Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta' Awwissu 2011 minn Total SA, Elf Aquitaine SA mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba' Awla) mogħtija fis-7 ta' Ġunju 2011 fil-Kawża T-206/06, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-421/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Total SA u Elf Aquitaine SA (rappreżentanti: E. Morgan de Rivery u A. Noël-Baron, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment:

tannulla, abbażi tal-Artikoli 256 TFUE u 56 tal-Protokoll (Nru 3) dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, fil-Kawża T-206/06 ;

tilqa' t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali;

konsegwentement, tannulla l-Artikoli 1(c) u (d), 2(b), 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2006) 2098 finali, tal-31 ta' Mejju 2006 ;

sussidjarjament: tibdel, abbażi tal-Artikolu 261 TFUE, il-multi imposti flimkien u in solidum fuq Elf Aqutaine u Total bis-saħħa tal-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2006) 2098 finali, tal-31 ta' Mejju 2006, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha minħabba n-nuqqasijiet oġġettivi fil-motivazzjoni u r-raġunament tas-sentenza (b'mod partikolari fir-rigward tat-trattament mill-Qorti Ġenerali tal-fattur ta' dissważjoni) tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, fil-kawża T-206/06, u tnaqqas dawn il-multi flimkien u in solidum għal EUR 75 562 500 għal Elf Aquitaine, u EUR 58 500 000 għal Total ;

-    iktar sussidjarjament: tibdel, abbażi tal-Artikolu 261 TFUE, il-multi imposti flimkien u in solidum fuq Elf Aquitaine u Total bis-saħħa tal-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2006) 2098 finali, tal-31 ta' Mejju 2006, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha minħabba n-nuqqasijiet oġġettivi fil-motivazzjoni u r-raġunament tas-sentenza, fil-proporzjon li jkun jidher xieraq lill-Qorti tal-Ġustizzja ;

-    iktar sussidjarjament: teżenta lil Elf Aquitaine u lil Total mill-ħlas tal-interessi moratorji li setgħu jiddekorru mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2006) 2098 finali, tal-31 ta' Mejju 2006, sad-data tas-sentenza Arkema fil-Kawża T-217/06 ;

-    f'kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti minn Elf Aquitaine u minn Total quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn ta' dan l-appell, l-appellanti qed jinvokaw sitt aggravji prinċipali u tlieta sussidjarji.

Bl-ewwel aggravju, Total SA u Elf Aquitaine SA jallegaw il-ksur tal-Artikolu 5 TUE mill-Qorti Ġenerali peress li din tal-aħħar ivvalidat il-prinċipju ta' responsabbiltà awtomatika tal-kumpanniji parent, applikat f'dan il-każ mill-Kummissjoni u ġġustifikat bil-kunċett ta' impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Approċċ bħal dan huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta' attribuzzjoni u ta' sussidjarjetà (l-ewwel taqsima) kif ukoll ta' proporzjonalità (it-tieni taqsima).

Bit-tieni aggravju, l-appellanti jinvokaw interpretazzjoni manifestament żbaljata tad-dritt nazzjonali u tal-kunċett ta' impriża peress li l-Qorti Ġenerali, b'mod partikolari, tat valur ġuridiku ineżatt lill-prinċipju ta' awtonomija tal-persuna ġuridika.

Bit-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu, sostanzjalment, li l-Qorti Ġenerali xjentement irrifjutat li tislet il-konsegwenzi tan-natura kriminali tas-sanzjonijiet fid-dritt tal-kompetizzjoni u tal-obbligi l-ġodda li jirriżultaw mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali applikat b'mod abbużiv u żbaljat il-kunċett ta' impriża fid-dritt tal-Unjoni, kontra l-preżunzjoni ta' awtonomija li fuqha huwa bbażat id-dritt nazzjonali tal-kumpanniji u n-natura kriminali tas-sanzjonijiet fid-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha tqajjem ex officio l-illegalità tas-sistema attwali tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.

Bir-raba' aggravju, l-appellanti jallegaw ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji ta' ekwità u ta' opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ammettiet ir-rikors tal-Kummissjoni għal probatio diabolica u wettqet żball billi qieset li l-indipendenza ta' sussidjarja għandha tiġi evalwata b'mod ġenerali, fir-rigward tar-relazzjoni kapitalistika tagħha mal-kumpannija parent tagħha, meta fil-fatt kellha tiġi evalwata fir-rigward ta' aġir f'suq speċifiku.

Bil-ħames aggravju, l-appellanti jinvokaw il-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni billi l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-qasir iċ-ċaħda tal-argumenti tagħhom mill-Kummissjoni, mingħajr ma tat xi forma ta' analiżi tal-argumenti invokati minn din tal-aħħar (l-ewwel taqsima). Barra minn hekk, l-appellanti jinvokaw żbalji ta' liġi fir-rigward tar-rekwiżit ta' motivazzjoni li jaqa' fuq il-Kummissjoni (it-tieni taqsima) u jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha ma' dik tal-Kummissjoni (it-tielet taqsima).

Bis-sitt aggravju, l-appellanti jiddenunċjaw ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba sa fejn l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti, bħala kumpanniji parent, hija ogħla mill-ammont tal-multa imposta fuq Arkema, sussidjarja li hija responsabbli għall-ksur.

Bis-seba' aggravju, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet diversi żbalji ta' liġi fl-applikazzjoni ta' fattur moltiplikatur ta' tlieta bħala effett dissważiv tal-multa. Il-Qorti Ġenerali b'hekk kisret il-linji gwida tal-1998 fuq il-kalkolu tal-multi (l-ewwel taqsima) kif ukoll in-natura indiviżibbli tal-ammont bażiku tal-multa (it-tieni taqsima).

Bit-tmien aggravju, l-apellanti jitolbu t-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqhom.

Bid-disa' u l-aħħar aggravju, l-appellanti jitolbu l-annullament tal-interessi moratorji kif mitluba mill-Kummissjoni b'eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tas-sentenza.

____________