Language of document : ECLI:EU:C:2012:782

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

YVES BOT

ippreżentati fil-11 ta’ Diċembru 2012 (1)

Kawżi Magħquda C‑274/11 u C‑295/11

Ir-Renju ta’ Spanja (C‑274/11),

Ir-Repubblika Taljana (C‑295/11)

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Awtorizzazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa skont l-Artikoli 20 TUE u 329 TFUE, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ ‘privattiva unitarja’ – Rikors għal annullament minħabba inkompetenza, użu ħażin ta’ poter u ksur tat-Trattati – Ħolqien ta’ titoli Ewropej ta’ proprjetà intellettwali – Artikolu 118 TFUE – Kompetenza esklużiva jew kondiviża”





1.        Bir-rikors tagħhom, ir-Renju ta’ Spanja (Kawża C‑274/11) u r-Repubblika Taljana (Kawża C‑295/11) jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/167/UE, tal-10 ta’ Marzu 2011, li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (2).

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt primarju

1.      It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

2.        L-Artikolu 20(1) u (2) tat-TUE jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qafas tal-kompetenzi mhux esklużivi ta’ l-Unjoni jistgħu jagħmlu użu mill-istituzzjonijiet tagħha u jistgħu jeżerċitaw dawn il-kompetenzi billi japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati suġġett għal-limiti u skond l-arranġamenti previsti f’dan l-Artikolu, kif ukoll skond l-Artikoli 326 sa 334 I tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-koperazzjonijiet imsaħħa għandhom jimmiraw sabiex jiffavorixxu l-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Unjoni, sabiex iħarsu l-interessi tagħha u jsaħħu l-proċess ta’ integrazzjoni tagħha. Dawn il-koperazzjonijiet għandhom ikunu miftuħa għall-Istati Membri kollha f’kull ħin, skond l-Artikolu 328 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.      Id-deċiżjoni li tawtorizza l-koperazzjoni msaħħa għandha tiġi adottata mill-Kunsill bħala l-aħħar għażla meta jistabbilixxi li l-objettivi ta’ dik il-koperazzjoni ma jistgħux jitwettqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni sħiħa, u bil-kondizzjoni li mill-inqas disa’ Stati Membri jipparteċipaw fiha. Il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 329 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.”

2.      It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

3.        L-Artikolu 3(1) tat-TFUE jipprovdi:

“L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fl-oqsma li ġejjin:

a)      Unjoni doganali;

b)      l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern;

ċ)      il-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

d)      il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd;

e)      il-politika kummerċjali komuni.”

4.        Skont l-Artikolu 4(1) u (2) TFUE:

“1.      L-Unjoni għandha kompetenza kondiviża ma’ l-Istati Membri fejn it-Trattati jtuha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli 3 u 6.

2.      Il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tapplika għall-oqsma prinċipali li ġejjin:

a)       is-suq intern;

[…]”

5.        Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 329(1) TFUE. Din id-dispożizzjoni tipprovdi:

“L-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom f’wieħed mill-oqsma previsti mit-Trattati, bl-eċċezzjoni ta’ l-oqsma ta’ kompetenza esklużiva u tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, għandhom jindirizzaw talba lill-Kummissjoni, li fiha jispeċifikaw il-kamp ta’ l-applikazzjoni u l-objettivi tal-koperazzjoni msaħħa proposta. Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta lill-Kunsill għal dak il-għan. Fil-każ li l-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, din għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar ir-raġunijiet għal dan.

L-awtorizzazzjoni sabiex titwettaq koperazzjoni msaħħa prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tingħata mill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.”

6.        Skont l-Artikolu 326 TFUE, il-koperazzjoni msaħħa għandha tirrispetta t-Trattati u d-dritt tal-Unjoni. Din il-koperazzjoni ma għandha tikkomprometti la s-suq intern u lanqas il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Hija ma tistax tikkostitwixxi ostakolu jew diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma għandhiex tikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni bejniethom.

7.        Skont l-Artikolu 327 TFUE:

“Kull koperazzjoni msaħħa għandha tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fiha. Dawn l-Istati Membri m’għandhomx ifixklu l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri parteċipanti.”

8.        Barra minn hekk, l-Artikolu 330 TFUE, dejjem f’dak li jikkonċerna l-koperazzjoni msaħħa, jipprovdi:

“Il-membri kollha tal-Kunsill jistgħu jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tiegħu, iżda l-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw f’koperazzjoni msaħħa biss għandhom jieħdu sehem fil-vot.

L-unanimità għandha tkun kostitwita mill-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri li jipparteċipaw biss.

Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3).”

B –    Id-deċiżjoni kkontestata

9.        Id-deċiżjoni kkontestata tawtorizza l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja f’25 mis-27 Stat Membru tal-Unjoni, billi r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana rrifjutaw li jipparteċipaw fiha.

10.      Il-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata hija miktuba kif ġej:

“Fil-laqgħa tal-Kunsilll tal-10 ta’ Novembru 2010, ġie rreġistrat li ma kienx hemm unanimità biex ir-Regolament propost dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni jimxi ’l quddiem. Ġie kkonfermat fl-10 ta’ Diċembru 2010 li kienu jeżistu diffikultajiet li ma jistgħux jingħelbu, u b’hekk għamlu l-unanimità impossibbli dak il-ħin u fil-futur prevedibbli. Peress li l-ftehim dwar ir-Regolament propost dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni huwa meħtieġ għal ftehim finali dwar il-protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Unjoni, huwa stabbilit li l-objettiv tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja għall-Unjoni ma setax jintlaħaq fi żmien raġonevoli bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.”

11.      Skont il-premessi 6 sa 16 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(6)      Il-kooperazzjoni msaħħa għandha tipprovdi l-qafas legali meħtieġ għall-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Istati Membri parteċipanti u tiżgura l-possibbiltà għall-impriżi fl-Unjoni kollha biex itejbu l-kompetittività tagħhom billi jkollhom l-għażla li jfittxu l-protezzjoni tal-privattivi uniformi fl-Istati Membri parteċipanti, kif ukoll jikkontribwixxu għall-avanz xjentifiku u teknoloġiku.

(7)      Il-kooperazzjoni msaħħa għandha timmira li toħloq privattiva unitarja, li tipprovdi protezzjoni uniformi fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti, li tingħata fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri kollha mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (iktar ’il quddiem [...] l-“EPO”). Bħala parti neċessarja tal-privattiva unitarja, l-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli għandhom ikunu sempliċi u kosteffikaċi u jikkorrispondu għal dawk previsti fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-[UE], ippreżentata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2010 [(3)], flimkien mal-elementi ta’ kompromess proposti mill-Presidenza f’Novembru 2010 li kellhom appoġġ wiesgħa fil-Kunsill. L-arranġamenti għat-traduzzjoni jżommu l-possibbiltà tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-privattivi fi kwalunkwe lingwa tal-Unjoni fl-EPO u jiżguraw kumpens tal-kosti relatati mat-traduzzjoni ta’ applikazzjonijiet ippreżentati f’lingwi oħra differenti minn waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO. Il-privattiva li għandha effett unitarju għandha tingħata biss f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO kif previst fil-Konvenzjoni fuq l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej [(4)] […]. Ebda traduzzjoni oħra ma tkun meħtieġa bla ħsara għal arranġamenti transitorji li jkunu proporzjonali u jeħtieġu traduzzjonijiet addizzjonali fuq bażi temporanja, mingħajr effett legali u purament għal finijiet ta’ informazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-arranġamenti transitorji għandhom jintemmu meta jkunu disponibbli traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja, soġġetti għal evalwazzjoni objettiva tal-kwalità tagħhom. Fil-każ ta’ tilwima, għandhom japplikaw obbligi ta’ traduzzjoni obbligatorji għall-proprjetarju tal-privattiva.

(8)      Il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 [...] tat-TUE u fl-Artikoli 326 u 329 [...] tat-TFUE huma milħuqa.

(9)      Il-qasam li fih ser isseħħ il-kooperazzjoni msaħħa, jiġifieri l-istabbiliment ta’ miżuri għall-ħolqien ta’ privattiva unitarja li tipprovdi protezzjoni fl-Unjoni kollha u t-twaqqif ta’ arranġamenti ta’ awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u superviżjoni ċentralizzati fil-livell tal-Unjoni, huwa identifikat mill-Artikolu 118 [...] TFUE bħala wieħed mill-oqsma koperti mit-Trattati.

(10)      Ġie rreġistrat fil-laqgħa tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2010 u kkonfermat fl-10 ta’ Diċembru 2010 li l-objettiv biex tiġi stabbilita protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Unjoni ma jistax jintlaħaq f’perijodu raġonevoli mill-Unjoni bħala entità sħiħa, u b’hekk jiġi ssodisfat ir-rekwiżit fl-Artikolu 20(2) [...] TUE li l-kooperazzjoni msaħħa tiġi adottata biss bħala l-aħħar għażla.

(11)      Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja timmira li tippromwovi avanz xjentifiku u teknoloġiku u l-funzjonament tas-suq intern. Il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja għal grupp ta’ Stati Membri jtejjeb il-livell tal-protezzjoni tal-privattivi billi jipprovdi l-possibbiltà li tinkiseb protezzjoni uniformi tal-privattivi fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti u jelimina l-kosti u l-kumplessità għal dawk it-territorji. Għaldaqstant, dan jippromwovi l-objettivi tal-Unjoni, jipproteġi l-interessi tagħha u jirrinforza l-proċess ta’ integrazzjoni tagħha skont l-Artikolu 20(1) TUE.

(12)      Il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja mhux inkluż fil-lista ta’ oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 3(1) [...] TFUE. Il-bażi legali għall-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej tal-proprjetà intellettwali huwa l-Artikolu 118 [...] TFUE li jaqa’ taħt il-Kapitolu 3 (Approssimazzjoni tal-Liġijiet) tat-Titolu VII (Regoli Komuni għall-Kompetizzjoni, it-Tassazzjoni u l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet), u jagħmel referenza speċifika għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, li hija waħda mill-kompetenzi kondiviżi tal-Unjoni skont l-Artikolu 4 [...] TFUE. Il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, inklużi arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli, għalhekk taqa’ fi ħdan il-qafas ta’ kompetenza mhux esklużiva tal-Unjoni.

(13)      Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja tikkonforma mat-Trattati u mal-liġi tal-Unjoni, u ma tfixkilx is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali jew territorjali. Hija ma toħloqx barriera, jew diskriminazzjoni, fil-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma twassalx għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bejniethom.

(14)      Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx. Il-possibbiltà tal-kisba ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti ma taffettwax id-disponibbiltà jew il-kondizzjonijiet tal-protezzjoni tal-privattiva fit-territorji tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx. Barra minn hekk, l-impriżi minn Stati Membri li ma jipparteċipawx għandu jkollhom il-possibbiltà li jiksbu protezzjoni tal-privattiva unitarja fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-impriżi minn Stati Membri parteċipanti. Ir-regoli eżistenti ta’ Stati Membri li ma jipparteċipawx li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet ta’ ksib ta’ protezzjoni tal-privattiva fit-territorju tagħhom jibqgħu ma jkunux affettwati.

(15)      B’mod partikolari, il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni dwar il-privattivi peress li l-kooperazzjoni msaħħa tirrispetta l-acquis pre-eżistenti.

(16)      Soġġett għall-konformità ma’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ parteċipazzjoni stabbilita f’din id-Deċiżjoni, il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja hija miftuħa f’kull mument għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jikkonformaw mal-atti diġà adottati fi ħdan dan il-qafas skont l-Artikolu 328 […] TFUE”.

II – It-talbiet tal-partijiet

A –    Fil-Kawża C‑274/11

12.      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

13.      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors, u

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

B –    Fil-Kawża C‑295/11

14.      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

15.      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors, u

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

16.      F’dak li jikkonċerna l-Kawża C‑274/11, permezz tal-ewwel digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ottubru 2011, ir-Repubblika Taljana ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Polonja sabiex issostni t-talbiet tal-Kunsill. Permezz tat-tieni digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, ir-Repubblika tal-Lettonja, l-Irlanda, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Parlament, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

17.      F’dak li jikkonċerna l-Kawża C‑295/11, permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ottubru 2011, ir-Renju ta’ Spanja ġie ammess sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Lettonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tal-Isvezja, il-Parlament, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Polonja ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

18.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2012, il-Kawżi C‑274/11 u C‑295/11 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

III – Fuq ir-rikorsi

19.      Fil-fehma tiegħi, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jqajmu sitt motivi insostenn tar-rikorsi tagħhom.

20.      Permezz tal-ewwel motiv, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jsostnu li l-Kunsill ma kienx kompetenti sabiex jintroduċi kooperazzjoni msaħħa. Fil-fehma tagħhom, din il-kompetenza tappartjeni esklużivament lill-Unjoni. Għaldaqstant, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, inkiser l-Artikolu 20(1) TUE, li jipprovdi l-possibbiltà ta’ introduzzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza mhux esklużiva tal-Unjoni.

21.      Permezz tat-tieni motiv, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jqisu li l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter. Huma jqisu li, kuntrarjament għal dak li jipprovdi l-Artikolu 20 TUE, l-għan reali ta’ dik id-deċiżjoni ma kienx dak tal-integrazzjoni tal-Istati Membri kollha permezz ta’ integrazzjoni b’veloċitajiet differenti, imma li r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jiġu esklużi min-negozjati fuq il-kwistjoni tas-sistema lingwistika ta’ din il-privattiva.

22.      Permezz tat-tielet motiv, ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kunsill li injora s-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni billi ma ppreċiżax, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sistema ġudizzjarja prevista fil-qasam ta’ privattiva unitarja.

23.      Permezz tar-raba’ motiv, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jargumentaw li, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill injora l-kundizzjoni tal-aħħar għażla mitluba fl-Artikolu 20(2) TUE.

24.      Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE u tal-Artikolu 326 TFUE, kif ukoll tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20(1) TUE. B’mod partikolari, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 326 TFUE, sa fejn hija tikkawża preġudizzju għas-suq intern kif ukoll għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jew tikkostitwixxi ostakolu u diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u sa fejn hija tikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni bejniethom.

25.      Fl-aħħar nett, bis-sitt motiv, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tosservax l-Artikoli 327 TFUE u 328 TFUE. Fil-fatt, minn naħa, dik id-deċiżjoni tobbligah jirrinunzja d-dritt li huwa għandu taħt l-Artikolu 65 tal-EPC li jitlob traduzzjoni tal-faxxikolu tal-privattiva bl-Ispanjol sabiex din tipproduċi effetti legali fi Spanja u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni tal-ftuħ tal-kooperazzjoni msaħħa lill-Istati Membri li ma jipparteċipawx, stabbilita bl-Artikolu 328 TFUE, ma ġietx sodisfatta, billi din il-kooperazzjoni tipprevedi sistema lingwistika li huwa ma jistax jaċċetta.

A –    Osservazzjonijiet preliminari

26.      Għall-ewwel darba wara l-ħolqien tal-mekkaniżmu tal-kooperazzjoni msaħħa permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina l-legalità tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tali kooperazzjoni. Għal dan il-għan, ser ikollha tiddefinixxi l-limiti tal-istħarriġ tal-konformità mal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, biex tivverifika l-legalità ta’ din il-kooperazzjoni.

27.      Fil-fehma tiegħi, dan l-istħarriġ għandu jkun wieħed limitat. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali Jacobs, “wieħed għandu jżomm f’moħħu l-limiti tal-poter tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-miżuri leġiżlattivi adottati mill-Kunsill. Dawn il-limiti jirriżultaw mill-prinċipju fundamentali tas-separazzjoni tal-poteri fi ħdan il-Komunitajiet. Fil-każijiet fejn it-Trattat ta poteri leġiżlattivi wiesa’ lill-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kunsill, bl-evalwazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni ekonomika jew inkella tan-neċessità jew l-adegwatezza tal-miżuri adottati. Jekk taġixxi b’dan il-mod, hija tkun qed tużurpa r-rwol leġiżlattiv tal-Kunsill billi timponi l-opinjonijiet tagħha fuq il-politika ekonomika li għandha tiġi segwita mill-Komunitajiet” (5).

28.      F’dan il-każ, l-għażla li jistabbilixxi kooperazzjoni msaħħa hija f’idejn il-Kunsill, li jagħti l-awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni u wara l-approvazzjoni tal-Parlament (6). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, dawn l-istituzzjonijiet huma msejħa sabiex jevalwaw l-effetti tal-kooperazzjoni msaħħa fuq il-bażi ta’ ħafna fatturi, sabiex jibbilanċjaw id-diversi interessi involuti u sabiex iwettqu għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-fatturi li l-Kunsill għandu jevalwa jekk kooperazzjoni msaħħa hijiex il-miżura adattata sabiex, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1) TUE, tiffavorixxi t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni, tħares l-interessi tagħha u ssaħħaħ il-proċess ta’ integrazzjoni.

29.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem tat lil-leġiżlatur tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li għandu x’jaqsam man-natura u mal-portata tal-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-oqsma ta’ azzjoni tal-Unjoni. Hija tillimita ruħha, għalhekk, sabiex tistħarreġ jekk, fl-eżerċizzju ta’ din il-libertà ta’ għażla, huwa jkunx wettaq żball manifest jew użu ħażin ta’ poter jew jekk huwa qabiżx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (7).

30.      Għaldaqstant huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fehma tiegħi, teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

B –    Fuq il-motiv ibbażat fuq inkompetenza sabiex jistabbilixxi kooperazzjoni msaħħa għall-finijiet tal-ħolqien tal-privattiva unitarja

1.      L-argumenti tal-partijiet

31.      Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jqisu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 20(1) TUE. Huma jikkunsidraw, fil-fatt, li l-qasam li fih tiġi eżerċitata l-kooperazzjoni msaħħa, u li huwa identifikat, skont il-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-Artikolu 118 TFUE, ma jaqax fil-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri kif stabbiliti bl-Artikolu 4 TFUE, imma fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(b) TFUE, jiġifieri l-istabbiliment tar-regoli ta’ kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern. Għaldaqstant, billi l-Artikolu 20(1) TUE jeskludi kull kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tal-ħolqien ta’ privattiva unitarja.

32.      Skont ir-Repubblika Taljana, l-Artikoli 3 TFUE sa 6 TFUE jipprovdu biss klassifikazzjoni indikattiva tal-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni. Il-portata effettiva ta’ kull kompetenza għandha tkun iddeterminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar kull qasam, kif jippreċiża l-Artikolu 2(6) TFUE.

33.      Imbagħad, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jargumentaw li l-Artikolu 118 TFUE, għalkemm jirreferi għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern u għalkemm huwa inserit taħt it-Titotlu VII tat-tielet parti – dwar ir-regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, dwar it-tassazzjoni u dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet –, fil-Kapitolu 3 li jikkonċerna l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ma jikkonferix lill-Unjoni poter ġenerali ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali sabiex tiġi żgurata protezzjoni uniformi fis-suq intern, imma kompetenza partikolari għall-ħolqien ta’ titoli ta’ dan it-tip u sistemi ta’ awtorizzazzjoni, ta’ kordinazzjoni u ta’ kontroll ċentralizzati fil-livell tal-Unjoni. Il-qasam imsemmi fl-Artikolu 118 TFUE jikkostitwixxi għaldaqstant regola ta’ kompetizzjoni neċessarja għall-funzjonament tas-suq intern u jaqa’, għalhekk, fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) TFUE.

34.      Ir-Renju ta’ Spanja jżid li, fid-dawl tan-natura tagħhom ta’ drittijiet ta’ esklużività u ta’ esklużjoni, il-privattivi jagħtu lid-detenturi tagħhom monopolju u jirrestrinġu, minħabba f’hekk, il-kompetizzjoni libera u l-moviment ħieles tal-prodotti u tas-servizzi. Dan għalhekk juri li l-ħolqien ta’ privattiva unitarja jirrigwarda l-istabbiliment ta’ regoli ta’ kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern.

35.      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Taljana tqis li l-ħolqien ta’ forma legali ġdida fuq il-livell tal-Unjoni, kif jipprovdi l-Artikolu 118 TFUE, ma jaqax fil-kompetenza tal-Istati Membri. Insostenn ta’ dan l-argument, hija tispjega li, jekk jiġi kkunsidrat li kooperazzjoni msaħħa tista’ tiġi introdotta fuq il-bażi tal-Artikolu 118 TFUE, dan iwassal sabiex tiġi ammessa l-possibbiltà ta’ koeżistenza, fit-territorju tal-Unjoni, ta’ diversi drittijiet Ewropej. Din id-dispożizzjoni, li għandha l-għan li tiżgura l-eżistenza ta’ dritt uniku kif ukoll li tiggarantixxi protezzjoni uniformi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fl-Unjoni, tiġi, għaldaqstant, imċaħħda mill-effettività tagħha. Din l-analiżi turi li l-materja msemmija fl-Artikolu 118 TFUE hija effettivament parti mill-qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

36.      Il-Kunsill jirrimarka li r-regoli dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jappartjenu għas-suq intern u li, f’dan il-qasam, l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża, skont l-Artikolu 4(2)(a) TFUE. Issa, billi l-Artikolu 118 TFUE jsemmi espressament l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, il-materja li hija s-suġġett tal-kooperazzjoni msaħħa, bis-saħħa tad-deċiżjoni kkontestata, taqa’ għalhekk fil-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

37.      Għaldaqstant, il-Kunsill iħoss li ma hijiex in-natura tal-miżuri meħuda mill-Unjoni, jiġifieri miżura ta’ armonizzazzjoni, il-ħolqien ta’ dritt Ewropew jew inkella l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, li tiddetermina l-kompetenza esklużiva tagħha, imma l-qasam li jaqgħu taħtu dawn il-miżuri.

38.      Barra minn hekk, il-Kunsill jinnota li t-Titolu VII tat-tielet parti tat-Trattat FUE, intitolat “Ir-Regoli Komuni fuq il-Kompetizzjoni, it-Tassazzjoni u l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet”, fih tliet kapitoli, jiġifieri l-Kapitolu 1, intitolat “Ir-Regoli li Jirregolaw il-Kompetizzjoni”, il-Kapitolu 2, intitolat “Dispożizzjonijiet Fiskali”, u l-Kapitolu 3, intitolat “Approssimazzjoni ta’ Liġijiet”, u li l-Artikolu 118 TFUE jinsab f’dan l-aħħar kapitolu. Barra minn hekk, il-Kunsill jinnota li l-Kapitolu 1, intitolat “Ir-Regoli li Jirregolaw il-Kompetizzjoni”, ma fih l-ebda bażi legali għall-istabbiliment ta’ titoli ta’ proprjetà intellettwali. Għalhekk, il-ħolqien ta’ dawn it-titoli, kif tipprovdi l-kooperazzjoni msaħħa, effettivament jirreferi għas-suq intern, qasam ta’ kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

39.      L-intervenjenti insostenn tal-Kunsill jaqblu perfettament mal-argumenti ta’ dan tal-aħħar. Il-Kummissjoni u r-Renju Unit jikkunsidraw, b’mod partikolari, li r-Repubblika Taljana tfixkel in-natura tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni u l-istrumenti previsti għall-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi. Il-Kummissjoni tikkunsidra, f’dan ir-rigward, li l-fatt li miżura, bħalma hija l-privattiva unitarja, tista’ tiġi adotatta biss mill-Unjoni ma jimplikax, neċessarjament, kompetenza esklużiva. Għandu biss jiġi stabbilit jekk, f’qasam partikolari, l-Istati Membri ikunux żammew poteri ta’ azzjoni jew jekk huma jkunux taw lill-Unjoni biss il-poter li tilleġiżla u li tadotta atti vinkolanti.

2.      Evalwazzjoni

40.      Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jeċċepixxu l-assenza ta’ kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-privattiva unitarja. Huma jikkunsidraw, essenzjalment, li l-ħolqien ta’ tali privattiva jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, sa fejn din tifforma parti mir-regoli ta’ kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern.

41.      Jien ma naqbilx ma’ dan l-argument, u dan għar-raġunijiet segwenti.

42.      Qabel it-Trattat ta’ Lisbona, l-awturi tat-Trattati preċedenti ma kinux indirizzaw il-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. L-iktar li kien sar kien indikazzjoni li l-Komunità taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha u l-għanijiet li kienu ġew assenjati lilha bit-Trattati u li, fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklużiva tagħha, il-Komunità tintervjeni, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, biss u sakemm l-għanijiet tal-azzjoni prevista ma jkunux setgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri.

43.      Fil-Kunsill Ewropew ta’ Nice, fl-2000, u dak ta’ Laeken, fl-2001, l-Istati Membri esprimew b’mod ċar ix-xewqa tagħhom li jiġi kkjarifikat it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (8). Għalhekk, fid-dikjarazzjoni ta’ Laeken fuq il-futur tal-Unjoni Ewropea (9), il-Kunsill Ewropew, li għamel din it-tema waħda mill-erba’ temi prinċipali ta’ diskussjoni, ikkunsidra li kien meħtieġ li jiġi ċċarat it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, u li dan jiġi ssemplifikat u aġġustat fid-dawl tal-isfidi ġodda li qed tiffaċċja l-Unjoni. Imbagħad kompla jgħid li l-ewwel sensiela ta’ mistoqsijiet li għandhom isiru tikkonċerna l-mod li bih dan it-tqassim għandu jsir iktar trasparenti. Għal dan l-għan, huwa staqsa jekk kienx possibbli li tiġi stabbilita distinzjoni iktar ċara bejn tliet tipi ta’ kompetenzi, jiġifieri l-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni, il-kompetenzi tal-Istati Membri u l-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u dawn l-Istati (10).

44.      Dik ix-xewqa twettqet, imbagħad, fit-Trattat ta’ Lisbona, li jistabbilixxi kategorizzazzjoni vera tal-kompetenzi, billi jqassamhom b’mod ċar bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (11), skont il-prinċipju ta’ attribuzzjoni (12). B’hekk, l-Artikolu 1 TFUE jindika li “[dan it-Trattat] jorganizza l-funzjonament ta’ l-Unjoni u jiddetermina l-oqsma, id-delimitazzjoni u l-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha”. F’dan ir-rigward, it-Titolu I tal-ewwel parti tal-imsemmi Trattat ma għandu l-ebda ambigwità għaliex huwa intitolat “Kategoriji u Oqsma ta’ Kompetenza ta’ l-Unjoni”. Taħt dan it-titolu, l-Artikolu 2(1) TFUE jipprovdi li, “[m]eta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f’qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista’ tilleġisla u tadotta atti legalment vinkolanti”.

45.      Dawn l-oqsma huma elenkati fl-Artikolu 3(1) TFUE, id-dispożizzjoni li taħtha jaqa’, b’mod partikolari, l-istabbiliment tar-regoli ta’ kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern.

46.      Dejjem taħt it-Titolu I tal-ewwel parti tat-Trattat FUE, l-Artikolu 4(2) ta’ dan it-Trattat jindika l-oqsma prinċipali li fihom l-Unjoni u l-Istati Membri jgawdu kompetenza kondiviża. Is-suq intern huwa parti minn dawn l-oqsma, skont il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni.

47.      Fid-dawl ta’ dawn il-punti, huwa ċar li n-natura esklużiva jew kondiviża tal-kompetenzi ma tiddependix, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, mill-kwistjoni jekk l-Unjoni hijiex l-unika li tista’ tadotta miżura li jkollha effett fuq it-territorju kollu tal-Unjoni, imma mill-qasam li hija parti minnu l-miżura prevista.

48.      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, jiena nqis li t-Trattat FUE jistabbilixxi lista eżawrjenti u mhux sempliċement indikattiva tal-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

49.      Fil-fatt, imqabbla ma’ dik tal-Artikolu 4(2) TFUE, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) TFUE turi li huma biss l-oqsma li jissemmew li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. B’hekk, din id-dispożizzjoni tindika li “[l]-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fl-oqsma li ġejjin [(13)]” u l-Artikolu 4(2) TFUE, li jirrigwarda l-oqsma li fihom l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom kompetenza kondiviża, jindika li “[l]-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tapplika għall-oqsma prinċipali li ġejjin [(14)]”. Minn din il-frażi tal-aħħar jirriżulta li l-awturi tat-Trattat FUE ma inkludewx, fil-lista tal-Artikolu 4(2) TFUE, l-oqsma kollha kkonċernati, imma kkonċentraw ruħhom fuq l-oqsma prinċipali. Tali intenzjoni ma tidhirx fl-Artikolu 3(1) TFUE.

50.      L-Artikolu 4(1) TFUE jikkonferma, ukoll, din l-analiżi billi jipprovdi li “[l]-Unjoni għandha kompetenza kondiviża ma’ l-Istati Membri fejn it-Trattati jtuha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli 3[TFUE] u 6[TFUE]”. Billi l-kompetenza kondiviża tista’ tkun ikkaratterizzata bħala tali meta hija ma tkunx kompetenza esklużiva, din tal-aħħar għandha tkun iddeterminata b’mod ċar.

51.      Barra minn hekk, in-natura eżawrjenti tal-lista ta’ oqsma li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva jidhirli li hija konsistenti mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni stipulat fl-Artikolu 5 TUE. Skont dan il-prinċipju, l-Unjoni taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi li l-Istati Membri jkunu attribwewlha fit-Trattati u kull kompetenza li ma tkunx ġiet attribwita lill-Unjoni tappartjeni lill-Istati Membri.

52.      Barra minn hekk, dan l-argument jaqbel mal-intenzjoni tal-awturi tat-Trattati li jiċċaraw it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, kif ġie espost fil-punti 42 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

53.      Fid-dawl tal-punti msemmija hawn fuq, bl-għan li jiġi deċiż jekk il-ħolqien tal-privattiva unitarja, kif previst bl-Artikolu 118 TFUE, jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni jew il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, għandu jiġi eżaminat taħt liema qasam jaqa’ l-ħolqien ta’ tali titolu.

54.      Minn sempliċi qari ta’ din id-dispożizzjoni, ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li l-ħolqien ta’ titolu Ewropew ta’ proprjetà intellettwali jaqa’ taħt il-qasam tas-suq intern. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jidhirli li hija ċara, għaliex tipprovdi li huwa “[f]il-qafas ta’ l-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern” li għandu jinħoloq dan it-titolu.

55.      Imbagħad, huwa stabbilit li l-istandardizzazzjoni tal-proprjetà intellettwali għandha rwol importanti fl-osservanza tal-prinċipji bażiċi tas-suq intern. Huwa ċar, ukoll, li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta adotta l-atti dwar il-proprjetà intellettwali, dejjem kellu bħala għan it-twettiq u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern (15). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’sentenza li kellha bħala kuntest fattwali l-possibbiltà ta’ privattiva għall-invenzjonijiet li jużaw iċ-ċelloli staminali embrijoniċi, enfasizzat il-fatt li d-differenzi li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett għandhom bħala konsegwenza li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li huwa l-iskop tad-Direttiva 98/44 (16).

56.      Għalhekk l-istabbiliment ta’ privattiva unitarja huwa intiż, fl-opinjoni tiegħi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati kif stipulati fl-Artikoli 3(3) TUE u 26 TFUE, jiġifieri t-twettiq u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

57.      Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jiddikjaraw li, jekk il-ħolqien ta’ tali privattiva huwa, effettivament, meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, jibqa’ l-fatt li huwa jaqa’, fir-realtà, taħt l-istabbiliment tar-regoli ta’ kompetizzjoni u huwa għalhekk fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3(1)(b) TFUE. Jien ma nistax naqbel ma’ tali argument.

58.      Skont l-Artikolu 2(6) TFUE, il-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni huma stabbiliti bid-dispożizzjonijiet tat-Trattati relattivi għal kull qasam. Sabiex jiġi stabbilit il-kontenut eżatt ta’ qasam, għandu għalhekk isir riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE. F’dak li jirrigwarda r-regoli ta’ kompetizzjoni kif stipulati fl-Artikolu 3(1)(b) TFUE, huma l-Artikoli 101 TFUE sa 109 TFUE.

59.      Dawn ir-regoli huma ddefiniti fit-Trattat FUE. Fil-fatt, it-Titolu VII tat-tielet parti ta’ dan it-trattat huwa ddedikat għar-regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet. Il-Kapitolu 1 ta’ dan it-Titolu, intitolat “Ir-Regoli li Jirregolaw il-Kompetizzjoni”, huwa nnifsu maqsum f’żewġ taqsimiet, l-ewwel waħda dwar ir-regoli li japplikaw għall-impriżi u t-tieni dwar l-għajnuna mill-Istati. Għaldaqstant ir-regoli bejn l-impriżi u r-regoli li jirrigwardaw l-aġir tal-Istati Membri li jiffavorixxu dawn l-impriżi permezz ta’ għajnuna mill-Istat jaqgħu taħt ir-regoli ta’ kompetizzjoni. Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 101 TFUE sa 109 TFUE imkien ma jsemmu l-ħolqien ta’ titolu ta’ proprjetà intellettwali.

60.      Jiena ma nikkontestax il-fatt, imsemmi mir-Renju ta’ Spanja, li l-proprjetà intellettwali, b’mod ġenerali, u l-privattiva, b’mod partikolari, fid-dawl tan-natura tagħhom, jagħtu lid-detenturi tagħhom monopolju li jaffettwa l-kompetizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet ukoll, fir-rigward tat-trade mark Komunitarja, li din għandha rwol essenzjali fis-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat FUE għandu l-għan li jistabbilixxi (17). Huwa minnu li d-drittijiet li jirriżultaw mill-proprjetà ta’ privattiva huma tali li jaffettwaw l-iskambju tal-oġġetti u tas-servizzi kif ukoll ir-rapporti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern. Madankollu, il-fatt li titolu legali, bħalma hija l-privattiva unitarja, jista’ jkollu impatt fuq is-suq intern ma huwiex suffiċjenti sabiex jirrendih titolu li jaqa’ taħt ir-regoli ta’ kompetizzjoni fis-sens tad-dritt primarju u, b’mod speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) TFUE.

61.      Fl-aħħar nett, skont ir-Repubblika Taljana, il-ħolqien ta’ privattiva unitarja ma jikkostitwixxix armonizzazzjoni jew approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kif jagħti x’jifhem il-kapitolu li minnu jagħmel parti l-Artikolu 118 TFUE, imma ħolqien ta’ titolu legali Ewropew ġdid li jiżdied mat-titoli nazzjonali eżistenti. B’hekk, billi l-Unjoni hija l-unika, fil-fatt, li tista’ tadotta miżuri dwar il-ħolqien ta’ privattiva unitarja li tipproduċi effetti fit-territorju kollu tal-Istati Membri, tali ħolqien jaqa’ neċessarjament taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

62.      Fil-fehma tiegħi, dan il-fattur ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Unjoni. L-Artikolu 5(3) TUE jipprovdi, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva – għalhekk, fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża –, l-Unjoni għandha tintervjeni biss jekk, u sa fejn, l-għanijiet tal-azzjoni prevista ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, imma jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni. Għalhekk ma huwiex għaliex l-għanijiet maħsuba ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri li jkun hemm kompetenza esklużiva.

63.      Ċertament, tista’ tiġi ċċitata kontra tiegħi s-sentenza tal-2 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (18), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-ħolqien ta’ forma legali ġdida fuq il-livell tal-Unjoni ma jikkostitwixxix approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, imma huwa sovrapost fuq din il-leġiżlazzjoni, u hekk jeskludi l-possibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali (19).

64.      Madankollu, jidhirli li għandu jitqies il-kuntest ta’ din is-sentenza. Fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, kellha tiġi stabbilita l-bażi legali korretta li fuqha l-ħolqien ta’ forma ġdida ta’ soċjetà koperattiva Ewropea seta’ jiġi adottat, billi l-ebda waħda mid-dispożizzjoniijiet tat-Trattat ma kienet tipprovdi bażi legali partikolari għal dan l-għan. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fl-Avviż 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994 (20), hija ammettiet il-possibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 352 TFUE sabiex jinħolqu titoli ġodda ta’ proprjetà intellettwali, peress li l-Artikolu 114 TFUE ma kienx id-dispożizzjoni adattata, għaliex hemm qbil li dan huwa intiż għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet u jippresupponi, għalhekk, mhux il-ħolqien ta’ titolu ġdid ta’ proprjetà intellettwali, imma armonizzazzjoni (21). Minn dan hija kkonkludiet li l-Artikolu 114 TFUE ma setax jikkostitwixxi bażi legali adattata għall-adozzjoni tar-regolament li joħloq forma legali ġdida ta’ soċjetà koperattiva Ewropea, li kien ġie adottat korrettement fuq il-bażi tal-Artikolu 352 TFUE, billi dan ir-regolament, li jħalli mhux mibdula d-diversi liġijiet nazzjonali eżistenti, ma jistax jitqies li għandu l-għan ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri applikabbli għas-soċjetajiet koperattivi, imma li joħloq forma ġdida ta’ soċjetà koperattiva li hija sovraposta fuq il-forom nazzjonali.

65.      Fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi dedott mis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar’il fuq, li l-ħolqien ta’ titoli ta’ proprjetà intellettwali ma jaqax taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kellha tiġi ddeterminata, fl-assenza ta’ bażi speċifika, il-bażi legali adattata, bejn l-Artikoli 114 TFUE u 352 TFUE, għall-ħolqien ta’ soċjetà koperattiva Ewropea.

66.      Madankollu, dan ma huwiex il-każ fil-kawżi li għandna quddiemna. Wara t-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 118 TFUE jikkonferixxi bażi legali adegwata għall-ħolqien ta’ titoli ta’ proprjetà intellettwali u din id-dispożizzjoni hija maħsuba espressament għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-motiv ibbażat fuq inkompetenza sabiex tiġi stabbilita kooperazzjoni msaħħa għall-finijiet tal-ħolqien tal-privattiva unitarja bħala infondat.

C –    Fuq il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

1.      L-argumenti tal-partijiet

68.      Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jqisu li l-kooperazzjoni msaħħa awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata ġiet deċiża bl-għan li teskludihom u ttemm in-negozjati dwar il-privattiva unitarja u fuq is-sistema lingwistika tagħha. Huma jikkunsidraw li, minflok ma wasal għal integrazzjoni, l-għan li għandu jkollu l-mekkaniżmu tal-kooperazzjoni msaħħa, il-Kunsill għażel soluzzjoni ta’ esklużjoni.

69.      Ir-Repubblika Taljana ssostni, barra minn hekk, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bl-għan li tevita r-regola tal-unanimità stabbilita bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, dwar is-sistemi lingwistiċi tat-titoli ta’ proprjetà intellettwali Ewropej. Il-kooperazzjoni msaħħa awtorizzata b’dik id-deċiżjoni għandha għalhekk l-effett kemm li teskludi l-possibbiltà li tinħoloq privattiva Ewropea uniformi, billi dik il-privattiva għandha effett biss fuq it-territorju l-Istati Membri li jipparteċipaw, kif ukoll dik li ġġiegħel lir-Renju ta’ Spanja u lir-Repubblika Taljana li jagħżlu sistema lingwistika li huma ma jridux. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana targumenta li, bħala riżultat tal-eċċess ta’ poter ikkritikat, l-ispirtu tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE ma ġiex rrispettat, u dan jikkostitwixxi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 326TFUE, li jipprovdi li l-kooperazzjoni msaħħa għandha tirrispetta t-Trattati u d-dritt tal-Unjoni.

70.      Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jispjega li, min-naħa tiegħu, la teżisti preparazzjoni insuffiċjenti sabiex jassumi l-obbligi u l-kompetenzi li timplika s-sistema ta’ privattiva unitarja, u lanqas l-assenza ta’ rieda politika li jassumihom. Għalih id-diffikultà insormontabbli kienet biss is-sistema lingwistika, għaliex huwa ma kienx lest jaċċetta dik proposta mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk kien sejjer ikollha l-effett biss li teskludi lir-Renju ta’ Spanja min-negozjati dwar is-suġġett u li tevita dik id-diffikultà.

71.      Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li l-kooperazzjoni msaħħa awtorizzata bid-deċiżjoni kkontestata hija, fil-verità, ftehim partikolari fis-sens tal-Artikolu 142 tal-EPC. Bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni, “[k]ull grupp ta’ Stati kontraenti li, fi ftehim partikolari, ikun ipprovda li l-privattivi Ewropej mogħtija minn dawk l-Istati għandu jkollhom natura unitarja fuq l-intier tat-territorji tagħhom, jista’ jipprovdi li l-privattivi Ewropej jistgħu jingħataw biss konġuntament għall-Istati kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont ir-Renju ta’ Spanja, mekkaniżmu previst mil-liġi internazzjonali, f’dan il-każ mill-EPC, huwa introdott fil-liġi tal-Unjoni u huwa ppreżentat bħala kooperazzjoni msaħħa. Għalhekk, dan għandu jintuża għal għanijiet oħra barra dawk previsti mit-Trattati.

72.      Il-Kunsill iqis, qabel xejn, li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-Renju ta’ Spanja fil-kooperazzjoni msaħħa ma huwa xejn iktar ħlief il-konsegwenza tad-deċiżjoni tiegħu stess u li ma kien hemm l-ebda xewqa, min-naħa tiegħu, li jeskludi lir-Renju ta’ Spanja u lir-Repubblika Taljana minn din il-kooperazzjoni. Huwa jispeċifika li din il-kooperazzjoni tibqa’ dejjem miftuħa għal dan iż-żewġ Stati Membri, skont il-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata.

73.      Il-Kunsill josserva, imbagħad, li kooperazzjoni msaħħa tiġi stabbilita korrettement meta ma huwiex possibbli li jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri kollha. Għalhekk l-għan tagħha ma huwiex dak li jeskludi lil certi Stati Membri. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-introduzzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa bl-ebda mod ma hija suġġetta għall-ftehim bejn l-Istati Membri kollha, ħlief fejn hemm prevista eċċezzjoni espliċita fit-Trattati, b’mod partikolari meta l-kooperazzjoni msaħħa tikkonċerna l-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, skont l-Artikolu 329(2) TFUE.

74.      Fir-rigward tal-argument li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett li tevita r-regola tal-unanimità stabbilita bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, il-Kunsill jikkunsidra li l-fatt li l-unanimità tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa biss hija mitluba hija l-konsegwenza neċessarja prevista mit-Trattati għall-istabbiliment ta’ tali kooperazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 330 TFUE, li jipprovdi li l-unanimità hija kkostitwita biss mill-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri li jipparteċipaw.

75.      Fir-rigward tal-argument li d-deċiżjoni kkontestata għandha bħala effett li tevita d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 142 tal-EPC, il-Kunsill josserva qabel xejn li dik id-deċiżjoni ma ssemmix dik id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-validità tal-imsemmija deċiżjoni ma tistax tiġi kkontestata b’dan l-argument. F’kull każ, il-Kunsill jikkunsidra li ma hemm xejn li jwassal għall-konklużjoni li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata bl-iskop esklużiv jew, mill-inqas, determinanti li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk invokati, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-użu ħażin ta’ poter.

76.      L-Istati Membri, kif ukoll il-Kummissjoni u l-Parlament, intervenjenti insostenn tal-Kunsill, jaqblu wkoll ma’ dawn l-argumenti. B’mod partikolari, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tal-Isvezja jfakkru t-tul u l-falliment tan-negozjati sabiex jintlaħaq ftehim finali fuq il-privattiva unitarja. Ladarba rriżulta li kien impossibbli li jintlaħaq dak il-ftehim, ġie previst ir-rikors għall-kooperazzjoni msaħħa. Għalhekk ma kienx hemm ir-rieda li jiġu esklużi r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, imma li tiġi avvanzata l-integrazzjoni f’dan il-qasam.

77.      Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża tinnota li l-possibbiltà li tiġi stabbilita kooperazzjoni msaħħa f’qasam fejn il-Kunsill jiddeċiedi unanimament tirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 333(1) TFUE, li jindika li, “[f]ejn dispożizzjoni tat-Trattati li tista’ tiġi applikata fil-kuntest ta’ koperazzjoni msaħħa tipprovdi li l-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu skond l-arranġamenti previsti fl-Artikolu 330 jista’ jadotta deċiżjoni li tipprovdi li dan ser jaġixxi bil-maġġoranza kwalifikata”.

78.      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka tinsisti fuq il-fatt li l-kooperazzjoni msaħħa tippermetti lill-Istati Membri kkonċernati li jikkoperaw f’qasam partikolari, minkejja minoranza li timblokka. Skont dan l-Istat Membru, din hija soluzzjoni bbilanċjata għall-problema tal-impossibbiltà li jintlaħaq ftehim f’qasam partikolari. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jispjega li l-mekkaniżmu tal-kooperazzjoni msaħħa mhux dak li tintlaħaq, finalment, kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kollha, imma li jiġu implementati integrazzjoni u kooperazzjoni iktar f’saħħithom bejn l-Istati Membri li jixtiquhom.

79.      Fl-aħħar nett, b’risposta għall-argument tar-Repubblika Taljana li l-kooperazzjoni msaħħa ma tistax tiġi stabbilita meta l-Istati Membri li jiddeċiedu li ma jieħdux sehem huma, fil-prinċipju, interessati u jixtiequ jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv fil-qasam maħsub, il-Kummissjoni tikkunsidra li, jekk sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ rieda ta’ parteċipazzjoni fi proġett ta’ integrazzjoni jitqiesu suffiċjenti sabiex jimblokkaw ir-rikors għall-kooperazzjoni msaħħa, dan iwassal, essenzjalment, sabiex jingħata dritt ta’ veto lill-Istati Membri kollha.

2.      Evalwazzjoni

80.      Skont ġurisprudenza stabbilita, att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk, fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ġie adottat bl-iskop esklużiv jew, mill-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat FUE sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ (22).

81.      Bħall-Kunsill u l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Parlament intervenjenti insostenn tiegħu, ma naħsibx li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter.

82.      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1) TUE, il-kooperazzjoni msaħħa hija intiża sabiex tiffavorixxi l-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni, sabiex tħares l-interessi tagħha u ssaħħaħ il-proċess ta’ integrazzjoni tagħha. L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni msaħħa kien immmotivat b’eteroġeneità dejjem tikber bejn l-Istati Membri u bl-interessi jew il-bżonnijiet partikolari tagħhom (23). Dan il-mekkaniżmu huwa intiż sabiex jippermetti u jħajjar grupp ta’ Stati Membri jikkooperaw fil-kuntest tal-Unjoni, pjuttost milli barra minnha (24), meta jkun stabbilit li l-għanijiet intiżi b’dik il-kooperazzjoni ma jkunux jistgħu jintlaħqu mill-Unjoni fl-intier tagħha. Fi kliem ieħor, il-kooperazzjoni msaħħa hija mezz għal grupp ta’ Stati Membri, li jixtiequ jimxu ’l quddiem f’qasam partikolari, li jiffaċċjaw imblokk filwaqt li jibqgħu fil-kuntest istituzzjonali tal-Unjoni, u dan f’konformità mal-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati.

83.      Għalhekk, il-fatt innifsu li, għall-istabbiliment tal-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ privattiva unitarja, ċerti Stati Membri jkunu “esklużi” għaliex huma ma xtaqux jipparteċipaw f’dik il-kooperazzjoni ma huwiex tali li juri li l-Kunsill wettaq użu ħażin ta’ poter billi awtorizza dik il-kooperazzjoni. Dan huwa preċiżament il-mekkaniżmu xieraq tal-kooperazzjoni msaħħa, billi din l-“esklużjoni” ma hijiex, minkejja dan, irreversibbli, għaliex, bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 328(1) TFUE, il-kooperazzjoni msaħħa hija mitfuħa għall-Istati Membri kollha f’kull mument u għandha saħansitra tiġbor il-parteċipazzjoni tal-ikbar numru possibbli ta’ Stati Membri (25).

84.      Barra minn hekk, lanqas ma naħseb li, bl-introduzzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa, il-Kunsill kellu l-iskop li jevita r-regola tal-unanimità stabbilita bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE.

85.      Fil-fatt, minn naħa, infakkar li l-mekkaniżmu tal-kooperazzjoni msaħħa kien ġie stabbilit bl-għan li jippermetti lil grupp ta’ Stati Membri jiffaċċjaw imblokk f’qasam partikolari. Madankollu, huwa ovvju li dan l-imblokk x’aktarx li jseħħ l-aktar f’oqsma li jirrikjedu l-unanimità fil-Kunsill. Għalhekk, billi kkonstata, fl-ewwel lok, l-assenza ta’ unanimità f’dak li jikkonċerna s-sistema lingwistika tal-privattiva unitarja u billi ddeċieda, fit-tieni lok, li jiffaċċja dan l-imblokk billi jistabbilixxi kooperazzjoni msaħħa, il-Kunsill sempliċement irrikorra għal għodda li huwa għandu fid-disponibbiltà tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

86.      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ppreċiżat li t-Trattat FUE jipprovdi espressament li r-regoli dwar il-vot huma ttrasferiti u applikati għall-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa. B’dan il-mod, l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 330 TFUE jindikaw li l-membri kollha tal-Kunsill jistgħu jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tiegħu, iżda huma biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa li għandhom jieħdu sehem fil-vot u li l-unanimità għandha tkun ikkostitwita biss mill-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri li jipparteċipaw. Il-proċess tad-deċiżjoni u r-regoli tal-vot jiddependu għalhekk mill-materja kkonċernata mill-kooperazzjoni msaħħa. F’dan il-każ, is-sistema lingwistika tal-privattiva unitarja għandha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, tkun deċiża b’vot unanimu tal-Istati Membri li jipparteċipaw (26).

87.      Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’użu ħażin ta’ poter għaliex ir-rikors għall-kooperazzjoni msaħħa huwa intiż, fil-verità, sabiex jadotta taħt il-forma ta’ att tal-Unjoni, strument li jaqa’ taħt id-dritt internazzjonali, billi d-deċiżjoni kkontestata għandha, skont dan l-Istat Membru, bħala effett li tevita d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 142 tal-EPC. F’dan is-sens, huwa jiċċita l-Artikolu 1 tal-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ April 2011, li jimplementa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni bi privattiva unitarja li jipprovdi li dan ir-regolament jikkostitwixxi ftehim partikolari fis-sens tal-Artikolu 142 tal-EPC.

88.      Kif tinnota r-Repubblika Franċiża, dan l-argument huwa intiż, fil-verità sabiex jikkontesta l-legalità tar-regolament futur li jimplementa l-kooperazzjoni msaħħa u mhux il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

89.      F’kull każ, ma narax kif dan l-argument juri li l-Kunsill segwa għanijiet oħra barra dawk imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

90.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li ma jeżistux provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li juru li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bl-iskop li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattati.

91.      Għaldaqstant, inqis li l-motiv ibbażat fuq użu ħażin għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D –    Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni

1.      L-argumenti tal-partijiet

92.      Ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata kellha tipprovdi għall-ħolqien ta’ sistema ġudizzjarja li għaliha għandha tkun suġġetta l-privattiva unitarja. Huwa jinnota, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fl-avviż 1/09 tagħha, tat-8 ta’ Marzu 2011 (27), li s-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni hija kkostitwita minn kumpless sħiħ ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiżguraw l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet (28). Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li l-istabbiliment ta’ strumenti ġodda fil-kuntest tal-liġi tal-Unjoni, mingħajr ma jkunu previsti r-rimedji ġudizzjarji u l-proċeduri li jiggarantixxu l-istħarriġ tal-legalità ta’ dawn l-istrumenti, huwa kuntrarju għas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni kif ikkonċepit mill-awturi tat-Trattati u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza.

93.      Fl-ewwel lok, il-Kunsill jaqbel li rimedji ġudizzjarji u proċeduri li jiżguraw l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tat-titoli ta’ proprjetà intellettwali għandhom effettivament jeżistu, u dan skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

94.      Madankollu, fit-tieni lok, huwa jinnota li ma huwiex neċessarju li tinħoloq sistema ġudizzjarja proprja jew dispożizzjonijiet speċifiċi għall-istħarriġ ġudizzjarju għal kull att ta’ leġiżlazzjoni sekondarja u li huwa prematur li jiġi impost l-obbligu li tiġi pprovduta, fid-deċiżjoni kkontestata, sistema ġudizzjarja speċifika li quddiemha tista’ tiġi kkontestata l-legalità ta’ ċerti atti li jkunu għadhom ma ġewx stabbiliti.

95.      F’kull każ, il-Kunsill isostni li l-assenza ta’ tali dispożizzjonijiet ma tfissirx l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju, billi huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jorganizzaw dan l-istħarriġ għat-tilwim kollu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatatx il-ġurisdizzjoni li tisma’.

96.      L-Istati Membri, kif ukoll il-Kummissjoni u l-Parlament, li intervenew insostenn tal-Kunsill, jaqblu mal-argumenti ta’ dan tal-aħħar. Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, iżżid li l-kwistjoni tas-soluzzjoni tat-tilwim fil-qasam ta’ privattiva unitarja għandha tkun irregolata fil-mument tal-adozzjoni tal-atti li jimplementaw il-kooperazzjoni msaħħa prevista bid-deċiżjoni kkontestata u r-Renju tal-Isvezja jikkunsidra li l-assenza ta’ dispożizzjonijiet dwar stħarriġ ġudizzjarju ma taffettwax il-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

2.      Evalwazzjoni

97.      Ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta r-rikors tiegħu, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, kontra deċiżjoni adottata mill-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa bbażata fuq l-Artikolu 329 TFUE.

98.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tiddeċiedi jekk ġewx osservati l-kundizzjonijiet li jiddeterminaw il-validità tal-kooperazzjoni msaħħa. Għalhekk, l-istħarriġ tagħha għandu jkun limitat, hawnhekk, għall-kwistjoni dwar jekk din id-deċiżjoni tal-Kunsill tissodisfax il-kundizzjonijiet rikjesti għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni msaħħa, skont l-Artikoli 20 TUE u 326 TFUE et seq.

99.      F’dan ir-rigward, il-kwistjoni tal-ħolqien ta’ sistema ġudizzjarja partikolari għall-privattivi unitarji ma tifformax parti mill-kundizzjonijiet rikjesti bl-artikoli rilevanti tat-Trattati għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni msaħħa. L-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni msaħħa hija biss il-premessa tal-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi oħra li għandhom, imbagħad, jimplementaw konkretament din il-kooperazzjoni msaħħa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fil-proposta tagħha ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplementa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja, tat-13 ta’ April 2011 (29), indirizzat il-kwistjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja ta’ din il-privattiva (30).

100. Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-motiv ibbażat fuq ksur tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

E –    Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-kundizzjoni tal-aħħar għażla

1.      L-argumenti tal-partijiet

101. Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jikkunsidraw li, meta awtorizza l-kooperazzjoni msaħħa bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser il-kundizzjoni tal-aħħar għażla rikjesta bl-Artikolu 20(2) TUE. Infakkar li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa għandha tkun adottata mill-Kunsill bħala l-aħħar għażla, meta jkun stabbilit li l-għanijiet imfittxija b’dik il-kooperazzjoni ma jistgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni sħiħa.

102. B’mod partikolari, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li, jekk il-kunċett tal-aħħar għażla ċertament ma huwiex definit, dan għandu, madankollu, jiġi interpretat b’mod strett. F’dan ir-rigward, dan il-kunċett jippresupponi, f’dan il-każ, li l-proposta leġiżlattiva li hija s-suġġett ta’ diskussjoni kienet raġonevoli u mhux abbużiva jew diskriminatorja fin-natura tagħha, għaliex inkella n-nuqqas ta’ ftehim bejn l-Istati Membri jkun inevitabbli.

103. Ir-Repubblika Taljana tammetti, f’dan ir-rigward, li l-konstatazzjoni tal-konformità mal-kundizzjoni tal-aħħar għażla tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod limitat biss, għaliex hija s-suġġett ta’ setgħa diskrezzjonali riżervata għall-Kunsill, u għalhekk ir-rwol tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat għall-konstatazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Madankollu, l-iżball hawnhekk huwa manifest fid-dawl tal-fatt li l-pakkett leġiżlattiv fuq il-privattiva Ewropea kienu diġà fil-biċċa l-kbira inkomplet u fid-dawl, ukoll, tal-qosor tan-negozjati ddedikati għas-sistema lingwistika.

104. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jsostnu li ma ġewx eżawriti l-possibbiltajiet kollha ta’ negozjati bejn is-27 Stati Membri u li setgħu jiġu proposti soluzzjonijiet oħra rigward is-sistema lingwistika. Fil-fehma tagħhom, iż-żmien li laħaq għadda bejn il-proposta ta’ regolament tal-Kunsill, imsemmija hawn fuq, dwar is-sistema lingwistika u ppreżentata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2010, u l-proposta ta’ kooperazzjoni msaħħa wkoll ppreżentata minnha, fl-14 ta’ Diċembru 2010 (31), ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li din il-kooperazzjoni qed tiġi introdotta bħala l-aħħar għażla u li l-għanijiet imfittxija ma setgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli. Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jikkunsidraw li dak il-perijodu ta’ sitt xhur ma setax jiggarantixxi dibattitu seren u miftuħ fuq l-għażliet differenti ta’ sistema lingwistika possibbli. Bħala paragun mal-kooperazzjoni msaħħa stabbilita fil-kuntest tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni personali, huma jinnotaw li kienu għaddew erba’ snin qabel il-preżentata ta’ proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni u li, sentejn wara dik il-proposta, seħħ l-ewwel dibattitu fuq il-possibbiltà ta’ stabbiliment ta’ kooperazzjoni msaħħa.

105. Skont il-Kunsill, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu, hawnhekk, sempliċement jeżamina jekk id-deċiżjoni kkontestata adottata kinitx ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, din hija f’pożizzjoni partikolarment tajba sabiex tevalwa jekk kienx previdibbli jew le li jintlaħaq ftehim fuq il-privattiva tal-Unjoni fi żmien raġonevoli. F’dan ir-rigward, huwa jinnota li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma jeżiġux li għandu jiddekorri perijodu ta’ żmien determinat bejn id-data tal-preżentazzjoni ta’ proposta u d-data ta’ awtorizzazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa. Il-fatturi importanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk kienx probabbli jew le li l-għanijiet imfittxija jintlaħqu fi żmien raġonevoli, huma l-intensità u l-kontenut tan-negozjati, u mhux it-tul tagħhom.

106. Il-Kunsill josserva li, f’kull każ, bejn il-preżentazzjoni tal-proposta ta’ regolament fuq il-privattiva tal-Unjoni, imsemmija hawn fuq, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għaddew iktar minn għaxar snin.

107. L-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni u l-Parlament, intervenjenti insostenn tal-Kunsill, jaqblu fuq il-fatt li n-negozjati fuq is-sistema lingwistika kienu waslu f’impass. B’mod partikolari, il-Kummissjoni żżid li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta parti ssostni li l-istituzzjoni kompetenti wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha tevalwa jekk dik l-istituzzjoni eżaminatx, b’attenzjoni u b’mod imparzjali, l-elementi kollha tal-każ li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet li hija tkun waslet għalihom (32). Il-Kummissjoni tinnota li r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana ma jispjegawx liema huma l-punti ta’ fatt jew ta’ mertu li l-Kunsill naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni jew eżamina mingħajr il-preċiżjoni u l-imparzjalità mitluba.

2.      Evalwazzjoni

108. Kif rajna, il-kooperazzjoni msaħħa hija għodda mqiegħda fid-dispożizzjoni ta’ grupp ta’ Stati Membri li jixtiequ jimxu ’l quddiem meta azzjoni ma tistax tittieħed bil-parteċipazzjoni tal-Unjoni sħiħa. Din l-għodda ma għandha qatt tintuża sabiex tevita l-kompromess, li għandu jiġi mfittex qabel kollox. Din hija, fil-fehma tiegħi, ir-raġuni għaliex il-kooperazzjoni għandha sseħħ bħala l-aħħar għażla u meta jkun stabbilit li l-għanijiet imfittxija b’din il-kooperazzjoni ma jistgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni sħiħa.

109. La l-kundizzjoni tal-aħħar għażla u lanqas il-kunċett ta’ żmien raġonevoli ma ġew iddefiniti fit-test tat-Trattati.

110. Fir-rigward tal-kunċett tal-aħħar għażla, għandu jiġi nnotat li, wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-Artikolu 43(1)(c) UE, fil-verżjoni tiegħu li tippreċedi t-Trattat ta’ Lisbona, kien jipprovdi li l-kooperazzjoni msaħħa setgħet tiġi implementata biss “meta l-għanijiet [tat]-Trattati ma [jkunux jistgħu] jintlaħqu b’applikazzjoni tal-proċeduri rilevanti li [kienu] pprovduti għalihom”. Din il-formulazzjoni turi li l-Kunsill kien meħtieġ jasal sat-tmiem tal-proċess leġiżlattiv u li kien biss jekk il-miżura proposta tkun ġiet miċħuda li l-kooperazzjoni msaħħa setgħet tiġi kkunsidrata (33).

111. Bit-Trattat ta’ Nice u, fuq kollox, it-Trattat ta’ Lisbona, jidher li l-intenzjoni tal-awturi tat-Trattati kienet dik li jattenwaw din il-kundizzjoni, għaliex ma jsirx iktar riferiment għall-“proċeduri rilevanti [stabbiliti bit-Trattati]”. Jirriżulta, barra minn hekk, min-negozjati rigward it-Trattat ta’ Nice li l-kundizzjoni tal-aħħar għażla kienet meqjusa bħala ostakolu kbir għat-twaqqif ta’ kooperazzjoni msaħħa (34). Għalhekk, jidher li din il-kundizzjoni ma hijiex neċessarjament il-konstatazzjoni taċ-ċaħda, wara votazzjoni, ta’ proposta ta’ liġi, imma l-konstatazzjoni ta’ mblokk veru li jista’ jseħħ fil-livelli kollha tal-proċess leġiżlattiv u li jixhed l-impossibbiltà li jintlaħaq kompromess (35). Il-kooperazzjoni msaħħa tkun għalhekk l-għodda użata bħala l-aħħar għażla, meta jirriżulta li ma jista’ jinstab l-ebda kompromess bil-proċedura leġiżlattiva normali. F’dan ir-rigward, il-Parlament uża l-frażi ta’ “riżultat aħħari ta’ sitwazzjoni politika kritika” sabiex jiddefinixxi l-kooperazzjoni msaħħa (36).

112. Ċertament, sabiex jippreżerva u jinkoraġġixxi s-soluzzjonijiet ta’ kompromess, il-Kunsill għandu jiżgura li jidher ċar li dan il-kompromess ma jistax jinstab fi żmien raġonevoli.

113. It-Trattat UE lanqas ma jiddefinixxi l-kunċett ta’ żmien raġonevoli. Nosserva, madankollu, li l-Artikolu 20(2) TUE jippreċiża li għandu jkun il-Kunsill li jistabbilixxi jekk l-għanijiet imfittxija bil-kooperazzjoni effettivament ma jistgħux jitwettqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni sħiħa. Dan huwa spjegat bil-fatt, fil-fehma tiegħi, li l-Kunsill jibqa’ dak li huwa fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwa jekk, fl-aħħar mill-aħħar, huwiex possibbli li jintlaħaq ftehim fi ħdanu. Huwa l-uniku li jaf l-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi kollha tal-proċess leġiżlattiv, il-kontenut tad-diskussjonijiet li jsiru u s-sitwazzjonijiet ta’ impass li huwa jista’ jiffaċċja.

114. Fid-dawl ta’ dawn il-punti, u ta’ dawk imfakkra fil-punti 27 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jien tal-fehma li l-Kunsill igawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddetermina jekk il-kooperazzjoni msaħħa ġietx fil-fatt adottata bħala l-aħħar għażla u sabiex jistabbilixxi li l-għanijiet imfittxa minnha ma jistgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni sħiħa.

115. Barra minn hekk, din l-intenzjoni tal-awturi tat-Trattati li jħallu setgħa wiesgħa lill-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-aħħar għażla u taż-żmien raġonevoli hija kkonfermata, fil-fehma tiegħi, mill-fatt li huma, għall-kuntrarju, ħadu ħsieb jintroduċu termini fil-proċeduri partikolari ta’ kooperazzjoni msaħħa għall-ħolqien ta’ prosekutur pubbliku ewropew u fil-qasam ta’ kooperazzjoni tal-pulizija. Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel, it-tieni u l-aħħar subparagrafi tal-Artikolu 86(1), it-TFUE jipprovdi li, fl-assenza ta’ unanimità rigward il-ħolqien ta’ prosekutur pubbliku ewropew, grupp kompost minn mhux inqas minn disa’ Stati Membri jista’ jitlob li l-proposta ta’ regolament titressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. Fi żmien erba’ xhur, f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, u jekk mhux inqas minn disa’ Stati Membri jixtiequ jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa fuq dan il-proġett, huma għandhom jinnotifikaw b’dan lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. F’dan il-każ, l-awtorizzazzjoni sabiex jipproċedu għal kooperazzjoni msaħħa titqies li ngħatat. L-istess proċedura hija applikabbli f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni tal-pulizija (37).

116. Għaldaqstant, billi l-Kunsill igawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwa jekk l-għanijiet imfittxija mill-kooperazzjoni msaħħa jistgħux jintlaħqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni sħiħa, fis-sens tal-Artikolu 20(2) TUE, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu sempliċement jeżamina jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew ukoll jekk il-Kunsill kienx qabeż manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (38).

117. B’mod partikolari, il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ jekk il-Kunsill eżaminax, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ partikolari, elementi li għandhom isostnu l-konklużjonijiet li jkunu ntlaħqu (39).

118. Mill-bidu nett, nindika li, fid-dawl tal-punti rilevanti esposti mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Taljana, mill-Kunsill u mill-partijiet intervenjenti insostenn ta’ dan tal-aħħar u fid-dawl tad-diversi atti li wasslu, fl-aħħar nett, għad-deċiżjoni kkontestata, fil-fehma tiegħi, il-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni.

119. Fil-fatt, fil-proposta tagħha ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2010, imsemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni esponiet l-istadji suċċessivi tal-proċess leġiżlattiv mibdi għal dan l-għan, stadji li jinsabu deskritti b’mod iktar konċiż fil-premessi 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata u li jiġġustifikaw ir-rikors għall-kooperazzjoni msaħħa.

120. B’dan il-mod, l-ewwel proposta ta’ regolament tal-Kunsill fuq il-privattiva Komunitarja ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Awwissu 2000 (40). Din il-proposta kellha l-għan, b’mod partikolari, li tipproponi metodi ta’ traduzzjoni sempliċi u bi spiża żgħira, billi tippermetti l-ħruġ tal-privattiva f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-OEB u t-traduzzjoni tat-talbiet fiż-żewġ lingwi l-oħra. Madankollu, mill-istqarrija għall-istampa tas-26 ta’ Novembru 2001 jirriżulta li “[i]l-Kunsill żamm dibattitu twil fuq diversi aspetti tal-proġett tal-privattiva Komunitarja, b’mod partikolari s-sistema lingwistika u r-rwol tal-uffiċji nazzjonali ta’ privattiva fil-konfront ta[l-OEB, imma li, minkejja] l-isforzi kollha li saru, ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim f’din is-sessjoni tal-Kunsill” (41).

121. Jirriżulta, barra minn hekk, minn stqarrija għall-istampa tal-20 ta’ Diċembru 2001 li l-Kunsill kompla bid-diskussjonijiet rigward il-ħolqien ta’ privattiva Komunitarja billi ta attenzjoni speċjali b’mod partikolari lis-sistema lingwistika, mingħajr madankollu ma wasal għal ftehim unanimu (42). Id-diskussjonijiet komplew sal-11 ta’ Marzu 2004 (43), id-data li fiha l-Kunsill ikkonkluda li ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim politiku, minħabba l-kwistjoni tas-sistema lingwistika (44).

122. Imbagħad, id-diskussjonijiet reġgħu bdew fl-2008 taħt il-presidenza Slovena. B’mod partikolari, din ippreżentat proposta riveduta ta’ regolament tal-Kunsill fuq il-privattiva Komunitarja, fit-23 ta’ Mejju 2008 (45). Il-Kummissjoni spjegat, fil-proposta tagħha ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2010, imsemmija iktar ’il fuq, li dik il-proposta riveduta ta’ regolament ġiet diskussa fit-tul fi ħdan il-Kunsill taħt il-presidenzi sussegwenti tal-2008 u tal-2009 (46).

123. Finalment, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u l-bażi legali ġdida għall-ħolqien ta’ titolu ta’ proprjetà intellettwali, jiġifieri l-Artikolu 118 TFUE, il-Kummissjoni adottat, fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-proposta ta’ regolament tal-Kunsill dwar id-dispożizzjonijiet dwar it-traduzzjoni tal-privattiva tal-Unjoni Ewropea, imsemmija iktar ’il fuq. Din il-proposta ġiet diskussa bosta drabi (47) u kien finalment waqt is-sessjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2010 li dan ikkonstata l-assenza ta’ unanimità dwar dik il-proposta (48). Fl-10 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill ikkonferma l-eżistenza ta’ diffikultajiet li ma jistgħux jintgħelbu li kienu jirrendu l-unanimità impossibbli, f’dik id-data u fil-futur qarib (49).

124. Fil-fehma tiegħi, abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kunsill wasal, ġustament, għall-konklużjoni li, wara snin ta’ diskussjonijiet, li dejjem waslu għal falliment, ma kienx kapaċi jgħaqqad l-unanimità tal-voti u, għalhekk, jadotta azzjoni bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha.

125. Ma jidhirx għalhekk li l-Kunsill wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni. L-ebda għodda tal-proċedura normalment użata ma kienet tippermetti, mid-dehra, li jiġi megħlub l-impass f’dak il-mument u fil-futur. Il-kooperazzjoni msaħħa kienet tidher, għalhekk, bħala l-aħħar għażla sabiex jinkisbu l-għanijiet imfittxija.

126. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-kundizzjoni tal-aħħar għażla għandu jiġi miċħud bħala infondat.

F –    Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE u tal-Artikolu 326 TFUE kif ukoll tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20(1) TUE

1.      L-argumenti tal-partijiet

127. Skont ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 326 TFUE, li jiddisponi li l-kooperazzjoni msaħħa ma għandha tikkomprometti la s-suq intern u lanqas il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u ma għandhiex tkun ta’ ostakolu jew ta’ diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, u lanqas tikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni bejniethom.

128. Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jsostnu, fil-fatt, li l-kooperazzjoni msaħħa awtorizzata b’din id-deċiżjoni tiffavorixxi assorbiment tal-attività ekonomika u kummerċjali tal-prodotti innovattivi għad-detriment tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx. Barra minn hekk, huma jikkunsidraw li din il-kooperazzjoni msaħħa tippreġudika s-suq intern, il-kompetizzjoni ħielsa u l-moviment liberu tal-oġġetti sa fejn il-privattivi unitarji jkollhom effett biss fuq parti mit-territorju tal-Unjoni.

129. Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata twassal għal diskriminazzjoni bejn impriżi għaliex il-kummerċ ta’ prodotti innovattivi huwa, skont is-sistema lingwistika prevista fil-premessa 7 ta’ din id-deċiżjoni, ipprivileġġjat għall-impriżi li joperaw bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża jew Franċiża, filwaqt li l-kummerċ ta’ dawk l-impriżi li ma jużawx dawk il-lingwi ser ikunu limitat. Dan jikkostitwixxi wkoll ksur tal-Artikolu 326 TFUE.

130. Ir-Repubblika Taljana żżid li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, jew it-titolu Ewropew dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandu jkun uniformi billi jkollu effett fuq it-territorju kollu tal-Unjoni, jew inkella ma jkunx jista’ jitwettaq. Issa, f’dan il-każ, il-kooperazzjoni msaħħa ma tissodisfax dak l-obbligu, għaliex hija twassal għall-frammentazzjoni tas-suq intern.

131. Barra minn hekk, l-imsemmija kooperazzjoni msaħħa tostakola l-iżvilupp koerenti tal-politika industrijali u tikkontribwixxi sabiex iżżid id-differenzi bejn l-Istati Membri mill-perspettiva teknoloġika, u b’hekk tikkomprometti l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Fil-fatt, is-sistema ta’ privattivi għandha l-għan li tiddefinixxi b’mod ċar il-limiti tad-drittijiet ta’ proprjetà dwar innovazzjoni, li ssostni t-tħajjir għall-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u li toħloq il-bażi ta’ suq tat-teknoloġija. Għalhekk, is-sistema stabbilita bil-kooperazzjoni msaħħa tipprovdi vantaġġ kbir lill-Istati Membri li jipparteċipaw għad-detriment tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx. Ir-Renju ta’ Spanja jżid li s-sistema lingwistika li jixtieq jistabbilixxi l-Kunsill tillimita b’mod deċiżiv it-trasferiment tat-tagħrif u għalhekk il-ħolqien u l-iżvilupp ekonomiku u teknoloġiku f’ċerti Stati Membri, peress li l-impriżi tal-Istati Membri li jafu l-lingwi uffiċjali tal-privattiva unitarja ser jaċċedu iktar direttament għat-tagħrif kontenuta fid-dokumenti tal-privattivi. Għalhekk ikun iktar probabbli li l-Istati Membri kkonċernati joħolqu innovazzjonijiet u jkollhom tkabbir ekonomiku ogħla u iktar veloċi meta mqabbla mal-Istati Membri l-oħra li ser ikollhom jillimitaw jew jirrifjutaw l-aċċess għal din l-informazzjoni.

132. Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kkontestata li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa ma tissodisfax l-għan ta’ tisħiħ tal-proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1) TUE. Huwa jikkunsidra li, minflok ma ssaħħaħ il-proċess ta’ integrazzjoni, din il-kooperazzjoni msaħħa ser iżżommu lura, peress li, fil-verità, hija maħsuba biss sabiex teskludi lill-Istati Membri li kienu qajmu problemi serji dwar is-sistema lingwistika proposta għall-privattiva unitarja. Billi impona mudell lingwistiku speċifiku, il-Kunsill impona għażla politika li twassal għal diviżjoni fl-Unjoni, ’il bogħod min-natura ta’ integrazzjoni li għandu jkollu l-metodu tal-kooperazzjoni msaħħa.

133. Il-Kunsill ma jarax kif il-kooperazzjoni msaħħa, u b’mod partikolari s-sistema lingwistika li hija ser tintroduċi, ser tikkomprometti l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Huwa jikkunsidra li ma teżisti l-ebda raġuni sabiex jingħad li t-talbiet għal validazzjoni tal-privattivi ser ikunu inqas numerużi għar-Renju ta’ Spanja u għar-Repubblika Taljana.

134. Il-Kunsill jinnota li, attwalment, l-impriżi għandhom l-għażla li jew jitolbu privattiva Ewropea fl-Istati Membri kollha jew jitolbu protezzjoni f’uħud minnhom, u dan joħloq frammentazzjoni tas-suq. Il-protezzjoni ġdida mogħtija bil-privattiva unitarja tikkostitwixxi possibbiltà addizzjonali offruta lill-impriżi, tkun xi tkun l-oriġini ġeografika tagħhom, li tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq billi dawn l-impriżi jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni bil-privattiva unitarja għat-territorju tal-25 Stat Membru li jipparteċipaw. Fil-verità, l-imsemmija frammentazzjoni li għaliha jirreferu r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana ma toriġinax mid-deċiżjoni kkontestata, imma mis-sitwazzjoni attwali.

135. Fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba s-sistema lingwistika li hija tistabbilixxi, il-Kunsill jikkunsidra li dan huwa manifestament prematur u inammissibli, billi l-modalitajiet definittivi ta’ din is-sistema għadhom ma humiex magħrufa, għaliex l-imsemmija sistema għadha ma ġietx adottata.

136. L-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni u l-Parlament, intervenjenti insostenn tal-Kunsill, jikkondividu l-argumenti ta’ dan tal-aħħar. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni purament proċedurali, li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-għanijiet ta’ kooperazzjoni msaħħa li għad trid tieħu forma definittiva. Il-preġudizzju għas-suq intern jirriżulta, jekk ikun il-każ, unikament mid-dispożizzjonijiet sostantivi li għad ma humiex approvati, b’mod partikolari dawk dwar is-sistema lingwistika. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina biss jekk id-deċiżjoni kkontestata tagħtix neċessarjament lok għal kooperazzjoni msaħħa li tikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Il-Kummissjoni tfakkar, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (50), fejn huwa indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja tat setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu timplika għażla ta’ natura kemm politika, kif ukoll ekonomika jew soċjali, u fejn huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, din ma hijiex kwistjoni jekk miżura adottata f’tali qasam hijiex l-unika jew l-aħjar waħda possibbli, peress li hija biss in-natura manifestament inadegwata tagħha meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu li tista’ jaffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (51).

2.      Evalwazzjoni

137. Id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni msaħħa tiddefinixxi l-kuntest proċedurali li fih atti oħra jiġu sussegwentement adottati, bl-għan li jimplementaw konkretament din il-kooperazzjoni. Għalhekk, l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ma jistax jitfixkel ma’ dak tal-atti adottati, sussegwentement, fil-kuntest tal-kooperazzjoni msaħħa.

138. Issa, għalkemm il-Kunsill, fid-deċiżjoni kkontestata, effettivament indika dak li tista’ tkun is-sistema lingwistika tal-privattiva unitarja, il-kwistjoni ta’ din is-sistema lingwistika ma hijiex kundizzjoni deċiżiva tal-validità tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għal kooperazzjoni msaħħa. Dik il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata iktar tard u tifforma s-suġġett ta’ att separat adottat b’vot unanimu tal-Istati Membri li jipparteċipaw, skont il-proċedura stabbilita bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE. Huwa biss fil-kuntest ta’ eventwali rikors ieħor kontra dan l-att li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tipproċedi għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmi att.

139. L-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata tissodisfax il-kundizzjonijiet rikjesti għall-implementazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa, skont l-Artikoli 20 TUE kif ukoll 326 TFUE et seq (52).

140. Għalhekk, naħseb li l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Taljana dwar is-sistema lingwistika tal-privattiva unitarja u dawk dwar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

141. Għalhekk, f’dan il-mument, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 326 TFUE. Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jikkunsidraw, fil-fatt, li d-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet għaliex il-kooperazzjoni msaħħa hekk awtorizzata tikkomprometti s-suq intern kif ukoll il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorja. Barra minn hekk, din il-kooperazzjoni tikkostitwixxi ostakolu jew diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u tikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni.

142. Għar-raġunijiet li jiena semmejt fil-punti 27 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu sempliċement jeżamina jekk il-Kunsill wettaqx manifestament żball ta’ evalwazzjoni. B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien tal-privattiva unitarja hijiex manifestament inadegwata (53), sa fejn din il-kooperazzjoni tikkomprometti s-suq intern u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, tikkostitwixxi ostakolu jew diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u tikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni.

143. Xejn ma jipprova, fil-fehma tiegħi, li dan huwa l-każ, anzi pjuttost il-kuntrarju.

144. Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni. F’din il-proposta, hija eżaminat jekk il-kooperazzjoni msaħħa prevista kinitx tosserva l-kundizzjonijiet mitluba mid-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati. Għal dan l-għan, hija fakkret il-koeżistenza tas-sistemi nazzjonali differenti ta’ privattivi u tas-sistema Ewropea implementata fil-kuntest tal-EPC. Tali diversità tas-sistemi ta’ privattivi tagħti lok, skont il-Kummissjoni, għal frammentazzjoni tal-protezzjoni legali tal-privattivi (54). B’mod partikolari, hija bbażat ruħha fuq analiżi ta’ impatt, prodott fl-2010 (55), li fih hija studjat il-problemi marbuta mad-diversità tas-sistemi ta’ privattivi u liema jistgħu jkunu s-soluzzjonijiet li jistgħu jiġu adottati. B’mod partikolari, hija kkonstatat li, fil-prattika, il-proprjetarji ta’ privattivi attwalment jikkuntentaw ruħhom li jipproteġu l-invenzjonijiet tagħhom f’numru limitat ta’ Stati Membri, minħabba, b’mod partikolari, l-ispejjeż għoljin u l-kumplikazzjonijiet, marbuta mat-traduzzjoni, mal-kriterji ta’ validazzjoni, mat-taxxi uffiċjali u mal-obbligu li jinħatar mandatarju awtorizzat (56).

145. Filwaqt li jibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq l-imsemmija proposta (57), il-Kunsill iqis li kooperazzjoni msaħħa fuq il-privattiva unitarja hija intiża sabiex tistimula l-progress xjentifiku u tekniku u l-funzjonament tas-suq intern. Il-ħolqien ta’ protezzjoni b’tali privattiva unitarja għal grupp ta’ Stati Membri jtejjeb il-livell tal-protezzjoni tal-privattivi billi jipprovdi l-possibbiltà li tinkiseb protezzjoni uniformi tal-privattivi fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha u jelimina l-ispejjeż u l-kumplessità għal dawn it-territorji (58).

146. Barra minn hekk, fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill iċċara li l-impriżi tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx għandu jkollhom il-possibbiltà li jiksbu l-protezzjoni tal-privattiva unitarja fit-territorju tal-Istati Membri li jipparteċipaw taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-impriżi tal-Istati Membri li jipparteċipaw.

147. Ma naħsibx li l-evalwazzjoni tal-Kunsill hija vvizzjata bi żball manifest.

148. Fil-fatt, huwa stabbilit li differenza fil-protezzjoni fi ħdan l-Unjoni għall-istess invenzjoni tikkawża frammentazzjoni tas-suq intern, b’mod partikolari għaliex tali protezzjoni tista’ teżisti f’ċerti Stati Membri, imma mhux f’oħrajn (59). Dan għandu bħala konsegwenza diretta l-fatt li l-proprjetarji ta’ privattivi jkollhom diffikultajiet kbar sabiex iwaqqfu d-dħul, fit-territorju tal-Istati Membri li fihom huma ma jkunux irreġistraw l-imsemmija privattivi, ta’ merkanzija u ta’ prodotti minn Stati terzi li jikkompromettu l-imsemmija privattivi.

149. Kooperazzjoni msaħħa għall-ħolqien ta’ privattiva unitarja li tipproduċi effetti uniformi fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, u f’dan il-każ f’dak ta’ 25 mill-Istati Membri, neċessarjament tikkontribwixxi sabiex ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u sabiex tnaqqas l-ostakoli għall-kummerċ kif ukoll id-distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Fuq dan is-suġġett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, sa mill-1968 (60), li r-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali għad ma kinux is-suġġett ta’ unifikazzjoni fil-kuntest tal-Unjoni u li, fin-nuqqas ta’ tali unifikazzjoni, in-natura nazzjonali tal-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u d-diverġenzi bejn il-liġijiet dwar dak il-qasam jistgħu joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-prodotti koperti bil-privattiva u għall-kompetizzjoni fis-suq komuni (61).

150. Barra minn hekk, ma narax kif l-istabbiliment ta’ tali kooperazzjoni msaħħa jikkomprometti l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Skont l-Artikolu 174 TFUE, sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha b’mod ġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u twettaq l-azzjonijiet tagħha b’mod li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha. B’mod partikolari, l-Unjoni għandha tara li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u d-dewmien ta’ dawk ir-reġjuni li huma l-inqas vantaġġati. L-għan huwa għalhekk li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu ggarantiti ugwaljanza ta’ opportunitajiet u ta’ kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ kwalità f’kull territorju tal-Unjoni.

151. F’dan il-każ, ma hemmx dubju li mekkaniżmu maħsub sabiex joħloq privattiva unitarja li jkollha bħala effett protezzjoni uniformi fit-territorju ta’ diversi Stati Membri jikkontribwixxi għall-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni sħiħa, peress li konsegwentement jitnaqqsu d-differenzi eżistenti bejn dawn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi kollha jistgħu jgawdu minn tali privattiva, billi l-post ta’ oriġini ta’ min jitlob il-privattiva unitarja huwa irrilevanti sabiex din tinkiseb (62).

152. Ma jidhirlix, għalhekk, li, billi awtorizza kooperazzjoni msaħħa għall-finijiet tal-ħolqien ta’ privattiva unitarja, il-Kunsill manifestament wettaq żball ta’ evalwazzjoni.

153. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, tal-Artikolu 326 TFUE u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1) TUE għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

G –    Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 327 TFUE u 328 TFUE

1.      L-argumenti tal-partijiet

154. Ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li l-Artikolu 327 TFUE jipprovdi li l-kooperazzjoni msaħħa għandha tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fiha. Skont ir-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill adotta sistema lingwistika li tobbligah jirrinunzja għad-dritt mogħti lilu bl-Artikolu 65 tal-EPC li jitlob traduzzjoni tal-faxxikolu tal-privattiva bl-Ispanjol sabiex din tipproduċi effetti legali fi Spanja. Huwa jikkunsidra, barra minn hekk, li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrispettax id-dritt tar-Renju ta’ Spanja li jipparteċipa fil-futur fil-kooperazzjoni msaħħa, billi l-Kunsill adotta sistema lingwistika li dan l-Istat Membru ma jistax jaċċetta.

155. Il-Kunsill jikkunsidra, f’dan ir-rigward, li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-Renju ta’ Spanja fil-kooperazzjoni msaħħa huwa riżultat tar-rieda tiegħu biss. Iżid li huwa evidenti u raġonevoli, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistabbilixxu regoli komuni f’qasam, li l-Istati Membri ma jkunux liberi li jiddeċiedu huma x’iridu fl-imsemmi qasam.

156. Barra minn hekk, il-Kunsill u l-intervenjenti li sostnewh josservaw li dan il-motiv huwa bbażat fuq il-premessa falza li huwa materjalment jew legalment impossibbli, għar-Renju ta’ Spanja jew għar-Repubblika Taljana, li jipparteċipaw f’din il-kooperazzjoni msaħħa.

2.      Evalwazzjoni

157. Nifhem li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata tobbligah jirrinunzja għad-dritt mogħti lilu bl-Artikolu 65 tal-EPC li jeżiġi traduzzjoni tal-faxxikolu tal-privattiva bl-Ispanjol sabiex din tipproduċi l-effetti tagħha fi Spanja, bi ksur tal-Artikolu 327 TFUE u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjoni ta’ ftuħ tal-kooperazzjoni msaħħa lill-Istati Membri li ma jipparteċipawx, prevista fl-Artikolu 328 TFUE, ma hijiex osservata, għaliex din il-kooperazzjoni tipprevedi sistema lingwistika li r-Renju ta’ Spanja ma jistax jaċċetta.

158. Nikkunsidra li dan il-motiv huwa inammissibbli.

159. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Renju ta’ Spanja jibbaża r-raġunament tiegħu fuq is-sistema lingwistika tal-privattiva unitarja u, b’mod partikolari, fuq il-proposta ta’ regolament tal-Kunsill li timplementa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, f’dak li jikkonċerna l-modalitajiet applikabbli fil-qasam tat-traduzzjoni, tat-13 ta’ April 2011 (63).

160. Madankollu, kif rajna fil-punti 138 u 139 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kwistjoni tas-sistema lingwistika ma hijiex kundizzjoni li tiddetermina l-validità tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa.

161. Effettivament, ir-Renju ta’ Spanja jipprova jikkontesta l-legalità ta’ regolament futur tal-Kunsill li jimplementa l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni ta’ privattiva unitarja, f’dak li jikkonċerna l-modalitajiet applikabbli fil-qasam tat-traduzzjoni.

162. Konsegwentement, jiena tal-fehma li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

IV – Konklużjoni

163. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)      tiċħad ir-rikorsi.

2)      tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja (Kawża C‑274/11) u lir-Repubblika Taljana (Kawża C‑295/11) għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, filwaqt li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      ĠU L 76, p. 53, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.


3 –            COM(2010) 350 finali


4 –      Konvenzjoni ffirmata fi Munich fil-5 ta’ Ottubru 1973 u li daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 1977 (iktar ’il quddiem l-“EPC”).


5 – Ara l-punt 23 tal-konklużjonijiet fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, SAM Schiffahrt u Stapf (C‑248/95 u C‑249/95, Ġabra p. I‑4475).


6 – Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 329(1) TFUE.


7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1975, Deuka (78/74, Ġabra p. 421, punt 9); tas-17 ta’ Mejju 1988, Erpelding (84/87, Ġabra p. 2647, punt 27); tat-12 ta’ Settembru 1996, Fattoria autonoma tabacchi et (C‑254/94, C‑255/94 u C‑269/94, Ġabra p. I‑4235, punt 56); tas-17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et (C‑354/95, Ġabra p. I‑4559, punt 50), u tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009 Enviro Tech (Europe) (C‑425/08, Ġabra p. I‑10035, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Ara, fuq dan is-suġġett, in-nota ta’ trażmissjoni tal-Praesidium tal-15 ta’ Mejju 2002, fuq id-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri – Sistema attwali, problemi u toroq li għandhom jiġu esplorati (CONV 47/02). B’mod partikolari, il-kwistjoni tad-delimitazzjoni ta’ dawn il-kompetenzi għandha twieġeb għall-kritika fformulata mill-Istati Membri nfushom li kkunsidraw li l-Unjoni kellha taġixxi inqas f’ċerti oqsma u iktar f’oqsma oħrajn (punt 1).


9 – Dikjarazzjoni adottata fil-15 ta’ Diċembru 2001.


10 – Ara, wkoll, id-Dikjarazzjoni 23 dwar il-futur tal-Unjoni, annessa mat-Trattat ta’ Nice.


11 – Ara, fuq dan is-suġġett, Blanquet, M., “Kompetenzas tal-Unjoni”, Jurisclasseur Europe, faxxikolu 170.


12 –      Ara l-Artikolu 5(1) TUE.


13 –      Enfażi tiegħi.


14 –      Idem.


15 –      Ara, b’mod partikolari, il-premessa 5 tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bioteknoloġici (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 305); premessa 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), kif ukoll il-premessi 1 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


16 –      Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle (C‑34/10, Ġabra p. I‑9821, punti 27 u 28).


17 – Ara s-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI (C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 54), u tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, Ġabra p. I‑8403, punt 38).


18 – C‑436/03, Ġabra p. I‑3733.


19 – Punti 36 sa 44.


20 – Ġabra p. I‑5267.


21 – Punt 59.


22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill (C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-15 ta’ Mejju 2008, Spanja vs Il-Kunsill (C‑442/04, Ġabra p. I‑3517, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Ara p. 10 tan-nota ta’ trażmissjoni tal-Praesidium tal-14 ta’ Mejju 2003, dwar il-koperazzjoni msaħħa (CONV 723/03), disponibbli fuq il-websajt li ġej: http://www.europarl.europa.eu/meetdocs_all/committees/conv/20030520/723000fr.pdf.


24 – Idem.


25 – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 328(1) TFUE.


26 –      Barra minn hekk, l-argument li r-Repubblika Taljana tressaq kontra l-Kunsill huwa suffiċjentement sorprendenti, billi ma jidhirx li l-unanimità kienet problema waqt l-awtorizzazzjoni tal-koperazzjoni msaħħa fil-kuntest tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni personali, li għaliha pparteċipaw, b’mod partikolari, dak l-Istat Membru u r-Renju ta’ Spanja, meta waħda mill-materji kkonċernati minn dik il-koperazzjoni kienet dik imsemmija fl-Artikolu 81(3) TFUE, li wkoll tirrikjedi l-unanimità fil-Kunsill [ara l-premessa 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/405/UE, tat-12 ta’ Lulju 2010, li tawtorizza koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni personali (ĠU L 189, p. 12)].


27 – Ġabra p. I‑1137.


28 – Punt 70.


29 – COM(2011) 215 finali.


30 – Ara l-Artikolu 10 ta’ din il-proposta (p. 8).


31 – Proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni unitarja tal-privattiva [COM(2010) 790 finali].


32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C‑326/05 P, Ġabra p. I‑6557, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33 –      Ara, fuq dan is-suġġett, H. Bribosia, “Les coopérations renforcées: quel modèle d’intégration différenciée pour l’Union européenne? – Analyse comparative du mécanisme général de la coopération renforcée, du projet de coopération structure permanente en matière de défense, u de la pratique d’autres coopérations renforcées ‘prédéterminées’ en matière sociale, au sein de l’Espace de liberté, sécurité u justice, et dans l’Union économique et monétaire”, teżi tas-26 ta’ Ġunju 2007, Istitut universitarju Ewropew, Firenze, p. 97.


34 –      Ara l-konferenza tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri rigward id-dokument ta’ sinteżi tal-Ġermanja u tal-Italja, tal-4 ta’ Ottubru 2000 (CONFER 4783/00), p. 4.


35 –      Ara, f’dan is-sens, p. 18 tan-nota ta’ trażmissjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.


36 –      Ara l-punt 10 tar-riżoluzzjoni fuq l-implementazzjoni tat-Trattat ta’Amsterdam: implikazzjonijiet tal-kooperazzjoni msaħħa (ĠU 1998, C 292, p. 143).


37 –      Ara it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 87(3) TFUE.


38 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Enviro Tech (Europe), iċċitata iktar’il fuq (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39 –      Ara s-sentenza Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq (punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40 –      COM(2000) 412 finali.


41 –      Ara p. 19 tal-istqarrija għall-istampa 14400/01 (Presse 440) dwar l-2389 sessjoni tal-Kunsill – suq intern, konsumaturi u turiżmu, , disponibbli fuq il-websajt li ġej: http://register.consilium.europa.eu/pdf/fr/01/st14/st14400.fr01.pdf.


42 –      Ara p. 4 tal-istqarrija għall-istampa 15489/01 (Presse 489) dwar l-2403 sessjoni tal-Kunsill – suq intern, konsumaturi u turiżmu, , disponibbli fuq il-websajt li ġej: http://register.consilium.europa.eu/pdf/fr/01/st15/st15489.fr01.pdf.


43 –      Ara p. 15 tal-stqarrija għall-istampa 6874/03 (Presse 59) dwar l-2490 sessjoni tal-Kunsill – Kompetittività (suq intern, industrija u riċerka)], tat-3 ta’ Marzu 2003, disponibbli fuq il-websajt li ġej: http://register.consilium.europa.eu/pdf/fr/03/st06/st06874.fr03.pdf, u p. 11 tal-istqarrija għall-istampa 15141/03 (Presse 337) dwar l-2547 sessjoni tal-Kunsill –Kompetittività (suq intern, industrija u riċerka)] tas-26 u s-27 ta’ Novembru 2003, disponibbli fuq il-websajt li ġej: http://register.consilium.europa.eu/pdf/fr/03/st15/st15141.fr03.pdf.


44 –      Ara p. 15 tal-istqarrija għall-istampa 6648/04 (Presse 62) dwar l-2570 sessjoni tal-Kunsill –Kompetittività (suq intern, industrija u riċerka)], tal-11 ta’ Marzu 2004, disponibbli fuq il-websajt li ġej: http://register.consilium.europa.eu/pdf/fr/04/st06/st06648.fr04.pdf.


45 –      Proposta disponibbli fuq il-websajt tal-Kunsill taħt l-intestatura 9465/08.


46 – P. 4.


47 – Ara, b’mod partikolari, id-dokumenti tal-Kunsill taħt l-intestaturi 13031/10, 14377/10 u 15395/10.


48 – Ara l-istqarrija għall-istampa 16041/10 (Presse 297) fuq is-sessjoni straordinarja tal-Kunsill – Kompetittività (suq intern, industrija u riċerka)] tal-10 ta’ Novembru 2010.


49 – Ara l-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata.


50 – C‑58/08, Ġabra p. I‑4999.


51 – Punt 52 ta’ din is-sentenza.


52 – Ara l-punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Swedish Match, iċċitata iktar’il fuq (punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54 – Ara p. 9 u 10 tal-proposta tal-Kummissjoni, imsemmija iktar ’il fuq.


55 – Ara x-xogħol preparatorju tal-Kummissjoni, dokument li jakkumpanja l-proposta ta’ regolament tal-Kunsill dwar id-dispożizzjonijiet marbuta mat-traduzzjoni għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea, tat-30 ta’ Ġunju 2010 [SEC(2010) 796]. Dan id-dokument huwa disponibbli bil-lingwa Ingliża.


56 – P. 9 sa 12.


57 – Ara l-premessi 3 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata.


58 – Ara l-premessa 11 ta’ din id-deċiżjoni.


59–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1995, Spanja vs Il-Kunsill (C‑350/92, Ġabra p. I‑1985, punti 34 sa 36).


60 – Is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1968, Parke u Davis (24/67, Ġabra p. 81).


61 – P. 109.


62 – Ara l-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata.


63 –      COM(2011) 216 finali.