Language of document : ECLI:EU:C:2008:14

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO COLOMER

ippreżentati fis-16 ta’ Jannar 2008(1)

Kawża C‑102/07

Adidas AG u

Adidas Benelux BV

vs

Marca Mode CV,

C&A Nederland,

H&M Hennes & Mauritz Netherlands BV u

Vendex KBB Nederland BV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda)]

“Trade mark – Karattru distintiv ta’ trade mark jew ta’ wieħed mis-sinjali li jservu sabiex iżejnu l-prodotti – Ħtieġa ta’ disponibbiltà”





I –    Introduzzjoni

1.        Il-fabbrika famuża ta’ prodotti sportivi Adidas u s-sussidjarja tagħha Olandiża huma mill-ġdid(2) f’kunflitt ma’ impriżi oħrajn fir-rigward ta’ l-użu ta’ ċerti sinjali simili għat-trade mark tagħhom bi tliet strixxi magħrufa ħafna, wara li akkużawhom bil-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali li huma proprjetarji tagħha fuq din it-trade mark.

2.        Din id-darba, Adidas topponi t-trade mark tagħha lil bejjiegħa oħra ta’ dan it-tip ta’ ħwejjeġ li jixtiequ jużaw żewġ strixxi ta’ kulur kuntrastanti sabiex jaħbu u jirrinforzaw il-ħjatat tal-ħwejjeġ tagħhom. F’dan il-kuntest, id-domanda tal-Hoge Rand tirrigwarda l-applikazzjoni tal-ħtiega ta’ disponibbiltà sabiex ikun definit l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark.

3.        Fil-fond ta’ din il-kontroversja hemm ġlieda sabiex wieħed jafferma ruħu f’suq ikkaratterizzat minn rivalitajiet feroċi alimentati mill-benefiċji sinjifikanti li l-impriżi jisperaw li jiksbu. Għalhekk wieħed jista’ jifhem li dak li jista’ jidher bħala banalità f’għajnejn osservatur mhux infurmat, jiġifieri l-ġlieda biex jiksbu ż-żewġ jew it-tliet strixxi sovrapposti u kkuluriti b’ċertu mod, għandha importanza kruċjali meta l-kunflitt jinħoloq fis-settur tal-ħwejjeġ sportivi.

4.        Fid-dinja tal-kompetizzjoni ta’ livell għoli, ir-rebħiet ta’ atleti sportivi sponsorizzati, ovvjament permezz ta’ somom kbar, mill-manifatturi ta’ flokkijiet u żraben ta’ l-isport jagħmlulhom l-aħjar reklamar; madankollu, jeżistu atleti li ġrew anki distanzi twal ħafna ħafjin, bħall-Etjopjan Abebe Bikila (3).

II – Il-kuntest ġuridiku

5.        Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tas-similarità fil-kontenut tad-Direttiva 89/104/KEE (4) (iktar’il quddiem id-“direttiva”) u tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja (iktar’il quddiem ir-“regolament”(5)), jidher opportun li ssir referenza għal ċerti sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tar-regolament iċċitat għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni tad-direttiva(6).

6.        L-Artikolu 2 tad-direttiva, intitolat “Sinjali li trade mark jistgħu jikkonsistu minnhom”, jipperemetti li jiġi rreġistrat kull sinjal li jista’ jiġi magħmul grafikament, b’mod partikolari bi kliem li jinkludu ismijiet personali, disinji, ittri, numri, l-għamla tal-merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, basta li tali sinjali jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.

7.        L-Artikolu 3, intitolat “Raġunijiet għar-rifjut jew invalidità”, fih lista eżawrjenti ta’ dawn ir-raġunijiet fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“1. Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi:

a) sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark;

b) trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika [karattru] distintiva;

ċ) trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ biex jiddisinjaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija jew li jagħtu s-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz;

d) trade marks li jikkonsistu esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji fil-lingwa korrenti jew fil-bona fide prattiċi stabbiliti tal-kummerċ;

e) sinjali li jikkonsistu esklussivament minn:

- l-għamla li tirriżulta min-natura tal-merkanzija nnifishom, jew

- l-għamla ta’ l-merkanzija li hi neċessarja biex jiġi ottenut riżultat tekniku, jew

- l-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija;

[...]”.

8.        L-Artikolu 3(3) jirregola dak li huwa msejjaħ l-akkwist ta’ karattru distintiv permezz ta’ l-użu tat-trade mark fit-termini li ġejjin:

“Trade mark ma għandhiex tkun rifjutata reġistrazzjoni jew tkun dikjarata invalida skond l-paragrafu 1 (b) (ċ) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat [...] karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ barra minn dan jistabbilixxi li din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni.”

9.        Bit-titolu “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, l-Artikolu 5 tad-direttiva jiddeskrivi d-drittijiet kollha li għandu l-proprjetarju tad-dritt tal-proprjetà industrijali; il-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdu b’mod partikolari li ġej:

“1. It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a) kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

b) kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2. Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark”.

10.      Minn naħa l-oħra, id-direttiva tiddedika l-Artikolu 6 tagħha għall-“Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”; l-ewwel paragrafu tiegħu, rilevanti fil-kuntest ta’ din id-domanda preliminari, jipprovdi li ġej:

“1. It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ:

a) l-isem jew l-indirizz t[agħha];

b) indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni tal-merkanzija jew l-għoti tas-servizz, jew karatteristika oħra ta’ merkanzija jew servizzi;

ċ) [i]t-trade mark fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts;

sakemm [t]użahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali.”

III – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11.      Adidas AG hija, permezz ta’ xi seba’ reġistrazzjonijiet li saru fil-Benelux, kif ukoll fil-livell internazzjonali, proprjetarja fil-Benelux tat-trade marks figurattivi, li jikkonsistu, kull darba, minn disinn ta’ tliet strixxi vertikali paralleli, ta’ l-istess wisa’, li huma mwaħħla lateralment fuq it-tul kollu ta’ l-ispallel, il-kmiem u s-saqajn, u/jew fuq il-ħjatat laterali tal-ħwejjeġ, u li l-kulur tagħhom jikkuntrasta mal-kulur prinċipali tal-ħwejjeġ. It-trade marks kienu rreġistrati għal ħwejjeġ sportivi u informali.

12.      L-impriża Ġermaniża msemmija iktar’il fuq li kienet tat liċenzja esklużiva għad-distribuzzjoni tal-prodotti tagħha fil-Benelux lis-sussidjarja tagħha Adidas BV (iktar’il quddiem, mingħajr distinzjoni “Adidas”) hija f’kunflitt fir-rigward tad-drittijiet tagħha ma’ l-impriżi tas-settur tessili Marca Mode, C&A, H&M u Vendex (iktar’il quddiem, flimkien, “l-erba’ kumpanniji konvenuti”), ukoll stabbiliti fl-Olanda.

13.      Fl-1986, Adidas ikkonstatat li Marca Mode u C&A kienu bdew ibiegħu ħwejjeġ sportivi u informali li fuqhom jhemm żewġ strixxi vertikali paralleli li l-kulur tagħhom jikkuntrasta mal-kulur prinċipali tal-ħwejjeġ (iswed/abjad).

14.      Hemm dubju jekk il-partijiet kellhomx, b’mod jew ieħor, kuntratt preċedenti għall-kawżi peress illi jirriżulta mid-digriet ta’ rinviju li, qabel ma bdew il-ġlieda ġudizzjarja, Marca Mode u C&A ma kinux lesti li jiefqu użaw iż-żewġ strixxi vertikali paralleli ta’ aspett kjarament differenti.

15.      Fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji kontra H&M, u fi proċedura oħra fuq il-mertu kontra Marca Mode u C&A, it-tnejn imressqa quddiem ir-Rechtbank Breda (iktar’il quddiem “Rechtbank”), ir-rikorrenti fil-kassazzjoni, billi invokat il-ksur tad-drittijiet tagħha tal-proprjetà industrijali, talbet il-projbizzjoni u l-abbandun ta’ sinjal li jikkonsisti fit-trade mark figurattiva bi tliet strixxi jew ta’ kull sinjal ieħor korrispondenti għat-trade mark figurattiva ta’ Adidas, bħad-disinn b’żewġ strixxi deskritt hawn fuq, użati mill-erba’ kumpanniji konvenuti.

16.      Kemm H&M kif ukoll Marca Mode, C&A u Vendex opponew għal dawn it-talbiet. L-ewwel nett permezz ta’ kontrotalba, imbagħad, it-tieni nett permezz ta’ talba separata, l-erba’ kumpanniji konvenuti talbu lir-Rechtbank tiddikjara li huma kienu liberi jużaw żewġ strixxi sabiex iżejnu ħwejjeġ sportivi u informali.

17.      L-Imħallef għall-miżuri provviżorji, b’deċiżjoni tat-2 ta’ Ottubru 1997, kif ukoll ir-Rechtbank li quddiemha tressqu l-kawżi prinċipali, b’sentenza mhux definittiva tat-13 ta’ Ottubru 1998, osservaw li huma kisru, taħt ċerti aspetti, id-drittijiet tat-trade mark ta’ Adidas.

18.      L-erba’ kumpanniji konvenuti għalhekk ressqu appell kontra kull waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija quddiem il-Gerechtshof te’s-Hertogenbosch (Qorti ta’ l-Appell ta’ Bois-le-Duc, iktar’il quddiem il-“Gerechtshof”), li ddeċidiet ex officio li tgħaqqad il-proċeduri kollha.

19.      Permezz ta’ sentenza mogħtija fid-29 ta’ Marzu 2005, din il-qorti ċaħdet it-talbiet ta’ Adidas u dawk ippreżentati permezz ta’ kontrotalba minn Marca Mode u C&A, kif ukoll dawk ta’ l-erba’ kumpanniji konvenuti fil-kuntest tal-proċedura separata, u b’dan il-mod annullat id-deċiżjoni tat-2 ta’ Ottubru 1997.

20.      Il-Gerechtshof iddeċidiet, essenzjalment, li l-imġiba ta’ l-erba’ kumpanniji konvenuti ma kinitx tikser id-drittijiet tat-trade mark invokati minn Adidas; madankollu, hija ma laqgħatx it-talbiet għal sentenza dikjarattiva dwar l-użu taż-żewġ strixxi, minħabba li dawn it-talbiet kienu tant ġenerali li dawn ma kinux iqisu bl-ebda mod il-portata tal-protezzjoni mogħtija lil trade mark, peress illi din mhijiex statika, iżda għall-kuntrarju suġġetta għal ċerti ċirkustanzi li jistgħu jinbidlu fiż-żmien u fil-post u li għandhom jiġu eżaminati sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur.

21.      Skond il-Gerechtshof, ma kienx hemm lok li t-trade mark bi tliet strixxi tkun ikkunsidrata bħala intrinsikament b’saħħitha għaliex, meħuda kif inhi, din tista’ tingħatalha biss ftit karattru distintiv. Fl-1996, madankollu, wara sforzi ta’ reklamar minn Adidas, is-sinjal akkwista karattru distintiv permezz ta’ l-użu, li minnu rriżultat protezzjoni iktar estiża. Madankollu, dan ma jfissirx li din il-protezzjoni kienet estiża għal disinni oħrajn bi strixxi jew għal disinni sempliċi bi strixxi għaliex dawn kellhom jibqgħu disponibbli għal terzi bħala sinjali komuni li, minn natura tagħhom stess, ma setgħux ikunu monopolizzati.

22.      Adidas appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad kontra s-sentenza tal-Gerechtshof, li kienet tikkunsidraha bħala żbaljata. Filwaqt li rrikonoxxiet l-importanza tad-disponibbiltà għat-terzi li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fost ir-raġunijiet assoluti għar- rifjut imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/104, hija tirrifjuta li tidħol f’dibattitu ġdid fuq is-sinjifikat tal-ħtieġa ta’ disponibbiltà sabiex tippreċiża l-protezzjoni li tgawdi minnha t-trade mark meta s-sinjal ma jaqax taħt waħda mir–raġunijiet għar-rifjut previsti fl-Artikolu 3 imsemmi iktar’il fuq.

23.      Il-Hoge Raad tikkunsidra bħala kostanti, fil-kuntest tal-proċedura tal-kassazzjoni, li t-trade mark bi tliet strixxi ta’ Adidas akkwistat karattru distintiv b’saħħtu permezz ta’ l-istabbiliment tagħha; min-naħa l-oħra, hija għandha dubji rigward il-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark li tikkonsisti f’sinjal li ma għandux karattru distintiv intrinsiku, fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 89/104, iżda li stabbiliet ruħha u wara, ġiet irreġistrata bħala tali; b’mod partikolari, hija tfittex li tkun taf jekk hux neċessarju li jittieħed in kunsiderazzjoni l-interess ġenerali li ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà ta’ ċerti sinjali għall-operaturi l-oħrajn li joffru l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati (“ħtieġa ta’ disponibbiltà”).

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad issospendiet il-proċedura u indirizzat id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Fl-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark li tikkonsisti biss f’sinjal li m’għandux karattru distintiv intrinsiku, jew f’sinjal jew indikazzjoni skond l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 89/104, iżda li stabbiliet ruħha u ġiet irreġistrata bħala tali, jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-interess ġenerali li ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà ta’ ċerti sinjali għall-operaturi l-oħrajn li joffru l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati (“ħtieġa ta’ disponibbiltà”)?

2.      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva: huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li s-sinjali in kwistjoni, suġġetti għall-ħtieġa ta’ disponibbiltà, huma kkunsidrati mill-pubbliku kkonċernat bħala sinjali distintivi ta’ ċerti prodotti jew bħala sempliċi tiżjin ta’ dawn il-prodotti?

3.      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva: huwa wkoll irrilevanti, f’dan ir-rigward, li s-sinjal ikkontestat mill-proprjetarju tat-trade mark ma għandu l-ebda karattru distintiv skond l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104 jew li dan fih indikazzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-direttiva?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      Id-digriet tar-rinviju kien ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Frar 2007. Marca Mode, H&M, Adidas, il-Gvernijiet Taljan u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu previst mill-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26.      Ir-rappreżentanti ta’ Adidas, ta’ Marca Mode u ta’ H&M, kif ukoll l-aġenti tal-Gvern Taljan, ta’ l-eżekuttiv tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fis-6 ta’ Diċembru 2007, sabiex jinstemgħu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V –    Analiżi tad-domandi preliminari

A –    Punti prinċipali tal-problema

27.      Id-digriet tar-rinviju jistaqsi fuq il-portata tal-protezzjoni tat-trade marks; ir-risposta timplika li jiġu analizzati l-limiti ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn dan it-titolu ta’ proprjetà industrijali skond l-Artikoli 5 u 6 tad-direttiva.

28.      It-trade mark in kwistjoni akkwistat karattru distintiv permezz ta’ l-użu li sar minnha minn Adidas, kif jirriżulta ukoll mid-digriet tar-rinviju, huwa għalhekk li hemm ukoll lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet relatati mat-trade marks jew sinjali li, skond l-Artikolu 3(1)(b), (ċ) u (d) tad-direttiva, għandhom ikunu rrifjutati r-reġistrazzjoni.

29.      Madankollu, peress illi l-Hoge Raad tpoġġi partikolarment l-importanza fuq il-ħtieġa ta’ disponibbiltà bħala kriterju ermenewtiku eventwalment utli għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati, l-Artikolu 6(1)(b) tad-direttiva għandu importanza partikolari għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża peress illi ma jirrigwardax biss is-sistema ta’ limiti tad-dritt ta’ trade mark, iżda peress illi fih ukoll, mill-perspettiva tat-test tiegħu, qbil ma’ dak ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-direttiva dwar it-trade marks deskrittivi.

30.      F’dan il-kuntest, għandha tinġibed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju għan-neċessità li tiċċara jekk is-sinjal ta’ Adidas fil-kawża prinċipali jaqax taħt l-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ) tad-direttiva, peress illi, b’differenza għas-sitwazzjonijiet imsemmija minn dan l-aħħar punt, ir-raġuni għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni, jew ta’ invalidità, skond il-każ, prevista mill-ewwel punt iċċitat, ma tinstabx fin-numru ta’ limiti tad-dritt ta’ trade mark li jirreferi għalihom l-Artikolu 6(1). Minn dan isegwi li d-distinzjoni bejn il-każ li fih is-sinjal kien inizjalment nieqes minn karattru distintiv [li jaqa’ taħt l-Artikolu 3(1)(b) tad-direttiva] u dak li fih huwa deskrittiv ta’ ċerti indikazzjonijiet relatati mal-prodott [l-Artikolu 3(1)(ċ)tad-direttiva] mhijiex irrilevanti. Madankollu, tali riċerka, fid-dawl tan-natura fattwali tagħha, għandha ssir esklużivament mill-Hoge Raad jew, jekk hija pprojbita milli tistabbilixxi l-fatti fl-istadju tal-kassazzjoni, mill-imħallef a quo.

31.      Fid-dawl tar-relazzjoni stretta li teżisti bejn dawn l-ipoteżi, naqbel ma’ l-approċċ tal-Gvern Taljan li dawn jiġu trattati flimkien u li nikkonċentraw fuq l-ewwel waħda li biha l-Qorti Suprema Olandiża tistaqsi, essenzjalment, jekk l-interess ġenerali li tiġi kkonservata d-disponibbiltà ta’ sinjal konkret jikkostitwixxix element ta’ interpretazzjoni tal-portata tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark lill-propretarju tagħha fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minħabba l-ksur ta’ dan it-titolu ta’ proprjetà industrijali.

32.      Għalkemm għamlet ripetutament referenza għall-ħtieġa ta’ disponibbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja(7) qatt ma għamlet studju ddettaljat ta’ din ir-regola ġuridika ta’ oriġini Ġermaniża, sakemm m’hemmx żball jew omissjoni min-naħa tiegħi, fatt li jwassalni biex nagħmel analiżi iktar eżawrjenti, li tmur lil hinn mis-sempliċi definizzjoni mogħtija f’konklużjonijiet oħrajn.

B –    Preliminarjament: fuq il-ħtieġa ta’ disponibbiltà

1.      Oriġini: il-liġi Ġermaniża

33.      Fil-konklużjonijiet illi tajt fil-kawża Koninklijke (8), irreferejt għall-“ħtieġa imsejħa ta’ disponibbiltà bbażata fuq id-duttrina Ġermaniża”, li tippreżenta l-eżistenza “barra l-impedimenti marbuta man-nuqqas eventwali ta’ karattru distintiv – ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku li jirrikmandaw li jiġu limitati l-possibbiltajiet ta’ reġistrazzjoni ta’ ċerti sinjali sabiex ikunu jistgħu jiġu użati liberament mill-operaturi kollha (9)”.

34.      Minn dan jirriżulta, minn naħa, l-oriġini Ġermaniża tagħha, li d-denominazzjoni tagħha tirriżulta wkoll minn din il-lingwa (“Freihaltebedürfnis”) (10) u, min-naħa l-oħra, ir-relazzjoni stretta tagħha ma’ l-interess ġenerali. Madankollu, għall-finijiet ta’ komprensjoni aħjar ta’ dan il-prinċipju tad-dritt nazzjonali u tas-sinjifikat tiegħu fi ħdan is-sistema Komunitarja, jidher opportun li tiġi approfondita l-preżentazzjoni ta’ l-evoluzzjoni tiegħu fiż-żewġ sistemi legali.

35.      L-eżami tal-bidu tal-Freihaltebedürfnis imur lura għaż-żmien meta l-liġi antika Ġermaniża dwar it-trade marks (Warenzeichengesetz, iktar’il quddiem “WZG”)(11) kienet fis-seħħ. Il-prattika kienet tqis li l-ewwel punt ta’ l-Artikolu 4(2) tagħha, kien miktub b’mod eċċessivament restrittiv, peress illi huwa kien jillimita ruħu li jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ sinjali komposti esklużivament minn ċifri, ittri jew kliem li fih indikazzjonijiet fuq il-klassi, iż-żmien, il-post ta’ produzzjoni, il-kwalitajiet, id-destinazzjoni, il-prezz, il-kwantità jew il-piż tal-merkanzija.(12)

36.      Bil-ħsieb li jiġu solvuti ċerti diffikultajiet, ġurisprudenza wessgħet iċ-ċirku tas-sinjali li ma jistgħux ikunu rreġistrati għal dawk kollha li attribuzzjoni individwali tagħhom taħt forma ta’ monopolju tkun kuntrarja għall-interessi tal-kompetituri (13); din kellha riperkussjonijiet fuq l-eżami ta’ l-applikazzjoni għal trade marks peress illi r-rifjut ibbażat fuq il-ħtieġa ta’ disponibbiltà kien jeżonera lill-uffiċċju Ġermaniż milli jagħmel riċerka dwar jekk is-sinjal mixtieq għandux karattru distintiv (14).

37.      L-interpretazzjoni tradizzjonali Ġermaniża tqabbel mal-prinċipju ta’ disponibbiltà tliet aġġettivi, billi teżiġi li jkun konkret, attwali u serju (15). Permezz ta’ dawn il-kwalifiki, hija riedet tiżgura li l-prinċipju japplika biss għall-prodotti jew servizzi biss assoċjati ma’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (karattru konkret), ma jirrappreżentax sempliċi ipoteżi jew riskju ipotetiku, filwaqt li jrid jiġi rikonoxxut lilu riskju futur ibbażat fuq data verifikabbli u ċerta (attwalità) u li jkollu livell għoli ta’ gravità u importanza (serju) (16).

38.      Minħabba din il-ġurisprudenza u din il-prassi amministrattiva(17) Ġermaniża, kien l-applikant li kellu jġib il-prova kemm tal-karattru distintiv tas-sinjal kif ukoll tan-nuqqas ta’ neċessità li dan jiġi rriżervat għall-użu mill-kompetituri kollha.(18)

39.      Fil-qosor, fil-liġi Ġermaniża tat-trade marks, il-Freihaltebedürfnis kienet saret kundizzjoni mhux miktuba għall-applikazzjoni (19), ta’ sors ġurisprudenzjali u li tiżdied mal-kundizzjonijiet legali previsti mill-WZG.

40.      Il-bidla leġiżlattiva mwettqa fl-1995 mad-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida Ġermaniża dwar it-trade marks fl-1 ta’ Jannar 1995, ispirata mid-direttiva, kellha konsegwenzi fuq it-test ta’ l-Artikolu 4(2) tal-WZG, li r-raġunijiet assoluti għar-rifjut tiegħu ġew ittrasferiti għall-Artikolu 8 tal-liġi l-ġdida.

2.      Inkompatibbiltà mad-dritt Komunitarju

41.      Fl-1997, il-Landgericht München I (Qorti Reġjonali Nru 1 ta’ Munich) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari tal-kawża Windsurfing Chiemsee (20). Fid-dawl tat-test tad-dispożizzjonijiet ta’ l-1995, mhuwiex sorprendenti li l-qorti tal-Bavarja staqsiet, fost elementi oħrajn, fuq il-kompatibbiltà tal-Freihaltebedürfnis mad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-direttiva.

42.      Kif nafu, il-kawża kienet tirrigwarda l-indikazzjonijiet ta’ oriġini ġeografika, li ma jnaqqas xejn la mill-importanza u lanqas mir-rilevanza ta’ l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skond liema “[...] l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-direttiva ma tiddependix fuq l-eżistenza ta’ ħtieġa ta’ disponibbiltà [...] konkreta, attwali jew serja skond is-sens tal-ġurisprudenza Ġermaniża [...] (21)” – dikjarazzjoni li m’għaddietx mingħajr ma ġiet innotata fid-duttrina Ġermaniża (22).

43.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkundannatx it-teorija tal-Freihaltebedürfnis, billi rrikonoxxiet b’hekk ir-rabta tagħha ma’ l-interess ġenerali li huwa l-bażi tar-regola li l-imsemmija qorti ta’ Munich talbet l-interpretazzjoni tagħha (23). B’hekk hija bbażata t-teżi li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjali deskrittivi jew ta’ indikazzjonijiet skond l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-direttiva jirrispondi għall-idea li tiġi impedita l-monopolizzazzjoni tagħhom sabiex ma tiġix affettwata l-aspirazzjoni leġittima tal-kumpannija li tużAhom liberament (24).

44.      Minn dak iż-żmien, il-ġurisprudenza Komunitarja enfassizzat ripetutament in-neċessità li jiġi applikat il-prinċipju ta’ disponibbiltà, inerenti għall-interess ġenerali, u ppreċiżat il-limiti tiegħu billi għamlet referenza għall-għan segwit mid-dispożizzjoni msemmija iktar’il fuq, jiġifieri li jkun permess l-użu liberu minn kulħadd ta’ sinjali jew indikazzjonijiet meta tkun qed tittieħed deċiżjoni fuq applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (25), billi tittrasponi din it-teżi għall-punti (b) u (e) ta’ dan l-istess Artikolu 3 (26).

45.      F’dan l-istadju, jeħtieġ li ma nkomplux fuq l-istudju tal-ħtieġa ta’ disponibbiltà, peress illi ma jidhirx wisq utli li nieħdu pożizzjoni fuq aspetti sekondarji li m’għandhomx inċidenza fuq l-analiżi tad-domanda preliminari tal- Hoge Raad, iżda li jistgħu jikkawżaw problemi ta’ komprensjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet. Jibqa’ issa, billi nibbażaw ruħna fuq it-tagħrif rilevanti akkwistat dwar din ir-regola ġuridika, li nittrattaw l-Artikolu 6 tad-direttiva, billi nfittxu permezz ta’ liema mezz dan il-fatt imsemmi elaborat mill-ġurisprudenza marbut ma’ l-interess ġenerali jsib espressjoni hawnhekk.

C –    Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tad-direttiva

46.      Qabel nibdew l-eżami ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ nippreċiżaw li l-idea li nsibu s-soluzzjoni għall-kawża prinċipali billi nirriduċu l-analiżi tad-domandi preliminari għall-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tad-direttiva biss, kif stiednuna nagħmlu r-rikorrenti fil-kassazzjoni u l-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom, ma tikkonvinċinix.

47.      Ma ninjorax ir-rabta loġika u sistematika li teżisti bejn l-imsemmija Artikoli 5 u 6 tad-direttiva, li l-influwenza ermenewtika tagħha fuq ir-riżultat finali tidher probabbli, iżda wieħed ma jistax lanqas jittraskura l-Artikolu 6(1) meta preċiżament qed jiġu eżaminati l-limiti ta’ l-eżerċizzju ta’ l-ius prohibendi tal-proprjetarju tat-trade mark, b’mod konformi mat-titolu li jagħti dan l-artikolu (27). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza vasta ddedikata għall-Artikolu 5 tad-direttiva tirriżulta insuffiċjenti sabiex tagħti risposta suffiċjenti lill-qorti tar-rinviju li tinvoka, mingħajr ma ssemmih, l-Artikolu 6 tat-test normattiv Komunitarju in kwistjoni.

48.      L-Artikolu 5 tad-direttiva jippreċiża d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark. Żewġ argumenti jargumentaw kontra l-applikazzjoni tal-ħtieġa ta’ disponibbiltà f’dan l-ambitu: l-ewwel nett, l-oriġini tal-Freihaltebedürfnis, kjarament marbut mar-reġistrazzjoni tat-trade marks, u mhux għall-estensjoni ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark; it-tieni nett, l-istruttura tad-direttiva li tiffissa espressament il-limiti ta’ dawn id-drittijiet fl-Artikolu 6, b’tali mod li taċċetta l-prinċipju Ġermaniż għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5 timplika ż-żieda ta’ kundizzjoni mhux miktuba li tmur kontra ċ-ċertezza legali u l-ispirtu tar-regola Komunitarja.

49.      Barra minn dan, is-similitudnijiet evidenti u d-differenzi nnotati bejn l-Artikoli 3(1) u 6(1) tad-direttiva, jitolbu li jiġu eżaminati ż-żewġ dispożizzjonijiet, madankollu billi nevitaw milli ndumu fuq l-Artikolu 6(1)(a), li ma għandux rilevanza fuq il-mertu tad-domandi preliminari u li diġà ġie ttrattat ħafna mill-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (28).

1.      Esklużjoni tas-sinjali li m’għandhomx karattru distintiv skond l-Artikolu 3(1)(b) tad-direttiva

50.      Il-paragun bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 6(1) juri differenzi sinjifikanti li jirriżultaw mill-fatt li dan l-Artikolu 6 għandu refrenza għan-negazzjoni tal-“Projbizzjoni ta’ l-użu” tat-trade mark minn terzi u ma jinsabx fl-ambitu ta’ l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark simili.

51.      Għaldaqstant, fost in-numru ta’ sinjali li l-użu tagħhom ma jistax jiġi projbit mill-proprjetarju tat-titolu ta’ proprjetà industrijali skond l-Artikolu 6(1), jidhru l-ismijiet [taħt (a)], is-simboli deskrittivi [taħt (b)] u l-użu tat-trade mark biex tindika l-iskop intiż [taħt (c)], sakemm “jużahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali”.

52.      Referenza għas-sinjali li m’għandhomx karattru distintiv skond l-Artikolu 3(1)(b) hija nieqsa. Peress illi dan l-istess Artikolu 3 jippermetti, bis-saħħa tal-paragrafu 3 tiegħu, li jiġu rreġistrati dan it-tip ta’ sinjali, wieħed jista’ jiddeduċi minn dan li, f’każijiet bħal dawn, il-karattru distintiv akkiwstat mill-użu jnaqqas l-ostaklu li jirriżulta mill-vizzju inizjali ta’ nuqqas ta’ karattru distintiv u li l-leġiżlatur jirrikumpensa l-isforz magħmul mill-proprjetarju tat-trade mark bil-ħsieb li jegħleb din id-diffikultà billi jawtorizzah jopponi li kompetituri oħrajn jibbenefikaw minnha.

53.      Il-kawża ta’ din l-omissjoni daqshekk sinjifikattiva tinsab fit-teżi li ili niddefendi diġa għal ħafna żmien, ukoll fil-kuntest tar-regolament (29), jiġifieri li m’hemmx lok, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-regolament [Artikolu 3(1)(b) tad-direttiva] li jitqiesu kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku li jissuġġerixxu li jiġi limitat l-aċċess għar-reġistrazzjoni ta’ ċerti sinjali, sabiex dawn jibqgħu għad-dispożizzjoni ta’ l-operaturi kollha (ħtieġa ta’ disponibbiltà).

54.      Il-punt ta’ tluq ta’ din ir-riflessjoni huwa li l-finalità tar-raġuni assoluta għar-rifjut li tinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet hija li jiġi pprojbit l-aċċess għar-reġistrazzjoni għas-sinjali li m’għandhomx karattru distintiv konkret, jiġifieri għal dawk li konsumatur medju, normalment infurmat u raġonevolement attent u avżat, mhuwiex f’pożizzjoni li jidentifika bħala indikazzjonijiet affidabbli ta’ l-impriża ta’ oriġini; għaldaqstant, hekk kif ġie ġustament allegat, is-simboli ġeneriċi jikkostitwixxu l-antiteżi tat-trade mark (30).

55.      L-Artikolu 7(1)(c),(d) u (e) tar-regolament (l-istess punti bħal dawk ta’ l-Artikolu 3(1) tad-direttiva) huwa l-espressjoni ta’ l-interess pubbliku li jiġi evitat li ċerti operaturi japproprjaw ruħhom minn sinjali utli minn perspettiva estetika jew teknika sabiex jiddeskrivu l-prodott fih innifsu, il-kwalitajiet reali jew fittizji tiegħu u karatteristiċi oħrajn, bħall-post ta’ oriġini tiegħu jew sinjali li saru konswetudinarji fil-lingwa kurrenti jew fil-bona fide prattiċi stabbiliti tal-kummerċ.

56.      Madankollu, ma jidhirx li tali protezzjoni għandha tiġi estiża għas-sinjali li, mingħajr ma huma deskrittivi, m’għandhomx għal raġunijiet oħra karattru distintiv speċifiku. Ikun illoġiku li jiġi promoss interess ġenerali sabiex jinżammu fil-qasam pubbliku sinjali li ma jippermettux li tintagħraf l-impriża ta’ oriġini ta’ l-oġġetti u s-servizzi li huma jindikaw. Fil-fatt, la darba negozjant irnexxielu jikseb trade mark magħrufa mill-pubbliku permezz ta’ sinjal insinjifikanti, grazzi għall-użu u l-pubbliċità tagħha, l-iskop tad-dritt tal-proprjetà industrijali jimponi li huwa jkun rikompensat talli rnexxielu jegħleb in-nuqqas ta’ karattru distintiv li jaffettwa t-trade mark tiegħu, billi rendiha adatta tassumi l-funzjoni ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ l-impriża ta’ oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi. L-Artikolu 3(3) tad-direttiva jikkostitwixxi l-istrument tal-passaġġ minn xi ħaġa bla sens għat-titolu ta’ proprjetà intellettwali.

57.      Dak kollu li ġie espost s’issa ikun utli għall-Hoge Raad jekk hija tqis, fid-dawl ta’ l-alternattiva fattwali msemmija fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li t-tliet strixxi ta’ Adidas inizjalment ma kellhomx karattru distintiv skond l-Artikolu 3(1)(b) tad-direttiva. Jekk, għall-kuntrarju, hija tqis li t-trade mark in kwistjoni tikkostitwixxi indikazzjoni li tindika l-kwalitajiet tal-prodott, hemm lok li jiġi eżaminat l-Artikolu 6(1)(b) tad-direttiva.

2.      Portata ta’ l-Artikolu 6(1)(b) tad-direttiva

58.      L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ rikapitulazzjoni fil-qosor tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jinvokawha.

a)      Studju tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

59.      Għaldaqstant, fis-sentenza BMW (31), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ir-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri li tikkonċilja l-interessi fundamentali tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-trade mark u dawk tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq komuni, u dan b’tali mod li d-dritt tat-trade mark jista’ jissodisfa l-irwol tiegħu ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat irid jistabbilixxi u jżomm (32).

60.      Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa neċessarju li jiġi rikonċiljat l-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti lill-proprjetarju tad-dritt tal-proprjetà industrijali ma’ l-għanijiet tat-Trattat li huma diretti sabiex jiżguraw kompetizzjoni ġusta u ordnata bejn l-impriżi.

61.      Fil-kawża Windsurfing Chiemsee, diġà ċċitata, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix, fir-realtà, lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpetazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1)(b) tad-direttiva, iżda pjuttost fuq l-eventwali influwenza tiegħu fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 3 tagħha; il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet tali influwenza, iżda ddeskriviet il-portata ta’ l-ewwel dispożizzjoni iċċitata, billi żiedet immedjatament wara li l-Artikolu 6(1)(b) ma jikkonferixxix lil terzi persuni l-użu ta’ isem ġeografiku bħala trade mark, iżda jillimita ruħu jiżgura li huma jistgħu jużawh b’mod deskrittiv, jiġifieri bħala indikazzjoni relattiva għall-oriġini ġeografika, bil-kundizzjoni li l-użu jsir b’mod konformi mal-prattiċi onesti f’materji industrijali u kummerċjali (33).

62.      Fid-dawl ta’ dan l-eżami, l-użu mill-kompetituri tas-sinjal deskrittiv li seta’ jiġi rreġistrat huwa suġġett għall-kundizzjoni doppja li dan ma sarx bħala trade mark u li jiġu rrispettati l-prattiċi f’materja kummerċjali (34).

63.      Fir-rigward tal-metodoloġija ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1)(b), is-sentenza Gerolsteiner Brunnen tinkludi ċerti indikazzjonijiet f’dan ir-rigward. Wara li osservat li dan l-Artikolu ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn l-użu possibli ta’ l-indikazzjonijiet imsemmija, din tikkonċentra fuq il-funzjoni tiegħu: sabiex tali indikazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu, huwa suffiċjenti li tkun indikazzjoni relattiva għall-waħda mill-karatteristiċi elenkati fih, bħall-oriġini ġeografika (35). Din il-kwalifika taqa’ taħt, bħala kwistjoni ta’ fatt, il-qorti nazzjonali li għandha tipproċedi għal evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (36).

64.      Barra minn dan, jeħtieġ li ma jintesiex li l-imġiba ta’ terzi tiġi evalwata b’referenza għall-kriterju ta’ “prattika onesta”, li jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ obbligu ta’ lealtà fir-rigward ta’ l-interessi leġittimi tal-proprejtarju tat-trade mark, skond ġurisprudenza stabbilita (37), li jimponi b’mod partikolari li ma tiġix skreditata jew immalfamata t-trade mark.(38)

65.      L-ebda kumment dwar ir-rabta bejn l-Artikolu 6(1)(b) tad-direttiva u l-ħtieġa ta’ disponibbiltà ma ħareġ minn dawn is-sentenzi kollha. Dan in-nuqqas huwa ikkumpensat, minn naħa, minn żewġ konstatazzjonijiet, waħda fuq il-portata tat-trade mark Komunitarja u l-oħra fuq ir-reġistrazzjoni ta’ kuluri bħala trade marks.

66.      Fl-ewwel minn dawn il-kawżi (39), l-Avukat Ġenerali Jacobs jassoċja l-ħtieġa ta’ disponibbiltà ma’ l-Artikolu 12 tar-regolament (alter ego ta’ l-Artikolu 6 tad-direttiva) (40); is-sentenza “Baby‑Dry” segwiet, essenzjalment, il-konklużjonijiet (41), billi tiddeduċi minn qari flimkien ta’ l-Artikoli 7 u 12 tar-regolament (Artikoli 3 u 6 tad-direttiva) li l-għan tal-projbizzjoni tar-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ sinjali jew indikazzjonijiet esklużivament deskrittivi huwa li jiġi evitat li jkunu rreġistrati bħala trade marks sinjali jew indikazzjonijiet li, minħabba l-identità tagħhom ma’ regoli komuni ta’ indikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati jew minħabba l-karatteristiċi tagħhom, ma jippermettux li tiġi sodisfatta l-funzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ l-impriża li tpoġġihom fis-suq u għalhekk m’għandhomx il-karattru distintiv li din il-funzjoni tissupponi (42).

67.      Fit-tieni waħda minn dawn il-kawżi, is-sentenza Libertel, il-Qorti tal-Ġustizzja resqet timidament lejn il-Freihaltebedürfnis. Wara li ammettiet, fil-kamp tad-dritt Komunitarju tat-trade marks, “interess ġenerali li ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà tal-kuluri għall-operaturi l-oħrajn”, hija tirrifjuta allegazzjoni tal-Kummissjoni, li, probabbilment ispirata mill-konklużjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, kienet issostni li l-idea tal-ħtieġa ta’ disponibbiltà kienet espressa fl-Artikolu 6 tad-direttiva (43).

68.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet f’din l-idea r-riskju li jiġi rrakomandat kontroll minimu tar-raġunijiet għar-rifjut previsti fl-Artikolu 3 tad-direttiva, waqt l-eżami ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, li l-iżbalji tiegħu jkunu kkumpensati mil-limitazzjoni ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-trade mark skond il-ħtieġa ta’ disponibbiltà prevista mill-imsemmi Artikolu 6. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-proposta tekwivali għat-trasferiment tal-kontroll ta’ dawn ir-raġunijiet mill-awtoritajiet kompetenti fil-mument tar-reġistrazzjoni tat-trade mark lill-qrati, approċċ li hija tikkunsidra inkompatibbli mas-sistema tad-direttiva, li sserraħ fuq il-kontroll qabel ir-reġistrazzjoni, u mhux fuq kontroll a posteriori (44).

69.      Fil-qosor, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq il-ħtieġa ta’ disponibbiltà meħuda bħala kriterju ermenewtiku fl-Artikolu 6 tad-direttiva, iżda llimitat ruħha, fil-punti mqassra hawn fuq, li tiċħad argument tal-Kummissjoni li huwa favur applikazzjoni ta’ dan il-kunċett ġuridiku ta’ oriġini Ġermaniża fil-kuntest biss ta’ din id-dispożizzjoni, iżda mingħajr ma ddeċidiet xejn fuq l-użu tiegħu bħala kriterju ta’ limitazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark.

70.      Konsegwentement, jeħtieġ li tinstab soluzzjoni ġuridika għal din id-dilemma.

b)      Teżi ssuġġerita

71.      Diġà alludejt għar-rapport li jeżisti bejn l-Artikoli 3(1) u 6(1) tad-direttiva; enfasizzajt ukoll id-differenza li tisseparahom minn naħa ta’ l-istruttura tad-direttiva, peress illi l-ewwel dispożizzjoni tikkonċerna r-reġistrazzjoni, filwaqt li t-tieni tirrigwarda l-eżerċizzju ta’ l-ius prohibendi tal-proprjetarju ta’ trade mark.

72.      Madankollu, ma nistax ma ngħid xejn fuq is-similitudni straordinarja li teżisti fil-livell tal-kliem tal-punti (ċ) u (b) taż-żewġ dispożizzjonijiet. Bl-eċċezzjoni ta’ l-espressjoni “jikkonsistu esklussivament” fl-Artikolu 3(1)(ċ), il-kliem huwa identiku.

73.      Din id-differenza tispjega ruħha mill-fatt li, peress illi l-Artikolu 3 jagħmel referenza għar-reġistrazzjoni, isegwi a contrario li għandhom jiġu rreġistrati s-sinjali kumplessi li jinkludu, fost oħrajn, indikazzjonijiet deskrittivi skond l-Artikolu 3(1)(ċ); min-naħa l-oħra, din l-esklużività titlef kull rilevanza għall-finijiet ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark skond l-Artikolu 6 li huwa intiż biss sabiex iżomm għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd is-sinjali li jikkorrispondu għal każijiet imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu. L-Artikolu 5 tad-direttiva japplika mingħajr restrizzjoni għall-elementi l-oħrajn tat-trade mark kumplessa.

74.      Barra minn dan, min-naħa ta’ l-istruttura tad-direttiva, l-Artikolu 6(1)(b), jifforma parti minn grupp ta’ tliet dispożizzjonijiet fi ħdan id-direttiva li għalih jappartjenti wkoll l-eżami tar-raġunijiet għar-rifjut tar-reġistrazzjoni u dak ta’ l-invalidità. Għaldaqstant, fil-mument tal-verifika ta’ jekk sinjal jaqax taħt waħda mill-kategoriji ta’ indikazzjonijiet previsti mill-Artikolu 6(1)(b), xejn fid-direttiva ma jimplika li jiġu mnaqqsa l-konsegwenzi għat-trade mark irreġistrata fir-rigward ta’ dawk ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew tar-raġuni ta’ invalidità, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ).

75.      Nazzarda wkoll insostni li m’hemmx iktar u iktar lok li tingħata interpretazzjoni ristrettiva ta’ l-Artikolu 6 għar-raġuni biss li dan huwa regola limitattiva tad-drittijiet li jikkonferixxi l-Artikolu 5. Dak li huwa eċċezzjonali f’dan il-każ, hija tgawdija tal-proprjetà ta’ sinjal li, skond applikazzjoni stretta tal-kriterji, huwa aċċessibbli għal kulħadd. Il-fatt li kien immonopolizzat wara dan, biex ikun parti minn trade mark kumplessa jew bi żball (45), ma jistax ikun invokat bi ħsara għall-operaturi ekonomiċi oħrajn li jaspiraw li jużaw liberament l-indikazzjonijiet deskrittivi in kwistjoni, u lanqas għal dak tal-grupp l-ieħor ta’ persuni kkonċernati mid-dispożizzjoni, il-konsumaturi, li jitolbu informazzjoni trasparenti u onesta li hija normalment ipprovduta lilhom minn dawn l-indikazzjonijiet preċiżament (46).

76.      Is-sagrifiċċju meħtieġ mill-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà industrijali skond l-Artikolu 6(1)(b), jimponi lill-qorti ssib ekwilibriju bejn id-drittijiet mogħtija lil dan il-proprjetarju mill-Artikolu 5 tad-direttiva u d-drittijiet opposti tal-professjonisti u tal-konsumaturi l-oħrajn, u, min-naħa l-oħra, li ma tapplikax b’mod mekkaniku r-regola ta’ l-interpretazzjoni ristrettiva tar-regoli limittativi tad-drittijiet.

77.      Dan l-approċċ, barra li jsib appoġġ fid-duttrina (47), huwa perfettament konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja invokata dwar ir-ratio legis tar-regola u ta’ l-għan tagħha li tirrikonċilja l-protezzjoni tad-drittijiet tat-trade mark u tal-prinċipji fundamentali tas-suq komuni, u dan billi tippermetti li t-trade mark tista’ tissodisfa r-rwol tagħha ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat irid jistabbilixxi u jżomm (48), mingħajr ma ninsew li l-kompetituri mhumiex awtorizzati jużaw l-indikazzjoni bħala trade mark, iżda unikament b’mod deskrittiv (49).

78.      Konsegwentement, dawn l-argumenti kollha huma favur li jiġi permess ir-rikors għall-interess ġenerali, permezz tal-ħtieġa ta’ disponibbiltà, inkluż għall-finijiet ta’ l-eżami ta’ l-Artikolu 6(1)(b) tad-direttiva.

79.      Din l-evalwazzjoni ma tidhirx, barra minn hekk, inkompatibbli mal-punti 57 et seq, tas-sentenza Libertel, li fihom, kif ġie espost, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq il-punt dwar jekk il-Freihaltebedürfnis kellhiex tkun evalwata fil-kuntest ta’ l-Artikolu 6 tad-direttiva; hija kkuntentat ruħha li tirrifjuta argument tal-Kummissjoni li naqqas il-kamp ta’ azzjoni tagħha biss għall-ambitu ta’ dan l-Artikolu.

80.      Fil-qosor, ir-risposta li nipproponi li tingħata għad-domandi preliminari għandha titlaq min-neċessità li tiġi invokata l-ħtieġa ta’ disponibbiltà sabiex tiġi determinata l-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark ikkostitwita minn sinjal li jikkorrispondi għal waħda mill-indikazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-direttiva, meta din akkwistat karattru distintiv permezz ta’ l-użu u meta din kienet irreġistrat bħala tali; min-naħa l-oħra, mhemmx lok li dan il-prinċipju jiġi applikat meta s-sinjal inizjalment m’għandux karattru distintiv, skond l-Artikolu 3(1)(b) tad-direttiva, iżda huwa akkwistah sussegwentement permezz ta’ l-użu.

81.      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda t-tieni domanda magħmula mill-Hoge Raad, għandu jiġi indikat li l-perċezzjoni li l-pubbliku jista’ jkollu ta’ sinjal suġġett għall-ħtieġa ta’ disponibbiltà għandha rilevanza eventwali biss fl-istadju preċedenti, jiġifieri, sabiex jiġi determinat jekk tistax tiġi stabbilita rabta ma’ waħda mill-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)(b) tad-direttiva.

82.      Jekk il-konsumatur medju jattribwilu biss sempliċi funzjoni ta’ tiżjin, huwa ma jidentifikax is-sinjal bħala indikazzjoni ta’ l-impriża ta’ oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi, b’tali mod li ma jkunx għaldaqstant adattat jissodisfa l-kompitu prinċipali tiegħu, u b’dan il-mod qiegħed f’dubju il-valur tiegħu bħala trade mark (50); fl-ipoteżi kuntrarja, jekk il-konsumatur medju jista’ jidentifika l-oriġini ta’ l-oġġetti u tas-servizzi, dan ikollu suċċess.

83.      Madankollu, la darba tkun stabbilita r-rabta invokata ma’ waħda mill-indikazzjonijiet jew karatteristiċi skond l-Artikolu 6(1)(b) tad-direttiva, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-perċezzjoni mill-konsumatur tista’ teżerċita xi influwenza fuq l-interpretazzjoni ta’ l-interess ġenerali.

84.      Għalhekk, fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda, m’hemmx bżonn li jiġi eżaminat ir-raġunament ta’ H&M li jissuġġerixxi l-applikazzjoni tal-Freihaltebedürfnis almenu fir-rigward ta’ sinjali irreġistrati qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva. Hija tagħmel għaldaqstant referenza għall-prassi liberali ta’ reġistrazzjoni fil-Benelux fiż-żmien li fih kien japplika d-dritt tat-trademarks mhux armonizzat; iżda din is-sitwazzjoni taqa’ taħt l-ambitu ta’ l-invalidità ta’ trade marks li ma għandhomx karattru distintiv, il-bogħod mill-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 5 tad-direttiva u tal-limitazzjoni tagħhom skond l-Artikolu 6(1)(b). Għaldaqstant, fid-dawl tar-riżultat ta’ l-analiżi tiegħi, mhuwiex neċessarju li nkompli l-eżami ta’ din it-tieni domanda.

VI – Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lil Hoge Raad bil-mod segwenti:

“Fl-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark li tikkonsisti biss f’sinjal li jikkorrispondi għal waħda mill-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, iżda li akkwistat karattru distintiv permezz ta’ l-użu u ġiet irreġistrata bħala tali, għandu jiġi kkunsidrat l-interess ġenerali li ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà ta’ ċerti sinjali għall-operaturi oħrajn li joffru prodotti u servizzi simili.

Min-naħa l-oħra, meta s-sinjal invokat inizjalment ma kellux karattru distintiv, imma akkwistah sussegwentement permezz ta’ l-użu, id-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark ma jistgħux jiġu eżaminati fid-dawl tal-ħtieġa ta’ disponibbiltà.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Fil-qasam tat-trade marks, hija pparteċipat fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi li ġejjin: is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2000, Marca Mode (C‑425/98, Ġabra, p. I‑4861) u tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas‑Salomon AG u Adidas Benelux (C‑408/01, Ġabra p. I‑12537). F’dak li jirrigwarda s-sistema doganali Komunitarja, ara wkoll is-sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999, Adidas (C‑223/98, Ġabra, p. I‑7081).


3 – Ħafi, huwa rebaħ il-medalja tad-deheb fil-maratona fil-Logħob Olimpiku tas-Sajf ta’ Ruma, kif ukoll, din id-darba bi żraben xierqa, f’dak ta’ Tokyo fl-1964. Mhuwiex magħruf jekk il-fatt li ġera ħafi kienx intiż sabiex jiġri iktar jew sabiex jiġbed l-attenzjoni fuq il-faqar tal-kontinent ta’ oriġini tiegħu, huwa li kien l-ewwel ċampjin Afrikan ta’ l-istorja ta’ l-Olimpjadi ta’ l-era moderna (http://en.wikipedia.org/wiki/Abebe_Bikila). Ċampjins sportivi oħra wrew bravura ugwali fosthom, illum, ċerti atleti ta’ l-Abissinja, bħal Haile Gebrselassie, li jkomplu jiġru ħafjin (http://www.elmundo.es/1997/02/24/deportes/24N0150.html).


4 – L-ewwel Direttiva 89/104/KEE tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, p. 1).


5 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, p. 1), emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3288/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar it-trade mark tal-Komunità għall-implimentazzjoni tal-ftehim milħuq fil-qafas ta’ l-Uruguay Round (ĠU L 349, p. 83) u, fl-aħħar nett, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 422/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 (ĠU L 70, p. 1).


6 – Konkretament, l-Artikoli 4, 7, 9 u 12 ta’ dan ir-regolament.


7 – Per eżempju, u b’mod fundamentali, fis-sentenzi ta’ l-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779); tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV (C‑104/00 P, Ġabra p. I‑7561); tat-8 ta’ April 2003, Linde et (C‑53/01, C‑54/01 u C‑55/01, Ġabra p. I‑3161); u tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI (C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p I‑5089).


8 – Moqrija fil-31 ta’ Jannar 2002 fil-kawża Koninklijke KPN Nederland (sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, C‑363/99, Ġabra p. I‑1619).


9 – Punt 52 tal-konklużjonijiet imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


10 – Il-duttrina Ġermanofona tuża mingħajr distinzjoni dawn it-termini, per eżempju O. Sosnitzas/S. Fröhlich, “Freihaltebedürfnis bei mehrdeutigen Zeichen – Unterschiede in der Beurteilung durch EuGH, BGH und BPatG?”, Markenrecht, 09/2006, p. 383 et seq, u l-varjant “Freihaltungsbedürfnis”, per eżempju: A. Bender, “Absolute Eintragungshindernisse – Art. 7 GMV”, fi. F. Ekey/D. Klippel, Heidelberger Kommentar zum Markenrecht, Ed. C.F. Müller, Heidelberg, 2003, p. 893.


11 – Ir-regola ta’ l-1936 kienet suġġetta għal riforma sostanzjali fl-1968 (Bekanntmachung tat-2 ta’ Jannar 1968; BGBl. I, p. 1/29), verżjoni immedjatament preċedenti għal-liġi l-ġdida, il-Markenrechtsreformgesetz tal-25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. I, p. 3082).


12 – Skond l-ispjegazzjonijiet ta’ P. Ströbele, “Vom Freihaltungsbedürfnis zum Allgemeininteresse im Markenrecht”, f’ H.-J. Ahrens / J. Bornkamm u H.-P. Kunz-Hallstein, ,Festschrift für Eike Ullmann, Ed. juris GmbH, Saarbrücken, 2006, pp. 425 et seq, 426. L-awtur iċċitat iżid li l-Bundesgerichtshof (Qorti Suprema Federali) Ġermaniża estendiet il-prinċipju għat-tieni punt ta’ l-Artikolu 8(2) tal-WZG.


13 – Ara fir-rigward ta’ l-evoluzzjoni tat-teorija tal-Freihaltebedürfnis K.-H Fezer, Markenrecht, Ed. C.H. Beck, it-tieni edizzjoni, Múnich, 1999, p. 402.


14 – Ströbele, P., op. cit., p. 427.


15 – Eisenführ, G., “Artikolu 12”, fi G. Eisenführ/D. Schennen, Gemeinschaftsmarkenverordnung –Kommentar, Ed. Heymanns, Cologne, 2003, p. 230.


16 – K.-H. Fezer, op. cit., p. 401 et seq, jiddeskrivi fid-dettall dawn l-aspetti kollha.


17 – Il-Bundespatentgerichtshof (Qorti Federali tal-Brevetti u tat-Trade marks) ikkonformat ruħha wkoll mar-regoli stabbiliti mill-Bundesgerichtshof.


18 – M. Lobato, Comentario a la Ley 17/2001, de marcas, Ed. Thomson – Civitas, it-tieni edizzjoni, Pamplona, 2007, p. 238.


19 – P. Ströbele, op. cit., p. 429.


20 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


21 – Punt 35 tas-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq.


22 – K.-H. Fezer, op. cit., p. 402, kien poġġa fid-dubju l-validità tal-ġurisprudenza Ġermaniża dwar il-Freihaltebedürfnis preċedentement għas-sentenza Windsurfing Chiemsee.


23 – Punti 26 u 27 tas-sentenza Windsurfing Chiemsee.


24 – P. Ströbele, op. cit., p. 431.


25 – Fir-rigward ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva, minbarra s-sentenzi diġà ċċitati Windsurfing Chiemsee u Linde, ara wkoll is-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, Ġabra p. I‑3793), punt 52 u tat-12 ta’ Frar 2004, Henkel (C‑218/01, Ġabra p. I‑1725), punti 40 u 41.


26 – Fir-rigward ta’ l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva, minbarra s-sentenza Henkel vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI (C‑329/02, Ġabra p. I‑8317), punti 26 u 27; f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(1)(e), ara, mas-sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, dik tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, Ġabra p. I‑5475), punt 80.


27 – Imfakkar fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Céline (C‑17/06, Ġabra p. I‑0000), punti 29 et seq.


29 – Il-kunsiderazzjonijiet segwenti jinsabu fil-konklużjonijiet li tajt fis-6 ta’ Novembru 2003 fil-kawża Henkel vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-punti 48 u 78 sa 82.


30 – C. Fernández-Nóvoa, El sistema comunitario de marcas, Ed. Montecorvo, Madrid, 1995, p. 119, b’referenza għad-duttrina Amerikana li tikkontrapponi l-kliem “ġeneriċi” u “trade mark” bħala li jeskludu lil xulxin.


31 – Sentenza tat-23 ta’ Frar 1999 (C‑63/97, Ġabra p. I‑905).


32 – Punt 62 tas-sentenza BMW, li tagħmel referenza, min-naħa tagħha, għas-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1990, Hag GF, “HAG II” (C‑10/89, Rec. p. I-3711), punt 13.


33 – Punt 28 tas-sentenza Windsurfing Chiemsee.


34 – Dan jidher li kien ġie kkonfermat reċentement għal darb’oħra mis-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, Ġabra p. I‑1017), punt 43.


35 – Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004 (C-100/02, Ġabra p.I-691), punt 19.


36 – Sentenza Gerolsteiner Brunnen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26.


37 – Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Gilette Company u Gilette Group Finland (C‑228/03, Ġabra p. I‑2337), punt 41 (iktar ’il quddiem, “Gilette”); kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq BMW, punt 61, u Gerolsteiner Brunnen, punt 24.


38 – Sentenza Gilette, punt 44.


39 – Sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, “Baby Dry” (C‑383/99 P, Ġabra p. I‑6251),


40 – Punti 77 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu.


41 – Naqbel fuq dan il-punt ma’ G. Eisenführ, op. cit., p. 230.


42 – Punt 37 tas-sentenza Baby Dry.


43 – Punti 57 et seq, tas-sentenza Libertel.


44 – Punti 58 u 59 tas-sentenza Libertel.


45 – Kien ġustament li ġie suġġerit li n-numru sinjifikattiv ta’ applikazzjonijiet għal trade marks iwassal għar-reġistrazzjoni bi żball fir-reġistri ta’ simboli ġeneriċi jew deskrittivi, minħabba l-ħeffa li biha għandhom jiġu trattati l-applikazzjonijiet; F. Hacker, “§23”, fi P. Ströbele/F. Hacker, Markengesetz, Ed. Heymanns, it-tmien edizzjoni, Cologne, 2006, p. 917.


46 – F’dan ir-rigward, l-awtur segwenti jagħmel referenza għall-utenti fil-kummentarju li jikkjarifika l-Artikolu 33 tal-Ley de marcas [Liġi Spanjola dwar it-Trade marks]: C. Fernández-Nóvoa, Tratado sobre Derecho de marcas, Ed. Marcial Pons, Madrid, 2001, p. 367.


47 – L-awturi segwenti pproponew, bi ftit jew wisq konvinzjoni, li jiġi evalwat dan il-limitu għad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark skond il-ħtieġa ta’ disponibbiltà: Eisenführ, G., “Artikel 7”, fi G. Eisenführ/D. Schennen, op. cit., p.113 et seq, u K.-H. Fezer, op. cit, p. 402.


48 – Sentenzi BMW, punt 62, u Gerolsteiner Brunnen, punt 16, iċċitati iktar ’il fuq.


49 – Sentenza Windsurfing Chiemsee, punt 28.


50 – Sentenza Adidas-Salomon u Adidas Benelux, iċċitata iktar ’il fuq, punti 39 sa 41.