Language of document : ECLI:EU:C:2011:123

OPINJONI 1/09 TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

8 ta’ Marzu 2011

“Opinjoni mogħtija taħt l-Artikolu 218(11) TFUE – Abbozz ta’ ftehim – Ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi – Qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja – Kompatibbiltà ta’ dan l-abbozz mat-trattati”

Werrej

It-talba għal opinjoni

L-abbozz ta’ ftehim dwar il-Qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja

Dispożizzjonijiet tal-abbozz ta’ ftehim

Evalwazzjonijiet li saru mill-Kunsill fit-talba tiegħu għal opinjoni

Ġabra tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Osservazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

Osservazzjonijiet li jwasslu għall-inkompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim mat‑trattati

Osservazzjonijiet li jwasslu għall-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim mat-trattati kemm-il darba jsiru emendi għal dan l-abbozz

Osservazzjonijiet li jwasslu għall-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim mat-trattati

Teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

Fuq il-mertu

– Osservazzjonijiet preliminari

– Fuq il-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim mat-trattati


Fil-proċedura tal-Opinjoni 1/09,

li għandha bħala suġġett talba għal opinjoni taħt l-Artikolu 218(11) TFUE, imressqa fis-6 ta’ Lulju 2009 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, K. Schiemann, A. Arabadjiev, J.-J. Kasel u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta (Imħallef Relatur), E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, P. Lindh, M. T. von Danwitz, C. Toader, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Mejju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J.-C. Piris, F. Florindo Gijón u L. Karamountzos, kif ukoll minn G. Kimberley, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, kif ukoll minn J.-C. Halleux u T. Materne, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen, kif ukoll minn R. Holdgaard u C. Vang, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn E. Fitzsimons, SC, u N. Travers, BL,

–        għall-Gvern Elleniku, minn A. Samoni-Rantou u G. Alexaki kif ukoll minn K. Boskovits, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard u B. Beaupère-Manokha kif ukoll minn G. de Bergues u A. Adam, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri u M. Fiorilli, bħala aġenti, assistiti minn G. Nori, vice-avvocato generale dello Stato,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn V. Christoforou u M. Chatzigeorgiou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn I. Jarukaitis, bħala aġent,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn C. Schiltz, bħala aġent, assistit minn P.‑E. Partsch, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u Y. De Vries, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz u M. Szpunar, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandez u J. Negrão, kif ukoll minn M. L. Duarte, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn A. Popescu u M.-L. Colonescu, bħala aġenti, assistiti minn E. Gane u A. Stoia, konsulenti,

–        għall-Gvern Sloven, minn V. Klemenc u T. Mihelič Žitko, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski u J. Heliskoski, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u A. Engman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao u F. Penlington, bħala aġenti, assistiti minn A. Dashwood, barrister,

–        għall-Parlament Ewropew, minn E. Perillo u K. Bradley kif ukoll minn M. Dean, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Romero Requena, J.-P. Keppenne u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li, fit-2 ta’ Lulju 2010, semgħet in camera lil P. Mengozzi, Avukat Ġenerali Prinċipali, J. Kokott, u E. Sharpston, Y. Bot u J. Mazák, V. Trstenjak, N. Jääskinen u P. Cruz Villalón, Avukati Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Opinjoni

 It-talba għal opinjoni

1.      It-talba mressqa għall-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea hija redatta kif ġej:

“Il-ftehim previst li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi (attwalment intitolat ‘Qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja’) huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea?”

2.      Il-Kunsill bagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja, bħala annessi mat-talba tiegħu,

–        id-dokument tal-Kunsill 8588/09, tas-7 ta’ April 2009, dwar il-proposta riveduta ta’ regolament tal-Kunsill dwar il-privattiva Komunitarja, elaborat mill-presidenza tal-Kunsill u indirizzat lill-grupp “Proprjetà intellettwali” (Privattivi);

–        id-dokument tal-Kunsill 7928/09, tat-23 ta’ Marzu 2009, dwar test rivedut mill-presidenza dwar abbozz ta’ ftehim dwar il-qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja u dwar abbozz ta’ statut ta’ din il-qorti;

–        id-dokument tal-Kunsill 7927/09, tat-23 ta’ Marzu 2009, li jirrigwarda rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi awtorizzata tagħti bidu għal negozjati bil-ħsieb li jiġi adottat ftehim internazzjonali “li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil‑qasam tal-privattivi” Ewropej u Komunitarji.

 L-abbozz ta’ ftehim dwar il-Qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja

3.      Il-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea (iktar ’il quddiem il-“KPE”), iffirmata f’München fil-5 ta’ Ottubru 1973, hija trattat li fil-preżent għandu, bħala partijiet, tmienja u tletin stat, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Din tal‑aħħar ma hijiex parti għall-KPE. L-imsemmija konvenzjoni tipprevedi proċedura unika ta’ ħruġ ta’ privattivi Ewropej mill-Uffiċċju Ewropew tal‑privattivi (iktar ’il quddiem l-“UEP”). Minkejja li l-proċedura tal-ħruġ ta’ dan it-titolu hija unika, il-privattiva Ewropea tinqasam f’serje ta’ privattivi nazzjonali, li kull waħda minnhom taqa’ taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat li d-detentur tat-titolu jkun għażel.

4.      Matul is-sena 2000, il-Kunsill Ewropew illanċja mill-ġdid id-diskussjonijiet dwar privattiva Komunitarja futura. Fil-5 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta ta’ regolament tal-Kunsill dwar il-privattiva Komunitarja [COM (2000) 412 finali] li jipprevedi l-adeżjoni tal-Komunità għall-KPE, il‑ħolqien ta’ titolu unitarju ta’ proprjetà industrijali validu fil-Komunità kollha u l-ħruġ ta’ dan it-titolu mill-UEP.

5.      Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill “Kompetittività”, tal-4 ta’ Diċembru 2006, u tal-Kunsill Ewropew, tat-8 u d-9 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni ppreżentat lill‑Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fit-3 ta’ April 2007, komunikazzjoni intitolata “Insaħħu s-sistema tal-privattivi fl-Ewropa” [COM (2007) 165 finali].

6.      B’mod partikolari, il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta’ sistema integrata għall-privattiva Ewropea u l-privattiva Komunitarja futura. Din tal-aħħar tinħareġ mill-UEP taħt id-dispożizzjonijiet tal-KPE. Din ikollha natura unitarja u awtonoma li tipproduċi l-istess effetti fl-Unjoni kollha u tista’ tinħareġ, tiġi ttrasferita, annullata jew imħassra biss għal dan it-territorju. Id-dispożizzjonijiet tal-KPE japplikaw għall-privattiva Komunitarja sa fejn ir-regolament dwar il‑privattiva Komunitarja ma jipprovdix regoli speċifiċi.

7.      Fil-kuntest tax-xogħlijiet fi ħdan il-Kunsill, ġie elaborat ukoll abbozz ta’ ftehim internazzjonali sabiex jiġi konkluż bejn l-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea u l‑Istati terzi partijiet għall-KPE (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ ftehim”), li joħloq qorti kompetenti għat-tilwim tal-privattivi Ewropej u Komunitarji.

8.      Il-ftehim previst jistabbilixxi Qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja (iktar ’il quddiem il-“QP”) li tkun komposta minn qorti tal-ewwel istanza, li tinkludi diviżjoni ċentrali kif ukoll diviżjonijiet lokali u reġjonali, u qorti tal-appell, li tkun kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ appelli ppreżentati mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza. It-tielet korp tal-QP huwa reġistru komuni.

 Dispożizzjonijiet tal-abbozz ta’ ftehim

9.      L-Artikolu 14a ta’ dan l-abbozz jipprovdi:

“Dritt applikabbli

1.      Meta tieħu konjizzjoni ta’ każ li bih hija tiġi adita skont dan il-ftehim, il‑Qorti tal-privattiva għandha tosserva d-dritt Komunitarju u tibbaża d‑deċiżjonijiet tagħha fuq:

(a)      dan il-ftehim;

(b)      il-leġiżlazzjoni Komunitarja direttament applikabbli, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill […] dwar il-privattiva Komunitarja, u l‑leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati kontraenti li jimplementaw il‑leġiżlazzjoni Komunitarja; […]

(c)      il-Konvenzjoni dwar il-privattiva Ewropea u l-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata mill-Istati kontraenti skont din il-konvenzjoni;

(d)      kull dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali applikabbli għall-privattivi u li jorbtu lill-partijiet kontraenti kollha.

2.      Fil-każijiet fejn il-Qorti tal-privattiva tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq il‑leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati kontraenti, il-liġi applikabbli hija ddeterminata:

(a)      permezz tad-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tal-leġiżlazzjoni Komunitarja; jew

(b)      fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet direttament applikabbli tal‑leġiżlazzjoni Komunitarja, permezz tal-istrumenti internazzjonali tad-dritt internazzjonali privat li għalihom il-partijiet kontraenti kollha huma parti; jew

(c)      fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet previsti fil-punti (a) u (b), permezz tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt internazzjonali privat iddeterminati mill-Qorti tal-privattivi.

3.      Stat kontraenti li ma huwiex parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għandu jqiegħed fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal‑leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward tad-dritt sostantiv tal-privattivi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.    L-Artikolu 15 tal-abbozz ta’ ftehim huwa redatt kif ġej:

“Ġurisdizzjoni

1.      Il-Qorti tal-privattivi għandha ġurisdizzjoni esklużiva fuq:

a)      l-azzjonijiet għal ksur jew theddid ta’ ksur ta’ privattivi u ċertifikati supplementari ta’ protezzjoni u d-difiżi marbuta magħhom, inklużi t‑talbiet rikonvenzjonali dwar il-liċenzji;

a1)      l-azzjonijiet għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur;

b)      l-azzjonijiet għall-ksib ta’ miżuri provviżorji u ta’ protezzjoni jew ordnijiet;

c)      l-azzjonijiet għall-annullament jew it-talbiet rikonvenzjonali għall‑annullament ta’ privattivi;

d)      l-azzjonijiet għad-danni jew għal kumpens li joriġinaw mill‑protezzjoni provviżorja mogħtija minn applikazzjoni għal privattiva ppubblikata;

e)      l-azzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tal-invenzjoni qabel il-ħruġ tal‑privattiva jew id-dritt ibbażat fuq użu preċedenti tal-privattiva;

f)      it-talbiet għall-għoti jew għar-revoka ta’ liċenzji obbligatorji fuq il‑privattivi Komunitarji; u

g)      l-azzjonijiet għal kumpens fir-riward tal-liċenzji […]

2.)      Il-qrati nazzjonali tal-Istati kontraenti għandhom ġurisdizzjoni fuq l‑azzjonijiet marbuta mal-privattivi Komunitarji u mal-privattivi Ewropej li ma jaqgħux fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-privattiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.    Il-ġurisdizzjoni territorjali tad-diversi diviżjonijiet tal-qorti tal-ewwel istanza tal-QP hija ddelimitata fl-Artikolu 15a(1) tal-abbozz ta’ ftehim bil-mod kif ġej:

“L-azzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(1)(a), (b), (d) u (e) għandhom jitressqu quddiem:

a)      id-diviżjoni lokali li tinsab fit-territorju tal-Istat kontraenti fejn ikun sar jew jista’ jsir il-ksur jew it-theddid ta’ ksur, jew quddiem id-diviżjoni reġjonali li fiha l-imsemmi Stat kontraenti jipparteċipa; jew

b)      id-diviżjoni lokali li tinsab fit-territorju tal-Istat kontraenti fejn il-konvenut huwa domiċiljat jew quddiem id-diviżjoni reġjonali li fiha l-imsemmi Stat kontraenti jipparteċipa.

L-azzjonijiet ippreżentati kontra konvenuti domiċiljati barra mit-territorju tal-Istati kontraenti għandhom jitressqu quddiem id-diviżjoni lokali jew id-diviżjoni reġjonali skont il-punt a).

Fil-każ li ma jkun hemm ebda diviżjoni lokali fit-territorju tal-Istat kontraenti u dan tal-aħħar ma jipparteċipax f’diviżjoni reġjonali, l-azzjonijiet għandhom jitressqu quddiem id-diviżjoni ċentrali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.    L-Artikolu 48 tal-imsemmi abbozz jistipula:

“1.      Meta l-qorti tal-ewwel istanza jkollha quddiemha kwistjoni li tinvolvi l‑interpretazzjoni tat-trattat [KE] jew il-validità u l-interpretazzjoni ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea, hija tista’, jekk tqis li jkun neċessarju sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni, titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja […] tagħti deċiżjoni fuq il-kwistjoni. Meta l-qorti tal-appell ikollha quddiemha kwistjoni bħal din, hija għandha titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja […] tagħti deċiżjoni fuq din il-kwistjoni.

2.      Id-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja […] dwar l-interpretazzjoni tat-trattat [KE] jew il-validità u l-interpretazzjoni ta’ atti adottati mill‑istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea hija vinkolanti fir-rigward tal‑qorti tal-ewwel istanza u tal-qorti tal-appell.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Evalwazzjonijiet li saru mill-Kunsill fit-talba tiegħu għal opinjoni

13.    Il-Kunsill jindika li “l-maġġoranza tal-[membri tiegħu] jqisu li l-ftehim previst jikkostitwixxi mezz legalment aċċettabbli sabiex jinkisbu l-għanijiet previsti. Madankollu, kien hemm numru ta’ preokkupazzjonijiet ta’ natura legali li ġew esposti u diskussi”. Il-Kunsill jispeċifika li “d-diversi kwistjonijiet ittrattati qegħdin jitressqu b’mod newtrali, mingħajr riferiment għal-livell ta’ sostenn mogħti lid-diversi perspettivi u mingħajr ma qiegħed jieħu pożizzjoni għal xi soluzzjoni partikolari jew oħra proposta”.

14.    Il-Kunsill jikkunsidra li l-ftehim previst ma għandux l-effett li jiżnatura l‑kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jorganizzaw l-istruttura tas-sistema ġudizzjarja prevista bil-mod li huma jqisu xieraq, inkluż billi jistabbilixxu qorti ta’ natura internazzjonali.

15.    Il-Kunsill jirrileva li l-obbligu impost fuq il-QP li josserva d-dritt tal-Unjoni huwa intiż li jkollu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna, inkwantu dan jirrigwarda mhux biss it-trattati u l-atti tal-istituzzjonijiet, iżda wkoll il-prinċipji ġenerali tal‑ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Ġabra tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.    L-osservazzjonijiet ippreżentati jwasslu jew għall-inammissibbiltà tat-talba għal opinjoni, jew għall-inkompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim mat-trattati, jew għan‑neċessità li jsiru emendi għal dan l-abbozz sabiex il-konformità tiegħu mat‑trattati tiġi żgurata, jew għall-kompatibbiltà tal-ftehim previst ma’ dawn tal‑aħħar.

 Osservazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

17.    Il-Parlament u l-Gvern Spanjol essenzjalment isostnu li t-talba għal opinjoni hija intempestiva u hija bbażata fuq informazzjoni inkompleta u insuffiċjenti, fid-dawl tal-għan tal-ftehim previst, tal-iżvilupp tax-xogħlijiet preparatorji u kif ukoll tal‑kuntest istituzzjonali u ġuridiku. Il-Parlament, min-naħa tiegħu, iqis ukoll li, peress li huwa ma ġiex ikkonsultat mill-Kunsill fi-rigward tal-abbozz ta’ regolament dwar il-privattiva Komunitarja, hemm dubji ġiex miksur il-prinċipju tal‑bilanċ istituzzjonali.

18.    L-Irlanda, filwaqt li tiddikjara li tappoġġja t-talba għal opinjoni, tikkunsidra li l‑Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura ruħha li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq din it-talba, b’mod partikolari fid-dawl tal-istadju milħuq mill‑proċess ta’ negozjati. Fil-fatt, it-test sottomess għall-opinjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja jikkostitwixxi biss, sostanzjalment, dokument ta’ xogħol li ma kisibx il-kunsens tal-membri kollha tal-Kunsill.

 Osservazzjonijiet li jwasslu għall-inkompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim mat‑trattati

19.    L-Irlanda kif ukoll il-Gvern Elleniku, Spanjol (b’mod sussidjarju), Taljan, Ċiprijott, Litwan u Lussemburgiż iqisu li l-abbozz ta’ ftehim huwa inkompatibbli mat-trattati.

20.    L-Irlanda ssostni li l-abbozz ta’ ftehim ma jiżgurax l-osservanza tas-supremazija tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jitqajmu fil-kawżi quddiem il‑QP. Huwa lanqas ma jiggarantixxi li din il-qorti tkun suġġetta għal obbligu ta’ interpretazzjoni li tevita, sa fejn ikun possibbli, kunflitti bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija jkollha tapplika u dispożizzjonijiet oħra ta’ natura nazzjonali u internazzjonali li jistgħu jkunu applikabbli.

21.    Il-Gvern Elleniku josserva li d-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta’ ftehim li jirrigwardaw il-ħolqien u l-funzjonament tad-diviżjonijiet tal-qorti tal-ewwel istanza tal-QP li jinsabu fi Stati terzi u li jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tal‑privattivi Komunitarji jqajmu l-kwistjoni tal-protezzjoni tal-awtonomija tal‑ordinament ġuridiku u tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni. Fil-fatt, it-trattati stabbilixxew qafas legali vinkolanti li fih l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jaġixxu meta jagħżlu kemm il-metodu ġenerali kif ukoll id‑dispożizzjonijiet konkreti marbuta mar-riżoluzzjoni ta’ tilwim dwar it-titoli ta’ proprjetà industrijali.

22.    Il-Gvern Spanjol, b’mod sussidjarju, jirrileva li l-abbozz ta’ ftehim huwa inkompatibbli mat-trattati, ladarba dan, b’mod partikolari, jippreġudika l‑Artikoli 19 TUE u 344 TFUE inkwantu jqiegħed inkwistjoni l-monopolju tal‑ġurisdizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwim fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, is-sistema prevista ma tiggarantix is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-QP ma taqax taħt l‑istruttura ġudizzjarja ta’ Stat Membru, u, għalhekk, in-nuqqasijiet li jitwettqu fir‑rigward tad-dritt tal-Unjoni minn tali qorti ma huma suġġetti għal ebda tip ta’ kontroll.

23.    Il-Gvern Taljan jenfasizza li l-abbozz ta’ ftehim għandu l-għamla ta’ att tad-dritt internazzjonali li permezz tiegħu l-Istati Membri u l-Istati partijiet għall-KPE qegħdin jittrasferixxu l-kompetenzi kostituzzjonali tagħhom fil-qasam ġudizzjarju lil qorti internazzjonali. Ladarba, fil-preżent, ma jeżistix titolu ta’ privattiva li jkopri t-territorju tal-Istati Membri kollha u lanqas ma teżisti sistema unitarja għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim f’dan il-qasam, l-Unjoni ma tistax tittrasferixxi l‑kompetenza ġudizzjarja tagħha lil korp internazzjonali. L-adeżjoni tal-Unjoni għall-KPE ma taffettwax lil din l-evalwazzjoni peress li l-qorti internazzjonali prevista li tinħoloq ma hijiex korp li jaqa’ taħt il-KPE. Konsegwentement, fin‑nuqqas ta’ bażi legali, il-ftehim previst ma huwiex kompatibbli mad‑dispożizzjonijiet tat-trattati.

24.    Il-Gvern Ċiprijott iqis li l-ħolqien tal-QP imur kontra l-kompetenzi esklużivi mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Qorti Ġenerali, kif iddefiniti fid-diversi mezzi ta’ azzjoni legali previsti fit-trattati.

25.    Il-Gvern Litwan jikkunsidra li, fid-dawl tal-fatt li l-ftehim previst ma jistax jiġi konkluż fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-trattati, dan huwa inkompatibbli ma’ dawn tal-aħħar. L-abbozz ta’ ftehim ma jiggarantix iż-żamma tal-awtonomija tad‑dritt tal-Unjoni u n-natura essenzjali tas-setgħat mogħtija mit-trattati lill‑istituzzjonijiet tal-Unjoni.

26.    Il-Gvern Lussemburgiż isostni li t-trattati ma jipprovdu ebda bażi legali li jippermettu t-trasferiment ta’ kompetenzi bħalma huma dawk previsti fl-abbozz ta’ ftehim lil qorti bħalma hija l-QP. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u l‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jkopru l-awtonomija u l-omoġeneità tal‑ordinament ġuridiku u tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni jipprekludu l-ħolqien ta’ din il-qorti. It-trattati u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jeħtieġu li l‑kompetenzi li l-ftehim jipprevedi li jattribwixxi lill-QP jistgħu jiġu eżerċitati biss mill-Qorti tal-Ġustizzja nfisha.

 Osservazzjonijiet li jwasslu għall-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim mat-trattati kemm-il darba jsiru emendi għal dan l-abbozz

27.    Il-Parlament, b’mod sussidjarju, il-Gvern Belġjan u dak Franċiż u kif ukoll il‑Kummissjoni, filwaqt li jikkunsidraw li l-abbozz ta’ ftehim huwa, fil-prinċipju, kompatibbli mat-trattati, jirrakkomandaw numru ta’ emendi għal dan l-abbozz.

28.    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara t-talba tal-Kunsill ammissibbli, il‑Parlament iqis li jkun opportun li jiġi indikat, fit-test tal-ftehim innifsu, il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna tal-obbligu impost fuq il-QP li tosserva d-dritt tal‑Unjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi s-sentenzi futuri tagħha. Ikun meħtieġ ukoll li jiġi speċifikat li l-QP tkun marbuta tiżgura l‑protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

29.    Fir-rigward tal-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista, il‑Parlament josserva li jkun xieraq li tiġi introdotta sistema li permezz tagħha l‑Kummissjoni tkun tista’ tintervjeni fil-proċeduri ppreżentati quddiem il-QP. Jista’ wkoll ikun utli li l-QP tkun suġġetta għal obbligu espliċitu li tirreferi lill‑Qorti tal-Ġustizzja kull kwistjoni li tinvolvi l-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

30.    Il-Gvern Belġjan jipproponi li, għat-talba għal opinjoni tal-Kunsill, il-Qorti tal‑Ġustizzja twieġeb li l-ftehim previst huwa kompatibbli mat-trattati kemm-il darba il-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari tkun ikkompletata permezz ta’ mekkaniżmi li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza tas-supremazija u tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

31.    Il-Gvern Franċiż isostni li l-abbozz ta’ ftehim huwa, fil-prinċipju, kompatibbli mat-trattati. Madankollu, il-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista għandha tiġi kkompletata b’mekkaniżmu miftuħ għall-partijiet u/jew, fejn applikabbli, għall-Istati Membri u kif ukoll għall-Kummissjoni, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tas-supremazija tiegħu mill-QP. Tista’ tiġi pprovduta wkoll il-possibbiltà ta’ appell fl-interess tal-liġi, fuq l‑inizjattiva tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru jew ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja tas-sentenzi tal-qorti tal-appell tal-QP, fil-każ ta’ periklu serju għall-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

32.    Il-Kummissjoni tqis li l-ftehim previst huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattati, sakemm il-fakultà li wieħed jinħall, f’kull mument, minn dan il-ftehim tkun rikonoxxuta mhux biss lill-Istati terzi, iżda wkoll lill-Unjoni u lill-Istati Membri.

 Osservazzjonijiet li jwasslu għall-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim mat-trattati

33.    Il-Gvern Ċek, Daniż, Ġermaniż, Estonjan, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Sloven, Finlandiż u Svediż, kif ukoll dak tar-Renju Unit, isostnu li l-abbozz ta’ ftehim huwa kompatibbli mat-trattati.

34.    Il-Gvern Ċek iqis li dan l-abbozz ta’ ftehim huwa kompatibbli mat-trattati inkwantu dan josserva r-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tal-awtonomija tad‑dritt tal-Unjoni u tas-supremazija tiegħu peress li, b’mod partikolari, il-QP tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talbiet għal deċiżjonijiet preliminari.

35.    Il-Gvern Daniż jirrimarka li l-abbozz ta’ ftehim ma jmurx kontra r-regoli istituzzjonali stipulati fit-trattati u li l-ftehim għandu jiġi konkluż kemm mill‑Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri, skont l-Artikoli 81 TFUE u 114 TFUE.

36.    Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista fl‑abbozz ta’ ftehim hija konformi mat-trattati. B’mod partikolari, l‑Artikolu 262 TFUE ma jipprekludix din is-sistema. Barra minn hekk, jinżammu s-supremazija u l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Is-sistema ġudizzjarja prevista ma tinvolvix “żnaturament” tal-kompetenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja u ma tissuġġettax lill-Unjoni għal interpretazzjoni partikolari tad‑dritt fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompetenzi interni tagħha.

37.    Il-Gvern Estonjan josserva li l-abbozz ta’ ftehim ma jirrigwardax biss il‑kompetenzi tal-Unjoni iżda wkoll dawk tal-Istati Membri, b’tali mod li l‑Artikolu 352 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-konklużjoni tal‑ftehim previst. La s-supremazija, la l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal‑Unjoni u lanqas il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiddaħħlu inkwistjoni mill-abbozz ta’ ftehim.

38.    Il-Gvern Olandiż jenfasizza li l-Artikolu 262 TFUE ma jostakolax l-abbozz ta’ ftehim. Barra minn hekk, dan tal-aħħar ma jippreġudikax l-unità u l-integrità tad‑dritt tal-Unjoni. Il-ftehim previst lanqas ma għandu l-konsegwenza li jimmodifika s-sistema ta’ protezzjoni legali u ta’ stħarriġ ġudizzjarju eżerċitata mill-qrati nazzjonali u mill-qrati tal-Unjoni, kif previst mit-trattati, u lanqas ma jippreġudikaha.

39.    Il-Gvern Pollakk isostni li l-għoti tal-kompetenzi previsti lill-QP huma fil‑prinċipju kompatibbli mat-trattati u li l-Artikolu 262 TFUE ma jostakolax dan. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ atti tal-Unjoni fir-rigward tal-qasam tal-privattivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi attribwita b’ġurisdizzjoni esklużiva f’dan il-qasam. Barra menn hekk, l-abbozz ta’ ftehim ma jippreġudikax is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista tiggarantixxi l-uniformità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam inkwistjoni.

40.    Il-Gvern Portugiż isostni li l-għoti tal-kompetenzi previsti lill-QP huwa kompatibbli mat-trattati. L-oġġezzjonijiet imressqa fir-rigward tar-riskji inkorsi fir-rigward tas-supremazija u l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma humiex fondati. Fid-dawl tal-komplessità tas-suġġett u l-għan li tiġi stabbilita sistema unitarja ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fl-Ewropa, għandhom jiġu mfittxija “soluzzjonijiet flessibbli” li jistgħu jwieġbu għal dan il-għan. L‑abbozz ta’ ftehim iwieġeb għal din l-isfida.

41.    Il-Gvern Rumen josserva li l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni hija ggarantita bl-obbligu tal-QP li tosserva d-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà jew l‑obbligu, skont il-każ, tal-QP li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari, kif ukoll bl-effetti vinkolanti tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal‑Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tat-trattati ma tipprekludi li ftehim internazzjonali jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għall‑finijiet tal-eventwali applikazzjoni tagħhom fi Stati terzi.

42.    Il-Gvern Sloven iqis li l-għoti lill-QP ta’ ġurisdizzjoni esklużiva fir-rigward ta’ tilwim dwar il-validità u/jew l-effetti ta’ privattiva Komunitarja huwa kompatibbli mat-trattati. La l-Artikolu 257 TFUE u lanqas l-Artikolu 262 TFUE ma jikkundizzjonaw l-għażla tal-qafas ġudizzjarju f’dan il-qasam. L-Artikoli 14a u 48 tal-abbozz ta’ ftehim jiggarantixxu l-awtonomija u l-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

43.    Il-Gvern Finlandiż isostni li, peress li l-ftehim previst għandu bħala għan u kontenut il-ħolqien ta’ sistema ġudizzjarja internazzjonali fil-qasam tal-privattivi, il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim għan-nom tal-Unjoni għandha tkun ibbażata kemm fuq l-Artikolu 262 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 352 TFUE. Barra minn hekk, l‑abbozz ta’ ftehim ma jqajjem ebda problema ta’ kompatibbiltà mat-trattati.

44.    Il-Gvern Svediż jenfasizza li l-abbozz ta’ ftehim jiggarantixxi applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex żnaturati u s-setgħa esklużiva tagħha li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Unjoni ma tiddaħħalx inkwistjoni.

45.    Il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li l-ftehim previst għandu jiġi konkluż bħala ftehim imħallat. In-natura essenzjali tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja hija protetta fl-ambitu tas-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim maħsuba mill-ftehim previst, peress li la l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas l‑effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet tagħha ma huma affettwati. L-għoti ta’ kompetenzi lill-QP għal kawżi marbuta mal-validità u/jew l-applikazzjoni tal‑privattivi Komunitarji huwa kompatibbli mat-TFUE. Fl-ambitu tas-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim maħsuba mill-ftehim previst, is-superjorità tad-dritt tal‑Unjoni hija ggarantita. Il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 48 tal-abbozz ta’ ftehim, li jagħti lill-QP is-setgħa li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, hija kompatibbli mat-trattati.

 Teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni

46.    L-osservazzjonijiet li saru fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni jipprevedu, essenzjalment, tliet kwistjonijiet, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-livell ta’ preċiżjoni tal-kontenut tal-ftehim previst, fit-tieni lok, l-istadju tax-xogħlijiet preparatorji u, fit-tielet lok, l-osservanza tal-bilanċ istituzzjonali.

47.    Qabel ma tingħata tweġiba għal dawn it-tliet kwistjonijiet, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 218(11) TFUE, il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew Stat Membru jista’ jikseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kompatibbiltà ta’ ftehim previst mad-dispożizzjonijiet tat-trattati. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipprekludi l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minn kontestazzjonijiet legali fir-rigward tal-kompatibbiltà mat-trattati ta’ ftehim internazzjonali li jinvolvu lill‑Unjoni (ara Opinjoni 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I‑1759, punt 3, u Opinjoni 1/08, tat-30 ta’ Novembru 2009, Ġabra p. I‑11129, punt 107).

48.    Fil-fatt, deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata possibbilment, wara l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jinvolvi lill-Unjoni, li dan huwa, minħabba l-kontenut tiegħu jew il-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu, inkompatibbli mad‑dispożizzjonijiet tat-trattati ma tonqosx milli toħloq, mhux biss fil-livell intern tal-Unjoni, iżda wkoll f’dak tar-relazzjonijiet internazzjonali, diffikultajiet serji u riskju ta’ preġudizzju lill-partijiet kollha kkonċernati, inklużi l-Istati terzi (ara l-Opinjoni 3/94, tat-13 ta’ Diċembru 1995, Ġabra p. I‑4577, punt 17).

49.    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni tal-livell ta’ preċiżjoni tal-abbozz ta’ ftehim, għandu jiġi mfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tippronunzja ruħha fuq il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet ta’ ftehim previst mar-regoli tat‑trattat, huwa neċessarju li din ikollha elementi suffiċjenti dwar il-kontenut stess ta’ dan il-ftehim (ara l-Opinjoni 2/94, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 sa 22).

50.    Fil-każ ineżami, il-Kunsill ipprovda lill-Qorti tal-Ġustizzja t-test sħiħ tal-abbozz ta’ ftehim li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni u l-modalitajiet ta’ funzjonament tal-QP, il-kompetenzi tagħha u d-diversi tipi ta’ azzjoni kif ukoll dwar id-dritt applikabbli u l-effetti tad-deċiżjonijiet ta’ din il‑qorti.

51.    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kuntest tal-abbozz tal-ftehim huwa invokat fit-talba għal opinjoni. Fil-fatt, dan l-abbozz jagħmel parti minn serje ta’ miżuri, li fil-preżent qed jiġu studjati fi ħdan diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħalma huwa l-ħolqien ta’ privattiva Komunitarja bħala titolu ġdid ta’ proprjetà intellettwali u l-adeżjoni tal-Unjoni għall-KPE.

52.    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija għandha biżżejjed informazzjoni fir-rigward tal-kontenut u l-kuntest tal-ftehim previst.

53.    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni ta’ jekk il-proċess deċiżjonali dwar l‑abbozz ta’ ftehim laħaqx stadju avvanzat biżżejjed li jippermetti lill-Qorti tal‑Ġustizzja tippronunzja ruħha fuq il-kompatibbiltà ta’ dan l-abbozz mat-trattati, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi adita b’talba għal opinjoni qabel ma jinbdew negozjati fil-livell internazzjonali, meta l-għan tal-ftehim previst ikun magħruf, anki jekk ikun għad hemm numru ta’ alternattivi li jkunu għadhom miftuħa u diverġenzi marbuta mar-redazzjoni tat-testi inkwistjoni, jekk id-dokumenti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jippermettulha tgħaddi ġudizzju li jkun suffiċjentement ċert fir-rigward tal-kwistjoni mqajma mill-Kunsill (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/78, tal-4 ta’ Ottubru 1979, Ġabra p. 2871, punt 34) u li l‑ammissibbiltà ta’ talba għal opinjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li l‑Kunsill ma jkunx għadu adotta d-deċiżjoni li jagħti bidu għan-negozjati fil-livell internazzjonali (ara l-Opinjoni 2/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

54.    Fir-rigward tat-talba preżenti, għandu jiġi rrimarkat li l-proposta li tinħoloq sistema ġudizzjarja unifikata fil-qasam tal-privattivi kienet qiegħda tiġi studjata mill-Kunsill fil-mument meta l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita. Il-fatt li l-abbozz ta’ ftehim jew ċerti abbozzi ta’ miżuri leġiżlattivi marbuta mill-qrib miegħu, bħalma hija l-proposta ta’ regolament dwar il-privattiva Komunitarja, ma humiex, bħalissa, unanimament sostnuti fi ħdan il-Kunsill ma jistax, fih innifsu, jaffettwa l‑ammissibbiltà ta’ din it-talba għal opinjoni.

55.    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kwistjoni mqajma fir-rigward tal-bilanċ istituzzjonali, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà li tiġi ppreżentata talba għal opinjoni, taħt l-Artikolu 218(11) TFUE, ma tirrikjedix, bħala kundizzjoni preliminari, ftehim definittiv bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati. Fil-fatt, id-dritt mogħti lill-Kunsill, lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opinjoni tagħha jista’ jiġi eżerċitat b’mod individwali, mingħajr ebda azzjoni kkoordinata u mingħajr stennija għar-riżultat finali ta’ proċedura leġiżlattiva relattiva. Fi kwalunkwe każ, il-Parlament iżomm id-dritt li jintroduċi hu stess talba għal opinjoni.

56.    Għaldaqstant, il-fatt li l-adozzjoni tal-ftehim inkwistjoni tista’ ssir biss wara l-konsultazzjoni, jew l-approvazzjoni tal-Parlament u li l-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi relatati li jista’ jkun hemm fi ħdan l-Unjoni, bħar-regolament futur dwar il-privattiva Komunitarja, tkun suġġetta għal proċedura leġiżlattiva li tinvolvi lil din l-istituzzjoni ma għandu ebda effett fuq il-fakultà mogħtija lill‑Kunsill, taħt l-Artikolu 218(11) TFUE, li jitlob opinjoni mingħand il-Qorti tal‑Ġustizzja.

57.    Għalhekk, it-talba għal opinjoni ppreżentata mill-Kunsill hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

–       Osservazzjonijiet preliminari

58.    Filwaqt li din it-talba għal opinjoni u l-osservazzjonijiet sottomessi quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja rreferew għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tat‑Trattat KE, l-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet imqajma għandha, madankollu, issir fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-TUE u tat-TFUE, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, jiġifieri wara l-preżentata tat-talba tal-Kunsill fis-6 ta’ Lulju 2009.

59.    Għandu wkoll jiġi ppreċiżat li l-kwistjoni li tinsab fil-qofol ta’ din it-talba għal opinjoni ma tikkonċernax il-kompetenzi tal-QP fil-qasam tal-privattiva Ewropea, iżda dawk marbuta mal-privattiva Komunitarja futura.

–       Fuq il-kompatibbiltà tal-abbozz ta’ ftehim mat-trattati

60.    Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra utli li twieġeb għal kunsiderazzjonijiet imressqa minn numru ta’ Stati Membri fis-sens li l‑Artikoli 262 TFUE u 344 TFUE jistgħu jipprekludu t-trasferiment tal‑kompetenzi previsti.

61.    Fir-rigward tal-Artikolu 262 TFUE, dan ma jistax jipprekludi l-ħolqien tal-QP. Minkejja li huwa veru li dan l-artikolu jippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi fdata b’ċerti kompetenzi previsti li jingħataw lill-QP, il-mod indikat mill-imsemmi artikolu ma huwiex l-uniku mod konċepibbli sabiex tinħoloq qorti unifikata fil‑qasam tal-privattivi.

62.    Fil-fatt, l-Artikolu 262 TFUE jipprevedi l-possibbiltà ta’ estensjoni tal-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni għat-tilwim marbut mal-applikazzjoni ta’ atti tal-Unjoni li joħolqu titoli Ewropej ta’ proprjetà intellettwali. Konsegwentement, dan ma jistabbilixxix monopolju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ikkunsidrat u ma jiddeterminax minn qabel l-għażla tal-qafas ġudizzjarju li jista’ jiġi stabbilit għat‑tilwim bejn individwi dwar titoli tal-proprjetà intellettwali.

63.    Il-ħolqien tal-QP lanqas ma jmur kontra l-Artikolu 344 TFUE, peress li dan l‑artikolu sempliċement jipprekludi lill-Istati Membri milli jippreżentaw kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-trattati għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fihom. Issa, il-kompetenzi li l‑abbozz ta’ ftehim jipprevedi li jattribwixxi lill-QP jinvolvu biss it-tilwim bejn individwi fil-qasam tal-privattivi.

64.    Peress li l-abbozz ta’ ftehim jistabbilixxi, essenzjalment, struttura ġudizzjarja ġdida, għal finijiet ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-ħolqien tal-QP ma’ dawn l-elementi, għandu, fl-ewwel lok, isir riferiment għall-elementi fundamentali tal‑ordinament ġuridiku tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni.

65.    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-trattati fundaturi tal-Unjoni stabbilixxew, b’mod differenti mit-trattati internazzjonali ordinarji, ordinament ġuridiku ġdid, b’istituzzjonijiet tiegħu, li għall-benefiċċju tiegħu l‑Istati llimitaw, f’oqsma li dejjem jikbru, id-drittijiet sovrani tagħhom u li għalih huma suġġetti mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos, 26/62, Ġabra. p. 1, 3, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, Ġabra p. 1141, 1149). Il‑karatteristiċi essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni hekk ikkostitwit huma, b’mod partikolari, is-supremazija tiegħu fuq id-dritt rispettiv tal-Istati Membri kif ukoll l-effett dirett ta’ serje sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għalihom stess (ara l-Opinjoni 1/91, tal-14 ta’ Diċembru 1991, Ġabra p. I‑6079, punt 21).

66.    Kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri għadhom jaraw li dan l-ordinament ġuridiku u s-sistema ġudizzjarja tal‑Unjoni jkunu rrispettati.

67.    Barra minn hekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura l-osservanza tal‑awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif maħluqa mit-trattati (ara l‑Opinjoni 1/91, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

68.    Għandu wkoll jiġi rrilevat li huwa l-kompitu tal-Istati Membri, b’mod partikolari, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stipulat fit-tielet subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) TUE, li jiżguraw, fit-territorju rispettiv tagħhom, l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, Oelmühle u Schmidt Söhne, C‑298/96, Ġabra p. I‑4767, punt 23). Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw li l-obbligi li joħroġu mit-trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni jitwettqu. F’dan il-kuntest, huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69.    Fil-fatt, il-qorti nazzjonali tissodisfa, flimkien mal-Qorti tal-Ġustizzja, funzjoni li ġiet attribwita lilhom b’mod komuni, fid-dawl li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-trattati (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 16, kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et, C-422/93 sa C-424/93, Ġabra p. I‑1567, punt 15).

70.    Barra minn hekk, is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni hija kkostitwita minn ġabra kompluta ta’ rimedji u proċeduri intiżi sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal‑atti tal-istituzzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 40).

71.    Fir-rigward tal-karatteristiċi tal-QP, għandu, qabelxejn, jiġi osservat li din il-qorti tinsab barra mill-qafas istituzzjonali u ġudizzjarju tal-Unjoni. Fil-fatt, din ma tifformax parti mis-sistema ġudizzjarja prevista fl-Artikolu 19(1) TUE. Il-QP hija organizzazzjoni vestita b’personalità ġuridika taħt id-dritt internazzjonali.

72.    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tal-abbozz ta’ ftehim, il-QP hija vestita b’ġurisdizzjoni esklużiva għal numru kbir ta’ azzjonijiet intiżi għal individwi fil‑qasam tal-privattivi. Din il-ġurisdizzjoni tinvolvi, b’mod partikolari, azzjonijiet għal ksur jew theddid ta’ ksur ta’ privattivi, it-talbiet rikonvenzjonali dwar il‑liċenzji, l-azzjonijiet għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur, l-azzjonijiet għall‑ksib ta’ miżuri provviżorji u ta’ protezzjoni, l-azzjonijiet għall-annullament jew it-talbiet rikonvenzjonali għall-annullament ta’ privattivi, l-azzjonijiet għad‑danni jew għal kumpens li joriġinaw mill-protezzjoni provviżorja mogħtija minn applikazzjoni għal privattiva ppubblikata, l-azzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tal-invenzjoni qabel il-ħruġ tal-privattiva jew id-dritt ibbażat fuq użu preċedenti tal-privattiva, it-talbiet għall-għoti jew għar-revoka ta’ liċenzji obbligatorji fuq il‑privattivi Komunitarji, kif ukoll l-azzjonijiet għal kumpens fir-riward tal‑liċenzji. B’dan il-mod, il-qrati tal-Istati kontraenti, inklużi dawk tal-Istati Membri, ma jkollhomx din il-ġurisdizzjoni u għalhekk jibqgħalhom biss kompetenzi li ma jaqgħux fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-QP.

73.    Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 14a tal-abbozz ta’ ftehim, il-QP, fl‑eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, għandha l-kompitu li tinterpreta u tapplika d‑dritt tal-Unjoni. Din il-qorti hija attribwita sostanzjalment bil-ġurisdizzjoni ratione materiae, li normalment hija eżerċitata mill-qrati nazzjonali, li tiġi adita b’tilwim li jaqa’ fil-qasam tal-privattiva Komunitarja u li tiżgura, f’dan il-qasam, l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-protezzjoni ġudizzjarja tad‑drittijiet li l-individwi għandhom taħt dan id-dritt.

74.    Fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali, li jipprevedi l-ħolqien ta’ qorti inkarigata bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu, huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali ftehim ma huwiex, fil-prinċipju, inkompatibbli mad-dritt tal‑Unjoni. Fil-fatt, il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-kapaċità tagħha li tikkonkludi ftehim internazzjonali jinvolvu neċessarjament il-fakultà li tissuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ qorti maħluqa jew innominata taħt dawn il-ftehim, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l‑applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom (ara l-Opinjoni 1/91, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 70).

75.    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li ftehim internazzjonali konkluż ma’ Stati terzi jista’ jattribwixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja kompetenzi ġodda ta’ ġurisdizzjoni kemm-il darba dan ma jiżnaturax il-funzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja kif maħsuba fit-Trattat UE u t-Trattat FUE (ara, b’analoġija, l‑Opinjoni 1/92, tal-10 ta’ April 1992, Ġabra p. I‑2821, punt 32).

76.    Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li ftehim internazzjonali jista’ jkollu effetti fuq il-kompetenzi tagħha stess kemm-il darba jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet essenzjali ta’ protezzjoni tan-natura tagħhom u, konsegwentement, ma jkunx hemm periklu għall-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara l‑Opinjoni 1/00, tat-18 ta’ April 2002, Ġabra p. I‑3493, punti 21, 23 u 26).

77.    Madankollu, is-sistemi ġudizzjarji li kienu s-suġġett tal-opinjonijiet hawn fuq imsemmija kienu intiżi, essenzjalment, sabiex jirriżolvu tilwim dwar l‑interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stess tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni. Barra minn hekk, filwaqt li pprovdew kompetenzi partikolari għal qrati ta’ Stati terzi sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjonijiet preliminari, l-imsemmija sistemi ma kinux jaffettwaw il‑ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri fir-rigward tal-interpretazzjoni u l‑applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, lanqas il-fakultà, jew l-obbligu, ta’ dawn tal‑aħħar li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja bi proċedura għal deċiżjoni preliminari u l-ġurisdizzjoni ta’ din li tirrispondi f’dan ir-rigward.

78.    Min-naħa l-oħra, il-qorti internazzjonali prevista f’dan l-abbozz ta’ ftehim hija mitluba tinterpreta u tapplika mhux biss id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, iżda wkoll ir-regolament futur dwar il-privattiva Komunitarja kif ukoll strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari regolamenti u direttivi li flimkien magħhom l-imsemmi regolament għandu, fejn applikabbli, jinqara konġuntament, jiġifieri dispożizzjonijiet ta’ korpi oħra ta’ proprjetà intellettwali, kif ukoll ta’ regoli tat‑Trattat FUE fir-rigward tas-suq intern u d-dritt tal-kompetizzjoni. Bl-istess mod, il-QP tista’ tintalab sabiex tiddeċiedi tilwima pendenti quddiemha fid-dawl tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jew sabiex teżamina l-validità ta’ att tal-Unjoni.

79.    Fir-rigward tal-abbozz ta’ ftehim sottomess għall-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi osservat li l-QP:

–        tissostitwixxi, fil-qasam tal-ġurisdizzjoni esklużiva tiegħu, stipulata fl‑Artikolu 15 ta’ dan l-abbozz ta’ ftehim, lill-qrati nazzjonali,

–        iċċaħħad, għalhekk, lil dawn tal-aħħar mill-fakultà li jadixxu lill-Qorti tal‑Ġustizzja b’rinviji għal deċiżjonijiet preliminari fl-imsemmi qasam,

–        issir, fil-qasam tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha, l-interlokutur ġudizzjarju uniku tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni u

–        hija responsabbli, fil-kuntest tal-imsemmija ġurisdizzjoni, skont l‑Artikolu 14a tal-imsemmi abbozz ta’ ftehim, sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt tal-Unjoni.

80.    Minkejja li huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex vestita b’ġurisdizzjoni sabiex tippronunzja ruħha fuq azzjonijiet diretti bejn individwi fil-qasam tal‑privattivi, peress li din hija l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri, dawn tal‑aħħar ma jistgħux madankollu jattribwixxu l-ġurisdizzjoni għar-riżoluzzjoni ta’ tali tilwim lil qorti maħluqa permezz ta’ ftehim internazzjonali, li jċaħħad l‑imsemmija qrati mill-funzjoni tagħhom ta’ implementazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni, bħala qrati ta’ “dritt komuni” fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u, minħabba f’hekk, mill-fakultà prevista fl-Artikolu 267 TFUE, jew, skont il-każ, mill-obbligu li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari, fil-qasam inkwistjoni.

81.    Issa, l-abbozz ta’ ftehim jipprovdi għal mekkaniżmu ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari li jirriżerva għall-QP, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, il-fakultà li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari filwaqt li l-qrati nazzjonali titneħħielhom din il-fakultà.

82.    Għandu jiġi enfasizzat li s-sitwazzjoni tal-QP prevista mill-abbozz ta’ ftehim hija differenti minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, li kienet is-suġġett tas‑sentenza tal-4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior (C-337/95, Ġabra p. I‑6013, punti 21 sa 23). Fil-fatt, peress li din kienet qorti komuni għal diversi Stati Membri, li jinsabu, konsegwentement, fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, id‑deċiżjonijiet tagħha huma suġġetti għal mekkaniżmi ta’ natura li jiżguraw l‑effikaċità sħiħa tar-regoli tal-Unjoni.

83.    Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-Artikolu 267 TFUE, li huwa essenzjali għaż‑żamma tan-natura Komunitarja tad-dritt istitwit mit-trattati, għandu l-għan li jiżgura għal dan id-dritt, fiċ-ċirkustanzi kollha, l-istess effett fl-Istati Membri kollha. Il-mekkaniżmu ta’ deċiżjoni preliminari hekk stabbilit huwa intiż sabiex jipprekludi diverġenzi fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom japplikaw u huwa intiż sabiex jiżgura din l-applikazzjoni billi jipprovdi lill-qorti nazzjonali mezz sabiex jelimina d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu mir‑rekwiżit li d-dritt tal-Unjoni jingħata l-effett sħiħ tiegħu fil-kuntest tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali għandhom l‑iktar fakultà wiesgħa, jew l-obbligu, li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jinvolvu interpretazzjoni jew evalwazzjoni ta’ validità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni li jkunu jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħhom (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tas-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf, 166/73, Ġabra p. 33, punti 2 u 3, kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2008, Gourmet Classic, C‑458/06, Ġabra p. I‑4207, punt 20).

84.    Is-sistema stipulata fl-Artikolu 267 TFUE tistabbilixxi, għalhekk, kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li fl-ambitu tagħha dawn tal‑aħħar jipparteċipaw mill-qrib fl-applikazzjoni tajba u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll fil-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija minn dan l-ordinament ġuridiku lill-individwi.

85.    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-funzjonijiet attribwiti, lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, huma essenzjali għaż-żamma tan-natura stess tad-dritt istitwit mit-trattati.

86.    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-prinċipju li Stat Membru għandu l-obbligu jagħti kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwit lilu japplika f’kull każ ta’ ksur ta’ dan id-dritt, tkun xi tkun l‑awtorità ta’ dak l-Istat li l-azzjoni jew in-nuqqas tagħha jkun ikkawża dan in‑nuqqas, u dan il-prinċipju japplika wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet speċifiċi, għall-korpi ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, Ġabra p. I‑10239, punti 31 u 33 sa 36; kif ukoll tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo, C‑173/03, Ġabra p. I‑5177, punti 30 u 31, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑154/08, punt 125).

87.    Għandu jingħad ukoll li, meta qorti nazzjonali twettaq ksur tad-dritt tal-Unjoni, id‑dispożizzjonijiet tal-Artikoli 258 TFUE sa 260 TFUE jipprevedu l-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita sabiex issir konstatazzjoni ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑129/00, Ġabra p. I‑14637, punti 29, 30 u 32).

88.    Issa, għandu jiġi kkonstatat li deċiżjoni tal-QP, li tikser id-dritt tal-Unjoni, ma tistax tkun is-suġġett ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u lanqas ma twassal għal xi forma ta’ responsabbiltà patrimonjali min-naħa ta’ Stat Membru jew diversi Stati Membri.

89.    Konsegwentement, peress li jattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tieħu konjizzjoni ta’ numru kbir ta’ azzjonijiet intiżi għal individwi fil-qasam tal‑privattiva Komunitarja u kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt tal‑Unjoni f’dan il-qasam lil qorti internazzjonali, li tinsab barra mill-qafas istituzzjonali u ġudizzjarju tal-Unjoni, il-ftehim previst iċaħħad lill-qrati tal-Istati Membri mill-ġurisdizzjoni tagħhom fir-rigward tal-interpretazzjoni u l‑applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja mill‑ġurisdizzjoni tagħha li tirrispondi, permezz ta’ deċiżjoni preliminari, għad‑domandi mressqa mill-imsemmija qrati u, minħabba f’hekk, jiżnatura l‑kompetenzi li t-trattati jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri li huma essenzjali għaż-żamma tan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) tagħti l-Opinjoni li ġejja:

Il-ftehim previst li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil‑qasam tal-privattivi (attwalment intitolat “Qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja”) ma huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE.

Il-Lussemburgu, 8 ta’ Marzu 2011

Firem