Language of document : ECLI:EU:C:2010:620

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

21 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Approssimazzjoni tal‑liġijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati –Direttiva 2001/29/KE – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Eċċezzjoni ta’ kopja għal użu privat – Kunċett ta’ ‘kumpens ġust’ – Interpretazzjoni uniformi – Implementazzjoni mill‑Istati Membri – Kriterji – Limiti – Sistema ta’ ħlas għal kopja privata applikata fir‑rigward ta’ apparat, tagħmir u mezzi relatati mar‑riproduzzjoni diġitali”

Fil‑Kawża C‑467/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill‑Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Settembru 2008, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑31 ta’ Ottubru 2008, fil‑proċedura

Padawan SL

vs

Sociedad General de Autores y Editores de España (SGAE),

fil‑preżenza ta’:

Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA),

Asociación de Artistas Intérpretes o Ejecutantes – Sociedad de Gestión de España (AIE),

Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI),

Centro Español de Derechos Reprográficos (CEDRO),

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑4 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Padawan SL, minn J. Jover Padró, E. Blanco Aymerich u A. González García, abogados,

–        għas-Sociedad General de Autores y Editores (SGAE), minn P. Hernández Arroyo, J. Segovia Murúa, R. Allendesalazar Corchó u R. Vallina Hoset, abogados,

–        għall-Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA), minn J. A. Suárez Lozano u M. Benzal Medina, abogados,

–        għall-Asociación de Artistas Intérpretes o Ejecutantes – Sociedad de Gestión de España (AIE), minn C. López Sánchez, abogado,

–        għall-Asociación de Gestión de Derechos Intelectuales (AGEDI), minn R. Ros Fernández, procurador, assistit minn F. Márquez Martín, abogado,

–        għas-Centro Español de Derechos Reprográficos (CEDRO), minn M. Malmierca Lorenzo u J. Díaz de Olarte, abogados,

–        għall‑Gvern Spanjol, minn J. López‑Medel Bascones u N. Díaz Abad, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u S. Unzeitig, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Elleniku, minn E.‑M. Mamouna u V. Karra, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère‑Manokha, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u N. Gonçalves, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes‑Purokoski, bħala aġent,

–        għall‑Gvern tar‑Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent,

–        għall‑Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑11 ta’ Mejju 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l‑interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ “kumpens ġust”, stabbilit fl‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal‑awtur u drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 230), imħallas lill‑proprjetarji tad‑drittjiet tal‑awtur abbażi tal‑“eċċezzjoni ta’ kopja privata”.

2        Din it‑talba ġiet ippreżentata fil‑kuntest ta’ kawża bejn Padawan SL (iktar ’il quddiem “Padawan”) u Sociedad General de Autores y Editores de España (iktar ’il quddiem “SGAE”), dwar is‑“sistema ta’ ħlas għal kopja privata” li hija dovuta minn Padawan minħabba CD‑R, CD‑RW, DVD‑R kif ukoll apparat MP3 li tikkummerċjalizza.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Id‑Direttiva 2001/29

3        Il‑premessi 9, 10, 31, 32, 35, 38 u 39 tad‑Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(9)      Kull armonizzazzjoni tad‑drittijiet ta’ l‑awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar‑raġuni li dawn id‑drittijiet huma kruċjali għall‑kreazzjoni intellettwali. Il‑protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it‑tkomplija u l‑iżvilupp tal‑kreattivita fl‑interessi ta’ l‑awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l‑pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix‑xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall‑użu tax‑xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. […]

[…]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il‑kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il‑kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. […]

(32)      Din id‑Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni u d‑dritt ta’ komunikazzjoni lill‑pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad‑dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l‑elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it‑tradizzjonijiet legali differenti fl‑Istati Membri, filwaqt li, fl‑istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L‑Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l‑eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l‑leġislazzjoni implimentattiva fil‑futur.

[…]

(35)      F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall‑użu magħmul mix‑xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l‑forma, l‑arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il‑kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ‑ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il‑ħsara li tista’ ssir lid‑detenturi tad‑drittijiet li tirriżulta mill‑att fil‑kwistjoni. Fil‑każi fejn id‑detenturi tad‑drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l‑ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il‑livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis‑sħiħ il‑grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id‑Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il‑preġudizzju għad‑detentur tad‑drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l‑ebda obbligu għal ħlas.

[…]

(38)      L‑Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad‑dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ materjal awdjo, viżiv jew awdjo‑viżiv għal użu privat, akkumpanjat b’kumpens ġust. Dan jista’ jinkludi l‑introduzzjoni jew kontinwazzjoni ta’ skemi ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad‑drittijiet […]

(39)      Meta japplikaw l‑eċċezzjoni jew limitazzjoni dwar ikkupjar privat, l‑Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lil żviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi, b’mod partikolari dwar ikkupjar diġitali privat u skemi ta’ rimunerazzjoni, meta miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika effettiva jkunu disponibbli. Dawn l‑eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet m’għandhomx jimpedixxu l‑użu ta’ miżuri teknoloġiċi jew l‑infurzar tagħhom kontra li jduru magħhom [kontra kull att ta’ ksur].”

4        Skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29:

“L‑Istati Membri għandhom jipprovdu għad‑dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti

a)      għall‑awturi, tax‑xogħolijiet tagħhom;

b)      għall‑artisti, ta’ l‑iffissar tal‑wirjiet tagħhom;

ċ)      għall‑produtturi ta’ fonogrammi, tal‑fonogrammi tagħhom;

d)      għall‑produtturi ta’ l‑ewwel iffissar ta’ films, rigward l‑oriġinal u l‑kopji tal‑films tagħhom;

e)      għall‑organizzazzjonijiet tax‑xandir, ta’ l‑iffissar tax‑xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix‑xandirijiet huma trasmessi bil‑fili sew jekk bl‑arja, magħduda bil‑cable jew bis‑satellita”.

5        L‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, intotolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jistabbilixxi:

“L‑Istati Membri jistgħu jipprovdu l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl‑Artikolu 2 fil‑każi li ġejjin:

[…]

b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l‑anqas indirettament kummerċjali, bil‑kondizzjoni li d‑detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl‑Artikolu 6 tax‑xogħol jew tas‑suġġett relatat”.

6        L‑Artikolu 5(5) tal‑imsemmija direttiva jipprovdi:

“L‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil‑paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l‑isfruttament normali tax‑xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l‑interessi leġittimi tad‑detentur tad‑drittijiet”.

7        L‑Artikolu 6(3) u (4) tal‑istess direttiva, intitolat “Obbligi rigward miżuri teknoloġiċi”, jipprovdi:

“3.      Għall‑finijiet ta’ din id‑Direttiva, il‑frażi ‘miżuri teknoloġiċi’ tfisser kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il‑kors normali tat‑tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li ma humiex awtorizzati mid‑detentur tad‑drittijiet ta’ kull dritt ta’ l‑awtur jew kull dritt relatat mad‑drittijiet ta’ l‑awtur li hemm provdut dwarhom bil‑liġi jew id‑dritt sui generis li hemm provdut dwarhom fil‑Kapitolu III tad‑Direttiva 96/9/KE. Drittijiet teknoloġiċi għandhom jitqiesu ‘effettivi’ fejn l‑użu ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor huwa kontrollat mid‑detenturi tad‑drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal qlib f’ċifrarju, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax‑xogħol jew materjal ta’ xogħħol ieħħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar li jilħaq l‑għan ta’ protezzjoni.

4.      Minkejja l‑protezzjoni legali li hemm provdut dwarha fil‑paragrafu 1, fl‑assenza ta’ miżuri volontarji meħuda mid‑detenturi tad‑drittijiet, magħduda ftehim bejn id‑detenturi tad‑drittijiet u partijiet oħra relatati, l‑Istati Membri għandhom jieħdu l‑miżuri xierqa biex jiżguraw li detenturi tad‑drittijiet jagħmlu disponibbli għall‑benefiċjarju ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni li hemm provdut dwarha fil‑liġi nazzjonali skond l‑Artikolu 5(2)(a), (2)(ċ), (2)(d), (2)(e), (3)(a), (3)(b) jew (3)(e) il‑mezzi li jibbenefikaw minn dik l‑eċċezzjoni jew limitazzjoni, sa fejn huwa meħtieġ biex jibbenefikaw minn dik l‑eċċezzjoni jew limitazzjoni u fejn dak il‑benfċjarju jkollu aċċess legali għax‑xogħol protett jew materjal suġġett relatat.

Stat Membru jista’ wkoll jieħu dawn il‑miżuri rigward benefiċjarju ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni li hemm provdut dwaru skond l‑Artikolu 5(2)(b), kemm‑il darba riproduzzjoni għal użu privat ikun diġà sar possibbli mid‑detenturi tad‑drittijiet sa fejn hu meħtieġ biex jibbenefika mill‑eċċezzjoni jew limitazzjoni relatata u skond id‑disposizzjonijiet ta’ l‑Artikolu 5(2)(b) u (5), mingħajr ma jipprevjeni lid‑detenturi tad‑drittijiet milli jadottaw miżuri adekwati rigward l‑għadd ta’ riproduzzjonijiet skond dawn id‑disposizzjonijiet.

[…]”

 Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Il‑leġiżlazzjoni applikabbli tinsab fid‑Digriet Irjali leġiżlattiv 1/1996, tat‑12 ta’ April 1996, li japprova t‑test kodifikat tal‑liġi dwar il‑proprjetà intellettwali (iktar ’il quddiem it‑“TRLPI”). Dan id‑Digriet Irjali leġiżlattiv ġie emendat, fil‑kuntest tat‑traspożizzjoni tad‑Direttiva 2001/29, permezz tal‑liġi 23/2006, tas‑7 ta’ Lulju 2006, li temenda t‑test ikkodifikat tal‑liġi dwar il‑proprjetà intellettwali approvat permezz tad‑Digriet Irjali leġiżlattiv 1/1996 (BOE Nru 162, tat‑8 ta’ Lulju 2006, p. 25561).

9        L‑Artikolu 17 tat‑TRLPI, intitolat “Dritt esklużiv ta’ użu u regoli dettaljati dwar l‑applikazzjoni” huwa fformulat kif ġej:

“L‑awtur jeżerċita b’mod esklużiv id‑drittijiet ta’ użu tax‑xogħlijiet tiegħu irrispettivament mill‑forma tagħhom u, b’mod partikolari, id‑drittijiet ta’ riproduzzjoni […], atti [ta’ riproduzzjoni] li ma jistgħux jiġu eżerċitati mingħajr il‑permess tiegħu ħlief fiċ‑ċirkustanzi stipulati f’din il‑Liġi”.

10      Taħt it‑titolu “Riproduzzjoni” l‑Artikolu 18 tat‑TRLPI jipprovdi:

“Riproduzzjoni tfisser l‑ikkuppjar dirett jew indirett, provviżorju jew permanenti, fuq kwalunkwe mezz u taħt kwalunkwe forma, tax‑xogħol kollu jew ta’ parti minnu, sabiex jiġi kkomunikat jew sabiex isiru kopji”.

11      Skont l‑Artikolu 31(2) tat‑TRPLI:

“Ir‑riproduzzjoni, fuq mezz, ikun liema jkun, ta’ xogħlijiet li jkunu diġà ġew iċċirkulati, mhijiex suġġetta għall‑awtorizzazzjoni tal‑awtur meta ssir minn persuna fiżika għall‑użu privat tagħha meta ssir minn xogħlijiet li għandha aċċess għalihom legalment, kemm‑il darba l‑użu tal‑kopja ma jkunx kollettiv jew għal profitt, mingħajr preġudizzju għall‑Artikoli 25 [...]”.

12      L‑Artikolu 25 tat‑TRLPI, intitolat “Kumpens ġust għal kopja privata”, jipprovdi fil‑paragrafi (1), (2) u (4):

“1.      Ir‑riproduzzjoni li ssir esklużivament għal użu privat, permezz ta’ tagħmir jew strumenti tekniċi mhux tipografiċi, ta’ xogħlijiet iċċirkulati fil‑forma ta’ kotba jew pubblikazzjonijiet meqjusa mil‑leġiżlazzjoni li huma ekwivalenti, kif ukoll fonogrammi, vidjogrammi u mezzi oħrajn awdjo, viżivi, jew awdjoviżivi, jagħtu lok għal kumpens ġust u uniku għal kull waħda mit‑tliet modi ta’ riproduzzjoni msemmija, favur il-persuni msemmija fil‑paragrafu 4(b), sabiex jiġu kkumpensati d‑drittijiet tal‑proprjetà intellettwali li ma jibqgħux jinġabru minħabba din ir‑riproduzzjoni […]

2.      Dan il‑kumpens huwa determinat għal kull mod ta’ riproduzzjoni skont it‑tagħmir, strumenti u mezzi materjali adatti sabiex jagħmlu l‑imsemmija riproduzzjoni, li ġew prodotti fuq it‑territorju Spanjol jew li nxtraw barra minn dan it‑territorju sabiex jinbigħu jew jintużaw fuq dan l‑istess territorju.

[…]

4.     F’dak li jikkonċerna l‑obbligu legali msemmi fil‑paragrafu 1:

a)      ‘Debituri’ tfisser il‑produtturi stabbiliti fi Spanja, meta joperaw kemm bħala distributuri kummerċjali, kif ukoll il‑persuni li jixtru, barra mit‑territorju Spanjol, tagħmir, strumenti u mezzi materjali msemmija fil‑paragrafu 2, għad-distribuzzjoni kummerċjali jew għall-użu tagħhom f’dan it-territorju.

Id‑distributuri, bejjiegħa bl‑ingrossa u bl‑imnut, li jixtru suċċessivament l‑imsemmi tagħmir, strumenti u mezzi materjali, għandhom iħallsu l‑kumpens insolidum mad‑debituri li jkunu pprovdew bil‑materjal, ħlief jekk jipprovaw li jkunu effettivament ħallsu u mingħajr preġudizzju għall‑paragrafi 14, 15 u 20.

b)      ‘Kredituri’ tfisser l‑awturi tax‑xogħlijiet użati pubblikament taħt kwalunkwe forma msemmija fil‑paragrafu 1, flimkien, skont il‑każ u l‑mod ta’ riproduzzjoni, mal‑edituri, mal‑produtturi tal‑fonogrammi u tal‑vidjogrammi u mal‑artisti interpreti li l‑eżekuzzjonijiet tagħhom ġew ikkuppjati fuq dawn il‑fonogrammi u vidjogrammi”.

13      L‑Artikolu 25(6) tat‑TRLPI jistabbilixxi l‑proċedura ta’ approvazzjoni tal‑ammont tal‑kumpens li għandu jħallas kull debitur f’dak li jikkonċerna l‑apparat, it‑tagħmir, u mezzi materjali ta’ riproduzzjoni diġitali, proċedura li tinvolvi l‑Ministeru tal‑Kultura, il‑Ministeru tal‑Industrija, tat‑Turiżmu u tal‑Kummerċ, is-soċjetajiet ta’ amministrazzjoni tad‑drittijiet tal‑proprjetà intellettwali, l‑assoċjazzjonijiet tas‑setturi li jirrappreżentaw il‑maġġoranza tad‑debituri, l‑assoċjazzjoni Spanjola tal‑konsumaturi kif ukoll il‑Ministeru tal‑Ekonomija u tal‑Finanzi.

14      L‑istess paragrafu 6 jipprovdi li “il‑partijiet involuti fil‑proċess ta’ negozjati u, fi kwalunkwe każ, il‑Ministeru tal‑Kultura kif ukoll il‑Ministeru tal‑Industrija, tat‑Turiżmu u tal‑Kummerċ, għall‑finijiet tal‑adozzjoni tad‑digriet interministerjali msemmi fid‑dispożizzjoni preċedenti, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l‑kriterji li ġejjin:

a)      il‑ħsara effettivament ikkawżata lid‑detenturi tad‑drittijiet permezz tar‑riproduzzjonijiet imsemmija fil‑paragrafu 1, fid-dawl tal-fatt li jekk il‑ħsara kkawżata lid‑debitur hija minima, ma jistax jingħata lok għal obbligu ta’ ħlas;

b)      il‑grad sa fejn apparat, tagħmir u mezzi materjali jintużaw għall‑iskop tar‑riproduzzjonijiet imsemmija fil‑paragrafu 1;

ċ)      il‑kapaċità ta’ ħażna ta’ dan l‑apparat, tagħmir u mezzi materjali;

d)      il‑kwalità tar‑riproduzzjonijiet;

e)      id‑disponibbiltà, il‑livell ta’ applikazzjoni u l‑effettività tal‑miżuri teknoloġiċi msemmija fl‑Artikolu 161;

f)      it‑tul tal‑preżervazzjoni tar‑riproduzzjonijiet;

g)      il‑proporzjonalità neċessarja, mill‑perspettiva ekonomika, bejn l‑ammont ta’ kumpens applikabbli għall‑apparat jew tagħmir differenti u l‑prezz tal‑bejgħ medju lill‑konsumatur finali”.

15      L‑Artikolu 25 tat‑TRLPI jinkludi l‑paragrafu 12 iddedikat għall‑persuni li għandhom l‑obbligu ta’ ħlas tal‑kumpens, li huwa fformulat kif ġej:

“L‑obbligu ta’ ħlas tal‑kumpens jirriżulta miċ‑ċirkustanzi segwenti:

a)      Fir-rigward tal-produtturi, meta joperaw bħala distributuri, u fir-rigward tal‑persuni li jixtru apparat, tagħmir u mezzi materjali barra mit‑territorju Spanjol għad‑distribuzzjoni kummerċjali tagħhom fuq dan it‑territorju, fil‑mument fejn it‑trażmissjoni tal‑proprjetà ssir mid‑debitur jew, jekk ikun il‑każ, fil‑mument tat‑trasferiment tal‑użu ta’ kwalunkwe mill‑imsemmija apparat, tagħmir u mezzi materjali.

b)      Fir-rigward tal-persuni li jixtru apparat, tagħmir u mezzi materjali barra mit‑territorju Spanjol għall-użu tagħhom fuq dan it‑territorju, fil‑mument tax‑xiri tagħhom.”

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16      SGAE hija waħda mis-soċjetajiet responsabbli għall‑amministrazzjoni kollettiva tad‑drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fi Spanja.

17      Padawan tikkummerċjalizza CD‑Rs, CD‑RWs, DVD‑Rs kif ukoll apparati MP3. SGAE talbet lil Padawan “il‑ħlas għal kopja privata” msemmi fl‑Artikolu 25 tat‑TRLPI għas‑snin 2002 sa 2004. Din tal‑aħħar irrifjutat minħabba li l‑applikazzjoni ta’ din is‑sistema ta’ ħlas għal dawn il‑mezzi diġitali, mingħajr distinzjoni u indipendentement mill‑funzjoni li huma intiżi għaliha (użu privat jew attività professjonali jew kummerċjali oħra), hija kuntrarja għad‑Direttiva 2001/29. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2007, il‑Juzgado de lo Mercantil Nru 4 ta’ Barcelona laqgħet fit‑totalità tagħha l‑ilment ta’ SGAE u Padwan ġiet ikkundannata għall‑ħlas ta’ somma ta’ EUR 16 759.25 miżjuda bl‑interessi legali.

18      Padawan appellat mill‑imsemmija deċiżjoni quddiem il‑qorti tar‑rinviju.

19      Wara li semgħet il‑partijiet u l‑prosekuzzjoni dwar l‑opportunità li titressaq domanda preliminari, l‑Audiencia Provincial de Barcelona ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari segwenti:

“1)      Il‑kunċett ta’ ‘kumpens ġust’ previst fl‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29/KE jimplika jew le armonizzazzjoni, indipendentement mill‑fakultà rrikonoxxuta lill‑Istati Membri li jagħżlu s‑sistemi ta’ ġbir li jqisu xierqa sabiex jimplementaw id‑dritt għal “kumpens ġust” tad‑detenturi tad‑drittijiet ta’ proprjetà intellettwali milquta mill‑istabbiliment tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata għad‑dritt ta’ riproduzzjoni?

2)      Indipendentement mis‑sistema użata minn kull Stat Membru sabiex jistabbilixxi l‑kumpens ġust, din is‑sistema għandha tirrispetta bilanċ ġust bejn il‑persuni kkonċernati, jiġifieri minn naħa, id‑detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali milquta mill‑eċċezzjoni ta’ kopja privata, li huma kredituri ta’ dan il‑kumpens u, min‑naħa l‑oħra, il‑persuni li huma direttament jew indirettament responsabbli sabiex iħallsu l‑kumpens? U dan il‑bilanċ għandu jiġi ddeterminat mill‑ġustifikazzjoni għal kumpens ġust, li jikkonsisti fir‑rimedju tad‑dannu li jirriżulta mill‑eċċezzjoni ta’ kopja privata?

3)      Jekk fil‑każijiet fejn Stat Membru jagħżel sistema ta’ tassazzjoni jew ħlas lill‑awtur fir‑rigward tat‑tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali, dan il‑ħlas (il‑kumpens ġust għal kopja privata) għandu jkun neċessarjament marbut, skont l‑għan imfittex taħt l‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29/KE u fil‑kuntest ta’ din id‑dispożizzjoni, mal‑użu preżunt ta’ dan it‑tagħmir u mezzi sabiex isiru riproduzzjonijiet li jibbenefikaw mill‑eċċezzjoni ta’ kopja privata, b’mod li l‑applikazzjoni tal‑ħlas tkun iġġustifikata meta preżumibbilment it‑tagħmir, apparat jew il‑mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali jkunu intiżi sabiex isiru kopji privati, u ma jkunx hekk f’każ kuntrarju?

4)      Fil‑każ li Stat Membru jagħżel sistema ta’ ‘ħlas’ għal kopji privati, l‑applikazzjoni nondiskriminatorja tar‑referenza ‛ħlas’ għal impriżi u professjonisti li b’mod ċar jixtru l‑apparat u l‑mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali għal għanijiet li ma humiex relatati ma’ kopji privati hija konformi mal‑kunċett ta’ ‘ħlas ġust’?

5)      Is‑sistema adottata mill‑Istat Spanjol li tapplika l‑ħlas għal kopji privati għal kull tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali mingħajr distinzjoni tista’ tmur kontra d‑Direttiva 2001/29/KE, peress li ma tibqax teżisti konnessjoni adegwata bejn il‑kumpens ġust u l‑limitazzjoni tad‑dritt [ta’ riproduzzjoni] għal kopja privata li tiġġustifikah, li tapplika b’mod sinjfikattiv għal każijiet differenti li fihom ma teżistix il‑limitazzjoni ta’ drittijiet li tiġġustifika l‑kumpens ekonomiku?”

 Fuq id‑domandi preliminari

 Fuq l‑ammissibbiltà

20      Fl‑ewwel lok, Centro Español de Derechos Reprográficos u l‑Gvern Spanjol isostnu, essenzjalment, li t‑talba għal deċiżjoni preliminari hija irrelevanti għall‑finijiet tas‑soluzzjoni tal‑kawża prinċipali inkwantu d‑Direttiva 2001/29 ma tapplikax ratione temporis għal dan il‑każ. Fil‑fatt, fil‑fehma tagħhom, għal din il‑kawża japplikaw id‑dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu jeżistu qabel id‑dħul fis‑seħħ tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id‑direttiva. Konsegwentement, l‑interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ “kumpens ġust” li jinsab fl‑Artikolu 5(2)(b) tal‑imsemmija direttiva ma huwiex neċessarju għas‑soluzzjoni ta’ din il‑kawża.

21      F’dan ir‑rigward, hemm lok li jitfakkar li, fil‑kuntest tal‑kooperazzjoni bejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑qrati tal‑Istati Membri kif previst fl‑Artikolu 267 TFUE, huma biss il‑qrati nazzjonali, li quddiemhom titressaq il‑kawża u li huma responsabbli għad‑deċiżjoni ġuridika li għandha tingħata, li għandhom jevalwaw, fid‑dawl tal‑partikolaritajiet ta’ kull kawża, kemm il‑bżonn għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu s‑sentenza tagħhom, kif ukoll ir‑rilevanza tad‑domandi li jagħmlu lill‑Qorti tal‑Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d‑domandi magħmula jikkonċernaw l‑interpretazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni, il‑Qorti tal‑Ġustizzja, bħala regola, għandha l-obbligu li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38; tat‑22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et, C‑18/01, Ġabra p. I‑5321, punt 19, kif ukoll tat‑23 ta’ April 2009, VTB‑VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra p. I‑2949, punt 32).

22      Min‑naħa l‑oħra, mhijiex il‑Qorti tal‑Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil‑kuntest ta’ rinviju preliminari, dwar l‑intepretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali u jekk il‑mod kif tinterpretahom il‑qorti tar‑rinviju huwiex tajjeb. Fil‑fatt, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil‑kuntest tat‑tqassim tal‑ġurisdizzjoni bejn il‑qrati tal‑Unjoni u dawk nazzjonali, il‑kuntest fattwali u leġiżlattiv li taħtu jaqgħu id‑domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid‑deċiżjoni tar‑rinviju (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257, punt 42; tal‑4 ta’ Diċembru 2008, Jobra, C‑330/07, Ġabra p. I‑9099, punt 17, kif ukoll tat‑23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, Ġabra p. I‑3071, punt 48).

23      F’dak li jikkonċerna din it‑talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li din hija dwar l‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni, jiġifieri l‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, li jaqa’ taħt il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja mitluba tiddeċiedi fil‑kuntest ta’ tali domanda u li, barra minn hekk, imkien ma huwa eskluż, fid‑dawl tal‑perijodu li abbażi tiegħu hija mitluba t‑taxxa inkwistjoni fil‑kawża prinċipali u tad‑data ta’ meta jiskadi t‑terminu għat‑traspożizzjoni stabbilit għat‑22 ta’ Diċembru 2002 permezz tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 13(1) tad‑Direttiva 2001/29, li l‑qorti tar‑rinviju titwassal sabiex tislet il‑konsegwenzi tal‑interpretazzjoni li kienet talbet, b’mod partikolari abbażi tal‑obbligu ta’ interpretazzjoni tagħha skont id‑dritt nazzjonali fid‑dawl tad‑dritt tal‑Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C‑106/89, Ġabra p. I‑4135, punt 8).

24      Min‑naħa l‑oħra, id‑determinazzjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ratione temporis tikkostitwixxi interpretazzjoni tad‑dritt nazzjonali li għalhekk ma taqax taħt il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja mitluba tiddeċiedi fil‑kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.

25      Minn dan isegwi li din l‑ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

26      Fit‑tieni lok, SGAE ssostni li d‑domandi magħmula mill‑qorti tar‑rinviju huma inammissibbli inkwantu jikkonċernaw sitwazzjonijiet tad‑dritt intern mhux armonizzati bid‑Direttiva 2001/29. Fil‑fatt, skont din, il‑kwistjonijiet imqajma huma bbażati essenzjalment fuq aspetti li jaqgħu taħt il‑kompetenza tal‑Istati Membri. Issa, skont SGAE, fil‑kuntest ta’ rinviju preliminari, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika d‑dritt nazzjonali.

27      Madankollu, hemm lok li jitfakkar li l‑punt dwar jekk id‑domandi magħmula mill‑qorti nazzjonali jikkonċernawx suġġett estranju għad‑dritt tal‑Unjoni, peress li d‑Direttiva 2001/29 tipprovdi biss għal armonizzazzjoni minima fil‑qasam, jaqa’ taħt il‑mertu tad‑domandi magħmula minn din il‑qorti u mhux taħt l‑ammissibbiltà tagħhom (ara s‑sentenza tal‑11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, Ġabra p. I‑2549, punt 28). Għaldaqstant, l‑oġġezzjoni mqajma minn SGAE, ibbażata fuq l‑inapplikabbiltà ta’ din id‑direttiva għall‑kawża prinċipali, ma tirrigwardax l‑ammissibbiltà tal‑kawża, iżda hija dwar il‑mertu tal‑imsemmija domandi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 30).

28      Għalhekk, peress li din it‑tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda, mill‑kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t‑talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq il‑mertu

 Fuq l‑ewwel domanda

29      Permezz tal‑ewwel domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il‑kunċett ta’ “kumpens ġust”, fis‑sens tal‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, jikkostitwixxix kunċett awtonomu tad‑dritt tal‑Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl‑Istati Membri kollha, indipendentement mill‑fakultà rrikonoxxuta lil dawn tal‑aħħar sabiex jiddeterminaw ir‑regoli dettaljati dwar l‑implementazzjoni tad‑dritt għal dan il‑kumpens.

30      Għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, l‑Istati Membri li jiddeċiedu li jistabbilixxu l‑eċċezzjoni ta’ kopja għal użu privat fid‑dritt intern tagħhom għandhom jipprovdu għall‑ħlas ta’ “kumpens ġust” għall‑benefiċċju tad‑detenturi tad‑drittijiet.

31      Qabel xejn għandu jiġi osservat li la l‑imsemmi Artikolu 5(2)(b) u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad‑Direttiva 2001/29 ma jirrikjedu referenza għad‑dritt nazzjonali tal‑Istati Membri f’dak li jikkonċerna l‑kunċett ta’ “kumpens ġust”.

32      F’tali ċirkustanza, skont ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, mill‑eżiġenzi kemm tal‑applikazzjoni uniformi tad‑dritt tal‑Unjoni kif ukoll mill‑prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t‑termini ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni Ewropea li ma tinkludi l‑ebda riferenza espressa għad‑dritt tal‑Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s‑sens u l‑portata tagħha għandhom normalment, fl‑Unjoni Ewropea kollha, jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fejn din l‑interpretazzjoni tkun waħda studjata fid‑dawl tal‑kuntest tad‑dispożizzjoni u tal‑għan imfittex mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; tad‑19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 43, u tat‑2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, Ġabra p. I‑2805, punt 34).

33      Minn din il‑ġurisprudenza jirriżulta li l‑kunċett ta’ “kumpens ġust”, li jinsab f’dispożizzjoni li tagħmel parti minn direttiva li ma tagħmel ebda referenza għad‑drittijiet nazzjonali, għandu jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu tad‑dritt tal‑Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fuq it‑territorju ta’ dan tal‑aħħar [ara b’analoġija, fir‑rigward tal‑kunċett ta’ “kumpens ġust” li jinsab fl‑Artikolu 8(2) tad‑Direttiva 92/100/KEE, tad‑19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad‑drittijiet ta’ l‑awtur fil‑qasam tal‑proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120), sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, SENA, C‑245/00, Ġabra p. I‑1251, punt 24].

34      Din il‑konklużjoni hija kkorraborata bl‑għan segwit tal‑leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha l‑kunċett ta’ kumpens ġust.

35      Fil‑fatt, l‑għan tad‑Direttiva 2001/29, ibbażata b’mod partikolari fuq l‑Artikolu 95 KE u li hija intiża sabiex tarmonizza ċerti aspetti tad‑drittijiet tal-awtur u tad‑drittijiet relatati f’soċjetà tal‑informazzjoni kif ukoll li tipprojbixxi d-distorsjoni tal‑kompetizzjoni fis‑suq intern li jirriżultaw mid‑differenzi fil‑leġiżlazzjonijiet tal‑Istati Membri (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken, C‑479/04, Ġabra p. I‑8089, punti 26, 31 sa 34), timplika l‑iżvilupp ta’ kunċetti awtonomi tad‑dritt tal‑Unjoni. Il‑volontà tal‑leġiżlatur tal‑Unjoni li jkun hemm interpretazzjoni kemm jista’ jkun uniformi tad‑Direttiva 2001/29 hija riflessa b’mod partikolari fil‑premessa 32 tagħha, li tistieden lill‑Istati Membri japplikaw l‑eċċezzjonijiet u l‑limitazzjonijiet għad‑dritt ta’ riproduzzjoni b’mod koerenti, sabiex jiżguraw il‑funzjonament xieraq tas‑suq intern.

36      Għalhekk, minkejja li huwa possibbli għall‑Istati Membri, skont l‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, li jiddeċiedu, jekk iridu, li jintroduċu eċċezzjoni ta’ kopja privata għad‑dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal‑awtur stabbilit mid‑dritt tal‑Unjoni, min juża din il‑fakultà għandu jipprovdi għall‑ħlas ta’ kumpens ġust għall‑benefiċċju tal‑awturi leżi minħabba l‑applikazzjoni ta’ din l‑eċċezzjoni. Issa, interpretazzjoni li tipprovdi li l‑Istati Membri li jkunu introduċew tali eċċezzjoni identika, prevista mid‑dritt tal‑Unjoni u li tinkludi, skont il‑premessi 35 u 38 ta’ din id‑direttiva, il‑kunċett ta’ “kumpens ġust” bħala element essenzjali, huma liberi li jippreċiżaw il‑parametri tagħha b’mod inkoerenti u mhux armonizzat, suxxettibbli li jvarjaw minn Stat Membru għall‑ieħor, huwa kuntrarju għall‑għan tal‑imsemmija direttiva kif imfakkar fil‑punt preċedenti.

37      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir‑risposta għall‑ewwel domanda għandha tkun li l‑kunċett ta’ “kumpens ġust”, fis‑sens tal‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, huwa kunċett awtonomu tad‑dritt tal‑Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl‑Istati Membri kollha li introduċew eċċezzjoni ta’ kopja privata, indipendentement mill‑fakultà rikonoxxuta lilhom li jiddeterminaw, fil‑limiti imposti mid‑dritt tal‑Unjoni, b’mod partikolari mill‑istess direttiva, il‑forma, ir‑regoli dettaljati tal‑finanzjament u l‑ġbir kif ukoll il‑livell ta’ dan il‑kumpens ġust.

Fuq it‑tieni domanda

38      Permezz tat‑tieni domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il‑“bilanċ ġust” li għandu jinstab bejn il‑persuni kkonċernati jimplikax li l‑kumpens ġust jiġi kkalkulat abbażi ta’ kriterju ta’ ħsara kkawżata lill‑awturi wara l‑introduzzjoni tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata. Hija tfittex ukoll li ssir taf liema huma, minbarra l‑awturi leżi, il‑persuni kkonċernati li bejniethom irid jinstab dan il‑“bilanċ ġust”.

39      Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tar‑rwol tal‑kriterju tal‑ħsara subita mill‑awtur fil‑kalkolu tal‑kumpens ġust, mill‑premessi 35 u 38 tad‑Direttiva 2001/29 jirriżulta li dan il‑kumpens ġust għandu l‑għan li jħallas għad‑danni lill‑awturi b’“mod adekwat”, għall‑użu li sar mingħajr l‑awtorizzazzjoni tagħhom tax‑xogħlijiet protetti tagħhom. Sabiex jiġi ddeterminat il‑livell ta’ dan il‑kumpens, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala “kriterju validu ”, ta’ “ħsara li tista’ ssir” lill‑awtur minħabba l‑att ta’ riproduzzjoni inkwistjoni, “preġudizzju [...] minimu li jista’ madankollu ma jagħtix lok għal obbligu ta’ ħlas. L‑eċċezzjoni ta’ kopja privata għalhekk għandha tkun tista’ tinkludi sistema “ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad‑drittijiet”.

40      Minn dawn id‑dispożizzjonijiet jirriżulta li l‑kunċett u l‑livell tal-kumpens ġust huma marbutin mal‑ħsara li tirriżulta għall‑awtur mir‑riproduzzjoni tax‑xogħol protett tiegħu li ssir mingħajr l‑awtorizzazzjoni tiegħu għal użu privat. F’din il‑perspettiva, il‑kumpens ġust għandu jitqies bħala l‑kontroparti tal‑ħsara li jsofri l‑awtur.

41      Barra minn hekk, it‑terminu “jikkumpensawhom” li jinsab fil‑premessi 35 u 38 tad‑Direttiva 2001/29 jittraduċi l‑volontà tal‑leġiżlatur tal‑Unjoni li jistabbilixxi sistema partikolari ta’ kumpens li l‑implementazzjoni tagħha sseħħ permezz tal‑eżistenza, b’detriment għad‑detenturi tad‑drittijiet, ta’ ħsara, li tagħti lok, bħala regola, għall‑obbligu li “jikkumpensawhom”.

42      Minn dan isegwi li l‑kumpens ġust għandu neċessarjament jiġi kkalkulat abbażi ta’ kriterju ta’ ħsara kkawżata lill‑awturi tax‑xogħlijiet protetti bl‑introduzzjoni tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata.

43      Fit‑tieni lok, fir‑rigward tal‑persuni kkonċernati mill‑“bilanċ ġust”, il‑premessa 31 tad‑Direttiva 2001/29 tipprovdi sabiex jinżamm “bilanċ ġust” bejn id‑drittijiet u l‑interessi tal‑awturi, benefiċjarji tal‑kumpens ġust, minn naħa, u dawk tal‑utenti ta’ oġġetti protetti, min‑naħa l‑oħra.

44      Issa, il‑ħolqien ta’ kopja minn persuna fiżika li taġixxi b’mod privat għandu jiġi kkunsidrat bħala att ta’ natura li joħloq ħsara lill‑awtur tax‑xogħol ikkonċernat.

45      Minn dan isegwi li l‑persuna li tikkawża l‑ħsara lid‑detentur esklużiv tad‑dritt ta’ riproduzzjoni hija dik li tagħmel, għall‑użu privat tagħha, tali riproduzzjoni ta’ xogħol protett mingħajr ma titlob l‑awtorizzazzjoni minn qabel tal‑imsemmi detentur. Għalhekk, bħala regola, hija din il‑persuna li għandha tħallas għall‑ħsara marbuta ma’ din ir‑riproduzzjoni, billi tiffinanzja l‑kumpens li għandu jitħallas lil dan id‑detentur.

46      Għaldaqstant, fid‑dawl tad‑diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu identifikati l‑utenti privati kif ukoll sabiex jiġu obbligati jikkumpensaw lid‑detenturi tad‑drittijiet għall‑ħsara li joħolqulhom u fid‑dawl tal‑fatt li l‑ħsara li tista’ tirriżulta minn kull użu privat, ikkunsidrat individwalment, tista’ tkun minima u, għaldaqstant, ma tagħtix lok għal obbligu ta’ ħlas, kif tindika l‑aħħar sentenza tal‑premessa 35 tad‑Direttiva 2001/29, huwa possibbli għall‑Istati Membri li jistabbilixxu, għall‑finijiet tal‑finanzjament tal‑kumpens ġust, “sistema ta’ ħlas għal kopja privata” li għandhom iħallsuha mhux il‑persuni privati kkonċernati, imma dawk li jkollhom apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li, għalhekk, fid‑dritt jew fil‑fatt, ipoġġu dan it‑tagħmir għad‑dispożizzjoni tal‑persuni privati jew jagħtu lil dawn tal‑aħħar servizz ta’ riproduzzjoni. Fil‑kuntest ta’ tali sistema, huma l‑persuni li għandhom dan l‑apparat li għandhom jagħmlu l‑ħlas għal kopja privata.

47      Ċertament, f’tali sistema, kuntrarjament għal dak li jidher li teħtieġ il‑premessa 31 tad‑Direttiva 2001/29, ma humiex l‑utenti tal‑oġġetti protetti li huma l‑persuni responsabbli għall‑ħlas tal‑finanzjament tal‑kumpens ġust.

48      Madankollu, għandu jiġi osservat li, minn naħa, l‑attività tal‑persuni responsabbli għall‑ħlas ta’ dan il‑finanzjament, jiġifieri it‑tqegħid għad‑dispożizzjoni tal‑utenti privati ta’ apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni, jew is‑servizz ta’ riproduzzjoni li jagħtu, tikkostitwixxi l‑premessa fattwali neċessarja sabiex il‑persuni fiżiċi jkunu jistgħu jiksbu kopji privati. Min‑naħa l‑oħra, xejn ma jipprekludi lil dawn il‑persuni responsabbli għall‑ħlas milli jinkludu l‑ammont tal‑ħlas għal kopja privata fil‑prezz ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni tal‑imsemmi apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni jew fil‑prezz tas‑servizz ta’ riproduzzjoni mogħti. Għalhekk, il‑ħlas fil‑fatt isir mill‑utent privat li jħallas dan il‑prezz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l‑utent privat li għandu għad‑dispożizzjoni tiegħu dan l‑apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali jew li jgawdi minn servizz ta’ riproduzzjoni, fil‑verità, għandu jiġi kkunsidrat bħala l‑“persuna indirettament responsabbli għall‑ħlas” tal‑kumpens ġust.

49      Konsegwentement, peress li l‑imsemmija sistema tippermetti lill‑persuni responsabbli għall‑ħlas li jgħaddu l‑ispiża tal‑ħlas fuq l‑utenti privati u li, għaldaqstant, dawn tal‑aħħar jieħdu r‑responsabbiltà tal‑ħlas għal kopja privata, għandha tiġi kkunsidrata li hija konformi mal‑“bilanċ ġust” li għandu jinstab bejn l‑interessi tal‑awturi u dawk tal‑utenti tal‑oġġetti protetti.

50      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir‑risposta għat‑tieni domanda għandha tkun li l‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑“bilanċ ġust” li għandu jkun hemm bejn il‑persuni kkonċernati jimplika li l‑kumpens ġust għandu neċessarjament jiġi kkalkulat abbażi tal‑kriterju ta’ ħsara kkawżata lill‑awturi tax‑xogħlijiet protetti wara l‑introduzzjoni tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata. Huwa konformi mal‑ħtiġijiet ta’ dan il‑“bilanċ ġust” li jiġi kkunsidrat li l‑persuni li għandhom apparat, tagħmir kif ukoll mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li, abbażi ta’ dan, fid‑dritt jew fil‑fatt, iqegħdu dan l‑apparat għad‑dispożizzjoni tal‑utenti privati jew jagħtu lil dawn tal‑aħħar servizz ta’ riproduzzjoni huma l‑persuni responsabbli għall‑ħlas tal‑finanzjament tal‑kumpens ġust, inkwantu dawn il‑persuni għandhom il‑possibbiltà li jgħaddu l‑ispiża reali ta’ dan il‑finanzjament fuq l‑utenti privati.

 Fuq it‑tielet u r‑raba’ domandi

51      Permezz tat‑tielet u r‑raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk, skont l‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, teżistix rabta neċessarja bejn l‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ ħlas intiża sabiex tiffinanzja l‑kumpens ġust fir‑rigward tal‑apparat, tat-tagħmir kif ukoll tal-mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u l‑preżunzjoni ta’ użu ta’ dawn tal‑aħħar għall‑finijiet ta’ riproduzzjoni privata. Hija tistaqsi wkoll jekk l‑applikazzjoni mingħajr distinzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑imsemmi apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali manifestament riżervati għal użu differenti mill‑ħolqien ta’ kopji għal użu privat, hijiex konformi mad‑Direttiva 2001/29.

52      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li sistema ta’ finanzjament tal‑kumpens ġust hekk kif esposta fil‑punti 46 u 48 ta’ din is‑sentenza hija kompatibbli mal‑ħtiġijiet ta’ “kumpens ġust” biss jekk l‑apparat, it-tagħmir u l-mezzi ta’ riproduzzjoni inkwistjoni huma tali li jintużaw għal finijiet ta’ kopja privata u, għaldaqstant, li jikkawżaw ħsara lill‑awtur tax‑xogħol protett. Għalhekk, fir‑rigward ta’ dawn l‑eżiġenzi, teżisti rabta neċessarja bejn l‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata fir‑rigward tal‑imsemmi apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u l‑użu ta’ dawn tal‑aħħar għal finijiet ta’ riproduzzjoni privata.

53      Konsegwentement, l‑applikazzjoni mingħajr distinzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata fir‑rigward ta’ kull tip ta’ apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali, inkluż fl‑ipoteżi, espliċitament evokata mill‑qorti tar‑rinviju, fejn dawn ikunu nxtraw minn persuni li ma humiex persuni fiżiċi, għal finijiet manifestament differenti minn dawk ta’ kopja privata, ma hijiex konformi mal‑Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 2001/29.

54      Min‑naħa l‑oħra, peress li l‑apparat inkwistjoni tqiegħed għad‑dispożizzjoni tal‑persuni fiżiċi għal finijiet privati, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li dawn effettivament għamlu kopji privati għall‑għajnuna ta’ dawn tal‑aħħar u għalhekk ikkawżaw effettivament ħsara lill‑awtur tax‑xogħol protett.

55      Fil‑fatt, hemm preżunzjoni leġittima li dawn il‑persuni fiżiċi jibbenefikaw integralment minn dan it‑tqegħid għad‑dispożizzjoni, jiġifieri li huma jistgħu jisfruttaw il‑funzjonijiet kollha assoċjati mal‑imsemmi apparat, inkluża l-funzjoni ta’ riproduzzjoni.

56      Minn dan isegwi li s‑sempliċi kapaċità ta’ dan l‑apparat jew ta’ dan it‑tagħmir li jagħmel kopji huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata, bil‑kundizzjoni li l‑imsemmija apparat jew tagħmir ikun tqiegħed għad‑dispożizzjoni tal‑persuni fiżiċi bħala utenti privati.

57      Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill‑formulazzjoni tal‑premessa 35 tad‑Direttiva 2001/29. Fil‑fatt, dan isemmi bħala kriterju utli għad‑determinazzjoni tal‑livell tal‑kumpens ġust, mhux biss il‑“ħsara” bħala tali, imma l‑ħsara “potenzjali”. In‑natura “potenzjali” tal‑ħsara kkawżata lill‑awtur tax‑xogħol protett tinsab fit‑twettieq tal‑kundizzjoni neċessarja preliminari li tikkonsisti fit‑tqegħid għad‑dispożizzjoni ta’ persuna fiżika ta’ apparat jew tagħmir li jippermetti li jsiru kopji, mingħajr ma huwa neċessarju li effettivament isiru kopji privati.

58      Barra minn hekk, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li, mill‑perspettiva tad‑drittijiet tal‑awtur, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni s‑sempliċi possibbiltà għall‑utenti finali, f’dan il‑każ il‑klijenti ta’ lukanda, li jaraw ix‑xogħlijiet mxandra permezz ta’ apparat ta’ televiżjoni u ta’ sinjal televiżiv imqiegħed għad‑dispożizzjoni tagħhom mill‑imsemmija lukanda, u mhux l‑aċċess effettiv tal‑imsemmija klijienti għal dawn ix‑xogħlijiet (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punti 43 u 44).

59      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir‑risposta għat‑tielet u r‑raba’ domandi għandha tkun li l‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis‑sens li hemm bżonn rabta bejn l‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ ħlas intiża sabiex tiffinanzja l‑kumpens ġust fir‑rigward ta’ apparat, tagħmir kif ukoll mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u l‑preżunzjoni ta’ użu ta’ dawn tal‑aħħar għal finijiet ta’ riproduzzjoni privata. Konsegwentement, l‑applikazzjoni mingħajr distinzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata, b’mod partikolari fir‑rigward ta’ apparat, tagħmir kif ukoll mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali li ma tqegħdux għad‑dispożizzjoni ta’ utenti privati u huma manifestament riżervati għal użu differenti mill‑ħolqien ta’ kopji għal użu privat, ma hijiex konformi mad‑Direttiva 2001/29.

 Fuq il‑ħames domanda

60      Permezz tal‑ħames domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is‑sistema adottata mir‑Renju ta’ Spanja, li tikkonsisti fl‑applikazzjoni mingħajr distinzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata għat‑tipi kollha ta’ apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali, ikun xi jkun l‑użu li jsir minn dan l‑apparat, tagħmir u mezzi hijiex konformi mad‑Direttiva 2001/29.

61      F’dan ir‑rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, barra mir‑rikors għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mhijiex il‑Qorti tal‑Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il‑kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad‑dritt tal‑Unjoni. Din hija ġurisdizzjoni tal‑qrati nazzjonali, wara li, jekk ikun il‑każ, ikunu kisbu mingħand il‑Qorti tal‑Ġustizzja, permezz ta’ rinviju preliminari, il‑preċiżazzjonijiet neċessarji dwar il-portata u l‑interpretazzjoni ta’ dan id‑dritt (ara s‑sentenza tat‑22 ta’ Marzu1990, Triveneta Zuccheri et vs Il‑Kummissjoni, C‑347/87, Ġabra p. I‑1083, punt 16).

62      Għalhekk, hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha tevalwa, fid‑dawl tar‑risposti mogħtija għall‑ewwel erba’ domandi preliminari, il‑kompatibbiltà tas‑sistema Spanjola ta’ ħlas għal kopja privata mad‑Direttiva 2001/29.

63      Għaldaqstant ma hemmx lok għall‑Qorti tal‑Ġustizzja li tirrispondi din il‑ħames domanda.

 Fuq l‑ispejjeż

64      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il‑kunċett ta’ “kumpens ġust” fis‑sens tal‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l‑armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal‑awtur u drittijiet relatati fis‑soċjetà tal‑informazzjoni, huwa kunċett awtonomu tad‑dritt tal‑Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl‑Istati Membri kollha li introduċew eċċezzjoni ta’ kopja privata, indipendentement mill‑fakultà rikonoxxuta lilhom li jiddeterminaw, fil‑limiti imposti mid‑dritt tal‑Unjoni, b’mod partikolari mill‑istess direttiva, il‑forma, ir‑regoli dettaljati tal‑finanzjament u l‑ġbir kif ukoll il‑livell ta’ dan il‑kumpens ġust.

2)      L‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29/KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑“bilanċ ġust” li għandu jkun hemm bejn il‑persuni kkonċernati jimplika li l‑kumpens ġust għandu neċessarjament jiġi kkalkulat abbażi tal‑kriterju ta’ ħsara kkawżata lill‑awturi tax‑xogħlijiet protetti wara l‑introduzzjoni tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata. Huwa konformi mal‑ħtiġijiet ta’ dan il‑“bilanċ ġust” li jiġi kkunsidrat li l‑persuni li għandhom apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li, abbażi ta’ dan, fid‑dritt jew fil‑fatt, iqegħdu dan l‑apparat għad‑dispożizzjoni tal‑utenti privati jew jagħtu lil dawn tal‑aħħar servizz ta’ riproduzzjoni huma l‑persuni responsabbli għall‑ħlas tal‑finanzjament tal‑kumpens ġust, inkwantu dawn il‑persuni għandhom il‑possibbiltà li jgħaddu l‑ispiża reali ta’ dan il‑finanzjament fuq l‑utenti privati.

3)      L‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29/KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li hemm bżonn rabta bejn l‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ ħlas intiża sabiex tiffinanzja l‑kumpens ġust fir‑rigward ta’ apparat, tagħmir kif ukoll mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u l‑preżunzjoni ta’ użu ta’ dawn tal‑aħħar għal finijiet ta’ riproduzzjoni privata. Konsegwentement, l‑applikazzjoni mingħajr distinzjoni tas‑sistema ta’ ħlas għal kopja privata, b’mod partikolari fir‑rigward ta’ apparat, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali li ma tqegħdux għad‑dispożizzjoni ta’ utenti privati u huma manifestament riżervati għal użu differenti mill‑ħolqien ta’ kopji għal użu privat, mhijiex konformi mad‑Direttiva 2001/29.

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.