Language of document : ECLI:EU:C:2010:774

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi − Moviment liberu tal-merkanzija − Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni − Miżura ta’ awtorità pubblika lokali li tirriżerva l-aċċess għall-coffee-shops għar-residenti Olandiżi − Kummerċjalizzazzjoni ta’ drogi msejħa ‘ħfief’ − Kummerċjalizzazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku u ta’ ikel − Għan ta’ ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga u tal-inkonvenjenzi li joħloq − Ordni pubbliku − Protezzjoni tas-saħħa pubblika − Koerenza − Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-137/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ April 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ April 2009, fil-proċedura

Marc Michel Josemans

vs

Burgemeester van Maastricht,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Josemans, minn A. Beckers, avukat,

–        għall-Burgemeester van Maastricht, minn S. A. R. Lely, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Noort, kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u L. Goossens, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard, G. de Bergues u A. Czubinski, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. van Vliet u I. Rogalski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Lulju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE, 18 KE, 29 KE u 49 KE.

2        Din it-talba kienet tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Josemans, li jmexxi l-coffee-shop “Easy Going”, u l-Burgemeester van Maastricht (sindku tal-komun ta’ Maastricht), għar-raġuni li dan tal-aħħar iddikjara l-istabbiliment inkwistjoni temporanjament magħluq wara żewġ konstatazzonijiet li persuni mhux residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu tħallew jidħlu fl-istabbiliment mingħajr kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dan il-komun.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        In-neċessità tal-ġlieda kontra d-droga, b’mod partikolari li jitrażżan it-traffiku illeċitu tiegħu u billi jiġi pprevenut il-konsum ta’ drogi narkotiċi kif ukoll id-dipendenza fuq id-drogi, ġiet rikonoxxuta minn diversi atti u strumenti tal-Unjoni.

4        Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI, tal-25 ta’ Ottubru 2004, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU L 153M, p. 94) stabbilixxiet, fil-premessa 1 tagħha, li t-traffikar illeċitu ta’ drogi joħloq theddida għas-saħħa, għas-sigurtà u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, u għall-ekonomija legali, għall-istabbiltà u għas-sigurtà tal-Istati Membri.

5        Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li meta mġieba minn dawn li ġejjin issir bil-ħsieb u tkun infondata fid-dritt din għandha tkun punibbli: il-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-preparazzjoni, l-offerta, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kunsinna fuq kwalunkwe kundizzjoni hi x’inhi, is-senserija, id-dispaċċ, id-dispaċċ fi transitu, it-trasport, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ drogi. Huwa ppreċiżat fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu li l-imġiba deskritta fil-paragrafu 1 ma għandiex tiġi inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kwadru meta din tiġi mwettqa mill-awturi tagħha esklużivament għall-konsum personali tagħhom kif iddefinit mil-liġi nazzjonali.

6        Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, tlettax-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, huma awtorizzati li jistabbilixxu bejniethom, fil-kuntest ġuridiku u istituzzjonali tal-Unjoni kif ukoll tat-Trattati UE u KE, kooperazzjoni iktar mill-qrib bejniethom fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, kif iddefinit fl-Anness tal-imsemmi protokoll.

7        Il-Konvenzjoni ta’ Applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 3), iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu), fid-19 ta’ Ġunju 1990, tagħmel parti mill-acquis ta’ Schengen hekk iddefinit. 

8        L-Artikolu 71(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li l-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li fir-rigward tal-bejgħ dirett jew indirett ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta’ kull tip, inkluża l-kannabis, u l-pussess ta’ prodotti bħal dawn għall-bejgħ jew għall-esportazzjoni, jadottaw b’mod konformi mal-konvenzjonijiet eżistenti tan-Nazzjonijiet Uniti, il-miżuri kollha meħtieġa sabiex wieħed jipprevjeni u jikkastiga t-traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

9        Fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu, huma ppreċiżati d-diversi miżuri li l-partijiet jimpenjaw ruħhom li jieħdu fil-kuntest tal-prevenzjoni u t-trażżin b’mod partikolari tal-esportazzjoni u tal-importazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi piskotropiċi, inkluża l-kannabis, kif ukoll il-bejgħ, il-provvista u l-għoti ta’ dawn il-prodotti u sustanzi. Skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-istess artikolu, il-partijiet għandhom jagħmlu l-almu tagħhom kollu sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-effetti negattivi tat-talba illeċita ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi.

10      Ċerti stumenti tal-Unjoni, bħar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 1996, dwar il-miżuri tal-ġlieda kontra l-problema tat-turiżmu tad-droga ġewwa l-Unjoni Ewropea (ĠU C 375, p. 3) kif ukoll l-Azzjoni Konġunta tas-17 ta’ Diċembru 1996 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tikkonċerna l-approssimazzjoni tal-liġijiet u l-prattiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra d-dipendenza fuq id-droga u għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta’ drogi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 48), huma intiżi espliċitament għall-ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga.

11      L-Unjoni hija parti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-traffikar illegali ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi, konkluża fi Vjenna fl-20 ta’ Diċembru 1988 (Recueil des traités des Nations unies, Vol. 1582, Nru 1-27627). Skont id-dikjarazzjoni annessa mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE, tat-22 ta’ Ottubru 1990, fir-rigward tal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 17, p. 173), il-Komunità hija kompetenti għall-kwistjonijiet ta’ politika kummerċjali fir-rigward ta’ sustanzi li huma użati ta’ spiss fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12      Skont il-liġi tal-1976 dwar id-drogi narkotiċi (Opiumwet 1976), il-pussess, il-kummerċ, il-kultivazzjoni, it-trasport, il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ drogi narkotiċi, inkluża l-kannabis u l-prodotti derivati tagħha huma pprojbiti. Dawn l-atti huma punibbli b’sanzjonijiet kriminali, ħlief jekk is-sustanza jew il-prodott inkwistjoni jintużaw għal għanijiet mediċi, xjentifiċi jew edukattivi, u bil-kundizzjoni li tingħata awtorizzazzjoni minn qabel.

13      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi japplika politika ta’ tolleranza fir-rigward tal-bejgħ u l-kunsum tal-kannabis. Din il-politika hija bbażata fuq distinzjoni bejn, minn naħa, id-drogi msejħa “qawwijin”, li jwasslu għal riskji inaċċettabbli għas-saħħa u, min-naħa l-oħra, id-drogi msejħa “ħfief”, li minkejja li huma kkunsidrati bħala “riskjużi” ma jqajmux l-istess tħassib.

14      Il-politika ta’ tolleranza ġiet implementata b’mod partikolari fil-kuntest tad-direttivi stipulati mill-College van procureurs-generaal (kulleġġ tal-prosekuturi ġenerali). L-awtoritajiet kompetenti bbażaw ruħhom fuq il-prinċipju tad-diskrezzjoni tal-prosekuzzjoni sabiex imexxu politika ripressiva selettiva. F’xewqa ta’ effettività tal-prosekuzzjonijiet kriminali, il-bejgħ ta’ kannabis, fi kwantità strettament limitata u f’ċirkustanzi kkontrollati, hija ttollerata, peress li l-prijorità hija rriżervata għall-kastigar ta’ reati oħra kkunsidrati bħala iktar perikolużi.

15      Din il-politika ta’ tolleranza tfisser b’mod partikolari l-istabbiliment tal-coffee-shops. F’stabbilimenti bħal dawn, li jaqgħu taħt il-kategorija tal-istabbilimenti ta’ ristorazzjoni, il-kannabis tinbiegħ u tiġi kkonsmata l-istess bħal ikel u xorb mhux alkoħoliku. Min-naħa l-oħra, il-bejgħ ta’ xorb alkoħoliku huwa pprojbit.

16      L-awtoritajiet lokali jistgħu jawtorizzaw coffee-shops fl-osservanza ta’ ċerti kriterji. Tali stabbilimenti jeħtieġu liċenzja sabiex jiftħu u għandhom iwieġbu għall-istess kundizzjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ iġjene bħal dawk applikabbli għall-istabbilimenti oħra ta’ ristorazzjoni.

17      Il-kundizzjonijiet li fihom il-bejgħ ta’ kannabis fil-coffee-shops jista’ jiġi ttollerat huma ddefiniti, fuq livell nazzjonali, mid-direttivi tal-Openbaar Ministerie (prosekuzzjoni pubblika). Dawn il-kundizzjonijiet, imsemmija komunement “kriterji AHOJ-G”, huma li ġejjin:

“A (‘affichering’) id-droga ma tistax tiġi rreklamata; H (‘harddrugs’) ebda droga qawwija ma tista’ tiġi mibjugħa; O (‘overlast’) il-coffee-shop ma jistax joħloq inkonvenjenzi; J (‘jeugdigen’) huwa pprobjit li tinbiegħ droga lil minuri (inqas minn 18-il sena) u l-aċċess għal-lokalitajiet huwa pprojbit għalihom; G (‘grote hoeveelheden’) huwa pprojbit li jinbiegħ iktar minn 5 grammi lil kull persuna waqt kull tranżazzjoni. Minbarra dan, l-istock għal bejgħ (‘handelsvoorraad’) ta’ coffe-shop jibbenefika minn tolleranza li ma tistax taqbeż 500 gramma.”

18      Il-komun ta’ Maastricht stabbilixxa politika fil-qasam tal-kannabis billi ddeffinixxa, b’mod partikolari, ċerti kundizzjonijiet stretti li fihom numru limitat ta’ coffee-shops huwa ttollerat. Fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, dawn kienu stabbiliti għal erbatax.

19      Bil-ħsieb li jitnaqqas it-turiżmu tad-droga, jew ukoll li jiġi pprevenut, il-Gemeenteraad (kunsill komunali) ta’ dan il-komun, permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2005, introduċa kriterju ta’ residenza mad-digriet ġenerali tal-komun ta’ Maastricht (Algemene plaatselijke verordening Maastricht), fil-verżjoni tagħhom tal-2006 (iktar ’il quddiem l-“APV”). Din l-emenda daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Jannar 2006.

20      Skont l-Artikolu 2.3.1.3e(1) tal-APV, huwa pprojbit għall-persuna li tmexxi stabbiliment taħt l-Artikolu 2.3.1.1(1)(a)(3) ta’ din l-istess dispożizzjoni li tagħti aċċess fl-istabbiliment tagħha lil persuni li ma jkunux residenti jew li tħallihom joqogħdu hemm. Il-kunċett ta’ “stabbiliment” huwa ddefinit f’din l-aħħar dispożizzjoni bħala li huwa spazju aċċessibbli għall-pubbliku li fih impriża tipprovdi, kemm jekk tirrikorri jew le għal tagħmir ta’ distribuzzjoni, ikel u/jew xorb mhux alkoħoliku kkonsmati fil-post. Il-kunċett ta’ “resident” jirreferi, fl-Artikolu 2.3.1.1(1)(d) ta’ dan ir-regolament, għal persuni li għandhom ir-residenza effettiva tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi.

21      L-Artikolu 2.3.1.3(e)(2) tal-APV jipprovdi li l-Burgemeester van Maastricht jista’ jiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu ma japplikawx għat-tip jew diversi tipi ta’ stabbilimenti msemmija f’dan ir-regolament fil-komun kollu jew f’settur wieħed jew iżjed tal-komun li jispeċifika. B’deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2006, il-Burgemeester van Maastricht eżenta, fil-komun kollu ta’ Maastricht, ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti mill-obbligu li jirrifjutaw l-aċċess lil persuni mhux residenti, jiġifieri l-istabbilimenti kollha msemmija fl-Artikolu 2.3.1.1(1)(a)(3) bl-eċċezzjoni tal-coffee-shops, ħwienet tat-te oħrajn, irrispettivament mill-isem tagħhom.

22      Skont l-Artikolu 2.3.1.5a(f) tal-APV, il-Burgemeester van Maastrict jista’ jiddeċiedi li jagħlaq, temporanjament jew definittivament, wieħed mill-istabbilimenti taħt l-Artikolu 2.3.1.1(1)(a) tal-regolament jekk il-persuna li tmexxi l-istabbiliment taġixxi mingħajr osservazzjoni tal-Artikolu 2.3.1.3e(1) tiegħu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23      M. Josemans imexxi, fil-komun ta’ Maastricht, il-coffee-shop “Easy Going”, stabbiliment li fih drogi ħfief, xorb mhux akoħoliku kif ukoll ikel huma mibjugħin u kkonsmati.

24      Il-coffee-shop “Easy Going” jaqa’ taħt il-politika ta’ tolleranza applikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kannabis. Il-bejgħ tagħha, filwaqt li huwa illegali, ma jagħtix lok għal prosekuzzjoni kriminali jekk isseħħ f’coffee-shop approvat u jekk ċertu numru ta’ kundizzjonijiet, b’mod partikolari l-kriterji AHOJG jiġu osservati.

25      Wara żewġ konstatazzjonijiet li jikkonfermaw li persuni mhux residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu tħallew jidħlu fil-coffee-shop inkwistjoni, mingħajr osservanza tal-Artikolu 2.2.1.3e(1) tal-APV, li jistabbilixxi kriterju ta’ residenza, il-Burgemeester van Maastricht, permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2006, iddikjara dan l-istabbiliment temporanjament magħluq.

26      M. Josemans ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni. Peress li dan ġie miċħud mill-Burgemeester van Maastricht, permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007, huwa ppreżenta rikors quddiem ir-Rechtbank Maastricht (qorti tad-distrett ta’ Maastricht). B’sentenza tal-1 ta’ April 2008, din il-qorti annullat din id-deċiżjoni u ħassret id-deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2006. Il-projbizzjoni prevista mill-APV għal dħul ġewwa l-coffee-shops tal-persuni mhux residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi tikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, diskiminazzjoni indiretta minħabba ċittadinanza, li tmur kontra l-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni ta’ dan l-Istat. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi ppreġudikat. Jirriżulta mis-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 1988, Vereniging Happy Family Rustenburgerstraat (289/86, Ġabra p. 3655), u tad-29 ta’Ġunju 1999, Coffeeship “Siberië” (158/98, Ġabra p. I‑3971), li l-kummerċ ta’ drogi narkotiċi ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE.

27      M. Josemans u l-Burgemeester van Maastrict, rispettivament fil-5 u t-8 ta’ Mejju 2008, ippreżentaw appell kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Raad van State. Il-Burgemeester van Maastricht jikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni Olandiża. M. Josemans isostni, fir-rigward tiegħu, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi trattament mhux ugwali inġustifikat bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u li, iktar partikolarment, il-persuni mhux residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi jiġu miċħuda mill-possibbiltà li jixtru prodotti legali f’coffee-shops, b’nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)      Leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-aċċess ta’ persuni mhux residenti għall-coffee-shops, taqa’ kompletament jew parzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE u b’mod partikolari tal-moviment liberu tal-merkanzija jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew saħansitra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni taħt l-Artikolu 12[KE] moqri flimkien mal-Artikolu 18 KE?

2)      Jekk ikunu applikabbli d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-projbizzjoni milli persuni mhux residenti jitħallew jidħlu ġewwa l-coffee-shops hija mezz ġust u proporzjonat sabiex jitnaqqas it-turiżmu tad-droga u l-inkonvenjenzi li joħloq?

3)      Il-projbizzjoni milli ssir diskriminazzjoni bejn ċittadini minħabba ċ-ċittadinanza, li tinsab fl-Artikolu 12 KE moqri flimkien mal-Artikolu 18 KE, hija applikabbli għal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess ta’ persuni mhux residenti ġewwa l-coffee shops jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fuq il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jkunux applikabbli?

4)      Jekk dan ikun il-każ, id-distinzjoni magħmula b’mod indirett f’dan ir-rigward bejn persuni residenti u persuni mhux residenti hija ġġustifikata u l-projbizzjoni milli persuni mhux residenti jitħallew ġewwa l-coffee-shops hija mezz ġust u proporzjonat sabiex jitnaqqas it-turiżmu tad-droga u l-inkonvenjenzi li joħloq?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

29      Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjonijiet komunali, bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-ammissjoni ta’ persuni mhux residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-coffee-shops li jinsabu fil-komun inkwistjoni. Hija tirreferi iktar partikolarment għall-moviment liberu tal-merkanzija rregolat bl-Artikolu 28 KE et seq, għall-moviment liberu tas-servizzi stabbilit fl-Artikolu 49 KE et seq, kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, stabbilit fl-Artikolu 12 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 18 KE, dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

30      L-ewwel nett, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punti 15 sa 17 ta’ din is-sentenza, li l-coffee-shops jikkostitwixxu stabbilimenti li jaqgħu taħt il-kategorija tal-istabbilimenti ta’ ristorazzjoni li fihom il-kannabis huwa kkummerċjalizzat għall-vantaġġ ta’ konsumaturi li għandhom iktar minn 18-il sena. Tali stabbiliment jeħtieġ liċenzja għal ftuħ, u għandu, minbarra dan, jissodisfa l-kriterji AHOJG kollha.

31      Huwa paċifiku li l-kannabis mibjugħa f’coffee-shops ma tagħmilx parti minn attività strettament issorveljata mill-awtoritajiet kompetenti sabiex tintuża għal għanijiet mediċi jew xjentifiċi.

32      Jekk, skont il-Gvern Olandiż, jeżistu tali stabbilimenti fejn l-attività tagħhom hija ddedikata unikament għall-kummerċjalizzazzjoni tal-kannabis, xorta jibqa’ l-fatt li, f’diversi coffee-shops, xorb mhux alkoħoliku u ikel huma wkoll mibjugħin u kkonsmati. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dan huwa l-każ, b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna l-coffee-shop “Easy Going”.

33      F’tali ċirkustanzi, għandha tiġi evalwata, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet imsemmija mit-talba għal deċiżjoni preliminari, minn naħa, l-attività li tikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ kannabis f’coffee-shops u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni jekk il-bejgħ ta’ xorb mhux alkoħoliku u ta’ ikel, f’tali stabbilimenti, jistax ikollu effett fuq ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel domanda

34      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk persuna li tmexxi coffee-shop tistax, fil-kuntest tal-attività tagħha li tikkonsisti fil-kummeċjalizzazzjoni, minn naħa, ta’ drogi narkotiċi li ma jagħmlux parti minn attività strettament issorveljata mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintużaw għal għanijiet mediċi jew xjentifiki jew, min-naħa l-oħra, xorb mhux alkoħoliku u ikel, jibbaża fuq l-Artikoli 29 KE, 49 KE u/jew 12 KE, dan tal-aħħar moqri flimkien mal-Artikolu 18 KE, sabiex jikkontesta dispożizzjoni komunali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35      Fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kannabis, M. Josemans jikkunsidra li din l-attività taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza. Il-Burgemeester van Maastrict, kif ukoll il-Gvern Olandiż, Belġjan, Ġermaniż u Franċiż isostnu, min-naħa l-oħra, li l-attività inkwistjoni ma taqa’ la taħt il-prinċipu tal-libertajiet ta’ moviment u lanqas taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, fid-dawl tal-eżistenza ta’ projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ drogi narkotiċi. Il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li, sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari, ma huwiex neċessarju li tagħti deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-kannabis.

36      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-ħsara li jikkawżaw id-drogi narkotiċi, inklużi dawk abbażi tal-qanneb, bħall-kannabis, peress li hija ġeneralment rikonoxxuta, il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija pprojbita fl-Istati Membri kollha, ħlief għal kummerċ strettament ikkontrollat fid-dawl tal-użu għal għanijiet mediċi u xjentifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1981, Horvath, 50/80, Ġabra p. 385, punt 10; tas-26 ta’ Ottubru 1982, Wolf, 221/81, Ġabra p. 3681, punt 8; tas-26 ta’ Ottubru 1982, Einberger, 240/81, Ġabra p. 3699, punt 8; tat-28 ta’ Frar 1984, Einberger, 294/82, Ġabra p. 1177, punt 15; tal-5 ta’ Lulju 1988, Mol, 269/86, Ġabra p. 3627, punt 15, u Vereniging Happy Family Rustenburgerstraat, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

37      Din is-sitwazzjoni legali hija konformi ma’ diversi strumenti internazzjonali li magħhom l-Istati Membri kkooperaw jew aderixxew bħall-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi, konkluża fi New York fit‑30 ta’ Marzu 1961, emendata bil-Protokoll tal-1972 dwar emenda għall-Konvenzjoni Unika tal-1961 (Recueil des traités des Nations unies, Vol. 520, Nru 7515, iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni unika”), u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq is-sustanzi psikotropiċi, konkluża fi Vjenna fil-21 ta’ Frar 1971 (Recueil des traités des Nations unies, Vol. 1019, Nru 14956). Il-miżuri previsti minnhom, sussegwentement, ġew imsaħħa u kkompletati permezz tal-Konvenzjoni konkluża fi Vjenna fl-20 ta’ Diċembru 1988, li tagħha huma partijiet l-Istati Membri kollha kif ukoll l-Unjoni. Fost is-sustanzi u prodotti msemmija minn dawn il-konvenzjonijiet hemm il-kannabis.

38      Fil-preambolu tal-konvenzjoni unika, il-partijiet jiddikjarjaw lilhom infushom li jafu dwar l-obbligu tagħhom li jipprevjenu u jiġġieldu d-dipendenza fuq id-drogi, filwaqt li jirrikonoxxu li l-użu mediku tad-drogi narkotiċi jibqa’ indispensabbli sabiex itaffi l-uġiegħ u li l-miżuri mixtieqa għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi żgurat li drogi narkotiċi jkunu disponibbli għal dan il-għan. Skont l-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni, il-partijiet għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jillimitaw esklużivament għal għanijiet mediċi u xjentifiċi l-produzzjoni, il-manifattura, l-esportazzjoni, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni, il-kummerċ, l-użu u l-pussess tad-drogi narkotiċi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wolf, punt 9, u tas-26 ta’ Ottubru 1982, Einberger, punt 9).

39      Għal dak li jirrigwarda iktar partikolarment id-dritt tal-Unjoni, id-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI tipprovdi, fl-Artikolu 2(1)(a) tagħha, li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex, b’mod partikolari, jiżgura li meta mġieba minn dawn li ġejjin issir bil-ħsieb u tkun infondata fid-dritt din għandha tkun punibbli: l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kunsinna fuq kwalunkwe kundizzjoni hi x’inhi u s-senserija ta’ drogi. Skont l-Artikolu 2(2), l-imġiba deskritta fil-paragrafu 1 ma għandiex tiġi inkluża fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru meta din tiġi mwettqa mill-awturi tagħha esklużivament għall-konsum personali tagħhom kif iddefinit mil-liġi nazzjonali. Huwa ppreċiżat fl-Artikolu 1(1) ta’ dan l-att li l-kunċett ta’ “droga” għandu jfisser kwalunkwe mis-sustanzi koperti mill-konvenzjoni unika u mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq is-sustanzi psikotropiċi, konkluża fi Vjenna fil-21 ta’ Frar 1971.

40      Minbarra dan, skont l-Artikolu 71(1) tal-Kovenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, l-Istati li huma partijiet tagħha jimpenjaw ruħhom li, fir-rigward ta’ kemm il-bejgħ dirett jew indirett ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta’ kull tip, inkluża l-kannabis, kif ukoll il-pussess ta’ prodotti bħal dawn u sustanzi għall-bejgħ jew għall-esportazzjoni, jadottaw b’mod konformi mal-konvenzjonijiet eżistenti tan-Nazzjonijiet Uniti, il-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni u l-kastigar tat-traffikar illleċitu ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

41      Minn dan jirriżulta li d-drogi narkotiċi li ma humiex preżenti f’attività strettament issorveljata mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintużaw għal għanijiet mediċi u xjentifiċi jaqgħu, min-natura tagħhom stess, taħt projbizzjoni ta’ importazzjoni u ta’ bejgħ fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wolf, punt 10; tas-26 ta’ Ottubru 1982, Einberger, punt 10; tat-28 ta’ Frar 1984, Einberger, punt 15; Mol, punti 15 u 18; Vereniging Happy Family Rustenburgerstraat, punti 17 u 20, kif ukoll Coffeeshop “Siberië”, punt 14). Iċ-ċirkustanza li wieħed jew ieħor mill-Istati Membri jikklassifika droga narkotika bħala droga “ħafifa” ma hijiex ta’ natura li tikkontesta din l-affermazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vereniging Happy Family Rustenburgerstraat, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

42      Peress li l-introduzzjoni ta’ drogi narkotiċi li ma jaqgħux taħt tali attività strettament issorveljata, f’attività ekonomika u kummerċjali tal-Unjoni, hija pprojbita, min imexxi coffee-shop ma jistax jibbaża ruħu fuq libertajiet ta’ moviment jew fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, f’dak li jikkonċerna l-attività li tikkonstisti fil-kummerċjalizzazzjoni tal-kannabis, sabiex jikkontesta dispożizzjoni komunali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata miċ-ċirkustanza li, hekk kif jirriżulta mill-punti 12 sa 14 ta’ din is-sentenza, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi japplika politika ta’ tolleranza fir-rigward tal-bejgħ tal-kannabis anki jekk il-kummerċ ta’ drogi narkotiċi huwa pprojbit f’dan l-Istat Membru. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali projbizzjoni ma hijiex affettwata mill-fatt waħdu li l-awtoritajiet responsabbli mill-applikazzjoni tagħha, fid-dawl tal-kapaċitajiet persunali u materjali limitati, jirriżervaw inqas prijorità għar-repressjoni ta’ ċertu tip ta’ kummerċ ta’ drogi narkotiċi peress li huma jikkunsidraw tipi oħra bħala iktar perikolużi. Tali approċċ ma jistax fuq kollox jipparaguna t-traffiku illeċitu ta’ drogi narkotiċi mal-attività ekonomika strettament issorveljata mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam mediku u xjentifiku. Fil-fatt, dan l-aħħar traffiku huwa effettivament legalizzat filwaqt li t-traffiku illeċitu, anki jekk huwa ttollerat, jibqa’ pprojbit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vereniging Happy Family Rustenburgerstraat, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

44      Fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku u ta’ ikel fil-coffee-shops, M. Josemans, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, jikkunsidraw li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa l-effetti tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq l-eżerċizzju ta’ din l-attività. Il-Gvern Ġermaniż isostni li dawn il-prodotti għandhom jiġu kkonsmati fil-post. Il-Kummissjoni tiddubita li l-persuni mhux residenti jixtru bl-intenzjoni li jesportawhom lejn l-Istati ta’ residenza tagħhom. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu applikati huma dawk irregolati mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE, u mhux dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 29 KE.

45      Il-Burgemeester van Maastrict kif ukoll il-Gvern Olandiż, Belġjan u Franċiż isostnu, fir-rigward tagħhom, li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku u ta’ ikel, f’tali stabbilimenti, huwa għal kollox sekondarju meta pparagunat ma’ dak tal-kannabis u ma jistax ikollu effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

46      Dan l-aħħar argument ma jistax jintlaqa’. Filwaqt li jiġi aċċettat li l-coffee-shops huma prinċipalment iddedikati għall-bejgħ u għall-konsum tal-kannabis, xorta jibqa’ l-fatt li l-kummerċjalizzazzjoni, f’tali stabbilimenti, ta’ xorb mhux alkoħoliku u ta’ ikel tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, attività ekonomika kunsiderevoli. Bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Olandiż ippreċiża, waqt is-seduta għal sottomissjonijiet orali, li din l-attività tirrappreżenta ġeneralment bejn 2.5 % u 7.1 % tad-dħul mill-bejgħ tal-coffee-shops fil-komun ta’ Maastricht. Għal dik li hija iktar partikolarment is-sitwazzjoni ekonomika tal-coffee-shop Easy Going skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minn M. Josemans, il-parti tad-dħul mill-bejgħ ta’ dan l-istabbiliment li ġejja mill-bejgħ ta’ tali prodotti taqa’ taħt din il-kategorija.

47      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk, u, skont il-każ, sa fejn, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax taffettwa, fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku u ta’ ikel, l-eżerċiżzju tal-libertajiet ta’ moviment irregolati bl-Artikoli 29 KE u 49 KE jew jekk tikkawża preġudizzju lill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni “minħabba ċittadinanza” fis-sens tal-Artikolu 12 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 18 KE.

48      Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali attività hijiex relatata mal-moviment liberu tal-merkanzija jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ stabbiliment huwa ddefinit, fl-Artikolu 2.3.1.1(a)(3) tal-APV, bħala spazju aċċessibbli għall-pubbliku li fih impriża tipprovdi, kemm jekk tirrikorri jew le għal magni ta’ bejgħ, ikel u/jew xorb mhux alkoħoliku, li jiġi kkonsmat fil-post.

49      F’tali ċirkustanzi jidher, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku u ta’ ikel, f’coffee-shops, tikkostitwixxi attività ta’ ristorazzjoni, ikkaratterizzata minn sensiela ta’ elementi u ta’ atti li fi ħdanhom jipprevalu s-servizzi meta pparagunati mal-kunsinna tal-oġġett innifsu, (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Hermann, C‑491/03, Ġabra p. I‑2025, punt 27).

50      Peress li l-aspett tal-moviment liberu tal-merkanzija kien għal kollox sekondarju meta pparagunat ma’ dak tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li jista’ jiġi marbut miegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali unikament fir-rigward ta’ din l-aħħar libertà fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C‑275/95, Ġabra p. I‑1039, punt 22 tal-25 ta’ Marzu 2004, Karner, C‑71/02, Ġabra p. I‑3025, punt 46; tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punt 26; tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C‑452/04, Ġabra p. I‑9521, punt 34, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Jijkman-Laveleije, C‑233/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).

51      Rigward l-applikabbiltà tal-Artikolu 12 KE, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat KE ma jipprovdix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 305/87, Ġabra p. 1461, punti 12 u 13; tal-11 ta’ Ottubru 2007, Hollmann, C‑443/06, Ġabra p. I‑8491, punt 28, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑269/07, Ġabra p. I‑7811, punt 98).

52      Peress li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implementat, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mill-Artikolu 49 KE, l-Artikolu 12 KE ma japplikax f’ċirkustanzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

53      Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 18 KE, li jistabbilixxi b’mod ġenerali d-dritt għal kull ċittadin tal-Unjoni, li jiċċaqlaq minn post għal ieħor u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija espressa speċifikament fid-dispożizzjonijiet li jiżguraw id-dritt li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, Ġabra p. I‑1291, punt 18; tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, Ġabra p. I‑6849, punt 34, kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 2010, Zanotti, C‑56/09, Ġabra p. I-4517, punt 24). Peress li ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma jirrisjedux fil-Pajjiżi l-Baxxi u li jixtiequ jidħlu f’coffee-shops, fil-komun ta’ Maastricht, biex hemmhekk jikkonsmaw prodotti legali, għandhom jiġu kkunsidrati bħala “destinatarji” ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 49 KE, ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 KE.

54      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, fil-kuntest tal-attività tiegħu li tikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ drogi narkotiċi li ma jagħmlux parti minn attività strettament issorveljata mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintużaw għal għanijiet mediċi jew xjentifiċi, persuna li tmexxi coffee-shop ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikoli 12 KE, 18 KE, 29 KE jew 49 KE sabiex tikkontesta dispożizzjoni komunali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi li persuni li ma jirrisjedux fil-Pajjiżi l-Baxxi jidħlu f’tali stabbilimenti. Fir-rigward tal-attività li tikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku u ta’ ikel, f’dawn l-istess stabbilimenti, l-Artikoli 49 KE et seq jistgħu jiġu effettivament invokati minn tali persuna li tmexxi coffee-shop.

 Fuq it-tieni domanda

55      It-tieni domanda hija magħmula fl-ipoteżi fejn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu tal-merkanzija jew dawk relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom jiġu applikati fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Hija essenzjalment tirrigwarda l-punt jekk dispożizzjoni komunali, bħal dik inkwstjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ waħda minn dawn il-libertajiet u, skont il-każ, jekk din il-miżura tistax tkun iġġustifikata mill-għan ta’ ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga u l-inkonvenjenzi li joħloq, u fl-aħħar nett, jekk din tikkostitwixxix miżura proporzjonata fir-rigward ta’ dan l-għan.

56      Fir-rigward tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, din id-domanda għandha tiġi evalwata fir-rigward biss tal-Artikoli 49 KE et seq, filwaqt li hija limitata għall-eżami tal-effetti ta’ din id-dispożizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni, fil-coffee-shops, ta’ xorb mhux alkoħoliku u ta’ ikel.

57      Huwa paċifiku li, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-coffee-shops jitħallew jidħlu biss ir-“residenti”. Dan il-kunċett huwa intiż, skont l-Artikolu 2.3.1.1(1)(d) tal-APV, għal kull persuna li għandha r-residenza effettiva tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għalhekk, il-persuni li jmexxu tali stabbilimenti ma għandhomx id-dritt li jipprovdu servizzi ta’ risortazzjoni lil persuni li jirrisjedu fi Stati Membri oħra u dawn tal-aħħar huma esklużi mill-benefiċċju ta’ tali servizzi.

58      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li tiegħu l-Artikolu 49 KE huwa espressjoni partikolari, jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet ovvji, ibbażati fuq iċ-ċittadinanza, iżda wkoll il-forom moħbija kollha ta’ diskriminazzjoni li, skont kriterji ta’ distinzjoni oħra, fil-fatt iwasslu għall-istess riżultat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1989, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑3/88, Ġabra p. 4035, punt 8; tas-16 ta’ Jannar 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑388/01, Ġabra p. I‑721, punt 13; tat-30 ta’ Ġunju 2005, Tod’s u Tod’s France, C‑28/04, Ġabra p. I‑5781, punt 19, kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑147/03, Ġabra p. I‑5969, punt 41).

59      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ miżura li tagħmel distinzjoni bbażata fuq il-kriterju tar‑residenza, inkwantu hemm riskju li dan ir‑rekwiżit jiżvantaġġa prinċipalment liċ‑ċittadini ta’ Stati Membri oħra, billi l‑maġġoranza tal‑persuni mhux residenti fit‑territorju nazzjonali huma ta’ spiss persuni mhux ċittadini (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Ciola, C‑224/97, Ġabra p. I‑2517, punt 14; tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gottwald, C‑103/08, Ġabra p. I‑9117, punt 28, kif ukoll tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, Ġabra p. I-7308, punt 45).

60      Għandu madankollu jiġi eżaminat jekk restrizzjoni parallela tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata minn interessi leġittimi rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.

61      Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata minn dispożizzjonijiet derogatorji previsti fl-Artikolu 46(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 55 KE, jiġifieri r-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika. Il-Burgemeester van Maastricht, kif ukoll il-Gvern Belġjan jinvokaw ir-raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika sussidjarjament. Skont il-Gvern Olandiż, il-ħtieġa tal-ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza sabbilita mis-sentenza tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, imsejħa “Cassis de Dijon” (120/78, Ġabra p. 649).

62      Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tal-ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga, il-Kummissjoni ssostni li, peress li għandha natura diskriminatorja, din il-leġiżlazzjoni ma tistax tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ħlief hekk hija koperta minn dispożizzjoni derogatorja espressa, jiġifieri l-Artikolu 46 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 55 KE. Id-derogi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni restrittiva. Fir-rigward iktar partikolarment tar-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, dawn jistgħu jiġu invokati biss f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Boucherau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 35).

63      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li ttemm l-inkonvenjenzi kkawżati min-numru kbir ta’ turisti li jixtiequ jixtru jew jikkonsmaw il-kannabis fil-coffee-shops fil-komun ta’ Maastricht. Skont l-informazzjoni miġjuba mill-Burgemeester van Maastricht waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-erbatax il-coffee-shops ta’ dan il-komun jattiraw madwar 10 000 viżitaturi kuljum u ftit iktar minn 3.9 miljun viżitaturi fis-sena li fosthom 70 % ma jirrisjedux fil-Pajjiżi l-Baxxi.

64      Il-Burgemeester van Maastricht u l-Gvern Olandiż isostnu li l-problemi marbuta mal-bejgħ ta’ drogi ħfief li huma preżenti f’dan il-komun, bħal forom differenti ta’ inkonvenjenzi u ta’ kriminalità kif ukoll in-numru dejjem jikber ta’ punti ta’ bejgħ illegali ta’ drogi, inklużi d-drogi qawwija, iggravaw ruħhom permezz tat-turiżmu tad-droga. Il-Gvern Belġjan, Ġermaniż u Franċiż jirreferu għall-problemi ta’ ordni pubbliku li dan il-fenomenu, inkluża l-esportazzjoni illeċita ta’ kannabis, joħloq fl-Istati Membri barra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod partikolari fl-Istati ġirien tiegħu.

65      Għandu jiġi rrilevat li l-ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga u l-inkonvenjenzi li joħloq taqa’ taħt il-qafas tal-ġlieda kontra d-droga. Din hija marbuta kemm maż-żamma tal-ordni pubbliku kif ukoll mal-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini, u dan kemm fuq livell tal-Istati Membri kif ukoll dak tal-Unjoni.

66      Minħabba l-impenji meħuda mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha, ma hemmx dubju li l-għanijiet segwiti jikkostitwixxu interess leġittimu ta’ natura li jiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni għall-obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni, ukoll skont libertà fundamentali bħal dik tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

67      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punti 11, 37 u 38 ta’ din is-sentenza, li l-ħtieġa ta’ ġlieda kontra d-droga kienet ġiet rikonoxxuta minn konvenzjonijiet internazzjonali differenti, li għalihom l-Istati Membri, jew mhux l-Unjoni, ikkooperaw u aderixxew magħhom. Fil-preamboli ta’ dawn l-istrumenti, huma mfakkra l-perikolu li jikkostitwixxu b’mod partikolari t-talba u t-traffiku illeċitu ta’ dorgi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi għas-saħħa u għall-benesseri tal-individwi, kif ukoll l-effetti ta’ ħsara li dawn il-fenomeni għandhom fuq il-bażi ekonomika, kulturali u politika tas-soċjetà.

68      Minbarra dan, il-ħtieġa tal-ġlieda kontra d-droga, b’mod partikolari li tiġi pprevenuta d-dipendenza fuq id-drogi u li jitrażżan it-traffiku illeċitu ta’ tali prodotti jew sustanzi, ġiet stabbilita rispettivament fl-Artikolu 152(1) KE kif ukoll fl-Artikoli 29 UE 31 UE. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju, id-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI tipprovdi, fil-premessa 1 tagħha, li t-traffikar illeċitu ta’ drogi joħloq theddida għas-saħħa, għas-sigurtà u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, u għall-ekonomija legali, għall-istabbiltà u għas-sigurtà tal-Istati Membri. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ din is-sentenza, ċerti strumenti tal-Unjoni huma intiżi espliċitament għall-prevenzjoni tat-turiżmu tad-droga.

69      Madankollu, miżuri restrittivi ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jistgħux ikunu ġġustifikati mill-għan ta’ ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga u tal-inkovenjenzi li joħloq ħlief jekk huma intiżi sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Omega, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, Ġabra p. I‑10779, punt 75, kif ukoll tal-14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C‑244/06, Ġabra p. I‑505, punt 42).

70      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li miżura restrittiva ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija intiża sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan invokat ħlief jekk tissodisfa verament l‑intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 55; tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, Ġabra p. I‑4171, punt 42, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Porgtuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, Ġabra p. I‑7633, punti 59 sa 61).

71      M. Josemans jikkontesta n-natura adegwata u proporzjonata tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din hija intiża esklużivament għall-coffee-shops. Issa, skont il-kriterji AHOJG, dawn l-istabbilimenti huma mġiegħla, kuntrarjament għall-punti ta’ bejgħ illegali ta’ drogi li joperaw fil-komun ta’ Mastricht, li jiġġieldu kontra l-inkonvenzjenzi kkawżati mill-klijentela tagħhom. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni hija ta’ natura li tressaq lit-turisti tad-droga lejn ċirku illegali.

72      Il-Kummissjoni tqajjem dubji dwar in-natura neċessarja tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll dwar il-koerenza tagħha. Hija ssosnti li l-miżuri nazzjonali intiżi għall-ġlieda kontra l-inkonvenjenzi kkawżati mill-konsum ta’ droga għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. F’dan il-kuntest, hija tfakkar is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, Adoui u Cornuaille (115/81 u 116/81, Ġabra p. 1665), li tirrigwarda d-dritt ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-prostituti, kif ukoll il-ġurisprudenza li tirriżulta minnha.

73      Il-Burgemeester van Maastricht kif ukoll il-Gvern Olandiż, Belġjan u Ġermaniż jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fl-kawża prinċipali tikkostitwixxi mezz adegwat u proporzjonat għall-ġlieda kontra t-turiżmu tad-drogi u tal-inkonvenjenzi li joħloq. Il-Burgemeester van Maastricht u l-Gvern Olandiż jirrilevaw li d-diversi miżuri meħuda mill-komuni li japplikaw politika ta’ tolleranza fir-rigward tal-coffee-shops, sabiex jiġġieldu kontra dan il-fenomenu, ma ppermettewx li jintlaħaq l-għan imfittex.

74      F’dan il-każ, ma jistax jiġi miċħud li l-politika ta’ tolleranza applikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tal-bejgħ tal-kannabis tħeġġeġ lill-persuni residenti fi Stati Membri oħra li jiċċaqilqu lejn dan l-Istat, u iktar partikolarment lejn il-komuni fejn il-coffee-shops huma ttollerati, b’mod partikolari fiż-żoni konfinali, sabiex jixtru u jikkonsmaw din id-droga narkotika. Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-proċess, parti minn dawn il-persuni jixtru l-kannabis, f’tali stabbilimenti, sabiex jesportaw illegalment din id-droga lejn Stati Membri oħra.

75      Huwa inkontestabbli li projbizzjoni li jitħallew jidħlu persuni mhux residenti f’coffee-shops, bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċiali, tikkostitwixxi miżura ta’ natura li tillimita sostanzjalment it-turiżmu tad-droga u, konsegwentement, li jitnaqqsu l-problemi maħluqa minnu.

76      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li n-natura diskriminatorja tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, waħedha, timplika li l-mod li bih hija ssegwi l-għan imfittex huwa inkoerenti. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza tagħha Adoui u Cornuaille, iċċitata iktar ’il fuq, li Stat Membru ma jistax effettivament jinvoka r-raġunijiet ta’ ordni pubbliku fir-rigward tal-aġir ta’ persuna mhux ċittadina, filwaqt li ma jiħux miżuri ripressivi jew miżuri reali u effettivi oħra meta dan l-aġir huwa taċ-ċittadini tiegħu stess, xorta jibqa’ l-fatt li l-kawża prinċipali taqa’ taħt kuntest ġuridiku differenti.

77      Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ drogi narkotiċi huwa pprojbit fl-Istati Membri kollha, skont id-dritt internazzjonali u dak tal-Unjoni, eċċezzjoni magħmula għal kummerċ strettament ikkontrollat ta’ tali prodotti jew sustanzi fid-dawl tal-użu tagħhom għal għanijiet mediċi u xjentifiċi. Min-naħa l-oħra, l-aġir intiż mis-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti, jiġifieri l-prostituzzjoni, minbarra t-traffikar tal-persuni, ma huwiex ipprojbit mid-dritt internazzjonali jew minn dak tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa ttollerat jew irregolat f’diversi Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et C‑268/99, Ġabra p. I‑8615, punt 57).

78      Issa, ma jistax jiġi kkunsidrat inkoerenti li Stat Membru jieħu miżuri adegwati sabiex jilqa’ fluss sinjifikattiv ta’ residenti li ġejjin minn Stati Membri oħra u li jixtiequ jibbenefikaw mill-kummerċjalizzazzjoni, ittollerata f’dan l-Istat, ta’ prodotti li min-natura tagħhom stess jaqgħu taħt il-projbizzjoni ta’ bejgħ fl-Istati Membri kollha.

79      F’dak li jirrigwarda l-portata tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li din tapplika biss għall-istabbilimenti li l-attività prinċipali tagħhom tikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni tal-kannabis. Hija ma tipprekludix li persuna li ma tirrisjedix fil-Pajjiżi l-Baxxi tmur, fil-komun ta’ Maastricht, fi stabbilimenti ta’ ristorazzjoni oħra sabiex hemmhekk tikkonsma xorb mhux alkoħoliku u ikel. Skont il-Gvern Olandiż, in-numru ta’ tali stabbilimenti huwa ta’ iktar minn 500.

80      Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu adottati miżuri inqas restrittivi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mill-proċess jirriżulta li, fil-komuni li japplikaw politika ta’ tolleranza fir-rigward tal-coffee-shops, diversi miżuri intiżi għall-ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga u tal-inkonvenjenzi li joħloq, kienu ġew implementati, bħal-limitazzjoni tan-numru ta’ coffee-shops jew tas-sigħat ta’ ftuħ ta’ tali stabblimenti, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ cards li tippermetti lill-klijenti li jkollhom aċċess għalihom jew ukoll it-tnaqqis tal-kwantità ta’ cannabis li tista’ tinxtara minn kull persuna. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Burgemeester van Maastricht kif ukoll mill-Gvern Olandiż, dawn il-miżuri madankollu rriżultaw insuffiċjenti u ineffettivi fir-rigward tal-għan imfittex.

81      F’dak li jikkonċerna iktar partikolarment il-possibiltà li jingħata lil persuni mhux residenti l-aċċess għal coffee-shops filwaqt li jiġi rrifjutat lilhom il-bejgħ tal-kannabis, għandu jiġi rrilevat, li ma huwiex faċli li jiġi kkontrollat u ssorveljat bi preċiżjoni li dan il-prodott ma jkunx servit lil persuni mhux residenti jew li jiġi kkonsmat minnhom. Min-naħa l-oħra, hemm it-tħassib li tali approċċ jinkoraġġixxi l-kummerċ illeċitu jew il-bejgħ mill-ġdid tal-kannabis minn residenti lil persuni mhux residenti ġewwa l-coffee-shops.

82      Issa, ma jistax jiġi miċħud lill-Istati Membri l-possibbiltà li jsegwu għan ta’ ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga u l-inkonvenjenzi li joħloq permezz tal-introduzzjoni ta’ regoli ġenerali li huma faċilment amministrati u kkontrollati mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑110/05, Ġabra p. I‑519, punt 67, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos, C‑142/05, Ġabra p. I‑4273, punt 36). F’dan il-każ, ebda element li jirriżulta mill-proċess ma jħalli jiġi presuppost li l-għan imfittex jista’ jiġi żgurat għal livell bħal dak maħsub mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi jingħata lil persuni mhux residenti l-aċċess għal coffee-shops filwaqt li jiġi rrifjutat lilhom il-bejgħ tal-kannabis.

83      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan ta’ ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga u l-inkonvenjenzi li joħloq, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq.

84      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita mit-Trattat KE. Din ir-restrizzjoni hija madankollu ġġustifikata mill-għan ta’ ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga u tal-inkonvenjenzi li joħloq.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

85      It-tielet u r-raba’ domandi saru sussidjarjament u huma relatati mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza stabbilit fl-Artikolu 12 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 18 KE li jirregola l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

86      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal dawn id-domandi.

 Fuq l-ispejjeż

87      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Fil-kuntest tal-attività tiegħu li tikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ drogi narkotiċi li ma tagħmilx parti minn attività strettament issorveljata mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintużaw għal għanijiet mediċi jew xjentifiċi, persuna li tmexxi coffee-shop ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikoli 12 KE, 18 KE, 29 KE jew 49 KE sabiex tikkontesta dispożizzjoni komunali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi li persuni li ma jirrisjedux fil-Pajjiżi l-Baxxi jidħlu f’tali stabbilimenti. Fir-rigward tal-attività li tikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku u ta’ ikel, f’dawn l-istess stabbilimenti, l-Artikoli 49 KE et seq jistgħu jiġu effettivament invokati minn tali persuna li tmexxi coffee-shop.

2)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita mit-Trattat KE. Din ir-restrizzjoni hija madankollu ġġustifikata mill-għan ta’ ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga u tal-inkonvenjenzi li joħloq.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.