Language of document : ECLI:EU:T:2012:448

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

20 ta’ Settembru 2012(*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Swieq Grieg għall-provvista ta’ linjite u ta’ bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE – Għoti jew żamma ta’ drittijiet mogħtija mir-Repubblika Ellenika favur impriża pubblika għall-estrazzjoni ta’ linjite ”

Fil-Kawża T‑169/08,

Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn P. Anestis, avukat,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn K. Boskovits u P. Mylonopoulos, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn A. Komninos u M. Marinos, sussegwentement minn Marinos, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, A. Bouquet u A. Antoniadis, bħala aġenti, assistiti minn A. Oikonomou, avukat,

konvenuta,

sostnuta minn

Energeiaki Thessalonikis AE, stabbilita f’Echedoros (il-Greċja), irrappreżentata minn P. Skouris u E. Trova, avukati,

u minn

Elliniki Energeia kai Anaptyxi AE (HE & DSA), stabbilita f’Kifissia (il-Greċja), irrappreżentata minn P. Skouris u E. Trova,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 824 finali, tal-5 ta’ Marzu 2008, dwar l-għoti jew iż-żamma mir-Repubblika Ellenika ta’ drittijiet lil DEI għall-estrazzjoni ta’ linjite,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tas-6 ta’ April 2011 u tat-2 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), inħolqot permezz tal-Liġi Griega Nru 1468 tat-2/7 ta’ Awwissu 1950 (FEK A’ 169) bħala impriża pubblika li tappartjeni lir-Repubblika Ellenika u li tgawdi d-dritt esklużiv li tipproduċi, li tittrasporta u tipprovdi l-elettriku fil-Greċja.

2        Fl-1996, il-Liġi Griega Nru 2414/1996, dwar il-modernizzazzjoni ta’ impriżi pubbliċi (FEK A’ 135), ippermettiet it-trasformazzjoni tar-rikorrenti f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, iżda xorta waħda miżmuma mill-Istat bħala l-uniku azzjonist.

3        Ir-rikorrenti ġiet ittrasformata f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata fl-1 ta’ Jannar 2001, skont, minn naħa, il-Liġi Griega Nru 2773/1999, dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku (FEK A’ 286), li b’mod partikolari ttrasponiet id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3), u, min-naħa l-oħra, skont id-Digriet Presidenzjali Grieg Nru 333/2000 (FEK A’ 278).

4        Ir-Repubblika Ellenika għandha 51.12 % tal-azzjonijiet tar-rikorrenti. Skont l-Artikolu 43(3) tal-Liġi Nru 2773/1999, is-sehem tal-Istat fil-kapital tar-rikorrenti ma jistax, f’ebda każ, ikun inqas minn 51 % tal-azzjonijiet bi dritt ta’ vot, ukoll wara żieda fil-kapital. Mit-12 ta’ Diċembru 2001, l-azzjonijiet tar-rikorrenti huma kkwotati fuq il-Borża ta’ Ateni (il-Greċja), kif ukoll fuq il-Borża ta’ Londra (ir-Renju Unit).

5        Il-linjite huwa minerali tal-faħam. Dan il-karburant solidu huwa essenzjalment użat għall-ġenerazzjoni tal-elettriku.

6        Il-Greċja hija l-ħames l-ikbar produttur ta’ linjite fid-dinja u t-tieni l-ikbar produttur tal-Unjoni Ewropea, wara l-Ġermanja. Skont l-Institouto geologikon kai metallourgikon erevnon (Istitut tar-Riċerka Ġeoloġika u tal-Minjieri Grieg), ir-riżervi magħrufa tad-depożiti tal-linjite fil-Greċja kienu stmati, sal-1 ta’ Jannar 2005, għal 4 4415 miljun tunnellata. Skont il-Kummissjoni Ewropea, jeżistu 4 590 miljun tunnellata ta’ riżervi ta’ linjite fil-Greċja.

7        Ir-Repubblika Ellenika allokat drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ sfruttament tal-linjite lir-rikorrenti għal minjieri li r-riżervi tagħhom jammontaw għal madwar 2 200 miljun tunnellata ; 85 miljun tunnellata ta’ riżervi jappartjenu lil terzi privati u madwar 220 miljun tunnellata ta’ riżervi huma depożiti pubbliċi li huma s-suġġett ta’ esplorazzjoni u sfruttament minn terzi privati, iżda li jipprovdu parzjalment l-impjanti tal-elettriku tar-rikorrenti. Ebda dritt ta’ sfruttament ma għadu ġie allokat għal madwar 2 000 miljun tunnellata ta’ riżervi ta’ linjite fil-Greċja.

8        L-impjanti tal-elettriku Griegi li jaħdmu bil-linjite jappartjenu kollha lir-rikorrenti.

9        Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92/KE, is-suq Grieg tal-elettriku infetaħ għall-kompetizzjoni.

10      L-għoti ta’ liċenzji ta’ produzzjoni tal-elettriku u ta’ kostruzzjoni ta’ impjanti tal-elettriku hija regolata mil-Liġi Nru 2773/1999, kif emendata.

11      Il-Liġi Griega Nru 3175/2003 (FEK A’ 207) ipprevediet il-ħolqien ta’ suq ta’ kuljum obbligatorju għall-xerrejja u għall-bejjiegħa tal-elettriku fin-netwerk interkonness Grieg li jinkludi l-Greċja kontinentali u ċerti gżejjer Griegi. Dan il-ħolqien seħħ f’Mejju 2005.

12      F’dan is-suq ta’ kuljum obbligatorju, il-produtturi u l-importaturi tal-elettriku jdaħħlu u jbiegħu l-produzzjoni tagħhom u l-importazzjonijiet tagħhom fuq bażi ta’ kuljum. Speċifikament, il-jum ta’ qabel jissottomettu offerti (inklużi l-indikazzjoni ta’ prezz u kwantità tal-elettriku), filwaqt li l-fornituri u l-klijenti jissottomettu tbassir tal-load. Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi, il-prezzijiet offruti, il-kwantitajiet u s-sigħat ta’ operazzjoni ta’ kull impjant, l-entità li tiġġestixxi netwerks tat-trasport tal-elettriku, imsejħa Hellenic Transmission System Operator SA (HTSO) HTSO tiżviluppa l-iskeda kull siegħa ta’ load tal-impjanti għall-għada.

13      Sabiex tiżviluppa tali programm, HTSO madankollu dejjem tieħu inkunsiderazzjoni l-previżjoni ta’ injezzjonijiet obbligatorji ta’ elettriku (bħall-injezzjoni ta’ elettriku permezz ta’ impjanti li jiġġeneraw minn enerġiji rinnovabbli, il-ġenerazzjoni ta’ impjanti tal-elettriku u tas-sħana, impjanti idroelettriċi obbligatorji, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet). B’hekk tingħata prijorità lil dawn il-bejjiegħa fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku; sussegwentement jiġu l-bejjiegħa l-oħra (l-impjanti tas-sħana kollha, fosthom l-impjanti li jaħdmu bil-linjite, bil-gass u biż-żejt).

14      Sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq, jittieħed inkunsiderazzjoni l-ogħla waħda mill-offerti aċċettati. Is-sistema hija kif ġej: il-prinċipju bażiku huwa li t-tariffi fis-siegħa li jużaw il-produtturi għandha jkunu għall-inqas ugwali għall-inqas spiża varjabbli tal-impjant; l-offerti tal-impjanti tal-elettriku li għandhom l-inqas spiża varjabbli huma l-ewwel li jingħaqdu man-netwerk, ħlief għall-impjanti li jaħdmu bl-enerġiji rinnovabbli enerġija, li huma inkorporati skont il-prijorità; il-prezz li bih l-elettriku huwa mixtri u mibjugħ huwa ddeterminat kull darba mill-aħħar impjant ta’ produzzjoni (l-ogħla fil-prezz) li kien inkluż fil-programm ta’ distribuzzjoni sabiex tiġi ssodisfata d-domanda kkonċernata - magħrufa bħala l-Impjant marġinali tan-netwerk (System Marginal Unit); fil-punt ta’ ekwilibriju fejn l-offerta tikkorrispondi mad-domanda, il-prezz offert huwa l-prezz ta’ regolament tas-suq (f’euros/MW/h), imsejjaħ il-“prezz massimu tas-sistema” (iktar ’il quddiem il-“PPS ”).

15      Fl-2003, il-Kummissjoni rċeviet ilment ippreżentat minn individwu li talab li l-identità tiegħu tinżamm kunfidenzjali u infurmaha li, skont id-Digriet Leġiżlattiv Grieg Nru 4029/1959, tat-12 u tat-13 ta’ Novembru 1959 (FEK A’ 250), u tal-Liġi Griega Nru 134/1975, tat-23 u tad-29 ta’ Awwissu 1975 (FEK A’ 180), ir-Repubblika Ellenika kienet tat lir-rikorrenti liċenzja esklużiva għall-esplorazzjoni u għall-isfruttament tal-linjite fil-Greċja. Skont l-ilment, dawn il-miżuri tal-Istat huma kuntrarji għall-Artikolu 86(1)KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE.

16      Il-Kummissjoni eżaminat il-punti ta’ fatt u bagħtet talbiet għal informazzjoni lir-rikorrenti, kif ukoll lil Rythmistiki Archi Energias (RAE, awtorità regolatorja tal-enerġija). RAE. L-ewwel waħda twieġbet permezz ta’ ittri tat-23 u tat-30 ta’ Mejju u tal-11 ta’ Lulju 2003, u t-tieni waħda twieġbet permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Lulju 2003.

17      Fl-1 ta’ April 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika sabiex tinformaha dwar l-ilmenti preliminari li hija kienet ikkunsidrat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rreferiet għall-miżuri meħuda skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 4029/1959 u l-Liġi Nru 134/1975, li tagħti drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ sfruttament lir-rikorrenti fuq id-depożiti ta’ linjite tal-Megalopolis, tar-Reġjun ta’ Ptolemais, fl-għadajjar ta’ Amynteon u f’dak ta’ Florina, liema drittijiet jiskadu rispettivament fl-2026, fl-2024 u fl-2018. Il-Kummissjoni rriferiet ukoll għal dawn id-drittijiet mogħtija għad-depożiti ta’ Drama u ta’ Elassona. Hija żiedet li tali miżuri kienu ttieħdu favur ir-rikorrenti mingħajr ebda korrispettiv finanzjarju, filwaqt li l-entitajiet minbarra dawk li ngħataw tali drittijiet ser ikunu marbuta li jagħtu tali korrispettiv. Minħabba li dawn il-miżuri jagħtu aċċess preferenzjali lir-rikorrenti għall-karburant l-iktar attraenti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-Repubblika Ellenika kellha tippermetti lir-rikorrenti li żżomm jew li testendi l-pożizzjoni dominanti eżistenti tagħha fis-suq tal-provvista tal-linjite għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku, bi ksur tal-Artikolu 86 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE. Il-Kummissjoni kkonkludiet billi indikat li l-ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet kien jeżisti mill-inqas minn Frar 2001, jiġifieri mid-data li fiha l-Istat Grieg kellu jilliberalizza s-suq tal-elettriku skont id-Direttiva 96/9.

18      Fit-3 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni bagħtet kopja ta’ din l-ittra lir-rikorrenti u offritilha l-opportunità li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan is-suġġett. Ir-Repubblika Ellenika u r-rikorrenti wieġbu permezz ta’ ittri tat-2 ta’ Lulju 2004. Fit-tweġibiet tagħhom, ir-Repubblika Ellenika u r-rikorrenti b’mod partikolari semmew l-iżviluppi leġiżlattivi riċenti, dwar l-adozzjoni tal-Liġi Nru 3175/2003, l-iżviluppi fis-suq tal-elettriku, bl-għoti ta’ liċenzji lil entitajiet oħra minbarra r-rikorrenti, għall-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-elettriku ġodda, u sostnew li l-leġiżlazzjoni Griega ma tat l-ebda dritt esklużiv lir-rikorrenti, kemm rigward l-isfruttament tal-linjite kif ukoll il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn dan il-karburant.

19      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni talbet għal xi kjarifiki mingħand ir-Repubblika Ellenika, li wieġbet permezz ta’ ittri tat-22 u tat-28 Novembru 2005 u tad-19 ta’ Ġunju 2006. F’dawn l-ittri, din tal-aħħar ressqet serje ta’ informazzjoni u ta’ punti ta’ fatt ġodda. Hija semmiet l-adozzjoni tal-Liġi Griega Nru 3426/2005 (FEK A’ 309) u, għall-ewwel darba, is-seba’ depożiti żgħar ta’ linjite li għalihom ingħataw drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ sfruttament lil persuni ġuridiċi taħt id-dritt privat, u lil persuni fiżiċi wara l-1985, tat lista ta’ liċenzji mogħtija jew rifjutati għall-bini ta’ impjanti tal-elettriku ġodda, u indikat l-intenzjoni tagħha, l-ewwel nett, li temenda d-Digriet Leġiżlattiv Nru 4029/1959 u l-Liġi Nru 134/1975, it-tieni nett, li talloka mill-ġdid permezz ta’ sejħa għal offerti d-depożiti ta’ Vevi, sussegwentement dawk ta’ Vegora, u t-tielet nett, li tagħti drittijiet ta’ sfruttament għad-depożiti ta’ Drama u ta’ Elassona.

20      Il-Kummissjoni bagħtet fit-18 ta’ Ottubru 2006 ittra ta’ intimazzjoni supplimentari lir-Repubblika Ellenika, fejn hija spjegat il-konklużjonijiet li hija kienet ġibdet mill-informazzjoni ġdida mibgħuta minn din tal-ewwel. B’mod partikolari, hija iddikjarat li din l-informazzjoni ġdida ma tibdilx l-ilmenti li hija kienet spjegat fl-ewwel ittra tagħha ta’ intimazzjoni tal-1 ta’ April 2004. Il-Kummissjoni tenniet il-pożizzjoni tagħha li, billi żammet u tat drittijiet kważi monopolistiċi lil jagħtu lir-rikorrenti aċċess privileġġjat għal-linjite, ir-Repubblika Ellenika kienet tatha l-possibbiltà li żżomm pożizzjoni dominanti fis-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’sitwazzjoni ta’ kważi monopolju, billi teskludi jew tostakola dħul ġdid fis-suq.

21      F’ittra tat-19 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni dwar l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, filwaqt li fl-istess ħin bagħtet xi informazzjoni, b’mod partikolari dwar id-drittijiet ta’ sfruttament ta’ ċerti depożiti tal-linjite, dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ impjanti elettriċi li jaħdmu bil-linjite jew bil-gass, dwar is-suq għall-provvista ta’ linjite li jestendi lil hinn mit-territorju nazzjonali, u dwar ir-revoka possibbli tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 4029/1959 u tal-Liġi Nru 134/1975. Hija esprimiet ukoll dwar dan l-oġġezzjonijiet tagħha dwar ir-raġunament magħmul mill-Kummissjoni u kkontestat li hemm xi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Ir-rikorrenti bagħtet ittra ġdida lill-Kummissjoni fl-4 ta’ April 2007, li fiha hija ppreżentatilha punti oħra, relatati b’mod partikolari mal-estrazzjoni u mal-importazzjonijiet potenzjali tal-linjite.

22      Ir-Repubblika Ellenika wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni b’ittra tal-24 ta’ Jannar 2007. F’din l-ittra, hija ddikjrat x’inhi s-sitwazzjoni attwali rigward id-depożiti tal-linjite operati mir-rikorrenti u minn entitajiet oħra. Dwar il-mertu, hija rrifjutat l-analiżi ġuridika tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni f’din il-każ tat-“teorija tal-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti”.

23      Fit-8 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni data dwar is-suq Grieg tal-elettriku aġġornata għall-perijodu 2006-2007.

24      Fil-5 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2008) 824 finali, dwar l-għoti jew iż-żamma mir-Repubblika Ellenika ta’ drittijiet favur ir-rikorrenti għall-estrazzjoni tal-linjite (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

25      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika li r-Repubblika Ellenika kienet taf sa mill-adozzjoni tad-Direttiva 96/92/KE, li t-traspożizzjoni tagħha kienet prevista għad-19 ta’ Frar 2001 l-iktar tard, li s-suq tal-elettriku kellu jiġi liberalizzat (premessi 61 u 150).

26      Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Repubblika Ellenika adottat ċerti miżuri tal-Istat li jikkonċernaw żewġ swieq ta’ prodotti distinti, l-ewwel wieħed kien dak tal-provvista tal-linjite u t-tieni wieħed huwa dak bl-ingrossa tal-elettriku, li jirrigwarda l-ġenerazzjoni u l-provvista tal-elettriku fl-impjanti u l-importazzjoni tal-elettriku permezz ta’ mezzi ta’ interkonnessjoni. Il-Kummissjoni tindika li, sa Mejju 2005, id-data tal-ħolqien tas-suq ta’ kuljum obbligatorju, it-tieni wieħed minn dawn is-swieq kien dak tal-provvista lill-klijenti eliġibbli tal-elettriku ġġenerat fil-livell nazzjonali u importat, u li l-analiżi ta’ dan is-suq matul il-perjodu sa Mejju 2004 wasslet għall-istess konklużjonijiet bħall-analiżi li kienet saret dwar is-suq bl-ingrossa tal-elettriku, suq li kien potenzjali f’din id-data. B’hekk u fid-dawl tal-iżvilupp tas-suq Grieg imsemmi fl-ittra tar-Repubblika Ellenika tal-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm it-tieni suq għandu jiġi kkunsidrat bħala s-suq bl-ingrossa għall-elettriku, madankollu għandhom jiġu indirizzati l-argumenti ppreżentati mir-Repubblika Ellenika abbażi tad-definizzjoni inizjali tas-suq (premessi 158 et seq). Dwar is-swieq ġeografiċi inkwistjoni, is-suq għall-provvista tal-linjite huwa ta’ dimensjoni nazzjonali filwaqt li s-suq bl-ingrossa tal-elettriku jestendi sat-“territorju tan-netwerk interkonness” (premessi 167-172).

27      Il-Kummissjoni sussegwentement tistqarr li r-rikorrenti għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-provvista tal-linjite. Is-sehem tar-rikorrenti fuq l-ammont totali ta’ linjite estratt fil-Greċja wkoll kien barra minn hekk iktar minn 97 % mis-sena 2000. Ir-rikorrenti għandha wkoll pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku, peress li s-sehem tagħha f’tali suq baqa’ iktar minn 85 %. Ma kien hemm ebda prospett li jkun hemm min jidħol ġdid li jista’ jieħu sehem sinjifikattiv tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku mingħand ir-rikorrenti u l-importazzjonijiet, li jammontaw għal 7 % tal-konsum totali, ma jikkostitwixxux restrizzjoni kompetittiva reali f’dan is-suq (premessa 177). Barra minn hekk, is-suq bl-ingrossa tal-elettriku fin-netwerk interkonness Grieg, li huwa ta’ iktar minn 90 % tal-konsum totali tal-elettriku tal-Greċja, jikkostitwixxi parti sostanzjali tas-suq komuni (premessa 179).

28      Fir-rigward tal-miżuri tal-Istat inkwistjoni, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ngħatat, skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 4029/1959 u l-Liġi Nru 134/1975, drittijiet ta’ sfruttament għal 91 % tad-depożiti pubbliċi tat-total tal-linjite li drittijiet ikunu ngħataw għalihom. Hija tippreċiża li dawn il-miżuri nżammu peress li, minkejja l-possibbiltajiet offerti mill-Kodiċi tal-Minjieri, introdott fil-Greċja bid-Digriet Leġiżlattiv Grieg Nru 210/1973 (FEK A’ 277), sussegwentement emendat permezz tal-Liġi Griega Nru 274/1976 (FEK A’ 50), ebda dritt fuq depożitu sinjifikattiv ma ngħata. Barra minn hekk, hija tindika li r-rikorrenti kisbet drittijiet ta’ esplorazzjoni mingħajr sejħa għal offerti fuq depożiti li jistgħu jiġu sfruttati, essenzjalment Drama u Elassona, li d-drittijiet ta’ sfruttament tagħhom għadhom ma ngħatawx. Fl-aħħar nett il-Kummissjoni żżid li l-impjanti li jaħdmu bil-linjite, li huma l-irħas fil-Greċja, huma l-iktar użati, peress li jiġġeneraw 60 % tal-elettriku li biha n-netwerk interkonness jista’ jkollu provvista (premessi 185 sa 187).

29      Konsegwentement, grazzi għall-għoti u għaż-żamma ta’ drittijiet ta’ sfruttament kważi monopolistiċi tal-linjite favur ir-rikorrenti, ir-Repubblika Ellenika ħolqot inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku u għaldaqstant ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni, billi b’hekk saħħet il-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti (premessa 190).

30      Il-Kummissjoni tikkonkludi li, meta tat u żammet drittijiet kważi monopolistiċi lill-impriża pubblika li hija r-rikorrenti għall-isfruttament tal-linjite, ir-Repubblika Ellenika iggarantiet lir-rikorrenti aċċess privileġġat għall-karburant l-iktar attraenti li kien jeżisti fil-Greċja għal finijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Ir-Repubblika Ellenika b’hekk tat lil din l-impriża l-possibbilità li żżomm pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku f’pożizzjoni ta’ kważi monopolju, billi jiġi eskluż kwalunkwe dħul ġdid jew jiġi ostakolat tali dħul. Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika hija ppermettiet lir-rikorrenti li tipproteġi l-pożizzjoni kważi monopolostika tagħha fis-suq minkejja l-liberalizzazzjoni tas-suq bl-ingrossa tal-eletettriku u b’hekk żammet u saħħet il-pożizzjoni dominanti tagħha f’dan is-suq (premessa 238). 238).

31      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkonstata li r-Repubblika Ellenika ma invokatx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri li jagħtu drittijiet ta’ estrazzjoni tal-linjite lir-rikorrenti (premessi 239 u 240 ). Huwa tikkunsidra wkoll li l-miżuri tal-Istat jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati, peress li dawn jiskoraġġixxu lil kwalunkwe kompetitur potenzjali milli jinvesti fil-ġenerazzjoni u l-provvista tal-elettriku fil-Greċja (premessi 241 sa 244).

32      Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 22(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 4029/1959, l-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 134/1975 u d-deċiżjonijiet tal-Ministru tal-Industrija, tal-Enerġija u tat-Teknoloġiji Griegi tal-1976 (FEK B’ 282), tal-1988 (FEK B’ 596) u tal-1994 (FEK B’ 633) huma kuntrarji għall-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE, sa fejn jagħtu u jżommu d-drittijiet preferenzjali favur ir-rikorrenti għall-isfruttament tal-linjite fil-Greċja, u b’hekk tinħoloq sitwazzjoni ta’ inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-aċċess għall-karburanti primarji għall-finijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u jippermettu lir-rikorrenti li żżomm jew li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku fil-Greċja billi teskludi kwalunkwe dħul ġdid fis-suq jew tostakola dan id-dħul.

33      Għandu jiġi osservat indikat li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fih żball ta’ fatt, sa fejn jirreferi għall-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 134/1975. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li d-dispożizzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata hija l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu.

34      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Ellenika li tinfurmaha, f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li għandha l-intenzjoni li tieħu sabiex tirrimedja għall-effetti antikompetittivi tal-miżuri tal-Istat imsemmija fl-Artikolu 1. Il-Kummissjoni tindika wkoll li dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati u implementati fi żmien tmien xhur minn mid-data ta’ din id-deċiżjoni.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

35      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

36      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-5 ta’ Settembru 2008, ir-Repubblika Ellenika talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

37      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2008, Elliniki Energeia kai Anaptyxi A.E. (HE & DSA) u Energeiaki Thessalonikis A.E., kumpannija pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata li joperaw fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika fil-Greċja (iktar ’il quddiem l-“impriżi intervenjenti ”), talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Dawn it-talbiet ġew innotifikati lill-partijiet, skont l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-23 ta’ Ottubru 2008. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fis-7 u fl-10 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti qajmet oġġezzjonijiet kontra kull waħda minn dawn iż-żewġ talbiet għal intervent.

38      B’digriet tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika Ellenika ġiet awtorizzata tintervjeni f’din il-kawża sabiex issostni t-talbiet tar-rikorrenti.

39      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti talbet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex il-Qorti Ġenerali tordna, fil-każ li l-Kummissjoni ma taċċettax li temenda r-risposta b’inizjattiva tagħha stess, is-sostituzzjoni ta’ ċerta formulazzjoni li tinsab fiha.

40      Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Jannar 2009 dwar it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tar-rikorrenti, il-Kummissjoni aċċettat, kif propost mir-rikorrenti, li temenda ċerta formulazzjoni tar-risposta.

41      Ir-Repubblika Ellenika ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2009. F’din in-nota, hija b’mod partikolari indikat li l-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 134/1975, ikkontestat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ġiet imħassra permezz tal-Artikolu 36(3) tal-Liġi Griega Nru 3734/2009 (FEK A’ 8).

42      B’digrieti tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2009, l-impriżi intervenjenti ġew ammessi li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

43      Il-partijiet intervenjenti ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Novembru 2009.

44      Il-Kummissjoni, permezz ta’ ittri tat-23 ta’ Ottubru 2008, tad-19 ta’ Frar u tas-16 ta’ Marzu 2009, u r-rikorrenti, permezz ta’ ittri tas-7 u tal-10 ta’ Novembru 2008, tat-8 ta’ Jannar u tat-23 ta’ Ġunju 2009 u tat-28 ta’ Jannar 2010, talbu li ċerti elementi kunfidenzjali li kienu jinsabu fir-rikors, fir-risposta, fir-replika, fil-kontroreplika, fl-osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent tar-Repubblika Griega, u fl-osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent tal-impriżi intervenjenti jkunu esklużi minn notifika lil dawn l-impriżi tal-aħħar. In-notifika lill-impriżi intervenjenti tal-imsemmija atti proċesswali kienet limitata għall-verżjoni mhux kunfidenzjali, u dawn l-impriżi ma kkontestawx f’dan ir-rigward.

45      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

46      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-impriżi intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

47      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali kienet inbidlet, l-Imħallef Relatur inħatar bħala President tas-Sitt Awla, u konsegwentement ġiet attribwita lilha l-kawża preżenti.

48      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

49      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, deċiża skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet prinċipali u lir-Repubblika Ellenika, permezz ta’ ittri tal-14 ta’ Diċembru 2010, sabiex jippreżentaw l-istatistiċi u t-tabelli dwar is-suq ta’ kuljum obbligatorju, għall-perjodu mill-2005 sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti u r-Repubblika Ellenika aderixxew għal din il-miżura, permezz ta’ ittri ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti fl-1 ta’ Frar 2011. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni aderiet għat-talba tal-Qorti Ġenerali, billi bagħtet żewġ verżjonijiet, waħda kunfidenzjali għar-rikorrenti u r-Repubblika Ellenika, u l-oħra mhux kunfidenzjali għall-impriżi intervenjenti. Il-partijiet ġew mistiedna sabiex jikkummentaw dwar il-kontenut ta’ dawn ir-risposti waqt is-seduta.

50      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tas-6 ta’ April 2011.

51      Minħabba impediment tal-Imħallef Relatur, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-Artikolu 32)(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta s-Sitt Awla, lilu nnifsu bħala Imħallef Relatur.

52      B’digriet tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, fetħet il-proċedura orali mill-ġdid u l-partijiet ġew infurmati li kienu ser jinstemgħu waqt seduta ġdida.

53      Sussegwentement, il-President tal-Qorti Ġenerali assenja mill-ġdid il-kawża lill-President il-ġdid tas-Sitt Awla u ħatru bħala Imħallef Relatur.

54      Il-partijiet instemgħu f’seduta ġdida fit-2 ta’ Frar 2012.

 Id-dritt

55      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-iżball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE, it-tielet nett, minn naħa, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-protezzjoni tal-proprjetà privata, u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter, u r-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

56      L-ewwel motiv huwa maqsum f’ħames partijiet, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni, fit-tieni lok, fuq in-nuqqas ta’ estensjoni tal-pożizzjoni dominanti tas-suq tal-provvista tal-linjite fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku rigward l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali għall-ksur flimkien tal-Artikolu 86(1)KE u tal- Artikolu 82 KE, fit-tielet lok, fuq in-nuqqas ta’ sitwazzjoni ta’ inugwaljanza fl-opportunitajiet għad-detriment ta’ kompetituri ġodda minħabba l-leġiżlazzjoni Griega li tagħti lir-rikorrenti d-drittijiet ta’ sfruttament tal-linjite, fir-raba’ lok, fuq in-nuqqas ta’ estensjoni tad-dominanza tas-suq għall-provvista ta’ linjite għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku fir-rigward tal-allegat aċċess privileġġat għal karburant primarju, u, il-ħames nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ żviluppi fis-suq Grieg tal-elettriku.

57      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri tal-Istat inkwistjoni jikkonċernaw żewġ swieq: suq upstream, li huwa dak tal-provvista tal-linjite, bl-esklużjoni ta’ karburanti oħra, u suq downstream, jiġifieri s-suq tal-ġenerazzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, minbarra s-swieq tat-trasport u tad-distribuzzjoni tal-elettriku (premessi 158 sa 166). Rigward is-swieq ġeografiċi inkwistjoni, is-suq għall-provvista tal-linjite huwa ta’ dimensjoni nazzjonali u dak bl-ingrossa tal-elettriku jestendi sat-territorju tan-netwerk interkonness Grieg (premessi 158 à 166).

58      Skont il-Kummissjoni, il-miżuri adottati mir-Repubblika Ellenika, li taw drittijiet ta’ sfruttament tal-linijite lir-rikorrenti u li eskludew jew ostakolaw kwalunkwe dħul ġdid ta’ kompetituri f’dan is-suq, jippermettu lir-rikorrenti sabiex iżżomm jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq downstream, jiġifieri s-suq bl-ingrossa tal-elettriku.

59      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li għandha tiġi eżaminata l-ewwel nett it-tieni u r-raba’ partijiet tal-ewwel motiv, mingħajr ebda ħtieġa f’dan l-istadju li tiddeċiedi dwar il-fondatezza tad-definizzjoni ta’ swieq rilevanti adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant fuq il-premessa li l-imsemmija definizzjoni, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti ssostni, ma hijiex ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

60      Ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ sfruttament tal-linjite, liema drittijiet għandha r-rikorrenti, kellu l-effett tal-estensjoni tal-pożizzjoni dominati tagħha fis-suq tal-linjite għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku, bi ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE.

61      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tal-Artikolu 86(1) KE, huwa suffiċjenti li l-impriża tkun kumpannija pubblika, l-eżistenza ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali hija kundizzjoni neċessarja sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE minħabba estensjoni ta’ pożizzjoni dominanti ta’ impriża pubblika ta’ suq lejn suq ieħor, viċin, iżda distint. Fil-fatt, fis-sentenzi kollha li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat ksur magħqud ta’ dawn id-dispożizzjonijiet permezz tal-estensjoni ta’ pożizzjoni dominanti, l-impriża kkonċernata bbażat l-aġir tagħha fuq dritt speċjali jew esklużiv li l-eżistenza tiegħu kien determinanti.

62      Ir-rikorrenti tosserva li hija la għandha dritt esklużiv, peress li hija ma għandhiex l-esklużività għall-eżerċizzju tal-attività ta’ estrazzjoni tal-linjite, u lanqas ma għandha dritt speċjali, peress li ebda deċiżjoni tal-Istat ma tiddetermina n-numru ta’ benefiċjarji, anki jekk dan in-numru neċessarjament ma jistax jaqbeż in-numru ta’ depożiti eżistenti fit-territorju Grieg.

63      It-tieni nett, ir-rikorrenti tippreċiża li hija ma għandhiex kompetenza regolatorja li tippermettilha li tiddetermina kif trid l-attività tal-kompetituri tagħha u li tobbligahom jiddependu fuqha. Lanqas ma jkun hemm effett ħażin fuq il-kompetizzjoni, peress li r-rikorrenti ma timponix, pereżempju, spejjeż għolja fuq il-kompetituri tagħha u hija lanqas ma tipprovdilhom materja prima inqas xierqa għall-attività tagħhom. Huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma speċifikatx in-natura tal-aġir abużiv li r-rikorrenti allegatament wasslet li twettaq permezz tal-allegata inugwaljanza fl-opportunitajiet.

64      It-tielet nett, il-Kummissjoni kellha tispjega, jew għall-inqas teżamina sa liema punt l-allegat ksur tal-Artikolu 82 KE ippreġudika l-interessi tal-konsumaturi. Il-Qorti tal-Ġustizjza eżaminat, fis-sentenzi li jirrigwardaw il-ksur tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE, sa fejn il-qafas ġuridiku nazzjonali wassal għal sitwazzjoni preġudizzjali għall-interessi tal-konsumaturi fis-sens tat-tieni paragrafu (b) tal-Artikolu 82 KE. F’din il-kawża, ma hemm l-ebda preġudizzju attwali jew potenzjali għall-interessi tal-konsumaturi, fid-dawl tal-fatt li l-prezzijiet bl-imnut huma stabbiliti mill-Istat f’livell baxx għal raġunijiet soċjali.

65      Ir-raba’ nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tiddefinixxi l-linjite bħala fattur ta’ produzzjoni assolutament neċessarju (essential facility), mingħajr ma wriet li l-linjite huwa assolutament neċessarju xi ħadd ikun jista’ jopera fis-suq bl-ingrossa għall-elettriku.

66      Il-Kummissjoni kellha mill-inqas turi li l-linjite kien ħafna orħos mill-karburanti l-oħra kollha sal-punt li, mingħajr aċċess għal-linjite, il-possibbiltà ta’ aċċess għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku kien eskluż.

67      Ir-Repubblika Ellenika, abbażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C‑41/90, Ġabra p. I‑1979) u fuq il-ġurisprudenza sussegwenti, issostni li l-Kummissjoni ma ssemmi ebda tip ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa tar-rikorrenti, eżistenti jew anki potenzjali. Issa, f’din il-kawża, l-eżistenza ta’ tali abbuż hija kundizzjoni neċessarja u minn qabel għall-finijiet tal-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE. Ma huwiex biżżejjed għall-Kummissjoni li turi li miżura tal-Istat toħloq inugwaljanza fl-opportunitajiet fis-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wrietx rabta kawżali b’saħħitha bejn il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq upstream u l-ksur allegat fis-suq downstream.

68      Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet mressqa mir-rikorrenti u mir-Repubblika Ellenika.

69      Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-argument tar-rikorrenti, li skontu, minn naħa, l-impriża dominanti għandha wkoll tgawdi minn drittijiet speċjali jew esklużivi sabiex ikun stabbilit ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE, u, min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, tali drittijiet speċjali jew esklużivi ma ngħatawx lilha, huwa infondat fid-dritt. Minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex limitat għall-miżuri tal-Istat li jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi u, min-naħa l-oħra, tali drittijiet esklużivi ngħataw lir-rikorrenti b’effett stess tal-għoti tal-liċenzja ta’ sfruttament ta’ depożitu ta’ linjite.

70      Il-Kummissjoni żżid li, anki jekk fis-sentenzi ċċitati mir-rikorrenti l-għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi għandu rwol fl-evalwazzjoni tal-ksur, dan ma jostakolax li jitqies li, fil-każ ta’ impriża pubblika, miżura jew miżuri tal-Istat jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE, mingħajr ma tkun neċessarja l-eżistenza ta’ dritt speċjali jew esklużiv. Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat dan fis-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C‑462/99, Ġabra P. I‑5197). Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-karatteristiċi tal-kawżi invokati mir-rikorrenti ma kinux l-istess bħal dawk tal-kawża inkwistjoni.

71      Il-Kummissjoni ssostni li d-drittijiet ta’ sfruttament ta’ riżervi ta’ linjite f’reġjun speċifiku, miksuba skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u d-digrieti ministerjali kontenzjużi, jagħtu lir-rikorrenti d-dritt li tisfrutta dawn ir-riżervi b’mod esklużiv. Għalkemm il-fatt li jingħata lir-rikorrenti dritt esklużiv għall-isfruttament ta’ linjite, meħud waħdu, ma jikkostitwixxix fih innifsu ksur tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE, dawn id-drittijiet – ikkunsidrati globalment – jagħtu lir-rikorrenti aċċess privileġġjat u esklużiv li jkopri kważi r-riżervi pubbliċi kollha li jistgħu jiġu sfruttati tal-linjite fil-Greċja. Dan huwa r-riżultat li l-Kummissjoni tiddeskrivi bħala “aċċess privileġġjat” u ta’ “drittijiet kawżi-monopolistiċi ” fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiddeskrivi s-sitwazzjoni tar-rikorrenti li għandha fis-suq inkwistjoni pożizzjoni dominanti.

72      Fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni ssostni, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(1) KE magħmula f’din il-kawża hija bbażata fuq il-kriterju tal-“impriża pubblika”.

73      Abbażi tas-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssostni li, għall-applikazzjoni tat-teorija tal-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti, ma huwiex neċessarju li l-impriża dominanti teżerċita funzjoni regolatorja f’suq viċin.

74      L-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha teżamina l-preġudizzju potenzjali kkawżat lill-konsumaturi permezz tal-ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 86(1) u tal-Artikolu 82 KE hija infondata. Prattika li taffettwa l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku fil-Greċja hija kkunsidrata bħala indirettament ta’ preġudizzju għall-konsumaturi.

75      Il-Kummissjoni tfakkar li hija bbażat il-konklużjoni tagħha li tikkonstata l-ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 86(1)KE u tal-Artikolu 82 KE fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1991, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑202/88, Ġabra p. I‑1223), tat-13 ta’ Diċembru 1991, GB-Inno-BM (C‑18/88, Ġabra p. I‑5941), tat-12 ta’ Frar 1998, Raso et (C‑163/96, Ġabra p. I‑533), u Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq. Dan il-ġurisprudenza tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE, meta miżuri tal-Istat joħolqu distorsjoni għall-kompetizzjoni billi joħolqu inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi, mingħajr ma jirrikjedu fl-istess ħin id-definizzjoni ta’ prattika abużiva konkreta – reali jew potenzjali. Konsegwentement, il-Kummissjoni tirrifjuta l-allegazzjoni li biha hija wkoll kellha tistabbilixxi, lil hinn mill-inugwaljanza fl-opportunitajiet, prattika abużiva konkreta tar-rikorrenti.

76      Kuntrarjament għall-argumenti tar-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni tqis li r-riferiment għas-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq, għall-inugwaljanza fl-opportunitajiet u għall-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Höfner u Elser, iċċitata iktar ’il fuq, ma humiex kundizzjonijiet kumulattivi.

77      Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija kienet ikkunsidrat l-aċċess kważi monopolistiku tagħha għal-linjite bħala forma ta’ “essential facility”, peress li hija ma kinitx irrikorriet għall-kunċett.

78      Fir-rigward tal-allegata natura mhux attraenti tal-linjite bħala mezz ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku minn naħa, il-Kummissjoni tfakkar li ċerti impriżi ssottomettew applikazzjonijiet fil-kuntest tas-sejħa għal offerti għad-drittijiet ta’ sfruttament tal-minjiera tal-linjite ta’ Vevi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti wriet interess kostanti għall-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-elettriku tal-linijite jew sabiex ikunu sostitwiti dawk eżistenti. Dan ikun biżżejjed sabiex jiġu rrifjutati l-argumenti tar-rikorrenti fuq dan il-punt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

79      Skont l-Artikolu 86(1)KE, l-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda l-impriżi pubbliċi u l-impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, la għandhom jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ xi miżura kuntrarja għar-regoli tat-Trattat KE, b’mod partikolari dawk dwar il-kompetizzjoni, b’riżerva tal-Artikolu 86(2)KE. Dan l-artikolu ma għandux applikazzjoni indipendenti u huwa applikabbli biss flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat.

80      F’din il-kawża, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 86(1)KE flimkien mal-Artikolu 82 KE. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprojbixxi l-isfruttament abużiv, minn impriża, ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, sa fejn il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat.

81      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri tal-Istat inkwistjoni kienu kuntrarji għal dawn id-dispożizzjonijiet magħquda sa fejn huma jagħtu jew iżommu drittijiet privileġġjati favur ir-rikorrenti għall-isfruttament tal-linjite fil-Greċja. Dan joħloq sitwazzjoni ta’ inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-aċċess għall-karburanti primarji għall-finijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li tippermetti lir-rikorrenti li żżomm jew li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku billi jiġi eskluż kwalunkwe dħul ġdid fis-suq jew billi dan id-dħul jiġi eskluż.

82      Essenjalment, ir-rikorrenti tippreżenta żewġ ilmenti kontra din il-konklużjoni tal-Kummissjoni.

83      Permess tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk l-Artikolu 86(1)KE fil-prinċipju huwa applikabbli għall-impriżi pubbliċi li l-Istati Membri ma tawx drittijiet speċjali jew esklużivi, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit ksur ta’ din id-dispożizzjoni applikat flimkien mal-Artikolu 82 KE minħabba estensjoni tal-pożizzjoni dominanti, huwa neċessarju li l-impriża kkonċernata tgawdi minn dritt esklużiv jew speċjali fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE. Issa, id-drittijiet ta’ sfruttament tal-linijite li ngħatawlha ma jikkostitwixxux tali dritt.

84      Permezz tat-tieni ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilietx fid-deċiżjoni kkontestata l-eżistenza ta’ abbuż reali jew potenzjali tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-swieq rilevanti, filwaqt li hija obbligata li tagħmel dan sabiex tapplika l-Artikolu 86(1) KE moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE. Qabel kollox għandu jiġi eżaminat dan l-ilment.

85      F’dan ir-rigward, il-kwistjoni, f’din il-kawża, tiffoka prinċipalment fuq jekk il-Kummissjoni kellhiex tidentifika abbuż mill-pożizzjoni dominanti, reali jew potenzjali, tar-rikorrenti jew jekk kienx suffiċjenti li jiġi stabbilit li l-miżuri tal-Istat inkwistjoni joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni billi joħolqu inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, favur ir-rikorrenti. Il-partijiet fuq dan il-punt jiġbdu konklużjonijiet differenti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-Artikolu 86(1)KE, applikat flimkien mal-Artikolu 82 KE.

86      Qabel kollox għandu jiġi osservat li l-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 86(1) KE huma indirizzati lill-Istati Membri, filwaqt li l-Artikolu 82 KE huwa indirizzat, min-naħa tiegħu, lill-impriżi, billi jipprojbilhom l-isfruttament abużiv ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-każ tal-applikazzjoni magħquda ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-ksur tal-Artikolu 86(1)KE minn Stat Membru jista’ jiġi stabbilit biss jekk il-miżura tal-Istat tmur kontra l-Artikolu 82 KE. Dan għaldaqstant iqajjem il-kwistjoni dwar sa fejn abbuż, anki jekk potenzjali biss, tal-pożizzjoni dominati ta’ impriża għandu jiġi identifikat, meta dan l-abbuż ikollu rabta mal-miżura tal-Istat.

87      Fir-rigward tas-suq tal-provvista ta’ linjite, mill-proċess jirriżulta li, bl-Artikolu 22 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 4029/1959 u bl-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 134/1975, fuq madwar 4 500 miljun tunnellata ta’ riżervi totali tal-linjite fil-Greċja, ir-Repubblika Ellenika tat lir-rikorrenti drittijiet ta’ sfruttament applikanti tal-linjite għal minjieri li r-riżervi tagħhom jammontaw għal madwar 2 200 miljun tunnellata. Dawn il-miżuri tal-Istat, qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku nżammu u ssoktaw jaffettwaw is-suq tal-provvista ta’ linjite.

88      Mill-proċess jirriżulta wkoll li, minkejja l-interess li l-kompetituri tar-rikorrenti wrew, ebda operatur ekonomiku ma seta’ jikseb mir-Repubblika Ellenika drittijiet ta’ sfruttament fuq id-depożiti ta’ linjite, għalkemm il-Greċja għandha madwar 2 000 miljun ta’ tunnellata ta’ linjite li għandhom ma humiex sfruttati.

89      Madankollu, l-impossibbilità, għall-operaturi l-oħra l-oħra, li jkollhom aċċess għad-depożiti tal-linjite li għadhom disponibbli ma tistax tiġi imputata lir-rikorrenti. Kif hija indikat, ġustament, waqt is-seduta tat-2 ta’ Frar 2012, il-fatt li ma ngħatawx liċenzji ta’ sfruttament għal-linjite jiddependi esklużivament fuq ir-rieda tar-Repubblika Ellenika. Fis-suq tal-provvista tal-linjite, ir-rwol tar-rikorrenti huwa limitat għall-isfruttament tad-depożiti li fuqhom hija għandha d-drittijiet u l-Kummissjoni ma sostnietx li hija abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha f’dan is-suq rigward l-aċċess għal-linjite.

90      Skont il-Kummissjoni, l-impossibbiltà tal-kompetituri tar-rikorrenti li jidħlu fis-suq tal-provvista tal-linjite għandu riperkussjonijiet fuq is-suq bl-ingrossa għall-elettriku. Peress li l-linjite huwa l-karburant l-iktar attraenti fil-Greċja, l-isfruttament tiegħu jippermetti li jiġi ġġenerat l-elettriku bi spiża varjabbli baxxa, li, skont il-Kummissjoni, jiżgura li l-elettriku b’hekk iġġenerat ikun jista’ jidħol fis-suq ta’ kuljum obbligatorju b’marġni ta’ profitt iktar interessanti mill-elettriku prodott minn karburanti oħra. Skont il-Kummissjoni, il-konsegwenza hija li r-rikorrenti tista’ żżomm jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku billi jiġi eskluż jew ostakolat kwalunkwe dħul ġdid f’dan is-suq.

91      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, wara l-liberalizzazzjoni tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku, suq ta’ kuljum obbligatorju nħoloq u li r-regoli operattivi ta’ dan tal-aħħar ma ġewx ikkontestati bid-deċiżjoni kkontestata. Kif jirriżulta mill-punti 11 sa 14 hawn fuq, il-bejjiegħa fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku, jiġifieri r-rikorrenti u l-kompetituri tagħha, għandhom josservaw din is-sistema. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet preżenti f’dan is-suq qabel il-liberalizzazzjoni tiegħu.

92      Issa, il-Kummissjoni ma stabbilietx li l-aċċess privileġġjat għal-linjite seta’ joħloq sitwazzjoni li fiha, mill-eżerċizzju biss tad-drittijiet tagħha ta’ sfruttament, ir-rikorrenti setgħat twettaq abbużi ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku jew li setgħet titwassal li twettaq tali abbużi f’dan is-suq. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tikkritikax lir-rikorrenti li estendiet, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-provvista ta’ linjite għas-suq tal-provvista ta’ linjite għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku.

93      Meta tikkonstata sempliċement li r-rikorrenti, li kienet impriża monopolista, tkompli żżomm pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku grazzi għall-vantaġġ li jagħtiha l-aċċess privileġġjat għal-linjite u li din is-sitwazzjoni toħloq inugwaljanza fl-opportunitajiet f’dan is-suq bejn ir-rikorrenti u l-impriżi l-oħra, il-Kummissjoni la identifikat u lanqas ma stabbiliet b’mod suffiċjenti fid-dritt liema abbuż, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, il-miżura tal-Istat inkwistjoni wasslet jew setgħet twassal lir-rikorrenti.

94      Għandu jiżdied ukoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-ewwel nett semmiet, meta ċċitat is-sentenza Raso et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 27), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 86(1) KE u fl-Artikolu 82 KE meta l-impriża inkwistjoni hija mwassla, mill-eserċizzju biss ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali li ngħatawlha, li tisfrutta l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet jistgħu joħolqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża titwassal li twettaq tali abbużi. Din il-ġurisprudenza hija waħda stabbilita u mfakkra b’mod partikolari fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Höfner u Elser, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29), tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova (C‑179/90, Ġabra p. I‑5889, punt 17), tal-11 ta’ Diċembru 1997, Job Centre (C‑55/96, Ġabra p. I‑7119, punt 31), u tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, Ġabra p. I‑4863, punti 50 u 51).

95      Issa minn dawn is-sentenzi, dibattuti quddiem il-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li s-sempliċi fatt ta’ ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, permezz ta’ miżura tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE, ma huwiex fih innifsu inkompatibbli mal-Artikolu 82 KE, ivverifikat f’kull każ ta’ din il-kawża jekk l-impriża inkwistjoni setgħetx titwassal, mill-ezerċizzju biss tad-dritt esklużiv jew speċjali mogħti mill-miżura tal-Istat, li tisfrutta l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv.

96      Għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza Raso et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, sa fejn id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni mhux biss tat lil impriża tal-port id-dritt esklużiv li tipprovdi l-manodopera lill-impriżi awtorizzati li joperaw fil-port, iżda ppermettitilha wkoll li tikkompeti ma’ dawn l-impriżi fis-suq tas-servizzi tal-port, din il-kumpannija tal-port sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess. Il-kumpanija inkwistjoni kienet imwassla sabiex tabbuża mid-dritt esklużiv tagħha bili timponi fuq il-kompetituri tagħha fis-suq ta’ operazzjonijiet tal-port prezzijiet eċċessivi għall-provvista ta’ manodopera jew billi poġġiet għad-dispożizzjoni tagħha manodopera inqas adatta għall-kompiti li għandhom jitwettqu (sentenza Raso et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 30).

97      Fis-sentenza MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq, il-kwistjoni kienet dwar jekk l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 86(1) tal-KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tat lil persuna ġuridika, li setgħet hija stess torganizza kompetizzjonijiet ta’ motoċikliżmu u l-isfruttament kummerċjali tagħhom, is-setgħa li tagħti opinjoni favorevoli għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati sabiex jiġu organizzati dawn il-kompetizzjonijiet, mingħajr ma din is-setgħa tkun suġġetta għal limitazzjonijiet, għal obbligi u għal kontroll. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-għoti permezz ta’ miżura tal-Istat tad-drittijiet inkwistjoni lil din l-entità jammonta de facto għas-setgħa li jinħatru l-persuni awtorizzati sabiex jorganizzaw l-imsemmija kompetizzjonijiet kif ukoll li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li taħthom dawn tal-aħħar ikunu organizzati u li b’hekk din l-entità tingħata vantaġġ ovvju fuq il-kompetituri tagħha, li jista’ jwassal sabiex ma jiġi ostakolat l-aċċess minn operaturi oħra fis-suq rilevanti (sentenza MOTOE, iċċittata iktar ’il fuq, punt 51).

98      Fis-sentenza Höfner u Elser, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa li tivverifika jekk iż-żamma ta’ monopolju ta’ reklutaġġ ta’ uffiċjali eżekuttivi u ta’ maniġers ta’ impriżi, li jikkonsisti essenzjalment f’li l-applikanti għal xogħol jitqiegħdu f’kuntatt ma’ dawk li jimpjegaw, attività eżerċitata minn uffiċċju pubbliku għall-impjieg taħt dritt esklużiv, tikkostitwixxix ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 90(1) tat-Trattat KE (li sar Artikolu 86(1) KE) u tal-Artikolu 86 tat-Trattat KE (li sar Artikolu 82 KE). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 86(1) KE jekk l-uffiċċju pubbliku kienet neċessarjament wassal, mis-sempliċi eżerċizzju tad-dritt esklużiv li ngħatalu, li jisfrutta l-pożizzjoni dominanti tiegħu b’mod abbużiv, u dan kien il-każ meta l-uffiċċju pubbliku manifestament ma setax ilaħħaq mad-domanda ppreżentata mis-suq għal dan it-tip ta’ attivitajiet u fejn l-eżerċizzju effettiv ta’ dawn l-attivitajiet minn kumpanniji privati sar impossibbli miż-żamma fis-seħħ ta’ dispożizzjoni legali li tipprojbixxi dawn l-attivitajiet taħt piena ta’ nullità ta’ kuntratti korrispondenti (sentenza Höfner u Elser, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30, 31 u 34).

99      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat miżura tal-Istat li wasslet l-uffiċċju pubbliku għal aġir abużiv, fis-sens tat-tieni paragrafu (b) tal-Artikolu 86 tat-Trattat KE [li sar it-tieni paragrafu (b) tal-Artikolu 82 KE], sa fejn l-attività tal-uffiċċju pubbliku setgħet tikkonsisti f’limitazzjoni tas-servizz offrut bi preġudizzju tal-applikanti tas-servizz inkwistjoni.

100    Fis-sentenza Job Centre, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-miżura nazzjonali setgħet toħloq sitwazzjoni fejn is-servizz kien limitat, fis-sens tat-tieni paragrafu (b) tal-Artikolu 82 KE. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta jipprojbixxi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali u amministrattivi, kwalunkwe attività ta’ medjazzjoni u ta’ interpożizzjoni bejn talbiet u offerti ta’ impjieg, meta din ma hijiex eżerċitata minn uffiċċji pubbliċi ta’ reklutaġġ, Stat Membru joħloq sitwazzjoni li fiha s-servizz huwa limitat fis-sens tat-tieni paragrafu(b) tal-Artikolu 82KE, meta dawn l-uffiċċji manifestament ma jistgħux jissodisfaw, għat-tipi kollha ta’ attivitajiet, id-domanda li dan is-suq tax-xogħol jippreżenta (sentenza Job Centre, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 35).

101    Is-sentenza Merci convenzionali porto di Genova, iċċitata iktar ’il fuq, tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali li biha impriża li tibbenefika minn dritt esklużiv għall-operazzjonijiet tal-port, b’mod partikolari ta’ tagħbija, ta’ ħatt u ta’ moviment ġenerali ta’ merkanzija fil-port.

102    F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jikser l-Artikolu 86(1)KE meta joħloq sitwazzjoni fejn l-impriża investita bi drittijiet esklużivi kienet, minn dan il-fatt, imwassla kemm li tirrikjedi l-ħlas ta’ servizzi mhux mitluba, kemm li titlob prezzijiet sproporzjonati, kemm li tirrifjuta l-użu ta’ teknoloġija moderna, kif ukoll li tagħti tnaqqis ta’ prezz lil ċerti konsumaturi b’kumpens fl-istess ħin għal dan it-tnaqqis b’żieda fil-prezzijiet mitluba lil utenti oħra (punti 19 u 20). Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi espliċitament għat-tieni paragrafu (a) sa (ċ) tal-Artikolu 86 tat-Trattat KE [li sar it-tieni paragrafu (a) sa (ċ) tal-Artikolu 82 KE].

103    Minn dawn is-sentenzi, imfakkra fil-punti 96 sa 102 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża li tgawdi minn dritt esklużiv jew speċjali jista’ kemm jirriżulta mill-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt b’mod abużiv kif ukoll ikun konsegwenza diretta ta’ dan id-dritt. Madankollu, ma jirriżultax minn din il-ġurisprudenza li l-fatt biss li l-impriża inkwistjoni tinsab f’pożizzjoni vantaġġuża meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, minħabba miżura tal-Istat, jikkostitwixxi fih innifsu abbuż minn pożizzjoni dominanti.

104    Billi tibbaża b’mod partikolari fuq is-sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni, GB-Inno-BM u Connect Austria, iċċitati iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssostni, madankollu, li hija bbażat il-konklużjoni tagħha li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 86(1)KE u tal-Artikolu 82 KE b’mod iktar preċiż fuq il-ġurisprudenza li skontha sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta bħal dik prevista mit-Trattat tista’ tiġi ggarantita biss jekk l-ugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi tkun żgurata. Jekk l-inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, u għaldaqstant il-kompetizzjoni distorta, hija l-effett ta’ miżura tal-Istat, tali miżura tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 86(1)KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE.

105    Issa, minn dawn is-sentenzi ma jirriżultax li, sabiex jiġi kkunsidrat li ksur tal-Artikolu 86(1)KE twettaq, applikat flimkien mal-Artikolu 82KE, huwa suffiċjenti li jiġi stabbilit li miżura tal-Istat toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi toħloq inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi identifikat abbuż mill-pożizzjoni dominanti tal-impriża.

106    Fil-fatt, fis-sentenza GB-Inno-BM, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Régie des télégraphes et des téléphones (RTT) kellha, skont il-liġi Belġjana, il-monopolju tal-istabbiliment u tal-operazzjoni tan-netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet u akkumulat ukoll, taħt il-liġi, is-setgħat li tawtorizza jew li tirrifjuta l-konnessjoni tal-apparat tat-telefon man-netwerk, li tispeċifika l-istandards tekniċi li għandhom jiġu sodisfatti minn dan it-tagħmir u li tivverifika jekk l-apparat mhux prodott minnha kienx konformi mal-ispeċifikazzjonijiet li hija kienet adottat. Il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox ikkonstatat li l-fatt, għal impriża li kellha monopolju fuq is-suq tal-istabbiliment u l-operazzjoni tan-netwerk, li tirriżerva, mingħajr neċessità oġġettiva, suq viċin, iżda distint, f’dan il-każ dak tal-importazzjoni, tal-marketing, tal-konnessjoni, tal-kummissjonar u tal-manutenzjoni tal-apparat maħsub sabiex jiġi konness ma’ dan in-network, billi tiġi eliminata kwalunkwe kompetizzjoni min-naħa ta’ impriżi oħrajn, kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 82 KE (sentenza GB-Inno-BM, iċċitata iktar ’il fuq, punti 15 u 19).

107    Sussegwentement, wara li fakkret li l-Artikolu 82 KE kien intiż biss għal aġir antikompetittiv li ġie adottat mill-impriżi fuq l-inizjattiva tagħhom stess u mhux minn miżuri tal-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, jekk l-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża pubblika jew tal-impriża li lilha l-Istat ta drittijiet speċjali jew esklużivi kien ir-riżultat ta’ miżura tal-Istat, tali miżura kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 90 tat-Trattat KE (li sar Artikolu 86 KE) flimkien mal-Artikolu 82 KE. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 86 KE jipprojbixxi lill-Istati Membri li, permezz ta’ liġijiet, ta’ regolamenti jew ta’ miżuri amministrattivi, iqiegħdu dawn l-impriżi f’sitwazzjoni li fiha dawn l-impriżi ma setgħux isibu ruħhom fiha b’aġir awtonomu mingħajr ma jiksru id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82 KE (punt 20).

108    Fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni sostniet li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 24 tagħha, b’risposta għal argument ta’ RTT, li ma kienx neċessarju li jiġi kkonstatat aġir abużiv tal-impriża.

109    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet attenta sabiex tindika li impriża li tikkummerċjalizza apparat terminali tingħata l-kompitu li tfassal speċifikazzjonijiet għall-apparat terminali, li tissorvelja l-applikazzjoni tiegħu u li tiċċertifika dan l-apparat ifisser li tingħata s-setgħa li tiddetermina, kif trid hi, liema apparat terminali jista’ jiġi konness man-netwerk pubbliku u li b’hekk tingħata vantaġġ ovvju fuq il-kompetituri tagħha (punt 25). Hija l-estensjoni tal-monopolju tal-istabbiliment u tal-operazzjoni tan-netwerk tat-telefon għas-suq tal-apparat tat-telefon, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, li ġiet ikkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala pprojbita bħala tali mill-Artikolu 86(1) KE, meta din l-estensjoni kienet ikkawżata minn miżura tal-Istat (sentenza GB-Inno-BM, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 sa 25).

110    Fis-sentenza Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq, impriża pubblika, li tgawdi minn dritt esklużiv li topera n-netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli analoġiċi, kienet irċeviet mingħajr ħlas l-allokazzjoni ta’ frekwenzi DCS 1800, u dan ippermettilha li tkun l-uniku operatur li jista’ joffri l-firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli teknikament disponibbli, filwaqt li waħda mill-kompetituri tagħha, Connect Austria, ingħatat liċenzja sabiex tipprovdu servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli fil-firxa ta’ frekwenzi DCS 1800 għal tariffa (punti 43 sa 45).

111    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li, mingħajr ma tiġi imposta tariffa distinta, jiġu allokati frekwenzi addizzjonali fil-firxa ta’ frekwenzi rriżervat għall-istandard DCS 1800 lil impriża pubblika f’pożizzjoni dominanti, filwaqt li min jidħol ġdid fis-suq inkwistjoni kellu jħallas tariffa għal-liċenzja tiegħu DCS 1800 kien seta’ jwassal lill-impriża pubblika f’pożizzjoni dominanti li tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82 KE, billi testendi jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha. Peress li, f’dan il-każ, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni hija kkawżata minn miżura tal-Istat li toħloq sitwazzjoni li fiha l-ugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi differenti kkonċernati ma hijiex żgurata, din tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE (Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq, punt 87). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-impriża pubblika tista’ ssib ruħha f’sitwazzjoni fejn hija b’mod partikolari titwassal li toffri tariffi mnaqqsa, b’mod partikolari lill-abbonati potenzjali tas-sistema DCS 1800, u li tagħmel kampanji ta’ reklamar intensivi f’kundizzjonijiet li fihom Connect Austria kien ikollha diffikultajiet sabiex tikkompeti fihom (punt 86). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ukoll inkunsiderazzjoni wkoll l-aġir tal-impriża pubblika fuq is-suq.

112    Bl-istess mod, fis-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li rrilevat li sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, bħal dik prevista mit-Trattat, tista’ tiġi ggarantita biss jekk l-ugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi differenti tiġi żgurata, osservat li meta impriża li tikkummerċjalizza apparat terminali tingħata l-kompitu li tfassal speċifikazzjonijiet għall-apparat terminali, li tissorvelja l-implementazzjoni tagħhom, u li tiċċertifika dan l-apparat ifisser li tingħata s-setgħa li tiddetermina, kif trid hi, liema kien l-apparat terminali li seta’ jiġi konness man-netwerk pubbliku u li hija tingħata b’hekk vantaġġ evidenti fuq il-kompetituri tagħha.

113    B’hekk, għalkemm huwa b’mod eżatt li l-Qorti tal-Ġustizzja użat il-formulazzjonijiet imfakkra fil-punt 104 iktar ’il fuq, invokati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma tistax tibbaża ruħha biss fuq dawn il-formulazzjonijiet meħuda b’mod iżolat minn sentenzi mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħhom.

114    Fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni invokat ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 1998, Dusseldorp et (C‑203/96, Ġabra p. I‑4075), sabiex issostni t-teżi tagħha.

115    Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, l-awtoritajiet Olandiżi kienu ħatru l-kumpannija AVR Chemie CV bħala l-uniku operatur finali għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż f’forn li jdur ta’ prestazzjoni għolja. Il-kumpannija Chemische Afvalstoffen Dusseldorp BV ġiet irrifjutata l-awtorizzazzjoni li tesporta fil-Ġermanja l-filtri tagħha taż-żejt, kif ukoll l-iskart perikoluż, peress li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-ipproċessar ta’ dan l-iskart kien żgurat minn AVR Chemie. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-fatt li Chemische Afvalstoffen Dusseldorp ġiet ipprojbita milli tesporta l-filtri taż-żejt tagħha iffisser, fil-prattika, li ġie impost obbligu fuqha li tagħti l-iskart tagħha sabiex dan jiġi rkuprat lill-impriża nazzjonali, detentriċi tad-dritt tesklużiv li taħraq l-iskart perikoluż, anki jekk il-kwalità tal-ipproċessar offert minn Stat Membru ieħor kienet jista’ jitqabbel ma’ dak tal-impriża nazzjonali.

116    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali obbligu, li kellu l-effett li jiffavorixxu l-impriża nazzjonali billi ppermettilha li tipproċessa l-iskart li kien maħsub li jiġi pproċessat minn impriża terza, kellu l-konsewenza li jillimita s-swieq b’mod kuntrarju għall-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE (sentenza Dusseldorp et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

117    Huwa minnu li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-limitazzjoni ta’ swieq kkonstatata f’din il-kawża kienet derivat mill-għoti mil-liġi Olandiża ta’ dritt esklużiv ta’ ipproċessar ta’ skart perikoluż għall-benefiċċju tal-impriża AVR Chemie, u dan jimpedixxi kwalunkwe mezz ieħor li jiġi żgurat l-ipproċeesar tal-prodott inkwistjoni, u mhux il-mod kif din l-impriża kienet teżerċita dan id-dritt esklużiv. Jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat l-abbuż li l-liġi Olandiża wasslet lill-impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti għalih, jiġifieri l-limitazzjoni ta’ swieq bi preġudizzju għall-konsumaturi fis-sens tat-tieni paragrafu (b) tal-Artikolu 82. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-ġurisprudenza li skontha Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 86 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE, jekk jieħu miżura li twassal lil impriża li lilha jagħti drittijiet esklużivi li tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha (punt 61).

118    Għaldaqstant ma jidhirx li l-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni tippermetti li tiġi injorata l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq u li tibbaża biss fuq il-kwistjoni dwar jekk l-inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, li b’hekk ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni, kinitx kawża tal-miżura tal-Istat. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax issostni li hija ma kinitx obbligata li tidentifika u li tistabbilixxi l-abbuż mill-pożizzjoni dominanti li l-miżura tal-Istat inkwistjoni jkun wassal jew li seta’ jwassal lir-rikorrenti. Issa, kif ġie kkonstatat fil-punti 87 sa 93 iktar ’il fuq, ma hemmx evidenza fuq dan fid-deċiżjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

119    Minn dan isegwi li l-ilment imsemmi fil-punt 84 iktar ’il fuq, invokat mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni u tar-raba’ partijiet tal-ewwel motiv, huwa fondat. Id-deċiżjoni kkontestata għandha, konsegwentement, tiġi annullata mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti, il-partijiet u l-motivi l-oħrajn ippreżentati.

 Fuq l-ispejjeż

120    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tar-rikorrenti.

121    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika Ellenika għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Barra minn hekk, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 87(4) ta’ dawn l-istess Regoli tal-Proċedura, hemm lok li jiġu kkundannati l-impriżi intervenjenti li jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 824 finali, tal-5 ta’ Marzu 2008, dwar l-għoti jew iż-żamma mir-Repubblika Ellenika ta’ drittijiet lil Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) għall-estrazzjoni ta’ linjite hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata li tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk ta’ DEI.

3)      Ir-Repubblika Ellenika, Elliniki Energeia kai Anaptyxi AE (HE & DSA) u Energeiaki Thessalonikis AE għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Kanninen

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Settembru 2012. .

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.