Language of document : ECLI:EU:C:2017:127

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Frar 2017 (1)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Trattamenti inumani jew degradanti – Trasferiment ta’ applikant għall-ażil marid b’mod gravi lejn l-Istat responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu – Assenza ta’ raġunijiet serji sabiex jitwemmen li jeżistu difetti sistemiċi kkonfermati f’dan l-Istat Membru – Obbligi imposti fuq l-Istat Membru li għandu jipproċedi bit-trasferiment”

Fil-Kawża C‑578/16 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura

C. K.

H. F.,

A. S.

vs

Republika Slovenija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tat-28 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Novembru 2016, li tressaq ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2016 tal-Ħames Awla sabiex din it-talba tintlaqa’,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C. K., H. F. u A. S., inizjalment minn Z. Kojić, sussegwentement minn M. Nabergoj, svetovalca za begunce,

–        għall-Gvern Sloven, minn N. Pintar Gosenca u A. Vran, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Cordì, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Crane, bħala aġent, assistita minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u M. Žebre, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn C. K., H. F. u l-wild tagħhom A. S. u r-Republika Slovenija (ir-Repubblika tas-Slovenja), irrappreżentata mill-ministeru tal-intern tagħha, rigward it-trasferiment ta’ dawn il-persuni lejn il-Kroazja, indikat bħala l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il‑Konvenzjoni ta’ Genève

3        L‑Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), kif issupplimentata bil-protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967] (iktar ’il quddiem il-Konvenzjoni ta’ Genève, intitolat “Projbizzjoni ta’ espulsjoni u ta’ refoulement”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-ebda Stat Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jissuġġetta għal refoulement, bi kwalunkwe mod, rifuġjat fuq il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali, jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-KEDB

4        Intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura”, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ‘il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi:

“Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena jew inumana jew degradanti.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il‑Karta

5        Skont l-Artikolu 1 tal-Karta, intitolat “Id-dinjità tal-bniedem”:

“Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.”

6        L-Artikolu 4 tal-Karta, intitolat “Il‑projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”, jipprevedi:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.”

7        L-Artikolu 19 tal-Karta, intitolat “Il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.”

8        L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.”

9        L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Sa fejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[Konvenzjoni], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

 Ir-Regolament Dublin III

10      Ir-Regolament Dublin III, li daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2013, issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II”), b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014.

11      Il-premessi 4, 5, 9, 32 u 39 tar-Regolament Dublin III jipprovdu:

“(4)      Il-konklużjonijiet ta’ Tampere ddikjaraw ukoll li s-[sistema Ewropea komuni tal-ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)      Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(9)      Fid-dawl tar-riżultati tal-valutazzjonijiet magħmula tal-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-ewwel fażi, huwa xieraq, f’dan l-istadju, li jkunu kkonfermati l-prinċipji sottostanti għar-[Regolament Dublin II], waqt li jsir it-titjib neċessarju, fid-dawl tal-esperjenza, għall-effettività tas-sistema ta’ Dublin u l-protezzjoni mogħtija lill-applikanti skont dik is-sistema. […] Għandha tiġi prevista ‘verifika tal-adegwatezza’ permezz tat-twettiq ta’ reviżjoni komprensiva, ibbażata fuq l-evidenza, li tkopri l-effetti legali, ekonomiċi u soċjali tas-sistema ta’ Dublin, inkluż l-effetti tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem.

[…]

(32)      Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, inkluża l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

[…]

(39)      Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti, b’mod partikolari, fil-[Karta]. B’mod partikolari, dan ir-Regolament jfittex li jiżgura osservanza sħiħa tad-dritt tal-asil iggarantit bl-Artikolu 18 tal-Karta kif ukoll tad-drittijiet rikonoxxuti taħt l-Artikoli 1. 4. 7, 24 u 47 tiegħu. Dan ir-Regolament għandu għalhekk ikun implimentat kif meħtieġ.”

12      L‑Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.      […]

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

[…]”

13      Il‑Kapitolu III tar-Regolament Dublin III jinkludi l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil. Dan il-kapitolu jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza jew viża”, li jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ viża valida, l-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali […]”

14      L‑Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

[…]”

15      Il‑Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III huwa intitolat “Il-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura”. Dan jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 27, 29, 31 u 32 ta’ dan ir-regolament.

16      L‑Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rimedji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) (c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.”

17      It-Taqsima VI tal-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, iddedikata għat-trasferimenti tal-applikanti lejn l-Istat Membru responsabbli, tinkludi l-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Modalitajiet u żmien limitu”, li jipprovdi:

“1.      It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

Jekk trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli jsiru permezz ta’ tluq sorveljat jew taħt skorta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn isiru b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità umana.

[…]

2.      Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

[…]

4.      Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi kondizzjonijiet uniformi għall-konsultazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fil-każ ta’ trasferimenti li ġew posposti jew damu, trasferimenti b’segwitu għal aċċettazzjoni awtomatika, trasferimenti ta’ minorenni jew persuni dipendenti, u ta’ trasferimenti sorveljati. […]”

18      Fi ħdan l-istess Taqsima VI, l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-iskambju ta’ informazzjoni relevanti qabel isiru t-trasferimenti”, jipprovdi:

“1.      L‑Istat Membru li jwettaq it-trasferiment ta’ applikant […] għandu jikkomunika lill-Istat Membru responsabbli dik id-data personali dwar il-persuna li għandha tiġi trasferita li tkun xierqa, rilevanti u mhux eċċessiva għall-unika raġuni li tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti, skont id-dritt nazzjonali fl-Istat Membru responsabbli, jkunu f’pożizzjoni li jipprovdu assistenza adegwata lil dik il-persuna, inkluż il-kura immedjata tas-saħħa meħtieġa sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tiegħu jew tagħha, u li tiżgura kontinwità fil-protezzjoni u d-drittijiet mogħtija minn dan ir-Regolament u minn strumenti legali rilevanti oħrajn rigward l-asil. Dik id-data għandha tiġi kkomunikata lill-Istat Membru responsabbli f’perijodu ta’ żmien raġonevoli qabel isir trasferiment, sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu skont id-dritt nazzjonali ikollhom żmien suffiċjenti biex jieħu l-miżuri meħtieġa.

2.      L-Istat Membru ta’ trasferiment għandu, sa fejn tali informazzjoni tkun disponibbli lill-awtorità kompetenti skont id-dritt nazzjonali, jittrasmetti lill-Istat Membru responsabbli kwalunkwe informazzjoni li tkun essenzjali sabiex għas-salvgwardja tad-drittijiet u l-ħtiġijiet speċjali immedjati tal-persuna li ser tiġi trasferita, u b’mod partikolari:

a)      kwalunkwe miżura immedjata li l-Istat Membru responsabbli huwa obbligat li jieħu biex jiżgura li l-ħtiġijiet speċjali tal-persuna li ser tiġi trasferita jkunu indirizzati adegwatament, inkluż kwalunkwe kura tas-saħħa immedjata li tista’ tkun meħtieġa;

[…]”

19      Dejjem f’din it-taqsima, l-Artikolu 32 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Skambju ta’ data dwar is-saħħa qabel isir trasferiment”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-unika raġuni li tingħata l-kura jew trattament mediku, b’mod partikolari rigward persuni b’diżabbiltà, anzjani, nisa tqal, minorenni u persuni li kienu ttorturati, stuprati jew sofrew forom serji oħra ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali, l-Istat Membru li qed jittrasferixxi għandu sa fejn tkun disponibbli lill-awtorità kompetenti skont id-dritt nazzjonali, jibgħat lill-Istat Membru responsabbli l-informazzjoni dwar kwalunkwe bżonnijiet speċjali tal-persuna li ser tiġi ttrasferita, li f’każijiet speċifiċi tista’ tinkludi informazzjoni dwar l-istat tas-saħħa fiżika u mentali ta’ dik il-persuna. Dik l-informazzjoni għandha tkun ittrasferita f’ċertifikat tas-saħħa komuni bid-dokumenti meħtieġa mehmuża. L-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura li dawk il-bżonnijiet speċjali jkunu indirizzati b’mod xieraq, inkluż b’mod partikolari kull kura medika essenzjali li jkun hemm bżonn.

[…]”

 Ir‑Regolament ta’ applikazzjoni

20      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat-2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), kif emendat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014, tat-30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ applikazzjoni”), jinkludi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin II u, issa, tar-Regolament Dublin III.

21      Il‑Kapitolu III tar-Regolament ta’ applikazzjoni huwa intitolat “Trasferimenti”. Fi ħdan dan il-kapitolu huma b’mod partikolari inklużi l-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-regolament.

22      L‑Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Koperazzjoni fi trasferimenti”, jipprovdi:

“1.      Hija l-obbligazzjoni ta’ l-Istat Membru responsabbli li jħalli t-trasferiment tal-persuna li qed tfittex asil isseħħ malajr kemm jista’ jkun u li jiżguraw li l-ebda ostakli jitqiegħdu fi triqtu. Dak l-Istat Membru għandu jistabbilixxi, meta approprjat, il-lok fuq it-territorju tiegħu li lejh il-persuna li qed tfittex asil se tkun trasferita jew mgħoddija lill-awtoritajiet kompetenti, b’konsiderazzjoni għal restrizzjonijiet ġeografiċi u mezzi ta’ trasport disponibbli lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-trasferiment. Fl-ebda każ ma tista’ tiġi imposta kondizzjoni li l-iskorta takkumpanja lill-persuna li qed tfittex asil lil hinn mill-post tal-wasla ta’ mezzi ta’ transport internazzjonali użati jew li l-Istat Membru li qed jagħmel it-trasferiment jissodisfa l-ispejjeż tat-trasport lil hinn minn dak il-post.

2.      L-Istat Membru li jkun qed jorganizza t-trasferiment għandu jieħu ħsieb it-trasport għall-persuna li qed tfittex asil u għall-iskorta tiegħu u jiddeċiedi, b’konsultazzjoni ma’ l-Istat Membru responsabbli, fuq il-ħin tal-wasla u, fejn neċessarju, fuq id-dettalji tal-konsenja lill-awtoritajiet kompetenti. L-Istat Membru responsabbli jista’ jeħtieġ li notifika ta’ tlett ijiem utli tkun mogħtija.

3.      Il-formola standard stipulata fl-Anness VI tintuża għall-iskop ta’ trasmissjoni lill-Istat Membru responsabbli tad-dejta essenzjali sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet u l-bżonnijiet immedjati tal-persuna li għandha tiġi trasferita. Din il-formola standard titqies bħala avviż fit-tifsira tal-paragrafu 2.”

23      Skont l-Artikolu 9 tal-istess regolament, intitolat “Trasferimenti posposti u mdewmin”:

“1.      L-Istat Membru responsabbli għandu jiġi infurmat mingħajr dewmien b’kull postponiment dovut jew għal proċedura t’appell jew ta’ reviżjoni b’effett suspensiv, jew għal raġunijiet fisiċi bħal nuqqas ta’ saħħa tal-persuna li qed tfittex asil, in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ trasport jew il-fatt li l-persuna li qed tfittex asil irtirat mill-proċedura ta’ trasferiment.

1a.      Fejn trasferiment ikun ittardjat wara talba mingħand l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-trasferiment, it-trasferiment u l-Istati Membri responsabbli għandhom ikomplu l-komunikazzjoni sabiex jippermettu li jiġi organizzat trasferiment ġdid malajr kemm jista’ jkun, skont l-Artikolu 8 u mhux iktar tard minn ġimagħtejn mill-mument meta l-awtoritajiet isiru jafu bit-twaqqif taċ-ċirkostanzi li kkawżaw id-dewmien jew il-posponiment. F’każ bħal dan, għandha tintbagħat formola standard aġġornata għat-trasferiment tad-dejta qabel ma jitwettaq it-trasferiment kif stipulat fl-Anness VI.

2.      Stat Membru li, għal waħda mir-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 29(2) tar-[Regolament Dublin III], ma jistax iwettaq it-trasferiment matul il-limitu taż-żmien normali ta’ sitt xhur mid-data ta’ aċċettazzjoni tat-talba biex jittieħed inkarigu ta’ persuna jew tittieħed lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali dwar appell jew rieżami fejn ikun hemm effett sospensiv, jinforma lill-Istat Membru responsabbli qabel it-tmiem ta’ dak il-limitu. Inkella, ir-responsabbiltà għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u l-obbligi l-oħra taħt ir-[Regolament Dublin III] jaqgħu fuq l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba, skont l-Artikolu 29(2) ta’ dak ir-Regolament.

[…]”

24      L‑Annessi VI u IX tar-Regolament ta’ applikazzjoni jinkludu l-formoli standard intiżi, rispettivament, għat-trasferiment ta’ data u għall-iskambju ta’ data li tikkonċerna s-saħħa qabel l-eżekuzzjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament Dublin III.

 Id-Direttiva “akkoljenza”

25      Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96, iktar ’il quddiem id-“Direttiva akkoljenza”), għandha bħala għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi l-istandards għall-akkoljenza tal-persuni li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri.

26      L‑Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u kura tas-saħħa”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jkunu disponibbli lill-applikanti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jipprovdu standard xieraq ta’ ħajja għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom kif ukoll jipproteġilhom is-saħħa fiżika u mentali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak l-istandard ta’ ħajja jkun issodisfat fis-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli, skont l-Artikolu 21 […]

[…]”

27      L‑Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw interessi speċifiċi tas-sess u l-età u s-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli fir-rigward ta’ applikanti fil-binijiet u ċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b).”

28      Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva “akkoljenza”, intitolat “Il-kura tas-saħħa”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jirċievu l-kura tas-saħħa meħtieġa li għandha tinkludi, għall-inqas, kura ta’ emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard u ta’ disturbi mentali serji.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu assistenza medika jew assistenza oħra meħtieġa lil applikanti li għandhom bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza, inkluż kura tas-saħħa mentali xierqa fejn ikun meħtieġ.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

29      Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-elementi tal-proċess u mill-interventi waqt is-seduta li seħħet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fis-16 ta’ Awwissu 2015, C. K., ċittadina tar-Repubblika Għarbija Sirjana, u H. F., ċittadin tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, daħlu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ viża valida maħruġa mir-Repubblika tal-Kroazja. Minn dan jirriżulta wkoll li, wara soġġorn qasir f’dan l-Istat Membru, huma qasmu l-fruntiera Slovena permezz ta’ dokumenti ta’ identità Griegi foloz. Sussegwentement dawn il-persuni ġew ammessi fiċ-ċentru ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-ażil ta’ Ljubljana (is-Slovenja) u kull wieħed ippreżenta applikazzjoni għall-ażil quddiem il-ministeru tal-intern tar-Repubblika tas-Slovenja. Minn din l-informazzjoni jirriżulta wkoll li C. K. kienet tqila fil-mument tad-dħul tagħha fit-territorju Sloven.

30      Fit-28 ta’ Awwissu 2015, l-awtoritajiet Sloveni, billi kkunsidraw li r-Repubblika tal-Kroazja kienet, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Dublin III, l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, indirizzaw lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu tagħhom. Bi tweġiba tal-14 ta’ Settembru 2015, ir-Repubblika tal-Kroazja ammettiet ir-responsabbiltà tagħha fir-rigward ta’ dawn il-persuni.

31      Fid-dawl tat-tqala fi stat avvanzat ta’ C. K., ir-Repubblika tas-Slovenja madankollu ma komplietx il-proċedura skont ir-Regolament Dublin III ħlief wara l-20 ta’ Novembru 2015, data li fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali welldet lil A. S. Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġiet ippreżentata għal dan il-wild fis-27 ta’ Novembru 2015, li ġiet ipproċessata flimkien ma’ dawk ta’ C. K. u ta’ H. F.

32      Fl-20 ta’ Jannar 2016, il-ministeru tal-intern ta deċiżjoni ta’ rifjut ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u din kienet tinkludi deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ dawn tal-aħħar lejn il-Kroazja.

33      B’sentenza tat-2 ta’ Marzu 2016, l-Upravno sodišče (qorti amministrattiva, is-Slovenja), annullat din id-deċiżjoni u bagħtet lura l-kawża għal eżami ġdid billi tat istruzzjoni lill-awtoritajiet kompetenti li jiksbu mir-Repubblika tal-Kroazja l-assigurazzjoni li C. K., H. F. u l-wild tagħhom ser ikollhom aċċess għall-kura medika adegwata f’dan l-Istat Membru.

34      Talba f’dan is-sens ġiet indirizzata mill-awtoritajiet Sloveni lir-Repubblika tal-Kroazja fit-30 ta’ Marzu 2016. Bħala tweġiba tas-7 ta’ April 2016, dan l-Istat Membru assigura li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ser jibbenefikaw fil-Kroazja minn akkomodazzjoni, minn kura adegwata u minn trattament mediku neċessarju.

35      Fil-5 ta’ Mejju 2016, il-ministeru tal-intern adotta deċiżjoni ġdida li kienet tirrifjuta eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u kienet tinkludi deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ dawn tal-aħħar lejn il-Kroazja.

36      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Upravno sodišče (qorti amministrattiva). Minbarra dan huma talbu lil din il-qorti li tissospendi, provviżorjament, l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva dwar il-mertu.

37      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’mod partikolari jsostnu li t-trasferiment tagħhom ikollu konsegwenzi negattivi fuq l-istat ta’ saħħa ta’ C. K., li jistgħu jaffettwaw ukoll il-benesseri tal-wild tat-twelid tagħha. F’dan ir-rigward, huma ressqu, diversi ċertifikati mediċi insostenn ta’ dan, li C. K. għaddiet minn tqala riskjuża u li hija ssubixxiet diffikultajiet ta’ natura psikjatrika waqt il-ħlas tagħha. Għalhekk psikjatra speċjalizzat kien iddijanjostika fir-rigward tagħha depressjoni wara t-twelid kif ukoll tendenzi suwiċidali perjodiċi. Minbarra dan jirriżulta minn diversi opinjonijiet mediċi li l-istat ta’ saħħa ħażin ta’ C. K. jirriżulta prinċipalment mill-inċertezza tagħha fir-rigward tal-istatus tagħha u mill-istress li jirriżulta minn dan. Minbarra dan, id-deterjorament tal-istat ta’ saħħa mentali tagħha jista’ jwassal għal aġir aggressiv tagħha lejha nnifisha u lejn terzi, li jeħtieġ, jekk ikun il-każ, kura fi sptar. Il-kundizzjoni li C. K. issofri minnha għalhekk teħtieġ, għal dan il-psikjatra, li hija u l-wild tagħha jibqgħu fiċ-ċentru ta’ akkoljenza ta’ Ljubljana sabiex hemmhekk tirċievi l-kura.

38      B’sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, l-Upravno sodišče (qorti amministrattiva) annullat id-deċiżjoni ta’ trasferiment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. B’digriet tal-istess jum, din il-qorti ssospendiet ukoll l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva dwar il-mertu tat-tilwima.

39      Għalhekk il-ministeru tal-intern appella din is-sentenza quddiem il-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja). Fid-29 ta’ Ġunju 2016, din il-qorti bidlet is-sentenza tal-ewwel istanza u kkonfermat din id-deċiżjoni ta’ trasferiment. F’dak li jikkonċerna l-kura li kienet meħtieġa minħabba l-istat ta’ saħħa ta’ C.K., hija qieset li minn rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), li l-awtoritajiet Sloveni rċevew wara talba, jirriżulta li s-sitwazzjoni fil-Kroazja f’dak li jikkonċerna l-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil kienet waħda tajba. Dan l-Istat Membru għandu, b’mod partikolari, f’Kutina (il-Kroazja), ċentru ta’ akkomodazzjoni speċjalment iddestinat għall-persuni vulnerabbli, fejn l-applikanti għall-ażil għandhom aċċess liberu għal kura medika mogħtija minn tabib li regolarment ikun preżenti fiċ-ċentru jew, f’każ ta’ urġenza, mill-isptar lokali jew anki, jekk neċessarju, minn dak ta’ Zagreb (il-Kroazja).

40      Fir-rigward ta’ allegazzjonijiet oħrajn tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li huma kienu vittmi ta’ kummenti u ta’ vjolenzi ta’ natura razzjali fil-Kroazja, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema) qieset li ma kienx intwera li jeżistu raġunijiet serji sabiex titwemmen l-eżistenza, fil-Kroazja, ta’ difetti sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil ta’ natura li jwasslu, għal dawn tal-aħħar, għal riskju ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III. La l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, la l-UNHCR, ma kienu barra minn hekk ikkritikaw is-sitwazzjoni f’dan l-Istat Membru.

41      Is-sentenza tal-Vrhovno sodišče (qorti suprema) sussegwentement, saret definittiva. Madankollu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu lment kostituzzjonali quddiem l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali, is-Slovenja).

42      B’deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2016, din l-aħħar qorti ddeċidiet li, ċertament, f’dan il-każ ma kienx ikkonfermat li fil-Kroazja jeżistu difetti sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III. Madankollu, dan ma jikkostitwixxix l-uniku motiv li jista’ jiġi invokat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex jintwera li t-trasferiment tagħhom lejn dan l-Istat Membru ser jesponihom għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti.

43      Fil-fatt, konformement mal-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri huma obbligati li josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll mill-Artikolu 3 tal-KEDB u mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem relatata magħhom. Issa, dawn ir-rekwiżiti huma iktar estiżi mill-kriterju tad-difetti sistemiċi msemmi fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, li jikkonċerna, barra minn hekk, unikament is-sitwazzjoni li fiha huwa impossibbli għall-Istati Membri li jwettqu kwalunkwe trasferiment tal-applikanti għall-ażil lejn Stat Membru partikolari. Fl-ipoteżi fejn, barra fil-każ imsemmi f’din id-dispożizzjoni, it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn Stat Membru ieħor iwassal għal ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti fundamentali, l-Istati Membri huma obbligati li japplikaw il-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III.

44      Isegwi li jeżisti obbligu, għall-awtoritajiet kompetenti u għall-qorti, meta applikant għall-ażil jafferma li l-Istat Membru responsabbli mill-applikazzjoni, ma huwiex, għalih, “Stat sigur”, li jeżaminaw iċ-ċirkustanzi importanti kollha għall-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement, inkluż l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata. F’dan il-kuntest, dawn l-awtoritajiet għandhom jieħdu kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali tal-applikant fis-Slovenja u għandhom jevalwaw jekk is-sempliċi trasferiment tiegħu jistax, minnu nnifsu, imur kontra l-prinċipju ta’ non-refoulement.

45      Konsegwentement, skont l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali), peress li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti il-kawża prinċipali allegaw li ċ-ċaqliq ġdid ta’ C. K. ikollu effett sfavorevoli fuq l-istat ta’ saħħa tagħha, billi pproduċew diversi opinjonijiet mediċi ta’ natura li jsostnu d-dikjarazzjonijiet tagħhom, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema) ma setgħetx tillimita ruħha, kif għamlet, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa ta’ C. K. fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Kroazja, iżda kellha wkoll tivverifika jekk it-trasferiment lejn dan l-Istat Membru, meħud waħdu, huwiex kompatibbli mal-Artikolu 3 tal-KEDB. Billi ma evalwatx l-allegazzjonijiet u l-provi prodotti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’dan ir-rigward, din il-qorti kisret id-dritt li kienet tirrikonoxxi lilhom il-Kostituzzjoni Slovena li jiġu żgurati “protezzjoni ugwali fid-dritt”. L‑Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali), għal dawn ir-raġunijiet, annullat is-sentenza tal-Vrhovno sodišče (qorti suprema) u bagħtet lura l-kawża prinċipali lil din tal-aħħar sabiex tiġi deċiża mill-ġdid konformement mal-kunsiderazzjonijiet imressqa fid-deċiżjoni tagħha.

46      Billi kkonstatat li l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali) ma ressqitx talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma tat id-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Settembru 2016, u billi madankollu tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-kunsiderazzjonijiet li huma żviluppati fiha mill-qorti kostituzzjonali, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-interpretazzjoni tar-regoli dwar l-applikazzjoni tal-klawżola diskrezzjonali stabbilita fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura ta’ din id-dispożizzjoni, hija tali li l-qorti tal-Istat Membru għandu l-kompetenza finali, jew hija tali li teżonera lill-qorti, li mid-deċiżjonijiet tagħha ma hemm ebda rimedju ġudizzjarju, mir-rinviju tal-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 tat-[TFUE]?

[Sussidjarjament, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija negattiva:]

2)      L-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III (f’każ bħal dak tas-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari) hija suffiċjenti sabiex tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 jew tal-Artikolu 19(2) tal-[Karta], flimkien mal-Artikolu 3 tal-[KEDB] u l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra?

[Flimkien ma’ din id-domanda:]

3)      Mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-użu tal-klawżola diskrezzjonali min-naħa ta’ Stat Membru, sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva fir-rigward ta’ ksur ta’ dritt stabbilit fl-Artikolu 4 tal-[Karta] f’każijiet bħal dawk tas-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, huwa obbligatorju u jipprekludi t-trasferimenti tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru kompetenti, li jkun iddikjara l-kompetenza tiegħu skont l-imsemmi regolament?

[Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija pożittiva:]

4)      Skont il-klawżola diskrezzjonali fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jew persuna oħra fil-kuntest ta’ proċedura ta’ trasferiment fis-sens tar-regolament imsemmi jistgħu jinvokaw l-applikazzjoni tal-klawżola stess, li fuqha jridu jiddeċiedu l-korpi amministrattivi kompetenti u l-qrati tal-Istat Membru, jew l-imsemmija korpi u l-qrati tal-Istat Membru huma obbligati li jivverifikaw ex officio ċ-ċirkustanzi deskritti?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

47      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

48      Insostenn ta’ din it-talba, din il-qorti essenzjalment issostni li, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa ta’ C. K., il-kwistjoni tal-istatus tagħha għandha tiġi rregolata fl-iqsar żmien possibbli.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin III li kien ġie adottat abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 78(2)(e) TFUE, dispożizzjoni li tinsab fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, dan jista’ jkun suġġett għal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

50      Fit-tieni lok, il-possibbiltà li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġu ttrasferiti lejn ir-Repubblika tal-Kroazja qabel it-tmiem ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari ordinarja ma tistax tiġi eskluża f’din il-kawża. Fil-fatt, bħala tweġiba għal talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja, ifformulata abbażi tal-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-qorti tar-rinviju indikat li, għalkemm, fl-ewwel istanza, l-Upravno sodišče (qorti amministrattiva) kienet ordnat, fuq it-talba ta’ dawn il-persuni, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment li tikkonċernahom, ebda miżura ġudizzjarja ma tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni fl-istadju attwali tal-proċedura nazzjonali.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, intlaqet it-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, skont id-deċiżjoni meħuda, fl-1 ta’ Diċembru 2016, mill-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

52      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni tal-applikazzjoni, minn Stat Membru, tal-“klawżola diskrezzjonali” prevista f’din id-dispożizzjoni taqa’ unikament taħt id-dritt nazzjonali u taħt l-interpretazzjoni li tagħtiha l-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, jew jekk hija tikkostitwixxix kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

53      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-“klawżola ta’ sovranità” li kienet tinsab fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin II, li t-termini tagħha essenzjalment jikkoinċidu ma’ dawk tal-“klawżola diskrezzjonali” prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, u li l-interpretazzjoni tagħhom hija għaldaqstant trasponibbli għalih, li s-setgħa diskrezzjonali li hija rrikonoxxiet lill-Istati Membri tagħmel parti integrali mis-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli żviluppata mil-leġiżlatur tal-Unjoni (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ Dublin”). Isegwi li Stat Membru jimplementa d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, ukoll meta jagħmel użu minn din il-klawżola (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 64 sa 68). Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-“klawżola diskrezzjonali” prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III tassew timplika interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

54      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel domanda tiġi risposta li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni tal-applikazzjoni, minn Stat Membru, tal-“klawżola diskrezzjonali” prevista f’din id-dispożizzjoni ma taqax unikament taħt id-dritt nazzjonali u taħt l-interpretazzjoni li tagħtiha l-qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, iżda tikkostitwixxi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

 Fuq it-tieni sar-raba’ domandi

55      Permezz tat-tieni sar-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi li fihom it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, dan it-trasferiment jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti fis-sens ta’ dan l-artikolu. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Istat Membru kkonċernat huwiex obbligat li japplika l-“klawżola diskrezzjonali” prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament u li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni għall-ażil inkwistjoni.

56      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, irrispettivament minn dak li jkun, bħala prinċipju tiġi eżaminata unikament mill-Istat Membru li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament juru li huwa responsabbli.

57      Is-sistema ta’ Dublin, li dan ir-regolament jifforma parti minnha, hija intiża, hekk kif jirriżulta mil-premessi 4 u 5 tagħha, li tippermetti, b’mod partikolari, determinazzjoni minnufih tal-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

58      F’dan il-kuntest, Stat Membru li quddiemu ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-ażil huwa obbligat li jsegwi l-proċeduri previsti fil-Kapitolu VI tal-istess regolament sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni, li jirrikjedi minn dan l-Istat Membru li jieħu inkarigu tal-applikant inkwistjoni u, ladarba din it-talba tkun aċċettata, li jittrasferixxi din il-persuna lejn dan l-Istat Membru.

59      Fid-dawl ta’ dan, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, ir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III, għandhom jiġu interpretati u applikati fir-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Dublin II, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 77 u 99). Il-projbizzjoni tal-pieni jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti, prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta, hija, f’dan ir-rigward, ta’ importanza fundamentali, sa fejn għandha natura assoluta peress li hija strettament marbuta mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 85 u 86).

60      Issa, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 86 sa 94 u 106), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li t-trasferiment tal-applikanti għall-ażil fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin jista’, f’ċerti ċirkustanzi, ikun inkompatibbli mal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta. Hija għalhekk iddeċidiet li applikant għall-ażil ikun suġġett għal riskju reali li jkun suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu, fil-każ ta’ trasferiment lejn Stat Membru li fih ikun hemm lok għal tħassib serju li jeżistu difetti sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti. Konsegwentement, konformement mal-projbizzjoni prevista f’dan l-artikolu, l-Istati Membri huma obbligati li ma jwettqux trasferimenti fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin lejn Stat Membru meta huma ma jistgħux ma jkunux jafu bl-eżistenza, f’dan l-Istat Membru, ta’ tali difetti.

61      Mill-premessa 9 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa l-effetti tas-sistema ta’ Dublin fuq id-drittijiet fundamentali tal-applikanti għall-ażil. Minn dan jirriżulta wkoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu intenzjoni, billi adotta dan ir-regolament, li jagħmel it-titjib neċessarju, fid-dawl tal-esperjenza, mhux biss għall-effikaċja ta’ din is-sistema, iżda wkoll għall-protezzjoni mogħtija lill-applikanti għall-ażil abbażi ta’ din is-sistema.

62      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk diġà kkonstatat li, f’dak li jikkonċerna d-drittijiet mogħtija lill-applikanti għall-ażil, ir-Regolament Dublin III jvarja fuq punti essenzjali mir-Regolament Dublin II (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 34).

63      Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li huma rrikonoxxuti lilhom, minbarra l-kodifikazzjoni, fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, tal-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et. (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), imsemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jenfasizza li, fil-premessi 32 u 39 ta’ dan ir-regolament, li l-Istati Membri huma marbuta, fl-applikazzjoni tiegħu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll mill-Artikolu 4 tal-Karta.

64      F’dak li jikkonċerna, iktar speċifikament, id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, il-leġiżlatur tal-Unjoni pproteġa l-legalità tagħhom, minn naħa, permezz ta’ garanziji billi rrikonoxxa lill-applikanti għall-ażil, fl-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, id-dritt li jippreżentaw rimedju effettiv quddiem qorti kontra dik id-deċiżjoni, rimedju li l-portata tiegħu tkopri kemm iċ-ċirkustanzi ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, huwa fassal, fl-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, il-modalitajiet ta’ dawn it-trasferimenti b’mod iktar iddettaljat minn dak li kien għamel fir-Regolament Dublin II.

65      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-trasferiment ta’ applikant għall-ażil fil-kuntest tar-Regolament Dublin III jista’ jseħħ unikament f’kundizzjonijiet li jeskludu li dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali li l-persuna kkonċernata tissubixxi trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

66      F’dan ir-rigward, ma huwiex possibbli li jiġi eskluż mal-ewwel li, minħabba l-istat ta’ saħħa partikolarment gravi ta’ applikant għall-ażil, it-trasferiment tiegħu skont ir-Regolament Dublin III jkun jista’ jwassal għal tali riskju għal dan l-applikant.

67      Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li l-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta tikkorrispondi ma’ dik stabbilita fl-Artikolu 3 tal-KEDB u li, sa hawnhekk, is-sens u l-portata tagħha huma, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk li tagħtiha din il-konvenzjoni.

68      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865N.S, punti 87 sa 91), jirriżulta li s-sofferenza dovuta għal marda li seħħet b’mod naturali, kemm jekk din tkun fiżika jew mentali, tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB, jekk din tkun jew hemm riskju li ssir iktar gravi minħabba trattament, kemm jekk dan jirriżulta minn kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, ta’ espulsjoni jew ta’ miżuri oħra, li l-awtoritajiet jistgħu jitqiesu responsabbli għalihom, u dan bil-kundizzjoni li s-sofferenzi li jirriżultaw minn dan jilħqu l-minimu ta’ gravità meħtieġ minn dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, Paposhvili vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2016:1213JUD004173810, § 174 u 175).

69      Fid-dawl tan-natura ġenerali u assoluta tal-Artikolu 4 tal-Karta, dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ prinċipju huma wkoll rilevanti fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u l-kura disponibbli fl-Istat Membru responsabbli, li l-Istati Membri marbuta mid-Direttiva “akkoljenza”, fosthom ir-Repubblika tal-Kroazja, huma obbligati, inkluż fil-kuntest tal-proċedura skont ir-Regolament Dublin III, skont l-Artikoli 17 sa 19 ta’ din id-direttiva, li jipprovdu lill-applikanti għall-ażil, il-kura medika u l-assistenza medika neċessarji li jinkludu, tal-inqas, il-kura urġenti u t-trattament essenzjali ta’ mard u ta’ problemi mentali gravi. F’dawn il-kundizzjonijiet, u konformement mal-fiduċja reċiproka li jagħtu lil xulxin l-Istati Membri, teżisti preżunzjoni qawwija li t-trattamenti mediċi offerti lill-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri ser ikunu adegwati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 78, 80 u 100 sa 105).

71      F’dan il-każ, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas l-elementi tal-proċess ma jindikaw li jeżistu raġunijiet serji sabiex jitwemmen li jeżistu difetti sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fil-Kroazja, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-aċċess għall-kura ta’ saħħa, ħaġa li barra minn hekk ma hijiex allegata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Bil-kontra, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li r-Repubblika tal-Kroazja għandha, b’mod partikolari, fil-belt ta’ Kutina, ċentru ta’ akkoljenza ddestinat għall-persuni vulnerabbli, fejn huma għandhom aċċess għal kura medika mogħtija minn tabib u, f’każ ta’ urġenza, mill-isptar lokali jew ukoll minn dak ta’ Zagreb. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Sloveni kisbu mill-awtoritajiet Kroati l-assigurazzjoni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ser jibbenefikaw mit-trattament mediku neċessarju.

72      Minbarra dan, għalkemm huwa possibbli li, għal ċerti kundizzjonijiet serji u speċifiċi, trattament mediku xieraq ikun disponibbli unikament f’ċerti Stati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, I, C‑255/13, EU:C:2014:1291, punti 56 u 57), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma allegawx li dan huwa l-każ f’dak li jikkonċernahom.

73      Minkejja dan, ma jistax jiġi eskluż li t-trasferiment ta’ applikant għall-ażil li l-istat ta’ saħħa tiegħu huwa partikolarment gravi jista’, waħdu, iwassal, għall-persuna kkonċernata, għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, u dan indipendentement mill-kwalità tal-akkoljenza u tal-kura disponibbli fl-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu.

74      F’dan il-kuntest, hemm lok li jitqies li, f’ċirkustanzi li fihom it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u irrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu, dan it-trasferiment jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

75      Konsegwentement, meta applikant għall-ażil jipproduċi, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rimedju effettiv li jiggarantixxilu l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, elementi oġġettivi, bħal ċertifikati mediċi li jikkonċernaw il-persuna tiegħu, ta’ natura li juru l-gravità partikolari tal-istat ta’ saħħa tiegħu u l-konsegwenzi sinjifikattivi u rrimedjabbli li trasferiment jista’ jkollu fuqu, l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, inklużi l-qrati tiegħu, ma jistgħux jinjoraw dawn l-elementi. Bil-kontra, dawn huma obbligati li jevalwaw ir-riskju li tali konsegwenzi jitwettqu meta huma jiddeċiedu mit-trasferiment tal-persuna kkonċernata jew, fir-rigward ta’ qorti, mil-legalità ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, peress li l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tista’ twassal għal trattament inuman jew degradanti tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 88).

76      Għalhekk, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jeliminaw kull dubju serju rigward l-impatt tat-trasferiment fuq l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata. Huwa meħtieġ, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari meta din tkun kundizzjoni gravi ta’ natura psikjatrika, li ma jitqisux biss il-konsegwenzi tat-trasport fiżiku tal-persuna kkonċernata minn Stat Membru għal ieħor, iżda li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi sinjifikattivi u rrimedjabbli kollha li jirriżultaw mit-trasferiment.

77      F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jivverifikaw jekk l-istat ta’ saħħa tal-persuna inkwistjoni jistax jitħares b’mod xieraq u suffiċjenti billi jittieħdu l-prekawzjonijiet maħsuba mir-Regolament Dublin III u, fl-affermattiv, jimplementaw dawn il-prekawzjonijiet.

78      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-Artikolu 3 tal-KEDB bħala prinċipju ma jobbligax lil Stat kontraenti li jastjeni ruħu milli jipproċedi għat-tneħħija jew għall-espulsjoni ta’ persuna meta din tkun kapaċi tivvjaġġa u bil-kundizzjoni li l-miżuri neċessarji, xierqa u adatti għall-istat tal-persuna jittieħdu f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 4 ta’ Lulju 2006, Karim vs L‑Isvezja, CE:ECHR:2006:0704DEC002417105, § 2, u tat-30 ta’ April 2013, Kochieva et vs L‑Isvezja, CE:ECHR:2013:0430DEC007520312, § 35).

79      Fir-rigward iktar speċifikament taċ-ċirkustanzi li fihom id-diffikultajiet ta’ natura psikjatrika li jbati minnhom applikant għall-ażil jiżvelaw li huwa għandu tendenzi suwiċidali, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ddeċidiet, diversi drabi, li l-fatt li persuna li ġiet ordnata li titneħħa thedded bis-suwiċidju ma jirrikjedix lill-Istat kontraenti milli jastjeni ruħu milli jeżegwixxi l-miżura maħsuba, jekk dan jieħu miżuri konkreti sabiex jipprevjeni t-twettiq ta’ dan (ara Qorti EDB, deċiżjonijiet tas-7 ta’ Ottubru 2004, Dragan et vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:2004:1007DEC003374303, § 1, tal-4 ta’ Lulju 2006, Karim vs L‑Isvezja, CE:ECHR:2006:0704DEC002417105, § 2, kif ukoll tat-30 ta’ April 2013, Kochieva et vs L‑Isvezja, CE:ECHR:2013:0430DEC007520312, § 34).

80      F’dak li jikkonċerna dawn il-prekawzjonijiet, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-Istat Membru li għandu jipproċedi għat-trasferiment jista’ jikkoopera mal-Istat Membru responsabbli, konformement mal-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ applikazzjoni, sabiex jiżgura li l-applikant għall-ażil ikkonċernat jirċievi l-kura ta’ saħħa matul u sat-tmiem tat-trasferiment.

81      F’dan ir-rigward, l-Istat Membru li jipproċedi għat-trasferiment għandu jkun jista’ jorganizzah b’mod li l-applikant għall-ażil ikkonċernat ikun akkumpanjat, matul it-trasport, mill-persunal mediku xieraq, li jkollu materjal, riżorsi u medikazzjoni neċessarji, sabiex ikun jista’ jipprevjeni kwalunkwe aggravazzjoni tas-saħħa tiegħu jew kwalunkwe att ta’ vjolenza tiegħu lejh innifsu jew lejn terzi.

82      Dan l-Istat Membru għandu jkun jista’ wkoll jiżgura ruħu li l-applikant għall-ażil ikkonċernat jibbenefika minn kura mid-dħul tiegħu fl-Istat Membru responsabbli. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Dublin III jimponu fuq l-Istat Membru li jipproċedi bit-trasferiment li jikkomunika lill-Istat Membru responsabbli l-informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa tal-applikant għall-ażil li tkun ta’ natura li tippermetti lil dan l-Istat Membru li jipprovdilu l-kura ta’ saħħa urġenti indispensabbli għall-ħarsien tal-interessi essenzjali tiegħu.

83      Il-formola standard li tinsab fl-Anness VI tar-Regolament ta’ applikazzjoni u ċ-ċertifikat tas- saħħa komuni li jinsab fl-Anness IX ta’ dan ir-regolament jistgħu għalhekk jintużaw sabiex l-Istat Membru responsabbli jkun informat li l-applikant għall-ażil ikkonċernat jirrikjedi assistenza medika u kura mal-wasla, kif ukoll l-aspetti rilevanti kollha tal-kundizzjoni tagħha u tal-kura li hija ser teħtieġ fil-futur. F’dan il-każ, din l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata f’terminu raġonevoli qabel l-eżekuzzjoni tat-trasferiment, sabiex l-Istat Membru responsabbli jitħalla żmien suffiċjenti sabiex jieħu l-miżuri neċessarji. L‑Istat Membru li jipproċedi bit-trasferiment jista’, ukoll, jikseb mill-Istat Membru responsabbli l-konferma li l-kura indispensabbli ser tkun tassew disponibbli mal-wasla.

84      Għalkemm il-qorti kompetenti tqis li dawn il-prekawzjonijiet huma suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kwalunkwe riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti f’każ ta’ trasferiment tal-applikant għall-ażil ikkonċernat, hija din il-qorti li għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura ruħha li dawn ser jiġu implementati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikorrent qabel it-trasferiment tal-persuna kkonċernata. Jekk ikun hemm bżonn, l-istat ta’ saħħa tagħha għandu jiġi evalwat mill-ġdid qabel l-eżekuzzjoni tat-trasferiment.

85      Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn it-teħid ta’ dawn il-prekawzjonijiet ma jkunx biżżejjed, fid-dawl tal-gravità partikolari tal-kundizzjoni tal-applikant għall-ażil ikkonċernat, sabiex jiġi żgurat li t-trasferiment tiegħu ma jwassalx għal riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu, huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jissospendu l-eżekuzzjoni tat-trasferiment ta’ din il-persuna, u dan għal tant żmien li l-istat tagħha ma jagħmilhiex kapaċi għal tali trasferiment.

86      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament, it-trasferiment tal-applikant mill-Istat Membru rikorrent lejn l-Istat Membru responsabbli jitwettaq malli dan ikun “prattikament possibbli”. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ applikazzjoni, l-istat ta’ saħħa tal-applikant għall-ażil jitqies preċiżament bħala “raġuni fiżika” ta’ natura li tiġġustifika l-posponiment tat-trasferiment.

87      Jekk l-istat ta’ saħħa tal-applikant għall-ażil ikkonċernat ma kienx awtorizza t-trasferiment tiegħu, huwa għalhekk l-Istat Membru rikorrent, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, li mingħajr dewmien jinforma lill-Istat Membru responsabbli bil-posponiment tat-trasferiment dovut għall-istat ta’ dan l-applikant.

88      Jekk ikun il-każ, jekk huwa għaraf li l-istat ta’ saħħa tal-applikant għall-ażil ikkonċernat mhux ser jitjieb fi żmien qasir, jew li s-sospensjoni matul tul twil tal-proċedura tirriskja li tiggrava l-istat tal-persuna kkonċernata, l-Istat Membru rikorrent jista’ jagħżel li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni tagħha billi jagħmel użu mill-“klawżola diskrezzjonali” prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Halaf, C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 38). Xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta, ma tistax tiġi interpretata, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens li hija timplika l-obbligu għal dan l-Istat Membru li japplikaha.

89      Fi kwalunkwe każ, fl-ipoteżi fejn l-istat ta’ saħħa tal-applikant għall-ażil ikkonċernat ma kinitx tippermetti lill-Istat Membru rikorrent li jipproċedi bit-trasferiment tiegħu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, l-Istat Membru responsabbli jkun illiberat mill-obbligu tiegħu li jieħu inkarigu tal-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għalhekk tiġi ttrasferita lill-ewwel Stat Membru, konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

90      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fil-kawża prinċipali, jekk l-istat ta’ saħħa ta’ C. K. jippreżentax gravità tali li jkun hemm dubji serji sabiex jitwemmen li t-trasferiment tagħha jwassal għaliha għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Fl-affermattiv, ikun obbligu tagħha li telimina dawn id-dubji billi tiżgura ruħha li l-prekawzjonijiet imsemmija fil-punti 81 u 83 ta’ din is-sentenza ser jittieħdu qabel it-trasferiment ta’ C. K. jew, jekk neċessarju, li t-trasferiment ta’ din il-persuna ser jiġi sospiż sakemm l-istat ta’ saħħa tagħha jippermetti dan.

91      F’dan il-kuntest, l-argument tal-Kummissjoni li mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li hija biss l-eżistenza ta’ difetti sistemiċi fl-Istat Membru responsabbli li tista’ taffettwa l-obbligu ta’ trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn dan l-Istat Membru ma huwiex fondat.

92      Fil-fatt, xejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jindika li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jirregola ċirkustanza oħra differenti minn dik ta’ difetti sistemiċi li jipprekludu kwalunkwe trasferiment ta’ applikanti għall-ażil lejn Stat Membru partikolari. Din id-dispożizzjoni ma tistax, għaldaqstant, tiġi interpretata bħala li teskludi li kunsiderazzjonijiet marbuta mar-riskji reali u kkonfermati ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, jistgħu, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali bħal dawk maħsuba f’din is-sentenza, iwasslu għal konsegwenzi dwar it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil b’mod partikolari.

93      Minbarra dan, tali qari tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin huwa, minn naħa, irrikonċiljabbli man-natura ġenerali tal-Artikolu 4 tal-Karta, li jipprojbixxi t-trattamenti inumani jew degradanti fil-forom kollha tagħhom. Min-naħa l-oħra, ikun manifestament inkompatibbli man-natura assoluta ta’ din il-projbizzjoni li l-Istati Membri jistgħu ma jqisux riskju reali u kkonfermat ta’ trattamenti inumani jew degradanti li jaffettwaw applikant għall-ażil bil-pretest li dan ma jirriżultax minn difett sistemiku fl-Istat Membru responsabbli.

94      Bl-istess mod, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta li tinsab f’din is-sentenza ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 60), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tar-Regolament Dublin II, essenzjalment, li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, applikant għall-ażil jista’ jikkontesta t-trasferiment tiegħu unikament billi jinvoka l-eżistenza ta’ difetti sistemiċi fl-Istat Membru responsabbli. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, hekk kif tfakkar fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, li, f’dak li jikkonċerna d-drittijiet mogħtija lill-applikanti għall-ażil, ir-Regolament Dublin III jvarja fuq punti essenzjali mir-Regolament Dublin II, għandu jitfakkar li din is-sentenza ngħatat f’kawża li timplika ċittadin li ma sostniex quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ċirkustanza partikolari ta’ natura li tindika li t-trasferiment tiegħu, fih innifsu, imur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement fakkret is-sentenza preċedenti tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865), li tikkonċerna l-impossibbiltà li jitwettaq kwalunkwe trasferiment tal-applikanti għall-ażil lejn Stat Membru li jkollu difetti sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil jew fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tagħhom.

95      Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni tosserva għalkollox il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka peress li, mhux talli ma taffettwax l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali f’kull Stat Membru, din tiżgura li s-sitwazzjonijiet eċċezzjonali maħsuba f’din is-sentenza huma debitament meħuda inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri. Barra minn hekk, jekk Stat Membru kellu jipproċedi għat-trasferiment ta’ applikant għall-ażil f’tali sitwazzjonijiet, it-trattament inuman jew degradanti li jirriżulta minn dan ma jkunx imputabbli, direttament jew indirettament, lill-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli, iżda unikament lill-ewwel Stat Membru.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni sar-raba’ domandi għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 4 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        anki fl-assenza ta’ raġunijiet serji sabiex jitwemmen li jeżistu difetti sistemiċi fl-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil fil-kuntest tar-Regolament Dublin III jista’ jseħħ biss f’kundizzjonijiet li jeskludu li dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali u kkonfermat li l-persuna kkonċernata tissubixxi trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu;

–        f’ċirkustanzi li fihom it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, dan it-trasferiment jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu;

–        huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru li għandu jipproċedi bit-trasferiment u, jekk ikun il-każ, il-qrati tiegħu, li għandhom jeliminaw kwalunkwe dubju serju dwar l-impatt tat-trasferiment fuq l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, billi jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex it-trasferiment tagħha jseħħ f’kundizzjonijiet li jippermettu li jitħares b’mod xieraq u suffiċjenti l-istat ta’ saħħa ta’ din il-persuna. Fl-ipoteżi fejn, fid-dawl tal-gravità partikolari tal-kundizzjoni tal-applikant għall-ażil ikkonċernat, it-teħid ta’ dawn il-prekawzjonijiet ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi żgurat li t-trasferiment tiegħu ma jwassalx għal riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu, huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jissospendu l-eżekuzzjoni tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata, u dan għal tant żmien li l-istat ta’ tagħha ma jagħmilhiex kapaċi għal tali trasferiment, u

–        jekk ikun il-każ, jekk huwa għaraf li l-istat ta’ saħħa tal-applikant għall-ażil ikkonċernat mhux ser jitjieb fi żmien qasir, jew li s-sospensjoni matul tul twil tal-proċedura tirriskja li tiggrava l-istat tal-persuna kkonċernata, l-Istat Membru rikorrent jista’ jagħżel li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni tagħha billi jagħmel użu mill-“klawżola diskrezzjonali” prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III.

97      L‑Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta, ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-Istat Membru sabiex japplika din il-klawżola.

 Fuq l-ispejjeż

98      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il‑Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L‑Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni tal-applikazzjoni, minn Stat Membru, tal-“klawżola diskrezzjonali” prevista f’din id-dispożizzjoni ma taqax unikament taħt id-dritt nazzjonali u taħt l-interpretazzjoni li tagħtiha l-qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, iżda tikkostitwixxi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

2)      L‑Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        anki fl-assenza ta’ raġunijiet serji sabiex jitwemmen li jeżistu difetti sistemiċi fl-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil fil-kuntest tar-Regolament Nru 604/2013 jista’ jseħħ biss f’kundizzjonijiet li jeskludu li dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali u kkonfermat li l-persuna kkonċernata tissubixxi trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu;

–        f’ċirkustanzi li fihom it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, dan it-trasferiment jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu;

–        huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru li għandu jipproċedi bit-trasferiment u, jekk ikun il-każ, il-qrati tiegħu, li għandhom jeliminaw kwalunkwe dubju serju dwar l-impatt tat-trasferiment fuq l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, billi jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex it-trasferiment tagħha jseħħ f’kundizzjonijiet li jippermettu li jitħares b’mod xieraq u suffiċjenti l-istat ta’ saħħa ta’ din il-persuna. Fl-ipoteżi fejn, fid-dawl tal-gravità partikolari tal-kundizzjoni tal-applikant għall-ażil ikkonċernat, it-teħid ta’ dawn il-prekawzjonijiet ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi żgurat li t-trasferiment tiegħu ma jwassalx għal riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu, huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jissospendu l-eżekuzzjoni tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata, u dan għal tant żmien li l-istat tagħha ma jagħmilhiex kapaċi għal tali trasferiment, u

–        jekk ikun il-każ, jekk huwa għaraf li l-istat ta’ saħħa tal-applikant għall-ażil ikkonċernat mhux ser jitjieb fi żmien qasir, jew li s-sospensjoni matul tul twil tal-proċedura tirriskja li tiggrava l-istat tal-persuna kkonċernata, l-Istat Membru rikorrent jista’ jagħżel li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni tagħha billi jagħmel użu mill-“klawżola diskrezzjonali” prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013.

L‑Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-Istat Membru sabiex japplika din il-klawżola.

Firem


1* Lingwa tal-kawża: is-Sloven.