Language of document : ECLI:EU:C:2012:312

Kawża C-188/11

Peter Hehenberger

vs

Republik Österreich

(talba għal deċiżjoni preliminari
mressqa

mil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien)

“Agrikoltura — Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija — Regolamenti (KE) Nri 1257/1999 u 817/2004 — Sostenn għall-metodi ta’ produzzjoni agroambjentali — Spezzjonijiet — Benefiċjarju ta’ għajnuna agrikola — Fatt li tkun ġiet prekluża spezzjoni fuq il-post — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ ir-rimbors tal-għajnuna kollha mħallsa matul numru ta’ snin — Kompatibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Finanzjament mill-FAEGG — Sostenn għall-iżvilupp rurali — Sostenn għall-metodi ta’ produzzjoni agroambjentali — Għoti suġġett għal spezzjoni fuq il-post

(Regolament tal-Kunsill Nru 1257/1999; Regolament tal-Kummissjoni Nru 817/2004)

Ir-Regolament Nru 1257/1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG), moqri flimkien mar-Regolament Nru 817/2004, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1257/1999, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li meta l-ispezzjoni li kienet ser issir fuq is-superfiċji kkonċernati tiġi prekluża mill-bidwi benefiċjarju ta’ għajnuna, l-għajnuna kollha li tkun ingħatat u tħallset lil dan tal-aħħar fil-kuntest ta’ miżura agroambjentali matul il-perijodu ta’ impenn għandha tiġi rrimborsata, anki meta din l-għajnuna tkun diġà tħallset matul numru ta’ snin.

Fil-fatt, il-kundizzjonijiet għall-għoti tas-sostenn ma humiex meħtieġa biss għas-sena li matulha kienet saret spezzjoni fuq il-post, iżda matul il-perijodu kollu ta’ impenn li għalih din l-għajnuna kienet ingħatat, b’mod li, hekk kif jeħtieġ l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 817/2004, l-ispezzjonijiet fil-post relatati mal-għajnuna msemmija iktar ’il fuq jirrigwardaw l-impenji kollha. Aġir ta’ bidwi li jagħmel impossibbli t-twettiq ta’ tali spezzjonijiet jipprekludi, minħabba f’hekk, li jiġi spezzjonat jekk l-imsemmija kundizzjonijiet kinux ġew osservati matul il-perijodu kollu tal-impenn.

Minbarra dan, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta’ għajnuna, l-esklużjoni li twassal għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tammontax għal sanzjoni, iżda għal sempliċi konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet previsti mil-liġi.

(ara l-punti 34, 37, 38 u d-dispożittiv)