Language of document : ECLI:EU:T:2011:365

Kawża T-151/07

Kone Oyj et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-installazzjoni u tal-manutenzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti — Tqassim tas-swieq — Iffissar ta’ prezzijiet”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Natura ġuridika

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Koerenza bejn l-ammonti imposti fuq diversi impriżi

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq — Assenza — Rwol primordjali tal-kriterju bbażat fuq in-natura tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni —– Deċiżjoni li tordna verifika — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis tal-multi inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriżi inkriminati — Natura imperattiva għall-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Kundizzjonijiet — Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet

(Regolament Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Konsegwenzi — Neċessità li fil-livell tal-oneru tal-prova li tinsab fuq l-impriża kkonċernata ssir distinzjoni bejn id-dokumenti li jinkulpaw jew dawk li jiskaġunaw

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Attitudni tal-impriża matul il-proċedura amministrattiva

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 18(1) u 20(3))

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Tnaqqis minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni barra mill-imsemmija komunikazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 96/C 207/04 u 2002/C 45/03)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Tnaqqis minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04, Titolu D, punt 2)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Attitudni tal-impriża matul il-proċedura amministrattiva — Illegalità tat-tnaqqis ta’ multi mogħtija lill-impriżi li ma rrikonoxxewx espressament l-allegazzjonijiet ta’ fatt tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

1.      Għalkemm il-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament. Billi tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, l-imsemmija linji gwida jistabbilixxu, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi.

(ara l-punti 34-36)

2.      Anki jekk jiġi preżunt li, meta tikkonstata diversi ksur serji ħafna f’deċiżjoni waħda unika, il-Kummissjoni għandha tirrispetta ċerta relazzjoni proporzjonali bejn l-ammonti inizjali ġenerali tal-multi u d-daqs tad-diversi swieq affettwati, ma hemm xejn x’jindika li tali ammont iffissat għal akkordju fi Stat Membru huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-ammonti inizjali ġenerali ffissati għall-akkordji fi Stati Membri oħrajn peress li l-Kummissjoni tiffissa l-ammonti inizjali b’mod raġonevoli u koerenti, mingħajr ma tuża madankollu formola matematika preċiża, ħaġa li, fi kwalunkwe każ, ma hijiex obbligata tagħmel.

(ara l-punti 54, 55)

3.      Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju. F’dan ir-rigward, daqs tas-suq ikkonċernat ma huwiex, fil-prinċipju, element obbligatorju, iżda sempliċement element rilevanti fost oħrajn, għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, peress li l-Kummissjoni, barra minn hekk, ma hijiex obbligata tiddelimita s-suq ikkonċernat jew tevalwa d-daqs tiegħu meta l-ksur inkwistjoni jkollu għan antikompetittiv.

Fil-fatt, il-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew skont id-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriżi fuq is-suq ikkonċernat. Madankollu huma lanqas ma jipprekludu li tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu.

F’dan il-kuntest, peress li l-Kummissjoni ma ffissatx l-ammont inizjali ġenerali ta’ multa għal ksur li jikkonċerna Stat Membru billi bbażat ruħha fuq id-daqs tas-suq affettwat, iżda bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq in-natura ta’ dan il-ksur u fuq il-portata ġeografika, il-kunsiderazzjoni li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa iffissat għall-akkordju f’dan l-Istat Membru għandu jirrifletti d-daqs allegatament limitat tas-suq ikkonċernat hija għaldaqstant ibbażata fuq premessa żbaljata u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Dan jgħodd ukoll għan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt tal-ksur fuq is-suq. Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-imsemmija linji gwida, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni għandha teżamina biss l-impatt konkret fuq is-suq meta jidher li dan l-impatt jista jitkejjel. Sabiex jiġi evalwat dan l-impatt, il-Kummissjoni hija obbligata tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku normalment kienet teżisti fin-nuqqas ta’ ksur. Madankollu, meta l-Kummissjoni tqis li kien impossibbli li jitkejjlu l-effetti preċiżi ta’ ksur fuq is-suq, mingħajr ma l-impriżi kkonċernati juru l-kuntrarju, hija tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq in-natura serja tal-ksur kif ukoll fuq il-portata ġeografika tiegħu.

L-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, fil-fatt, kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-gravità ta ksur. Elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-imsemmija effetti, speċjalment meta dan ikun ksur intrinsikament serju bħat-tqassim tas-swieq. Huwa b’hekk li n-natura tal-ksur għandha rwol vitali, b’mod partikolari, sabiex ksur jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”. Mid-deskrizzjoni ta’ ksur serji ħafna tal-imsemmija linji gwida jirriżulta li ftehim jew prattiki miftiehma intiżi b’mod partikolari, għat-tqassim tas-swieq jistgħu, sempliċement abbażi tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna” mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir ikun ikkaratterizzat minn impatt jew portata ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorraborata mill-fatt li, għalkemm id-deskrizzjoni tal-ksur serji ssemmi espressament l-impatt fuq is-suq u l-effetti fuq żoni estensivi tas-suq komuni, dik tal-ksur serji ħafna, min-naħa l-oħra, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas ta’ produzzjoni ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, min-natura tagħhom stess, il-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kkonstatati f’deċiżjoni tal-Kummissjoni huma fost il-ksur l-iktar serji tal-Artikolu 81 KE, peress li għandhom l-għan ta’ kollużjoni sigrieta bejn kompetituri sabiex jaqsmu s-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq filwaqt li jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda u sabiex ma jikkompetux bejniethom fir-rigward tal-manutenzjoni u tal-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters. Apparti l-bdil serju fis-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni li jġibu magħhom, sa fejn dawn l-akkordji jobbligaw lill-partijiet sabiex jirrispettaw swieq distinti, li ta’ spiss huma delimitati mill-fruntieri nazzjonali, huma jagħtu lok għall-iżolament ta’ dawn is-swieq, u għaldaqstant ixekklu l-għan prinċipali ta’ integrazzjoni tas-suq Komunitarju tat-Trattat. Barra minn hekk, ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari meta jikkonsisti f’akkordji orizzontali, huwa kklassifikat bħala “partikolarment gravi” jew bħala “ksur ovvju”.

(ara l-punti 32, 46-47, 56, 61, 62, 64, 67-69)

4.      L-Avviż dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw l-akkordji huwa strument intiż li jippreċiża, fir-rispett tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-iffissar tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Minn dan tirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa li, madankollu, ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali mill-Kummissjoni.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa meta hija msejjħa tevalwa jekk provi prodotti minn impriża li esprimiet ix-xewqa tagħha li tibbenefika mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni għandhomx valur miżjud sinjifikattiv skont il-punt 21 tal-imsemmi Avviż.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonstatat li xi provi għandhom valur miżjud sinjifikattiv skont il-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, għandha marġni ta’ diskrezzjoni meta hija msejħa tistabbilixxi l-livell eżatt tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jingħata lill-impriża kkonċernata. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni jipprovdi faxex għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa għad-diversi kategoriji ta’ impriżi msemmija. Fid-dawl tal-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni, huwa biss eċċess manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkundannat mill-Qorti tal-Unjoni.

Sabiex tinkiseb l-immunità mill-multi skont il-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, hemm bżonn li l-impriża tkun l-ewwel waħda li tipprovdi provi li, fil-fehma tal-Kummissjoni, huma tali li jippermettulha tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE.

Barra minn hekk, hija l-kwalità tal-kooperazzjoni ta’ impriża li tiddetermina jekk hija tistax tibbenefika minn immunità mill-multi skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, ma huwiex biżżejjed li tali impriża tkun ipprovdiet informazzjoni u elementi li jippermettu li tinbeda investigazzjoni effettiva kontra l-ksur. Għalkemm huwa minnu li ma huwiex neċessarju li l-provi prodotti jkunu suffiċjenti sabiex jiġi pprovat il-ksur fit-totalità tiegħu jew fl-inqas dettall tiegħu, dawn għandhom madankollu jkunu ta’ natura, ta’ preċiżjoni u ta’ forza probatorja suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE.

F’dan ir-rigward, dikjarazzjonijiet stabbiliti abbażi tal-memorja minn amministraturi tal-impriża kkonċernata, li ma jistax jiġi eskluż li jinkludu xi ineżattezzi, u dikjarazzjonijiet unilaterali ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur jekk huma ma jkunux sostnuti minn provi dokumentarji preċiżi u konsistenti. Fil-fatt, huwa neċessarju li fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra provi preċiżi u konsistenti sabiex issostni l-konvinzjoni ferma li l-ksur twettaq.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma teċċedix manifestament il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta hija tirrifjuta l-immunità minn multa lil impriża li tkun ipprovdiet provi ta’ valur probatorju limitat, mhux kontemporanji tal-ksur u li parti minnhom huma mingħajr data. Il-fatt li din l-impriża kisbet din l-immunità għal ksur tal-istess tip imwettaq fi Stati Membri oħrajn ma għandu l-ebda impatt f’dan ir-rigward peress li n-natura u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta f’kull każ kienu differenti.

Il-Kummissjoni ma teċċedix b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha għall-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ impriża sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta, billi tikkunsidra li l-provi mhux kontemporanji, li jiċħdu l-għan antikompetittiv ta’ akkordju u li huma ambigwi, huma neqsin mill-preċiżjoni li hija suffiċjenti sabiex jingħataw valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-isemmi Avviż dwar il-kooperazzjoni. Fil-fatt meta impriża, li fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza ma tikkomunikax provi kontemporanji lill-Kummissjoni, tinforma lil din tal-aħħar b’ċerti elementi li ma kinitx taf bihom preċedentement, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala elementi li jsaħħu, b’mod sinjifikattiv, l-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi akkordju ħlief jekk l-impriża kkonċernata turi rabta bejn din l-informazzjoni u l-eżistenza tal-imsemmi akkordju, peress li l-kontribuzzjoni tal-impriża għandha effettivament issaħħaħ l-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prova ta’ ksur. Għaldaqstant, kull tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni għandu jirrifletti l-kontribut effettiv tal-impriża fl-istabbiliment, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-prova tal-ksur.

(ara l-punti 80, 81, 83, 84, 91, 94, 97-99, 100, 102, 103, 108, 111-113, 117-119, 122-124, 162, 165, 169, 174-176, 179)

5.      Fid-deċiżjonijiet tagħha li jordnaw spezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tindika ċarament il-preżunzjonijiet li hija għandha l-intenzjoni tinvestiga. Madankollu, ma huwiex neċessarju li d-delimitazzjoni preċiża tas-suq inkwistjoni, il-klassifikazzjoni legali eżatta tal-allegati ksur u l-indikazzjoni tal-perijodu li matulu dawn il-ksur twettqu, ikunu inklużi f’deċiżjoni ta’ investigazzjoni.

(ara l-punt 116)

6.      L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell joħloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw ruħhom l-impriżi li jixtiequ jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju. Fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni jista’ jkollhom abbażi ta’ dan l-Avviż, il-Kummissjoni hija obbligata li tikkonforma ruħha miegħu meta tevalwa l-kooperazzjoni ta’ impriża sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta fuqha. F’dan ir-rigward, bħala prinċipju, operatur ekonomiku ma jistax jibbaża aspettattivi leġittimi li ser jingħata immunità mill-multi fuq is-sempliċi silenzju tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 127, 130, 186)

7.      Il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta tevalwa l-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju. Peress li ż-żewġ sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli, ma hemmx ksur tal-imsemmi prinċipju meta l-Kummissjoni, minn naħa, tagħti l-immunità minn multa lil impriża li l-informazzjoni mogħtija minnha tkun tat lok għall-ewwel spezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, tirrifjuta din l-immunità lil impriża oħra li tkun ipprovdiet informazzjoni wara li l-Kummissjoni tkun wettqet l-ewwel spezzjonijiet tagħha.

(ara l-punti 135, 137, 138, 140)

8.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fil-proċedimenti kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi osservat, anki f’każ ta’ proċedura ta’ natura amministrattiva.

L-aċċess għall-fajl fil-kawżi tal-kompetizzjoni huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti li d-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jieħdu konjizzjoni tal-provi li jkun hemm fil-fajl tal-Kummissjoni, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli, fuq il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tkun waslet għalihom, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn id-dokumenti. Għaldaqstant, l-aċċess għall-fajl jifforma parti mill-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u sabiex jiżguraw b’mod partikolari l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija obbligata li trendi aċċessibbli għall-impriżi involuti fi proċedura skont l-Artikolu 81(1) KE dokumenti li jinkulpaw jew li jiskaġunaw li hija tkun ġabret matul l-investigazzjoni, b’riżerva għas-sigrieti tan-negozju ta’ impriżi oħrajn, dokumenti interni tal-istituzzjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra.

Barra minn hekk, is-sempliċi nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jinkulpa ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża ħlief jekk l-impriża kkonċernata tkun tista’ turi li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u li dan l-ilment ma setax ikun ipprovat jekk mhux b’riferiment għall-imsemmi dokument.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha biss tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku matul il-proċedura amministrattiva hija setgħet tinvoka tali dokumenti, hija kienet tkun tista’ tinvoka provi li ma kinux jaqblu mal-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għalhekk, b’xi mod, hija kienet tkun tista’ tinfluwenza l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fl-eventwali deċiżjoni, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-gravità u t-tul tal-aġir li kienet akkużata bih, u, għalhekk, il-livell tal-multa.

(ara l-punti 143-147,151)

9.      Waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni jippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata l-ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, li ttemm dan il-ksur. Barra minn hekk, impriża li tiddikjara espressament li hija ma tikkontestax l-allegazzjonijiet ta’ fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-ilmenti tagħha tista’ titqies li kkontribwixxiet sabiex tħaffef il-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-impriżi huma obbligati li jirrispondu għat-talbiet għal informazzjoni u li jissuġġettaw ruħhom għall-ispezzjonijiet. Issa, kooperazzjoni matul l-investigazzjoni li ma tmurx lil hinn mill-obbligi li għandhom l-impriżi skont dawn id-dispożizzjonijiet, ma tiġġustifikax tnaqqis tal-multa.

Barra minn hekk, pożizzjoni allegatament flessibbli min-naħa ta’ impriża għal dak li jikkonċerna talbiet għal trattament kunfidenzjali fil-konfront ta’ informazzjoni li hija tikkomunika lill-Kummissjoni ma tistax titqies li tiffaċilità l-kompitu tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, investigazzjoni ma hijiex ostakolata minn talbiet għal kunfidenzjalità li huma raġonevoli u, fi kwalunkwe każ, hija l-impriża kkonċernata li għandha titlob għat-trattament kunfidenzjali fil-konfront tal-informazzjoni li, fil-fehma tagħha, ma għandhiex tiġi żvelata lil terzi.

Minn dan isegwi li kooperazzjoni li għandha tali limiti ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi rigward it-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

(ara l-punti 204, 222)

10.    Id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull persuna li tinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi tatha garanziji preċiżi, nisslet fiha aspettattivi fondati. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li ngħatawlu mill-amministrazzjoni. Jammontaw għal tali assigurazzjonijiet, spjegazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u li jaqblu u li ġejjin minn sorsi awtorizzati u li wieħed jista’ joqgħod fuqhom.

Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, it-tħabbir fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa barra mill-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell, ma jistax jikkostitwixxi assigurazzjoni preċiża rigward id-daqs jew ir-rata tat-tnaqqis li jkun ser jingħata, skont il-każ, lill-impriżi kkonċernati. Għaldaqstant, tali affermazzjoni ma tista’ fl-ebda każ toħloq kwalunkwe aspettattivi leġittimi rigward dan is-suġġett.

Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni lanqas ma tista’ toħloq aspettattivi leġittimi fil-konfront tal-impriżi kkonċernati rigward il-livell tat-tnaqqis tal-multa.

Fi kwalunkwe każ, ma huwiex iġġustifikat li l-operaturi ekonomiċi jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ titbiddel mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom Għaldaqstant, l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’ tadatta, fi kwalunkwe mument, il-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika.

(ara l-punti 206-208, 210, 212)

11.    Sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal‑ammont tal‑multa minħabba n‑nuqqas ta’ kontestazzjoni tal‑fatti, skont it‑tieni inċiż tal-punt 2 tat‑Titolu D tal-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjonijiet ta’ multi jew ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom f’kawżi li jirrigwardaw akkordji, impriża għandha tinforma b’mod espliċitu lill‑Kummissjoni li ma għandhiex l-intenzjoni li tikkontesta l-materjalità tal‑fatti, wara li tkun mgħarrfa bid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, dikjarazzjoni ġenerali li tipprovdi li l-impriża kkonċernata ma tikkontestax li l-kollużjoni, sa fejn hija sostnuta mill-fatti inklużi fil-fajl tal-Kummissjoni kienet tikkonċerna ksur uniku u kontinwu, ma tistax titqies li tiffaċilità l-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Dan jgħodd ukoll meta n-nuqqas ta’ kontestazzjoni huwa purament formali u ambigwu, u ma għandu l-ebda effett pożittiv fuq l-istabbiliment tal-fatti, billi l-impriża kkonċernata sempliċement tiddeskrivi l-parteċipazzjoni tagħha jew f’termini purament ipotetiċi, jew billi ddgħajjef l-effetti antikompetittivi tal-arranġamenti tal-ksur.

(ara l-punti 227, 230, 231)

12.    Meta tiddetermina l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Madankolllu, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tkun irrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa fil-konfront ta’ ħaddieħor.

F’dan ir-rigward, impriża li tiddikjara espressament li ma tikkontestax l-allegazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-ilmenti tagħha tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tat kontribut sabiex tiffaċilità l-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fid-deċiżjonijiet tagħha li jikkonstataw ksur ta’ dawn ir-regoli, il-Kummissjoni għandha dritt tikkunsidra tali aġir bħala rikonoxximent tal-allegazzjonijiet ta’ fatt u għaldaqstant, bħala prova tal-fondatezza tal-allegazzjonijiet inkwistjoni. Għaldaqstant, tali aġir jista’ jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa.

Dan ma huwiex il-każ meta impriża tikkontesta l-punti essenzjali ta’ dawn l-allegazzjonijiet fir-risposta tagħha. Fil-fatt, billi tadotta tali attitudni matul il-proċedura amministrattiva, l-impriża ma tikkontribwixxix sabiex tiffaċilità l-kompitu tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 234, 235)