Language of document : ECLI:EU:C:2014:178

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-20 ta’ Marzu 2014 (1)

Kawża C‑255/13

I

vs

Health Service Executive

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda)]

“Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali — Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 — Kunċetti ta’ ‘soġġorn’ u ta’ ‘residenza’ — Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 — Ċittadin residenti fi Stat Membru li jimrad b’kundizzjoni medika serja waqt vaganza fi Stat Membru ieħor — Soġġorn fl-Istat Membru ieħor għal iktar minn 11-il sena minħabba din il-kundizzjoni u n-nuqqas ta’ trattament disponibbli fl-ewwel Stat Membru”





1.        Problemi ta’ saħħa jistgħu jinqalgħu f’salt waqt vaganza fi Stat Membru ieħor. F’każijiet bħal dawn, il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea — li nħolqot oriġinarjament bir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (2) u rregolata attwalment bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 (3) tagħmilha possibbli li persuna tingħata trattament mediku fl-Istat Membru ta’ soġġorn, u l-ispejjeż inkorsi għal dan it-trattament għandhom jiġu rrimborsati mill-Istat Membru ta’ residenza. Jekk, madankollu, it-trattament barra l-pajjiż jieħu ħafna żmien, l-Istat Membru ta’ residenza huwa awtorizzat li jwaqqaf unilateralment il-kopertura minħabba dak it-tul ta’ żmien? Fi kliem ieħor, l-eżerċizzju nnifsu tad-dritt mogħti permezz ta’ dawn ir-regolamenti jista’ jwassal eventwalment għat-telf tiegħu?

2.        Għal I, l-eżitu ta’ vaganza mas-sieħba tiegħu, barra mid-domiċilju tiegħu fl-Irlanda, jista’ biss jiġi deskritt bħala wieħed sfortunat. Għal raġunijiet varji, fil-preżent jgħix fil-pajjiż fejn marad — il-Ġermanja — sabiex jirċievi trattament hemmhekk. Taħt ċerti aspetti, jista’ jitqies bħala “refuġjat mediku”. Madankollu, wara li kien baqa’ għal iktar minn 11-il sena fil-Ġermanja, l-Irish Health Service Executive (iktar ’il quddiem, l-“HSE”) u l-Gvern Irlandiż isostnu li I ma jistax jibqa’ jitqies bħala residenti tal-Irlanda. Għaldaqstant l-HSE ħabbret li kienet se tieqaf tkopri l-ispejjeż tat-trattament ta’ I, deċiżjoni li tat lok għall-kawża quddiem il-qorti ta’ rinviju.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-Regolament Nru 883/2004

3.        L-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament Nru 883/2004 issostitwixxew, essenzjalment, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 (4).

4.        L-Artikolu 19 (“Żjara [Soġġorn] barra l-Istat Membru kompetenti”) jipprovdi li:

“1. Sakemm il-paragrafu 2 ma jgħidx mod ieħor, persuna assigurata u l-membri tal-familja tagħha li joqogħdu fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru kompetenti għandhom ikunu intitolati għall-benefiċċji mogħtija in natura li jkunu meħtieġa minħabba raġunijiet mediċi matul iż-żjara [is-soġġorn] tagħhom. It-tip ta’ benefiċċcji u t-tul maħsub taż-żjara għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara, skont id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni li din l-istituzzjoni tapplika, bħallikieku il-persuni konċernati kienu assigurati taħt din il-leġislazzjoni.”

5.        L-Artikolu 20 (“Vjaġġar bl-iskop li jingħataw benefiċċji mogħtija in natura – awtorizzazzjoni biex jingħata trattament xieraq barra l-Istat Membru ta’ residenza”) jipprovdi kif ġej:

“1. Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuna assigurata li tivjaġġa lejn Stat Membru ieħor bl-iskop li tirċievi benefiċċji mogħtija in natura waqt iż-żjara [is-soġġorn] tagħha, għandha tikseb awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti.

2. Persuna assigurata litkun awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fi Stat Membru ieħor bil-għan li tirċievi t-trattament xieraq għall-kundizzjoni tagħha, għandha tirċievi l-benefiċċji mogħtija in natura mogħtija, f’isem l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara, skont id-disposizzjonijiet li dina tapplika, bħallikieku kienet assigurata taħt din il-leġislazzjoni. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata fejn it-trattament konċernat huwa fost il-benefiċċji mogħtija mil-leġislazzjoni fl-Istat Membru fejn il-persuna konċernata jkollha l-post tar-residenza tagħha u fejn din il-persuna ma tistax tingħata dan it-trattament fi żmien li jista’ jkun ġustifikat fuq raġunijiet mediċi. L-istat preżenti tas-saħħa tal-persuna u l-iżvilupp probabbli tal-marda tagħha għandha jittieħdu in konsiderazzjoni.

[...]”

B –    Ir-Regolament Nru 987/2009

6.        L-Artikolu 11 (“L-elementi għad-determinazzjoni tar-residenza”) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 (5) jipprovdi:

“1.       Fejn hemm differenza fl-opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar dwar id-determinazzjoni tar-residenza ta’ persuna li għaliha japplika [r-Regolament Nru 883/2004], dawn l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu bi ftehim komuni ċ-ċentru ta’ interess tal-persuna kkonċernata, abbażi ta’ evalwazzjoni globali tal-informazzjoni kollha disponibbli relatata mal-fatti rilevanti, li jistgħu jinkludu fejn ikun il-każ:

(a)      it-tul ta’ żmien u l-kontinwità tal-preżenza fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati;

(b)      is-sitwazzjoni tal-persuna, li tinkludi:

(i)      in-natura u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kwalunkwe attività li titwettaq, b’mod partikolari l-post fejn din l-attività normalment titwettaq, l-istabbiltà tal-attività u t-tul ta’ żmien ta’ kwalunkwe kuntratt tax-xogħol;

(ii)      l-istatus tal-familja u r-rabtiet tal-familja tagħha;

(iii) it-twettiq ta’ kwalunkwe attività mingħajr ħlas;

(iv)      fil-każ ta’ studenti, is-sors tad-dħul tagħhom;

(v)      is-sitwazzjoni tad-dar domestika tagħha, partikolarment kemm hi permanenti;

(vi)      l-Istat Membru li fih il-persuna hija meqjusa li tirrisjedi għal finijiet ta’ tassazzjoni.

2.       Fejn l-konsiderazzjoni tal-kriterji diversi bbażati fuq il-fatti rilevanti kif stabbilit fil-paragrafu 1 ma twassalx għal qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, l-intenzjoni tal-persuna, kif hi tidher minn tali fatti u ċirkustanzi, speċjalment ir-raġunijiet li wasslu lill-persuna biex tiċċaqlaq, għandhom jiġu kkunsidrati bħala deċiżivi meta jkun qed jiġi stabbilit il-Stat Membru ta’ residenza reali ta’ dik il-persuna.”

II – Il-fatti li wasslu għat-tilwima, il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7.        I huwa ċittadin Irlandiż. Huwa ħadem kemm fl-Irlanda kif ukoll fl-Ingilterra. Fis-Sajf tal-2002, fl-età ta’ 45, huwa kien fuq vaganza barra l-pajjiż flimkien mas-sieħba tiegħu, B, ċittadina Rumena.

8.        Waqt din il-vaganza, I ġie ammess bħala pazjent ta’ emerġenza fl-Universitätsklinikum Düsseldorf (iktar ’il quddiem, l-“Uni Klinik”) (il-Ġermanja). I kien ġie oriġinarjament dijanjostikat li kellu t-tetnu, iżda iktar tard deher li kien qed ibati minn infart bilaterali fiz-zokk ta’ moħħu, fenomenu rari. Jidher li, minħabba d-diffikulta fid-dijanjostika tiegħu, flimkien mal-impatt tal-infart, huwa jbati minn kwadripleġja severa u tilef il-funzjoni tal-moviment. Ftit wara x-xahar ta’ Mejju 2003, I nstab li kellu mutazzjoni ġenetika li għandha effett dannuż fuq il-kompożizzjoni tad-demm tiegħu, u li tikkostitwixxi fattur li jirrikjedi monitoraġġ u trattament kostanti. Barra minn hekk, mill-bidu tal-proċedura quddiem il-High Court, huwa ġie dijanjostikat b’kankru, li għalih qed jirċievi trattament ukoll (6).

9.        B’dan il-mod, minn Awwissu 2002, I huwa marid gravament u fil-bżonn ta’ kura u attenzjoni kostanti min-naħa tat-tobba speċjalisti li jinsabu fl-Uni Klinik. Fil-preżent huwa permanentement f’siġġu tar-roti u għandu użu limitat ħafna ta’ dirgħajh u ta’ jdejh. Minn meta ħareġ mill-isptar fl-2003, huwa jgħix ma’ B, li tieħu ħsiebu. Huma jgħixu f’appartament mikri f’Düsseldorf li huwa adattat għal użu ta’ siġġu tar-roti.

10.      I jirċievi allowance għad-diżabbiltà mill-Irlanda (7) u pensjoni żgħira tal-irtirar allokata mir-Renju Unit. Huwa ma jirċievi l-ebda allowance jew benefiċċju mill-Ġermanja. I jenfasizza li huwa mġiegħel jgħix fil-Ġermanja — Stat Membru li miegħu għandu biss rabta limitata — minħabba l-istat ta’ saħħtu u minħabba l-bżonn li jirċievi trattament kontinwu, iżda x-xewqa tiegħu hija li jerġa’ lura l-Irlanda. B’mod iktar speċifiku, I jgħid li ma għandu l-ebda kont bankarju fil-Ġermanja u ma għandu l-ebda proprjetà immobbli fil-Ġermanja, iżda għandu kont bankarju f’bank Irlandiż u baqa’ f’kuntatt regolari maż-żewġt uliedu fl-Irlanda (imwielda fl-1991 u fl-1994 rispettivament). Huwa ma jitkellimx bil-Ġermaniż u ma għamel l-ebda sforz sabiex jintegra ruħu fis-soċjetà Ġermaniża.

11.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, I ftit li xejn ħadem minn meta marad. F’diversi okkażjonijiet bejn l-2004 u l-2007, huwa ta lekċers bi ħlas fl-Università ta’ Düsseldorf, bl-għajnuna ta’ B. Għall-finijiet tal-liġi Ġermaniża fil-qasam tas-sigurtà soċjali Ġermaniża, B iddikjarat dan id-dħul bħala wieħed li ġie magħmul minn I, peress li hija kienet il-persuna rreġistrata fis-sistema Ġermaniża. Barra minn hekk, hija aċċettat is-sensja fl-2004 sabiex tieħu ħsieb I fuq bażi full-time. Hija tirċievi allowance tal-qgħad mill-Ġermanja. Skont il-High Court, B ġiet irrifjutata l-ekwivalenti Ġermaniża tal-allowance ta’ persuna li tipprovdi kura għar-raġuni li I kien resident Irlandiż u li s-sistema Irlandiża dwar l-assigurazzjoni ma kinitx tipprovdi għal dan.

12.      Minn meta marad, I rarament vjaġġa barra mill-pajjiż. Fl-2004, huwa għamel vjaġġ sa Lisbona (il-Portugall) sabiex jagħti lekċer, u vvjaġġa wkoll xi drabi lejn l-Irlanda, l-aħħar darba fl-2009. Madankollu, fid-dawl tal-kundizzjoni tiegħu, il-High Court tindika li huwa aċċettat bejn il-partijiet li huwa prattikament impossibbli li I jivvjaġġa, mill-inqas bl-użu tal-linji tal-ajru regolari.

13.      Inizjalment, l-ispejjeż marbuta mal-kura ta’ I fil-Ġermanja kienu koperti permezz ta’ Formula E 111 maħruġa mill-Irlanda (8). Din il-formula taqa’ taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprovdi li persuna assigurata li tissoġġorna fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru kompetenti tkun intitolata għall-benefiċċji mogħtija in natura li jirriżultaw meħtieġa minħabba raġunijiet mediċi tul is-soġġorn. It-tip ta’ benefiċċju u t-tul previst tas-soġġorn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

14.      F’Marzu 2003, l-HSE biddlet l-istatus ta’ I billi ħarġitlu, minn dik id-data, formola E 112, li ġiet imġedda għal 20 darba jew iktar minn dakinhar. Din il-formula hija marbuta mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004, li jirregola s-sitwazzjoni ta’ persuna assigurata li hija awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti li tmur fi Stat Membru ieħor bil-għan li tirċievi t-trattament xieraq għall-kundizzjoni tagħha.

15.      Fil-25 ta’ Novembru 2011, il-HSE rrifjutat li ġġedded lil I l-formola E 112, billi qieset li, għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-sigurtà soċjali, I kien residenti fil-Ġermanja. I beda azzjoni ġudizzjarja quddiem il-High Court sabiex jikseb il-ħruġ ta’ ordni kontra l-HSE li ġġiegħlha tkompli toħroġlu l-formola E 112.

16.      Billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 19(1) u 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Persuna assigurata li hija ċittadina ta’ Stat Membru (‘l-ewwel Stat Membru’) u li ilha marida serjament għal dawn l-aħħar ħdax-il sena minħabba kundizzjoni medika serja li mmanifestat ruħha għall-ewwel darba waqt li din il-persuna kienet tirrisjedi fl-ewwel Stat Membru iżda kienet qiegħda vaganza fi Stat Membru ieħor (‘it-tieni Stat Membru’), għandha titqies li ‘tissoġġorna’ f’dan it-tieni Stat Membru matul dan il-perijodu għall-finijiet tal-Artikolu 19(1) jew tal-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, meta hija kienet effettivament imġiegħla tibqa’ fiżikament f’dan l-Istat Membru matul dan il-perijodu minħabba l-kundizzjoni medika serja tagħha u minħabba l-vantaġġ li kien hemm kura medika speċjalizzata fil-viċinanzi?”

17.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-High Court talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li sema’ l-Avukat Ġenerali u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, ċaħad din it-talba permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Lulju 2013.

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn I, mill-HSE, mill-Gvern Irlandiż, mill-Gvern Grieg u mill-Gvern Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta tad-29 ta’ Jannar 2014, saru osservazzjonijiet orali minn I, mill-HSE, mill-Gvern Irlandiż, u mill-Kummissjoni.

III – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet ġenerali

19.      Jekk wieħed jinjora għal mument il-fatti traġiċi ta’ din il-kawża, ma hemmx dubju li hija tqajjem kwistjoni interessanti u importanti.

20.      Huwa stabbilit li qabel il-vjaġġ tiegħu lejn il-Ġermanja, I kien residenti fl-Irlanda. Għalhekk, bid-domanda preliminari tagħha, il-High Court tixtieq essenzjalment tkun taf jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, I ma jistax jibqa’ jitqies li qiegħed biss “jissoġġorna” fil-Ġermanja għall-finijiet tal-Artikoli 1(k), 19 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

21.      Ħadt nota tal-fatt li, meta ġejt mistieden nieħu pożizzjoni dwar il-bżonn ta’ seduta, il-Gvern Irlandiż irrisponda li xtaq li l-Qorti tal-Ġustizzja tiffoka fuq il-kunċett ta’ “soġġorn” iktar milli dak ta’ “residenza”, li ma jidhirx, huwa minnu, fil-kliem tad-domanda preliminari. Madankollu, kif ser nispjega iktar fid-dettall iktar ’il quddiem, dawn il-kunċetti huma marbuta intrinsikament. Fil-fehma tiegħi, huwa impossibbli li jiġi evitat il-kunċett ta’ “residenza” meta tingħata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “soġġorn” imsemmi fl-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

22.      Fuq skala ikbar, dan il-każ iqajjem ukoll kwistjoni kontroversjali mill-lat politiku u ekonomiku, jiġifieri, jekk Stat Membru jistax “jesporta” lejn Stati Membri oħra l-ispejjeż ta’ trattament mediku pprovdut lir-residenti tiegħu. Għalhekk, il-Gvern Grieg isostni li l-awtoritajiet Irlandiżi ma jistgħux jinvokaw unilateralment l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 987/2009. Din il-problema ssir partikolarment akuta meta tali trattament joħloq spejjeż ogħla mill-ispejjeż tas-soltu marbuta ma’ trattament simili fl-Istat Membru ta’ residenza. Min-naħa l-oħra, billi l-istorja ta’ I hija daqshekk mhux tas-soltu, ma tistax titqies bħala każ tipiku.

23.      F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jidher li l-qorti ta’ rinviju stabbiliet deċiżivament ċerti parametri permezz tat-termini li bihom ġiet ifformulata t-talba. Fil-fatt, il-High Court tiddeskrivi ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża bħala sitwazzjoni fejn “hija kienet effettivament imġiegħla tibqa’ fiżikament f’dan l-Istat Membru matul dan il-perijodu minħabba l-kundizzjoni medika serja tagħha u minħabba l-vantaġġ li kien hemm kura medika speċjalizzata fil-viċinanzi”.

24.      Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li I ma jistax jivvjaġġa (mill-inqas bl-użu tal-linji tal-ajru regolari), il-High Court indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju li mhux issuġġerit li I jista’ jew għandu jmur lura f’dan l-istadju lejn l-Irlanda għall-finijiet ta’ eżami mediku sabiex jirċievi awtorizzazzjoni minn qabel għal trattament mediku barra mill-pajjiż.

25.      Fi kwalunkwe każ, ma huwiex kompletament ċar jekk huwiex fil-fatt possibbli li I jirċievi trattament komparabbli fl-Irlanda. I jsostni li tali trattament ma huwiex disponibbli (jew, mill-inqas, li l-HSE ma kinitx fil-pożizzjoni li toffrilu tali trattament u fl-istess waqt tissodisfa l-bżonnijiet ta’ kura anċillari tiegħu, bħall-bżonn ta’ akkomodazzjoni xierqa). Il-HSE, minn naħa tagħha, issostni kemxejn paradossalment fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-ispejjeż ta’ trattament ta’ I fil-Ġermanja huma kunsiderevolment inqas minn dawk inkorsi fl-Irlanda li kieku kellu jerġa jmur lura (9). Fi kwalunkwe każ, din hija kwistjoni fattwali li, għaldaqstant, għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali.

26.      Minn hawn ’il quddiem, ser nibda billi neżamina l-kunċett ta’ “residenza”, kunċett li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat f’diversi okkażjonijiet. Imbagħad ser nanalizza l-kunċett ta’ “soġġorn” fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża u tal-argumenti mqajma mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

27.      Fl-aħħar nett, għandhom jingħataw il-kjarifiki li ġejjin fir-rigward tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 883/2004 rationae temporis. Għalkemm ir-Regolament Nru 1408/71 kien japplika fil-mument li fih I marad f’salt, dak ir-regolament illum ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 883/2004. Madankollu, kif indikat il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni legali fuq dan il-punt, essenzjalment, ma tbiddlitx bir-regolament il-ġdid (10). Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata meħuda mill-HSE li tirrifjuta li tkopri l-ispejjeż futuri tat-trattament ta’ I ttieħdet fil-25 ta’ Novembru 2011 u għalhekk wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004. Għalhekk ser nibbaża l-evalwazzjoni tiegħi fuq ir-regolament l-iktar reċenti, b’mod konformi mal-formulazzjoni tad-domanda preliminari.

B –    Il-kunċett ta’ “residenza” fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004

28.      Skont l-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004, “residenza” tfisser il-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha.

29.      Din id-definizzjoni modesta hija bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi indikazzjonijiet supplementari fuq dan il-kunċett. Fil-fatt, sa mill-bidu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tal-iskema applikabbli għall-ħaddiema skont ir-Regolament Nru 1408/01, li r-residenza hija “[l-Istat] [...] fejn iċ-ċentru abitwali tal-interessi [tal-ħaddiem] huwa wkoll sitwat”, u li “meta ħaddiem ikollu impjieg stabbli fi Stat Membru hemm il-preżunzjoni li huwa jirrisjedi hemmhekk, anki jekk ikun ħalla l-familja tiegħu fi Stat ieħor” (11). Din il-preżunzjoni issa tinsab fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 883/2004. Għaldaqstant, ir-residenza hija assimilata għaċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna.

30.      Preċiżament għal din ir-raġuni, persuna assigurata ma jistax ikollha residenza abitwali fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri differenti jew iktar fl-istess waqt (12).

31.      Fir-rigward tal-kriterji rilevanti sabiex jiġi stabbilit iċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Swaddling li “għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni tal-familja tal-ħaddiem; ir-raġunijiet li wassluh li jiċċaqlaq; it-tul u kontinwità tar-residenza tiegħu; il-fatt (fejn dan huwa il-każ) li jinsab f’impjieg stabbli; u l-intenzjoni tiegħu, kif tirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha” (13).

32.      Dawn il-kriterji llum jinsabu fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 987/2009, kif tippreċiża l-premessa 12 tiegħu (14). Kif ġie osservat, essenzjalment, mill-Gvernijiet Grieg u Olandiż, u mill-Kummissjoni, minkejja li din id-dispożizzjoni tirrigwarda n-nuqqas ta’ qbil bejn l-istituzzjonijiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew iktar u għalhekk mhux direttament applikabbli għall-kawża quddiem il-qorti ta’ rinviju, hija tinkludi lista utli li telenka l-kriterji rilevanti sabiex tiġi stabbilita r-residenza ta’ persuna assigurata. Naqbel ma’ I, mal-Gvern Olandiż u mal-Kummissjoni li l-lista ma hijiex waħda eżawrjenti (15), u ma’ I u l-Kummissjoni li l-ebda ordni ta’ preferenza ma ġiet stabbilita għall-kriterji msemmija fl-Artikolu 11(1). Fil-fatt, huwa primordjali li wieħed iżomm quddiem għajnejh li, fis-sentenza Swaddling, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “t-tul ta’ żmien ta’ residenza fl-Istat [...] ma jistax jitqies bħala element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ residenza” (16).

33.      Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li l-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 883/2004 jirreferu għal ċerti eżempji speċifiċi ta’ sitwazzjonijiet li jinvolvu rabtiet ma’ Stat Membru li jippermettu lil dan l-Istat Membru li jimponi l-leġiżlazzjoni tiegħu fuq persuna assigurata. Is-sitwazzjonijiet l-iktar komuni huma dawk ta’ attivitajiet ta’ impjieg jew ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu eżerċitati fi Stat Membru. Minkejja li dawn il-forom speċifiċi ta’ rabta, suġġetti għar-regoli partikolari msemmija fl-Artikoli 12 sa 16 tal-imsemmi regolament, jipprevalu fuq il-kriterju iktar ġenerali ta’ residenza (17), jistgħu jitqiesu wkoll bħala espressjonijiet speċifiċi ta’ dan il-kunċett. B’dan il-mod, iservu biss sabiex jenfasizzaw il-fatt li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru speċifiku fil-qasam tas-sigurtà soċjali, minħabba r-residenza jew b’mod ieħor, jippresupponi rabta partikolari ma’ dan l-Istat Membru.

34.      Fl-aħħar nett, ma għandux jintesa li ħafna mill-kawżi li jirrigwardaw il-kunċett ta’ “residenza” għall-finijiet tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk il-persuna assigurata kisbitx l-istatus ta’ resident, peress li dik il-persuna xtaqet tirċievi benefiċċju minn Stat Membru riluttanti (18). Din il-kawża, madankollu, tidher li tikkonċerna dan ix-xenarju bil-maqlub: f’liema ċirkustanzi tista’ persuna assigurata titlef dan l-istatus u l-benefiċċji korrispondenti (19)?

35.      Wara li ġbart fil-qasir id-dispożizzjonijiet legali dwar il-kunċett ta’ “residenza”, inkompli billi nagħti ħarsa iktar mill-viċin lejn il-kunċett ta’ “soġġorn” fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-każ.

C –    Il-kunċett ta’ “soġġorn” fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004

36.      Għalissa, u sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ċċaratx il-kunċett ta’ “soġġorn” fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004. Għalhekk ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

37.      Skont l-Artikolu 1(k) tar-Regolament Nru 883/2004, “soġġorn” ifisser residenza temporanja.

38.      Id-definizzjoni ta’ “soġġorn” skont l-Artikolu 1(k) tal-verżjoni Ingliża tar-Regolament Nru 883/2004 tirreferi għall-kunċett ta’ “residenza”, għalkemm ikkwalifikata bħala “temporanja”. F’dan is-sens, hija definizzjoni ċirkolari li ma tantx tipprovdi għajnuna. Madankollu, huwa preċiżament b’dan il-mod li d-definizzjoni tenfasizza l-fatt li, kuntrarjament għall-pożizzjoni meħuda mill-Gvern Irlandiż, iż-żewġ kunċetti ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod kompletament separat.

39.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni eżatta tal-kunċett ta’ “soġġorn”, ġew imressqa ċerti opinjonijiet.

40.      Il-Gvern Irlandiż iwissi kontra interpretazzjoni furzata tal-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament Nru 883/2004, u jsostni li l-kelma “temporanja” fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “soġġorn” għandha tingħata s-sens ordinarju tagħha ta’ “tul limitat ta’ żmien, mhux permanenti”. Il-Gvern Irlandiż isostni wkoll, li “soġġorn” ma huwiex abitwali u lanqas permanenti, u li verżjonijiet oħra lingwistiċi tar-Regolament Nru 883/2004 jsostnu l-fehma li soġġorn jimplika żjara lejn Stat Membru ieħor (bħall-verżjoni Franċiża, li tuża l-kelma “séjour”). Min-naħa tagħha, l-HSE ssostni li wieħed mis-sensi ordinarji ta’ “soġġorn” huwa “li tgħix x’imkien temporanjament bħala viżitatur jew mistieden”, u li d-deskrizzjoni ta’ I fis-sens li jissoġġorna fil-Ġermanja fuq bażi temporanja tfarrak din it-tifsira.

41.      Fuq dan il-punt, qabel kollox nosserva li, kif huwa indikat fil-punt 37 hawn fuq, il-kelma “soġġorn” hija ddefinita fil-verżjoni Ingliża tar-Regolament Nru 883/2004 bħala residenza temporanja. Peress li l-kelma “residenza” hija, imbagħad, iddefinita bħala l-post fejn persuna tirresjedi abitwalment, “residenza termporanja” tista’ tiġi interpretata faċilment bħala l-post fejn persuna tirresjedi temporanjament. Għaldaqstant, jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja assimilat b’mod kostanti l-post ta’ “residenza” maċ-ċentru abitwali tal-interessi ta’ persuna, il-post ta’ “soġġorn” jista’ jinftiehem li jfisser iċ-ċentru temporanju tal-interessi ta’ persuna.

42.      Fit-tieni lok, u skont l-istess loġika bħall-argument żviluppat fil-punti 30 u 38 hawn fuq, inqis li teżisti rabta strutturali bejn il-kunċetti ta’ “soġġorn” u ta’ “residenza”, sa fejn soġġorn jippresupponi residenza x’imkien ieħor. Bħala konsegwenza, il-kriterji applikati sabiex jiġi stabbilit post partikolari bħala l-post ta’ residenza ta’ persuna assigurata għandhom jimplikaw l-effett negattiv tal-esklużjoni tal-possibbiltà li dan jista’ jkun l-post ta’ soġġorn.

43.      Fit-tielet lok, u iktar importanti, il-kelma “temporanja” tikkwalifika l-kunċett ta’ “soġġorn”. “Temporanja” ma tfissirx iddefinit, iżda pjuttost mhux permanenti. “Temporanja”, għalhekk, ma timplikax tul ta’ żmien fiss. Għaldaqstant, naqbel mal-Kummissjoni li la l-Artikolu 19 u lanqas l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004 ma jipprovdu għal xi limitazzjoni speċifika fiż-żmien f’dak li jirrigwarda t-tul ta’ żmien tas-soġġorn. Fi kliem ieħor, soġġorn ma jimplikax neċessarjament żjara ta’ tul ta’ żmien iqsar.

44.      Barra minn hekk, anki jekk jingħad, għas-saħħa tal-argument, li l-kelma “séjour” tindika fil-Franċiż żjara iqsar, biżżejjed li wieħed ifakkar li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti ma jippuntawx b’mod inekwivoku fid-direzzjoni ssuġġerita mill-Gvern Irlandiż u mill-HSE (20). Bil-kontra, l-argumenti mressqa mill-Gvern Irlandiż u mill-HSE huma kontradetti b’interpretazzjoni sistematika tar-Regolament Nru 883/2004, kif ser jiġi spjegat fiż-żewġ punti li ġejjin.

45.      Kif osservat ġustament minn I, skont id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 1(va)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 (kif emendat) — dispożizzjoni li tapplika għall-Kapitolu 1 tat-Titolu III, li jinkludi l-Artikoli 19 u 20 ta’ dan ir-regolament — il-kunċett ta’ “benefiċċji in natura”, li għalih jirreferu kemm l-Artikolu 19(1) kif ukoll l-Artikolu 20(1) u (2), ikopri l-benefiċċji in natura ta’ kura fit-tul (21). Għaldaqstant, l-istruttura nfisha tar-Regolament Nru 883/2004 hija bbażata fuq il-preżunzjoni li persuna assigurata tista’ tissoġġorna u tirċievi benefiċċji in natura fi Stat Membru ieħor tul perijodu itwal.

46.      Barra minn hekk, ta’ min wieħed isemmi li, wara r-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, li qabel kien jipprevedi riżerva fl-Artikolu 22(1)(i) bl-effett li “it-tul tal-perijodu taż-żmien li matulu jiġu pprovduti l-benefiċċji għandhom ikunu regolati mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti”, din ir-riżerva la għadha inkluża fl-Artikolu 19 u lanqas fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, fid-dawl tad-definizzjoni l-ġdida ta’ “benefiċċji in natura”, kif prevista fl-Artikolu 1(va)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, tqum id-domanda jekk Stati Membri jistgħux jistabbilixxu limiti unilateralment fuq it-tul ta’ żmien tal-għoti ta’ benefiċċji in natura (22).

47.      Minkejja dan, il-Gvern Irlandiż isostni madankollu li interpretazzjoni teleoloġika tal-kunċett ta’ “soġġorn” tipprekludi l-konklużjoni li I qiegħed biss jissoġġorna fil-Ġermanja. Dan il-gvern isostni li la fil-kuntest tat-Trattati u lanqas taħt ir-Regolament Nru 883/2004, ma hija persuna mogħtija d-dritt li tagħżel is-sistema ta’ sigurtà soċjali li magħha hija affiljata. Fil-fehma tiegħu, l-imsemmi regolament huwa att ta’ koordinazzjoni intiż biex jiżgura li skema waħda biss ta’ sigurtà soċjali tkun applikabbli għal persuna speċifika. Il-Gvern Irlandiż iqis li, f’kuntest fejn I seta’ kellu d-dritt għal kopertura taħt l-iskema Ġermaniża, dritt li fl-istess ħin jibqa’ taħt is-sistema Irlandiża jipperikola l-għan finali tas-sistema. Jekk jirriżulta li I huwa f’“soġġorn” fil-Ġermanja, jista’ jiġi sostnut li, bħala konsegwenza, huwa mhux kopert bis-sistema ta’ sigurtà soċjali Ġermaniża; dak, fil-fehma tal-Gvern Irlandiż, ikun inkonsistenti mal-għan ġenerali tar-Regolament.

48.      Qabel ma nittratta b’mod sħiħ il-pożizzjoni tal-Gvern Irlandiż dwar interpretazzjoni teleoloġika tal-kunċett ta’ “soġġorn”, nixtieq nagħti ftit iktar attenzjoni għall-argument tiegħu li I għandu d-dritt li jingħaqad mal-iskema Ġermaniża ta’ sigurtà soċjali.

49.      Fil-fatt, kemm il-Gvern Irlandiż kif ukoll l-HSE jsostnu li, minkejja l-pożizzjoni tal-High Court li “din is-sitwazzjoni taqa’ pjuttost bejn [l-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament Nru 883/2004]”, ma hemm l-ebda riskju ta’ nuqqas ta’ kontinwità fil-kopertura medika fil-konfront ta’ I. Min-naħa tagħha, l-HSE ssostni li “l-awtoritajiet Ġermaniżi ser ikopru l-ispejjeż ta’ kura ta’ saħħa [ta’ I] jekk huwa kopert bis-sistema tagħhom” u li “sa fejn il-HSE hija konxja, l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti kienu lesti jilqgħu [lil I] taħt is-sistema Ġermaniża għat-trattament tiegħu.” Fid-dawl tal-ewwel osservazzjoni, il-Gvern Irlandiż isostni li “[I] ser jitħalla, jekk jagħmel talba f’dan is-sens, jaffilja ruħu mas-sistema Ġermaniża”, u, minbarra dan, li “[I] huwa intitolat li jiġi ammess għall-benefiċċju tas-sistema Ġermaniża”.

50.      Minbarra l-fatt li l-Gvern Ġermaniż ma kkonferma l-ebda waħda minn dawn l-affermazzjonijiet, il-Gvern Irlandiż u l-HSE għandhom, b’ċertu mod, raġun. Kif ġie indikat iktar ’il fuq, ħadd ma jista’ jkollu diversi residenzi fl-istess waqt għall-finijiet tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Jekk I ma huwiex resident tal-Irlanda, allura jkun jista’ jitqies bħala resident tal-Ġermanja għall-finijiet tar-Regolament Nru 883/2004. Sakemm iċ-ċentru tal-interessi tiegħu jinstab hemm, huwa liberu li japplika mal-istituzzjonijiet Ġermaniżi kompetenti sabiex jaffilja ruħu ma’ skema ta’ sigurtà soċjali fil-Ġermanja, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 987/2009 (23).

51.      Madankollu, dan ovvjament mhux dak li huwa mixtieq minn I, u l-osservazzjonijiet tal-Gvern Irlandiż u tal-HSE donnhom qed jinjoraw deliberatament dan il-punt. L-informazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna preċiżament il-kwistjoni dwar jekk persuna fis-sitwazzjoni ta’ I tistax xorta titqies li sempliċement qed tissoġġorna fl-Istat Membru fejn hija tirċievi trattament u, għalhekk, jekk huwiex l-Istat Membru inizjali ta’ residenza jew l-Istat Membru fejn hija tirċievi trattament li għandu jħallas għat-trattament mediku kontinwu (probabbilment għoli) li persuna bħal I għandha bżonn.

52.      Barra minn hekk, minkejja li l-Gvern Irlandiż jenfasizza ġustament li skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 987/2009, persuna assigurata għandha tikkoopera mal-istituzzjoni kompetenti kkonċernata sabiex din tkun tista’ tiddetermina l-liġi applikabbli għal din il-persuna, dan id-dmir japplika wkoll fis-sens oppost, skont l-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-persuna kkonċernata (24).

53.      Minbarra dan, meta istituzzjoni kompetenti tkun tixtieq tillimita jew tirrifjuta l-benefiċċji dovuti lil persuna taħt il-liġi tagħha minħabba l-fatt li l-persuna stabbiliet ir-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor, jidhirli li — taħt l-Artikolu 3(4) in fine tar-Regolament Nru 987/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament u, b’mod iktar ġenerali, taħt l-Artikolu 20 (25) u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE — tali dmir ta’ kooperazzjoni jeżisti wkoll fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ Stati Membri oħra involuti (26). Dawn l-istituzzjonijiet għandhom jingħataw l-opportunità li jieħdu pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk huma jaqblux mal-konstatazzjoni li l-persuna kkonċernata biddlet ir-residenza, billi tali konklużjoni jkollha riperkussjonijiet finanzjarji fil-konfront tagħhom. Is-soluzzjoni opposta tinvalida l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 987/2009, li huwa intiż preċiżament sabiex isolvi diverġenzi ta’ opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri jew iktar fir-rigward tar-residenza ta’ persuna.

54.      F’dan ir-rigward, ma nistax ma ninnotax li, minbarra xi korrispendenza bilaterali bejn il-HSE u l-Kummissjoni, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda informazzjoni rigward ftehim konkluż bejn l-awtoritajiet Irlandiżi u Ġermaniżi (27). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nistax nara kif l-allegazzjoni li I ma kkooperax mal-istituzzjoni(jiet) kompetenti jkollha bħala effett li teżenta lill-awtoritajiet Irlandiżi mid-dmir korrispettiv tagħhom li jikkooperaw mal-kontropartijiet tagħhom Ġermaniżi (28).

55.      Għalhekk, ma hemmx lok li jiġi żviluppat iktar l-argument mressaq mill-Gvern Irlandiż u mill-HSE dwar ir-rieda tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jaċċettaw lil I fis-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li jerfgħu r-responsabbiltà finanzjarja għat-trattament tiegħu.

56.      Issa, dwar l-għan tar-Regolament Nru 883/2004, kelli l-okkażjoni li niddikjara band’oħra (29) li dan ir-regolament jikkoordina s-sistemi ta’ sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri. Dan ir-regolament huwa intiż sabiex jilħaq l-għan iddefinit fl-Artikolu 48 TFUE billi jipprevjeni l-effetti negattivi li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema jista’ jkollu fuq it-tgawdija, mill-ħaddiema u mill-familji tagħhom, tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (30). Madankollu, skont il-premessa 4 tiegħu (31), ir-Regolament Nru 883/2004 ma joħloqx skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jippermetti li jkun hemm skemi nazzjonali distinti ta’ sigurtà soċjali u l-uniku għan tiegħu huwa li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn l-iskemi. Skont l-Artikolu 11(1), il-persuni li għalihom japplika r-Regolament “għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss”, u din il-leġiżlazzjoni hija stabbilita skont it-Titolu II (32). B’dan il-mod, ir-Regolament iħalli jissussistu skemi distinti li joħolqu obbligi distinti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet distinti li kontra tagħhom il-persuna għandha drittijiet diretti, kemm skont id-dritt nazzjonali waħdu, jew skont id-dritt nazzjonali kkompletat jekk meħtieġ bid-dritt tal-Unjoni (33).

57.      Għaldaqstant, il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni stabbilit bir-Regolament Nru 883/2004 huwa intiż sabiex ikun hemm Stat Membru li jiġi indikat bħala finalment kompetenti għat-talbiet magħmula minn persuni assigurati. Bil-kontra, dan ir-regolament għandu l-għan korollarju li jipprevjeni li persuni assigurati jinvokaw ir-responsabbiltà ta’ Stati Membri oħra fl-assenza ta’ drittijiet diretti f’dan ir-rigward. Minn aspett finanzjarju, ir-Regolament Nru 883/2004 iservi wkoll, minkejja b’mod indirett, sabiex jistabbilixxi limiti għall-prinċipju ta’ solidarjetà finanzjarja bejn l-Istati Membri.

58.      Jidher, għalhekk, li s-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 883/2004 hija tentattiv sabiex tinstab soluzzjoni għat-tensjoni intrinsika bejn, minn naħa, il-bżonn li jiġi ffaċilitat l-għoti ta’ benefiċċji lil persuni assigurati li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u, min-naħa l-oħra, il-bżonn li jiġu protetti l-fondi pubbliċi tal-Istati Membri li ma humiex responsabbli għal dawn il-persuni assigurati taħt il-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fuq il-livell nazzjonali jew fuq il-livell Ewropew.

59.      Għaldaqstant, ma huwiex kompletament korrett li jingħad, kif jagħmel il-Gvern Irlandiż, li r-Regolament Nru 883/2004 ma jagħti lil persuna l-ebda dritt li tagħżel is-sistema ta’ sigurtà soċjali li magħha tixtieq tkun affiljata. Fil-fatt, skont il-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni li dan ir-regolament huwa intiż li jippromwovi, il-post fejn persuna tirresjedi abitwalment huwa, mill-bidu nett, ir-riżultat dirett ta’ għażla essenzjalment personali. Din l-għażla tista’, pereżempju, tkun li tgħix jew taħdem fi Stat Membru ieħor billi tkun assimilata maċ-ċittadini ta’ dan l-Istat; jew li ma tagħmilx hekk.

60.      Bl-istess mod, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza medika mhux prevista, wieħed ma jistax raġonevolment jitkellem dwar “għażla”; lanqas ma jista’ wieħed iqabbel is-sitwazzjoni ta’ persuna mġiegħla toqgħod għal trattament mediku fi Stat Membru ieħor ma’ dik ta’ persuna li kienet f’pożizzjoni li tagħmel dan volontarjament. Fil-fatt, skont id-deċiżjoni tar-rinviju — li hija l-uniku punt ta’ referenza għall-Qorti ta’ Ġustizzja fir-rigward tal-fatti inkwistjoni — ma jistax ikun hemm dubju li I m għandux l-għażla f’dan ir-rigward. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li I kien marid matul 11-il sena bħala riżultat ta’ kundizzjoni medika serja li mmanifestat ruħha għall-ewwel darba meta kien fuq vaganza fil-Ġermanja, u li issa huwa effettivament imġiegħel li fiżikament joqgħod fil-Ġermanja, minħabba l-kundizzjoni medika serja tiegħu u minħabba l-vantaġġ li tirrappreżenta l-kura medika speċjalizzata mogħtija fil-viċinanzi.

61.      Għaldaqstant ma naqbilx mal-Gvern Irlandiż meta jgħid li interpretazzjoni teleoloġika tar-Regolament Nru 883/2204 twassal għall-konklużjoni li persuna li tkun fil-kundizzjoni ta’ I b’xi mod “tagħżel” li tibqa’ fil-Ġermanja u li, għaldaqstant, hija tirrisjedi abitwalment hemmhekk. Fil-fatt, il-fatt li l-HSE ħarġet kontinwament il-formola E 112 għat-trattament tiegħu jgħid ħafna (34). Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni dwar jekk I għandux għażla ta’ fejn jirresjedi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjoni medika attwali tiegħu, li huwa aċċettat li ddeterjorat tul is-snin.

62.      L-argument prinċipali insostenn tal-konklużjoni li I ma għadux sempliċement jissoġġorna fil-Ġermanja għall-finijiet tal-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa li huwa għex hemmhekk għal iktar minn 11-il sena. Fil-fatt, il-Gvern Olandiż, essenzjalment sostnut fuq dan il-punt mill-Gvern Irlandiż u mill-HSE, isostni li perijodu twil mgħoddi fi Stat Membru ieħor huwa ta’ importanza kbira għad-determinazzjoni tar-residenza.

63.      Jiena ma naqbilx. Dik il-perspettiva hija essenzjalment kontradetta bis-sentenza Swaddling (35), iċċitata iktar ’il fuq kif ukoll b’sentenzi oħra simili (36).

64.      Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, il-fatt biss li persuna assigurata tkun issoġġornat fi Stat Membru ieħor sabiex tirċievi trattament mediku għal perijodu li jista’ jiġi deskritt bħala twil (jew saħansitra twil ħafna) ma huwiex, minnu nnifsu, biżżejjed sabiex tiġi stabbilita — jew invalidata — residenza abitwali. Fil-fatt, huwa preċiżament minħabba x-xewqa tal-persuna li tirkupra minn marda u li tirritorna d-dar li tali tul tas-soġġorn ma jimplikax awtomatikament li ċ-ċentru temporanju tal-interessi tagħha jinbidel fiċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħha (37).

65.      Din l-analiżi tidher ikkonfermata permezz tal-Artikolu 25(A)(3) tar-Regolament Nru 987/2009 (38). Ir-raġuni għal din id-dispożizzjoni tidher li tikkonferma li persuna assigurata li għandha bżonn urġenti ta’ trattament mediku waqt soġġorn fi Stat Membru ieħor ma għandhiex tkun imġiegħla tinterrompi dan it-trattament sabiex tmur lura lejn l-Istat Membru ta’ residenza biex tfittex trattament simili jekk dan ikun skonsiljat għal raġunijiet mediċi. Fil-fatt, il-Qorti ta’ Ġustizzja qieset li, anki meta t-trattament meħtieġ minħabba żviluppi fl-istat ta’ saħħa tal-persuna assigurata tul is-soġġorn temporanju tagħha fi Stat Membru ieħor jkun eventwalment marbut ma’ kundizzjoni kronika u għalhekk li tippersisti jew marda fit-tul, dan ma jkunx biżżejjed sabiex jipprekludih milli jirċievi dak it-trattament (39).

66.      Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li jidhirli illoġiku li jingħad li l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 987/2009 jimplika li l-intenzjoni ta’ persuna assigurata hija inqas importanti mill-kriterji oġġettivi elekanti fl-Artikolu 11(1). Jidher li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li l-intenzjoni tal-persuna assigurata hija rilevanti biss meta r-residenza ma tkunx tista’ tiġi stabbilita abbażi tal-kriterji elenkati fl-Artikolu 11(1). Ċertament, l-imsemmi regolament kien intiż sabiex jikkodifika, inter alia, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterji rilevanti bħalma hija r-residenza abitwali. Madankollu, nissottometti li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Swaddling (40) ma tistabbilixxix ġerarkija bejn id-diversi kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u li din is-sentenza ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-intenzjoni, anki meta hija kkorroborata miċ-ċirkustanzi, hija inqas importanti mill-kriterji rilevanti l-oħra. Fil-fatt, iċ-ċentru tal-interessi ta’ persuna għandu jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli relatata mal-fatti rilevanti, hekk kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub.

67.      Fi kwalunkwe każ, kif semmejt fil-punt 32 iktar ’il fuq, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 987/2009 mhux applikabbli b’mod dirett f’dan il-każ. Għalhekk, il-fatt li dan l-artikolu forsi jikklassifika l-intenzjonijiet bħala kriterju inqas importanti ma jaffettwax l-evalwazzjoni rigward il-post taċ-ċentru tal-interessi ta’ I.

68.      Nixtieq niġbed l-attenzjoni ukoll għall-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma hemm xejn fir-Regolament Nru 1408/71 li jissuġġerixxi li benefiċċji ta’ invalidità fi flus jistgħu jitwaqqfu għar-raġuni li r-riċevitur jirresjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih tinstab l-istituzzjoni kompetenti għall-pagament (41). Ma nara l-ebda raġuni biex naħseb mod ieħor fir-rigward tal-għoti ta’ benefiċċji in natura fil-forma ta’ trattament mediku intiżi sabiex iserrħu persuna fis-sitwazzjoni fiżika ta’ I pjuttost minn benefiċċji fi flus (42). Għaldaqstant, jekk Stat Membru lanqas ma għandu d-dritt li jwaqqaf tali benefiċċju meta l-persuna kkonċernata effettivament tirresjedi barra l-pajjiż, huwa iktar u iktar diffiċli li wieħed jaħseb kif dan jista’ jagħmel hekk meta l-kwistjoni ta’ residenza hija kkontestata.

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ittrattati hawn fuq, inqis li huwa impossibbli li tiġi stabbilita regola tad-deheb f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar it-tul ta’ żmien li għandu jgħaddi sabiex “soġġorn” isir “residenza”. Madankollu, għandi nżid li ma għandux ikun possibbli li avveniment legali tant important iseħħ spontanjament u bl-addoċċ. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, kif tirrikonoxxi l-HSE, “l-għan tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ kura tas-saħħa huwa li jiġi ggarantit li ma jkunx hemm nuqqas ta’ kontinwità u li l-persuna ma titħalliex mingħajr fondi għas-sempliċi raġuni li hija tinsab fi Stat Membru ieħor”.

70.      Għaldaqstant, nixtieq nidħol iktar fid-dettall tal-osservazzjonijiet magħmula fil-punti 52 u 53 hawn fuq fir-rigward tad-dmirijiet tal-partijiet involuti: persuna assigurata ma tistax sempliċement tiġi eskluża mis-sistema ta’ sigurtà soċjali li magħha dik il-persuna kienet affiljata mingħajr ma tiġi informata minn qabel. Dak jitlob jew att pożittiv li għandu jsir minn dik il-persuna f’konnessjoni mat-trasferiment ta’ residenza fl-Unjoni Ewropea (l-istituzzjoni ġdida kompetenti għandha tiġi informata b’dan it-trasferiment b’mod konformi mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 987/2009) jew, mill-inqas, ftehim milħuq bejn l-istituzzjonijiet kkonċernati ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, kif previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 987/2009. Tali ftehim għandu jipprovdi lil dik il-persuna bl-opportunità li tikkontesta din il-fehma fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil (bħalma huwa l-każ hawnhekk), b’mod konformi mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 987/2009.

71.      Sabiex nikkonkludi, inqis li l-kunċett ta’ “soġġorn”, kif previst fir-Regolament Nru 883/2004 (b’mod partikolari, fl-Artikoli 1(k), 19 u 20) għandu jinftiehem fis-sens taċ-ċentru temporanju tal-interessi ta’ persuna. Is-soġġorn imġiegħel fi Stat Membru għal raġunijiet mediċi — anki jekk għal perjodu twil ta’ żmien — ma jwassalx minnu nnifsu għall-konsegwenza li l-post ta’ trattament, li sa issa kien iċ-ċentru temporanju tal-interessi tal-persuna, isir awtomatikament il-post ta’ residenza abitwali għall-finijiet tal-imsemmi regolament.

72.      Kif il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jaqblu, hija f’kull każ il-High Court li għandha tapplika d-dritt għall-fatti u li għandha tistabbilixxi l-post ta’ residenza ta’ I abbażi ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk I jibqax imġiegħel, għal raġunijiet mediċi, li jissoġġorna fil-Ġermanja sabiex jirċievi t-trattament mediku meħtieġ. Nieħu nota tal-fatt li, minkejja li bosta ċirkustanzi jissuġġerixxu mod ieħor, il-qorti tar-rinviju tqis b’mod preliminari li għandha tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preliminari.

IV – Konklużjoni

73.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda magħmula mill-High Court (l-Irlanda):

L-Artikolu 1(k) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat, għall-finijiet tal-Artikoli 19 u 20 tiegħu, fis-sens li s-soġġorn imġiegħel ta’ persuna assigurata għal perijodu ta’ iktar minn 11-il sena fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza minħabba kundizzjoni medika serja li mmanifestat ruħha għall-ewwel darba meta din il-persuna kienet qiegħda vaganza f’dan l-Istat Membru u meta din il-persuna ġiet effettivament imġiegħla, minħabba l-kundizzjoni medika serja tagħha u l-viċinanza tal-kura medika speċjalizzata, li tibqa’ fiżikament f’dan l-Istat Membru għal dan il-perijodu, ma jwassalx minnu nnifsu għall-konsegwenza li l-persuna ma tkunx tista’ tibqa’ titqies li qiegħda sempliċement tissoġġorna f’dan l-Istat Membru ta’ trattament. Hija l-High Court li għandha tistabbilixxi l-post ta’ residenza ta’ din il-persuna abbażi ta’ evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk I jibqax imġiegħel, għal raġunijiet mediċi, li jissoġġorna fl-Istat Membru sabiex jirċievi t-trattament mediku meħtieġ.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), kif emendat.


3 – Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 284, p. 43), bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1244/2010, tad-9 ta’ Diċembru 2010 (ĠU L 338, p. 35), u bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012 (ĠU L 149, p. 4).


4 – L-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 883/2004 ħassar ir-Regolament Nru 1408/71 b’effett mid-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2010).


5 – Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1).


6 – Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jingħad ukoll li I kellu attakk ta’ qalb fix-xahar ta’ Marzu 1998.


7 – Kif indikat mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 883/2004, din l-allowance, li hija elenkata fl-Anness X tal-istess regolament, għandha tingħata esklużivament fl-Istat Membru li fih tirresjedi l-persuna kkonċernata, b’mod konformi mal-liġi u mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.


8 – Madankollu, jidher li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li I ma kienx irċieva dik il-formola qabel ma telaq għal vaganza fis-Sajf tal-2002.


9 – Madankollu, jidher ukoll mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja li rappreżentanti tal-HSE huma tal-fehma li tali trattament huwa effettivament disponibbli fl-Irlanda (are, inter alia, posta elettronika tad-19 ta’ Settembru 2011 bejn il-HSE u I). Dan ġie kkonfermat fis-seduta.


10 – Ara, madankollu, il-punt 46 iktar ’il quddiem, u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 39 u 41.


11 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 1977, Di Paolo vs Uffiċċju nazzjonali tal-impjieg (76/76, Ġabra p. 315, punti 17 u 19); ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1992, Knoch vs Bundesanstalt für Arbeit (C‑102/91, Ġabra p. I‑4341, punti 21 u 22).


12 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Wencel vs Zakład Ubezpieczeń Społecznych w Białymstoku (C‑589/10, punti 48 u 51).


13 – Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Swaddling vs Adjudication Officer (C‑90/97, Ġabra p. I‑1075, punt 29).


14 – Il-premessa 12 hija fformulata kif ġej: “Bosta miżuri u proċeduri maħsuba f’dan ir-Regolament għandhom l-għan li jkun hemm aktar trasparenza tal-kriterji li l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri jridu japplikaw fil-qafas tar-[Regolament (KE) Nru 883/2004]. Dawn il-miżuri u proċeduri huma r-riżultat tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni amministrattiva kif ukoll tal-esperjenza ta’ aktar minn tletin sena ta’ applikazzjoni tal-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali fil-qafas tal-libertajiet fundamentali speċifikati mit-Trattat”. Ara wkoll is-sentenza Wencel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50.


15 – Dan jirriżulta mill-użu tal-espressjoni “[...] li jistgħu jinkludu fejn ikun il-każ”, fil-kliem tal-Artikolu 11(1) ta’ Regolament Nru 987/2009, kif ukoll l-użu tat-terminu “partikolarment” mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Swaddling.


16 – Ara s-sentenza Swaddling, punt 30.


17 – Ara l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004.


18 – Il-kawża Swaddling, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tirrigwarda ċittadin tar-Renju Unit, li kien ħadem fi Franza għal madwar 13-il sena, interrotti b’perijodu ta’ sitt xhur fir-Renju Unit, u wara liema mar lura fir-Renju Unit u applika, fl-istess xahar, għal appoġġ għall-introjtu (“income support”). Ma kienx hemm dubju dwar l-intenzjoni ta’ Swaddling li jirresjedi fir-Renju Unit, iżda r-rekwiżit ta’ perijodu kunsiderevoli ta’ residenza qabel ma applika għal appoġġ għall-introjtu kien is-suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil (ara l-punt 27 tas-sentenza). Fis-sentenza Knoch, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tikkonċerna rifjut tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jagħtu allowance tal-qgħad, Knoch għexet u, fil-biċċa l-kbira, ħadmet fir-Renju Unit għal perijodu ta’ ftit iktar minn sentejn, liema perijodu kien interrott biss b’vaganzi qosra fis-sajf fil-Ġermanja. Il-Kawża Stewart (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart vs Secretary of State for Work and Pensions, C‑503/09, Ġabra p. I‑6497) kienet tirrigwarda r-rifjut li jingħata benefiċċju għall-inkapaċità fiż-żgħażagħ, lil ċittadina tar-Renju Unit li kellha s-sindroma Down li kienet għexet għal madwar 11-il sena fi Spanja, fost l-oħrajn minħabba r-residenza abitwali tagħha hemmhekk (u dan ma ġiex ikkontestat). Għalhekk dawn il-kawżi jikkonċernaw il-kisba, iktar milli ż-żamma, ta’ benefiċċju.


19 – Min-naħa l-oħra, dan il-każ ċertament iqajjem ukoll il-kwistjoni dwar mil-liema mument persuna assigurata ma tkunx biss tissoġġorna fi Stat Membru ieħor. Fil-Kawża Keller (sentenza tat-12 ta’ April 2003, Héritiers d’Annette Keller vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Instituto Nacional de Gestión Sanitaria (Ingesa), C‑145/03, Ġabra p. I‑2529), iċċitata mill-qorti tar-rinviju, is-soġġorn barra mill-pajjiż ta’ Keller, li matulu rċeviet trattament urġenti għal tumur malinn li kienet tbati minnu, jidher li dam mhux iktar minn 8 xhur.


20 – Fil-fatt, ħarsa ta’ malajr lejn it-traduzzjonijiet differenti tal-kelma “soġġorn” f’xi wħud mil-lingwi uffiċjali l-oħra (DE: “Aufenthalt”; DK: “ophold”; ES: “estancia”; FI: “oleskelulla”; IT: “dimora”; PT: “estada”; NL: “verblijfplaats”; RO: “ședere”; SV: “vistelse”) ma tindikax b’mod deċiżiv li din il-kelma timplika tul ta’ żmien iqsar.


21 – Din id-dispożizzjoni hija miktuba kif ġej: “‘Benefiċċji in natura’tfisser: […] għall-finijiet tat-Titolu III, Kapitolu I (benefiċċji marbutin mal-mard, benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità), il-benefiċċji in natura previsti taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li huma maħsuba biex jiġu fornuti, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, iħallsu direttament jew iħallsu lura l-ispejjeż għall-kura medika u prodotti u servizzi anċillari għal dik il-kura. Dan jinkudi benefiċċji in natura ta’ kura għal perijodu fit-tul.” (enfasi miżjuda). Din id-definizzjoni ġiet miżjuda bir-Regolament Nru 988/2009. Ir-raġuni għal din l-emenda ma tidhirx, madankollu, mill-premessi ta’ dan ir-regolament jew mit-travaux préparatoires tiegħu.


22 – Għalhekk, nifhem il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Keller, punt 51, li l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jillimitaw il-validità tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-istituzzjoni kompetenti tar-residenza, bħala waħda li tirreferi biss għall-perijodu li fih persuna assigurata tkun tista’ tinvoka tali awtorizzazzjoni sabiex tirċievi benefiċċji in natura mill-Istat Membru tas-soġġorn, u mhux fis-sens li hija marbuta mat-tul ta’ żmien attwali tagħhom.


23 – Dik id-dispożizzjoni tistipula li “[p]ersuni li għalihom japplika [Regolament Nru 883/2004] għandhom jgħaddu lill-istituzzjoni relevanti l-informazzjoni, dokumenti jew provi in sostenn meħtieġa sabiex jistabbilixxu is-sitwazzjoni tagħhom jew dik tal-familji tagħhom, sabiex jistabbilixxu jew iżommu id-drittijiet u obligazzjonijiet tagħhom u sabiex tkun determinata il-liġi applikabbli u l-obbligazzjonijiet tagħhom taħtha.”


24 – Skont din id-dispożizzjoni, “[S]a fejn ikun meħtieġ għall-applikazzjoni tar-[Regolament Nru 883/2004] u r-[Regolament Nru 987/2009], l-istituzzjonijiet relevanti għandhom jibagħtu l-informazzjoni u joħorġu d-dokumenti lill-persuni kkonċernati mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fil-limitu ta’ żmien stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat. L-istituzzjoni relevanti għandha tinnotifika lill-applikant li jirrisjedi jew li jkun fuq żjara fi Stat Membru ieħor bid-deċiżjoni tagħha direttament jew permezz tal-korp ta’ kollegament tal-Istat Membru ta’ residenza jew ta’ żjara. Meta tiċħad li tagħti l-benefiċċji, hija għandha tindika wkoll ir-raġunijiet li wasslu għaċ-ċaħda, ir-rimedji u l-perijodi permessi għall-appelli. Kopja ta’ din id-deċiżjoni għandha tintbagħat lill-istituzzjonijiet l-oħrajn involuti.”


25 – It-titolu ta’ din id-dispożizzjoni huwa “Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet”.


26 – Ara, fir-rigward ta’ sitwazzjoni analoga għal din, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2003, Idryma Koinonikon Asfaliseon (IKA) vs Ioannidis (C‑326/00, Ġabra p. I‑1703, punti 51 u 52). Din il-kawża kienet tikkonċerna pensjonant residenti fil-Greċja li kien ibati minn marda kronika tal-qalb. Waqt li kien jissoġġorna fil-Ġermanja, dan il-pensjonant, li kien irċieva minn qabel formola E 111 (li l-validità tagħha kienet limitata għal perjodu ta’ madwar xahar u nofs), kellu jirċievi trattament mediku. L-istituzzjoni Ġermaniża tal-post tas-soġġorn talbet lill-istituzzjoni Griega sabiex toħroġ formola E 112, li ġiet irrifjutata.


27 – Il-proċess nazzjonali jinkludi, madankollu, xi indikazzjoniet ta’ komunikazzjoni bejn l-HSE u l-istituzzjoni kompetenti Ġermaniża. Jidher, fil-fatt, li l-HSE kienet f’kuntatt mad-Deutsche Verbindungsstelle Krankenversicherung — Ausland (Assigurazzjoni għall-mard tal-organu ta’ konnessjoni Ġermaniż — Barra mill-Pajjiż), fost oħrajn, fi jew madwar l-14 ta’ Settembru 2011, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ sostituzzjoni, għal I, tal-formola E 112 bil-formola E 106 (illum formola S1), iżda mingħajr riżultat.


28 – Fis-seduta, il-Gvern Irlandiż iddikjara li l-proċedura prevista taħt l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 987/2009 ma ġietx applikata għaliex ma kienx hemm “diverġenzi ta’ opinjonijiet” bejn il-HSE u l-istituzzjoni kompetenti Ġermaniża. Madankollu, ma nistax nara kif dan ikollu effett fuq id-dmir ta’ kooperazzjoni tal-istituzzjoni kompententi tal-Istat Membru ta’ residenza meta, minkejja li ma ttieħdet l-ebda opinjoni mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor, l-ewwel Stat Membru waqqaf il-kopertura minħabba t-trasferiment ta’ residenza, fil-fehma tiegħu, lejn l-Istat Membru l-ieħor. Fir-rigward tad-dmir ta’ I li jikkoopera mal-HSE, l-avukat li kien jirrapreżentah iddikjara li huwa kien offra li jissottometti ruħu għal eżami mediku minn tabib maħtur mill-HSE, sakemm dan l-eżami jsir fil-Ġermanja, minħabba l-kundizzjoni tiegħu.


29 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Pensionsversicherungsanstalt vs Brey (C‑140/12).


30 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Brey, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51.


31 – Il-premessa 4 tipprovdi li “[h]uwa neċessarju li l-karatteristiċi speċjali ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali jkunu rispettati u li tkun ippreparata biss sistema ta’ kordinazzjoni.”


32 – Ara wkoll il-premessa 15 tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprovdi li “[s]abiex tkun evitata sitwazzjoni fejn ikun hemm overlapping fid-disposizzjonijiet ta’ leġislazzjoni nazzjonali li japplikaw għal sitwazzjoni waħda u sabiex ikunu evitati l-komplikazzjonijiet li jinqalgħu f’sitwazzjoni bħal din, huwa meħtieġ li persuni li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità jkunu suġġetti għal skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss”.


33 – Ara s-sentenza Brey, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43.


34 – Kif il-Kummissjoni affermat fis-seduta, il-fatt li dawn il-formoli setgħu nħarġu għal raġunijiet ta’ kompassjoni, kif jallega l-Gvern Irlandiż, ma jneħħi xejn mill-fatt li effettivament inħarġu, bil-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn dan.


35 – Iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq.


36 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Knoch, iċċitata iktar ’il fuq, punti 26 u 27, u l-ġurisprudenza ċċitata, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 71(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 (li kien jikkoordina l-għoti ta’ benefiċċji tal-qgħad) li, fir-rigward tal-kunċett ta’ residenza li hemm riferiment għalih f’din id-dispożizzjoni, “ma hemmx definizzjoni preċiża tal-kriterju tat-tul tal-assenza u […] dan ma huwiex kriterju esklużiv” u, barra minn hekk, li “l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament Nru 1408/71 ma tiffissa terminu li lil hinn minnu l-Artikolu 71(1)(b)(ii) ma jibqax jiġi applikat”.


37 – Skont l-informazzjoni fil-proċess nazzjonali mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li I pprova jippatrija ruħu lejn l-Irlanda u, għal dan l-għan, fittex, fost l-oħrajn, l-assistenza tal-HSE, iżda mingħajr suċċess. L-avukat ta’ I semma dan ukoll fis-seduta; l-HSE ma ressqet l-ebda argument f’dan ir-rigward.


38 – L-Artikolu 25(A)(3) huwa fformulat kif ġej: [I]l-benefiċċji in natura msemmija fl-Artikolu 19(1) tar-[Regolament Nru 883/2004] għandhom jirriferu għall-benefiċċji in natura li jkunu provduti fl-Istat Membru taż-żjara, konformement mal-leġislazzjoni tiegħu, u li jsiru meħtieġa fuq bażi medika bil-ħsieb li jiġi prevenut li persuna assigurata tiġi sfurzata li tirritorna, qabel it-tmiem tat-terminu taż-żjara ppjanata, fl-Istat Membru kompetenti biex tikseb il-kura li teħtieġ.”


39 – Ara s-sentenza IKA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41. Huwa minnu li din is-sentenza kienet tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ pensjonant, irregolata, dak iż-żmien, mid-dispożizzjoni speċifika prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1408/71 u mhux mill-Artikolu 22. Jibqa’ l-fatt li skont ir-Regolament Nru 883/2004, jidher li s-soġġorn ta’ pensjonanti fi Stat Membru ieħor għajr dak tar-residenza għandu, b’mod ġenerali, jiġi assimilat għas-sitwazzjonijiet koperti mir-regoli applikabbli għal persuni assigurati oħra; ara l-Artikolu 27(1), (2) u (3) ta’ dan l-aħħar regolament. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ġaladarba formola E 112 tkun inħarġet taħt l-Artikolu 22(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 għall-għoti ta’ benefiċċji in natura barra mill-pajjiż – kif hija s-sitwazzjoni ta’ I – dawn il-benefiċċji “ikopru kull trattament li jista’ jkun effettiv għall-marda jew għall-kundizzjoni li minnha tbati il-persuna kkonċernata”; ara s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 1978, Bestuur van het algemeen Ziekenfonds Drenthe-Platteland vs Pierik, (117/77, Ġabra p. 825, punt 15, enfasi miżjuda).


40 – Iċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq.


41 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1991, Newton vs Chief Adjudication Officer (C‑356/89, Ġabra p.I‑3017, punt 21). Ara wkoll is-sentenza Stewart, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx distinzjoni bejn l-akkwist u ż-żamma tad-dritt għal tali benefiċċji. Din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 u mhux l-Artikolu 10a [illum l-Artikolu 70(4) ta’ Regolament Nru 883/2004] dwar benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus, u li n-natura esportabbli tagħhom hija ċertament limitata.


42 – Nista’ nżid li I jirċievi benefiċċju fi flus ta’ natura mhux esportabbli mill-Irlanda (allowance għad-diżabbiltà) li jidher li jsegwi għan simili.