Language of document : ECLI:EU:C:2016:865

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl-10 ta’ Novembru 2016 (1)

Kawża C‑528/15

Policie ČR, Krajské ředitelství policie Ústeckého kraje, odbor cizinecké policie

vs

Salah Al Chodor,

Ajlin Al Chodor,

Ajvar Al Chodor

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema, ir-Repubblika Ċeka)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari –Kriterji u mekkaniżmi sabiex ikun iddeterminat liema huwa l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin III) – Artikolu 28(2) – Detenzjoni għall-finijiet ta’ trasferiment – Artikolu 2(n) – Riskju sinjifikattiv ta’ ħarba – Kriterji oġġettivi ddefiniti mil-liġi – Assenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi dawn il-kriterji”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz tad-domanda preliminari tagħha, in-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema, ir-Repubblika Ċeka) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”) li jiddelimitaw il-possibbiltà tal-Istati Membri li jżommu f’detenzjoni lil applikant għal protezzjoni internazzjonali (3) (iktar ’il quddiem “applikant”) sakemm ikun qed jistenna t-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu.

2.        Skont l-Artikolu 28(2) ta’ dan ir-regolament, it-twettiq ta’ din il-possibbiltà huwa suġġett, b’mod partikolari, għall-eżistenza ta’ “riskju sinifikanti li l-persuna [kkonċernata] taħrab”. L-Artikolu 2(n), tal-istess regolament, li jiddefinixxi “riskju ta’ ħarba”, jistabbilixxi li dan ir-riskju għandu jiġi evalwat, f’kull każ individwali, fuq il-bażi ta’ “kriterji objettivi ddefiniti mil-liġi”.

3.        Fiż-żmien meta seħħew il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni Ċeka kienet għadha ma stabbilixxietx dawn il-kriterji, għalkemm kienet ġiet ippreżentata emenda leġiżlattiva maħsuba sabiex tintroduċihom. Skont il-Gvern Ċek, din l-emenda ġiet adottata minn dak iż-żmien.

4.        F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk ir-rekwiżit ta’ definizzjoni “mil-liġi” tal-kriterji oġġettivi li jippermettu li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba, kif stabbilit fl-Artikolu 2(n), tar-Regolament Dublin III, jirrikjedix l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni jew jistax jiġi ssodisfatt meta dawn il-kriterji jirriżultaw mill-ġurisprudenza ta’ qrati superjuri u/jew mill-prattika amministrattiva stabbilita ta’ Stat Membru.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-KEDB

5.        L-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi li:

“Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi:

[…]

f)      l-arrest jew id-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew ta’ persuna li kontra tagħha tkun qed issir kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni.”

6.        L-Artikolu 53 tal-KEDB jiddikjara li, “[x]ejn mill-kontenut ta’ [din il-konvenzjoni] ma għandu jiġi interpretat bħala limitazzjoni jew deroga minn kwalunkwe dritt tal-bniedem u libertajiet fondamentali li jistgħu jiġu ggarantiti skont il-liġijiet ta’ kwalunkwe Parti Għolja Kontraenti jew kwalunkwe ftehim ieħor li hi tkun parti fih”.

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta

7.        Skont l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), “[k]ull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”.

8.        L-Artikolu 52 tal-Karta jipprevedi:

“1.      Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]

3.      Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[…]”

2.      Ir-Regolament Dublin III

9.        Skont il-premessa 20 tar-Regolament Dublin III:

“Id-detenzjoni ta’ applikanti għandha tiġi applikata skont il-prinċipju bażiku li persuni m’għandhomx jiġu detenuti fuq il-bażi unika li huma qiegħdin ifittxu l-protezzjoni internazzjonali. Id-detenzjoni għandha tkun għal perjodu qasir kemm jista’ jkun, u soġġetta għall-prinċipji tan-neċċessità u l-proporzjonalità. B’mod partikolari, id-detenzjoni ta’ applikanti għandha tkun skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Il-proċeduri previsti minn dan ir-Regolament fir-rigward ta’ persuna detenuta għandhom jiġu applikati bħala kwistjoni ta’ prijorità, fl-iqsar skadenzi possibbli. Fir-rigward tal-garanziji ġenerali li jirregolaw id-detenzjoni, kif ukoll il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni, fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33/UE ukoll għal persuni detenuti abbażi ta’ dan ir-Regolament.”

10.      L-Artikolu 2(n), ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi r-“riskju ta’ ħarba” bħala, “l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali, li huma bbażati fuq kriterji objettivi ddefiniti mil-liġi, biex wieħed jaħseb li applikant jew ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna mingħajr Stat li huwa soġġett għal proċedura ta’ trasferiment jista’ jaħrab”.

11.      L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri ma’ għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija soġġetta għall-proċedura stabbilita b’dan ir-Regolament.

2.      Meta jkun hemm riskju sinifikanti li l-persuna taħrab, l-Istati Membri jistgħu jżommu lill-persuna kkonċernata taħt detenzjoni sabiex jiżguraw proċeduri ta’ trasferiment skont dan ir-Regolament, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali u biss sa fejn id-detenzjoni tkun proporzjonali, jekk ma jkunux jistgħu jiġu applikati effettivament miżuri alternattivi oħra inqas koerżivi.

[…]”

3.      Id-Direttiva 2013/33

12.      Il-premessa 15 tad-Direttiva 2013/33/UE (4) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-akkoljenza”) tistabbilixxi:

“Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tkun applikata skont il-prinċipju sottostanti li persuna m’għandiex tinżamm f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija qed tfittex protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari skont l-obbligi legali internazzjonali tal-Istati Membri, u skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. L-applikanti jistgħu jiġu detenuti biss taħt ċirkostanzi eċċezzjonali definiti b’mod ċar stipulati fid-Direttiva u soġġetti għall-prinċipju ta’ neċessità u proporzjonalità fir-rigward kemm tal-manjiera kif ukoll tal-iskop ta’ tali detenzjoni. Meta applikant jinżamm detenut huwa jew hija għandhom ikollhom aċċess effettiv għall-garanziji proċedurali neċessarji bħar-rimedju ġudizzjarju quddiem awtorità ġudizzjarja nazzjonali.”

13.      Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali.

2.      Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.      Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

[…]

(f)      skont l-Artikolu 28 tar-Regolament [Dublin III]

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.”

C –    Id-dritt Ċek

14.      L-Artikolu 129(1) tal-Liġi Nru 326/1999 dwar ir-residenza ta’ barranin fit-territorju tar-Repubblika Ċeka u li temenda liġijiet oħra dwar ir-residenza ta’ barranin (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar ir-residenza ta’ barranin”) jipprevedi li “[l-]pulizija żżomm f’detenzjoni, għal perijodu strettament neċessarju, il-barrani li jkun daħal jew li jkun baqa’ illegalment fit-territorju, sabiex dan jintbagħat lura bl-applikazzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż ma’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea qabel it-13 ta’ Jannar 2009, jew bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali applikabbli direttament tal-Komunitajiet Ewropej”.

15.      Fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, kienet tapplika proċedura leġiżlattiva bil-għan li temenda l-Artikolu 129 tal-liġi dwar ir-residenza ta’ barranin, biż-żieda ta’ paragrafu 4, ifformulat kif ġej:

“Il-pulizija tiddeċiedi li barrani jinżamm f’detenzjoni sabiex dan jintbagħat lura fl-Istat marbut b’dispożizzjoni direttament applikabbli tal-Unjoni biss jekk jeżisti riskju sinjifikattiv ta’ ħarba. Riskju sinjifikattiv ta’ ħarba tfisser b’mod partikolari l-fatt li l-barrani jkun baqa’ illegalment fit-territorju, preċedentement ikun diġà evita li jintbagħat lura lejn l-Istat marbut b’dispożizzjoni direttament applikabbli tal-Unjoni, jew li jkun ipprova jaħrab jew li jkun esprima l-intenzjoni li ma josservax deċiżjoni definittiva ta’ trasferiment lejn l-Istat marbut b’dispożizzjoni direttament applikabbli tal-Unjoni, jew jekk din l-intenzjoni tirriżulta b’mod ċar mill-aġir tiegħu. B’riskju sinjifikattiv ta’ ħarba wieħed jifhem ukoll il-fatt li l-barrani li ser jintbagħat lura lejn l-Istat marbut b’dispożizzjoni applikabbli direttament tal-Unjoni u direttament fil-viċinanza tar-Repubblika Ċeka, ma jkunx jista’ jivvjaġġa waħdu legalment lejn dan l-Istat u ma jistax jipprovdi indirizz ta’ residenza fit-territorju.”

16.      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, il-leġiżlatur Ċek kien adotta din l-emenda fil-11 ta’ Novembru 2015. Matul is-seduta, il-Gvern Ċek ikkonferma l-adozzjoni ta’ din l-emenda.

III – It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Salah Al Chodor, kif ukoll iż-żewġ uliedu Ajlin u Ajvar Al Chodor (iktar ’il quddiem “Al Chodor”), ċittadini Iraqini, kienu suġġetti għal kontroll tal-pulizija fir-Repubblika Ċeka fis-7 ta’ Mejju 2015. Minħabba li dawn ma ppreżentaw l-ebda dokument ta’ identifikazzjoni, il-Policie České republiky, Krajské ředitelství Ústeckého kraje, odbor cizinecké policie (pulizija tar-Repubblika Ċeka, direttorat reġjonali ta’ Ústí nad Labem, dipartiment tal-pulizija tal-barranin, iktar ’il quddiem il-“pulizija tal-barranin”) fetħet proċedura amministrattiva kontrihom.

18.      Meta ġew interrogati mill-pulizija tal-barranin, Al Chodor iddikjaraw li huma kienu ta’ oriġini Kurda u li r-raħal tagħhom kienu invadewh il-ġellieda tal-organizzazzjoni terrorista “Stat Iżlamiku”. Al Chodor waslu fil-Greċja wara li għaddew mit-Turkija, minn fejn huma komplew il-vjaġġ tagħhom permezz ta’ trakk. Fl-Ungerija, il-pulizija arrestathom u ħadet il-marki tas-swaba’ tagħhom. Salah Al Chodor iddikjara li huwa kien iffirma xi dokumenti f’dak il-mument. Il-jum ta’ wara, Al Chodor ittieħdu fi stazzjon tal-ferrovija u twasslu f’kamp tar-refuġjati. Huma kienu ħallew dan il-kamp wara jumejn bl-intenzjoni li jingħaqdu ma’ membri tal-familja tagħhom fil-Ġermanja.

19.      Wara li arrestaw lil Al Chodor fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, il-pulizija tal-barranin ikkonsultaw mad-database Eurodac u nnotaw li huma kienu applikaw għall-ażil fl-Ungerija. Għaldaqstant, il-persuni kkonċernati ma kellhomx la permess residenza u lanqas dokumenti tal-ivvjaġġar. Ir-residenza tagħhom fir-Repubblika Ċeka ma setgħetx tiġi żgurata mill-mezzi finanzjarji tagħhom jew minn persuna ta’ kuntatt li setgħet tgħinhom f’dan ir-rigward.

20.      Il-pulizija tal-barranin qiesu li, minħabba li Al Chodor kienu telqu mill-kamp ta’ refuġjati fl-Ungerija mingħajr ma stennew li jirċievu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom, li huma kienu jafu li r-residenza tagħhom kienet illegali, u li huma kienu ddikjaraw l-intenzjoni li jkomplu l-vjaġġ tagħhom lejn il-Ġermanja, kien jeżisti riskju sinjifikattiv li dawn tal-aħħar setgħu jaħarbu. Abbażi ta’ dan il-fatt, u abbażi tal-fatt li ma setgħet tiġi applikata l-ebda miżura inqas koerċittiva fil-konfront tagħhom, fit-8 ta’ Mejju 2015, il-pulizija tal-barranin żammet lill-persuni kkonċernati f’detenzjoni, għal perijodu ta’ 30 jum, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 129(1) tal-liġi dwar ir-residenza ta’ barranin, moqri flimkien mal-Artikolu 28 tar-Regolament Dublin III. Fit-tmiem din id-detenzjoni, Al Chodor kellhom jiġu ttrasferiti lejn l-Ungerija, minħabba li dan l-Istat Membru kien responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III.

21.      Il-Krajský soud d’Ústí nad Labem (qorti reġjonali ta’ Ústí nad Labem, ir-Repubblika Ċeka), adita b’rikors ippreżentat minn Al Chodor kontra din id-deċiżjoni, annullat din id-deċiżjoni. Din il-qorti qieset li, fl-assenza ta’ definizzjoni mil-leġiżlazzjoni Ċeka ta’ kriterji oġġettivi li jippermettu l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ ħarba kif meħtieġ fl-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III, l-Artikolu 28(2) ta’ dan ir-regolament ma jippermettix id-detenzjoni tal-applikanti fir-Repubblika Ċeka. Il-qorti msemmija b’hekk allinjat ruħha skont l-approċċ segwit mill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja) (5) u l-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) (6).

22.      Al Chodor inħelsu mill-ewwel wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-pulizija tal-barranin. Wara dan, huma telqu mir-Repubblika Ċeka lejn destinazzjoni mhux magħrufa.

23.      Il-pulizija tal-barranin ippreżentaw appell fil-kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema) kontra d-deċiżjoni tal-Krajský soud d’Ústí nad Labem (qorti reġjonali ta’ Ústí nad Labem). Skont il-pulizija tal-barranin, l-assenza biss ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jiddefinixxu l-kriterji oġġettivi tar-riskju ta’ ħarba ma jwassalx għall-assenza ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Dublin III.

24.      Il-qorti tar-rinviju tfittex, għaldaqstant, li ssir taf jekk l-Artikolu 28(2), moqri flimkien mal-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III, u/jew l-Artikolu 129(1) tal-liġi dwar ir-residenza tal-barranin, jikkostitwixxu bażi ġuridika biżżejjed, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fl-assenza ta’ kriterji oġġettivi li jippermettu l-evalwazzjoni tal-preżenza ta’ riskju ta’ ħarba. Din tistaqsi jekk ir-rikonoxximent ta’ dawn il-kriterji mill-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati superjuri, u saħansitra mill-prattika amministrattiva, jissodisfax ir-rekwiżit ta’ definizzjoni “mil-liġi” fis-sens tal-Artikolu 2(n) ta’ dan ir-regolament.

25.      F’dan ir-rigward, din il-qorti tirreferi għall-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ riskju sinjifikattiv ta’ ħarba, hekk kif jirriżulta minn diversi sentenzi tagħha. Skont waħda minn dawn, ksur preċedenti tad-dritt ta’ Stat Membru flimkien ma’ ksur tad-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxi kriterju oġġettiv li jippermetti l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali riskju (7). F’sentenza oħra, din il-qorti aċċettat kriterji oħra, fosthom id-dħul tal-persuna kkonċernata fiż-żona Schengen mingħajr awtorizzazzjoni ta’ residenza, flimkien ma’ dikjarazzjonijiet kontradittorji dwar id-dħul tagħha fir-Repubblika Ċeka, u assenza ta’ kredibbiltà ġenerali (8). Żewġ sentenzi oħra rrikonoxxew bħala kriterji oġġettivi d-dħul jew ir-residenza irregolari fit-territorju tar-Repubblika Ċeka (9). Oħra sostniet l-assenza ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni (10).

26.      Barra minn hekk, din il-qorti tinnota li l-prattika tal-pulizija tal-barranin fil-kuntest ta’ detenzjoni ta’ applikanti fis-sens tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Dublin III hija prevedibbli, nieqsa minn elementi arbitrarji u konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali hekk kif interpretata mill-ġurisprudenza stabbilita tagħha. Barra minn dan, kull każ huwa suġġett għal evalwazzjoni individwali.

27.      Il-qorti tar-rinviju żżid li l-leġiżlatur Ċek kellu l-għan li jikkodifika din il-ġurisprudenza, bl-emenda tal-liġi dwar ir-residenza ta’ barranin sabiex tiġi introdotta lista ta’ kriterji oġġettivi li jippermettu l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ ħarba.

28.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Is-sempliċi fatt li l-[leġiżlazzjoni] ma ddefinixxietx il-kriterji oġġettivi għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ riskju sinjifikattiv li persuna barranija taħrab [fis-sens tal-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III] iwassal għall-inapplikabbiltà tal-istrument tad-detenzjoni fis-sens tal-Artikolu 28(2) [ta’ dan ir-]regolament?”

29.      Il-pulizija tal-barranin, il-Gvern Ċek, dak Grieg, u dak tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-gvern Ċek u dak tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, ġew irrappreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Lulju 2016.

IV – Analiżi

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

30.      Il-kuntest fattwali ta’ din il-kawża huwa simbolu ta’ dan il-fenomenu, osservat l-iktar f’dawn l-aħħar snin, ta’ “movimenti sekondarji” li permezz tagħhom diversi applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jiċċaqalqu mill-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħhom skont il-kriterji previsti mir-Regolament Dublin III (11) (jiġifieri, ta’ sikwit, l-Istat Membru tal-ewwel dħul tagħhom (12)) lejn Stati Membri oħra fejn huma jixtiequ japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali u jistabbilixxu ruħhom (13).

31.      Quddiem dawn il-migrazzjonijiet, l-Istat Membru li l-applikant ikun jinstab fit-territorju tiegħu jista’ jitlob it-teħid (jew it-teħid lura) tar-responsabbiltà mill-applikant mill-Istat Membru li huwa jqis responsabbli skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III (14). Jekk l-Istat Membru mitlub jilqa’ din l-applikazzjoni, l-Istat Membru rikjedenti jittrasferixxi lil dan l-applikant skont il-proċedura prevista minn dan ir-regolament (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ trasferiment”) (15). Sabiex tkun iggarantita l-implementazzjoni, dan ir-regolament jippermetti – filwaqt li huwa delimitat minn garanziji stretti – l-użu ta’ miżuri koerżivi bħad-detenzjoni (16) u t-tluq ikkontrollat jew taħt skorta (17).

32.      B’hekk, l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Dublin III – li jagħmel referiment għalih l-Artikolu 8(3)(f) tad-Direttiva dwar l-akkoljenza – jawtorizza lill-Istati Membri sabiex iżommu applikant f’detenzjoni sakemm jiġu osservati tliet kundizzjonijiet.

33.      L-ewwel waħda tirrigwarda l-objettiv ta’ din il-miżura u jimplika li din għandha tiġi implementata “[m]eta jkun hemm riskju sinifikanti li l-persuna taħrab, […] sabiex [tiżgura] proċeduri ta’ trasferiment […], fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali”. L-Artikolu 2(n), ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi r-riskju ta’ ħarba bħala “l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali, li huma bbażati fuq kriterji objettivi ddefiniti mil-liġi, biex wieħed jaħseb li applikant […] jista’ jaħrab”.

34.      It-tieni u t-tielet kundizzjonijiet jirriżultaw, rispettivament, mill-proporzjonalità tad-detenzjoni u l-ħtieġa tagħha, jiġifieri fl-assenza ta’ miżuri inqas koerżivi li effettivament jistgħu jiġu ssostitwiti.

35.      Id-domanda preliminari tikkonċerna biss il-portata tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet u, b’mod iktar preċiż, ir-rekwiżit skont liema l-kriterji oġġettivi tar-riskju ta’ ħarba għandhom jiġu “ddefiniti mil-liġi” skont l-Artikolu 2(n) ta’ dan ir-regolament. Din ma tirrigwardax il-validità ta’ dawn il-kriterji mil-lat sostantiv, u b’mod partikolari n-natura oġġettiva tagħhom kif ukoll il-kompatibbiltà tagħhom mar-rekwiżiti ta’ proporzjonalità u l-ħtieġa tad-detenzjoni.

36.      Għar-raġunijiet spjegati iktar 'il quddiem, jien inqis li l-kriterji oġġettivi li jippermettu l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba għandhom ikunu ddefiniti mil-leġiżlazzjoni, jiġifieri minn normi ġuridiċi miktuba adottati mil-leġiżlatur.

B –    Fuq in-natura minima tal-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-applikanti li jirriżulta mill-Artikolu 5(1)(f) tal-KEBD

37.      L-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III ma jistabbilixxix huwa stess il-kriterji oġġettivi tar-riskju ta’ ħarba imma jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-ordinamenti ġuridiċi interni tal-Istati Membri.

38.      F’dan ir-rigward, ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan ir-regolament, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara, dik Spanjola u Ġermaniża, jużaw, fl-Artikolu 2(n) ta’ dan ir-regolament, espressjoni korrispondenti għat-terminu Franċiż “liġi” u jindikaw fil-prinċipju l-uniċi regoli leġiżlattivi. Oħrajn, fosthom il-verżjonijiet tal-lingwa Ingliża, dik Pollakka u Slovakka, jużaw formulazzjoni iktar ġenerali korrispondenti għall-kelma Franċiż “dritt”, li tinkludi, skont is-sens komun tagħha, mhux biss ir-regoli leġiżlattivi iżda wkoll regoli ġuridiċi oħra.

39.      Minbarra din il-varjetà bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-istess regolament, il-qorti tar-rinviju enfasizzat, filwaqt li għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-istess terminu “liġi” ma jistax jingħata interpretazzjoni inekwivoka. L-osservazzjonijiet bil-miktub, kif ukoll id-dibattiti orali f’din il-kawża għalhekk irrigwardaw, fil-parti l-kbira, il-kwistjoni dwar jekk ir-rispett tad-drittijiet fundamentali hekk kif iggarantiti mill-KEDB u interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – li skont l-Artikolu 6(3) TUE, huma parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali (18) – jordnax li leġiżlazzjoni tiddefinixxi l-kriterji oġġettivi tar-riskju ta’ ħarba.

40.      Il-Gvern Ċek u dak tar-Renju Unit sostnew li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-kunċett ta’ “liġi” fis-sens tal-KEDB (19), ma huwiex limitat għal-leġiżlazzjoni imma jinkludi sorsi oħra ta’ dritt sa fejn dawn jippreżentaw il-kwalitajiet “materjali” ta’ kjarezza, prevedibbiltà u aċċessibbiltà (20). Ġurisprudenza stabbilita ferm jew prattika amministrattiva stabbilita għandhom, jekk ikun il-każ, jippreżentaw dawn il-kwalitajiet (21). Il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni jikkontestaw din il-konklużjoni.

41.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ċek sostna, matul is-seduta, li l-kundizzjoni tal-legalità li tirriżulta mill-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB tikkonċerna fi kwalunkwe każ il-bażi ġuridika biss tal-indħil fid-dritt għal-libertà tal-applikanti – li kienet diġà tinsab fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Dublin III. Din il-kundizzjoni, min-naħa l-oħra, ma hijiex marbuta mal-limiti, relatati mad-delimitazzjoni tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ ħarba minn kriterji oġġettivi, imposti fuq dan l-indħil.

42.      Mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi vverifikata l-eżattezza ta’ din l-aħħar allegazzjoni, inqis, min-naħa tiegħi, li l-kunċett ta’ “liġi” fis-sens tal-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tal-iskopijiet tiegħu stess (22), jieħu sinjifikat awtonomu u distint minn dak tal-kunċett ta’ “liġi” fis-sens tal-KEDB.

43.      Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet tal-KEDB jikkostitwixxu biss livell minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bla ħsara għall-possibbiltà għad-dritt tal-Unjoni li jagħtihom protezzjoni usa’ (23).

44.      L-ewwel nett, ser niffoka sabiex nuri li l-leġiżlatur tal-Unjoni, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III u tad-Direttiva dwar l-akkoljenza li jillimitaw il-possibbiltà tal-Istati Membri sabiex iżommu lill-applikanti f’detenzjoni, għażel li jagħti lid-dritt għal-libertà ta’ dawn tal-aħħar protezzjoni usa’ minn dik li tirriżulta mill-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, hekk kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

45.      It-tieni nett ser nagħti r-raġunijiet li għalihom ir-rekwiżit ta’ definizzjoni “mil-liġi” tal-kriterji tar-riskju ta’ ħarba, fis-sens tal-Artikolu 2(n) ta’ dan ir-regolament, huwa parti minn dan l-għan ta’ protezzjoni msaħħa u jimplika, f’din il-perspettiva, li dawn il-kriterji jiġu stabbiliti f’leġiżlazzjoni.

C –    Fuq ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jsaħħaħ il-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-applikanti

46.      Wieħed mill-avvanzi l-kbar introdotti mir-Regolament Dublin III u d-Direttiva dwar l-akkoljenza jikkonsisti fit-tisħiħ tal-garanziji li jiddelimitaw il-possibbiltà tal-Istati Membri li jżommu lill-applikanti f’detenzjoni. Hekk kif tindika l-premessa 15 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li d-detenzjoni ta’ dawn il-persuni – li tikkostitwixxi ndħil partikolarment gravi fid-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà ggarantit mill-Artikolu 6 tal-Karta (24) – tkun limitata għal “ċirkostanzi eċċezzjonali” (25).

47.      B’hekk dawn l-istrumenti rrestrinġew b’mod sinjifikattiv id-diskrezzjoni li kellhom l-Istati Membri sabiex iċaħħdu lill-applikanti li kienu suġġetti għal proċedura ta’ trasferiment mil-libertà tagħhom.

48.      Qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, id-dritt sekondarju tal-Unjoni kien jiddelimita biss id-detenzjoni ta’ dawn tal-aħħar b’mod minimu. Ir-regolament li ppreċeda r-Regolament Dublin III, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 343/2003 (Regolament Dublin II) (26), ma kien jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar dan is-suġġett. Għaldaqstant japplikaw il-garanziji ġenerali previsti mill-Artikolu 7(3) tal-istrument li ppreċeda d-Direttiva dwar l-akkoljenza, jiġifieri d-Direttiva 2003/9/KE (27). Din id-dispożizzjoni kienet tistipula li, “[m]eta jkun ipprovat meħtieġ, per eżempju għal reġunijiet legali jew raġunijiet ta’ ordni pubblika, Stati Membri jistgħu jirrestrinġu applikant għal post partikulari skond il-liġi nazzjonali tagħhom” (korsiv miżjud minni). Ir-raġunijiet li għalihom applikant seta’ jiġi mċaħħad mil-libertà tiegħu, madankollu, ma kinux armonizzati. L-Artikolu 18(1) tad-direttiva li ppreċediet id-Direttiva 2013/32/UE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-proċedura”) (28), jiġifieri d-Direttiva 2005/85/KE (29) kienet tippreċiża, barra minn dan, li persuna ma setgħetx tinżamm f’detenzjoni għall-unika raġuni li kienet qed titlob l-ażil.

49.      Il-possibbiltà tal-Istati Membri li jżommu f’detenzjoni lill-applikanti sakemm dawn ikunu qed jistennew it-trasferiment tagħhom kienet limitata wkoll mill-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB (30). Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-partijiet kontraenti sabiex jillimitaw, fit-twettiq tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam tal-ġestjoni tal-flussi migratorji, id-dritt għal-libertà ta’ individwu kemm sabiex dan ma jitħalliex jidħol fit-territorju tagħhom b’mod irregolari (l-ewwel parti), kif ukoll meta tkun għaddejja proċedura ta’ tkeċċija jew ta’ estradizzjoni kontra dan l-individwu (it-tieni parti).

50.      F’ċerti sentenzi (31), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qabblet id-detenzjoni ta’ applikant fil-kuntest ta’ proċedura ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu mad-detenzjoni ta’ persuna li fil-konfront tagħha tkun għaddejja proċedura ta’ tkeċċija jew ta’ estradizzjoni, fis-sens tat-tieni parti tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB (32).

51.      Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem id-detenzjoni ta’ persuna fil-kuntest ta’ tali proċedura ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li din il-miżura trid tkun “meħtieġa, pereżempju biex ikun evitat ir-riskju ta’ ħarba” (33). Il-konformità ta’ miżura ta’ detenzjoni mal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB għalhekk ma hija suġġetta la għall-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba, u lanqas għall-assenza ta’ miżuri inqas restrittivi li jippermettu li tkun żgurata t-tneħħija tal-parti kkonċernata. Għal dan l-għan, huwa meħtieġ biss li l-istrateġiji jittieħdu effettivament bil-ħsieb ta’ din it-tneħħija bl-attenzjoni meħtieġa (34).

52.      Bl-adozzjoni tar-Regolament Dublin III u tad-Direttiva dwar l-akkoljenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni poġġa ruħu f’pożizzjoni favur ta’ protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-applikanti suġġetti għal proċedura ta’ trasferiment iktar mgħaġġla minn dik li tirriżulta mill-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, hekk kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (35).

53.      Dan japplika wkoll sa fejn, l-ewwel nett, l-Artikolu 28(2) ta’ dan ir-regolament jippermetti d-detenzjoni ta’ dawn l-applikanti biss fil-preżenza ta’ riskju sinjifikattiv ta’ ħarba. Għalhekk huwa pprojbit, hekk kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament, li applikant jinżamm f’detenzjoni biss minħabba l-fatt li tkun għaddejja proċedura ta’ trasferiment (36).

54.      Barra dan, il-Direttiva dwar l-akkoljenza, minn hawn ’il quddiem, fl-Artikolu 8(3) tagħha, telenka lista eżawrjenti tar-raġunijiet li għalihom applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni. Fosthom, fil-punt (f) ta’ din id-dispożizzjoni, tinsab id-detenzjoni bi stennija għal trasferiment skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Dublin III.

55.      It-tieni nett, l-Artikolu 28(2) ta’ dan ir-regolament bħall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva dwar l-akkoljenza jipprevedu li d-detenzjoni tikkostitwixxi miżura tal-aħħar għażla, possibbli biss fl-assenza ta’ alternattivi inqas koerċittivi.

56.      Id-dispożizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriflettu, b’hekk, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tiġi limitata d-detenzjoni tal-applikanti għal ċirkustanzi eċċezzjonali, meta din tirriżulta mill-premessa 15 tad-Direttiva dwar l-akkoljenza, u kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza N. (37).

57.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jiġġustifikaw, fl-opinjoni tiegħi, interpretazzjoni restrittiva tad-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-Istati Membri sabiex iżommu lil applikant f’detenzjoni. F’din il-perspettiva, f’każ ta’ dubju fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-terminu “liġi” li jidher fl-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III, għandha tkun ippreferuta l-interpretazzjoni li tipproteġi bl-aħjar mod id-dritt għal-libertà tal-applikanti.

58.      Madankollu, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, l-elenkar tal-kriterji tar-riskju ta’ ħarba f’test leġiżlattiv jidhirli tali li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-applikanti kontra l-ksur arbitrarju tad-dritt tal-libertà tagħhom. Barra minn hekk, jidhirli li dan huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-objettiv doppju li, fl-opinjoni tiegħi, huwa marbut mar-rekwiżit ta’ definizzjoni “mil-liġi” ta’ dawn il-kriterji.

D –    Fuq il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni li tiddefinixxi l-kriterji tar-riskju ta’ ħarba fir-rigward tal-objettivi mfittxa mill-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III

1.      Fuq l-objettiv doppju tar-rekwiżit għal definizzjoni “mil-liġi” tal-kriterji tar-riskju ta’ ħarba

59.      Hekk kif huwa ddefinit fl-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III, ir-riskju ta’ ħarba jinkludi, minn naħa, aspett suġġettiv u ddettaljat (“f’każ individwali” (38)) u, min-naħa l-oħra, aspett oġġettiv u ġenerali (“fuq il-bażi tal-kriterji definiti mil-liġi”).

60.      B’hekk din id-definizzjoni twassal żewġ rekwiżiti kumulattivi, fejn l-awtoritajiet kompetenti – jiġifieri l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji (39) – huma responsabbli sabiex jeżaminaw każ b’każ iċ-ċirkustanzi kollha individwali u konkreti li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ kull applikant (40), filwaqt li jiġi aċċertat li dan l-eżerċizzju jibbaża fuq kriterji oġġettivi stabbiliti b’mod ġenerali u astratt.

61.      F’dan il-kuntest, ir-rekwiżit ta’ definizzjoni “mil-liġi” tal-kriterji tar-riskju ta’ ħarba jirrifletti, fl-opinjoni tiegħi, objettiv doppju.

62.      Minn naħa, dan għandu l-għan li jiżgura li dawn il-kriterji jkollhom garanziji suffiċjenti fil-qasam taċ-ċertezza legali. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri meħuda minn Stat Membru fl-applikazzjoni ta’ regolament, anki meta dawn jikkonċernaw l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali li jagħtihom dan, għandhom ikunu konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (41). Fl-opinjoni tiegħi, dan il-prinċipju japplika f’dan il-każ sa fejn, meta dawn jiddefinixxu l-imsemmija kriterji, l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 2(n) ta’ dan ir-regolament, għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-possibbiltà li l-applikanti jinżammu f’detenzjoni rrikonoxxuta lilhom mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

63.      Dan ir-rekwiżit, min-naħa l-oħra, għandu l-għan li jiggarantixxi li s-setgħa ta’ evalwazzjoni individwali tal-awtoritajiet responsabbli sabiex japplikaw il-kriterji tar-riskju ta’ ħarba taqa’ fil-kuntest ta’ ċerti indikaturi stabbiliti minn qabel.

64.      Dawn l-objettivi jirriżultaw ukoll mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2008/115/KE (42) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ritorn”), li l-paragrafu 3(7) tagħha jinkludi definizzjoni tar-riskju ta’ ħarba kważi identika għal dik li tinsab fl-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III (ħlief għall-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, rispettivament, il-persuna li tkun suġġetta għal “proċedura ta’ ritorn” u dik suġġetta għal “proċedura ta’ trasferiment”).

65.      Għalkemm id-Direttiva dwar ir-ritorn ma tapplikax għall-applikanti ta’ protezzjoni internazzjonali (43) u li d-detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija rregolata minnha u d-detenzjoni ta’ dawn l-applikanti għaldaqstant jirriżultaw minn sistemi ġuridiċi distinti (44), ix-xogħol preparatorju relatat ma’ din id-direttiva jista’, fl-opinjoni tiegħi, jipprovdi kjarifika għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(n) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija ispirata b’mod ċar mill-Artikolu 3(7) ta’ din id-direttiva, li minnu tirriproduċi l-kontenut tagħha kważi kelma b’kelma. Ix-xogħol preparatorju għar-Regolament Dublin III ma jirriżulta, barra minn hekk, minn ebda dibattitu dwar id-definizzjoni tar-riskju ta’ ħarba li jidher fl-Artikolu 2(n) ta’ dan ir-regolament (45).

66.      Inżid ngħid li l-limitu ta’ intensità li riskju bħal dan għandu jegħleb sabiex tkun iġġustifikata miżura ta’ detenzjoni jvarja skont l-istrument applikabbli. L-Artikolu 15(1)(a) tad-Direttiva dwar ir-ritorn jissuġġetta d-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għall-eżistenza ta’ “riskju ta’ ħarba”. L-Artikolu 28(2) tar-Regolament Dublin III jirrikjedi, min-naħa tiegħu, “riskju sinifikanti li l-persuna taħrab” bil-għan li jċaħħad il-libertà ta’ applikant li jkun qed jistenna trasferiment.

67.      Barra minn dan, b’mod differenti mill-proċedura ta’ ritorn, il-proċedura ta’ trasferiment tikkonċerna, b’mod partikolari, lill-applikanti li jinstabu legalment fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-proċedura, hekk kif tfakkar fil-premessa 9 tad-Direttiva dwar ir-ritorn, applikant għandu d-dritt li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru fejn huwa jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu sakemm tittieħed deċiżjoni tal-ewwel istanza dwar dan jew, jekk ikun il-każ, sat-tmiem tar-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni (46). Dan huwa l-każ ukoll jekk dan l-Istat Membru jqis li ma huwiex responsabbli għall-ipproċessar ta’ din l-applikazzjoni, u jirrikjedi li l-applikant jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III (47).

68.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, japplikaw il-garanziji previsti mid-Direttiva dwar ir-ritorn bil-għan li tkun iddelimitata d-detenzjoni tal-persuni li ser jitneħħew, fl-opinjoni tiegħi, a fortiori għad-detenzjoni tal-applikanti li jkunu suġġetti għal proċedura ta’ trasferiment.

69.      Issa, nosserva li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ma kellhiex definizzjoni tar-riskju ta’ ħarba (48). Din kienet ġiet introdotta fir-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (iktar 'il quddiem il-“Kumitat LIBE”) tal-Parlament Ewropew, li madankollu kellu r-responsabbiltà li jirrikjedi li dan ir-riskju jkun evalwat fuq il-bażi ta’ “kriterji individwali u oġġettivi” (49). Il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari, approvat mill-Kunsill, issostitwixxiet għaliha l-formulazzjoni “kriterji oġġettivi definiti mil-liġi” (50).

70.      L-għażla ta’ dawn il-kliem, minkejja li l-proposta inizjali tal-Kummizzjoni ma tinkludi bl-ebda mod l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ ħarba u li r-rapport inizjali tal-Kummissjoni LIBE kien jirreferi biss għal “kriterji individwali u oġġettivi” mingħajr ma kien jippreċiża s-sors, ma tistax tkun fortuwita (51). Din turi, fl-opinjoni tiegħi, rieda li tkun iggarantita l-prevedibbiltà tal-kriterji użati matul l-evalwazzjoni individwali tar-riskju ta’ ħarba, u li tkun ikkontrobilanċjata s-setgħa tal-awtoritajiet responsabbli minn din l-evalwazzjoni, billi tiġi ddelimitata minn kriterji oġġettivi ta’ natura ġenerali u astratta.

2.      Fuq il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni li tiddefinixxi l-kriterji tar-riskju ta’ ħarba sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi

71.      It-twettiq ta’ xi wieħed jew ieħor mill-objettivi msemmija iktar ’il fuq, jeħtieġ, fl-opinjoni tiegħi, l-istabbiliment ta’ kriterji oġġettivi tar-riskju ta’ ħarba f’leġiżlazzjoni.

a)      Fuq l-objettiv bil-għan li tkun iggarantita ċ-ċertezza legali

72.      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika, essenzjalment, li l-miżuri meħuda minn Stat Membru fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jippermettu lill-partijiet fil-kawża li jkunu jafu l-portata tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u sabiex jipprevedu l-konsegwenzi tal-aġir tagħhom (52). Bħalma diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja (53), l-osservanza ta’ dan il-prinċipju ma tiddependix biss mill-kontenut tal-miżuri adottati, imma wkoll, jekk ikun il-każ, min-natura tal-istrument magħżul għal dan l-għan.

73.      Għalhekk jidhirli li la huwa f’waqtu u lanqas possibbli li jiġu vvalutati fl-astratt il-merti rispettivi tal-leġiżlazzjoni, tal-ġurisprudenza u tal-prattika amministrattiva f’termini ta’ ċertezza legali, jien ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq iċ-ċirkustanzi speċifiċi li jikkaratterizzaw din il-kawża.

74.      Kif ġie spjegat fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ġurisprudenza stabbilita li ssemmi l-qorti tar-rinviju tikkonsisti f’serje ta’ sentenzi mogħtija minnha, u li kull waħda minnhom tistabbilixxi kriterju wieħed jew iktar li jippermettu l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba. Il-lista ta’ dawn il-kriterji għalhekk għandha natura fframmentata.

75.      Tali konstatazzjoni tissuġġerixxi wkoll li dawn il-kriterji ġew irrikonoxxuti għal kull każ separat minn din il-qorti, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi individwali li jikkaratterizzaw kull kawża li ġiet ippreżentata quddiemha. F’dan ir-rigward, il-Gvern Ċek irrikonoxxa, matul is-seduta, il-possibbiltà li l-prattika amministrattiva u l-ġurisprudenza jiżviluppaw meta l-esperjenza tindika kriterji oħra rilevanti sabiex ikun evalwat ir-riskju ta’ ħarba. B’hekk il-ġurisprudenza tikkonferma kriterji stabbiliti minn qabel mill-prattika amministrattiva.

76.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, niddubita li l-prattika amministrattiva u l-ġurisprudenza inkwistjoni, anki dawk stabbiliti, għandhom garanziji suffiċjenti f’termini ta’ previdibbiltà. Għalhekk dan japplika, iktar u iktar, minħabba n-natura partikolarment gravi tal-indħil fid-drittijiet fundamentali tal-applikanti kkonfermat minn miżura ta’ detenzjoni – indħil li, wara kollox, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-għan li jillimita għal każijiet eċċezzjonali (54).

77.      Fil-fatt, jekk il-kriterji tar-riskju ta’ ħarba setgħu jirriżultaw minn prattika amministrattiva jew ġurisprudenza, li jekk ikun il-każ isostnu din il-prattika, dawn jirriskjaw li jvarjaw matul l-iżviluppi ta’ din il-prattika. F’din is-sitwazzjoni, dawn jistgħu wkoll jonqsu mill-istabbiltà meħtieġa sabiex jitqiesu bħala “ddefiniti” hekk kif jirrikjedi l-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III.

78.      Barra minn dan, il-Gvern Ċek, matul is-seduta, esprima dubji fir-rigward tan-natura pubblika tal-prattika amministrattiva li minnha jirriżultaw dawn il-kriterji. Issa, fl-assenza ta’ miżuri ta’ pubbliċità, l-aċċessibbiltà ta’ dawn għall-partijiet fil-kawża ma tistax tkun żgurata. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, f’dan ir-rigward, li sempliċi prattiki amministrattivi, li min-natura tagħhom jistgħu jiġu emendati skont ix-xewqa tal-amministrazzjoni u nieqsa minn pubbliċità adegwata, ma għandhomx iċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa sabiex ikun issodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali (55).

79.      Ċertament, hekk kif irrimarka l-Gvern tar-Renju Unit, id-definizzjoni tal-kriterji tar-riskju ta’ ħarba f’liġi miktuba lanqas ma tipprovdi garanzija assoluta ta’ ċertezza legali fir-rigward tar-rekwiżit ta’ evalwazzjoni individwali u konkreta ta’ dan ir-riskju. Madankollu, id-delimitazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni minn kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni għandha, fl-opinjoni tiegħi, garanziji superjuri f’termini ta’ stabbiltà u, għalhekk, ta’ ċertezza legali. Barra dan, fl-opinjoni tiegħi huwa preċiżament sabiex jiġu limitati r-riskji ta’ użu arbitrarju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni individwali tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikjeda li din is-setgħa tiġi ċirkonskritta minn kriterji ta’ oriġini leġiżlattiva (56).

80.      Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ joġġezzjona li d-drittijiet tal-applikanti, jekk ikun il-każ, ikunu protetti aħjar minn ġurisprudenza jew prattika amministrattiva stabbiliti li jistabbilixxu kriterji preċiżi u stretti milli minn leġiżlazzjoni li tistabbilixxi kriterji vagi u permissivi. Sabiex tkun evitata kwalunkwe konfużjoni dwar dan, infakkar li d-domanda magħmula titratta biss ir-rekwiżiti relatati mas-sors regolatorju tal-kriterji tar-riskju ta’ ħarba. Għalhekk din ma tikkonċernax il-problema distinta relatata mal-kontenut ta’ dawn il-kriterji (57).

b)      Fuq l-objettiv marbut mad-delimitazzjoni tas-setgħa ta’ evalwazzjoni individwali tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji

81.      L-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni, apparti l-vantaġġi tagħha f’termini ta’ ċertezza legali, toffri garanziji supplimentari fil-qasam tal-kontroll estern tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji responsabbli sabiex jevalwaw ir-riskju ta’ ħarba u, jekk ikun il-każ, li jordnaw id-detenzjoni ta’ applikant.

82.      Fir-rigward tan-natura partikolarment serja tal-indħil fid-dritt fundamentali għal-libertà li tikkostitwixxi tali miżura u tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimitaha għal ċirkustanzi eċċezzjonali (58), is-setgħa ta’ evalwazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet għandha tkun iddelimitata b’tali mod li tipproteġi bl-aqwa mod lill-applikanti miċ-ċaħdiet tal-libertà arbitrarja. F’din il-perspettiva, fl-opinjoni tiegħi, huwa importanti li d-determinazzjoni tal-kontenut ta’ dawn il-kriterji fl-astratt u l-applikazzjoni tagħhom f’każ konkret ikunu l-ħidma ta’ awtoritajiet distinti b’mod istituzzjonali.

83.      Fl-opinjoni tiegħi, din hija l-portata reali tar-rekwiżit doppju ta’ eżami individwali u ta’ delimitazzjoni minn kriterji oġġettivi ddefiniti minn qabel, li tirriżulta mill-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III. Minn naħa, din id-dispożizzjoni timponi fuq l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji l-kompitu li jqisu ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ konkret. Min-naħa l-oħra, din tissorvelja li din is-setgħa ta’ evalwazzjoni individwali tkun iffokata permezz ta’ kriterji ġenerali u astratti stabbiliti minn qabel minn awtorità terza.

84.      Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet jippermettu li jiġi eskluż li r-rekwiżit ta’ definizzjoni “mil-liġi” tal-kriterji oġġettivi tar-riskju ta’ ħarba jkun issodisfatt meta dawn ikunu stabbiliti, mhux permezz ta’ leġiżlazzjoni, iżda permezz ta’ prattika amministrattiva jew minn ġurisprudenza (59).

85.      Ma’ dan jiena nżid, l-ewwel nett, li l-approċċ li jien qed nirrakkomanda jikkorrispondi ma’ dak segwit mill-Kummissjoni fil-“manwal dwar ir-ritorn” tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva dwar ir-ritorn (60).

86.      Insegwitu, jidher li l-parti l-kbira tal-Istati Membri jirrikonoxxu li l-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III jimponilhom li jiddefinixxu l-kriterji tar-riskju ta’ ħarba fil-leġiżlazzjoni tagħhom jekk huma jixtiequ jirrikorru għad-detenzjoni, kif jirriżulta wkoll mir-risposti għal żewġ kwestjonarji indirizzati lill-“punti ta’ kuntatt nazzjonali” tal-Istati Membri fil-kuntest tal-inkjesti tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (61). Il-parti l-kbira ta’ dawk li rrispondew għal dawn il-kwestjonarji ddikjaraw li, matul is-sena 2014, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tiddefinixxi l-kriterji oġġettivi tar-riskju ta’ ħarba fis-sens tal-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III jew li kienet se tiġi emendata biex tirrifletti dan. Dan kien il-każ tar-Repubblika Ċeka, li l-leġiżlazzjoni tagħha għalhekk ġiet emendata wara t-talba għal deċiżjoni preliminari (62). Kien biss il-“punt ta’ kuntatt nazzjonali” tar-Renju Unit li kkontesta r-rekwiżit ta’ definizzjoni leġiżlattiva ta’ dawn il-kriterji.

87.      Fl-aħħar nett, diversi qrati nazzjonali jikkondividu din l-interpretazzjoni. B’mod partikolari, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) qieset li din id-dispożizzjoni kienet teħtieġ li leġiżlazzjoni (peress li ġurisprudenza ma tkunx biżżejjed) tiddetermina r-raġunijiet li jippermettu l-konklużjoni tal-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba b’mod prevedibbli u li jista’ jkun ikkontrollat (63). Il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) ukoll adottat deċiżjoni f’dan is-sens, billi skartat b’mod espliċitu l-ħtieġa ta’ talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li ma kienet possibbli l-ebda interpretazzjoni oħra (64). Bl-istess mod, il-Cour administrative Luxembourg (qorti amministrattiva, il-Lussemburgu) enfasizzat li l-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III jirreferi għal dispożizzjonijiet ta’ natura leġiżlattiva (65). Ir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) min-naħa tiegħu, qies li r-riskju ta’ ħarba fis-sens tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva dwar ir-ritorn (66) kellu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi ddefiniti mil-leġiżlazzjoni, peress li prattika amministrattiva ma tkunx suffiċjenti f’dan ir-rigward (67).

V –    Konklużjoni

88.      Fid-dawl ta’ dak kollu preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula min-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva suprema, ir-Repubblika Ċeka) għandha tkun kif ġej:

L-Artikolu 2(n) u l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqrija flimkien, għandhom ikunu interpretati f’dan is-sens li Stat Membru ma huwiex awtorizzat li jżomm lil applikant għal protezzjoni internazzjonali f’detenzjoni, bil-ħsieb li tkun iggarantita l-proċedura ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor, jekk dan l-ewwel Stat Membru ma jkunx iddefinixxa, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, il-kriterji oġġettivi li jippermettu l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba, u dan anki jekk tali kriterji jirriżultaw mill-ġurisprudenza jew mill-prattika amministrattiva ta’ dan l-Istat Membru.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31).


3 – Kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 2(b) tar-Regolament Dublin III u l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), moqrija flimkien, il-kunċett ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali jfisser, essenzjalment, kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li tkun ippreżentat applikazzjoni bil-għan li tikseb l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja.


4–      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).


5–      Bundesgerichtshof, 26 ta’ Ġunju 2014, V ZB 31/14.


6–      Verwaltungsgerichtshof, 19 ta’ Frar 2015, RO 2014/21/0075‑5.


7–      Sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2015, čj. 2 Azs 49/2015‑50.


8–      Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, čj. 9 Azs 199/2014‑49.


9–      Sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2011, čj. 7 As 79/2010 – 153, u tas-17 ta’ Ġunju 2015, čj. 1 Azs 39/2015‑56.


10–      Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, čj. 2 Azs 57/2014‑30.


11–      Dawn il-kriterji huma, skont il-ġerarkija: l-eżistenza ta’ rabtiet familjari (l-Artikoli 8 sa 11); il-pussess ta’ viża jew dokument ieħor ta’ residenza li jkun validu maħruġ minn Stat Membru (l-Artikolu 12), u d-dħul (regolari jew le) fit-territorju ta’ Stat Membru (l-Artikoli 13 sa 15).


12–      Ara Kummissjoni Ewropea, DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni, “Evaluation of the Dublin III Regulation – Final Report”, 4 ta’ Diċembru 2015, p. 4.


13–      Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta’ April 2016 [COM (2016) 197 finali, p. 4].


14–      It-teħid ta’ responsabbiltà jkopri x-xenarju fejn il-persuna kkonċernata tkun għadha ma ppreżentatx l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru rikjest (l-Artikoli 20 sa 23 tar-Regolament Dublin III). It-teħid lura japplika meta, bħal f’dan il-każ, din il-parti tkun ippreżentat din l-applikazzjoni qabel ma tkun daħlet fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti (l-Artikoli 24 sa 27 ta’ dan ir-regolament).


15–      L-Artikoli 29 sa 33 tar-Regolament Dublin III.


16–      L-Artikolu 28 tar-Regolament Dublin III.


17–      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III.


18 – Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 2/13, tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 179). Infakkar, ukoll, li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet stabbiliti minn din ikopru, meta dawn jikkorrispondu ma’ drittijiet iggarantiti mill-KEDB, l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni. B’hekk, sa fejn id-drittijiet previsti fl-Artikolu 6 tal-Karta jikkorrispondu għal dak li jiggarantixxi l-Artikolu 5 tal-KEDB [ara l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 19)], il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar din id-dispożizzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6 [sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 44)]. L-Artikolu 52(3) tal-Karta madankollu ma jostakolax id-dritt tal-Unjoni li jagħti protezzjoni usa’ għal dawn id-drittijiet.


19–      Din l-espressjoni hija misluta mill-paragrafu 2 tal-Artikoli 8 sa 11 tal-KEDB, li jirrikjedi li kull indħil fid-drittijiet kollha stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet ikun “previst mil-liġi”. Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, din il-kundizzjoni għandha l-istess portata bħal dik li tirrikjedi li kull ksur tad-dritt għal-libertà protett mill-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB josserva “l-mezzi legali” u jkun “regolari” [Qorti EDB, 25 ta’ Ġunju 1996, Amuur vs Franza (CE:ECHR:1996:0625JUD001977692, § 50) u d-9 ta’ Lulju 2009, Mooren vs Il-Ġermanja (CE:ECHR:2009:0709JUD001136403, § 76)].


20–      Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 6 ta’ Marzu 2001, Dougoz vs Il-Greċja (CE:ECHR:2001:0306JUD004090798, § 55); 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja (CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, § 125), u 1 ta’ Settembru 2015, Khlaifia et vs L-Italja (CE:ECHR:2015:0901JUD001648312, § 64).


21 – Nosserva li, fis-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Firoz Muneer vs Il-Belġju (CE:ECHR:2013:0411JUD005600510, § 59 u 60), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li ġurisprudenza stabbilita ferm tikkostitwixxi bażi ġuridika suffiċjenti għall-proroga tad-detenzjoni ta’ persuna skont l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB. Min-naħa l-oħra, jien ma naf bl-ebda preċedent fejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet qieset prattika amministrattiva bħala bażi legali suffiċjenti għal indħil fi dritt fundamentali.


22–      Infakkar, f’dan ir-rigward, li fil-każ ta’ differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tkun interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tagħha. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Eleftheri tileorasi u Giannikos (C‑52/10, EU:C:2011:374, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Ara l-Artikolu 53 tal-KEDB u l-Artikolu 52(3) tal-Karta.


24–      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 56), kif ukoll, b’anoloġija, is-sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 42).


25–      Din in-natura eċċezzjonali tirriżulta wkoll mil-linji gwida tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) dwar il-kriterji u l-istandards applikabbli għad-detenzjoni tal-applikanti għall-ażil u alternattivi għad-detenzjoni, fil-verżjoni adottata tagħhom matul is-sena 2012, li għalihom il-Kummissjoni għamlet riferiment fil-proposta tagħha għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards minimi dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil [COM (2008) 815 finali, p. 6, punt 4.1].


26–      Regolament tal-Kunsill, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).


27–      Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101).


28 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


29–      Direttiva tal-Kunsill, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168).


30–      Infakkar li d-drittijiet fundamentali, hekk kif iggarantiti mill-KEDB u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, huma parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali (ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


31 – Qorti EDB, 11 ta’ April 2013, Firoz Muneer vs Il-Belġju (CE:ECHR:2013:0411JUD005600510, § 53), u 12 ta’ Lulju 2016, A. M. et vs Franza (CE:ECHR:2016:0712JUD002458712, § 64 u 65).


32 – Għall-argumenti li jappoġġjaw teżi opposta, skont liema d-detenzjoni ta’ applikant fil-kuntest ta’ proċedura ta’ trasferiment ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ebda waħda mill-partijiet tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB, ara European Council on Refugees and Exiles, “The Legality of Detention of Asylum Seekers under the Dublin III Regulation”, AIDA Legal Briefing Nru 1, Ġunju 2015, p. 7, kif ukoll Costello, C., The Human Rights of Migrants and Refugees in European Law, Oxford University Press, Oxford, 2016, p. 296 u 297.


33–      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 15 ta’ Novembru 1996, Chahal vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1996:1115JUD002241493, § 112 u 113); 10 ta’ Lulju 2014, Rakhimov vs Ir-Russja (CE:ECHR:2014:0710JUD005055213, § 119 u 120), u 27 ta’ Novembru 2014, Khomullo vs L-Ukraina (CE:ECHR:2014:1127JUD004759310, § 52).


34–      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem reċentement tat sfumatura lil din il-ġurisprudenza billi qieset li, “bħala eċċezzjoni, meta jkunu preżenti tfal, […] iċ-ċaħda tal-libertà għandha tkun meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri li tkun żgurata t-tkeċċija tal-familja” [Qorti EDB, 12 ta’ Lulju 2016, A. B. vs Franza (CE:ECHR:2016:0712JUD001159312, § 120)].


35 – Madankollu nirrileva li,, meta d-dritt intern ta’ parti kontraenti jew id-dritt tal-Unjoni jimponulu li josserva l-garanziji li jmorru lil hinn mill-obbligi tiegħu skont il-KEDB, hekk kif jippermetti l-Artikolu 53 tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ”tinkludi” l-osservanza ta’ dawn il-garanziji fil-kundizzjoni tal-legalità tal-indħil u tintrabat li tivverifika hija stess li din tkun osservata [ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2008, Rusu vs L-Awstrija (CE:ECHR:2008:1002JUD003408202, § 54 sa 58); 22 ta’ Settembru 2015, Nabil vs L-Ungerija, (CE:ECHR:2015:0922JUD006211612, § 31 u 39 sa 42), u l-5 ta’ Lulju 2016, O. M. vs L-Ungerija (CE:ECHR:2016:0705JUD000991215, § 47 sa 52)].


36–      L-Artikolu 28(1) tar-Regolament Dublin III huwa differenti mill-Artikolu 27(1) tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat [COM (2008) 820 final]. Id-dispożizzjoni proposta tillimita ruħha sabiex ittenni l-prinċipju, kif stabbilit fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2005/85, skont liema ħadd ma jista’ jinżamm f’detenzjoni “għall-unika raġuni li huwa applikant għall-protezzjoni internazzjonali”. Id-dispożizzjoni adottata tidher iktar stretta sa fejn la l-istatus tal-applikant (ara l-premessa 20 tar-Regolament Dublin III), u lanqas il-fatt li tkun għaddejja proċedura ta’ trasferiment, ma jiġġustifikaw tali miżura.


37–      Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016 (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 52, 56 u 63), li tikkonċerna miżura ta’ detenzjoni li ttieħdet kontra applikant għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sikurezza pubblika skont l-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva dwar l-akkoljenza.


38–      L-espressjoni “fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali”), li tinsab fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Dublin III tirrifletti wkoll dan ir-rekwiżit.


39 – Skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva dwar l-akkoljenza, miżura ta’ detenzjoni għandha tkun ordnata bil-miktub mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.


40–      Għaldaqstant, li jkun/u ssodisfatt/i kriterju wieħed (jew iktar) ta’ riskju/i ta’ ħarba ddefinit mil-liġi nazzjonali ma huwiex biżżejjed, fl-assenza ta’ eżami individwali ta’ kull każ tas-sitwazzjoni tal-parti kkonċernata, sabiex tkun konkluża l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba [ara, b’anoloġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punti 70 sa 74)].


41–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2002, Mulligan et (C‑313/99, EU:C:2002:386, punt 46); tal-5 ta’ Mejju 2011, Kurt und Thomas Etling et (C‑230/09 u C‑231/09, EU:C:2011:271, punt 74), u tal-5 ta’ Novembru 2014, Cypra (C‑402/13, EU:C:2014:2333, punt 26).


42 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


43 – Dan għalhekk japplika, b’mod iktar preċiż, mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sal-adozzjoni tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza li tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni jew, jekk ikun il-każ, sat-tmiem ta’ rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni [sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343, punt 49)] (ara l-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


44 – Sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Kadzoev (C‑357/09 PPU, EU:C:2009:741, punt 45).


45–      Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali madankollu ħareġ ċerti osservazzjonijiet dwar din id-definizzjoni (Opinion of the European Economic and Social Committee, SOC/333, 16 ta’ Lulju 2009, p. 7).


46 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343, punti 48 u 49). Għaldaqstant, applikant ma jkunx jinsab f’sitwazzjoni ta’ “soġġorn illegali” fis-sens tad-Direttiva dwar ir-ritorn, u għalhekk ma jistax jitkeċċa mit-territorju tal-Unjoni, minħabba li l-applikazzjoni tiegħu ma ġietx irrifjutata. Din il-konsegwenza tirriżulta wkoll mill-prinċipju ta’ non‑refoulement stabbilit fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, tat-28 ta’ Lulju 1951, dwar l-istatus tar-refuġjati, li jirreferi għaliha l-Artikolu 18 tal-Karta.


47 – Fil-fatt, l-applikant għandu d-dritt li jibqa’ mhux biss fit-territorju tal-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tiegħu tiġi eżaminata, imma wkoll f’dak tal-Istat Membru fejn din tkun ġiet ippreżentata [sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI (C‑179/11, EU:C:2012:594, punt 48)].


48–      Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment [COM (2005) 391 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta għal direttiva dwar ir-ritorn”].


49–      Rapport dwar il-proposta għal direttiva dwar ir-ritorn, l-20 ta’ Settembru 2007, A6‑0339/2007, 2005/0167 (COD), PE 374.321, p. 7. Kienu ġew issuġġeriti diversi emendi, u li jsemmu “raġunijiet serji, li jiġu definiti b’mod individwali u objettiv u kif evalwati mill-qrati” [opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp intiża għall-Kumitat LIBE dwar il-proposta għal direttiva dwar ir-ritorn, 22 ta’ Ġunju 2007, 2005/0167 (COD), PE 386.728, p. 11], tal-“kriterji ddefiniti mil-liġi nazzjonali” [abbozz ta’ rapport tal-Kumitat LIBE dwar il-proposta għal direttiva dwar ir-ritorn, 13 ta’ Ġunju 2006, 2005/0167 (COD), PE 374.321v02‑00, p. 9], jew anki l-“kriterji oġġettivi ddefiniti mil-liġi” [emenda għall-abbozz ta’ rapport tal-Kumitat LIBE, 27 ta’ Settembru 2006, 2005/0167 (COD), PE 378.672v01‑00, p. 23].


50–      Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew stabbilita wara l-ewwel qari, 18 ta’ Ġunju 2008, EP‑PE_TC1‑COD(2005)00167, PE 400.777, p. 13.


51 – Ninnota, f’dan ir-rigward, li, fil-klawżola 2 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li tidher fl-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), li jirreferi għaliha l-Gvern tar-Renju Unit, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li jirreferi b’mod mhux distint, għad-definizzjoni ta’ kunċett determinat, għal-leġiżlazzjoni jew għal sorsi oħra tad-dritt intern. Għalhekk, dan ma baqax jirreferi espliċitament għal-“liġi” imma għal-“liġi [leġiżlazzjoni], fil-[għall-]ftehim kollettiv jew fil-[għall-]prattika [fis-seħħ]” fl-Istati Membri.


52–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2002, Mulligan et (C‑313/99, EU:C:2002:386, punt 47), u tal-25 ta’ Marzu 2004, Azienda Agricola Ettore Ribaldi et (C‑480/00, C‑482/00, C‑484/00, C‑489/00 sa C‑491/00 u C‑497/00 sa C‑499/00, EU:C:2004:179, punt 85).


53–      Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2002, Mulligan et (C‑313/99, EU:C:2002:386, punt 48).


54 – Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55 – Sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2002, Mulligan et (C‑313/99, EU:C:2002:386, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’kuntest ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li limitazzjoni għad-dritt għal rikors effettiv, kif stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta, tikser din id-dispożizzjoni sa fejn din kienet iddikjarata fil-manwal ta’ kumitat amministrattiv [sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Liivimaa Lihaveis (C‑562/12, EU:C:2014:2229, punt 74)].


56 – Ara l-punti 81 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57–      Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58 – Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59 – Filwaqt li l-evalwazzjoni tiegħi dwar l-ewwel objettivi mfittxa minn dan ir-rekwiżit (dwar iċ-ċertezza legali) hija marbuta mill-qrib mal-kuntest speċifiku ta’ din il-kawża, il-konklużjoni tiegħi dwar it-tieni minn dawn l-objettivi (dwar id-delimitazzjoni tas-setgħa ta’ evalwazzjoni individwali tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji) huwa validu indipendentement mill-karatteristiċi tal-prattika amministrattiva jew tal-ġurisprudenza inkwistjoni.


60 – Anness għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, tal-1 ta’ Ottubru 2015, li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” komuni li jrid jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta dawn iwettqu ħidmiet marbuta mar-ritorn [C (2015) 6250 finali, p. 11]. Dwar il-formulazzjoni bejn id-Direttiva dwar ir-ritorn u r-Regolament Dublin III f’dak li jikkonċerna l-miżuri ta’ detenzjoni, ara l-punti 65 u 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61–      Ad‑Hoc Query on detention in Dublin III cases, disponibbli fl-indirizz internet http://ec.europa.eu/dgs/home‑affairs/what‑we‑do/networks/european_migration_network/reports/docs/ad‑hoc‑queries/protection/590_emn_ahq_on_detention_in_dublin_cases_en.pdf, kif ukoll Ad‑Hoc Query on objective criteria to identify risk of absconding in the context of reception directive art 8 (recast) and Dublin regulation n° 604/2014 art 28 (2), disponibbli fl-indirizz internet http://emn.ypes.gr/images/docs/EMN_QUERIES/EMN_QUERIES_2014/2014_619_emn_ahq_on_objective_criteria_to_identify_risk_of_absconding_%28wider_diss%29.pdf. In-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni twaqqaf permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2008, li tistabbilixxi Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (2008/381/KE) (ĠU 2008, L 131, p. 7).


62–      Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63–      Bundesgerichtshof, 26 ta’ Ġunju 2014, V ZB 31/14.


64–      Verwaltungsgerichtshof, 19 ta’ Frar 2015, RO 2014/21/0075‑5.


65–      Cour administrative du Grand-Duché de Luxembourg, 6 ta’ Ottubru 2016, Nru tar-reġistru 35301C. Ara wkoll is-sentenzi tat-Tribunal administratif (Luxembourg), it-Tieni Awla, 5 ta’ Marzu 2015, Nru tar-reġistru 35902, kif ukoll it-Tielet Awla, Nru tar-reġistru 37301, 24 ta’ Diċembru 2015.


66–      Dwar ir-rabta bejn l-Artikolu 3(7) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III, ara l-punti 65 u 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


67–      Raad van State, 21 ta’ Marzu 2011, BP9284, 201100555/1/V3.