Language of document : ECLI:EU:C:2012:321

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fis-6 ta’ Ġunju 2012 (1)

Kawżi magħquda C‑539/10 P u C‑550/10 P

Stichting Al-Aqsa

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

vs

Stichting Al–Aqsa

“Appell – Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Adozzjoni ta’ miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Iffriżar tal-assi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Artikolu 1(4) u (6) – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Artikoli 2 u 3 – Kundizzjonijiet għaż-żamma ta’ persuni jew organizzazzjonijiet fuq il-lista ta’ persuni, entitajiet jew organizzazzjonijiet milquta minn miżura ta’ ffriżar tal-assi – Deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti – Kanċellament ta’ miżura nazzjonali”





I –    Introduzzjoni

1.        Dan l-appell jirrigwarda l-iffriżar tal-assi ta’ Stichting Al–Aqsa fil-kuntest ta’ miżuri meħuda mill-Unjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

2.        Il-perikli li jirriżultaw mit-terroriżmu wasslu lin-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha li jadottaw miżuri restrittivi. L-għan ta’ dawn il-miżuri huwa li jneħħu lill-persuni jew organizzazzjonijiet, preżunti li jiffavorixxu l-attivitajiet terroristiċi, il-possibilità tagħhom ta’ ffinanzjar, permezz tal-iffriżar tal-assi tagħhom.

3.        Wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 1373 (2001), tat-28 ta’ Settembru 2001 (2), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddefinixxa, fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (3) tiegħu, il-qafas ta’ sistema ta’ miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

4.        Bis-saħħa ta’ din is-sistema, meta l-Unjoni jkollha informazzjoni li awtorità ħadet deċiżjoni li tiftaħ investigazzjoni jew prosekuzzjoni minħabba att terroristiku, il-persuna jew l-entità kkonċernata tista’ titniżżel f’lista ta’ persuni jew organizzazzjonijiet li l-assi tagħhom huma ffriżati (4). L-ewwel lista ta’ dan it-tip kienet diġà ġiet mehmuża mal-imsemmija pożizzjoni komuni.

5.        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (5), jaqa’ fl-estensjoni tas-sistema prevista minn din il-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Ir-Regolament huwa ppreżentat bħala miżura meħtieġa fuq livell tal-Unjoni biex jintlaħqu aħjar l-għanijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u għandu jikkompleta l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji dwar organizzazzjonijiet terroristiċi fl-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi (6). F’dan il-kuntest, huwa l-Kunsill, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, li għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jekk ikun il-każ jemenda, skont il-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (7), lista ta’ persuni u organizzazzjonijiet li l-assi tagħhom għandhom jiġu ffriżati. Il-Kunsill stabbilixxa l-ewwel lista tiegħu, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, kontemporanjament mall-adozzjoni tar-Regolament.

6.        Fil-kuntest ta’ reviżjoni regolari ta’ din il-lista, il-Kunsill għandu jivverifika jekk iż-żamma fuq il-lista ta’ persuni jew entitajiet kkonċernati kif ukoll l-iffriżar tal-assi tagħhom għadhiex ġġustifikata. Jekk il-ġustifikazzjoni ma tibqax teżisti, il-lista għandha, bħala konsegwenza, tkun emendata. Fl-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni, il-Kunsill jadotta perjodikament azzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001, li permezz tagħhom, wara verifika, jibdel il-lista fis-seħħ, b’lista ġdida.

7.        Il-verifika u jekk ikun il-każ l-emenda tal-imsemmija listi huma fil-qalba ta’ dawn il-kawżi magħquda. Huma jirrigwardaw konkretament u b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar sa liema punt il-Kunsill għandu jikkunsidra s-sitwazzjoni fattwali u ġuridika eżistenti fl-Istat Membru u l-iżvilupp tagħhom, sabiex jiddeċiedi jekk persuna jew organizzazzjoni għandhomx jibqgħu fuq il-lista u jekk l-assi tagħhom għandhomx jibqgħu ffriżati.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931

8.        L-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni jipprovdi:

“[...]

4. Il-lista f’dan l-Anness hija stabbilita fuq il-bażi ta’ informazzjoni li turi li deċiżjoni ttieħdet minn awtorità kompetenti fir-rigward ta’ nies, gruppi u entitajiet ikkonċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’wassal għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, jew l-attentat, jew il-parteċipazzjoni jew il-faċilitazzjoni ta’ att bħal dan, ibbażat fuq provi jew indizzji serji u kredibbli, jew kundanna għal dawn l-atti. Il-persuni, gruppi jew entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma konnessi mat-terroriżmu u li kontrihom ikunu ordnati sanzjonijiet jistgħu jiġu inklużi fil-lista.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorità kompetenti’ tfisser awtorità ġudizzjarja, jew, jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji ma għandhomx kompetenza fil-qasam ikkonċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompetenti ekwivalenti f’dak il-qasam.

5. [...]

6. Għandha ssir reviżjoni tal-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista tal-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.”

B –    Ir-Regolament Nru 2580/2001

9.        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2580/2001 (8) jipprovdi:

“1. Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6:

a) Il-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’ jew miżmuma minn, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu ffriżati;

[...]

3.      Il-Kunsill, jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK; din il-lista għandha tinkludi:

i)      persuni naturali li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

ii)      persuni legali, gruppi jew entitajiet li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

iii)      persuni legali, gruppi jew entitajiet li huma ta’ jew kontrollati minn persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii); jew

iv)      persuni naturali legali, gruppi jew entitajiet li jaġixxu fl-interess ta’ jew fuq id-direzzjoni ta’ persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii).”

10.      L-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) jipprevedu essenzjalment li l-assi ffriżati jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni inkwantu jkun neċessarju għall-bżonnijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata jew tal-membri tal-familja tagħha (9), u li, f’ċerti kundizzjonijiet, jkunu jistgħu jiġu akkordati awtorizzazzjonijiet speċifiċi oħra sabiex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni (10).

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

11.      L-iStichting Al–Aqsa (iktar ’il quddiem “Al-Aqsa”) ilha tikkontesta sa mill-2003 quddiem il-qrati (11) l-iffriżar tal-assi tagħha u diversi miżuri meħuda suċċessivament kontriha mill-Kunsill, li abbażi tagħhom hija ġiet inkluża u miżmuma fil-lista magħmula mill-Kunsill.

12.      Madankollu, il-miżuri tal-Kunsill finalment joriġinaw minn Deċiżjoni Ministerjali Olandiża tas-7 ta’ April 2003, jiġifieri s-Sanctieregeling terrorisme 2003 (12), li fuqha ser niffoka għar-raġuni tal-importanza ċentrali tagħha fl-iffriżar tal-assi ta’ Al–Aqsa.

13.      Is-Sanctieregeling terrorisme 2003 ġiet adottata abbażi tal-Liġi Olandiża Sanctiewet 1977, li tirreferi għar-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ċċitata iktar ’il fuq. B’din id-deċiżjoni ministerjali, l-assi ta’ Al-Aqsa ġew iffriżati taħt forma ta’ miżura provviżorja (13) sakemm daħal fis-seħħ l-att tal-Unjoni għal dan l-effett (14), għax hija allokat fondi lill-organizzazzjoni li tappoġġa t-terroriżmu (15).

14.      Fi proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Pajjiżi l-Baxxi, Al-Aqsa kienet talbet li tiġi ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ministerjali. B’deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2003 (16), ir-Rechtbank te ‘s-Gravenhage, wara li rat id-dokumenti kunfidenzjali tas-servizzi sigrieti Olandiżi, madankollu ddeċidiet li jeżistu provi suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li Al-Aqsa appoġġjat, grazzi għall-fondi tagħha, organizzazzjoni terroristika (17), kif iddikjarat mill-motivazzjoni tas-Sanctieregeling terrorisme 2003, u għalhekk ma laqgħetx it-talba tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-miżura tal-iffriżar tal-assi mressqa minn Al-Aqsa.

15.      Is-Sanctieregeling terrorisme 2003 ġiet madankollu malajr abrogata (18) b’effett mit-3 ta’ Awwissu 2003, għar-raġuni li hija kienet “sorvolata” wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2003 li implementat l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 (19), peress li Al-Aqsa issa kienet fil-lista tal-Kunsill rigward l-iffriżar tal-assi.

16.      Wara r-revoka tad-Deċiżjoni Ministerjali Olandiża, Al-Aqsa baqgħet madankollu mniżżla fil-lista ċċitata tal-Kunsill kif ukoll fil-listi suċċessivi, għax il-Kunsill ma rax għalfejn kellu jagħmel emenda fir-rigward ta’ Al-Aqsa.

17.      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ April 2007 u mbagħad mill-ġdid permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ġunju 2007 li tirrigwarda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE (20), il-Kunsill, fl-eżekuzzjoni tal-obbligu tiegħu li jimmotiva ż-żamma ta’ Al-Aqsa fil-lista, invoka r-raġunijiet segwenti (21):

“[...] Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Ministru tal-Finanzi [tal-Pajjiżi l-Baxxi] ddeċidew [...] li jiffriżaw l-assi kollha [ta’ Al-Aqsa]. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mid-deċiżjoni tal-Presidenti ta’ Rechtbank te ‘s-Gravenhage tat-taqsima tad-dritt ċivili [...] tat-3 ta’ Ġunju 2003. F’din id-deċiżjoni ġudizzjarja, ġie kkonstatat li ... [Al-Aqsa] għandha tiġi kkunsidrata li hija organizzazzjoni li tappoġġja lill-Hamas u li tippermetti lil dan tal-aħħar iwettaq jew jiffiċilita attivitajiet terroristiċi. [...] Għalhekk ittieħdet deċiżjoni fil-konfront tal-[Al–Aqsa] minn awtorità kompetenti. [...] Il-Kunsill huwa konvint li l-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni [ta’ Al-Aqsa] fil-[Lista] għadhom validi” (22).

IV – Il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

18.      Il-motivazzjoni mressqa mill-Kunsill, riprodotta fil-punt 17 hawn fuq, ġiet ikkunsidrata mhux rilevanti mill-Al-Aqsa li ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali rikors kontra l-Kunsill, fejn talbet l-annullament ta’ ħames miżuri tal-iffriżar tal-assi, adottati suċċessivament mill-Kunsill u ppreżentati b’motivazzjoni identika (iktar ’il quddiem il-“miżuri kkontestati”) (23), sa fejn jikkonċernaw l-Al-Aqsa, u talbet ukoll li r-Regolament Nru 2580/2001 jiġi ddikjarat inapplikabbli fil-konfront tagħha, u fl-aħħar li l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

19.      Is-sentenza appellata kkonfermat dan li ġej fir-rigward tat-tielet motiv tar-rikors mressaq mill-Al-Aqsa (24).

“164.  Il-Qorti Ġenerali […] enfasizzat […] li l-Kunsill […] ma jistax jinjora l-iżviluppi ulterjuri ta’ dawn l-investigazzjonijiet jew ta’ din il-prosekuzzjoni [….]

[...]

168      Fis-sentenza Sison II [ (25)], il-Qorti Ġenerali [...] ikkunsidrat l-eventwalità li investigazzjoni mill-pulizija jew mill-prosekutur tingħalaq mingħajr ma tittieħed azzjoni ġudizzjarja minħabba li ma jkunx possibbli li jinġabru provi suffiċjenti jew li istruttorja ġudizzjarja twassal ghal deċiżjoni li ma jkunx hemm lok li jitkomplew il-proċeduri għall-istess raġunijiet […]. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat li huwa inammissibbli li l-Kunsill ma jiħux inkunsiderazzjoni tali fatturi, li jagħmlu parti mill-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni […]. Deċiżjoni mod ieħor tkun tfisser li l-Kunsill u l-Istati Membri jkunu qegħdin jingħataw is-setgħa eċċessiva li jiffriżaw b’mod indefinit il-fondi tal-persuna b’mod li ma jaqax taħt stħarriġ ġudizzjarju u irrispettivament mill-eżitu tal-proċeduri ġudizzjarji li jkunu eventwalment inbdew.

169      L-istess kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw meta miżura amministrattiva nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi jew ta’ identifikazzjoni ta’ organizzazzjoni bħala terrorista tkun irtirata mill-awtur tagħha jew annullata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja […].

170      […] fil-każ preżenti, huwa stabbilit li s-Sanctieregeling tħassret fit-3 ta’ Awwissu 2003, jiġifieri kważi immedjatament wara d-dħul fis-seħħ, fit-28 ta’ Ġunju 2003, tal-miżura Komunitarja inizjali ta’ ffriżar tal-fondi tar-rikorrenti.

171      F’dan ir-rigward, huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata (26) ssostni li ma hijiex ibbażata fuq s-Sanctieregeling innifisha iżda fuq is-sentenza dwar miżuri provviżorji biss (ara l-punt 86 iktar ’il fuq). Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punt 87 iktar ’il fuq, ma huwiex possibbli, fil-kawża ineżami, li s-sentenza dwar miżuri provviżorji tittieħed inkunsiderazzjoni waħedha u mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni fl-istess ħin is-Sanctieregeling.

172      Għalhekk, għandu jiġi rikonoxxut li, mit-tħassir tas-Sanctieregeling fis-sistema legali Olandiża, is-sentenza dwar miżuri provviżorji, li, kif għadu kemm ġie mfakkar, tifforma, flimkien mas-Sanctieregeling, unità li ma tistax tiġi sseparata, ma tistax tibqa’ sservi b’mod validu bħala bażi għal miżura Komunitarja ta’ ffriżar tal-fondi tar-rikorrenti.

173      Permezz ta’ dik is-sentenza, fil-fatt, il-qorti għal miżuri provviżorji kienet sempliċement irrifjutat li tissospendi, b’mod provviżorju, l-effetti tas-Sanctieregeling. Issa, minħabba t-tħassir tagħha, din waqfet definittivament milli jkollha effetti legali. Dan jgħodd neċessarjament ukoll, bħala konsegwenza, għall-effetti legali tas-sentenza dwar miżuri provviżorji sa fejn din tagħmel biss evalwazzjoni provviżorja, bla ħsara għad-deċiżjoni fuq il-mertu fi tmiem il-proċess.

174      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra wkoll li s-sentenza dwar miżuri provviżorji ma jistax ikollha, għall-finijiet biss tal-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001, effetti legali separabbli minn dawk tas-Sanctieregeling, effetti li, f’dan il-każ, jibqgħu fis-seħħ minkejja t-tħassir tagħha fid-dritt Olandiż. Barra minn hekk, ma jkunx kompatibbli mas-sistema ġenerali ta’ dan ir-regolament, ikkaratterizzata mill-importanza prinċipali li għandha tingħata lill-elementi tal-proċedura nazzjonali fl-evalwazzjoni tal-Kunsill, li s-Sanctieregeling, li ma għadx għandha effett fis-sistema legali Olandiża, jibqa’ jkollha effett indirettament u b’mod indefinit, permezz tas-sentenza dwar miżuri provviżorji, fis-sistema legali Komunitarja.

175      Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li s-sentenza dwar miżuri provviżorji, mogħtija wara rikors tar-rikorrenti, tikkostitwixxi avveniment sekondarju meta mqabbla mas-Sanctieregeling. Fil-fatt, mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din tal-aħħar jirriżulta li hija kienet ġiet adottata “fl-istennija tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni Komunitarja” u li hija kellha titħassar “malli tidħol fis-seħħ tali deċiżjoni”. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi matul is-seduta, dan it-tħassir kien biss ir-riżultat tax-xewqa tal-Gvern Olandiż li jevita li miżura nazzjonali tikkonfliġġi ma’ miżura Komunitarja ta’ ffriżar tal-fondi tar-rikorrenti. Minn dan isegwi li s-Sanctieregeling tħassret, fi kwalunkwe każ, immedjatament wara l-adozzjoni tal-miżura Komunitarja inizjali ta’ ffriżar tal-fondi tar-rikorrenti, irrispettivament minn jekk din tal-aħħar kinitx bdiet jew le proċedura dwar miżuri provviżorji jew dwar il-mertu.

176      Mekkaniżmu bħal dan imur ukoll kontra l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 176/2001, li tissuġġetta l-adozzjoni ta’ miżura Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi jew għall-bidu u t-tkomplija attiva ta’ proċedura nazzjonali intiża direttament u prinċipalment għall-impożizzjoni ta’ miżura ta’ tip preventiv jew ripressiv fil-konfront tal-parti kkonċernata, għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u minħabba l-involviment tagħha fit-terroriżmu […], jew għall-għoti u għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tikkundanna lill-parti kkonċernata għal tali fatti.

177      Issa, fil-każ ineżami, id-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi, meħuda inizjalment fil-livell nazzjonali, hija ġustifikata “fl-istennija tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni Komunitarja”, u min-naħa tagħha l-miżura Komunitarja hija ġustifikata mill-adozzjoni tad-deċiżjoni nazzjonali, li ġiet immedjatament imħassra. Tali mekkaniżmu jsofri minn difett ta’ loġika ċirkulari.

178      Il-Kunsill mhux talli ma setax jibqa’ jibbaża ruħu fuq is-sentenza dwar miżuri provviżorji iżda kien imissu silet il-konsegwenza loġika tat-tħassir tal-miżura nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi billi jikkonstata li ma kienx għad hemm “livell ta’ bażi” fid-dritt nazzjonali li jiġġustifika, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, iż-żamma tal-miżura Komunitarja ekwivalenti, u dan irrispettivament mill-eventwali rimedji ġudizzjarji eżerċitati kontra l-miżura nazzjonali mħassra.

[…]

180      Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ikkaratterizzati fuq kollox mit-tħassir tas-Sanctieregeling, għandu, għall-kuntrarju, jiġi rikonoxxut li l-Kunsill mar lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta żamm b’mod indefinit lir-rikorrenti fil-lista kontenzjuża, meta sar l-eżami mill-ġdid perijodiku tas-sitwazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, għas-sempliċi raġuni li d-deċiżjoni tal-qorti għal miżuri provviżorji ma kinitx ġiet ikkontestata, fis-sistema legali Olandiża, permezz tal-istanza ġudizzjarja ta’ appell dwar miżuri provviżorji jew permezz tal-istanza ġudizzjarja dwar il-mertu, meta fil-frattemp id-deċiżjoni amministrattiva li din il-qorti kienet ġey mitluba tissospendi ġiet imħassra mill-awtur tagħha.

181      Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, kif sostniet ir-rikorrenti fis-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-partijiet l-oħra, minn wara t-tħassir tas-Sanctieregeling u barra mill-kamp ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fid-dritt nazzjonali, l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti, amministrattivi jew ġudizzjarji, ma reġgħu eżerċitaw ebda azzjoni intiża għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni penali jew ekonomika fuq ir-rikorrenti fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u minħabba l-involviment tagħha fit-terroriżmu.

[...]

184      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba intiża li jiġi ddikjarat illegali, taħt l-Artikolu 241 KE, ir-Regolament Nru 2580/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Al‑Aqsa [I], punti 66 u 67; ara wkoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑91/05, Ġabra p. I‑3651, punt 111)”.

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożittiv tas-sentenza appellata huwa s-segwenti:

“1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE […], id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE […], id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE […], id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/62/KE […] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 501/2009 […] huma annullati sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lil Stichting Al-Aqsa.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kunsill […] huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż ta’ Stichting Al‑Aqsa.

4)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.”

V –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-aggravji u l-argumenti prinċipali tal-partijiet fil-proċedura tal-appell

21.      L-Al-Aqsa (Kawża C‑539/10 P) u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (Kawża C‑550/10 P) appellaw is-sentenza kkontestata. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Frar 2011, iż-żewġ kawżi ġew magħquda bil-għan li jkunu s-suġġett ta’ proċedura bil-miktub u orali waħda kif ukoll ta’ sentenza komuni.

A –    Il-Kawża C‑539/10 P

22.      Fil-kuntest tal-appell tagħha, fil-Kawża C‑539/10 P, Al-Aqsa titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata inkwantu l-appellanta ressqet aggravji u argumenti kontra l-motivi ta’ din is-sentenza u, permezz ta’ deċiżjoni ġdida, tilqa’ t-talbiet magħmula mill-appellanta fl-ewwel istanza, flimkien mal-korrezzjoni tal-bażi li fuqha tistrieħ is-sentenza appellata;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

23.      Insostenn tat-talbiet tagħha, Al-Aqsa ssostni essenzjalment li ċerti punti mill-motivi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali jiddikjaraw uħud mill-motivi tar-rikors ta’ Al-Aqsa bħala infondati. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali pereżempju qieset li sakemm s-Sanctieregeling baqgħet fis-seħħ, kienet suffiċjenti, flimkien mad-deċiżjoni għal miżuri provviżorji, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għall-iffriżar tal-assi (27). Al-Aqsa ma taqbilx ma’ dawn l-affermazzjonijiet u hija preokkupata, jekk is-sentenza takkwista l-forza ta’ res judicata mingħajr ma tiġi emendata l-motivazzjoni tagħha, minn konsegwenzi negattivi għaliha nnifisha għaliex, abbażi tal-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, jistgħu jiġu adottati atti ġodda mill-Pajjiżi l-Baxxi li jistgħu jwasslu sabiex il-Kunsill, min-naħa tiegħu, jieħu miżuri ġodda ta’ ffriżar li jaffettwaw l-assi tagħha. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha meta stabbilixxiet hija stess liema provi għandhom jiġu kkunsidrati bħala “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li s-Sanctieregeling, kemm jekk flimkien mas-sentenza dwar miżuri provviżorji, kemm jekk le, tista’ tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha billi interpretat hija stess id-deċiżjoni għal miżuri provviżorji; u fi kwalunkwe każ, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-interpretazzjoni ta’ din is-sentenza ġudizzjarja. Huwa għalhekk li l-miżuri kkontestati għandhom ikunu annullati iżda b’korrezzjoni tal-bażi li fuqhom tistrieħ is-sentenza appellata.

24.      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talbu essenzjalment li l-appell ta’ Al-Aqsa jiġi miċħud minħabba inammissibbiltà, għar-raġuni li huwa ma huwiex dirett kontra d-dispożittiv tas-sentenza appellata u jitlob biss emenda tal-motivazzjonijiet tas-sentenza. L-appell huwa għalhekk inammissibbli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li appell ma jistax jiġi ppreżentat ħlief meta parti tkun tilfet tal-inqas parzjalment fit-talbiet tagħha.

25.      Fir-risposta tagħha, Al-Aqsa ssostni, fuq dan il-punt, li hija ma rnexxitx fil-kapijiet kollha tat-talba tagħha fl-ewwel istanza għaliex, peress li t-talba tagħha għad-dikjarazzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001 inapplikabbli fir-rigward tagħha, ma ġietx milqugħa. L-Artikolu 56 tal-Istatut ma huwiex għalhekk ostaklu għall-appell tagħha. Sakemm ir-Regolament Nru 2580/2001 ma ġiex iddikjarat inapplikabbli fil-konfront tagħha, Al-Aqsa tibqa’ tistenna f’kull mument miżuri ġodda tal-Kunsill meħudin kontriha.

B –    Il-Kawża C‑550/10 P

26.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li mat-talbiet tiegħu taqbel il-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Al-Aqsa għall-ispejjeż.

27.      Insostenn tat-talbiet tiegħu, r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 meta ddeċidiet li s-sentenza dwar miżuri provviżorji ma setgħetx, wara t-tħassir tas-Sanctieregeling, tibqa’ sservi bħala bażi għaż-żamma ta’ Al-Aqsa fil-lista tal-UE tal-iffriżar tal-assi. Il-Kunsill ma ppreżenta l-ebda talba fuq dan il-punt, iżda jindika espressament fir-risposta tiegħu li huwa ma għandux ħsieb li jikkontradixxi l-pożizzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

28.      Al–Aqsa titlob li l-appell jiġi miċħud bil-kundanna għall-ispejjeż, u mill-bqija tirrepeti l-argumenti diġà invokati fil-Kawża C‑539/10 P.

VI – Analiżi Ġuridika

A –    Il-Kawża C‑539/10 P

1.      Dwar l-ammissibbiltà tal-appell

29.      Jiena nikkunsidra li l-appell ta’ Al-Aqsa huwa inammissibbli.

a)      Appell mhux ammissibbli fl-għan tiegħu

30.      L-appell ta’ Al-Aqsa huwa dirett, kif jirriżulta mit-test tal-appell “kontra l-motivi tas-sentenza [appellata]” u huwa intiż sabiex tinkiseb “korrezzjoni tal-bażi li fuqha hija bbażata s-sentenza”.

31.      L-ewwel nett, kap ta’ talba bħal dan ma jissodisfax il-kriterji tal-Artikolu 113(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (28) li jipprovdi li t-talbiet ta’ appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri b’mod definittiv tad-dispożittiv u tal-motivi li fuqhom jistrieħ dan tal-aħħar.

32.      L-aggravji invokati fil-kuntest tal-appell huma diretti kontra l-punti li fuqhom Al-Aqsa tilfet fl-ewwel istanza. Madankollu, Al-Aqsa kellha finalment suċċess peress li s-sentenza appellata laqgħet it-tielet motiv tar-rikors tagħha u għalhekk annullat l-miżuri kkontestati, sa fejn dawn jikkonċernawha. Issa, appell dirett esklużivament kontra parti mill-motivazzjoni tas-sentenza, li fuq kollox ma hijiex materjali, ma huwiex ammissibbli (29).

b)      Nuqqas ta’ interess ġuridiku: ebda konsegwenzi negattivi għal Al-Aqsa jekk is-sentenza appellata takkwista l-forza ta’ res judicata.

33.      Barra minn hekk, ma narax liema konsegwenzi negattivi għandhom jirriżultaw għal Al-Aqsa fil-każ fejn is-sentenza appellata takkwista l-forza ta’ res judicata. L-argumenti mressqa f’dan ir-rigward minn Al-Aqsa ma humiex konvinċenti.

34.      Fil-fatt, Al-Aqsa tibqa’ libera li tirrepeti, fil-kuntest ta’ proċedura eventwali kontra miżuri ġodda possibbli ta’ ffriżar tal-assi tagħha, il-motivi tar-rikors tagħha li ġew miċħuda fl-ewwel istanza, mingħajr ma tkun prekluża milli tagħmel dan bl-awtorità tar-res judicata.

35.      L-awtorità tar-res judicata taffettwa biss kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jikkonċernaw effettivament jew neċessarjament is-suġġett tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji appellati (30), li, fil-każ inkwistjoni, huma biss l-affermazzjonijiet relatati mat-tielet motiv ta’ rikors li ġie milqugħ. Rikors eventwali kontra miżura ġdida meħuda mill-Kunsill fil-konfront tal-Al-Aqsa ma għandhiex għalhekk la l-istess kuntest fattwali u lanqas l-istess suġġett, iżda suġġett ta’ kawża totalment ġdid li jirriżulta mill-miżura l-ġdida. Għalhekk ma hemmx lok ta’ biża ta’ ostaklu abbażi tar-res judicata.

c)      Inammissibbiltà tal-appell f’dak li jirrigwarda l-kap tat-talba mhux deċiża, jiġifieri li r-Regolament Nru 2580/2001 jiġi ddikjarat inapplikabbli għal Al-Aqsa

i)      Nuqqas ta’ talba fl-appell għal dan l-effett

36.      Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li jiġi mistħarreġ jekk l-Al-Aqsa setgħetx, kif hi ddikjarat fir-replika tagħha, tippreżenta appell għax il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx it-talba tagħha sabiex ir-Regolament Nru 2580/2001 jiġi ddikjarat inapplikabbli fil-konfront tagħha. Fil-fatt, min-naħa waħda, dan l-aspett ġie ttrattat l-ewwel darba fir-replika tagħha, u min-naħa l-oħra, wieħed ma jarax r-rabta evidenti mat-talbiet konkreti tal-appell ippreżentat mill-Al-Aqsa u mal-motivazzjoni tagħha.

ii)    Il-parti ma “tilfitx” fis-sens tal-Artikolu 56 tal-Istatut

37.      Għall-kompletezza, għandna nżidu wkoll li appell bħal dan ma setax ikun suċċess. Hawn ma tistax tkun kwistjoni ta’ parti li “tilfet” fis-sens tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, bħal ma jirriżulta mill-punt 184 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ma ċaħditx l-eċċezzjoni tal-illegalità li l-Al-Aqsa kienet ressqet kontra r-regolament ċċitat iktar ’il fuq iżda ħallietha fil-ġenb mingħajr ebda analiżi, fid-dawl tal-fatt li l-miżuri kkontestati kellhom b’kull mod jiġu annullati sa fejn dawn jikkonċernaw lill-Al-Aqsa.

38.      Fid-dawl tan-nuqqas ta’ importanza ta’ din il-kwistjoni għall-eżitu tal-kawża, dan il-mod ta’ proċedura tal-Qorti Ġenerali mhux kritikabbli. Huwa minnu li d-dispożittiv tas-sentenza jista’ jqarraq billi jissuġġerixxi li Al-Aqsa tilfet parzjalment fir-rikors tagħha. Madankollu, jekk wieħed jaqra d-dispożittiv fid-dawl tal-punt 184 tas-sentenza appellata, jidher b’mod ċar li s-sinjifikat tagħha ma huwa xejn għajr dak tal-punt 66 tas-sentenza Al-Aqsa I, li għalih hija tirreferi espliċitament, u d-dispożittiv igħid preċiżament li l-eċċezzjoni tal-illegalità li tirrigwarda r-Regolament Nru 2580/2001 ma għandhiex bżonn tkun eżaminata.

2.      Konklużjoni intermedjarja

39.      Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.

B –    Il-Kawża C‑550/10 P

40.      L-appell tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, intiż sabiex jannulla s-sentenza appellata, huwa fl-opinjoni tiegħi ammissibbli iżda infondat.

41.      Inkwantu l-fatt li Al-Aqsa tirrepeti, f’din il-kawża, it-talbiet diġà fformulati fil-kuntest tal-Kawża C‑539/10 P, għandu jkun assimilat f’appell inċidentali, dan għandu għall-istess raġunijiet, bħall-appell fil-Kawża C‑539/10 P, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

1.      In-natura infondata tal-appell tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

42.      Id-dikjarazzjonijiet ikkritikati tas-sentenza appellata, relatati mat-tielet motiv, ma fihomx żball ta’ liġi. Huwa fil-fatt ġustament indikat fil-punt 178 tas-sentenza appellata li, “mhux talli ma setax jibqa’ jibbaża ruħu fuq is-sentenza dwar miżuri provviżorji”, il-Kunsill “kien imissu silet il-konsegwenza loġika tat-tħassir tal-miżura nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi billi jikkonstata li ma kienx għad hemm ‘livell ta’ bażi’ fid-dritt nazzjonali li jiġġustifika, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, iż-żamma tal-miżura Komunitarja ekwivalenti”.

43.      Ir-rilevanza ta’ din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tidher b’mod ċar jekk wieħed iżomm f’moħħu l-ispirtu u l-għan tal-miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif jirriżultaw mill-atti tad-dritt tal-Unjoni, u jekk wieħed jikkonfronta dan l-ispirtu fattwali u ġuridiku mas-sentenza appellata.

a)      L-ispirtu u l-għan tal-miżuri restrittivi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu

44.      Huwa importanti li jiġi nnotat qabelxejn li l-miżuri tal-Unjoni inkwistjoni, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, ma jaqgħux fid-diskrezzjoni tal-Kunsill iżda huma strettament marbuta mas-sitwazzjoni ġuridika fl-Istati Membri.

45.      Il-miżuri ta’ ffriżar tal-assi meħuda mill-Kunsill jimplikaw, b’mod konformi mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u mal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, żewġ stadji.

46.      Sabiex il-Kunsill ikun jista’ jaġixxi, għandu bżonn, b’mod konformi mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, qabelxejn, deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru bbażata fuq provi serji jew kredibbli, relatati mal-“bidu ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni għal att terroristiku” (iktar ’il quddiem “deċiżjoni ta’ bidu ta’ prosekuzzjoni”).

47.      Huwa biss abbażi ta’ tali deċiżjoni ta’ bidu ta’ prosekuzzjoni – jew a fortiori abbażi ta’ kundanna għal wieħed mill-fatti inkwistjoni – li l-Kunsill għandu d-dritt li jaġixxi u għandu, meta persuna ssib ruħha inkluża fil-lista tiegħu, fit-tieni stadju – b’mod konformi mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 moqri flimkien mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 – jivverifika, permezz ta’ reviżjoni regolari, “li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista”.

48.      Il-Kunsill igawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward ta’ din il-verifika. Madankollu, peress li l-miżuri restrittivi tal-Kunsill huma strettament marbuta fil-kunċett tagħhom mad-deċiżjoni ta’ bidu ta’ prosekuzzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, huwa ċar minn meta l-Kunsill għandu neċessarjament jikkunsidra li l-parti kkonċernata tinżamm fil-lista ma huwiex iktar iġġustifikat: huwa preċiżament fil-mument fejn, fir-rigward tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika eżistenti fl-Istat tal-awtorità kompetenti, xejn ma jippermetti iktar li wieħed jaħseb li l-parti kkonċernata, li għadha mhix ikkundannata, tibqa’ tkun suġġetta għall-investigazzjoni. Fil-fatt, finalment, dawk l-investigazzjonijiet biss jiġġustifikaw il-miżura tal-Kunsill.

49.      Kif jirriżulta mill-istruttura tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li għalih jirreferi r-Regolament Nru 2580/2001, il-Kunsill għandu madankollu jevalwa l-istat tal-investigazzjoni skont kriterji stabbiliti. Huwa għandu, min-naħa, jiżgura li wieħed jista’ jikkunsidra li għadha teżisti deċiżjoni valida bbażata fuq provi serji u kredibbli ta’ awtorità kompetenti, u min-naħa l-oħra, jivverifika li din id-deċiżjoni għadha implementata fil-fatt, jiġifieri li miżuri ta’ investigazzjoni bbażati fuq din id-deċiżjoni għadhom qed jiġu meħuda.

50.      F’din il-miżura, ir-reviżjoni regolari tal-lista mill-Kunsill tipproteġi l-parti kkonċernata minn żewġ riskji kontra l-prinċipji tal-istat tad-dritt u għalhekk mhux aċċettabbli: l-ewwel li jinżamm fuq il-lista waqt li l-investigazzjonijiet mibdija kontra tiegħu ġew magħluqa, ma kinux ta’ suċċess jew ġew abbandunati, mingħajr ma din tiġi tradotta f’deċiżjoni finali li tillibera, u mbagħad li tinżamm fil-lista meta d-deċiżjoni ta’ bidu ta’ prosekuzzjoni tispiċċa fix-xejn permezz ta’ att kuntrarju (actus contrarius) tal-awtorità kompetenti jew b’deċiżjoni ġudizzjarja. F’dan l-aħħar eżempju, emenda tal-lista mill-Kunsill hija imposta imperattivament.

51.      Fil-fatt, skont l-istruttura tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li għaliha r-Regolament Nru 2580/2001 jirreferi u li tassumi deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti bbażata fuq provi serji u kredibbli, wieħed ma jistax jitkellem iktar dwar persistenza ta’ eventwali ġustifikazzjoni ta’ miżura restrittiva tal-Kunsill fil-każ fejn tali deċiżjoni tispiċċa.

52.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, huwa ċar li, kuntrarjament għal dak sostnut mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma huwiex iktar iġġustifikat li Al-Aqsa tinżamm fuq il-lista tal-Kunsill.

b)      Nuqqas ta’ deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

53.      Is-sentenza dwar miżuri provviżorji, li tirrappreżenta issa l-uniku element ta’ riferiment possibbli għall-Kunsill wara t-tħassir tad-Deċiżjoni Ministerjali, u li issa saret ukoll mingħajr bażi, ma fiha l-ebda element relatat mal-bidu ta’ investigazzjoni kontra Al-Aqsa u ma tistax għalhekk tirrapreżenta “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

i)      Is-sentenza ma għandhiex il-kwalità ta’ “deċiżjoni” wara t-tħassir tad-Deċiżjoni Ministerjali

54.      Waqt li jiġi rrikonoxxut li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, wieħed ma jistax jammetti li s-sentenza dwar miżuri provviżorji Olandiża, meħuda waħidha wara t-tħassir tad-Deċiżjoni Ministerjali, tista’ tibqa’ kkunsidrata bħala “deċiżjoni […] ta’ bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku” fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

55.      Min-naħa, is-sentenza ma tistax tintrabat iktar mal-evalwazzjonijiet u dikjarazzjonijiet kontenuti fid-Deċiżjoni Ministerjali minn meta s-sentenza inkwistjoni ġiet imħassra. Dan għandu l-effett li jħalli lis-sentenza nieqsa minn kull appoġġ.

56.      Huwa minnu li, skont il-proċess, is-sentenza Olandiża tistabbilixxi li kien hemm kuntatti bejn Al-Aqsa u xi gruppi terroristiċi li seħħew fl-2003, li ma kinux jiġġustifikaw it-tħassir tad-Deċiżjoni Ministerjali. Din l-evalwazzjoni tal-qorti li tirrigwarda s-sitwazzjoni fattwali tal-2003, u li barra minn hekk ma tindika xejn konkret rigward l-istat ta’ possibbli investigazzjonijiet jew deċiżjonijiet f’dan ir-rigward, ma tistax madankollu tieħu post deċiżjoni ta’ bidu ta’ investigazzjoni fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001.

57.      Lanqas il-proċedura li wasslet għas-sentenza Olandiża ma tista’, meħuda waħedha, tiġi marbuta ma’ proċedura marbuta mal-mertu, prevista li tissanzjona, b’titolu preventiv jew ripressiv, il-parti kkonċernata fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, minħabba l-involviment tagħha fit-terroriżmu. Il-proċedura mibdija minn Al-Aqsa quddiem il-qorti Olandiża, kienet intiża, fiha nnifisha, preċiżament li tikseb ir-riżultat oppost.

58.      Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Olandiża ma hemm ebda element li jirreferi għal deċiżjoni ta’ bidu ta’ prosekuzzjoni li saret indipendentement minn Deċiżjoni Ministerjali, kontra Al-Aqsa mill-Pajjiżi l-Baxxi. Għall-kuntrarju, l-investigazzjonijiet kontra Al-Aqsa ma jidhrux li wasslu, anki wara ħafna snin, lill-Pajjiżi l-Baxxi, għal xi riżultat sinjifikattiv (31).

59.      B’hekk is-sentenza, ikkunsidrata waħedha u b’mod iżolat, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet rikjesti mir-Regolament Nru 2580/2001 u mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar deċiżjoni ta’ bidu ta’ prosekuzzjoni. Anki jekk tiġi inkluża d-Deċiżjoni Ministerjali, wieħed diffiċilment jista’ jdaħħalha fil-kategorija ta’ “deċiżjonijiet” fis-sens intiż mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931; issa, dan huwa wkoll impossibbli.

ii)    Il-kriterji minimi rikjesti sabiex ikun hemm “deċiżjoni” fis-sens tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

60.      Anki jekk d-Deċiżjoni Ministerjali (li kienet għadha fis-seħħ fl-epoka) u s-sentenza dwar miżuri provviżorji jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda, xorta jkun hemm bżonn ta’ sforzi kbar, meta jitwarrbu l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi formali kollha, biex l-azzjoni konġunta tas-sentenza u tad-Deċiżjoni Ministerjali Olandiża jkunu jistgħu jikkwalifikaw, bħala “deċiżjoni” fis-sens tar-Regolament tal-Unjoni fuq imsemmi.

61.      Fil-fatt, ma hijiex kwistjoni ta’ “bidu għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku” fis-sens proprju la fil-każ tad-Deċiżjoni Ministerjali, li kienet min-natura tagħha miżura għall-iffriżar tal-assi, u lanqas fil-każ tas-sentenza dwar miżuri provviżorji, li ma saritx għall-bidu ta’ investigazzjonijiet iżda għal talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-iffriżar tar-riżorsi preskritti fid-Deċiżjoni Ministerjali.

62.      Madankollu, fil-motivazzjoni, il-Kunsill għamel riferiment għal dawn iż-żewġ atti ġuridiċi Olandiżi sabiex iżomm lil Al-Aqsa fuq il-lista. Ġustament, is-sentenza appellata tikklassifika s-sitwazzjoni, fir-rigward tad-deċiżjonijiet eżistenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, bħala “sekondarja” (32) u titkellem dwar “loġika ċirkulari” (33).

iii) Konklużjoni intermedjarja

63.      Fil-każ inkwistjoni, huwa tal-inqas wara t-tħassir tad-Deċiżjoni Ministerjali Olandiża li b’hekk ma baqax iktar deċiżjoni nazzjonali ta’ bidu ta’ prosekuzzjoni li, sabiex tkun tista’ validament tittieħed bħala bażi mill-Kunsill, trid tkun adottata fi proċedura nazzjonali prevista direttament u prinċipalment sabiex il-parti kkonċernata tkun sanzjonata, b’titolu preventiv jew ripressiv, fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, minħabba l-involviment tagħha fit-terroriżmu.

64.      Il-punt dwar jekk, fil-Pajjiżi l-Baxxi, proċedura intiża għall-ippronunċjar ta’ miżuri, b’titolu preventiv jew ripressiv, ġietx mibdija b’mod sinjifikattiv u hiex qed tiġi kondotta, wara li Al-Aqsa tniżżlet fil-lista tal-Kunsill u wara l-klassifikazzjoni tad-Deċiżjoni Ministerjali tal-miżura bħala “sorvolata” u t-tħassir tagħha, jidher dubjuż fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika, li kienet preżenti fl-epoka kkonċernata, u fi kwalunkwe każ, il-Kunsill ma jistax jitlaq minn deċiżjoni simili mingħajr ma jagħmel żball fl-evalwazzjoni tiegħu.

c)      Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ deċiżjoni kif meħtieġa mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

65.      Wara t-tħassir tad-Deċiżjoni Ministerjali, reviżjoni ġdida fid-dettall mill-Kunsill tal-miżuri meħuda kontra Al-Aqsa kellha tkun neċessarja bil-għan li tiġi identifikata deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 li tista’ tiġġustifika li Al-Aqsa tibqa’ fuq il-lista inkwistjoni. Issa f’dan il-każ dan ma sarx.

66.      Ladarba l-ġustifikazzjoni sostnuta mill-Kunsill, li issa ma setax jibbaża ruħu fuq is-sentenza Olandiża, ma kinitx għadha biżżejjed, il-Kunsill ikkommetta żball fl-evalwazzjoni meta żamm lil Al-Aqsa fuq il-lista, u dan għandu jkollu bħala konsegwenza l-annullament tal-miżuri kkontestati sa fejn jikkonċernaw lil Al-Aqsa.

67.      Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni rilevanti ta’ awtorità kompetenti, id-deċiżjoni tal-Kunsill li jibqa’ jinkludi lil Al-Aqsa fil-lista bl-istess motivazzjoni mingħajr bdil ma tistax tinżamm fir-rigward tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 moqri flimkien mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (34).

d)      Kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq drittijiet fundamentali

68.      Din il-konklużjoni timponi ruħha wkoll fil-dawl tad-drittijiet fundamentali ta’ Al-Aqsa.

69.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea żgur li ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti ta’ din il-kawża, peress li għandu jsir riferiment għar-rikonoxximent tad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

70.      Fir-rigward tal-ksur serju tad-dritt tal-proprjetà li għalih ġiet esposta l-parti kkonċernata jekk l-assi tagħha huma ffriżati biss abbażi ta’ elementi ta’ suspett u ta’ proċeduri ġudizzjarji mibdija kontra tagħha, jidher neċessarju li, sabiex jiġi ġġustifikat tali ksur, għandhom japplikaw kriterji stretti ħafna (35).

71.      Biex jiġi rrispettat kif suppost l-obbligu li jiggarantixxi l-proprjetà, il-Kunsill għandu għalhekk jivverifika b’mod kuxjenzjuż jekk teżistix deċiżjoni li tiġġustifika l-iffriżar tal-assi, u jekk din il-kundizzjoni għadhiex teżisti, u pereżempju fil-każ li d-deċiżjoni oriġinali ma tkunx għadha teżisti, li jissuġġetta ż-żamma tal-parti kkonċernata fil-lista għall-eżistenza ta’ deċiżjoni ġdida li tiġġustifika wkoll l-iffriżar tal-assi. Kuntrarjament għal dak li seħħ fil-Kawża C‑27/09 P (36), dan ma huwiex il-każ fil-kawża inkwistjoni.

2.      Konklużjoni intermedjarja

72.      Għaldaqstant l-appell tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu għalhekk jiġi miċħud.

VII – Fuq l-ispejjeż

73.      Ladarba l-appelli ma rnexxewx, huwa floku, b’mod konformi mal-Artikolu 69(3)(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-appelli skont l-Artikolu 118, li kull wieħed mill-partijiet ibati l-ispejjeż tiegħu.

VIII – Konklużjoni

74.      B’hekk nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)         L-appelli huma miċħuda.

2)         L-iStichting Al-Aqsa, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.


1–      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż


      Lingwa tal-proċedura: l-Olandiż


2–      Li tista’ tiġi kkonsultata fl-indirizz http://www.un.org/Docs/scres/2001/sc2001.htm.


3–      Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217.


4–      Artikolu 1(4) u l-Artikolu 2 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.


5–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207. Is-“sistema legali diviża” (ara Ohler u l-punt 5 tal-kummentarju tiegħu dwar l-Artikolu 75 TFUE, f’R. Streiz, EUV, AEUV, it-Tieni edizzjoni, C.H. Beck Verlag, München 2011) ikkaratterizzata mill-eżistenza parallela tal-miżuri antiterroristiċi bbażati fuq il-Pożizzjoni Komuni, min-naħa, u fuq ir-Regolament, min-naħa l-oħra, hija spjegata mill-fatt li, skont it-Trattat ta’ Masstricht, it-Trattat tal-UE u t-Trattat KE preċedenti kienu jipprovdu għal dan, bażi legali distinti.


6–      Ara l-premessi 5 u 6 tar-Regolament Nru 2580/2001 kif ukoll il-punt 8 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Al–Aqsa vs Il-Kunsill (T‑327/03, iktar ’il quddiem is-“sentenza Al-Aqsa I”).


7–      L-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 jirreferi għall-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.


8–      Dan ir-regolament ġie emendat iktar minn darba u huwa attwalment fis-seħħ fil-verżjoni emendata bir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010, tat-12 ta’ Lulju 2010 (ĠU L 178, p. 1).


9–      Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2580/2001.


10–      Ara l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2580/2001.


11–      Ara sentenza Al-Aqsa I u sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2010, Al-Aqsa vs Il-Kunsill (T‑348/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


12–      Staatscourant tas-7 ta’ April 2003, Nru 68, p. 11; għal iktar dettalji ara s-sentenza Al-Aqsa I, punti 16 sa 21.


13–      Ara l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ministerjali; il-punt 17 tas-sentenza Al–Aqsa I u l-punt 175 tas-sentenza appellata.


14–      Artikolu 2 tal-iSanctieregeling terrorisme 2003.


15–      Fil-motivazzjoni tad-Deċiżjoni Ministerjali Olandiża, hemm riferiment għal organizzazzjonijiet li jiffavorixxu t-terroriżmu fil-“Lvant Nofsani” (Midden-Oosten). Hawn għandu jiġi nnotat li l-kunċett ta’ Lvant Nofsani fil-Pajjiżi l-Baxxi jinkludi wkoll pajjiżi li huma pjuttost ikklassifikati skont l-użanza Ġermaniża li jaqgħu fil-Lvant Nofsani.


16–      Estratti minn din id-deċiżjoni huma rriprodotti fil-punt 125 tas-sentenza appellata.


17–      Ara l-punti 18 sa 21 tas-sentenza Al–Aqsa I.


18–      Dwar l-“Intrekking Sanctieregeling terrorisme 2003”, ara Staatcourant tal-1 ta’ Awwissu 2003, Nru 146, p. 9, kif ukoll il-punt 170 tas-sentenza appellata.


19–      ĠU L 160, p. 81.


20–      Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE, tat-28 ta’ Ġunju 2007, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE.


21–      Dawn il-motivi jservu wkoll bħala bażi għall-miżuri oħra kkontestati minn Al-Aqsa fil-Kawża T‑348/07, ara f’dan ir-rigward il-punt 46 tas-sentenza appellata.


22–      Ara l-punti 4 u 10 tas-sentenza appellata.


23–      Dawn huma speċifikatament, fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni 2007/445, fit-tieni lok, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/445, fit-tielet lok, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE, tal-15 ta’ Lulju 2008, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/868/KE, fir-raba’ lok, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/62, tas-26 ta’ Jannar 2009, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/583, u fl-aħħar, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 501/2009, tal-15 ta’ Ġunju 2009, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/62/KE.


24–      Ara l-punti 164 sa 181 tas-sentenza appellata.


25–      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il-Kunsill (T‑341/07, Ġabra p. II‑3625).


26–      Hawn hija d-Deċiżjoni 2007/445/KE, jiġifieri l-ewwel waħda mill-miżuri kkontestati.


27–      Ara b’mod partikolari l-punti 63 sa 69, 85 sa 90 u 102 sa 106 tas-sentenza appellata.


28–      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, (C‑263/09 P, Ġabra p. I‑5853, punti 81 sa 85).


29–      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Emesa Sugar vs Il-Kunsill (C‑363/98 P(R), Ġabra p. I‑8787, punti 44 sa 46); ara wkoll B. Wägenbaur, EuGH VerfO, Stazung und Verfahrensordnungen EuGH/EuG, Edizzjonijiet C. H. Beck, Munich 2008, Art. 56 Satzung EuGH, punt 6.


30–      Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 1996, Lenz vs Il-Kummissjoni (C‑277/95 P, Ġabra p. I‑6109, punt 50).


31–      Ara l-punt 181 tas-sentenza appellata.


32–      Ara l-punt 175 tas-sentenza appellata.


33–      Ara l-punt 177 tas-sentenza appellata.


34–      Ara l-punti 159 sa 165 tas-sentenza appellata.


35–      Ara, dwar l-importanza tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità fil-każ ta’ ksur magħmul minn miżuri intiżi li jipprevjenu l-proliferazzjoni nukleari, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli BanK vs Il-Kunsill (C‑380/09 P, punti 44 et seq).


36–      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organisation of Iran (C‑27/09 P, Ġabra p. I‑13427, punt 20).