoll miċħud. Fil-fatt, hekk kif issemma fil-punt 117 iktar ’il fuq, l-iżvilupp ta’ infrastrutturi proprji jwasslu għall-spejjeż kunsiderevoli. Min-naħa l-oħra, hekk kif issemma fil-punt 130 iktar ’il fuq, l-użu ta’ taħlita ta’ prodotti bl-ingrossa ma seħħx. Fl-aħħar nett, l-argument li jgħid li t-teorija tal-iskala tal-investimenti ma teħtieġx li l-livelli kollha jkunu aċċessibbli għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet li jidhru fil-punt 196 iktar ’il fuq.

281    Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet, fid-deċiżjoni kkontestata, injorat il-pressjoni kompetittiva tal-operaturi tal-cable fis-suq bl-imnut. Fil-fatt, il-Kummissjoni eżaminat dan il-fenomenu mhux biss fit-taqsima tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-effetti probabbli tal-aġir ta’ Telefónica (premessi 559 u 560 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda wkoll fil-premessi 268 sa 276 tal-imsemmija deċiżjoni dwar id-definizzjoni tas-suq bl-imnut.

282    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li, fil-premessi 545 sa 563 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-eżistenza tax-xkiel eventwali li l-prattiki tariffarji ta’ Telefónica setgħu jikkawżaw fuq l-iżvilupp tal-offerta fis-suq bl-imnut u, b’hekk, fuq il-livell tal-kompetizzjoni tagħha.

283    Peress li, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, huwa suffiċjenti li jintwera li l-aġir abbużiv iwassal għal limitazzjoni tal-kompetizzjoni (ara l-punt 268 iktar ’il fuq) u li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, sa fejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma waħedhom ta’ natura li jiġġustifikaw dan b’mod suffiċjenti skont il-liġi, id-difetti li jistgħu jkollhom motivi oħra tal-att huma, f’kull każ, bla effett fuq id-dispożizzjoni tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T‑87/05, Ġabra p. II‑3745, punt 144; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1, C‑302/99 P u C‑308/99 P, Ġabra p. I‑5603, punti 26 sa 29), l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ prova tal-effetti konkreti tal-aġir ta’ Telefónica fuq is-suq għandhom jiġu miċħuda bħala mingħajr effett fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ksur allegat.

284    B’hekk jirriżulta li t-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

285    Il-ħames motiv b’hekk għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

g)     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq applikazzjoni ultra vires tal-Artikolu 82 KE u ta’ ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba

286    Il-motiv preżenti jinkludi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq applikazzjoni ultra vires tal-Artikolu 82 KE. It-tieni parti, ifformulata sussidjarjament, hija bbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali. Fl-aħħar nett, it-tielet parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba.

 Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv, ibbażat fuq applikazzjoni ultra vires tal-Artikolu 82 KE

287    Fil-kuntest tal-parti preżenti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, għamlet applikazzjoni ultra vires tal-Artikolu 82 KE.

288    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-parti preżenti, ikkontestata mill-Kummissjoni, għandu jingħad li hekk kif jirriżulta mit-test tar-rikors, l-argumenti tar-rikorrenti mressqa fil-kuntest tal-parti preżenti għandhom l-għan li juru li l-Kummissjoni applikat l-Artikolu 82 KE lil hinn mill-kompetenzi li ġew mgħoddija lilha fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li, kuntrarjament għal dak li suġġerixxiet il-Kummissjoni, huma ma jinvokaw l-ebda użu ħażin ta’ poter. Peress li l-parti preżenti hija intiża li tistabbilixxi li l-Kummissjoni, f’din il-kawża, eċċediet il-kompetenzi tagħha, din għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

289    Fir-rigward tal-mertu tal-parti preżenti, l-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-kunsiderazzjonijiet li huma ppreżentaw fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħhom, li jgħid li l-Kummissjoni kienet injorat il-kriterji ġuridiċi applikabbli fl-Artikolu 82 KE, b’mod li dan l-argument, li fi kwalunkwe każ ma jurix li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi tagħha, ma huwiex fondat (ara l-punti 169 sa 197 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-fatt li l-aġir abbużiv seħħ f’suq ikklassifikat mir-rikorrenti bħala “instrumentali”, jiġifieri f’suq “ikkreat għall-finijiet ta’ regolamentazzjoni”, huwa irrilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, peress li d-dritt tal-kompetizzjoni japplika wkoll għall-imsemmija swieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1975, General Motors Continental vs Il-Kummissjoni, 26/75, Ġabra p. 1367, punti 4 sa 10, u tal-11 ta’ Novembru 1986, British Leyland vs Il-Kummissjoni, 226/84, Ġabra p. 3263, punt 5).

290    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-aġir ta’ Telefónica fid-deċiżjoni kkontestata, kienet daħlet fil-kompetenzi tal-ARN u kienet irreferiet għall-kunċetti ta’ natura leġiżlattiva, bħal dawk tal-“livell tal-investimenti”, għandu jingħad li r-rikorrenti sempliċement isostnu li l-imsemmi kunċett, li l-użu tiegħu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE huwa infondat, ma jirriflettix l-evoluzzjoni tas-suq Spanjol, u lanqas l-evoluzzjoni tal-istrateġija kompetittiva tal-operaturi alternattivi. Issa, jekk ir-rikorrenti jsostnu li dan il-kunċett b’natura regolatorja ma jappartjenix għad-dritt tal-kompetizzjoni, huma ma jispjegawx għaliex l-użu mill-Kummissjoni ta’ dan il-kunċett ekonomiku, għall-finijiet li jiddeskrivi l-evoluzzjoni tas-suq Spanjol tal-broadband sa mil-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, juri li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi tagħha jew applikat l-Artikolu 82 KE “għall-finijiet regolatorji”, b’mod li l-affermazzjoni tagħhom ma għandhiex tintlaqa’. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata, Telefónica stess, f’ittra lill-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2005, irreferiet għall-kunċett ta’ “livell tal-investimenti” sabiex tiddeskrivi l-evoluzzjoni tas-suq Spanjol tal-Internet sa mill-2001, u kkonfermat li “s-suq Spanjol tal-high speed internet jevolvi skont ir-ritmu mixtieq fil-livell tal-investimenti’”. Għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li l-użu tal-kunċett kien wassal lill-Kummissjoni tinjora li l-operaturi alternattivi jużaw taħlita tajba ħafna ta’ prodotti bl-ingrossa, jew li, hekk kif juri l-eżempju ta’ Jazztel, huma setgħu u jistgħu jagħmlu investimenti kbar mingħajr ma jkollhom bażi sinjifikattiva ta’ klijenti, argument bħal dan, li lanqas ma huwa dirett sabiex juri li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi tagħha, għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 120 u 201 sa 211 iktar ’il fuq.

291    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument, imressaq fir-replika, li jgħid li l-Kummissjoni kellha strument formali ad hoc ta’ intervent li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-direttiva “qafas” li jippermettilha tintervjeni f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, u mingħajr ma jkun hemm lok li tippronunzja ruħha fuq l-ammissibbiltà tagħha, ikkontestata mill-Kummissjoni, għandu jingħad li dan ma huwiex fondat.

292    Għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva “qafas”, hija “tistabbilixxi kwadru [qafas] armonizzat għar-regolar ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi assoċjati […] tistipula x-xogħol ta’ l-[ARN] u tistabbilixxi settt ta’ proċeduri biex tassigura l-applikazzjoni armonizzata tal-kwadru [qafas] regolatorju mal-Komunità”. Hemm ukoll lok li jingħad li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jattribwixxi rwol ċentrali għall-ARN sabiex jintlaqħu l-għanijiet previsti mid-Direttiva “qafas”, hekk kif jirriżulta mill-użu tal-istrument ġuridiku tad-direttiva, li tiegħu l-Istati Membri huma l-uniċi destinatarji, l-istruttura tagħha, li tinkludi b’mod partikolari żewġ kapitoli intitolati, rispettivament, “[ARN]” (Kapitolu 2: Artikoli 3 sa 7) u “Xogħlijiet ta’ l-[ARN]” (Kapitolu 3: Artikoli 8 sa 13), u l-kompetenzi speċifiċi jirreferu għall-ARN. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7 tad-direttiva “qafas” tiddeskrivi l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-ARN għall-proċedura ta’ konsolidazzjoni tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u previsti, konformement mal-premessa 15 ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi “żgurat li deċiżjonijiet f’livell nazzjonali ma jkollhomx effetti kuntrarji fuq is-suq wieħed jew miri oħra tat-Trattat”.

293    L-eżistenza ta’ dan l-istrument b’hekk bl-ebda mod ma jeffettwa l-kompetenza li l-Kummissjoni tikseb direttament mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 u, sa mill-1 ta’ Mejju 2004, tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tikkonstata l-ksur fl-Artikoli 81 KE u 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 69, iċċitata iktar ’il fuq, punt 263). B’hekk, ir-regoli li jirrigwardaw il-kompetizzjoni previsti mit-Trattat KE jikkompletaw, permezz tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ex post, il-qafas leġiżlattiv adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiġu rregolati ex ante s-swieq tat-telekomunikazzjonijiet (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92).

294    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jippretendu kienet ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva “qafas”, li tistħarreġ il-miżuri leġiżlattivi adottati miċ-CMT. Fil-fatt, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha, huma biss il-miżuri adottati f’Ġunju 2006, wara l-implementazzjoni miċ-CMT tad-Direttiva “qafas” u tal-linji gwida tal-Kummissjoni fuq l-analiżi tas-suq u l-evalwazzjoni tas-saħħa fis-suq b’applikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv Komunitarju għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU 2002, C 165, p. 6) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“qafas leġiżlattiv tal-2002”), li ġew innotifikati lill-Kummissjoni permezz tal-proċedura prevista fl-imsemmi artikolu.

295    B’hekk jirriżulta li l-ewwel parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali

296    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv preżenti, ir-rikorrenti jsostnu li, anki fil-każ fejn il-Kummissjoni tista’ tuża l-Artikolu 82 KE għal finijiet regolatorji, quod non, l-intervent tagħha fil-kawża preżenti tmur kontra l-prinċipji ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, peress li hija tkun qed tindaħal mingħajr raġuni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi taċ-CMT.

297    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa ddikjarat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE u kkonkretizzat mill-Protokoll fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, anness mat-Trattat KE, u li fuq il-bażi tiegħu, il-Komunità ma tintervjenix f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, ħlief jekk u sa fejn l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri, u għaldaqstant ikunu jistgħu, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju. Dan il-protokoll jistabbilixxi wkoll, fil-paragrafu 5 tiegħu, xi linji gwida sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

298    L-imsemmi protokoll barra minn hekk jippreċiża fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma jpoġġix fid-dubju l-kompetenzi kkonferiti lill-Komunità mill-imsemmi trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, dan il-prinċipju ma jpoġġix fid-dubju l-kompetenzi kkonferiti lill-Kummissjoni permezz tat-Trattat KE, li fosthom tidher l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern [Artikolu 3(1), (g) KE] imsemmija fl-Artikoli 81 KE u 82 KE u implementati bir-Regolament Nru 17 u, wara l-1 ta’ Mejju 2004, bir-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑339/04, Ġabra p. II‑521, punti 88 u 89).

299    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punt 293 iktar ’il fuq, Telefónica ma setgħetx tinjora li l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet ma kinitx tippreparaha għal intervent tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 82 KE, peress li numru ta’ strumenti ġuridiċi tal-qafas leġiżlattiv tal-2002 jirriflettu l-possibbiltà ta’ proċeduri paralleli quddiem l-ARN u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva “qafas” u l-punti 28, 31 u 70 tal-linji gwida tal-Kummissjoni fuq l-analiżi tas-suq u l-evalwazzjoni tas-saħħa tas-suq b’applikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv Komunitarju għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi).

300    B’hekk jirriżulta li d-deċiżjonijiet adottati mill-ARN fuq il-bażi tal-qafas leġiżlattiv tal-2002 ma jċaħħdux lill-Kummissjoni mill-kompetenza tagħha li tintervjeni fi stadju ulterjuri sabiex tapplika l-Artikolu 82 KE skont ir-Regolament Nru 17, u, sa mill-1 ta’ Mejju 2004, tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tal-imsemmi qafas ma jimponi fuq il-Kummissjoni li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali sabiex tiġġustifika l-intervent tagħha f’każ bħal dan, kif jallegaw ir-rikorrenti. Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, essenzjalment, la l-Kummissjoni u lanqas l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għandhom janalizzaw, taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, aġir suġġett għal miżuri leġiżlattivi li għandhom għanijiet simili.

301    Fi kwalunkwe każ, l-ewwel nett, iċ-CMT ma hijiex awtorità tal-kompetizzjoni, iżda awtorità regolatorja, u hija qatt ma’ intervjeniet sabiex jiġi osservat l-Artikolu 82 KE, u lanqas ma adottat deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-prattiki ssanzjonati mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 678 u 683 tad-deċiżjoni kkontestata). Anki fil-każ fejn iċ-CMT kienet marbuta teżamina l-kompatibbiltà tal-prattiki ta’ Telefónica mal-Artikolu 82 KE, ċirkustanza bħal din ma tipprevjenix li ksur attribwit lilha jista’ tiġi kkonstatat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta b’deċiżjoni mogħtija minn awtorità nazzjonali skont l-Artikolu 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 69, iċċitata iktar ’il fuq, punt 120).

302    Barra minn hekk, iċ-CMT sostniet, numru ta’ drabi, li hija ma kellhiex ċerta informazzjoni meħtieġa sabiex tipproċedi bl-eżami tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet dwar il-prezzijiet ta’ Telefónica għall-aċċess, bl-ingrossa u bl-imnut, tal-broadband fil-livell reġjonali (ara b’mod partikolari l-premessi 494, 495, 509 u 511 tad-deċiżjoni kkontestata).

303    Fl-aħħar nett, skont il-premessa 494 tad-deċiżjoni kkontestata, il-mudell tal-ispejjeż użat miċ-CMT fid-deċiżjonijiet tagħha ex ante li għandu bħala għan li jiżgura n-nuqqas ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ma huwiex iktar adegwat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, peress li, minn naħa, ma jibbażax ruħu fuq stimi reċenti għal dak li jirrigwarda spejjeż tal-passat ta’ Telefónica, iżda fuq stimi mwettqa minn konsulenti esterni fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-kumpannija f’Ottubru 2001 u, min-naħa l-oħra, il-mudell tal-ispejjeż tal-imsemmija konsulenti kien issottovaluta l-ispejjeż addizzjonali tan-netwerk downstream ta’ Telefónica u ma kienx ikkunsidra l-ispejjeż promozzjonali ta’ din tal-aħħar. L-argumenti li jgħidu li CMT kienet partikolarment attiva fir-rigward tal-politika tal-prezz ta’ Telefónica u kienet aġixxiet ex post numru ta’ drabi billi rregolat u kkontrollat il-politika tal-prezz ta’ Telefónica sa mill-ewwel fażijiet tal-iżvilupp Spanjol tas-suq tal-broadband għandhom b’hekk jiġu wkoll miċħuda.

304    F’dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex teżamina l-azzjoni tal-ARN skont l-Artikolu 82 KE għalkemm ma ntweriex li huma ma aġixxewx fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom jew aġixxew b’mod manifestament żbaljat għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx l-azzjoni taċ-CMT fir-rigward tal-Artikolu 82 KE, iżda dik ta’ Telefónica.

305    B’hekk, ma ġiex stabbilit li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà inkiser.

306    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, ir-rikorrenti ma wrewx kif dawn il-prinċipji nkisru. Huma fil-fatt sempliċement qajmu l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta mill-intervent tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 82 KE, b’mod li hija ma kkontestatx l-azzjoni taċ-CMT. B’hekk, Telefónica setgħet ikkonvinċiet ruħha li, kieku hija kellha tosserva l-qafas leġiżlattiv fis-seħħ, l-aġir tagħha kien ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, argument bħal dan għandu jiġi miċħud, għall-motivi esposti fil-punti 299 sa 304 iktar ’il fuq.

307    Fir-rigward finalment tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kellha tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 226 KE, jekk hija kienet waslet għall-konklużjoni li d-deċiżjonijiet taċ-CMT, bħala korp ta’ Stat Membru, ma jippermettux li tiġi evitata kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet u, b’hekk, ma kinux osservaw il-qafas leġiżlattiv tal-2002, għandu jingħad li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqitx konstatazzjoni bħal din. Min-naħa l-oħra, anki jekk iċ-CMT kienet kisret regola tad-dritt tal-Unjoni u li l-Kummissjoni setgħet b’dan il-mod tressaq proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju ta’ Spanja, eventwalitajiet bħal dawn bl-ebda mod ma’ kienu ta’ natura li jeffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li Telefónica kienet wettqet ksur fl-Artikolu 82 KE, dispożizzjoni li tikkonċerna mhux l-Istati Membri, iżda l-operaturi ekonomiċi biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 69, iċċitata iktar ’il fuq, punt 271). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sistema stabbilita mill-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u ma hijiex responsabbiltà tal-qrati tal-Unjoni li jevalwaw l-opportunità li jsir dan (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

308    B’hekk jirriżulta li t-tieni parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tas-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba

309    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, imsemmi fl-Artikolu 10 KE, huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri li jaġixxu fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom kif ukoll fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li għandhom obbligi reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali mal-Istati Membri (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C‑2/88 IMM, Ġabra p. I‑3365, punt 17; ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta, bħal f’din il-kawża, l-awtoritajiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali jintalbu jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat permezz ta’ eżerċizzju koordinat tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, kooperazzjoni bħal din ikollha natura partikolarment essenzjali (sentenza Roquette Frères, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

310    Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, iċ-CMT kienet effettivament assoċjata mal-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel nett, il-Kummissjoni bagħtitilha tliet talbiet għal informazzjoni, rispettivament tat-18 ta’ Novembru u tas-17 ta’ Diċembru 2004 u tas-17 ta’ Jannar 2005. It-tieni nett, il-Kummissjoni kkomunikat liċ-CMT, fl-24 ta’ Mejju 2006, verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija informata wkoll li hija setgħet, jekk ikun il-każ, tibgħatilha kummenti bil-mitkub fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew inkella tifformula osservazzjonijiet jew domandi oralment fis-seduta. Issa, l-ebda osservazzjoni bil-miktub ma ġiet ifformulata miċ-CMT. It-tielet nett, ħafna rappreżentanti taċ-CMT kienu preżenti fis-seduta tat-12 u tat-13 ta’ Ġunju 2006 u ċ-CMT intervjeniet ukoll oralment fiha. Ir-raba’ nett, fis-26 ta’ Ġunju 2006, iċ-CMT irrispondiet ukoll bil-miktub serje ta’ domandi li saru mill-parti li ressqet l-ilment fis-seduta. Il-ħames nett, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-membri tal-persunal responsabbli mill-fajl iltaqgħu maċ-CMT numru ta’ drabi sabiex jiddiskutu l-investigazzjoni. Is-sitt nett, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li, fl-14 ta’ Ġunju 2007, numru ta’ rappreżentanti taċ-CMT iltaqgħu magħha u fformulaw osservazzjonijiet fuq il-kliem ta’ ċerti premessi tad-deċiżjoni kkontestata, li ġew ikkunsidrati fid-dawl tat-tieni laqgħa tal-kumitat konsultattiv prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2003. Iċ-CMT ma ppreżentatx kummenti addizzjonali f’dan ir-rigward. Espert taċ-CMT min-naħa l-oħra pparteċipa fil-laqgħa tal-imsemmi kumitat konsultattiv, li nżammet fil-15 ta’ Ġunju 2007.

311    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni liċ-CMT kellhom natura teknika u ma kinux ikkonċernaw l-ilmenti attribwiti lil Telefónica, ir-realtà tas-swieq allegatament ikkonċernati, il-metodoloġija segwita sabiex jitwettqu t-testijiet tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet jew inkella l-eżistenza eventwali ta’ tali pressjoni ma għandux jintlaqa’. Fil-fatt, minkejja stedina f’dan is-sens tal-Kummissjoni, iċ-CMT ma fformulatx osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, b’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet preliminari tal-Kummissjoni dwar l-elementi msemmija hawn fuq, bħal dawk li jidhru fil-punti 142 sa 250 u 358 sa 469 tal-imsemmija komunikazzjoni.

312    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, fir-rigward tar-relazzjonijiet li jiġu stabbiliti fil-kuntest tal-proċeduri mħejjija mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE, il-metodi ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE, li l-Kummissjoni hija marbuta li tosserva fir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri, ġew ippreċiżati b’mod partikolari fl-Artikoli 11 sa 16 tar-Regolament Nru 1/2003, taħt il-Kapitolu IV intitolat “Koperazzjoni”. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux speċifikament l-obbligu għall-Kummissjoni li tikkonsulta l-ARN.

313    Ir-rikorrenti, f’dan il-kuntest, lanqas jistgħu jsostnu li t-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet liċ-CMT u l-istedina tagħha għas-smigħ kienet saret tard, b’mod li l-Kummissjoni kienet diġà fformulat opinjoni dwar l-allegata illegalità tal-aġir ta’ Telefónica. Fil-fatt, minbarra li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija dokument preparatorju li fiha l-evalwazzjonijiet huma ta’ natura purament provviżorja u ddestinati li jillimitaw is-suġġett tal-proċedura amministrattiva fir-rigward tal-impriżi li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 14; Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 69, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67, u Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 83, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40), diġà intqal fil-punt 310 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni kienet bagħtet liċ-CMT kopja ta’ komunikazzjoni bħal din fl-24 ta’ Mejju 2006, jiġifieri iktar minn sena qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

314    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, b’hekk ma għandux jitqies li l-Kummissjoni, f’din il-kawża, kisret id-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni leali. Peress li l-argument tar-rikorrenti dwar ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba huwa bbażat esklużivament fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi dmir, dan għandu wkoll jiġi miċħud.

315    B’hekk, hemm lok li t-tielet parti tal-motiv preżenti tiġi miċħuda.

316    Is-sitt motiv għandu konsegwentement jiġi miċħud fl-intier tiegħu, peress li sussegwentement, it-talbiet kollha prinċipali, għandhom bħala għan l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

2.     Fuq it-talbiet sussidjarji, bil-għan tal-annullament jew tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

317    Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt, ta’ evalwazzjoni tal-fatti u tad-dritt u ta’ ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi. It-tieni motiv, ifformulat sussidjarjament, jirreferi għat-twettiq ta’ żbalji ta’ fatt u ta’ liġi u ta’ ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali, ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni, kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

a)     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt, ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ta’ liġi u ta’ ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tal-Artikolu 23(2), tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi

318    Permezz tal-motiv preżenti, ir-rikorrenti jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li, minn naħa, l-aġir ta’ Telefónica, fil-perijodu tal-ksur, kien intenzjonat jew, għall-inqas, gravament negliġenti u, min-naħa l-oħra, il-ksur imwettaq minn Telefónica jammonta għal “abbuż serju”, li għalih jeżistu preċedenti (premessi 720 sa 736 tad-deċiżjoni kkontestata).

319    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk twettaqx ksur intenzjonalment jew b’negliġenza u jekk għandhiex, għalhekk, tiġi ssanzjonata b’multa, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u, mill-1 ta’ Mejju 2004, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta meta l-impriża kkonċernata ma tkunx tista’ tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, kemm jekk hija kienet konxja jew le li kienet qed tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 205, u tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 69, iċċitata iktar ’il fuq, punt 295 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 45; Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 111, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 124).

320    Skont il-ġurisprudenza, impriża tkun konsapevoli tan-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha meta hija tkun taf b’elementi fattwali li jiġġustifikaw kemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq kif ukoll l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ abbuż ta’ din il-pożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 111, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107, u s-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 319, iċċitata iktar ’il fuq, punti 207 u 210; ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Mazák għas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

321    L-ewwel nett, għall-finijiet li tiġi kkontestata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-aġir ta’ Telefónica kien intenzjonat jew, għall-inqas, gravament negliġenti, ir-rikorrenti jsostnu li Telefónica ma setgħetx raġonevolment tantiċipa li l-aġir tagħha setgħa jammonta għal abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li jmur kontra l-Artikolu 82 KE, hekk kif jirriżulta mid-definizzjoni tas-swieq tal-prodotti mogħtija preċedentement mill-awtoritajiet Spanjoli tal-kompetizzjoni u miċ-CMT, li tkun differenti minn dik mogħtija, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-kontroll eżerċitat miċ-CMT fuq il-prezzijiet u l-aġir ta’ Telefónica fil-perijodu tal-ksur u tan-nuqqas ta’ marġni ta’ manuvra suffiċjenti ta’ Telefónica sabiex tiddetermina l-politika tagħha tal-prezz f’dan il-perijodu.

322    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li Telefónica ma setgħetx tantiċipa li l-Kummissjoni kienet ser tadotta definizzjoni tas-suq differenti minn dik li kienet ser tadotta mill-awtoritajiet Spanjoli.

323    Fil-fatt, bħala operatur ekonomiku diliġenti, Telefónica kellha tkun familjari mal-prinċipji li jirregolaw id-definizzjoni tas-swieq fil-kawżi ta’ kompetizzjoni u, jekk ikun il-każ, tirrikorri għal pariri ta’ kjarifika sabiex tevalwa, sa grad raġonevoli skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-professjonisti, li huma mdorrijin jagħtu prova li jimxu bi prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. F’dan ir-rigward huma mistennija jagħtu attenzjoni partikolari biex jevalwaw ir-riskji li jista’ jkun hemm (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 59, iċċitata iktar ’il fuq, punt 219).

324    Barra minn hekk, ma jistax ikun hemm dubju, għal operatur ekonomiku prudenti, li l-pussess ta’ ishma kbar mis-suq, jekk dan ma huwiex neċessarjament u fil-każijiet kollha l-uniku indizju determinanti tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, għandu madankollu importanza kunsiderevoli li għandu neċessarjament jitqies minnu f’dak li jirrigwarda l-aġir eventwali tiegħu fis-suq (sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 76, iċċitata iktar ’il fuq, punt 133).

325    F’dan ir-rigward, hekk kif il-Kummissjoni ġustament sostniet fil-premessa 721 tad-deċiżjoni kkontestata, Telefónica, operatur storiku u proprjetarja tal-unika infrastruttura sinjifikattiva għall-provvista tal-prodotti bl-ingrossa reġjonali u nazzjonali, ma tistax tinjora li hija kellha pożizzjoni dominanti fis-swieq rilevanti. B’hekk, l-importanza tal-ishma mis-swieq ta’ Telefónica (ara l-punti 153 u 159 iktar ’il fuq) fis-swieq bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali jimplikaw li l-konvinzjoni tagħha li hija ma tokkupax pożizzjoni dominanti f’dawn is-swieq setgħet tkun biss ir-riżultat kemm ta’ eżami insuffiċjenti tal-istruttura tas-swieq li fihom topera, kif ukoll ta’ rifjut li tikkunsidra dawn l-istrutturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 76, iċċitata iktar ’il fuq, punt 139). L-argument li jgħid li Telefónica ma setgħetx tipprevedi li l-Kummissjoni tadotta definizzjoni tas-suq differenti minn dik adottata mill-awtoritajiet Spanjoli ma għandux, għalhekk, jintlaqa’.

326    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u tal-fatt li fil-punti 110 sa 144 iktar ’il fuq intqal li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-loop lokali, il-prodott bl-ingrossa nazzjonali u l-prodott bl-ingrossa reġjonali ma jappartjenux għall-istess suq ta’ prodotti, l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li d-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fi Franza u fir-Renju Unit, li jikkonkludu li l-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali ma kinux sostitwibbli, u li lanqas ma setgħu jippermettulhom jantiċipaw id-definizzjonijiet tas-suq li kienu ser jiġu adottati f’dan il-każ ma jistgħux jintlaqgħu. L-istess jirriżulta mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq evalwazzjoni li kienet ġiet ifformulata miċ-CMT fid-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ April 2006, li jgħid li l-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali jappartjenu għall-istess suq inkwistjoni, li ġie wkoll speċifikament miċħud fil-punt 142 iktar ’il fuq.

327    It-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, kuntrarjament għal dak li jidher fil-premessa 724 tad-deċiżjoni kkontestata, Telefónica ma kellhiex marġni ta’ manuvra suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-politika tagħha tal-prezzijiet, minħabba r-regolamentazzjoni settorjali applikabbli, b’hekk ma għandux jintlaqa’.

328    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 82 KE jkopri biss aġir antikompetittiv li jkun ġie adottat mill-impriżi fuq inizjattiva tagħhom stess. Jekk aġir antikompetittiv jiġi impost fuq l-impriżi permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew jekk din tal-aħħar toħloq kuntest legali li jelimina huwa stess kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv minn naħa tagħhom, l-Artikolu 82 KE ma huwiex applikabbli. F’sitwazzjoni bħal din, ir-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni ma tkunx ikkawżata, kif jimplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, mill-aġir awtonomu tal-impriżi (ara s-sentenza TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

329    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 82 KE jista’ japplika jekk jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tħalli lok għall-possibbiltà li jkun hemm prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir awtonomu tal-impriżi (ara s-sentenza TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

330    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, minkejja l-preżenza ta’ tali leġiżlazzjoni, jekk impriża li għandha pożizzjoni dominanti u integrata vertikalment tiddisponi minn marġni ta’ manuvra sabiex temenda anki biss il-prezzijiet bl-imnut, hija tista’, minħabba din ir-raġuni biss, tkun responsabbli għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85, u TeliaSonera, punt 146, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

331    F’din il-kawża, għandu l-ewwel nett jingħad li, fir-rigward tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjoni li saret fil-premessi 109 sa 110 u 671 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li, minn naħa, il-prezzijiet tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali qatt ma ġew irregolati fil-perijodu tal-ksur u, min-naħa l-oħra, Telefónica kellha l-possibbiltà, sa minn Settembru 2001, li tnaqqashom.

332    Barra minn hekk, fir-rigward tal-prodott bl-ingrossa reġjonali, ir-rikorrenti jsostnu li l-prezzijiet imposti miċ-CMT skont il-mekkaniżmu “retail minus” kienu de facto prezzijiet iffissati, għall-inqas bejn ix-xahar ta’ Marzu 2004 u Diċembru 2006.

333    Għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata, digriet tad-29 ta’ Diċembru 2000 tal-Ministeru tal-Presidenza Spanjola stabbilixxa n-natura massima tal-prezzijiet għall-prodott bl-ingrossa reġjonali. Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-atti, iċ-CMT, b’ittra tat-2 ta’ Frar 2005, espliċitament ikkonfermat li l-prezzijiet tal-prodott bl-ingrossa reġjonali kienu prezzijiet massimi u li Telefónica kellha l-possibbiltà li titlob tnaqqis tal-prezzijiet tagħha (ara wkoll il-premessi 116 sa 118 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata).

334    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat, minn naħa, fuq deċiżjoni taċ-CMT tal-31 ta’ Marzu 2004, li fiha din tal-aħħar kienet sostniet li jkun raġonevoli li l-prezz tal-prodott bl-ingrossa reġjonali jkun ta’ natura li jikkontribwixxi għaż-żamma tal-investimenti tal-operaturi tal-cable u li l-prezzijiet tal-prodott bl-ingrossa reġjonali kellhom jiġu ffissati permezz ta’ ammont assolut ikkalkolat skont il-metodu “retail minus”, b’mod li “ċ-CMT qatt ma awtorizzat tnaqqis tal-prezz tal-prodott (bl-ingrossa) reġjonali, peress li din kienet ipperikolat il-vijabbiltà tal-cable” u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjonijiet taċ-CMT tad-29 ta’ April 2002 u tat-22 ta’ Lulju 2004, li fihom iċ-CMT kienet iddikjarat ruħha kontra tnaqqis kbir tal-prezzijiet bl-ingrossa sabiex tevita li tiskoraġġixxi l-investimenti f’infrastrutturi u l-innovazzjoni, huwa bbażat fuq il-premessa ipotetika li tgħid li ċ-CMT qatt ma awtorizzat tnaqqis tal-prezz tal-prodotti bl-ingrossa. B’hekk dan għandu jiġi miċħud.

335    F’kull każ, argument bħal dan huwa kontradett mill-fatt li l-prezzijiet tal-prodott bl-ingrossa reġjonali tnaqqsu miċ-CMT fuq inizjattiva tagħha stess, b’mod li Telefónica ma kienet ipproponiet ebda modifika tal-prezzijiet tagħha, permezz tad-deċiżjonijiet tat-22 ta’ Lulju 2004 [deċiżjoni taċ-CMT tat-22 ta’ Lulju 2004 fuq it-talba għall-modifika tal-offerta ta’ aċċess għal-loop lokali (OBA) ta’ TESAU sabiex tadattaha għaż-żieda fil-veloċitajiet tal-ADSL fil-livell bl-imnut] u tad-19 ta’ Mejju 2005 [deċiżjoni taċ-CMT tad-19 ta’ Mejju 2005 fuq it-talba għall-modifika tal-offerta ta’ aċċess għal-loop lokali (OBA) ta’ TESAU sabiex tadattaha għat-tibdil tal-veloċitajiet tal-ADSL fil-livell bl-imnut]. L-argument, imressaq mir-rikorrenti fir-replika tagħhom, li jgħid li l-imsemmija deċiżjonijiet juru li t-tnaqqis tal-prezzijiet tal-prodott bl-ingrossa reġjonali jeħtieġ l-intervent taċ-CMT u ma setax jiġi liberament deċiż minn Telefónica għandu wkoll jiġi miċħud, peress li hija Telefónica, fil-kuntest tar-responsabbiltà partikolari li taqa’ fuqha bħala impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq tal-prodott bl-ingrossa reġjonali, li tippreżenta liċ-CMT talbiet ta’ modifika tat-tariffi tagħha meta dawn għandhom bħala effett li jippreġudikaw kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 69, iċċitata iktar ’il fuq, punt 122).

336    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prezzijiet bl-imnut ta’ Telefónica, għandu jingħad li, bħal fil-każ tal-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tidher fil-premessa 724 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li Telefónica kienet ħielsa li tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha fi kwalunkwe mument. Huma lanqas ma jikkontestaw il-konstatazzjonijiet li jidhru fil-premessi 104 sa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li, peress li l-prezzijiet bl-imnut ta’ TESAU kienu s-suġġett ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva mill-Comisión Delegada del Gobierno para Asuntos Económicos (kummissjoni delegata għall-affarijiet ekonomiċi Spanjola, iktar ’il quddiem iċ-“CDGAE”) tat-3 ta’ Awwissu 2001 sal-1 ta’ Novembru 2003, il-prezzijiet bl-imnut tas-sussidjarji l-oħra ta’ Telefónica ma ġew suġġetti għall-ebda regolamentazzjoni, li skont dawn il-prezzijiet bl-imnut approvati fit-3 ta’ Awwissu 2001 miċ-CDGAE bħala li jammontaw għall-prezzijiet fissi ġew proposti mit-TESAU u li tgħid li l-prezzijiet bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess ADSL ta’ TESAU ġew illiberalizzati permezz ta’ deċiżjoni taċ-CDGAE tal-25 ta’ Settembru 2003, li imponiet terminu għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva għall-prezzijiet bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess ADSL ta’ TESAU, filwaqt li żammet l-obbligu għal din tal-aħħar li tikkomunika kull modifika tal-imsemmija prezzijiet, għaxart ijiem qabel l-introduzzjoni tagħhom fis-suq. B’hekk għandu jitqies li Telefónica kellha l-possibbiltà li żżid l-prezzijiet tagħha bl-imnut, ħaġa li hija ma għamlitx.

337    Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa vvizzjat b’kontradizzjoni, peress li hija ma tistax, minn naħa, tilmenta li Telefónica implementat prattiki ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet li wasslu fi Spanja għall-prezzijiet bl-imnut ħafna ogħla minn dawk fil-pajjiżi l-oħra Ewropej u, min-naħa l-oħra, tilmenta li Telefónica li ma żiditx il-prezzijiet tagħha bl-imnut sabiex tevita kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Argument bħal dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni diġà qieset, fil-passat, li seta’ jkun neċessarju li jiġu miżjuda t-tariffi tal-prodotti bl-imnut sabiex jiġi evitat effett ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet (sentenza tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 69, iċċitata iktar ’il fuq, punti 141 sa 151; ara, ukoll, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, punt 170, iċċitata iktar ’il fuq, punti 88 u 89).

338    It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li Telefónica ma setgħetx raġonevolment tantiċipa li l-politika tagħha tal-prezzijiet, approvati minn qabel miċ-CMT, setgħet tammonta għall-ksur tal-Artikolu 82 KE.

339    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna prodotti u servizzi rregolati huwa irrilevanti. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ deroga speċifika f’dan is-sens, id-dritt tal-kompetizzjoni huwa applikabbli għas-setturi rregolati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 65 sa 72, u tal-11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, 66/86, Ġabra p. 803). B’hekk, l-applikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni ma ġietx eskluża, peress li d-dispożizzjonijiet settorjali kkonċernati jħallu l-possibbiltà li jkun hemm prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni ta’ kompetizzjoni permezz ta’ aġir awtonomu tal-impriżi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, C‑359/95 P u C‑379/95 P, Ġabra p. I‑6265, punti 33 u 34, u l-ġurisprudenza ċċitata), li kien il-każ f’din il-kawża (ara l-punti 327 sa 337 iktar ’il fuq).

340    Hekk kif intqal fil-punt 299 iktar ’il fuq, Telefónica b’hekk ma setgħetx tinjora l-fatt li l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet ma kinitx tavżaha kontra intervent tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 82 KE.

341    Barra minn hekk, jekk, ċertament, permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2001, iċ-CMT qieset li l-prezzijiet tal-prodott bl-ingrossa reġjonali ta’ Telefónica jkunu ffissati fuq il-bażi ta’ sistema ta’ prezz “retail minus”, li tgħid li l-prezz ta’ kull modalità tal-prodott bl-ingrossa reġjonali ma huwiex ogħla minn perċentwali partikolari tal-miżata mensili korrispondenti għall-prezz bl-imnut ta’ TESAU (premessi 114, 290 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 258 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti ma jikkontestawx li ċ-CMT ma eżaminatx l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet bejn il-prodott bl-ingrossa reġjonali ta’ Telefónica u l-prodotti tagħha bl-imnut fuq il-bażi tal-ispejjeż storiċi reali ta’ din tal-aħħar, iżda fuq il-bażi ta’ stimi ex ante. Huma lanqas ma jikkontestaw li ċ-CMT qatt ma analizzat l-eżistenza eventwali ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet bejn il-prodott bl-ingrossa nazzjonali ta’ Telefónica u l-prodotti tagħha bl-imnut. Issa, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessi 725 sa 728 tad-deċiżjoni kkontestata, Telefónica, li għandha informazzjoni dettaljata fuq l-ispejjeż reali tagħha u fuq id-dħul tagħha, ma setgħetx tinjora li l-istimi mwettqa ex ante miċ-CMT fir-realtà ma kinux ġew ikkonfermati mill-iżviluppi tas-suq, li hija kienet f’pożizzjoni li tosserva.

342    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha tar-rikorrenti li għandhom l-għan li juru li Telefónica ma kinitx raġonevolment f’pożizzjoni li tantiċipa n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha.

343    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li Telefónica seta’ jkollha aspettattivi leġittimi fl-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet taċ-CMT. Huma jsostnu wkoll li d-diverġenzi bejn l-ispejjeż reali ex post u l-istimi użati miċ-CMT fl-eżami tagħha ex ante tal-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, enfasizzata mill-Kummissjoni fil-premessi 728 u 729 tad-deċiżjoni kkontestata (ara wkoll it-tabella 59 tad-deċiżjoni kkontestata), ma kinux suffiċjentement evidenti sabiex Telefónica setgħet ikollha dubju dwar l-intervent taċ-CMT.

344    Għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li Telefónica ma setgħetx tikkontesta l-mertu tal-metodu użat miċ-CMT sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, u lanqas ir-rilevanza tat-talbiet għall-informazzjoni taċ-CMT, fid-dawl tan-nuqqas ta’ intervent tal-Kummissjoni fir-rigward tal-azzjoni tar-regolatur Spanjol.

345    Fil-fatt, argument bħal dan huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li l-Kummissjoni kienet qieset li l-metodu użat miċ-CMT sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ma kienx adegwat, peress li l-azzjoni regolatorja taċ-CMT ma hijiex is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Għal kuntrarju, hekk kif il-Kummissjoni sostniet fil-premessa 733 tad-deċiżjoni kkontestata, il-metodu użat sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkontradiċix il-metodu “retail minus” użat miċ-CMT.

346    In-nuqqas ta’ intervent tal-Kummissjoni fir-rigward tar-regolatur Spanjol b’hekk ma seta’ jagħti lil Telefónica ebda aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-fatt li hija ma kinitx wettqet ksur tal-Artikolu 82 KE.

347    Fir-rigward tal-argument li jgħid li, fid-dawl tal-intervent taċ-CMT, Telefónica seta’ jkollha aspettattivi leġittimi fil-fatt li r-relazzjoni bejn il-prezzijiet tagħha bl-ingrossa u l-prezzijiet tagħha bl-imnut ma twassalx għall-effett ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, l-ewwel nett, għandu jingħad li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet li jidhru fil-premessa 726 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li, minn naħa, iċ-CMT qatt ma analizzat l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet bejn il-prodott bl-ingrossa nazzjonali u l-prodott bl-imnut ta’ Telefónica fil-perijodu kkonċernat u, min-naħa l-oħra, il-prodott bl-ingrossa nazzjonali kien ikbar mill-prodott bl-ingrossa reġjonali fl-imsemmi perijodu.

348    Barra minn hekk, fir-rigward tal-prodott bl-ingrossa reġjonali, għalkemm, ċertament, iċ-CMT analizzat l-eżistenza ta’ effett ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet li tirriżulta mit-tariffi ta’ Telefónica dwar il-prodott bl-ingrossa reġjonali f’numru ta’ deċiżjonijiet meħuda fil-perijodu tal-ksur, din qatt ma analizzat l-eżistenza ta’ effett bħal dan fuq il-bażi tal-ispejjeż storiċi reali ta’ Telefónica.

349    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-diverġenzi bejn l-ispejjeż reali ex post u l-istimi ex ante użati miċ-CMT ma kinux suffiċjentement ċari sabiex jinċitaw lil Telefónica tikkontesta l-mertu tal-azzjoni taċ-CMT għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, sabiex issostni dan, ir-rikorrenti jsostnu, fir-rikors tagħhom, li l-allegati inkoerenzi bejn l-informazzjoni pprovduta minn Telefónica liċ-CMT u dawk li jinsabu fil-pjanijiet tagħha ta’ negozju jew fit-tabelli tar-riżultati tagħha jirriżultaw f’interpretazzjoni ħażina mill-Kummissjoni tal-informazzjoni mpoġġija għad-dispożizzjoni tagħha li tikkonċerna l-previżjonijiet tat-talba u li huma relattivi għall-ispejjeż li jirrigwardaw netwerk ta’ [kunfidenzjali] linji ADSL. Issa, anki fil-każ li argument bħal dan ikun fondat, fih innifsu ma huwiex ta’ natura li waħdu jpoġġi fid-dubju l-provi kollha li jidhru b’mod partikolari fit-tabella 59 tad-deċiżjoni kkontestata, li jistabbilixxu li Telefónica ma setgħetx ma tkunx taf li l-ispejjeż użati f’dan il-mudell “retail minus” taċ-CMT ma jikkorrispondux mar-realtà. Għall-kuntrarju, l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti li jgħidu li, minn naħa, il-konsulent ARCOME ma kienx uża l-informazzjoni pprovduta minn Telefónica, iżda kien għamel użu, bħala riferiment sabiex jipprepara l-mudell “retail minus”, ta’ netwerk ta’ iktar minn [kunfidenzjali] linja ADSL u, min-naħa l-oħra, iċ-CMT ma tkunx użat il-kontabbiltà tal-ispejjeż ta’ Telefónica, peress li hija ma kinitx stabilixxiet b’mod suffiċjentement dettaljat, bil-għan li tikkonferma li Telefónica kienet taf jew kellha tkun taf, li l-ispejjeż użati fil-mudell “retail minus” taċ-CMT ma jikkorrispondux mal-ispejjeż reali.

350    Barra minn hekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li ma jirriżultax la mill-pjanijiet ta’ negozju u lanqas mit-tabelli tar-riżultati li Telefónica kienet irrikonoxxiet telf fis-suq bl-imnut. L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, [kunfidenzjali]. Madankollu, argument bħal dan bl-ebda mod ma huwa sostnut. It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-pjan ta’ negozju tat-18 ta’ April 2002 ma jippermettix li tasal għal konklużjoni bħal din, peress li [kunfidenzjali]. Madankollu, mill-previżjonijiet li jidhru f’dan id-dokument jirriżulta li [kunfidenzjali]. L-argument tagħhom b’hekk ma għandux jirnexxi. It-tielet nett, fir-rigward tat-tabelli tar-riżultati ta’ Telefónica, ir-rikorrenti jsostnu huma stess li dawn id-dokumenti, li għandhom informazzjoni mensili fuq id-dħul u l-ispejjeż, tippermetti li jiġi ggarantit l-iżvolġiment korrett tal-pjan ta’ negozju u l-evoluzzjoni tal-attività. Peress li l-pjan ta’ negozju jipprovdi li [kunfidenzjali], huma r-rikorrenti li għandhom jiżguraw li [kunfidenzjali].

351    Fl-aħħar nett, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, Telefónica ma tikkontestax li l-ispejjeż inkrementali reali ta’ infrastruttura, tan-netwerk u ta’ aċċess kienu ħafna ikbar minn dawk li jidhru fil-mudell “retail minus” taċ-CMT. Peress li dawn l-ispejjeż reali dehru f’dokumenti differenti interni ta’ Telefónica, din tal-aħħar ma setgħetx tinjora li l-mudell taċ-CMT kien jissottovaluta dawn l-ispejjeż reali.

352    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet taċ-CMT ma setgħux ikunu l-bażi għall-aspettattivi leġittimi min-naħa tar-rikorrenti peress li l-prattiki tariffarji tagħhom kienu konformi mal-Artikolu 82 KE. B’hekk, l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ksur imwettaq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza, għandu b’hekk jiġi miċħud.

353    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, ebda bażi materjali jew ġuridika li tippermetti li jitqies li l-ksur jammonta għal “abbuż serju”, li għalih jeżistu preċedenti (premessi 731 sa 736 tad-deċiżjoni kkontestata).

354    L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 319 sa 352 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament qieset li l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata kien twettaq b’mod deliberat jew b’negliġenza. Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 319 iktar ’il fuq, ksur bħal dan jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ multa skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u, mill-1 ta’ Mejju 2004, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

355    Fil-kuntest tal-ilment preżenti, ir-rikorrenti madankollu jsostnu li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-Kummissjoni timponi multa għall-aġir antikompetittiv meta n-natura illegali tal-imsemmi aġir ma jsegwix preċedenti ċari u prevedibbli. F’dan ir-rigward, ir-raġunament tal-Kummissjoni, li jidher fil-premessi 731 sa 736 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa vvizzjat minn żbalji ta’ fatt u żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

356    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet attribwita lil Telefónica f’din il-kawża ma hijiex ibbażata fuq preċedenti ċari.

357    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li bis-saħħa tagħha n-nuqqas ta’ preċedenti ċari li jistabbilixxu n-natura illegali ta’ aġir jista’ jiġġustifika li ma tiġix imposta multa. F’dan ir-rigward hemm lok li jitfakkar li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiġix imposta multa f’ċerti deċiżjonijiet minħabba n-natura relattivament ġdida tal-ksur ikkonstatati ma tagħtix “immunità” lill-impriżi li sussegwentement iwettqu l-istess tip ta’ ksur. Fil-fatt, huwa fil-kuntest partikolari ta’ kull kawża li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tiddeċiedi dwar kemm huwa opportun li timponi multa sabiex tissanzjona l-ksur ikkonstatat u li tippreżerva l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T‑213/95 u T‑18/96, Ġabra p. II‑1739, punt 239).

358    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq l-allegata kontradizzjoni fir-raġunament tal-Kummissjoni bejn, minn naħa, l-affermazzjoni, li tidher fil-premessa 733 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-kalkolu tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet f’din il-kawża jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjonijiet u mill-ġurisprudenza preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni Deutsche Telekom u, min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni, li tidher fil-premessa 744 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-metodu tal-kalkolu applikat fid-deċiżjoni Deutsche Telekom ma kien ġiet użat qabel fl-ebda deċiżjoni formali tal-Kummissjoni.

359    Fil-fatt, il-Kummissjoni ġustament sostniet, essenzjalment, li mill-premessa 206 tad-deċiżjoni Deutsche Telekom jirriżulta li l-metodu tal-kalkolu applikat mill-imsemmija deċiżjoni, li għalih tirreferi l-premessa 744 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta mill-prassi deċiżjonali tagħha preċedenti, anki jekk huwa minnu, li hija tinkludi element ġdid, jiġifieri l-użu ta’ approċċ imwieżen. L-imsemmija premessa b’hekk tipprovdi li “l-metodu sabiex jiġi ddeterminat l-effett ta’ pressjoni jifforma parti mill-prassi deċiżjonali stabbilita mill-Kummissjoni u l-element ġdid huwa l-approċċ peżat li kellu jiġu użat fil-każ preżenti sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-Ġermanja, ġiet stabbilita tariffa waħda bl-ingrossa għall-aċċess mhux marbut mal-loop lokali filwaqt li t-tariffi għas-servizzi bl-imnut korrispondenti huma differenti bejn il-linji analoġiċi, il-linji ISDN u l-linji ADSL”.

360    Barra minn hekk, fid-dawl tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-preċedenti ċċitati mill-Kummissjoni fil-premessa 733 tad-deċiżjoni kkontestata jkunu wisq ġenerali u mhux preċiżi sabiex jippermettu lil Telefónica tantiċipa li l-aġir seta’ jkollu natura illegali, għandu jingħad li, indipendentement mir-rilevanza tas-sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il-Kummissjoni, punt 186, iċċitata iktar ’il fuq, fil-kuntest tas-sentenza preżenti, li, fid-Deċiżjoni 88/518/KEE tagħha, tat-18 ta’ Lulju 1988, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu (82 KE) (IV/30.178 — Napier Brown — British Sugar) (ĠU L 284, p. 41), il-Kummissjoni kienet diġà qieset, fil-premessa 66, li “[ż]-żamma, minn impriża dominanti, li hija dominanti kemm fis-suq tal-materja prima kif ukoll f’dak tal-prodott idderivat, ta’ marġni bejn il-prezz li hija tiffattura għall-materja prima lill-impriżi li jikkompetu magħha fis-suq tal-prodott idderivat, u l-prezz li hija tiffattura għall-prodott idderivat, li huwa insuffiċjenti sabiex jirrifletti l-ispejjeż ta’ trasformazzjoni tal-impriża dominanti stess […], bir-riżultat li tkun limitata l-kompetizzjoni fuq il-prodott idderivat, tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti”.

361    Fl-aħħar nett, hekk kif il-Kummissjoni sostniet fil-premessa 735 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni Deutsche Telekom tammonta wkoll għal preċedent li jikkjarifika l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE fir-rigward ta’ attività ekonomika suġġetta għal regolamentazzjoni settorjali ex ante speċifiku. L-argumenti tar-rikorrenti li għandhom l-għan li juru li din id-deċiżjoni ma tippermettix lil Telefónica tiddetermina bi preċiżjoni l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni jikkunsidraw li l-eżistenza ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet setgħet tammonta għall-ksur tal-Artikolu 82 KE f’dan ir-rigward ma għandhomx jintlaqgħu. L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li d-deċiżjoni Deutsche Telekom kienet is-suġġett ta’ rikors pendenti quddiem il-qorti tal-Unjoni, peress li l-preżunzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea timplika li dawn jipproduċu effetti ġuridiċi sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminiari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑475/01, Ġabra p. I‑8923, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). It-tieni nett, in-nuqqas ta’ previdibbiltà tad-definizzjoni tas-swieq tal-prodotti għandu jiġi miċħud għall-motivi esposti fil-punt 323 iktar ’il fuq. It-tielet nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li s-suq kien qed jikber ħafna, huwa suffiċjenti li jitfakkar li ċirkustanza bħal din ma teskludix l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, u b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 82 KE (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 60, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107). Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-fatt li l-kawża preżenti tikkonċerna konnessjoni man-netwerk mhux essenzjali, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ effett ta’ pressjoni ma jeħtieġx li l-prodott bl-ingrossa kkonċernat ikun indispensabbli (ara l-punti 180 sa 182 iktar ’il fuq). Il-ħames nett, l-argument ibbażat fuq in-natura stretta ta’ kontroll settorjali fi Spanja ma għandux jitqies iktar, għar-raġunijiet esposti fil-punti 339 sa 342 iktar ’il fuq.

362    B’hekk jirriżulta li Telefónica ma setgħetx tinjora li l-aġir tagħha seta’ jillimita l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jsostnux li, anki wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huma ma kinux f’pożizzjoni li jantiċipaw il-mudell tal-ispejjeż u tad-dħul li l-Kummissjoni tadotta fid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-fatt li din hija bbażata fuq provi supplimentari li ma ssemmew la fiha u lanqas fl-ittra li tesponi l-fatti. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie indikat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv tat-talbiet prinċipali tar-rikorrenti, l-ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom ma ġie kkonstatat f’dan ir-rigward.

363    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li Telefónica qatt ma setgħet tantiċipa, la qabel u lanqas wara Ottubru 2003, data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni Deutsche Telekom, il-metodoloġija ġdida użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

364    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li Telefónica ma setgħetx tantiċipa s-sorsi, il-metodu u l-kalkoli użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-sorsi użati fil-kuntest tal-kalkoli tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet huma d-dħul u l-ispejjeż storiċi ta’ Telefónica, li ġejjin mir-rikorrenti stess. Barra minn hekk, fir-rigward tal-preċedenti deċiżjonali msemmija fil-punti 360 u 361 iktar ’il fuq, Telefónica kienet raġonevolment f’pożizzjoni li tantiċipa li l-aġir tagħha fis-suq seta’ jillimita l-kompetizzjoni.

365    It-tieni nett, l-argument li jgħid li d-definizzjoni tas-swieq ikkonċernati, mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx prevedibbli għal Telefónica diġà ġie miċħud fil-punti 323 sa 326 iktar ’il fuq.

366    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li t-test tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ġie applikat għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata għal suq li qed jikber b’mod mgħaġġel ħafna, tfakkar fil-punt 361 iktar ’il fuq li ċ-ċirkustanza li suq ikun qed jikber b’mod mgħaġġel ħafna ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

367    Ir-raba’ nett, l-argumenti bbażati fuq in-neċessità li tintwera n-natura indispensabbli tal-prodott upstream fil-kuntest tat-test tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ġew miċħuda fil-punt 182 iktar ’il fuq.

368    Il-ħames nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-leġiżlazzjoni Spanjola kienet iktar stretta fil-perijodu tal-ksur mil-leġiżlazzjoni eżaminata fid-deċiżjoni Deutsche Telekom hija irrilevanti u f’kull każ hija infondata, hekk kif jirriżulta mill-premessa 748 tad-deċiżjoni kkontestata.

369    It-tieni lment tal-ewwel motiv b’hekk għandu jiġi miċħud kif ukoll l-imsemmi motiv fl-intier tiegħu.

b)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi u ta’ ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali, ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

370    It-tieni motiv jinkludi ħames partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll fuq nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” u l-iffissar tal-ammont minimu tal-multa għal EUR 90 miljun. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fl-iffissar tal-ammont minimu tal-multa għal EUR 90 miljun. It-tielet parti hija bbażata fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, imwettqa fiż-żieda tal-ammont minimu tal-multa sabiex jiġi ggarantit effett dissważiv. Ir-raba’ parti hija bbażata fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi imwettqa fil-klassifikazzjoni tal-ksur fit-“tul”. Il-ħames parti hija bbażata fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi mwettqa fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll fuq nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” u l-iffissar tal-ammont minimu tal-multa għal EUR 90 miljun

371    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv tat-talbiet sussidjarji tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw il-gravità tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, l-iffissar tal-ammont minimu tal-multa li ġiet imposta fuq Telefónica (ara l-punti 25 sa 29 iktar ’il fuq).

372    Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-linji gwida tal-1998, fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita d-diskrezzjoni tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Papierfabrik August Koehler vs Il-Kummissjoni, punt 76, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

373    Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, fosthom iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 72, u Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 83, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

374    Hekk kif ġie espost fil-punt 25 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, f’din il-kawża, stabbilixxiet l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu ddefinit fil-linji gwida tal-1998.

375    Għalkemm il-linji gwida tal-1998 ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 59, iċċitata iktar ’il fuq, punt 209, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 70).

376    Billi tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tikkommetti ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 59, iċċitata iktar ’il fuq, punt 211, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 375, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

377    Barra minn hekk, il-linji gwida tal-1998 jiddeterminaw, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 59, iċċitata iktar ’il fuq, punti 211 u 213).

378    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fiha nnfisha, għandu jitfakkar li l-linji gwida tal-1998 jipprovdu, fl-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1 A:

“Biex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti. Il-ksur se jinqasam għalhekk fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna.”

379    Mil-linji gwida tal-1998 jirriżulta li l-ksur ftit serju jistgħu, pereżempju, jikkonsistu f’“restrizzjonijiet kummerċjali, ġeneralment ta’ natura vertikali, imma b’impatt fuq is-suq limitat u li jaffettwa parti sostanzjali imma relattivament limitata tas-suq tal-Komunità” (punt 1 A, l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu). Fir-rigward tal-ksur serju, il-Kummissjoni tippreċiża li fil-parti l-kbira huma restrizzjonijiet orizzontali jew vertikali tal-istess tip ta’ ksur mhux serju, iżda li l-applikazzjoni tagħhom huwa iktar rigoruż, fejn l-impatt tagħhom fuq is-suq huwa iktar vast u jistgħu jipproduċu l-effetti tagħhom fuq żoni mifruxa tas-suq komuni”. Hija tindika wkoll li jista’ “[jkun hemm aġir abbużiv] ta’ pożizzjoni dominanti” (punt 1 A, it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu). Fir-rigward ta’ ksur serju ħafna, il-Kummissjoni tindika li dan jirrigwarda “restrizzjonijiet orriżontali bħal ‘konsorzji ta’ prezzjiet’ u kwota tas-sehem tas-suq, jew prattiċi oħra li jpoġġu fil-periklu l-funzjonament tajjeb tas-suq wieħed, bħal qsim tas-swieq nazzjonali u abbuż ċar ta’ pożizzjoni dominanti minn impriżi li għandhom monopolju virtwali” (punt 1 A, it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu).

380    Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li, minn naħa, f’kull waħda minn dawn il-kategoriji, u b’mod partikolari għall-kategoriji msejħa serji u serji ħafna, l-iskala ta’ sanzjonijiet applikati tippermetti li ssir distinzjoni fit-trattament li għandu jiġi applikat lill-impriżi skont it-tip tal-ksur kommess u min-naħa l-oħra, li huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat il-potenzjal ekonomiku effettiv tar-responabbli tal-ksur li pprokuraw dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa fuq skala li jassiguralha natura suffiċjentement dissważiva (punt 1 A tat-tielet u l-ħames paragrafu).

381    Skont il-linji gwida tal-1998, għall-ksur “serju ħafna”, l-ammont inizjali prevedibbli tal-multi jmur lil hinn mill-EUR 20 miljun, għall-ksur “serju”, dan jista’ jvarja bejn EUR 1 miljun u EUR 20 miljun; fl-aħħar nett, għall-ksur “ftit serju”, l-ammont inizjali prevedibbli tal-multi huwa bejn EUR 1 000 u EUR 1 miljun (punt 1 A, l-ewwel sat-tielet inċiż tat-tieni paragrafu).

382    L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li għandhom l-għan li juru li l-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tikklassifika l-ksur bħala “serju ħafna” u li, b’hekk, l-ammont minimu tal-multa kellu jiġi stabbilit b’mod sinjifikattiv għal livell iktar baxx minn EUR 90 miljun.

383    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li l-ksur ikkonstatat ma jammontax għal abbuż serju, għar-raġunijiet esposti fil-punti 353 sa 368 iktar ’il fuq.

384    It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li Telefónica ma hijiex f’sitwazzjoni ta’ monopolju virtwali fis-swieq bl-ingrossa, diġà tfakkar, fil-punt 155 iktar ’il fuq, li Telefónica ma tikkontestax li kienet l-uniku operatur li pprovda l-prodott bl-ingrossa reġjonali fi Spanja sa mill-1999, b’hekk kellha f’dan is-suq monopolju bħala fatt. Barra minn hekk, hekk kif intqal fil-punt 163 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali, is-sehem mis-suq ta’ Telefónica kien ikbar minn 84 % fil-perijodu kollu tal-ksur. L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-eżistenza ta’ kważi monopolju huwa eskluż meta l-prodotti kkonċernati mill-ksur ma humiex “infrastrutturi essenzjali” jew huma s-suġġett ta’ regolamentazzjoni settorjali ma għandu l-ebda bażi taħt il-linji gwida tal-1998, u lanqas fil-ġurisprudenza, u b’hekk ma jistax jiġi aċċettat.

385    It-tielet nett, l-argument ibbażat fuq allegati kontradizzjonijiet bejn il-premessi 744 u 746 tad-deċiżjoni kkontestata (din tal-aħħar tagħmel riferiment għall-premessa 733 tagħha) għandu jiġi miċħud għall-motivi diġà esposti fil-punti 358 u 359 iktar ’il fuq. B’hekk, il-metodu tal-kalkolu applikat fid-deċiżjoni Deutsche Telekom, li għalih tirreferi l-premessa 744 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta mill-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, anki jekk huwa minnu li huwa jinkludi element ġdid, jiġifieri l-użu ta’ approċċ imwieżen.

386    Ir-raba’ nett, jekk ir-rikorrenti jsostnu li Telefónica, anki wara l-pubblikazzjoni tal-14 ta’ Ottubru 2003 tad-deċiżjoni Deutsche Telekom fil-Ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ma kellha l-ebda raġuni sabiex taħseb li l-aġir tagħha seta’ jammonta għal ksur tal-Artikolu 82 KE, sa fejn is-sitwazzjoni tagħha tkun nettament differenti mis-sitwazzjoni analizzata f’din il-kawża, argument bħal dan ma għandux jintlaqa’, għall-motivi esposti fil-punt 361 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, li tgħid li l-ksur kellu jiġi kklassifikat bħala “serju”, għall-inqas qabel l-2003, għandu jiġi miċħud peress li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix ta’ qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, li hija kkostitwita biss mir-Regolament Nru 17 u, mill-1 ta’ Mejju 2004, mir-Regolament Nru 1/2003. Id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw kawżi oħra għandhom biss natura indikattiva f’dak li jirrigwarda l-eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni, peress li ma huwiex probabbli li ċ-ċirkustanzi proprji tagħha, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, ikunu identiċi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti sabiex jintwera li Telefónica ma setgħetx tantiċipa li l-aġir tagħha seta’ jammonta għal ksur tal-Artikolu 82 KE ġew b’hekk miċħuda fil-punti 322 sa 352 iktar ’il fuq.

387    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-ewwel ilment tar-rikorrenti, kif espost fil-punt 382 iktar ’il fuq, ma jistax jintlaqa’.

388    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-ammont minimu tal-multa huwa eċċessiv hekk kif jirriżulta min-nuqqas ta’ impatt konkret, jew mill-impatt limitat, tal-prattiki kontenzjużi.

389    Għandu jitfakkar li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, tipproċedi b’eżami tal-impatt konkret fuq is-suq biss meta jidher li dan l-impatt jista’ jiġi kkwantifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 83, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

390    Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tqis opportun, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, li tikkunsidra dan l-element fakultattiv li huwa l-impatt konkret tal-ksur fis-suq, hija ma tistax tillimita ruħha li tipprovdi sempliċi preżunzjoni, iżda għandha tipprovdi indizji konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettu li jiġi evalwat l-effett reali li l-ksur seta’ jkollu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq l-imsemmi suq (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 83, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).

391    F’din il-kawża, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tikkunsidra dan l-element fakultattiv irrappreżentat mill-impatt konkret tal-ksur, ħaġa li, mistoqsija dwar dan il-punt, hija kkonfermat speċifikament fis-seduta. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessi 751 u 752 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li “l-impatt tal-abbuż ta’ Telefónica fuq is-suq [kien] sinjifikattiv”. B’hekk, hija tindika, minn naħa, li, fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, hija qieset il-fatt li s-swieq inkwistjoni kienu ta’ valur ekonomiku kunsiderevoli u għandhom rwol kruċjali fl-implementazzjoni ta’ soċjetà tal-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għat-taqsima tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-effetti tal-abbuż, hija qieset li l-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet implementata minn Telefónica kellha effett ta’ esklużjoni diretta fuq is-suq bl-imnut u li l-fatt li l-aġir ta’ Telefónica kien irrestrinġa l-kapaċità tal-operaturi ADSL li jikbru b’mod sostenibbli fis-suq bl-imnut jidher li kien fattur importanti fid-dawl tal-fatt li l-prezzijiet bl-imnut fi Spanja kienu fost l-ogħla fl-Ewropa.

392    Peress li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-finijiet li tistabbilixxi l-impatt konkret tal-ksur fis-suq, tibbaża ruħha mhux biss fuq il-valur ekonomiku kunsiderevoli u r-rwol kruċjali tas-swieq ikkonċernati fl-implementazzjoni tas-soċjetà tal-informazzjoni, iżda wkoll fuq l-effetti tal-abbuż, jeħtieġ, fil-kuntest tal-motiv preżenti, li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, imressqa fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames motiv tat-talbiet prinċipali tagħhom, bil-għan li jintwera li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-effetti konkreti tal-abbuż ta’ Telefónica.

393    Fir-rigward tal-allegati effetti konkreti ta’ esklużjoni fis-suq bl-imnut, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li jeżistu provi empiriċi li, l-ewwel nett, it-tkabbir ta’ Telefónica kien eċċeda dak tal-kompetituri tagħha (premessi 567 sa 570 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni nett, Telefónica baqgħet bil-kbir l-ewwel fornitur ADSL fis-suq bl-imnut tal-massa fil-perijodu kollu ta’ investigazzjoni (premessi 571 sa 573 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tielet nett, kuntrarjament għall-kompetituri tagħha ADSL, Telefónica kienet kisbet sehem mis-suq bl-imnut tal-high speed internet ogħla minn dak li hija kellha għas-servizzi ta’ veloċità baxxa (premessi 574 sa 578 tad-deċiżjoni kkontestata), u r-raba’ nett, l-aġir ta’ Telefónica kien illimita l-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa nazzjonali (premessi 579 sa 584 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-kompetizzjoni limitata li tkun preżenti fis-suq bl-imnut ma hijiex suffiċjenti sabiex tinvalida l-fatt li l-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kellha effetti konkreti ta’ esklużjoni (premessi 585 sa 591 tad-deċiżjoni kkontestata).

394    L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, is-sehem mis-suq ta’ Telefónica fis-suq bl-imnut kien naqas b’mod kunsiderevoli fil-perijodu analizzat, li jkun irrikonċiljabbli mal-iżvilupp ta’ strateġija ta’ esklużjoni. Ir-rata ta’ kisba ta’ klijenti għas-servizzi bl-imnut ta’ Telefónica (premessi 568 sa 570 tad-deċiżjoni kkontestata) dejjem kienet iktar baxxa mis-sehem ta’ Telefónica f’dan is-suq. Barra minn hekk, id-data li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha kienet tikkonċerna biss is-segment bl-imnut tal-ADSL u kienet teskludi l-prodotti bbażati fuq prodotti oħra tal-high speed internet, li jifformaw parti mis-suq bl-imnut hekk kif iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata.

395    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jingħad li r-rikorrenti ma jikkontestawx id-data ppreżentata mill-Kummissjoni fil-premessi 568 sa 570 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont dawn, Telefónica żviluppat b’rittmu erba’ darbiet iktar mgħaġġel fis-suq bl-imnut mill-kompetituri kollha tagħha tal-ADSL meħuda flimkien u, rispettivament, sitta u erbatax-il darba iktar mgħaġġel miż-żewġ kompetituri prinċipali tagħha bejn Jannar 2002 u Ottubru 2004. Min-naħa l-oħra, tul l-aħħar trimestru tal-2004 u tal-ewwel semestru tal-2005, Telefónica assorbiet madwar 70 % tat-tkabbir tas-suq tal-ADSL. Fl-aħħar nett, it-tisħiħ progressiv tal-offerti bl-imnut tal-kompetituri bbażat fuq l-aċċess mhux marbut mal-loop lokali ma waqqafx lil Telefónica milli tikseb iktar minn 70 % tal-abbonati ġodda fis-segment ADSL bejn April 2005 u Lulju 2006.

396    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, għandu jiġi enfasizzat li s-sehem mis-suq ta’ Telefónica fis-segment ADSL tas-suq bl-imnut baqa’ relattivament stabbli fil-perijodu tal-ksur (skema 13 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan, wara tnaqqis ta’ [kunfidenzjali] bejn Diċembru 2001 u Lulju 2002, marret minn 58 % f’Lulju 2002 (jiġifieri sitt xhur biss wara l-bidu tal-perijodu tal-ksur) għal 56 % fit-tmiem tal-perijodu tal-ksur, f’Diċembru 2006. Ir-rikorrenti b’hekk ma jsostnux li s-sehem tagħhom mis-suq fis-segment ADSL bl-imnut naqas b’mod kunsiderevoli.

397    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ma ġiex attribwit lill-Kummissjoni li hija analizzat b’mod iktar partikolari l-effetti tal-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fuq is-segment ADSL tas-suq bl-imnut. Fil-fatt, dan is-segment jirrappreżenta bejn 72 u 78.7 % tal-linji tal-high speed internet fi Spanja bejn l-2002 u l-2006 (premessi 39, 555 u t-tabella 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija ġiet effettwata direttament mill-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, peress li din effetwat il-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali, li jippermettu lill-operaturi ADSL alternattivi joffru l-prodott tagħhom fis-suq bl-imnut.

398    Fl-aħħar nett, hekk kif diġà ntqal fil-punt 281 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset l-eżistenza tal-operaturi tal-cable. Hija qieset li dan ma kienx ġie direttament effettwat mill-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, u li huma min-naħa l-oħra ma kinux eżerċitaw limitazzjoni kompetittiva suffiċjenti fuq Telefónica fis-suq bl-imnut (premessi 559 u 560 tad-deċiżjoni kkontestata).

399    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx l-affermazzjoni tagħha li tgħid li l-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet eżawrixxiet finanzjarjament il-kompetituri ta’ Telefónica (premessi 587 sa 591 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, din l-affermazzjoni għandha l-għan biss li tikkonfuta l-argument ta’ Telefónica, ifformulat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jgħid li hija kellha tiffaċċja kompetizzjoni intensa minn naħa ta’ numru kbir ta’ kompetituri effettivi (premessa 585 tad-deċiżjoni kkontestata), li turi, skont din, li l-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kellha effetti konkreti ta’ esklużjoni. Issa, peress li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjoni li tidher fil-premessa 588 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-ebda operatur ADSL ma kien laħaq sehem mis-suq ogħla minn 1 % qabel l-2005, l-argument tagħhom ma jistax jirnexxi. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, u hekk kif il-Kummissjoni sostniet fil-premessa 590 tad-deċiżjoni kkontestata, Jazztel ma kinitx kapaċi tilħaq sehem mis-suq ogħla minn 1 % fuq il-bażi tal-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali ta’ Telefónica. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li ħafna akkwisti ta’ operaturi alternattivi permezz ta’ operaturi oħra, għal valuri għolja, jirriflettu l-perspettivi għolja ta’ tkabbir ta’ operaturi alternattivi, dan ma jurix in-nuqqas ta’ effetti ta’ esklużjoni tal-aġir ta’ Telefónica fil-perijodu tal-ksur. Barra minn hekk, il-kisba ta’ Ya.com minn France Telecom, li għaliha jirreferu speċifikament ir-rikorrenti, hija ta’ Ġunju 2007. Hija b’hekk seħħet wara l-imsemmi perijodu.

400    It-tielet nett, il-Kummissjoni allegatament żnaturat id-data, kif ukoll ir-rati ta’ tkabbir fis-suq bl-imnut, sabiex jintwera li l-aġir ta’ Telefónica kellu bħala effett li jillimita l-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa (premessi 579 sa 584 tad-deċiżjoni kkontestata). Mistoqsija fis-seduta fuq is-sens u l-portata tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma jirreferux għar-rati ta’ tkabbir fis-suq bl-imnut. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal rati ta’ żieda ta’ linji bl-ingrossa, mingħajr ma jitqies l-awtokonsumazzjoni, li tkun imwettqa minn ħafna operaturi li jintegraw vertikalment. Madankollu, dan l-argument, li ma ġiex ipprovat, ma għandux jintlaqa’, hekk kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna 654 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-iskema 18 taħt il-premessa 579 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l-]qliegħ nett huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-evoluzzjoni tal-linji (inkluż fosthom l-awtokonsumazzjoni) fis-suq nazzjonali bl-ingrossa”. Il-Kummissjoni b’hekk effettivament qieset l-imsemmija awtokonsumazzjoni.

401    F’kull każ, għandu jingħad li, minkejja l-fatt li Telefónica allegatament tilfet xi ishma mis-suq fil-livell tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali (skema 18 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li t-tkabbir ta’ Telefónica fil-livell tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali bejn Jannar 2002 u Ottubru 2004 żviluppa b’rata li kienet sitt darbiet ogħla minn dak tal-kompetituri ADSL kollha kemm huma, għaxar darbiet ogħla minn dak tal-kompetitur prinċipali ADSL ONO u 30 darba ogħla minn dak tat-tieni kompetitur tagħha ADSL France Telecom (premessa 580 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li minn Ottubru 2004 Telefónica kompliet tgawdi minn tkabbir fil-livell tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali b’rittmu li kien tliet darbiet ogħla minn dak tal-kompetituri tagħha ADSL kollha kemm huma, seba’ darbiet ogħla minn dak tal-kompetitur prinċipali ADSL France Telecom u għaxar dabiet ogħla minn dak tat-tieni kompetitur ADSL Jazztel. Min-naħa l-oħra, Auna, li kienet il-kompetitur prinċipali ta’ Telefónica fis-suq bl-ingrossa nazzjonali, rat il-volumi tagħha jonqos f’dan l-aħħar perijodu (premessa 581 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, it-tkabbir ta’ Telefónica fis-suq tal-linji ADSL fil-livell tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali u t-tnaqqis tal-volumi ta’ Auna fis-suq bl-ingrossa nazzjonali għandhom jitqiesu li huma indizji tal-effetti konkreti ta’ esklużjoni tal-kompetituri tagħha.

402    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u mingħajr ma jkun hemm lok li tippronunzja ruħha fuq l-argumenti tar-rikorrenti bil-għan li jiġi kkontestat il-paragun bejn is-servizzi ta’ veloċità baxxa u s-servizzi ta’ high speed internet, li sar mill-Kummissjoni fil-premessi 574 sa 578 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitqies li l-Kummissjoni pproduċiet indizji konkreti suffiċjenti, kredibbli u adegwati sabiex jiġi stabbilit li l-aġir ta’ Telefónica kellu effetti konkreti ta’ esklużjoni fis-suq.

403    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jikkontestaw l-allegat dannu subit mill-konsumaturi. Huma jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-aġir ta’ Telefónica wassal il-prezzijiet bl-imnut għal livell li jidher fost l-ogħla, saħansitra fl-ogħla livell, tal-Unjoni, meta din kienet komposta minn ħmistax-il Stat Membru, u anki għollihom iktar mill-prezzijiet bl-imnut l-iktar ogħla ta’ dawn l-istati membri.

404    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li fil-premessi 592 sa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li:

–        l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni u ta’ Żviluppi Ekonomiċi (OECD), fi studju tat-18 ta’ Ġunju 2004, kienet ikkonkludiet li d-dħul mensili medju ta’ konnessjoni b’high speed internet fi Spanja kienet waħda mill-iktar għoljin fl-Ewropa f’dak li jirrigwarda prezz-prestazzjoni, li kienet ġiet ikkonfermata minn studju mwettaq minn assoċjazzjoni tal-konsumaturi Spanjoli, l-Organización de Consumidores y Usuarios (OCU) (premessa 594 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-analiżi mwettqa miċ-CMT bejn l-2004 u l-2006 juru li l-prezzijiet bl-imnut tal-aċċess għall-high speed internet fi Spanja kienu għolja u nettament ogħla mill-medja Ewropea (premessa 595 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        studju minn Diċembru 2006 (iktar ’il quddiem l-“studju tal-2006”), li sar fuq talba tal-ARN Irlandiża, il-Commission for Communications Regulation (ComReg) u li saret mill-uffiċċju Teligen, kien ikkonkluda li l-prezzijiet bl-imnut ta’ Telefónica kienu ogħla minn 85 % tal-medja Ewropea (premessi 596 sa 601 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        Telefónica kienet ikkalkolat, fuq il-bażi tad-data tagħha, li l-prezz bl-imnut medju fi Spanja kien ogħla minn 20 % tal-prezz medju tal-Unjoni, meta dan kien impost fuq ħmistax-il Stat Membru (premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata).

405    Minn naħa, fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx uriet li l-prezzijiet bl-imnut fi Spanja huma fost l-ogħla fl-Ewropa. Madankollu, għal dan il-għan, huma kkontestaw biss ir-riżultati tal-istudju tal-2006, fejn sostnew li l-offerti li huma s-suġġett tal-paragun kienu eteroġeni, li dan l-istudju ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-promozzjonijiet, u lanqas il-prezzijiet tal-prodotti l-iktar popolari, u li l-kampjun ikkunsidrat kien jikkonċerna biss is-sitwazzjoni ta’ ħmistax-il pajjiż f’mument partikolari. Huma madankollu ma kkontestawx l-istudji l-oħra ċċitati mill-Kummissjoni, li jattestaw il-livell għoli ta’ prezzijiet tal-prodott bl-imnut fi Spanja, b’mod li l-argument tagħhom ma jistax jiġu aċċettat. F’kull każ, hekk kif il-Kummissjoni sostniet fil-premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, Telefónica stess, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, irrikonoxxiet li sempliċi paragun tal-prezzijiet bl-imnut fl-Istati Membri jwassal għall-konklużjoni li tgħid li l-prezzijiet bl-imnut fi Spanja kienu l-iktar għolja fl-Unjoni, meta din kienet komposta minn ħmistax-il Stat Membru, “għall-perijodu 1999‑2005”.

406    Min-naħa l-oħra, fir-replika tagħhom u fis-seduta, ir-rikorrenti sostnew li l-ebda waħda mill-istudji ċċitati mill-Kummissjoni ma jwieġbu għad-domanda dwar jekk il-konsumaturi Spanjoli kinux appoġġaw prezzijiet bl-imnut ta’ aċċess għal Internet tal-broadband ogħla minħabba effett ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet anti kompetittivi.

407    Madankollu, tfakkar fil-punt 390 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni kellha tipprovdi indizji konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettu li tiġi evalwata l-influwenza konkreta li l-ksur setgħa jkollu f’dan ir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni. Issa, għandu jitqies li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-livell għoli tal-prezzijiet bl-imnut fi Spanja jammonta għal tali indizju tal-impatt konkret tal-aġir ta’ Telefónica fis-suq Spanjol.

408    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tidher fil-premessa 603 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li r-rata ta’ penetrazzjoni tal-broadband fi Spanja tinstab taħt il-medja ewropea, hija żbaljata. Għal dan il-għan, huma jsostnu li Spanja tinsab “leġġerment” taħt il-medja Ewropea, li din l-evoluzzjoni kienet diġà s-suġġett tal-previżjonijiet fl-2001 minħabba l-iżvilupp tard tal-aċċess għall-high speed internet fi Spanja jew inkella li din il-konstatazzjoni hija attribwita għall-fatturi soċjodemografiċi.

409    B’hekk, jekk huwa minnu li r-rikorrenti jressqu ċerti argumenti li jistgħu jispjegaw li l-imsemmija rata hija taħt il-medja Ewropea, huma ma jikkontestawx li din kienet effettivament iktar baxxa minn din il-medja. Issa, għandu jitqies li mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni qieset li r-rata ta’ penetrazzjoni tal-broadband inqas għolja fi Spanja milli fl-Istati Membri l-oħra tammonta wkoll għal indizju tal-impatt konkret tal-aġir ta’ Telefónica fis-suq Spanjol.

410    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, it-tieni lment tar-rikorrenti, hekk kif espost fil-punt 388 iktar ’il fuq, ma jistax jintlaqa’.

411    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-ammont minimu tal-multa huwa eċċessiv, hekk kif jirriżulta mill-portata ġeografika tas-swieq allegatament ikkonċernati.

412    L-ewwel nett, għandhom jiġi miċħuda l-argumenti bbażati fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, li jgħidu li, fid-deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam tal-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, il-Kummissjoni allegatament ikkunsidrat kull darba li l-okkorrenzi ta’ ksur kienu “serji” meta s-swieq inkwistjoni kellhom karatteristiċi komparabbli ma’ dawk tas-suq Spanjol ta’ aċċess għall-internet permezz tal-high speed internet. Fil-fatt, hekk kif ġie sostnut fil-punt 386 iktar ’il fuq, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix ta’ qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

413    It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-ksur kellu jiġi kklassifikat bħala “serju” peress li “s-suq inkwistjoni kien limitat (l-iktar) għat-territorju ta’ Stat Membru”. Fil-fatt, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 755 tad-deċiżjoni kkontestata, minbarra l-fatt li, jekk il-każijiet ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet huma neċessarjament limitati għal Stat Membru wieħed, huma jipprekludu lill-operaturi minn Stati Membri oħra milli jidħlu fis-suq li jkun qed jikber b’mod qawwi, is-suq Spanjol tal-high speed internet huwa l-ħames l-ikbar suq nazzjonali tal-high speed internet fl-Unjoni. Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni sostniet fil-premessa 742 tad-deċiżjoni kkontestata, l-abbuż ta’ Telefónica jammonta għal abbuż serju minn naħa tal-impriża li għandha pożizzjoni virtwalment monopolista. Hekk kif jirriżulta min-naħa l-oħra mill-punti 388 sa 410 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament qieset li l-aġir ta’ Telefónica kellu impatt sinjifikattiv fis-suq bl-imnut. Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-portata tas-suq ġeografiku jirrappreżenta biss wieħed mit-tliet kriterji rilevanti, skont il-linji gwida tal-1998, għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur. Fost dawn il-kriterji interdipendenti, in-natura tal-ksur għandha rwol primordjali. Min-naħa l-oħra, il-portata tas-suq ġeografiku ma hijiex kriterju awtonomu fis-sens li huma biss il-ksur li jirrigwarda ħafna Stati Membri li jista’ jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna”. La t-Trattat KE, la r-Regolament Nru 17, la r-Regolament Nru 1/2003, la l-linji gwida tal-1998, u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jitqies li restrizzjonijiet estiżi ħafna ġeografikament biss jistgħu jiġu kklassifikati hekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 319, iċċitata iktar ’il fuq, punt 311, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ġustament ikklassifikat il-ksur bħala “serju ħafna”, anki jekk id-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni kien limitat għat-territorju Spajnol.

414    It-tielet ilment tar-rikorrenti, kif espost fil-punt 411 iktar ’il fuq, għandu b’hekk jiġi miċħud.

415    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni injorat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u wettqet żball ta’ liġi, meta ma kkunsidratx il-livell varjabbli tal-gravità tal-ksur fil-perijodu tal-ksur.

416    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-ħtiġijiet tal-formalità sostantiva li jikkostitwixxu l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li wassluwha sabiex tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punt 73, u s-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 150, iċċitata iktar ’il fuq, punt 1521). Dawn il-ħtiġijiet ma jorbtux lill-Kummissjoni tindika fid-deċiżjoni tagħha ċ-ċifri relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-multi (ara s-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 58, iċċitata iktar ’il fuq, punt 1361 u l-ġurisprudenza ċċitata).

417    F’din il-kawża, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 750 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-ksur kellu jkun ikkunsidrat bħala serju ħafna”. Barra minn hekk, fil-premessa 756 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, li “l-ksur [kellu], prinċipalment, ikun ikkwalifikat bħala serju ħafna, minkejja li din ma kinitx ta’ gravità uniformi tul il-perijodu kkunsidrat” u, min-naħa l-oħra, li “l-ammont inizjali tal-multa jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-gravità tal-abbuż ta’ Telefónica [kien] sar f’kull każ iktar ċar, b’mod partikolari wara d-deċiżjoni Deutsche Telekom”.

418    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegata kontradizzjoni tal-motivi, li jirriżultaw mill-fatt li l-Kummissjoni kienet qieset li l-ksur kien “serju ħafna” b’mod li huwa setgħa kien inqas serju qabel ix-xahar ta’ Ottubru 2003, data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni Deutsche Telekom. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta ukoll mill-premessi 738 sa 758 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-ksur kien “serju ħafna” tul il-perijodu kkonċernat, anki jekk din il-gravità ma kinitx uniformi tul l-imsemmi perijodu. Min-naħa l-oħra, l-argument ibbażat fuq in-nuqqas totali ta’ motivazzjoni jikkonċerna l-“metodu tal-kalkolu partikolari tal-‘ammont bażiku’” għandu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 416 iktar ’il fuq, jiġi wkoll miċħud.

419    It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma waslitx għall-konsegwenzi tal-konstatazzjonijiet imsemmija fil-punt 417 iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-ksur jew f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-ammont minimu tal-multa, fejn kellha, għall-inqas, tikklassifika l-ksur bħala “serju” u tiffissa l-ammont minimu tal-multa għal-livell iktar baxx b’mod sinjifikattiv. Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata peress li, minn naħa, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (ara l-punti 371 sa 414 iktar ’il fuq) li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-ksur kellu jkun ikklassifikat bħala “serju ħafna” għal perijodu kollu kkonċernat u, min-naħa l-oħra, li mill-premessi 750 u 760 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta speċifikament li, minkejja l-klassifikazzjoni ta’ “serju ħafna” għall-imsemmi perijodu kollu, il-Kummissjoni effettivament qieset l-intensità varjabbli tal-ksur fl-iffissar tal-ammont minimu tal-multa (ara l-punti 27 u 417 iktar ’il fuq).

420    Ir-raba’ lment tar-rikorrenti, kif espost fil-punt 388 iktar ’il fuq, b’hekk ma għandux jintlaqa’.

421    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fl-iffissar tal-ammont minimu tal-multa

422    Fil-kuntest tal-motiv preżenti, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ proporzzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fl-iffissar tal-ammont minimu tal-multa.

423    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni.

424    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jipprekludi, b’mod partikolari, li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti, sakemm tali trattament ma jkunx jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 95; tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 40, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2008, Compagnie maritime belge vs Il-Kummissjoni, T‑276/04, Ġabra p. II‑1277, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

425    F’din il-kawża, għall-finijiet li turi li l-prinċipju ta’ trattament ugwali nkiser, ir-rikorrenti jenfasizzaw id-differenzi, fl-iffissar tal-ammont minimu tal-multa, bejn, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, ġabra ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 386 iktar ’il fuq, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix ta’ qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

426    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti ffissati mir-Regolament Nru 17 u mir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 59, iċċitata iktar ’il fuq, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata).

427    Għall-kuntrarju, l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni teħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ fi kwalunke mument tadatta l-livell tal-multi għall-ħtiġijiet ta’ din il-politika. Aġir bħal dan ma jikkaratterizzax ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-prattika preċedenti tagħha (ara s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 67, iċċitata iktar ’il fuq, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali b’hekk ma ġie kkonstatat f’din il-kawża.

428    It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

429    Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u ġġustifikat oġġettivament (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 228 u l-ġurisprudenza ċċitata).

430    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jingħad li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1/2003, marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tidderieġi l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 67, iċċitata iktar ’il fuq, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

431    Għandu wkoll jitfakkar li l-metodoloġija esposta fil-punt 1 A tal-linji gwida tal-1998 tissodisfa loġika stabbilita, li tgħid li l-ammont minimu tal-multa, iddeterminat skont il-gravità tal-ksur, huwa kkalkolat abbażi tan-natura tal-ksur, tal-impatt reali tiegħu fuq is-suq fejn dan jista’ jkun ikkalkolat u tad-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑116/04, Ġabra p. II‑1087, punt 62).

432    F’din il-kawża, hekk kif jirriżulta mill-punti 371 sa 421 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament ikklassifikat il-ksur bħala “serju ħafna”. Fir-rigward tal-fatt, minn naħa, li l-abbuż ta’ Telefónica għandu jitqies li huwa abbuż serju li għalih jeżistu preċedenti, li jikkompromettu l-għan tal-kisba ta’ suq intern għan-netwerks u s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi abbuż kellu impatt sinjifikattiv fis-suq bl-imnut Spanjol (premessi 738 sa 757 tad-deċiżjoni kkontestata), ammont minimu tal-multa ta’ EUR 90 miljun ma għandux jitqies li huwa sproporzjonat.

433    It-tielet nett, ir-rikorrenti ma jallegawx li nkiser il-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni. Fil-fatt, sabiex tevalwa l-gravità ta’ ksur sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, l-iktar għat-tipi ta’ ksur partikolarment ta’ dannu għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 67, iċċitata iktar ’il fuq, punt 169, u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-dissważjoni għandha tkun kemm speċifika kif ukoll ġenerali. Filwaqt li tikkundanna ksur individwali, il-multa taqa’ wkoll fil-kuntest ta’ politika ġenerali ta’ osservanza mill-impriżi tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 313, iċċitata iktar ’il fuq, punt 106). Issa, jekk huwa minnu li l-multa tista’ wkoll ikollha effett dissważiv ġenerali fir-rigward tal-impriżi l-oħra li jikkunsidraw li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f’din il-kawża, din ġiet ikkalkolata fid-dawl tas-sitwazzjoni proprja ta’ Telefónica, jiġifieri l-gravità tal-allegat ksur fir-rigward tan-natura tiegħu, l-effetti tiegħu fuq is-suq u l-portata tas-suq ġeografiku inkwistjoni, it-tul tagħhom u l-preżenza ta’ ċirkustanzi attenwanti. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-effett dissważiv ġenerali tal-multa kien l-“ewwel u l-aħħar għan tal-multa”.

434    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni, għandu jitfakkar li hekk kif intqal fil-punt 416 iktar ’il fuq, ir-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali li jammontaw għall-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha li tqis il-gravità u t-tul tal-ksur, mingħajr ma tkun marbuta tipprovdi spjegazzjoni iktar dettaljata jew iċ-ċifri li jirrigwardaw il-metodu tal-kalkolu tal-multa. Issa, elementi bħal dawn jidhru fil-premessi 713 sa 767 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-loġika stabbilita inerenti għall-kalkolu tal-ammont minimu tal-multa ssemmiet fil-punt 431 iktar ’il fuq. L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kellha tispjega b’mod iktar dettaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, kif hija stabbilixxiet l-ammont minimu tal-multa ta’ EUR 90 miljun b’hekk għandu jiġi miċħud.

435    Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 386 iktar ’il fuq, peress li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, ir-rikorrenti ma jattribwixxux lill-Kummissjoni li ma indikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom l-ammont minimu tal-multa impost fuq Telefónica kien sijnifikattivament ogħla mill-ammont minimu tal-multa imposta fid-deċiżjoni Wanadoo Interactive, u lanqas li ma ppreċiżatx ir-raġunijiet li għalihom kien, f’din il-kawża, ġustifikat li tiġi imposta fuq Telefónica multa li l-ammont tagħha kien ogħla minn dak iffissat fid-deċiżjoni Deutsche Telekom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 268, iċċitata iktar ’il fuq, punt 255).

436    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni għandu jiġi miċħud, kif ukoll it-tieni parti tat-tieni motiv kollha kemm hi.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fiż-żieda tal-ammont minimu tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni

437    Fil-kuntest tal-parti preżenti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fiż-żieda tal-ammont minimu tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni.

438    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida tal-1998, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont minimu tal-multa, huwa “neċessarju li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li jikkreaw dannu kbir lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa fil-livell li jiżgura karattru suffiċjentement dissważiv”. Min-naħa l-oħra, skont il-ħames subparagrafu tal-punt 1 A, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra l-fatt li “l-impriżi ta’ daqs kbir għandhom fil-parti l-kbira tagħrif u infrastrutturi ġuridiċi-ekonomiċi li faċilment jippermettulhom li jirrikonoxxu li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur u li jkunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan skont id-dritt tal-kompetizzjoni”.

439    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni taż-żieda għall-finijiet dissważivi, għandu jingħad li, fil-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li, “[b’]kunsiderazzjoni tas-saħħa ekonomika sinjifikattiva ta’ Telefónica, sabiex tiġi żgurata fir-rigward tal-multa effett dissważiv suffiċjenti, l-ammont inizjali [kellu] jkun aġġustat ’il fuq permezz ta’ fattur ta’ 1.25”. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 791 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li Telefónica kienet l-ikbar operatur storiku ta’ telekomunikazzjonijiet fl-Ewropa f’termini ta’ kapitalizzazzjoni fis-suq u li r-riżorsi u l-profitti ta’ Telefónica kienu sinjifikattivi. Hija indikat ukoll li, skont id-dikjarazzjoni tagħha mill-United States Securities and Exchange Commission (Kummissjoni tat-titoli u tal-borsa tal-Istati Uniti) għas-sena fiskali 2006, Telefónica kienet tippossjedi riżerva tat-teżor u ta’ investimenti finanzjarji fuq terminu qasir ta’ EUR 5 472 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2006 u li l-profitti tagħha kienu telgħu għal EUR 6 579 miljun fis-sena fiskali 2006 għal dħul ta’ EUR 52 901 miljun. B’hekk jirriżulta li ż-żieda tal-ammont tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni kienet motivata b’mod suffiċjenti skont il-liġi.

440    It-tieni nett, għandom jiġu miċħuda l-argumenti li jgħidu li, minn naħa, il-Kummissjoni kellha tivverifika jekk l-ammont minimu tal-multa ta’ EUR 90 miljun kienx diġà fih innifsu kien suffiċjentement dissważiv, anki fin-nuqqas taż-żieda, u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tiġi miżjuda multa għal finijiet dissważivi kellha tiġi ddeterminata wara li kien ikkalkolat l-ammont finali tagħha. F’dan ir-rigward għandu jingħad li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-legalità tal-linji gwida tal-1998, li permezz tagħhom, il-kunsiderazzjoni tal-effett dissważiv ta’ multa tammonta għal wieħed mill-fatturi li huma kkunsidrati sabiex jiġi ffissat l-ammont minimu tal-multa. Issa, għandu jitqies li l-Kummissjoni setgħet, ġustament tikkunsidra li s-saħħa ekonomika sinjifikattiva ta’ Telefónica, li kienet, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ikbar operatur storiku tat-telekomunikazzjonijiet f’termini ta’ kapitalizzazzjoni fis-suq (premessa 758 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 791 tad-deċiżjoni kkontestata), tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ fattur ta’ dissważjoni, l-iktar peress li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-ammont minimu tal-multa jirrappreżenta biss, f’din il-kawża, 0.17 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Telefónica.

441    It-tielet nett, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni għall-finijiet li jintwera li din tal-aħħar kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali billi żiedet l-ammont minimu tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni. B’hekk, il-kapaċità finanzjarja ta’ Telefónica ma tiġġustifikax li hija tiġi ttrattata b’mod differenti mill-impriżi Wanadoo Interactive u Deutsche Telekom, li għalihom il-Kummissjoni ma kinitx applikat żieda għal finijiet ta’ dissważjoni. Argument bħal dan għandu madankollu jiġi miċħud, peress li hekk kif intqal fil-punt 386 iktar ’il fuq, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix ta’ qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. L-unika konstatazzjoni li l-Kummissjoni żiedet l-ammont tal-multa imposta fuq Telefónica għall-finijiet dissważivi fil-kawża preżenti, peress li ebda żieda għall-dan il-għan ma ġiet applikata fid-deċiżjonijiet Wanadoo Interactive u Deutsche Telekom, b’hekk ma tkunx ta’ bażi għall-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. L-ilment tar-rikorrenti għandu b’hekk jiġi miċħud.

442    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni, huwa suffiċjenti li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punt 433 iktar ’il fuq.

443    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-Kummissjoni wettqet numru ta’ żbalji meta żiedet l-ammont minimu tal-multa imposta fuq Telefónica bil-għan ta’ effett dissważiv huma infondati, b’mod li għandha tiġi miċħuda t-tielet parti tat-tieni motiv.

 Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa fil-klassifikazzjoni tal-ksur ta’ “terminu twil”

444    Fil-kuntest tal-parti preżenti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta ddeterminat il-punt tat-tluq u d-data finali tal-ksur.

445    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tul ta’ żmien tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li huma ħatja ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

446    F’dak li jikkonċerna l-fattur relattiv għat-tul ta’ żmien tal-ksur, il-linji gwida tal-1998 jagħmlu distinzjoni bejn il-ksur ta’ dewmien qasir (ġeneralment ta’ inqas minn sena), li fir-rigward tiegħu l-ammont minimu tal-multa kkunsidrat abbażi tal-gravità ma għandux jiżdied, il-ksur ta’ dewmien medju (ġeneralment minn sena sa ħames snin), li fir-rigward tiegħu dan l-ammont jista’ jiżdied b’50 %, u l-ksur ta’ dewmien twil (ġeneralment iktar minn ħames snin), li fir-rigward tiegħu dan l-ammont jista’ jiżdied b’10 % kull sena (l-ewwel sat-tielet inċiż, tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 B tal-linji gwida tal-1998).

447    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkontestaw l-iffissar, fil-premessa 759 tad-deċiżjoni kkontestata, tad-data tal-bidu tal-ksur.

448    L-ewwel nett, għall-motivi esposti fil-punti 356 sa 369 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li Telefónica ma kinitx f’pożizzjoni, qabel ix-xahar ta’ Ottubru 2003, li tkun taf li l-aġir tagħha seta’ jammonta għall-ksur tal-Artikolu 82 KE.

449    It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-ammont minimu tal-multa, tal-intensità varjabbli tal-ksur ġew miċħuda fil-punt 419 iktar ’il fuq.

450    It-tielet nett, l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-varjazzjoni tal-gravità tal-ksur tiġġustifika tnaqqis supplimentari skont it-tul ta’ dan il-ksur jwassal sabiex jiġu konfużi l-kriterji tal-gravità u tat-tul tal-ksur previst mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll mil-linji gwida tal-1998. Fil-fatt, permezz tal-argumenti tagħhom, huma jikkontestaw iż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa sa 10 % fis-sena b’riferiment għall-elementi marbuta mal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li huma baqgħu ma wrewx (ara l-punt 419 iktar ’il fuq). Peress li ż-żieda tat-tul issir bl-applikazzjoni ta’ ċerta perċentwali mal-ammont inizjali tal-multa li jiġi ddeterminat skont il-gravità tal-ksur kollu, u għalhekk diġà tirrifletti d-diversi intensitajiet tal-ksur, ma hemmx lok għalhekk li tiġi kkunsidrata għaż-żieda ta’ dan l-ammont minħabba t-tul tal-ksur varjazzjoni fl-intensità tal-ksur matul il-perijodu kkonċernat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 159). Għall-istess motivi, hemm ukoll lok li jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq il-fatt li, bejn is-26 ta’ Lulju 2001 u l-21 ta’ Diċembru 2006, iċ-CMT kienet eżerċitat kontroll fuq il-marġni ta’ Telefónica kif ukoll l-argument ibbażat fuq in-natura li tirriżulta mis-suq Spanjol u l-investimenti sinjifikattivi ta’ Telefónica fuq dan is-suq.

451    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-data ta’ tmiem tal-ksur, għandu jingħad li l-uniku argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-fatt li, sabiex tiġi stabbilita l-kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq id-data li tkopri l-perijodu li jmur mill-2001 sax-xahar ta’ Ġunju 2006. Madankollu, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tidher fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-livell tal-prezz tal-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali ma ġiex effettwat bejn id-deċiżjoni taċ-CMT tal-1 ta’ Ġunju 2006, data li fiha ċ-CMT biddlet ir-regolazzjoni tal-prezzijiet applikabbli għall-prodotti bl-ingrossa reġjonali u nazzjonali, li imponiet fuq Telefónica li jiġu orjentati lejn l-ispejjeż (premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata), u l-21 ta’ Diċembru 2006, data li fiha ċ-CMT adottat miżuri provviżorji li jipprovdu tnaqqis sostanzjali tal-prezzijiet tal-imsemmija prodotti, peress li l-prezzijiet tal-prodott bl-ingrossa reġjonali kienu tnaqqsu fi proporzjoni minn 22 sa 54 % u l-prezzijiet tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali (ADSL-IP) kienu tnaqqsu fi proporzjoni minn 24 sa 61 %. Barra minn hekk, huma ma jikkontestawx il-konstatazzjoni li tidher fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-prezzijiet bl-imnut ta’ TESAU ma kinux tbiddlu minn Settembru 2001. B’hekk huma ma jipprekludux xi tibdil tal-ispejjeż, li ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti. B’hekk għandu jitqies li l-ksur intemm fil-21 ta’ Diċembru 2006 (ara wkoll il-premessa 747 tad-deċiżjoni kkontestata).

452    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li hemm lok li jitqies li r-rikorrenti kienu infondati sabiex jagħmlu użu mit-terminu tal-ksur kontenzjuż sabiex jitolbu tnaqqis ta’ għall-inqas 20 % tal-ammont tal-multa imposta fuq Telefónica, għandha tiġi miċħuda r-raba’ parti tat-tieni motiv.

 Fuq il-ħames parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u żbalji ta’ fatt imwettqa fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti

453    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li mil-linji gwida tal-1998 jirriżulta li l-ammont minimu tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-ksur huwa mwettaq minħabba negliġenza u mhux b’mod intenzjonat (punt 3 tal-ħames inċiż tal-ewwel subparagrafu).

454    Hemm ukoll lok li jingħad li, konformement mal-ġurisprudenza, in-natura adegwata ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multa għaċ-ċirkustanzi attenwanti għandu jiġi evalwat mill-perspettiva ġenerali fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 274).

455    Issa, l-adozzjoni tal-linji gwida tal-1998 ma għamlitx irrilevanti l-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tieħu jew le inkunsiderazzjoni ċerti elementi meta hija tiffissa l-ammont tal-multi li hija għandha l-intenzjoni li timponi, abbażi b’mod partikolari taċ-ċirkustanzi tal-każ. B’hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura obbligatorja fl-imsemmija linji gwida taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-ammont ta’ tnaqqis eventwali tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 319, iċċitata iktar ’il fuq, punt 473).

456    F’din il-kawża, fil-premessa 765 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, f’dak li jirrigwarda l-intervent regolatorju taċ-CMT fir-rigward tal-prezzijiet tal-prodott bl-ingrossa reġjonali, li Telefónica aġixxiet b’mod negliġenti peress li, anki fis-sitwazzjoni favorevoli fejn hija setgħet taħseb, inizjalment, li l-mudell taċ-CMT kien ibbażat fuq stimi realistiċi, hija kellha, jew missha, irrealizzat malajr li l-ispejjeż effettivi ma jikkorrispondux mal-istimi użati miċ-CMT fl-analiżi tagħha ex ante (ara, ukoll, il-premessi 727 sa 730 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 10 % lil Telefónica għaċ-ċirkustanzi attenwanti (premessa 766 tad-deċiżjoni kkontestata).

457    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod suffiċjenti l-fatt li l-ksur seta’ twettaq parzjalment b’negliġenza.

458    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsdirat li n-negliġenza ta’ Telefónica kienet tikkonċerna biss il-prodott bl-ingrossa reġjonali. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 110 sa 143 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-prodotti bl-ingrossa nazzjonali u reġjonali ma jappartjenux għall-istess suq. Barra minn hekk, peress li l-prezzijiet tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali qatt ma ġew irregolati fil-perijodu tal-ksur, il-Kummissjoni ġustament qieset li ċ-ċirkustanza attenwanti marbuta man-negliġenza ta’ Telefónica kienet tikkonċerna biss il-prodott bl-ingrossa reġjonali. Il-fatt li kien eżista regolament settorjali li kien ippermetta liċ-CMT tintervjeni fir-rigward tal-prodott bl-ingrossa nazzjonali ta’ Telefónica huwa irrilevanti, peress li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, jekk ma huwiex eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, qafas ġuridiku nazzjonali jew aġir tal-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jammontaw għal ċirkustanzi attenwanti, l-approvazzjoni jew it-toleranza tal-ksur minn naħa tal-awtoritajiet nazzjonali ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għal dan il-għan meta l-impriżi inkwistjoni għandhom mezzi neċessarji sabiex jiksbu tagħrif ġuridiku preċiż u korrett (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punti 228 u 230).

459    It-tieni nett, għall-motivi esposti fil-punti 343 sa 352 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li n-negliġenza ta’ Telefónica kienet estremament serja, fir-rigward tal-aspettattivi leġittimi tagħha fl-azzjoni taċ-CMT u għall-kumplessità tal-kawża.

460    It-tielet nett, jekk ir-rikorrenti jsostnu li t-tnaqqis ta’ 10 % għaċ-ċirkustanzi attenwanti, li ngħata lill-impriża kkonċernata fid-deċiżjoni Deutsche Telekom, ma huwiex suffiċjenti f’din il-kawża minħabba, minn naħa, l-ammont bażiku ogħla ffissat għal Telefónica u, min-naħa l-oħra, r-regolamentazzjoni settorjali differenti fi Spanja, argument bħal dan ma għandux jintlaqa’. L-ewwel nett, hekk kif ġie żvelat fil-punt 386 iktar ’il fuq, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni diġà sostniet li l-uniku fatt li l-Kummissjoni tat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, ċerta rata ta’ tnaqqis għall-aġir partikolari ma jimplikax li hija marbuta tagħti l-istess tnaqqis proporzjonali fl-evalwazzjoni ta’ aġir simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 59, iċċitata iktar ’il fuq, punt 192). B’hekk, għandu jitqies, f’din il-kawża, li l-uniku fatt li l-Kummissjoni tat, fid-deċiżjoni tagħha Deutsche Telekom, ċerta rata ta’ tnaqqis għal ċirkustanza partikolari ma jimplikax li din tkun marbuta tagħti l-istess tnaqqis, u lanqas tnaqqis proporzjonalment ikbar, fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti fil-kuntest tal-kawża preżenti. B’hekk huma irrilevanti l-argumenti tar-rikorrenti, bbażati fuq ir-rata ta’ tnaqqis mogħtija fid-deċiżjoni Deutsche Telekom, għall-finijiet li jintwera li Telefónica kellha tibbenefika minn rata ta’ tnaqqis ogħla għaċ-ċirkunstanzi attenwanti. Fl-aħħar nett, f’kull każ, għandu jitfakkar li l-ammont minimu tal-multa huwa stabbilit, konformement mal-linji gwida tal-1998, abbażi tal-gravità u t-tul tal-ksur. Il-Kummissjoni b’hekk ma tkunx obbligata li tikkunsidra dan fil-qafas tal-istabbiliment tar-rata tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħtija lil impriża għal ċirkustanza attenwanti.

461    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat natura ġdid tal-kawża preżenti, huwa suffiċjenti li jsir riferiment għall-punti 356 sa 368 iktar ’il fuq.

462    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-ħames parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda kif ukoll l-imsemmi motiv fl-intier tiegħu.

463    B’hekk jirriżulta li t-talbiet sussidjarji għandhom jiġu miċħuda kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

464    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

465    Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, minn France Telecom, minn l-Ausbanc u mill-ECTA, skont kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Telefónica, SA u Telefónica de España, SA huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn France Telecom España, SA, mill-Asociación de Usuarios de Servicios Bancarios (Ausbanc Consumo) u mill-European Competitive Telecommunications Association, skont kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

Truchot

Martins Ribeiro

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Marzu 2012.

Firem


Werrej


Preżentazzjoni tar-rikorrenti

Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti li allegatament jinsabu fl-annessi

B –  Fuq il-mertu

1.  Fuq it-talbiet prinċipali, bil-għan tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

a)  Fuq il-portata tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni u l-oneru tal-prova

b)  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

c)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fid-definizzjoni tas-swieq bl-ingrossa inkwistjoni

d)  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-istabbiliment tal-allegata pożizzjoni dominanti ta’ Telefónica fuq is-swieq inkwistjoni

e)  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE f’dak li jirrigwarda l-aġir allegatament abbużiv ta’ Telefónica

f)  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u/jew ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ żbalji ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-aġir allegatament abbużiv ta’ Telefónica u l-impatt tiegħu allegatament antikompetittiv

Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u/jew ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti fl-applikazzjoni tat-test ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

–  Fuq l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażat fuq l-għażla tal-konnessjonijiet man-netwerk bl-ingrossa

–  Fuq it-tieni lment tal-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji u ommissjonijiet imwettqa fl-implementazzjoni tal-analiżi tal-FTA

–  Fuq it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji mwettqa fl-analiżi ta’ “perijodu b’perijodu”

Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv, ibbażata fuq li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti skont id-dritt l-effetti probabbli jew konkreti tal-aġir eżaminat

g)  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq applikazzjoni ultra vires tal-Artikolu 82 KE u ta’ ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetŕ, ta’ proporzjonalitŕ, ta’ ċertezza legali, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba

Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv, ibbażat fuq applikazzjoni ultra vires tal-Artikolu 82 KE

Fuq it-tieni parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ sussidjarjetŕ, ta’ proporzjonalitŕ u ta’ ċertezza legali

Fuq it-tielet parti tas-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba

2.  Fuq it-talbiet sussidjarji, bil-għan tal-annullament jew tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

a)  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt, ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ta’ liġi u ta’ ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tal-Artikolu 23(2), tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi

b)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi u ta’ ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ, ta’ trattament ugwali, ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll fuq nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” u l-iffissar tal-ammont minimu tal-multa għal EUR 90 miljun

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ, ta’ trattament ugwali u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fl-iffissar tal-ammont minimu tal-multa

Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fiż-żieda tal-ammont minimu tal-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni

Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa fil-klassifikazzjoni tal-ksur ta’ “terminu twil”

Fuq il-ħames parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u żbalji ta’ fatt imwettqa fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


1 —      Data kunfidenzjali moħbija.