Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Ġermanja) fis-6 ta’ Lulju 2016 – Soha Sahyouni vs Raja Mamisch

(Kawża C-372/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht München

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Soha Sahyouni

Konvenut: Raja Mamisch

Domandi preliminari

1.    Il-każijiet ta’ divorzju privat, f’dan il-każ permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali ta’ wieħed mill-konjuġi quddiem qorti reliġjuża Sirjana fuq il-bażi tax-xarija, jidħlu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni previst mill-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 1 , tal-20 ta’ Diċembru 2010, li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali?

2.    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010, fil-każijiet ta’ divorzji privati, [l-eżami] tal-Artikolu 10 tiegħu

(1)    għandu jkun ibbażat in abstracto fuq paragun li minnu jirriżulta, fil-fatt, li l-liġi applikabbli skont l-Artikolu 8 tagħti wkoll lill-konjuġi l-ieħor aċċess għad-divorzju, iżda li, minħabba s-sess tal-konjuġi, dan id-divorzju huwa suġġett għal kundizzjonijiet proċedurali u sostantivi differenti minn dawk applikabbli għall-konjuġi l-ieħor,

jew

(2)    l-applikabbiltà ta’ din ir-regola tiddependi minn jekk l-applikazzjoni tad-dritt barrani, in abstracto diskriminatorja, hijiex diskriminatorja wkoll, in concreto, f’dan il-każ.

3.    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni alternattiva tat-tieni domanda:

Il-kunsens għad-divorzju mogħti mill-konjuġi ddiskriminat — inkluż fil-forma ta’ aċċettazzjoni min-naħa tiegħu ta’ prestazzjonijiet kumpensatorji — jikkostitwixxi diġà raġuni sabiex ir-regola hawn fuq iċċitata ma tiġix applikata.

____________

1 ĠU L 343, p. 10.