Language of document : ECLI:EU:T:2011:286

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet – Tqassim tas-suq – Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti – Ksur uniku u kontinwu – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Multi – Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006”

Fil-Kawżi magħquda T‑204/08 u T‑212/08,

Team Relocations NV, stabbilita f’Zaventem (il-Belġju), irrappreżentata minn H. Gilliams u J. Bocken, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑204/08,

Amertranseuro International Holdings Ltd,

Trans Euro Ltd,

Team Relocations Ltd,

stabbiliti f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentati minn L. Gyselen, avukat,

rikorrenti fil-kawża T‑212/08,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, A. Antoniadis u N. von Lingen, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), kif ukoll, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Papasavvas, li qed jaġixxi bħala President, N. Wahl u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti

1.     Suġġett

1        Skont it-termini tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”), li sommarju tagħha huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Awwissu 2009 (ĠU C 188, p. 16), Team Relocations NV, ipparteċipat f’akkordju fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, li jirrigwarda l-iffissar, dirett jew indirett, tal-prezzijiet, dwar it-tqassim tas-suq u dwar il-manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħiet għal offerti. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-akkordju tħaddem għal kważi 19-il sena (minn Ottubru 1984 sa Settembru 2003). Il-membri tiegħu ffissaw il-prezzijiet, ippreżentaw kwotazzjonijiet foloz (magħrufa bħala “kwotazzjoni ta’ konvenjenza”, iktar ’il quddiem il-“KTK”) lill-klijenti u għamlu tajjeb għal xulxin fil-każ ta’ offerti miċħuda permezz ta’ sistema ta’ kumpensi finanzjarji (iktar ’il quddiem il-“kummissjonijiet”).

2.     Rikorrenti

2        Team Relocations inħolqot taħt l-isem Transeuro Worldwide Movers NV (il-Belġju) fis-7 ta’ Mejju 1993. Isimha nbidel fil-5 ta’ Settembru 2002. Minn Jannar 2004, il-kumpannija parent 100 % ta’ Team Relocations hija Team Relocations Ltd., kumpannija attiva fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr u li 100 % tal-azzjonijiet tagħha huma miżmuma mill-kumpannija Trans Euro Ltd. Sa mit-8 ta’ Settembru 2000, 100 % tal-azzjonijiet ta’ Trans Euro huma miżmuma minn Amertranseuro International Holdings Ltd (iktar ’il quddiem “Amertranseuro”).

3        Matul is-sena finanzjarja magħluqa fit-30 ta’ Settembru 2006, Amertranseuro wettqet dħul mill-bejgħ mondjali kkonsolidat ta’ EUR 44 352 733.

3.     Il-proċedura amministrattiva

4        Skont id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura fuq inizjattiva tagħha stess, minħabba li kellha informazzjoni li tindika li xi kumpanniji Belġjani attivi fis‑settur tal-ġarr internazzjonali kienu involuti fi ftehim li huma suxxettibbli li jaqgħu taħt il-projbizzjoni fl-Artikolu 81 KE.

5        Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), twettqu verifiki għand Allied Arthur Pierre NV, Interdean NV, Transworld International NV u Ziegler SA f’Settembru 2003. Insegwitu għal dawn il-verifiki, Allied Arthur Pierre ressqet applikazzjoni għal immunità jew tnaqqis tal-multa skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”). Allied Arthur Pierre ammettiet il‑parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar il-kummissjonijiet u l-KTK, elenkat il‑kompetituri involuti, b’mod partikolari kompetitur li preċedentement ma kienx magħruf mill-Kummissjoni, u sssottomettiet dokumenti li jikkorroboraw id‑dikjarazzjonijiet orali tagħha.

6        Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), diversi talbiet bil-miktub, għal informazzjoni, ġew indirizzati lill-impriżi involuti fil-ftehim antikompetittiv, kif ukoll lil organizzazzjoni professjonali. Fit-18 ta’ Ottubru 2006, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata u nnotifikata lil numru ta’ kumpanniji. Id-destinatarji kollha wieġbu. Ir-rappreżentanti tagħhom, ħlief għal dawk ta’ Amertranseuro International Holdings Ltd, ta’ Stichting Administratiekantoor Portielje, ta’ Team Relocations Ltd u ta’ Trans Euro Ltd, invokaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti fil-fajl tal-Kummissjoni, li kienu disponibbli biss fil-bini tal-Kummissjoni. Ġew mogħtija aċċess bejn is-6 u d-29 ta’ Novembru 2006. Is-seduta saret fit-22 ta’ Marzu 2007.

7        Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fil-11 ta’ Marzu 2008.

4.     Id-Deċiżjoni

8        Il-Kummissjoni ssostni li d-destinatarji tad-Deċiżjoni, fosthom ir-rikorrenti, Team Relocations, Amertranseuro, Trans Euro u Team Relaocations Ltd, ipparteċipaw f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, jew inżammu responsabbli ta’ dan. Il-parteċipanti fl-akkordju ffissaw il-prezzijiet, qassmu bejniethom il-klijenti u mmanipulaw is-sejħiet għal offerti mill-inqas mill-1984 sal-2003. Bħala riżultat, huma wettqu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE.

9        Skont il-Kummissjoni, is-servizzi kkonċernati jinkludu kemm il-ġarr ta’ beni ta’ persuna fiżika, li huma individwi jew impjegati ta’ impriża jew ta’ istituzzjoni pubblika, kif ukoll il-ġarr ta’ beni ta’ impriżi jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi. Dan il-ġarr huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-Belġju huwa l-punt ta’ oriġini jew id-destinazzjoni. Fid-dawl ukoll tal-fatt li l-kumpanniji internazzjonali tal-ġarr inkwistjoni kollha jinsabu fil-Belġju u li l-attività tal-akkordju ssir fil-Belġju, il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat iċ-ċentru ġeografiku tal-akkordju bħala li kien il-Belġju.

10      Id-dħul mill-bejgħ kollu tal-parteċipanti fl-akkordju għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, ġie stmat mill-Kummissjoni għal EUR 41 miljun għas-sena 2002. Billi hija qieset li d-daqs tas-settur huwa ta’ madwar EUR 83 miljun, is-sehem tas-suq tal-kumpanniji involuti ġie stabbilit għal madwar 50 %.

11      Il-Kummissjoni tiddikjara li, b’mod partikolari, l-akkordju kien intiż sabiex jistabbilixxi u jżomm prezzijiet għoljin u sabiex fl-istess ħin, jew iktar tard, jitqassam is-suq f’modi differenti: ftehim dwar il-prezzijiet, ftehim dwar il-qsim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza (il-KTK) u ftehim dwar sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħuda jew f’każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista (il-kummissjonijiet).

12      Il-Kummissjoni tqis li bejn l-1984 u l-bidu tas-snin 90, l-akkordju b’mod partikolari ffunzjona fuq il-bażi ta’ ftehim bil-miktub ta’ ffissar tal-prezzijiet. Fl-istess ħin, il-kummissjonijiet u l-KTK ġew introdotti. Kummissjoni hija element moħbi fil-prezz finali li l-konsumatur kellu jħallas mingħajr ma jirċievi xi benefiċċju ekwivalenti. Fil-fatt, din tirrappreżenta somma ta’ flus li l-kumpannija tal-ġarr li tkun kisbet il-kuntratt għal ġarr internazzjonali għandha tħallas lill-kompetituri li ma jiksbux il-kuntratt, kemm jekk dawn ikunu ressqu offerta jew jekk ikunu astjenew milli jagħmlu dan. Din għalhekk hija tip ta’ kumpens finanzjarju għall-kumpanniji tal-ġarr li ma jiksbux il-kuntratt. Il-membri tal-akkordju joħorġu kontijiet lil xulxin ibbażati fuq il-kummissjonijiet għal offerti miċħuda jew li jkunu astjenew għalihom, billi jibbażawhom fuq servizzi fittizji, u l-ammont ta’ dawn il-kummissjonijiet jintalbu lill-klijenti. Il-Kummissjoni ssostni li din il-prattika għandha titqies bħala ffissar indirett tal-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju.

13      Il-membri ta’ dan l-akkordju kkooperaw ukoll sabiex jippreżentaw KTK, li jħallu lill-klijenti jaħsbu, jiġifieri dawk lil min iħaddem li qed iħallas għall-ġarr, li huma jistgħu jagħżlu skont kriterji bbażati fuq il-kompetizzjoni. KTK hija kwotazzjoni inkorretta mogħtija lill-klijent jew lill-persuna li ser iġġorr permezz ta’ kumpannija tal-ġarr li ma għandhiex l-intenzjoni li teżegwixxi l-ġarr. Billi tipprovdi KTK, il-kumpannija tal-ġarr li riedet tirbaħ il-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kumpannija li talbet għal KTK” kienet tiżgura li l-istituzzjoni jew l-impriża tirċievi numru ta’ kwotazzjonijiet, kemm direttament jew indirettament permezz tal-persuna li biħsieba ġġorr. Għal dan il-għan, il-kumpannija li talbet għal KTK tindika lill-kompetituri l-prezz, ir-rati ta’ assigurazzjoni u l-ispejjeż għall-ħażna li huma kellhom jitolbu għas-servizz. Dan il-prezz ogħla mill-prezz propost mill-kumpannija li talbet għal KTK, kien sussegwentement indikat fil-KTK. Skont il-Kummissjoni, billi l-persuna li biħsieba ġġorr normalment tagħżel il-kumpannija tal-ġarr li toffri l-iktar prezz baxx, il-kumpanniji involuti fl-istess ġarr internazzjonali, fil-prinċipju jafu minn qabel liema minnhom tista’ tirbaħ il-kuntratt għal dan il-ġarr.

14      Barra minn dan, il-Kummissjoni tqis li l-prezz mitlub mill-kumpannija li talbet għal KTK jista’ jkun ogħla milli kieku kien ikun għaliex il-kumpanniji l-oħra involuti fl-istess ġarr ippreżentaw KTK li inkludew prezz speċifikat mill-kumpannija li talbet għal KTK. Pereżempju, il-Kummissjoni tirreferi, fil-premessa 233 tad-Deċiżjoni, għal posta elettronika interna ta’ Allied Arthur Pierre, datata l-11 ta’ Lulju 1997 li tgħid: “[I]l-klijent talab għal żewġ [KTK], nistgħu għalhekk nitolbu prezz għoli.” Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li l-għoti ta’ KTK lill-klijenti kien manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħiet għal offerti b’mod li l-prezzijiet fl-offerti kienu deliberatament ogħla mill-prezz tal-kumpannija li talbet għal KTK, u ogħla milli kienu jkunu f’ambjent kompetittiv.

15      Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-arranġamenti ġew stabbiliti sal-2003. Hija tqis li dawn l-attivitajiet kumplessi kellhom l-istess għan li jiġu ffissati l-prezzijiet, li jitqassam is-suq, u b’hekk li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

16      Għalhekk, fl-aħħar nett il-Kummissjoni adottat id-dispożittiv tad-Deċiżjoni, fejn l-Artikolu 1 huwa fformulat hekk kif ġej:

“L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] billi stabbilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għal offerti matul il-perijodi indikati:

[…]

g)      [Team Relocations], mill-20 ta’ Jannar 1997 sal-10 ta’ Settembru 2003; ma’ Trans Euro […] u Team Relocations Ltd, mill-20 ta’ Jannar 1997 sas-7 ta’ Settembru 2000; ma’ [Amertranseuro], Trans Euro […] u Team Relocations Ltd, mit-8 ta’ Settembru 2000 sal-10 ta’ Settembru 2003;

[…]”

17      Konsegwentement, fl-Artikolu 2(i) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 3.49 miljun lil Team Relocations, li EUR 3 miljuni minnhom huma responsabbli għalihom in solidum Trans Euro u Team Relocations Ltd u EUR 1.3 miljun huma responsabbli għalihom in solidum Amertranseuro, Trans Euro u Team Relocations Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“grupp Amertranseuro”).

18      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodu spjegat fil-linji gwida tagħha dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”).

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn ir-rikorsi.

20      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Marzu 2010, il-Kawżi T‑204/08 u T‑212/08 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

21      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Aril 2008. Permezz ta’ ittra ddepożitata fir-Reġistru fis-6 ta’ Awwissu 2010, Team Relocations talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2010.

22      Fil-Kawża T‑204/08, Team Relocations titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, sa fejn timponilha multa ta’ EUR 3.49 miljun;

–        sussidjarjament, tnaqqas b’mod konsiderevoli l-multa imposta mid-Deċiżjoni;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-istanza.

23      Barra minn hekk, Team Relocations tistieden lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni turi l-fatturi li din tal-aħħar ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tagħti lil Interdean tnaqqis ta’ 70 % tal-multa li kieku kienet imponitilha.

24      Fil-Kawża T‑212/08, Amertranseuro, Trans Euro u Team Relocations Ltd jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2(i) tad-Deċiżjoni, sa fejn tiddikjarahom reponsabbli in solidum għall-allegat ksur imwettaq minn Team Relocations tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE matul il-perijodu bejn Jannar 1997 u Settembru 2003;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2(i) tad-Deċiżjoni, sa fejn effettivament ma jillimitax ir-responsabbiltà in solidum ta’ Amertranseuro għall-ammont ta’ EUR 1.3 miljun;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Fil-Kawżi T‑204/08 u T‑212/08, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Team Relocations tqajjem tmien motivi intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni u l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa. Amertranseuro, Trans Euro u Team Relocations Ltd iqajjmu żewġ motivi, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-ksur imwettaq minn Team Relocations u tal-inkapaċità tagħhom li jħallsu l-multa. Peress li dawn l-aħħar żewġ motivi jikkorrispondu rispettivament, għall-ewwel parti tas-seba’ motiv u għat-tmien motiv ta’ Team Relocations, jaqbel li jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn l-ilmenti.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq li Team Relocatins ma ħaditx sehem fil-ksur uniku u kontinwu deskritt mid-Deċiżjoni

27      Permezz ta’ dan il-motiv, Team Relocations tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwu deskritt mid-Deċiżjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

28      Team Relocations issostni li, sabiex timputalha r-responsabbiltà tal-ksur uniku msemmi fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova, l-ewwel nett, li Team Relocations kienet taf bil-komportament illegali tal-parteċipanti l-oħra, jew li setgħet b’mod raġonevoli tkun taf bihom u li kienet lesta li taċċetta r-riskju tagħhom, u, it-tieni nett, li l-prattiki diversi deskritti fid-Deċiżjoni kellhom għan komuni u li Team Relocations kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi sabiex tilħaq dawn l-għanijiet bl-aġir tagħha.

29      Skont Team Relocations, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li dawn il-kundizzjonijiet ġew sodisfatti. L-ewwel nett, hi ma kinitx taf bl-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Id-Deċiżjoni ma semmiet l-ebda prova dokumentarja li turi li Team Relocations kienet taf jew li kellha neċessarjament tkun taf bil-ftehim fuq il-prezzijiet u bil-KTK, billi, sa mill-1997, xi kultant aċċettat xi kummissjonijiet. Huwa biss fi Frar 2002 li ħarġet jew talbet għall-ewwel darba KTK. Team Relocations lanqas ma pparteċipat għal laqgħat ta’ natura antikompetittiva fejn ġie konkluż pjan komprensiv antikompetittiv.

30      It-tieni nett, Team Relocations issostni li ma ħadet sehem la fi pjan komprensiv u lanqas fi ksur “kontinwu”. Hija ma ħadet sehem fl-ebda wieħed mill-ftehim bil-miktub dwar l-iffissar tal-prezzijiet. Il-kummissjonijiet li kkonsentiet għalihom kienu intiżi sabiex jippermettu lil min ikun qed iġorr jirkupra l-ispejjeż li jkun daħal fihom għall-ġarr partikolari, u mhux sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet, jitqassmu l-klijenti jew iqassmu s-suq bejniethom. Dawn il-pjanijiet dwar il-kummissjonijiet kienu iżolati, u mhux applikabbli b’mod ġenerali jew awtomatiku. Il-KTK dejjem inkisbu fuq talba, jew tal-inqas bil-kunsens, tal-persuna fiżika li ġġorr u nħarġu biss wara li l-klijent ikun għażel l-impriża tal-ġarr.

31      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-affermazzjonijiet u tikkunsidra li, billi ħadet sehem f’tal-inqas tnejn minn dawn il-ftehim, Team Relocations kienet taf jew neċessarjament kellha tkun taf bil-pjan komprensiv li jwassal għal ksur uniku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-allegazzjoni li tgħid li Team Relocations ma pparteċipatx fil-ftehim bil-miktub dwar il-prezzijiet ma għandha l-ebda effett fuq ir-responsabbiltà li hija imputata fuqha għal ksur uniku u kontinwu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

32      Permezz ta’ dan il-motiv, Team Relocations ma tikkontestax li kisret l-Artikolu 81 KE. Kuntrarjament, hija ssostni li ma ħaditx sehem fil-ksur uniku u kontinwu deskritt mid-Deċiżjoni. Konsegwentement, jaqbel, l-ewwel nett, li jitfakkar il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu.

 Fuq il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu

33      Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 82), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li huwa artifiċjali li aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn għan wieħed jinqasam, billi jidhru fih diversi ksur distinti, meta kuntrarjament ikun ksur uniku li progressivament ġie kkonkretizzat kemm bi ftehim kif ukoll bi prattiki miftiehma.

34      F’tali ċirkustanzi, impriża li tkun ipparteċipat fi ksur b’aġir tagħha stess, li kien jaqa’ taħt kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE u li kienu intiżi sabiex jikkontribwixxu għat-twettieq tal-ksur fl-intier tiegħu hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha għall-imsemmi ksur, tal-aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 83).

35      Minn din is-sentenza jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-impriża kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi bl-aġir tagħha għall-għanijiet komuni intiżi mill-parteċipanti kollha li kienet taf bl-aġir materjali intiż jew implementat minn impriżi oħra sabiex jilħqu l-istess għanijiet, jew li setgħet b’mod raġonevoli tkun taf bihom u li kienet lesta taċċetta r-riskju tagħhom (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 87).

36      Fil-fatt, akkordji jistgħu jiġu kkunsidrati bħala elementi kostituttivi ta’ ftehim antikompetittiv biss jekk jiġi stabbilit li kienu jagħmlu parti minn pjan globali b’għan komuni. Barra minn hekk, huwa biss jekk l-impriża, meta pparteċipat f’dawn l-akkordji, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi tagħmel hekk, hija kienet qed tagħmel parti mill-ftehim uniku, li l-parteċipazzjoni tagħha għall-akkordji kkonċernati tista’ tikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha għal dan il-ftehim (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 4027 u 4112)

37      Għalhekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li għandhom jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni għal ksur uniku u kontinwu, jiġifieri l-eżistenza ta’ pjan globali b’għan oġġettiv komuni, il-kontribuzzjoni intenzjonali tal-impriża għal dan il-pjan, u l-fatt li kienet taf (bi prova jew preżunzjoni) bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra.

38      Għalhekk, dan il-motiv jaqbel li jiġi eżaminat fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

 Fuq il-kwalifika tal-aġir li jikkostitwixxi l-ksur inkwistjoni

–       Fuq l-eżistenza ta’ pjan globali intiż li jfittex għan komuni

39      L-ewwel nett, fir-rigward tal-eżistenza ta’ pjan globali li jsegwi għan komuni, il-Kummissjoni ssostni li l-impriżi inkwistjoni kellhom għan ekonomiku wieħed, jiġifieri, id-distorsjoni tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet.

40      Madankollu, il-kunċett ta’ għan komuni ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, billi l-fatt li l-kompetizzjoni ġiet affettwata jikkostitwixxi, bħala għan jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan komuni toħloq ir-riskju li l-kunċett tal-ksur uniku u kontinwu jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandu bħala konsegwenza li diversi aġiri, li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE, jkollhom, b’mod sistematiku, jiġu kkwalifikati bħala elementi konstituttivi ta’ ksur uniku. Għalhekk, għall-finijiet tal-kwalifikazzjoni tad-diversi aġiri ta’ ksur uniku u kontinwu, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni ċirkustanza suxxettibbli li tistabbilixxi jew li tikkontesta rabta ta’ komplementarjetà, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut (inkluż il-metodi użati) u, simultanjament, l-għan tad-diversi aġiri inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punti 179 sa 181).

41      F’dan il-każ, mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-għan komuni, imfittex b’metodi differenti li huma parti minn pjan globali, kien li jiġi stabbilit u li jinżamm livell għoli fil-prezz għall-provvista ta’ servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju u l-qsim ta’ dan is-suq. Dan l-għan komuni huwa deskritt fid-dettall fil-premessi 314 u 322 sa 344 tad-Deċiżjoni.

42      L-argumenti ta’ Team Relocations ma humiex tali li jikkontestaw din il-konstatazzjoni.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li s-sistema ta’ kummissjonijiet hija sistema ta’ kumpensi li taqa’ fil-kuntest tat-tqassim tal-klijentela, u li l-għoti tal-KTK huwa element essenzjali tat-tqassim tal-klijentela meta l-klijenti jkunu jixtiequ jirċievu offerti min-naħa ta’ diversi parteċipanti għall-akkordju.

44      Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet ta’ Team Relocations, l-arranġamenti li jikkonċernaw il-kummissjonijiet u l-KTK kienu jikkonċernaw il-prezzijiet. F’dak li jikkonċerna l-kummissjonijiet, in-numru u l-livelli tagħhom kienu ddeterminati minn qabel, qabel ma l-kumpanniji ta’ ġarr ma jkunu taw il-kwotazzjonijiet tagħhom lill-klijenti. Anki fl-ipoteżi, kif issostni Team Relocations, li l-ammonti tagħhom ma kellhomx direttament jiżdiedu mal-prezz tal-ġarr, huwa inevitabbli li kellhom jidhru fil-kalkoli tal-impriżi u jgħollu l-prezz tas-servizzi tagħhom. F’dak li jikkonċerna l-kwotazzjonijiet, il-prezz indikat fl-offerta “falza” kien iddeterminat mill-kumpannija li kienet għamlet it-talba għaliha u aċċettata mill-kumpannija li toħroġ il-KTK, li kien jippermetti lill-ewwel waħda li tistabbilixxi l-prezz tagħha għal livell iktar għoli minn dak li kien jirriżulta mill-kompetizzjoni ħielsa, viċin għal prezz “falz” magħżul bi qbil komuni. Fil-premessa 233 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni wriet dan l-effett fuq il-prezzijiet tal-prattika tal-KTK (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

45      Iż-żewġ prattiċi, bħall-ftehim bil-miktub dwar il-prezzijiet, kellhom għan komuni, jiġifieri li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fost il-parteċipanti fil-ftehim billi jistabbilixxu livell ta’ prezz ogħla minn dak li kien jeżisti mingħajr il-ftehim. Il-kummissjonijiet imħallsa lill-kompetituri li ma jirbħux il-kuntratt kienu jiskoraġġixxu sew li wieħed joffri prezz kompetittiv u, billi jiskambjaw informazzjoni fuq l-offerti tagħhom fil-kuntest tal-KTK, il-parteċipanti fl-akkordju rrestrinġew il-kompetizzjoni permezz tal-prezz. Barra minn dan, il-ftehim dwar il-KTK ippermetta lill-parteċipanti li jżommu prezzijiet fuq livell ogħla minn dak li kien ser jiġi mitlub fl-assenza tagħhom.

46      Fir-rigward tal-argumenti tagħha li jgħidu li l-KTK kienu jingħataw biss wara li l-klijent ikun għamel l-għażla tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li l-persuna li tkun f’kuntatt mal-fornitur, pereżempju l-aġent tal-Kummissjoni, ma huwiex il-vera klijent tal-kumpanniji tal-ġarr. Fil-fatt, hija l-impriża jew l-istituzzjoni li tħallas il-ġarr li għandha tagħżel kumpannija ta’ ġarr. Huwa preċiżament bil-għan li jkollhom għażla li numru ta’ impriżi u ta’ istituzzjonijiet pubbliċi jitolbu għal diversi offerti.

–       Fuq il-kontribuzzjoni intenzjonali ta’ Team Relocations għall-pjan globali

47      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni ta’ Team Relocations għall-ksur, ma huwiex ikkontestat li hija pparteċipat fi tnejn mit-tliet prattiċi deskritti fid-Deċiżjoni, jiġifieri l-ftehim dwar il-kummissjonijiet u l-ftehim dwar il-KTK.

48      Min-naħa l-oħra, Team Relocations qatt ma pparteċipat fil-ftehim bil-miktub dwar il-prezzijiet. Madankollu, jekk impriża pparteċipat fi ksur permezz tal-aġir tagħha stess, hija tista’ wkoll tkun ikkunsidrata responsabili għall-aġir ta’ kumpanniji oħra fil-kuntest tal-istess ksur, li huwa minnu biss għall-perijodi ta’ parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 83). Konsegwentement, Team Relocations ma tistax tinżamm responsabbli għal aġir li kien waqaf iktar minn ħames snin qabel l-adeżjoni tagħha fl-akkordju.

49      Madankollu, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat ksur ta’ Team Relocations tal-Artikolu 81(1) KE biss għall-perijodu mill-20 ta’ Jannar 1997 sal-10 ta’ Settembru 2003, perijodu li matulu Team Relocations ipparteċipat f’kull parti tal-akkordju. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat, hekk kif dovut, li hija fil-fatt kienet biss ipparteċipat fl-akkordju mill-1997.

50      Barra minn dan, l-allegazzjonijiet ta’ Team Relocations li l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-KTK ma ġewx applikati simultanjament u li d-dispożittivi fuq il-kummissjonijiet kienu iżolati, huma irrilevanti, kuntrarjament għal dak li ssostni din ir-rikorrenti, sa fejn dawn iż-żewġ prattiki għandhom l-istess għan.

–       Fuq il-fatt li Team Relocations taf bl-aġir li jikkostitwixxi l-ksur

51      It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni jekk Team Relocations kinitx taf bl-aġir, tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, li jikkostitwixxi ksur, għandu jingħad li matul il-parteċipazzjoni ta’ din, ma kienx hemm laqgħat antikompetittivi. Madankollu, il-fatt li Team Relocations qatt ma attendiet għal laqgħa bħal din ma huwiex determinanti, billi l-funzjonament tal-akkordju juri li l-membri tiegħu ma kellhomx jipparteċipaw fil-laqgħat sabiex jiġu informati bil-ftehim fuq il-kummissjonijiet jew il-KTK jew sabiex jieħdu sehem. Il-ftehim kienu normalment konklużi permezz tat-telefon, tal-posta elettronika u/jew tal-faks.

52      Barra minn dan, Team Relocations neċessarjament kellha tkun konxja tal-aġir tal-parteċipanti l-oħra, li jikkostitwixxi ksur, billi l-prattika tal-kummissjonijiet u tal-KTK kienet ibbażata fuq kooperazzjoni reċiproka ma’ msieħba li kienu jalternaw kull darba. Fil-fatt, din is-sistema kienet ibbażata fuq il-prinċipju “du ut des” sa fejn kull impriża li kienet tħallas kummissjoni jew li kienet tipprovdi KTK, kienet tistenna li fil-futur tibbenefika hija nnifisha minn din is-sistema u tikseb kummissjonijiet jew KTK. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega Team Relocations, dawn id-dispożittivi ma kinux iżolati, iżda kellhom rabta kumplimentari.

53      L-allegazzjoni ta’ Team Relocations li hija ma kinitx taf bil-ftehim bil-miktub u li hija ma kinitx taf bil-prattika tal-kummissjonijiet qabel l-1997 hija irrilevanti, billi d-Deċiżjoni tikkunsidra lil Team Relocations responsabbli għall-ksur sa minn din id-data. L-iktar, sa mill-1997, meta hija aċċettat l-ewwel kummissjoni tagħha, Team Relocations saret taf li l-impriżi kollha ma kinux joperaw taħt il-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni. Għalhekk hija kienet konxja mill-aġir li jikkostitwixxi ksur, kif ukoll mill-għan antikompetittiv imfittex mill-kumpanniji l-oħra. F’dawn il-kundizzjonijiet ma huwiex kredibbli li Team Relocations saret taf bil-prattika tal-KTK fl-2002 biss.

54      Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha raġun li tikkonkludi li Team Relocations kienet taf jew kellha tkun taf bl-aġir tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju.

55      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li Team Relocations ħadet sehem fil-ksur uniku u kontinwu deskritt fid-Deċiżjoni. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ ta’ Team Relocations

 L-argumenti tal-partijiet

56      Permezz tat-tieni motiv tagħha, Team Relocations tikkontesta l-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa.

57      Prinċipalment, Team Relocations issostni li huwa biss il-valur tal-bejgħ li jirriżulta mill-ġarr li ġie realment affettwat mill-prattiki li jikkostitwixxu ksur – u mhux id-dħul mill-bejgħ totali li wettqet Team Relocations fuq is-suq Belġjan tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali – li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat il-valur tal-bejgħ relevanti ta’ Team Relocations fis-sens tal-paragrafu 13 tal-linju gwida tal-2006.

58      Sussidjarjament, Team Relocations tikkunsidra li l-valur tal-bejgħ relevanti ma jinkludix id-dħul mill-bejgħ imwettaq fuq il-ġarr ta’ individwi, jiġifieri persuni fiżiċi li jkollhom personalment isostnu l-ispejjeż tal-ġarr tagħhom. Ma huwiex ikkontestat li, f’dak li jikkonċerna Team Relocations, il-kummissjonijiet bħall-KTK qatt ma ġew miftiehma jew applikati għall-ġarr ta’ individwi. Team Relocations issostni li, fil-premessa 528 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni aċċettat li ma tinkludix is-servizzi ta’ ġarr militari fil-valur tal-bejgħ ta’ Gosselin, għaliex din ma kinitx ikkonċernata mill-ksur. Għalhekk, il-bejgħ li ġġenera l-ġarr tal-individwi ma jistax ukoll jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ relevanti ta’ Team Relocations.

59      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

60      Team Relocations tikkontesta l-kalkolu tal-valur tal-bejgħ relevanti u ssostni, sussidjarjament, li din ma għandhiex tinkludi d-dħul mill-bejgħ mwettaq fuq il-ġarr imħallas minn individwi.

 Fuq il-valur tal-bejgħ relevanti

61      F’dak li jikkonċerna l-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa, ikkontestata fl-ewwel parti tal-motiv, il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li:

“Għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża’ l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettqa mill-impriża, direttament jew indirettament relatati mal-ksur […]”

62      Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet ta’ Team Relocations, ma jirriżultax b’mod ċar minn din id-dispożizzjoni li huwa biss il-valur tal-bejgħ li jirriżulta mill-ġarr realment effettwat permezz tal-prattiki illegali li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkulat il-valur tal-bejgħ rilevanti.

63      Għalhekk, il-kliem tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 jirreferi għal “bejgħ […] direttament jew indirettament relatati mal-ksur” u mhux għal “bejgħ affettwat bil-ksur”. Il-kliem tal-paragrafu 13 għalhekk jirrigwarda l-bejgħ imwettaq fis-suq rilevanti. Fil-fatt, dan jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-verżjoni Ġermaniża tal-paragrafu 6 tal-linji gwida tal-2006, li tirrferi għal “Umsatz auf den vom Verstoß betroffenen Märkten” (bejgħ imwettaq fis-swieq ikkonċernati mill-ksur). A fortiori, il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 ma japplikax biss għal każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha provi tal-ksur.

64      Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-għan tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-interpretazzjoni mogħtija minn Team Relocations tfisser li sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti fil-kawżi dwar akkordji, il-Kummissjoni għandha l-obbligu f’kull każ li tistabbilixxi liema huma l-bejgħ individwali li kienu effettwati mill-akkordju. Tali obbligu qatt ma ġie impost mill-qrati tal-Unjoni u ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li timponi obbligu bħal dan fil-linji gwida tal-2006.

65      Barra minn hekk, huwa inevitabbli, fil-kawżi dwar l-akkordji, li huma sigrieti min-natura tagħhom, li ċerti dokumenti li jattestaw kull manifestazzjoni tal-prattiki antikompetittivi ma jiġux skoperti. F’dan il-każ inkwistjoni, huwa effettivament impossibbli li jinstabu provi dwar kull wieħed mill-ġarr effettwati. Team Relocations tikkonferma fir-rikors li l-“[KTK] u l-kummissjonijiet ma kinux irreġistrati fis-sistemi tar-rikorrenti, b’mod li l-individwi responsabbli għall-fajl biss kienu f’pożizzjoni li jsibuhom”.

66      Fl-aħħar nett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-parti mid-dħul mill-bejgħ minn merkanzija li kienet is-suġġett tal-ksur hija ta’ natura li tagħti indikazzjoni ġusta tal-kobor ta’ ksur fis-suq ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 121). B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ mwettaq fuq il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni ġusta tal-ħsara li din il-prattika tagħmel lill-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, British Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑151/94, Ġabra p. II‑629, punt 643, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Saint-Gobain Gyproc Belgium vs Il‑Kummissjoni, T‑50/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 84). Dan il-prinċipju ġie mtenni fil-linji gwida tal-2006.

67      Matul is-seduta, Team Relocations irrimarkat li, kuntrarjament għall-każ inkwistjoni, fil-każ “Carglass” (Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-karozza), li sommarju tagħha huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-25 ta’ Lulju 2009 (ĠU C 173, p. 13), il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat biss bħala bejgħ relevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa l-bejgħ tal-fornituri ta’ ħġieġ lill-fabbrikanti tal-karozzi li għalihom kienu jeżistu provi diretti ta’ akkordju. Madankollu, għandu jiġi rrelevat li, fil-premessa 663 tad-deċiżjoni “Carglass”, il-Kummissjoni titlaq mill-prinċipju li l-fatt li provi speċifiċi ma humiex disponibbli għal kull diskussjoni li wasslet għall-“kontijiet tal-vetturi” ma jillimitax id-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ sempliċement għall-kontijiet li għalihom huma disponibbli provi diretti, peress li l-prattiki miftiehma huma, min-natura tagħhom, ftehim sigrieti u li l-provi jibqgħu mhux sħaħ fil-maġġorparti tal-każijiet, jekk mhux fit-totalità tagħhom. Għalkemm, sussegwentement il-Kummissjoni tat xgħira differenti lil dan il-prinċipju fil-premessi 664 sa 667 ta’ din id-deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li hi għamlet dan unikament għal żewġ perijodi eċċezzjonali fil-bidu u fl-aħħar tal-perijodu ta’ ksur, għaliex issupponiet li matul dawn il-perijodi l-fornituri ta’ ħġieġ għall-karozzi kienu biddlu l-offerti tagħhom unikament intiżi għal selezzjoni ta’ kontijiet kbar. Għaldaqstant, l-approċċ segwit mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni ma huwiex kuntrarju għal dak applikat fid-Deċiżjoni.

68      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra għandhom biss natura indikattiva fir-rigward tal‑possibbiltà li jkun hemm diskriminazzjoni peress li ma tantx huwa verosimili li ċ‑ċirkustanzi li jkunu partikolari għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l‑perijodi kkonċernati, ikunu identiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punti 201 u 205, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 60. Fid-dawl tal-fatti msemmija fil-premessi 664 sa 667 tad-deċiżjoni “Carglass”, Team Relocations ma pprovdietx provi biżżejjed sabiex jiġi konkluż li dawn il-kundizzjonijiet kienu ġew sodisfatti f’dan il-każ inkwistjoni.

69      Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ġarr imħallas minn individwi

70      F’dak li jikkonċerna l-argument sussidjarju li jgħid li l-valur tal-bejgħ relevanti ma għandux jinkludi d-dħul mill-bejgħ imwettaq fuq il-ġarr tal-individwi, jiġifieri mhux imħallas minn terzi persuni, għandu jiġi rrelevat li qatt ma nħarġu KTK għal dan it-tip ta’ ġarr, peress li individwu qatt ma hu se jaċċetta li jirċievi diversi kwotazzjonijiet mingħand kumpannija waħda tal-ġarr. Il-KTK intużaw biss għall-ġarr li għalihom min iħaddem il-persuna li ġġorr jitlob kwotazzjonijiet mingħand tal-inqas kumpannija tal-ġarr oħra bħala kundizzjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tal-ġarr.

71      Issa, mill-premessa 537 tad-Deċiżjoni jirriżulta li wħud mid-destinatarji l-oħra ta’ din id-deċiżjoni jidher li kkonsentew sabiex iħallsu kummissjonijiet għall-ġarr internazzjonali mħallsa minn individwi. Għalhekk, kuntrarjament għall-ħlas militari, li interveniet għalihom Gosselin bħala subkuntrattur tal-persuni li kienu qed iġorru li kienu Amerikani, ma jistax jiġi eskluż li ċertu ġarr privat kien affettwat mill-ksur uniku inkwistjoni. Fil-fatt, id-differenza kruċjali bejn il-ġarr militari u l-ġarr ta’ individwi hija li, għall-ġarr militari, il-parteċipanti għall-akkordju ma kinux jagħmlu huma stess in-negozjati kummerċjali u għalhekk ma kellhom l-ebda influwenza fuq il-kuntratt prinċipali. Tali garanzija strutturali, li teskludi kull effett potenzjali, ma teżistix fil-każ ta’ ġarr privat. Minn dan isegwi li, billi ġiet eskluża kategorija ta’ ġarr u mhux l-oħra, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

72      Huwa minnu li, f’dak li jikkonċerna Team Relocations, il-Kummissjoni ma stabbilietx li ġew miftiehma jew applikati kummissjonijiet għal ġarr imħallas minn individwi. Madankollu, kieku jiġi aċċettat dan l-argument ikun ifisser li l-Kummissjoni jkollha tinkludi fil-valur tal-bejgħ relevanti l-bejgħ individwali li kienu effettwati mill-akkordju u li għandha prova dokumentata tagħhom biss. Issa, l-eżistenza ta’ tali obbligu diġà ġiet miċħuda fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

73      Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq rata ta’ 17 % għall-valur tal-bejgħ imwettaq minn Team Relocations sabiex jiġi ffissat l-ammont bażiku tal-multa tagħha

74      Dan il-motiv huwa magħmul minn erba’ partijiet. L-ewwel żewġ partijiet huma bbażati rispettivament fuq ksur tal-obbligu li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa abbażi ta’ rwol individwali ta’ Team Relocations fil-ksur, u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Permezz tat-tielet parti, Team Relocations issostni li l-iffissar ta’ rata ta’ 17 % jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-raba’ parti ta’ dan il-motiv hija bbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

75      L-ewwel nett, Team Relocations issostni li, skont ġurisprudenza stabbilita, multa għandha tirrifletti b’mod fidil il-gravità tal-ksur effettivament imwettaq minn kull impriża (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 280; tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 429, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Coats Holdings u Coats vs Il-Kummissjoni, T‑36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 207 u 209). F’dan il-każ, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi speċifiċi jew inabitwali sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ gravità tal-ksur li wettqet Team Relocations. B’mod partikolari, qabel l-2002 hija ma ħarġet jew talbet l-ebda KTK u qatt ma ħadet sehem fi ftehim bil-miktub li jiffissaw il-prezzijiet jew kundizzjonijiet oħra għall-prestazzjoni ta’ servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju. Għalhekk, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx ir-rwol individwali li kellha Team Relocations fil-prattiki li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni. Minħabba din l-evalwazzjoni żbaljata, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat (17 %), u għalhekk il-multa imposta fuq Team Relocations, hija manifestament eċċessiva.

76      It-tieni nett, Team Relocations tqis li, meta mqabbla mal-ftehim ġenerali bil-miktub dwar il-prezzijiet li ġew konklużi bejn ċerti destinatarji oħra tad-Deċiżjoni, in-natura tal-ksur imwettaq minnha kienet radikalment differenti u nettament inqas gravi. Billi applikat l-istess proporzjon tal-valur tal-bejgħ (17 %) sabiex tiġi kkalkolata kemm il-multa imposta fuq Team Relocations u dawk imposti fuq id-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għalhekk kisret l-obbligu tagħha li tiffissa l-ammont tal-multi mingħajr diskriminazzjoni.

77      It-tielet nett, Team Relocations issostni li l-fatt li jinżamm 17 % tal-valur tal-bejgħ iwassal bilfors għal ammont tal-multa li huwa, minn diversi perspettivi, manifestament mingħajr proporzjon mal-grad reali tal-gravità tal-aġir tagħha, jiġifieri r-responsabbiltà reali tagħha, kif ukoll il-gravità limitata u l-importanza ekonomika żgħira tal-ksur li wettqet.

78      Ir-raba’ nett, Team Relocations issostni li d-Deċiżjoni ma tindikax ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Team Relocations ma pparteċipatx għall-elementi kollha tal-ksur. Il-motivazzjoni li tikkonċerna l-iffissar tal-perċentwali tal-valur tal-bejgħ hija insuffiċjenti u kontradittorja.

79      Il-Kummissjoni tqis li kellha raġun tapplika, fir-rigward ta’ Team Relocations, l-istess proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ 17 % bħalma applikat għall-parteċipanti l-oħra tal-akkordju, peress li Team Relocations ipparteċipat għal ksur uniku u kontinwu, li jista’ jiġi kkwalifikat bħala ksur gravi ħafna tal-Artikolu 81 KE. Ir-rwol individwali ta’ impriża fil-ksur ma jittiħidx inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imma fl-aġġustament tal-multa sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti u/jew l-aggravanti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha peress li indikat, fid-Deċiżjoni, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha li tkejjel il-gravità tal-ksur imwettaq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

80      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, Team Relocations tikkontesta, essenzjalment, l-applikazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, rata unika ta’ 17 % għall-impriżi kollha inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni, b’mod partikolari, bejn żewġ problematiċi differenti, jiġifieri, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk it-trattament irriservat għal din tal-aħħar kienx xieraq meta mqabbel ma’ dak irriservat għall-parteċipanti l-oħra għall-akkordju (l-ewwel u t-tieni partijiet), u, min-naħa l-oħra, dik li jsir magħruf jekk, meħudha waħedha, ir-rata applikata mill-Kummissjoni hijiex proporzjonata mal-aġir ta’ Team Relocations (it-tielet parti).

 Fuq l-obbligu li jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa skont ir-rwol individwali ta’ Team Relocations

81      F’dak li jikkonċerna l-ewwel żewġ partijiet tal-motiv, li jaqbel li jiġu kkunsidrati flimkien, għaliex huma marbutin mill-qrib, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jew ta’ trattament ugwali, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju, jipprojbixxi mhux biss li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti iżda wkoll li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattamenti ma jkunux oġġettivament iġġustifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1986, Christ-Clemen et vs Il-Kummissjoni, 91/85, Ġabra p. 2853, punt 10, u tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C‑174/89, Ġabra p. I‑2681, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni effettivament ma ttrattatx b’mod differenti l-parteċipanti fl-għażla tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat, imma applikat rata uniformi ta’ 17 % lill-impriżi kollha kkonċernati. Il-Kummissjoni tiġġustifika dan l-approċċ minħabba l-fatt li dan huwa ksur uniku u kontinwu.

83      Għalhekk tqum il-problema dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza invokata minn Team Relocations, kellhiex raġun il-Kummissjoni tirrinunċa għal kull differenzjazzjoni bejn il-parteċipanti għall-ksur u għal kull teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur imwettaq minn Team Relocations.

84      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta ksur ikun twettaq minn diversi impriżi, hemm lok li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 150). Din il-konklużjoni tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li jipprovdi li impriża għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li tkun akkużata bihom individwalment, prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet taħt ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 119).

85      Barra minn hekk, minn numru kbir ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-gravità tal-ksur għandha tkun suġġett ta’ evalwazzjoni individwali li tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, il-fatti partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 106, u tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punti 83 et seq). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li impriża ma pparteċipatx għall-elementi kostituttivi kollha ta’ akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti fejn hi pparteċipat fihom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta ssir l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, skont il-każ, tad-determininazzjoni tal-multa (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 90, u s-sentenza Bolloré et vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 429, u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Madankollu, fil-prattika ġurisprudenzjali tal-Qorti Ġenerali, l-evalwazzjoni tal-fatti individwali ssir mhux fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jiġifieri meta jsir l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, imma fil-kuntest tal-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punti 100 et seq, ikkonfermata fl-appell fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, C‑554/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra). Għalhekk, anki jekk fil-partijiet tas-sentenzi BASF vs Il-Kummissjoni u Coats Holdings u Coats vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, iċċitatati minn Team Relocations, it-terminu “gravità” huwa msemmi, dawn ma humiex dwar id-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, iżda dwar fil-fatt il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun li tieħu inkunsiderazzjoni, rispettivament, ir-rwol ta’ mexxej bħala ċirkustanza aggravanti (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 280), u r-rwol minuri, li joqrob iżjed għal dak ta’ medjatur bħala ċirkustanza attenwanti (sentenza Coats Holdings u Coats vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 214).

87      Għaldaqstant, din il-ġurisprudenza hija konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 84 u 85 iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’dawn is-sentenzi, it-terminu “gravità” intuża b’mod ġenerali sabiex jiddeskrivi l-intensità tal-ksur, u mhux fis-sens tekniku tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi. Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet ħielsa li tieħu inkunsiderazzjoni ċerti aspetti tal-“gravità” fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti u mhux fil-kuntest tal-“gravità” fis-sens tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi.

88      Dan huwa b’mod partikolari l-każ għall-evalwazzjoni tal-gravità dwar il-parteċipazzjoni għal ksur uniku u kontinwu mwettaq minn diversi impriżi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, fir-rigward tal-linji gwida tal-1998, il-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni għall-ksur ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-eventwali applikazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 27). Fil-każ ta’ ksur uniku u kontinwu, il-kunċett ta’ “ksur”, hekk kif użat fil-linji gwida tal-1998, jirreferi għalhekk għall-ksur globali li jimplika diversi impriżi, u l-“gravità” ta’ dan il-ksur uniku hija l-istess għall-parteċipanti kollha.

89      Is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, tikkonċerna l-linji gwida tal-1998. Il-linji gwida tal-2006 wasslu għal bidla fundamentali tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-multi. L-ewwel nett, il-klassifikazzjoni tal-ksur fi tliet kategoriji (“inqas gravi”, “gravi” u “gravi ħafna”) tneħħiet. Is-sistema attwali, li tinkludi skala li tmur minn 0 % sa 30 %, tippermetti differenzjazzjoni iktar fina skont il-gravità tal-ksur.

90      It-tieni nett, l-ammonti fil-forma ta’ somma f’daqqa ġew aboliti. Minn dak iż-żmien, l-ammont bażiku huwa kkalkolat skont il-valuri tal-bejgħ, imwettaq minn kull impriża individwali, f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur. Dan il-metodu ġdid jippermetti għalhekk li tittieħed inkunsiderazzjoni iktar faċilment l-estensjoni tal-parteċipazzjoni individwali ta’ kull impriża għall-ksur fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tagħha. Hija tippermetti wkoll li jittieħed inkunsiderazzjoni eventwali tnaqqis tal-gravità ta’ ksur uniku fiż-żmien.

91      It-tielet nett, matul is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li fil-prattika deċiżjonali tagħha, hija ma għadhiex neċessarjament tapplika rata unika għall-parteċipanti kollha għal tali ksur. Fil-fatt, fid-deċiżjonijiet “Candle waxes”, C (2008) 5476, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Xama’ għal xemgħa), li sommarju tagħha huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-4 ta’ Diċembru 2009 (ĠU C 295, p. 17), u “Heat stabilisers”, C (2009) 8682, tal-11 ta’ Novembru 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.589 – Stabilizzanti għas-sħana), li sommarju tagħha huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tat-12 ta’ Novembru 2010 (ĠU C 307, p. 9), il-Kummissjoni applikat żewġ rati differenti għad-diversi kategoriji ta’ partiċipanti għall-akkordji inkwistjoni skont il-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tagħhom għall-ksur. B’mod partikolari, f’dan l-aħħar każ, ġiet stabbilita rata iktar għolja għall-impriżi li kienu pparteċipaw mhux biss għall-iffissar tal-prezzijiet iżda wkoll għat-tqassim tal-klijentela u/jew tas-suq.

92      Madankollu, il-metodoloġija l-ġdida ma timponix tali approċċ. Għalkemm il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 84 u 85 iktar ’il fuq tindika li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tal-ksur u l-fatti partikolari tal-każ, il-Kummissjoni xorta tista’, skont il-linji gwida tal-2006, tipproċedi għal tali kunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur jew l-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti. Fil-każ fejn dan l-aħħar approċċ huwa użat mill-Kummissjoni, l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti għandha għaldaqstant tippermetti kunsiderazzjoni adegwata tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni għal ksur uniku, kif ukoll eventwali varjazzjoni ta’ din il-gravità fiż-żmien.

93      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ffissat rata unika ta’ 17 % għall-impriżi kollha inkwistjoni. Sa fejn Team Relocations issostni li l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tagħha hija inqas importanti minn dik ta’ impriżi oħra involuti u li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi speċifiċi jew inabitwali, l-argument tagħha żviluppat insostenn ta’ din l-allegazzjoni għandu għalhekk jiġi eżaminat fil-kuntest tal-ilmenti bbażati fuq l-evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti mill-Kummissjoni. Team Relocations ipparteċipat għall-elementi kollha tal-kartell ipprattikati matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha għall-akkordju u ssostni biss intensità minuri tal-involviment tagħha. Għalhekk, l-ewwel u t-tieni partijiet ta’ dan il-motiv għandhom jiġu miċħuda u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti ta’ Team Relocations fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv (punti 127 et seq iktar ’il quddiem).

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

94      F’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, meħuda waħedha, rata ta’ 17 % ma hijiex sproporzjonata meta mqabbla mar-responsabbiltà reali ta’ Team Relocations fil-ksur, li b’mod partikolari kkonsista fit-tqassim tas-suq u fil-manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħiet għal offerti. Il-paragrafu 23 tal-linji gwida tal-2006 jindika b’mod ċar li l-proporzjon li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-ftehim orizzontali ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ tqassim tas-suq jinsab ġeneralment “fil-għoli tal-iskala”. Il-Kummissjoni għalhekk kellha dritt li timponi rata ta’ 17 %, li tinsab fil-parti inferjuri tal-“għoli tal-iskala”.

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

95      F’dak li jikkonċerna r-raba’ parti ta’ dan il-motiv, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni relatata mal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa fil-fatt ma hijiex dettaljata ħafna. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li jkunu ppermettewlha tevalwa l-gravità tal-ksur imwettaq, mingħajr ma hija obbligata li tagħti spjegazzjoni iktar dettaljata jew li tindika ċ-ċifri marbuta mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 252, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      F’dan il-każ, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessa 542 tad-Deċiżjoni, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tikkonkludi dwar in-natura serja ħafna tal-ksur, jiġifieri n-natura stess tar-restrizzjonijiet evidenti għall-kompetizzjoni kkonstatati. Barra minn hekk, hija spjegat, fl-istess premessa, għalfejn ma kinitx eżaminat l-estensjoni ġeografika u l-impatt tal-ksur, billi rreferiet għall-ġurisprudenza li tgħid li, fil-każ ta’ restrizzjoni flagranti, il-ksur jista’ jiġi kkwalifikat bħala gravi ħafna mingħajr ma huwa neċessarju li tali aġir ikun ikkaratterizzat minn estensjoni ġeografika jew impatt partikolari (sentenza tal-Qorti Ġenerali Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punti 84 u 85, u tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punti 178 u 179). Minn dan isegwi li, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni mmotivat biżżejjed din il-kwalifika bħala ksur “serju ħafna”.

97      Madankollu, l-ewwel nett, jidher xieraq li l-Kummissjoni tirrinforza l-motivazzjoni dwar il-kalkolu tal-multi sabiex tippermetti lill-impriżi jkunu jafu fid-dettall il-mod tal-kalkolu tal-multa imposta fuqhom. B’mod iktar ġenerali, dan jista’ jservi għat-trasparenza tal-azzjoni amministrattiva u jiffaċilita l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li għandha tippermettilha li tevalwa, minbarra mil-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura xierqa tal-multa imposta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 46).

98      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni tirreferi għal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5)[KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3) u li tmur lura għal qabel l-adozzjoni tal-linji gwida. Il-linji gwida tal-2006 għalhekk wasslu għal bidla fundamentali tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-multi. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni tal-ksur fi tliet kategoriji (“inqas gravi”, “gravi” u “gravi ħafna”) tneħħiet u ġiet introdotta skala li tmur minn 0 % sa 30 % li tippermetti differenzjazzjoni iktar fina. Barra minn hekk, l-ammont bażiku tal-multa issa huwa “marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad ta’ gravità tal-ksur, immultiplikat għan-numru ta’ snin ta’ ksur” (paragrafu 19 tal-linji gwida tal-2006). Bħala regola ġenerali, “il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 % (paragrafu 21). Fir-rigward tal-ftehim orizzonatali tal-iffissar tal-prezz, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni, “li huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi”, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu ġeneralment jinżamm “fl-għoli tal-iskala” (paragrafu 23).

99      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax iktar, bħala regola, tikkuntenta b’li timmotiva biss il-kwalifika ta’ ksur bħala “gravi ħafna” u mhux l-għażla ta’ proporzjon ta’ bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, kif indikat iktar ’il fuq, il-konsegwenza tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tal-multi huwa obbligu ta’ motivazzjoni li jippermetti lill-persuna akkużata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

100    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 543 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ffissat din ir-rata għal livell ftit iktar għoli min-nofs ta’ din l-iskala, jiġifieri 17 %, u mmotivat l-għażla tagħha sempliċement bin-natura “gravi ħafna” tal-ksur. Madankollu, il-Kummissjoni ma spjegatx b’mod iktar dettaljat kif il-kwalifika ta’ ksur “gravi ħafna” wasslitha sabiex tiffissa r-rata ta’ 17 % u mhux proporzjon nettament iktar “fl-għoli tal-iskala”. Din il-motivazzjoni tista’ tkun biżżejjed biss fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tapplika rata iktar qrib il-limitu inferjuri tal-iskala prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, li barra minn hekk hija favorevoli ħafna għar-rikorrenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, motivazzjoni addizzjonali, li tmur lil hinn mill-motivazzjoni inerenti fil-linji gwida, ma hijiex neċessarja. Min-naħa l-oħra, kieku riedet tapplika rata iktar għolja, kien ikollha tipprovdi motivazzjoni iktar dettaljata, kif għamlet fid-deċiżjonijiet “Carglass” (premessi 669 sa 678), “Heat Stabilisers” u “Candle Waxes” (premessi 641 sa 653).

101    F’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni dwar l-iffissar ta’ rati mhux differenzjati għal 17 %, jista’ jiġi dedott mid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni titlaq mill-prinċipju li l-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ rata unika. Din il-konstatazzjoni hija biżżejjed motivata u fondata (ara l-punti 39 et seq iktar ’il fuq).

102    Għaldaqstant ir-raba’ parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

103    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li jaqbel li t-tielet motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ fondatezza għall-multiplikazzjoni tal-ammont iddeterminat skont il-valur tal-bejgħ għan-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

104    Team Relocations tallega li l-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006, li jipprovdi għall-multiplikazzjoni sistematika tal-ammont iddeterminat skont il-valur tal-bejgħ għan-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur minn impriża, jikkonferixxi għat-tul allegat tal-ksur għal portata sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturi l-oħra relevanti, u b’mod partikolari mal-gravità tal-ksur. Din id-dispożizzjoni ma tiħux biżżejjed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li l-ammont tal-multa imposta għal kull impriża jiġi adattat għall-każ individwali u tipprovdi formula ta’ kalkolu tal-multa li tagħti importanza manifestament sproporzjonata għat-tul tal-ksur.

105    Sussidjarjament, Team Relocations titlob lill-Qorti Ġenerali, li tapplika koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni li ma jaqbiżx tnejn. Fi kwalunkwe każ, jekk il-Qorti Ġenerali tikkonferma multiplikazzjoni għal sebgħa, Team Relocations issostni li fil-każ tagħha, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ għandu jkun għall-ewwel ħames snin (mill-1997 sal-2001) għal rata minima ta’ 5 %, peress li hi ma pparteċipatx għall-KTK matul dawn is-snin, u għall-aħħar sentejn (jiġifieri 2002 u 2003) għal rata minima ta’ 12 %.

106    Il-Kummissjoni titlob li dawn it-talbiet jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

107    Minkejja li Team Relocations tinvoka “nuqqas ta’ fondatezza” fir-rigward tal-multiplikazzjoni tal-ammont iddeterminat skont il-valur tal-bejgħ għan-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur, hija ma tikkontestax li din il-metodoloġija hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida tal-2006. Għalhekk, dan il-motiv huwa pjuttost dwar in-natura allegatament sproporzjonata tal-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006 sa fejn dan jipprovdi tali multiplikazzjoni.

108    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa limitat sabiex jindika li, “[f]it-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur”, mingħajr ma huwa ppreċiżat il-mod konkret kif għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul. Din id-dispożizzjoni ġenerali ġiet ippreċiżata fid-diversi linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi. Iktar speċifikament, il-linji gwida tal-1998 jipprovdu, għall-ksur ta’ tul kbir (ġeneralment ta’ iktar minn 5 snin), żieda tal-ammont ikkunsidrat għall-gravità ta’ 10 % għal kull sena. Min-naħa l-oħra, il-multiplikazzjoni għan-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur, prevista fil-linji gwida tal-2006, twassal sabiex jiżdied l-ammont b’100 % kull sena.

109    Dan l-approċċ jippreżenta bidla fil-metodoloġija fundamentali f’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-akkordju. L-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 madankollu ma jipprekludix tali evoluzzjoni. Huwa minnu li l-verżjoni Franċiża tad-dispożizzjoni tidher li tagħti rwol sekondarju lit-tul meta mqabbel mal-gravità għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi. Min-naħa l-oħra, verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjoni Ingliża (“[…] regard shall be had both to the gravity and to the duration of the infringement”), u l-verżjoni Ġermaniża (“[…] ist sowohl die Schwere der Zuwiderhandlung als auch deren Dauer zu berücksichtigen”) jindikaw li din id-dispożizzjoni tattribwixxi l-istess piż lill-gravità u lit-tul tal-ksur.

110    F’dak li jikkonċerna t-talbiet sussidjarji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minkejja li, fil-passat, il-Kummissjoni xi kultant ħadet inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni fiż-żmien ta’ ksur meta żiedet l-ammont tal-multa minħabba t-tul, l-ebda dispożizzjoni tal-linji gwida tal-2006 ma jobbligawha tapplika f’tali każ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni li ma jaqbiżx tnejn, jew li tnaqqas il-perċentwali tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat minħabba l-gravità. Il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li ma hemmx lok li jsir it-tnaqqis mitlub fl-ewwel talba ta’ Team Relocations. Fir-rigward tat-tieni talba, din se tiġi kkunsidrata fil-punti 125 et seq iktar ’l isfel.

111    B’riżerva għal dan l-aħħar punt, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

5.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ fondatezza għall-impożizzjoni ta’ ammont addizzjonali

112    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, Team Relocations tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 L-argumenti tal-partijiet

113    L-ewwel nett, Team Relocations issostni li l-inklużjoni ta’ ammont addizzjonali skont il-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006 tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn, b’differenza minn ċerti destinatarji oħra tad-Deċiżjoni, hi ma kkonkludietx ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet u dwar it-tqassim tas-suq. Barra minn hekk, il-prattiki implementati minn Team Relocations ma jaqgħux fil-kategoriji ta’ ksur li jistgħu jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ammont addizzjonali fl-ammont bażiku tal-multa.

114    It-tieni nett, Team Relocations tqis li, fid-dawl tal-livell baxx ta’ gravità tal-ksur li wettqet, id-Deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu tiffissa l-ammont addizzjonali għal 17 % tal-valur tal-bejgħ.

115    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-impożizzjoni ta’ ammont addizzjonali ta’ 17 % kien iġġustifikat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

116    Team Relocations tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (l-ewwel parti) u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (it-tieni parti) f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont addizzjonali. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li:

“[I]ndipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għall-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ [...], sabiex tiddisswadi l-impriżi milli propju jipparteċipaw għall-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni”.

117    F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti tal-motiv, għandu jiġi rrelevat li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma nkisirx, peress li l-Kummissjoni applikat l-istess ammont addizzjonali għad-destinatarji kollha tad-Deċiżjoni, minħabba li kollha pparteċipaw għall-ksur uniku u kontinwu li jinkludi l-iffissar tal-prezzijiet u/jew it-tqassim tas-suq. Il-formulazzjoni tal-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006 (għandha tinkludi”, “will include”, “fügt hinzu”) turi fil-fatt li, f’dak li jikkonċerna l-ksur flagranti, l-impożizzjoni ta’ ammont addizzjonali hija operazzjoni awtomatika li ma tinkludix il-preżenza ta’ fatturi oħra. Għall-bqija, għandu jsir riferiment għall-punti 81 et seq, peress li r-raġunament espost f’dawn il-punti japplika mutatis mutandis għall-impożizzjoni ta’ ammont addizzjonali.

118    Fir-rigward tat-tieni parti tal-motiv, għandu jsir riferiment għall-punt 94 iktar ’il fuq, fejn il-Qorti Ġenerali qieset li, meħudha waħedha, rata ta’ 17 % hija proporzjonata meta mqabbla mar-responsabbiltà reali ta’ Team Relocations fil-ksur. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għall-ammont addizzjonali, li wkoll ġie stabbilit għal 17 %. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li rata ta’ 17 % hija xierqa sabiex jiġi ggarantit effett dissważiv adegwat. Il-fatt li, f’dak li jikkonċerna l-ammont addizzjonali, l-iskala prevista mil-linji gwida tal-2006 tmur minn 15 sa 25 % u mhux minn 0 sa 30 %, huwa f’dan ir-rigward mingħajr effett.

119    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

6.     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ċ-ċirkustanzi attenwanti

 L-argumenti tal-partijiet

120    Ir-rikorrenti tirreleva li jeżistu diversi ċirkustanzi attenwanti li jiġġustifikaw li, skont il-paragrafi 20 u 29 tal-linji gwida tal-2006, il-multa tagħha tiġi mnaqqsa sostanzjalment. Il-parteċipazzjoni limitata tal-impriża għall-ksur tikkostitwixxi tali ċirkustanza attenwanti. Team Relocations issostni li, f’dan il-każ, hi ma pparteċipatx attivament għall-istituzzjoni tal-arranġamenti antikompetittivi, li qatt ma pparteċipat f’laqgħa li l-għan tagħha kien ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, li qatt ma pparteċipat għall-elementi l-iktar gravi tal-ksur, jiġifieri l-ftehim bil-miktub ta’ ffissar tal-prezzijiet u l-arranġamenti fuq il-kummissjonijiet konklużi għall-ġarr ta’ uffiċċji, li aċċettat kummissjonijiet jew ħarġet jew talbet KTK biss b’mod okkażjonali u iżolat, u għal numru limitat ħafna ta’ klijenti u ta’ ġarr, u li qatt ma ħarġet jew talbet KTK qabel l-2002. Għaldaqstant, in-natura limitata tal-parteċipazzjoni ta’ Team Relocations għall-ksur ma ttiħditx inkunsiderazzjoni – kemm waqt l-evalwazzjoni tal-gravità jew tat-tul tal-ksur jew inkella waqt l-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti.

121    Barra minn hekk, Team Relocations issostni li intalbu diversi KTK minn aġenti tal-Kummissjoni. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Allied Arthur Pierre jikkonfermaw b’mod ċar li l-KTK kienu magħrufa sew mill-aġenti tal-Kummissjoni fil-livelli kollha tal-ġerarkija u intalbu anki minnhom. Il-Kummissjoni ma tistax tinnega r-responsabbiltà tagħha dwar il-prattiki relatati mal-KTK li saru, bil-ftehim jew fuq talba, tal-aġenti tagħha stess.

122    Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti mressqa minn Team Relocations huma irrelevanti u/jew żbaljati. B’mod partikolari, din ma tikkunsidrax li l-arranġamenti li pparteċipat fihom Team Relocations huma inqas gravi mill-ftehim bil-miktub fuq il-prezzijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

123    Mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkunsidrat l-ebda ċirkustanza attenwanti. Madankollu, Team Relocations tallega li jeżistu diversi ċirkustanzi li jiddistingwu l-ksur li wettqet hi minn dak imwettaq mill-impriżi l-oħra kkonċernati, li juru n-natura limitata tal-parteċipazzjoni tagħha jew li huma marbuta mal-aġir tal-Kummissjoni.

 Fuq il-parteċipazzjoni għall-istituzzjoni tal-arranġamenti antikompetittivi

124    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-affermazzjoni li tgħid li Team Relocations ma pparteċipatx attivament għall-istituzzjoni tal-arranġamenti antikompetittivi inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel parteċipazzjoni dokumentata tagħha għall-implementazzjoni tal-ftehim dwar il-kummissjonijiet tmur lura effettivament għall-1997, filwaqt li dawn il-prattiki bdew fit-tmeninijiet. Madankollu, dan l-element huwa relevanti biss fil-kuntest tal-kwistjoni jekk impriża kellhiex rwol ta’ mexxej jew ta’ inizjattiva, rwol li jista’ jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza aggravanti skont il-paragrafu 28 tal-linji gwida tal-2006. Min-naħa l-oħra, il-fatt li ma pparteċipatx attivament għall-implementazzjoni tal-arranġamenti antikompettivi inkwistjoni ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ċirkustanza attenwanti.

 Fuq in-natura allegatament limitata tal-parteċipazzjoni ta’ Team Relocations għall-ksur

125    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura allegatament limitata ħafna tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur, huwa paċifiku li Team Relocations qatt ma pparteċipat għall-ftehim bil-miktub dwar l-iffissar tal-prezzijiet, fil-laqgħat b’għan antikompetittiv, għall-iffissar ad hoc tal-prezzijiet għal ġarr partikolari u għall-arranġamenti dwar il-kummissjonijiet konklużi għall-ġarr ta’ uffiċċji. Barra minn hekk, Team Relocations ħadet sehem f’dawn il-prattiki ta’ KTK bejn Frar 2002 u Settembru 2003 biss.

126    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li, skont it-tielet inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006, sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti, l-impriża kkonċernata għandha “tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur hija sostanzjalment imnaqqsa” u “turi konsegwentement li, matul il-perijodu li matulu tkun aderiet għall-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija naqset milli effettivament tapplikahom billi adottat aġir kompetittiv fuq is-suq”. Issa, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti f’dan il-każ.

127    Madankollu, l-użu tal-espressjoni “bħal” jindika li l-lista ta’ ċirkustanzi elenkati fil-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006 ma hijiex eżawrjenti. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tat-tielet motiv, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, b’mod partikolari l-parteċipazzjoni jew le ta’ impriża għall-elementi kostituttivi kollha tal-ksur, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk mhux fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, tal-inqas fil-kuntest tal-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti. Fil-fatt, dan l-obbligu kien waħda mir-raġunijiet li ppermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu ma jikkontradiċix il-prinċipju li jgħid li r-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandha natura personali (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 84). L-uniċi kriterji stabbiliti fit-tielet inċiż ta’ dan il-paragrafu 29 ma humiex suxxettibbli li jiggarantixxu din il-possibbiltà. Konsegwentement, jaqbel li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

128    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-ksur inkwistjoni evolva matul iż-żmien. Il-ftehim bil-miktub ġew applikati matul l-ewwel fażi tal-ksur mill-1984 sal-bidu tas-snin 90 u sussegwentement ġew abbandunati. It-tieni fażi tal-ksur hija kkaratterizzata mir-rikors għal KTK u għall-kummissjonijiet. Konsegwentement, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-paragrafu 19 tal-linji gwida tal-2006 jista’, bħala regola, jinbidel matul iż-żmien. Dan il-fatt jista’ wkoll jiġġustifika nuqqas fil-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti.

129    Issa, għandu jiġi kkunsidrat li l-aġir li pparteċipat fih Team Relocations ma jirrappreżentax ksur inqas gravi mill-ftehim bil-miktub ta’ ffissar tal-prezzijiet jew l-iffissar ad hoc ta’ prezzijiet għall-ġarr partikolari. Fil-fatt, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet ta’ Team Relocations, il-KTK u l-kummissjonijiet ukoll kellhom effetti fuq il-prezzijiet (ara l-punt 44 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, il-fatt li Team Relocations ma pparteċipatx għall-arranġamenti dwar il-kummissjonijiet konklużi għall-ġarr ta’ uffiċċji u n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni għas-sistema dwar il-KTK qabel Frar 2002 huwa pjuttost insinjifikanti għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Dan japplika wkoll għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni għal-laqgħat b’għan antikompetittiv, peress li l-akkordju ħadem permezz ta’ mekkaniżmi li kienu jirrendu tali laqgħat inutli.

130    Minn dan isegwi li kellha raġun il-Kummissjoni tiffissa rata unika għat-tul kollu tal-ksur uniku u kontinwu u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni fiż-żmien ta’ dan il-ksur bħala ċirkustanza attenwanti.

 Fuq l-allegata awtorizzazzjoni tal-aġir

131    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-Kummissjoni allegatament awtorizzat jew inkoraġġiet il-prattika tal-KTK, għandu jiġi kkonstatat li l-aħħar inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li “[l]-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas [...] meta l-aġir antikompetittiv ġie awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew il-leġiżlazzjoni”.

132    Issa, il-fajl ma jinkludi l-ebda element li juri li l-Kummissjoni, bħala istituzzjoni, awtorizzat, inkoraġġiet jew talbet il-KTK. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda interess tinkoraġġixxi jew tittollera s-sistema tal-KTK, peress li kienet tippreġudika l-interessi tagħha. Il-fatt li ċerti impjegati talbu KTK għal ġarr finalment imħallas mill-Kummissjoni ma jfissirx li l-istituzzjoni kienet taf b’din il-prattika, u lanqas li kienet ħadet sehem fiha, peress li għandha ssir distinzjoni bejn l-aġenti tal-Kummissjoni u l-Kummissjoni bħala istituzzjoni.

133    Anki fl-ipoteżi li aġent tal-istituzzjoni talab KTK, Team Relocations kellha tkun taf li tali talbiet ma setgħux jiġi fformulati f’isem jew fuq it-talba tal-istituzzjonijiet, peress li kienu manifestament kuntrarji għall-interessi finanzjarji tagħhom. Fil-fatt, il-bżonn li jingħataw żewġ jew tliet kwotazzjonijiet huwa preċiżament intiż sabiex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ minimu ta’ kompetizzjoni u jiġi evitat li impriża ta’ ġarr waħda tkun tista’ tiddetermina unilateralment il-prezz ta’ ġarr.

134    Barra minn hekk, is-sempliċi konoxxenza tal-aġir anitkompetittiv ma jimplikax li dan l-aġir impliċitament “ġie awtorizzat jew inkoraġġut” mill-Kummissjoni fis-sens tal-aħħar inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006. Allegat nuqqas ta’ azzjoni fil-fatt ma jistax jiġi mqabbel ma’ att pożittiv bħal awtorizzazzjoni jew inkoraġġament.

135    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ta’ Team Relocations jikkonċernaw biss il-KTK. Issa, il-prattika tal-KTK hija biss waħda mill-komponenti ta’ ksur uniku u kontinwu. L-argumenti mqajma fl-ebda każ ma jistgħu jiġġustifikaw il-ħlas ta’ kummissjonijiet.

136    Għalhekk, dawn l-argumenti għandhom jiġi miċħuda u, għaldaqstant, is-sitt motiv fl-intier tiegħu huwa miċħud.

7.     Fuq is-seba’ motiv ta’ Team Relocations u l-ewwel motiv tal-grupp Amertranseuro, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-ksur imwettaq minn Team Relocations lil Amertranseuro

137    Permezz tas-seba’ motiv tagħha, Team Relocations issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu ta’ 10 % previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-dħul mill-bejgħ ta’ Amertranseuro, minħabba li din tal-aħħar ma kinitx taf bil-prattiki antikompetittivi tas-sussidjarja tagħha. Il-grupp Amertranseuro jikkontesta, b’mod ġenerali, il-possibbiltà li jiġi akkużat bil-ksur imwettaq minn Team Relocations.

 L-argumenti tal-partijiet

138    Team Relocations issostni li hija l-unika persuna ġuridika li tista’ tiġi kkunsidrata responsabbli għall-aġir adottat minn uħud mill-impjegati tagħha. Għaldaqstant, l-ammont tal-multa jaqbeż b’iktar minn 60 % id-dħul mill-bejgħ globali tagħha. La Amertranseuro, la Trans Euro u lanqas Team Relocations Ltd ma huma responsabbli ta’ dawn il-prattiki. Il-kumpanniji parent tagħhom qatt ma kienu jafu bil-ftehim okkażjonali fuq il-kummissjonijiet u fuq il-KTK u lanqas ma kellhom raġuni li jissuspettaw l-eżistenza tagħhom. Fl-ipoteżi fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet fondata li timputa fuq il-kumpanniji parent ta’ Team Relocations parti mill-ksur imwettaq minn din tal-aħħar, din xorta ma ssostnix li fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jiġi stabbilit limitu ta’ 10 % fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ kkonsolidat ta’ Amertranseuro.

139    Il-grupp Amertranseuro josserva, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ġġustifikat ir-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti minħabba li t-tliet kumpanniji parent kienu kollha f’pożizzjoni li tippermettilhom li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ Team Relocations. Madankollu, il-Qorti Ġenerali spiss iddeskriviet l-estensjoni tas-setgħa li teżerċita influwenza deċiżiva f’termini nettament iktar stretti minn dawk użati mill-Kummissjoni fil-premessa 394 tad-Deċiżjoni.

140    It-tieni nett, il-grupp Amertranseuro josserva li kunċett strett ta’ setgħa tal-kumpanniji parent li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarji tagħhom twassal għal preżunzjoni kważi inkonfutabbli ta’ responsabbiltà. Fil-fatt, ir-responsabbiltà tagħhom issir responsabbiltà assoluta (strict liability). Huma biss sempliċi investituri finanzjarji li ma għandhomx interess li jiddeterminaw l-aġir strateġiku tal-kumpanniji li investew fihom li jaħarbu minn din ir-responsabbiltà.

141    It-tielet nett, il-grupp Amertranseuro jikkunsidra li Team Relocations tgawdi minn awtonomija kompleta ta’ ġestjoni u li l-ebda waħda mill-kumpanniji parent ma kienet taf bil-prattiki inkwistjoni. Għaldaqstant ma naqsux milli jikkonformaw mal-obbligu tagħhom ta’ diliġenza.

142    Ir-raba’ nett, il-grupp Amertranseuro jakkuża lill-Kummissjoni li adottat approċċ “asimettriku” fir-rigward tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent fil-każ inkwistjoni. Għall-perijodu qabel it-8 ta’ Settembru 2000, hija kkunsidrat bħala responsabbli żewġ kumpanniji parent intermedjarji ta’ Team Relocations (jiġifieri Team Relocations Ltd u Trans Euro), imma mhux M.E., il-proprjetarju aħħari li jmexxi dan il-grupp. Min-naħa l-oħra, għall-perijodu mit-8 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni żammet responsabbli mhux biss dawn iż-żewġ kumpanniji parent intermedjarji, imma wkoll lil Amertranseuro, il-proprjetarju l-ġdid ta’ Tran Euro. Peress li Amertranseuro għandha l-kapital kollu taż-żewġ kumpanniji parent intermedjarji, dan jimplika li l-azzjonarji tagħhom huma de facto responsabbli għall-ksur kollu kemm hu.

143    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

144    Permezz ta’ dan il-motiv, Team Relocations issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (l-ewwel parti) u l-prinċipju ta’ proporzjonalità (it-tieni parti) billi imponitilha multa li l-ammont tagħha jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha. Peress li l-fondatezza tal-ewwel parti tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dħul mill-bejgħ ta’ Amertranseuro jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ limitu ta’ 10 % previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jaqbel li jiġu eżaminati flimkien dan l-ilment u l-ewwel motiv tal-grupp Amertranseuro, ibbażat fuq l-impossibbiltà li jiġi imputat ksur imwettaq minn Team Relocations lill-membri tal-grupp Amertranseuro.

 Fuq l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn Team Relocations fuq membri tal-grupp Amertranseuro

145    Id-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni jirrikonoxxi li diversi kumpanniji li jkunu jiffurmaw parti mill‑istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk il‑kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis‑suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 132 u 133, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, punt 290). Għalhekk, l-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat fuq impriża oħra meta tal-ewwel ma stabbilixxietx l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda essenzjalment applikat id-direttivi mogħtija minn din tal-aħħar, fir-rigward b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 117).

146    Għalhekk tqum il-kwistjoni li jsir magħruf meta impriża ma tiddeterminax l-aġir tagħha fuq is-suq b’mod awtonomu iżda tapplika essenzjalment direttivi maħruġa mill-kumpannija parent.

147    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: minn naħa, il-kumpannija parent għandha tkun f’pożizzjoni li jkollha influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarja tagħha u, it-tieni, għandha effettivament teżerċita dik l-influwenza (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 137).

148    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, ma hemm l-ebda dubju li kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarja tagħha meta, bħal Amertranseuro f’dan il-każ, ikollha 100 % tal-kapital tagħha, kemm jekk direttament jew indirettament, permezz ta’ parteċipazzjonijiet f’kumpanniji oħra.

149    Fir-rigward tar-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġi pprovat l-eżerċizzju effettiv tal-influwenza deċiżiva min-naħa tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha, ir-rikorrenti jqisu li r-responsabbiltà tal-ksur tista’ tiġi imputata fuq il-kumpannija parent biss jekk, minbarra li jkollha l-kapital kollu, il-kumpannija parent tkun taf bil-prattiki ssanzjonati jew kienet naqset milli tikkonforma għall-obbligu ta’ diliġenza tagħha.

150    Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, isserraħ, fil-premessa 386 tad-Deċiżjoni, fuq il-ġurisprudenza li tgħid, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja awtur ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, bħal f’dan il-każ, li teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 50, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 29, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punti 961 u 984, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 62).

151    Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009 Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237). B’mod partikolari din indikat li, għalkemm kienet semmiet, fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 152, iktar ’il fuq, minbarra l-proprjetà ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa l-fatt li tali ċirkustanzi ssemmew biss bl-għan li jiġu esposti l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq għall-produzzjoni ta’ indizji supplimentari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza (punt 62 tas-sentenza).

152    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx jibdlu l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva, peress li l-argument tagħhom huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet politiċi u sempliċi affermazzjonijiet, bħall-allegata awtonomija ta’ ġestjoni ta’ Team Relocations. Fi kwalunkwe każ, mill-premessi 490 u 491 tad-Deċiżjoni jirriżulta li, sabiex timputa fuq Amertranseuro r-responsabbiltà tal-parteċipazzjoni ta’ Team Relocations għall-akkordju, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq id-detenzjoni mhux ikkontestata tat-totalità tal-kapital ta’ Team Relocations minn Amertranseuro, imma wkoll fuq elementi ta’ fatt oħra, intiżi sabiex jiġi stabbilit li Amertranseuro kienet teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ Team Relocations.

153    B’hekk, mill-1994 sa Settembru 2001, saru laqgħat ta’ kull xahar bejn id-diretturi ta’ Team Relocations u r-rappreżentanti ta’ Trans Euro responsabbli għall-ġestjoni operattiva u finanzjarja tas-sussidjarja Belġjana kif ukoll mal-proprjetarju tal-grupp Trans Euro ta’ dak iż-żmien, li kien responsabbli għall-ġestjoni tal-grupp b’responsabbiltà ġenerali tas-sussidjarja Belġjana. Mis-6 ta’ Settembru 2001 sa Settembru 2003, saru wkoll laqgħat informali bejn Team Relocations u r-rappreżentant ta’ Amertranseuro responsabbli mill-ġestjoni tal-grupp b’responsabbiltà ġenerali tas-sussidjarja Belġjana. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li Team Relocations kellha tippreżenta diversi rapporti, b’mod partikolari l-kontijiet annwali operattivi, lil Team Relocations Ltd, mill-1 ta’ Jannar 1994 sas-7 ta’ Settembru 2000, kif ukoll lill-Amertranseuro mit-8 ta’ Settembru 2000, jiġifieri matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur.

154    F’dawn iċ-ċirkustanzi kellha raġun il-Kummissjoni timputa l-ksur imwettaq minn Team Relocations fuq Amertranseuro, għaliex ir-rikorrenti jikkostitwixxu entità ekonomika, u għalhekk impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, id-dħul mill-bejgħ ta’ Amertranseuro jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu ta’ 10 % previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2). Minn dan isegwi li l-ilmenti dwar din il-kunsiderazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-approċċ allegatament “asimettriku” tal-kummissjoni

155    Il-grupp Amertranseuro jakkuża lill-Kummissjoni li adottat approċċ “asimettriku” meta żammet lil Amertranseuro responsabbli mid-data meta din akkwistat il-grupp Trans Euro, jiġifieri mit-8 ta’ Settembru 2000, meta ma żammitx responsabbli lill-proprjetarju preċedenti tal-grupp Trans Euro, M.E., għall-perijodu qabel it-8 ta’ Settembru 2000.

156    Sa fejn il-grupp Amertranseuro jsostni li l-Kummissjoni kellha żżomm responsabbli wkoll lil M.E. għall-ksur sas-7 ta’ Settembru 2000, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk il-Kummissjoni setgħet tagħmel dan, il-fatt li għamlitx hekk ma jistax jiġi invokat mir-rikorrenti sabiex juru l-illegalita tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex testendi r-responsabbiltà ta’ ksur għall-kumpannija parent, minbarra l-kumpannija direttament involuta fl-aġir antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 331 u 332). Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jimplika wkoll li l-Kummissjoni tista’ tagħżel li tindirizza d-deċiżjoni sempliċement lill-kumpanniji parent attwali inkwistjoni, u mhux lill-proprjetarji preċedenti tal-grupp.

157    Fil-fatt, il-Kummissjoni lanqas ma estendiet ir-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni għal Zenic International Holdings Ltd, il-kumpanniji ewlenin attwali tar-rikorrenti. Għalhekk, id-Deċiżjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “asimettrika”.

158    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-argumenti dwar it-tieni kap ta’ talbiet tal-grupp Amertranseuro

159    Fit-talbiet tagħha u fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-grupp Amertranseuro jidher li qed isostni li, minkejja li Amertranseuro nżammet responsabbli għall-ammont ta’ EUR 1.3 miljun biss, li jirrifletti r-responsabbiltà tagħha għal tul limitat, jiġifieri mit-8 ta’ Settembru 2000, hija fil-fatt inżammet responsabbli għall-ammont kollu tal-multa, inkwantu hija l-proprjetarja u azzjonista ta’ Trans Euro u ta’ Team Relocations Ltd.

160    Din l-affermazzjoni ma hijiex tat-tip li tikkontesta l-legalità tad-Deċiżjoni, sa fejn hija limitata sabiex tiddeskrivi ċerti konsegwenzi li jirriżultaw minnha għal Amertranseuro. Għaldaqstant dan il-kap tat-talba għandu jiġi miċħud.

 Fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-multa

161    F’dak li jikkonċerna t-tieni parti tal-motiv ta’ Team Relocations, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-osservazzjonijiet ifformulati fil-punt 94 iktar ’il fuq, li jgħidu li r-rata ta’ 17 % applikata hija proporzjonata għar-responsabbiltà reali ta’ Team Relocations fil-ksur. Il-fatt li l-ammont tal-multa imposta fuq Team Relocations jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha huwa irrelevanti inkwantu dan l-ammont jibqa’ nettament taħt il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp Amertranseuro.

162    Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li s-seba’ motiv ta’ Team Relocations u l-ewwel motiv tal-grupp Amertranseuro għandhom jiġu miċħuda.

8.     Fuq it-tmien motiv ta’ Team Relocations u t-tieni motiv tal-grupp Amertranseuro, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti u ta’ użu ħażin ta’ poter

 L-argumenti tal-partijiet

163    Team Relocations issostni li mill-abbozzi tal-kontijiet għas-sena finanzjarja magħluqha fit-30 ta’ Settembru 2007 jirriżulta li l-ammont ta’ dawn il-kapitali proprji, bl-esklużjoni ta’ kull multa li għandha tħallas lill-Kummissjoni, huwa negattiv, li dan l-eżerċizzju juri telf ta’ EUR 363 432, u li l-profitt gross ta’ awtofinanzjament kien negattiv. L-assi tal-kumpannija kienu kompletament użati. Din ma tistax tiżgura finanzjament addizzjonali u għalhekk ma hijiex f’pożizzjoni li tħallas il-multa li l-Kummissjoni imponitilha.

164    Skont Team Relocations, il-Kummissjoni kienet taf bil-prekarjetà tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, b’mod li billi imponitilha multa ta’ ammont li manifestament ma kinitx kapaċi tħallas u li kienet twassal sabiex ikollha tirtira mis-suq, il-Kummissjoni użat ħażin il-poter tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali. F’dan ir-rigward, Team Relocations titlob lill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa li jirrifletti l-istess prinċipju bħal dawk li l-Kummissjoni applikat għal Interdean u titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tordna lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 58 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura, li turi l-fatturi li din tal-aħħar ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tnaqqas il-multa ta’ Interdeam b’70 %.

165    Il-grupp Amertranseuro jsostni li l-multa imposta fuq Team Relocations – li hija ekwivalenti għal kważi terz tad-dħul mill-bejgħ tagħha annwali mwettaq fl-2006 u joqrob lejn il-limitu assolut ta’ 10 % previst fir-Regolament Nru 1/2003 – hija totalment sproporzjonata. Skont ir-rendikonti finanzjajri kkonsolidati ta’ Amertranseuro, tat-30 ta’ Settembru 2006, id-dejn totali tal-grupp kien ta’ 35 miljun lira sterlina (GBP). Amertranseuro barra minn hekk kienet sostniet telf fuq l-attivitajiet ordinarji wara l-ħlas tat-taxxa, l-assi tanġibbli netti huma negattivi, u l-assi kollha tagħha huma kollha użati. Konsegwentement, il-grupp ma huwiex f’pożizzjoni li jħallas il-multa ta’ EUR 3.49 miljun jew li jikseb garanzija bankarja sabiex iħallas iktar tard.

166    Fir-replika, il-grupp Amertranseuro jżid li, f’dak li jikkonċerna n-neċessità ta’ talba għall-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni għandha tmur lura għall-approċċ adottat fil-linji gwida tal-1998 u tikkunsidra ex officio l-inkapaċita ta’ ħlas bħala motiv għat-tnaqqis tal-multa, kif għamlet fil-passat. Barra minn hekk, hija tinsisti fuq il-fatt li s-saħħa finanzjarja tal-grupp marret iktar għall-agħar matul is-sena finanzjarja li għalqet fit-30 ta’ Settembru 2007.

167    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

168    Permezz tal-aħħar motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li billi imponitilhom multa li taqbeż il-kapaċità kontributtiva tagħhom, il-Kummissjoni wettqet użu ħażin tal-poter tagħha, kisret il-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006 u kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

169    F’dak li jikkonċerna l-allegat użu ħażin tal-poter, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li ġie adottat bil-għan esklużiv, jew għall-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet oħra għajr dawk stabbiliti jew li tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-trattat sabiex tirrimedja għaċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Issa, ir-rikorrenti ma jsostnux, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni imponitilhom multa bl-iskop li tilħaq għanijiet oħra barra minn dawk sostnuti, jiġifieri li timplementa d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, jew li ma tapplikax proċedura speċjalment prevista mit-trattat. Konsegwentement, id-Deċiżjoni ma hijiex ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter.

171    Fir-rigward ta’ tnaqqis tal-multa skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006, għandu jiġi rrelevat li tali tnaqqis huwa suġġett għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri:

–        l-introduzzjoni ta’ talba matul il-proċedimenti amministrattivi;

–        l-eżistenza ta’ kuntest soċjali u ekonomiku partikolari; u

–        in-nuqqas ta’ kapaċità kontributtiva tal-impriża, fejn din għandha tipprova b’mod oġġettiv għanijiet li juru li l-impożizzjoni ta’ multa tipperikola b’mod gravi l-vijabbiltà ekonomika tagħha u twassal sabiex ċċaħħadha mill-assi tagħha ta’ xi valur.

172    Issa, għandu jiġi kkonstatat li tal-inqas tnejn minn dawn it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi ma ġewx sodisfatti. Fil-fatt, l-ewwel nett, kuntrarjament għall-impriżi l-oħra kkonċernati, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda talba għat-tnaqqis tal-multa minħabba inkapaċità kontributtiva matul il-proċedura amministrattiva, minkejja li l-linji gwida tal-2006 jipprovdu li għandha titressaq tali talba. F’dan il-kuntest, l-argument ibbażat fuq il-fatt li, skont il-linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra ex officio l-inkapaċità ta’ ħlas bħala motiv għat-tnaqqis tal-multa huwa irrelevanti, peress li ma jistax ikun ta’ fundament għall-allegazzjoni ta’ ksur tal-linji gwida tal-2006. Sa fejn dan l-argument huwa invokat sabiex jiġi sostnut li indipendentement mill-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni kienet obbligata li teżamina ex officio l-kapaċità kontributtiva tal-impriżi kkonċernati, għandu jiġi rrelevat li tali obbligu ma jirriżultax mill-ġurisprudenza.

173    F’ittra ddepożitata fir-reġistru fis-6 ta’ Awwissu 2010, Team Relocations talbet li terġa’ tinfetaħ il-proċedura orali minħabba li l-Kummissjoni bidlet il-prassi tagħha dwar in-neċessità li titressaq talba skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006 matul il-proċedimenti amministrattivi. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2010, peress li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet ta’ din ir-rikorrenti, fil-kawżi ċċitati minnha, it-talbiet kienu tressqu matul il-proċedimenti amministrattivi. Għalkemm minn artiklu għall-istampa jirriżulta li l-Kummissjoni “għandha l-intenzjoni li tibdel formalment il-linji gwida tagħha” sabiex tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni żviluppi li jseħħu wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li din il-bidla għadha ma ġietx adottata. Fi kwalunkwe każ, bidla fl-interpretazzjoni tal-linji gwida tal-2006 ma tistax tirrendi illegali deċiżjoni meħuda qabel din il-bidla.

174    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 651 tad-Deċiżjoni, li tgħid li “kuntest soċjali u ekonomiku partikolari” fis-sens tal-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006, kienu neqsin f’dan il-każ.

175    F’dawn il-kundizzjonijiet, u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk it-tielet kundizzjoni, jiġifieri l-allegat nuqqas ta’ kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti hijiex sodisfatta f’dan il-każ, kellha raġun il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006 ma kinux sodisfatti.

176    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal Interdean, ir-rikorrenti ma qajjmux il-kwistjoni tal-kapaċità kontributtiva tagħhom fl-istadju tal-proċedimenti amministrattivi u li ma ressqux talba intiża sabiex jinkiseb tnaqqis tal-multi tagħhom għal din ir-raġuni. Għalhekk, is-sitwazzjoni tagħhom ma hijiex komparabbli ma’ dik ta’ Interdean. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrelevat li l-introduzzjoni ta’ talba intiża sabiex jinkiseb tnaqqis tal-multa ma tikkostitwixxix sempliċi eżiġenza formali, imma eżiġenza li fin-nuqqas tagħha ma tista’ ssir l-ebda evalwazzjoni valida tas-sitwazzjoni ekonomika, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex provi relevanti, bħal data interni tal-impriża kkonċernata, li jippermettulha tevalwa l-vijabbiltà ekonomika tagħha.

177    Konsegwentement, l-aħħar motiv tar-rikorrenti kif ukoll it-talba ta’ Team Relocations li tordna lill-Kummissjoni turi l-fatturi li din tal-aħħar ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tnaqqas il-multa ta’ Interdean b’70 % għandhom jiġi miċħuda.

178    Peress li l-motivi kollha tar-rikorrenti ġew miċħuda, għalhekk, ir-rikorsi għandhom jinċaħdu fl-intier tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

179    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Team Relocations NV, Amertranseuro International Holdings Ltd, Trans Euro Ltd u Team Relocations Ltd huma kkundannati għall-ispejjeż

Papasavvas

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011

Firem

Werrej


Fatti

1.  Suġġett

2.  Rikorrenti

3.  Il-proċedura amministrattiva

4.  Id-Deċiżjoni

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq li Team Relocatins ma ħaditx sehem fil-ksur uniku u kontinwu deskritt mid-Deċiżjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu

Fuq il-kwalifika tal-aġir li jikkostitwixxi l-ksur inkwistjoni

–  Fuq l-eżistenza ta’ pjan globali intiż li jfittex għan komuni

–  Fuq il-kontribuzzjoni intenzjonali ta’ Team Relocations għall-pjan globali

–  Fuq il-fatt li Team Relocations taf bl-aġir li jikkostitwixxi l-ksur

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ ta’ Team Relocations

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-valur tal-bejgħ relevanti

Fuq il-ġarr imħallas minn individwi

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq rata ta’ 17 % għall-valur tal-bejgħ imwettaq minn Team Relocations sabiex jiġi ffissat l-ammont bażiku tal-multa tagħha

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-obbligu li jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa skont ir-rwol individwali ta’ Team Relocations

Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ fondatezza għall-multiplikazzjoni tal-ammont iddeterminat skont il-valur tal-bejgħ għan-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ fondatezza għall-impożizzjoni ta’ ammont addizzjonali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

6.  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ċ-ċirkustanzi attenwanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-parteċipazzjoni għall-istituzzjoni tal-arranġamenti antikompetittivi

Fuq in-natura allegatament limitata tal-parteċipazzjoni ta’ Team Relocations għall-ksur

Fuq l-allegata awtorizzazzjoni tal-aġir

7.  Fuq is-seba’ motiv ta’ Team Relocations u l-ewwel motiv tal-grupp Amertranseuro, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ imputabbiltŕ tal-ksur imwettaq minn Team Relocations lil Amertranseuro

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn Team Relocations fuq membri tal-grupp Amertranseuro

Fuq l-approċċ allegatament “asimettriku” tal-kummissjoni

Fuq l-argumenti dwar it-tieni kap ta’ talbiet tal-grupp Amertranseuro

Fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-multa

8.  Fuq it-tmien motiv ta’ Team Relocations u t-tieni motiv tal-grupp Amertranseuro, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kapaċitŕ kontributtiva tar-rikorrenti u ta’ użu ħażin ta’ poter

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.