Language of document : ECLI:EU:C:2014:2428

Kawża C‑212/13

František Ryneš

vs

Úřad pro ochranu osobních údajů

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa min-Nejvyšší správní soud)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 95/46/KE — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi — Ipproċessar ta’ data personali — Kunċett ta’ ‘fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika’”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2014

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Kamp ta’ applikazzjoni — Data personali — Kunċett — Immaġni ta’ persuna rreġistrata permezz ta’ kamera li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata — Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikoli 2(a) u 3(1))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Kamp ta’ applikazzjoni — Ipproċessar ta’ data personali — Kunċett — Sorveljanza mwettqa permezz ta’ reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa bħal hard disk — Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, premessi 15 u 16 u Artikoli 2(b) u 3(1))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Kamp ta’ applikazzjoni — Derogi — Interpretazzjoni stretta fid-dawl tad-drittijiet fundamentali — Ipproċessar ta’ data magħmul fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika — Kunċett — Użu ta’ sistema ta’ kamera li tagħti lok għal reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa bħal hard disk, installata minn persuna fiżika fid-dar privata tagħha għall-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-proprjetarji tad-dar u li tissorvelja wkoll spazju pubbliku — Esklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, premessa 10, Artikolu 1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2))

1.        Il-kunċett ta’ “data personali” li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, jinkludi, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva, “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali [fiżika] identifikata jew identifikabbli”. Jitqies li huwa identifikabbli “min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza [...] għal fattur wieħed speċifiku jew iktar dwar l-identità fiżika [...] tiegħu”. Għaldaqstant, l-immaġni ta’ persuna rreġistrata permezz ta’ kamera tikkostitwixxi data personali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni sa fejn hija tippermetti li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 21, 22)

2.        Sorveljanza mwettqa permezz ta’ reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa, jiġifieri f’hard disk, tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ipproċessar ta’ data personali b’mezzi awtomatiċi. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “ipproċessar ta’ data personali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva bħala “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali [...], bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, [...] ħażna”. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 15 u 16 tad-Direttiva, is-sorveljanza bil-vidjo, bħala prinċipju, taqa’ taħt din id-direttiva sa fejn tikkostitwixxi pproċessar b’mezzi awtomatiċi.

(ara l-punti 23‑25)

3.        It-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sistema ta’ kamera, li tagħti lok għal reġistrazzjoni vidjo ta’ persuni miżmuma f’apparat ta’ reġistrazzjoni kontinwa bħal hard disk, installata minn persuna fiżika fid-dar privata tagħha għall-protezzjoni tal-beni, tas-saħħa u tal-ħajja tal-proprjetarji tad-dar, liema sistema tissorvelja wkoll spazju pubbliku, ma jikkostitwixxix ipproċessar ta’ data magħmul fil-kors ta’ attivitajiet purament personali jew domestiċi.

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-premessa 10 tad-Direttiva 95/46, din tal-aħħar tfittex li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. F’dan ir-rigward, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata, iggarantit bl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, teżiġi li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet ta’ din il-protezzjoni għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Billi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, sa fejn jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li jista’ jippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li huma stabbiliti fl-imsemmija karta, id-deroga prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għandha tingħata interpretazzjoni stretta.

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni stretta hija bbażata wkoll fuq il-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni li jeskludi mill-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 l-ipproċessar tad-data magħmul fil-kors ta’ attivitajiet mhux biss sempliċement personali jew domestiċi, iżda “purament” personali jew domestiċi. Għaldaqstant, ipproċessar ta’ data personali jaqa’ taħt id-deroga prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 biss meta jsir fl-isfera purament personali jew domestika ta’ dak li jwettaq dan l-ipproċessar. Sa fejn sorveljanza bil-vidjo tkopri, anki parzjalment, spazju pubbliku, u, minħabba f’hekk, tkun diretta ’l barra mill-isfera privata ta’ dak li jwettaq l-ipproċessar tad-data b’dan il-mezz, hija ma tistax titqies li hija attività purament “personali jew domestika”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

(ara l-punti 27‑31, 33, 35 u d-dispożittiv)